Keywords
Summary

Keywords

1. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti — Direttiva 93/36 — Informazzjoni li għandha tidher fuq is-sejħiet għal offerti

(Direttivi tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u 93/36, Artikolu 9(4) u Anness IV)

2. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Terminu sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u sabiex jiġu kkontestati, taħt piena ta’ dekadenza, il-miżuri preżunti illegali

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u (3))

3. Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ reviżjoni fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet — Direttiva 89/665 — Terminu sabiex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kontraenti u sabiex jiġu kkontestati, taħt piena ta’ dekadenza, il-miżuri preżunti illegali

(Direttiva tal-Kunsill 89/665, Artikolu 1(1) u (3))

Summary

1. B’mod konformi ma’ l-Artikolu 9(4) u ma’ l-Anness IV tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista, kif emendata mid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001, l-avviż tas-sejħa għal offerti li jirrigwarda kuntratt li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva għandu jippreċiża l-kwantità jew l-iskop globali ta’ dan il-kuntratt. In-nuqqas ta’ din l-informazzjoni għandu jkun jista’ jiġi suġġett għal reviżjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal provvisti u xogħlijiet] (ĠU L 395, p. 33), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi].

(ara l-punt 44 u d-dispożittiv 1)

2. Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali tkun applikata b’mod li l-aċċess ta’ offerent għal rikors dwar l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur ta’ dan il-kuntratt jiġi miċħud, meta l-awtorità kontraenti ma tkunx indikat, b’mod ċar, il-kwantità jew l-iskop globali ta’ l-imsemmi kuntratt lill-persuna kkonċernata.

Fil-fatt, avviż ta’ sejħa għal offerti mingħajr l-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-valur stmat tal-kuntratt, segwit minn aġir evażiv ta’ l-awtorità kontraenti wara mistoqsijiet minn offerent potenzjali għandu jitqies, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ terminu perentorju, bħala li jrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju, min-naħa ta’ l-offerent ikkonċernat, tad-drittijiet tiegħu taħt is-sistema legali Komunitarja. Anki jekk regola nazzjonali ta’ terminu perentorju tista’, bħala prinċipju, titqies li hija konformi mad-dritt Komunitarju, l-applikazzjoni tagħha għal offerent f’ċirkustanzi bħal dawn ma tissodisfax il-ħtieġa ta’ effettività li toħroġ mid-Direttiva 89/665.

(ara l-punti 55-57 u 64 u d-dispożittiv 2)

3. Id-Direttiva 89/665, kif emendata mid-Direttiva 92/50, b’mod partikolari l-Artikolu 1(1) u (3) tagħha, tipprekludi li regola ta’ terminu perentorju stabbilita mid-dritt nazzjonali għal rikors fir-rigward ta’ l-għażla tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku jew dwar l-istima tal-valur tal-kuntratt tiġi estiża, b’mod ġenerali, għar-rikorsi li jirrigwardaw id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità kontraenti, inkluż dawk li jkunu seħħew waqt il-fażijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt wara li jkun skada t-terminu stabbilit minn din ir-regola ta’ terminu perentorju.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ regola li tistabbilixxi bħala t-tmiem tat-terminu perentorju l-iskadenza tat-terminu indikat fl-avviż tas-sejħa għal offerti sabiex issir applikazzjoni jew sabiex jiġu ppreżentati offerti b’mod li estendietha għad-deċiżjonijiet kollha li jistgħu jittieħdu mill-awtorità kontraenti matul il-proċedura kollha għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku tirrendi prattikament impossibbli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija lill-persuna kkonċernata mid-dritt Komunitarju għal dak li jirrigwarda l-irregolaritajiet li jistgħu jitfaċċaw biss wara li jkun skada t-terminu għall-preżentazzjoni ta’ l-offerti. Għaldaqstant, din tmur kontra d-Direttiva 89/665.

(ara l-punti 45, 58, 60-61 u 64 u d-dispożittiv 2)