Keywords
Summary

Keywords

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Direttiva 2003/96

(Direttivi tal-Kunsill 92/12, Artikolu 3(1) u (3), u 2003/96, Artikoli 2(1)(b) u 2(4)(b)

Summary

Id-Direttiva 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-konsum li tolqot iż-żjut lubrikanti meta dawn ikunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli. Fil-fatt, anki jekk iż-żjut lubrikanti użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, dawn huma esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(4)(b) u, għaldaqstant, mhumiex inklużi fis-sistema tat-taxxa tas-sisa armonizzata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi meqjus li l-imsemmija żjut lubrikanti jikkostitwixxu prodotti differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, b’tali mod li, b’mod konformi mal-paragrafu (3)(1) ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ taxxi li huma imposti fuq dawn il-prodotti bil-kundizzjoni li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet ma’ kummerċ transkonfini fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 43-45 u d-dispożittiv)