SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Settembru 2008 ( *1 )

“Appell — Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) — Konstatazzjoni tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim dwar l-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja tal-importazzjoni tal-banana mar-regoli tad-WTO — Miżuri ta’ ritaljazzjoni imposti mill-Istati Uniti fil-forma ta’ taxxa doganali supplimentari mħallsa fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti provenjenti minn diversi Stati Membri — Miżuri ta’ ritaljazzjoni awtorizzati mid-WTO — Nuqqas ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità — Tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza — Terminu raġonevoli — Talba għal kumpens xieraq”

Fil-Kawżi magħquda C-120/06 P u C-121/06 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ippreżentati rispettivament fl-24 u fis-27 ta’ Frar 2006,

Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA (FIAMM), stabbilita f’Montecchio Maggiore (l-Italja),

Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies LLC, preċedentement Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies Inc. (FIAMM Technologies), stabbilita f’East Haven, Delaware (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn I. Van Bael, A. Cevese u F. Di Gianni, avocats,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro, S. Marquardt u A. De Gregorio Merino, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. J. Kuijper, V. Di Bucci, C. Brown u minn E. Righini, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti fl-ewwel istanza,

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn E. Braquehais Conesa u M. Muñoz Pérez, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-ewwel istanza (C-120/06 P),

u

Giorgio Fedon & Figli SpA, stabbilita f’Vallesella di Cadore (l-Italja),

Fedon America, Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti),

irrappreżentati minn I. Van Bael, A. Cevese, F. Di Gianni u R. Antonini, avocats,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro, S. Marquardt u A. De Gregorio Merino, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. J. Kuijper, V. Di Bucci, C. Brown u minn E. Righini, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti fl-ewwel istanza,

sostnuti minn:

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez, bħala aġent, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjent fl-appell (C-121/06 P),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, G. Arestis, U. Lõhmus, Presidenti tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), E. Juhász, A. Borg Barthet, M. Ilešič, J. Malenovský, J. Klučka, E. Levits u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2007,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Frar 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appelli tagħhom, Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA u Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies LLC (iktar ’il quddiem, flimkien, “FIAMM”), min-naħa waħda, kif ukoll Giorgio Fedon & Figli SpA u Fedon America, Inc. (iktar ’il quddiem, flimkien, “Fedon”), min-naħa l-oħra, jitolbu, rispettivament, l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tal-14 ta’ Diċembru 2005, FIAMM u FIAMM Technologies vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T-69/00, Ġabra p. II-5393) (Kawża C-120/06 P) u tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Fedon & Figli et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T-135/01) (Kawża C-121/06 P). Permezz ta’ dawn is-sentenzi (iktar ’il quddiem, rispettivament, is-“sentenza FIAMM” u s-“sentenza Fedon”, jew, flimkien, is-“sentenzi kkontestati”), il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi ta’ FIAMM u ta’ Fedon intiżi sabiex jiksbu kumpens għall-ħsara allegatament subita minnhom minħabba t-taxxa doganali supplimentari li l-ħlas tagħha fuq l-importazzjonijiet tal-prodotti tagħhom mill-Istati Uniti tal-Amerika ġie awtorizzat mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim (iktar ’il quddiem id-“DSB”) tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), wara l-konstatazzjoni min-naħa tad-DSB tal-inkompatibbiltà tas-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana mal-Ftehim u l-memoranda annessi mal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO.

2

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Awwissu 2006, ir-Renju ta’ Spanja ġie awtorizzat jintervjeni sabiex isostni t-talbiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fil-kuntest tal-kawża C-121/06 P.

3

B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ April 2007, il-kawżi C-120/06 P u C-121/06 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Il-kuntest ġuridiku

Il-Ftehim WTO

4

Permezz tad-Deċiżjoni 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU L 336, p. 1), il-Kunsill approva l-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO kif ukoll il-ftehim imsemmija fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-Ftehim (iktar ’il quddiem il-“Ftehim WTO”).

5

L-Artikolu 3(2) u (7) tal-Ftehim dwar Regoli u Proċeduri li jirregolaw Konklużjonijiet ta’ Tilwim (iktar ’il quddiem id-“DSU”), li jikkostitwixxi l-Anness 2 tal-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO, jgħid:

“2.   Is-sistema ta’ risoluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO hi element ċentrali fil-provvista ta’ sigurtà u predizzjoni għas-sistema kummerċjali multilaterali. Il-Membri jagħrfu li sservi biex tippreserva d-drittijiet u l-obbligi tal-Membri taħt il-ftehim koperti, u biex tiċċara d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehim skont ir-regoli tas-soltu ta’ l-interpretazzjoni tal-liġi pubblika internazzjonali. Rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet tad-DSB ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi provduti fil-ftehim koperti.

[…]

7.   Qabel ma jġib każ, Membru għandu jeżerċita l-ġudizzju tiegħu fuq jekk azzjoni taħt dawn il-proċeduri tagħtix frott. L-għan tal-mekkaniżmu ta’ risoluzzjoni ta’ tilwim hu li tkun assigurata soluzzjoni pożittiva għat-tilwima. Hu ċar li tkun preferuta soluzzjoni aċċettabbli reċiprokament għall-partijiet għat-tilwima u konsistenti mal-ftehim koperti. Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni miftiehma reċiprokament, l-ewwel għan tal-mekkaniżmu ta’ risoluzzjoni ta’ tilwim is-soltu huwa dak li jassigura l-irtirar tal-miżuri konċernati jekk dawn jinstabu li huma inkonsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim koperti. Id-dispożizzjoni tal-kumpens għandha tintuża biss jekk ma jkunx jista’ jsir l-irtirar immedjat tal-miżura u bħala miżura temporanja sakemm il-miżura li hi inkonsistenti ma’ ftehim kopert tkun irtirata. L-aħħar soluzzjoni li jipprovdi dan il-Ftehim lill-Membru li jinvoka l-proċeduri ta’ risoluzzjoni ta’ tilwim hi l-possibbilità li jissospendi l-applikazzjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħrajn taħt il-ftehim koperti fuq bażi diskriminatorja vis-à-vis il-Membru l-ieħor, suġġett għall-awtorizzazzjoni ta’ miżuri bħal dawn mid-DSB.”

6

Skont l-Artikolu 7 tad-DSU, panels stabbiliti fuq talba ta’ parti li qed tilmenta għandhom jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom sabiex jgħinu lid-DSB jipprepara rakkomandazzjonijiet jew jiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet li dan il-korp ikollu quddiemu. Skont l-Artikolu 12(7) tad-DSU, fejn il-partijiet tat-tilwima ma jirnexxielhomx jaslu għal soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku, il-panel għandu jissottometti s-sejbiet tiegħu f’forma ta’ rapport bil-miktub lid-DSB.

7

Mill-Artikolu 16(4) tad-DSU jirriżulta li fi żmien 60 jum wara d-data li fiha jitqassam ir-rapport tal-panel lill-Membri, ir-rapport għandu jiġi adottat waqt laqgħa tad-DSB, kemm-il darba parti f’ilment tinforma formalment lid-DSB dwar id-deċiżjonijiet tagħha għal appell jew id-DSB jiddeċiedi b’konsensus sabiex ma jadottax ir-rapport.

8

L-Artikolu 17 tad-DSU jipprovdi għall-istabbiliment ta’ Korp Permanenti tal-Appell inkarigat bis-smiegħ ta’ appelli mill-każijiet tal-panel. Skont il-paragrafu 6 tal-artikolu msemmi, l-appell għandu jkun limitat għall-materji ta’ liġi koperti fir-rapport tal-panel u fl-interpretazzjonijiet legali żviluppati mill-panel. Hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 13 ta’ dan l-istess artikolu, il-Korp tal-Appell, fir-rapport li huwa mitlub li jagħmel, jista’ jżomm, jimmodifika jew jaqleb is-sejbiet u l-konklużjonijiet legali tal-panel.

9

L-Artikolu 17(14) tad-DSU jistabbilixxi:

“Rapport ta’ Korp ta’ l-Appell għandu jkun addottat mid-DSB u aċċettat mingħajr kondizzjonijiet mill-partijiet tat-tilwima sakemm d-DSB ma jiddeċidix permezz ta’ konsensus li ma jaddottax ir-rapport tal-Korp ta’ l-Appell fi żmien 30 jum wara t-tqassim tiegħu lill-Membri. […]”

10

Fi kliem l-Artikolu 19(1) tad-DSU:

“Fejn panel jew Korp ta’ l-Appell jikkonkludi li miżura hi inkonsistenti mal-ftehim kopert, hu għandu jirrakkomanda li l-Membru konċernat iġib il-miżura skond dak il-ftehim. Barra minn hekk mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-panel jew il-Korp ta’ l-Appell jista’ jipproponi modi li fihom il-Membru konċernat jista’ jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet.”

11

L-Artikolu 21 tad-DSU, bit-titolu “Sorveljanza ta’ l-Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjonijiet u d-Deċiżjonijiet” tad-DSB, jgħid:

“1.   Konformità mill-ewwel mar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet tad-DSB hija essenzali sabiex tkun aċċertata resoluzzjoni effettiva tat-tilwim għall-benefiċċju tal-Membri kollha.

[…]

3.   F’laqgħa tad-DSB li ssir fi żmien 30 jum wara d-data ta’ l-adozzjoni tar-rapport tal-panel jew il-Korp ta’ l-Appell, il-Membru kkonċernat għandu jgħarraf lid-DSB bl-intenzjonijiet tiegħu dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB. Jekk huwa impratikabbli biex taqbel immedjatament mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet, il-Membru konċernat għandu jkollu perjodu raġonevoli ta’ żmien li fih jista’ jagħmel hekk. Il-perjodu raġonevoli ta’ żmien għandu jkun:

a)

il-perjodu ta’ żmien propost mill-Membru kkonċernat, […] approvat mid-DSB; jew, fin-nuqqas ta’ approvazzjoni bħal din,

b)

perjodu ta’ żmien miftiehem reċiprokament mill-partijiet tat-tilwima […]; jew, fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan,

ċ)

perjodu ta’ żmien determinat permezz ta’ arbitrazzjoni li torbot […]

[…]

5.   Fejn m’hemmx qbil dwar l-eżistenza jew konsistenza mal-ftehim kopert tal-miżuri meħuda biex jaqblu mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet, tilwima bħal din għandha tkun deċiża permezz ta’ rikors għal dawn il-proċeduri tar-risoluzzjoni tat-tilwim, inkluż kull meta hu possibbli, rikors għall-panel oriġinali. […]

6.   Id-DSB għandu jżomm taħt sorveljanza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet addottati. […] Sakemm id-DSB ma jiddeċidix mod ieħor, il-kwistjoni ta’ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet għandhom jitpoġġew fuq l-aġenda tal-laqgħa tad-DSB wara sitt xhur mid-data ta’ l-istabbiliment tal-perjodu raġonevoli ta’ zmien skond il-paragrafu 3 u għandu jibqa’ fuq l-aġenda sakemm il-kwistjoni tkun riżolta. […]

[…]”

12

L-Artikolu 22 tad-DSU, bit-titolu “Kumpens u s-Sospensjoni tal-Konċessjonijiet”, jistabbilixxi:

“1.   Kumpens u s-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra huma miżuri temporanji disponibbli fil-każ li r-rakkomandazzjonijiet u deċiżjonijiet m’humiex implimentati f’perjodu raġonevoli ta’ ħin. Madankollu, la kumpens u lanqas is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra ma huma preferuti għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ rakkomandazzjoni li ġġib miżura skond il-ftehim koperti. Kumpens huwa volontarju u, jekk mogħti, għandu jkun konsistenti mal-ftehim koperti.

2.   Jekk il-Membru konċernat jonqos milli jibdel miżura li tinstab li hi inkonsistenti ma’ ftehim kopert b’mod li tikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet f’perjodu raġonevoli ta’ ħin determinat skond il-paragrafu 3 ta’ l-Artiklu 21, Membru bħal dan għandu, jekk hekk mitlub, u sa mhux aktar tard mill-iskadenza tal-perjodu raġonevoli ta’ ħin, jidħol għal negozjati ma’ kwalunkwe parti li invoka l-proċeduri tar-risoluzzjoni ta’ tilwim, bl-intenzjoni li jiżviluppaw kumpens aċċettabli reċiprokament. Jekk l-ebda kumpens sodisfaċenti ma jkun miftiehem fi żmien 20 jum wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħin raġonevoli, kwalunkwe parti li nvokat il-proċeduri ta’ risoluzzjoni ta’ tilwim tista’ titlob awtorizzazzjoni mid-DSB biex tissospendi l-applikazzjoni tal-Membru konċernat ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt il-ftehim koperti.

3.   Waqt li tqis x’konċessjonijiet jew obbligi oħra tissospendi, il-parti li qed tagħmel l-ilment għandha tapplika l-prinċipji u proċeduri li ġejjin:

a)

il-prinċipju ġenerali hu li l-parti li qed tilmenta l-ewwel għandha tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra dwar l-istess settur(i) bħal dak [dawk] li l-panel jew il-Korp ta’ l-Appell sab ksur jew tħassir ieħor;

b)

jekk dik il-parti tqis li mhux prattikabbli jew effettiv li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra dwar l-istess settur(i), tista’ tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra f’setturi oħra taħt l-istess ftehim;

ċ)

jekk dik il-parti tqis li mhux prattikabbli jew effettiv li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra dwar setturi oħra taħt l-istess ftehim, u li ċ-ċirkostanzi huma serji biżżejjed, tista’ tfittex li tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra taħt ftehim kopert ieħor;

[…]

f)

għall-għanijiet ta’ dan il-paragrafu, “settur” ifisser:

i)

rigward oġġetti, kull oġġetti;

[…]

[…]

4.   Il-livell ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħra awtorizzati mid-DSB għandhom ikunu ekwivalenti għal-livell tat-tħassir [jew tat-tnaqqis tal-benefiċċji].

[…]

6.   Meta sseħħ is-sitwazzjoni deskritta fil-paragrafu 2 id-DSB għandu, meta mitlub, jagħti awtorizzazzjoni għal sospensjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħra fi żmien 30 jum mill-iskadenza tal-perjodu raġonevoli ta’ ħin, kemm-il darba id-DSB jiddeċiedi b’konsensus li jiċħad it-talba. Madankollu, jekk il-Membru konċernat joġġezzjona għal-livell ta’ sospensjoni propost, jew jallega li ma kinux segwiti l-prinċipji u proċeduri msemmija fil-paragrafu 3 billi parti li qed tilmenta talbet awtorizzazzjoni biex tissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra […], il-kwistjoni għandha tingħadda għall-arbitrazzjoni. […] Konċessjonijiet jew obbligi oħra m’għandhomx ikunu sospiżi matul l-arbitrazzjoni.

7.   […] Id-DSB għandu […] meta mitlub, jagħti awtorizzazzjoni għas-sospensjoni ta’ konċessjonijiet jew obbligi oħra billi t-talba hija konsistenti mad-deċiżjoni ta’ l-arbitru, kemm-il darba d-DSB jiddeċiedi b’konsensus li jiċħad it-talba.

8.   Is-sospensjoni tal-konċessjonijiet jew obbligi oħra għandhom ikunu applikati biss sa dak il-punt meta titneħħa l-miżura misjuba li tkun inkonsistenti mal-ftehim kopert, jew il-Membru li għandu jimplimenta rakkomandazzjonijiet jew deċiżjonijiet jipprovdi soluzzjoni għat-tħassir [jew għat-tnaqqis] tal-benefiċċji, jew tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti reċiprokament. Skond il-paragrafu 6 ta’ l-Artikolu 21 [tad-DSU], id-DSB għandu jibqa’ jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomnadazzjonijiet jew deċiżjonijiet adottati, inklużi dawk il-każi fejn kien provdut kumpens jew fejn kienu sospiżi konċessjonijiet jew obbligi oħra, iżda fejn ma kinux implimentati r-rakkomandazzjonijiet biex iġibu miżura skond il-ftehim koperti.

[…]”

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana u l-kwistjoni relatata magħha fi ħdan id-WTO

13

Fit-13 ta’ Frar 1993, il-Kunsill adotta r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana (ĠU L 47, p. 1), li fit-Titolu IV iddedikat għas-sistema ta’ skambji mal-pajjiżi terzi jippreskrivi dispożizzjonijiet preferenzjali favur il-banana provenjenti minn ċerti Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (iktar ’il quddiem l-“Istati AKP”) kofirmatarji tar-raba’ Konvenzjoni AKP-KEE ta’ Lomé, tal-15 ta’ Diċembru 1989 (ĠU 1991, L 229, p. 3).

14

Wara lmenti mressqa fix-xahar ta’ Frar tal-1996 minn diversi membri tad-WTO, fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika, din is-sistema ta’ skambji kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ soluzzjoni tat-tilwim.

15

Fir-rapport tiegħu, il-Korp tal-Appell osserva li ċerti elementi tas-sistema ta’ skambji ma kinux kumpatibbli mal-impenji tal-Komunità skont il-Ftehim WTO u rrakkomanda li d-DSB jistieden lill-Komunità sabiex tikkonforma din is-sistema ma’ dawn l-impenji. Dan ir-rapport ġie adottat minn deċiżjoni tad-DSB fil-25 ta’ Settembru 1997 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997”).

16

Fis-16 ta’ Ottubru 1997, il-Komunità infurmat lid-DSB, b’mod konformi mal-Artikolu 21(3) tad-DSU, li hija kienet ser tirrispetta l-impenji internazzjonali tagħha.

17

B’applikazzjoni tal-Artikolu 21(3)(ċ) tad-DSU, it-terminu ta’ żmien raġonevoli li fih il-Komunità kellha tikkonforma ruħha mal-obbligi tagħha ġie stabbilit, permezz ta’ sentenza tal-arbitraġġ, għall-1 ta’ Jannar 1999.

18

Hekk kif jirriżulta mit-tieni premessa tiegħu, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1637/98, tal-20 ta’ Lulju 1998, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 210, p. 28), emenda s-sistema ta’ skambji ta’ banana mal-pajjiżi terzi fir-rigward tal-fatt li “r-rabtiet internazzjonali tal-Komunità taħt il-[WTO], kif ukoll mal-firmatarji l-oħra tar-Raba’ Konvenzjoni AKP-KEE ta’ Lomé għandhom jitħarsu, filwaqt li jinkisbu fl-istess waqt l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq fis-settur tal-banana”.

19

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2362/98, tat-28 ta’ Ottubru 1998, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 404/93 fir-rigward tas-sistema ta’ importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 293, p. 32), sar japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

20

Peress li dehrilhom li s-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana l-ġdida hekk stabbilita żammet l-elementi illegali tas-sistema preċedenti, bi ksur tal-Ftehim WTO u tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, l-Istati Uniti tal-Amerika, fl-14 ta’ Jannar 1999, talbu lid-DSB, skont l-Artikolu 22(2) tad-DSU, li jiġu awtorizzati jissospendu, fir-rigward tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet ta’ tariffi u ta’ obbligi relatati skont il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) tal-1994 u l-Ftehim Ġenerali tal-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), għall-kummerċ li jammonta għal USD 520 miljun.

21

Peress li l-Komunità kkontestat dan l-ammont u sostniet li l-prinċipji u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 22(3) tad-DSU ma kinux ġew rispettati, fid-29 ta’ Jannar 1999, id-DSB iddeċieda li jissottometti din il-kwistjoni għall-arbitraġġ abbażi tal-Artikolu 22(6) tad-DSU.

22

B’deċiżjoni tad-9 ta’ April 1999, l-arbitri, minn naħa, ikkunsidraw li diversi dispożizzjonijiet tas-sistema Komunitarja l-ġdida ta’ importazzjoni tal-banana kienu jmorru kontra dispożizzjonijiet tal-Ftehim WTO, u min-naħa l-oħra, stabbilixxew il-livell tat-tixjin jew tat-tnaqqis ta’ benefiċċji li sofrew l-Istati Uniti tal-Amerika bħala USD 191.4 miljuni fis-sena.

23

Fid-19 ta’ April 1999, id-DSB awtorizza lill-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jimponu dazji fuq l-importazzjonijiet li ġejjin mill-Komunità sal-limitu tal-valur ta’ kummerċ ta’ USD 191.4 miljuni fis-sena.

24

Fl-istess jum, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika imponew dazju ad valorem bir-rata ta’ 100 % fuq l-importazzjoni ta’ diversi prodotti. Fost dawn il-prodotti li ġejjin mill-Awstrija, mill-Belġju, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Greċja, mill-Irlanda, mill-Italja, mil-Lussemburgu, mill-Portugall, minn Spanja, mill-Iżvezja jew mir-Renju Unit, kienu inklużi, b’mod partikolari, l-“akkumulaturi taċ-ċomb u l-aċidu, minbarra dawk użati biex iqabbdu magni bil-pistuni jew bħala sors primarju ta’ enerġija għall-vetturi tal-elettriku” kif ukoll l-artikoli li jinżammu fil-but bis-superfiċi esterna tal-plastik jew rinfurzata bil-plastik.

25

Is-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana kienet suġġetta għal emendi ġodda, introdotti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 216/2001, tad-29 ta’ Jannar 2001, li jemenda r-Regolament Nru 404/93 (ĠU L 31, p. 2).

26

Fi kliem l-ewwel sas-sitt premessi tar-Regolament Nru 216/2001:

“(1)

Kien hemm kuntatti numerużi mill-qrib ma’ pajjiżi fornituri u ma’ partijiet oħra interessati biex jiġi solvut it-tilwim imqanqal mir-reġim tal-importazzjoni stabbilit bir-Regolament (KEE) Nru 404/93 […], u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali mwaqqaf bis-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim tal-[WTO].

(2)

Analiżi tal-alternattivi kollha preżentati mill-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-twaqqif ta’ sistema ta’ importazzjoni għal żmien medju bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ dazju doganali b’rata xierqa u l-applikazzjoni tat-tariffa preferenzjali tal-importazzjoni mill-[Istati] AKP tipprovdi l-aħjar garanzija, l-ewwel nett li jinkisbu l-għanijiet tal-organizzazzjoni komuni tas-suq fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur, u t-tieni nett, li jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali, [sabiex] jiġi evitat aktar tilwim.

(3)

Iżda, sistema bħal din għandha tiġi introdotta malli jitlestew in-negozjati mal-imsieħba tal-Komunità b’konformità mal-proċeduri tad-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu XXVIII [tal-GATT tal-1994]. […]

(4)

Sakemm jidħol fis-seħħ dak ir-reġim, il-Komunità għandha tiġi fornuta taħt diversi kwoti tat-tariffi miftuħa għall-importazzjoni mill-pajjiżi kollha u mmaniġġati b’konformità mar-rakommandazzjonijiet magħmula [mid-DSB] […]

(5)

In vista tal-obbligi kontrattwali lejn l-[Istati] AKP u l-ħtieġa li jiġu ggarantiti lilhom kondizzjonijiet xierqa tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni ta’ preferenza fit-tariffa ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika lill-banana li toriġina F’dawk il-pajjiżi għandha tippermetti li jinżammu l-flussi kummerċjali inkwistjoni. Din sa tkun tinvolvi b’mod partikolari l-applikazzjoni fuq importazzjoni bħal din ta’ dazju doganali ta’ żero taħt [il-]kwoti tat-tariffa.

(6)

Il-Kummissjoni għandha tiġi awtorizzata biex tiftaħ negozjati ma’ pajjiżi provvedituri li jkollhom interess sostanzjali li jfornu s-suq tal-Komunità biex jipprovaw jiksbu allokazzjoni negozjata tal-ewwel żewġ kwoti tat-tariffi. […]”

27

Fil-11 ta’ April 2001, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Komunità kkonkludew Memorandum ta’ Ftehim li jiddefinixxi “l-metodi li jistgħu jwasslu għal soluzzjoni għat-tilwima li ilha teżisti dwar is-sistema ta’ importazzjoni tal-banana” fil-Komunità. Dan il-Memorandum jipprovdi li l-Komunità tintrabat li “[tintroduċi] sistema bbażata biss fuq tariffi għall-importazzjonijiet tal-banana mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006”. Dan id-dokument jiddefinixxi l-miżuri li l-Komunità tintrabat li tieħu matul il-perijodu interim li jiskadi fl-1 ta’ Jannar 2006. Min-naħa tagħhom, l-Istati Uniti tal-Amerika ntrabtu li jissospendu provviżorjament l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali li kienu awtorizzati jimponu fuq l-importazzjonijiet Komunitarji.

28

Wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 896/2001, tas-7 ta’ Mejju 2001, li jistabilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament Nru 404/93 rigward l-arranġamenti għall-importazzjoni tal-banana fil-Komunità (ĠU L 126, p. 6), l-Istati Uniti tal-Amerika ssospendew l-applikazzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom. Mill-1 ta’ Lulju 2001, id-dazji tagħhom fuq l-importazzjoni tal-akkumulaturi stazzjonarji u tal-kaxxi għan-nuċċalijiet li ġejjin mill-Komunità tnaqqsu għar-rati oriġinali tagħhom ta’ 3.5 % u ta’ 4.6 %.

Ir-rikorsi mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-iżvolġiment tal-proċedura quddiemha u s-sentenzi kkontestati

Ir-rikorsi

29

FIAMM teżerċità attivitajiet b’mod partikolari fis-settur tal-akkumulaturi stazzjonarji u Fedon f’dak tal-kaxxi għan-nuċċalijiet u tal-prodotti aċċessorji li jidħlu fil-kategorija tal-artikoli li jinżammu fil-but.

30

Peress li dawn iżommu lill-Komunità responsabbli għad-dannu li sofrew minħabba l-fatt li dawn il-prodotti kienu jiffurmaw parti minn dawk li bejn id-19 ta’ April 1999 u t-30 ta’ Ġunju 2001 ġew milquta mit-taxxa doganali supplimentari imposta mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika, FIAMM u Fedon ressqu rikorsi għall-kumpens quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 235 KE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE u diretti kontra l-Kunsill u l-Kummissjoni.

31

Prinċipalment, FIAMM u Fedon argumentaw li teżisti responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha. Hekk kif jirriżulta mill-punti 69 u 92 sa 95 tas-sentenza FIAMM kif ukoll mill-punti 63 u 85 sa 88 tas-sentenza Fedon, huma osservaw b’mod iktar preċiż li, fir-rigward tal-aġir illegali allegat, in-nuqqas tal-Kunsill u tal-Kummissjoni milli jadottaw emendi għas-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana li jkunu konformi mal-obbligi li l-Komunità assumiet taħt il-Ftehim WTO fit-terminu mogħti mid-DSB, jikser il-prinċipju ta’ pacta sunt servanda, il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi u ta’ ċertezza legali, id-drittijiet tal-proprjetà u ta’ inizjattiva ekonomika tagħhom kif ukoll, fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

32

Sussidjarjament, FIAMM u Fedon argumentaw b’mod partikolari li teżisti responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità anki fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza

33

Mill-punti 48 sa 59 tas-sentenza FIAMM u 48 sa 55 tas-sentenza Fedon jirriżulta li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza seħħet b’dan il-mod.

34

Ir-rikors ta’ FIAMM tressaq fit-23 ta’ Marzu 2000 (Kawża T-69/00). Ir-Renju ta’ Spanja tħalla jintervjeni f’din il-kawża permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Settembru 2000.

35

Min-naħa tiegħu, ir-rikors ta’ Fedon tressaq fit-18 ta’ Ġunju 2001 (Kawża T-135/01).

36

Fuq talba tal-Kummissjoni mressqa taħt it-tieni paragrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, dawn iż-żewġ kawżi ntbagħtu quddiem Awla Estiża komposta minn ħames Imħallfin permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju u s-7 ta’ Ottubru 2002.

37

Wara li ntemmu l-funzjonijiet tal-Imħallef Relatur inizjalment inkarigat fil-kawżi msemmija, Imħallef Relatur ġdid ġie nnominat fit-13 ta’ Diċembru 2002.

38

B’digriet tat-3 ta’ Frar 2003, il-kawża li waslet għas-sentenza FIAMM u l-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Laboratoire du Bain vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T-151/00), kif ukoll Groupe Fremaux u Palais Royal vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni (T-301/00), ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali. Fil-11 ta’ Marzu 2003, inżammet seduta f’dawn il-kawżi.

39

B’deċiżjonijiet tat-23 ta’ Marzu u tal-1 ta’ April 2004, il-Qorti tal-Prim’Istanza fetħet mill-ġdid il-proċedura orali fil-kawżi msemmija u reġgħet bagħtet quddiem l-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza kemm dawn il-kawżi kif ukoll il-kawżi konnessi li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, CD Cartondruck vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-320/00), kif ukoll Beamglow vs Il-Parlament et (T-383/00, Ġabra p. II-5459), u għas-sentenza Fedon. Dawn is-sitt kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali b’digriet tad-19 ta’ Mejju 2004.

40

Is-seduta nżammet fis-26 ta’ Mejju 2004.

Is-sentenzi kkontestati

41

Permezz tas-sentenzi kkontestati, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikorsi ta’ FIAMM u ta’ Fedon.

42

Qabel kollox, fil-punti 84 sa 150 tas-sentenza FIAMM u 77 sa 143 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-azzjonijiet għad-danni ta’ dawn ir-rikorrenti peress li dawn kienu bbażati fuq is-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali minħabba l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Komunità.

43

Il-punt 100 tas-sentenza FIAMM jgħid is-segwenti:

“Ir-rikorrenti josservaw li l-prinċipji kollha li kisru l-konvenuti huma regoli superjuri u huma maħsubin biex jipproteġu lill-individwi. Qabel l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali Amerikan, ir-regoli tad-WTO offrew direttament lir-rikorrenti d-dritt li jimportaw il-prodotti tagħhom fl-Istati Uniti billi jħallsu d-dazju fuq l-importazzjoni oriġinali bir-rata mnaqqsa ta’ 3.5 %. Anki jekk jiġi kkunsidrat li l-Ftehim WTO m’għandhomx jitqiesu bħala direttament applikabbli, tali effett għandu jiġi rikonoxxut lid-deċiżjoni tad-DSB [tal-25 ta’ Settembru 1997] li kkundannat lill-Komunità, liema deċiżjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti F’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza Komunitarja.”

44

Min-naħa tiegħu, il-kliem tal-punt 93 tas-sentenza Fedon jgħid is-segwenti:

“Ir-rikorrenti josservaw li, anki jekk jitqies li l-Ftehim WTO m’għandhomx effett dirett, min-naħa l-oħra tali natura għandha tiġi rrikonoxxuta lid-deċiżjoni tad-DSB [tal-25 ta’ Settembru 1997] li kkundannat lill-Komunità. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompetenza tagħha sabiex tistħarreġ il-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji meta, bħal f’dan il-każ, huma kellhom l-intenzjoni li jeżegwixxu obbligu partikolari assunt fil-kwadru tal-GATT” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

45

Dwar il-kwistjoni preliminari tal-invokabbilità tar-regoli tad-WTO, il-Qorti tal-Prim’Istanza qalet b’mod partikolari fil-punti 108 sa 115 tas-sentenza FIAMM u 101 sa 108 tas-sentenza Fedon:

“108

[101] Qabel ma tiġi eżaminata l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji, għandha tiġi deċiża l-kwistjoni jekk il-Ftehim WTO jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti biex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adotatta sussegwentament mill-Komunità, b’mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma’ dawn l-istess regoli.

109

[102] F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti qegħdin jinvokaw il-prinċipju pacta sunt servanda li effettivament huwa wieħed mir-regoli tad-dritt li l-istituzzjonijiet Komunitarji huma obbligati li jħarsu fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom bħala prinċipju fundamentali ta’ kull ordni ġuridiku u, b’mod partikolari, tal-ordni ġuridiku internazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 49).

110

[103] Madankollu, il-prinċipju pacta sunt servanda ma jistax, F’dan il-każ, jiġi invokat b’mod effikaċi kontra l-istituzzjonijiet konvenuti, billi, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Ftehim WTO, minħabba n-natura u l-istruttura tagħhom, mhumiex, bħala regola, inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza [tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1999,] Il-Portugall vs Il-Kunsill, [C-149/96, Ġabra p. I-8395,] punt 47; id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 2001, OGT Fruchthandelsgesellschaft, C-307/99, Ġabra p. I-3159, punt 24; is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et., C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93; tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica, C-76/00 P, Ġabra p. I-79, punt 53, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C-93/02 P, Ġabra p. I-10497, punt 52).

111

[104] Fil-fatt, minn naħa, il-Ftehim li jistabbilixxi d-WTO huwa bbażat fuq arranġamenti reċiproċi u vantaġġjużi għal kull parti, ħaġa li tiddistingwieh mill-ftehim konklużi mill-Komunità ma’ Stati terzi li jistabbilixxu ċerta nuqqas ta’ simmetrija tal-obbligi. Issa, huwa paċifiku li wħud mill-aktar imsieħba kummerċjali importanti tal-Komunità ma jinkludux il-Ftehim WTO fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom l-organi ġudizzjarji ta’ dawn l-Istati jeżaminaw il-legalità tar-regoli tad-dritt intern tagħhom. Għaldaqstant, eżami tal-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta’ dawn ir-regoli taf twassal għal nuqqas ta’ bilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO billi ċċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Komunità mill-marġni ta’ manuvrabilità li jgawdu l-organi simili tal-imsieħba kummerċjali tal-Komunità (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, [iċċitata iktar ’il fuq], punti 42 sa 46).

112

[105] Min-naħa l-oħra, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, ipprovduta fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjonijiet innegozjati, anki jekk fuq bażi temporanja, bil-għan li jaslu għal kumpens aċċettabbli għall-partijiet kollha (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, [iċċitata iktar ’il fuq], punti 39 u 40).

113

[106] Minn dan isegwi li l-eventwali ksur tar-regoli tad-WTO mill-istituzzjonijiet konvenuti ma jistax, bħala regola, iwassal biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2001, Cordis vs Il-Kummissjoni, T-18/99, Ġabra p. II-913, punt 51; Bocchi Food Trade International vs Il-Kummissjoni, [T-30/99, Ġabra p. II-943,] punt 56, u T. Port vs Il-Kummissjoni, T-52/99, Ġabra p. II-981, punt 51).

114

[107] Huwa biss fis-sitwazzjoni fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO jew fiċ-ċirkustanza fejn l-att Komunitarju jirreferi b’mod espress għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara, F’dak li jirrigwarda l-GATT tal-1947, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni, 70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 sa 22, u [tas-7 ta’ Mejju 1991,] Nakajima vs Il-Kunsill, [C-69/89, Ġabra p. I-2069,] punt 31, kif ukoll, F’dak li jirrigwarda l-Ftehim WTO, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 49, u Biret International vs Il-Kunsill, punt 53).

115

[108] Issa, minkejja d-deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ miżuri meħuda minn membru mar-regoli tad-WTO, l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ma tapplika fil-każ ineżami.”

46

Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tqis li l-ebda waħda mill-imsemmija eċċezzjonijiet ma setgħet tapplika.

47

Fir-rigward tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-intenzjoni li jkun implementat obbligu partikolari assunt fil-kuntest tad-WTO, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet is-segwenti fil-punti 116, 121, 122, 125 sa 137 tas-sentenza FIAMM u 109, 114, 115, 118 sa 130 tas-sentenza Fedon:

“116

[109] Meta, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, il-Komunità ntrabtet li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tassumi obbligu partikolari fil-kuntest tad-WTO li jista’ jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli tad-WTO jkunu invokati quddiem il-qorti Komunitarja u li jippermetti lil din tal-aħħar teżamina l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji fid-dawl ta’ dawn ir-regoli.

[…]

121

[114] […] id-DSU joffri lill-membru tad-WTO konċernat diversi metodi kif jimplimenta rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ miżura mar-regoli tad-WTO.

122

[115] Meta t-tneħħija immedjata tal-miżura inkompatibbli ma tkunx possibbli, l-Artikolu 3(7) tad-DSU jipprovdi l-possibbiltà li l-membru milqut jingħata kumpens jew l-awtorizzazzjoni li jissospendi l-applikazzjoni ta’ konċessjonijiet jew l-eżekuzzjoni ta’ obbligi oħra fuq bażi temporanja sakemm titneħħa l-miżura inkompatibbli (ara sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, [iċċitata iktar ’il fuq], punt 37).

[…]

125

[118] Anki meta jiskadi t-terminu mogħti biex il-miżura li tkun ġiet dikjarata inkompatibbli tiġi reża kompatibbli mar-regoli tad-WTO u wara l-awtorizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens jew ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet skont l-Artikolu 22(6) tad-DSU, tibqa’ tingħata importanza, f’kull każ, lin-negozjati bejn il-partijiet involuti fit-tilwima.

126

[119] Fil-fatt, l-Artikolu 22(8) tad-DSU jenfasizza n-natura temporanja tas-sospensjoni ta’ konċessjonijiet jew ta’ obbligi oħra u jipprovdi li din għandha tapplika biss ‘sakemm titneħħa l-miżura dikjarata inkompatibbli ma’ Ftehim kopert, jew sakemm il-Membru li għandu jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ikun sab soluzzjoni għat-tixjin jew għat-tnaqqis ta’ benefiċċji jew sakemm tinstab soluzzjoni sodisfaċenti għall-partijiet kollha’.

127

[120] Din l-istess dispożizzjoni tipprovdi wkoll li, skont l-Artikolu 21(6), id-DSB għandu jibqa’ jissorvelja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet jew tad-deċiżjonijiet adottati.

128

[121] F’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri meħuda sabiex membru jikkonforma ruħu mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tad-DSB, l-Artikolu 21(5) tad-DSU jipprovdi li t-tilwima għandha tkun deċiża ‘billi jiġu segwiti dawn il-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim’, li jinkludu t-tfittxija ta’ soluzzjoni negozjata mill-partijiet.

129

[122] La l-iskadenza tat-terminu mogħti mid-DSB lill-Komunità biex tikkonforma s-sistema tagħha ta’ importazzjoni tal-banana mad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 u lanqas id-deċiżjoni tad-9 ta’ April 1999 li permezz tagħha l-arbitri tad-DSB espressament ikkonstataw l-inkompatibbiltà tas-sistema l-ġdida ta’ importazzjoni tal-banana stabbilita bir-Regolamenti Nru 1637/98 u Nru 2362/98 ma wasslu għall-eżawriment tal-metodi għas-soluzzjoni tat-tilwim offruti mid-DSU.

130

[123] F’dan il-kuntest, eżami mill-qorti Komunitarja tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tad-WTO jista’ jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tan-negozjaturi Komunitarji fit-tfittxija għal soluzzjoni tat-tilwima aċċettabbli għall-partijiet kollha u konformi mar-regoli tad-WTO.

131

[124] F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk l-organi ġudizzjarji jkunu obbligati li ma japplikawx regoli tad-dritt intern li jkunu inkompatibbli mal-Ftehim WTO, l-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-partijiet kontraenti jkunu konsegwentement imċaħħda mill-possibbiltà, provduta b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tad-DSU, li jsibu soluzzjoni nnegozjata, anki jekk fuq bażi temporanja (sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, [iċċitata iktar ’il fuq], punt 40).

132

[125] Għaldaqstant, ir-rikorrenti huma żbaljati kemm meta mill-Artikoli 21 u 22 tad-DSU jiddeduċu obbligu li jorbot lill-membru tad-WTO li jikkonforma ruħu, fi żmien speċifikat, mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-organi tad-WTO, kif ukoll meta jsostnu li d-deċiżjonijiet tad-DSB huma eżekuttivi fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni unanima mill-partijiet kontraenti.

133

[126] Barra minn hekk, meta, permezz tar-Regolament Nru 216/2001, il-Kunsill emenda mill-ġdid is-sistema ta’ importazzjoni tal-banana, huwa fittex li jirrikonċilja diversi għanijiet diverġenti. Fil-fatt, il-preambolu tar-Regolament Nru 216/2001 jirrileva, fl-ewwel premessa tiegħu, li saru kuntatti numerużi u mill-qrib bil-għan, b’mod partikolari, li ‘jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-grupp speċjali’ u, fit-tieni premessa, li s-sistema ta’ importazzjoni ġdida prevista tipprovdi l-aħjar garanzija kemm ‘li jinkisbu l-għanijiet tal-[OKS banana] fir-rigward tal-produzzjoni tal-Komunità u d-domanda mill-konsumatur’ u kemm li ‘jkun hemm konformità mar-regoli dwar il-kummerċ internazzjonali’.

134

[127] Fl-aħħar mill-aħħar, kien bi tpattija għall-fatt li l-Komunità ntrabtet li tistabbilixxi sistema unikament abbażi ta’ tariffi fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-banana qabel l-1 ta’ Jannar 2006 li l-Istati Uniti tal-Amerika aċċettaw, skont Memorandum ta’ Ftehim konkluż fil-11 ta’ April 2001, li jissospendu provviżorjament l-impożizzjoni tad-dazju addizzjonali tagħhom.

135

[128] Issa, riżultat bħal dan seta’ jiġi kompromess b’intervent mill-qorti Komunitarja fis-sens li teżamina, bil-għan li jiġi kkumpensat id-dannu li sofriet ir-rikorrenti, il-legalità tal-aġir adottat f’dan il-każ mill-istituzzjonijiet konvenuti fid-dawl tar-regoli tad-WTO.

136

[129] F’dan ir-rigward, għandu jkun irrilevat li, bħalma enfasizzaw espressament l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Memorandum ta’ Ftehim tal-11 ta’ April 2001 ma jammontax, fih innifsu, għal soluzzjoni aċċettata mill-partijiet kollha fis-sens tal-Artikolu 3(6) tad-DSU u li l-kwistjoni tal-implimentazzjoni mill-Komunità tar-rakkomandazzjonijiet u tad-deċiżjonijiet tad-DSB baqgħet imniżżla, fit-12 ta’ Lulju 2001, jiġifieri wara li tressaq dan ir-rikors, fl-aġenda tal-laqgħa tad-DSB.

137

[130] Minn dan isegwi li meta l-istituzzjonijiet konvenuti emendaw is-sistema Komunitarja ta’ importazzjoni tal-banana inkwistjoni, huma ma kellhomx l-intenzjoni li jimplimentaw obbligi partikolari li jirriżultaw mir-regoli tad-WTO li fid-dawl tagħhom id-DSB kien ikkonstata l-inkompatibbiltà tal-imsemmija sistema.”

48

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll kull applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq ir-referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO, b’mod partikolari wara li fil-punti 142 tas-sentenza FIAMM u 135 tas-sentenza Fedon ikkonstatat, li “mill-preamboli tad-diversi regolamenti li jemendaw is-sistema ta’ importazzjoni tal-banana, ma jirriżultax li l-leġiżlatur Komunitarju rrefera għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Ftehim WTO meta kellu l-intenzjoni li jirrendi din is-sistema konformi mal-istess Ftehim”.

49

Għaldaqstant, fil-punti 144 u 145 tas-sentenza FIAMM kif ukoll 137 u 138 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “minkejja l-konstatazzjoni ta’ inkompatibbiltà min-naħa tad-DSB, f’dan il-każ, ir-regoli tad-WTO ma jammontawx għal regoli li fid-dawl tagħhom tista’ tkun eżaminata l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet, la abbażi ta’ obbligi partikolari li l-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta u lanqas abbażi ta’ referenza espressa għal dispożizzjonijiet preċiżi” u li “r-rikorrenti ma jistgħux jallegaw b’mod effikaċi, għall-finijiet tat-talba tagħhom għal kumpens għal danni, li l-aġir allegat fil-konfront tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jmur kontra r-regoli tad-WTO”.

50

Wara li fil-punti 146 tas-sentenza FIAMM u 139 tas-sentenza Fedon osservat li “[l]-ilmenti mressqa mir-rikorrenti abbażi tal-ksur tal-prinċipji tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali, tal-ksur tad-dritt tagħha għal proprjetà u għal inizjattiva ekonomika u, fl-aħħar nett, tan-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jistrieħu kollha fuq il-premessa li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet konvenuti jmur kontra r-regoli tad-WTO”, minn dan il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, fil-punti 147 u 140 tas-sentenzi msemmija, li “[m]inħabba li dawn ir-regoli mhumiex inklużi fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-qorti Komunitarja teżamina l-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji, dawn l-ilmenti għandhom, konsegwentement, ikunu miċħuda wkoll”.

51

Fir-rigward ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, fil-punti 149 tas-sentenza FIAMM u 142 tas-sentenza Fedon, li “[m]inħabba li ma jistax jiġi ppruvat li l-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet konvenuti huwa illegali, waħda mit-tliet kundizzjonijiet kumulattivi meħtieġa biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha mhix sodisfatta”. Konsegwentement, hija ċaħdet l-ewwel kap tat-talbiet tar-rikorrenti.

52

Għal dak li jirrigwarda l-kap tat-talba bbażat fuq sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità anki fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza qabel kollox affermat l-eżistenza ta’ tali sistema fil-punti 157 sa 160 tas-sentenza FIAMM u 150 sa 153 tas-sentenza Fedon. F’dan ir-rigward, hija esprimiet lilha nnifisha fit-termini segwenti:

“157

[150] Meta, bħal f’dan il-każ, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma tkunx stabbilita, ma jfissirx b’daqshekk li l-impriżi li, bħala kategorija ta’ operaturi ekonomiċi, ikollhom ibatu parti sproporzjonata tal-piżijiet li jirriżultaw minn restrizzjoni tal-aċċess għal swieq ta’ esportazzjoni, ma jkunu jistgħu fl-ebda każ jiksbu kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1987, De Boer Buizen vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 81/86, Ġabra p. 3677, punt 17).

158

[151] Fil-fatt, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jibbaża l-obbligu li jimponi fuq il-Komunità li tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-istituzzjonijiet tagħha fuq il-‘prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali tal-Istati Membri’, mingħajr, għaldaqstant, ma jirrestrinġi l-portata ta’ dawn il-prinċipji unikament għar-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-imsemmija istituzzjonijiet.

159

[152] Issa, id-drittijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jippermettu, għalkemm f’livelli differenti, f’oqsma speċifiċi u skont metodi differenti, li individwi jiksbu, permezz ta’ proċedimenti legali, kumpens għal ċerti danni, anki fin-nuqqas ta’ azzjoni illegali min-naħa ta’ min ikun ikkawża d-dannu.

160

[153] Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn aġir tal-istituzzjonijiet tal-Komunità li ma jkunx ġie ppruvat li huwa illegali, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità tista’ tkun stabbilita sakemm ikunu sodisfatti kumulattivament il-kundizzjonijiet dwar ir-realtà tad-dannu, dwar ir-rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji u dwar in-natura barra min-normal u speċjali tad-dannu inkwistjoni (sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, [C-237/98 P, Ġabra p. I-4549], punt 19).”

53

Wara, il-Qorti tal-Prim’Istanza ikkonkludiet li kien jeżisti tali dannu reali u ċert fuq ir-rikorrenti.

54

Barra minn hekk, hija ddeċidiet li kienet teżisti rabta ta’ kawżalità diretta bejn, min-naħa, l-aġir adottat mill-istituzzjonijiet konvenuti fir-rigward tal-importazzjoni tal-banana fil-Komunità u, min-naħa l-oħra, il-ħsara sofferta mir-rikorrenti.

55

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-ħsara sofferta minn FIAMM u Fedon ma kellhiex natura barra min-normal, u għal din ir-raġuni ċaħdet it-talbiet tagħhom peress li dawn kienu bbażati fuq is-sistema ta’ responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha.

56

B’mod partikolari, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punti 205 u 207 tas-sentenza FIAMM kif ukoll 194 u 196 tas-sentenza Fedon, li:

“205

[194] […] għandu jkun ikkonstatat li l-eventwalità ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet ta’ tariffi, miżura prevista fil-Ftehim WTO u ċirkustanza li seħħet f’dan il-każ, hija waħda mill-bidliet fiċ-ċirkustanzi inerenti fis-sistema attwali tal-kummerċ internazzjonali. Għaldaqstant, din il-bidla fiċ-ċirkustanzi għandha bilfors tiġi mġarrba minn kull operatur li jiddeċiedi li jqiegħed il-prodotti tiegħu fis-suq ta’ wieħed mill-membri tad-WTO.

[…]

207

[196] Barra minn hekk, mill-Artikolu 22(3)(b) u (ċ) tad-DSU, strument internazzjonali li kien is-suġġett ta’ miżuri ta’ pubbliċità xierqa biex ikun assigurat l-għarfien tiegħu mill-operaturi Komunitarji, jirriżulta li l-membru tad-WTO li jagħmel l-ilment jista’ jfittex li jissospendi konċessjonijiet jew obbligi oħra f’setturi li jkunu differenti minn dak li fir-rigward tiegħu l-grupp speċjali jew il-Bord tal-Appell ikun ikkonstata ksur mill-membru konċernat, u li jaqgħu jew taħt l-istess Ftehim jew taħt ftehim tad-WTO ieħor.”

It-talbiet tal-partijiet u l-iżvolġiment tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

57

FIAMM, fil-kawża C-120/06 P, u Fedon, fil-kawża C-121/06 P, jitolbu rispettivament, l-annullament tas-sentenza FIAMM u l-annullament tas-sentenza Fedon. It-tnejn li huma jinvokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

58

Permezz tal-ewwel aggravju, huma jsostnu li s-sentenzi kkontestati huma neqsin minn motivazzjoni u mingħajr bażi f’dak li jirrigwarda wieħed mill-argumenti prinċipali li ssemmew bħala bażi tar-rikorsi rispettivi tagħhom dwar responsabbiltà minħabba aġir illegali tal-Komunità, liema argument huwa bbażat fuq l-effett dirett tad-deċiżjonijiet tad-DSB.

59

Permezz tat-tieni aggravju, FIAMM u Fedon isostnu li, meta kkonkludiet li kien hemm nuqqas ta’ natura barra min-normal tal-ħsara sofferta minnhom, u meta minħabba f’hekk ċaħdet id-domanda tagħhom għal kumpens ibbażata fuq sistema ta’ responsabbilità applikabbli fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tal-Komunità, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat raġunament mhux raġunat bizzejjed, mimli b’kunsiderazzjonijiet mhux loġiċi u li jmur kontra l-ġurisprudenza kostanti dwar is-suġġett.

60

Barra minn hekk, it-tnejn li huma jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddeċiedi fuq il-mertu, billi tirrikonoxxilhom id-dritt u l-kumpens għad-danni li jirriżultaw mir-responsabbiltà tal-konvenuti minħabba att illegali jew att legali;

f’kull każ, tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż kemm tal-proċedura tal-appell kif ukoll tal-proċedura tal-ewwel istanza.

61

Sussidjarjament, FIAMM u Fedon jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħtihom kumpens xieraq minħabba t-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u sabiex tadotta l-miżuri u dispożizzjonijiet l-oħra li jkunu neċessarji fl-ekwità.

62

Il-Kunsill jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tibdel xi argumenti tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew tannulla parzjalment is-sentenzi kkontestati, billi tiddikjara bħala mhux applikabbli r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ fatt illegali ta’ ommissjoni ta’ attività regolamentata, jew, sussidjarjament, billi tiddikjara li l-elementi li jikkostitwixxu tali responsabbiltà ma jeżistux;

tiċħad l-appelli bħala mingħajr bażi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

63

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appelli billi temenda, fejn hemm bżonn, il-motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati;

sussidjarjament, tiċħad it-talbiet għall-kundanna ta’ kumpens għad-danni, ippreżentati fl-ewwel istanza;

sussidjarjament, tibgħat il-kawżi lura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex titkompla l-proċedura u sabiex il-ħsara riparabbli tkun ikkwantifikata, b’mod konformi mal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

64

Kemm fil-kawża C-120/06 P, li fiha ppreżenta risposta fil-kwalità tiegħu bħala parti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kif ukoll fil-kawża C-121/06 P, li fiha għandu l-kwalità ta’ parti intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Renju ta’ Spanja jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiċħad l-appell safejn jirrigwarda r-responsabbiltà minħabba att illegali tal-istituzzjonijiet konvenuti;

tannulla parzjalment is-sentenza kkontestata u tikkonstata l-ineżistenza ta’ responsabbiltà minħabba att illegali fis-sistema legali Komunitarja jew, sussidjarjament, tiċħad l-appell safejn jirrigwarda r-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet konvenuti minħabba att illegali jew, sussidjarjament, tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrenti għal kumpens minħabba att illegali;

tiddikjara inammissibbli t-talba għal kumpens abbażi tad-dewmien mhux raġonevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

65

Wara l-preżentata tar-risposti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni fil-Kawżi C-120/06 P u C-121/06 P, u l-preżentata tar-risposta tar-Renju ta’ Spanja fil-Kawża C-120/06 P, FIAMM u Fedon ingħataw, fuq talba tagħhom, dritt għar-replika skont l-Artikolu 117(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

66

Fil-Kawża C-120/06 P, FIAMM bagħtet permezz ta’ faks lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-replika u r-risposta tagħha għall-appell inċidentali mressaq mill-Kunsill fit-termini rispettivament stabbiliti fil-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 117 tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura. Madankollu, il-verżjoni oriġinali ta’ dawn l-osservazzjonijiet ma ġietx ippreżentata lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-terminu ta’ għaxart ijiem stabbiliti fl-Artikolu 37(6) tal-istess Regoli. Konsegwentement, dawn l-osservazzjonijiet kif ukoll l-oriġinali tagħhom li waslu tard għand ir-Reġistratur tneħħew mill-proċedura u ngħataw lura lil FIAMM.

67

Fil-Kawża C-121/06 P, Fedon ma ppreżentat la replika u lanqas risposta għall-appell inċidentali mressaq mill-Kunsill. Madankollu, Fedon u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom għan-nota tal-intervent tar-Renju ta’ Spanja.

Fuq l-ewwel aggravju tal-appelli prinċipali

L-argumenti tal-partijiet

68

Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, FIAMM u Fedon isostnu li s-sentenzi kkontestati huma neqsin minn motivazzjoni u huma infondati fir-rigward ta’ wieħed mill-argumenti prinċipali invokati insostenn tar-rikorsi rispettivi tagħhom għal responsabbiltà minħabba aġir illegali tal-Komunità.

69

Hekk kif wara kollox osservat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 100 tas-sentenza FIAMM u 93 tas-sentenza Fedon, huma fil-fatt insistew, kemm fil-proċedura bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta, fuq l-effetti ġuridiċi speċifiċi li huma marbuta mad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 li tikkundanna lill-Komunità. B’hekk, huma osservaw li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni tikkostitwixxi, flimkien maż-żewġ tipi ta’ eċċezzjonijiet diġà stabbiliti mis-sentenzi, iċċitati iktar ’il fuq, Fediol vs Il-Kummissjoni u Nakajima vs Il-Kunsill, it-tielet eżempju li fih hemm lok li tiġi awtorizzata l-invokazzjoni ta’ ksur tal-Ftehim WTO mill-organi Komunitarji quddiem il-qorti Komunitarja, b’mod partikolari għal finijiet esklużivament ta’ kumpens.

70

Issa, l-evalwazzjonijiet li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sempliċi referenza għall-ġurisprudenza preċedenti li teżisti fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza FIAMM u 103 sa 105 tas-sentenza Fedon huma irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li l-ġurisprudenza msemmija tirrigwarda kwistjoni differenti, f’dan il-każ dik dwar jekk regola materjali li tinsab fil-Ftehim WTO tistax tiġi invokata għall-finijiet li tiġi mistħarrġa l-legalità ta’ liġijiet Komunitarji u li, jekk ikun il-każ, tali liġijiet jiġu ddikjarati bħala mhux applikabbli.

71

B’mod partikolari, hekk kif irriżulta mill-punti 114 u 115 tas-sentenza FIAMM kif ukoll 107 u 108 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 biss sabiex tiddetermina jekk, fid-dawl tal-eżistenza tagħha u fin-nuqqas ta’ effett dirett tal-Ftehim WTO, waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet ġurisprudenzjali setgħetx tapplika f’dan il-każ.

72

B’dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod adegwat l-argumentazzjoni ta’ FIAMM u ta’ Fedon dwar il-fatt li, wara l-iskadenza tat-terminu raġonevoli mogħti sabiex tiġi implementata d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, il-Komunità kellha biss żewġ għażliet, jiġifieri li tikkonforma jew li ma tikkonformax ma’ din id-deċiżjoni. Għaldaqstant, il-flessibbiltà tas-sistema ta’ soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO, li b’mod partikolari tippermetti lill-partijiet ifittxu soluzzjonijiet innegozjati u li fuqha tistrieh il-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 112 tas-sentenza FIAMM u 105 tas-sentenza Fedon, li tistabbilixxi l-impossibilità li jsir stħarriġ tal-legalità ta’ liġi Komunitarja fir-rigward tal-Ftehim WTO, hija nieqsa f’dan il-każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, xejn ma jżomm milli jiġi rrikonoxxut effett dirett ta’ deċiżjoni tad-DSB.

73

Barra minn hekk, konstatazzjoni ta’ illegalita li tillimita ruħha sabiex tiddikjara n-nuqqas ta’ osservanza tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 fit-terminu mogħti ma teħtieġx evalwazzjoni fil-fond tal-miżura Komunitarja inkwistjoni u b’hekk, ma jistax ikollha impatt fuq il-mod li bih il-Komunità tiddeċiedi li twaqqaf din l-illegalità, peress li kull soluzzjoni, kemm il-darba tkun konformi mal-Ftehim WTO u tiġi aċċettata mill-parti opposta, tibqa’ possibbli.

74

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-argumentazzjoni ta’ FIAMM u ta’ Fedon li tgħid li, diversament minn talba għal annullament jew ta’ domanda preliminari għall-evalwazzjoni ta’ validità, kawża għal kumpens ma tistax twassal sabiex jiġi eliminat jew iddikjarat bħala mhux applikabbli l-att Komunitarju kkonċernat, u b’hekk, lanqas sabiex l-organi tal-partijiet fil-Ftehim WTO jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jsibu soluzzjonijiet innegozjati. Din l-argumentazzjoni tkun ħafna iktar rilevanti meta, bħal f’dan il-każ, it-talba għal kumpens tiġi eżaminata wara li tinsab soluzzjoni għat-tilwima.

75

Dawn l-istess kunsiderazzjonijiet jiġġustifikaw li jiġi injorat l-argument, imfakkar fil-punti 111 tas-sentenza FIAMM u 104 tas-sentenza Fedon, li jgħid li l-Ftehim WTO huma bbażati fuq bażi ta’ reċiproċità u ta’ vantaġġi reċiproċi.

76

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat fl-istess ħin il-possibbiltà li jiġu invokati r-regoli tad-WTO u d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, hekk kif b’mod partikolari jirriżulta mill-punti 129 tas-sentenza FIAMM u 122 tas-sentenza Fedon.

77

Barra minn hekk, is-sentenzi kkontestati huma konformi mal-ġurisprudenza li tgħid li l-Ftehim WTO, bħala prinċipju, ma jinsabux fost ir-regoli li fir-rigward tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji, u l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta qieset li l-ebda waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet ammessi għal dan il-prinċipju ma kienet tapplika f’dan il-każ.

78

Peress li l-Ftehim WTO m’għandhomx bħala skop l-għoti ta’ drittijiet lill-individwi, l-eventwali ksur tal-ftehim imsemmija lanqas ma huwa kapaċi li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità, mingħajr ma jikkomprometti l-marġini ta’ manuvrar li għandhom il-membri tad-WTO sabiex ikunu konformi ma’ deċiżjoni tad-DSB jew le.

79

Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li d-distinzjoni magħmula mir-rikorrenti bejn l-effetti ġuridiċi relatati ma’ deċiżjoni tad-DSB u dawk li jirriżultaw mir-regoli materjali li din id-deċiżjoni tkun ikkonstatat il-ksur tagħhom hija artifiċjali. Fil-fatt, tali deċiżjoni ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens ħlief jekk l-effett dirett tar-regoli materjali msemmija jkun ġie kkonstatat minn qabel.

80

Skont il-Kummissjoni, fl-ewwel istanza, FIAMM u Fedon bl-ebda mod ma ppreżentaw il-possibbiltà li jinvokaw deċiżjoni tad-DSB b’mod dirett bħala teorija speċifika u awtonoma li tippermetti li tiġi stabbilita l-illegalità ta’ aġir tal-Komunità, u lanqas iffokaw l-argumentazzjoni tagħhom fuq dan il-punt. Essenzjalment, dawn il-partijiet kellhom jiżviluppaw argumentazzjoni klassika għall-finijiet li jistabbilixxu li n-nuqqas ta’ adattament tal-liġi Komunitarja sabiex issir konformi mal-Ftehim WTO wara d-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 kien jinvolvi ksur tal-liġijiet ta’ livell superjuri.

81

Kien biss sussidjarjament li FIAMM u Fedon illimitaw ruħhom sabiex isostnu, madankollu mingħajr ma jiżviluppaw u jsaħħu b’xi mod lil din l-affermazzjoni, li, anki jekk jitqies li l-Ftehim WTO ma japplikawx b’mod dirett, id-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 għandha tgawdi minn effett dirett.

82

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza li, wara kollox, mhijiex marbuta li tiddeċiedi fuq kull wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti, ħadet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq l-argumentazzjoni ta’ FIAMM u ta’ Fedon, billi kkonċentrat ruħha prinċipalment, fil-punti 108 sa 150 tas-sentenza FIAMM u 101 sa 143 tas-sentenza Fedon fuq l-evalwazzjoni tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji, iżda madankollu, mhux mingħajr ma għamlet referenza għall-effetti tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 fil-punti 108 u 144 tas-sentenza FIAMM kif ukoll 101 u 137 tas-sentenza Fedon. Barra minn hekk, fid-dawl tal-motivazzjoni, għalkemm impliċita, tas-sentenzi kkontestati, FIAMM u Fedon jistgħu jifhmu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-illegalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet ma kinitx stabbilita, anki wara deċiżjoni tad-DSB.

83

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja xorta kellha tqis bħala insuffiċjenti l-motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati, ikun mixtieq li hija tikkonferma d-dispożittiv tagħhom filwaqt li tikkompleta din il-motivazzjoni.

84

Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk il-Ftehim WTO jistgħux jiġu invokati minn individwi li sofrew ħsara sabiex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, fil-każ fejn deċiżjoni tad-DSB tkun ikkonstatat in-nuqqas ta’ kumpatibbilità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-imsemmija ftehim u fejn it-terminu ta’ żmien raġonevoli mogħti sabiex tiġi konformi ma’ din id-deċiżjoni jiskadi, ġiet deċiża fin-negattiv mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C-377/02, Ġabra p. I-1465).

85

F’dan ir-rigward, kull distinzjoni bejn stħarriġ tal-legalità ta’ att Komunitarju għal skopijiet ta’ invalidazzjoni jew tali stħarriġ għal skopijiet ta’ kumpens ikun irrilevanti. Barra minn hekk, il-fatt li l-industrija milquta tiġi kkumpensata permezz ta’ miżuri ta’ sospensjoni konformi mal-Ftehim WTO taffettwa ħażin lill-bilanċ mill-ġdid tal-konċessjonijiet li jikkontribwixxu għalih dawn il-miżuri, u b’hekk lir-reċiproċità.

86

Ir-Renju ta’ Spanja huwa wkoll tal-fehma li s-sentenzi kkontestati jissodisfaw l-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, fil-punti 100 tas-sentenza FIAMM u 93 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza semmiet it-teżi ta’ FIAMM u ta’ Fedon dwar l-effett dirett ta’ deċiżjoni tad-DSB, u fil-punti 116 sa 150 tas-sentenza FIAMM kif ukoll 109 sa 143 tas-sentenza Fedon, hija rrifjutat lil din it-teżi billi evalwat il-kwistjoni jekk l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni tagħtix kompetenza lill-qorti Komunitarja sabiex tistħarreġ il-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tar-regoli tad-WTO.

87

Barra min hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta kkonkludiet li f’dan il-każ kien impossibbli li jsir tali stħarriġ. B’mod partikolari, ir-riskju għall-Komunità li tkun esposta għal proċeduri ta’ responsabbiltà jkun kapaċi li jdgħajjef il-pożizzjoni tagħha u jwassalha sabiex ma tikkunsidrax il-possibbiltà li tuża l-metodi kollha tal-proċess ta’ soluzzjoni tat-tilwim, inkluża b’mod partikolari l-adozzjoni eventwali ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni mill-parti avversarja u r-riċerka ulterjuri ta’ soluzzjoni.

88

Barra minn hekk, ġuridikament, xejn ma jippermetti li ssir distinzjoni skont jekk l-istħarriġ tal-legalità tal-azzjoni Komunitarja jsirx għal skopijiet ta’ annullament jew għal skopijiet ta’ kumpens, peress li l-kriterji ta’ tali stħarriġ ma jinbidlux u b’mod partikolari ma jistgħux jiddependu mill-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ ħsara, jew mill-mument meta l-ħsara msemmija tkun allegata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89

Preliminarjament, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 20 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi osservat li għalkemm l-ewwel aggravju tal-appel huwa intiż, skont it-titolu tiegħu, sabiex iqajjem nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati, l-evalwazzjoni tal-kontenut tar-rikorsi turi li dawn fihom ukoll ilmenti fuq il-mertu fejn hemm is-soluzzjoni mogħtija mis-sentenzi msemmija, fuq liema lmenti wara kollox ġie bbażat l-essenzjal tal-kwistjoni eżistenti bejn il-partijiet kemm matul il-proċedura bil-miktub kif ukoll waqt is-seduta. Sabiex tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel aggravju, hemm ukoll il-lok li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ partijiet li jikkostitwixxu tali aggravju, fejn l-ewwel wieħed jirrigwarda nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati, u t-tieni wieħed jirrigwarda żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li għalihom ir-responsabbiltà tal-Komunità tista’ teżisti minħabba l-aġir illegali tal-organi tagħha.

Fuq l-ewwel parti tal-aggravju

90

Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza hijiex kontradittorja jew insuffiċjenti tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, C-404/04 P, punt 90).

91

Madankollu, f’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi mfakkar li hekk kif osservat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, l-obbligu tal-Qorti tal-Prim’Istanza li timmotiva s-sentenzi tagħha ma jistax jiġi interpretat bħala li jimplika li din kienet marbuta li twieġeb fid-dettall għal kull argument invokat minn rikorrent, b’mod partikolari jekk dan l-argument ma jkunx ta’ natura suffiċjentment ċara u preċiża (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I-1611, punt 121; tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-197/99 P, Ġabra p. I-8461, punt 81, u Technische Glaswerke Ilmenau vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 90).

92

Issa, l-evalwazzjoni tat-talbiet imressqa minn FIAMM u Fedon quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza turi, qabel kollox, li l-asserzjoni dwar eventwali effett dirett tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 bl-ebda mod ma tidher fit-taqsima ta’ dawn it-talbiet intiżi sabiex jistabbilixxu l-eżistenza jew l-invokabbiltà ta’ ksur tal-Ftehim WTO mill-Komunità. Fil-fatt, din l-asserzjoni tinsab f’taqsima ta’ talbiet intiżi sabiex juru li r-regoli tad-dritt ta’ livell superjuri li huwa allegat il-ksur tagħhom, b’mod partikolari fosthom il-prinċipju pacta sunt servanda, u l-Ftehim WTO, huma “intiżi sabiex jipproteġu lill-individwi”, u b’hekk, f’dan ir-rigward tkun sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom il-ġurisprudenza tissuġġetta l-possibbiltà ta’ responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir illegali tal-organi tagħha.

93

Sussegwemtement, mill-perspettiva deskritta iktar ’il fuq, din l-asserzjoni ġiet ifformulata biss b’mod aktar sussidjarju, fejn FIAMM u Fedon osservaw sempliċment li għalkemm l-effett dirett u l-karattru ta’ regola li tipproteġi lill-individwi derivanti minnhom ma kellhomx jiġu rrikonoxxuti lill-Ftehim WTO, dawn kellhom jiġu rrikonoxxuti f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet tad-DSB.

94

Fl-aħħar nett, l-imsemmija asserzjoni li, fir-rigward ta’ FIAMM, tinsab f’żewġ punti minn rikors kompost minn 177 punt, u, fir-rigward ta’ Fedon, tinsab f’nota f’qiegħ il-paġna, kemm fl-imsemmija rikorsi, kif ukoll, wara kollox, fir-repliki ulterjorment ippreżentati minn FIAMM u minn Fedon, ma hija s-suġġett tal-ebda żvilupp partikolari u lanqas ma hija akkumpanjata minn argumentazzjoni speċifika li hija intiża sabiex issaħħaħa.

95

Minn dak li ntqal jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu FIAMM u Fedon fl-iżviluppi speċifiċi ħafna li jiddedikaw lil din il-kwistjoni fil-kuntest tal-appelli tagħhom, moħbija taħt talba sabiex tiġi mistħarrġa l-motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati, fir-rikorsi tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huma bl-ebda mod ma esponew bil-mod ċar u bil-preċiżjoni li kienu meħtieġa, li l-effett dirett eventwali marbut mad-deċiżjonijiet tad-DSB jiġġustifika li l-ksur tagħhom ikun iddedikat, bħala t-tielet eċċezzjoni ġdida, għall-prinċipju tan-non-invokabbilità tal-Ftehim WTO għal finijiet ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti Komunitarji derivati. Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mir-rikors ta’ Fedon u mir-replika ta’ FIAMM, dawn ir-rikorrenti rrikorrew espressament għal waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet tradizzjonalment ammessi għal dan in-nuqqas ta’ invokabbiltà, billi osservaw li l-Komunità kienet indikat li hija kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari li assumiet fil-kuntest tal-GATT.

96

Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-Qorti tal-Ġustizzja li tipprovdi osservazzjonijiet li jsegwu, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha mogħtija mill-partijiet fil-kawża u li l-motivazzjoni tista’ b’hekk tkun impliċita bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet interessati li jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ma laqgħatx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja li jkollha elementi biżżejjed sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 372, u tal-25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il-Kummissjoni, C-167/06 P, punt 22).

97

Issa, jirriżulta qabel kollox mill-punti 108 tas-sentenza FIAMM u 101 tas-sentenza Fedon li f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha l-intenzjoni li tiddeċiedi l-kwistjoni jekk il-Ftehim WTO, inkluż id-DSU u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tad-DSB, jagħtux lill-individwi d-dritt li jinvokawhom fil-qorti sabiex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja “f’sitwazzjoni fejn id-DSB ikun iddikjara li kemm din il-leġiżlazzjoni kif ukoll il-leġiżlazzjoni adotatta sussegwentament mill-Komunità, b’mod partikolari bil-għan li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO konċernati, kienu inkompatibbli ma’ dawn l-istess regoli”.

98

Wara, kien b’referenza wkoll għall-“Ftehim WTO” hekk definiti, li l-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat, fil-punti 110 sa 112 tas-sentenza FIAMM u 103 sa 105 tas-sentenza Fedon li, skont ġurisprudenza kostanti, u għall-motivi li fakkret, l-imsemmija ftehim ma jidhrux, bħala prinċipju, fost in-normi li fir-rigward tagħhom il-qorti Komunitarja tistħarreġ il-legalità tal-azzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

99

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li s-sentenzi kkontestati effettivament jiddedikaw żviluppi importanti lill-portata ġuridika li tista’ tkun marbuta ma’ deċiżjoni tad-DSB, u b’mod partikolari fil-każ fejn iż-żmien mogħti għall-implementazzjoni ta’ din id-deċiżjoni jkun skada.

100

Għalkemm l-iżviluppi msemmija jidhru, ċertament, f’partijiet mis-sentenzi kkontestati li fihom il-Qorti tal-Prim’Istanza tevalwa jekk waħda miż-żewġ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-invokabbiltà tal-Ftehim WTO min-naħa tal-individwi tradizzjonalment ammessi mill-ġurisprudenza tapplikax f’dan il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’din l-okkażjoni jwieġbu b’mod impliċitu, iżda madankollu ċert, lill-argumenti konkreti li l-appelli jilmentaw li hija ma kkunsidratx.

101

Għaldaqstant, jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 129 sa 131 tas-sentenza FIAMM u 122 sa 124 tas-sentenza Fedon, li l-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, fl-aħħar ta’ evalwazzjoni ddedikata għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-DSU, li l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Komunità sabiex tikkonforma s-sistema tagħha ta’ importazzjoni tal-banana mad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 ma kienx wassal għall-eżawriment tal-metodi għas-soluzzjoni tat-tilwim offruti mid-DSU. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza indikat f’dan ir-rigward li stħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet konvenuti jista’ jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tan-negozjaturi Komunitarji fit-tfittxija għal soluzzjoni tat-tilwima aċċettabbli għall-partijiet kollha u konformi mar-regoli tad-WTO u, jekk ikun il-każ, li jċaħħad lill-organi leġiżlattivi jew eżekuttivi ta’ parti kontraenti mill-possibbiltà, ipprovduta b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tad-DSU, li ssib soluzzjoni nnegozjata, anki jekk fuq bażi temporanja.

102

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-punti 132 tas-sentenza FIAMM u 125 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet l-evalwazzjoni tagħha f’dan ir-rigward billi qieset li, għaldaqstant, kien żbaljat li r-rikorrenti ddeduċew obbligu mill-Artikoli 21 u 22 tad-DSU li jorbot lill-membru tad-WTO li jikkonforma ruħu, fi żmien speċifikat, mar-rakkomandazzjonijiet u mad-deċiżjonijiet tal-organi tad-WTO, kif ukoll meta jsostnu li d-deċiżjonijiet tad-DSB huma eżekuttivi fin-nuqqas ta’ oppożizzjoni unanima mill-partijiet kontraenti.

103

Issa, meta ddeċidiet b’dan il-mod, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet deċiżjoni, għall-inqas b’mod impliċitu, fuq l-asserzjoni tar-rikorrenti li tgħid li għandu jiġi rrikonoxxut effett dirett lil tali rakkomandazzjonijiet jew lil tali deċiżjonijiet meta jiskadi t-terminu mogħti għall-implementazzjoni tagħhom.

104

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-motivazzjoni tas-sentenzi kkontestati twieġeb biżżejjed għall-argumentazzjoni żviluppata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li hija tippermetti b’mod partikolari lill-Qorti tal-Ġustizzja li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, u b’hekk l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi ddikjarata bħala mhux fondata.

Fuq it-tieni parti tal-aggravju

105

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, li tirrigwarda żball ta’ liġi dwar il-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà tal-fatt ta’ aġir illegali tal-Komunità jista’ jitqiegħed indiskussjoni, għandu jiġi ppreċiżat is-segwenti.

106

Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jirriżulta li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għall-kumpens għad-dannu subit jiddependu mill-fatt illi jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha, jiġifieri l-illegalità tal-imġieba li hija akkużata biha l-istituzzjoni, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġieba tal-istituzzjoni u d-dannu allegat (ara, b’mod partikolari, sentenzi tad-29 ta’ Settembru 1982, Oleifici Mediterranei vs KEE, 26/81, Ġabra p. 3057, punt 16, u tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C-146/91, Ġabra p. I-4199, punt 19).

107

F’dan il-każ, ir-rikorrenti essenzjalment osservaw, insostenn tat-talba tagħhom għall-kumpens quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-istituzzjonijiet Komunitarji adottaw aġir illegali, u għaldaqstant dannuż, meta naqsu milli jagħmlu l-liġi Komunitarja konformi mal-Ftehim WTO fit-terminu raġonevoli mogħti għal dan l-iskop lill-Komunità wara li n-nuqqas ta’ kompatibbilità ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-ftehim imsemmija ġie kkonstatat minn deċiżjoni tad-DSB.

108

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-effetti, fil-Komunità, tad-dispożizzjonijiet ta’ ftehim konkluż minnha ma’ Stati terzi ma jistgħux jiġu ddeterminati billi tiġi injorata l-oriġini internazzjonali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Skont il-prinċipji tad-dritt internazzjonali, l-istituzzjonijiet Komunitarji li huma kompetenti sabiex jinnegozjaw u jikkonkludu tali ftehim huma liberi li jiftehmu mal-Istati terzi kkonċernati dwar l-effetti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandu jkollhom fis-sistema legali interna tal-partijiet kontraenti. Fin-nuqqas li din il-kwistjoni tiġi espressament irregolata fl-imsemmi ftehim, huma l-qrati kompetenti, u b’mod partikolari l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha skont it-Trattat KE, li għandhom jiddeċiedu dwarha bl-istess mod bħal ma jiddeċiedu dwar kull kwistjoni oħra ta’ interpretazzjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ ftehim fil-Komunità (ara, b’mod partikolari, sentenzi tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg, 104/81, Ġabra p. 3641, punt 17, u Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34), b’mod partikolari billi jibbażaw ruħhom fuq l-ispirtu, l-iskema ġenerali jew it-termini ta’ dan il-ftehim (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 110).

109

Huwa b’dan il-mod li, b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistabbilixxi, partikolarment billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji msemmija iktar ’il fuq, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ ftehim internazzjonali jagħtux lill-individwi suġġetti għad-dritt Komunitarju d-dritt li jinvokawhom fil-qorti sabiex jikkontestaw il-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja (ara, fir-rigward tal-GATT tal-1947, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et, 21/72 sa 24/72, Ġabra p. 1219, punt 19).

110

F’dan ir-rigward, jirriżulta b’mod partikolari mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tqis li tista’ teżamina l-validità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fid-dawl ta’ trattat internazzjonali fil-każ biss li n-natura u l-istruttura ta’ dan tal-aħħar ma jipprekludux tali eżami u meta, barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jidhru, mill-aspett tal-kontenut tagħhom, li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Ġunju 2008, Intertanko et, C-308/06, Ġabra p. I-4057, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-Ftehim WTO, hija ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-ftehim tad-WTO ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli fid-dawl ta’ liema l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Portugall vs Il-Kunsill, punt 47, Biret International vs Il-Kunsill, punt 52, u Van Parys, punt 39).

112

Huwa biss fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku meħud fil-kuntest tad-WTO jew fil-każ fejn l-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tad-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Biret International vs Il-Kunsill, punt 53, kif ukoll Van Parys, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-banana, hekk kif stabbilita mir-Regolament Nru 404/93 u wara emendata, mhijiex intiża sabiex tiżgura l-eżekuzzjoni fis-sistema legali Komunitarja ta’ obbligu partikolari assunt fil-kuntest tal-GATT u lanqas ma tirreferi espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tiegħu (Digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitat iktar ’il fuq, punt 28).

114

B’mod partikolari, fir-rigward tar-Regolament Nru 1637/98 u tar-regolamenti meħuda għall-applikazzjoni tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 52 tas-sentenza tagħha Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, li dawn ma jirreferux espressament għal dispożizzjonijiet preċiżi tal-Ftehim WTO.

115

F’din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li bl-impenn meħud mill-Komunità wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-WTO u, b’mod partikolari, mal-Artikoli I(1) u XIII tal-GATT tal-1994, il-Komunità ma kellhiex l-intenzjoni li tassumi obbligu partikolari fil-kuntest tad-WTO, li jista’ jiġġustifika eċċezzjoni għall-impossibbiltà li r-regoli tad-WTO jkunu invokati quddiem il-qorti Komunitarja u li jippermetti lil din tal-aħħar teżamina l-legalità tar-Regolament Nru 1637/98 u tar-regolamenti adottati għall-applikazzjoni tiegħu, fir-rigward ta’ dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, punti 41 u 52).

116

Għandu jiġi mfakkar li l-element determinanti dwar is-suġġett huwa kkostitwit mill-fatt li s-soluzzjoni tat-tilwim dwar il-liġi tad-WTO huwa parzjalment ibbażat fuq negozjati bejn il-partijiet kontraenti. L-irtirar ta’ miżuri illegali jikkostitwixxi ċertament is-soluzzjoni ssuġġerita minn dan id-dritt, iżda dan jawtorizza wkoll l-implementazzjoni ta’ soluzzjonijiet oħra (sentenza Omega Air et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).

117

Għaldaqstant, fil-punt 51 tas-sentenza tagħha Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskadenza tat-terminu mogħti mid-DSB sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tad-deċiżjoni tiegħu tal-25 ta’ Settembru 1997 ma timplikax li l-Komunità eżawriet il-possibbilitajiet kollha previsti mid-DSU sabiex tinstab soluzzjoni għat-tilwima bejnha u l-partijiet l-oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk il-qorti Komunitarja tkun obbligata, minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu biss, tistħarreġ il-legalità tal-miżuri Komunitarji kkonċernati fid-dawl tar-regoli tad-WTO, dan jista’ jkollu l-effett li jdgħajjef il-pożizzjoni tal-Komunità fit-tentattiv ta’ soluzzjoni tat-tilwima li hija aċċettabbli għat-tnejn u konformi ma l-imsemmija regoli.

118

B’referenza b’mod partikolari għall-memorandum ta’ ftehim konkluż mal-Istati Uniti tal-Amerika fil-11 ta’ April 2001, Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat partikolarment li tali riżultat, li bih il-Komunità pprovat tirrikonċilja l-impenji tagħha taħt il-Ftehim WTO ma’ dawk li għandha mal-Istati AKP kif ukoll mal-eżiġenzi inerenti fl-implementazzjoni tal-Politika Agrikola Komuni, seta’ jiġi kompromess mill-possibbiltà mogħtija lill-qorti Komunitarja li tistħarreġ il-legalità tal-miżuri Komunitarji inkwistjoni fid-dawl tar-regoli tad-WTO fl-iskadenza tat-terminu raġonevoli mogħti mid-DSB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, punti 49 u 50).

119

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll li l-fatt li jiġi ammess li r-responsabbiltà li tikkonsisti fl-assigurazzjoni tal-konformità tad-dritt Komunitarju mar-regoli tad-WTO taqa’ direttament fuq il-qorti Komunitarja, twassal sabiex il-korpi leġiżlattivi jew eżekuttivi tal-Komunità jkunu mċaħħda mill-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnhom il-korpi simili tal-kontroparti kummerċjali tal-Komunità. Huwa paċifiku li xi wħud mill-partijiet kontraenti, fosthom il-kontropartijiet l-iktar importanti tal-Komunità fuq il-livell kummerċjali, ikkonkludew speċifikatament, fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-Ftehim WTO, li dawn mhumiex parti mir-regoli li fid-dawl tagħhom il-korpi ġudizzjarji tagħhom jistħarrġu l-legalità tar-regoli tagħhom ta’ dritt nazzjonali. Tali nuqqas ta’ reċiproċità, jekk jiġi rikonoxxut, għandu mnejn iwassal għal żbilanċ fl-applikazzjoni tar-regoli tad-WTO (sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

120

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, m’hemmx lok għalfejn issir distinzjoni f’dan ir-rigward skont jekk l-istħarriġ tal-legalità tal-att Komunitarju għandux isir fil-kuntest ta’ kawża għall-annullament jew għall-finijiet li tingħata deċiżjoni dwar rikors għad-danni (ara f’dan is-sens, rigward il-perijodu qabel l-iskadenza tat-terminu raġonevoli mogħti sabiex tiġi implementata deċiżjoni tad-DSB, is-sentenza Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).

121

Fil-fatt, min-naħa waħda, u hekk kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, l-aspett tal-kawżi għad-danni huwa kapaċi li jostakola l-eżerċizzju tas-setgħa leġiżlattiva kull darba li jkun il-każ li jittieħdu miżuri regolatorji, fl-interess ġenerali li jkunu jistgħu jiksru l-interessi tal-individwi (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1978, Bayerische HNL Vermehrungsbetriebe et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, 83/76 u 94/76, 4/77, 15/77 u 40/77, Ġabra p. 1209, punt 5, u tal-5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I-1029, punt 45).

122

Min-naħa l-oħra, kull konstatazzjoni ta’ illegalità ta’ att Komunitarju mogħtija mill-qorti Komunitarja, anki meta ma tingħatax abbażi tal-kompetenza ta’ annullament li din il-qorti għandha skont l-Artikolu 230 KE, hija kapaċi li jkollha konsegwenzi fuq l-attitudni li għandha tadotta l-istituzzjoni li tkun ħolqot l-att inkwistjoni.

123

Huwa partikolarment b’dan il-mod li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-invalidità ta’ att adottat minn awtorità Komunitarja, fil-kuntest ta’ proċedura abbażi tal-Artikolu 234 KE, id-deċiżjoni tagħha jkollha bħala konsegwenza legali li timponi lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Komunità li jadottaw miżuri meħtieġa sabiex jirrimidjaw l-illegalità kkonstatata, filwaqt li b’analoġija, l-obbligu stabbilit fl-Artikolu 233 KE f’każ ta’ sentenza ta’ annullament tapplika bl-istess mod (ara, b’mod partikolari, id-digriet tat-8 ta’ Novembru 2007, Fratelli Martini u Cargill, C-421/06, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

124

Issa, xejn ma jippermetti, a priori, li jitqies li l-affarijiet għandhom isiru b’mod differenti fil-preżenza ta’ sentenza li, mogħtija fil-kuntest ta’ kawża għal kumpens, tikkonstata l-illegalità ta’ att jew ta’ ommissjoni Komunitarja. Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, kull konstatazzjoni ta’ illegalità magħmula mill-qorti Komunitarja, anki jekk issir fil-kwadru ta’ kawża għal kumpens, tibbenifika mill-awtorità tar-res judicata u għaldaqstant tobbliga lill-istituzzjoni kkonċernata tadotta l-miżuri neċessarji sabiex tagħti rimedju għall-illegalità kkonstatata.

125

Fir-rigward tad-distinzjoni li r-rikorrenti jgħidu teżisti bejn l-“effett dirett” tar-regoli tad-WTO li jimponu obbligi ta’ ordni materjali u l-“effett dirett” ta’ deċiżjoni tad-DSB, billi jallegaw li għandu jkun mistenni li l-individwi jiksbu stħarriġ mingħand il-qorti Komunitarja tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tad-deċiżjoni tad-DSB bħala tali, fin-nuqqas tal-possibbiltà li tali stħarriġ jista’ jseħħ fir-rigward tar-regoli tad-WTO li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat mid-deċiżjoni msemmija, għandu jiġi enfasizzat dan li ġej.

126

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma waslitx sabiex tieħu deċiżjoni espressa dwar tali distinzjoni, madankollu, mill-ġurisprudenza tagħha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta neċessarjament li dan m’għandux isir.

127

Fil-fatt, meta ddeċidiet li r-regoli tad-WTO, li l-ksur tagħhom ġie kkonstatat minn deċiżjoni tad-DSB, ma setgħux, minkejja li jkun skada t-terminu previst sabiex tiġi eżegwita din id-deċiżjoni, jiġu invokati quddiem il-qorti Komunitarja għall-finijiet li jinkiseb mingħandha stħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tar-regoli msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja neċessarjament eskludiet li tali stħarriġ jista’ jsir fir-rigward tad-deċiżjoni tad-DSB stess.

128

Deċiżjoni tad-DSB, li m’għandha l-ebda skop ieħor ħlief li tiddeċiedi dwar il-konformità tal-aġir ta’ Membru tad-WTO mal-obbligi miftehma f’dan il-kuntest minn dan il-Membru, essenzjalment ma tistax tkun fundamentalment distinta mir-regoli materjali li jistabbilixxu tali obbligi u li fir-rigward tagħhom topera tali stħarriġ, għall-inqas meta jkollu jiġi stabbilit jekk ksur tal-imsemmija regoli jew deċiżjoni jistax jew le jiġi invokat quddiem il-qorti Komunitarja għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

129

Bl-istess mod bħar-regoli materjali li jifformaw il-Ftehim WTO, rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli mhijiex, irrispettivament mill-portata legali preċiża marbuta ma’ tali rakkomandazzjoni jew deċiżjoni, ta’ natura li tagħti d-dritt lill-individwi li jinvokawha quddiem il-qorti Komunitarja għall-finijiet li jsir stħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

130

Fil-fatt, min-naħa waħda, u hekk kif jirriżulta mill-punti 113 sa 124 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura tal-Ftehim WTO kif ukoll mar-reċiproċità u l-flessibbiltà li jikkaratterizzawh, jibqgħu preżenti meta tiġi adottata tali deċiżjoni jew rakkomandazzjoni u ladarba jiskadi t-terminu raġonevoli mogħti għall-implementazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-istituzzjonijiet Komunitarji jżommu setgħa diskrezzjonali u ta’ negozjati fil-konfront tal-imsieħba kummerċjali tagħhom bil-għan li jiġu adottati miżuri intiżi sabiex jimplementaw dawn id-deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, u tali setgħa għandha tinżamm.

131

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2) tad-DSU, ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tad-DSB ma jistgħux iżidu jew inaqqsu d-drittijiet u l-obbligi stabbiliti fil-ftehim ikkonċernati. B’mod partikolari, isegwi li deċiżjoni tad-DSB li tikkonstata l-ksur ta’ tali obbligu ma jistax ikollha l-konsegwenza li tobbliga lil parti fil-Ftehim WTO li tagħti lill-individwi dritt li m’għandhomx bis-saħħa ta’ dawn il-ftehim, fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni.

132

Issa, f’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, dwar id-dispożizzjonijiet tal-GATT tal-1994, li l-ksur tagħhom, f’dan il-każ, ġie kkonstatat mid-DSB, li d-dispożizzjonijiet imsemmija mhumiex ta’ natura li joħolqu drittijiet għall-individwi li huma jkunu jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti bis-saħħa tad-dritt Komunitarju (ara, f’dan is-sens, id-digriet OGT Fruchthandelsgesellschaft, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 u 26).

133

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta ddeċidiet li minkejja l-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tiġi implementata deċiżjoni tad-DSB, il-qorti Komunitarja ma setgħetx, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tipproċedi għal stħarriġ tal-legalità tal-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji fir-rigward tar-regoli tad-WTO.

134

Għaldaqstant, peress li l-ewwel aggravju tal-appelli mhuwiex fondat fl-ebda waħda miż-żewġ partijiet tiegħu, dan għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju tal-appelli prinċipali, fuq l-appelli inċidentali u fuq id-domandi ta’ sostituzzjoni tal-motivi

L-argumenti tal-partijiet

135

Permezz tat-tieni aggravju, FIAMM u Fedon isostnu li, meta, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tat-talbiet tagħhom magħmula abbażi ta’ responsabbiltà assoluta tal-Komunità, iddeċidiet li d-dannu tagħhom ma kienx ta’ natura normali, il-Qorti tal-Prim’Istanza adottat raġunament illoġiku u kisret ċerti prinċipji legali stabbiliti.

136

B’mod partikolari, permezz tas-sentenzi kkontestati, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ħtieġa doppja li tgħid li sabiex dannu jiġi kkwalifikat bħala normali, dan għandu jkun, min-naħa waħda prevedibbli u, min-naħa l-oħra inerenti għall-attivitajiet tas-settur inkwistjoni.

137

Fil-fatt, skont FIAMM u Fedon, dannu kkawżat minn sanzjonijiet doganali adottati minn Stat terz fis-settur tal-akkumulaturi industrijali jew tal-kaxxi tan-nuċċalijiet minħabba kontroversja fis-settur tal-banana mhuwiex inerenti għall-ewwel żewġ setturi msemmija, hekk kif jixhed b’mod partikolari l-Artikolu 22(3)(a) tad-DSU. Tali dannu huwa ħafna inqas prevedibbli peress li għandu natura punittiva kbira u peress li m’għandux preċedent fl-istorja tal-GATT u tad-WTO kif ukoll fir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Istati Uniti tal-Amerika.

138

Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jgħid li peress li l-Artikolu 22(3) tad-DSU jawtorizza t-teħid ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni d-dannu mġarrab mhuwiex anormali, huwa mimli kontradizzjonijiet. Il-kunsiderazzjoni li dannu huwa normali għaliex huwa l-konsegwenza ta’ att awtorizzat mil-liġi applikabbli tfisser li tiġi miċħuda l-possibbiltà li dannu kkawżat minn att illegali jkun jista’ jwassal għar-responsabbiltà, kif wara kollox jistabbilixxu s-sentenzi kkontestati.

139

Il-Kunsill iqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta ddeċidiet li d-danni allegati jiffurmaw parti mir-riskji normali li esportatur għandu jassumi fl-istat attwali tal-organizzazzjoni tal-kummerċ dinji.

140

Madankollu jikkontesta ċerti motivi tas-sentenzi kkontestati u jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jew tissostitwixxi diversi motivi fuq dawn il-punti, jew inkella, billi tiddeċiedi fuq l-appelli inċidentali li qed iressaq f’dan ir-rigward, sabiex tannulla parzjalment is-sentenzi msemmija.

141

Fl-ewwel lok, peress li bil-kemm in-nofs tas-sistemi legali tal-Istati Membri jipprevedu l-possibbiltà, li barra minn hekk hija rregolata strettament, li jingħata kumpens għal dannu li jirriżulta minn ċerti atti legali tal-awtorità pubblika, il-Kunsill jikkontesta l-affermazzjoni li tinsab fil-punti 160 tas-sentenza FIAMM u 153 tas-sentenza Fedon, li tgħid li jeżisti prinċipju ġenerali komuni għall-Istati Membri li jippermetti li jwassal għar-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha.

142

Anki jekk jitqies li tali prinċipju jista’ jiġi stabbilit, f’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkunsidrat b’mod żbaljat li dan jista’ japplika f’każ bħal dan, b’mod partikolari peress li:

responsabbiltà minħabba ommissjoni normativa tmur kontra l-għażla libera inerenti għad-dritt ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni u s-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur, li tqiegħed indiskussjoni s-separazzjoni tas-setgħat u l-bilanċ istituzzjonali stabbiliti mit-Trattat;

in-nuqqas ta’ proporzjonalità bejn ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba att regolamentari illegali, suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna f’dak li jirrigwarda l-illegalità tal-aġir, u r-responsabbiltà minħabba ommissjoni regolamentari legali, li tkun ikkundizzjonata biss minn dannu speċjali u anormali, u, għaldaqstant, ikun eħfef li jsir, ma tkunx koerenti;

il-pożizzjoni adottata mill-Qorti tal-Prim’Istanza tmur kontra r-raġunament segwit minnha sabiex tiddikjara l-impossibbiltà li jiġu invokati r-regoli tad-WTO fil-kuntest ta’ rikors għal kumpens ibbażat fuq l-aġir illegali tal-Komunità, b’mod partikolari man-neċessità li l-organi Komunitarji ma jiġux imċaħħda mis-setgħa diskrezzjonali li jgawdu minnha l-organi tal-imsieħba kummerċjali tal-Komunità.

143

Fit-tieni lok, is-sentenzi kkontestati kkonkludew b’mod żbaljat li kien jeżisti dannu ċert, peress li FIAMM u Fedon ma pprovaw la l-eżistenza, la l-kobor, u lanqas l-ammont eżatt ta’ tali dannu.

144

Fit-tielet lok, u fir-rigward tar-rabta’ ta’ kawżalità, il-Qorti tal-Prim’Istanza injorat il-ħtieġa skont liema d-dannu għandu jirriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-aġir tal-istituzzjoni kkonċernata. Fil-fatt, ma jeżisti l-ebda awtomatiżmu bejn id-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997 u l-istituzzjoni tat-taxxa doganali supplimentari inkwistjoni, peress li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ddeċidew b’mod diskrezzjonali dwar il-prinċipju tagħha, dwar il-prodotti milquta u dwar id-dazju impost, filwaqt li, b’mod partikolari, huma setgħu jaċċettaw il-kumpensi offerti mill-Komunità.

145

Il-Kummissjoni wkoll tqis li permezz tas-sentenzi kkontestati, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sew meta kkonkludiet li ma kienx hemm dannu anormali. B’mod partikolari, sabiex dannu jkun normali, mhuwiex meħtieġ li r-riskju li jseħħ ikun inerenti għas-settur ta’ attività tal-operatur. L-implikazzjoni fil-kummerċ internazzjonali timplika, ikun liema jkun is-suq ta’ prodotti kkunsidrati, ir-riskju li pajjiż importatur jadotta deċiżjonijiet li jinfluwenzaw l-iskambji għall-iktar raġunijiet differenti.

146

Filwaqt li tikkonkludi b’dan il-mod għar-rifjut tat-tieni aggravju tal-appelli, il-Kummissjoni madankollu tqis, bħal ma jagħmel il-Kunsill, li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet diversi żbalji ta’ dritt f’dak li jirrigwarda l-problema dwar ir-responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali tal-organi tagħha. Peress li madankollu d-dispożittiv tas-sentenzi kkontestati huwa fondat, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tipproċedi għal diversi sostituzzjonijiet ta’ motivi f’dan ir-rigward.

147

Fl-ewwel lok, u fir-rigward tal-affermazzjoni dwar l-eżistenza stess tal-prinċipju ta’ tali responsabbiltà, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx, skont il-Kummissjoni, tipproċedi għal innovazzjoni daqstant kunsiderevoli billi tikkuntenta ruħha mill-motivazzjoni vaga li jagħtu l-punti 159 tas-sentenza FIAMM u 152 tas-sentenza Fedon.

148

Fil-fatt, dan il-prinċipju qatt ma ġie rrikonoxxut mill-ġurisprudenza, li rriżervat sistematikament din il-kwistjoni billi llimitat ruħha f’dan ir-rigward sabiex tifformula kwadru ta’ referenza purament eventwali mingħajr bl-ebda mod ma stabbilixxiet il-kundizzjonijiet, l-oqsma u l-każijiet li fihom din ir-responsabbiltà tista’ teżisti jekk ikun il-każ.

149

Barra minn hekk, meta fil-punti 160 tas-sentenza FIAMM u 153 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħabbret il-kundizzjonijiet li hija suġġetta għalihom tali responsabbiltà, hija ddeċidiet b’mod impliċitu iżda ċar li l-imsemmi prinċipju ta’ responsabbiltà japplika fit-tip ta’ każ kopert minn din il-kawża, madankollu mingħajr ma vverifikat jekk tali kundizzjoni hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-prinċipji komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri.

150

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx l-evalwazzjoni tagħha fuq il-każ ta’ responsabbiltà tas-setgħat pubbliċi li jirriżultaw mill-attività leġiżlattiva, u bil-kontra għamlet riferiment, fil-punti 159 tas-sentenza FIAMM u 152 tas-sentenza Fedon, bl-iktar mod ġenerali, għall-possibbiltà li jingħata kumpens min-naħa tal-awtur ta’ dannu fin-nuqqas ta’ responsabbiltà min-naħa tiegħu.

151

Issa, l-evalwazzjoni tal-25 sistema legali tal-Istati Membri tindika li, differentement mill-każ bħall-esproprjazzjoni għal skopijiet pubbliċi jew il-kumpens mill-Istat għal danni kkawżati mill-attività perikoluża tiegħu jew minħabba relazzjoni partikolari li torbtu mal-vittma, li f’dan il-każ mhumiex rilevanti, kull obbligu ta’ kumpens minħabba att ta’ Stat legali li jinvolvi setgħa diskrezzjonali kbira, pereżempju minħabba kunsiderazzjonijiet ta’ solidarjetà u ta’ ekwità, huwa b’mod partikolari ineżistenti fil-liġijiet ta’ numru kbir ta’ Stati Membri. Għalkemm din it-tip ta’ responsabbiltà teżisti, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, fis-sistemi legali ta’ ċerti Stati Membri oħra, ġeneralment din hija limitata biss għall-atti amministrattivi, bl-eċċezzjoni notevoli tal-liġi Franċiża li kjarament tammetti biss din it-tip ta’ responsabbiltà fil-preżenza ta’ attività leġiżlattiva, kemm-il darba d-dannu jkun anormali, speċjali, gravi u dirett, li l-leġiżlatur ma jsegwix interessi ġenerali u li ma jkunx eskluda l-prinċipju ta’ kumpens.

152

Barra minn hekk, il-prinċipju li jinsab fil-liġi Franċiża ma jistax jiġi traspost fis-sistema legali Komunitarja. Fil-fatt, filwaqt li l-bażi ta’ dan il-prinċipju tinsab fil-fatt li, fi Franza, huwa eskluż stħarriġ ġudizzjarju tal-kostituzzjonalità tal-liġijiet mill-Kunsill tal-Istat, min-naħa tagħha, is-sistema legali Komunitarja tipprevedi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-leġiżlatur relatati mat-Trattat u mal-prinċipji fundamentali, kif ukoll possibbiltà ta’ tqegħid indiskussjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità f’każ ta’ ksur ta’ dawn ir-regoli superjuri.

153

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tqis li, b’mod partikolari, meta fis-sentenzi kkontestati kkonkludiet li kienet teżisti ħsara reali u ċerta, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat l-argumentazzjoni tagħha, naqset milli tivverifika b’mod konkret in-natura reali u ċerta tal-ħsara u kisret il-prinċipji dwar l-oneru tal-prova.

154

Fit-tielet lok, għal raġunijiet simili għal dawk esposti mill-Kunsill, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fil-kwalifika ġuridika tal-fatti meta kkonkludiet li l-kundizzjoni relatata ma’ rabta ta’ kawżalità kienet sodisfatta f’dan il-każ.

155

Ir-Renju ta’ Spanja wkoll jitlob sabiex it-tieni aggravju tal-appelli jiġi miċħud. Il-fatt li jiġu imposti miżuri ta’ ritaljazzjoni fil-kuntest tad-WTO, inkluż f’setturi oħra differenti minn dawk li jirrigwardaw lil din il-kwistjoni, mhuwiex imprevist jew eċċezzjonali, hekk kif jidher mill-prattika.

156

Barra minn hekk, permezz tal-appell inċidentali li jressaq fil-kawża C-120/06 P u fl-osservazzjonijiet tal-intervenzjoni tiegħu fil-kawża C-121/06 P, ir-Renju ta’ Spanja jitlob l-annullament tas-sentenzi kkontestati safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d-dritt Komunitarju kien jipprovdi, bħala prinċipju ġenerali komuni għall-Istati Membri, sistema ta’ responsabbiltà minħabba att illegali. Apparti dan, billi kkonferixxiet portata daqstant kbira lil dan il-prinċipju hekk kif jirriżulta mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 160 tas-sentenza FIAMM u 153 tas-sentenza Fedon, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikser il-konstatazzjoni li għamlet hija stess fil-punti 159 tas-sentenza FIAMM u 152 tas-sentenza Fedon.

157

Barra minn hekk, il-fatt li tiġi ammessa l-possibbiltà ta’ responsabbiltà tal-Komunità minħabba ommissjoni normativa, filwaqt li l-ebda regola li tobbliga lill-Komunità li taġixxi ma tista’ tiġi invokata mill-persuna milquta, jista’ jikser il-prinċipju ta’ reċiproċità li l-Qorti tal-Prim’Istanza esponiet sabiex tiċħad il-possibbiltà ta’ responsabbiltà għal aġir illegali.

158

Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet tal-intervent tar-Renju ta’ Spanja, Fedon tosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha raġun meta qieset li prinċipju ta’ responsabbiltà minħabba l-aġir illegali tal-organi Komunitarji ġie stabbilit u delimitat minn ġurisprudenza kostanti, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.

159

Bil-għan li jiggarantixxi l-prinċipju fundamentali tal-Istat tad-dritt li tipproteġi lill-individwi u, b’mod partikolari, id-drittijiet ta’ proprjetà u ta’ inizjattiva ekonomika tagħhom, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE għandu, fid-dawl tal-orjentazzjoni liberali tas-sistema legali Komunitarja, jiġi interpretat b’mod li jiffavorixxi l-iktar prinċipji liberali li jikkaratterizzaw is-sistemi legali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, f’Unjoni komposta minn 25 Stat Membru, din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni flessibbli, għax inkella ma tkunx applikabbli. F’dan il-każ, lanqas m’għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sistemi legali tal-Istati Membri l-ġodda, peress li t-tkabbir korrispondenti seħħ wara l-fatti tal-każ.

160

L-ilment tar-Renju ta’ Spanja, li b’mod partikolari jirrigwarda l-fatt li l-aġir ilmentat jikkonsisti f’ommissjoni, huwa inammissibbli peress li ma ġiex imqajjem fl-ewwel istanza. F’kull każ, ir-responsabbiltà tal-Komunità tista’ tapplika kemm minħabba ommissjonijiet kif ukoll mill-atti tal-istituzzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

161

Permezz tal-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom, il-Kunsill talab b’mod partikolari għall-annullament tas-sentenzi FIAMM u Fedon u r-Renju ta’ Spanja talab għall-annullament tas-sentenza FIAMM, minħabba li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ dritt meta stabbiliet prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Komunità fin-nuqqas ta’ aġir illegali dovut għall-organi tagħha jew, f’kull każ, meta qieset li tali prinċipju japplika fil-preżenza ta’ aġir bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ. Mingħajr ma ressqet appell inċidentali, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tħalli d-dispożittiv tas-sentenzi kkontestati iżda sabiex tissostitwixxi l-motivi għal dawn l-istess raġunijiet.

162

Peress li l-ilmenti hekk ifformulati jikkontestaw l-eżistenza jew l-applikabbilità stess tas-sistema ta’ responsabbiltà li applikaw is-sentenzi kkontestati, f’dan il-każ dawn għandhom jiġu evalwati qabel.

163

Fil-fatt, għandu jiġi osservat li, jekk l-iżball ta’ liġi invokat jiġi stabbilit, ma jkunx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni aggravju tal-appelli prinċipali dwar il-karattru anormali tad-dannu mġarrab u lanqas fuq iż-żewġ aggravji l-oħra tal-appelli inċidentali li jirrigwardaw, wieħed in-nuqqas ta’ natura ċerta tad-dannu, u l-ieħor in-nuqqas ta’ rabta ta’ kawżalità, peress li, fin-nuqqas ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet, is-sistema ta’ responsabbiltà li magħha huma relatati ma tkunx tista’ teżisti jew tiġi applikata.

Fuq l-ewwel aggravju tal-appelli inċidentali u fuq id-domandi ta’ sostituzzjoni tal-motivi, ibbażati fuq l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà assoluta kif stabbilita mis-sentenzi kkontestati

164

Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza kostanti mfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza, jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità u l-implementazzjoni tad-dritt għal kumpens għad-dannu mġarrab jiddependu mill-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet dwar l-illegalità tal-aġir ilmentat tal-istituzzjonijiet, dwar ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn dan l-aġir u l-ħsara invokata.

165

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret kemm-il darba li r-responsabbiltà msemmija ma tistax titqies li teżisti mingħajr ma jkunu miġbura flimkien il-kundizzjonijiet kollha li jinsab suġġett għalihom l-obbligu tal-kumpens stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE (sentenza Oleifici Mediterranei vs KEE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

166

Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li meta ssib li l-ebda att jew ommissjoni allegata ta’ istituzzjoni ma għandha karattru illegali, għalkemm l-ewwel kundizzjoni li hija suġġetta għaliha r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE ma tkunx sodisfatta, il-qorti Komunitarja tista’ tiċħad ir-rikors kollu mingħajr ma jkun meħtieġ li tevalwa l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din ir-responsabbiltà, jiġifieri r-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn l-aġiri tal-istituzzjonijiet u l-ħsara invokata (ara, b’mod partikolari, is-sentenza KYDEP vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 80 u 81).

167

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE tistabbilixxi l-eżistenza tas-sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha u l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din is-sistema huma b’hekk ferm stabbiliti. Min-naħa l-oħra, dan ma jgħoddx għal dak li jirrigwarda sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fin-nuqqas ta’ tali aġir illegali.

168

Qabel kollox, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenzi kkontestati, mill-ġurisprudenza preċedenti għal dawn is-sentenzi ma jistax jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il-prinċipju ta’ tali sistema.

169

B’mod partikolari, hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 18 tas-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għaliha fil-punti 160 tas-sentenza FIAMM u 153 tas-sentenza Fedon, skont ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Ġustizzja s’issa dejjem illimitat ruħha sabiex tippreċiża xi wħud mill-kundizzjonijiet li fihom tista’ tapplika tali responsabbiltà fil-każ fejn il-prinċipju tar-responsabbiltà tal-Komunità minħabba att illegali jiġi rrikonoxxut fid-dritt Komunitarju (ara wkoll, f’termini analogi, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 1984, Biovilac vs KEE, 59/83, Ġabra p. 4057 punt 28). F’dan ir-rigward, huwa biss għalhekk li fil-punt 19 tas-sentenza Dorsch Consult vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li jekk tali responsabbiltà kellha tiġi rrikonoxxuta bħala prinċipju, din tkun tirrikjedi mill-inqas l-għaqda ta’ tliet kundizzjonijiet kumulattivi, ikkostitwiti mir-realtà tal-ħsara, l-eżistenza ta’ rabta ta’ kawżalità bejn il-ħsara u l-att ikkonċernat, kif ukoll il-karattru anormali u speċjali tal-ħsara.

170

Wara, fir-rigward tas-sistema ta’ responsabbiltà rrikonoxxuta fid-dritt Komunitarju, filwaqt li tfakkar li fir-rigward tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba danni kkawżati mill-istituzzjonijiet jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE jagħmel riferiment għall-prinċipji ġenerali komuni għal-liġijiet tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-prinċipju hekk espressament stabbilit, f’dan l-Artikolu 288, tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità jikkostitwixxi biss espressjoni tal-prinċipju ġenerali, rikonoxxut mis-sistemi legali tal-Istati Membri, li att jew ommissjoni illegali jimplikaw l-obbligu li jingħata kumpens għad-dannu kkaġunat (sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

171

Barra minn hekk, b’mod iktar speċifiku, fir-rigward tar-responsabbiltà minħabba l-attività leġiżlattiva, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat minn kmieni li, għalkemm il-prinċipji li, fis-sistemi legali tal-Istati Membri. jirregolaw ir-responsabbiltà tas-setgħat pubbliċi għall-ħsarat ikkawżati lill-individwi mill-atti leġiżlattivi, ivarjaw b’mod kunsiderevoli minn Stat Membru għall-ieħor, madankollu kien possibbli li jiġi osservat li l-atti leġiżlattivi li fihom kien hemm għażliet ta’ politika ekonomika kienu biss jinvolvu r-responsabbiltà tas-setgħat pubbliċi b’mod eċċezzjonali u f’ċirkustanzi partikolari (sentenza Bayerische HNL Vermehrungsbetriebe et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 5).

172

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, ir-responsabbiltà tal-Komunità minħabba att leġiżlattiv li jimplika għażliet ta’ politika ekonomika tista’ teżisti biss fil-każ ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola legali superjuri li tipproteġi lill-individwi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1972, Compagnie d’approvisionnement, de transport et de crédit et Grands Moulins de Paris vs Il-Kummissjoni, 9/71 u 11/71, Ġabra p. 391, punt 13; Bayerische HNL Vermehrungsbetriebe et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 4; tat-8 ta’ Diċembru 1987, Les Grands Moulins de Paris vs KEE, 50/86, Ġabra p. 4833, punt 8, u tas-6 ta’ Ġunju 1990, AERPO et vs Il-Kummissjoni, C-119/88, Ġabra p. I-2189, punt 18).

173

F’dan ir-rigward, hija enfasizzat ukoll li l-liġi li l-ksur tagħha kellu jiġi kkonstatat kellu jkollha l-iskop li tikkonferixxi drittijiet fuq l-individwi (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punti 41 u 42, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 47).

174

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li l-approċċ ristrett adottat fil-konfront tar-responsabbilità tal-Komunità fl-eżerċizzju tal-attivitajiet leġiżlattivi tagħha huwa dovut għall-kunsiderazzjoni li, minn naħa, l-eżerċizzju tal-funzjoni leġiżlattiva, anki fejn jeżisti stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti, m’għandux jiġi ostakolat mill-prospett ta’ kawżi għad-danni kull meta l-interess ġenerali tal-Komunità jitlob li jittieħdu miżuri leġiżlattivi li jistgħu jippreġudikaw l-interessi ta’ individwi, u li, min-naħa l-oħra, f’kuntest leġiżlattiv ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, li huwa indispensabbli għall-implementazzjoni ta’ politika Komunitarja, il-Komunità ma tistax tkun responsabbli ħlief meta l-istituzzjoni kkonċernata tkun marret lil hinn b’mod manifest u gravi mil-limiti imposti fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Brasserie du pêcheur u Factortame, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

175

Fl-aħħar nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm l-evalwazzjoni komparattiva tas-sistemi legali tal-Istati Membri ppermettiet lill-Qorti tal-Ġustizzja tasal minn kmieni għall-konstatazzjoni mfakkra fil-punt 170 ta’ din is-sentenza f’dak li jirrigwarda konverġenza ta’ dawn is-sistemi legali fl-istabbiliment ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà fil-preżenza ta’ att jew ommissjoni illegali tal-awtorità, anki ta’ natura leġiżlattiva, l-istess ħaġa ma tapplikax f’dak li jirrigwarda l-eżistenza eventwali ta’ prinċipju ta’ responsabbiltà f’każ ta’ att jew ommissjoni legali tal-awtorità pubblika, b’mod partikolari meta dawn ikunu ta’ natura leġiżlattiva.

176

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi konkluż li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma teżistix is-sistema ta’ responsabbiltà li tippermetti r-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir li jifforma parti mill-isfera ta’ kompetenza leġiżlattiva tagħha f’sitwazzjoni fejn l-eventwali non-konformità ta’ tali aġir mal-Ftehim WTO ma tistax tiġi invokata quddiem il-qorti Komunitarja.

177

Issa, għandu jiġi mfakkar li, f’dan il-każ, l-aġir li r-rikorrenti jallegaw li kkaġunalhom dannu jifforma parti mill-kuntest ta’ twaqqif ta’ organizzazzjoni komuni ta’ suq u li b’mod partikolari jaqa’ taħt l-isfera ta’ attività leġiżlattiva tal-leġiżlatur Komunitarju.

178

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-imsemmi aġir għandux jiġi evalwat bħala att pożittiv, jiġifieri l-adozzjoni tar-Regolamenti Nri 1637/98 u 2362/98 wara li ttieħdet id-deċiżjoni tad-DSB tal-25 ta’ Settembru 1997, jew bħala ommissjoni, jiġifieri l-fatt li ma ġewx adottati atti li huma xierqa sabiex tiġi żgurata eżekuzzjoni korretta ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, l-astensjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji tista’ wkoll taqa’ taħt il-funzjoni leġiżlattiva tal-Komunità, b’mod partikolari fil-kuntest tal-kawża għar-responsabbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Les Grands Moulins de Paris vs KEE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

179

Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, meta fis-sentenzi kkontestati ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ sistema ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-eżerċizzju legali tal-attivitajiet tagħha li jaqgħu taħt l-isfera leġiżlattiva, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

180

F’dan ir-rigward, huma neċessarji żewġ preċiżazzjonijiet.

181

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-konstatazzjoni msemmija fil-punt 179 ta’ din is-sentenza ssir bla ħsara għas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jkollu, jekk ikun il-każ, il-leġiżlatur Komunitarju għall-finijiet li jevalwa jekk, fl-okkażjoni ta’ adozzjoni ta’ att leġiżlattiv partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti effetti li joħolqu dannu li jirriżultaw minn din l-adozzjoni jiġġustifikax li jiġu previsti ċerti forom ta’ kumpens (ara, f’dan is-sens, dwar politika agrikola, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2003, Booker Aquaculture u Hydro Seafood, C-20/00 u C-64/00, Ġabra p. I-7411, punt 85).

182

Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li hija ġurisprudenza kostanti li d-drittijiet fundamentali jiffurmaw parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali li l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett tagħhom.

183

B’mod iktar partikolari, fir-rigward tad-dritt tal-proprjetà u tal-eżerċizzju ħieles tal-attivitajiet professjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja ilha li stabbilixxiet li dawn jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, madankollu filwaqt li tenfasizza li dawn il-prinċipji ma jidhrux bħala prerogativi assoluti, imma għandhom jiġu kkunsidrati fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. B’hekk, hija ddeċidiet li restrizzjonijiet jistgħu jwasslu għall-użu tad-dritt tal-proprjetà u għall-moviment ħieles ta’ attività professjonali partikolarment fil-kuntest ta’ organizzazzjoni komuni tas-suq, bil-kundizzjoni li dawk ir-restrizzjonijiet jirrispondu effettivament għal obbjettivi ta’ interess ġenerali li ssegwi l-Komunità u ma jikkostitwixxix, fir-rigward tal-għan imfittex, intervent aktar min-norma u li ma jaqbilx magħhom, li jwassal li jfixkel is-sustanza stess tad-drittijiet kif garantiti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt 15; Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 78, u tat-30 ta’ Ġunju 2005, Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, C-295/03 P, Ġabra p. I-5673, punt 86).

184

Minn dan isegwi li att leġiżlattiv Komunitarju li l-implementazzjoni tiegħu twassal għal restrizzjonijiet tad-dritt tal-proprjetà u tal-eżerċizzju liberu ta’ attività professjonali, jista’ jwassal għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità meta joħloq preġudizzju sproporzjonat u intollerabbli għas-sustanza stess ta’ dawn id-drittijiet, jekk ikun il-każ preċiżament minħabba li dan l-att ma jkunx ipprovda għal kumpens xieraq ta’ natura li jevita jew jirremedja dan il-preġudizzju.

185

Fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ dawn il-kawżi, għandu jiġi mfakkar ukoll li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li operatur ekonomiku ma jistax jinvoka dritt ta’ proprjetà fuq parti mis-suq li huwa kellu f’mument partikolari, peress li tali parti mis-suq tikkostitwixxi biss pożizzjoni ekonomika momentanja fir-rigward ta’ bidla ta’ ċirkustanzi (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, punt 79, u Alessandrini et vs Il-Kummissjoni, punt 88). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-garanziji mogħtija mid-dritt tal-proprjetà jew mill-prinċipju ġenerali li jiggarantixxi l-eżerċizzju liberu ta’ professjoni ma jistgħux jiġu estiżi għall-protezzjoni ta’ sempliċi interessi jew ta’ opportunitajiet ta’ natura kummerċjali, li n-natura aleatorja tagħhom tifforma parti sħiħa mis-sustanza stess tal-attività ekonomika (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1974, Nold vs Il-Kummissjoni, 4/73, Ġabra p. 491, punt 14).

186

Huwa għalhekk li operatur li l-attività tiegħu tinvolvi b’mod partikolari l-esportazzjoni lejn is-swieq ta’ Stati terzi għandu b’mod partikolari jkun jaf li l-pożizzjoni kummerċjali li jkollu fi żmien partikolari tista’ tintlaqat u tinbidel minn diversi ċirkustanzi, li fosthom hemm l-eventwalità, wara kollox espressament prevista u rregolata mill-Artikolu 22 tad-DSU, li tali Stat terz jadotta miżuri ta’ sospensjoni ta’ konċessjonijiet b’reazzjoni għall-attitudni adottata mill-imsieħba kummerċjali tiegħu fil-kuntest tad-WTO u jagħżel liberament, minn din il-perspettiva, u hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 22(3(a) u (f) tad-DSU, il-merkanziji li fuqhom għandu jimponi l-miżuri msemmija.

187

Għalkemm mill-punti 176 u 179 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, madankollu għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, jekk mill-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, iżda d-dispożittiv tagħha jidher fondat fir-rigward ta’ motivi oħra tad-dritt, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, b’mod partikolari, sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni, C-320/92 P, Ġabra p. I-5697, punt 37; tas-16 ta’ Diċembru 1999, CES/E, C-150/98 P, Ġabra p. I-8877, punt 17, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58).

188

Dan huwa dak li ġara f’dan il-każ. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, fl-istat attwali tagħha, id-dritt Komunitarju ma jipprevedix sistema li tippermetti r-responsabbiltà tal-Komunità minħabba aġir leġiżlattiv tagħha f’sitwazzjoni li fiha l-eventwali non-konformità ta’ tali aġir mal-Ftehim WTO ma jistax jiġi invokat quddiem il-qorti Komunitarja. Issa, it-talbiet għal kumpens tar-rikorrenti huma b’mod partikolari intiżi sabiex iwasslu għar-responsabbiltà tal-Komunità minħabba tali aġir. F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet biss tiċħad tali talbiet, huma x’inhuma l-argumenti invokati mir-rikorrenti insostenn tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59). B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet marbuta li tiċħad il-kap tat-talbiet tar-rikorrenti li kieku ma wettqitx l-iżball ta’ liġi li wassalha sabiex tiċħadhom għal raġunijiet oħra (ara, b’analoġija, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Finsider vs Il-Kummissjoni, punt 38, u CES vs E, punt 18).

189

Isegwi li, għalkemm fondat, l-ewwel aggravju invokat insostenn tal-appelli inċidentali huwa invalidu u għandu b’hekk jiġi miċħud (ara, b’analoġija, is-sentenza Salzgitter vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).

Fuq it-tieni aggravju tal-appelli prinċipali u fuq it-tieni u t-tielet aggravji tal-appelli inċidentali

190

Fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 176 ta’ din is-sentenza u tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 163 ta’ din is-sentenza, mhemmx lok li jiġi evalwat it-tieni aggravju tal-appelli prinċipali, li jirrigwarda n-natura anormali tad-dannu allegatament subit mir-rikorrenti, u lanqas it-tieni u t-tielet aggravji tal-appelli inċidentali, li jirrigwardaw, wieħed in-nuqqas ta’ natura ċerta tad-dannu msemmi u l-ieħor in-nuqqas ta’ rabta ta’ kawżalità bejn dan id-dannu u l-aġir tal-istituzzjonijiet Komunitarji.

Fuq it-talbiet ta’ kumpens minħabba t-tul tal-proċeduri fl-ewwel istanza

L-argumenti tal-partijiet

191

Sussidjarjament, FIAMM u Fedon jitolbu l-għoti ta’ kumpens xieraq minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura fl-ewwel istanza.

192

Filwaqt li tinvoka s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C-185/95 P, Ġabra p. I-8417, punti 26 sa 49), FIAMM tosserva f’dan ir-rigward, l-ewwel nett, li l-kawża għandha importanza finanzjarja kunsiderevoli fil-konfront tagħha, it-tieni nett, li l-kwistjonijiet ta’ fatt huma ċari ħafna f’dan il-każ, it-tielet nett, li l-aġir tal-ebda waħda mill-partijiet ma wassal sabiex titwal il-proċedura, u r-raba’ nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kellhiex taffronta ċirkustanzi eċċezzjonali.

193

Il-Kummissjoni titlob sabiex it-talbiet ta’ FIAMM u ta’ Fedon fuq dan il-punt jiġu ddikjarati bħala inammissibbli.

194

Fir-rigward tal-appell ta’ Fedon, din l-inammissibbiltà hija qabel kollox stabbilita mill-Artikolu 112(1)(ċ), tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li Fedon bl-ebda mod ma mmotivat it-talba tagħha.

195

Fir-rigward taż-żewġ appelli, din l-inammissibbiltà tapplika ratione materiae. Min-naħa waħda, appell ma jistax, hekk kif jirriżulta mill-Artikoli 57 u 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwarda fatti ġodda li ma jkunux diġà ġew esposti fl-ewwel istanza. Min-naħa l-oħra, it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax jiġi kkwalifikat bħala irregolarità fil-proċedura, mingħajr ma jkun hemm impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwim.

196

Fl-aħħar nett, l-imsemmija inammissibbiltà hija ġġustifikata wkoll ratione personae, peress li f’din il-proċedura, il-Komunità hija rrappreżentata mill-Kunsill u mill-Kummissjoni u mhux mill-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha tifforma parti sħiħa l-Qorti tal-Prim’Istanza li f’dan il-każ hija akkużata bil-fatt li wassal għar-responsabbiltà allegata.

197

Barra minn hekk, kumpens ibbażat fuq l-ekwità, bħal dak li ngħata fil-kawża li waslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jingħata f’dan il-każ, peress li FIAMM u Fedon mhumiex marbuta li jħallsu lill-baġit Komunitarju somma li tista’ titnaqqas.

198

Fl-aħħar nett, it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huwa dovut, f’kull każ, għall-kumplessità tal-kawżi, mill-inċertezzi proċedurali marbuta mal-għaqda ta’ kawżi multipli ppreżentati f’ħames lingwi proċedurali differenti u li jimplikaw tliet istituzzjonijiet kif ukoll parti intervenjenti, mill-attribbuzzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-kawżi lil kulleġġ ġudikanti estiż, kif ukoll mill-fatt li l-kawża li waslet għas-sentenza Van Parys, iċċitata iktar ’il fuq, li tqajjem domandi essenzjalment simili, kienet pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

199

Skont ir-Renju ta’ Spanja, it-talbiet ta’ FIAMM u ta’ Fedon huma inammissibbli minħabba li ma ġewx invokati fl-ewwel istanza u, għaldaqstant, peress li ma setgħux jiġu trattati fis-sentenzi kkontestati.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

200

F’dan il-każ, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-għoti ta’ sodisfazzjoni ekwu minħabba l-fatt li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza eċċediet it-terminu raġonevoli ma jistgħux jiġu milqugħa.

201

Fir-rigward tat-talba ta’ Fedon, biżżejjed jingħad li din it-talba li tidher fil-petitum tar-rikors, ma hija msemmija fl-ebda parti mill-korp tiegħu.

202

Issa, skont l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, appell għandu jkollu l-aggravji tal-liġi u l-argumenti invokati. Peress li f’dan il-każ, tali aggravji u argumenti li huma distinti mit-talbiet tar-rikors relatati, min-naħa tagħhom, ma dan l-istess Artikolu 112(1)(d), huma totalment nieqsa mir-rikors ta’ Fedon, isegwi li t-talba għal kumpens xieraq ippreżentata minnha, li hija nieqsa minn kull motivazzjoni, għandha tiġi miċħuda bħala manifestament inammissibbli.

203

Fir-rigward tat-talba ta’ FIAMM, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ kull indizju li t-tul tal-proċeduri kellu impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, l-aggravju bbażat fuq l-allegazzjoni li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza qabżet il-ħtiġijiet marbuta mar-rispett tat-terminu raġonevoli ma jistax bħala regola ġenerali jwassal għall-annullament tas-sentenza mogħtija minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

204

Barra minn hekk, f’din il-kawża, FIAMM lanqas ma allegat li t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura kellu impatt fuq is-soluzzjoni tat-tilwima, u lanqas talbet li s-sentenza FIAMM tiġi annullata minħabba f’hekk.

205

Issa, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 113(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet ta’ kull appell għandhom isiru għall-annullament, totali jew parzjali, tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u, jekk ikun il-każ, sabiex tingħata deċiżjoni, totalment jew parzjalment, dwar it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza.

206

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li fil-kawża li wasslet għas-sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, invokata minn FIAMM, l-appell imressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kien dirett kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet, minħabba l-kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa li għandha għal dan l-iskop, imponiet multa fuq ir-rikorrenti minħabba l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn liema kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa tista’ tibbenifika l-Qorti tal-Ġustizzja stess meta tannulla tali sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tiddeċiedi fuq ir-rikors.

207

F’dan ir-rigward, fil-punt 33 tas-sentenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret id-dritt tar-rikorrenti għal smiegħ xieraq f’terminu raġonevoli u, b’mod partikolari, sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-fondatezza tal-akkużi ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni miġjuba kontra tagħha mill-Kummissjoni u tal-multi li ġew imposti fuqha f’dan ir-rigward.

208

Wara li osservat li f’dak il-każ, tali tul ta’ żmien kien ġie maqbuż mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal raġunijiet ta’ ekonomija ta’ proċedura u sabiex tiggarantixxi rimedju immedjat u effettiv kontra tali irregolarità fil-proċedura, li annullament u riforma tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, limitati biss għall-kwistjoni tal-iffissar tal-ammont tal-multa, kienu f’dak il-każ jippermettu l-għoti tas-sodisfazzjoni ekwu mitlub (sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47, 48 u 141).

209

Min-naħa l-oħra, dan l-appell huwa dirett kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tiċħad rikors għal kumpens ibbażat fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE.

210

Isegwi li l-annullament ta’ tali sentenza ma jistax iwassal għall-għoti ta’ sodisfazzjon ekwu minħabba d-dewmien eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba riforma tas-sentenza kkontestata, peress li f’tali proċedura, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ebda każ ma hija mitluba, u lanqas il-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell, sabiex tikkundanna lill-partijiet rikorrenti għall-ħlas ta’ ammont li minnu tali sodisfazzjon ekwu jista jekk ikun il-każ jiġi mnaqqas.

211

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba ta’ FIAMM intiża għall-għoti ta’ sodisfazzjon ekwu minħabba t-tul allegatament eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

212

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li anki jekk it-tul tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien effettivament kunsiderevoli f’dan il-każ, in-natura raġonevoli tat-tul hija evalwata skont iċ-ċirkustanzi proprji ta’ kull kawża, u b’mod partikolari, skont l-importanza tal-kawża għall-parti interessati, skont il-kumplessità tal-kawża kif ukoll skont l-aġir tar-rikorrent u dak tal-awtoritajiet kompetenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 210).

213

Fir-rigward tal-aġir tal-awtorità kompetenti u tal-livell ta’ kumplessità tal-kawża, għandu jiġi osservat li t-tul ta’ żmien kunsiderevoli tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’ f’dan il-każ jiġi spjegat minn numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi relatati man-numru ta’ kawżi paralleli introdotti suċċessivament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll mill-importanza tal-kwistjonijiet legali mqajma minnhom.

214

Fil-fatt, dawn iċ-ċirkustanzi jippermettu li jiġu spjegati numru ta’ problemi proċedurali li kkontribwixxew b’mod determinanti sabiex itawlu l-konklużjoni tal-kawżi kkonċernati u li ma jistgħux, f’dan il-każ, jitqiesu bħala anormali, bħall-għaqda, b’rigward tal-kumplessità tagħhom, ta’ sitt kawżi mressqa f’diversi lingwi proċedurali differenti jew inkella l-attribuzzjoni mill-ġdid lil kulleġġ ġudikanti estiż, u wara lil Imħallef Relatur ġdid wara t-tluq tal-Imħallef Relatur oriġinarjament assenjat u fl-aħħar, lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn din l-aħħar attribuzzjoni mill-ġdid ġabet magħha l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

Fuq l-ispejjeż

215

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) jipprevedi li l-Istati Membri li jkunu intervenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

216

Peress li FIAMM u Fedon tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

217

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appelli prinċipali huma miċħuda.

 

2)

L-appelli inċidentali huma miċħuda.

 

3)

Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio SpA, Fabbrica italiana accumulatori motocarri Montecchio Technologies LLC, Giorgio Fedon & Figli SpA u Fedon America, Inc. huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

 

4)

Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.