Kawżi magħquda C-145/06 u C-146/06

Fendt Italiana Srl

vs

Agenzia Dogane - Ufficio Dogane di Trento

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Commissione tributaria di secondo grado di Trento)

“Direttiva 2003/96/KE — Qafas Komunitarju ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva — Żjut minerali — Żjut lubrikanti intiżi għal użu differenti minn dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli — Esklużjoni — Revoka tad-Direttiva 92/81/KEE — Sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Direttiva 2003/96

(Direttivi tal-Kunsill 92/12, Artikolu 3(1) u (3), u 2003/96, Artikoli 2(1)(b) u 2(4)(b)

Id-Direttiva 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-konsum li tolqot iż-żjut lubrikanti meta dawn ikunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli. Fil-fatt, anki jekk iż-żjut lubrikanti użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, dawn huma esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(4)(b) u, għaldaqstant, mhumiex inklużi fis-sistema tat-taxxa tas-sisa armonizzata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi meqjus li l-imsemmija żjut lubrikanti jikkostitwixxu prodotti differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti, b’tali mod li, b’mod konformi mal-paragrafu (3)(1) ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ taxxi li huma imposti fuq dawn il-prodotti bil-kundizzjoni li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet ma’ kummerċ transkonfini fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

(ara l-punti 43-45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Lulju 2007 (*)

“Direttiva 2003/96/KE – Qafas Komunitarju ta’ tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva – Żjut minerali – Żjut lubrikanti intiżi għal użu differenti minn dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli – Esklużjoni – Revoka tad-Direttiva 92/81/KEE – Sistema nazzjonali ta’ tassazzjoni”

Fil-kawżi magħquda C‑145/06 u C‑146/06,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Commissione tributaria di secondo grado di Trento (l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet, rispettivament, tas-6 ta’ Marzu 2006 u tat-23 ta’ Diċembru 2005, li waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Marzu 2006, fil-proċeduri

Fendt Italiana Srl

vs

Agenzia Dogane – Ufficio Dogane di Trento,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President ta’ l-Awla, J. Klučka, U. Lõhmus, A. Ó Caoimh (Relatur) u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Frar 2007,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fendt Italiana Srl, minn G. Maisto, avvocato, u A. Parolini, dottore commercialista,

–        għall-Gvern Taljan, minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn G. Aiello, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn N. Charalambidou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn L. Pignataro u W. Moells, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, p. 51), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU L 157, p. 100, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2003/96”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn Fendt Italiana Srl (iktar ’il quddiem “Fendt”) u l-Agenzia Dogane – Ufficio Dogane di Trento (Awtorità Doganali ta’ Trento) dwar in-nuqqas ta’ din il-kumpannija milli tħallas, għas-sena ta’ stima 2004, it-taxxa imposta fuq il-konsum taż-żejt lubrikanti stabbilita bid-dritt nazzjonali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

 Id-Direttiva 92/12/KEE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1), jgħid:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti għal prodotti soġġetti għad-dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma imposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti, ħlief għat-taxxa fuq il-valur miżjud u t-taxxi stabbiliti mill-Komunità.

2.      Id-dispożizzjonijiet partikolari li jirrelataw ma' l-istrutturi u r-rati ta’ dazju fuq prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġi stabbiliti f'Direttivi speċifiċi.”

4        L-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija Direttiva jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tgħodd, fil-livell tal-Komunità, għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi relevanti:

–        żjut minerali,

[…]

2.      Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu soġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda [bil-kundizzjoni li] dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-għanijiet tal-VAT għal dak li għandu x'jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.

3.      L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b'dan illi, iżda, li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

[…]”

Id-Direttivi 92/81/KEE u 92/82/KEE

5        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali [Traduzzjoni mhux uffiċjali] (ĠU L 316, p. 12), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 94/74/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 365, p. 46, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/81”), tipprovdi, fl-Artikolu 2(1)(d) tagħha, moqri flimkien mal-paragrafu 4 ta’ l-istess Artikolu, li “l-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2710”, fil-verżjoni tan-nomenklatura maqgħuda (iktar ’il quddiem “NM”) li kienet fis-seħħ fl-1 ta’ Ottubru 1994, jiġifieri, b’mod partikolari, iż-żjut lubrikanti, huma żjut minerali għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tagħha.

6        Skond il-paragrafu (2) ta’ l-imsemmi Artikolu 2, “iż-żjut minerali, minbarra dawk li għalihom livell ta’ dazju huwa stabbilit mid-Direttiva 92/82/KEE, huma suġġetti għal dazju tas-sisa jekk ikunu intiżi sabiex jiġu użati, offruti għall-bejgħ jew użati bħala kombustibbli jew karburant. […]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        L-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 jipprovdi:

“1.      Minbarra d-dispożizzjonijiet ġenerali tad-Direttiva 92/12/KEE dwar l-użu eżenti ta’ prodotti suġġetti għal dazju tas-sisa u bla ħsara għal dispożizzjonijiet Komunitarji oħra, l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti li ġejjin mid-dazju tas-sisa armonizzat, taħt il-kundizzjonijiet li huma jistabbilixxu bil-għan li jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li jimpedixxu l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi:

a)      iż-żjut minerali intiżi għal użu differenti minn dawk ta’ karburant jew ta’ kombustibbli;

[…]” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

8        Id-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 19), kif emendata mid-Direttiva 94/74 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/82”), tistabbilixxi rata minima ta’ dazju tas-sisa għal xi żjut minerali. L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva jsemmi ż-żjut minerali kkonċernati, u ż-żjut lubrikanti ma jinsabux fosthom.

 Id-Direttiva 2003/96

9        L-ewwel sat-tielet premessa u s-seba’ premessa tad-Direttiva 2003/96 jipprovdu kif ġej:

“(1)      L-iskop tad-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE […] u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE […] huwa ristrett għaż-żjut minerali.

(2)      L-assenza ta’ proviżżjonijiet tal-Komunità li jimponu rata minima ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku u prodotti ta’ enerġija minbarra żjut minerali tista’ taffetwa ħażin il-funzjonijiet kif suppost tas-suq intern.

(3)      Il-[funzjonament tajjeb] tas-suq intern u s-seħħ ta’ l-għanijiet ta’ politiki oħra tal-Kommunità jeħtieġu li livelli minimi ta’ tassazzjoni jkunu stabbiliti fuq livell Kommunitarju għal bosta mill-prodotti ta’ l-enerġija, inkluż l-elettriku, il-gass naturali u faħam.

[…]

(7)      Bħala sieħba tal-konvenzjoni kwadru tan-Nazzjonijiet Uniti dwar tibdil fil-klima, il-Komunità rratifikat il-Protokoll ta’ Kyoto. It-tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u, fejn xieraq, ta’ elettriku hija waħda mill-istrumenti disponibbli biex jinkisbu l-iskopijiet tal-Protokoll ta’ Kyoto.”

10      Barra minn hekk, it-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2003/96 tgħid:

“Prodotti ta’ enerġija essenzjalment għandhom ikunu suġġetti għall-qafas fi ħdan il-Komunità meta jkunu użati bħala karburant li jsaħħan jew karburant għall-karozzi [kombustibbli]. Għal dan il-għan, hija fin-natura u l-loġika tas-sistema ta’ taxxa li teskludi mill-iskop ta’ dan il-qafas l-użu doppju u użu ta’ prodotti ta’ enerġija li mhux karburant kif ukoll ipproċessar tal-mineraloġija. Elettriku użat bl-istess manjiera għand[u] [j]iġi ttrattat l-istess.”

11      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija u l-elettriku b’mod konformi ma' din id-Direttiva.

12      L-Artikolu 2(1)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva, moqri flimkien mal-paragrafu 5 ta’ l-istess Artikolu, jistabbilixxi li, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-kliem “prodotti ta’ enerġija” jirreferi għall-prodotti “li huma deskritti taħt Kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715”, kif jidhru fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Komuni tad-Dwana (ĠU L 279, p. 1), jiġifieri, b’mod partikolari, iż-żjut minerali deskritti taħt l-intestatura 2710 tan-NM.

13      Il-kliem ta’ l-Artikolu 2(4)(b) tad-Direttiva 2003/96 jgħid hekk:

“4.      Din id-Direttiva ma tapplikax għal:

[…]

b)      l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

–        prodotti ta’ l-enerġija użati mhux bħala karburant […] jew [kombustibbli],

–        [prodotti ta’ enerġija b’użu doppju.]

Prodott ta’ l-enerġija għandu użu doppju meta jiġi użat kemm bħala [kombustibbli] kif ukoll għal skopijiet differenti minn karburant [jew kombustibbli]. L-użu ta’ prodotti ta’ l-enerġija għat-tnaqqis ta’ kimiki u fi trattamenti elettrolitiki kif ukoll metallurġiki [għandu jiġi kkunsidrat] bħala użu doppju,

[…]”.

14      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“[Fid-]Direttiva 92/12/KEE, [riferenzi] għal “żjut minerali” u “taxxa tas-sisa”, […] kemm-il darba [jkunu relatati ma’] żjut minerali, […] jkopru l-prodotti ta’ l-enerġija kollha, l-elettriku u t-taxxi indiretti nazzjonali [kollha stabbiliti] […] rispettivament fl-Artikolu 2 u [fl-Artikolu] 4(2) ta’ din id-Direttiva.”

15      L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“1.      Barra d-dispożizzjonijiet ġenerali kif imniżżla fid-Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b'kundizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu [l-frodi,] l-evażjoni, […] jew l-[abbużi]:

a)      prodotti ta’ enerġija u elettriku użati biex jipproduċu elettriku u elettriku użat biex iżomm il-produzzjoni ta’ elettriku. […]

b)      prodotti ta’ enerġija forniti biex jintużaw bħala karburant għall-iskop ta’ navigazzjoni bl-ajru barra minn safar b'mod privat u għa[d]-divertiment.

         […]

ċ)      prodotti ta’ enerġija forniti għall-użu ta’ karburant għall-[i]skopijiet ta’ navigazzjoni fl-ibħra ġewwa l-Komunità (tinkludi s-sajd), barra minn dgħajjes għall-użu privat jew għad-divertiment, u elettriku magħmul abbord [id-dgħajjes].

         […]”

16      Skond l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw eżenzjonijiet jew tnaqqis fil-livell ta’ tassazzjoni fil-każijiet li ssir referenza għalihom.

17      L-Artikolu 28(1) u (2) tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi:

“1.      [L-Is]tati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex [jikkonformaw ruħhom] ma' din id-Direttiva sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2003. Huma għandhom jinfurmaw b'dan mill-ewwel lil[l-]Kummissjoni.

2.      Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2004, ħlief id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 16 u 18(1), li jistgħu jiġu applikati mill-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2003.”

18      Skond l-Artikolu 30 ta’ l-imsemmija Direttiva:

“Minkejja l-Artikolu 28(2), id-Direttivi 92/81/KEE u 92/82/KEE għandhom jiġu mneħħija mill-31 ta’ Diċembru 2003.”

[Ir-r]eferenzi għad direttivi mħassra għandhom jinftiehmu [bħala] referenzi għal din id-Direttiva.”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

19      It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 21 tad-digriet leġiżlattiv Nru 504, bit-titolu “Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet Legali rigward dazji fuq il-produzzjoni u l-konsum u multi kriminali u amministrattivi relatati” (Decreto legislativo n° 504, «Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penale e amministrative»), tas-26 ta’ Ottubru 1995 (Supplement Ordinarju tal-GURI Nru 279, tad-29 ta’ Novembru 1995, iktar ’il quddiem id-“digriet leġiżlattiv Nru°504/95”), jissuġġetta l-prodotti mniżżla taħt l-intestatura 2710 tan-NM (żjut lubrikanti), użati bħala karburant jew bħala kombustibbli, għal taxxa tas-sisa stabbilita bl-istess rata bħal dik stabbilita għall-karburant jew il-kombustibbli ekwivalenti.

20      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 62 tad-digriet leġiżlattiv Nru°504/95 jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dazju stipulat fl-Artikolu 21(2), żjut lubrikanti (kodiċi KM 27 10 00 87 sa 27 10 00 98), huma suġġetti għal taxxa fuq il-konsum meta jkunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.”

21      Ir-rata ta’ din it-taxxa fuq il-konsum hija differenti mir-rata tat-taxxa tas-sisa msemmija fl-Artikolu 21(2) tad-digriet leġiżlattiv Nru°504/95.

22      Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑437/01, Ġabra p. I‑9861), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi imposti fuqha bis-saħħa ta’ l-Artikoli 3(2) tad-Direttiva 92/12 u 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 62(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 504/95.

23      Fil-punt 30 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet li, bis-saħħa ta’ l-Artikoli 8(1)(a) u 2(2) tad-Direttiva 92/81, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 92/82, iż-żjut lubrikanti jistgħu jkunu suġġetti għal taxxa tas-sisa biss jekk ikunu intiżi għal użu, offruti għal bejgħ jew użati bħala karburanti jew kombustibbli, filwaqt li, fil-każijiet l-oħra, huma għandhom jiġu eżentati mit-taxxa tas-sisa armonizzata. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punti 31 u 32 ta’ l-imsemmija sentenza, enfasizzat li, kieku l-Istati Membri kellhom jingħataw il-possibbiltà li jimponu taxxa indiretta oħra fuq il-prodotti li għandhom ikunu eżenti mit-taxxa tas-sisa armonizzata, jiġi eliminat kull effett utli tad-Direttiva 92/81, b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 8(1)(a) tagħha.

24      Huwa paċifiku li, fid-data tal-fatti fil-kawżi prinċipali, l-Artikolu 62(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 504/95 ma kienx ġie abbrogat mill-awtoritajiet Taljani.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25      Permezz ta’ żewġ atti ta’ notifika separati, l-Agenzia Dogane – Ufficio Dogane di Trento infurmat lil Fendt dwar in-nuqqas ta’ ħlas, għas-sena ta’ stima 2004, tat-taxxa imposta fuq il-konsum taż-żejt lubrikanti stabbilita mill-Artikolu 62(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 504/95.

26      Ir-rikorsi mressqa minn Fendt kontra dawn l-atti ġew miċħuda mill-Commissione tributaria provinciale di Trento. Skond din il-qorti, il-prodotti ta’ enerġija li mhumiex intiżi għal użu bħala karburant jew bħala kombustibbli ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-Direttiva 2003/96. Għaldaqstant, is-sistema ta’ taxxa tal-prodotti l-oħra, fosthom iż-żjut minerali, hija stabbilita għal kollox mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 62 tad-digriet leġiżlattiv Nru 504/95. F’dan ir-rigward, l-imsemmija Direttiva ġabet tibdil billi ppermettiet lill-Istati Membri li jistabbilixxu sistema ta’ taxxa awtonoma għaż-żjut lubrikanti.

27      Wara li tressaq appell quddiemha, il-Commissione tributaria di secondo grado di Trento tosserva, fid-deċiżjonijiet tar-rinviju tagħha, li, kuntrarjament għal dak li jsostnu l-awtoritajiet doganali kompetenti, id-Direttiva 2003/96 ma tawtorizzax b’mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-intaxxar tal-prodotti użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew bħala kombustibbli. Madankollu, mis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-iskop ta’ din id-Direttiva kif ukoll l-għan imfittex minnha, huwa li ż-żjut li mhumiex użati bħala karburant jew bħala kombustibbli jiġu esklużi mis-sistema Komunitarja ta’ tassazzjoni.

28      F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria di secondo grado ddeċidiet, fiż-żewġ kawżi quddiemha, li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja, li hija qiegħdet f’termini identiċi f’kull waħda minn dawn il-kawżi:

“[Is-]sistema fiskali stabbilita fl-Artikolu 62(1) tad-digriet leġiżlattiv Nru 504/95 [hija kompatibbli] mad-Direttiva 2003/96[?]”.

29      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-10 ta’ Mejju 2006, il-kawżi C-145/06 u C-146/06 ġew magħquda flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u tal-proċedura orali, kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

30      Kif osservat ġustament il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 234 KE, li tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali mad-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li jistgħu jgħinuha sabiex tevalwa din il-kompatibbiltà fid-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens, C‑346/97, Ġabra p. I‑3419, punt 14).

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda li saret għandha tinftiehem fis-sens li l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2003/96 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-konsum imposta fuq iż-żjut lubrikanti meta dawn ikunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.

32      F’dan ir-rigward, għandu jingħad li skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija b’mod konformi ma’ din id-Direttiva; din id-Direttiva għandha l-iskop li timponi, hekk kif jirriżulta mit-tieni u t-tielet premessi tagħha, livelli minimi ta’ tassazzjoni fil-Komunità għall-biċċa l-kbira tal-prodotti ta’ enerġija.

33      Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, moqri flimkien mal-paragrafu (5) ta’ l-istess Artikolu, il-prodotti msemmija taħt l-intestatura 2710 tan-NM, jiġifieri, b’mod partikolari, iż-żjut lubrikanti, jikkostitwixxu prodotti ta’ enerġija fis-sens ta’ din id-Direttiva.

34      Madankollu, mill-kliem innifsu ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(4)(b) ta’ l-imsemmija Direttiva jirriżulta li din “ma tapplikax” għall-prodotti ta’ enerġija mhux użati bħala karburant jew kombustibbli.

35      Skond it-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2003/96, il-prodotti ta’ enerġija essenzjalment għandhom ikunu suġġetti għal qafas regolatorju Komunitarju meta jiġu użati bħala karburant jew bħala kombustibbli, u għaldaqstant huwa fin-natura u l-loġika tat-tassazzjoni li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-qafas dawk il-prodotti ta’ enerġija li huma użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, b'mod differenti mill-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81, li kien jipprovdi li l-Istati Membri kellhom jeżentaw iż-żjut minerali użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli, l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96, li jsemmi f'lista eżawrjenti l-eżenzjonijiet obbligatorji imposti fuq l-imsemmija Stati, ma jsemmix il-prodotti ta’ enerġija użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli. Bl-istess mod, la l-Artikolu 15 u lanqas l-Artikolu 16 ta’ din id-Direttiva, li jipprovdu għal ċerti eżenzjonijiet fakultattivi għall-Istati Membri, ma jsemmu prodotti bħal dawn.

37      Minn dan jirriżulta li, kif essenzjalment osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, għalkemm iż-żjut minerali użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 92/81, peress li dawn il-prodotti huma, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 30 u 33 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, eżenti b’mod obbligatorju mit-taxxa tas-sisa armonizzata, il-leġiżlatur Komunitarju, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, kellu l-intenzjoni li jibdel din is-sistema billi jeskludi tali prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, hekk kif Fendt infisha, barra minn hekk, ammettiet waqt is-seduta.

38      Konsegwentement, kif isostnu l-Gvernijiet ta’ l-Italja u ta’ Ċipru kif ukoll il-Kummissjoni, wara l-1 ta’ Jannar 2004, id-data li fiha d-Direttiva 2003/96, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 30 tagħha, abrogat id-Direttiva 92/81, l-Istati Mambri huma kompetenti sabiex jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija, bħaż-żjut lubrikanti, użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.

39      Madankollu, waqt is-seduta, Fendt sostniet li huma biss dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/81 li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96 li jistgħu jiġu abrogati minn din ta’ l-aħħar. Konsegwentement, peress li din id- Direttiva ta’ l-aħħar tapplika biss għall-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant jew bħala kombustibbli, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/81 li, bħall-Artikolu 8(1)(a) tagħha, jirrigwardaw il-prodotti ta’ enerġija użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli, mhumiex abrogati mid-Direttiva 2003/96 u, għaldaqstant, jibqgħu fis-seħħ. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-għan tad-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, peress li din għandha l-iskop li tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti mill-Protokoll ta’ Kyoto, din ma tistax terġa' tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli ladarba dawn mhumiex sors ta’ tniġġis.

40      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96 jipprovdi, fi kliem ċar, li d-Direttiva 92/81 hija abrogata b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2003. Għaldaqstant, la l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ta’ l-aħħar u dak tad-Direttiva 2003/96 huma differenti, u lanqas l-għan ta’ din, ma jistgħu jiġġustifikaw, mingħajr ma tiġi mibdula radikalment il-portata ta’ l-imsemmi Artikolu 30 kuntrarjament għall-intenzjoni espressa b’mod ċar mill-leġiżlatur Komunitarju, l-interpretazzjoni ta’ dan l-Artikolu fis-sens li x'uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/81 jibqgħu fis-seħħ.

41      Madankollu, għalkemm l-Istati Membri huma kompetenti biex jintaxxaw il-prodotti ta’ enerġija, bħaż-żjut lubrikanti, użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli, dawn għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f’dan il-qasam b'mod konformi mad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, Ġabra p. I‑225, punt 21, u tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C‑347/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      B’mod partikolari, f’dan ir-rigward, l-Istati Membri mhux biss għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE, b’mod partikolari l-Artikoli 25 KE u 90 KE, iżda wkoll, kif josservaw ġustament il-Gvern Ċiprijott u l-Kummissjoni, dawk stabbiliti fl-Artikolu 3(3)(1) tad-Direttiva 92/12.

43      Fil-fatt, anki jekk iż-żjut lubrikanti użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, dawn huma esklużi b’mod espliċitu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva permezz ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 2(4)(b) u, għaldaqstant, mhumiex inklużi fis-sistema tat-taxxa tas-sisa armonizzata.

44      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi meqjus li l-imsemmija żjut lubrikanti, li mhumiex suġġetti għat-taxxa tas-sisa armonizzata, jikkostitwixxu prodotti differenti minn dawk imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Braathens, punti 24 u 25, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Italja, punti 31 u 33), b’tali mod li, b’mod konformi mal-paragrafu (3)(1) ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu fis-seħħ taxxi li huma imposti fuq dawn il-prodotti bil-kundizzjoni li dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet ma' kummerċ transkonfini fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

45      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li d-Direttiva 2003/96 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix liġi nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-konsum li tolqot iż-żjut lubrikanti meta dawn ikunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawżi prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE, tad-29 ta’ April 2004, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix liġi nazzjonali, bħal dik in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tipprovdi għall-ħlas ta’ taxxa fuq il-konsum li tolqot iż-żjut lubrikanti meta dawn ikunu intiżi, offruti għall-bejgħ jew użati b’mod ieħor milli bħala karburant jew kombustibbli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.