Keywords
Summary

Keywords

1. Oriġini tal-merkanzija — Determinazzjoni — Ipproċessar jew xogħol sostanzjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 24 u 249; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Anness 11)

2. Oriġini tal-merkanzija — Determinazzjoni — Ipproċessar jew xogħol sostanzjali

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 24; Regolament tal-Kummissjoni Nru 2454/93, Anness 11)

3. Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Unjoni doganali

(Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 47(1) sa (3); Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/95 KEE-Turkija, Artikoli 44 sa 47)

4. Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Unjoni doganali

(Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/95 KEE-Turkija, Artikolu 47)

5. Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Unjoni doganali

(Protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 47(2); Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/95 KEE-Turkija, Artikoli 46 u 47)

Summary

1. Operazzjoni ta’ assemblaġġ ta’ diversi elementi tikkostitwixxi pproċessar jew xogħol sostanzjali li tista’ titqies li tikkostitwixxi oriġini meta din tirrappreżenta, fid-dawl tal-lat tekniku u tad-definizzjoni tal-merkanzija in kwistjoni, l-istadju tal-produzzjoni determinanti li matulu tiġi kkonkretizzata d-destinazzjoni tal-komponenti użati u li matulu jingħataw lill-merkanzija in kwistjoni l-proprjetajiet kwalitattivi speċifiċi tagħha.

Madankollu, fid-dawl tal-varjetà ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ assemblaġġ, hemm sitwazzjonijiet fejn l-eżami fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ natura teknika jista’ ma jkunx konklużiv għad-determinazzjoni ta’ l-oriġini ta’ merkanzija. F’dawn il-każijiet, hemm lok li jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur miżjud mill-assemblaġġ bħala kriterju sussidjarju.

F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija tiddisponi minnha sabiex tadotta l-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u b’mod partikolari ta’ dawk relatati ma’ l-oriġini tal-merkanzija, għandha tadotta dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali li, bl-għan li tiġi żgurata ċertezza legali, jieħdu in kunsiderazzjoni, fit-tul, is-sitwazzjoni ġenerali ta’ settur industrijali u li, konsegwentement, ma jistgħux jiġu affettwati mis-sitwazzjoni partikolari, f’mument partikolari, ta’ din l-impriża jew l-oħra ta’ dan is-settur.

B’hekk, it-teħid in kunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-varjetà kbira ta’ operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ assemblaġġ fis-settur industrijali kollu kkonċernat jista’ jiġġustifika l-użu tal-kriterju tal-valur miżjud.

(ara l-punti 36-37, 45-46, 51 u d-dispożittiv 1)

2. Id-dispożizzjonijiet li jidhru fil-kolonna 3, fil-pożizzjoni 8528 tan-nomenklatura magħquda, imsemmija fl-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 2913/92, għandhom ikunu interpretati fis-sens illi, għall-kalkolu tal-valur miksub mir-riċevituri tat-televiżjoni bil-kulur matul il-manifattura tagħhom, mhemmx lok li tiġi stabbilita separatament l-oriġini mhux preferenzjali ta’ parti distinta, bħal chassis, assemblata mill-fornitur tal-prodott komplut. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni huma miktuba f’termini ġenerali u ma jagħtu ebda importanza deċiżiva, fl-istabbiliment ta’ l-oriġini tal-prodott ikkonċernat, lil komponent speċifiku tiegħu. Dak li huwa importanti huwa li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-komponenti kollha li realment u oġġettivament jintervjenu fl-assemblaġġ magħmul mill-impriża li tiffabrika l-prodott komplut. F’dan is-sens, la d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità u lanqas id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93 ma jipprovdu li evalwazzjoni bħal din tista’ ssir mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ kollha kemm huma. Dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprevedux li jittieħdu in kunsiderazzjoni, fil-proċess tal-manifattura tal-prodott, ċerti operazzjonijiet ta’ assemblaġġ għad-detriment ta’ ċerti oħrajn u lanqas għaldaqstant li tiġi iżolata artifiċjalment tali u tali parti li hija stess tirriżulta minn assemblaġġ magħmul mill-istess fornitur. F’dan ir-rigward, li jiġi ammess li waħda mill-partijiet assemblati mill-fornitur għandha tkun ikkunsidrata apparti, fil-proċess ta’ assemblaġġ, għaliex din tista’ b’hekk tikseb hija stess il-kwalità ta’ prodott oriġinali, ifisser li jħalli għall-evalwazzjoni ta’ l-importatur jew tal-fornitur tagħha l-kompitu li jiddetermina f’liema stadju ta’ dan il-proċess ta’ assemblaġġ wieħed mill-komponenti tal-prodott importat jikseb il-kwalità ta’ prodott komplut użat bħala materjal fil-proċess ta’ manifattura, fl-istess impriża, ta’ prodott ieħor. Approċċ bħal dan, li b’hekk jagħmel l-oriġini ta’ prodott tiddependi minn evalwazzjoni suġġettiva, inkompatibbli man-natura oġġettiva u prevedibbli tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi in kwistjoni, iċaħħad minn kull effett utili d-dispożizzjonijiet kontenzjużi ta’ l-Anness 11 tar-Regolament Nru 2454/93.

(ara l-punti 57-59, 73 u d-dispożittiv 2)

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija Nru 1/95, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta’ l-Unjoni Doganali, moqrija flimkien ma’ dawk ta’ l-Artikolu 47 (1) sa (3) tal-protokoll addizzjonali mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija u dawk ta’ l-Artikoli 45 sa 46 ta’ l-imsemmija deċiżjoni, m’għandhomx effett dirett quddiem il-qrati nazzjonali u b’hekk ma jippermettux lill-operaturi individwali jistrieħu b’mod validu fuq il-ksur tagħhom sabiex jopponu għall-ħlas ta’ dazji kontra d-dumping normalment dovuti.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, billi tiġi fdata lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija l-possibbiltà li jissospendi l-applikazzjoni ta’ l-għodda ta’ difiża kummerċjali, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 44(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/95 huma ta’ natura kundizzjonali, peress li dawn jissuġġettaw l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza għall-kundizzjoni li r-Repubblika tat-Turkija tkun applikat ir-regoli dwar il-kompetizzjoni u dwar il-verifika ta’ l-għajnuna mill-Istat, kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ l-acquis communautaire dwar is-suq intern, u tkun assigurat l-applikazzjoni effettiva tagħhom. Dispożizzjonijiet bħal dawn b’hekk jeħtieġu l-intervent ta’ miżuri oħra sabiex id-drittijiet ta’ l-operaturi jkunu affettwati u ma jkunux jistgħu jirregolaw direttament is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-individwi.

Fit-tieni lok, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47(1) sa (3) tal-protokoll addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija u dawk ta’ l-Artikolu 46 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, sa fejn dawn iħallu lill-partijiet kontraenti l-possibbiltà li jieħdu l-miżuri ta’ protezzjoni xierqa, ma’ jinkludu ebda obbligu. Anki jekk, barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jipprovdu li l-parti kontraenti kkonċernata għandha tinnotifika l-miżura lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, skond l-Artikolu 47 tal-protokoll addizzjonali, jew lill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali, skond l-Artikolu 46 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, huma b’hekk joħolqu obbligu biss fir-rigward tal-partijiet għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija. Din is-sempliċi formalità ta’ informazzjoni interistituzzjonali, li bl-ebda mod ma taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi ta’ l-individwi u li l-ksur tagħha jibqa’ bla effett fuq is-sitwazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar, mhijiex għaldaqstant ta’ tip li tagħti effett dirett lill-imsemmija dispożizzjonijiet.

Fit-tielet lok, fir-rigward ta’ l-Artikolu 45 tad-Deċiżjoni Nru 1/95, din id-dispożizzjoni sempliċement tħeġġeġ lill-partijiet kontraenti jikoordinaw l-azzjoni tagħhom permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u ta’ konsultazzjonijiet, u b’hekk lanqas ma tinkludi xi obbligu. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-effett dirett mhijiex konsegwentement inqas applikabbli għal din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 85-89, 91 u d-dispożittiv 3)

4. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta’ l-Unjoni Doganali, huma ta’ effett dirett u l-persuni li fir-rigward tagħhom huma japplikaw għandhom id-dritt li jistrieħu fuqhom quddiem il-qrati ta’ l-Istati Membri. Fil-fatt, dawn jenunċjaw fi kliem ċar, preċiż u inkundizzjonat, mingħajr mhuma suġġetti fl-eżekuzzjoni jew l-effetti tagħhom għall-intervent ta’ ebda att ieħor, obbligu għall-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ importazzjoni li jitolbu lill-importatur jindika, fuq id-dikjarazzjoni tad-dwana, l-oriġini tal-prodotti kkonċernati. Issa, fid-dawl ta’ l-għan u tan-natura tad-dispożizzjonijiet in kwistjoni, obbligu bħal dan, li jimmanifesta r-rieda tal-partijiet kontraenti li jeżiġu lill-importaturi jipprovduhom b’ċerta informazzjoni, jista’ jirregola direttament is-sitwazzjoni ġuridika ta’ l-operaturi.

(ara l-punti 90-91 u d-dispożittiv 3)

5. Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 47 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija Nru 1/95, dwar l-implementazzjoni tal-fażi definittiva ta’ l-Unjoni Doganali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jeħtiġux li tkun miġjuba għall-konoxxenza ta’ l-operaturi l-informazzjoni li l-partijiet kontraenti li adottaw miżuri kontra d-dumping għandhom jipprovdu lill-Kumitat Konġunt ta’ l-Unjoni Doganali skond l-Artikolu 46 tad-Deċiżjoni Nru 1/95 jew lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni skond l-Artikolu 47(2) tal-protokoll addizzjonali.

Fil-fatt, anki jekk l-operaturi kkonċernati għandhom id-dritt li jeżiġu li jkunu informati minn qabel u b’mod ċar u preċiż dwar miżuri kontra d-dumping li għalihom huma jistgħu jkunu suġġetti, u jekk, konsegwentement, miżuri bħal dawn għandhom ikunu s-suġġett ta’ pubblikazzjonijiet xierqa, b’mod partikolari fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea, dawn ir-rekwiżiti bl-ebda mod ma jimplikaw li l-imsemmija operaturi għandhom ikunu informati, barra minn dan, dwar il-formalitajiet li ġew stabbiliti biss fl-interess tal-partijiet kontraenti.

(ara l-punti 95, 97 u d-dispożittiv 4)