SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Appell — Regolarità tal-proċedura segwita quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Annullament — Rinviju — It-tieni sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti — Għajnuna mill-Istat — Settur postali — Impriża pubblika responsabbli għal servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali — Assistenza loġistika u kummerċjali lil sussidjarja — Sussidjarja li ma toperax f’settur irriżervat — Trasferiment tal-attività ta’ kunsinna espressa lil din is-sussidjarja — Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Assistenza u trasferiment li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat — Motivazzjoni”

fil-Kawżi magħquda C-341/06 P u C-342/06 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati fl-4 ta’ Awwissu 2006,

Chronopost SA, stabbilita f’Issy-les-Moulineaux (Franza), irrappreżentata minn D. Berlin, avocat (C-341/06 P),

La Poste, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn H. Lehman, avocat (C-342/06 P),

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Union française de l’express (UFEX), stabbilita f’Roissy-en-France (Franza),

DHL Express (France) SAS, li qabel kienet DHL International SA, stabbilita f’Roissy-en-France,

Federal express international (France) SNC, stabbilita f’Gennevilliers (Franza),

CRIE SA, fi proċedura ta’ stralċ mill-qorti, stabbilita f’Asnières (Franza),

irrappreżentati minn E. Morgan de Rivery u J. Derenne, avocats,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. Giolito, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u F. Million, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, G. Arestis u U. Lõhmus, Presidenti tal-Awla, P. Kūris, E. Juhász, A. Borg Barthet, J. Malenovský (Relatur), E. Levits u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Diċembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Chronopost SA (iktar ’il quddiem “Chronopost”) (C-341/06 P) u La Poste (C-342/06 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni (T-613/97, Ġabra p. II-1531, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

2

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/365/KE, tal-1 ta’ Ottubru 1997, dwar l-għajnuna li Franza kienet tat lil SFMI-Chronopost (ĠU 1998, L 164, p. 37, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Il-fatti li wasslu għall-kawża

3

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif isegwi fil-punti 2 sa 18 tas-sentenza appellata:

“2

[La Poste], topera taħt sistema ta’ monopolju legali fis-settur tal-posta ordinarja, kienet tagħmel parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika Franċiża sa tmiem l-1990. Mill-1 ta’ Jannar 1991, din ġiet ittrasformata f’entità rregolata mid-dritt pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 90-568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tal-mezzi ta’ telekomunikazzjoni (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069; iktar ’il quddiem il-“Liġi 90-568”). Din il-liġi tawtorizzaha sabiex twettaq ċerti attivitajiet li huma miftuħa għall-kompetizzjoni, b’mod partikolari dawk ta’ kunsinna espressa.

3

Is-Société française de messagerie internationale (iktar ’il quddiem “SFMI”) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt privat li kienet fdata bil-ġestjoni tas-servizz ta’ kunsinna espressa ta’ La Poste minn tmiem l-1985. Din l-impriża kienet ġiet stabbilita b’kapital azzjonarju awtorizzat ta’ 10 miljun frank Franċiż (FRF) (madwar EUR 1524490), maqsum bejn Sofipost (66 %), kumpannija finanzjarja kkontrollata 100 % minn La Poste, u TAT Express (34 %), sussidjarja tal-kumpannija tal-linja tal-ajru Transport aérien transrégional (iktar ’il quddiem “TAT”).

4

Ir-regoli dettaljati dwar l-operazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz ta’ kunsinna espressa mwettaq minn SFMI bl-isem EMS/Chronopost ġew iddefiniti f’ċirkulari tal-Ministeru Franċiż tal-Posta u tal-Mezzi ta’ Telekomunikazzjoni tad-19 ta’ Awwissu 1986. Skont din iċ-ċirkulari, La Poste kellha tipprovdi lil SFMI assistenza loġistika u kummerċjali. Ir-relazzjonijiet kuntrattwali bejn La Poste u SFMI kienu rregolati minn diversi ftehim, li l-ewwel wieħed minnhom imur lura għall-1986.

5

Fl-1992, l-istruttura tal-attività ta’ kunsinna espressa mwettqa minn SFMI ġiet modifikata. Sofipost u TAT ħolqu kumpannija ġdida, [Chronopost], li tagħha huma komplew jikkontrollaw rispettivament 66 % u 34 % tal-ishma. Il-kumpannija Chronopost, li kellha aċċess esklużiv għan-netwerks ta’ La Poste sa l-1 ta’ Jannar 1995, ikkonċentrat ruħha fuq is-servizz ta’ kunsinna espressa nazzjonali. SFMI ġiet akkwistata minn GD Express Worldwide France, li hija kkontrollata minn impriża komuni internazzjonali li tiġbor fiha l-kumpannija Awstraljana TNT u l-amministrazzjonijiet postali ta’ ħames pajjiżi, konċentrazzjoni li kienet awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 1991 (Każ IV/M.102 — TNT/Canada Post, DBP Postdienst, La Poste, PTT Poste u Sweden Post) (ĠU C 322, p. 19). SFMI żammet l-attività ta’ kunsinna espressa internazzjonali, billi użat lil Chronopost bħala aġent u fornitur tas-servizzi għall-ipproċessar fi Franza tal-konsenji internazzjonali tagħha (iktar ’il quddiem “SFMI-Chronopost”).

6

Is-Syndicat français de l’express international (iktar ’il quddiem “SFEI”), li minfloku daħlet l-Union française de l’express (iktar ’il quddiem “UFEX”) […] huwa assoċjazzjoni kummerċjali stabbilita taħt id-dritt Franċiż li tiġbor fiha kważi l-kumpanniji kollha li joffru servizzi ta’ kunsinna espressa u li jinsabu f’kompetizzjoni ma’ SFMI-Chronopost.

7

Fil-21 ta’ Diċembru 1990, SFEI ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni [tal-Komunitajiet Ewropej] fejn sostna, b’mod partikolari, li l-assistenza loġistika u kummerċjali mogħtija minn La Poste lil [SFMI-Chronpost] kienet għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 92 tat-Trattat KE (li, wara l-emendi, sar l-Artikolu 87 KE). Fl-ilment issemma b’mod partikolari l-fatt li r-remunerazzjoni mogħtija minn [SFMI-Chronopost] għall-għajnuna mogħtija minn La Poste ma kinitx tikkorrispondi għall-kundizzjonijiet normali tas-suq. Id-differenza bejn il-prezz tas-suq għall-akkwist ta’ servizzi ta’ din ix-xorta u dak effettivament imħallas minn SFMI tikkostitwixxi, skont SFEI, għajnuna mill-Istat. Studju ekonomiku mwettaq f’isem SFEI mill-kumpannija ta’ konsulenza Braxton associés [iktar ’il quddiem ‘BRAXTON’] ġie anness ma’ l-ilment sabiex ikun jista’ jiġi vvalutat l-ammont tal-għajnuna għall-perijodu 1986-1989.

8

B’ittra tal-10 ta’ Marzu 1992, il-Kummissjoni informat lil SFEI li l-każ dwar l-ilment tiegħu ngħalaq. Fis-16 ta’ Mejju 1992, SFEI u impriżi oħra ressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kien hemmx lok sabiex wieħed jipproċedi bil-kawża (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Novembru 1992, SFEI et vs Il-Kummissjoni, C-222/92, Ġabra p. I-5431) wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 1992, li permezz tagħha ġiet irrevokata d-deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 1992.

9

Fuq talba tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża bagħtitilha informazzjoni permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Jannar, permezz ta’ faks tat-3 ta’ Mejju u permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Ġunju 1993.

10

Fis-16 ta’ Ġunju 1993, SFEI u impriżi oħra ressqu, quddiem it-Tribunal de commerce de Paris (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Pariġi), rikors kontra SFMI, Chronopost, La Poste u oħrajn. Ma’ dan ir-rikors kien anness studju ieħor [Braxton], li kien jaġġorna d-data tal-ewwel studju u kien jestendi l-perijodu ta’ stima tal-għajnuna sa l-aħħar tal-1991. Permezz ta’ sentenza tal-5 ta’ Jannar 1994, it-Tribunal de commerce de Paris issottometta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja numru ta’ domandi preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 92 u tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88 KE), li waħda minnhom kienet tikkonċerna l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża. Il-Gvern Franċiż ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala anness ma’ l-osservazzjonijiet tiegħu tal-10 ta’ Mejju 1994, studju ekonomiku mwettaq mill-kumpannija Ernst & Young. Permezz ta’ sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et (C-93/94, Ġabra p. I-3547; iktar ’il quddiem is-“sentenza SFEI”), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[i]l-provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali min-naħa ta’ impriża pubblika lill-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti skont id-dritt privat li huma attivi f’settur miftuħ għall-kompetizzjoni ħielsa tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 92 tat-Trattat meta r-remunerazzjoni riċevuta bħala korrispettiv tkun inqas minn dik li kieku kienet tintalab f’kundizzjonijiet normali tas-suq” (punt 62).

11

Sadanittant, b’ittra tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Marzu 1996, ir-Repubblika Franċiża ġiet informata bil-ftuħ tal-proċedura prevista mill-Artikolu 93(2) tat-Trattat. Fit-30 ta’ Mejju 1996 hija bagħtet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha f’dan ir-rigward.

[…]

13

Fis-17 ta’ Awwissu 1996, SFEI ssottometta quddiem il-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dan l-avviż. Ma’ l-osservazzjonijiet tiegħu, huwa annetta studju ekonomiku ġdid imwettaq mill-kumpannija Bain & Co. Barra minn hekk, SFEI wessa’ l-kuntest tal-ilment tiegħu tal-21 ta’ Diċembru 1990 għal ċerti elementi ġodda, partikolarment għall-użu tal-immaġni tat-trade mark ta’ La Poste, għall-aċċess privileġġjat għall-frekwenzi ta’ Radio France, għal ċerti privileġġi doganali u fiskali u għall-investimenti ta’ La Poste fil-pjattaformi għad-dispaċċ.

14

F’Settembru 1996, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża l-osservazzjonijiet ta’ SFEI. B’risposta, ir-Repubblika Franċiża bagħtet ittra lill-Kummissjoni bi studju ekonomiku mwettaq mill-kumpannija ta’ konsulenza Deloitte Touche Tohmatsu anness magħha (iktar ’il quddiem ir-“rapport Deloitte”).

[…]

18

Fl-1 ta’ Ottubru 1997, il-Kummissjoni adottat id-[d]eċiżjoni kkontestata […]”.

Id-deċiżjoni kkontestata

4

Mill-punti 19 sa 23 tas-sentenza appellata jirriżulta dan li ġej:

“19

Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni kkonstatat li kien jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ miżuri. L-ewwel kategorija tikkonsisti fil-provvista minn La Poste, min-naħa waħda, tal-assistenza loġistika, jiġifieri t-tqegħid tal-infrastrutturi postali għal-ġbir, għas-selezzjoni, għat-trasport u għad-distribuzzjoni tal-konsenji tagħha għad-dispożizzjoni ta’ SFMI-Chronopost u, min-naħa l-oħra, fl-assistenza kummerċjali, jiġifieri l-aċċess ta’ SFMI-Chronopost għall-klijenti ta’ La Poste u t-tgawdija, min-naħa ta’ SFMI-Chronopost, tal-avvjament ta’ La Poste. It-tieni kategorija tikkonsisti f’miżuri partikolari, bħall-aċċess privileġġjat għal Radio France u l-privileġġi fiskali u doganali.

20

Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-kwistjoni rilevanti kienet ‘jekk il-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet bejn La Poste u SFMI-Chronopst [kinux] paragunabbli għal dawk ta’ operazzjonijiet ekwivalenti bejn kumpannija parent privata, anki jekk f’sitwazzjoni ta’ monopolju (per eżempju minħabba li għandha drittijiet esklużivi), u l-sussidjarja tagħha’. Skont il-Kummissjoni ma kien ikun hemm l-ebda vantaġġ finanzjarju li kieku l-prezzijiet interni tal-prodotti u tas-servizzi skambjati bejn il-kumpanniji li jappartjenu għall-istess grupp kellhom jiġu ‛kkalkulati abbażi tal-ispejjeż kollha (jiġifieri l-ispejjeż totali flimkien mar-remunerazzjoni għall-investiment kapitali)”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-pagamenti li saru minn SFMI-Chronopost ma kinux ikopru l-ispejjeż totali matul l-ewwel sentejn ta’ operazzjoni, imma kienu jkopru l-ispejjeż kollha ħlief dawk tal-uffiċċju prinċipali u tal-uffiċċji reġjonali. L-ewwel nett, hija ma kinitx tqis bħala anormali l-fatt li, matul il-perijodu tal-bidu, il-pagamenti li jsiru minn impriża ġdida, jiġifieri minn SFMI-Chronopost, kienu jkopru biss l-ispejjeż varjabbli. It-tieni nett, dejjem skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika Franċiża segħet turi li, mill-1988, ir-remunerazzjoni mħallsa minn SFMI-Chronopost kienet tkopri l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste, kif ukoll ir-remunerazzjoni għall-investiment kapitali magħmul minn din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkalkulat li r-rata interna tar-rendita (iktar ’il quddiem l-“IRR”) tal-investiment ta’ La Poste bħala azzjonista kien ferm akbar min-nefqa tal-kapital tal-kumpannija fl-1986, jiġifieri r-rata tar-rendita normali li investitur privat jippretendi f’ċirkustanzi simili. Għaldaqstant, La Poste pprovdiet assistenza loġistika u kummerċjali lill-sussidjarja tagħha f’kundizzjonijiet normali tas-suq u għalhekk din l-għajnuna ma tirrappreżentax għajnuna mill-Istat.

22

Fir-rigward tat-tieni kategorija, jiġifieri d-diversi miżuri speċifiċi, il-Kummissjoni kkunsidrat li SFMI-Chronopost ma kienet tgawdi mill-ebda vantaġġ fir-rigward tal-proċedura għar-rilaxx mid-dwana, tat-taxxa tal-boll, tat-taxxa fuq is-salarji jew fir-rigward tat-termini ta’ pagament. L-użu tal-vetturi ta’ La Poste bħala mezz pubbliċitarju kellu jitqies, skont il-Kummissjoni, bħala assistenza kummerċjali normali bejn kumpannija parent u l-sussidjarja tagħha u, barra minn hekk, SFMI-Chronopost ma kienet tibbenefika mill-ebda trattament preferenzjali fir-rigward tar-reklamar fuq Radio France. Il-Kummissjoni ssostni li hija setgħet tassigura ruħha ukoll li l-impenji li daħlet għalihom La Poste meta l-impriża komuni ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 1991 ma kinux jirrappreżentaw għajnuniet mill-Istat.

23

Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni tikkonstata dan li ġej:

‘L]-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lill-sussidjarja tagħha SFMI-Chronopost, it-tranżazzjonijiet finanzjarji l-oħra bejn dawn iż-żewġ kumpanniji, ir-relazzjoni bejn SFMI-Chronopost u Radio France, is-sistema doganali applikabbli għal La Poste u għal SFMI-Chronopost, is-sistema tat-taxxa fuq is-salarji u t-taxxa tal-boll applikabbli għal La Poste u għall-investiment tagħha […] fil-pjattaformi ta’ dispaċċ mhumiex għajnuniet mill-Istat favur SFMI-Chronopost’.[…]””

L-ewwel proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

5

B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Diċembru 1997, is-SFEI, li saret l’Union française de l’express (UFEX), kif ukoll tliet kumpanniji li huma membri tagħha, DHL International SA, Federal express international (France) SNC u CRIE SA (iktar ’il quddiem “UFEX et”), ippreżentaw rikors għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Chronopost, La Poste u r-Repubblika Franċiża intervenew insostenn tal-Kummissjoni.

6

UFEX et invokaw erba’ motivi għal annullament insostenn tar-rikorsi tagħhom, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, b’mod partikolari tad-dritt għal konsultazzjoni tal-inkartament, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

7

Ir-raba’ motiv kien maqsum f’żewġ partijiet, jiġifieri li l-Kummissjoni ma rrispettatx il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat billi, min-naħa waħda, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet normali tas-suq fl-eżami tar-remunerazzjoni tal-assistenza mogħtija minn La Poste lil SFMI-Chronopst u, min-naħa l-oħra, billi eskludiet minn dan il-kunċett diversi miżuri li allegatament ibbenefikat minnhom SFMI-Chronopost.

8

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tat deċiżjoni dwar dan ir-rikors permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, Ufex et vs Il-Kummissjoni (T-613/97, Ġabra p. II-4055).

Is-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni

9

Permezz tas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ewwel parti tar-raba’ motiv kienet fondata.

10

Fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet b’dan li ġej:

“79

B’konsegwenza, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata [kkontestata] għandu jiġi annullat, safejn jikkonstata li l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost, ma tikkostitwixxix għajuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni parti ta’ dan il-motiv jew il-motivi l-oħra safejn dawn tal-aħħar jikkonċernaw l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta miinn La Poste lis-sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost. B’mod partikolari, mhemmx lok li jiġi eżaminat it-tieni motiv li permezz tiegħu r-rikorrenti jallegaw, essenzjalment, li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata] dwar l-assistenza loġistika u kummerċjali hija insuffiċjenti.”

11

Fil-punti li jsegwu tas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant eżaminat biss l-ewwel motiv, dwar il-ksur allegat tad-drittijiet tad-difiża ta’ Ufex et, u l-argumenti żviluppati fil-kuntest tat-tielet motiv, dwar l-iżbalji ta’ fatt u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li ma kellhomx jiġu konfużi ma’ dawk eżaminati qabel fil-kuntest tar-raba’ motiv. Fiż-żewġ każijiet, l-ilmenti fformulati minn Ufex et ġew miċħuda.

12

B’konsegwenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza limitat ruħha li tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonstata li l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat favur din tal-aħħar.

L-appelli mis-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni

13

Permezz ta’ rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fid-19 u 23 ta’ Frar 2001, Chronopost, La Poste u r-Repubblika Franċiża, skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentaw appelli mis-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Dawn l-appelli ġew magħquda.

14

Permezz tas-sentenza tagħha tat-3 ta’ Lulju 2003, Chronopost et vs Ufex et (C-83/01 P, C-93/01 P u C-94/01 P, Ġabra p. I-6993), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat bħala fondat l-ewwel motiv tal-appelli bbażat fuq ksur tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, li jirriżulta mill-interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kunċett ta’ “kundizzjonijiet normali tas-suq”.

15

Jirriżulta mill-punti 32 sa 41 tas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, dan li ġej:

“32

[…] il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat, fil-punt 75 tas-sentenza [Ufex et vs Il-Kummissjoni], li l-Kummissjoni kellha tal-anqas tivverifika li l-korrispettiv riċevut minn La Poste kien paragunabbli ma’ dak mitlub minn kumpannija finanzjarja privata jew grupp privat ta’ impriżi, li ma joperawx f’settur irriżervat.

33

Din l-evalwazzjoni, li ma tiħux kunsiderazzjoni tal-fatt li impriża bħal La Poste tinsab f’sitwazzjoni ferm differenti minn dik ta’ impriża privata li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq, hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.

34

Fil-fatt, La Poste hija responsabbli għal servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 90(2) tat-Trattat KE [li sar l-Artikolu 86(2) KE] (ara s-sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C-320/91, Ġabra p. I-2533, punt 15). Servizz ta’ din ix-xorta sostanzjalment jikkonsisti fl-obbligu li tinġabar, tiġi ttrasporata u tiġi distribwita l-posta, għall-benefiċċju tal-utenti kollha, fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, b’tariffi uniformi u b’kundizzjonijiet ta’ kwalità simili.

35

Għal dan il-għan, La Poste kellha tgħammar lilha nfisha jew ġiet mgħammra b’infrastrutturi u b’mezzi sinjifikattivi (in-“netwerk postali”) sabiex tkun tista’ tipprovdi servizz postali bażilari lill-utenti kollha, anki fiż-żoni fejn ma tantx joqogħdu nies, fejn it-tariffi ma kinux ikopru l-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz inkwistjoni.

36

Minħabba l-karatteristiċi tas-servizz li għandu jiġi żgurat bis-saħħa tan-netwerk ta’ La Poste, l-għamla u l-manutenzjoni ta’ dan in-netwerk ma jimxux skont loġika purament kummerċjali. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, UFEX et ammettew li jidher b’mod ċar li netwerk bħal dak li setgħet tibbenefika minnu SFMI-Chronopost mhuwiex netwerk tas-suq. Għaldaqstant, dan in-netwerk qatt ma seta’ jinbena minn impriża privata.

37

Minbarra dan, il-provvista tal-assistenza loġistika u kummerċjali hija konnessa b’mod inseparabbli man-netwerk ta’ La Poste, peress li fil-fatt din l-assistenza tikkonsisti preċiżament fit-tqegħid ta’ dan in-netwerk, li ma jeżistix l-ekwivalenti tiegħu fuq is-suq.

38

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe possibbiltà li s-sitwazzjoni ta’ La Poste titqabbel ma’ dik ta’ grupp privat ta’ impriżi li ma joperax f’settur riżervat, il-‘kundizzjonijiet normali tas-suq’, li bilfors huma ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’referenza għall-elementi oġġettivi u verifikabbli disponibbli.

39

F’dan il-każ, l-ispejjeż sostnuti minn La Poste għall-provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali lill-sussidjarja tagħha stess jistgħu jkunu elementi oġġettivi u verifikabbli ta’ din ix-xorta.

40

Fuq din il-bażi, tista’ tiġi eskluża l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost jekk, min-naħa waħda, jiġi aċċertat li l-korrispettiv mitlub ikopri b’mod xieraq l-ispejjeż addizzjonali varjabbli kkawżati mill-provvista tal-assistenza loġistika u kummerċjali, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali flimkien ma’ remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali safejn dawn ikunu ddestinati għall-attività miftuħa għall-kompetezzjoni ta’ SFMI-Chronopost, u jekk, min-naħa l-oħra, l-ebda ħjiel ma jġiegħel lil min jaħseb li dawn l-elementi ġew sottovalutati jew stabbiliti b’mod arbitrarju.

41

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 92(1) tat-Trattat fis-sens li l-Kummissjoni ma setgħetx tevalwa l-eżistenza ta’ għajnuna favur SFMI-Chronopost billi tirreferi għall-ispejjeż sostnuti minn La Poste, iżda hija kellha tivverifika jekk il-korrispettiv riċevut minn La Poste ‘kienx paragunabbli għal dik mitluba minn kumpannija finanzjarja privata jew minn grupp provat ta’ impriżi, li ma joperawx f’settur irriżervat, li jsegwu politika strutturali, globali jew settorjali u li huma mmexxija minn perspettivi għal żmien twil’.”

16

B’konsegwenza, u wara li kkunsidrat li ma kienx hemm lok li teżamina l-motivi ta’ appell l-oħra u li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq u rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

It-tieni proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata.

17

Il-kawża ġiet assenjata quddiem ir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet ġiet mibdula permezz ta’ deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Settembru 2004 (ĠU C 251, p. 12), l-Imħallef Relatur ġie assenjat fit-Tielet Awla Estiża, fejn din il-kawża kienet ġiet sussegwentement assenjata (punt 37 tas-sentenza appellata).

18

Il-proċedura orali ġiet magħluqa l-ewwel darba fit-23 ta’ Awwissu 2005, wara ingħalqet mill-ġdid fid-19 ta’ Diċembru 2005, wara l-ftuħ mill-ġdid tagħha.

19

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar it-talbiet tal-partijiet li tressqu quddiema wara r-rinviju.

20

Fil-punt 49 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fl-ewwel lok, ikkunsidrat li UFEX et żammet essenzjalment it-tieni sar-raba’ motivi ssollevati matul l-istanza li tat lok għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri l-motivi bbażati rispettivament fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, dak ibbażat fuq l-ineżattezzi materjali u l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fl-analiżi tar-remunerazzjoni tal-assistenza pprovduta minn La Poste kif ukoll l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

21

Fil-punt 51 tas-sentenza appellata, wara li kkunsidart li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet ukoll li “[l]-motivi bbażati fuq ineżattezzi materjali u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, li jikkoinċidu ma’ xulxin, ser jiġu eżaminati flimkien iktar tard”.

22

Wara li fakkret, fil-punti 63 sa 71 tas-sentenza appellata, il-kontenut tal-ġurisprudenza fil-qasam ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 77 sa 95 tal-istess sentenza, laqgħet l-ewwel motiv għar-raġuni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma ppermettietx li ssir evalwazzjoni tal-ispejjeż varjabbli supplementari kkawżati mill-provvista tal-assistenza loġika u kummerċjali, u la l-kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż iffissati konsegwentement għall-użu tan-netwerk postali, u lanqas ir-remunerazzjoni adegwata tal-kapitali proprji, u lanqas il-kopertura tal-ispejjeż inġenerali.

23

Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet fil-punti 96 sa 100 tas-sentenza appellata, ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw, f’dan il-każ, motivazzjoni iktar iddettaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

24

Hija kkonkludiet, fil-punt 101 ta’ din is-sentenza, “[…] li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni safejn tikkonkludi li l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lil SFMI-Chronopst mhijiex għajnuna mill-Istat”.

25

Sussegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-motiv ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

26

Fl-ewwel lok, hija kkunsidrat, fil-punt 102 tas-sentenza appellata li, b’kunsiderazzjoni tal-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienx possibbli għaliha li teżamina l-argumenti bbażati fuq l-allegat nuqqas ta’ kopertura tal-ispejjeż ta’ SFMI-Chronopost, is-sottovalutazzjoni u l-karattru arbitrarju ta’ ċerti elementi użati mill-Kummissjoni, fuq żbalji fir-rettifiki ta’ kontabbiltà li saru fl-Anness 4 tar-rapport Deloitte, fuq il-livell għoli b’mod anormali tal-IRR jew fuq ir-raġunijiet tal-profittabbilà ta’ SFMI-Chronopost.

27

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet, fil-punti 162 sa 171 tas-sentenza appellata, l-argumenti l-oħra kollha invokati minn UFEX et, bl-eċċezzjoni ta’ dak li kien jgħid li t-trasferiment tal-klijentela ta’ Postadex kien jikkostitwixxi minnu nnifisha miżura separata tal-assistenza loġistika u kummerċjali u b’hekk ukoll għajnuna mill-Istat.

28

Fuq dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li, b’kunsiderazzjoni li dan it-trasferiment ma kienx jikkostitwixxi għajnuna għar-raġuni li ma jinkludi fih ebda vantaġġ fi flus, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi.

29

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’konsegwenza:

annullat id-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonstata li la l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lill-sussidjarja tagħha, SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost;

ikkundannat lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż tagħha u 75 % tal-ispejjeż ta’ UFEX et, ħlief dawk li ġew ikkawżati mill-interventi, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

ikkundannat lil UFEX et sabiex tbati l-bqija tal-ispejjeż tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u

ikkundannat lil Chronopost, La Poste u lir-Repubblika Franċiża sabiex ibatu l-ispejjeż tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-preżenti appelli

30

Fl-appell tagħha, Chronopost titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tannulla s-sentenza kkontestata sa fejn tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

tagħti deċiżjoni tagħha dwar il-bqija tas-sentenza appellata u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kawża;

tiċħad it-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lil UFEX et għall-ispejjeż.

31

Fl-appell tagħha, La Poste titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata sa fejn tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, u

tikkundanna lil UFEX et għall-ispejjeż esposti minn La Poste quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

32

UFEX et titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tiċħad l-appelli, u

tikkundanna lil Chronopost kif ukoll lil La Poste għall-ispejjeż.

33

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ April 2007, iż-żewġ kawżi ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq l-appelli

34

Chronopost u La Post, appellanti fil-preżenti appelli, jissollevaw, essenzjalment, erba’ motivi bbażati rispettivament:

fuq difett ta’ proċedura dwar il-kompożizzjoni irregolari tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tat is-sentenza appellata;

fuq difett ta’ proċedrua dwar ir-risposta mogħtija fuq il-mertu mill-Qorti tal-Prim’Istanza għal motiv inammissibbli;

fuq żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tikkonċerna l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Post lil SFMI-Chronopost, u

fuq żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat f’dak li jikkonċerna t-trasferiment tal-klijentela ta’ Postadex.

A — Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq difett ta’ proċedura relatat mal-kompożizzjoni irregolari tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tat is-sentenza appellata

L-argumenti tal-partijiet

35

Chronopost u La Poste isostnu li s-sentenza appellata ngħatat skont proċedura irregolari peress illi l-Imħallef Relatur, fil-kulleġġ ġudikanti li ta din is-sentenza kien il-President kif ukoll l-Imħallef Relatur fil-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

36

Madankollu, il-prinċipju fundamentali tad-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u l-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), li jeħtieġ li l-kawża tinstema’ minn tribunal indipendenti u imparzjali, jimplika li l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tar-rinviju, wara l-annullament tas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tqajjem dubju dwar l-imparzjalità ta’ dan il-kulleġġ ġudikanti peremzz tal-preżenza fih ta’ Imħallef li kien jaf dwar din il-kawża inkwantu Relatur fil-kulleġġ ġudikanti li jkun ta s-sentenza annullata. B’konsegwenza, hawnhekk hawn ksur tal-Artikolu 6 UE.

37

UFEX et isostnu, l-ewwel nett, li dan il-motiv huwa inammissibbli. Peress li l-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata u l-isem tal-Imħallef Relatur kienu magħrufa sa minn qabel il-proċedura orali li saret quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Chronopost u La Poste setgħu jressqu d-dubji tagħhom dwar l-imparzjalità tal-kulleġġ ġudikanti matul din il-proċedura orali. Billi rrinunzjaw għal din il-possibbiltà, il-motiv tagħhom huwa b’hekk ġdid, u għaldaqstant inammissibbli, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Settembru 1999, Petrides vs Il-Kummissjoni (C-64/98 P, Ġabra p. I-5187).

38

UFEX et isostnu, fit-tieni lok, li dan il-motiv huwa infondat. Il-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata hija fil-fatt konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 118 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jirregola din il-kompożizzjoni meta quddiemha titressaq deċiżjoni dwar rinviju mill-Qorti tal-Prim’Istanza wara annullament tal-ewwel sentenza.

39

Dawn id-dispożizzjonijiet ma jeħtiġux l-assenjazzjoni għal kulleġġ ġudikanti ieħor, li barra minn hekk ikun impossibbli meta l-ewwel sentenza tkun ingħatat f’Seduta Plenarja. Ebda tradizzjoni Kostituzzjonali komuni għall-istati Membri ma tista’ tiġi prekluża f’dan il-qasam. Il-kolleġġjalità hija kkunsidrata li tinnewtralizza r-riskju ta’ parzjalità ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti.

40

Fir-rigward tal-approċċ li tagħmel il-Qorti Ewropea tad-Drittjiet tal-Bneidem (iktar ’il quddiem il-“Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem”) dwar il-kwisjotni ta’ imparzjalità tal-qorti, għandu jiġi kkonstatat li ebda element suġġettiv jew oġġettiv ta’ parzjalità ma seta’ jiġi rrilevat f’dan il-każ. Bil-kontra, tkun amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li kawża daqshekk kumplessa bħal dik inkwistjoni tingħata lill-istess Imħallef Relatur bħal dak ta’ qabel ir-rinviju.

41

Fir-repliki tagħhom, Chronopost u La Poste jikkontestaw l-inammissibbiltà għall-motiv tagħhom. UFEX et ma jistgħux, fil-fatt, jibbażaw ruħhom fuq in-natura ġdida ta’ motiv ibbażat fu ksur ta’ prinċipju fundamentali li huwa, b’konsegwenza, ta’ ordni pubbliku u li qatt ma jista’ jsir rinunzja għalih.

42

Minbarra dan, tali motiv ma setax jiġi invokat qabel ma s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tkun ingħatat. Minbarra dan, dan il-motiv ma jaqax taħt il-kwistjonijiet proċedurali li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi dwarhom skont l-Artikolu 111 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. Dawn ir-regoli laqas ma fih dispożizzjoni dwar il-possibbiltà li jitneħħa Imħallef. Dan il-motiv kien ġie invokat fir-rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u b’hekk mhuwiex motiv ġdid ippreżentat “matul il-kawża” skont l-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

43

Fil-kontrorepliki tagħhom, UFEX et isostnu li jikkostitwixxi motiv ġdid, u b’konsegwenza inammissibbli, l-argument, invokat fir-replika, li jgħid li l-ksur ta’ prinċipju fundamentali huwa motiv ta’ ordni pubbliku. Barra minn hekk, il-kawża msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tibda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li tkompli quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Id-dritt għal smigħ xieraq, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mil-Artikolu 6(1) tal-KEDB jikkostitwixxi dritt fundamentali li l-Unjoni Ewropea tirrispetta bħala prinċipju ġenerali skont l-Artikolu 6(2) UE (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 29).

45

Dan id-dritt għal smigħ xieraq jimplika li kull persuna għandha tkun tista’ tinstema’ b’mod xieraq, pubblikament u f’terminu raġonevoli, minn tribunal indipendenti u imparzjali, stabbilit mil-liġi. Tali dritt huwa applikabbli fil-kuntest ta’ rikors ġuridiku kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punt 21).

46

Il-garanziji għal smigħ quddiem tribunal indipendenti u imparzjali, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tiegħu, jirrappreżentaw bażi sod tad-dritt għal smigħ xieraq. Dan jimplika li kull qorti għandha l-obbligu li tivverifika jekk, perezz tal-kompożizzjoni tagħha, hija tikkostitwixxi tali tribunal indipendenti u imparzjali meta fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li fil-bidu ma tidhirx bħala waħda mhux serja. Din il-verifika hija neċessarja għall-aspettattivi li t-tribunali ta’ soċjetà demokratika għandhom jissollevaw lill-individwu (ara, f’dan ir-rigwad, il-Qorti Eur. D.B., Remli c. France, tat-23 ta’ April 1996, Recueil des arrêts et décisions 1996-II, p. 574, § 48). F’dan is-sens, tali kontroll jikkostitwixxi formalità essenzjali li l-osservanza tagħha tagħmel parti mill-ordni pubbliku.

47

Minn dan jirriżulta li jekk, fil-kuntest ta’ appell, fuq dan il-punt tiġi ssollevata kontestazzjoni li mhijiex, bħal fil-kawża preżenti, manifestament mingħajr element serju, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-obbligu li tivverifika r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-kulleġġ ġudikanti tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jkun ta s-sentenza kkontestata.

48

Fi kliem ieħor, tali motiv ibbażat fuq l-irregolarità tal-kompożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bħal dak li l-Qorti qed tiddeċiedi dwaru, għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi eżaminat ex officio (ara, dwar ir-rilevanza ex officio tal-motivi ta’ ordni pubbliku, b’mod aprtikolari s-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 67).

49

B’hekk l-eżami ta’ tali motiv jista’ jseħħ f’kull stadju tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punt 25).

50

F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni, parti prinċipali fl-ewwel istanza, absteniet milli tissolleva quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-irregolarità li bbażaw fuqha Chronopost u La Poste insostenn tal-motiv tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u li, b’konsegwenza, l-interessati, intervenjenti fl-ewwel istanza mhumiex, f’kull każ, ammissibbli sabiex jagħmlu dan fil-kuntest tal-appell tagħhom ma tistax tiġi utilment invokata sabiex tipprekludi l-eżami, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ tali motiv.

51

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-atti tal-proċess ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, u mhuwiex ikkontestat, li l-funzjonijiet tal-Imħallef Relatur fil-kulleġġ ġudikanti li ta s-sentenza appellata kienu ingħataw lil wieħed mill-membri ta’ dan li kien kemm il-President u l-Imħallef Relatur fil-kulleġġ ġudikanti li kien ta s-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

52

Madankollu mhuwiex stabbilit li, billi saret tali għażla tal-Imħallef Relatur, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispettatx il-ħtieġa ta’ imparzjalità li għaliha għandhom obbligu l-membri tagħha u li b’hekk kisret id-dritt fundamentali għal smigħ xieraq.

53

Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat, l-ewwel nett, li l-fatt li l-istess Imħallef li kien preżenti fis-żewġ kulleġġi ġudikanti suċċessivi ingħata l-funzjonijiet ta’ Mħallef Relatur huwa minnu nnifsu mingħajr effett fuq il-kunsiderazzjoni tal-osservanza tal-ħtieġa ta’ imparzjalità peress li dawn il-funzjonijiet huma eżerċitati f’kulleġġ ġudikanti.

54

It-tieni nett, il-ħtieġa ta’ imparzjalità tkopri żewġ aspetti. Minn naħa, it-tribunal għandu jkun suġġettivament imparzjali, jiġifieri li ebda wieħed mill-membri tiegħu m’għandu juri li qed ixaqleb lejn jew jieħu pożizzjoni fuq bażi personali, billi l-imparzjalità personali hija preżunta sakemm tingħata prova kontrarja. Min-naħa l-oħra, it-tribunal għandu jkun oġġettivament imparzjali, jiġifieri li għandu joffri garanziji suffiċjenti sabiex jeskludi f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara, f’dan is-sens, KEDB, is-sentenzi Fey c. Awstrija tal-24 ta’ Frar 1993, Serje A Nru 255-A, p. 12, § 28; Findlay v. Ir-Renju Unit tal-25 ta’ Frar 1997, Recueil des arrêts et décisions 1997-I, p. 281, § 73, kif ukoll Forum Maritime S.A. c. Ir-Rumanija tal-4 ta’ Ottubru 2007, Nri 63610/00 u 38692/05, li għadhom ma ġewx ippubblikati fir-Recueil des arrêts et décisions).

55

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, f’dan il-każ, Chronopost u La Poste ma jinvokawx il-parzjalità persunali tal-membri tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

56

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li l-istess Imħallef jagħmel parti minn żewġ kulleġġi ġudikanti li jkunu taw deċiżjoni għall-istess kawża ma tistax, minnha nnifisha, barra minn kull element oġġettiv ieħor, tqajjem dubju dwar l-imparzjalità tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

57

F’dan ir-rigward, ma jidhirx li r-rinviju tal-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti kompost b’mod totalment differenti minn dak li jkun għamel l-ewwel eżami tal-kawża għandu u jista’ fil-kuntest tad-dritt Komunitarju, jiġi kkunsidrat bħala obbligu ta’ natura ġenerali.

58

Barra minn hekk, il-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkunsidrat li jista’ biss jiġi stabbilit bħala prinċipiju ġenerali li jirriżulta minn dmir ta’ imparzjalità li qorti li tannulla deċiżjoni amministrattiva jew ġudizzjarja għandha l-obbligu li tirrinvija l-kawża għand awtorità ġuridika oħra jew għal korp li huwa kkostitwit b’mod differenti ta’ din l-awtorità (ara, b’mod partikolari, il-Qorti Eur. D.B, is-sentenzi Ringeisen c. L-Awstrija tas-16 ta’ Lulju 1971, Serje A Nru 13, p. 40, § 97, u Diennet c. France tas-26 ta’ Settembru 1995, Serje A, Nru 325/A, § 37).

59

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 27(3) tal-KEDB, meta kawża hija ddifferita quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem, fuq rinviju kontra sentenza ta’ Awla, ebda Imħallef tal-Awla li tkun tat is-sentenza ma jista’ jagħmel parti mill-Awla Manja, bl-eċċezzjoni tal-Presdent tal-Awla u tal-Imħallef li jkun irrappreżenta l-Istat interessat. Il-KEDB b’hekk tammetti li Imħallfin li jkollhom quddiemhom kawża għall-ewwel darba jistgħu jagħmlu parti minn kulleġġ ġudikanti li kellu jiddeċiedi mill-ġdid l-istess kawża u li din iċ-ċirkustanza ma tidhirx minnha nnifisha inkompatibbli mar-rekwiżijiet ta’ smigħ xieraq.

60

F’dawn il-kundizzjonijiet, mhuwiex stabbilit, f’dan il-każ, li l-kulleġġ ġudikanti li jkun ta s-sentenza appellata kien ġie kompost b’mod irregolari minħabba l-unika preżenza fi ħdanu ta’ membru tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kien diġà għamel parti mill-kulleġġ ġudikanti li kien eżamina l-kawża preċedentement.

61

B’hekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

B — Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq difett ta’ proċedura dwar ir-risposta magħmula fuq il-mertu mill-Qorti tal-Prim’Istanza għal motiv inammissibbli

1. L-argumenti tal-partijiet

62

La Poste issostni, fl-ewwel parti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tagħti deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija kienet opponiet għal motiv invokat minn UFEX et u li kien ibbażat fuq il-fatt li t-trasferiment ta’ Postadex kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, motiv li ma kienx ġie ppreżentat fil-proċedura li tat lok għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, u b’hekk huwa motiv ġdid fil-proċedura li tat lok għas-sentenza appellata. Fit-tieni parti, hija ssostni li, billi ddeċidiet fuq dan il-motv li kien ġdid, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

63

UFEX et jikkontestaw l-ammissibbiltà tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv peress li dan huwa bbażat fuq argumenti konfużi u kuntradittorji, u ma jindikawx liema dispożizzjoni tar-Regoli tal-Proċedura ġiet miksura.

64

Barra minn hekk, din il-parti mhijiex fondata peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma rrispondietx għal eċċezzjoni li ma kinitx minnha nnifisha ammissibbli peress li din kienet ġiet issollevata biss minn intervenjenti. Minbarra dan, billi ppreċiżat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkwalifikat mill-ġdid dan il-motiv billi eżaminatu fil-kuntest tal-motiv tar-rikors ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, La Poste tammetti li dan il-motiv kien tassew ġie invokat u b’hekk ma kienx ġdid. B’hekk, u filwaqt li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikklassifika mill-ġdid formalment l-argument ippreżentat fir-rikors, lanqas it-tieni parti ma hija fondata.

65

La Poste, fir-replika tagħha, tikkontesta l-inammissibbiltà opposta għall-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha. Hija ssonsti li din hija ċara. Barra minn hekk, anki jekk l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li hija opponiet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet inammissibbli, hija kellha tikkonstata dan espressament. Minbarra dan, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-inammissibbiltà tal-eċċezzjonijiet issollevati minn intervenjent għandha iktar sfumaturi minn dak li jallegaw UFEX et, u ma teskludix l-eżami każ b’każ ta’ dawn l-eċċezzjonijiet. L-eċċezzjoni f’dan il-każ hija ammissibbli peress illi, skont La Poste, l-ewwel nett, il-motivi tagħha għandhom l-istess għanijiet bħal dawk tal-Kummissjoni, sussegwentement, il-motiv ġdid issollevat minn UFEX et kien sar sew wara l-intervent u, fl-aħħar nett, La Poste, akkużata li kisret ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kellha interess li tqajjem eċċezzjonijiet li l-Kummissjoni ma rreferietx għalhom.

66

Fil-kontrorepliki tagħhom, UFEX et jikkonfermaw in-natura mhux ammissibbli tal-eċċezzjoni ssollevata minn intervenjent u li, dwar in-natura ġdida ta’ motiv, din ma kinitx ta’ ordni pubbliku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

— Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv

67

Intervenjent ma għandux il-kwalità sabiex iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux ifformulata fit-talbiet tal-konvenuta (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra p. I-1125, punti 21 u 22; tal-5 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni, C-225/91, Ġabra p. I-3203, punti 11 u 12, kif ukoll tad-19 ta’ Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C-13/00, Ġabra p. I-2943, punt 5).

68

Huwa paċifiku li, fil-proċedura li tat lok għas-sentenza appellata, La Poste kellha l-karatteristika ta’ intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni u li din ma ssollevatx l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li utilizzata minn La Poste quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li kienet tgħid li l-motiv invokat minn UFEX et u dwar it-trasferiment ta’ Postadex kien ġdid peress li ma kienx ġiet ippreżentat fil-proċedura li tat lok għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

69

L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ssollevata minn La Poste u li, bħal ma rrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tagħha, ma kinitx tinteressa l-ordni pubbliku, kienet għaldaqstant minnha nnifisha inammissibbli. F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tirrispondi għal din l-eċċezzjoni, kien hemm għalfejn ukoll iżda neċessarjament jiġi konkluż dwar l-inammissibbiltà tagħha. B’hekk, l-ommissjoni tagħha sabiex tiddeċiedi baqgħet mingħajr konsegwenza fuq id-drittijiet ta’ La Poste, li b’konsegwenza, m’għandhiex id-dritt li tibbaża ruħha fuq din l-ommissjoni sabiex tikkontesta r-regolarità tas-sentenza appellata.

70

F’dawn il-kundizzjonijiet, anki jekk jiġi presuppost li l-ewwel parti tat-tieni motiv hija ammissibbli, xorta waħda mhijiex fondata. B’hekk, din għandha tiġi miċħuda.

— Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv

71

Għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, applikabbli skont l-Artikolu 120 tal-istess regoli meta din il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi, bħal dan il-każ, sentenza ta’ rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda raġuni ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Minn dan jirriżulta li, wara s-sentenza ta’ rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ma’ jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw motivi li ma kinux ġew issollevati matul il-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

72

Jirriżulta mill-eżami tar-rikors li UFEX et ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-proċedura li tat lok għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li t-talba għal annullament hija bbażata fuq erba’ motivi li l-Qorti tal-Prim’Istanza analizzat bħala bbażati fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, żbalji ta’ fatt u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, u fl-aħħar nett ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

73

Fl-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati wara s-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, UFEX et żammew l-aħħar tliet motivi li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 49 tas-sentenza appellata, analizzat bħala bbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ineżattezzi materjali u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, kif ukoll applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

74

Mill-eżami ta’ dawn l-osservazzjonijiet, ma jirriżultax li UFEX et kellhom l-intenzjoni li jissollevaw motiv ġdid. Huwa paċifiku, minbarra dan, li l-argument li huma kienu sussegwentement żviluppaw, f’dak li jikkonċerna t-trasferiment ta’ Postadex insostenn tal-motiv ibbażat fuq ineżattezzi materjali u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kien diġà ġie ppreżentat fir-rikors tagħhom ippreżentat fil-proċedura li tat lok għas-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq. Tali żvilupp ta’ argument ma jistax jiġi kkunsidrat bħala motiv ġdid.

75

Barra minn hekk, kif ippreċiżat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 51 tas-sentenza appellata, il-motivi bbażati fuq ineżattezzi materjali u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jikkoinċidu, f’dan il-każ, ma’ dak ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet, ġustament, tikkwalifika mill-ġdid l-argument ta’ UFEX et dwar it-trasferiment ta’ Postadex bħala wieħed li huwa insostenn tal-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat (ara, dwar il-possibbiltà li ssir tali kwalifikazzjoni mill-ġdid, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Il-Parlament vs Gaspari, C-316/97 P, Ġabra p. I-7597, punt 21).

76

B’hekk, billi rrispondiet għal dan l-argument fl-analiżi tal-motiv ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma tat deċiżjoni fuq motiv ġid u, għaldaqstant, ma kisritx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

77

B’hekk peress li t-tieni parti tat-tieni motiv huwa infondat, hemm lok ukoll li jiġi miċħud.

78

B’konsegwenza, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost

79

L-eżami ta’ dan il-motiv jimplika li, qabel l-espożizzjoni tal-argument tal-partijiet, jiġu mfakkra l-motivi kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi li kienx hemm possibbiltà ta’ approvazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-motivazzjoni insuffiċjenti tagħha.

Il-motivi ta’ annullament ikkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza

80

Wara li fakkret, fil-punti 63 sa 71 tas-sentenza kkontestata, ir-rekwiżiti tat-Trattat KE, hekk kif iddefiniti mill-ġurisprudenza, fir-rigward tal-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet eżami tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi bbażat ruħha, essenzjalment, fuq żewġ kategoriji ta’ elementi li skont hija huma determinanti.

81

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kellu jsir eżami tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, fid-dawl tal-prinċipji applikati fil-punt 40 tas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, hekk kif imfakkra fil-punt 15 ta’ din is-sentenza.

82

Il-Qorti tal-Prim’istanza kkonkludiet, fil-punt 72 tas-sentenza appellata li: “[…]din il-verifika tinvolvi b’mod partikolari l-eżami tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni [kkontestata] fir-rigward, min-naħa waħda, tal-kwistjoni jekk il-korrispettiv mitlub minn SFMI-Chronopost ikoprix, l-ewwel nett, l-ispejjeż kollha varjabbli addizzjonali kkawżati mill-provvista tal-assistenza loġistika u kummerċjali, it-tieni nett, kontribuzzjoni adegwata għall-ispejjeż fissi kkawżati mill-użu tan-netwerk postali u, it-tielet nett, remunerazzjoni adegwata għall-investiment kapitali safejn dawn huma ddestinati għall-attività miftuħa għall-kompetizzjoni ta’ SFMI-Chronopost, u, min-naħa l-oħra, tal-kwitjoni jekk jeżistux jew le indizji li dawn l-elementi kienu sottovalutati jew stabbiliti b’mod arbitrarju”.

83

Fuq kull wieħed minn dawn il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata m’għamlitx preċiżazzjonijiet suffiċjenti.

84

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li tfakkar li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont ċirkustanza tal-każ li, skont il-każ partikolari, jistgħu jiġġustifikaw motivazzjoni iktar iddettaljata, iddeċidiet li dan kien il-każ hawnhekk.

85

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li: “[…] iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw motivazzjoni iktar dettaljata jinsabu fil-fatt li, l-ewwel nett, din kienet waħda mill-ewwel deċiżjonijiet relatati ma’ kwistjoni kumplessa, fil-kamp tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fis-settur tal-għajnuniet mill-Istat, tal-kalkolu tal-ispejjeż ta’ kumpannija parent li topera f’suq riżervat u li tipprovdi assistenza loġistika u kummerċjali lill-sussidjarja tagħha li ma toperax f’suq riżervat. It-tieni nett, ir-revoka tal-ewwel deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Marzu 1992, wara li tressaq rikors għal annullament u s-sentenza SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq kien imisshom wasslu lill-Kummissjoni sabiex timmotiva l-pożizzjoni tagħha b’iktar diliġenza u preċiżjoni fir-rigward tal-punti kkontestati. Fl-aħħar nett, il-fatt li r-rikorrenti ppreżentaw diversi studji ekonomiċi matul il-proċedura amministrattiva kien imissu ukoll wassal lill-Kummissjoni sabiex tipprepara motivazzjoni preċiża filwaqt li twieġeb għall-argumenti essenzjali tar-rikorrenti, ibbażati fuq dawn l-istudji ekonomiċi.”

L-argumenti tal-partijiet

86

Chronopost u La Poste isostnu li r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ddettaljata tad-deċiżjoni kkontestata magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex ma tagħtihiex l-approvazzjoni tagħha jmorru lil hinn minn dak li jeħtieġ il-kontroll vinkolanti ta’ deċiżjoni meħuda f’qasam fejn il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa. Chronopost iżżid tgħid li, taħt pretensjoni tal-prinċipju tal-kontroll ta’ motivazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, skont distorsjoni ta’ poter fil-verità, tistħarreġ għal żball manifest ta’ diskrezzjoni, jew tal-opportunità tad-deċiżjoni kkontestata, billi tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni.

87

UFEX et isostnu li dan il-motiv jiġi miċħud, u jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx biżżejjed immotivata u kienet limitata għal kunsiderazzjonijiet ġenerali li ma rrispondewx għall-argument iddettaljat tal-ilment. Huma jsostnu li l-argument ibbażat fuq distorsjoni tal-poter ma japplikax fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

88

Għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE), għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat dan l-att b’mod illi jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti li tagħmel l-istħarriġ tagħha. Il-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari għall-kontenut tal-att, għan-natura tal-motivi invokati kif ukoll tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att jistgħu jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 190 tat-Trattat għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tiegħu, iżda ukoll fil-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jkopru din il-kwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-501/00, Ġabra p. I-6717, punt 73).

89

Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma teżistix l-għajnuna mill-Istat allegata minn persuna li tagħmel ilment, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, f’kull każ, għandha l-obbligu li tesponi b’mod suffiċjenti lill-persuna li tagħmel l-ilment ir-raġunijiet li għalihom l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt invokati fl-ilment ma kinux biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-Kummissjoni m’għandhiex l-obbligu li tieħu pożizzjoni fuq elementi li huma manifestament mhux rilevanti, huma insinjifikanti jew li huma b’mod ċar sekondarji (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).

90

Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha meta adottatha (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 86, u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi evlawata l-fondatezza taż-żewġ kategoriji ta’ rekwiżiti ta’ motivazzjoni kkunsidrati f’dan il-każ mill-Qorti tal-Prim’istanza, hekk kif imfakkra fil-punti 80 sa 85 ta’ din is-sentenza.

92

Anki jekk jiġi presuppost, l-ewwel nett, li, fit-tweġiba tagħha għall-motivi tal-ilment ta’ UFEX et il-Kummissjoni kienet applikat kriterji ta’ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “kundizzjoni normali tas-suq” li setgħu kienu żbaljati meta mqabbla ma’ dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat fis-sentenza tagħha Chronopost et vs Ufex et, mogħtija sussegwentement, din iċ-ċirkustanza tista’ jkollha effett fuq il-fondatezza stess tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda mhux fuq is-suffiċjenza tagħha, fil-forma.

93

Fir-rigward, sussegwentement, tal-ħtieġa ta’ motivazzjoni iktar iddettaljata tad-deċiżjoni kkontestata b’kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih hija seħħet, l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tidhirx rilevanti.

94

Minn naħa, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija waħda mill-ewwel li tikkunsidra l-kwistjoni kumplessa, fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, tal-kalkolu tal-ispejjeż tal-assistenza pprovduta minn kumpannija parent li topera f’suq irriżervat lis-sussidjarja tagħha li ma toperax f’tali suq ma jiġġustifikax minnu nnifsu motivazzjoni li neċessarjament tidħol fid-dettall tal-kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż jekk, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni qieset li l-motivi tal-persuni li għamlu l-ilment f’dan ir-rigward kienu żbaljati fil-prinċipji tagħhom stess. Jekk jiġi preżuppost li dan l-approċċ tal-Kummissjoni kien minnu nnifsu żbaljat, din iċ-ċirkustanza tista’ jkollha effett fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata, iżda mhux fuq ir-regolarità fil-forma tagħha.

95

Min-naħa l-oħra, jekk huwa veru li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata wara li l-Kummissjoni rtirat deċiżjoni preċedenti tal-10 ta’ Marzu 1992 li tikklassifika l-ilment UFEX et u li kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament, dan l-irtirar ma kien jimplika ebda modifika fir-rigward tal-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni fuq il-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna mill-stat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li hija evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha (sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C-182/03 u C-217/03, Ġabra p. I-5479, punt 137). Ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni inkwistjoni f’deċiżjoni preċedenti għandhom għaldaqstant jibqgħu mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

96

Fl-aħħar nett, il-korrelazzjoni neċessarja bejn il-motivi invokati mill-persuna li tagħmel l-ilment u l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tistax teħtieġ li din ikollha l-obbligu li tiċħad kull wieħed mill-argumenti invokati insostenn ta’ dawn il-motivi. Huwa suffiċjenti għaliha li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni (sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C-404/04 P, Ġabra p. I-1, punt 30). F’dan il-każ, u filwaqt li l-ispjegazzjonijiet imressqa jiġġustifikaw ir-raġunijiet li għalhom dawn il-motivi ma ġewx ikkunsidrati bħala rilevanti, la n-numru u lanqas l-importanza tal-istudji ekonomiċi prodotti mill-persuna li għamlet l-ilment insostenn ta’ dawn il-motivi ma setgħu waħedhom ibiddlu l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Kummissjoni.

97

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk, bħal ma sostnew UFEX et, l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat kienet tagħmel parti mill-kuntest ikkaratterizzat, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, minn żewġ serje ta’ elementi.

98

Minn naħa, fil-punt 62 tas-sentenza tagħha SFEI et, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif hija fakkret fil-punt [3] ta’ din is-sentenza, ikkunsidrat li l-provvista ta’ assistenza loġistika u kummerċjali minn impriża pubblika lis-sussidjarji tagħha rregolati mid-dritt privat li jeżerċitaw attività miftuħa għall-kompetizzjoni libera tista’ tikkostitwixxi għajnuna mil-Istat skont l-Artikolu 92 tat-Trattat jekk ir-renumerazzjoni riċevuta bħala korrispettiv huwa inqas minn dak li kien jiġi mitlub f’kundizzjonijiet normali tas-suq.

99

Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-ilment, li UFEX et ressqu quddiem il-Kummissjoni, kien intiż, essenzjalment, sabiex jiġġustifika n-natura insuffiċjenti tar-remunerazzjoni tal-assistenza loġistika u kummerċjali (Titolu I, E, tad-deċiżjoni kkontestata).

100

B’mod partikolari, UFEX et sostnew li r-remunerazzjoni tal-assistenza loġistika kellha tiġi kkalkulata sa mill-prezz li impriża li topera f’kundizzjonijiet normali tas-suq kellha titlob għall-prestazzjonijiet inkwistjoni, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-“economies of scales” li kienet tibbenefika minnhom La Poste minħabba l-monopolju tagħha u li kienu preċiżament, skont il-persuni li għamlu l-ilment, fl-oriġini tad-distorsjoni ta’ kompetizzjoni.

101

Sabiex tikkunsidra li t-tweġiba mogħtija għall-ilmenti issollevati minn UFEX et kienet insuffiċjenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 75 sa 95 tas-sentenza appellata, qieset li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni kienet wisq ġenerali u impreċiża.

102

Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 97 tal-konklużjonijiet tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod partikolari kkritikat in-nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-kunċetti ekonomiċi u ta’ kontabbiltà użati, in-natura tal-ispejjeż eżaminati u l-komponenti tal-kalkoli finanzjarji li saru. Hija kkunsidrat li ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel verifiki dwar żbalji fattwali u żbalji ta’ evalwazzjoni, u, fir-rigwawrd ta’ spejjeż varjabbli, ikkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kellha minn tal-inqas tinkludi ġabra fil-qosor ġenerali tal-kalkoli analitiċi ta’ kontabbiltà relatati mas-servizzi pprovduti.

103

Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, u kif irrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li “ir-raġunijiet li minħabba fihom il-Kummissjoni rrifjutat il-metodu ta' kalkolu tal-ispejjeż [ta’ dawn il-prestazzjonijiet propost minn UFEX et] jirriżultaw b’mod ċar mill-motivi indikati fil-premessi 49 sa 56 tad-deċiżjoni [kkontestata]”.

104

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tispjega għalfejn, skont hija, l-istudji ekonomiċi ddettaljati pprovduti minn UFEX et kienu fondati fuq għarfien tal-prezz normali tas-suq, li kien fondamentalment żbaljat. Fil-fatt, dawn iddefinixxu dan il-prezz bħala dak li għalih kumpannija privata paragunabbli tipprovdi l-istess servizzi lil kumpannija li magħha ma kellha ebda rabta, filwaqt li għandu jittieħed kkunsiderazzjoni tal-fatt li t-tranżazzjoni sseħħ bejn żewġ kumpanniji li jappartjenu lill-istess grupp u li, f’dawn il-kundizzjonijiet, ma jistgħux jiġu injorati l-kunsiderazzjonijiet strateġiċi u s-sinerġiji li jirriżultaw mill-appartenenza ta’ Chronopost u ta’ La Poste għal dan l-istess grupp.

105

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 106 tal-konklużjonijiet tagħha, risposta ddettaljata għas-suppożizzjonijiet u għall-kalkoli li fuqhom huma bbażati l-ammonti globali tal-allegata għajnuna mogħtija mill-Istat f’dawk l-istudji tkun irrilevanti. B’hekk il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma tatx tweġiba ta’ din in-natura.

106

Għandu jiġi kkonstatat, fit-tieni lok, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tippreċiżax liema aspetti tal-ilment ifformulat minn UFEX et kienu ġew ikkunsidrati, skont hija, b’mod inadegwat fid-deċiżjoni kkontestata.

107

Fit-tielet lok, għandu ukoll jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiġġustifikax kif id-deċiżjoni kkontestata ma tesponix ir-raġunijiet li għalihom l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt ippreżentati minn UFEX et ma ħallewx lill-Kummissjoni li tikkonkludi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Ir-raġuni mogħtija, hekk kif imfakkra fil-punt [4] ta’ din is-sentenza, fil-fatt turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament segwit mill-Kummissjoni, u b’hekk tippermetti li jsir stħarriġ ġuridiku.

108

Fid-dawl tal-kunċetti ekonomiċi u ta’ kontabbiltà utilizzati mill-Kummissjoni, in-natura tal-ispejjeż eżaminati kif ukoll tal-komponenti tal-kalkoli finanzjarji effettwati, ma jistax jiġi kkontestat li dawn huma evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Peress illi d-deċiżjoni kkontestata turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mill-Kummissjoni sabiex il-fondatezza quddiem il-qorti kompetenti tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment, ikun eċċessiv li tiġi meħtieġa raġuni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi figurattivi li fuqhom dan ir-raġunament huwa bbażat (ara, b’analoġija, għall-atti li għandhom portata ġenerali, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C-154/04 u C-155/04, Ġabra p. I-6451, punt 134).

109

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kawżi li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li ssegwi skont l-Artikolu 214 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 287 KE), ċerta informazzjoni dwar b’mod parikolari l-elementi tal-costing ta’ ċerti prestazzjonijiet ma tistax tiġi kkomunikata f’att bħal dak li huwa inkwistjoni hawnhekk. In-natura mhux eżawrjenti tal-informazzjoni finanzjarja li tinsab f’dan l-att ma tippermettix madankollu li l-motivazzjoni tagħha tiġi kkunsidrata bħala insuffiċjenti, u lanqas li jiġi ppojbit l-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġuridiku ulterjuri.

110

Fl-aħħar nett, jekk, sabiex tikkontesta l-fondatezza tal-għażliet hekk magħmula u b’mod partikolari l-adegwatezza tagħhom għall-kriterji kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Chronopost et vs Ufex et, ċċitata iktar ’il fuq, li jippermettu li jiġu ddeterminati f’dan il-każ il-kundizzjonijiet normali tas-suq, UFEX et sussegwentement issollevaw diversi argumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fejn ikkontestaw l-informazzjoni li bbażat fuqha l-Kummissjoni, hija din stess li għandha tiġġustifika ruħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-istruttorja kontezjuża.

111

Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li din l-informazzjoni kollha ma tidhirx fis-sustanza tad-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi konkluż, a fortiori jekk dawn l-argumenti ġewx issollevati jew żviluppati matul il-proċedura ġuridika sussegwenti għas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitat iktar ’il fuq, u li din id-deċiżjoni kienet insuffiċjentement immotivata.

112

Dan għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball ta’ liġi, tikkonkludi, hekk kif għamlet fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li kien impossibbli għaliha li tivverifika jekk il-metodu użat u l-istadji ta’ analiżi segwiti mill-Kummissjoni kinux mingħajr żbalji u kompatibbli mal-prinċipji applikati f’din is-sentenza sabiex jiġi ddeterminat jew le l-eżistenza jew l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat.

113

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, jirriżulta li ebda wieħed mill-motivi kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma huwa ta’ natura li jiġġustifika li d-deċiżjoni inkwistjoni kellha tiġi annullata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni. B’konsegwenza, il-motiv invokat minn Chronopost u La Poste, u bbażat fuq żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni fuq il-Kummissjoni, huwa fondat.

114

B’hekk, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata sa fejn iddeċidiet, minħabba ksur ta’ dan l-obbligu, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija tikkonkludi li l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lil SFMI-Chonoropost ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball ta’ liġi imwettaq mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat sa fejn dan jikkonċerna t-trasferiment tal-klijentela ta’ Postadex

L-argumenti tal-partijiet

115

Chronopost u La Poste isostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li l-sussidjarizzazzjoni minn Stat Membru ta’ attività li taqa’ taħt is-settur kummerċjali kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat għar-raġuni li l-klijentela, li tirrappreżenta attiv intanġibbli ffinanzjat minn riżorsi tal-Istat, kienet sussegwentement ġiet ittrasferita mingħajr korrispettiv.

116

Meta għamlet dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet għamlet żball ta’ liġi meta ma ħaditx inkunsiderazzjoni, kuntrarjament għal dak li stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Chronopost et vs Ufex et, iċċitatata iktar ’il fuq, is-sitwazzjoni partikolari ta’ La Poste li, minħabba l-fatt li hija topera fis-settur irriżervat, mhijiex paragunabbli ma’ dik tal-impriżi privati. It-trasferiment ta’ Postadex ma jistax jiġi sseparat artifiċjalment mill-operazzjoni ta’ sussidjarjetà ta attività minn amministrazzjoni, li ma tistax tiġi evalwata bl-istess mod ħlief bħala kontribuzzjoni ta’ assi magħmula minn kumpannija privata lill-sussidjarja eżistenti tagħha. Minbarra dan, il-kontribuzzjoni ta’ assi tal-awtoritajiet pubbliċi fi Chronopost kien ġie rremunerat, kif ikkonstatat ukoll il-Kummissjoni, u b’hekk dawn bl-ebda mod ma kienu għenu s-sussidjarja maħluqa.

117

Barra minn hekk, is-sussidjarizzazzjoni inkwistjoni, barra minn hekk mixtieqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-liberalizzazzjoni ta’ setturi għal darb’oħra taħt monopolju, mhijiex paragunabbli mar-relazzjonijiet bejn kumpanniji u sussidjarji eżistenti. Fil-mument tas-sussidjarizzazzjoni, li hija paragunabbli ma’ qsim, ma setax ikun hemm għajnuna mill-Istat peress li għad ma kienx hemm benefiċjarju, u, f’kull każ, mhux neċessarjament ikun hemm vantaġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet kunsiderazzjoni tal-valur presuppost tal-attiv intanġibbli ttrasferit.

118

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tranżazzjoni kapitali favur sussidjarja tas-settur privat hija eżentata, a priori, minn kull għajnuna meta investitur privat jipparteċipa ukoll għall-operazzjoni, li huwa l-każ hawnhekk peress li l-kumpannija TAT, kienet iżżomm 34 % tal-kapital ta’ SFMI, tatha l-assi tagħha stess.

119

Għal UFEX et, tassew li kien hemm it-trasferiment mingħajr ħlas ta’ Postadex lil SFMI-Chronopost, mingħajr korrispettiv, li ma setax jirriżulta mir-remunerazzjoni tal-kapital hekk kif investit, li għalih il-figuri stabbiliti mill-Kummissjoni mhumiex rilevanti. Il-kontribuzzjoni ta’ assi li, huma dritt tal-kumpanniji, għandhom dejjem jagħtu lok għal evalwazzjoni, kienu tassew iffavorixxu lil Chronoposte billi pprokurawlha, inkwantu korp ġdid, vantaġġ fil-komptizzjoni miksub barra mill-kundizzjonijiet normali tas-suq. Dan huwa tassew trasferiment mingħajr ħlas ta’ klijentela, barra minn hekk captive, tal-monopolju lis-sussidjarja tagħha.

120

Huwa ftit importanti, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat, jekk dan kienx jew le qsim, peress li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jiddefinixxi ruħu mhux minn kawżi jew tal-motivi tal-operazzjoni iżda mill-effetti tiegħu fuq is-suq u l-kummerċ intrakomunitarju.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

121

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, il-kwalifika bħala “għajnuna” skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha msemmija f’din id-dispożizzjoni jiġu sodisfatti (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, imsejħa “Tubmeuse”, C-142/87, Ġabra p. I-959, punt 25; tal-14 ta’ Settembru 1994, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-278/92 sa C-280/92, Ġabra p. I-4103, punt 20; tas-16 ta’ Mejju 2002, France vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 68, kif ukoll tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, Ġabra p. I-7747, punt 74).

122

L-ewwel nett, għan għandu jkun intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn Stat Membri. It-tielet nett, dan għandu jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, irid iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C-451/03, Ġabra p. I-2941, punt 56).

123

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li l-vantaġġi mogħtija jistgħu jirriżultaw mhux biss minn prestazzjonijiet pożittivi bħal sussidji, self jew investimenti fil-kapital ta’ impriżi, iżda ukoll interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi. Fil-kuntest tal-vantaġġi indiretti li għandhom l-istess effetti bħas-sussidji, għandu jiġi rrilevat li dawn jinkludu l-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi b’kundizzjonijiet preferenzjali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, GEMO, C-126/01, Ġabra p. I-13769, punti 28 u 29).

124

Sabiex jiġi kkonstatat, fil-punti 1665 u 167 tas-sentenza appellata, li t-trasferiment ta’ Postadex minn La Poste, li dak iż-żmien kienet servizz tal-Istat, għall-vantaġġ ta’ SFMI-Chronopost kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din l-operazzjoni kienet wasslet għat-trasferiment ta’ klijentela, jiġifieri ta’ element tal-attiv intanġibbli li kellu valur ekonomiku, u li l-vantaġġ li rriżulta minn dan għal SFMI-Chronopost bl-ebda mod ma kien l-għan ta’ korrispettiv favur La Poste.

125

Tali raġunament iħalli x’wieħed jifhem li La Poste kienet isseparat ruħha minn Postadex mingħajr ebda korrispettiv bħallikieku l-attività ttrasferita kienet ġiet ipprivatizzata mingħajr remunerazzjoni.

126

Madankollu, tali analiżi tibda minn premessa żbaljata. Fil-fatt, huwa paċifiku li La Post ipproċediet għal dan it-trasferiment permezz ta’ sussidjarjetà u li, peremzz tal-intermedju tal-ħolding li hija kienet iżżomm 100 % minnu, hija akwistat fis-sussidjarja Chonropost tagħħa 66 % tal-kapital tagħha. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li dan ix-xiri jieħu inkunsiderazzjoni, almenu inparti, il-valur tal-attiv tanġibbli u intanġibbli ttrasferit, u b’mod partikolari dak tal-klijentela ta’ Postadex.

127

Kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 117 tal-konklużjonijiet tagħha, La Poste ikkonservat il-valur tal-attivitajiet ittrasferiti lil Chronopost li jikkorrispondu għas-sehem tagħha ta’ 66 % tal-kapital ta’ din tal-aħħar.

128

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, mingħajr ma tagħmel żball ta’ liġi, tibbaża l-analiżi tagħha billi ma tiħux inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet legali u ekonomiċi ta’ trasferiment ta’ klijentela fil-kuntest ta’ sussidju, meta dawn, minnhom infushom, setgħu jwasslu għal korrispettiv fir-rigward tal-vantaġġ miksub minn dan it-trasferiment.

129

Minbarra dan, tali kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tista’ tiġi aċċettata biss jekk it-trasferiment ta’ klijentela ta’ Postadex, inkwantu tali, jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 92(1) tat-Trattat, hekk kif imfakkra fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, u li huma kumulattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse, C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 50).

130

Madankollu, mhuwiex allegat li dawn il-kundizzjonijiet kollha huma sodisfatti. F’kull każ, fir-rigward tal-kwistjoni jekk, kif jirriżulta mir-raba’ fost dawn il-kundizzjonijiet, tali trasferiment joħloqx distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan ma jistax ikun hekk ħlief jekk, b’mod partikolari, ikun immodifika l-istruttura tas-suq ikkonċernat u jkun affettwa s-sitwazzjoni tal-impriżi kompetituri diġà preżenti f’dan is-suq.

131

F’dan ir-rigward, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal-konklużjonijiet tagħha, l-attività ta’ kunsinna espressa kienet diġà operata direttament minn La Poste taħt id-denominazzjoni Postadex sad-data tal-ħolqien ta’ SFMI-Chronopost, u t-trasferiment tal-klijentela ta’ Postadex għall-vantaġġ ta’ din tal-aħħar ma jidhirx li kellu bħala effett, minn nnifsu, li jbiddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fuq is-suq tal-kunsinna espressa.

132

F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-raba’ motiv invokat minn Chronopost u La Poste għandu jiġi milqugħ kif ukoll għandha tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn tikkonstata li t-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

133

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, is-sentenza appellata għandha tiġi annullata sa fejn hija tannulla d-deċiżjoni kkontestata fejn hija tikkonstata li la l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha, jiġifieri SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost, u, min-naħa l-oħra, inkwantu li, b’konsegwenza, huwa jiffissa l-ispejjeż.

Fuq il-konsegwenza tal-annullament tas-sentenza appellata.

134

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tista’, f’każ ta’ annullament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Peress li dan huwa l-każ hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha kompetenza, fil-limitu tal-kawża li titressaq quddiemha, li tiddeċiedi fuq il-mertu tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata, billi tieħu inkunsiderazzjni l-fatt li l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-legalità tagħha kollha setgħu ġew ippreżentati mill-partijiet matul proċedura li kellha diversi stadji.

Fuq il-portata tal-kawża

135

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li s-sentenza appellata annullat id-deċiżjoni kkontestata unikament inkwantu tikkonstata li la l-assistenza loġistika u kummerċjali provduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost filwaqt li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt [4] ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirreferi għal elementi oħra li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala li ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

136

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argumenti ta’ UFEX et billi rreferiet għal elementi oħra, kemm fis-sentenza Ufex et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll kif ġie mfakkar fil-punt 180 tas-sentenza appellata, jiġifieri fil-punti 189 sa 191 tagħha.

137

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, ċaħdet l-argumenti invokati minn UFEX et insostenn ta’ dan il-motiv u relatati, minn naħa, mar-rikors għall-metodu msejjaħ “estropolazzjoni b’lura” kif ukoll, min-naħa l-oħra, għall-użu tax-xbieha ta’ trade mark ta’ La Poste.

138

F’dawn il-kundizzjonijiet, u peress illi UFEX et, konvenuti fil-preżenti appelli, ma ppreżentawx talbiet interlokutorji, l-annullament parzjali tas-sentenza appellata, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma tikkontestax lil din tal-aħħar inkwantu l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dawn l-argumenti.

139

B’konsegwenza, is-suġġett tal-kawża li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti dwarha wara l-annullament li jirriżulta mill-punt [132] ta’ din is-sentenza huwa limitat għall-kontestazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu, unikament, li hija tikkonstata li l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha SFMI-Chronopost ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

140

Fil-limitu ta’ dan is-suġġett, jibqa’ li għandha tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti invokati insostenn tal-motiv ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif magħmula minn UFEX et quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja wara s-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri, in-nuqqas ta’ kopertura tal-ispejjeż sostnuti minn La Poste, is-sottovalutazzjoni u n-natura arbitrarja ta’ ċerti elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni, l-iżbalji fl-aġġustamenti magħmula fl-Anness 4 tar-rapport Deloitte kif ukoll il-livell għoli b’mod anormali u r-rata interna ta’ rendita tal-investiment ta’ La Poste.

Fuq il-fondatezza tat-talba għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata

141

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif iddefinit fit-Trattat, jippreżenta natura ġuridika u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala prinċipju u b’kunsiderazzjoni tal-elementi konkreti tal-kawżi li jitressqu quddiema kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita kontroll sħiħ f’dak li jikkonċerna l-kwistjoni jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 92(1) tat-Trattat (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2000, Franza vs Ladbroke Racing u Il-Kummissjoni, C-83/98 P, Ġabra p. I-3271, punt 25).

142

Jirriżulta li hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk il-fatti invokati mill-Kummissjoni humiex materjalment eżatti u jekk humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet kollha, imfakkra fil-punt 122 ta’ din is-sentenza, jippermettu il-klassifikazzjoni bħala “għajnuna” skont l-Artikolu 92(1) tat-Trattat humiex sodisfatti.

143

Fir-rigward ta’ evalwazzjoni ekonomika kumplessa, għandu ukoll jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ att tal-Kummissjoni li jimplika tali evalwazzjoni ghandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Frar 1996, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-56/93, Ġabra p. I-723, punt 11, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2003, L-Italja u SIM 2 Multimedia vs Il-Kummissjoni, C-328/99 u C-399/00, Ġabra p. I-4035, punt 39).

144

Minbarra dan, peress illi, kif intqal fil-punt 95 ta’ din is-sentenza, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li tiġi evalwata fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju.

145

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti invokati minn UFEX et, li huma intiżi li jistabbilixxu n-natura żbaljata tal-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tikkunsidra li r-remunerazzjoni tal-assistenza loġistika u kummerċjali ta’ La Poste favur SFMI-Chronopost, għall-perijodu mill-1986 sal-1995, kienet suffiċjenti u b’hekk ma wrietx għajnuna mill-Istat għall-vantaġġ ta’ din tal-aħħar.

146

B’mod partikolari, UFEX et isostnu li l-Kummissjoni tikkuntenta ruħha li tafferma li l-ispejjeż kollha sostnuti minn La Poste kienu koperti, mingħajr ma tippreċiża l-figuri kkunsidrati u lanqas il-kalkoli magħmula, u li barra minn hekk ir-rapport Deloitte li fuqu hija bbażat jirrikonoxxi l-inkapaċità tiegħu li jiġġustifika l-konklużjonijiet tiegħu dwar l-ispejjeż varjabbli fin-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika ta’ La Poste qabel l-1992.

147

F’dan ir-rigward, u kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 134 sa 136 tas-sentenza appellata, fir-rigward tar-rikors għall-metodu msejjaħ “estrapolazzjoni b’lura”, huwa paċifiku li kien biss mill-1992 li La Poste, li sa dak iż-żmien kienet tagħmel parti sħiħa mill-amministrazzjoni Franċiża, kellha kontabbiltà analitika, li fin-nuqqas tagħha kien imposstibbli, għall-perijodu preċedenti, li jsir kalkolu eżatt tal-ispejjeż tal-prestazzjonijiet magħmula minn La Poste għal SFMI-Chronopost.

148

Minbarra dan, kif diġà osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 38 tas-sentenza Chronopost et vs Ufex et, iċċitata iktar ’il fuq, fin-nuqqas ta’ kull possibbiltà li jsir paragun bejn is-sitwazzjoni ta’ La Poste ma’ dik ta’ grupp privat ta’ impriżi li ma joperawx f’settur riżervat, il-“kundizzjonijiet normali tas-suq” li huma neċessarjament ipotetiċi, għandhom jiġu evalwati b’riferiment għall-elementi oġġettivi u verifikabbli li huma disponibbli.

149

F’dawn iċċirkustanzi, l-ewwel nett mhemmx lok li l-Kummissjoni tiġi akkużata li bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni, li biss dak iż-żmien kienet disponibbli, li tirriżulta b’mod partikolari mir-rapport Deloitte, bħal dik ipprovduta mill-Gvern Franċiż, u li ppermettiet li jiġu kkostitwiti mill-ġdid l-ispejjeż sostnuti minn La Poste. Ir-rikors għal din l-informazzjoni ma jistax jiġi kkritikat ħlief jekk ikun ġie stabbilit li dan kien ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet manifestament żbaljati.

150

Madankollu, l-eżami tal-atti tal-proċess imressqa lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettux li tali konstatazzjoni tiġi konkluża.

151

Fl-ewwel lok, xejn ma ppermetta lill-Kummissjoni li tikkontesta l-veraċità tal-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha sa mill-kontabbiltà analitika ta’ La Poste li bdiet tiġi implementata sa mill-1992 u li kienet, ħaġa li mhijiex ikkontestata, iċċertifikata minn awdituri u minn ispettur tal-Istat. Iċ-ċirkustanza li l-Qorti tal-Awdituri Franċiża, f’rapport tal-2003, kienet enfasizzat bħala “dgħajfa” ċerti elementi ta’ din il-kompatibbiltà, ma tistax tisabbilixxi li l-għażliet magħmula mill-Kummissjoni fid-data tad-deċiżjoni kkontestata kienu manifestament żbaljati.

152

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li UFEX et hemżu ma’ l-ilment li huma ressqu lill-Kummissjoni, analiżi ekonomika magħmula mid-ditta ta’ konsulenza Braxtun kif ukoll studju ieħor ta’ din l-istess kumpannija insostenn tar-rikors li huma ressqu lill-Qorti tal-Kummerċ ta’ Pariġi fl-1993. Jirriżulta mill-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, li ma ġewx ikkontestati, li UFEX et hemżu ma’ l-osservazzjonijiet tagħhom ippreżentati lill-Kummissjoni, fix-xahar ta’ Awwissu tas-sena 1996, studju ekonomiku ġdid magħmul mill-kumpannija ta’ konsulenza Bain & Co. (iktar ’il quddiem l-“istudju Bain”) fejn iċ-ċifri, skont UFEX et, kienu iżgħar minn dawk taż-żewġ studji preċedenti ta’ Braxton.

153

Madankollu, minbarra li din is-suċċessjoni ta’ studji tirrifletti d-diffikultà li jiġu evalwati l-ispejjeż reali tal-assistenza pprovduta minn La Poste lil SFMI-Chronopost, jidher, skont il-konklużjonijiet mhux ikkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rapport Deloitte janalizza l-konklużjonijiet tal-istudju Bain u jirrispondih. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-informazzjoni kkunsidrata mill-Kummissjoni wara l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport u fuq il-bażi tal-elementi kollha inklużi fih għandha tiġi kkunsidrata mhux bħala li ġiet stabbilita b’mod arbitrarju, iżda skont informazzjoni li dak iż-żmien kienet disponibbli.

154

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-metodoloġija applikata minn dan ir-rapport Deloitte, sussegwentement mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-ispejjeż sostnuti minn La Poste għall-attività ta’ kunsinna espressa ta’ SFMI-Chronopost, UFEX et jikkontestawha minħabba li hija tinjora n-natura direttament imputabbli ta’ ċerti spejjeż iffissati għall-unika attività ta’ kunsinna espressa. Madankollu, ir-rilevanza ta’ tali kritika tippresupponi li tiġi stabbilita l-eżistenza, għal La Poste, tal-ispejjeż speċifikament attribwibbli għall-attività ta’ kunsinna espressa, ħaġa li bl-ebda mod ma ntweriet minn UFEX et, li, f’dan ir-rigward, mingħajr ma identifikaw ebda wieħed minn dawn l-ispejjeż b’mod preċiż, illimitaw irwieħhom sabiex jirreferu f’dan ir-rigward għal dokumenti li fihom indikazzjonijiet ġenerali mhux sostnuti b’mod ieħor.

155

F’kull każ, ma jidhirx li r-rikors għal dan il-metodu, li jaqa’ taħt il-marġni ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-għażliet ta’ natura teknika li hija għandha topera, jirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni filwaqt li mhuwiex a priori inkoerenti li jiġi imputat, bħal f’dan il-każ, il-parti tal-ispejjeż iffissati għal tali attività skont il-volum tal-attivitajiet differenti.

156

Fit-tielet lok, huwa paċifiku li, kif intqal ukoll fil-punt 147 ta’ din is-sentenza, kien impossibbli, fin-nuqqas ta’ kontabbiltà analitika minn La Poste għall-perijodu bejn 1986 u 1992, li jsir kalkolu eżatt tal-ispejjeż tal-prestazzjonijiet effettwati għall-benefiċċju ta’ SFMI-Chronopost.

157

Huwa preċiżament biex tikkumpensa din in-nuqqas li l-kumpannija ta’ consulenza Deloitte Touche Tohmatsu ġiet fdata l-kompitu li tipproċessa l-informazzjoni ta’ kontabbiltà disponibbli sabiex tkun tista’ tiddetermina bl-aħjar approssimazzjoni possibbli l-ispejjeż kompluti inerenti għall-assistenza loġistika u kummerċjali kif ipprovduta lil SFMI-Chronopost.

158

F’tali kuntest, ma jidhirx manifestament inapproprjat li dan l-ipproċessar kien inkluda diversi aġġustamenti, fejn il-motivi u l-estensjoni kienu espliċiti fit-tweġiba tas-27 ta’ Mejju 2005 tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza. L-eżistenza ta’ tali aġġustamenti ma tippermettix, minnha nfisha, li tiġi konkluża l-inkoerenza tal-informazzjoni utilizzata mill-Kummissjoni dwar dan l-istudju.

159

Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-aġir ta’ La Poste inkwantu azzjonista ta’ SFMI-Chronopost kienx iġġustifikat kummerċjalment fir-rigward tal-prinċipju tal-investituri fl-ekonomija tas-suq, u b’hekk ma ħbietx sussidji li jistgħu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni, kif jirriżulta ukoll mid-deċiżjoni kkontestata, ivverifikat li r-rata interna ta’ rendità — l-IRR — tal-investiment ta’ La Poste inkwantu azzjonista, eċċediet l-ispiża totali tal-kapital ta’ SFMI-Chronopost, jiġifieri r-rata ta’ rendiment normali li investitur privat jeżiġi minn ċirkustanzi simili.

160

Huwa paċifiku, u barra minn hekk mhuwiex ikkontestat li l-kalkolu operat, hekk kif ġie espost fid-deċiżjoni kkontestata, u hekk kif jirriżulta mit-tabella 1 li tidher fir-risposta tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Mejju 2005, jiġifieri mingħajr kunsiderazzjoni tal-għajnuna li tikkostitwixxi l-aċċess għan-netwerk u għal elementi ta’ fondi ta’ kummerċ ta’ La Poste (l-ewwel xenarju), wassal sabiex jiġi kkonstatat li l-IRR eċċediet sewwa l-ispejjeż tal-kapital. Fir-rigward tal-IRR ikkalkulat b’kunsiderazzjoni tal-għajnuna li tikkostitwixxi l-aċċess għan-netwerk u għal elementi ta’ dawn il-fondi ta’ kummerċ (it-tieni xenarju), UFEX et isostnu li t-tabella 2 tar-risposta hija vvizzjata bi żball ta’ kalkolu.

161

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, li l-allegazzjoni ta’ UFEX et, li ma tikkontestax l-istima li tirriżulta mill-ewwel xenarju, ma tistax ikollha effett. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma kellhiex rikors għat-tieni xenarju ħlief fuq il-bażi ta’ informazzjoni pprovduta minn UFEX et u li hija kkontestat l-kontenut, u biss sabiex tikkonsolida r-riżultati tal-ewwel xenarju tagħha.

162

Madankollu, min-naħa l-oħra, fost din l-inforamzzjoni tidher is-somma li tkkorrispondi skont UFEX et għall-għajnuna li tirriżulta minn kundizzjonijiet ta’ aċċess privileġġata għall-kontenituri ta’ La Poste, filwaqt li la UFEX et, la l-istudju Bain, bħala ma tippreċiża d-deċiżjoni kkontestata, ma jispjegaw kif din ġiet ikkalkulata. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-allegazzjoni inkwistjoni ma tippermettix li tiġi stabbilita n-natura manifestament żbaljata tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tar-remunerazzjoni xierqa tal-kapital proprju assenjat għall-attività kompetittiva.

163

Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li d-determinazzjoni tal-IRR ma kellhiex għan ieħor f’dan il-każ, ħlief li tivverifka jekk l-aġir ta’ La Poste bħala azzjonista ta’ SFMI-Chronopost kienx iġġustifikat kummerċjalment fir-rigward tal-prinċipjiu ta’ investitur fl-ekonomija tas-suq. Fir-rigward ta’ dan l-għan, dak li huwa importanti għall-Kummissjoni kien li ssir taf jekk l-IRR qabżitx ir-rata ta’ rendiment normali li investitur privat jeżiġi f’ċirkustanzi simili. B’hekk, iċ-ċirkustanza li dan il-qbiż ikun bejn wieħed u ieħor importanti m’għandux effett fuq il-punt jekk it-tranżazzjonijiet finanzjarji li kienu seħħew bejn La Poste u s-sussidjarja tagħha kinux inkludew element ta’ għajnuna. L-argument ta’ UFEX et ibbażat fuq livell għoli b’mod anormali tal-IRR hija sussegwentement, inapplikabbli f’dan il-każ.

164

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat huwa infondat u, b’hekk, ir-rikors ta’ UFEX et għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandu biss jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

165

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 118 tiegħu, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(3) ta’ dawn ir-regoli jipprovdi, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha minħabba raġunijiet eċċezzjonali. Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess Artikolu, dan jipprovdi li l-Istati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

166

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li kull parti, inkluża r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tas-7 ta’ Ġunju 2006, UFEX et vs Il-Kummissjoni (T-613/97), hija annullata, minn naħa, sa fejn tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/365/KE, tal-1 ta’ Ottubru 1997, dwar l-għajnuna li Franza kienet tat lil SFMI-Chronopost, sa fejn tikkonstata li la l-assistenza loġistika u kummerċjali pprovduta minn La Poste lis-sussidjarja tagħha, jiġifieri lil SFMI-Chronopost, u lanqas it-trasferiment ta’ Postadex ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat favur SFMI-Chronopost, u min-naħa l-oħra, inkwantu b’konsegwenza tiffissa l-ispejjeż.

 

2)

Ir-rikors ippreżentat taħt in-Nru T-613/97 quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej huwa miċħud.

 

3)

Kull parti, inkluża r-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.