Kawża C-349/06

Murat Polat

vs

Stadt Rüsselsheim

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Darmstadt)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali — L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 u l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 — Direttiva 2004/38/KE — Dritt ta’ residenza għal iben ħaddiem Tork — Iben maġġorenni li m’għadux dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu — Numru ta’ kundanni kriminali — Legalità ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija”

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) ta’ l-4 ta’ Ottubru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Riunifikazzjoni tal-familja

(Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija, Artikolu 59; Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija Nru 1/80, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 u Artikolu 14(1))

2.     Ftehim internazzjonali — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mwaqqaf bil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija — Deċiżjoni Nru 1/80 — Limitazzjoni tad-drittijiet għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika

(Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija Nru 1/80, Artikolu 14(1))

1.     Ċittadin Tork, awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri:

- meta l-preżenza ta’ l-imsemmi imigrant fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi, minħabba l-imġiba personali tiegħu, periklu reali u gravi għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika fis-sens ta’ l-Artikolu 14(1) ta’ l-istess deċiżjoni, jew

- meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena u ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li jkun ġie kkundannat għaliha mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni.

Din l-interpretazzjoni mhijiex inkompatibbli ma’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jipprovdi li t-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak applikabbli bejn l-Istati Membri.

(ara l-punt 21, u d-dispożittiv 1)

2.     Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija Nru 1/80, li jawtorizza l-limitazzjonijiet għad-drittijiet mogħtija minn din id-deċiżjoni, iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tittieħed kontra ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ diversi kundanni kriminali, sakemm il-kondotta personali tiegħu tikkostitwixxi theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

(ara l-punt 39, u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

4 ta’ Ottubru 2007 (*)

“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija – Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali – L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 u l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 – Direttiva 2004/38/KE – Dritt ta’ residenza għal iben ħaddiem Tork – Iben maġġorenni li m’għadux dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu – Numru ta’ kundanni kriminali – Legalità ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija”

Fil-kawża C‑349/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (Il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Awwissu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Awwissu 2006, fil-proċedura

Murat Polat

vs

Stadt Rüsselsheim,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn J. Klučka, President ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u U. Lõhmus, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia u W. Ferrante, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Olandiż, minn H. Sevenster u C. Wissels, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Pollakk, minn E. Osniecka-Tamecka, bħala aġent,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz, bħala aġent.

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972 (ĠU L 293, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”), kif ukoll ta’ l-Artikoli 7 u 14 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp ta’ l-Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni twaqqaf permezz tal-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963 f’Ankara mir-Repubblika tat-Turkija, fuq naħa, u mill-Istati Membri tal-KEE u l-Komunità, fuq in-naħa l-oħra, u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-23 ta’ Diċembru 1963 (ĠU 217, 1964, p. 3685). L-istess domanda tirrigwarda wkoll l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, p. 77, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2004/38”).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sur Polat, ċittadin Tork, u s-Stadt Rüsselheim fir-rigward ta’ proċedura ta’ tkeċċija mit-territorju Ġermaniż.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija

3       L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprovdi li:

“Fl-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità.”

4       L-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li:

“Il-membri tal-familja ta’ ħaddiem Tork li jagħmel parti mis-suq legali tax-xogħol ta’ Stat Membru, li ġew awtorizzati sabiex jingħaqdu miegħu:

–       għandhom id-dritt, bla ħsara għall-priorità li għandha tingħata lill-ħaddiema ta’ l-Istati Membri tal-Komunità, li jwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol meta jkunu ilhom legalment residenti f’dan l-Istat Membru għal minn ta’ l-anqas tliet snin;

–       għandhom igawdu, f’dan l-Istat Membru, minn aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tagħhom meta jkunu ilhom legalment residenti hemm għal minn ta’ l-anqas ħames snin.

It-tfal tal-ħaddiema Torok li jkunu temmew taħriġ professjonali fil-pajjiż ospitanti jistgħu, irrispettivament mit-tul ta’ residenza tagħhom f’dan l-Istat Membru u bil-kundizzjoni li wieħed mill-ġenituri jkun eżerċita legalment impjieg fl-Istat Membru kkonċernat għal minn ta’ l-anqas tliet snin, iwieġbu għal kull offerta ta’ xogħol fl-imsemmi Stat Membru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5       Skond l-Artikolu 14(1) ta’ l-istess Deċiżjoni:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima huma applikabbli bla ħsara għal-limitazzjonijiet iġġustifikati minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà u ta’ saħħa pubblika.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6       L-Artikolu 47(1) tal-Liġi fuq il-barranin (Ausländergesetz, BGB1. 1990 I, p. 1354 iktar ’il quddiem l-“AuslG”), jistabbilixxi li:

“(1) Barrani għandu jiġi mkeċċi:

1.      meta, wara li jkun instab ħati għal wieħed jew aktar reati mwettqa intenzjonalment, jiġi kkundannat għal piena ta’ priġunerija jew għal piena ta’ detenzjoni ta’ minorenni għal ta’ l-inqas tliet snin, jew meta, wara li jkun nstab ħati għal numru ta’ reati mwettqa intenzjonalment fil-kors ta’ perijodu ta’ ħames snin, jiġi kkundannat għal pieni ta’ priġunerija jew għal pieni ta’ detenzjoni ta’ minorenni li jammontaw għal ta’ l-inqas tliet snin, jew meta, permezz ta’ l-aħħar sentenza ta’ kundanna jitqiegħed taħt sorveljanza, jew

2.      meta, wara li jinstab ħati ta’ reat imwettaq intenzjonalment u li jsir provvediment għalih taħt il-liġi fuq in-narkotiċi […], għal ksur tal-paċi pubblika […] jew għal ksur ta’ l-ordni pubbliku […], jiġi kkundannat għal piena ta’ detenzjoni ta’ minorenni għal ta’ l-inqas sentejn mhux sospiża jew għal piena ta’ priġunerija mhux sospiża.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7       Mill-proċess jirriżulta li s-Sur Polat, li twieled fil-25 ta’ Ġunju 1972, daħal fil-Ġermanja fl-1972, ftit żmien wara li twieled, abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu li kienu jgħixu fit-territorju Ġermaniż. Missieru kien impjegat, b’xi perijodi ta’ interuzzjoni, mill-1971 sa l-1991 u ilu mill-1 ta’ Ottubru 1991 jirċievi pensjoni ta’ l-anzjanità.

8       Is-Sur Polat mar l-iskola f’dan l-Istat Membru u kiseb ċertifikat ta’ edukazzjoni sekondarja. Mill-11 ta’ Lulju 1988, huwa għandu permess ta’ residenza fil-Ġermanja għal perijodu illimitat.

9       Mill-1989 sal-1992 huwa kien impjegat fl-ajruport ta’ Frankfurt.

10     Mill-1 ta’ Frar 1996 sat-28 ta’ Novembru 1997, is-Sur Polat wettaq is-servizz militari tiegħu fit-Turkija. Wara r-ritorn tiegħu fil-Ġermanja, reġa’ kien impjegat bejn l-1998 u l-2000 u bejn l-1998 u l-2006 għex fl-appartament tal-ġenituri tiegħu li huwa ddikjara bħala r-residenza prinċipali tiegħu fl-2000. F’dik is-sena, kien jgħaddi sostenn finanzjarju ta’ EUR 200 fix-xahar lill-ġenituri tiegħu u kien jiddisponi minn dħul ta’ bejn EUR 400 u EUR 1,400 fix-xahar. Wara s-sena 2000, beda jirċievi benefiċċji tal-qgħad u kien impjegat biss għal perijodu qasir.

11     Meta kien għadu taħt l-età, is-Sur Polat kiser il-liġi fuq in-narkotiċi u wettaq xi serq. Wara li għalaq l-età ta’ 21 sena, ġie kkundannat 18-il darba għal offiżi kriminali – l-iktar għal serq u ksur tal-liġi fuq in-narkotiċi – għall-ewwel għal pieni ta’ multi (disa’ darbiet bejn l-1994 u l-1995), u wara għal pieni sospiżi ta’ priġunerija (bejn l-1998 u l-2004).

12     Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2001, l-awtoritajiet nazzjonali informawh li, minħabba r-reati li kien wettaq, huma kellhom l-intenzjoni li jordnaw t-tkeċċija tiegħu. Madankollu, wara li ġie ammess f’ċentru għar-riabilitazzjoni, dawn l-awtoritajiet irrevokaw l-ordni tat-tkeċċija.

13     Sussegwentement, wara interuzzjonijiet frekwenti tal-kura mid-dipendenza fuq id-droga u l-persistenza ta’ l-aġir kriminali ta’ s-Sur Polat, l-Amtsgericht Frankfurt am Main u l-Amtsgericht Rüsselsheim irrevokaw is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-pieni imposti u kien arrestat bejn it-23 ta’ Ġunju 2004 u t-8 ta’ Frar 2006.

14     Permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Ottubru 2004, is-Stadt Rüsselsheim ippronunċja t-tkeċċija tas-Sur Polat mit-territorju Ġermaniż u ordna l-eżekuzzjoni immedjata ta’ din il-miżura. Din id-deċiżjoni kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li r-reati kriminali mwettqa mis-Sur Polat u l-kundanni li rriżultaw minnhom kienu elementi li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ tkeċċija previst fil-punt 1 ta’ l-Artikolu 47(1) tal-Liġi fuq il-barranin.

15     F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni kompetenti qieset li s-Sur Polat ma kienx integra ruħu fil-Ġermanja. La l-multi, la l-pieni sospiżi ta’ priġunerija u lanqas it-twissijiet tad-Dipartiment responsabbli għall-barranin ma waqqfuh milli jwettaq reati oħra serji. Huwa kelli jiġi kkunsidrat bħala li jifforma parti minn kategorija ta’ delikwenti reċidivi u t-tkeċċija tiegħu kienet neċessarja u indispensabbli għal motivi speċjali ta’ prevenzjoni.

16     Peress li l-oġġezzjoni tas-Sur Polat għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija ġiet miċħuda, fit-3 ta’ Awwissu 2005 huwa ressaq appell quddiem il-Verwaltungsgericht Darmstadt, fejn sostna li kien arrestat għall-ewwel darba u li kien qiegħed ifittex, b’mod attiv, post f’ċentru mediku sabiex ikun jista’ jirċievi kura mid-dipendenza fuq id-droga. F’dawn iċ-ċirkustanzi jeżistu perspettivi realistiċi ta’ integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjetà.

17     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)      Huwa kompatibbli ma’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali [...] li ċittadin Tork li, bħala minuri, abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja, ingħaqad mal-ġenituri tiegħu li kienu impjegati fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ma jitlifx id-dritt ta’ residenza korollarju tad-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu, dritt li huwa għandu abbażi tat-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […], – ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti għal perijodu sinjifikattiv, bla raġunijiet leġittimi – anki meta, wara l-età ta’ 21 sena, ma jgħix aktar mal-ġenituri tiegħu u dawn ma jmantnuhx aktar?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

2)      Ċittadin Tork, li jitlef id-drittijiet tiegħu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, jerġa’ jakkwista dawn id-drittijiet meta, wara li jagħlaq l-età ta’ 21 sena, jerġa’ jmur jgħix fid-dar tal-ġenituri tiegħu, għal perijodu itwal minn tliet snin, fejn jista’ joqgħod u jiekol b’xejn u li, matul dan il-perijodu, ommu għandha impjieg minimali (seftura li taħdem normalment 30 sa 70 siegħa fix-xahar u xi kultant 20 siegħa fix-xahar)?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda:

3)      Is-sitwazzjoni taħt il-liġi tinbidel jekk, matul il-perijodu ta’ residenza mal-ħaddiem (mit-30 ta’ Awwissu 2001 sa l-20 ta’ Ġunju 2002, mit-2 ta’ Ottubru 2003 sat-8 ta’ Jannar 2004), il-membru tal-familja jiddaħħal l-isptar diversi drabi sabiex jingħata kura?

4)      Is-sitwazzjoni taħt il-liġi tinbidel jekk, matul il-perijodu ta’ residenza mal-ħaddiem, iċ-ċittadin Tork kellu dħul regolari tiegħu li kien bejn ta’ l-inqas EUR 400 u EUR 1,400 fix-xahar?

Fil-każ li għandu jiġi preżunt li huwa jibqa’ jgawdi d-drittijiet stabbiliti fit-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, [fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda u għat-tieni domanda u ta’ risposta negattiva għat-tielet u r-raba’ domandi]:

5)      Ċittadin Tork, li jgawdi drittijiet li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u li jgħix fit-territorju federali mill-1972, jista’ jinvoka l-protezzjoni speċjali kontra miżura ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE [...]?

6)      Is-sitwazzjoni taħt il-liġi tinbidel meta, fil-kors ta’ l-għaxar snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija, iċ-ċittadin Tork għix it-Turkija bejn l-1 ta’ Frar 1996 u t-28 ta’ Novembru 1997 sabiex iwettaq is-servizz militari tiegħu?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal ħames domanda jew ta’ risposta affermattiva għas-sitt domanda:

7)      Ċittadin Tork, li jgawdi drittijiet li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, u li ilu jgħix fuq it-territorju federali mill-1972 jista’ jinvoka l-protezzjoni speċjali kontra miżura ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2004/38/KE [...]?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għas-seba’ domanda:

8)      Ċittadin Tork, li jgawdi drittijiet li huwa għandu taħt it-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, jista’ jinvoka l-protezzjoni speċjali kontra miżura ta’ tkeċċija prevista fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38/KE?

Fil-każ li għandu jiġi preżunt li jibqa’ jgawdi d-drittijiet stabbiliti fit-tieni inċiż ta’ [l-ewwel paragrafu] ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 […]:

9)      Numru ta’ reati żgħar (essenzjalment reati kontra oġġetti), li, ikkunsidrati individwalment, mhumiex ta’ natura li joħolqu theddida reali u suffiċjentement gravi, li jaffettwaw interess fundamentali tas-soċjetà, jistgħu, minħabba n-numru kbir ta’ reati, jiġġustifikaw tkeċċija meta hemm il-possibbiltà li jitwettqu reati oħra u meta, f’ċirkustanzi simili, l-ebda miżuri ma jittieħdu kontra ċ-ċittadini nazzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18     Peress li din id-domanda hija intiża essenzjalment sabiex tiddetermina r-raġunijiet li għalihom, ċittadin Tork bħas-Sur Polat jista’ jitlef id-drittijiet mogħtija lilu, fl-Istat Membru ospitanti, mit-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fir-rigward ta’ l-aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu u, għaldaqstant, għad-dritt ta’ residenza, din id-domanda taqa’ taħt l-istess kuntest ġuridiku u ta’ fatt bħal dak li ta lok għas-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C-325/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).

19     Dawn iż-żewġ domandi, li tressqu mill-istess qorti tar-rinviju, huma bbażati fuq l-istess motivazzjoni u huma miktuba fl-istess termini eżatt.

20     Għaldaqstant, l-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża għandha tingħata l-istess risposta bħal dik li ngħatat fis-sentenza Derin, iċċitata iktar ’il fuq.

21     Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li ċittadin Tork, awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri:

–       fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni jew

–       meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena u ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li jkun ġie kkundannat għaliha mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni.

F’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni preċedenti mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

 Fuq it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi

22     Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, m’hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni, it-tielet u r-raba’ domandi preliminari.

 Fuq il-ħames sat-tmien domandi

23     Permezz ta’ dawn id-domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk persuna li tinsab fis-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali tistax tinvoka d-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/38.

24     Skond din il-qorti, ir-rikors għad-Direttiva 2004/38 huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet interpretat l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fid-dawl tad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE, tal-25 ta’ Frar 1964, dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU 56, 1964, p. 850). Peress li din id-Direttiva ġiet issostitwita mid-Direttiva 2004/38 u li skond l-Artikolu 38(3) tagħha, ir-riferimenti li jsiru għad-direttivi u għad-dispożizzjonijiet imħassra għandhom jitqiesu bħala li qed isiru għad-Direttiva 2004/38, minn issa ’l quddiem għandha issir referenza għaliha sabiex il-portata ta’ l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tiġi ppreċiżata.

25     Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2004/38, id-Direttiva Nru 64/221 ġiet imħassra b’effett mit-30 ta’ April 2006.

26     Peress li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija li tirrigwarda lis-Sur Polat kienet ġiet adottata fl-4 ta’ Ottubru 2004 u l-appell quddiem il-qorti ta’ rinviju ġie ppreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2005, għandu jiġi kkonstatat li fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali d-Direttiva 64/221 kienet għadha fis-seħħ.

27     Għaldaqstant, peress li d-Direttiva 2004/38 mhijiex applikabbli għall-kawża prinċipali m’hemmx lok li tingħata risposta għall-ħames sat-tmien domandi.

 Fuq id-disa’ domanda

28     Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li numru ta’ reati żgħar li, ikkunsidrati individwalment, mhumiex ta’ natura li joħolqu theddida reali u suffiċjentement gravi, li jaffettwaw interess fundamentali tas-soċjetà, jistgħu, minħabba n-numru kbir ta’ reati, jiġġustifikaw miżura ta’ tkeċċija ta’ ċittadin Tork, meta hemm il-possibbiltà li jitwettqu reati oħra u meta, f’ċirkustanzi simili, l-ebda miżuri ma jittieħdu kontra ċ-ċittadini nazzjonali.

29     Skond ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipji pprovduti fil-kuntest ta’ l-Artikoli 39 KE, 40 KE u 41 KE, għandhom jiġu trasposti, safejn huwa possibbli, għaċ-ċittadini Torok li jibbenifikaw mid-drittijiet rikonoxxuti mid-Deċiżjoni Nru 1/80 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt, C-434/93, Ġabra p. I-1475, punti 14, 19 u 20, kif ukoll tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya, C-467/02, Ġabra p. I-10895, punt 42).

30     Minn dan isegwi li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-portata ta’ l-eċċezzjoni ta’ l-ordni pubbliku prevista fl-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80, għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni li din l-istess eċċezzjoni ngħatat fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunità. Interpretazzjoni bħal din hija iktar u iktar iġġustifikata peress li l-imsemmija dispożizzjoni hija miktuba f’termini kważi identiċi għal dawk ta’ l-Artikolu 39(3) KE (sentenzi ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Nazli, C-340/97, Ġabra p. I-957, punt 56, u Cetinkaya, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

31     Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 64/221, il-miżuri li jittieħdu għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà pubblika għandhom ikunu bbażati esklużivament fuq il-kondotta tal-persuna kkonċernata. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jispeċifika li l-kundanni kriminali preċedenti ma jistgħux fihom infushom jikkostitwixxu raġunijiet sabiex jittieħdu dawn il-miżuri.

32     Għalhekk, l-eżistenza ta’ kundanna kriminali tista’ tiġi kkunsidrata biss safejn iċ-ċirkustanzi li jkunu taw lok għal dik il-kundanna juru l-eżistenza ta’ kondotta personali li tikkostitwixxi theddida attwali għall-ordni pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1977, Bouchereau, 30/77, Ġabra p. 1999, punt 28; tad-19 ta’ Jannar 1999, Calfa, C-348/96, Ġabra p. I-11, punt 24; u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-50/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41).

33     Il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni, li għandha tiġi interpretata b’mod strett u li l-portata tagħha ma tistax tiġi ddeterminata unilateralment mill-Istati Membri (sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1975, Rutili, 36/75, Ġabra p. 1219, punt 27; Bouchereau, iċċitata iktar’il fuq, punt 33; Calfa, iċċitata iktar’il fuq, punt 23; tas-27 ta’ April 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-441/02, Ġabra p. I-3449, punt 34, u Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata iktar’il fuq, punt 42).

34     Skond ġurisprudenza stabbilita r-rikors għall-kunċett ta’ ordni pubbliku minn awtorità nazzjonali jippresupponi l-eżistenza, apparti l-inkwiet soċjali li jinvolvi kull ksur tal-liġi, theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà (sentenza Rutili, iċċitati iktar ’il fuq, punt 28; Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 66, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata iktar’il fuq, punt 35).

35     B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċittadin Tork jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet li huwa għandu direttament mid-Deċiżjoni Nru 1/80 permezz ta’ tkeċċija fil-każ biss li din il-miżura hija ġġustifikata mill-fatt li l-kondotta personali tal-persuna kkonċernata tindika riskju konkret ta’ preġudizzju ġdid u serju għall-ordni pubbliku. Għalhekk, miżura bħal din ma tistax tiġi ordnata awtomatikament wara li jkun hemm kundanna kriminali u bħala prevenzjoni ġenerali (sentenzi Nazli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 63, kif ukoll tas-7 ta’ Lulju 2005, Dogan, C-383/03, Ġabra p. I-6237, punt 24).

36     Għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ numru ta’ kundanni kriminali hija, fiha nnifisha, irrilevanti.

37     Barra minn hekk, mid-deċiżjoni għar-rinviju jirriżulta li kundanna kriminali mhija marbuta ma’ ebda sanzjoni addizzjonali fir-rigward ta’ ċittadini Ġermaniżi ħatja ta’ reati bħal dawk li taw lok għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

38     F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-eċċezzjonijiet imniżżla fl-Artikoli 39 KE u 46 KE jippermettu lill-Istati Membri jieħdu, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, b’mod partikolari minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, miżuri li ma jistgħux japplikaw għaċ-ċittadini tagħhom stess, peress li m’għandhomx is-setgħa li jkeċċu lil dawn ta’ l-aħħar mit-territorju nazzjonali tagħhom jew li jċaħħduhom mill-aċċess għat-territorju tagħhom (ara s-sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn, 41/74, Ġabra p. 1337, punti 22 u 23, tat-18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille, 115/81 u 116/81, Ġabra p. 1665, punt 7; Calfa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20, u tas-26 ta’ Novembru 2002, Oteiza Olazabal, C-100/01, Ġabra p. I-10981, punt 40).

39     Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-disa’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tittieħed kontra ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ diversi kundanni kriminali, sakemm il-kondotta personali tiegħu tikkostitwixxi theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

 Fuq l-ispejjeż

40     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ċittadin Tork, awtorizzat jidħol fit-territorju ta’ Stat Membru, meta kien minuri, fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja u li kiseb id-dritt ta’ aċċess liberu għal kull attività b’salarju ta’ l-għażla tiegħu skond it-tieni inċiż ta’ l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1/80, jitlef id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti li huwa korollarju ta’ l-imsemmi dritt ta’ aċċess liberu f’żewġ sitwazzjonijiet biss, jiġifieri:

–       fil-każijiet previsti fl-Artikolu 14(1) ta’ din id-deċiżjoni jew

–       meta jitlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għal perijodu sinjifikattiv u mingħajr raġunijiet leġittimi,

anki jekk huwa jkollu aktar minn 21 sena u ma jkunx aktar dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu iżda jgħix b’mod indipendenti fl-Istat Membru kkonċernat, u ma jkunx disponibbli fis-suq tax-xogħol għal diversi snin minħabba li matul tali perijodu jkun serva piena ta’ priġunerija li jkun ġie kkundannat għaliha mingħajr il-benefiċċju ta’ sospensjoni.

F’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-interpretazzjoni preċedenti mhijiex inkompatibbli mar-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fit-23 ta’ Novembru 1970 fi Brussell u konkluż, approvat u kkonfermat f’isem il-Komunità permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2760/72, tad-19 ta’ Diċembru 1972.

2)      L-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li miżura ta’ tkeċċija tittieħed kontra ċittadin Tork li kien is-suġġett ta’ diversi kundanni kriminali, sakemm il-kondotta personali tiegħu tikkostitwixxi theddida reali u suffiċjentement gravi, li taffettwa interess fundamentali tas-soċjetà. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.