SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Frar 2008 ( *1 )

“Esportazzjoni ta’ annimali ta’ l-ifrat — Rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — Deċiżjoni amministrattiva finali — Interpretazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Effett ta’ sentenza preliminari mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara din id-deċiżjoni — Eżami mill-ġdid u revoka — Limiti temporali — Ċertezza legali — Prinċipju ta’ kooperazzjoni — Artikolu 10 KE”

Fil-Kawża C-2/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Finanzgericht Hamburg (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2005, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Jannar 2006, fil-proċedura

Willy Kempter KG

vs

Hauptzollamt Hamburg-Jonas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u A. Tizzano (Relatur), Presidenti ta’ l-Awla, J. N. Cunha Rodrigues, A. Borg Barthet, M. Ilešič, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Willy Kempter KG, minn K. Makowe, Rechtsanwalt,

għar-Repubblika Ċeka, minn T. Boček, bħala aġent,

għar-Repubblika tal-Finlandja, minn E. Bygglin, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn F. Erlbacher u T. van Rijn, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta’ l-24 ta’ April 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni prelminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, moqri fid-dawl tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Kühne & Heitz (C-453/00, Ġabra p. I-837).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Willy Kempter KG (iktar ’il quddiem “Kempter”) u l-Hauptzollamt Hamburg-Jonas (Uffiċċju Doganali Prinċipali, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) fir-rigward ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 48 u 51 tal-Liġi dwar il-Proċedura Amministrattiva (Verwaltungsverfahrensgesetz), tal-25 ta’ Mejju 1976 (BGBl. 1976 I, p. 1253, iktar ’il quddiem il-“VwVfG”).

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3665/87, tas-27 ta’ Novembru 1987, li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU L 351, p. 1), huwa fformulat kif ġej:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 5 u 16, il-ħlas tar-rifużjoni huwa suġġett għall-prova li l-prodotti, li tagħhom tkun ġiet aċċettata d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, ikunu, mhux aktar tard mit-terminu ta’ sittin jum minn din l-aċċettazzjoni, telqu mit-territorju tal-Komunità fl-istat oriġinali tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87 jiddisponi:

“Il-ħlas tar-rifużjoni ddifferenzjata jew mhux iddifferenzjata huwa suġġett, barra mill-kundizzjoni li l-prodott ikun telaq mit-territorju doganali tal-Komunità, għall-kundizzjoni li l-prodott kien, ħlief fil-każ li jitħassar meta jkun qed jiġi ttrasportat minħabba forza maġġuri, importat f’pajjiż terz u, fejn ikun il-każ, f’pajjiż terz speċifiku fit-tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni:

a)

meta jkun hemm dubji serji fir-rigward tad-destinazzjoni reali tal-prodott […]

[…]”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5

L-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 48(1) tal-“VwVfG” jipprevedi li anki jekk dan ma jistax jiġi iktar ikkontestat, att amministrattiv irregolari jista’ jiġi rtirat kollu kemm hu jew parzjalment, b’effett fil-futur jew b’effett retroattiv.

6

L-Artikolu 51 tal-VwVfG jirrigwarda l-ftuħ mill-ġdid tal-proċeduri magħluqa b’att amministrattiv finali. L-ewwel paragrarfu tiegħu jipprevedi li l-awtorità kkonċernata trid, fuq talba tal-persuna kkonċernata, tiddeċiedi fuq l-annullament jew il-modifika ta’ att amministrattiv finali:

jekk is-sitwazzjoni ta’ fatt jew ta’ dritt li wasslet għall-att amministrattiv ġie emendat favur il-persuna kkonċernata;

jekk jeżistu elementi ġodda ta’ prova li kieku kienu jwasslu għal deċiżjoni aktar favorevoli għall-persuna kkonċernata, u

jekk jeżistu raġunijiet għar-reviżjoni skond l-Artikolu 580 tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili (Zivilprozessordnung).

7

Il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jippreċiża li talba bħal din għandha titressaq f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha l-persuna kkonċernata tkun saret taf bil-fatti li jippermettu l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura.

Il-fatt li wasslu għall-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li matul is-snin 1990 sa 1992, Kempter esportat annimali ta’ l-ifrat lejn numru ta’ pajjiżi Għarab u ta’ l-ex Jugożlavja. Għal dan, skond ir-Regolament Nru 3665/87 li kien fis-seħħ f’dak iż-żmien, hija applikat għal, u rċeviet, rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mingħand il-Hauptzollamt.

9

Matul inkjesta, il-Betriebsprüfungsstelle Zoll (Ispettorat tad-Dwana) ta’ l-Oberfinanzdirektion (Dipartiment Reġjonali tal-Finanzi) ta’ Fribourg ikkonstata li, qabel ma’ ġew importati f’dawn il-pajjiżi terzi, ċerti annimali kienu mejta jew kienu maqtula b’riżultat ta’ miżuri ta’ emerġenza matul it-trasport jew matul il-kwarantina fil-pajjiż ta’ destinazzjoni.

10

B’deċiżjoni ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995, il-Hauptzollamt għaldaqstant talab mingħand Kempter ir-rimbors tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni lilha mħallsa.

11

Kempter ressqet rikors kontra din id-deċiżjoni, mingħajr ma madankollu tinvoka ksur tad-dritt Komunitarju. B’sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1999, il-Finanzgericht Hamburg ċaħdet ir-rikors, minħabba li r-rikorrenti ma ġabitx il-prova li l-annimali kienu importati f’pajjiż terz fi żmien tnax-il xahar wara d-data ta’ aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni, kif mitlub mill-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 3665/87, għall-ħlas tar-rifużjonijiet. B’digriet tal-11 ta’ Mejju 2000, il-Bundesfinanzhof ċaħdet fl-aħħar istanza l-appell ta’ Kempter kontra din id-deċiżjoni.

12

Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Hauptzollamt ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 saret finali.

13

Fis-sentenza tagħha ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C-110/99, Ġabra p. I-11569, punt 48), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kundizzjoni li skondha l-merkanzija għandha tkun ġiet importata fi pajjiż terz, sabiex jingħataw ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni previsti minn regolament Komunitarju, tista’ tiġi mqajma kontra l-benefiċjarju tar-rifużjonijiet biss qabel l-għoti tagħhom.

14

F’kawża separata tal-21 ta’ Marzu 2002, il-Bundesfinanzhof tat sentenza li permezz tagħha hija applikat din l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. Kempter tallega li saret taf b’din is-sentenza fl-1 ta’ Lulju 2002.

15

Billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal-Bundesfinanzhof, fis-16 ta’ Settembru 2002, jiġifieri madwar 21 xahar wara li ngħatat is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, Kempter talbet lill-Hauptzollamt, abbażi ta’ l-Artikolu 51(1) tal-VwVfG, l-eżami mill-ġdid u r-revoka tad-deċiżjoni ta’ rkupru in kwistjoni.

16

B’deċiżjoni tal-5 ta’ Novembru 2002, il-Hauptzollamt ċaħad it-talba ta’ Kempter, u enfasizza li din il-bidla fil-ġurisprudenza ma timplikax bidla fid-dritt li waħedha tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura skond l-ewwel punt ta’ l-Artikolu 51(1) tal-VwVfG. Rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni ġie wkoll miċħud fil-25 ta’ Marzu 2003.

17

Għalhekk, Kempter ressqet il-każ mill-ġdid quddiem il-Finanzgericht Hamburg, billi b’mod partikolari sostniet li, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet li jippermettu l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrativa finali, kif stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, kienu sodisfatti u li, konsegwentement, id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Hauptzollamt ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 kellha tiġi rtirata.

18

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Finanzgericht Hamburg, l-ewwel nett, ikkonstatat li, fid-dawl tas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll tas-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-21 ta’ Marzu 2002, id-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Hauptzollamt ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 hija illegali. Sussegwentement hija tistaqsi fuq il-punt jekk, minħabba dan il-fatt, il-Hauptzollampt hijiex fl-obbligu li teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, li, sadattant, kisbet karattru definittiv, għalkemm ir-rikorrenti ma invokatx, la quddiem il-Finanzgericht Hamburg, u la quddiem il-Bundesfinanzhof, interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, jiġifieri ta’ l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 3665/87.

19

Il-qorti tar-rinviju tfakkar li, fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

“Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE jimponi fuq korp amministrattiv, li quddiemu tressqet talba f’dan is-sens, l-obbligu li jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva finali sabiex jieħu in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti adottata f’dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja meta:

jiddisponi, skond id-dritt nazzjonali, mis-setgħa li jbiddel din id-deċiżjoni;

id-deċiżjoni in kwistjoni tkun saret finali minħabba sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fl-aħħar istanza;

l-imsemmija sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti [fit-tielet paragrafu ta’ l-] Artikolu 234 KE, u

il-persuna kkonċernata tkun ikkuntattjat lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bl-imsemmija ġurisprudenza”.

20

F’dak li jirrigwarda l-ewwel żewġ kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti, il-Finanzgericht Hamburg tqis li dawn huma sodisfatti f’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, il-Hauptzollamt jiddisponi, skond l-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 48(1) tal-VwVfG, id-dritt li jirtira d-deċiżjoni tiegħu ta’ rkupru ta’ l-10 ta’ Awwissu 1995 u, min-naħa l-oħra, din id-deċiżjoni saret finali skond id-digriet tal-11 ta’ Mejju 2000 tal-Bundesfinanzhof li ddeċidet fl-aħħar istanza.

21

F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni msemmija fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Finanzgericht Hamburg tistaqsi fuq il-punt jekk din għandha tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, il-persuna kkonċernata għandha tkun bdiet proċeduri kontra l-att amministrattiv billi tibbaża ruħha fuq id-dritt Komunitarju u, minn naħa l-oħra, il-qorti nazzjonali għandha tkun ċaħdet ir-rikors mingħajr ma jkun sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan huwa l-każ, din il-kundizzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta f’dan il-każ, u konsegwentement, ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandu jkun miċħud, billi Kempter ma invokatx interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju la quddiem il-Finanzgericht Hamburg, u la quddiem il-Bundesfinanzhof.

22

Madankollu, il-Finanzgericht Hamburg tqis li tista’ tiddeduċi mis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li, fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza, ir-rikorrenti lanqas kienet talbet li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Fil-kuntest tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha tar-rinviju, il-Finanzgericht Hamburg barra minn hekk tissuġġerixxi li, meta qrati nazzjonali ma għarfux huma stess l-importanza ta’ kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, dan il-fatt m’għandux jinżamm kontra l-persuna li sofriet id-dannu.

24

F’dak li jirrigwarda r-raba’ kundizzjoni stabbilita mis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Finanzgericht Hamburg tqis li din hija sodisfatta jekk il-parti li sofriet dannu mid-deċiżjoni amministrattiva, inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, titlob, “mingħajr dewmien” jew “mingħajr dewmien doluż” lill-amministrazzjoni sabiex teżamina mill-ġdid din id-deċiżjoni, minn meta hija kellha “għarfien reali” tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, minkejja li din ġiet ippreżentata 21 xahar wara li ngħatat is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, it-talba għal eżami mill-ġdid ippreżentata minn Kempter quddiem il-Hauptzollamt ma tistax tiġi kkunsidrata bħala tardiva, minħabba fil-fatt li din ġiet biss iddepożitata fis-16 ta’ Settembru 2002, jiġifieri f’terminu inqas minn tliet xhur mill-mument fejn Kempter allegat li saret taf b’din is-sentenza li permezz tagħha l-Bundesfinanzhof applikat din is-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq.

26

Safejn l-amministrazzjoni għandha tapplika l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ipprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’sentenza preliminari, għar-relazzjonijiet ġuridiċi mqajma qabel din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-possibbiltà li jintalab l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li għandha karattru definittiv u li tikser id-dritt Komunitarju tista’ tkun illimitata fiż-żmien, jew jekk għall-kuntrarju, din għandha tkun suġġetta għal limitu temporali ġġustifikat minn raġunijiet ta’ ċertezza legali.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Hamburg iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali, intiżi sabiex tiġi kkunsidrata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni Komunitarja rilevanti adottata sa dan iż-żmien mill-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu li l-persuna kkonċernata kkontestat din id-deċiżjoni quddiem qorti billi invokat id-dritt Komunitarju?

2)

Minbarra l-kundizzjonijiet iffissati fis-sentenza [Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq], il-possibbiltà li jintalbu l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva finali li tmur kontra d-dritt Komunitarju hija suġġetta għal limitu fiż-żmien għal motivi imperattivi ta’ dritt Komunitarju?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, timponix l-eżami mill-ġdid u r-revoka (rectius: rettifika) ta’ deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali skond sentenza mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza biss jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li huwa ressaq kontra din id-deċiżjoni.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

29

Kempter, il-Gvern Finlandiż u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li jeħtieġ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda.

30

L-ewwel nett, Kempter tqis li ma jirriżultax mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE li l-partijiet fil-kawża prinċipali għandhom ikunu invokaw quddiem il-qorti nazzjonali interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, sabiex din tkun obbligata li tipproċedi għal rinviju għal deċiżjoni preliminari. Il-Kummissjoni żżid li kundizzjoni bħal din lanqas ma tirriżulta mill-motivi tad-dispożittiv tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq.

31

In segwitu, Kempter u l-Kummissjoni josservaw li l-obbligu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li l-qrati nazzjonali li jiddeċiedu fl-aħħar istanza għandhom, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE, ma jistax jiddependi lanqas minn jekk il-partijiet jitolbu tali rinviju lill-imsemmija qrati.

32

Fl-aħħar nett, il-Gvern Finlandiż jikkunsidra li, minn naħa, il-bżonn għall-partijiet fil-kawża prinċipali li jkunu invokaw quddiem il-qorti nazzjonali interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, fil-prattika, jaf jagħmel l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti mis-sistema legali Komunitarja impossibbli u jaf għalhekk imur kontra l-prinċipju ta’ effettività. Min-naħa l-oħra, m’għandhux jinżamm kontra ċ-ċittadin li sofra dannu l-fatt li qorti nazzjonali ma rrikonoxxietx l-importanza ta’ kwistjoni ta’ dritt Komunitarju.

33

Il-Gvern Ċek, min-naħa tiegħu, isostni li l-eżami mill-ġdid u r-revoka ta’ deċiżjoni ta’ l-amministrazzjoni li tkun saret finali jistgħu jkunu limitati għall-kundizzjoni li l-parti kkonċernata tkun ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem il-qrati nazzjonali billi tinvoka d-dritt Komunitarju biss fil-każ fejn dawn l-istess qrati ma jkollhomx, taħt id-dritt nazzjonali, la l-fakultà u la l-obbligu li japplikaw ex officio d-dritt Komunitarju u li din iċ-ċirkustanza ma tikkostitwixxix ostakolu għall-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

34

Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda, l-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, huwa obbligu ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri kollha li jassiguraw ir-rispett tar-regoli tad-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Ġunju 1990, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-8/88, Ġabra p. I-2321, punt 13, kif ukoll Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

35

Għandu wkoll jiġi mfakkar li l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti ta’ regola tad-dritt Komunitarju, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha mogħtija lilha mill-Artikolu 234 KE, tikkjarifika u tispeċifika, meta jkun neċessarju, is-sinjifikat u l-portata ta’ din ir-regola, kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mill-mument li daħlet fis-seħħ (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16; ta’ l-10 ta’ Frar 2000, Deutsche Telekom, C-50/96, Ġabra p. I-743, punt 43, kif ukoll Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). Fi kliem ieħor, deċiżjoni preliminari m’għandhiex valur kostituttiv, iżda purament dikjarattiv, bil-konsegwenza li l-effetti tagħha, bħala prinċipju, imorru lura għad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regola interpretata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Richardson, C-137/94, Ġabra, p. I-3407, punt 33).

36

Minn dan jirriżulta, li, f’kawża bħal dik prinċipali, regola tad-dritt Komunitarju hekk interpretata għandha tiġi applikata minn korp amministrattiv fil-kuntest tal-komptenzi tiegħu anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li jkunu qamu u ġew ikkostitwiti qabel l-intervent tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq it-talba għal interpretazzjoni (ara s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22, u, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Barreira Pérez, C-347/00, Ġabra p. I-8191, punt 44; tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis, C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 41, kif ukoll tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C-292/04, Ġabra p. I-1835, punt 34).

37

Madankollu, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, din il-ġurisprudenza għandha tinqara fid-dawl tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, li huwa fost in-numru ta’ prinċipji ġenerali rikonoxxuti fid-dritt Komunitarju. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li n-natura finali ta’ deċiżjoni amministrattiva, li tinkiseb ma’ l-iskadenza ta’ termini raġonevoli li fihom jista’ jitressaq rikors jew, bħal fil-kawża prinċipali, billi jiġu eżawriti r-rimedji ġuridiċi, tikkontribwixxi għall-imsemmija ċertezza, bil-konsegwenza li d-dritt Komunitarju ma jeħtieġx li korp amministrattiv ikun, bħala prinċipju, obbligat li jmur lura fuq deċiżjoni amministrattiva li tkun kisbet tali natura finali (sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

38

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ċirkustanzi partikolari jistgħu, skond il-prinċipju ta’ kooperazzjoni li joħroġ mill-Artikolu 10 KE, jagħmluha neċessarja li korp amministrattiv nazzjonali jeżamina mill-ġdid deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali wara l-eżawriment tar-rimedji ġudizzjarji nazzjonali, sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju rilevanti adottata sussegwentement mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27, kif ukoll tad-19 ta’ Settembru 2006, i-21 Germany u Arcor, C-392/04 u C-422/04, Ġabra p. I-8559, punt 52).

39

Hekk kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-punti 26 u 28 tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, fost il-kundizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu obbligu bħal dan ta’ eżami mill-ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li s-sentenza tal-qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, li permezz tagħha d-deċiżjoni amministrattiva kkontestata saret finali, kienet, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju adottata mingħajr ma sar rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja taħt il-kundizzjonijiet previsti fit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 234 KE.

40

Din id-domanda preliminari tfittex li jkun magħruf jekk kundizzjoni bħal din hijiex sodisfatta biss jekk ir-rikorent fil-kawża prinċipali invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju tiegħu mressaq kontra d-deċiżjoni amministrattiva in kwistjoni.

41

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 234 KE sabiex jiġi assigurat ftehim fl-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fl-Istati Membri tistabbilixxi kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali permezz ta’ proċedura li ma tiddependix mill-inizjattiva tal-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1963, Da Costa et, 28/62 sa 30/62, Ġabra p. 59, 76; ta’ l-1 ta’ Marzu 1973, Bollmann, 62/72, Ġabra p. 269, punt 4, u ta’ l-10 ta’ Lulju 1997, Palmisani, C-261/95, Ġabra p. I-4025, punt 31).

42

Fil-fatt, hekk kif jippreċiża l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 sa 104 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jistrieħ fuq djalogu bejn qorti u qorti, li l-ftuħ tiegħu jiddependi kollu kemm hu fuq l-evalwazzjoni li tagħmel il-qorti nazzjonali tar-rilevanza u l-bżonn ta’ dan ir-rinviju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Salonia, 126/80, Ġabra p. 1563, punt 7).

43

Mill-bqija, hekk kif iqisu l-Kummissjoni u l-Avukat Ġenerali fil-punti 93 sa 95 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ifformular stess tas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, bl-ebda mod ma jindika li r-rikorrent huwa obbligat iqajjem, fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju tiegħu taħt id-dritt nazzjonali, il-punt ta’ dritt Komunitarju li sussegwentement kien is-suġġett tas-sentenza preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Għalhekk ma jistax jiġi dedott mis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, li, għall-finijiet tat-tielet kundizzjoni li tirriżulta minn din is-sentenza, il-partijiet għandhom ikunu qajmu quddiem il-qorti nazzjonali l-punt tad-dritt Komunitarju in kwistjoni. Fil-fatt, sabiex din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, huwa biżżejjed li, jew dan il-punt tad-dritt Komunitarju, li l-interpretazzjoni tiegħu rriżultat li hija żbaljata fid-dawl ta’ sentenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, kien ġie eżaminat mill-qorti nazzjonali li ddeċidiet fl-aħħar istanza, jew li seta’ jiġi mqajjem ex officio minnha.

45

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li, għalkemm id-dritt Komunitarju ma jimponix fuq il-qrati nazzjonali li jqajmu ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji, meta l-eżami ta’ dan il-motiv jobbligahom joħorġu mil-limiti tal-kwistjoni hekk kif kienet limitata mill-partijiet, dawn il-qrati huma obbligati jqajmu ex officio l-motivi ta’ dritt ibbażati fuq regola Komunitarja vinkolanti meta, skond id-dritt nazzjonali, dawn għandhom l-obbligu jew il-fakultà li jagħmlu dan fir-rigward ta’ regola vinkolanti tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, van Schijndel u van Veen, C-430/93 u C-431/93, Ġabra p. I-4705, punti 13, 14 u 22, kif ukoll ta’ l-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punti 57, 58 u 60).

46

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, fil-kuntest ta’ proċedura quddiem korp amministrattiv intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret finali bis-saħħa ta’ sentenza mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, billi din is-sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, dan id-dritt ma jimponix li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li huwa ressaq kontra din id-deċiżjoni.

Fuq it-tieni domanda

47

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jimponix limitu fiż-żmien sabiex titressaq talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali.

Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

48

L-ewwel nett Kempter tenfasizza li d-dritt Komunitarju ma fih l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar it-termini perentorji jew ta’ preskrizzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid. Hija in segwitu żżid li, skond is-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-parti kkonċernata tista’ teżerċita d-dritt tagħha għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali biss fil-każ fejn dispożizzjoni nazzjonali tippermetti dan. Sabiex jiġi deċiż jekk dan id-dritt huwiex jew le limitat fiż-żmien, hemm bżonn li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-preskrizzjoni.

49

Kempter tqis ukoll li, fl-ipoteżi fejn ikunu applikati, b’analoġija, dispożizzjonijiet Komunitarji li jirregolaw it-termini perentorji jew ta’ preskrizzjoni, it-talba tagħha m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala tardiva, minħabba fil-fatt li din kienet ġiet iddepożitata inqas minn tliet snin wara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza Emsland-Stärke, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri mill-mument li minnu setgħet tiġi prevista bidla fil-ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Ġermaniżi.

50

Fir-rigward tar-raba’ kundizzjoni żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, il-Gvernijiet Ċek u Finlandiż jaqblu ma’ l-opinjoni espressa mill-qorti tar-rinviju, li skondha t-terminu hekk maħluq mill-Qorti tal-Ġustizzj sabiex tiġi mitluba r-reviżjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali għandu jkun marbut ma’ l-għarfien reali ta’ din il-ġurisprudenza mill-persuna kkonċernata.

51

Barra minn dan, huma jqisu li d-dritt Komunitarju ma jipprekludix li d-dritt li jintalab l-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva illegali jkun limitat fiż-żmien. Ir-regoli tal-proċedura nazzjonali jistgħu għalhekk validament jipprevedu li din it-tip ta’ talba għandha tiġi mressqa f’termini speċifiċi, sakemm il-priniċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jkunu rrispettati.

52

Skond il-Kummissjoni, it-tieni domanda preliminari tirrigwarda biss il-perijodu bejn l-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha toħroġ l-illegalità tad-deċiżjoni amministrattiva u t-talba għal eżami mill-ġdid u għal revoka ta’ l-imsemmija deċiżjoni minn Kempter.

53

Barra minn dan, il-Kummissjoni tindika li l-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri jipprekludi l-iffissar ta’ terminu fuq livell Komunitarju. Hija tipproponi, għal motivi ta’ ċertezza legali, li tikkompleta r-raba’ kundizzjoni fis-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, billi tipprevedi li din teħtieġ li l-parti kkonċernata tkun indirizzat ruħha lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bid-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja, li minnha toħroġ l-illegalità tad-deċiżjoni amministrattiva li tkun saret finali, u f’perijodu ta’ żmien, li jibda’ jiddekorri minn meta tingħata din is-sentenza, li jidher raġonevoli fir-rigward tal-prinċipji tad-dritt nazzjonali u skond l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

54

Fir-rigward tal-kwistjoni tal-limiti temporali għall-ppreżentata ta’ talba għal eżami mill-ġdid, l-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, l-impriża rikorrenti kienet talbet l-eżami mill-ġdid u r-revoka tad-deċiżjoni amministrativa f’terminu li ma qabiżx it-tliet xhur minn meta din kienet saret taf bis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Voogd Vleesimport en-export, (C-151/93, Ġabra p. I-4915), li minnha toħroġ l-illegalità tad-deċiżjoni amministrattiva.

55

Huwa minnu, li l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-evalwazzjoni tagħha taċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawża li tat lok għas-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, kienet iddeċidiet li t-tul tat-terminu li fih it-talba għal eżami mill-ġdid kienet ġiet ippreżentata kellu jittieħed in kunsiderazzjoni u jiġi ġġustifikat, flimkien ma’ kundizzjonijiet oħra indikati mill-qorti tar-rinviju, l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni amministrativa kkontestata. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħtiġietx li talba għal eżami mill-ġdid kellha bilfors tiġi ppreżentata wara li min jagħmel it-talba sar jaf bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha hija bbażata din it-talba.

56

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif iqis l-Avukat Ġenerali fil-punti 132 u 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-dritt Komunitarju ma imponi l-ebda terminu preċiż għall-preżentata ta’ talba għal eżami mill-ġdid. Konsegwentement, ir-raba’ kundizzjoni msemmija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq, ma tistax tiġi interpretata bħala obbligu li tiġi ppreżentata t-talba għal eżami mill-ġdid in kwistjoni f’ċertu żmien preċiż wara li min jagħmel it-talba sar jaf bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li fuqha din l-istess talba hija bbażata.

57

Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, skond ġurisprudenza kostanti, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fuq is-suġġett, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tindika l-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni, minn naħa, li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jirrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 43, kif ukoll tas-7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk għarfet il-kompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ l-iffissar ta’ termini perentorji raġonevoli sabiex fihom jitressqu rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, kif ukoll Comet, 45/76, Ġabra p. 2043, punti 17 u 18; Denkavit italiana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23; tal-25 ta’ Lulju 1991, Emmott, C-208/90, Ġabra p. I-4269, punt 16; Palmisani, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28; tas-17 ta’ Lulju 1997, Haahr Petroleum, C-90/94, Ġabra p. I-4085, punt 48 u ta’ l-24 ta’ Settembru 2002, Grundig Italiana, C-255/00, Ġabra p. I-8003, punt 34). Fil-fatt, termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jagħmlu, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (sentenza Grundig Italiana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

59

Jirriżulta minn din il-ġurisprudenza kostanti li l-Istati Membres jistgħu jeħtieġu, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li talba għal eżami mill-ġdid u għar-revoka ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret finali u li hija kontra d-dritt Komunitarju kif sussegwentement interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja, tkun ippreżentata quddiem l-amministrazzjoni kompetenti f’terminu raġonevoli.

60

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li d-dritt Komunitarju ma jimponi l-ebda limitu fiż-żmien sabiex tiġi ppreżentata talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret finali. Madankollu l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiffissaw termini raġonevoli li fihom jista’ jitressaq rikors, skond il-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

Fuq l-ispejjeż

61

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja), taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Fil-kuntest ta’ proċedura quddiem korp amministrattiv intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret finali bis-saħħa ta’ sentenza mogħtija minn qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, billi din is-sentenza hija, fid-dawl ta’ ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għal din, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju, dan id-dritt ma jimponix li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun invoka d-dritt Komunitarju fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju taħt id-dritt nazzjonali li huwa ressaq kontra din id-deċiżjoni.

 

2)

Id-dritt Komunitarju ma jimponi l-ebda limitu fiż-żmien sabiex tiġi ppreżentata talba intiża għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni amministrattiva li saret finali. Madankollu l-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jiffissaw termini raġonevoli li fihom jista’ jitressaq rikors, skond il-prinċipji Komunitarji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.