SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

20 ta’ Mejju 2008 ( *1 )

“Sigurtà soċjali — Allowances tal-familja — Sospensjoni tad-dritt għall-allowances — Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 10 tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 — Leġiżlazzjoni applikabbli — Għoti ta’ allowances fl-Istat Membru ta’ residenza li mhuwiex l-Istat kompetenti”

Fil-Kawża C-352/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura

Brigitte Bosmann

vs

Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Aachen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal B. Bosmann, minn H. Knops, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-29 ta’ Novembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif ukoll tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU 1997, L 28, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005 (ĠU L 117, p. 1, iktar ’il quddiem, rispettivament, ir-“Regolament Nru 1408/71” u r-“Regolament Nru 574/72”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn B. Bosmann u l-Bundesagentur für Arbeit — Familienkasse Aachen (Aġenzija Federali tal-Impjieg — Fond tal-allowances tal-familja ta’ Aachen, iktar ’il quddiem il-“Bundesagentur”) fir-rigward tar-rifjut ta’ għoti ta’ allowances tal-familja fil-Ġermanja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-Regolament Nru 1408/71

3

L-ewwel u l-ħames premessa tar-Regolament Nru 1408/71 huma fformulati kif ġej:

“Billi d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġislazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema li huma ċittadini ta’ l-Istati Membri u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg;

[…]

Billi huwa meħtieġ, fl-ambitu ta’ dak il-koordinament, li tkun iggarantita fl-ugwaljanza tat-trattament tal-Komunità taħt il-leġislazzjonijiet varji nazzjonali lill-ħaddiema li jgħixu fl-Istati Membri u d-dipendenti tagħhom u dawk li jkomplu jgħixu warajhom”.

4

It-tmien sal-għaxar premessa ta’ dan ir-regolament jistabbilixxu:

“Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk;

Billi l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fl-iskop;

Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha”.

5

L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a)

persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

6

Skont l-Artikolu 73 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji [allowances] tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

Ir-Regolament Nru 574/72

7

L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 574/72, intitolat “Regoli applikabbli fil-każ ta’ dħul fuq xulxin (overlapping) tad-drittijiet għall-benefiċċji tal-familja jew tal-allowances tal-familja għall-persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom”, jiddisponi:

a)

L-intitolament għall-benefiċċji jew allowances tal-familja dovuti taħt il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, skond liema l-akkwist tad-dritt għal dawk il-benefiċċji jew allowances mhux suġġett għall-kondizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni, l-impjieg jew l-impjieg għar-ras, ikun sospiż meta, waqt l-istess perjodu u għall-istess membru tal-familja, il-benefiċċji huma dovuti biss insegwitu għal-leġislazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor jew fl-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 73, 74, 77 jew 78 tar-Regolament [Nru 1408/71], sas-somma ta’ dawk il-benefiċċji

b)

Madanakollu, fejn attività professjonali jew kummerċjali titwettaq fit-territorju ta’ l-ewwel Stat Membru:

i)

fil-każ tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni biss ta’ Stat Membru ieħor jew taħt l-Artikoli 73 jew 74 tar-Regolament [Nru 1408/71] lill-persuna intitolata għall-benefiċċji tal-familja jew lill-persuna li lilha għandhom jitħallsu, id-dritt tal-benefiċċji dovuti jew taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor biss jew taħt dawn l-Artikoli jkunu sospiżi sas-somma tal-benefiċċji tal-familja pprovdut għalihom mil-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qiegħed jabita. L-ispiża tal-benefiċċji mħallsa mill-Istati Membri li fit-territorju tiegħu il-membru tal-familja qed jabita jitħallsu minn dak l-Istat Membru;

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8

L-Artikolu 62(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) tiddisponi:

“Rigward tfal fit-tifsira tal-Artikolu 63, persuna għandu jkollha l-jedd għall-allowances tal-familja skond din il-liġi jekk ikollha residenza fil-Ġermanja jew normalment toqgħod hemmhekk.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

B. Bosmann, ċittadina Belġjana li tgħix fil-Ġermanja, trabbi waħedha liż-żewġt itfal tagħha, rispettivament imwielda fl-1983 u fl-1985. Dawn ukoll jgħixu fil-Ġermanja fejn qed ikomplu l-istudji tagħhom.

10

Fil-bidu, B. Bosmann kellha dritt għall-allowances tal-familja Ġermaniżi hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 62 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul, li għall-ewwel, ġew lilha mogħtija mill-Bundesagentur. Madankollu, wara li fl-1 ta’ Settembru 2005, B. Bosmann bdiet twettaq attività professjonali fl-Olanda, il-ħlas ta’ dawn l-allowances ġie miċħud lilha mix-xahar ta’ Ottubru 2005, b’deċiżjoni tat-18-il ġurnata ta’ dak l-istess xahar. Il-Bundesagentur interpretat id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju fis-sens li B. Bosmann hija biss suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg, jiġifieri r-Renju tal-Olanda, b’mod illi r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tibqax ikkunsidrata bħala l-Istat kompetenti, sabiex iħallas dawn l-allowances.

11

B. Bosmann ma tistax tibbenefika fl-Olanda mill-allowances tal-familja korrispondenti minħabba l-fatt li l-leġiżlazzjoni Olandiż ma tipprovdix għall-għoti ta’ dawn għat-tfal ta’ iktar minn 18-il sena.

12

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li mhuwiex ippreċiżat jekk B. Bosmann tmurx lura fil-Ġermanja wara kull jum ta’ ħidma jew biss fil-każ ta’ tmiem il-ġimgħa u festi pubbliċi.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Köln iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament […] Nru 1408/71 […] għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

 

L-Artikolu 10 tar-Regolament […] Nru 574/72 […] għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv, sabiex ma jkunx prekluż il-jedd għall-allowances tal-familja fil-każ ta’ omm li qed trabbi lil uliedha waħidha fl-Istat ta’ residenza (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), li ma tirċevix allowances tal-familja fl-Istat ta’ impjieg (ir-Renju tal-Olanda) minħabba fl-età tat-tfal?

3)

Jekk ir-risposti għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda huma wkoll fin-negattiv:

 

Omm li taħdem, li trabbi lil ulieda waħidha, għandha dritt għall-applikazzjoni ta’ regoli iktar favorevoli tal-Istat ta’ residenza tagħha fil-qasam tal-għoti tal-allowances tal-familja li tirriżulta direttament mit-Trattat KE u/jew minn prinċipji legali ġenerali?

4)

Huwa rilevanti għar-risposti għad-domandi li saru iktar ’il fuq jekk l-impjegata tmurx lura fir-residenza tal-familja fi tmiem kull jum ta’ ħidma?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

14

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistax jiġi interpretat b’mod li jippermetti lil persuna impjegata fis-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann, li tirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 u li hija suġġetta għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg tagħha, f’dan il-każ ir-Renju tal-Olanda, li tirċievi l-allowances tal-familja fl-Istat Membru fejn tgħix, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, billi huwa kkonstatat li allowance bħal din ma tistax tingħatalha, minħabba fl-età ta’ uliedha, fl-Istat Membru kompetenti.

15

Qabel ma tingħata risposta lil din id-domanda, huwa meħtieġ li jiġu mfakkra r-regoli ġenerali li għalihom, skont ir-Regolament Nru 1408/71, hija suggetta d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità.

16

Id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, huma intiżi sabiex il-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jkun evitat t-taħwid fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71 li jiddisponi li l-ħaddiem li għalih dan ir-regolament huwa applikabbli jkun biss suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder, 302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 u 20).

17

Skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem permezz ta’ din id-dispożizzjoni għandha bħala effett li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru biss hija applikabbli (ara s-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23).

18

Fir-rigward tal-kuntest speċifiku ta’ allowances tal-familja, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, ħaddiem suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru huwa intitolat, għall-membri tal-familja tiegħu li qegħdin jgħixu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għall-allowances tal-familja pprovduti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat tal-ewwel, bħallikieku huma kienu qed jgħixu fit-territorju ta’ dan.

19

Konsegwentement, hekk ġie ġustament ikkonstatat mill-qorti tar-rinviju, il-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann hija, fil-prinċipju, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg tagħha, jiġifieri l-leġiżlazzjoni Olandiża.

20

Billi d-dritt applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 għandha tiġi ddeterminata skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ sistema legali oħra ma jistgħux madankollu dejjem jiġu esklużi (ara s-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Laurin Effing, C-302/02, Ġabra p. I-553, punt 39).

21

Skont il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ B. Bosmann, huwa fuq il-bażi tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72 li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-sistema legali tal-Istat Membru ta’ impjieg, maħtur, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, billi Stat kompetenti, tista’ tiġi mwarrba sabiex tagħmel spazju għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna kkonċernata. Għalhekk, l-eżistenza ta’ rabta li tgħaqqad ma’ żewġ Stati Membri, jiġifieri dak ta’ residenza u ta’ impjieg, b’mod partikolari tippermetti dħul fuq xulxin tad-drittijiet għall-allowances. Għalhekk, permezz tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, fid-dawl tan-nuqqas ta’ dritt għall-allowances tal-familja simili fl-Istat Membru ta’ impjieg, dawn tal-aħħar għandhom jingħataw mingħajr limitazzjoni mill-Istat Membru ta’ residenza, f’dan il-każ ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Insostenn ta’ din it-teżi, il-Kummissjoni invokat is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 1992, McMenamin (C-119/91, Ġabra p. I-6393). Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju rreferiet għas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Dodl u Oberhollenzer (C-543/03, Ġabra p. I-5049).

22

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-kawżi li taw lok għaż-żewġ sentenzi fuq imsemmija kienu deċiżi fuq il-bażi tal-Artikolu 10(1)(b)(i) tar-Regolament Nru 574/72, li jkopri s-sitwazzjonijiet li fihom attività professjonali hija eżerċitata wkoll fl-Istat Membru ta’ residenza. Hekk kif iqis l-Avukat Ġenerali fil-punti 51 u 52 tal-konklużjonijiet tiegħu, fis-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq McMenamin kif ukoll Dodl u Oberhollenzer, il-fatt li jikkawża l-qlib tal-prijoritajiet favur il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ residenza jirriżulta miċ-ċirkustanza li attività professjonali hija eżerċitata fl-Istat Membru ta’ residenza mill-konjuġi tal-persuna li kellha l-jedd tal-allowances ipprovduti fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71.

23

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li B. Bosmann mhijiex f’sitwazzjoni bħal din.

24

Wara, fir-rigward tal-Artikolu 10(1)(a) tar-Regolament Nru 574/72, jirriżulta mill-mod kif ifformulat, li dan ifittex soluzzjoni għall-każijiet ta’ dħul fuq xulxin tad-drittijiet għall-allowances tal-familja li jiltaqgħu magħhom meta dawn tal-aħħar huma dovuti, fl-istess ħin, fl-Istat Membru ta’ residenza tat-tifel ikkonċernat, indipendentement mill-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni jew ta’ impjieg, u bl-applikazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, fl-Istat Membru ta’ impjieg.

25

Hekk kif isostnu l-Gvern Ġermaniż u l-qorti tar-rinviju, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ma jurux li hemm “dħul fuq xulxin” ta’ allowances tal-familja ta’ dan it-tip, billi d-dritt għal allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ impjieg huma, f’dan il-każ, esklużi, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-aħħar Stat, fid-dawl tal-età tat-tfal tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

26

Il-qlib tal-prijoritajiet favur l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza mhumiex għalhekk suxxettibbli li jkunu bbażati fuq ir-regoli speċifiċi ta’ rabta stabbiliti fir-Regolament Nru 574/72, huwa meħtieġ li s-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann issegwi r-regola ġenerali li tiddetermina l-leġiżlazzjoni applikabbli; hija stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71.

27

Jirriżulta minn dan li d-dritt Komunitaju ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jagħtu lil B. Bosmann l-allowance tal-familja inkwistjoni.

28

Madankollu, il-possibbiltà ta’ dan l-għoti lanqas ma jista’ jiġi eskluż, iktar u iktar, hekk kif jirriżulta mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, B. Bosmann tista’ tibbenefika mill-allowances tal-familja biss mill-fatt tar-residenza tagħha fil-Ġermanja, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

29

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 42 KE li huwa intiż li jiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema u b’mod partikolari jimplika li l-ħaddiema migranti la għandhom jitilfu d-drittijiet għall-allowances ta’ sigurtà soċjali u lanqas isostnu tnaqqis tal-ammont tagħhom minħabba li dawn eżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat KE (ara s-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec, C-205/05, Ġabra p. I-10745, punti 37 u 38).

30

Bl-istess mod, l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet għall-koordinament tal-leġiżlazzjonijiet tas-sigurtà soċjali nazzjonali li dan ir-regolament jinvolvi, jaqgħu fl-ambitu tal-libertà tal-moviment għall-persuni u għandhom jikkontribwixxu għat-titjib fil-livell tal-għixien u tal-kondizzjonijiet tal-impjieg tagħhom.

31

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru ta’ residenza m’għandux jitneħħilu l-fakultà li jagħti allowances tal-familja lill-persuni residenti fit-territorju tiegħu. Fil-fatt, jekk, skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat, anke jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, xorta jibqa’ l-fatt li dan ir-regolament mhuwiex intiż li jwaqqaf l-Istat ta’ residenza milli jagħti, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu, allowances tal-familja lil din il-persuna.

32

Is-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar ’il fuq, li jirrieferi għaliha l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (60/85, Ġabra p. 2365), invokata mill-qorti tar-rinviju, ma jikkontestawx l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71 fuq imsemmi. Is-sentenza Ten Holder, iċċitata iktar ’il fuq, tirrigwarda każ ta’ rifjut ta’ għoti ta’ allowance mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kompetenti u, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-determinazzjoni, skont ir-Regolament Nru 1408/71, tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru billi leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem għandha bħala għan li din il-leġiżlazzjoni biss tkun applikabbli (sentenza Ten Holder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). L-istess prinċipju reġa’ ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Luijten, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tar-riskju ta’ applikazzjoni fl-istess ħin tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg u tal-Istat ta’ residenza li jippermettu lil dawk assigurati li jibbenefikaw mill-allowance tal-familja. Konsegwentement, moqrija fil-kuntesti speċifiċi, differenti mill-kawża prinċipali, dawn is-sentenzi ma jservux ta’ bażi sabiex jeskludu Stat Membru, li mhuwiex l-Istat kompetenti, u li ma jissuġġettax id-dritt għall-allowance tal-familja għal kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ assigurazzjoni, milli jagħti allowance bħal din lil persuna residenti fuq it-territorju tiegħu, meta l-possibbiltà ta’ dan l-għoti effettivament jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tiegħu.

33

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fuq imsemmija, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix ħaddiem migrant, li huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, milli jirċievi, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, allowances tal-familja f’dan l-aħħar Stat.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

34

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, mhemmx lok li tingħata risposta għat-tieni u t-tielet domanda.

Fuq ir-raba’ domanda

35

Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-fatt li tkun taf li B. Bosmann tmurx lura fir-residenza tal-familja fil-Ġermanja fi tmiem kull jum ta’ ħidma tagħha għandhiex rilevanza fuq ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel sat-tielet domanda.

36

Hekk kif essenzjalment jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix ħaddiem migrant fis-sitwazzjoni ta’ B. Bosmann milli jirċievi allowances tal-familja fl-Istat Membru ta’ residenza, sakemm jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ allowances bħal dawn bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat. Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, sa fejn id-dritt ta’ B. Bosmann sabiex tibbenefika mill-allowances tal-familja fil-Ġermanja huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna kkonċernata tgħix fuq it-territorju ta’ dan l-Istat Membru, kundizzjoni li jidher li hija effettivament tissodisfa, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk B. Bosmann tmurx lura fir-residenza tal-familja fil-Ġermanja fi tmiem kull jum ta’ ħidma tagħha hijiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk hija “tgħix”, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża, f’dan l-Istat.

37

Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda tkun li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatt li ħaddiem, li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jmur lura fir-residenza tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat fi tmiem kull jum ta’ ħidma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem bħal dan jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji ta’ għoti tal-allowance tal-familja inkwistjoni f’dan l-Istat skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata tagħhom permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, ma jipprekludix ħaddiem migrant, li huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ impjieg, milli jirċievi, b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ta’ residenza, allowances tal-familja f’dan l-aħħar Stat.

 

2)

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-fatt li ħaddiem, li jinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, imur lura fir-residenza tal-familja fl-Istat Membru kkonċernat fi tmiem kull jum ta’ ħidma huwiex rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk ħaddiem bħal dan jissodisfax il-kundizzjonijiet neċessarji ta’ għoti tal-allowances tal-familja inkwistjoni f’dan l-Istat skont il-leġiżlazzjoni tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.