SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Mejju 2008 ( *1 )
“Rikors għal annullament — Politika komuni fil-qasam tal-ażil — Direttiva 2005/85/KE — Proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat fl-Istati Membri — Pajjiżi ta’ oriġini bla periklu — Pajjiżi terzi Ewropej bla periklu — Listi komuni minimi — Proċedura għall-adozzjoni u għall-emenda tal-listi komuni minimi — Artikolu 67(1) u l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE — Nuqqas ta’ kompetenza”
Fil-Kawża C-133/06,
li għandha bħala suġġett rikors għal annullament skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, imressaq fit-8 ta’ Marzu 2006,
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Duintjer Tebbens, A. Caiola, A. Auersperger Matić u K. Bradley, bħala aġenti,
rikorrent,
sostnut minn
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn C. O’Reilly kif ukoll minn P. Van Nuffel u J.-F. Pasquier, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
intervenjenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Simm u M. Balta kif ukoll minn G. Maganza, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
konvenut,
sostnut minn
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J.-C. Niollet, bħala aġenti,
intervenjenti,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts, A. Tizzano u L. Bay Larsen (Relatur), Presidenti ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ġunju 2007,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Settembru 2007,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
Permezz tar-rikors tiegħu, il-Parlament Ewropew qed jitlob prinċipalment l-annullament tal-Artikoli 29(1) u (2), u 36(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE, tal-1 ta’ Diċembru 2005, dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat (ĠU L 326, p. 13, iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”) u, sussidjarjament, l-annullament ta’ din id-direttiva fl-intier tagħha. |
2 |
Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2006, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u r-Repubblika Franċiża ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Parlament u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, rispettivament. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE
3 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE, li jinsab taħt it-Titolu IV tat-Trattat intitolat “Il-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”, jipprovdi li: “Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 67, għandu, f’terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, jadotta:
[…]” |
4 |
L-Artikolu 67 KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nizza, jistipula li: “1. Matul perijodu transitorju ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Kunsill għandu jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jew fuq inizjattiva minn xi Stat Membru u wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. 2. Wara dan il-perijodu ta’ ħames snin:
[…] 5. B’deroga għall-paragrafu 1, il-Kunsill għandu jadotta, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251:
[…]” |
Id-dritt sekondarju preċedenti għad-Direttiva 2005/85
5 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 50, p. 1), u d-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE, tas-27 ta’ Jannar 2003, li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU L 31, p. 18) ġew adottati fuq il-bażi tal-punt 1(a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. |
6 |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE, tad-29 ta’ April 2004, dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 304, p. 12) ġiet adottata fuq il-bażi tal-punti 1(ċ), 2(a) u 3(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. |
7 |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/927/KE, tat-22 ta’ Diċembru 2004, li tipprovdi sabiex ċerti oqsma koperti mit-Titolu IV tal-Parti Tlieta tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li għandhom jiġu rregolati mill-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 ta’ dak it-Trattat (ĠU L 396, p. 45) ġiet adottata fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-Artikolu 67(2) KE. |
8 |
L-Artikolu 1(2) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li: “Sa mill-1 ta’ Jannar 2005 il-Kunsill għandu jaġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat meta jkun qed jadotta miżuri msemmija fl-Artikolu 63(2)(b) u (3)(b) tat-Trattat”. |
9 |
Ir-raba’ premessa ta’ din id-deċiżjoni tistipula li din ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 67(5) KE. |
Id-Direttiva 2005/85
10 |
Id-Direttiva 2005/85 ġiet adottata, inter alia, fuq il-bażi tal-punt 1(d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. |
11 |
Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-għan tal-imsemmija direttiva huwa li jiġu stabbiliti standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat. |
12 |
Il premessi 17 u 18 tal-istess direttiva jispeċifikaw li:
|
13 |
Fir-rigward ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, il-premessa 19 tad-Direttiva 2005/85 tgħid: “Meta l-Kunsill ikun sodisfatt li dawk il-kriterji jkunu ġew sodisfatti fir-rigward ta’ pajjiż ta’ oriġini partikolari, u konsegwentement ikun inkludih fil-lista komuni minima ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu li għandha tiġi adottata skond din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom ikunu obbligati jikkunsidraw l-applikazzjonijiet ta’ persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż, […] abbażi tal-preżunzjoni, ribattibbli, tas-sigurtà ta’ dak il-pajjiż. Fid-dawl ta’ l-importanza politika ta’ l-indikazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu, partikolarment minħabba l-implikazzjonijiet ta’ valutazzjoni tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem f’pajjiż ta’ oriġini u l-implikazzjonijiet tagħha fir-rigward tal-linji politiċi ta’ l-Unjoni Ewropea fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, il-Kunsill għandu jieħu kull deċiżjoni dwar it-twaqqif jew l-emendament tal-lista, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.” |
14 |
Fir-rigward ta’ ċerti pajjiżi terzi Ewropej li josservaw standards partikolarment għoljin fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-protezzjoni ta’ refuġjati, il-premessa 24 tal-imsemmija direttiva taqra hekk: “[…] l-Istati Membri għandhom jiġu eżentati milli jeżaminaw l-applikazzjonijiet għall-ażil jew milli jagħmlu eżami sħiħ tagħhom fir-rigward ta’ applikanti li jidħlu fit-territorju tagħhom minn tali pajjiżi terzi Ewropej. Minħabba l-konsegwenzi potenzjali għall-applikant ta’ eżami ristrett jew ta’ nuqqas ta’ eżami, din l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun ristretta għal każijiet li jinvolvu pajjiżi terzi li dwarhom il-Kunsill ikun issodisfa ruħu li l-istandards għoljin għas-sigurtà tal-pajjiż terz konċernat, kif stabbilit f’din id-Direttiva, ikunu sodisfatti. Il-Kunsill għandu jieħu deċiżjonijiet f’dan il-qasam wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew.” |
15 |
L-Artikolu 29(1) u (2) ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista komuni minima ta’ pajjiżi terzi kunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu”, jipprovdi li: “1. Il-Kunsill għandu, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jadotta lista komuni minima ta’ pajjiżi terzi li għandhom ikunu kunsidrati mill-Istati Membri bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ l-Anness II. 2. Il-Kunsill jista’, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jemenda l-lista komuni minima billi jżid jew ineħħi pajjiżi terzi, konformement ma’ l-Anness II. Il-Kummissjoni għandha teżamina kull talba magħmula mill-Kunsill jew minn Stat Membru sabiex jippreżentaw proposta għall-emendament tal-lista komuni minima.” |
16 |
L-Anness II tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Indikazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet ta’ l-Artikoli 29 u 30(1)”, jiddefinixxi l-kriterji li jippermettu li pajjiż jiġi indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu bil-mod li ġej: “Pajjiż ikun kunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, l-applikazzjoni tal-liġi fi ħdan sistema demokratika u ċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali, ikun jista’ jiġi muri li ġeneralment u konsistentement m’hemmx persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/83/KE, ebda tortura jew trattament jew punizzjoni inumani jew degradanti, u ebda theddida minn vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern. Meta ssir din il-valutazzjoni, għandu jittieħed kont inter alia ta’ l-entità tal-protezzjoni provduta kontra l-persekuzzjoni jew it-trattament ħażin permezz ta’ dawn li ġejjin:
|
17 |
Skont l-Artikolu 36(1) sa (3) tad-Direttiva 2005/85, intitolat “Il-kunċett ta’ pajjiżi terzi Ewropej bla periklu”: “1. Kull Stat Membru jista’ jipprovdi li ma jsirx eżami jew li ma jsirx eżami sħiħ ta’ l-applikazzjoni għall-ażil u tas-sigurtà ta’ l-applikant fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu kif deskritt fil-Kapitolu II f’każijiet fejn l-awtorità kompetenti tkun stabbilixxiet, abbażi tal-fatti, li l-applikant għall-ażil ikun qiegħed ifittex li jidħol jew daħal illegalment fit-territorju tiegħu minn pajjiż terz bla periklu skond il-paragrafu 2. 2. Pajjiż terz jista’ jkun kunsidrat bħala pajjiż terz bla periklu biss għall-finijet tal-paragrafu 1 fejn:
3. Il-Kunsill, fil-waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew, għandu jadotta jew jemenda lista komuni ta’ pajjiżi terzi li għandhom ikunu kunsidrati bħala pajjiżi terzi bla periklu għall-finijiet tal-paragrafu 1.” |
18 |
Il-Kunsill ma applikax id-dispożizzjonijiet ikkontestati sabiex jiġu adottati ż-żewġ listi previsti minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
Fuq ir-rikors
19 |
In sostenn tar-rikors tiegħu, il-Parlament ressaq erba’ motivi ta’ annullament, ibbażati, rispettivament, fuq ksur tat-Trattat KE li jirriżulta mill-applikazzjoni żbaljata tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill li jadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u fl-aħħar nett, fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali. |
20 |
Kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 11 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel żewġ motivi għandhom jiġu eżaminati flimkien peress li dawn ma jistgħux jiġu sseparati. |
Fuq l-ewwel żewġ motivi, ibbażati fuq ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE kif ukoll fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kunsill
L-argumenti tal-partijiet
21 |
Il-Parlament isostni li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni Komunitarja diġà fis-seħħ, jiġifieri r-Regolament Nru 343/2003 kif ukoll id-Direttivi 2003/9 u 2004/83, l-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85 kienet tikkostitwixxi l-aħħar stadju leġiżlattiv fl-adozzjoni tar-regoli komuni u tal-prinċipji bażiċi li l-implementazzjoni tagħhom hija intiża li tippermetti l-passaġġ għall-proċedura prevista fl-Artikolu 251 KE (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ kodeċiżjoni”), skont ir-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE. |
22 |
Konsegwentement, l-adozzjoni sussegwenti tal-lista komuni minima tal-pajjiżi terzi kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u tal-lista komuni tal-pajjiżi terzi Ewropej bla periklu (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“lista ta’ pajjiżi bla periklu”) għandha ssir skont il-proċedura ta’ kodeċiżjoni. |
23 |
Permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati l-Kunsill implementa, b’mod illegali, f’att ta’ dritt sekondarju, bażijiet legali li jippermettulu jadotta l-listi ta’ pajjiżi bla periklu skont proċedura li teżiġi biss il-konsultazzjoni tal-Parlament. |
24 |
Billi ħoloq bażi legali sekondarja, il-Kunsill attribwixxa lilu nnifsu “riżerva fir-rigward tal-leġiżlazzjoni”. Madankollu, it-Trattat imkien ma jipprovdi li l-Kunsill jista’, barra mill-proċeduri eżistenti għall-adozzjoni ta’ atti leġiżlattivi u ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, jistabbilixxi bażijiet legali ġodda għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi sekondarji. |
25 |
Il-Parlament jikkunsidra li l-eżistenza eventwali ta’ prattika tal-Kunsill li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ bażijiet legali sekondarji ma tistax isservi ta’ ġustifikazzjoni. |
26 |
Filwaqt li jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (68/86, Ġabra p. 855), huwa jikkunsidra li, fil-qasam leġiżlattiv, it-Trattat japplika mingħajr mhuwa possibbli li jsir tibdil fil-proċeduri stabbiliti fih. |
27 |
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-bażijiet legali sekondarji li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ikkontestati huma illegali. |
28 |
Il-leġiżlatur Komunitarju m’għandux il-fakultà li jiddetermina l-mod kif jeżerċita l-kompetenzi tiegħu. L-istituzzjonijiet jistgħu jaġixxu biss fil-limiti tal-kompetenzi attribwiti lilhom mit-Trattati, li huma biss dawk lil jiddeterminaw il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ atti leġiżattivi. |
29 |
Skont il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jistgħux jitqiesu bħala riżerva ta’ setgħa ta’ implementazzjoni li l-Kunsill jista’ jeżerċita fuq il-bażi tat-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE. |
30 |
Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu abbuż doppju tal-proċedura, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-regola tal-unanimità prevista fil-punt 1(d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85 u, fit-tieni lok, fir-rigward tal-proċedura ta’ kodeċiżjoni li għandha tieħu post l-imsemmija regola hekk kif tkun ġiet adottata l-leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi li jirregolaw il-politika fil-qasam tal-ażil. |
31 |
Għall-kuntrarju, il-Kunsill isostni li xejn fit-Trattat KE ma jipprekludi li att adottat skont il-proċedura prevista mill-bażi legali applikabbli joħloq bażi legali sekondarja, bil-għan, b’mod partikolari, li wara jiġi adottat att leġiżlattiv f’dan il-qasam permezz ta’ proċedura deċiżjonali ssemplifikata. |
32 |
Skont il-Kunsill, l-użu ta’ bażijiet legali sekondarji huwa teknika leġiżlattiva kkonfermata, li tinsab f’ħafna atti Komunitarji. L-uniku prinċipju li jirriżulta mis-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, huwa li bażi legali sekondarja ma tistax twassal sabiex il-proċedura tkun iktar oneruża minn dik prevista fit-Trattat, li mhuwiex il-każ tal-proċedura stabbilita mid-Direttiva 2005/85. |
33 |
Il-Kunsill jikkunsidra li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ jeżiġu l-użu ta’ bażi legali sekondarja, mingħajr ma’ dan huwa prekluż mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE. |
34 |
L-istrumenti li jifformaw il-listi ta’ pajjiżi bla periklu jaqgħu taħt qasam ikkaratterizzat kemm minn sensittività politika kbira fir-rigward tal-Istati Membri, kif ukoll minn bżonn prattiku li jkun hemm reazzjoni rapida u effikaċi għal tibdiliet fis-sitwazzjoni tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Madankollu, preċiżament, dawn l-istrumenti jistgħu jkunu użati b’mod effikaċi biss jekk l-adozzjoni tagħhom u l-emendi ulterjuri tagħhom isiru skont proċedura bħal dik stabbilita mid-dispożizzjonijiet ikkontestati. |
35 |
Il-Kunsill jikkontesta l-argument li dawn il-bażijiet legali sekondarji, li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, huma f’kunflitt mal-proċedura ta’ kodeċiżjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE. Din id-dispożizzjoni hija applikabbli biss fuq kundizzjoni doppja li l-att li għandu jiġi adottat ikun ibbażat fuq il-punti 1 jew 2(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE u li qabel il-Kunsill ikun adotta leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi li jirregolaw is-suġġett. |
36 |
Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kunsill josserva essenzjalment li l-listi ta’ pajjiżi bla periklu mhumiex ser ikunu adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 63 KE, iżda fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jistabbilixxu proċedura inqas rigoruża minn dik applikata għall-adozzjoni tal-att ta’ bażi. Huwa jsostni wkoll li peress li għall-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85 it-Trattat jirrikjedi biss konsultazzjoni mal-Parlament, huwa diffiċli li jiġi kkritikat l-użu tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, li jipprovdu għall-istess livell ta’ parteċipazzjoni tal-Parlament. |
37 |
Għal dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni, il-Kunsill jikkunsidra li billi jirreferi għal “leġiżlazzjoni tal-Komunità”, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE ma jirrikjedix li r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi jiġu stabbiliti f’att leġiżlattiv wieħed biss u f’mument speċifiku. Il-passaġġ għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni huwa marbut ma’ kriterju sustanzjali u mhux ma’ kriterju formali jew temporali. |
38 |
Peress li l-kundizzjonijiet previsti għall-passaġġ għall-proċedura ta’ kodeċiżjoni mhumiex sodisfatti, mhijiex ser isir ħsara la għall-prerogattivi tal-Parlament u lanqas għall-bilanċ istituzzjonali. |
39 |
Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-adozzjoni tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu taqa’ taħt il-leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi “ir-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE. Konsegwentement, anki jekk dawn il-listi kellhom jiġi adottati fuq il-bażi tat-Trattat stess u mhux fuq dik tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, huma għandhom jiġu adottati biss wara konsultazzjoni diretta mal-Parlament. |
40 |
Fir-rigward tal-kwistjoni ġenerali dwar il-possibbiltà ta’ użu ta’ bażi legali sekondarja, l-imsemmi Stat Membru jqis, l-istess bħall-Kunsill, li xejn fit-Trattat ma jipprojbixxi dan. |
41 |
L-użu ta’ bażijiet legali sekondarji jikkorrispondi għal prattika stabbilita tal-leġiżlatur Komunitarju. Ċertament, sempliċi prattika ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u għaldaqstant ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet Komunitarji. Madankollu, il-ġurisprudenza tiżvela li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex neċessarjament indifferenti għall-pratiki mħaddna minn dawn tal-aħħar (sentenza tal-10 ta’ Frar 1983, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament, 230/81, Ġabra p. 255, punti 48 u 49). |
42 |
Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet sustanzjali ta’ użu ta’ bażijiet legali sekondarji, dawn huma ssodisfati f’dan il-każ. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jippreżentaw sensittività politika kbira u jirriflettu l-bżonn prattiku li jkun hemm reazzjoni rapida u effikaċi għal tibdiliet fis-sitwazzjoni ta’ pajjiżi terzi. |
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
43 |
Permezz tal-ewwel żewġ motivi tiegħu, il-Parlament essenzjalment iqajjem il-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill setax legalment jipprovdi, fid-dispożizzjonijiet ikkontestati, għall-adozzjoni u għall-emenda tal-lista ta’ pajjiżi bla periklu abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament. |
44 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7(1) KE, kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha mit-Trattat (ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, C-403/05, Il-Parlament vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-9045, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Kunsill, fl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85 skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 67(1) KE, kellu l-possibbiltà li japplika t-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri li ma kinux ta’ natura essenzjali għall-qasam li kellu jiġi rregolat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-240/90, Ġabra p. I-5383, punt 36). |
46 |
B’hekk huwa seta’, jekk wieħed jassumi li l-listi ta’ pajjiżi bla periklu ma kinux ta’ natura essenzjali u kienu jirrigwardaw każ speċifiku, jiddeċiedi li jirriżerva l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ implementazzjoni, bil-kundizzjoni li jagħti motivazzjoni dettaljata għad-deċiżjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2005, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-257/01, Ġabra p. I-345, punt 50). |
47 |
Fil-fatt, il-Kunsill huwa marbut li jiġġustifika kif xieraq, skont in-natura u l-kontenut tal-att ta’ bażi li għandu jiġi implementat, eċċezzjoni għar-regola li, fis-sistema tat-Trattat, meta jkun neċessarju li jittieħdu l-miżuri ta’ implementazzjoni ta’ att ta’ bażi fuq livell Komunitarju, hija l-Kummissjoni li normalment għandha teżerċita din il-kompetenza (sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51). |
48 |
F’dan il-każ, il-Kunsill irrefera espliċitament għall-premessa 19 tad-Direttiva 2005/85, fir-rigward tal-importanza politika li għandha l-indikazzjoni tal-pajjiżi ta’ oriġini bla periklu u, għall-premessa 24 tal-istess direttiva, fir-rigward tal-konsegwenzi li jista’ jkollu l-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għall-applikanti għal ażil. |
49 |
Madankollu, hekk kif sostna l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-motivi esposti f’dawn il-premessi jiġġustifikaw il-konsultazzjoni mal-Parlament fir-rigward tal-istabbiliment tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu tal-emendi li jkollhom isirulhom, iżda ma jagħtux motivazzjoni suffiċjenti għal riżerva ta’ setgħa ta’ implementazzjoni li tkun speċifika għall-Kunsill. |
50 |
Minbarra dan, f’din il-kawża, li tirrigwarda direttiva li d-dispożizzjonijiet ikkontestati tagħha jirriżervaw għall-Kunsill setgħa li mhijiex limitata fiż-żmien, il-Kunsill ma ressaq l-ebda argument li juri għaliex dawn għandhom ikunu kklassifikati mill-ġdid bħala dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Kunsill jeżerċita direttament setgħat ta’ implementazzjoni speċifiċi. Min-naħa l-oħra, fis-seduta huwa kkonferma li l-imsemmija dispożizzjonijiet jagħtu kompetenza leġiżlattiva sekondarja lill-Kunsill. |
51 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tqum l-ebda kwistjoni ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid tad-dispożizzjonijiet ikkontestati sabiex ikun jista’ jiġi sostnut li l-Kunsill applika t-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE. |
52 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 67 KE, il-miżuri li għandhom jittieħdu fl-oqsma previsti fil-punti 1 u 2(a) tal-Artikolu 63 KE huma adottati skont żewġ proċeduri distinti, stabbiliti fl-Artikolu 67 KE, jiġifieri jew il-proċedura ta’ adozzjoni unanima wara konsultazzjoni mal-Parlament, jew il-proċedura ta’ kodeċiżjoni. |
53 |
Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jistabbilixxu proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmija miżuri abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament, u għalhekk hija differenti minn dik prevista fl-Artikolu 67 KE. |
54 |
Madankollu, diġà ġie deċiż li r-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet Komunitarji jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattat u mhumiex għad-dispożizzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess (ara s-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata, punt 38). |
55 |
It-Trattat biss jista’, f’każijiet partikolari bħal dak previst fit-tieni inċiż tal-Artikolu 67(2) KE, jawtorizza lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huwa jistabbilixxi. |
56 |
Li jiġi rrikonoxxut li istituzzjoni tkun tista’ tistabbilixxi bażijiet legali sekondarji, kemm jekk ikun sabiex issaħħaħ jew sabiex tiffaċilita l-modalitajiet tal-adozzjoni ta’ att, ikun ifisser li din l-istituzzjoni tkun qed tingħata setgħa leġiżlattiva li teċċedi dak li huwa previst mit-Trattat. |
57 |
Dan jippermetti wkoll lill-istituzzjoni kkonċernata timmina l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali, li jeżiġi li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’rispett għal dawk tal-oħrajn (sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C-70/88, Ġabra p. I-2041, punt 22). |
58 |
Il-Kunsill ma rnexxielux juri li l-proċedura ta’ adozzjoni prevista mid-dispożizzjonijiet ikkontestati mhijiex f’kunflitt mal-proċedura ta’ kodeċiżjoni għar-raġuni li l-listi ta’ pajjiżi bla periklu ser ikunu adottati mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 63 KE, iżda fuq dak tal-imsemmija dispożizzjonijiet, li jipprovdu għal proċedura inqas rigoruża minn dik li abbażi tagħha ġie adottat l-att ta’ bażi. Fil-fatt, raġunament bħal dan iwassal sabiex tingħata preminenza lil dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, f’dan il-każ l-Artikolu 67 KE, li l-paragrafi 1 u 5 tiegħu għandhom japplikaw suċċessivament fl-osservanza tal-kundizzjonijiet li huma jipprovdu għal dan il-għan. |
59 |
L-adozzjoni tal-bażijiet legali sekondarji lanqas tista’ tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura politikament sensittiva tal-qasam ikkonċernat jew mal-preokkupazzjoni li tiġi ggarantita l-effikaċja ta’ azzjoni Komunitarja. |
60 |
Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ prattika preċedenti li tikkonsisti fl-istabbiliment ta’ bażijiet legali sekondarji ma tistax tkun invokata b’mod effikaċi. Fil-fatt, anki jekk tkun stabbilita, prattika bħal din ma tistax tidderoga mir-regoli tat-Trattat u konsegwentement ma tistax toħloq preċedent li jorbot lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24, u tad-9 ta’ Novembru 1995, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-426/93, Ġabra p. I-3723, punt 21). |
61 |
Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill, billi inkluda fid-Direttiva 2005/85 il-bażijiet legali sekondarji li jinsabu fid-dispożizzjonijiet ikkontestati kiser l-Artikolu 67 KE u għaldaqstant eċċeda l-poteri mogħtija lilu mit-Trattat. |
62 |
Għandu jingħad ukoll li, għal dak li jirrigwarda l-adozzjoni futura tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu kif ukoll l-emendi tagħhom, huwa l-Kunsill li għandu jadottahom, b’osservanza tal-proċeduri stabbiliti fit-Trattat. |
63 |
F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-adozzjoni u l-emendi tal-listi ta’ pajjiżi bla periklu permezz ta’ att leġiżlattiv jew kwalunkwe deċiżjoni li tapplika t-tielet inċiż tal-Artikolu 202 KE, fil-forma ta’ delega jew ta’ riżerva ta’ setgħa ta’ implementazzjoni, jaqgħux taħt l-Artikolu 67(1) sa (5) KE, għandu jiġi evalwat jekk, bl-adozzjoni tad-Direttiva 2005/85, il-Kunsill adottax leġiżlazzjoni Komunitarja li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi li jirregolaw l-oqsma li jaqgħu taħt il-punti 1 u 2(a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE. |
64 |
Għal dak li jirrigwarda l-proċeduri għall-għoti jew l-irtirar tal-istat ta’ refuġjat fl-Istati Membri, il-punt 1(d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 63 KE jillimita ruħu li jipprovdi għall-adozzjoni ta’ “standards minimi”. |
65 |
Hekk kif jirriżulta mill-punti 10 sa 17 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2005/85 tistabbilixxi kriterji dettaljati li jippermettu li l-listi ta’ pajjiżi bla periklu jiġu stabbiliti sussegwentement. |
66 |
Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan l-att leġiżlattiv, il-Kunsill adotta l-“leġislazzjoni tal-Komunità li tiddefinixxi r-regoli komuni u l-prinċipji bażiċi” skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 67(5) KE, b’mod li l-proċedura ta’ kodeċiżjoni hija applikabbli. |
67 |
Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel żewġ motivi mqajma mill-Parlament insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament għandhom jintlaqgħu u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati. |
Fuq it-tielet u r-raba’ motivi, ibbażati fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali
68 |
Peress li l-ewwel żewġ motivi huma fondati, mhemmx lok li jiġu eżaminati t-tielet u r-raba’ motivi invokati mill-Parlament insostenn tar-rikors tiegħu. |
Fuq l-ispejjeż
69 |
Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kunsill tilef hemm lok li jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Parlament. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4), l-intervenjenti f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.