Keywords
Summary

Keywords

1. Politika soċjali – Trattament ugwali bejn irġiel u nisa f’materja ta’ sigurtà soċjali – Direttiva 79/7

(Direttiva tal-Kunsill 79/7)

2. Stati Membri – Obbligi – Implementazzjoni tad-dritt Komunitarju

(Artikolu 10 KE)

Summary

1. Id-Direttiva 79/7, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, ma tipprekludix lil Stat Membru, meta jadotta liġi li jkollha l-iskop li tippermetti lil persuni ta’ sess determinat, oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni, li jibbenifikaw għat-tul kollu ta’ l-irtirar tagħhom mill-iskema ta’ pensjoni applikabbli għall-persuni tas-sess l-ieħor, milli jissuġġetta din l-affiljazzjoni għall-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni li jikkonsistu fid-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni oriġinarjament suġġetti għal diskriminazzjoni matul il-perjodu li fih kien hemm id-diskriminazzjoni u l-kontribuzzjonijiet ogħla mħallsa mill-kategorija l-oħra ta’ persuni matul l-istess perjodu, miżjuda bl-interessi biex tiġi kkumpensata l-iżvalutazzjoni monetarja.

Madankollu, kull miżura meħuda minn Stat Membru sabiex jikkonforma ruħu mar-regoli tad-dritt Komunitarju, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza tat-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, għandha tkun effettiva. F’dan ir-rigward, l-imsemmija direttiva tipprekludi lill-imsemmi Stat Membru milli jeżiġi li l-imsemmi ħlas tal-kontribuzzjonijiet ta’ regolarizzazzjoni jkun miżjud b’interessi oħrajn milli dawk li huma intiżi li jikkumpensaw l-iżvalutazzjoni monetarja. Din id-direttiva tipprekludi wkoll li jkun meħtieġ li dan il-ħlas isir f’daqqa, meta din il-kundizzjoni tagħmel ir-regolarizzazzjoni msemmija impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta s-somma li trid titħallas taqbeż il-pensjoni annwali tal-persuna kkonċernata.

(ara l-punti 27-28, 35, u disp. 1)

2. Wara li tingħata deċiżjoni preliminari li minnha jirriżulta nuqqas ta’ kompatibbiltà ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, ikun l-obbligu ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat li jieħdu l-miżuri ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jassiguraw l-osservanza tad-dritt Komunitarju, billi b’mod partikolari jassiguraw ruħhom li, fl-inqas żmien possibbli, id-dritt nazzjonali jsir konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet ta’ l-individwi taħt id-dritt Komunitarju jkunu jistgħu jiġu invokati.

Meta tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu t-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess skema li tibbenefika minnha l-kategorija l-oħra.

(ara l-punt 41 u disp. 2)