SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ April 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Moviment liberu tal-merkanzija — Artikoli 28 KE u 30 KE — Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE — Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Vetturi bil-mutur — Twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ”

Fil-Kawża C-265/06,

li għandu bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fis-16 ta’ Ġunju 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn A. Caeiros u P. Guerra e Andrade kif ukoll minn M. Patakia, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes, bħala aġent, assistit minn A. Duarte de Almeida, advogado,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, U. Lõhmus, J. Klučka, P. Lindh (Relatur) u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Novembru 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi pprojbixxiet fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet Liġi Nru 40/2003, tal-11 ta’ Marzu 2003 (Diário da República I, Sensiela A, Nru 59, tal-11 ta’ Marzu 2003), it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

Il-leġiżlatur Komunitarju ma adottax leġiżlazzjoni dwar il-film ikkulurit li huwa intiż sabiex jitwaħħal fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur.

3

Min-naħa l-oħra, teżisti leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-approvazzjoni tal-glazing tas-sigurtà tal-vetturi bil-mutur imwaħħal sa mill-bidu, jew inkella qabel it-tqiegħid fiċ-ċirkulazzjoni ta’ dawn il-vetturi, b’mod partikolari dwar il-kulur tal-glazing. Din il-leġiżlazzjoni tinkludi d-Direttiva tal-Kunsill 92/22/KEE, tal-31 ta’ Jannar 1992, dwar it-tqegħid tal-ħġieġ tas-sigurtà fit-twieqi u l-materjali tal-ħġieġ għat-tqegħid fit-twieqi fuq vetturi bil-mutur u fuq it-trailers tagħhom (ĠU L 129, p. 11), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/92/KE, tat-30 ta’ Ottubru 2001 (ĠU L 291, p. 21, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/22”).

4

It-tielet premessa u l-Anness II B tad-Direttiva 2001/92 jirreferu għar-Regolament Nru 43 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti, intitolat “Kundizzjonijiet uniformi dwar l-approvazzjoni tal-glazing tas-sigurtà u tat-twaħħil ta’ dan il-glazing fuq il-vetturi” (E/ECE/324-E/E/ECE/TRANS/505/Rev.1/Add,42/Rev.2, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 43”).

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi li, fir-rigward tal-windscreen, il-fattur ta’ trażmissjoni regolari tad-dawl m’għandux ikun inqas minn 75 %. F’dak li jikkonċerna l-glazing tas-sigurtà barra l-windscreens li jinsab fil-viżjoni tas-sewwieq lejn il-quddiem, dan il-fattur għandu jkun mill-inqas 70 %. Fir-rigward tal-glazing tas-sigurtà li jinsab fil-viżjoni tas-sewwieq lejn wara, il-fattur ta’ trażmissjoni tad-dawl jista’ jkun inqas minn 70 % jekk il-vettura hija mgħammra b’żewġ mirja fuq barra li juru wara.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

6

L-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 jipprovdi:

7

“It-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġiera jew ta’ merkanzija, bl-eċċezzjoni ta’ stickers regolatorji u ta’ film opak li ma jirriflettux fuq il-karrijiet ta’ vetturi li jintużaw għat-trasport ta’ merkanzija huwa pprojbit”.

Il-proċedura prekontenzjuża

8

Fl-1 ta’ April 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Portugiża, li fiha kkonkludiet li, billi fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, hija pprojbixxiet it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur li jintużaw għat-trasport tal-passiġġieri jew tal-merkanizja, bl-eċċezzjoni ta’ stikers regolatorji jew ta’ film opak li ma jirriflettux fuq il-karrijiet tal-vetturi bil-mutur li jintużaw għat-trasport tal-merkanżija, u billi ma kkomunikatx lill-Kummissjoni it-test ta’ dan id-Digriet-Liġi meta kien għadu abbozz, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE, 30 KE, l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE, kif ukoll l-Artikolu 8 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabblixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU L 204, p. 37).

9

L-awtoritajiet Portugiżi rrispondew għal din l-ittra ta’ intimazzjoni b’ittra tat-28 ta’ Ġunju 2004.

10

Peress li ma kinitx konvinta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Repubblika Portugiża, fit-22 ta’ Diċembru 2004, fejn stednitha tikkonforma magħha fi żmien xahrejn min-notifika ta’ din l-opinjoni.

11

Bħala tweġiba għal din l-opinjoni motivata, ir-Repubblika Portugiża informat, permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Lulju 2005, li hija kienet ser tħassar id-dispożizzjoni li tipprojbixxi t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, jiġifieri l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003.

12

Hija informat ukoll lill-Kummissjoni li, f’dak li jikkonċerna t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq tali ħġieġ, abbozz ta’ regoli tekniċi li kellhom jiġu inklużi fi strument leġiżlattiv kien qed jiġi żviluppat. Fix-xahar ta’ Diċembru 2005, abbozz ta’ digriet leġiżlattiv li jistabbilixxi dawn ir-regoli ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, skond id-Direttiva 98/34.

13

Fid-dawl ta’ din in-notifika, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirrinunzja għall-ilment dwar l-ommissjoni ta’ notifika ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 fi stat ta’ abbozz.

14

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni żammet l-ilment dwar l-inkompatibbiltà ta’ din id-dispożizzjoni ma’ l-Artikoli 28 KE, 30 KE kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE u ppreżentat dan ir-rikors fis-16 ta’ Ġunju 2006.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

15

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, li jipprojbixxi t-twaħħil ta’ kull tip ta’ film ikkulurit bil-għan li jiffiltra d-dawl fuq il-windscreen u fuq il-ħġieġ korrispondenti mal-postijiet tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur, fil-prattika jipprojbixxi l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall tal-film ikkulurit legalment iffabbrikat u/jew ikkummerċjalizzat fi Stat Membru ieħor jew fi Stat li huwa parti mill-Ftehim ŻEE bi ksur ta’ l-Artikoli 28 KE, 30 KE, kif ukoll ta’ l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE.

16

Fil-fatt, skond il-Kummissjoni, l-eventwali persuni interessati, kummerċjanti jew individwi, peress li jkunu jafu li ma jistgħux iwaħħlu dan it-tip ta’ film fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, jispiċċaw biex ma jixtruhx.

17

Il-Kummissjoni tfakkar li, skond ir-Regolament Nru 43, applikabbli skond id-Direttiva 92/22, il-windscreen u l-ħġieġ l-ieħor li jinsab fil-viżjoni tas-sewwieq lejn il-quddiem, quddiem punt li hija tindika bl-isem “pillar-B”, għandhom josservaw fattur ta’ trażmissjoni regolari tad-dawl ta’ għall-anqas, rispettivament, 75 % u 70 %. B’hekk dan il-ħġieġ jista’ jkun ikkuluriti peress li jirrispetta dawn ir-rekwiżiti.

18

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, f’dak li jikkonċerna l-ħġieġ li jinsab wara l-pillar B, ebda fattur minimu ta’ trażmissjoni regolari tad-dawl ma huwa previst meta dan il-ħġieġ ma jkollux rwol essenzjali għall-viżjoni tas-sewwieq. Fil-prattika, dan ifisser li vettura bil-mutur tista’ tkun mgħammra fuq wara bi ħġieġ ikkulurit li għandu fattur ta’ trażmissjoni regolari fid-dawl li huwa dgħajjef ħafna, safejn din għandha żewġ mirja fuq barra li juru wara.

19

B’hekk il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubbika Portugiża talli ma pprojbixxietx it-twaħħil ta’ kull film ikkulurit fuq il-windscreen u fuq il-ħġieġ korrispondenti mal-postijiet tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur li jintużaw għat-trasport ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija, ukoll meta dan il-film jippermetti li l-fattur ta’ trażmissjoni regolari tad-dawl jilħaq il-valuri minimi previsti mir-Regolament Nru 43.

20

Il-Kummissjoni ssostni li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, l-Istati Membri jistgħu, ċertament, jiddefinixxu l-livell ta’ protezzjoni tas-sigurtà tat-triq li huma jqisu xierqa fit-territorju tagħhom u li jistabbilixxxu l-miżuri intiżi sabiex jipproteġu s-sigurtà pubblika. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Portugiża ma ressqitx elementi li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-użu ta’ kwalunkwe film ikkulurit, irrispettivament minn x’ inhuma l-kulur u l-karatteristiċi, b’mod partikolari f’termini ta’ fattur ta’ trażmissjoni ta’ dawl, jippreżenta riskju għas-sigurtà pubblika u/jew għas-sigurtà tat-triq. Id-dispożizzjoni in kwistjoni la hija neċessarja u lanqas proporzjonali għall-għanijiet imfittxija.

21

Ir-Repubblika Portugiża ma tikkontestax il-fatti ppreżentati fir-rikors. Bil-kontra, hija tesprimi n-nuqqas ta’ qbil tagħha fid-dawl ta’ l-interpretazzjoni, il-valur u s-sinjifikat ta’ ċerti fatti.

22

L-ewwel nett, ir-Repubblika Portugiża ssostni li ma kienx hemm lok għall-Kummissjoni li tippreżenta rikors kontra tagħha peress li dan l-Istat Membru kien innotifika, matul il-proċedura prekontenzjuża, li huwa kien emenda l-leġiżlazzjoni tiegħu fis-sens kif speċifikat mill-Kummissjoni. L-abbozz ta’ emenda, li kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, jimplika, skond ir-Repubblika Portugiża, li dan l-Istat Membru neħħa l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003.

23

Sussegwentement, filwaqt li tammetti li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija, ir-Repubblika Portugiża ssostni li fi kwalunkwe każ, hija ġġustifikata minħabba għanijiet ta’ sigurtà tat-triq u ta’ sigurtà pubblika.

24

B’hekk ir-Repubblika Portugiża ssostni li l-projbizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti li jaraw malajr, minn barra, lejn ġewwa l-vetturi bil-mutur, mingħajr ma jkun neċessarju li dawn jiġu immobbilizzati, għall-finijiet, fl-ewwel lok, li tiġi vverifikata l-osservazzjoni ta’ l-użu obbligatorju taċ-ċinturin ta’ sigurezza u, fit-tieni lok, li jiġu identifikati eventwali delinkwenti, fid-dawl tal-ġlieda kontra l-kriminalità.

25

Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Portugiża ma tikkunsidrax li jeżistu mezzi inqas restrittivi li jippermettu li jiġi ggarantit it-twettiq ta’ l-għanijiet tas-sigurtà tat-triq u s-sigurtà pubblika li hija stabbilixxiet. Hija tosserva, f’dan ir-rigward, li l-projbizzjoni li jitwaħħal film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi mhijiex totali, iżda parzjali, fis-sens li din ma tiġix applikata la għall-karrijiet użati għat-trasport ta’ merkanzija u lanqas għal vetturi mhux bil-mutur, bħal vapuri.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26

Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest ta’ rikors skond l-Artikolu 226 KE, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skond is-sitwazzjoni fl-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata u li l-bidliet li jsiru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-423/00, Ġabra p. I-593, punt 14, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-254/05, Ġabra p. I-4269, punt 39).

27

Madankollu, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn mogħti mill-opinjoni motivata, ir-Repubblika Portugiża ma kinitx ħassret l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 li jipprojbixxi li jitwaħħal film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur. Iċ-ċirkustanza li dan l-Istat Membru sussegwentement innotifika abbozz ta’ leġiżlazzjoni li ma fihx id-dispożizzjoni in kwistjoni ma tbiddel xejn mill-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni fil-mument rilevanti.

28

B’konsegwenza, għandha tiġi eżaminata l-konformità ta’ din id-dispożizzjoni, hekk kif imfakkar fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u tad-dritt taż-Żona Ekonomika Ewropea li l-Kummissjoni tirreferi għalihom.

29

Għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 92/22 tirregola mhux il-film ikkulurit intiż sabiex jitwaħħal fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, iżda unikament il-ħġieġ li oriġinarjament ikun twaħħal fuq dawn il-vetturi, jiġifieri l-ħġieġ ikkulurit.

30

Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja, l-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 għandu, b’konsegwenza, jiġi eżaminat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE.

31

Peress li dawn ta’ l-aħħar huma miktuba f’termini kważi identiċi għal dawk tat-Trattat, il-kunsiderazzjonijiet li jsegwu dwar l-Artikoli 28 KE u 30 KE għandhom jinftiehmu bħala li japplikaw għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim ŻEE, jiġifieri l-Artikoli 11 u 13 ta’ dan il-Ftehim.

— Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija

32

Skond ġurisprudenza kostanti, kull leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri lii tista’ tostakola, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intra-Komunitarju għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi, li huma pprojbiti mill-Artikolu 28 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5; tad-19 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-420/01, Ġabra p. I-6445, punt 25, u tat-8 ta’ Novembru 2007, Ludwigs-Apotheke, C-143/06, Ġabra p. I-9623, punt 25).

33

F’dan il-każ, ir-Repubblika Portugiża tammetti li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, li tirreferi għat-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-windscreen u l-ħġieġ li jikkorrispondi mal-postijiet tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur, tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti fil-Portugall.

34

Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-eventwali persuni interessati, kummerċjanti jew individwi, peress li jafu li huwa pprojbit lilhom li jwaħħlu dan il-film fuq il-windscreen u fuq il-ħġieġ li jikkorrispondi mal-postijiet tal-passiġġieri tal-vetturi bil-mutur, m’għandhom prattikament ebda interess sabiex jixtruh.

35

L-unika eċċezzjoni għall-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tikkonċera t-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-karrijiet ta’ vetturi bil-mutur li jservu għat-trasport ta’ merkanziji u fuq il-vetturi mhux bil-mutur.

36

B’konsegwenza, id-dispożizzjoni in kwistjoni taffettwa l-kummerċjalizzazzjoni fil-Portugall ta’ kważi t-totalità tal-film ikkulurit, legalment iffabbrikat u kkummerċjalizzat fi Stati Membri oħra jew fi Stati li huma parti mill-Ftehim ŻEE, fid-dawl tat-twaħħil tagħhom fuq il-ħġieġ ta’ vetturi bil-mutur.

37

Isegwi li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tikkostitwixxi miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjonijiet kwantitattivi skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 11 tal-Ftehim ŻEE. Din il-miżura hija inkompatibbli ma’ l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet, sakemm din tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata.

— Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni

38

Skond ġurisprudenza kostanti, tali miżura li għandha effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss minn waħda mir-raġunijiet ta’ interess ġenerali elenkati fl-Artikolu 30 KE jew minn waħda mir-rekwiżiti imperattivi stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Frar 1979, Rewe-Zentral, imsejħa “Cassis de Dijon”, 120/78, Ġabra p. 649, punt 8), bil-kundizzjoni li fi kwalunkwe każ, din il-miżura tkun adatta sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan imsegwi u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħqu (sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL, C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 64; ta’ l-10 ta’ Novembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-432/03, Ġabra p. I-9665, punt 42, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

39

F’dan il-każ, il-ġustifikazzjonijiet imressqa mir-Repubblika Portugiża kkunsidraw, minn naħa, il-ġlieda kontra l-kriminalità fil-kuntest tal-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u, min-naħa l-oħra, il-kontroll ta’ l-osservanza ta’ l-użu obbligatorju taċ-ċinturin li jaqa’ taħt il-kamp tas-sigurtà tat-triq. Il-ġlieda kontra l-kriminalità u s-sigurtà tat-triq jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw ostakolu għall-moviment liberu tal-merkanzija (ara, fir-rigward tas-sigurtà tat-triq, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-54/05, Ġabra p. I-2473, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Madankollu, huwa l-obbligu ta’ l-Istati Membru li juru li l-leġiżlazzjoni tagħhom hija adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq ta’ tali għanijiet u li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C-297/05, Ġabra p. I-7467, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Portugiża ressqet biss element wieħed in sostenn tal-miżura kkontestata, jiġifieri li hija tippermetti li jsir kontroll immedjat ta’ l-ispazju ġewwa l-vetturi bil-mutur permezz ta’ sempliċi osservazzjoni mill-estern.

42

Jekk il-projbizzjoni msemmija fl-Artikolu 2(1) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003 tidher, ċertament, ta’ natura li tiffaċilita tali osservazzjoni u, b’konsegwenza, adatta sabiex tilħaq l-għanijiet ta’ ġlieda kontra l-kriminalità u s-sigurtà tat-triq, minn dan ma jirriżultax li din hija neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u li ma jeżistux mezzi oħra li huma inqas restrittivi sabiex jintlaħaq dan l-għan.

43

Fil-fatt, il-kontroll viżiv in kwistjoni huwa biss mezz fost oħrajn għad-dispożizzjoni ta’ l-awtoritajiet kompetenti għall-ġlieda kontra l-kriminalità u kontra l-ksur ta’ l-użu obbligatorju taċ-ċinturin tas-sigurezza.

44

In-natura allegatament neċessarja tal-miżura in kwistjoni kienet iktar u iktar inqas ippruvata peress li, matul is-seduta, ir-Repubblika Portugiża ammettiet li hija ppermettiet il-kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tagħha ta’ vetturi bil-mutur mgħammra sa mill-bidu bi ħġieġ ikkulturit fil-limiti previsti mid-Direttiva 92/22. Madankollu, dan il-ħġieġ ikkulurit, bħal fil-każ tal-film ikkulurit in kwistjoni, jista’ jimpedixxi kull eżami viżiv, mill-estern, lejn l-intern tal-vetturi.

45

B’konsegwenza, ħlief jekk jiġi aċċettat li, fir-rigward tal-vetturi bil-mutur mgħammra sa mill-bidu bi ħġieġ ikkulurit, l-awtoritajiet kompetenti rrinunzjaw milli jassiguraw il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-osservanza tas-sigurtà tat-triq, għandu jiġi kkonstatat li huma għandu jkollhom rikors għal metodi oħra sabiex jidentifikaw id-delinkwenti u l-eventwali trasgressuri li ma josservawx l-użu obbligatorju taċ-ċinturin tas-sigurezza.

46

Barra minn hekk, ir-Repubblika Portugiża ma wrietx li l-projbizzjoni, safejn din tirrigwarda l-film ikkulurit kollu, hija neċessarja sabiex tassigura s-sigurtà tat-triq u li hija neċessarja wkoll għall-ġlieda kontra l-kriminalità.

47

Fil-fatt, kif ġie sostnut mill-Kummissjoni matul is-seduta, il-film ikkulurit jinkludi sensiela wiesgħa ta’ film trasparenti għal film kawżi opak. Din l-informazzjoni, li mhijiex ikkontestata mir-Repubblika Portugiża, timplika li, almenu ċertu film, jiġifieri dak li jippreżenta livell ta’ trasparenza suffiċjenti, jippermetti l-eżami viżiv mixtieq ta’ l-ispazju ġewwa l-vetturi bil-mutur.

48

Isegwi li din il-projbizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala eċċessiva u, għaldaqstant, disproporzjonata meta pparagunata mal-għanijiet imfittxija.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat, li, billi pprojbixxiet fl-Artikolu 2(1), tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 28 KE, 30 KE, kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim ŻEE.

Fuq l-ispejjeż

50

Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tar-Repubblika Portugiża u din tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi pprojbixxiet, fl-Artikolu 2(1), tad-Digriet-Liġi Nru 40/2003, tal-11 ta’ Marzu 2003, it-twaħħil ta’ film ikkulurit fuq il-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 28 KE, 30 KE, kif ukoll l-Artikoli 11 u 13 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992.

 

2)

Ir-Repubblika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.