Kawża C-199/06

Centre d’exportation du livre français (CELF)

u

Ministre de la Culture et de la Communication

vs

Société internationale de diffusion et d’édition (SIDE)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)

“Għajnuna mill-Istat — Artikolu 88(3) KE — Qrati nazzjonali — Irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment — Għajnuna ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni”

Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali J. Mazák, ippreżentati fl-24 ta’ Mejju 2007   I - 472

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-12 ta’ Frar 2008   I - 486

Sommarju tas-sentenza

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istat – Pjanijiet ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE – Deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Obbligi tal-qrati nazzjonali li quddiemhom titressaq talba għal rifużjoni

    (Artikolu 88(3) KE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istat – Pjanijiet ta’ għajnuna – Għoti ta’ għajnuna bi ksur tal-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 88(3) KE – Deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni – Annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti Komunitarja – Retroattività – Aspettattivi leġittimi min-naħa tal-benefiċjarji – Nuqqas ħlief fil-każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali

    (Artikolu 88(3) KE, l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE u l-Artikolu 249 KE)

  1.  F’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, fejn domanda bbażata fuq l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE hija eżaminata wara li l-Kummissjoni tkun adottat deċiżjoni pożittiva, il-qorti nazzjonali, minkejja l-konstatazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ l-għajnuna in kwistjoni, għandha tiddeċiedi fuq il-validità ta’ l-atti ta’ eżekuzzjoni u fuq l-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti. F’każ bħal dan, id-dritt Komunitarju jobbligaha tordna miżuri xierqa għal rimedju effettiv ta’ l-effetti ta’ l-illegalità. Madankollu, anki fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, m’hemmx l-obbligu ta’ rkupru totali ta’ l-għajnuna illegali.

    Fil-fatt, l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE hija bbażata fuq l-għan ta’ konservazzjoni li jiġi ggarantit sabiex biss l-għajnuna kompatibbli tiġi implementata. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-implementazzjoni ta’ proġett ta’ għajnuna tiġi sospiża sakemm id-dubji fuq il-kompatibbiltà tiegħu jitneħħew permezz tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni. Għaldaqstant jidher li, meta l-Kummissjoni tadotta deċiżjoni pożittiva, l-għan previst ma jiġix kontradett mill-għoti qabel iż-żmien ta’ l-għajnuna. F’dan il-każ, mill-perspettiva ta’ l-operaturi minbarra l-benefiċjarju ta’ tali għajnuna, l-illegalità ta’ din jkollha bħala effett, minn naħa, li tesponihom għar-riskju, li fil-fatt ma seħħx, ta’ implementazzjoni ta’ għajnuna li mhijiex kompatibbli, u min-naħa l-oħra, li ġġiegħelhom jbatu jekk ikun il-każ, iktar kmieni milli kellu jkun il-każ, fir-rigward tal-kompetizzjoni, l-effetti ta’ għajnuna kompatibbli. Mill-perspettiva tal-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, il-vantaġġ indebitu jikkonsisti, minn naħa, fin-nuqqas ta’ ħlas ta’ l-interessi li huwa kellu jħallas fuq l-ammont in kwistjoni ta’ l-għajnuna kompatibbli, li kieku huwa kellu jissellef dan l-ammont fis-suq sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra, fit-titjib tal-pożizzjoni kompetittiva tiegħu fil-konfront ta’ l-operaturi l-oħra fis-suq sakemm damet fis-seħħ l-illegalità. Il-qorti nazzjonali hija għaldaqstant marbuta, b’applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, li tordna lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna jħallas l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità.

    Fil-kuntest tad-dritt nazzjonali tagħha, hija tista’, jekk ikun il-każ, tordna l-irkupru ta’ l-għajnuna illegali, bla ħsara għad-dritt ta’ l-Istat Membru li jerġa jimplementaha, sussegwentement. Hija tista’ wkoll tiġi mwassla sabiex tilqa’ talba għal kumpens għad-dannu kkawżat minħabba n-natura illegali ta’ l-għajnuna.

    (ara l-punti 45-53, 55 u d-dispożittiv 1)

  2.  Meta l-qorti Komunitarja tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna li, bi ksur tal-projbizzjoni prevista mill-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, kienu ġew implementati mingħajr l-istennija tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, il-preżunzjoni ta’ legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji u r-regola ta’ retroattività ta’ l-annullament japplikaw suċċessivament. Huwa għalhekk preżunt li l-għajnuna implementata wara d-deċiżjoni pożittiva tal-Kummissjoni hija legali sad-deċiżjoni ta’ annullament tal-qorti Komunitarja u, imbagħad, fid-data ta’ din id-deċiżjoni ta’ l-aħħar, skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE, jiġi preżunt li l-għajnuna in kwistjoni ma ġietx iddikjarata bħala kompatibbli mid-deċiżjoni annullata, b’tali mod li l-implementazzjoni tagħha għandha tiġi kkunsidrata bħala illegali. Għaldaqstant jidher li, f’dan il-każ, ir-regola li tirriżulta mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 231 KE ittemm, b’mod retroattiv, l-applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ legalità.

    Jekk huwa minnu li ma jistax jiġi eskluż li huwa possibbli għall-benefiċjarju li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li fuq il-bażi tagħhom seta’ jkollu aspettattivi leġittimi rigward il-legalità ta’ l-għajnuna, u konsegwentement li jikkontesta l-ħlas lura tagħha, min-naħa l-oħra, is-sempliċi eżistenza tad-deċiżjoni pożittiva sussegwentement annullat ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li tista’ tagħti lok għal tali aspettativa. Fil-fatt, meta jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni pożittiva, il-benefiċjarju ma jistax ikollu ċertezza dwar il-legalità ta' l-għajnuna proposta, li hija l-unika li tista’ tagħti lok għal aspettattiva leġittima, sakemm il-qorti Komunitarja tkun għadha ma tatx deċiżjoni b’mod definittiv.

    Minn dan jirriżulta li, meta deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna implementata bi ksur ta’ l-aħħar sentenza ta’ l-Artikolu 88(3) KE, hija annullata mill-qorti Komunitarja, l-obbligu, li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, ta’ rimedju għall-effetti ta’ illegalità ta’ għajnuna jestendi wkoll, għall-finijiet tal-kalkolu tas-somom li għandhom jitħallsu mill-benefiċjarju, u bl-eċċezzjoni ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, għall-perijodu ta’ żmien li jgħaddi bejn l-adozzjoni tad-deċiżjoni pożitiva tal-Kummissjoni u l-annullament tagħha mill-qorti Komunitarja.

    (ara l-punti 62-69 u d-dispożittiv 2)