SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

3 ta’ Lulju 2008 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Nuqqas ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent ta’ proġetti li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337/KEE — Regolarizzazzjoni a posteriori”

Fil-Kawża C-215/06,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, imressaq fil-11 ta’ Mejju 2006,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Recchia u D. Lawunmi, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

L-Irlanda, irrappreżentata minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn J. Connolly, SC, u minn S. Garret, BL, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, J. Makarczyk (Relatur), P. Kūris u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2008,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tiġi deċiża mingħajr ma jsiru konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li, qabel l-eżekuzzjoni totali jew parzjali tagħhom, il-proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5), ikunu suġġetti għal eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir stima tal-effetti fuq l-ambjent, u sussegwentement, jekk x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, u

billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn stima tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

2

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni trid li jiġi kkonstatat nuqqas tal-Irlanda li twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 85/337 kemm fil-verżjoni inizjali tagħha u kif ukoll fil-verżjoni li tirriżulta mill-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11.

Id-Direttiva 85/337

3

L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva 85/337 jistipula kif ġej:

“2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

 

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

 

‘żviluppatur’ tfisser:

 

l-applikant għal awtorizzazzjoni għal proġett privat jew l-awtorita pubblika li tibda proġett;

 

‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:

 

id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

3.   L-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandha tkun dik jew għandhom ikunu dawk li l-Istati Membri jaħtru bħala responsabbli li jagħmlu d-dmirijiet li joħorġu minn din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 85/337:

“1.   Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li, qabel ma jingħata kunsens, proġetti li aktarx ikollhom effetti sinifikattivi fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, il-kobor u l-post tagħhom ikunu suġġetti għal stima fir-rigward ta’ l-effetti tagħhom.

Dawn il-proġetti huma definiti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Stati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku kollu kemm hu jew parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

5

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 85/337 jistipula:

“L-istima ta’ l-impatt ambjentali għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u skond l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti tal-proġett fuq dawn il-fatturi:

bnedmin, fawna u flora,

ħamrija, ilma, arja, klima u l-pajsaġġ,

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel u t-tieni indent,

assi materjali u wirt kulturali.”

6

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva jistipula kif ġej:

“1.   Bla ħsara għal Artikolu 2 (3), proġetti tal-klassijiet elenkati f’ l-Anness I għandhom ikunu soġġetti għal stima skond Arikoli 5 sa 10.

2.   Proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II għandhom ikunu soġġetti għal stima, skond l-Artikoli 5 sa 10, fejn Stati Membri jikkunsidraw li l-karatteristiċi tagħhom jirrikjedu hekk.

Għal dan il-għan Stati Membri jistgħu inter alia jispeċifikaw ċerti tipi ta’ proġetti bħala li huma soġġetti għal stima jew jistgħu jistabbilixxu l-kriterji u/jew limiti meħtieġa biex jiddeterminaw liema mill-proġetti tal-klassijiet elenkati f’L-Anness II huma soġġetti għal stima skond l-Artikoli 5 sa 10.”

7

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 85/337:

“1.   Fil-każ ta’ proġetti li, skond l-Artikolu 4, għandhom ikunu soġġetti għal stima ta’ l-impatt ambjentali skond l-Artikoli 5 sa 10, Stati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iżviluppatur iforni f’għamla xierqa l-informazzjoni speċifikata f’L-Anness III sakemm:

(a)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-informazzjoni hija relevanti għal stadju speċifikat tal-proċedura ta’ kunsens u għall-karatteristiċi speċifiċi ta’ proġett partikulari jew tip ta’ proġett u għall-fatturi ambjentali li aktarx se jkunu milquta;

(b)

l-Istati Membri jikkunsidraw li l-iżviluppatur jista’ b’mod raġonevoli jkun mitlub jiġbor din l-informazzjoni filwaqt li jżomm quddiem għajnejh inter alia għarfien u metodi kurrenti ta’ stima.

2.   L-informazzjoni li l-iżviluppatur għandu jagħti skond il-paragrafu 1 għandha tinkludi għall-inqas:

deskrizzjoni tal-proġett li tinkludi informazzjoni dwar il-post, disinn u kobor tal-proġett,

deskrizzjoni tal-miżuri antiċipati biex jevitataw, inaqqsu u, jekk possibbli, jirrimedjaw l-effetti sinifikanti kuntrarji,

id-data mitluba biex ikunu identifikati u stmati l-effetti prinċipali li l-proġett aktarx ikollu fuq l-ambjent,

sommarju mhux tekniku ta’ l-informazzjoni msemmija fl-indenti 1 sa 3.

3.   Fejn jikkunsidraw meħtieġ, Stati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kollha b’informazzjoni [li jkollhom informazzjoni] relevanti fil-pussess tagħhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli lill-iżviluppatur.”

8

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 85/337 jistipula kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet li aktarx ikunu konċernati bil-proġett minħabba r-responsabilitajiet ambjentali speċifiċi tagħhom jingħataw opportunita li jesprimu l-opinjoni tagħhom wara t-talba [fuq it-talba] għal kunsens fuq l-iżvilupp [għal żvilupp]. Stati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet li għandhom ikunu konsultati għal dan il-għan f’termini ġenerali jew f’kull każ meta ssir it-talba għal kunsens. L-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandha tintbagħat lil dawn l-awtoritajiet. Arranġamenti dettaljati għal konsultazzjoni għandhom ikunu preskritti mill-Istati Membri.

2.   Stati Membri għandhom jiżguraw li:

kull talba għal kunsens ta’ żvilupp u kull informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku,

il-pubbliku konċernat jingħata l-opportunita biex jesprimi opinjoni qabel ma l-proġett jibda.”

9

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 85/337 jistipula:

“Fejn Stat Membru jsir konxju li proġett aktarx ikollu effetti sinifikanti fuq l-ambjent fi Stat Membru ieħor jew fejn Stat Membru li aktarx se jintlaqat b’mod sinifikanti hekk jitlob, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett huwa intenzjoant li jitwettaq għandu jibgħat l-informazzjoni miġbura skond l-Artikolu 5 lill-Istati Membri fl-istess ħin li jagħmilha disponibbli liċ-ċittadini tiegħu stess. Informazzjoni bħal din għandha sservi bħala bażi għal kull konsultazzjoni meħtieġa fil-qafas tar-relazzjonijiet bilaterali bejn żewġ Stati Membri fuq bażi reċiproka u ekwivalenti.”

10

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 85/337:

“Informazzjoni miġbura skond l-Artikoli 5, 6 u 7 għandha tittieħed in konsiderazzjoni fil-proċedura ta’ kunsens għal żvilupp.”

11

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jistipula kif ġej:

“Meta tittieħed deċiżjoni, l-awtorita jew l-awtoritajiet kompetenti għandhom jgħarrfu lill-pubbliku konċernat bi:

il-kontenut tad-deċiżjoni u kull kondizzjonijiet mehmużin magħha,

ir-raġunijiet u konsiderazzjonijiet li fuqhom id-deċiżjoni hija bażata fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istati Membri hekk tipprovdi.

Arraġamenti dettaljati għal tali informazzjoni għandhom ikunu determinati mill-Istati Membri.

Jekk Stat Membru ieħor kien infurmat skond l-Artikolu 7, għandu jkun ukoll infurmat bid-deċiżjoni in kwestjoni.”

12

L-Artikolu 10 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwawx l-obbligazzjoni fuq l-awtoritajiet kompetenti li jirrispettaw il-limitazzjonijiet imposti mir-regolamenti nazzjonali u dispożizzjonijiet amministrattivi u prattiċi legali aċċettati fir-rigward ta’ segretezza industrijali u kummerċjali u l-protezzjoni ta’ l-interess pubbliku.

Fejn japplika l-Artikolu 7, it-trasmissjoni ta’ informazzjoni lejn Stat Membru ieħor u r-riċeviment ta’ informazzjoni minn Stat Membru ieħor għandhom ikunu suġġetti għal-limitazzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri li fihom huwa propost il-proġett.”

13

L-Anness II tad-Direttiva 85/337 jelenka l-proġetti msemmija fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk li għalihom stima tal-effetti fuq l-ambjent hija meħtieġa biss fejn l-Istati Membri jikkunsidraw li l-karatteristiċi tagħhom jirrikjedu hekk. B’hekk jissemmew, fil-punt 2(a) ta’ dan l-anness, il-proġetti ta’ estrazzjoni ta’ peat, u, fil-punt 2(ċ), il-proġetti ta’ estrazzjoni ta’ minerali barra minn minerali li fihom metalli u dawk li jipproduċu enerġija, bħal irħam, ramel, żrar, shale, melħ, fosfati u potassa.

14

Fil-punt 10(d) tal-imsemmi anness, jissemmew, b’mod partikolari, il-proġetti ta’ kostruzzjoni tat-toroq.

Id-Direttiva 97/11

15

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/11 jistipula kif ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux iktar tard mill-14 ta’ Marzu 1999. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

[…]

2.   Jekk tiġi sottomessa talba għal kunsens/approvazzjoni dwar żvilupp lill-awtorità kompetenti qabel it-tmiem tal-limitu taż-żmien preskritt fil-paragrafu 1, għandhom jissoktaw japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ qabel dawn l-emendi għad-Direttiva 85/337/KEE.”

Id-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337 emendata”)

16

Għall-finijiet ta’ ċarezza, sejrin jissemmew biss l-emendi magħmula għad-Direttiva 85/337 li huma ta’ interess dirett fir-rigward tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Għaldaqstant, mhumiex sejrin jissemmew l-emendi magħmula mid-Direttiva 97/11 għall-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, billi dawn tal-aħħar mhumiex tali li jinfluwenzaw l-evalwazzjoni ta’ dan ir-rikors li għandha tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja.

17

Skont l-Artikolu 2(1) u (2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 85/337 emendata:

“1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lok[alizz]azzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.

2.   L-istima ta’ l-impatt ambjentali tista’ tkun integrata fi proċeduri eżistenti għal kunsens ta’ proġetti fl-Istati Membri, jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi proċeduri oħra jew fi proċeduri li għandhom ikunu stabbiliti biex ikun hemm konformita ma’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva.

[…]

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”

18

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-istima dwar l-impatt fuq l-ambjent għandha tidentifika, tiddeskrivi u tistma b’manjiera xierqa, fid-dawl ta’ kull każ individwali u b’mod konformi ma’ l-Artikoli 4 sa 11, l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq il-fatturi li ġejjin:

il-bniedem, il-fawna u l-flora;

il-ħamrija, l-ilma, l-arja, il-klima u l-pajsaġġ;

il-beni materjali u l-wirt kulturali;

l-interazzjoni bejn il-fatturi msemmija fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet inċiżi.”

19

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 emendata jipprovdi:

“1.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

(a)

eżami każ b’każ,

jew

(b)

l-għetiebi [il-limiti] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).

3.   Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi [l-limiti] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”

20

Fil-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata, jissemmew l-installazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ).

21

Skont il-punt 13 ta’ dan l-istess anness, kull bidla jew estensjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinjifikanti fuq l-ambjent (bidla jew estensjoni li mhijiex inkluża fl-Anness I) għandha tiġi kkunsidrata bħala proġett li jidħol fil-ambitu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337 emendata.

22

Fl-Anness III tad-Direttiva 85/337 emendata, dwar il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ din l-istess direttiva, huwa speċifikat li l-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari, it-tniġġis u l-irritazzjonijiet, ir-riskju ta’ inċidenti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-metodi ta’ teknika użati. L-istess anness jindika li trid tiġi kkunsidrata s-sensittività ambjentali taż-żoni ġeografiċi li x’aktarx jiġu affettwati mill-proġetti, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-kapaċità dwar kemm jixrob [kemm jiflaħ jassorbi] l-ambjent naturali, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti żoni, fosthom il-firxiet ta’ art muntanjuża u miksija bil-foresti.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

23

Ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 emendata ġew trasposti fid-dritt intern b’mod partikolari permezz tal-Liġi dwar l-ippjanar u l-iżvilupp tal-2000 (Planning and Development Act 2000), kif emendata (iktar ’il quddiem il-“PDA”), u tar-Regolamenti dwar l-ippjanar u l-iżvilupp (Planning and Development Regulations 2001).

24

L-Artikolu 32(1)(a) tal-PDA jimponi obbligu ġenerali li jinkiseb kunsens għal żvilupp għal kull proġett ta’ żvilupp li jaqa’ taħt l-Annessi I u II tad-Direttiva 85/337 emendata, filwaqt li l-applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp għandha tiġi ppreżentata u l-kunsens għal żvilupp għandu jinkiseb qabel il-bidu tax-xogħlijiet. Barra minn dan, l-Artikolu 32(1)(b) tal-istess liġi jipprovdi li jista’ jinkiseb permess sabiex jiġi rregolarizzat tali żvilupp mhux awtorizzat.

25

Meta hija tirċievi applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp, l-awtorità responsabbli għall-ippjanar għandha tiddetermina jekk il-proġett propost għandux ikun suġġett għal stima tal-effetti fuq l-ambjent.

26

L-Artikolu 151 tal-PDA jistipula li kull persuna li tkun eżegwiet jew wettqet proġett mhux awtorizzat tikkommetti reat.

27

Jirriżulta mill-Artikoli 152 u 153 tal-istess liġi li, f’każ li jirċievu lment, l-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar huma, bħala regola, obbligati li jibagħtu ittra ta’ twissija, u sussegwentement għandhom jiddeċiedu jekk huwiex opportun li joħorġu avviż ta’ twettiq. In-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti f’avviż ta’ twettiq jikkostitwixxi reat.

28

Skont l-Artikolu 160 tal-PDA:

“Meta proġett mhux awtorizzat ikun twettaq, ikun qiegħed jitwettaq jew x’aktarx ikun ser jitwettaq jew jitkompla, il-High Court jew il-Circuit Court jistgħu, fuq talba tal-awtorità responsabbli għall-ippjanar jew ta’ kull persuna oħra, kemm jekk din tal-aħħar ikollha interess fl-art ikkonċernata kemm jekk le, jeħtieġu permezz ta’ digriet lil kwalunkwe persuna li hija twettaq, tonqos milli twettaq jew tieqaf milli twettaq, skont il-każ, dak kollu li l-qorti tqis neċessarju u tispeċifika fid-digriet tagħha, sabiex tiżgura, b’mod adegwat:

a)

li l-proġett mhux awtorizzat ma jitwettaqx jew ma jitkompliex;

b)

sa fejn ikun possibbli, li kull art titqiegħed fl-istat li kienet fih qabel il-bidu ta’ kull proġett mhux awtorizzat;

ċ)

li kull proġett jitwettaq f’konformità mal-kunsens għal żvilupp li jingħata għalih jew mal-kundizzjonijiet marbuta mal-kunsens għal żvilupp.

2.   Fid-digriet tagħha mogħti skont il-paragrafu 1, meta jkun xieraq, il-qorti tista’ teħtieġ li jitwettqu kwalunkwe xogħlijiet, inkluż ir-restorazzjoni, ir-rikostruzzjoni, it-tneħħija, it-twaqqigħ jew it-tibdil ta’ kull struttura jew element ieħor”.

29

L-Artikolu 162 tal-PDA jispeċifika li l-applikazzjoni għal permess ta’ regolarizzazzjoni ma twassalx għas-sospensjoni jew għall-irtirar ta’ proċedimenti ta’ infurzar li jkunu tressqu.

Il-proċedura prekontenzjuża

30

Wara ittra ta’ intimazzjoni tal-5 ta’ April 2001, il-Kummissjoni bagħtet lill-Irlanda opinjoni motivata datata 21 ta’ Diċembru 2001.

31

Fis-7 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni addizzjonali lil dan l-Istat Membru.

32

Intbagħtet opinjoni motivata addizzjonali lill-Irlanda fil-5 ta’ Jannar 2005, wara li ġew irċevuti l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar f’ittra tas-6 ta’ Diċembru 2004.

33

Billi l-Kummissjoni qieset li l-pożizzjoni meħuda mill-Irlanda b’risposta għall-imsemmija opinjoni motivata f’ittri tat-8 ta’ Marzu, tas-17 ta’ Ġunju u tal-1 ta’ Diċembru 2005 ma kinitx sodisfaċenti, hija ressqet dan ir-rikors, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 226 KE.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment

34

Il-Kummissjoni takkuża lill-Irlanda li ma ħaditx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mal-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, kemm fil-verżjoni inizjali tagħha kif ukoll fil-verżjoni emendata bid-Direttiva 97/11. Dan l-ilment ser jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, fid-dawl tad-Direttiva 85/337 emendata.

35

L-ewwel ilment, li skontu t-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337 emendata hija inkompleta u twassal għal implementazzjoni inkorretta ta’ din tal-aħħar, huwa bbażat fuq tliet motivi.

36

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Irlanda ma ħaditx il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura li jitwettqu verifiki bl-għan li jiġi ddeterminat, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 emendata, jekk huwiex il-każ li l-proġetti prospettati x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, u sussegwentement, jekk dan huwa l-każ, timponi t-twettiq tal-proċedura ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, qabel l-għoti tal-kunsens għal żvilupp.

37

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi Irlandiżi li jippermettu li titressaq applikazzjoni għal regolarizzazzjoni wara l-eżekuzzjoni totali jew parzjali ta’ proġett mhux awtorizzat jippreġudikaw l-għanijiet preventivi tad-Direttiva 85/337 emendata.

38

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri repressivi implementati mill-Irlanda ma jiżgurawx l-applikazzjoni effettiva tal-imsemmija direttiva, u b’hekk l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligu ġenerali tagħha taħt l-Artikolu 249 KE.

39

In sostenn ta’ dan l-aħħar motiv, il-Kummissjoni tirreferi għal numru ta’ eżempji li, skontha, juru n-nuqqasijiet fl-implementazzjoni tas-sistema ta’ sanzjonijiet.

Fir-rigward tal-ewwel żewġ motivi

— L-argumenti tal-partijiet

40

Il-Kummissjoni ssostni li, ladarba huwa possibbli, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-obbligi imposti bid-Direttiva 85/337 emendata jiġu ssodisfati matul jew wara t-twettiq ta’ proġett, dan ifisser li ma jeżisti ebda obbligu ċar li l-proġetti jiġu suġġetti għal stima tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent qabel it-twettiq tagħhom.

41

Billi taċċetta li l-verifika tal-proġetti, fil-kuntest ta’ stima tal-impatt ambjentali, tista’ titwettaq wara l-eżekuzzjoni tagħhom, meta l-għan prinċipali tad-Direttiva 85/337 emendata huwa li jittieħdu inkunsiderazzjoni, kemm jista’ jkun kmieni, l-effetti fuq l-ambjent tal-proċess kollu ta’ ppjanar u ta’ teħid ta’ deċiżjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata tirrikonoxxi possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni li għandha l-konsegwenza li tippreġudika l-effett utli ta’ din id-direttiva.

42

Il-Kummissjoni żżid li r-regoli dwar il-permess ta’ regolarizzazzjoni huma integrati fid-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-permess normali għal żvilupp, u xejn ma jindika li l-applikazzjonijiet għal permess ta’ regolarizzazzjoni u l-għoti ta’ dan il-permess huma rriżervati għal każijiet eċċezzjonali.

43

L-Irlanda ssostni li l-Kummissjoni ma tagħtix interpretazzjoni eżatta tal-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi d-Direttiva 85/337 emendata. Fil-fatt, hija tispeċifika li d-dritt Irlandiż jeżiġi espressament li, għal kull proġett ġdid, għandu jinkiseb permess qabel il-bidu tax-xogħlijiet u li fir-rigward tal-proġetti li għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali, din tal-aħħar għandha titwettaq qabel ix-xogħlijiet. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi jikkostitwixxi reat kriminali u jista’ jwassal għall-eżekuzzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar.

44

Barra minn dan, l-Irlanda ssostni li l-permess ta’ regolarizzazzjoni, stabbilit mil-liġi u mir-regolamenti dwar l-ippjanar, jikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali li timponi l-kisba ta’ kunsens għal żvilupp qabel il-bidu ta’ proġett u jissodisfa bl-aħjar mod l-għanijiet tad-Direttiva 85/337 emendata, u, b’mod partikolari, l-għan ġenerali ta’ protezzjoni tal-ambjent, billi l-irtirar ta’ proġett mhux awtorizzat jista’ ma jkunx l-iktar miżura adegwata mill-perspettiva tal-imsemmija protezzjoni.

45

Skont dan l-Istat Membru, id-Direttiva 85/337 emendata, li r-rekwiżiti tagħha huma purament proċedurali, ma tgħid xejn dwar l-eżistenza ta’ eċċezzjoni li skontha stima tal-impatt fuq l-ambjent tista’, f’ċerti każijiet, titwettaq wara l-bidu tax-xogħlijiet. Huwa jenfasizza, f’dan ir-rigward, li mkien f’din id-direttiva mhuwa indikat espressament li stima tista’ titwettaq biss qabel l-eżekuzzjoni tal-proġett u jislet argument mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “kunsens għal żvilupp” mogħtija fl-imsemmija direttiva sabiex isostni li l-użu tat-terminu “jipproċedi bil-” huwa sinjifikattiv, billi dan tal-aħħar mhuwiex limitat biss sabiex jindika l-bidu tax-xogħlijiet iżda jkopri wkoll it-tkomplija ta’ proġett ta’ żvilupp.

46

Barra minn dan, l-Irlanda ssostni li l-permess ta’ regolarizzazzjoni huwa mekkaniżmu ta’ rkupru raġonevoli li jista’ jiġi invokat f’ċirkustanzi eċċezzjonali u li jfittex li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa inevitabbli li ċerti proġetti jibdew, għal diversi raġunijiet, qabel l-għoti ta’ kunsens għal żvilupp fis-sens tad-Direttiva 85/337 emendata.

47

F’dan ir-rigward, l-Irlanda tislet argument mis-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723), sabiex issostni li stima korrettiva tista’ titwettaq fi stadju ulterjuri, bħala eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li l-istima għandha titwettaq l-iktar kmieni possibbli matul il-proċess deċiżjonali.

48

Dan l-Istat Membru jikkunsidra wkoll li jkun sproporzjonat li wieħed jeżiġi t-tneħħija ta’ ċerti strutturi f’ċirkustanzi fejn, wara l-eżami ta’ applikazzjoni għal permess ta’ regolarizzazzjoni, l-imsemmija regolarizzazzjoni titqies li hija kompatibbli ma’ żvilupp korrett u sostenibbli.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49

L-Istati Membri għandhom jagħtu lid-Direttiva 85/337 emendata eżekuzzjoni li tikkorrispondi kompletament għall-eżiġenzi li hija tistabbilixxi fid-dawl tal-għan essenzjali tagħha, li huwa, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(1) tagħha, li qabel ma jingħata kunsens, proġetti li x’aktarx ikun se jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba inter alia, in-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom ikunu suġġetti għal proċedura ta’ applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp u għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2000, Linster,C-287/98, Ġabra p. I-6917, punt 52, u tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-486/04, Ġabra p. I-11025, punt 36).

50

Barra minn dan, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 emendata, il-kunsens għal żvilupp huwa d-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

51

Billi l-formulazzjoni relattiva għall-għoti ta’ dritt bl-ebda mod mhija ambigwa, l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva għandu neċessarjament jinftiehem li jfisser li, jekk l-applikant jonqos milli jitlob u wara jikseb il-kunsens għal żvilupp meħtieġ u milli jwettaq minn qabel stima tal-impatt ambjentali meta din tkun meħtieġa, huwa ma jistax jibda x-xogħlijiet relatati mal-proġett ikkonċernat, għaliex altrimenti jikser ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 emendata.

52

Din l-analiżi tapplika għall-proġetti kollha li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 emendata, kemm jekk jaqgħu taħt l-Anness I ta’ din id-direttiva u għandhom għaldaqstant jiġu suġġetti għal stima sistematika skont l-Artikoli 2(1) u 4(1) ta’ din tal-aħħar, kif ukoll jekk jaqgħu taħt ll-Anness II tal-imsemmija direttiva u huma, għal din ir-raġuni u skont l-Artikolu 4(2) ta’ din tal-aħħar, suġġetti għal stima tal-impatt biss jekk, fid-dawl tal-limiti jew tal-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru u/jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.

53

Barra minn hekk, tali analiżi litterali ta’ dan l-Artikolu 2(1) jissodisfa l-għan li d-Direttiva 85/337 emendata tfittex li tilħaq, imfakkar b’mod partikolari fil-ħames premessa tad-Direttiva 97/11, li skontha “l-proġetti li għalihom hija meħtieġa stima għandhom ikunu soġġetti għall-ħtieġa li joħroġ il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp [u] l-istima għandha titwettaq qabel ma jiġi konċess dan il-kunsens/approvazzjoni”.

54

Fl-istat tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, huwa paċifiku li, bħala regola, l-istima tal-effetti fuq l-ambjent għandha titwettaq u l-permess għal żvilupp għandu jinkiseb, meta dawn ikunu neċessarji, qabel it-twettiq tax-xogħlijiet. Fid-dritt Irlandiż, in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi jikkostitwixxi ksur tar-regoli tal-ippjanar.

55

Madankollu, huwa daqstant ieħor paċifiku li l-imsemmija leġiżlazzjoni tistabbilixxi permess ta’ regolarizzazzjoni, billi tekwipara l-effetti tiegħu ma’ dawk tal-permess ordinarju għal żvilupp qabel it-twettiq ta’ xogħlijiet u żvilupp. Il-permess ta’ regolarizzazzjoni jista’ jingħata anki jekk il-proġett li huwa jkopri, li għalih stima tal-effetti fuq l-ambjent hija meħtieġa skont l-Artikoli 2 u 4 tad-Direttiva 85/337 emendata, ikun twettaq.

56

Barra minn dan, l-għoti ta’ tali permess ta’ regolarizzazzjoni, li l-Irlanda tirrikonoxxi li huwa komunement użat fil-qasam tal-ippjanar fin-nuqqas ta’ kull ċirkustanza eċċezzjonali, iwassal, fid-dritt Irlandiż, sabiex jiġi kkunsidrat li l-obbligi imposti bid-Direttiva 85/337 emendata ġew effettivament issodisfati.

57

Madankollu, għalkemm id-dritt Komunitarju ma jistax jipprekludi li r-regoli nazzjonali applikabbli jippermettu, f’ċerti każijiet, li jiġu rregolarizzati operazzjonijiet jew atti irregolari fid-dawl ta’ dan tal-aħħar, tali possibbiltà għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li hija ma toffrix lill-individwi kkonċernati l-opportunità li jevitaw ir-regoli Komunitarji jew jaħarbu milli japplikawhom u li din tibqa’ eċċezzjonali.

58

Fil-fatt, sistema ta’ regolarizzazzjoni, bħal dik fis-seħħ fl-Irlanda, jista’ jkollha l-effett li tinkoraġġixxi lill-iżviluppaturi sabiex jevitaw li jivverifikaw jekk il-proġetti prospettati jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 emendata, u għaldaqstant, sabiex ma jiħdux il-passi neċessarji sabiex jidentifikaw l-effetti tal-imsemmija proġetti fuq l-ambjent u sabiex iwettqu l-istima tagħhom minn qabel. Issa skont l-ewwel premessa tad-Direttiva 85/337, huwa neċessarju li, fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni, l-awtorità kompetenti tqis l-effetti fuq l-ambjent kemm jista’ jkun kmieni fil-proċess tal-ippjanar tekniku u tat-teħid ta’ deċiżjonijiet, billi l-għan huwa li jiġi evitat, mill-bidu nett, il-ħolqien ta’ tniġġis jew ta’ inkonvenjenzi aktar milli tittieħed azzjoni sussegwentement kontra l-effetti tagħhom.

59

Fl-aħħar nett, l-Irlanda ma tistax tibbaża validament l-argumenti tagħha fuq is-sentenza Wells, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza, fil-punti 64 u 65 tagħha, tfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 10 KE, l-Istati Membri huma marbuta li jħassru l-konsegwenzi illegali ta’ ksur tad-dritt Komunitarju. L-awtoritajiet kompetenti huma għalhekk obbligati li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirrimedjaw għall-ommissjoni ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent, pereżempju billi jirtiraw jew jissospendu kunsens għal żvilupp diġà mogħti sabiex titwettaq tali stima, u dan fil-limiti tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri.

60

Minn dan ma jistax jiġi dedott li l-istima tal-impatt ambjentali korrettiva, imwettqa sabiex tiġi rrimedjata l-ommissjoni tal-istima kif prevista u organizzata bid-Direttiva 85/337 emendata, billi l-proġett ikun diġà twettaq, hija ekwivalenti għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent, qabel l-għoti tal-kunsens għal żvilupp, rikjesta u rregolata bl-imsemmija direttiva.

61

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi lill-permess ta’ regolarizzazzjoni, li jista’ jinħareġ anki fin-nuqqas ta’ kull ċirkustanza eċċezzjonali ppruvata, jingħataw l-istess effetti bħal dawk relattivi għall-permess għal żvilupp qabel it-twettiq tax-xogħlijiet u tal-iżvilupp, meta l-proġetti li għalihom stima tal-effetti fuq l-ambjent hija meħtieġa għandhom, skont l-Artikoli 2(1) u 4(1) u (2) tad-Direttiva 85/337 emendata, jiġu identifikati u wara suġġetti, qabel l-għoti tal-kunsens għal żvilupp, u għaldaqstant, neċessarjament, qabel ma jitwettqu, għal applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp u għall-imsemmija stima, l-Irlanda kisret ir-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337 emendata.

62

Għaldaqstant, l-ewwel żewġ motivi huma fondati.

Dwar it-tielet motiv

— L-argumenti tal-partijiet

63

Skont il-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Irlandiża u l-prassi konsegwenti fir-rigward tal-miżuri repressivi fihom lakuni li jikkompromettu t-traspożizzjoni u l-implementazzjoni korretti tad-Direttiva 85/337 emendata, meta din tal-aħħar timponi neċessarjament sistema ta’ kontroll u ta’ repressjoni effettiva.

64

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li l-miżuri repressivi previsti fil-leġiżlazzjoni Irlandiża fil-qasam tal-ippjanar ma jikkumpensawx in-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jimponu l-osservanza tar-rekwiżiti fir-rigward ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent qabel it-twettiq tal-proġetti.

65

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-prassi fir-rigward tal-miżuri repressivi tikkomprometti t-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, il-Kummissjoni ssemmi sitwazzjonijiet partikolari li juru, skontha, in-nuqqasijiet tal-leġiżlazzjoni Irlandiża fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza tar-regoli stabbiliti b’din id-direttiva.

66

Fir-rigward tal-proċedura segwita fir-rigward tas-sanzjonijiet, l-Irlanda ssostni li l-kwistjoni tal-għażla u tal-forma ta’ dawn tal-aħħar taqa’ fil-libertà diskrezzjonali tal-Istati Membri, sakemm il-kontrolli relattivi għall-ippjanar u għall-ambjent ma ġewx armonizzati fuq livell Komunitarju.

67

F’kull każ, l-Irlanda tenfasizza li s-sistema ta’ sanzjonijiet prevista fil-leġiżlazzjoni Irlandiża hija kompleta u effettiva. F’dan ir-rigward, dan l-Istat Membru jispeċifika li, fid-dritt ambjentali, id-dispożizzjonijiet applikabbli huma legalment vinkolanti.

68

Fil-fatt, din il-leġiżlazzjoni timponi fuq l-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar li jibgħatu ittra ta’ twissija meta huma jsiru jafu li qiegħed jitwettaq proġett mhux awtorizzat, ħlief jekk huma jqisu li dan il-proġett huwa ta’ importanza minima.

69

Ladarba tintbagħat l-ittra ta’ twissija, l-awtoritajiet responsabbli għall-ippjanar għandhom jiddeċiedu jekk huwiex opportun li joħorġu avviż ta’ twettiq.

70

L-ittra ta’ twissija hija intiża sabiex tippermetti lill-persuni responsabbli mill-proġetti mhux awtorizzati li jibdew azzjoni ta’ rkupru qabel l-avviż ta’ twettiq u l-istadji l-oħra tal-proċedura ta’ sanzjoni.

71

Jekk jinħareġ l-avviż ta’ twettiq, dan tal-aħħar jistabbilixxi numru ta’ obbligi, u n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li huwa jimponi jikkostitwixxi reat.

72

L-Irlanda żżid li s-sistema ta’ sanzjonijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi drittijiet inkwistjoni li għandhom l-iżviluppaturi, il-proprjetarji tal-artijiet, il-pubbliku u l-individwi li huma direttament ikkonċernati mill-imsemmi proġett, u dawn id-diversi drittijiet għandhom jitwieżnu sabiex iwasslu għal riżultat ġust.

73

Fl-aħħar nett, l-Irlanda tikkontesta l-eżempji msemmija mill-Kummissjoni, billi l-prova tal-ksur allegat ma nġabitx peress li l-Kummissjoni tillimita ruħha għal affermazzjonijiet ġenerali.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74

Huwa paċifiku li, fl-Irlanda, in-nuqqas ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent rikjest bid-Direttiva 85/337 emendata jista’ jiġi rrimedjat permezz tal-kisba ta’ permess ta’ regolarizzazzjoni li jippermetti, b’mod partikolari, li proġett mhux regolarment awtorizzat jitħalla jissussisti, bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni għal tali permess titressaq qabel l-implementazzjoni ta’ proċedura ta’ sanzjoni.

75

Din il-possibbiltà tista’ twassal, kif tammetti wkoll l-Irlanda, sabiex l-awtoritajiet kompetenti ma jaġixxux biex jissospendu jew iwaqqfu proġett li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 emendata u li jkun qiegħed jitwettaq jew ikun diġà twettaq bi ksur tal-kundizzjonijiet relattivi għall-kunsens għal żvilupp u għall-istima tal-effetti fuq l-ambjent qabel l-għoti tal-imsemmi kunsens għal żvilupp, u sabiex ma jibdewx il-proċedura ta’ infurzar prevista fil-PDA, bl-Irlanda tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-kompetenza f’dan il-qasam hija diskrezzjonali.

76

Għalhekk l-insuffiċjenza tas-sistema ta’ infurzar stabbilita mill-Irlanda hija pprovata, peress li l-eżistenza tal-permess ta’ regolarizzazzjoni jirrendiha ineffikaċi għal kollox, billi din l-insuffiċjenza hija l-konsegwenza diretta tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu rrilevat fl-eżami taż-żewġ motivi preċedenti.

77

Tali konstatazzjoni ma titqiegħedx fid-dubju bil-fatt li, skont l-Irlanda, is-sistema ta’ sanzjonijiet għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi drittijiet inkwistjoni li għandhom l-iżviluppaturi, il-proprjetarji tal-artijiet, il-pubbliku u l-individwi li huma direttament ikkonċernati mill-proġett inkwistjoni. Fil-fatt, in-neċessità ta’ tweżin ta’ dawn l-interessi ma tistax tiġġustifika, fiha nfisha, li sistema ta’ kontroll u ta’ repressjoni ma tkunx effettiva.

78

Għaldaqstant, mhemmx skop li jiġu analizzati d-diversi eżempji mressqa mill-Kummissjoni sabiex turi n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-miżuri repressivi, billi tali nuqqasijiet jirriżultaw direttament mill-insuffiċjenzi tal-leġiżlazzjoni Irlandiża nfisha.

79

Għalhekk, it-tielet motiv huwa wkoll fondat u, għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi milqugħ fir-rigward tal-motivi kollha tiegħu.

80

Għandu fl-aħħar nett jiġi indikat li l-ewwel ilment huwa fondat kemm fid-dawl tad-Direttiva 85/337 emendata u kif ukoll fid-dawl tad-Direttiva 85/337. Fil-fatt, kemm skont il-verżjoni inizjali ta’ din id-direttiva kif ukoll skont il-verżjoni emendata tagħha, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandhom ikunu suġġetti għall-istima tal-effetti tagħhom qabel l-għoti tal-kunsens għal żvilupp, billi, barra minn hekk, id-definizzjoni ta’ din tal-aħħar baqgħet ma nbidlitx. Barra minn dan, il-karatteristiċi tal-permess ta’ regolarizzazzjoni stabbiliti bil-leġiżlazzjoni Irlandiża baqgħu l-istess.

81

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi m’adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex tiżgura li, qabel l-eżekuzzjoni totali jew parzjali tagħhom, il-proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11, ikunu suġġetti għal eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir stima tal-effetti fuq l-ambjent, u sussegwentement, x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, jiġu suġġetti għal stima rigward l-effetti tagħhom skont l-Artikoli 5 sa 10 ta’ din id-direttiva, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva.

Fuq it-tieni lment

82

Dan l-ilment jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, li għaliha għandhom jiġu mfakkra, preliminarjament, id-diversi awtorizzazzjonijiet miksuba.

83

Kif jirriżulta mid-dokumenti tal-inkartament, fl-4 u fit-18 ta’ Diċembru 1997 tressqu applikazzjonijiet għal kunsens għal żvilupp relattivi għall-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, li kull waħda minnhom tkopri 23 turbina tar-riħ. Applikazzjonijiet ġodda tressqu fit-23 ta’ Jannar 1998, billi l-applikazzjonijiet preċedenti għal kunsens għal żvilupp ma ġewx ikkunsidrati validi. Inħareġ permess fit-12 ta’ Marzu 1998. Fil-5 ta’ Ottubru 2000, tressqet applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp għat-tielet fażi ta’ xogħlijiet, li tirrigwarda b’mod partikolari 25 turbina u toroq ta’ servizz, li ġiet milqugħa fil-15 ta’ Novembru 2001. Fl-20 ta’ Ġunju 2002, l-iżviluppatur talab l-awtorizzazzjoni li jbiddel l-ewwel żewġ fażijiet tal-proġett, u din l-awtorizzazzjoni ngħatatlu fit-30 ta’ Lulju 2002. Matul ix-xahar ta’ Ottubru 2003, billi l-kunsens għal żvilupp mogħti għall-ewwel żewġ fażijiet tax-xogħlijiet skadiet, l-iżviluppatur talab it-tiġdid tal-imsemmi kunsens, li ġie milqugħ matul ix-xahar ta’ Novembru 2003.

L-argumenti tal-partijiet

84

Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ssostni li l-Irlanda m’adottatx il-miżuri neċessarji kollha sabiex l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet relattivi jkunu ġew ippreċeduti minn stima tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337 u tad-Direttiva 85/337 emendata.

85

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, għalkemm, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Irlandiża, twettqu stimi tal-effetti fuq l-ambjent għal diversi elementi kostituttivi tal-proġett inkwistjoni, l-imsemmija studji kienu vvizzjati b’lakuni.

86

B’mod partikolari, l-istima tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa matul is-sena 1998 ma ttrattatx korrettament ir-riskji ambjentali relatati mat-twettiq tad-diversi elementi kostituttivi ta’ dan il-proġett. L-istima tal-impatt ambjentali mwettqa għat-tielet fażi tal-imsemmi proġett hija vvizzjata bl-istess insuffiċjenzi.

87

Barra minn dan, il-Kummissjoni tindika li l-qasam ta’ mtieħen tar-riħ huwa l-iktar proġett vast ta’ użu tal-art għall-enerġija tar-riħ li qatt ġie implementat fl-Irlanda u anki wieħed mill-ikbar fl-Ewropa.

88

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li l-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ kien jeħtieġ l-eliminazzjoni ta’ żoni vasti ta’ foresti ta’ koniferi b’erja ta’ 263 ettaru, u awtorizzazzjoni għal twaqqigħ ta’ siġar ingħatat fl-20 ta’ Mejju 2003. Madankollu ebda stima tal-effetti fuq l-ambjent ma twettqet għal din l-operazzjoni, kuntrarjament għar-rekwiżiti nfushom tal-leġiżlazzjoni Irlandiża.

89

Il-Kummissjoni żżid li, wara ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2003 u l-katastrofi ekoloġika li dan wassal għalih, billi l-massa ta’ peat li waqgħet minn żona ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ li niġġset ix-xmara Owendalulleegh, ikkawżat il-mewt ta’ madwar 50000 ħuta u kkawżat dannu fit-tul lis-siti ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi, l-Irlanda ma wettqet ebda stima ġdida tal-effetti fuq l-ambjent ta’ din il-kostruzzjoni qabel it-tkomplija tax-xogħlijiet fuq is-sit mill-iżviluppatur matul is-sena 2004.

90

L-Irlanda tispeċifika li, meta ntalbu l-awtorizzazzjonijiet, matul is-sena 1997 u sussegwentement matul is-sena 1998, għall-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, la l-Anness I u lanqas l-Anness II tad-Direttiva 85/337 ma kienu jsemmu din il-kategorija ta’ proġetti taħt dawk li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, l-awtorizzazzjoni ma kellhiex tiġi ppreċeduta mill-istima tal-effetti fuq l-ambjent kif irregolata mill-imsemmija direttiva. Hija żżid li l-applikazzjonijiet ippreżentati matul is-sena 1998 kienu madankollu akkompanjati, skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża, minn dikjarazzjoni ta’ impatt ambjentali.

91

Barra minn dan, hija tqis li huwa artifiċjali li wieħed jipprova jissuġġerixxi li attivitajiet li huma relatati ma’ aspetti konnessi tal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, bħall-kostruzzjoni ta’ triq, l-estrazzjoni ta’ peat, l-użu ta’ barrieri jew it-trasport tal-elettriċità, kienu ta’ importanza tali li kienu jirrikjedu stima tal-effetti fuq l-ambjent fis-sens tad-Direttiva 85/337.

92

Barra minn dan, l-Irlanda tikkunsidra li applikazzjoni għat-titwil tal-perijodu ta’ validità ta’ permess ma tikkostitwixxix “kunsens għal żvilupp” fis-sens tad-Direttiva 85/337 emendata.

93

Fl-aħħar nett, l-Irlanda ssostni li ż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet ġie kkawżat mill-metodi ta’ kostruzzjoni użati u li f’dan il-każ ma kienx hemm diffikultajiet li setgħu ġew identifikati bil-quddiem permezz ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent, lanqas permezz ta’ stima konformi mar-rekwiżiti Komunitarji. Barra minn dan, dan l-Istat Membru jispeċifika li, sabiex tiġi żgurata t-tlestija f’sigurtà sħiħa tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, il-metodi ta’ kostruzzjoni ġew mibdula, wara li ġew sospiżi x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u twettqet investigazzjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

94

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom ingħataw, fit-12 ta’ Marzu 1998, l-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni tal-proġett ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ mitluba permezz ta’ applikazzjonijiet imressqa fit-23 ta’ Jannar 1998, għandu, preliminarjament, jiġi deċiż jekk id-Direttiva 85/337 hijiex applikabbli.

95

F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 97/11 li, jekk tiġi sottomessa talba għal kunsens lill-awtorità kompetenti qabel l-14 ta’ Marzu 1999, għandhom jissoktaw japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/337.

96

Barra minn dan, għalkemm huwa paċifiku li l-installazzjonijiet intiżi għall-użu tal-enerġija tar-riħ għall-produzzjoni ta’ enerġija la huma mniżżla fl-Anness I u lanqas fl-Anness II tad-Direttiva 85/337, l-Irlanda ma tikkontestax li l-ewwel żewġ fażijiet tal-kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ irrikjedew diversi xogħlijiet, inklużi xogħlijiet ta’ estrazzjoni ta’ peat u ta’ minerali barra minn minerali li fihom metalli u dawk li jipproduċu enerġija kif ukoll kostruzzjoni ta’ toroq, liema xogħlijiet huma mniżżla fil-punt 2(a) u (ċ) u fil-punt 10(d), rispettivament, tal-imsemmi Anness II.

97

Għaldaqstant, id-Direttiva 85/337 kienet applikabbli għall-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ inkwantu dawn tal-aħħar kienu jinvolvu b’mod partikolari r-rikors għal proġetti ta’ xogħlijiet imsemmija fl-Anness II ta’ din id-direttiva.

98

Minn dan isegwi li l-Irlanda kienet obbligata li tissuġġetta l-proġetti ta’ xogħlijiet għal stima tal-effetti fuq l-ambjent jekk dawn tal-aħħar x’aktarx kien sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, minħabba inter alia, in-natura, id-daqs u l-lokalizzazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 50, u tat-28 ta’ Frar 2008, Paul Abraham et, C-2/07, Ġabra p. I-1197, punt 37).

99

Madankollu, l-Irlanda tafferma li l-awtoritajiet kompetenti kkunsidraw li dan ma kienx każ li jaqa’ fil-kuntest tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, inkwantu x-xogħlijiet konnessi ta’ estrazzjoni ta’ peat u ta’ kostruzzjoni ta’ toroq kienu aspett minuri meta mqabbla mal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ innifsu.

100

Għaldaqstant, l-awtoritajiet kompetenti qiesu li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-proġetti prospettati x’aktarx kienx sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent u lanqas, għaldaqtsant, li l-awtorizzazzjonijiet jiġu ppreċeduti minn stima tal-effetti fuq l-ambjent li tissodisfa r-rekwiżiti imposti mid-Direttiva 85/337.

101

Il-fatt li l-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tal-imsemmija direttiva, imsemmija iktar ’il fuq, kienu ta’ importanza sekondarja meta mqabbla mal-proġett ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ meħud kollu kemm hu, ma kienx ifisser li, minħabba f’hekk stess, l-imsemmija proġetti x’aktarx ma kienx sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent.

102

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-proġetti prospettati ta’ estrazzjoni ta’ peat u ta’ minerali kif ukoll ta’ kostruzzjoni ta’ toroq ma kinux insinjifikanti f’termini ta’ daqs meta mqabbla mal-erja globali tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ li kien ikopri 200 ettaru ta’ art bil-peat u kien jikkostitwixxi l-ikbar proġett ta’ dan it-tip fl-Irlanda, u, barra minn dan, kienu indispensabbli għall-installazzjoni tat-turbini, bħalma kienu għat-twettiq tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kollha. Għandu wkoll jiġi rrilevat li l-imsemmija xogħlijiet twettqa mal-ġenb tal-muntanja Cashlaundrumlahan, li fih depożiti ta’ peat li jistgħu jilħqu fond ta’ 5,5 metri u fuq parti kbira minnhom jikbru l-foresti.

103

Jirriżulta minn dawn l-elementi, li mhumiex ikkontestati mill-Irlanda, li l-lokalizzazzjoni u d-daqs tal-proġetti ta’ xogħlijiet ta’ estrazzjoni ta’ peat u ta’ minerali kif ukoll ta’ kostruzzjoni ta’ toroq u l-viċinanza tas-sit ma’ xmara jikkostitwixxu daqstant karatteristiċi konkreti li jistabbilixxu li l-imsemmija proġetti, li huma inseparabbli mill-installazzjoni ta’ 23 turbina tar-riħ, kellhom jiġu kkunsidrati bħala li x’aktarx ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent u, għaldaqstant, kellhom ikunu suġġetti għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent.

104

Fil-fatt, it-twettiq ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent, li tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 85/337, huwa intiż sabiex jiġu identifikati, deskritti u evalwati b’mod adegwat l-effetti diretti u indiretti ta’ proġett fuq fatturi bħall-fawna u l-flora, il-ħamrija u l-ilma kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn id-diversi fatturi. F’dan il-każ, jista’ jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li d-dikjarazzjonijiet ta’ impatt ambjentali pprovduti mill-iżviluppatur kien fihom ċerti lakuni u ma eżaminawx, b’mod partikolari, il-kwistjoni tal-istabbiltà tal-ħamrija, li madankollu hija essenzjali meta jiġu kkunsidrati xogħlijiet ta’ tħaffir.

105

Għaldaqstant, billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ikun ippreċedut minn stima tal-effetti fuq l-ambjent skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337 u billi limitat ruħha sabiex tannetti mal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni dikjarazzjonijiet ta’ impatt ambjentali li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-imsemmija direttiva.

106

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni relattiva għat-tielet fażi ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ, imressqa fil-5 ta’ Ottubru 2000, u tal-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li jinbidlu l-ewwel żewġ fażijiet ta’ kostruzzjoni inizjalment awtorizzati, imressqa fl-20 ta’ Ġunju 2002, huwa fid-dawl tad-Direttiva 85/337 emendata li għandu jiġi eżaminat l-ilment, billi l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni li jikkonċernawhom tressqu wara l-14 ta’ Marzu 1999.

107

Huwa paċifiku, minn naħa, li l-awtoritajiet kompetenti approvaw il-bdil tat-tip ta’ turbini tar-riħ inizjalment previst mingħajr ma rrikjedew stima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 85/337 emendata u, min-naħa l-oħra, li lanqas l-awtorizzazzjoni mogħtija għat-tielet fażi ta’ kostruzzjoni ma kienet akkompanjata minn tali stima. Barra minn dan, l-operazzjoni ta’ deforestazzjoni awtorizzata matul ix-xahar ta’ Mejju 2003 ma ġietx ippreċeduta minn din l-istess stima, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Irlandiża.

108

Issa fil-punt 3(i) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata jissemmew l-installazzjonijiet li jużaw il-qawwa tar-riħ għall-produzzjoni tal-enerġija (oqsma ta’ mtieħen tar-riħ) u l-punt 13 tal-imsemmi anness jirreferi għal kull bidla jew estensjoni ta’ proġetti mniżżla fl-Anness II, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinjifikanti fuq l-ambjent.

109

Barra minn dan, fost il-kriterji tal-għażla rilevanti ċċitati fl-Anness III tad-Direttiva 85/337 emendata, li huma applikabbli għall-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva u li l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva jirreferi għalihom, jissemma r-riskju ta’ inċidenti filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-metodi ta’ teknika użati. Taħt dawn l-istess kriterji, għandha tissemma s-sensittività ambjentali taż-żona ġeografika, li għandha tiġi kkunsidrata billi jitqiesu b’mod partikolari “il-kapaċità dwar kemm jixrob [kemm jiflaħ jassorbi] l-ambjent naturali”, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-firxiet ta’ art muntanjuża u miksija bil-foresti.

110

L-installazzjoni ta’ 24 turbina ġdida, il-kostruzzjoni ta’ toroq ta’ servizz ġodda kif ukoll il-bdil tat-tip ta’ turbini tar-riħ awtorizzat inizjalment u maħsub sabiex iżid il-produzzjoni tal-elettriċità, bħala proġetti mniżżla fl-Anness II tad-Direttiva 85/337 emendata u li, fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sit imfakkra fil-punt 105 ta’ din is-sentenza u tal-kriterji msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, x’aktarx kien sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, kellhom, minħabba f’hekk u qabel ma jiġu awtorizzati, jiġu suġġetti għal proċedura ta’ applikazzjoni għal kunsens għal żvilupp u għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent skont il-kundizzjonijiet imposti fl-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337 emendata.

111

Għaldaqstant, billi m’adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet modifikattivi u ta’ dawk relattivi għat-tielet fażi ta’ kostruzzjoni tal-qasam ta’ mtieħen tar-riħ ikun ippreċedut minn tali stima, u billi limitat ruħha sabiex tannetti mal-applikazzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni dikjarazzjonijiet ta’ impatt ambjentali li ma jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 85/377 emendata.

112

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, billi m’adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn stima tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11, l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

113

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Irlanda tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi ma adottatx il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura li:

qabel l-eżekuzzjoni totali jew parzjali tagħhom, il-proġetti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997, ikunu suġġetti għal eżami intiż sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir stima tal-effetti fuq l-ambjent, u sussegwentement, jekk x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalizzazzjoni tagħhom, ikunu suġġett I għal stima fir-rigward tal-effetti tagħhom, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, u

l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet relattivi għall-kostruzzjoni ta’ qasam ta’ mtieħen tar-riħ u għall-attivitajiet konnessi f’Derrybrien, fil-kontea ta’ Galway, kif ukoll it-twettiq tax-xogħlijiet ikunu ppreċeduti minn stima tal-effetti tal-proġett fuq l-ambjent, skont l-Artikoli 5 sa 10 tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni tagħha ta’ qabel jew ta’ wara l-emendi introdotti bid-Direttiva 97/11,

l-Irlanda naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 sa 10 tal-imsemmija direttiva.

 

2)

L-Irlanda hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.