Keywords
Summary

Keywords

1. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 15(5))

2. Dispożizzjonijiet fiskali – Armonizzazzjoni tal-liġijiet – Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 15(5) u (13))

Summary

1. L-Arikolu 15(5), tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, li jipprevedi l-eżenzjoni tan-nolleġġ ta’ bastimenti użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri kemm in-nolleġġ sħiħ u kemm in-nolleġġ parzjali ta’ dawn il-bastimenti. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti l-benefiċċju ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud f’każ ta’ nolleġġ sħiħ biss ta’ dawn il-bastimenti.

Fil-fatt, fil-kuntest tal-kummerċ internazzjonal, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni barra mill-Komunità, ta’ tranżazzjonijet simili u ta’ trasport internazzjonali, prevista fl-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, hija intiża sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tat-tassazzjoni ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati fil-post ta’ destinazzjoni tagħhom. Għalhekk, kull tranżazzjoni li tinvolvi l-esportazzjoni kif ukoll kull tranżazzjoni li hija assimilata għal tali tranżazzjoni għandhom jiġu eżentati minn din it-taxxa sabiex jiġi assigurat li t-tranżazzjoni in kwistjoni tiġi ntaxxata biss fil-post fejn il-prodotti kkonċernati ser ikunu kkunsmati.

Leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għan-nolleġġ totali tissuġġetta l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni għad-daqs tal-bastiment użat għat-tranżazzjoni ta’ nolleġġ, b’tali mod li l-kwistjoni ta’ jekk volum simili ta’ merkanzija jkunx eżentat jew le tkun tiddependi minn jekk din il-merkanzija tkoprix il-kapaċità kollha ta’ dan il-bastiment jew parti minnha. Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan iċaħħad l-eżenzjoni tan-nolleġġ prevista fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva mill-effikaċja tagħha.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm huwa minnu li t-termini użati fil-formulazzjoni ta’ l-eżenzjoni li tinsab fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett, interpretazzjoni partikolarment stretta tal-kunċett ta’ nolleġġ twassal sabiex ma jiġux irrispettati l-formulazzjoni u l-obbjettiv ta’ din id-dispożizzjoni.

(ara l-punti 29, 31-33 u d-dispożittiv 1)

2. Il-kuntratt ta’ nolleġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 92/111, jiddistingwi ruħu minn kuntratt ta’ ġarr ta’ merkanzija minħabba li l-kuntratt ta’ nolleġġ jinvolvi li persuna, is-sid, tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ persuna oħra, in-nolleġġatur, bastiment, jew parti minnu, filwaqt li, fil-każ ta’ kuntratt ta’ ġarr ta’ merkanzija fis-sens ta’ l-Artikolu 15(13), tas-Sitt Direttiva, l-obbligu ta’ min iġorr il-merkanzija fir-rigward tal-klijent tiegħu jikkonċerna biss it-trasport tal-merkanzija. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti li fihom twettqet it-tranżazzjoni ta’ nolleġġ sabiex tidentifika l-elementi partikolari tagħha bil-għan li tkun f’pożizzjoni li tevalwa jekk din it-tranżazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala nolleġġ jew bħala provvista ta’ servizz ta’ ġarr ta’ merkanzija. B’mod partikolari, l-imsemmija qorti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, kif ukoll tan-natura u tal-kontenut partikolari tas-servizz mogħti, sabiex tiddetermina jekk dan il-kuntratt jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ nolleġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva. Tali eżami tan-natura ġuridika tal-kuntratt in kwistjoni huwa, barra minn hekk, meħtieġ sabiex tkun assigurata l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva u sabiex jiġu evitati kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 37-40 u d-dispożittiv 2)