Keywords
Summary

Keywords

1. Ftehim internazzjonali — Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali — Effett dirett

2. Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Eżami ex officio tal-fatti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/91, Artikoli 7(1) u 74(1))

3. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark Komunitarja — Reġistrazzjoni preċedenti tat-trade mark f’ċerti Stati Membri

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94)

4. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

5. Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u akkwist ta’ trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 7(1)(b))

Summary

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali ma jistgħux jiġu invokati direttament f’kawża li tirrigwarda talba għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tridimensjonali.

Fil-fatt, l-ewwel nett, il-Komunità mhijiex parti mill-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

It-tieni nett, billi qies neċessarju li jattribwixxi effett dirett lil ċerti dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi, il-leġiżlatur Komunitarju għamel espressament riferiment għalihom fir-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet assoluti għal rifjut, fl-Artikolu 7(1)(h) u (i) tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi paragrafu 1 ma jagħmilx tali riferiment f’dak li jirrigwarda l-karattru distintiv tat-trade marks u li l-leġiżlatur Komunitarju ppreveda dispożizzjoni awtonoma f’dan ir-rigward fl-Artikolu 7(1)(b) ta’ dan ir-regolament.

It-tielet nett, għalkemm huwa veru li l-effett dirett tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi jista’ jirriżulta mir-referenza għaliha fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ, madankollu, fin-nuqqas ta’ l-applikabbiltà diretta ta’ dan il-Ftehim, din ir-referenza ma tistax twassal għal tali applikabbiltà ta’ l-imsemmija Konvenzjoni.

(ara l-punti 40-43)

2. Fil-kuntest ta’ l-eżami ta’ l-eżistenza ta’ raġunijiet assoluti għal rifjut previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ir-rwol ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huwa li jiddeċiedi jekk l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark taqax taħt tali raġunijiet assoluti għal rifjut.

F'dan ir-rigward, skond l-Artikolu 74(1) ta’ l-istess regolament, l-Uffiċċju għandu l-obbligu li jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwassluh sabiex japplika raġuni assoluta għal rifjut.

Għalhekk, safejn ir-rikorrenti tinvoka l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minkejja l-analiżi tal-Bord ta’ l-Appell, huwa obbligu tagħha li tipprovdi indikazzjonijiet konkreti u sostanzjati li jistgħu jistabbilixxu li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha jew karattru distintiv intrinsiku, jew karattru distintiv miksub permezz ta’ l-użu.

(ara l-punti 48-50)

3. Deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark bħala trade mark Komunitarja ma taffettwax la l-validità u lanqas il-protezzjoni tar-reġistrazzjoni nazzjonali preċedenti ta’ din it-trade mark.

Fil-fatt, skond il-ħames premessa tar-Regolament Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja, id-dritt tat-trade marks Komunitarju ma jissostitwixxix id-drittijiet tat - trade marks ta’ l-Istati Membri.

Huwa għaldaqstant possibbli mhux biss li, minħabba d-differenzi lingwistiċi, kulturali, soċjali u ekonomiċi, trade mark li hija nieqsa minn karattru distintiv fi Stat Membru mhijiex hekk nieqsa fi Stat Membru ieħor, iżda wkoll li trade mark li hija nieqsa minn tali karattru fuq livell Komunitarju mhijiex hekk nieqsa fi Stat Membru ta’ din il-Komunità.

(ara l-punti 56-58)

4. Il-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv, skond l-Artikolu 7(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, ta’ trade marks tridimensjonali komposti mid-dehra tal-prodott stess mhumiex differenti minn dawk applikabbli għal kategoriji oħra ta’ trade marks.

Madankollu, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-konsumatur medju mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, komposta mid-dehra tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew ta’ kitba, m’għandhomx l-abitudni li jaslu għall-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw irwieħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma ta’ ppakkjar tagħhom, u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv, f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhijiex nieqsa minn karattru distintiv, skond l-imsemmija dispożizzjoni, biss dik it-trade mark li, b’mod sinjifikattiv, titbiegħed min-norma jew mill-użanzi tas-settur u li, minħabba f’hekk, tista’ tissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ oriġini.

(ara l-punti 80-81)

5. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni dwar jekk trade mark Komunitarja hijiex jew le nieqsa minn karattru distintiv, skond l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tittieħed in kunsiderazzjoni l-impressjoni globali li jirriżulta minnha. Madankollu dan ma jistax jimplika li m’għandux jiġi mwettaq, l-ewwel nett, eżami suċċessiv ta’ l-elementi differenti ta’ preżentazzjoni użati għal din it-trade mark. Fil-fatt, jista’ jkun utli, matul l-evalwazzjoni fl-intier tagħha, li jiġi eżaminat kull wieħed mill-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark ikkonċernata.

(ara l-punt 82)