Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva
Fil-kawżi magħquda C-260/06 u C-261/06,
li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-cour d’appel ta’ Montpellier (Franza), permezz tad-deċiżjonijiet ta’ l-24 ta’ Mejju 2006, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2006, fil-proċeduri kriminali kontra
Daniel Escalier (C-260/06),
Jean Bonnarel (C-261/06) ,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’Awla),
komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis, E. Juhász, J. Malenovský u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal D. Escalier u J. Bonnarel, minn J.-P. Montenot, avukat,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u R. Loosli-Surrans, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos u S. Papaioannou, bħala aġenti,
– għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster, bħala aġent,
– għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn B. Stromsky, bħala aġent,
wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-10 ta’ Lulju 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1. It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).
2. Dawn it-talbiet ġew magħmula fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mressqa kontra D. Escalier u J. Bonnarel, li tħarrku minħabba ksur tal-liġi Franċiża rigward it-tqegħid fis-suq, iż-żamma u l-użu ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Komunitarju
3. Skond l-Artikolu 28 KE, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u l-miżuri li għandhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Madankollu, skond l-Artikolu 30 KE, il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, bejn l-Istati Membri huma ġustifikati abbażi, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bniedem u ta’ annimali u l-preservazzjoni tal-pjanti, huma awtorizzati meta ma jikkostitwixxux la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.
4. Id-Direttiva tipprovdi regoli uniformi dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq (iktar ’il quddiem l-“ATS”) ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti kif ukoll dwar ir-reviżjoni u l-irtirar tagħhom. Din hija intiża mhux biss sabiex tarmonizza r-regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri ta’ approvazzjoni ta’ l-imsemmija prodotti, imma wkoll sabiex tassigura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent kontra l-perikli u r-riskji li jirriżultaw minn użu ta’ dawn il-prodotti li mhuwiex ikkontrollat sew. Barra minn hekk, id-Direttiva hija intiża sabiex tneħħi r-restrizzjonijiet għal moviment liberu tagħhom.
5. Id-Direttiva tikkonċerna, b’mod partikolari, l-awtorizzazzjoni, it-tqegħid fis-suq, l-użu u l-kontroll ġewwa l-Komunità Ewropea ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fis-sens kummerċjali. Skond l-Artikolu 2(10), bi “introduzzjoni [tqegħid] fis-suq” għandu jinftiehem kwalunkwe forniment, sew jekk għal ħlas u sew jekk b’xejn sakemm ma jkunx għall-ħażna u sussegwentement għall-ikkonsenjar lil hinn mit-territorju tal-Komunità. L-importazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti ġewwa dan it-territorju tal-Komunità għandha titqies bħala tqegħid fis-suq fis-sens tad-Direttiva.
6. Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jistipulaw illi l-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ma jistgħux jiġu introdotti [jitqiegħdu] fis-suq u użati fit-territorju tagħhom sakemm ma jkunux awtorizzaw il-prodott skond din id-Direttiva […].”
7. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jesponi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li għandu jissodisfa prodott għall-ħarsien tal-pjanti sabiex jiġi awtorizzat. Skond dan l-istess Artikolu, l-awtorizzazzjonijiet għandhom jistipulaw r-rekwiżiti li għandhom x’jaqsmu mat-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott u għal perijodu fiss li jestendi sa għaxar snin, li huwa stabbilit mill-Istati Membri. Dawn jistgħu jiġu riveduti f’kull żmien u għandhom, abbażi ta’ ċertu kundizzjonijiet, jiġu kkanċellati. Meta Stat Membru jikkanċella ATS, huwa għandu jinforma immedjatament lid-detentur.
8. Barra minn hekk, fl-Artikoli 3(4) u 16, id-Direttiva tipprovdi kontroll speċifiku dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettar ta’ kull prodott. Għalhekk, skond l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva, it-tikketta ta’ prodott trid turi, b’mod partikolari, b’mod ċar u li ma jħassarx l-isem kummerċjali u d-deskrizzjoni ta’ dan il-prodott, l-isem u l-indirizz tad-detentur ta’ l-ATS, in-numru ta’ din l-awtorizzazzjoni, kif ukoll numru ta’ indikazzjonijiet oħra dwar il-prodott u l-użu tiegħu, per eżempju, in-natura tar-riskji partikolari għal bniedem, l-annimali u l-ambjent kif ukoll il-prekawzjonijietli għandhom jittieħdu għall-protezzjoni ta’ dawn, l-użu li għalih il-prodott għall-ħarsien tal-pjanti huwa awtorizzat u l-kundizzjonijiet speċifiċi li taħthom jista’ jiġi użat kif ukoll id-direzzjonijiet dwar l-użu.
9. Stat Membru li fih hija magħmula applikazzjoni għal ATS ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li huwa diġà awtorizzat fi Stat Membru ieħor għandu, skond l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva, taħt ċerti kundizzjonijiet u mingħajr eċċezzjoni, iżomm lura milli jitlob r-repetizzjoni ta’ testijiet u analiżi li jkunu diġà twettqu.
10. Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 17 tad-Direttiva:
“L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti li jkunu tqiegħdu fuq is-suq u sabiex l-użu tagħhom ikun ikkontrollat uffiċjalment sabiex jaraw jekk ikunux konformi mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u partikolarment mar-rekwiżiti ta’ l-awtorizzazzjoni u l-informazzjoni li għandhom jidhru fuq it-tikketta.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
11. Skond l-Artikolu L. 253-1 tal-Kodiċi rurali:
“It-tqegħid fis-suq, l-użu u ż-żamma mill-utilizzatur finali tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti huma pprojbiti jekk dawn ma jibbenefikawx minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq […].”
12. Il-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ l-ATS ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fi Franza huma definiti fid-digriet Nru 94-359, tal-5 ta’ Mejju 1994, dwar il-kontroll tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti (JORF tas-7 ta’ Mejju 1994, p. 6683), li ġie adottat sabiex tiġi assigurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva fis-sistema legali nazzjonali.
13. Id-digriet Nru 2001-317, ta’ l-4 ta’ April 2001, li jistabblixxi proċedura semplifikata ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-ħarsien li ġejjin miż-Żona Ekonomika Ewropea (JORF ta’ l-14 ta’ April 2001, p. 5811), li ġie kkodifikat fl-Artikoli R. 253-52 à R. 253-55 tal-Kodiċi rurali jipprovdi fl-Artikolu 1:
“L-introduzzjoni fit-territorju nazzjonali ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li joriġina minn Stat li jinsab fiż-Żona Ekonomika Ewropea u li fih diġà jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq maħruġa skond id-Direttiva […], u li huwa identiku għal prodott iktar ’il quddiem imsejjaħ ‘prodott ta’ referenza’ hija awtorizzata skond is-segwenti kundizzjonijiet:
Il-prodott ta’ referenza għandu jibbenefika minn awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq maħruġa mil-Ministru inkarigat mill-agrikultura billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tat-Titoli I, III u IV tad-Digriet tal-5 ta’ Mejju 1994 msemmi iktar ’il fuq.
L-identiċità ta’ prodott introdott fit-territorju nazzjonali mal-prodott ta’ referenza għandha tiġi evalwata skond it-tliet kriterji segwenti:
– oriġini komuni fis-sens li ż-żewġ prodotti ġew immanifatturati bl-istess mod, mill-istess impriża jew minn impriża marbuta jew li topera taħt liċenzja;
– manifattura li ssir bl-użu ta’ l-istess sustanza jew sustanzi attivi;
– effetti simili taż-żewġ prodotti billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-differenzi li jistgħu jeżistu fir-rigward tal-kundizzjonijiet agrikoli, tal-ħarsien tal-pjanti u ambjentali, b’mod partikolari dawk klimatiċi, marbuta ma’ l-użu tal-prodotti.”
14. Skond l-Artikolu 1 tad-digriet ministerjali tas-17 ta’ Lulju 2001, li japplika d-digriet Nru 2001-317 (JORF tas-27 ta’ Lulju 2001, p. 12091), kull applikant għal ATS ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej miż-Żona Ekonomika Ewropea għandu jipprovdi, in sostenn ta’ l-applikazzjoni tiegħu, faxxikolu magħmul minn formola li tinkludi l-informazzjoni tal-lista li tidher fl-Anness ta’ dan id-digriet, tikketta bil-franċiż tal-prodott li għalih tintalab l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq matul l-importazzjoni parallela, kif ukoll tikketta oriġinali tal-prodott jew prodotti importati.
15. L-Anness ta’ l-imsemmi digriet ministerjali jipprovdi li kull applikant għal ATS ta’ tali prodott għall-ħarsien tal-pjanti għandu, in sostenn ta’ l-applikazzjoni tiegħu, jipprovdi informazzjoni dwar l-identità ta’ l-importatur, l-identità tal-prodott importat u tal-prodott ta’ referenza, l-użu intenzjonat tal-prodott li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni kif ukoll l-identità Franċiża ta’ l-importazzjoni u l-isem kummerċjali propost fi Franza għall-prodott in kwistjoni.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
16. Mid-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li nbdew proċeduri kriminali kontra żewġ persuni li jkabbru l-għeneb, D. Escalier (kawża C-260/06) u J. Bonnarel (kawża C-261/06), li fir-rigward tagħhom ġie allegat li huma żammew prodotti pestiċidi għal użu agrikolu li ma jibbenefikawx minn ATS fi Franza, bl-għan li jużawhom. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ D. Escalier, huwa allegat li għamel użu minn dawn il-prodotti u fir-rigward ta’ J. Bonnarel li rrifjuta li jeħles minn dawn il-prodotti. Fiż-żewġ kawżi, hemm in kwistjoni prodotti li ġejjin minn Spanja.
17. Permezz tas-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2005, it-tribunal de grande instance ta’ Carcassone sab lil imħarrka ħatja tar-reati msemmija iktar ’il fuq u kkundannahom iħallsu ammenda b’sospensjoni ta’ EUR 1 500 kull wieħed. D. Escalier u J. Bonnarel ippreżentaw appell min dawn is-sentenzi quddiem il-cour d’appel ta’ Montpellier.
18. Kemm fl-ewwel istanza kif ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, D. Escalier u J. Bonnarel sostnew li l-prodotti in kwistjoni diġà kellhom ATS fi Franza favur importaturi oħra jew li huma simili għal prodotti ta’ referenza awtorizzati f’dan l-Istat Membru. Huma sostnew ukoll li l-proċedura semplifikata ta’ ATS u d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi rurali li abbażi tagħhom inbdew il-proċeduri japplikaw biss għal bdiewa li jimportaw mhux għall-finijiet kummerċjali imma għall-finijiet personali. Barra minn hekk, l-imsemmija proċedura mhijiex konformi mad-dritt Komunitarju jew, mill-inqas, hija sproporzjonata minħabba l-kumplessità u l-ispejjeż tagħha.
19. It-tribunal de grande instance ta’ Carcassonne kif ukoll il-cour d’appel ta’ Montpellier iddeċidew li l-proċedura semplifikata ta’ ATS mil-leġiżlatur Franċiż għandha l-għan li tassigura li ma jitqiegħdux fis-suq prodotti li huma ta’ riskju u ta’ ħsara għall-bniedem, l-annimali u l-ambjent. Skond dawn il-qrati, proċedura bħal din għandha l-għan li tirrikonċilja l-prinċipju tal-moviment liberu fi ħdan il-Komunità u l-bżonn li kull Stat Membru jkun permess jiżgura l-ħarsien tas-saħħa pubblika u ta’ l-ambjent, billi jieħu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, ta’ l-ispeċifiċitajiet lokali. Huma jżidu li d-Direttiva ma tagħmel ebda distinzjoni bejn l-importazzjonijiet paralleli b’għanijiet kummerċjali u dawk ta’ individwi b’għanijiet privati li huma għall-użu strettament personali tagħhom.
20. Billi s-soluzzjoni għall-kawżi quddiemha tiddependi fuq il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Franċiża mad-dritt Komunitarju, il-cour d’appel ta’ Montpellier iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Gustizzja, li huma identiċi għal dawk fiż-żewġ kawżi C‑260/06 u C‑261/06:
“1) Meta Stat Membru jissuġġetta l-importazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej minn Stat Membru ieħor li fih il-prodott jibbenefika diġà minn [ATS] maħruġa skond id-Direttiva […] għal proċedura semplifikata ta’ [ATS] sabiex jiġi vverifikat li l-prodott importat jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ identità stabbiliti mis-sentenza […] tal-11 ta’ Marzu 1999, [British Agrochemicals Association, C-100/96, Ġabra p. I-1499], dan l-Istat Membru huwa ġġustifikat li jissuġġetta lil operatur għall-imsemmija proċedura ta’ awtorizzazzjoni semplifikata meta:
– l-importatur huwa bidwi li jimporta l-prodott għall-bżonnijiet biss tar-rabà tiegħu li huma diversi imma limitati fil-kwantità u għalhekk ma jqiegħdux fis-suq fis-sens kummerċjali li jimplika dan il-kunċett;
– il-proċedura semplifikata ta’ ATS valida bħala awtorizzazzjoni ta’ importazzjoni hija personali għal kull operatur/distributur li huwa obbligat jattribwixxi lill-prodott it-trade mark tiegħu stess u huwa suġġett għal taxxa ta’ EUR 800?
2) Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, [Il-Kummissjoni vs Franza] fil-kawża C-212/03 [Ġabra p. I-4213], dwar l-importazzjonijiet personali ta’ medikamenti minn individwi, tista’ tiġi applikata għall-każ ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti importati mill-bdiewa għall-bżonnijiet biss tar-rabà tagħhom?”
21. B’digriet tal-President tal-Qorti tat-12 ta’ Lulju 2006, il-kawżi C-462/03 u C-463/03 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali, kif ukoll għas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
22. Permezz ta’ l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru li jissuġġetta l-importazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej minn Stat Membru ieħor li fih il-prodott huwa awtorizzat, għal proċedura semplifikata ta’ ATS sabiex tiġi vverifikata l-identità ta’ dan ta’ l-aħħar mal-prodott ta’ referenza li huwa diġà awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, jistax jissuġġetta proċedura bħal din meta l-importatur huwa bidwi li jimporta l-prodott għall-bżonnijiet biss tar-rabà tiegħu, fejn din il-proċedura hija personali għal kull operatur u li tobbliga lil dan jattribwixxi lill-prodott it-trade mark tiegħu stess u li hija suġġetta għal taxxa ta’ EUR 800.
23. F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li s-sistema stabbilita mid-Direttiva mhijiex ibbażata fuq obbligu tar-rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri ta’ ATS ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti mogħtija fi Stati Membri oħra, imma fuq l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri, li mhumiex marbuta ma’ l-ATS mogħtija minn Stat Membru ieħor.
24. Għalhekk, skond il-prinċipji esposti fid-Direttiva, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1), u minkejja r-regoli tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija, ebda prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jista’ jitqiegħed fis-suq u jiġi użat fi Stat Membru ħlief jekk tingħata ATS minn qabel mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat skond id-Direttiva. Eżiġenza bħal din tapplika wkoll meta l-prodott ikkonċernat jibbenefika minn ATS mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, peress li d-Direttiva teżiġi li tinkiseb awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq u jintuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 1998, Harpegnies, C‑400/96, Gabra. p. I-5121, punt 26).
25. Madankollu, fil-każ fejn diġà hemm applikazzoni għal ATS ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li huwa diġà awtorizzat fi Stat Membru ieħor, skond l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva, l-ewwel Stat għandu, taħt ċerti kundizzjonijiet u mingħajr eċċezzjonijiet, iżomm lura milli jitlob ir-repetizzjoni tat-testijiet u ta’ l-analiżi li saru fl-Istat Membru l-ieħor, u għalhekk jippermetti li jiġu ffrankati l-ħin u l-ispejjeż neċessarji involuti fil-preparazzjoni ta’ l-informazzoni mitluba.
26. Minn dan isegwi li l-obbligu li jirriżulta mid-Direttiva, li għandu l-importatur ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti sabiex, qabel ma jsir disponibbli għal terzi fi Stat Membru, jikseb fir-rigward tiegħu ATS li tingħata skond id-Direttiva ma jistax, bħala regola, jikkostitwixxi restrizzjoni għal kummerċ intrakomunitarju pprojbita mill-Artikolu 28 KE (ara, fir-rigward tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Deutscher Apothekerverband, C‑322/01, Ġabra p. I‑14887, punti 48, 52 u 53, kif ukoll tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑150/00, Ġabra p. I‑3887, punti 56 u 57). L-istess argument japplika għal projbizzjoni li jintuża prodott li ma ġiex awtorizzat minn qabel fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni.
27. Konsegwentement, operatur li kiseb prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej minn Stat Membru, fejn huwa legalment ikkummerċjalizzat taħt ATS mogħtija mill-awtorità kompetenti ta’ dan l-istess Stat, ma jistax jimporta dan il-prodott fi Stat Membru ieħor, bil-għan li jitqiegħed fis-suq u li jintuża, peress li ma jibbenefikax minn ATS li hija mogħtija regolarment f’dan l-Istat Membru.
28. Min-naħa l-oħra, meta importazzjoni fi Stat Membru ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti, li jibbenefika minn ATS mogħtija skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jibbenefika minn ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ħruġ ta’ ATS ma japplikawx (ara, fir-rigward tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1996, Smith & Nephew u Primecrown, C-201/94, Ġabra p. I‑5819, punt 21, kif ukoll, fir-rigward tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, is-sentenza British Agrochemicals Association, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). Minkejja dan, sitwazzjoni bħal din taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-merkanzija.
29. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw jekk l-importazzjoni ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jibbenefika minn ATS fi Stat Membru ieħor tikkostitwixxix importazzjoni parallela fir-rigward ta’ prodott li diġà jibbenefika minn ATS fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, peress li huma obbligati jirrispettaw l-obbligi u l-projbizzjonijiet previsti mid-Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza British Agrochemicals Association, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
30. Fis-sitwazzjoni fejn il-prodott għall-ħarsien tal-pjanti għandu jiġi kkunsidrat bħala wieħed li diġà ġie awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat għandhom jibbenefikaw mill-ATS mogħtija lill-prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jinsab diġà fis-suq fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, sakemm il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni effikaċji tas-saħħa tal-bniedem, ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent ma jipprekludux dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smith & Nephew u Primecrown, punti 29 sa 32, kif ukoll British Agrochemicals Association, punt 36). Għalhekk, prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jitqiegħed fis-suq permezz ta’ importazzjoni parallela ma jistax jibbenefika la minn metodu awtomatiku u lanqas minn wieħed assolut u inkundizzjonali ta’ ATS mogħtija fir-rigward ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li jinsab diġà fis-suq ta’ dan l-Istat.
31. Fil-każ fejn prodott għall-ħarsien tal-pjanti ma jistax jiġi kkunsidrat li huwa diġà awtorizzat fi Stat Membru ta’ importazzjoni, dan ta’ l-aħħar għandu jagħti ATS biss skond il-kundizzjonijiet esposti fid-Direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Smith & Nephew u Primecrown, punt 30, kif ukoll British Agrochemicals Association, punt 37) jew jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq u l-użu tiegħu.
32. Min dan isegwi li l-Istati Membri huma obbligati li jissuġġettaw l-importazzjonijiet tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti fit-territorju tagħhom għal proċedura ta’ eżami, din tista’ tkun, bħal f’dan il-każ, proċedura msejħa “semplifikata” li hija intiża sabiex tivverifika jekk prodott għandux bżonn ATS jew jekk għandux jiġi kkunsidrat li huwa diġà awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni. F’dan ir-rigward, huma l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni li għandhom jeżaminaw, fuq talba ta’ l-applikanti, jekk il-prodott ikkonċernat jistax jibbenefika minn ATS mogħtija lill-prodott għall-ħarsien tal-pjanti li diġà jinsab fis-suq ta’ dan l-Istat.
33. Kif innotat l-Avukat Generali fil-punti 40 sa 47 tal-konklużjonijiet tagħha u kif sostnew l-Istati Membri li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Gustizzja kif ukoll il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, dawn l-argumenti japplikaw ukoll indipendentament mill-għan ta’ l-importazzjoni u għaldaqstant, huma wkoll applikabbli għal bdiewa li jimportaw prodotti għall-bżonnijiet biss tar-raba’ tagħhom.
34. Jekk il-bdiewa ma kellhomx l-obbligu li jiġu suġġetti għal proċedura semplifikata ta’ ATS, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni li jiġi magħruf jekk prodott jistax jibbenefika minn ATS mogħtija fir-rigward ta’ prodott ieħor għall-ħarsien tal-pjanti, hija r-responsabbilità tal-bdiewa biss. Għalhekk, minn naħa, għal raġunijiet importanti ta’ interess ġenerali marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent u b’kunsiderazzjoni għal dak li ġie espost fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, din l-evalwazzjoni taqa’ biss taħt l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni. Min-naħa l-oħra, minbarra l-proċedura prevista għal dan il-għan, il-bidwi m’għandux il-mezzi kollha neċessarji sabiex iwettaq evalwazzjoni bħal din b’mod ta’ min jorbot fuqu.
35. Barra minn hekk, eżenzjoni bħal din iġġib fid-dubju mhux biss is-sistema stabbilita mid-Direttiva, li skondha t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti għandhom ikunu suġġetti għal awtorizzazzjoni preliminari, imma wkoll l-effettività tal-kontroll, li huwa r-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri, b’mod partikolari, skond l-Artikoli 3(1) u (17) tad-Direttiva.
36. Konsegwentement, Stat Membru għandu jeżiġi mingħand persuna li għandha l-intenzjoni li twettaq importazzjoni parallela ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li huwa diġà awtorizzat fit-territorju tagħha, li dan jiġi suġġett għal proċedura semplifikata ta’ ATS, minkejja li dan l-importatur huwa bidwi li jimporta dan il-prodott għal bżonnijiet biss tar-raba’ agrikola tiegħu.
37. Fir-rigward tal-konformità mad-dritt Komunitarju tal-karattru personali ta’ ATS mogħti wara proċedura semplifikata kif ukoll l-obbligu ta’ l-importatur li jattribwixxi lill-prodott it-trade mark tiegħu stess u li huwa suġġett għal taxxa ta’ EUR 800 waqt din il-proċedura, għandu jiġi mfakkar li, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jassiguraw l-osservanza stretta ta’ l-għan essenzjali tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent. Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li, sabiex jiġi protett il-moviment liberu tal-merkanzija, il-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandha tiġi applikata skond il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali li huma leġittimament segwiti (sentenzi ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Ferring, C-172/00, Ġabra p. I-6891, punt 34, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Kohlpharma, C-112/02, Ġabra p. I-3369, punt 14).
– Fuq il-karattru personali ta’ ATS
38. F’dan ir-rigward, kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punti 49 u 50 tal-konklużjonijiet tagħha u kif josservaw il-Gvernijiet ta’ l-Olanda u tal-Finlandja, fid-dawl tal-periklu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti u tar-riskji marbuta ma’ l-użu tagħhom, il-bżonn li jiġu vverifikati, b’mod effikaċji u ta’ min jorbot fuqu, l-osservanza ta’ l-eżiġenzi tad-Direttiva jista’ jiġġustifika l-karattru personali ta’ ATS.
39. L-għan li skondu ebda użu tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti ma jista’ jsir fit-territorju ta’ Stat Membru mingħajr ma dan ikun suġġett għal proċedura ta’ kontroll magħmula mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat, u li użu bħal dan huwa suġġett għal kundizzjonijiet previsti mill-ATS, ma jistax jiġi assigurat ħlief jekk kull operatur huwa obbligat li jiġi suġġett għal proċedura ta’ ATS, li jkollu l-intenzjoni li jipprovdi l-prodott importat lil terzi jew li jużah huwa stess għal bżonnijiet tar-raba’ tiegħu.
40. Jekk, fil-kuntest ta’ importazzjoni parallela, l-ATS kienet marbuta mal-prodott importat u mhux ma’ l-importatur, huwa dan li għandu jwettaq il-verifiki neċessarji. Il-fatt li l-operaturi huma permessi jipprovdu l-prodott għall-ħarsien tal-pjanti lil terzi jew li jużawh u li dan kien diġà s-suġġett ta’ proċedura semplifikata ta’ ATS mingħajr ebda kontroll preliminari jista’ jżid ir-riskju ta’ użu żbaljat u abużiv ta’ dan il-prodott. Fil-fatt, minn naħa, mhuwiex assigurat li l-importaturi jwettqu verifiki ta’ min jorbot fuqhom intiżi sabiex isir magħruf jekk u fuq liema kundizzjonijiet prodott għall-ħarsien tal-pjanti li huwa suġġett għall-importazzjoni parallela jibbenefikax minn ATS mogħtija fir-rigward ta’ prodott ieħor. Min-naħa l-oħra, l-osservanza tar-regoli stretti dwar l-ittikkettjar u l-imballaġġ ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, li huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jassiguraw l-użu korrett ta’ dawn, lanqas ma tista’ tiġi kkontrollata b’mod effikaċi mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat.
41. Barra minn hekk, l-ATS jistgħu jiġu suġġetti għal eżami ieħor u jistgħu jiġi annullati. F’każijiet bħal dawn, kif osservaw l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha u l-Gvern Franċiż, l-Istati Membri, minħabba r-raġunijiet ta’ l-annullament ta’ l-ATS, għandhom ikunu f’pożizzjoni li jirtiraw f’qasir żmien il-prodotti kollha kkonċernati li jinsabu fit-territorju tagħhom, li mhuwiex il-każ jekk l-ATS ma kellhiex karattru personali u jekk hija biss l-ewwel importazzjoni parallela ta’ prodott li hija suġġetta għal proċedura semplifikata ta’ ATS.
42. Minn dan jirriżulta li huwa ġġustifikat li ATS li ngħatat fil-kuntest ta’ proċedura semplifikata għandha karattru personali.
43. Konsegwentement, importatur jista’ jkun suġġett għal proċedura semplifikata anke jekk il-prodott importat parallelment diġà kiseb AST minħabba importatur ieħor parallel. Madankollu, mill-mument li l-identità ta’ prodott bħal dan ma prodott ta’ referenza ġiet ikkonstatata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni, l-obbligi amministrattivi li huwa suġġett għalihom l-importatur parallel fil-kuntest ta’ proċedura semplifikata ta’ ATS m’għandhomx, fir-rigward tal-prinċipju tal-proporzjonalità, imorru lil hinn mir-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal ATS. Applikazzjoni bħal din għandha tinkludi indikazzjoni tal-prodott ta’ referenza kif ukoll l-obbligu li jiġu osservati l-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-użu mitlub mill-ATS rigward il-prodott ta’ referenza. L-amministrazzjoni kompetenti għandha tiddeċiedi fi żmien li ma jeċċedix dak li huwa assolutament meħtieġ għall-eżami ta’ din l-applikazzjoni. It-terminu ta’ żmien jista’ jiddependi fuq il-verfiki li jistgħu jiġu imposti eventwalment jekk din l-amministrazzjoni jkollha indizji li jġiegħluha tippreżumi li l-prodott importat parallelament jista’ jiġi użat f’kundizzjonijiet differenti minn dawk tal-prodott ta’ referenza.
– Fuq l-obbligu li tiġi attribwita trade mark
44. Fir-rigward ta’ l-obbligu li tiġi attribwita t-trade mark ta’ l-operatur lill-prodott għall-ħarsien tal-pjanti li huwa suġġett għal importazzjoni parallela, il-Gvern Franċiż, sostnut mill-Gvern Olandiż, isostni li d-dritt Franċiż ma jimponi ebda obbligu bħal dan. Fil-fatt, l-unika eżiġenza mitluba mid-digriet ministerjali tas-17 ta’ Lulju 2001 hija li, in sostenn ta’ l-applikazzjoni għal ATS jingħata “l-isem kummerċjali propost fi Franza għal prodott li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni”.
45. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li tali obbligu, li għandu x’jaqsam ma’ l-isem kummerċjali tal-prodott ikkonċernat jew l-attribuzzjoni tat-trade mark ta’ l-operatur, la hija xierqa u lanqas neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent, fil-każ ta’ importazzjoni parallela magħmula għall-użu ta’ prodott għall-bżonnijiet biss tar-raba’ tal-bidwi.
46. Minn dan isegwi li l-imsemmi obbligu ma jistax jiġi ġġustifikat mir-raġunijiet ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali kif ukoll ta’ l-ambjent fil-każijiet bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, u konsegwentement, ma jistax jiġi impost fuq dawk li huma kkonċernati.
– Fuq l-obbligu li titħallas it-taxxa ta’ EUR 800
47. Fir-rigward tat-taxxa imposta fuq operatur waqt l-importazzjoni parallela tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, meta ssir il-proċedura semplifikata ta’ ATS, il-Gvern Franċiż isostni li s-somma ta’ EUR 800 hija ġġustifikata mill-fatt li l-amministrazzjoni kompetenti teżamina sistematikament kull faxxikolu u twettaq verifiki mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri l-oħra.
48. Jekk huwa veru li l-verifiki mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni jistgħu jkunu neċessarji sabiex jiġi evalwat jekk prodott għall-ħarsien tal-pjanti għandux ċertu grad ta’xebh mal-prodott ta’ referenza li huwa diġà awtorizzat fl-Istat Membru ta’ importazzjoni, obbligu bħal dan, fid-dawl tal-prinċipju tal-proporzjonalità, mhuwiex, bħala regola, iġġustifikat fir-rigward ta’ kull applikazzjoni għal ATS magħmula għall-istess prodott u li għalih ingħatat awtorizzazzjoni lill-operatur ieħor. Kif ġie kkonstatat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, f’każ bħal dan, l-obbligi amministrattivi m’għandhomx, bħala regola, jmorru lil hinn mir-reġistrazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal ATS. Barra minn hekk, mhuwiex eskluż li verifiki supplementari huma neċessarji jekk l-amministrazzjoni kkonċernata għandha raġunijiet sabiex temmen li l-prodott li għalih hija maħsuba l-importazzjoni parallela jista’ jiġi użat taħt kundizzjonijiet differenti minn dawk tal-prodott ta’ referenza u li l-eżiġenzi dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ dan, previsti fl-ATS mogħtija għal dan il-prodott, huma f’riskju li ma jiġux osservati mill-importatur parallel. Konsegwentement, proċedura semplifikata ta’ ATS tista’, skond l-obbligi neċessarji, twassal għal spejjeż differenti għal amministrazzjonijiet kompetenti skond il-każ.
49. Fir-rigward ta’ l-ammont tat-taxxa impost fuq importatur parallel ta’ prodotti għall-ħarsien tal-pjanti waqt il-proċedura semplifikata ta’ ATS, dan għandu jkun adegwat meta mqabbel ma’ l-ispejjeż imħallsa minħabba l-kontroll jew l-obbligi amministrattivi neċessarji għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-ATS. Madankollu, din l-eżiġenza ma teskludix evalwazzjoni sħiħa ta’ dawn l-ispejjeż fejn il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa osservat mill-Istat Membri. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi kollha fil-kawżi prinċipali, din l-eżiġenza hijiex issodisfata.
50. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li Stat Membru jista’ jissuġġetta għal proċedura ta’ ATS semplifikata, l-importazzjoni parallela ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej minn Stat Membru ieħor li fih jibbenefika diġà minn awtorizzazzoni bħal din, meta l-importazzjoni hija magħmula minn bidwi għall-użu tar-rabà tiegħu, u għalhekk l-ATS li tingħata hija personali għall-operatur. Din l-awtorizzazzjoni mhijiex suġġetta għall-attribuzzjoni lil prodott importat tat-trade mark ta’ l-operatur ikkonċernat meta dan ta’ l-aħħar huwa bidwi li jimporta parallelament għall-bżonnijiet biss tar-rabà tiegħu. L-awtorizzazzjoni mhijiex suġġetta għal ħlas ta’ taxxa li mhijiex adegwata meta mqabbla ma’ l-ispejjeż involuti minħabba l-kontroll jew l-obbligi amministrattivi neċessarji għall-eżami ta’ l-applikazzjoni. Madankollu, evalwazzjoni sħiħa ta’ l-ispejjeż hija ammissibbli fir-rispett tal-prinċipju tal-proporzjonalità.
Fuq it-tieni domanda
51. Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, hijiex applikabbli għall-importazzjonijiet paralleli tal-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti mwettqa minn bdiewa għall-bżonnijiet biss tar-rabà tagħhom. L-imsemmija sentenza tirrigwarda l-kompatibbiltà tar-regoli tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-merkanzija mal-leġiżlazzjoni Franċiża dwar l-importazzjonijiet personali, li ma jsirux b’trasport personali, ta’ medikamenti li huma regolarment preskritti fi Franza.
52. Fid-dawl tar-riposta mogħtija għall-ewwel domanda, mhuwiex neċessarju li tingħata risposta lit-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
53. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Stat Membru jista’ jissuġġetta għal proċedura semplifikata ta’ awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq, l-importazzjoni parallela ta’ prodott għall-ħarsien tal-pjanti li ġej minn Stat Membru ieħor li fih jibbenefika diġà minn awtorizzazzjoni bħal din, meta l-importazzjoni hija magħmula minn bidwi għall-użu tar-rabà tiegħu, u għalhekk l-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq li tingħata hija personali għall-operatur. Din l-awtorizzazzjoni mhijiex suġġetta għall-attribuzzjoni lil prodott importat tat-trade mark ta’ l-operatur ikkonċernat meta dan ta’ l-aħħar huwa bidwi li jimporta parallelament għall-bżonnijiet biss tar-rabà tiegħu. Din l-awtorizzazzjoni mhijiex suġġetta għal ħlas ta’ taxxa li mhijiex adegwata meta mqabbla ma’ l-ispejjeż involuti minħabba l-kontroll jew l-obbligi amministrattivi neċessarji għall-eżami ta’ l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni. Madankollu, evalwazzjoni sħiħa ta’ l-ispejjeż hija ammissibbli fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.