Kawża C-220/06

Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia

vs

Administración General del Estado

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional)

“Kuntratti pubbliċi — Liberalizzazzjoni tas-servizzi postali — Direttivi 92/50/KEE u 97/67/KE — Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jikkonkludu, mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi postali, kemm riżervati kif ukoll mhux riżervati, ma’ kumpannija pubblika, jiġifieri l-fornitriċi tas-servizz postali universali fl-Istat Membru kkonċernat”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Y. Bot, ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2007 

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Diċembru 2007 

Sommarju tas-sentenza

1.     Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi

(Artikoli 43 KE u 49 KE; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )

2.     Approssimazzjoni tal-liġijiet — Proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi — Direttiva 92/50 — Provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi

(Direttiva tal-Kunsill 92/50; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )

3.     Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67 — Għoti lil kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fornitriċi tas-servizz postali universali, miżmuma kollha kemm hi mill-awtorità pubblika mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi

(Artikoli 12 KE, 43 KE, 49 KE u 86 KE; Direttiva 97/67 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill )

1.     Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva 97/67/KE, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali.

Fil-fatt, l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi postali lill-fornitur (lill-fornituri) tas-servizz postali universali sa fejn dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ dan is-servizz. Konsegwentement, sa fejn is-servizzi postali huma, skond din id-direttiva, riżervati lil fornitur wieħed tas-servizz universali, servizzi bħal dawn bilfors jevitaw il-kompetizzjoni, billi l-ebda operatur ekonomiku ieħor ma huwa awtorizzat joffri dawn is-servizzi. Għalhekk ma jistgħux jiġu applikati r-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha.

(ara l-punti 39-41 u d-dispożittiv 1)

2.     Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika, jilħqu l-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u jikkostitwixxu kuntratti, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, konklużi bil-miktub u għal interess pekunjarju, u mhux att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali tal-fornitriċi, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

(ara l-punti 54, 69 u d-dispożittiv 2)

3.     L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sakemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika ma jilħqux il-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u ma jikkostitwixxux, fil-fatt, att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi tas-servizz postali universali u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din ta’ l-aħħar, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

Barra minn dan l-Artikolu 86(2) KE ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata liġi nazzjonali sa fejn din tirrigwarda servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67.

Fil-fatt, id-Direttiva 97/67 timplementa l-Artikolu 86(2) KE, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġu rriżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur tas-servizz postali universali. L-Istati Membri m’għandhomx il-fakultà li jestendu kif jixtiequ s-servizzi riżervati għall-fornituri tas-servizz postali universali skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, peress illi tali etsnsjoni tmur kontra l-għan ta’ din id-direttiva, li tfittex li tassigura l-liberalizzazzjoni bil-mod u b’mod ikkontrollat fis-settur postali, b’mod illi fil-kuntest tad-Direttiva 97/67, hija meħuda in kunsiderazzjoni l-kwistjoni li jkun magħruf jekk hemmx bżonn, li sabiex is-servizz postali universali jkun jista’ jitwettaq taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, jiġu rriżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur ta’ dan is-servizz postali universali.

(ara l-punti 80-82, 85, 88 u d-dispożittiv 3)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Diċembru 2007 (*)

“Kuntratti pubbliċi – Liberalizzazzjoni tas-servizzi postali –Direttivi 92/50/KEE u 97/67/KE − Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jikkonkludu, mingħajr osservanza tar-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi postali, kemm riżervati kif ukoll mhux riżervati, ma’ kumpannija pubblika, jiġifieri l-fornitriċi tas-servizz postali universali fl-Istat Membru kkonċernat”

Fil-kawża C‑220/06

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Marzu 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Mejju 2006, fil-kawża

Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia

vs

Administración General del Estado,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann (Relatur), President ta’ l-Awla, R. Schintgen, A. Borg Barthet, M. Ilešič u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għall-Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, minn J. M. Piqueras Ruíz, avukat,

–       għall-Gvern Spanjol, minn F. Díez Moreno, bħala aġent,

–       għall-Gvern Belġjan, minn A. Hubert, bħala aġent,

–       għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn X. Lewis u K. Simonsson, bħala aġenti, assistiti minn C. Fernández u I. Moreno-Tapia Rivas, avukati,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-20 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 86 KE, fil-kuntest tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-servizzi postali u fid-dawl tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest tal-kawża bejn l-Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (assoċjazzjoni professjonali ta’ l-impriżi tad-distribuzzjoni u trattament ta’ posta, iktar ’il quddiem l-“Asociación Profesional”) ma’ l-Administración Ġeneral del Estado, Ministerio de Educación, Cultura y Deporte (amministrazzjoni ta’ l-Istat, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, tal-Kultura u ta’ l-Isport, iktar ’il quddiem il-“Ministerio”), dwar id-deċiżjoni ta’ din ta’ l-aħħar illi tagħti, mingħajr sejħa pubblika għall-offerti, servizzi postali lis-Sociedad Estatal Correos y Telégrafos SA (kumpannija pubblika għall-posta u t-telegrafija, iktar ’il quddiem “Correos”), li hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali fi Spanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 97/67/KE

3       Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU 1998, L 15, p. 14), tistabbilixxi, skond l-Artikolu 1 tagħha, regoli komuni dwar b’mod partikolari l-provvista ta’ servizz postali universali fil-Komunità Ewropea u l-kriterji li jiddefinixxu s-servizzi li jistgħu jiġu riżervati għall-fornituri ta’ servizz universali.

4       Skond l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 97/67/KE, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-konsumaturi jgawdu d-dritt ta’ servizz universali li jinvolvi l-provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifika fil-punti kollha tat-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha.

5       Skond l-Artikolu 3(4) ta’ din id-Direttiva:

“Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

–       l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

–       l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

–       servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati.”

6       L-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din l-istess Direttiva, li jinsab taħt il-Kapitolu 3 tagħha, intitolat “Armonizzazzjoni tas-servizzi li jistgħu jiġu riżervati”, jipprovdi:

“1. Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, is-servizzi li jistgħu jiġu riżervati minn kull Stat Membru għall-fornitur/i ta’ servizz universali għandhom ikunu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti ta’ korrispondenza domestika, kemm b’kunsinna mgħaġġla u kemm jekk le, li l-prezz tagħhom ikun anqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standard l-aktar mgħaġġla fejn teżisti dik il-kategorija, kemm-il darba jkunu jiżnu anqas minn 350 gramma. […]

2.      Sal-limitu meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma ta’ servizz universali, posta bejn fruntiera u oħrau posta diretta tista’ tkompli tiġi riżervata fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti fil-paragrafu 1.”

 Id-Direttiva 92/50/KEE

7       Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku (ĠU L 209, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001 (ĠU L 285, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”), il-“kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]” huma kuntratti għal interess pekunjarju, konklużi bil-miktub bejn il-fornitur ta’ servizzi u awtorità kontraenti, bl-esklużjoni tal-kuntratti elenkati f’din id-dispożizzjoni minn punti (i) sa (ix).

8       Skond l-Artikolu 1(b) tad-Direttiva 92/50, huma kkunsidrati bħala “awtoritajiet kontraenti” “l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika”. Il-punt (c) ta’ dan l-istess Artikolu jiddefinixxi “dak li jipprovdi servizz” bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi”.

9       L-Artikolu 3(2) ta’ din id-Direttiva jippreċiża li l-awtoritajiet kontraenti għandhom jassiguraw li ma jkun hemm ebda diskriminazzjoni bejn fornituri ta’ servizzi differenti.

10     L-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50 huwa fformulat kif ġej:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti tas-servizz pubbliku mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) fuq il-bażi ta’ dritt esklussiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hija kompatibbli mat-Trattat [KE].”

11     Il-punt (ii) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50, moqri flimkien mal-Kategorija 4 ta’ l-Anness I A ta’ din id-Direttiva, jipprovdi li dan japplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li għandhom bħala suġġett it-trasport tal-posta bl-art u bl-ajru, mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti stabbiliti fl-Artikolu 1(b) ta’ l-istess Direttiva minbarra dawk imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE, ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993, li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1), u li l-istima tal-valur tagħhom, nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa daqs jew ogħla mill-ekwivalenti f’EUR ta’ 200,000 SDRs (dritt speċjali ta ġbid).

12     L-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50 jiddisponi li:

“Fil-każ ta’ kuntratti li ma jispeċifikawx prezz totali, il-bażi għall-kalkolu tal-valur tal-kuntratt stmat għandu jkun:

–       fil-każ ta’ kuntratti għal terminu fiss, meta t-terminu tagħhom huwa 48 xahar jew inqas, il-valur tal-kuntratt totali għat-tul tiegħu,

–       fil-każ ta’ kuntratti ta’ tul indefinit jew b’terminu ta’ iktar minn 48 xahar, il-ħlas fix-xahar immultiplikat bi 48.”

13     Skond l-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50, il-kuntratti li għandhom bħala suġġett is-servizzi elenkati fl-Anness I A ta’ dan, għandhom jingħataw skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI ta’ din id-Direttiva, li b’mod partikolari jimplika li għandhom ikunu suġġetti għal sejħa għall-offerti u jkunu suġġetti għal reklamar xieraq.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14     Skond il-liġi 24/1998 dwar is-servizz postali universali u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali (Ley 24/1998 del Servicio Postal Universal y de Liberalización de los Servicios Postales), tat-13 ta’ Lulju 1998, li tittrasponi d-Direttiva 97/67 fid-dritt nazzjonali Spanjol, is-servizzi postali huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ importanza ġenerali pprovduti f’sistema ta’ kompetizzjoni libera. Huwa biss is-servizz postali universali li huwa kkunsidrat bħala servizz pubbliku jew li huwa suġġett għall-obbligi tas-servizz pubbliku. L-Artikolu 18 ta’ din il-liġi jirriżerva ċerti servizzi, b’mod esklużiv, għall-operatur li għandu l-provvista tas-servizz postali universali.

15     Il-fornitriċi ta’ dan is-servizz postali universali fi Spanja, jiġifieri Correos, hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa kollu miżmum mill-awtorità pubblika.

16     Skond l-Artikolu 11 tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi (Ley de Contratos de las Administraciones Públicas), li t-test kodifikat tagħha ġie approvat bid-Digriet-Liġi Rjali 2/2000 (Real Decreto Legislativo 2/2000 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley de Contratos de las Administraciones Públicas), tas-16 ta’ Ġunju 2000 (iktar ’il quddiem il-“liġi fuq il-kuntratti pubbliċi”), il-kuntratti ffirmati mill-awtoritajiet pubbliċi huma suġġetti għall-prinċipji ta’ publikazzjoni u ta’ kompetizzjoni, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti minn din il-liġi, u f’kull każ, għall-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni.

17     Jirriżulta mill-Artikolu 206(4) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi li, fil-prinċipju, l-għoti tal-kuntratti għall-provvista ta’ servizzi postali taqa’, mill-aspett kuntrattwali, taħt il-kuntratti pubbliċi irregolati minn din il-liġi.

18     Madankollu, skond l-Artikolu 3(1)(d) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, il-kuntratti pubbliċi kull ftehim ta’ kollaborazzjoni li, skond dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolawh, huwa konkluż mill-awtorità ma’ persuni fiżiċi jew legali tad-dritt privat, sa fejn is-suġġett ta’ dan il-ftehim ma jikkonċernax il-kuntratti pubbliċi rregolati minn din l-istess liġi jew mid-dispożizzjonijiet amminstrattivi.

19     Skond l-analiżi magħmula mill-qorti tar-rinviju tal-kuntest ġuridiku tal-kawża quddiemha, ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dan jidher bħala att ġuridiku li jevita r-regoli legali applikabbli għal kuntratti pubbliċi u, konsegwentement, il-prinċipji tal-kompetittività, tar-reklamar u ta’ kompetizzjoni libera li jikkaratterizzaw il-qasam tal-kuntratti pubbliċi mhumiex applikabbli għal att bħal dan.

20     L-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000 fuq il-miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ ordni soċjali (Ley 14/2000 de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social), tad-29 ta’ Diċembru 2000 (iktar ’il quddiem il-“liġi 14/2000”), jipprevedi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 3 tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi ma’ Correos, fid-dawl tal-provvista ta’ servizzi li taqa’ taħt l-għan ta’ din il-kumpannija.

21     Skond il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, fir-rigward ta’ l-għan ta’ Correos hekk kif dan huwa definit fl-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, il-possibbiltà li tikkonkludi ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dawn mhuwiex limitat għas-servizzi postali li mhumiex liberalizzati jew riżervati, iżda jestendi għall-awtorità u għall-użu ta’ kull servizz postali. Possibbiltà bħal din għalhekk mhijiex ristretta biss għas-servizz postali universali u fi ħdanha, ma tagħmilx distinzjoni, bejn is-servizzi riżervati u dawk li mhumiex.

22     Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tindika li, skond l-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, il-provvista ta’ ċerti servizzi postali huwa obbligatorju għal Correos. Fil-fatt, fost il-kompiti ta’ din ta’ l-aħħar, hemm it-teħid obbligatorju ta’ servizzi marbuta ma’ l-għan tagħha li huma suxxettibbli li jkunu mogħtija lilha mill-awtoritajiet pubbliċi. Għalhekk, waħda mill-partijiet m’għandhiex ir-rieda li tidħol fi kuntratt.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23     Wara proċedura nnegozjata li waslu għaliha mingħajr ma kien hemm sejħa pubblika għall-offerti, il-Ministerio u Correos iffirmaw, fis-6 ta’ Ġunju 2002, ftehim ta’ kollaborazzjoni għall-provvista ta’ servizzi postali u tat-telegrafija (Convenio de colaboración para la prestación de servicios postales y telegráficos, iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kollaborazzjoni”).

24     Dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni jipprevedi l-provvista minn Correos, favur il-Ministerio, tas-servizzi postali u tat-telegrafija fir-rigward ta’ dan li ġej:

–      ittri (ordinarji, reġistrati jew urġenti), lokali, interurbani u internazzjonali, bla limitu ta’ piż jew ta’ volum;

–      pakketti (postali, blu u internazzjonali) bla limitu ta’ piż jew ta’ volum;

–      posta nazzjonali mgħaġġla u EMS (“Express Mail Service”) internazzjonali, bla limitu ta’ piż jew ta’ volum, kif ukoll

–      kunsinna ta’ kotba, ta’ materjal għal bibljoteka, ta’ rivisti u tal-ġurnal uffiċjali tal-Ministeru fuq livell nazzjonali (lokali u interurbani) u internazzjonali (bl-art jew bl-ajru), bla limitu ta’ piż jew ta’ volum.

25     Il-korrispettiv finanzjarju għal din il-provvista tas-servizzi mhijiex iffissata sa fejn din tiddependi mid-dħul mill-bejgħ. Quddiem il-qorti tar-rinviju, din ġiet stmata, mingħajr ma ġiet ikkontestata, għal ammont annwali ogħla minn EUR 12 020,42.

26     Il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie konkluż għal tul ta’ żmien mhux fiss u għadu fis-seħħ fid-data tad-deċiżjoni tar-rinviju.

27     L-Asociación Profesional ressqet rikors quddiem il-Ministerio kontra d-deċiżjoni amministrattiva li tat, permezz tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni, servizzi postali lliberalizzati mingħajr sejħa pubblika għall-offerti.

28     Bid-deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, il-Ministerio ċaħad dan ir-rikors minħabba li l-proċedura ta’ l-għoti tas-servizzi postali minn dan ta’ l-aħħar hija bbażata fuq l-eżistenza ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni, li jevita r-regoli fuq il-kuntratti pubbliċi u, minħabba f’hekk, mhuwiex suġġett għall-prinċipji tar-reklamar u ta’ kompetizzjoni libera.

29     F’dan ir-rigward, il-Ministerio kkunsidra li ma kien ikkonkluda l-ebda kuntratt ma’ Correos, iżda li din ta’ l-aħħar kienet tipprovdi s-servizzi tagħha abbażi ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni konkluż skond l-Artikolu 3(1)(d), tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi u l-ħames paragrafu ta’ l-Artikolu 58(2) tal-liġi 14/2000.

30     Hija kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-Ministerio, ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, li l-Asociación Profesional ressqet rikors quddiem l-Audiencia Nacional.

31     Skond din il-qorti, is-soluzzjoni għal din il-kwistjoni quddiemha tiddependi mill-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħat tikkonstata li r-rikors għal ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa inkompatibbli mal-prinċipji tar-reklamar u tal-kompetizzjoni libera applikabbli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi, peress illi ftehim bħal dawn jistgħu jiġu biss użati fl-oqsma tas-servizzi postali riżervati mil-liġi lill-fornitur tas-servizz universali, kif ukoll huma inkompatibbli ma’ dawn il-prinċipji, inklużi f’dan il-qasam. Fl-ipoteżi ta’ konstatazzjoni bħal din, hemm lok li tiġi konkluża n-natura illegali ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dak ikkontestat f’din il-kawża, li l-kontenut tiegħu huwa null kollu kemm hu, u kemm sa fejn imur lil hinn mis-servizzi postali li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rikors għal ftehim bħal dan huwa leċitu.

32     F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissosspendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 43 [KE] u 49 […] KE, flimkien ma’ l-Artikolu 86 [KE], meta dawn jiġu applikati fil-kuntest tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali introdott mid-Direttivi [96/67/KE] u 2002/39/KE kif ukoll fil-kuntest tal-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi, stabbiliti mid-Direttivi ad hoc, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu ftehim li l-għan tiegħu jkun il-provvista tas-servizzi postali, kemm dawk riżervati u dawk mhux riżervati, u, għaldaqstant, liberalizzati, konkluż bejn kumpannija ta’ l-Istat li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament mill-awtoritajiet pubbliċi u li, barra minn dan, hija l-operatur magħżul sabiex tassigura l-provvista tas-servizz postali universali u korp ta’ l-awtorità ta’ l-Istat?”

 Fuq id-domanda preliminari

33     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk il-qorti tar-rinviju ssemmi, fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2002/39/KE, ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 176, p. 21), din id-Direttiva ma tistax tiġi applikata fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, skond l-Artikolu 2(1) ta’ din id-Direttiva, it-terminu mogħti lill-Istati Membri sabiex jassiguraw it-traspożizzjoni ta’ din fis-sistemi legali nazzjonali tagħhom skada biss fil-31 ta’ Diċembru 2002.

 Fuq l-ammissibbiltà

34     Il-Gvern Spanjol iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli safejn, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ssirilha domanda dwar jekk il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa konformi mad-Direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali, kwistjoni li taqa’ taħt il-kompetenza tal-qorti nazzjonali.

35     L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li la l-ifformular tad-domanda mqegħda, la l-motivi li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju, kif esposti fid-deċiżjoni tar-rinviju, jindikaw li l-qorti tar-rinviju qed tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi hi stess jekk il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwiex skond id-dritt Komunitarju.

36     Barra minn dan, għandu jiġu mfakkar li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti, fil-kuntest ta’ l-Artikolu 234 KE, sabiex tapplika r-regoli tad-dritt Komunitarju lil kawża speċifika la sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali ma’ dawn ir-regoli hija madankollu tista’ tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni ta’ l-effetti tad-dispożizzjonijiet tagħha (ara, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2002, Flightline, C-181/00, Ġabra. p. I-6139, punt 20).

37     Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha tiġi kkunsidrata bħala ammissibbli.

 Fuq il-mertu

38     Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali, kemm riżervati u mhux riżervati, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali.

 Is-servizzi postali riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67

39     L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 jippermetti lill-Istati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi postali lill-fornitur (lill-fornituri) tas-servizz postali universali sa fejn dan ikun neċessarju għaż-żamma ta’ dan is-servizz. Konsegwentement, sa fejn is-servizzi postali huma, skond din id-Direttiva, riżervati lil fornitur wieħed tas-servizz universali, servizzi bħal dawn bilfors jevitaw il-kompetizzjoni, billi l-ebda operatur ekonomiku ieħor ma huwa awtorizzat joffri dawn is-servizzi.

40     Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, f’dak illi jirrigwarda servizzi riżervati bħal dawn, ma jistgħux jiġu applikati r-regoli Komunitarji fil-qasam ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li l-għan prinċipali tagħhom huwa l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi kif ukoll il-ftuħ għall-kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fl-Istati Membri kollha (sentenzi tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau, C-26/03, Ġabra p. I-1, punt 44, u tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei, C-340/04, Ġabra p. I-4137, punt 58).

41     Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda mqegħda għandha tkun illi d-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva 97/67 lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali.

 Is-servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67

42     Huwa biss fir-rigward tas-servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67 li jinħtieġ li tiġi eżaminata d-domanda li jkun magħruf jekk il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dak fil-kawża prinċipali għandux jirrispetta r-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

–       Id-Direttiva 92/50

43     L-ewwel nett, għandu jiġi vverifikat jekk ftehim bħal dak fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva rilevanti fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tas-servizzi postali fid-data tal-fatti tal-kwistjoni li għandha tiddeċiedi dwarha l-qorti tar-rinviju, jiġifieri d-Direttiva 92/50.

44     Din id-Direttiva tissuġġetta l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li għalihom hija tapplika għar-rispett ta’ ċerti rekwiżiti ta’ proċedura u ta’ reklamar.

45     Skond l-istess ifformular ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kuntratt tas-servizz pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ interess pekunjarju, konkluż bil-miktub bejn il-fornitur ta’ servizzi u awtorità kontraenti fis-sens ta’ dan l-istess Artikolu 1(b).

46     Hekk kif l-Avukat Ġenerali qis fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi ammess li l-Ministerio hija awtorità kontraenti u Correos fornitriċi ta’ servizzi fis-sens tad-dispożizzjonijiet msemmija fil-punt preċedenti. Barra minn dan, huwa paċifiku li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie konkluż bil-miktub u għal interess pekunjarju.

47     Madankollu, peress illi l-qorti tar-rinviju llimitat ruħha li tindika li l-ammont annwali ta’ servizzi pprovduti bl-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim huwa għola minn EUR 12 020,42, tqum il-kwistjoni jekk l-ammont jilħaqx il-limitu ta’ 200 000 DTS stabbilit mill-punt (ii) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 92/50, li fid-data li seħħu l-fatti fil-kawża prinċipali kien ekwivalenti għal EUR 249 681.

48     Huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li ttrasponew it-tieni inċiż ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 92/50, intlaħaqx il-limitu ta’ EUR 249 681.

49     Jekk dan il-limitu ntlaħaq, tqum il-kwistjoni jekk il-ftehim ta’ kollaborazzjoni jikkostitwixxix fil-fatt kuntratt fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50. Fil-fatt, il-Gvern Spanjol jikkunsidra li dan il-ftehim jippreżenta natura mhux kuntrattwali, iżda strumentali, billi Correos m’għandha l-ebda possibbiltà li tirrifjuta li tikkonkludi ftehim bħal dan, iżda għandha l-obbligu taċċettah.

50     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li d-definizzjoni ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku jaqa’ fil-qasam tad-dritt Komunitarju, b’mod illi l-ikklassifikar tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni fid-dritt Spanjol mhuwiex rilevanti sabiex jiġi deċiż jekk dan ta’ l-aħħar jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/50 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C-264/03, Ġabra p. I-8831, punt 36 u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-382/05, Ġabra p. I-6657, punt 30).

51     Huwa minnu li, fil-punt 54 tas-sentenza tagħha tad-19 ta’ April 2007, Asemfo (C-295/05 Ġabra p. I-2999), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ applikabbiltà tad-direttivi fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi dwar l-eżistenza ta’ kuntratt mhijiex issodisfata meta l-kumpannija ta’ l-Istat in kwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma tiddisponi minn ebda libertà, la biex taċċetta ordni magħmula lilha mill-awtoritajiet kompetenti in kwistjoni u lanqas fir-rigward tat-tariffa applikabbli għall-provvista tas-servizzi tagħha, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

52     Madankollu, raġunament bħal dan għandu jinqara fi kuntest speċifiku. Fil-fatt, dan isegwi l-konstatazzjoni skond liema, permezz tal-leġiżlazzjoni Spanjola, din il-kumpannija ta’ l-Istat hija strument fiha nnifisha u servizz tekniku ta’ l-awtorità ġenerali ta’ l-Istat u ta’ kull komunità awtonoma kkonċernata, peress illi l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkunsidrat, f’kuntest differenti għal dak fil-kawża li tat lok għas-sentenza Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq, li, bħala strument u servizz tekniku ta’ l-awtorità Spanjola, il-kumpannija in kwisjoni hija marbuta li twettaq, b’mod esklużiv, ix-xogħlijiet fdati lilha mill-awtorità ġenerali ta’ l-Istat, il-komunitajiet awtonomi u l-korpi pubbliċi li jiddependu minnhom (sentenza Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 53).

53     Correos, bħala fornitriċi tas-servizz postali universali, għandha kompitu differenti, li b’mod partikolari jimplika li l-klijentela tagħha hija magħmulha minn kull persuna li tixtieq tagħmel użu mis-servizz postali universali. Biss mill-fatt li din il-kumpannija ma tiddisponi minn ebda libertà, la biex taċċetta ordni magħmula lilha mill-Ministerio u lanqas fir-rigward tat-tariffa applikabbli għall-provvista tas-servizzi tagħha, m’għandha awtomatikament bħala konsegwenza li l-ebda kuntratt ma ġie milħuq bejn dawn iż-żewġ entitajiet.

54     Fil-fatt, sitwazzjoni bħal din mhux bilfors differenti minn dik li teżisti meta klijent privat jipprova jagħmel użu mis-servizzi ta’ Correos li jaqgħu taħt is-servizz postali universali, peress illi l-kompitu stess ta’ fornitriċi ta’ dan is-servizz, f’każ bħal dan, jinkludi dak li jkun mitlub jipprovdi s-servizzi miltuba, u dan, jekk hemm il-bżonn, għal tariffa fissa jew, f’kull każ, għal tariffa trasparenti u mhux diskriminatorja. Mhemmx dubju li relazzjoni bħal din għandha tkun ikkwalifikata bħala waħda kuntrattwali. Huwa biss fl-ipoteżi fejn il-ftehim konkluż bejn Correos u l-Ministerio huwa fil-fatt att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi għal Correos biss, jiġifieri att li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din il-kumpannija, fejn ikun għal qorti tar-rinviju li tivverifika jekk għandux jiġi konkluż li mhemmx kuntratt u li, konsegwentement, id-Direttiva 92/50 mhijiex applikabbli.

55     Fil-kuntest ta’ din il-verifika, il-qorti tar-rinviju għandha b’mod partikolari teżamina jekk Correos tiddisponi mill-kapaċità li tinnegozja mal-Ministerio l-kontenut tas-servizzi li għandha tforni kif ukoll it-tariffi applikabbli għal dawn ta’ l-aħħar u jekk din il-kumpannija għandha l-fakultà, f’dak illi jikkonċerna s-servizzi mhux riżervati, illi tinħeles mill-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim ta’ kollaborazzjoni, wara li tagħti notifika hekk kif prevista minn dan.

56     L-argumenti invokati mill-Gvern Spanjol sabiex juru li ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali jevita r-regoli applikabbli fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi għandhomx ukoll jiġu miċħuda.

57     Il-Gvern Spanjol b’mod partikolari isostni li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni, f’kull każ, ma jistax ikun suġġett għar-regoli li jiggvernaw il-kuntratti pubbliċi peress illi l-kriterji “in house” stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huma sodisfatti.

58     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sejħa għal offerti, skond id-Direttivi dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, mhijiex obbligatorja, anki jekk il-parti kontraenti l-oħra tkun entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti, meta jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet. Minn naħa l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, għandha teżerċita fuq l-entità distinta in kwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, u min-naħa l-oħra, din l-entità għandha twettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha (ara s-sentenzi tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C-107/98, Ġabra p. I-8121, punt 50; Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49; Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33, kif ukoll Asemfo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 55).

59     Mingħajr ma jkun hemm għalfejn tanalizza iktar fil-fond il-kwistjoni jekk l-ewwel waħda miż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti hijiex issodisfatta, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fil-kawża prinċipali, it-tieni kundizzjoni mhijiex issodisfatta. Fil-fatt, huwa paċifiku li Correos, bħala fornitriċi tas-servizz postali universali fi Spanja, ma twettaqx il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha mal-Ministerio jew ma’ l-awtorità pubblika b’mod ġenerali, iżda li din il-kumpannija toffri servizzi postali lil numru mhux speċifiku ta’ klijenti ta’ dan is-servizz postali.

60     Madankollu l-Gvern Spanjol iqis li r-rapporti li jorbtu l-awtorità pubblika ma’ kumpannija b’dritt esklużiv huma, minn natura tagħhom stess, rapporti ta’ esklużività, li jissupponi li huwa għola minn dak ta’ “attività essenzjali”. Correos għandha dritt esklużiv minħabba fil-fatt li, skond l-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, għandha tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi s-servizzi li jaqgħu taħt l-għan ta’ din il-kumpannija, li dawn jinkludu servizzi riżervati u servizzi mhux riżervati.

61     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’każ fejn dan l-obbligu jista’ effettivament ikun ikkwalifikat bi dritt esklużiv, li għandu jkun evalwat mill-qorti tar-rinviju, dritt bħal dan ma jissodisfax, fil-kuntest ta’ l-analiżi magħmula fir-rigward taż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit skond liema l-fornitriċi ta’ servizzi kkonċernat għandha twettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha.

62     Fil-fatt, dan l-aħħar rekwiżit għandu b’mod partikolari l-għan li jiggarantixxi li d-Direttiva 92/50 tibqa’ applikabbli fil-każ fejn impriża kkontrollata minn awtorità jew diversi awtoritajiet hija attiva fuq is-suq, u għaldaqstant tista’ tidħol f’kompetizzjoni ma’ impriżi oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza Carbotermo u Consorzio Alisei, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60). Huwa paċifiku li Correos hija attiva fis-suq postali Spanjol u hija, ħlief għal dak li jikkonċerna s-servizzi riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, in kompetizzjoni ma’ impriżi postali oħra li, skond l-osservazzjonijiet tal-Gvern Spanjol, in-numru tagħhom jilħaq madwar 2000.

63     Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li ftehim ta’ kollaborazzjoni, bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u għaldaqstant għal dan il-għan ma jistax jeskludi l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/50.

64     Madankollu, l-eżistenza ta’ dritt esklużiv jista’ jiġġustifika n-non applikazzjoni tad-Direttiva 92/50, peress illi, skond l-Artikolu 6 tagħha “m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi għal servizzi mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) fuq il-bażi ta’ dritt esklussiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hija kompatibbli mat-Trattat”.

65     Mingħajr ma jkun hemm għalfejn tanalizza jekk l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 6, dwar jekk il-kwalità ta’ l-awtorità kontraenti ta’ Correos, hijiex issodisfata minn din il-kumpannija, u li kieku din ta’ l-aħħar, skond l-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, tibbenefika minn dritt esklużiv li tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi s-servizzi postali li jaqgħu taħt l-għan tal-kumpannija, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’kull każ, it-tielet kundizzjoni skond liema d-dispożizzjoni li tagħti dan id-dritt esklużiv għandha tkun kompatibbli mat-Trattat, mhijiex issodisfata.

66     Fil-fatt, fil-każ fejn din id-dispożizzjoni nazzjonali tagħti lill-fornitur nazzjonali tas-servizz postali universali d-dritt esklużiv li tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi s-servizzi postali mhux riżervati skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, għal liema hija limitata din l-analiżi, huwa inkompatibbli ma’ l-għan ta’ din id-Direttiva.

67     Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-Istati Membri m’għandhomx il-fakultà li jwessgħu hekk kif jixtiequ s-servizzi riżervati għall-fornituri tas-servizz postali universali skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, peress illi tali twessiegħ imur kontra l-għan ta’ din, skond it-tmien premessa tagħha, li tfittex li tassigura l-liberalizzazzjoni bil-mod u b’mod ikkontrollat fis-settur postali (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Asempre u Asociación Nacional de Empresas de Externalización y Gestión de Envíos y Pequeña Paquetería, C-240/02, Ġabra p. I-2461, punt 24).

68     Din il-konstatazzjoni hija valida mhux biss għal riżerva orizzontali, jiġifieri għar-riżerva ta’ ċertu servizz postali bħala tali, iżda sabiex tassigura l-effett utli ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, u hija valida wkoll għal riżerva vertikali ta’ servizz li jikkonċerna, bħal fil-kawża prinċipali, il-provvista esklużiva ta’ servizzi postali għal ċerti klijenti. Fil-fatt, hekk kif tqis il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-applikazzjoni tal-liġi Spanjola in kwistjoni fil-kawża prinċipali jfisser li, fil-prattika, is-servizzi postali kollha mitluba minn entità pubblika Spanjola jistgħu jiġu potenzjalment offruti minn Correos, bl-esklużjoni ta’ kull operatur postali ieħor, li huwa b’mod ċar kontra l-għan ta’ din id-direttiva.

69     Għaldaqstant, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun illi d-Direttiva 92/50 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika

–       jilħqu l-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50 u

–       jikkostitwixxu kuntratti, fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tagħha, konklużi bil-miktub u għal interess pekunjarju,

li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

–       Ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li jirriżultaw mit-Trattat

70     Sa fejn il-liġi nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għall-ftehim li ma jilħqux il-livell rilevanti hekk kif previst mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, huwa meħtieġ li eventwalment jiġi eżaminat jekk liġi bħal din twieġibx għar-rekwiżiti fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi li jirriżultaw minn dan it-Trattat.

71     Fil-fatt, minkejja li ċertu kuntratti fil-kamp tal-kuntratti pubbliċi huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi Komunitarji, l-awtoritajiet kontraenti li jikkonkluduhom huma, madankollu, marbutin li jirrispettaw ir-regoli fondamentali tat-Trattat u l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni b’mod partikolari permezz tan-nazzjonalità (sentenza ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72     Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizz pubbliku fejn il-valur tagħhom ma jilħaqx il-limiti stabbiliti mid-Direttiva 92/50. Il-fatt biss li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra li l-proċeduri partikolari u rigorużi previsti mid-Direttivi relatati mal-kuntratti pubbliċi mhumiex adattati meta jkun hemm kuntratti pubbliċi ta’ valur dgħajjef ma jfissirx li dawn ta’ l-aħħar huma esklużi mill-kamp ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju (digriet tat-3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C-59/00, Ġabra p. I-9505, punt 19, u s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).

73     Id-dispożizzjonijiet tat-Trattat speċifikament applikabbli għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur tagħhom ma jilħaqx il-limiti stabbiliti mid-Direttiva 92/50 jinkludu b’mod partikolari l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

74     Barra l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità, il-prinċipju ta’ trattament ugwali fost l-offerenti japplika ukoll għal kuntratti pubbliċi bħal dawn, u dan anki fin-nuqqas ta’ diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen, C-458/03, Ġabra p. I-8585, punt 48, u tas-6 ta’ April 2006, ANAV, C-410/04, Ġabra p. I-3303, punt 20).

75     Il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità jimplika, b’mod partikolari, obbligu ta’ trasparenza li jippermetti lill-awtorità pubblika kontraenti li tassigura li dawn il-prinċipji jiġu rrispettati. Dan l-obbligu ta’ trasparenza li għandha din l-awtorità jikkonsisti fil-garanzija, għal kull offerenti potenzjali, ta’ grad ta’ pubbliċità adegwata li tippermetti ftuħ tas-suq ta’ servizzi għall-kompetizzjoni kif ukoll il-kontroll ta’ l-imparzjalità tal-proċeduri ta’ l-għoti (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Parking Brixen, punt 49, u ANAV, punt 21).

76     In prinċipju, in-nuqqas totali ta’ tqiegħid fil-kompetizzjoni fil-każ ta’ l-għoti ta’ kuntratt tas-servizz pubbliku bħal dak fil-kawża prinċipali mhuwiex konformi la mar-rekwiżiti ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE u lanqas mal-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Parking Brixen, punt 50, u ANAV, punt 22).

77     Barra minn dan, jirriżulta mill-Artikolu 86(1) KE, li l-Istati Membri m’għandhomx iżommu fis-seħħ liġi nazzjonali li tagħti kuntratti pubbliċi għal servizzi mingħajr sejħa għall-offerti, peress illi din l-għotja tikser l-Artikoli 43 KE jew 49 KE, jew ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni u ta’ trasparenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Parking Brixen, punt 52, u ANAV, punt 23).

78     Huwa minnu li jirriżulta mill-kombinazzjoni tal-paragrafi (1) u (2) ta’ l-Artikolu 86 KE li l-paragrafu (2) ta’ din tista’ tiġi invokata sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti, minn Stat Membru, lil impriża inkarigata mill-awtorità tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, ta’ drittijiet speċjali jew esklużivi li jiksru d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, safejn it-twettiq tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lilha ma jistax ikun assigurat jekk mhux bl-għoti ta’ dawn id-drittijiet u sa fejn dan l-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi tal-Komunità (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, TNT Traco, C-340/99, Ġabra p. I-4109, punt 52).

79     Għandu wkoll jiġi kkonstatat li impriża bħal Correos, inkarigata permezz tal-liġi ta’ Stat Membru li tassigura s-servizz postali universali, tikkostitwixxi impriża inkarigata mill-awtorità ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali skond l-Artikolu 86(2) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza TNT Traco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

80     Madankollu, fil-każ illi l-obbligu impost fuq Correos, skond l-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, li tipprovdi lill-awtoritajiet pubbliċi s-servizzi li jaqgħu taħt l-għan ta’ din il-kumpannija, jista’ jkun ikkunsidrat bħala dritt esklużiv favur din ta’ l-aħħar, huwa paċifiku li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 86(2) KE ma jistax jiġi invokat sabiex tiġi ġġustifikata liġi nazzjonali bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali sa fejn din tirrigwarda servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67.

81     Fil-fatt, hekk kif l-Avukat Ġenerali qies fil-punt 99 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 97/67 timplementa l-Artikolu 86(2) KE, f’dak li jikkonċerna l-possibbiltà li jiġu riżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur tas-servizz postali universali. Hekk kif ġie mfakkar fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Istati Membri m’għandhomx il-fakultà li jestendu kif jixtiequ s-servizzi riżervati għall-fornituri tas-servizz postali universali skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, peress illi tali estensjoni tmur kontra l-għan ta’ din id-Direttiva, li tfittex li tassigura l-liberalizzazzjoni bil-mod u b’mod ikkontrollat fis-settur postali.

82     F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li, fil-kuntest tad-Direttiva 97/67, hija meħuda in kunsiderazzjoni l-kwistjoni li jkun magħruf jekk hemmx bżonn, li sabiex is-servizz postali universali jkun jista’ jitwettaq taħt kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli, jiġu rriżervati ċerti servizzi postali lill-fornitur ta’ dan is-servizz postali universali (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C-162/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50).

83     Għaldaqstant, fir-rigward tas-servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, li huma biss suġġetti għal din l-analiżi, l-Artikolu 86(2) KE m’għandux iservi ta’ bażi sabiex jiġġustifika dritt esklużiv favur fornitur tas-servizz postali universali li jipprovdi servizzi bħal dawn lill-awtoritajiet pubbliċi.

84     Madankollu, il-Gvern Spanjol iqis li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni mhuwiex suġġett għar-regoli fil-qasam ta’ l-għoti tal-kuntratti pubbliċi minħabba fin-natura strumentali tagħha u mhux kuntrattwali. Fil-fatt, Correos ma tiddisponi minn l-ebda possibbiltà li tirrifjuta li tikkonkludi ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dak fil-kawża prinċipali, iżda għandha l-obbligu taċċettah.

85     F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 54 ta’ din is-sentenza, huwa biss fl-ipoteżi fejn il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa fil-fatt att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi għal Correos biss, att li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din il-kumpannija, li l-qorti tar-rinviju jkollha tistħarreġ jekk għandux jiġi konkluż li ftehim bħal dan jevita r-regoli fuq l-għoti tal-kuntratti pubbliċi.

86     Fir-rigward ta’ l-argument tal-Gvern Spanjol skond liema l-ftehim ta’ kollaborazzjoni ma jistax ikun suġġett għar-regoli li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi minħabba fil-fatt li din tirrigwarda sitwazzjoni “in house”, għandu jiġi ammess li, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal servizzi, l-applikazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li tagħhom huma jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika, hija eskluża jekk, fl-istess ħin, il-kontroll imwettaq mill-awtorità pubblika kontraenti fuq l-entità li favur tagħha ingħatat hija analoga għal dik li din l-awtorità għandha fuq is-servizzi tagħha stess u jekk din l-entità twettaqx il-parti l-kbira ta’ l-attività tagħha ma’ l-awtorità li tikkontrollaha (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Parking Brixen, punt 62, u ANAV, punt 24).

87     Madankollu, hekk kif huwa kkonstatat fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, ftehim ta’ kollaborazzjoni bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfax it-tieni waħda mill-kundizzjonijiet msemmija fil-punt ta’ qabel u għalhekk ma jistax jevita għal dan il-għan l-applikazzjoni tar-regoli msemmija fl-Artikoli 12 KE, 43 KE u 49 KE, kif ukoll tal-prinċipji ġenerali li tagħhom huma jikkostitwixxu espressjoni speċifika.

88     Għaldaqstant, hemm lok ukoll li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni minħabba fin-nazzjonalità u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika

–       ma jilħqux il-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50 u

–       ma jikkostitwixxux fil-fatt, att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi tas-servizz postali universali u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din ta’ l-aħħar,

li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

 Fuq l-ispejjeż

89     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dritt Komunitarju għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali riżervati skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali.

2)      Id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/78/KE, tat-13 ta’ Settembru 2001, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika

–       jilħqu l-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u

–       jikkostitwixxu kuntratti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, konklużi bil-miktub u għal interess pekunjarju,

li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

3)      L-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE, kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ non-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u ta’ trasparenza, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu, mingħajr osservanza tar-regoli ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-provvista ta’ servizzi postali mhux riżervati fis-sens tad-Direttiva 97/67, lill-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata li l-kapital tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika u li, f’dan l-Istat, hija l-fornitriċi tas-servizz postali universali, sa kemm il-ftehim li għalihom din il-leġiżlazzjoni tapplika

–       ma jilħqux il-limitu rilevanti kif previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 92/50, kif emendata bid-Direttiva 2001/78, u

–       ma jikkostitwixxux fil-fatt, att amministrattiv unilaterali li jistabbilixxi obbligi li huma biss a karigu tal-fornitriċi tas-servizz postali universali u li jidderoga b’mod kunsiderevoli mill-kundizzjonijiet normali ta’ l-offerta kummerċjali ta’ din ta’ l-aħħar,

li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistħarreġ.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.