Kawża C-301/06

L-Irlanda

vs

Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Direttiva 2006/24/KE — Żamma ta’ data ġġenerata jew ipproċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi — Għażla tal-bażi legali”

Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-14 ta’ Ottubru 2008   I ‐ 595

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal-10 ta’ Frar 2009   I ‐ 628

Sommarju tas-sentenza

Atti tal-istituzzjonijiet – Għażla tal-bażi legali

(Artikolu 95 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/24)

Id-Direttiva 2006/24 dwar iż-żamma ta’ data ġenerata jew proċessata b’konnessjoni mal-provvista ta’ servizzi pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjoni elettronika jew ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni pubblika [netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni] kellha tiġi adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE.

Fil-fatt, il-leġiżlatur Komunitarju jista’ jirrikorri għall-Artikolu 95 KE b’mod partikolari meta jkun hemm disparitajiet bejn il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali meta dawn id-disparitajiet ikunu ta’ natura li jostakolaw il-libertajiet fundamentali jew joħolqu distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u b’dan il-mod ikollhom effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq intern.

Jidher li l-diverġenzi bejn il-varji leġiżlazzjonijiet nazzjonali adottati fil-qasam taż-żamma tad-data relattiva għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kienu ta’ natura li jkollhom effett dirett fuq l-operazzjoni tas-suq intern u li kien prevedibbli li dan l-effett kellu jaggrava. Sitwazzjoni bħal din kienet tiġġustifika li l-leġiżlatur Komunitarju jfittex l-għan li jipproteġi l-operazzjoni tajba tas-suq intern billi jadotta regoli armonizzati.

Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/24 tirregola operazzjonijiet li huma indipendenti mill-implementazzjoni ta’ kull azzjoni ta’ kooperazzjoni mill-pulizija jew ġudizzjarja f’materji kriminali li jista’ jkun hemm. Din la tarmonizza l-kwistjoni tal-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u lanqas dik dwar l-użu u l-iskambju ta’ din id-data bejn dawn l-awtoritajiet. Dawn il-kwistjonijiet, li essenzjalment jaqgħu fil-qasam kopert mit-Titolu VI tat-Trattat UE, ġew esklużi mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Minn dan jirriżulta li l-kontenut materjali tad-Direttiva 2006/24 jipprevedi essenzjalment l-attivitajiet tal-fornituri ta’ servizzi fis-settur ikkonċernat tas-suq intern, bl-esklużjoni tal-attivitajiet statali li jaqgħu taħt it-Titolu VI tat-Trattat UE. Fid-dawl ta’ dan il-kontenut materjali, għandu jiġi konkluż li l-imsemmija direttiva tikkonċerna b’mod prinċipali t-tħaddim tas-suq intern.

(ara l-punti 63, 71, 72, 83-85, 93)