SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

24 ta’ Jannar 2008 ( *1 )

“Artikolu 28 KE — Direttiva 76/768/KEE — Protezzjoni tas-saħħa — Prodotti kożmetiċi — Importazzjoni — Komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prodotti kożmetiċi lill-awtoritajiet ta’ l-Istat ta’ importazzjoni”

Fil-kawża C-257/06

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ġunju 2006, fil-proċedura

Roby Profumi Srl

vs

Comune di Parma,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta’ l-Awla, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris, J.-C. Bonichot u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Mejju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Roby Profumi Srl, minn M. Pozzi, avvocato,

għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn R. Loosli-Surrans, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecką-Tamecką, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Caeiros u D. Recchia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr Konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE u ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi (ĠU L 262, p.169, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/35/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 (ĠU L 151, p. 32, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 76/768”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Roby Profumi Srl (iktar ’il quddiem “Roby Profumi”) u l-Comune di Parma dwar il-konferma mis-sindku ta’ dan il-Komun ta’ sanzjonijiet imposti fuq Ruby Profumi minħabba nuqqas ta’ osservanza ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti kożmetiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Id-Direttiva 76/768 għandha bħala suġġett l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-prodotti kożmetiċi sabiex jiġi ggarantit il-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti fil-Komunità Ewropea. Intiża sabiex tissalvagwardja s-saħħa pubblika, din id-direttiva tistabbilixxi regoli uniformi f’dak li jirrigwarda l-kompożizzjoni, l-ittikkettjar u l-imballaġġ ta’ prodotti kożmetiċi.

4

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/768 jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri ma jistgħux, għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħtiġiet stabbiliti f’din id-Direttiva u l-Annessi għaliha, jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-marketing ta’ kwalunkwe prodotti kosmetiċi li jikkonformaw mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva u l-Annessi għaliha.

2.   Huma jistgħu, b’danakollu, jeħtieġu li l-partikularitajiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 6(1)(b), (c), (d) u (f) jintwerew ta’ l-anqas fil-lingwa jew fil-lingwi nazzjonali jew uffiċjali; jistgħu jkunu jeħtieġu wkoll li l-partikularitajiet li hemm provvediment dwarhom fl-Artikolu 6(1)(g) ikunu murija f’lingwa li tkun miftehma faċilment mill-konsumatur. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tadotta katalgu ta’ l-ingredjenti komuni skond il-proċedura ta’ l-Artikolu 10.

3.   B’żieda ma’ dan, l-Istat Membru jista’ għall-finijiet ta’ kura medika pronta u xierqa f’każ ta’ diffikultajiet, jinħtieġ li l-informazzjoni xierqa u adekwata dwar is-sustanzi użati fil-prodotti kosmetiċi tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti, li għandha tassigura li dik l-informazzjoni tintuża biss għall-finijiet ta’ din il-kura.

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti u jibgħat dettalji dwarha lill-Kummissjoni, li għandha tippubblika dik l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewrope[j].”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

L-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 713 dwar ir-regoli għall-implementazzjoni ta’ direttivi tal-Komunità Ekonomika Ewropea dwar il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti kożmetiċi (norme per l’attuazione delle direttive della Comunità economica europea sulla produzione e la vendita dei cosmetici), tal-11 ta’ Ottubru 1986 (suppliment ordinarju mal-GURI Nru 253, tat-30 ta’ Ottubru 1986), kif emendat mid-Digriet Leġiżlattiv Nru 126, ta’ l-24 ta’ April 1997 (GURI Nru112, tas-16 ta’ Mejju 1997, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru  713/86”), jipprovdi:

“[…]

3(a).   L-importazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi minn pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea ssir taħt ir-responsabbiltà ta’ espert li jissodisfa l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2. Huwa għandu jevalwa l-metodu ta’ manifattura użat għall-prodotti.

4.   Il-prattika tajba ta’ manifattura ta’ prodotti kożmetiċi, li hija bbażata wkoll fuq ir-regoli Komunitarji, hija stabbilita u aġġornata minn digriet tal-Ministru tas-Saħħa, li jaġixxi flimkien mal-Ministri ta’ l-Industrija, tal-Kummerċ, ta’ l-Artiġjanat u tax-Xogħol, u tas-Servizzi Soċjali.

5.   Kull persuna li jkollha l-intenzjoni tipproduċi jew timballa għaliha stess jew għal terzi prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tindirizza komunikazzjoni bil-miktub lill-Ministeru tas-Saħħa u lir-Reġjun mill-anqas 30 jum qabel il-bidu ta’ din l-attività.

6.   Il-komunikazzjoni għandha jkun fiha:

a)

l-isem jew l-isem ġuridiku u l-uffiċċju rreġistrat ta’ l-impriża u ta’ l-impjant ta’ manifattura;

b)

id-deskrizzjoni tal-bini u tat-tagħmir li tippermetti li jkun ikkonstatat li dawn jirrappreżentaw il-profil tekniku u iġeniku neċessarju għat-tip ta’ manifattura msemmija kif ukoll id-dokumenti li jattestaw l-akkwist jew il-kiri ta’ l-imsemmi tagħmir;

c)

l-identità u l-kwalifiki tad-direttur tekniku;

d)

il-lista kompluta u ddettaljata tas-sustanzi użati u tas-sustanzi li jinstabu fil-prodott kummerċjali.

7.   Kull emenda tad-data msemmija fil-paragrafu 6 (a), (b) u (c) għandha teħtieġ komunikazzjoni preliminari ġdida.

8.   Komunikazzjoni analoga li tikkonċerna esklużivament il-paragrafu 6(a) u (d) għandha ssir mill-importaturi ta’ prodotti imballati lesti għall-bejgħ li ġejjin minn pajjiżi membri ta’ l-Unjoni Ewropea, l-importaturi ta’ dawn il-prodotti li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex membri ta’ l-Unjoni Ewropea huma obbligati wkoll jikkomunikaw l-identità u l-kwalifiki ta’ l-espert imsemmi fil-paragrafu 3(a).

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Roby Profumi hija kumpannija taħt id-dritt Taljan li topera fis-settur ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni ta’ prodotti kożmetiċi fi ħdan is-suq Komunitarju.

7

Fid-9 ta’ Ottubru 2000, Roby Profumi ġiet imposta sanzjoni pekunjarja ta’ ammont ta’ ITL 10000000 minn awtorità amministrattiva tas-saħħa lokali minħabba n-nuqqas ta’ osservanza ta’ l-obbligu, stipulat fl-Artikolu 10(8) tal-Liġi Nru 713/86, ta’ komunikazzjoni lill-Ministeru tas-Saħħa u lir-Reġjun ta’ ċerta data dwar il-prodotti kożmetiċi importati. Wara r-rikors amministrattiv imressaq minn Roby Profumi kontra din id-deċiżjoni, is-sindku tal-Comune di Parma ħareġ, fil-31 ta’ Lulju 2001, ordni, li jikkonferma s-sanzjoni imposta u li jżid l-ammont tal-multa għas-somma ta’ ITL 15000000.

8

Roby Profumi ressqet rikors kontra dan l-ordni quddiem it- Tribunale di Parma. Din il-qorti, filwaqt li qieset li l-obbligu stipulat fl-Artikolu 10(8) tal-Liġi Nru 713/86, li hija tikkunsidra li huwa konformi mad-dritt Komunitarju, ġie miksur minn Roby Profumi, xorta waħda laqgħet parzjalment ir-rikors tagħha billi naqqset il-multa għas-somma ta’ ITL 5000000.

9

Roby Profumi ressqet appell fuq punt ta’ liġi kontra d-deċiżjoni tat-Tribunale di Parma. B’mod partikolari hija ssostni li din il-qorti ma kienx imissha applikat id-dispożizzjoni nazzjonali msemmija iktar ’il fuq safejn din tmur kontra l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/768.

10

Il-Corte suprema di cassazione peress illi kellha dubji dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjoni Taljana mad-dispożizzjonijiet Komunitarji msemmija iktar ’il fuq iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“[L]-Artikolu 10(8) tal-Liġi Nru 713/86, kif emendat mill-Artikolu 9(4) tad-Digriet Leġislattiv Nru 126/1997, [huma konformi] ma’ l-Artikolu 28 KE u l-Artikolu 7 tad-[Direttiva 76/768?]”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

11

L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilità, għalkemm huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma tistax tiddeċiedi la fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali ta’ l-Istati Membri la fuq il-konformità ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju, hija tista’ madankollu tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li huma ta’ natura li jippermettu lill-qorti nazzjonali taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1989, Eau de Cologne & Parfümerie-Fabrik 4711, C-150/88, Ġabra p. I-3891, punt 12, kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2000, Borawitz, C-124/99, Ġabra p. I-7293, punt 17).

12

Għandu jiġi kkunsidrat ukoll li, permezz tad-domanda magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 28KE u l-Artikolu 7 tad-Direttiva jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali li tobbliga lill-importatur ta’ prodotti kożmetiċi jikkomunika lill-Ministeru tas-Saħħa u lir-Reġjun b’mod partikolari l-isem jew l-isem ġuridiku ta’ l-impriża, ta’ l-uffiċċju rreġistrat tagħha u dak ta’ l-impjant ta’ manifattura kif ukoll il-lista kompluta u ddettaljata tas-sustanzi użati u tas-sustanzi li jinstabu fl-imsemmija prodotti.

13

It-tieni nett, għandu wkoll jiġi mfakkar li d-Direttiva 76/768 ipproċediet għal armonizzazzjoni eżawrjenti tar-regoli nazzjonali ta’ imballaġġ u ta’ ttikkettjar ta’ prodotti kożmetiċi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1999, Unilever, C-77/97, Ġabra p. I-431, punt 24; tat-13 Jannar 2000, Estée Lauder, C-220/98, Ġabra p. I-117, punt 23, kif ukoll fil-24 ta’ Ottubru 2002, Linhart u Biffl, C-99/01, Ġabra p. I-9375, punt 17).

14

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, meta domanda tkun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, il-miżuri nazzjonali relatati magħha għandhom ikunu evalwati fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni u mhux ta’ dawk tat-Trattat KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi eau de Cologne & Parfümerie-Fabrik 4711, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28; tal-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker et Lesage, C-37/92, Ġabra p. I-4947, punt 9, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2001, DaimlerChrysler, C-324/99, Ġabra p. I-9897, punt 32).

15

Minn dan isegwi li, biex tirrispondi għad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha għall-interpretazzjoni tad-Direttiva 76/768.

Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

16

L-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tad-Direttiva 76/768, ried jikkonċilja l-għan tal-moviment liberu tal-prodotti kożmetiċi u dak tas-salvagwardja tas-saħħa pubblika (ara s-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2001, Schwarzkopf, C-169/99, Ġabra p. I-5901, punt 27).

17

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 76/768, il-leġiżlatur Komunitarju, għalkemm iqis li d-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-prodotti kożmetiċi jobbligaw lill-produtturi jiddifferenzjaw il-produzzjoni tagħhom skond l-Istat Membru ta’ destinazzjoni u li dawn id-differenzi jostakolaw il-moviment liberu ta’ l-imsemmija prodotti, madankollu kkonstata li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kellhom bħala għan li jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika u li, għaldaqstant, l-armonizzazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam għandha jkollha l-istess għan. L-emendi li saru iktar tard lid-Direttiva 76/768 kienu ggwidati mill-istess kunsiderazzjonijiet (ara s-sentenza Schwarzkopf, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

18

Fost ir-regoli definiti mid-Direttiva 76/768 hemm inkluż l-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 7(1) tagħha, li l-Istati Membri ma jistgħux jirrifjutaw, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-marketing ta’ prodotti kożmetiċi li jikkonformaw mal-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva u ta’ l-annessi għaliha.

19

Sussegwentament jeħtieġ li jiġi rrilevat li mill-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jirriżulta li Stat Membru jista’ jeħtieġ li informazzjoni xierqa u adegwata dwar is-sustanzi li jinstabu fil-prodotti kożmetiċi tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti, għall-finijiet ta’ kura medika pronta u xierqa fil-każ ta’ diffikultajiet, (ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1993, Il-Kummissjoni vs Franza, C-246/91, Ġabra p. I-2289, punt 9).

20

Din id-dispożizzjoni, li tinsab fil-kuntest ta’ direttiva intiża, primarjament, kif jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni u t-tielet premessa tagħha, sabiex tassigura l-kummerċ liberu ta’ prodotti kożmetiċi, issegwi wkoll għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, fis-sens ta’ l-Artikolu 30 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Estée Lauder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

21

Il-miżuri li l-Istati Membri huma msejħa jieħdu għall-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 76/768 għandhom madankollu jirrispettaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Unilever, punt 27; Estée Lauder, punt 26, kif ukoll Linhart u Biffl, punt 26).

22

F’dan il-każ, fil-kawża prinċipali, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li l-importaturi ta’ prodotti kożmetiċi għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet inkarigati mill-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni l-isem jew l-isem ġuridiku tal-manifattur, l-uffiċċju rreġistrat tagħha u dak ta’ l-impjant ta’ manifattura kif ukoll il-lista kompluta u dettaljata tas-sustanzi li jinstabu fil-prodott ikkummerċjalizzat.

23

Dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, fil-każ ta’ diffikultajiet, jittrażmettu bl-aktar mod mgħaġġel possibbli lis-servizzi mediċi informazzjoni indispensabbli għal kura medika pronta u xierqa.

24

Tali obbligu ta’ komunikazzjoni huwa proporzjonat għall-għan ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-persuni, li jinsab fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 76/768, peress illi dan jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni dettaljata fuq il-prodott in kwistjoni. Fil-fatt, huwa biss abbażi ta’ din l-informazzjoni li kura xierqa tkun tista’ tiġi preskritta.

25

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għandha tkun li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 76/768 ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li, fl-interess ta’ kura medika pronta u xierqa fil-każ ta’ diffikultajiet, tobbliga lill-importatur ta’ prodotti kożmetiċi jikkomunika lill-Ministeru tas-Saħħa u lir-Reġjun l-isem jew l-isem ġuridiku ta’ l-impriża, l-uffiċċju rreġistrat tagħha u dak ta’ l-impjant ta’ manifattura kif ukoll il-lista kompluta u ddettaljata tas-sustanzi użati u tas-sustanzi li jinstabu fl-imsemmija prodotti.

Fuq l-ispejjeż

26

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 76/768/KEE tas-27 ta’ Lulju 1976, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-prodotti kożmetiċi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/35/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, ma jipprekludix dispożizzjoni nazzjonali li, fl-interess ta’ kura medika pronta u xierqa fil-każ ta’ diffikultajiet, tobbliga lill-importatur ta’ prodotti kożmetiċi jikkomunika lill-Ministeru tas-Saħħa u lir-Reġjun l-isem jew l-isem ġuridiku ta’ l-impriża, l-uffiċċju rreġistrat tagħha u dak ta’ l-impjant ta’ manifattura kif ukoll il-lista kompluta u ddettaljata tas-sustanzi użati u tas-sustanzi li jinstabu fl-imsemmija prodotti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.