Keywords
Summary

Keywords

1. Dritt Komunitarju — Kamp ta’ applikazzjoni — Ineżistenza ta’ riżerva ġenerali li teskludi l-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika

(Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE)

2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej — Konstatazzjoni u tqegħid għad‑dispożizzjoni mill-Istati Membri — Importazzjoni minn Stat Membru ta’ apparat militari eżenti mid-dazju

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, kif emendat bir-Regolament Nru 1355/96, Artikoli 2 u 9 sa 11, u Nru 1150/2000, Artikoli 2 u 9 sa 11)

Summary

1. Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji sabiex iħarsu s‑sigurtà interna u esterna tagħhom, madankollu minn dan ma jirriżultax li miżuri bħal dawn jaqgħu kompletament barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. It-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli fil-każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jipperikolaw is-sigurtà pubblika biss fl-Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali definiti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad‑dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni.

Barra minn hekk, id-derogi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, bħal fil-każ ta’ derogi mil-libertajiet fundamentali, jiġu interpretati b’mod strett. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l‑Artikolu 296 KE, minkejja li dan l-artikolu jirreferi għall-miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji sabiex jipproteġi l-interessi essenzjali tas‑sigurtà tiegħu jew informazzjoni li huwa jqis li l-iżvelar tagħha jmur kontra dawn l-interessi, dan madankollu ma jistax jiġi interpretat li jikkonferixxi lill-Istati Membri s-setgħa li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat bis-sempliċi invokazzjoni ta’ dawn l-interessi. Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu juri li hemm in-neċessità li jsir użu mid-deroga prevista f’dan l-artikolu bil-għan li jiġu protetti l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu.

(ara l-punti 62-64, 66)

2. Stat Membru jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, taħt l‑Artikoli 2 u 9 sa 11 tar-Regolament Nru 1552/89, li jimplementa d‑Deċiżjoni 88/376 dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament Nru 1355/96, fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u t-30 ta’ Mejju 2000 inklużivi, kif ukoll, fir-rigward tal-perijodu bejn il-31 ta’ Mejju 2000 u l-31 ta’ Diċembru 2002, taħt l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, billi, minn naħa, jirrifjuta li jikkalkola u li jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ir-riżorsi proprji dovuti għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1998 u l-31 ta’ Diċembru 2002 inklużivi, minħabba l-importazzjoni ta’ tagħmir u beni ta’ użu speċifikament militari, u min-naħa l-oħra, billi jirrifjuta li jħallas l-interessi moratorji korrispondenti.

Fil-fatt, ma jistax jiġi ammess li Stat Membru jinvoka ż-żieda fil-prezz tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazju doganali fuq l‑importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, għad-dannu tal-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jirkupraw u jħallsu d-dazju doganali relatat ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir-rigward tal-baġit tal-Unjoni.

(ara l-punti 67, 74 u d-dispożittiv)