SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ April 2008 ( *1 )

“Telekomunikazzjonijiet — Regolament (KE) Nru 2887/2000 — Aċċess għal-linja lokali — Prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż — Spejjeż — Imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit — Deprezzament ta’ l-assi immobbli — Valutazzjoni ta’ l-infrastrutturi lokali tat-telekomunikazzjonijiet — Spejjeż kurrenti u spejjeż storiċi — Bażi ta’ kalkolu — Spejjeż reali — Spejjeż diġà mħallsa u spejjeż mistennija — Prova ta’ l-ispejjeż — Mudell analitiku bottom up u top down — Leġiżlazzjoni nazzjonali dettaljata — Marġni ta’ diskrezzjoni ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali — Stħarriġ ġudizzjarju — Awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri — Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività — Kontestazzjoni fil-qorti tad-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni tat-tariffi ta’ l-operatur notifikat mill-benefiċjarji — Oneru tal-prova — Proċedura ta’ superviżjoni u proċeduri ġudizzjarji”

Fil-Kawża C-55/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Köln (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Jannar 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Frar 2006, fil-kawża

Arcor AG & Co. KG

vs

Bundesrepublik Deutschland,

fil-preżenza ta’:

Deutsche Telekom AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President ta’ l-Awla, G. Arestis (Relatur), R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Arcor AG & Co. KG, minn K. Kleinlein, Rechtsanwalt u G. Metaxas, dikigoros,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn M. Deutsch, Rechtsanwalt,

għal Deutsche Telekom AG, minn F. Hölscher u U. Karpenstein, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma u C. Schulze-Bahr, bħala aġenti,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn H. G. Sevenster u P. van Ginneken, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Gibbs u G. Peretz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn G. Braun u M. Shotter, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 1(4), 3(3) u 4(1) sa (3) tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU L 336, p. 4).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Arcor AG & Co. KG (iktar ’il quddiem “Arcor”) u l-Bundesrepublik Deutschland dwar awtorizzazzjoni parzjali tat-tariffi ta’ Deutsche Telekom AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Telekom”) għall-aċċess għal-linja lokali.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-Regolament Nru 2887/2000

3

Il-ħames, is-sitt, il-ħdax u t-tlettax sal-ħmistax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000 jipprovdu dan li ġej:

“(5)

Il-forniment ta’ linji ġodda ta’ fibra ottika b’kapaċità għolja direttament għall-utenti prinċipali huwa suq speċifiku li qiegħed jiżviluppa f’kondizzjonijiet kompettitivi b’investimenti ġodda. Dan ir-Regolament għalhekk jitratta l-aċċess għal-linji metalliċi lokali, mingħajr preġudizzju għal obbligazzjonijiet nazzjonali dwar tipi oħra ta’ aċċess għal infrastrutturi lokali.

(6)

Ma jkunx ekonomikament vijabbli għall-operaturi ġodda li jidduplikaw l-infrastruttura ta’ l-aċċess metalliku kollha kemm hi ta’ l-operatur li diġà jeżisti fi żmien raġonevoli. Infrastrutturi alternattivi bħal televiżjoni bil-cable, satellita, linji lokali mingħajr fili ma joffrux ġeneralment l-istess funzjonalità jew ubikwità għalissa, għalkemm is-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri jistgħu jkunu differenti.

[…]

(11)

Ir-regoli biex ikunu determinati l-ispejjeż u l-prezzijiet għal-linji lokali u faċilitajiet relatati għandhom ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji u oġġettivi biex jiżguraw l-imparzjalità. Ir-regoli biex ikuu determinati l-prezzijiet għandhom jiżguraw li l-fornitur ta’ linja lokali jkun kapaċi jkopri l-ispejjeż proprji f’dan ir-rigward u jkollu dħul raġonevoli, biex jiġi żgurat l-iżvilupp fit-tul u l-aġġornar tal-infrastruttura ta’ l-aċċess lokali. Ir-regoli biex ikunu determinati l-prezzijiet għal-linji lokali għandu jrawwem kompetizzjoni ġusta u sostenibbli, waqt li jittieħed kont tal-ħtieġa għall-investiment f’infrastrutturi alternattivi, u jiżgura li ma jkun hemm ebda distorsjoni fil-kompetizzjoni, b’mod partikolari ebda pressjoni fuq il-marġini bejn il-prezzijiet bl-ingrossa u l-prezzijiet bl-imnut ta’ l-operatur notifikat. F’dan ir-rigward, huwa meqjus importanti li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jiġu konsultati.

[…]

(13)

Fir-Rakkomandazzjoni tagħha 2000/417/KE tal-25 ta’ Mejju 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali li tkun tippermetti l-forniment kompettitiv ta’ medda sħiħa ta’ servizzi elettroniċi ta’ komunikazzjonijiet inkluż il-multimedia ta’ firxa wiesa’ u Internet b’veloċità għolja (ĠU L 156, p. 44) u l-Komunikazzjoni tagħha tas-26 ta’ April 2000 (ĠU C 272, p. 55), il-Kummissjoni stipulat gwida dettaljata biex tgħin lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali fir-regolazzjoni ġusta tal-forom differenti ta’ aċċess disassoċjat għal-linja lokali.

(14)

Skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif hemm fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE], l-għan li jinkiseb qafas armonizzat għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali biex tkun tippermetti l-forniment kompettitiv ta’ infrastruttura ta’ komunikazzjonijiet mhix għalja, ta’ klassi dinjija u firxa wiesgħa ta’ servizzi għan-negozji u ċ-ċittadini kollha fil-Komunità ma tistgħax tinkiseb mill-Istati Membri b’mod żgur, armonizzat u fil-waqt, u jista’ għalhekk jinkiseb aħjar mill-Komunità. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament m’għandhomx imorru’l hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-oġġettiv b’dan il-għan. Dawn huma adottati mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità li jistipulaw aktar miżuri dettaljati […]

(15)

Dan ir-Regolament jikkumplimenta [jikkomplementa] l-qafas regolatorju għat-telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari d-Direttivi 97/33/KE u 98/10/KE. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għan u kamp ta’ applikazzjoni”, jaqra kif ġej:

“1.   Dan ir-Regolament jimmira li jintensifika l-kompetizzjoni u li jistimula l-innovazzjoni teknoloġika fis-suq ta’ l-aċċess lokali, permezz tat-twaqqif ta’ kondizzjonijiet armonizzati għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali, biex irawwem il-forniment kompetittiv ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.   Dan ir-Regolament għandu jgħodd għall-aċċess disassoċjat għal-linji lokali u faċilitajiet relatati ta’ operaturi notifikati kif definiti fl-Artikolu 2(a).

[…]

4.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew jintroduċi miżuri li jikkonformaw mal-liġi tal-Komunità li jkun fihom dispożizzjonijiet aktar dettaljati minn dawk imniżżla f’dan ir-Regolament u/jew huma barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament inter alia dwar tipi oħra ta’ aċċess għall-infrastrutturi lokali.”

5

Skond l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi regolament:

“(a)

‘operatur notifikat’ tfisser operaturi ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi li jkunu ġew notifikati mill-awtorità nazzjonali regolatorja tagħhom [iktar ’il quddiem l-‘ARN’] bħala li għandhom saħħa sinjifikanti fis-suq fil-provvista ta’ networks tat-telefon pubbliċi fissi u servizzi skond l-Anness I, Taqsima 1, tad-Direttiva 97/33/KE jew id-Direttiva 98/10/KE;

(b)

‘benefiċjarju’ tfisser terza parti debitament awtorizzata skond id-Direttiva 97/13/KE jew intitolata li tforni servizzi ta’ komunikazzjonijiet skond il-leġislazzjoni nazzjonali u li hija intitolata għall-aċċess disassoċjat ma’ linja lokali;

(ċ)

‘linja lokali’ tfisser iċ-ċirkuwitu fiżiku ta’ par metalliku milwi li jikkonnettja l-punt ta’ terminazzjoni tan-network fil-fond ta’ l-abbonat mal-frame prinċipali ta’ distribuzzjoni jew faċilità ekwivalenti fin-network tat-telefon pubbliku fiss;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2887/2000, intitolat “Forniment ta’ aċċess disassoċjat”, jipprovdi fil-paragrafi (2) u (3) tiegħu:

“2.   Operaturi notifikati għandhom mill-31 ta’ Diċembru 2000 jilqgħu talbiet raġonevoli minn beneċfijarji għal aċċess disassoċjat għal-linji lokali tagħhom u faċilitajiet relatati, f’kondizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji. Talbiet għandhom ikunu rifjutati biss fuq il-bażi ta’ kriterji oġġetivi, li jirrelataw mal-fattibiltà teknika jew il-ħtieġa li tinżamm l-integrità tan-network. Fejn aċċess jiġi rifjutat, il-parti milquta tista’ tissottometti l-każ għall-proċedura tar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(5). Operaturi notifikati għandhom ifornu lill-benefiċjarji b’faċilitajiet ekwivalenti għal dawk fornuti għas-servizzi tagħhom stess jew għall-kumpaniji assoċjati tagħhom, u bl-istess kondizzjonijiet u termini ta’ żmien.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(4), operaturi notifikati għandhom jitolbu prezzijiet għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.”

7

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Superviżjoni mill-[ARN]”, jipprovdi:

“1.   [L-ARN] għandha tiżgura li l-prezzijiet mitluba għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali jrawwem kompetizzjoni ġusta u sostenibbli.

2.   [L-ARN] għandu jkollha s-setgħa li:

a)

timponi bidliet fl-offerta ta’ riferenza għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali u faċilitajiet relatati, nklużi l-prezzijiet, fejn dawk il-bidliet ikunu ġustifikati; u

b)

teħtieġ lill-operaturi notifikati li jfornu tagħrif rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

3.   [L-ARN] tista’, meta ġustifikata, tintervjeni fuq l-inizjattiva tagħha stess biex tiġi żgurata non-diskriminazzjoni, kompetizzjoni ġusta, effiċjenza ekonomika u benefiċċju massimu għall-utenti.

4.   Fejn [l-ARN] tistabbilixxi li l-aċċess għas-suq lokali jkun kompettitiv biżżejjed, għandha teħles lill-operaturi notifikati mill-obbligazzjoni stipulata fl-Artikolu 3(3) li l-prezzijiet għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni mal-kost.

5.   Tilwim bejn intrapriżi li jikkonċernaw kwistjonijiet inklużi f’dan ir-Regolament għandhom ikunu suġġetti għall-proċeduri nazzjonali tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imwaqqfa f’konformità mad-Direttiva 97/33/KE u għandhom jiġu ttrattati malajr, b’mod ġust u trasparenti.”

Il-qafas regolatorju l-antik fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (iktar ’il quddiem il-“QRA”)

— Id-Direttiva 90/387/KEE

8

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ĠU L 192, p. 1), kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 295, p. 23, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/387”), li kienet applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, tikkonċerna, skond l-Artikolu 1(1) tagħha, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ l-aċċess u ta’ l-użu miftuħa u effiċjenti fil-qasam tan-netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet u, fejn applikabbli, tas-servizzi pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet.

9

Skond l-Artikolu 2(8) ta’ din id-direttiva, “kundizzjonijiet tal-provvista tan-netwerk miftuħ” tfisser:

“il-kundizzjonijiet […] li jikkonċernaw l-aċċess miftuħ u effiċjenti għan-netwerks pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet u, fejn applikabbli, għas-servizzi pubbliċi tat-telekomunikazzjonijiet, kif ukoll l-użu effiċjenti ta’ dawn in-netwerks u servizzi.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom każ b’każ, il-kundizzjonijiet tal-provvista tan-netwerk miftuħ jistgħu jinkludu kundizzjonijiet armonizzati li jirrigwardaw:

l-interfaces tekniċi, inklużi, jekk ikun il-każ, id-definizzjoni u l-implementazzjoni ta’ punti ta’ terminazzjoni tan-netwerk,

il-kundizzjonijiet ta’ l-użu,

il-prinċipji dwar it-tariffi,

l-aċċess għall-frekwenzi u għan-numri/indirizzi/ismijiet, jekk ikun il-każ skond il-qafas ta’ referenza ta’ l-Anness” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

10

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 90/387 jipprovdi:

“Il-kundizzjonijiet tal-provvista tan-netwerk miftuħ għandhom ikunu konformi mal-prinċipji bażiċi stabbiliti hawn taħt:

għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi,

għandhom ikunu trasparenti u jiġu ppublikati b’mod xieraq,

għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza fl-aċċess u jkunu non-diskriminatorji, f’konformità mad-dritt Komunitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

L-Artikolu 5a(3) ta’ l-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi xierqa fuq livell nazzjonali li permezz tagħhom parti milquta minn deċiżjoni ta’ l-[ARN] tkun tista’ tappella quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

Id-Direttiva 90/387 fiha anness, intitolat “Qafas ta’ referenza għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-provvista tan-netwerk miftuħ”, li l-punt 3 tiegħu, li jirrigwarda l-armonizzazzjoni tal-prinċipji dwar it-tariffi, jaqra kif ġej:

“Il-prinċipji dwar it-tariffi għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(1).

Dawn il-prinċipji jimplikaw, b’mod partikolari, li:

it-tariffi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u, bħala regola, sakemm il-kompetizzjoni ssir effettiva biex iżżomm il-prezzijiet baxxi għall-utenti, għandhom ikunu orjentati ma’ l-ispejjeż, iżda l-iffissar tal-livell reali tat-tariffi għandu jibqa’ jiġi rregolat mil-liġi nazzjonali u m’għandux ikun suġġett għall-kundizzjonijiet tal-provvista tan-netwerk miftuħ. Meta organizzazzjoni ma jibqax ikollha saħħa sinjifikattiva fis-suq in kwistjoni, l-[ARN] kompetenti tista’ tissospendi r-rekwiżit ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż. Wieħed mill-għanijiet għandu jkun id-definizzjoni ta’ prinċipji effiċjenti dwar it-tariffi fil-Komunità kollha, filwaqt li jiġi ggarantit servizz ġenerali għal kulħadd,

it-tariffi għandhom ikunu trasparenti u jiġu ppublikati b’mod xieraq,

sabiex l-utenti jkunu jistgħu jagħżlu bejn id-diversi elementi tas-servizz u safejn tippermetti t-teknoloġija, it-tariffi għandhom ikunu suffiċjentement diżassoċjati, skond ir-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. B’mod partikolari, karatteristiċi addizzjonali introdotti sabiex jipprovdu ċerti servizzi addizzjonali speċifiċi għandhom, bħala regola, jiġu ffatturati indipendentement mis-servizzi inklużi fl-offerta bażika u mit-trasport bħala tali,

it-tariffi ma jistgħux ikunu diskriminatorji u għandhom jiggarantixxu t-trattament ugwali, ħlief għal restrizzjonijiet li jkunu kompatibbli mad-dritt Komunitarju.

Ir-rati mitluba għall-aċċess għar-riżorsi jew għas-servizzi tan-netwerk għandhom jirrispettaw il-prinċipji dwar it-tariffi stabbiliti iktar ’il fuq u mar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat. Huma għandhom ukoll jieħdu in kunsiderazzjoni l-prinċipju tat-tqassim ekwu ta’ l-ispiża globali tar-riżorsi użati, il-ħtieġa ta’ livell xieraq ta’ qligħ fuq l-investimenti u, jekk ikun il-każ, il-finanzjament tas-servizz universali, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-interkonnessjoni.

Jistgħu jiġu applikati tariffi differenti, b’mod partikolari sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni l-volum kbir ta’ traffiku waqt perijodi ta’ użu intensiv u nuqqas ta’ traffiku waqt ta’ użu mhux intensiv, bil-kundizzjoni li d-differenzi bejn it-tariffi jkunu ġustifikabbli mill-aspett kummerċjali u ma jmorrux kontra l-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

— Id-Direttiva 97/33/KE

13

Id-Direttiva 97/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 1997 dwar interkonnessjoni fit-telekomunikazzjonijiet fir-rigward ta’ l-assigurazzjoni ta’ servizz universali u interoperabilità permezz ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU L 199, p. 32), li kienet applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, tipprovdi dan li ġej fl-għaxar premessa tagħha:

“billi l-iffissar tat-tariffi għall-interkonnessjoni huwa fattur essenzjali għad-determinazzjoni ta’ l-istruttura u ta’ l-intensità tal-kompetizzjoni fil-proċess ta’ trasformazzjoni għal suq liberalizzat; billi l-organizzazzjonijiet li għandhom saħħa sinjifikattiva fis-suq għandhom ikunu f’pożizzjoni li jipprovaw li r-rati miltuba minnhom għall-interkonnessjoni huma ffissati skond tariffi oġġettivi, jirrispettaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, u huma suffiċjentement diżassoċjati fir-rigward ta’ l-elementi tan-netwerk u tas-servizz offerti; billi l-pubblikazzjoni ta’ lista ta’ servizzi ta’ interkonnessjoni u tat-tariffi u tal-kundizzjonijiet applikabbli għal tali servizzi ta’ interkonnessjoni żżid it-trasparenza neċessarja u tiffavorixxi n-non-diskriminazzjoni; billi l-metodi ta’ applikazzjoni tat-tariffi għat-traffiku ta’ interkonnessjoni għandhom ikunu flessibbli u jinkludu b’mod partikolari ffissar tat-tariffi bbażat fuq il-kapaċità; billi t-tariffi għandhom jistimulaw il-produttività u jinkoraġġixxu d-dħul fis-suq ta’ operaturi li jkun effiċjenti u sostenibbli u m’għandhomx ikunu iktar baxxi minn limitu stabbilit abbażi ta’ l-ispejjeż inkrementali fuq żmien twil u skond metodi ta’ tqassim u ta’ attribuzzjoni ta’ l-ispejjeż ibbażat fuq l-ispejjeż reali, u lanqas m’għandhom ikunu ogħla minn limitu massimu stabbilit abbażi ta’ l-ispiża tal-provvista ta’ l-interkonnessjoni in kwistjoni meħuda waħedha; billi tariffi għall-interkonnessjoni bbażati fuq livell tal-prezzijiet marbut mill-qrib ma’ l-ispejjeż inkrementali fuq żmien twil tal-provvista ta’ l-aċċess għall-interkonnessjoni huma adegwati sabiex jinkoraġġixxu l-iżvilupp rapidu ta’ suq miftuħ u kompetittiv.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Skond l-Artikolu 1 tad-Direttiva 97/33, din id-direttiva tistabbilixxi qafas regolatorju sabiex fil-Komunità Ewropea tiġi żgurata l-interkonnessjoni tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, u b’mod partikolari l-interoperabbiltà tas-servizzi u l-provvista ta’ servizz universali f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi.

15

Skond l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “interkonnessjoni” tfisser il-konnessjoni fiżika u loġika tan-netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet użati mill-istess organizzazzjoni jew minn organizzazzjoni differenti sabiex tippermetti lill-utenti ta’ organizzazzjoni jikkomunikaw ma’ l-utenti ta’ l-istess organizzazzjoni jew ta’ organizzazzjoni oħra jew ikollhom aċċess għas-servizzi pprovduti minn organizzazzjoni oħra.

16

L-Artikolu 7 ta’ l-imsemmija direttiva, intitolat “Prinċipji dwar it-tariffi għall-interkonnessjoni u sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż”, jipprovdi kif ġej:

“[…]

2.   Ir-rati mitluba għall-interkonnessjoni għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż. L-oneru tal-prova li r-rati mitluba huma stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli fuq l-investimenti, għandu jkun fuq l-organizzazzjoni li tipprovdi l-interkonnessjoni ma’ l-installazzjonijiet tagħha. […]

3.   L-[ARN] għandhom jiżguraw li tiġi ppubblikata, skond l-Artikolu 14(1), offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza. L-offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ l-offerti ta’ interkonnessjoni maqsuma f’diversi elementi skond il-bżonnijiet tas-suq u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet korrispondenti, inklużi t-tariffi.

Jistgħu jiġu stabbiliti tariffi, modalitajiet u kundizzjonijiet ta’ interkonnessjoni differenti għal kategoriji differenti ta’ organizzazzjonijiet li huma awtorizzati jipprovdu netwerks u servizzi, meta dawn id-differenzi jistgħu jkunu oġġettivament iġġustifikati abbażi tat-tip ta’ interkonnessjoni pprovdut u/jew tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzji nazzjonali kkonċernati. L-[ARN] għandhom jiżguraw li dawn id-differenzi ma jwasslux għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li l-organizzazzjoni tapplika t-tariffi, il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta’ interkonnessjoni korrispondenti meta tipprovdi interkonnessjoni għas-servizzi tagħha stess jew għal dawk tas-sussidjarji jew tas-sħab kummerċjali tiegħu […]

L-[ARN] għandu jkollha s-setgħa li timponi tibdiliet fl-offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza, meta dawn ikunu ġustifikati.

L-Anness IV jipprovdi lista ta’ eżempji ta’ elementi għat-tħejjija ulterjuri tar-rati mitluba għall-interkonnessjoni, ta’ l-istrutturi tat-tariffi u ta’ l-elementi tat-tariffi. Meta organizzazzjoni tagħmel tibdiliet fl-offerta ta’ interkonnessjoni ta’ referenza, l-aġġustamenti rikjesti mill-[ARN] jista’ jkollhom effett retroattiv, mid-data meta jiġi introdott it-tibdil.

[…]

5.   Il-Kummissjoni għandha tħejji […] rakkomandazzjonijiet dwar is-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u tas-separazzjoni tal-kontabbiltà fil-qasam ta’ l-interkonnessjoni. L-[ARN] għandhom jiżguraw li s-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż użati mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati jkunu adegwati għall-implementazzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan l-artikolu u li jkunu suffiċjentement dettaljati, kif indikat fl-Anness V.

L-[ARN] għandhom jiżguraw li deskrizzjoni tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, li turi l-kategoriji prinċipali li fihom huma miġbura l-ispejjeż u r-regoli applikati għat-tqassim ta’ l-ispejjeż allokati għall-interkonnessjoni, tkun disponibbli jekk din tintalab. Il-konformità mas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż għandha tiġi vverifikata mill-[ARN] jew minn entità kompetenti oħra li tkun indipendenti mill-organizzazzjoni tat-telekomunikazzjonijiet u approvata mill-[ARN]. Kull sena għandha tiġi ppubblikata dikjarazzjoni ta’ konformità.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

L-Anness IV tad-Direttiva 97/33, intitolat “Lista ta’ eżempji ta’ elementi tar-rati mitluba għall-interkonnessjoni”, jaqra kif ġej:

“Ir-‘rati mitluba għall-interkonnessjoni’ jirreferu għar-rati reali li huma pagabbli mill-partijiet interkonnessi.

L-‘istruttura tat-tariffi’ tirreferi għall-kategoriji wiesgħa li fihom huma mqassma r-rati mitluba għall-interkonnessjoni, jiġifieri:

l-ispejjeż li jkopru l-implementazzjoni ta’ l-interkonnessjoni fiżika, li huma bbażati fuq l-ispejjeż meħtieġa għall-provvista ta’ l-interkonnessjoni speċifika mitluba (per eżempju, tagħmir u riżorsi speċifiċi, verifika tal-kontabbiltà),

l-ispejjeż għall-kiri li jkopru l-użu kontinwu ta’ tagħmir u ta’ riżorsi (sabiex tinżamm il-konnessjoni, eċċ.),

l-ispejjeż varjabbli għal servizzi anċillari u supplementari (per eżempju, l-aċċess għas-servizzi tad-direttorji, l-għajnuna mogħtija mit-telefonista, il-ġbir tad-data, il-kalkolu tat-tariffi, il-ħruġ tal-fatturi, servizzi bbażati fuq il-kommutazzjoni u avanzati, eċċ.),

l-ispejjeż marbuta mat-traffiku, li huma meħtieġa sabiex it-traffiku jgħaddi lejn u min-netwerk interkonness (per eżempju, l-ispejjeż ta’ kommutazzjoni u ta’ trażmissjoni), li jistgħu jiġu kkalkulati bil-minuta u/jew abbażi tal-kapaċità addizzjonali tan-netwerk li tkun meħtieġa.

L-‘element tat-tariffi’ jirreferu għall-prezzijiet individwali ffissati għal kull element jew installazzjoni tan-netwerk ipprovdut lill-parti interkonnessa.

It-tariffi u r-rati mitluba għall-interkonnessjoni għandhom jirrispettaw il-prinċipji ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u ta’ trasparenza, skond l-Artikolu 7(2).

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18

L-Anness V tad-Direttiva 97/33, intitolata “Sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż għall-interkonnessjoni”, tindika, bħala eżempju, xi elementi li jistgħu jidħlu fis-sistema ta’ kontabbiltà msemmija iktar ’il fuq. Dan l-anness jaqra kif ġej:

“L-Artikolu 7(5) jipprovdi għall-preżentazzjoni dettaljata tas-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż u l-lista elenkata hawn taħt tindika, bħala eżempju, xi elementi li jistgħu jidħlu f’din is-sistema ta’ kontabbiltà.

Il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni hija intiża sabiex tiżgura t-trasparenza fil-kalkolu tar-rati mitluba għall-interkonnessjoni, bil-għan li l-operaturi l-oħra fis-suq ikunu jistgħu jivverifikaw li r-rati mitluba jkunu ġew ikkalkulati b’mod ġust u xieraq.

Dan il-għan għandu jittieħed in kunsiderazzjoni meta l-[ARN] u l-organizzazzjonijiet ikkonċernati jiddeterminaw il-grad ta’ preċiżjoni fl-informazzjoni ppubblikata.

Il-lista elenkata hawn taħt tindika l-elementi li għandhom jidhru fl-informazzjoni ppubblikata.

1) Spiża standard użata

Per eżempju, spejjeż kompletament imqassma, spejjeż inkrementali medji fuq żmien twil, spejjeż inkrementali, spejjeż għal servizz waħdani, spejjeż diretti inkorporati, eċċ.

inklużi l-bażi jew il-bażijiet ta’ l-ispejjeż użati,

jiġifieri

spejjeż diġà mħallsa (ibbażati fuq l-infiq effettiv li jkun sar għat-tagħmir u għas-sistemi) jew spejjeż mistennija (ibbażati fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir jew tas-sistemi).

2) Elementi ta’ l-ispiża inklużi fit-tariffa għall-interkonnessjoni

Indikazzjoni ta’ l-elementi individwali ta’ l-ispiża li flimkien jikkostitwixxu r-rata mitluba għall-interkonnessjoni, inkluż il-qligħ.

3) Gradi u metodi ta’ tqassim ta’ l-ispejjeż, b’mod partikolari t-trattament ta’ l-ispejjeż konġunti u komuni

Dettalji dwar il-grad ta’ analiżi ta’ l-ispejjeż diretti, kif ukoll il-grad u l-metodu ta’ inkorporazzjoni ta’ l-ispejjeż konġunti u komuni fir-rati miltuba għall-interkonnessjoni.

4) Konvenzjonijiet tal-kontabbiltà

Jiġifieri l-konvenzjonijiet tal-kontabbiltà użati għat-trattament ta’ l-ispejjeż li jkopru:

il-perijodu ta’ żmien għad-deprezzament tal-kategoriji prinċipali ta’ assi immobbli (per eżempju, artijiet, bini, tagħmir, eċċ.),

it-trattament irriżervat għal spejjeż kbar oħra, f’termini ta’ dħul fil-konfront ta’ spejjeż kapitali (per eżempju, softwer u sistemi tal-kompjuter, riċerka u żvilupp, żvilupp kummerċjali ġdid, kostruzzjoni diretta u indiretta, tiswijiet u manutenzjoni, spejjeż finanzjarji, etc).

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

— Id-Direttiva 98/10/KE

19

Id-Direttiva 98/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 1998 dwar l-applikazzjoni tal-provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) għat-telefonija bil-leħen u servizz universali għat-telekomunikazzjonijiet f’ambjent kompetittiv (ĠU L 101, p. 24), li kienet applikabbli meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, għandha bħala għan, skond l-Artikolu 1 tagħha, l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet li jiżguraw aċċess miftuħ u effiċjenti għan-netwerks tat-telefon pubbliċi fissi u għas-servizzi tat-telefon pubbliċi fissi, kif ukoll l-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom f’ambjent ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, skond il-prinċipji ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ.

20

L-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva, intitolat “Prinċipji dwar it-tariffi”, jipprovdi:

“[…]

2.   It-tariffi għall-użu tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss u tas-servizzi tat-telefon pubbliċi fissi għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż stabbiliti fl-Anness […] tad-Direttiva 90/387/KEE.

3.   Bla ħsara għall-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 97/33/KE dwar l-interkonnessjoni, it-tariffi għall-aċċess għan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss u għall-użu tiegħu huma indipendenti mit-tip ta’ applikazzjoni li l-utenti jimplementaw, ħlief safejn huma jeħtieġu servizzi jew faċilitajiet differenti.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21

L-Artikolu 18(1) u (2) tad-Direttiva 98/10, intitolat “Prinċipji ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta organizzazzjonijiet huma marbuta jirrispettaw il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż skond l-Artikolu 17, is-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li jiġu applikati minn dawn l-organizzazzjonijiet ikunu adegwati għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 17 u li l-konformità ta’ dawn is-sistemi tiġi vverifikata minn korp kompetenti li jkun indipendenti minn dawn l-organizzazzjonijiet. L-[ARN] għandhom jiżguraw li kull sena tiġi ppublikata dikjarazzjoni ta’ konformità.

2.   L-[ARN] għandhom jiżguraw li deskrizzjoni tas-sistemi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1, li turi l-kategoriji ewlenin li fihom huma miġbura l-ispejjeż u r-regoli dwar kif jiġu mqassma l-ispejjeż għas-servizzi tat-telefonija bil-leħen, titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom jekk huma jitolbuha. Huma għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, informazzjoni fuq is-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż applikata mill-organizzazzjonijiet ikkonċernati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

— Ir-Rakkomandazzjoni 98/195/KE

22

Fit-8 ta’ Jannar 1998, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 98/195/KE dwar l-interkonnessjoni f’suq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzat (Parti 1 — Tariffi għall-interkonnessjoni) (ĠU L 73, p. 42).

— Ir-Rakkomandazzjoni 98/322/KE

23

Fit-8 ta’ April 1998, il-Kummissjoni adottat, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 97/33, ir-Rakkomandazzjoni 98/322/KE, dwar l-interkonnessjoni f’suq tat-telekomunikazzjonijiet liberalizzat (Parti 2 — Separazzjoni tal-kontabbiltà u kontabbiltà ta’ l-ispejjeż) (ĠU L 141, p. 6).

— Ir-Rakkomandazzjoni 2000/417/KE

24

Fil-25 ta’ Mejju 2000, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 2000/417/KE fuq l-aċċess diżassoċjat mal-linja [għal-linja] lokali: li jippermetti l-forniment kompettitiv ta’ firxa sħiħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi inkluż servizzi multimedjali broadband u l-Internet ta’ veloċità għolja (ĠU L 156, p. 44),

— Il-Komunikazzjoni fuq l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali

25

Fit-23 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni ppubblikat il-Komunikazzjoni 2000/C 272/10 “Aċċess mhux aggregat għas-sistema lokali [Aċċess diżassoċjat għal-linja lokali]: li jippermetti l-provvediment ta’ medda sħiħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika, inklużi multimedia ta’ frekwenza wiesgħa u Internet b’veloċità għolja”.

Il-qafas regolatorju l-ġdid

26

Fis-7 ta’ Marzu 2002, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw erba’ direttivi li jirrigwardaw il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għall-komunikazzjonijiet elettroniċi (iktar ’il quddiem il-“QRĠ”), jiġifieri d-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU L 108, p. 7), id-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU L 108, p. 21), id-Direttiva 2002/21/KE dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU L 108, p. 33), u d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU L 108, p. 51).

27

L-Artikolu 26 u t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2002/21 jħassru, inter alia, id-Direttivi 90/387, 97/33 u 98/10, b’effett mill-25 ta’ Lulju 2003.

28

Skond l-Artikolu 19 tad-Direttivi 2002/19 u 2002/20, l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2002/21 u l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2002/22, dawn id-direttivi għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, f’dan il-każ fl-24 ta’ April 2002.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Il-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet

29

L-Artikolu 24 tal-Liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikationsgesetz) tal-25 ta’ Lulju 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1120, iktar ’il quddiem it-“TKG 1996”), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“§1.   It-tariffi għandhom jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti u għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2. […]

§2.   It-tariffi ma jistgħux

1.

jinkludu żidiet li jistgħu jiġu imposti esklużivament minħabba l-politika dominanti ta’ fornitur fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet in kwistjoni, skond l-Artikolu 19 tal-Liġi kontra r-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni;

2.

jinkludu tnaqqis li jirrestrinġi l-possibiltajiet ta’ kompetizzjoni ta’ impriżi oħrajn fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet jew

3.

jagħtu lil xi operaturi vantaġġi meta mqabbla ma’ operaturi oħrajn li jirrikorru għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ekwivalenti jew simili fis-suq tat-telekomunikazzjonijiet in kwistjoni,

sakemm ma jintweriex li jkun hemm raġuni oġġettiva għaldaqshekk.”

30

L-Artikolu 27(1) tat-TKG 1996 jipprovdi li l-ARN tawtorizza t-tariffi jew fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti għal kull servizz mogħti, jew fuq il-bażi tal-livell, iffissat minnha, tar-rati ta’ żvilupp medju tat-tariffi għal ġabra ta’ servizzi. Il-paragrafu 4 ta’ l-istess artikolu jagħti s-setgħa lill-Gvern Federali biex jispeċifika, permezz ta’ regolamenti, is-sistema tat-tipi ta’ awtorizzazzjonijiet u biex jiffissa l-kundizzjonijiet li taħthom l-ARN għandha tiddeċiedi liema mill-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ l-imsemmi artikolu għandha tapplika.

Ir-Regolament dwar ir-regolamentazzjoni tat-tariffi

31

Ir-Regolament dwar ir-regolamentazzjoni tat-tariffi fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet (Telekommunikations-Entgeltregulierungsverordnung), ta’ l-1 ta’ Ottubru 1996 (BGBl. 1996 I, p. 1492, iktar ’il quddiem it-“TEntgV”), jinkludi, inter alia, id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 2

§1.   L-impriża li tkun ippreżentat it-talba għall-awtorizzazzjoni tat-tariffi msemmija fl-Artikolu 27(1) tat-TKG [1996] għandha tipproduċi d-dokumenti li ġejjin għas-servizz in kwistjoni f’kull każ:

1.

deskrizzjoni dettaljata tas-servizz, inkluża informazzjoni dwar il-kwalità tiegħu kif ukoll abbozz tal-kundizzjonijiet ġenerali,

2.

informazzjoni dwar il-fatturat magħmul matul l-aħħar ħames snin kif ukoll dak previst għas-sena tat-talba u għall-erba’ snin ta’ wara,

3.

informazzjoni dwar il-volumi ta’ bejgħ u, jekk ikun possibbli, dwar l-elastiċità tal-prezzijiet tad-domanda għall-perijodu msemmi fil-punt 2,

4.

informazzjoni dwar l-iżvilupp tad-diversi spejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 (rendikontijiet ta’ l-ispejjeż) u l-iżvilupp fil-marġni ta’ l-ispejjeż varjabbli għall-perijodu msemmi fil-punt 2,

5.

informazzjoni dwar l-impatt finanzjarju għall-klijentela, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-istruttura tad-domanda tal-klijenti privati u kummerċjali, kif ukoll għall-kompetituri li jirċievu s-servizz bħala servizz preliminari, u

6.

fil-każ ta’ divrenzjar fit-tariffi, informazzjoni dwar l-effetti għall-gruppi ta’ utenti kkonċernati mid-divrenzjar kif ukoll ġustifikazzjoni oġġettiva tad-divrenzjar previst.

§2.   Ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1(4) jinkludu l-ispejjeż li jistgħu jiġu imputati direttament lis-servizz (spejjeż diretti) u l-ispejjeż li mhumiex direttament imputabbli (spejjeż komuni). Fir-rigward ta’ l-ispejjeż komuni, għandu jiġi indikat u spjegat kif dawn huma imputati lid-diversi servizzi. Biex issir din l-imputazzjoni, l-impriża li tkun ressqet it-talba għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kriterji stabbiliti mid-direttivi tal-Kunsill adottati taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ […]. Ir-rendikontijiet ta’ l-ispejjeż imsemmija fl-ewwel sentenza għandhom jispeċifikaw ukoll:

1.

il-metodu ta’ valutazzjoni ta’ l-ispejjeż,

2.

l-ammont ta’ l-ispejjeż tal-persunal, id-deprezzament, l-ispejjeż finanzjarji relatati mal-kapital investit, l-ispejjeż materjali,

3.

l-użu tal-kapaċità prevista u miksuba matul il-perijodu ta’ referenza u

4.

il-kwantitajiet użati bħala bażi għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż użati għas-servizz, inklużi l-prezzijiet relattivi, b’mod partikolari l-partijiet tan-netwerk pubbliku tat-telekomunikazzjonijiet u l-ispejjeż għall-użu ta’ dawk il-partijiet.

§3.   L-[ARN] tista’ tiċħad talba għall-awtorizzazzjoni ta’ tariffi meta l-impriża ma tipproduċix id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 b’mod sħiħ.

Artikolu 3

§1.   L-[ARN] hija obbligata li teżamina r-rendikontijiet prodotti mill-impriża li tkun ressqet it-talba bil-għan li tiddetermina jekk u safejn it-tariffi mitluba huma ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti fis-sens tal-paragrafu 2.

§2.   L-ispejjeż ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti jirriżultaw mill-ispejjeż addizzjonali fuq medda ta’ żmien twil tas-servizz u minn ammont addizzjonali raġonevoli għall-ispejjeż komuni indipendenti mill-volum tas-servizz, inkluż, f’kull każ, remunerazzjoni raġonevoli għall-kapital investit, safejn dawn l-ispejjeż ikunu meħtieġa għal dak is-servizz.

§3.   Fil-kuntest ta’ l-eżami tar-rendikontijiet, l-[ARN] għandha tuża wkoll b’mod partikolari, għall-finijiet ta’ paragun, il-prezzijiet u l-ispejjeż ta’ l-impriżi li joffru servizzi ta’ l-istess tip fi swieq simili f’sitwazzjoni kompetittiva. F’dan ir-rigward, il-karatteristiċi partikolari tas-swieq ta’ referenza għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni.

§4.   Inkwantu l-ispejjeż ġustifikati skond l-Artikolu 2(2) jaqbżu l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizzi effiċjenti skond il-paragrafu 2, dawn għandhom jitqiesu bħala spejjeż mhux neċessarji għall-finijiet ta’ provvista ta’ servizzi effiċjenti. Dawn l-ispejjeż, kif ukoll spejjeż newtrali oħrajn, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-awtorizzazzjoni tat-tariffi biss jekk — u safejn — ikun jeżisti obbligu legali f’dan is-sens jew l-impriża li tkun ressqet it-talba tipprovdi ġustifikazzjoni oġġettiva oħra.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

32

Deutsche Telekom huwa operatur notifikat ta’ netwerks tat-telefon pubbliċi fissi fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000.

33

Arcor, li qabel kienet Mannesmann Arcor AG & Co, hija benefiċjarju fis-sens ta’ l-istess regolament u, f’din il-kwalità, tipprovdi konnessjonijiet telefoniċi ISDN lil klijenti finali. Madankollu, dawn il-konnessjonijiet jistgħu jintużaw biss jekk Arcor ikollha aċċess diżassoċjat għal-linja lokali fuq in-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ta’ Deutsche Telekom.

34

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, fit-30 ta’ Settembru 1998, Arcor ikkonkludiet l-ewwel kuntratt ma’ Deutsche Telekom dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linji lokali ta’ din ta’ l-aħħar.

35

Fit-8 ta’ Marzu 1999, Arcor ressqet ilment lill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 86 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 82 KE) kontra Deutsche Telekom, dwar il-prezzijiet iffatturati minn din ta’ l-aħħar għall-aċċess għan-netwerks lokali tagħha, li kull wieħed minnhom kien jinkludi diversi linji lokali lejn l-abbonati.

36

B’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2001, li ġiet irrettifikata fis-17 ta’ April 2001, l-ARN, jiġifieri l-Bundesnetzagentur (netwerk Federali ta’ l-elettriku, tal-gass, tat-telekomunikazzjonijiet, tal-posta u tal-ferrovija), awtorizzat parzjalment it-tariffi ta’ Deutsche Telekom għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħha (abbonament fix-xahar għall-użu tal-linja, bi ħlas ta’ darba għall-provvista tas-servizz u għat-terminazzjoni tas-servizz) mill-1 ta’ April 2001, liema tariffi kienu jinkludu għadd ta’ varjanti ta’ l-aċċess bi prezzijiet differenti. Skond id-deċiżjoni tar-rinviju, għal dak li jirrigwarda l-abbonament fix-xahar, l-awtorizzazzjoni kellha tiskadi fil-31 ta’ Marzu 2003 u, għall-kumplament, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2002.

37

Fit-30 ta’ April 2001, Arcor ressqet rikors quddiem il-qorti kompetenti li permezz tiegħu talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni fuq imsemmija għar-raġuni li t-tariffi awtorizzati kienu wisq għoljin. F’dan ir-rigward, hija ssostni b’mod partikolari li l-valur ta’ l-investiment ikkostitwit mil-linja lokali ġie vvalutat b’mod żbaljat b’applikazzjoni tal-mudell analitiku ta’ l-ispejjeż u tal-metodu tal-ħlasijiet annwali u billi mingħajr ma ttieħdu in kunsiderazzjoni nfiq u spejjeż oħra. Skond Arcor, permezz ta’ din il-valutazzjoni t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ġew ikkalkulati mhux abbażi ta’ l-ispejjeż tan-netwerk eżistenti, iżda abbażi ta’ l-ispejjeż fittizji relatati mat-twaqqif ta’ netwerk lokali ġdid.

38

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE tal-21 ta’ Mejju 2003 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 tat-Trattat KE (Każijiet COMP/C-1/37.451, 37.578, 37.579 — Deutsche Telekom AG) (ĠU L 263, p. 9), ġiet imposta multa ta’ EUR 12,6 miljun fuq Deutsche Telekom minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 82(a) KE li wettqet din ta’ l-aħħar bil-fatt li imponiet tariffi inġusti għall-provvista tas-servizz u għall-abbonament fix-xahar relattivi għall-aċċess tal-kompetituri u ta’ l-abbonati tagħha għal-linja lokali tagħha, liema aġir b’hekk ostakola b’mod kunsiderevoli l-kummerċ fis-suq ta’ l-aċċess għal-linja lokali.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Köln iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 1(4) tar-Regolament […] Nru 2887/2000 għandu jinftiehem fis-sens li l-kundizzjonijiet ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament jikkostitwixxu rekwiżiti minimi fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri ma tistax tiddevja minn dan l-istandard għad-detriment tal-benefiċjarji?

2)

Ir-rekwiżit ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament […] Nru 2887/2000 jinkludi wkoll l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati?

3)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għat-tieni domanda:

a)

Il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn l-imgħaxijiet u ta’ dawn id-deprezzamenti hija kkostitwita mill-valur ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi wara t-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni jew esklużivament mill-valur attwali ta’ sostituzzjoni, espress bħala l-prezz kurrenti fid-data tal-valutazzjoni?

b)

L-ispejjeż allegati bħala bażi ta’ kalkolu ta’ l-imgħaxijiet u tad-deprezzamenti kkalkulati, b’mod partikolari dawk li ma jistgħux jiġu imputati direttament lis-servizz (spejjeż komuni) għandhom jiġu pprovati f’kull każ permezz ta’ dokumenti komprensibbli ta’ l-operatur notifikat?

ċ)

Fil-każ li tingħata risposta negattiva, totalment jew parzjalment, għall-[paragrafu] (b) tat-[tielet] domanda:

Dawn l-ispejjeż jistgħu minflok jiġu pprovati permezz ta’ valutazzjoni bbażata fuq mudell analitiku ta’ l-ispejjeż?

X’rekwiżiti metodoloġiċi u rekwiżiti sostantivi oħra għandha tissodisfa din il-valutazzjoni alternattiva?

d)

Meta teżamina l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, [l-ARN] għandha, fil-kuntest tas-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament […] Nru 2887/2000, ‘marġni ta’ diskrezzjoni’ li huwa suġġett biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat?

e)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-[paragrafu] (d) tat-[tielet] domanda:

Dan il-marġni ta’ diskrezzjoni japplika wkoll, b’mod partikolari, għall-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż kif ukoll għal kwistjonijiet dwar id-determinazzjoni ta’ l-imgħaxijiet ikkalkulati (għall-kapital misluf u/jew għall-kapital proprju) u ta’ perijodi ta’ deprezzament raġonevoli?

X’inhuma l-limiti ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni?

f)

Ir-rekwiżiti ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż għall-inqas iservu wkoll sabiex jipproteġu d-drittijiet tal-kompetituri bħal benefiċjarji, b’mod li l-kompetituri jkunu jistgħu jieħdu proċeduri ġudizzjarji sabiex jikkontestaw tariffi għall-aċċess li ma jkunux orjentati ma’ l-ispejjeż?

g)

L-operatur notifikat jbati l-iżvantaġġ ta’ l-impossibbiltà li jiġu pprovati l-ispejjeż (l-oneru tal-prova) meta dawn ta’ l-aħħar ma jkunux jistgħu jiġu pprovati, totalment jew parzjalment, fil-kors tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament […] Nru 2887/2000 jew tal-proċeduri ġudizzjarji sussegwenti?

h)

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-[paragrafi] (f) u (g) tat-[tielet] domanda:

L-oneru tal-prova ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż għandu jerfgħu wkoll l-operatur notifikat meta kompetitur, fil-kwalità tiegħu ta’ benefiċjarju, iressaq proċeduri ġudizzjarji kontra awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità regolatorja skond il-liġi nazzjonali għar-raġuni li t-tariffi għall-aċċess huma għoljin wisq għaliex mhumiex orjentati ma’ l-ispejjeż?”

Fuq id-domandi preliminari

40

Permezz ta’ serje ta’ domandi, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta diversi dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2887/2000 u, b’mod partikolari, dawk relattivi għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

41

Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domandi magħmula jqajmu erba’ kwistjonijiet distinti.

42

L-ewwel waħda tirrigwarda d-definizzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, kif stabbilita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

43

It-tieni waħda tikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(4) ta’ l-istess regolament.

44

It-tielet waħda tirrigwarda s-setgħa diskrezzjonali ta’ l-ARN fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

45

Ir-raba’ u l-aħħar waħda tikkonċerna aspetti proċedurali u, b’mod partikolari, l-istħarriġ ġudizzjarju preċiżament meta jkun hemm lok li jiġi applikat l-imsemmi prinċipju.

46

Huwa għalhekk fuq din il-bażi li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda u l-paragrafi (a) sa (ċ) tat-tielet domanda, dwar id-definizzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż

47

Mingħajr ma titlob espressament li jiġi ddefinit il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali u għar-riżorsi relatati miegħu ma’ l-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni, permezz tat-tieni domanda tagħha, fuq l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġu orjentati t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, permezz tal-paragrafu (a) tat-tielet domanda, fuq il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż u, permezz tal-paragrafu (ċ) tat-tielet domanda, fuq il-prova ta’ l-imsemmija spejjeż.

48

Qabel ma tingħata risposta għad-domandi msemmija iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2887/2000 ma fih ebda definizzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

49

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-termini ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, dan ta’ l-aħħar jillimita ruħu sabiex jiddikjara b’mod ġenerali li l-operaturi notifikati għandhom jitolbu prezzijiet għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk hemmx indikazzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż fid-direttivi tal-QRA u, b’mod partikolari, fid-Direttivi 97/33 u 98/10 li huma applikabbli għall-kawża prinċipali, li r-Regolament Nru 2887/2000, skond il-ħmistax-il premessa tiegħu, huwa b’mod partikolari intiż li jikkomplementa.

51

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, b’mod ġenerali, il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż jidher f’diversi direttivi tal-QRA, bħalma huma d-Direttivi 97/33 u 98/10.

52

Fil-fatt, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/33, li jirreferi mhux għat-tariffi, iżda għar-rati mitluba għall-interkonnessjoni, jindika li dawn ta’ l-aħħar għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

53

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 98/10 jipprovdi li t-tariffi għall-użu tan-netwerk tat-telefon pubbliku fiss u tas-servizzi tat-telefon pubbliċi fissi għandhom jirrispettaw il-prinċipji fundamentali ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż stabbiliti fl-Anness tad-Direttiva 90/387.

54

F’dan ir-rigward, it-tieni paragrafu tal-punt 3 ta’ l-imsemmi anness jipprovdi li t-tariffi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u, bħala regola, għandhom ikunu orjentati ma’ l-ispejjeż.

55

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, ħlief għal xi dettalji speċifiċi dwar il-kunċett ta’ ċerti spejjeż fil-ġurisprudenza (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C-146/00, Ġabra p. I-9767; tal-25 ta’ Novembru 2004, KPN Telecom, C-109/03, Ġabra p. I-11273; u tat-13 ta’ Lulju 2006, Mobistar, C-438/04, Ġabra p. I-6675), id-Direttivi 97/33 u 98/10 ma jipprovdu ebda definizzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, b’mod ġenerali, id-dritt Komunitarju jipprovdi, f’diversi oqsma tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet, għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi, jew tal-prezzijiet, ma’ l-ispejjeż, mingħajr ma jispeċifika, f’kull wieħed mill-oqsma kkonċernati, jiġifieri b’mod partikolari l-interkonnessjoni, it-telefonija bil-leħen jew il-linja lokali, il-kontenut tiegħu.

57

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi ddefinit il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss it-termini tiegħu, iżda wkoll il-kuntest tiegħu u l-għanijiet li tfittex li tilħaq il-leġiżlazzjoni li tipprovdi għalih.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li, skond is-seba’ premess tar-Regolament Nru 2887/2000, aċċess disassoċjat għal-linja lokali jippermetti lill-operaturi ġodda li jikkompetu ma’ operaturi notifikati billi joffru ta’ servizzi ta’ trasmissjoni ta’ tagħrif b’veloċità għolja għall-aċċess kontinwu ta’ l-Internet u għall-applikazzjonijiet multimedia bbażati fuq teknoloġija ta’ linji diġitali ta’ abbonati.

59

Barra minn hekk, skond l-Artikolu 1(1) tiegħu, ir-Regolament Nru 2887/2000 jimmira li jintensifika l-kompetizzjoni permezz tat-twaqqif ta’ kundizzjonijiet armonizzati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, biex irawwem il-provvista kompetittiva ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

60

Madankollu, l-imsemmi regolament ma jipprovdix, għal dan il-għan, prinċipju li skondu t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali huma ffissati liberament, skond il-loġika ta’ suq kompetittiv miftuħ, permezz tar-regoli ta’ l-offerta u tad-domanda.

61

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-termini użati fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 it-tariffi huma orjentati mill-operatur notifikat mhux fuq il-bażi tal-kompetizzjoni ħielsa, iżda fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż inkorsi minn dan l-operatur.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-Artikolu 4(4) ta’ l-istess regolament jipprovdi li meta l-ARN tistabbilixxi li l-aċċess għas-suq lokali jkun kompetittiv biżżejjed, għandha teħles lill-operaturi notifikati mill-obbligu li jorjentaw it-tariffi ma’ l-ispejjeż.

63

Huwa wkoll f’dan is-sens li, fl-Artikolu 1(6) tar-Rakkomandazzjoni 2000/417, li tissemma fit-tlettax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000, il-Kummissjoni tispeċifika li, sakemm il-livell tal-kompetizzjoni fin-netwerk ta’ aċċess lokali mhux biżżejjed biex jipprevjeni prezzijiet esaġerati ta’ aċċess diżassoċjat mal-linja lokali, huwa rakkomandat li dawn it-tariffi jiġu ffissati skond il-prinċipju ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż.

64

Minn dan isegwi li l-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 ma jobdix ir-regoli ta’ suq kompetittiv miftuħ iggwidat mir-regoli ta’ l-offerta u tad-domanda. Għall-kuntrarju, dan il-prinċipju jimponi fuq l-operaturi notifikati l-obbligu li jorjentaw it-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż għal perijodu speċifiku u bil-għan li s-suq ikkonċernat ikun jista’ jinfetaħ bil-mod għall-kompetizzjoni.

65

Fit-tieni lok, mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament, jirriżulta li għall-aċċess diżassoċjat mal-linja lokali, it-tariffi għandhom ikunu orjentati ma’ l-ispejjeż, fis-sens li r-regoli dwar it-tariffi għandhom jiżguraw li l-fornitur ta’ linja lokali, f’dan il-każ l-operatur notifikat, bħal Deutsche Telekom, ikun kapaċi jkopri l-ispejjeż relattivi diġà inkorsi.

66

Għalhekk minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li r-regola dwar it-tariffi prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 timponi li, fl-orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu, l-operatur notifikat għandu jieħu in kunsiderazzjoni elementi kwantitattivi li għandhom rabta ma’ l-ispejjeż li huwa inkorra għat-twaqqif ta’ din il-linja.

67

Fit-tielet lok, u kif jirriżulta wkoll mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000, l-operatur notifikat għandu jkollu dħul raġonevoli mill-iffissar tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp fit-tul u l-aġġornar ta’ l-infrastruttura ta’ l-aċċess lokali.

68

Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, il-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 jippermetti lill-operatur notifikat li jirċievi mingħand l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet l-oħra dħul li jista’ jippermettilu, għall-inqas, jiżgura l-funzjonament tajjeb ta’ l-infrastrutturi lokali fil-każ ta’ aċċess diżassoċjat ta’ dawn ta’ l-aħħar.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, għandu jinftiehem bħala l-obbligu impost fuq l-operaturi notifikati, fil-kuntest tal-ftuħ bil-mod tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet għall-kompetizzjoni, li jorjentaw it-tariffi ma’ l-ispejjeż inkorsi għat-twaqqif tal-linja lokali, filwaqt li jkollhom dħul raġonevoli mill-iffissar ta’ l-imsemmija tariffi sabiex jippermetti l-iżvilupp fit-tul u l-aġġornar ta’ l-infrastutturi tat-telekomunikazzjonijiet eżistenti.

Fuq it-tieni domanda, dwar l-ispejjeż

70

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 2887/2000 ma fih ebda dispożizzjoni li tindika l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta l-operatur notifikat jipproponi tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu.

71

Madankollu, kif ġie indikat b’mod partikolari fil-punt 67 ta’ din is-sentenza, mill-qari tal-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000 u ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament, meħuda flimkien, jirriżulta li l-operatur notifikat jipproponi t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu fuq il-bażi ta’ l-ispejjeż diġà inkorsi għat-twaqqif tan-netwerk lokali u, permezz tad-dħul li jirċievi, jiżgura l-viabbiltà ekonomika ta’ l-imsemmi netwerk.

72

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, bil-għan li jipprovdi aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet l-oħra, l-operatur notifikat jgħaddi b’mod partikolari fuq it-tariffi proposti l-ispejjeż marbuta ma’ l-investimenti magħmula. Għaldaqstant, sabiex jiġu ffissati t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż li l-operatur notifikat kellu jinkorri fil-kuntest ta’ l-investimenti magħmula għat-twaqqif ta’ l-infrastrutturi lokali tiegħu.

73

Din il-konklużjoni hija kkonfermata, fl-ewwel lok, mill-Anness IV tad-Direttiva 97/33 li jirreferi bħala eżempju għall-elementi tar-rati mitluba għall-interkonnessjoni, jiġifieri r-rati reali li huma pagabbli mill-partijiet interkonnessi. Dan l-anness isemmi, b’mod partikolari, l-ispejjeż li jkopru l-implementazzjoni ta’ l-interkonnessjoni fiżika, l-ispejjeż għall-kiri li jkopru l-użu kontinwu ta’ tagħmir u ta’ riżorsi, l-ispejjeż varjabbli għal servizzi anċillari u supplementari kif ukoll l-ispejjeż marbuta mat-traffiku.

74

F’dan il-kuntest, l-Anness V ta’ l-istess direttiva jinkludi, fit-tieni lok, u bħala eżempju, lista ta’ l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-iffissar tar-rati mitluba għall-interkonnessjoni u li jirrigwardaw l-investimenti magħmula, bħalma huma, b’mod partikolari, l-ispejjeż ibbażati fuq l-infiq magħmul għat-tagħmir u għas-sistema ta’ interkonnessjoni.

75

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-imgħaxijiet u d-deprezzamenti kkalkulati jifformawx parti mill-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni meta jiġu ffissati t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

76

Għalkemm il-qorti tar-rinviju tirreferi b’mod ġenerali fid-domanda tagħha għall-imgħaxijiet u għad-deprezzamenti kkalkulati, mid-deċiżjoni tar-rinviju, mill-kuntest tal-kawża prinċipali u mill-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jiġi eżaminat, essenzjalment, jekk l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli użati għat-twaqqif ta’ l-infrastrutturi lokali tat-telekomunikazzjonijiet jifformawx parti minn tali spejjeż.

77

F’dak li jirrigwarda l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit, dawn huma spejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġu ffissati t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż jirrappreżentaw id-dħul magħmul minn dan il-kapital li kieku ma ġiex investit fil-linja lokali.

78

L-istess japplika għall-imgħaxijiet marbuta mas-self, li fir-realtà jirrappreżentaw l-ispiża tad-dejn inkors fil-kuntest ta’ l-investimenti magħmula għat-twaqqif tal-linja lokali.

79

F’dak li jirrigwarda d-deprezzament ta’ l-assi immobbli użati sabiex jitwaqqaf in-netwerk lokali, għandu jiġi kkonstatat li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan id-deprezzament jippermetti li jittieħed in kunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-valur reali ta’ dawn l-assi u jikkostitwixxi spiża għall-operatur notifikat.

80

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-imsemmi deprezzament huwa marbut ma’ l-investimenti magħmula mill-operatur notifikat għat-twaqqif tal-linja lokali u, għaldaqstant, jifforma parti mill-ispejjeż ta’ l-operat li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, skond il-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

81

Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mill-Anness V tad-Direttiva 97/33 li jipprovdi li, fost l-elementi li jistgħu jidħlu fis-sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż, hemm, b’mod partikolari, il-konvenzjonijiet tal-kontabbiltà użati għat-trattament ta’ l-ispejjeż li jkopru l-perijodu ta’ żmien għad-deprezzament tal-kategoriji prinċipali ta’ assi immobbli.

82

F’dan is-sens ukoll, ir-Rakkomandazzjoni 98/322 li l-anness tiegħu rigward il-linji gwida dwar is-separazzjoni tal-kontabbiltà jirreferi, fil-punt 4 tiegħu, għall-ispejjeż ta’ l-operat ta’ l-operaturi notifikati u jinkludi d-deprezzament fost l-ispejjeż, jiġifieri l-ispejjeż inkorsi.

83

L-istess punt ta’ l-anness tar-Rakkomandazzjoni 98/322 isemmi wkoll il-proċedura ta’ imputazzjoni ta’ l-ispejjeż, deskritta fil-punt 3 ta’ dan l-anness, filwaqt li jispeċifika li din il-proċedura hija valida għall-ispejjeż ta’ l-operat kif ukoll għall-ispejjeż ta’ investiment u, f’dan ir-rigward, isemmi espressament id-deprezzament bħala li jikkostitwixxi kategorija ta’ spejjeż ta’ l-operat.

84

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli użati għat-twaqqif tal-linja lokali jifformaw parti mill-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni skond il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

Fuq il-paragrafu (a) tat-tielet domanda, dwar il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż

85

Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni dwar il-kwistjoni jekk il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-iffissar tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, hijiex ikkostitwita mill-valur ta’ sostituzzjoni ta’ l-assi wara t-tnaqqis tad-deprezzamenti li diġà jkunu saru qabel id-data tal-valutazzjoni jew esklużivament mill-valur attwali ta’ sostituzzjoni espress bħala l-prezz kurrenti fid-data tal-valutazzjoni.

86

Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż għandhiex tkun ibbażata fuq l-ispejjeż tal-kostruzzjoni ex nihilo minn operatur, li ma jkunx l-operatur notifikat, ta’ infrastruttura ta’ l-aċċess lokali ġdida għall-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ekwivalenti (iktar ’il quddiem l-“ispiża kurrenti”) jew fuq l-ispejjeż realment inkorsi mill-operatur notifikat billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-deprezzamenti li diġà jkunu saru (iktar ’il quddiem l-“ispiża storika”).

87

Għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 2887/2000 ma jagħti ebda indikazzjoni dwar il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-iffissar tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali.

88

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk id-Direttivi 97/33 u 98/10, li r-Regolament Nru 2887/2000 huwa intiż li jikkomplementa, fiha xi indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

89

Fl-ewwel lok, f’dan ir-rigward, Deutsche Telekom, il-Gvern Ġermaniż u l-Bundesrepublik Deutschland, bħala parti fil-kawża prinċipali, isostnu li, minkejja n-nuqqas ta’ indikazzjonijiet fir-Regolament Nru 2887/2000 u fid-direttivi tal-QRA applikabbli fil-kawża prinċipali, jeżistu indikazzjonijiet sinjifikattivi li skondhom il-leġiżlatur Komunitarju għażel metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-ispejjeż kurrenti.

90

Indikazzjonijiet f’dan is-sens jirriżultaw, l-ewwel nett, mill-punt 6 tar-Rakkomandazzjoni 98/195, li jipprovdi li l-imputazzjoni ta’ l-ispejjeż abbażi tat-tipi ta’ attività tieħu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż kurrenti iktar milli l-ispejjeż storiċi. Mill-istess punt ta’ din ir-rakkomandazzjoni jirriżulta wkoll li l-ARN jimponu fuq l-operaturi notifikati tagħhom termini għall-implementazzjoni tas-sistemi l-ġodda ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż ibbażati fuq l-ispejjeż kurrenti meta tali sistemi ma jkunux diġà qed jintużaw.

91

It-tieni nett, l-istess jista’ jingħad dwar il-punt 4 tar-Rakkomandazzjoni 98/322, li jipprovdi li l-valutazzjoni ta’ l-assi ta’ netwerk skond il-valur prospettiv jew kurrenti ta’ operatur effiċjenti hija element essenzjali tal-metodu ta’ kontabbiltà fi spejjeż kurrenti.

92

It-tielet nett, f’dan il-kuntest, ir-Rakkomandazzjoni 2000/417 tikkonferma l-indikazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq billi fl-Artikolu 1(6) tagħha tipprovdi li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, huma, bħala regola, l-ispejjeż kurrenti li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, jiġifieri l-ispejjeż għall-bini ta’ infrastruttura moderna ekwivalenti effiċjenti u li tipprovdi dan it-tip ta’ servizz fiż-żmien meta ssir il-valutazzjoni tan-netwerk.

93

Ir-raba’ nett, f’dan is-sens, il-Komunikazzjoni 2000/C 272/10 tirreferi wkoll fil-punt 6 tagħha, intitolat “Dmirijiet ta’ l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji u tal-kompetizzjoni”, għas-sistema ta’ tariffi bbażata fuq l-ispejjeż kurrenti.

94

B’risposta għal dan l-argument, wieħed għandu jistrieħ fuq ir-Rakkomandazzjoni 2000/417, li, b’differenza mir-rakkomandazzjonijiet l-oħra ċċitati qabel, tirrigwarda speċifikament l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali u fl-istess ħin tirreferi għad-Direttivi 97/33 u 98/10. Fil-fatt, għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet mhumiex intiżi li jipproduċu effetti vinkolanti, il-qrati nazzjonali huma obbligati jieħdu r-rakkomandazzjonijiet in kunsiderazzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jitressqu quddiemhom, b’mod partikolari meta huma jiċċaraw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati bil-għan li jimplementawhom jew meta l-għan tagħhom ikun li jikkomplementaw dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura vinkolanti (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C-322/88, Ġabra. p. 4407, punt 18, u tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica SpA, C-207/01, Ġabra p. I-8875, punt 41). L-Artikolu 1(6) tar-Rakkomandazzjoni 2000/417 jipprovdi għall-prinċipju ta’ approċċ li jħares’il quddiem ibbażat fuq spejjeż kurrenti. Fil-fatt, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, dan l-approċċ joħloq kompetizzjoni ġusta u sostenibbli u jipprovdi inċentivi ta’ investiment alternattiv.

95

Madankollu, minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta ċar li approċċ ieħor mhuwiex eskluż, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bbażata fuq l-ispejjeż storiċi. Għaldaqstant, l-ARN hija f’pożizzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni kull sitwazzjoni kompetittiva partikolari.

96

Fit-tieni lok, Deutsche Telekom, il-Gvern Ġermaniż u l-Bundesrepublik Deutschland, bħala parti fil-kawża prinċipali, isostnu li, jekk jitqies li mill-qafas regolatorju applikabbli fil-kawża prinċipali ma jirriżultax li l-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż għandha tkun ibbażata fuq l-ispejjeż kurrenti, kunsiderazzjonijiet ekonomiċi speċifiċi għas-settur tat-telekomunikazzjonijiet jimponu f’kull każ, kif turi l-prassi segwita f’ċerti Stati Membri, metodu ta’ kalkolu bbażat esklużivament fuq dawn l-ispejjeż.

97

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl ta’ l-iżvilupp teknoloġiku fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet, mhuwiex eskluż li l-ispiża kurrenti ta’ ċerti investimenti, marbuta b’mod partikolari mat-tagħmir tan-netwerk stabbilit, tista’ tkun, f’ċerti każijiet, inqas mill-ispiża storika.

98

Minn dan isegwi li l-possibbiltà għall-operatur notifikat li jserraħ il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż esklużivament fuq l-ispejjeż kurrenti ta’ l-investimenti tiegħu tippermettilu, fir-realtà, li jagħżel dawk li jistgħu jagħtuh il-possibbiltà li jiffissa t-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali fl-ogħla livell u li ma jiħux in kunsiderazzjoni elementi tat-tariffi li jivvantaġġaw lill-benefiċjarji. F’dan il-kuntest, l-operatur notifikat fir-realtà jkun jista’ jdur mar-regoli dwar l-iffissar tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali abbażi ta’ l-ispejjeż.

99

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li metodu ta’ kalkolu bbażat esklużivament fuq l-ispejjeż kurrenti lanqas mhuwa l-iktar metodu adegwat fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

100

Fit-tielet lok, Arcor issostni li, bħala bażi ta’ kalkolu, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-ispejjeż storiċi u mhux l-ispejjeż kurrenti, billi f’dan il-każ ta’ l-aħħar, benefiċjarju, fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000, ikun obbligat jirremunera lill-operatur notifikat bi prezz eċċessivament għoli, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-età ta’ l-infrastrutturi ta’ l-aċċess lokali, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li n-netwerk jista’ diġà jkun ġie deprezzat.

101

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jippermetti lill-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet il-ġodda, fil-każ li ma jkollhomx l-infrastrutturi tagħhom, li jikkompetu ma’ l-operaturi notifikati billi jużaw l-infrastrutturi ta’ dawn ta’ l-aħħar. Fil-fatt, kif jingħad fis-sitt premessa tar-Regolament Nru 2887/2000, ikun impossibbli li s-suq tat-telekomunikazzjonijiet jinfetaħ rapidament għall-kompetizzjoni kieku wieħed kellu jistenna li kull operatur ikkonċernat ikun f’pożizzjoni li jibni l-infrastrutturi lokali tiegħu.

102

Kien preċiżament bil-għan li tiġi evitata distorsjoni ġdida tal-kompetizzjoni marbuta man-nuqqas ta’ netwerks ġodda għall-operaturi, apparti l-operaturi notifikati, li r-Regolament Nru 2887/2000 ipprovda għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi mfakkar, fit-tieni lok, li r-regola dwar it-tariffi prevista fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament tiżgura li l-fornitur ta’ linja lokali jkun kapaċi jkopri l-ispejjeż proprji f’dan ir-rigward u jkollu dħul raġonevoli, biex jiġi żgurat l-iżvilupp fit-tul u l-aġġornar ta’ l-infrastruttura ta’ l-aċċess lokali.

104

Għaldaqstant, li kieku, kif tallega Arcor, għall-applikazzjoni tar-regola dwar it-tariffi prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż kellha tkun esklużivament ibbażata fuq l-ispejjeż storiċi, ħaġa li, potenzjalment, minħabba l-età tan-netwerk, tista’ twassal sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni netwerk kważi deprezzat, u għaldaqstant twassal għal tariffa baxxa ħafna, l-operatur notifikat kien jiġi ffaċċat b’sitwazzjoni kkaratterizzata bi żvantaġġi inġustifikati.

105

Minn naħa, huwa jkun obbligat jiftaħ in-netwerk tiegħu għall-kompetituri tiegħu u, b’hekk, iġib fuqu r-riskju li jitlef parti mill-klijentela tiegħu.

106

Min-naħa l-oħra, ir-remunerazzjoni li huwa jirċievi bħala korrispettiv għall-provvista ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma tippermettilux li jagħmel qligħ raġonevoli mill-operazzjoni, apparti l-fatt li, kif jingħad fil-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000, huwa obbligat jiżgura l-iżvilupp fit-tul u l-aġġornar ta’ l-infrastruttura lokali.

107

F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-ispejjeż marbuta mal-manutenzjoni u ma’ l-aġġornar ta’ l-infrastruttura lokali huma kkalkulati f’kull każ abbażi tal-valur reali ta’ l-assi immobbli ta’ l-operatur notifikat.

108

Minn dan isegwi li l-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-iffissar tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma jistgħux ikunu bbażati esklużivament fuq l-ispejjeż storiċi, għaliex altrimenti l-operatur notifikat jitqiegħed, meta mqabbel mal-benefiċjarju, f’sitwazzjoni kkaratterizzata bi żvantaġġi inġustifikati li r-Regolament Nru 2887/2000 innifsu jfittex preċiżament li jevita. Fil-fatt, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jippermetti lill-benefiċjarji u lill-operatur notifikat joperaw fis-suq fl-istess ħin, sabiex tiġi stabbilita kompetizzjoni normali f’tul ta’ żmien medju.

109

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ma teżisti ebda indikazzjoni, fir-Regolament Nru 2887/2000 u fid-Direttivi 97/33 u 98/10 tal-QRA, favur metodu ta’ kalkolu bbażat esklużivament fuq l-ispejjeż kurrenti jew fuq l-ispejjeż storiċi u li t-teħid in kunsiderazzjoni esklużiv ta’ bażi waħda jew l-oħra jista’ jippreġudika l-għan li dan ir-regolament ifittex li jilħaq, jiġifieri l-intensifikazzjoni tal-kompetizzjoni permezz tat-twaqqif ta’ kundizzjonijiet armonizzati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, biex titrawwem il-provvista kompetittiva ta’ medda wiesgħa ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

110

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat, indipendentement mir-referenza li saret mill-qorti tar-rinviju għall-ispejjeż kurrenti u għall-ispejjeż storiċi, jekk, fid-Direttivi 97/33 u 98/10 li r-Regolament Nru 2887/200 huwa intiż li jikkomplementa, jeżistux indikazzjonijiet oħra dwar il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż.

111

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skond l-għaxar premessa tad-Direttiva 97/33, it-tariffi għandhom jistimulaw il-produttività u jinkoraġġixxu d-dħul fis-suq ta’ operaturi li jkun effiċjenti u sostenibbli u m’għandhomx ikunu iktar baxxi minn limitu stabbilit abbażi ta’ l-ispejjeż inkrementali fuq żmien twil u skond metodi ta’ tqassim u ta’ attribuzzjoni ta’ l-ispejjeż ibbażat fuq l-ispejjeż reali, u lanqas m’għandhom ikunu ogħla minn limitu massimu stabbilit abbażi ta’ l-ispiża tal-provvista ta’ l-interkonnessjoni in kwistjoni meħuda waħedha.

112

F’dan is-sens ukoll, l-Artikolu 7(2) ta’ l-istess direttiva jipprovdi li r-rati mitluba għall-interkonnessjoni għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-trasparenza u ta’ l-orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż u li l-oneru tal-prova li r-rati mitluba huma stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli fuq l-investimenti, għandu jkun fuq l-organizzazzjoni li tipprovdi l-interkonnessjoni ma’ l-installazzjonijiet tagħha.

113

Bl-istess mod, l-Anness IV tad-Direttiva 97/33 jikkwalifika r-rati mitluba għall-interkonnessjoni bħala r-rati reali li huma pagabbli mill-partijiet interkonnessi.

114

Fl-Anness V tad-Direttiva 97/33, il-leġiżlatur Komunitarju jirreferi għall-i“Spiża standard użata” u, fejn jeħtieġ li jiġi determinat il-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn l-ispejjeż, dan l-anness jindika bħala referenza l-i“spejjeż diġà mħallsa”, ibbażati fuq l-infiq effettiv li jkun sar għat-tagħmir u għas-sistemi, u l-“ispejjeż mistennija”, ibbażati fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tat-tagħmir jew tas-sistemi.

115

Mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż jirrikjedi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ispejjeż reali, jiġifieri l-ispejjeż diġà mħallsa mill-operatur notifikat u l-ispejjeż mistennija bbażati fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tan-netwerk jew ta’ ċerti elementi tiegħu.

116

Fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja speċifika, id-definizzjoni tal-modalitajiet għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu li fuqha għandu jittieħed in kunsiderazzjoni d-deprezzament jaqa’ fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

117

Għaldaqstant, skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/33, li japplikaw ukoll għal-linja lokali fil-kuntest tar-Regolament Nru 2887/2000, il-metodu ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż jista’ jkun ibbażat kemm fuq spejjeż diġà mħallsa mill-operatur notifikat, li jippresupponi t-teħid in kunsiderazzjoni, bħala bażi ta’ referenza, ta’ l-ispejjeż bil-valur storiku tagħhom, kif ukoll fuq spejjeż mistennija, li ma jeskludix it-teħid in kunsiderazzjoni, bħala bażi ta’ referenza, ta’ l-ispejjeż bil-valur kurrenti tagħhom.

118

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-ARN għandhom jikkalkulaw l-ispejjeż reali li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

119

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-paragrafu (a) tat-tielet domanda għandha tkun li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-ARN għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex jiddeterminaw il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, l-ispejjeż reali, jiġifieri l-ispejjeż diġà mħallsa mill-operatur notifikat, kif ukoll l-ispejjeż mistennija, u dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu bbażati, jekk ikun il-każ, fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tan-netwerk jew ta’ ċerti elementi tiegħu.

Fuq il-paragrafi (b) u (ċ) tat-tielet domanda, dwar il-prova ta’ l-ispejjeż

120

Permezz tal-paragrafu (b) tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000 għandhomx jiġu pprovati permezz ta’ dokumenti tal-kontabbiltà kompleti u komprensibbli.

121

Fil-każ li tingħata risposta negattiva għal din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tal-paragrafu (ċ) tat-tielet domanda tagħha, jekk l-imsemmija spejjeż jistgħux jiġu pprovati permezz ta’ valutazzjoni bbażata fuq mudell analitiku ta’ l-ispejjeż bottom up jew top down. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju titlob ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti metodoloġiċi ta’ din il-valutazzjoni.

— Fuq il-paragrafu (b) tat-tielet domanda, dwar id-dokumenti tal-kontabbiltà

122

F’dak li jirrigwarda l-prova, abbażi ta’ dokumenti tal-kontabbiltà kompleti u komprensibbli, ta’ l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, għandu jiġi kkonstatat li dan ir-regolament u d-Direttivi 97/33 u 98/10 ma fihom ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

123

Madankollu, Arcor issostni li jeżistu indikazzjonijiet, fl-Anness V tad-Direttiva 97/33, li skondhom il-leġiżlatur Komunitarju fittex li jiżgura l-adozzjoni ta’ sistema ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż ibbażata fuq dokumenti dettaljati b’mod li operatur notifikat ma jkunx jista’ jdur mas-sistema billi jibgħat dokumenti tal-kontabbiltà inkompleti jew inkomprensibbli, ħaġa li timplika li l-ARN jirrikorru għal mudelli teoretiċi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.

124

Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens, ma jistax jiġi dedott mill-Anness V tad-Direttiva 97/33 biss li jeżisti obbligu li l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, għandhom jiġu pprovati f’kull każ permezz ta’ dokumenti kompleti u komprensibbli.

125

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 2887/2000 jipprovdi li l-ARN għandu jkollha s-setgħa li teħtieġ lill-operaturi notifikati li jipprovdulha t-tagħrif rilevanti għall-implementazzjoni ta’ l-imsemmi regolament.

126

Għaldaqstant, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, l-ARN jistgħu jitolbu tagħrif, u dan anki meta fil-każ ta’ dokumenti li jipprovaw l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

127

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-paragrafu (b) tat-tielet domanda għandha tkun li, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-ARN tista’ titlob lill-operatur notifikat jipprovdilha tagħrif rilevanti fuq id-dokumenti li jipprovaw l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż. Billi fid-dritt Komunitarju mhemm ebda dispożizzjoni dwar id-dokomenti tal-kontabbiltà li għandhom jiġu vverifikati, huma biss l-ARN, skond il-liġi applikabbli, li għandhom jeżaminaw jekk id-dokumenti prodotti humiex l-iktar adegwati għall-finijiet tal-kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.

— Fuq il-paragrafu (ċ) tat-tielet domanda, dwar il-mudelli analitiċi ta’ l-ispejjeż

128

F’dak li jirrigwarda l-mudelli analitiċi ta’ l-ispejjeż, għandu jiġi mfakkar, preliminarjament, li, fil-kuntest tal-mudell analitiku ta’ l-ispejjeż bottom up, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-valur attwali ta’ l-investimenti sabiex jinbena netwerk ġdid. Dan il-mudell huwa bbażat fuq l-ispejjeż li operatur kien jonfoq sabiex jakkwista u jħaddem in-netwerk tiegħu stess. Għall-kuntrarju, il-mudell top down huwa bbażat fuq l-ispejjeż realment minfuqa mill-operatur notifikat.

129

F’dan ir-rigward, għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 2887/2000 u lanqas id-Direttivi 97/33 u 98/10 ma fihom indikazzjonijiet konkreti u konsistenti dwar id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

130

Barra minn hekk, fil-ħames premessa tar-Rakkomandazzjoni 98/322 jingħad li l-mudelli ekonomiċi bottom up qed jiġu pperfezzjonati ħafna iżda għadhom imperfetti, u għalhekk ir-rekonċiljazzjoni ta’ l-approċċi bottom up u top down hija rrakkomandata għall-futur qrib.

131

Għalhekk mir-Regolament Nru 2887/2000 u mit-testi tal-QRA applikabbli fil-kawża prinċipali jirriżulta li mhemmx indikazzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu suffiċjentement skond il-liġi li l-leġiżlatur Komunitarju għażel mudell ta’ kontabbiltà bottom up jew top down.

132

Fin-nuqqas ta’ dettalji oħra, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt Komunitarju jħalli f’idejn l-ARN, abbażi tal-liġi applikabbli, l-għażla tal-metodi ta’ kontabbiltà ta’ l-ispejjeż li jidhrilhom, skond il-każ, li jkunu l-iktar adegwati.

133

F’dawn iċ-ċirkustanzi, mhemmx lok li tingħata risposta għad-domanda sussegwenti tal-qorti tar-rinviju dwar ir-rekwiżiti metodoloġiċi tal-valutazzjoni bbażata fuq mudell analitiku ta’ l-ispejjeż bottom up jew top down.

134

Għaldaqstant, ir-risposta għall-paragrafu (ċ) tat-tielet domanda għandha tkun li d-dritt Komunitarju ma jeskludix il-possibbiltà li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, fin-nuqqas ta’ dokumenti tal-kontabbiltà kompleti u komprensibbli, l-ARN jiddeterminaw l-ispejjeż billi jibbażaw ruħhom fuq mudell analitiku ta’ l-ispejjeż bottom up jew top down.

Fuq l-ewwel domanda, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż

135

Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000 għandux jinftiehem fis-sens li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż previst fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament jikkostitwixxi rekwiżit minimu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ l-Istati Membri ma tistax tiddevja minnu għad-detriment tal-benefiċjarji.

136

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, dan ir-regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ l-Istati Membri li jżommu fis-seħħ jew jintroduċu miżuri li jikkonformaw mad-dritt Komunitarju li jkun fihom dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk imniżżla fl-imsemmi regolament u/jew jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament inter alia dwar tipi oħra ta’ aċċess għall-infrastrutturi lokali.

137

F’dak li jirrigwarda l-Artikolu 3(3) ta’ l-istess regolament, għandu jiġi mfakkar ukoll li dan jillimita ruħu sabiex jiddikjara b’mod ġenerali li l-operaturi notifikati għandhom jitolbu prezzijiet għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ffissati fuq il-bażi ta’ orjentazzjoni ma’ l-ispejjeż, mingħajr ma jagħti iktar dettalji.

138

Fid-dawl tat-termini tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Regolament Nru 2887/2000 u tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk miżuri nazzjonali dettaljati, adottati skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) ta’ dan ir-regolament, jistgħux jirrendu inapplikabbli l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament.

139

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat, fl-ewwel lok, li huwa minnu li l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000 jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jżommu fis-seħħ jew jintroduċu miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet iktar dettaljati minn dawk imniżżla f’dan ir-regolament u, b’mod partikolari, dawk relattivi għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż.

140

Madankollu, tali dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti l-fakultà lill-Istati Membri li jidderogaw mill-imsemmi prinċipju permezz taż-żamma fis-seħħ jew ta’ l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali.

141

Fil-fatt, mit-termini użati fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jikkomplementa, permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali dettaljati, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-regolament, f’dan il-każ dawk relattivi għall-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, u mhux jidderoga minnhom.

142

Il-fakultà li jagħti l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000 lill-Istat Membru kkonċernat hija meħtieġa fid-dawl tal-fatt li, kif indikat fil-punti 48 u 49 ta’ din is-sentenza, dan ir-regolament ma fih ebda element konkret dwar id-definizzjoni ta’ dan il-prinċipju.

143

Għaldaqstant, il-fakultà li jinżammu fis-seħħ jew li jiġu introdotti miżuri li jkun fihom dispożizzjonijiet iktar dettaljati, mogħtija bl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, tawtorizza lill-Istati Membri jipprovdu dispożizzjonijiet fil-liġi nazzjonali tagħhom li jkunu ta’ natura li jikkonkretizzaw il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, bil-kundizzjoni li dawn jirrispettaw il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(4) ta’ l-imsemmi regolament.

144

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-imsemmi regolament ġie adottat, kif indikat fl-erbatax-il premessa tiegħu, skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat u huwa biss f’dan il-kuntest li huwa espressament indikat li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jistabbilixxu regoli speċifiċi fil-qasam in kwistjoni.

145

Minbarra dan, għandu jiġi speċifikat li l-partijiet fil-kawża prinċipali li ppreżentaw osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma qajmux l-argument li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż jista’ ma jkunx applikabbli minħabba d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, billi d-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-Artikolu 24 tat-TKG 1996 u l-Artikoli 2 u 3 tat-TEntgV, jikkostitwixxu applikazzjoni dettaljata ta’ dan il-prinċipju.

146

Min-naħa l-oħra, ġie sostnut li l-prinċipju dwar it-tariffi in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi kkonkretizzat permezz ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali fl-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri f’dan il-qasam u li, f’kull każ, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma nqabiżx f’dan il-każ.

147

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum, fit-tieni lok, il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, bħalma huma l-Artikolu 24 tat-TKG 1996 u l-Artikoli 2 u 3 tat-TEntgV, jikkostitwixxux dispożizzjonijiet dettaljati fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000.

148

Mhemmx dubju li sempliċi qari ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni li dawn huma dispożizzjonijiet dettaljati fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) ta’ l-imsemmi regolament.

149

Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jimplementaw, skond id-dritt Komunitarju, il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż permezz ta’ miżuri tekniċi dwar, b’mod partikolari, it-tariffi u d-dokumenti li għandhom jiġu prodotti mill-impriża li tkun ippreżentat applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-tariffi.

150

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, li jadottaw miżuri nazzjonali dettaljati ma tistax tirrendi inapplikabbli l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament.

Fuq il-paragrafu (e) tat-tielet domanda, dwar is-setgħa diskrezzjonali ta’ l-ARN fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż

151

Għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000, intitolat “Superviżjoni mill-[ARN]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-ARN għandha tiżgura li l-prezzijiet mitluba għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali jrawmu kompetizzjoni ġusta u sostenibbli.

152

F’dan ir-rigward, il-paragrafu 2 ta’ l-istess Artikolu jgħid li l-ARN għandu jkollha s-setgħa li, minn naħa, timponi bidliet fl-offerta ta’ referenza għall-aċċess disassoċjat għal-linja lokali u faċilitajiet relatati, inklużi l-prezzijiet, fejn dawk il-bidliet ikunu ġustifikati u, min-naħa l-oħra, teħtieġ lill-operaturi notifikati li jipprovdulha tagħrif rilevanti għall-implementazzjoni ta’ dan ir-regolament.

153

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-ARN għandhom setgħa wiesgħa sabiex jintervjenu fir-rigward tad-diversi aspetti tat-tariffi għall-provvista ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, u dan sal-punt li jibdlu l-prezzijiet, u għalhekk it-tariffi proposti.

154

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-prinċipju previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, il-livell tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali għandu jiġi ffissat abbażi ta’ l-ispejjeż reali, jiġifieri l-ispejjeż diġà mħallsa u l-ispejjeż mistennija inkorsi mill-operatur notifikat.

155

F’dawn iċ-ċirkustanzi, isegwi li s-setgħa wiesgħa mogħtija mir-Regolament Nru 2887/2000 lill-ARN f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni ta’ l-aspetti tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tirreferi wkoll għall-valutazzjoni ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-operatur notifikat.

156

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li s-setgħa wiesgħa li għandhom l-ARN bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 2887/2000 tirrigwarda wkoll l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni, bħalma huma l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli, il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar u l-mudelli tal-kontabbiltà użati sabiex jiġu pprovati l-imsemmija spejjeż.

157

Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat li mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(2) ta’ l-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tas-setgħa wiesgħa mogħtija lilhom minn dawn id-dispożizzjonijiet, l-ARN għandhom ukoll kompetenzi sabiex imexxu l-proċedura ta’ kontroll tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali fis-sens li jistgħu jitolbu tagħrif dwar, b’mod partikolari, l-ispejjeż inkorsi fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż.

158

Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 2887/2000 jagħti lill-ARN mhux biss setgħa wiesgħa, iżda wkoll mezzi xierqa sabiex ikunu jistgħu jeżaminaw bl-aktar mod effettiv l-applikazzjoni korretta tal-prinċipju previst fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament.

159

Għaldaqstant ir-risposta għall-paragrafu (e) tat-tielet domanda għandha tkun li mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 2887/2000 jirriżulta li, fl-eżami tat-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-provvista ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom fid-dawl tal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament, l-ARN għandhom setgħa wiesgħa li tkopri l-evalwazzjoni tad-diversi aspetti ta’ dawn it-tariffi, u dan sal-punt li jibdlu l-prezzijiet, u għalhekk it-tariffi proposti. Din is-setgħa wiesgħa tirrigwarda wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-operatur notifikat, bħalma huma l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli, il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar u l-mudelli tal-kontabbiltà użati sabiex jiġu pprovati l-imsemmija spejjeż.

Fuq il-paragrafi (d) u (f) sa (h) tat-tielet domanda, dwar l-aspetti proċedurali marbuta ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż

160

Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, sabiex tieħu pożizzjoni dwar il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet ta’ l-ARN dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

161

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tippronunzja ruħha dwar il-possibbiltà għall-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet li jidħlu fil-kategorija li r-Regolament Nru 2887/2000 tikkwalifika bħala benefiċjarji, jiġifieri t-terzi kompetituri li joperaw fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, li jikkontestaw fil-qorti d-deċiżjonijiet ta’ l-ARN li jawtorizzaw it-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-provvista ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom.

162

F’dan il-kuntest tqum, fit-tielet u l-aħħar lok, il-kwistjoni dwar min għandu jerfa’, b’mod partikolari fil-kors ta’ proċeduri ġudizzjarji jew fil-kors tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000, l-oneru tal-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż li għalih jirreferi l-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament ġie rispettat.

Fuq il-paragrafu (d) tat-tielet domanda, dwar il-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju

163

Għandu jiġi kkonstatat, qabel xejn, li la r-Regolament Nru 2887/2000 u lanqas id-direttivi tal-QRA ma jipprovdu għal armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali dwar il-proċeduri ġudizzjarji applikabbli jew, f’dan ir-rigward, għall-portata ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju skond il-każ.

164

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż, il-Bundesrepublik Deutschland bħala parti fil-kawża prinċipali u Deutsche Telekom jisiltu argument mill-ġurisprudenza li skondha, meta d-dritt Komunitarju jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-istituzzjonijiet tal-Komunità minħabba evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi li huma jagħmlu fil-qasam in kwistjoni, l-eventwali stħarriġ tal-qorti Komunitarja għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk il-miżuri in kwistjoni humiex ivvizzjati bi żball manifest jew b’abbuż ta’ poter jew jekk l-istituzzjoni in kwistjoni qabżitx, b’mod manifest, il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C-120/97, Ġabra p. I-223, punt 34, u tad-9 ta’ Ġunju 2005, HLH Warenvertrieb u Orthica, C-211/03, C-299/03 u C-316/03 sa C-318/03, Ġabra p. I-5141, punt 75).

165

Bit-traspożizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza b’analoġija għall-kawża prinċipali, qed jiġi sostnut li l-evalwazzjonijiet magħmula mill-ARN dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju dwar it-tariffi previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, jiġifieri dawk l-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, il-kalkolu tagħhom u l-prova tagħhom mill-aspett tal-kontabbiltà fil-każ tal-valutazzjoni fittizja ta’ l-infrastrutturi lokali tat-telekomunikazzjonijiet, jikkostitwixxu evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi u, għaldaqstant, l-istħarriġ tal-qorti nazzjonali għandu wkoll ikun limitat.

166

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 2004, Recheio — Cash & Carry, C-30/02, Ġabra p. I-6051, punt 17, u tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

167

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li, kif isostnu ġustament Arcor u, f’kuntest iktar ġenerali, il-Gvern Litwan, mill-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 2887/2000 u mill-Artikoli 3(2) u (3) u 4(3) ta’ l-istess regolament jirriżulta li l-ARN għandhom jiżguraw l-applikazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali f’kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji.

168

Għaldaqstant, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiżgura li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2887/2000 dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond modalitajiet konformi mal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament jiġu rispettati, u dan fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

169

Minn dan isegwi li d-dritt Komunitarju ma jistabbilixxi ebda regola li skondha l-Istati Membri għandhom jipprovdu għall-istituzzjoni ta’ modalità partikolari ta’ stħarriġ fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ l-ARN dwar it-tariffi ta’ l-operatur notifikat għall-aċċess għal-linja lokali ta’ dan ta’ l-aħħar.

170

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-paragrafu (d) tat-tielet domanda għandha tkun li huma biss l-Istati Membri li, fl-ambitu ta’ l-awtonomija proċedurali li għandhom, għandhom jiddeterminaw, skond il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-qorti kompetenti, in-natura tal-kawżi u, għaldaqstant, il-modalitajiet ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ l-ARN dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2887/2000 dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond modalitajiet konformi mal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament jiġu effettivament rispettati, u dan f’kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji.

Fuq il-paragrafu (f) tat-tielet domanda, dwar id-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-ARN dwar it-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom

171

Fil-kuntest tal-paragrafu (f) tat-tielet domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tiġi essenzjalment mistiedna teżamina jekk il-benefiċjarji fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000 jistgħux jikkontestaw id-deċiżjonijiet ta’ l-ARN li jawtorizzaw it-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom abbażi tar-rekwiżiti dwar l-orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż.

172

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat il-qafas regolatorju li jifforma parti minnu l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000.

173

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jeżistu mekkaniżmi xierqa fuq livell nazzjonali li permezz tagħhom parti milquta minn deċiżjoni ta’ l-ARN tkun tista’ tappella quddiem korp indipendenti mill-partijiet involuti.

174

L-imsemmija dispożizzjoni tikkostitwixxi espressjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, li tnissel mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u li skondu huma l-qrati ta’ l-Istati Membri li għandhom jassiguraw il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li għandhom l-individwi taħt id-dritt Komunitarju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C-426/05, Ġabra p. I-685, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175

Billi deċiżjoni ta’ l-ARN meħuda b’relazzjoni ma’ l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/387, l-Artikolu 5a(3) ta’ din id-direttiva jeżiġi li d-dritt nazzjonali jipprovdi mekkaniżmi xierqa li permezz tagħhom il-“parti milquta” minn din id-deċiżjoni tkun tista’ tappella quddiem korp indipendenti. Din il-garanzija tapplika kemm għad-destinatarju ta’ l-imsemmija deċiżjoni kif ukoll għall-benefiċjarji fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000.

176

Fir-rigward tad-dritt ta’ appell ta’ terzi, għandu jiġi kkonstatat li billi benefiċjarju mhuwiex destinatarju ta’ deċiżjoni ta’ l-ARN, huwa jiskeb l-istatus ta’ “parti milquta” meta d-drittijiet tagħhom jkunu potenzjalment milquta minn tali deċiżjoni minħabba, minn naħa, il-kontenut tagħha u, min-naħa l-oħra, l-attività eżerċitata jew prospettata minn din il-parti (ara, b’analoġija, is-sentenza Tele2 Telecommunication, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

177

Fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li billi kkonkludiet kuntratt ma’ l-operatur notifikat dwar l-aċċess għal-linji lokali, Arcor hija parti milquta fis-sens ta’ l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, minħabba li deċiżjoni ta’ l-ARN li tikkonċerna r-rekwiżiti dwar l-orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż tolqot neċessarjament id-drittijiet tagħha bħala parti f’tali kuntratt. Madankollu, għandu jiġi speċifikat li mhuwiex meħtieġ li jkun hemm rabta kuntrattwali, bħal dik li teżisti fil-kawża prinċipali, sabiex id-drittijiet ta’ benefiċjarju jkunu potenzjalment affettwati minn tali deċiżjoni.

178

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għall-paragrafu (f) tat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2887/2000, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva 90/387, jeżiġi li l-qrati nazzjonali jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali interni li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell b’mod li deċiżjoni ta’ l-ARN dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tkun tista’ tiġi kkontestata fil-qorti, mhux biss mill-impriża destinatarja ta’ tali deċiżjoni, iżda wkoll minn benefiċjarji, fis-sens ta’ l-imsemmi regolament, li d-drittijiet tagħhom ikunu potenzjalment affettwati minn din ta’ l-aħħar.

Fuq il-paragrafi (g) u (h) tat-tielet domanda, dwar l-oneru tal-prova

179

Permezz tal-paragrafi (g) u (h) tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina min għandu jerfa’ l-oneru tal-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ġie rispettat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000 jew fil-każ ta’ proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjoni ta’ l-ARN li tawtorizza l-imsemmija tariffi ta’ operatur notifikat.

180

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-oneru tal-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ġie rispettat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000, għandu qabel xejn jiġi kkonstatat li dan ir-regolament u r-Rakkomandazzjoni 2000/417 ma fihom ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

181

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tistax tinsilet indikazzjoni f’dan is-sens mid-direttivi tal-QRA.

182

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/33 jipprovdi li l-oneru tal-prova li r-rati mitluba huma stabbiliti abbażi ta’ l-ispejjeż reali, inkluż qligħ raġonevoli fuq l-investimenti, għandu jkun fuq l-organizzazzjoni li tipprovdi l-interkonnessjoni ma’ l-installazzjonijiet tagħha.

183

Minn dan isegwi li, f’din id-direttiva, hemm dispożizzjonijiet li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-proċeduri amministrattivi għall-awtorizzazzjoni tar-rati, huwa l-operatur notifikat li għandu jistabbilixxi l-elementi kwantitattivi li fuqhom hija bbażata l-proposta tat-tariffi tiegħu.

184

Minbarra din il-konstatazzjoni inekwivoka fil-QRA, għandu jiġi rrilevat ukoll li, fil-kuntest ta’ l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali, minn naħa, l-operatur notifikat għandu jissottometti t-tariffi tiegħu lill-ARN għall-awtorizzazzjoni u li, min-naħa l-oħra, huwa l-operatur notifikat biss li jista’ jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż relattivi għat-twaqqif tan-netwerk tiegħu.

185

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u billi l-elementi li fuqhom huma bbażati t-tariffi proposti jikkonċernaw qabel kollox lill-operatur notifikat, għandu jiġi konkluż li huwa dan ta’ l-aħħar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000, għandu jġib il-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ġie rispettat.

186

Min-naħa l-oħra, din il-konstatazzjoni ma tikkonċernax lill-benefiċjarji fis-sens tar-Regolament Nru 2887/2000.

187

Fil-fatt, billi d-dritt Komunitarju ma jipprovdi ebda regola dwar l-oneru tal-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ġie rispettat, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skond ir-regoli proċedurali tagħhom, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prevista fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 2887/2000, ir-regoli dwar il-provi applikabbli, inkluż it-tqassim ta’ l-oneru ta’ din il-prova bejn l-ARN li tkun ħadet id-deċiżjoni li tawtorizza t-tariffi ta’ l-operatur notifikat u l-benefiċjarju li jikkontesta din id-deċiżjoni.

188

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-oneru tal-prova li l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż ġie rispettat, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji mressqa kontra d-deċiżjoni ta’ l-ARN li tawtorizza l-imsemmija tariffi ta’ operatur notifikat, għandu jiġi speċifikat li la fir-Regolament Nru 2887/2000 u lanqas fil-QRA mhemm xi indikazzjoni f’dan ir-rigward.

189

Minn dan isegwi li, billi d-dritt Komunitarju ma jipprovdi ebda regola dwar l-oneru tal-prova li l-imsemmi prinċipju ġie rispettat fil-kuntest ta’ tali proċeduri ġudizzjarji, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skond ir-regoli proċedurali tagħhom, ir-regoli dwar il-provi applikabbli, inkluż it-tqassim ta’ l-oneru ta’ din il-prova bejn l-ARN li ħadet id-deċiżjoni li tawtorizza t-tariffi ta’ l-operatur notifikat u l-parti li tikkontesta din id-deċiżjoni.

190

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li din il-kompetanza riżervata lill-Istati Membri ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr ma jiġu rispettati l-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja.

191

Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-regoli dwar il-provi, u b’mod partikolari r-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova, li jkunu applikabbli għal proċeduri ġudizzjarji dwar kawżi relatati ma’ ksur tad-dritt Komunitarju, fl-ewwel lok, ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li japplikaw għal proċeduri ġudizzjarji simili ta’ natura interna u, fit-tieni lok, ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju mill-individwu tad-drittijiet mogħtija mis-sistema ġuridika Komunitarja (ara s-sentenza tat-3 ta’ Frar 2000, Dounias, C-228/98, Ġabra p. I-577, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għall-paragrafi (g) u (h) tat-tielet domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2887/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kors ta’ proċedura ta’ superviżjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali mmexxija minn ARN skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi regolament, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova li t-tariffi tiegħu jirrispettaw il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu t-tqassim ta’ l-oneru tal-prova bejn l-ARN li tkun ħadet id-deċiżjoni li tawtorizza t-tariffi ta’ l-operatur notifikat u l-benefiċjarju li jikkontesta din id-deċiżjoni. Huma wkoll l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skond ir-regoli proċedurali tagħhom u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova fil-każ ta’ kontestazzjoni fil-qorti ta’ deċiżjoni ta’ l-ARN li tawtorizza t-tariffi ta’ operatur notifikat għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

193

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli użati għat-twaqqif tal-linja lokali jifformaw parti mill-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni skond il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 2887/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2000, dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali.

 

2)

Fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex jiddeterminaw il-bażi ta’ kalkolu ta’ l-ispejjeż ta’ l-operatur notifikat, l-ispejjeż reali, jiġifieri l-ispejjeż diġà mħallsa mill-operatur notifikat, kif ukoll l-ispejjeż mistennija, u dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu bbażati, jekk ikun il-każ, fuq stima ta’ l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni tan-netwerk jew ta’ ċerti elementi tiegħu.

 

3)

Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ titlob lill-operatur notifikat jipprovdilha tagħrif rilevanti fuq id-dokumenti li jipprovaw l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż. Billi fid-dritt Komunitarju mhemm ebda dispożizzjoni dwar id-dokomenti tal-kontabbiltà li għandhom jiġu vverifikati, huma biss l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, skond il-liġi applikabbli, li għandhom jeżaminaw jekk id-dokumenti prodotti humiex l-iktar adegwati għall-finijiet tal-kontabbiltà ta’ l-ispejjeż.

 

4)

Id-dritt Komunitarju ma jeskludix il-possibbiltà li, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, fin-nuqqas ta’ dokumenti tal-kontabbiltà kompleti u komprensibbli, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiddeterminaw l-ispejjeż billi jibbażaw ruħhom fuq mudell analitiku ta’ l-ispejjeż bottom up jew top down.

 

5)

Il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, li jadottaw miżuri nazzjonali dettaljati ma tistax tirrendi inapplikabbli l-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma’ l-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament.

 

6)

Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 2887/2000 jirriżulta li, fl-eżami tat-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-provvista ta’ aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom fid-dawl tal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom setgħa wiesgħa li tkopri l-evalwazzjoni tad-diversi aspetti ta’ dawn it-tariffi, u dan sal-punt li jibdlu l-prezzijiet, u għalhekk it-tariffi proposti. Din is-setgħa wiesgħa tirrigwarda wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-operatur notifikat, bħalma huma l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta’ l-assi immobbli, il-bażi ta’ kalkolu ta’ dawn ta’ l-aħħar u l-mudelli tal-kontabbiltà użati sabiex jiġu pprovati l-imsemmija spejjeż.

 

7)

Huma biss l-Istati Membri li, fl-ambitu ta’ l-awtonomija proċedurali li għandhom, għandhom jiddeterminaw, skond il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-qorti kompetenti, in-natura tal-kawżi u, għaldaqstant, il-modalitajiet ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju f’dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi ta’ l-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2887/2000 dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond modalitajiet konformi mal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta’ l-imsemmi regolament jiġu effettivament rispettati, u dan f’kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji.

 

8)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2887/2000, moqri flimkien ma’ l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ, kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Ottubru 1997, jeżiġi li l-qrati nazzjonali jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali interni li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta’ appell b’mod li deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tkun tista’ tiġi kkontestata fil-qorti, mhux biss mill-impriża destinatarja ta’ tali deċiżjoni, iżda wkoll minn benefiċjarji, fis-sens ta’ l-imsemmi regolament, li d-drittijiet tagħhom ikunu potenzjalment affettwati minn din ta’ l-aħħar.

 

9)

Ir-Regolament Nru 2887/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kors ta’ proċedura ta’ superviżjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali mmexxija minn awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 4 ta’ l-imsemmi regolament, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova li t-tariffi tiegħu jirrispettaw il-prinċipju ta’ orjentazzjoni tat-tariffi ma’ l-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu t-tqassim ta’ l-oneru tal-prova bejn l-awtorità regolatorja nazzjonali li tkun ħadet id-deċiżjoni li tawtorizza t-tariffi ta’ l-operatur notifikat u l-benefiċjarju li jikkontesta din id-deċiżjoni. Huma wkoll l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skond ir-regoli proċedurali tagħhom u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-regoli dwar it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova fil-każ ta’ kontestazzjoni fil-qorti ta’ deċiżjoni ta’ l-awtorità regolatorja nazzjonali li tawtorizza t-tariffi ta’ operatur notifikat għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.