KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-2 ta’ Ottubru 2008 ( 1 )

Kawża C-535/06 P

Moser Baer India Ltd

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — Il-kuntest ġuridiku

 

III — Il-fatti u l-proċedura

 

A — Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

B — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

 

C — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

D — L-annullament parzjalment retroattiv tar-Regolament ikkontestat

 

IV — Osservazzjonijiet preliminari

 

A — L-istħarriġ tar-Regolament ikkontestat mill-Qorti tal-Prim’Istanza

 

B — Stħarriġ tas-sentenza appellata mill-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

 

A — L-argumenti tal-partijiet

 

B — Analiżi ġuridika

 

VI — L-ewwel aggravju

 

A — Is-sentenza appellata

 

B — L-argumenti tal-partijiet

 

C — Analiżi ġuridika

 

D — Konklużjoni

 

VII — It-tieni aggravju

 

A — L-ewwel parti tat-tieni aggravju

 

1. Is-sentenza appellata

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Analiżi ġuridika

 

4. Konklużjoni

 

B — It-tieni parti tat-tieni aggravju

 

1. Is-sentenza appellata

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Analiżi ġuridika

 

4. Konklużjoni

 

VIII — Fuq it-tielet aggravju

 

A — Is-sentenza appellata

 

B — L-argumenti tal-partijiet

 

C — Analiżi ġuridika

 

1. L-effetti tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-rabta kawżali

 

2. L-evalwazzjoni tad-dannu

 

D — Konklużjoni

 

IX — Konklużjoni tal-analiżi ġuridika

 

X — L-ispejjeż

 

XI — Konklużjoni

“Appell — Dumping — Importazzjonijiet ta’ CD għall-irrekordjar li joriġinaw mill-Indja — Regolament (KE) Nru 960/2003 — Kalkolu tal-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri ta’ kumpens — Determinazzjoni tad-dannu — Artikolu 8(7) tar-Regolament (KE) Nru 2026/97”

I — Introduzzjoni

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem: il-“Qorti tal-Ġustizzja”) hija mitluba tiddeċiedi appell li Moser Baer India Ltd, kumpannija Indjana, ippreżentat kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Ottubru 2006 fil-Kawża T-300/03 Moser Baer India vs Il-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej ( 2 ) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza appellata”).

2.

L-appellanti u rikorrenti fl-ewwel istanza (iktar ’il quddiem: l-“appellant”) qed titlob li tiġi annullata s-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors għal annullament tagħha kontra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003, tat-2 ta’ Ġunju 2003 li jimponi taxxi kumpensatorji definittivi fuq importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja ( 3 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament ikkontestat”).

II — Il-kuntest ġuridiku

3.

Il-bażi legali għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat hija r- Regolament tal-Kunsill Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea ( 4 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament bażiku”) ( 5 ).

4.

L-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Kalkolu ta’ l-ammont ta’ sussidju ta’ kumpens

L-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom jiġu kalkulati fit-termini tal-benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju, li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dwar is-sussidjar. […]”

5.

L-Artikolu 7(3) tar-Regolament bażiku, li jinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-kalkolu tas-sussidji, jipprovdi:

“Meta s-sussidju jkun jista’ jiġi marbut ma’ l-akkwist jew l-akkwist futuri ta’ assi fissi, l-ammont ta’ sussidju ta’ kumpens għandu jkun [ik]kalkulat billi s-sussidju jkun mifrux fuq perjodu li jirrifletti d-diprezzament normali ta’ dawn l-assi fl-industrija konċernata.”

6.

L-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Determinazzjoni tal-ħsara

[…]

2.   Id-deċi[ż]joni ta’ ħsara għandha tkun ibbażata fuq [xhieda] pożittiva u għandha tinvolvi eżami oġġettiv kemm ta’:

(a)

il-volum ta’ l-importazzjoni sussidjat[i] u l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt riżultanti ta’ dik l-importazzjoni fuq l-industrija tal-Komunità.

3.   F’dak li għandu x’jaqsam mal-volum ta’ l-importazzjoni sussidjata, għandha tingħata konsiderazzjoni għal jekk kienx hemm żjieda sinifikanti fl-importazzjoni sussidjata, sew f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni jew konsum fil-Komunità. F’dak li jirrigwarda l-effett ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq il-prezzijiet, għandu jiġi meqjus jekk kienx hemm tra[ħħ]is sinifikanti li jwaqqa’ l-prezzijiet permezz ta’ l-importazzjoni sussidjata kif imqabbla mal-prezz ta’ prodott simili ta’ l-industrija tal-Komunità, jew jekk l-effett ta’ din l-importazzjoni jkunx li b’mod ieħor iwaqqa’ l-prezzijiet b’mod sinifikanti jew jipprevjeni ż-żjieda fil-prezz illi kieku kienet isseħħ, sa livel[l] sinifikanti. L-ebda wieħed jew aktar minn dawn il-fatturi ma jista[’] neċessarjament jagħti gwida definittiva.

[…]

5.   L-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjoni sussidjata fuq l-industrija tal-Komunità [k]konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi kollha u l-indiċi[jiet] li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija, inkluż: il-fatt li industrija tkun għadha fil-proċess ta’ rkupru mill-effetti ta’ sussidji jew iddampjar tal-passat, il-kobor ta’ l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, tnaqqis attwali u potenzjali fil-bejgħ, profitti, produzzjoni, sehem mis-suq, produttività, dħul fuq l-investimenti, utilizzar tal-kapaċità; fatturi li j[a]ffettwaw il-prezzijiet tal-Komunità; effetti negattivi attwali jew potenzjali fuq il-likwidità, inventarji, impjiegi, salarji, tkabbir, il-kapaċità li jiġi akkwistat kapital jew investimenti u, fil-każ ta’ l-agrikoltura, jekk kienx hemm piż akbar fuq il-programmi governattivi ta’ għajnuna. Din il-lista m’hijiex eżawr[j]enti, l-anqas ma jista’ xi wieħed minn dawn il-fatturi neċessarjament ikun ta’ gwida deċiżiva.

6.   Għandu jintwera, mix-[xhieda] r[i]levanti [p]preżentata f’relazzjoni mal-paragrafu 2, li l-importazzjoni sussidjata qed toħloq ħsara skond id-definiz[z]joni ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan jeħtieġ dimostrazzjoni li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati [bis-]saħħa tal-paragrafu 3 huma responsabbli għall-impatt fuq l-industrija tal-Komunità kif huwa stabbilit fil-paragrafu 5, u li dan l-impatt jeżisti sal-grad li jġiegħel li tkun [ik]klassifikata bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, minbarra l-importazzjoni sussidjata li tkun qed tagħmel ħsara lill-industrija tal-Komunità fl-istess żmien, għandhom jiġu eżaminati sabiex jassiguraw li l-ħsara kkawżata minn dawn il-fatturi ma tkunx attribwita għall-importazzjoni sussidjata skond il-paragrafu 6. Fatturi li jistgħu jkunu [k]kunsidrati f’dan ir-rigward jinkludu l-volum u l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni li ma tkunx sussidjata, nuqqas fit-talba jew tibdil fix-xejra tal-konsum, pratti[k]i tal-kummerċ restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, pajjiżi terzi u l-produtturi tal-Komunità, żviluppi fit-teknoloġija u l-prestazzjoni ta’ l-esporta[z]zjoni u l-produttività ta’ l-industrija tal-Komunità […]”

7.

Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju ta’ kumpens ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens stabbiliti, imma għandu jkun inqas jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat biex ineħħi d-dannu lill-industrija Komunitarja.

8.

L-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku jipprovdi:

“Nuqqas ta’ ko[o]perazzjoni

1.   Fil-każijiet fejn parti interessata tiċħad id-dħul għal, jew b’mod ieħor ma tipprovdix, l-informazzjoni meħtieġa fil-limiti taż-żmien skond id-dispo[ż]izzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jew tostakola b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet prov[v]iżorji jew finali, fil-pożittiv jew fin-negattiv, jistgħu jittieħdu fuq il-bażi tal-fatti disponibbli.

Fejn jinstab li xi parti interessata tkun forniet informazzjoni falza jew li tqarraq, l-informazzjoni għandha tiġi mwarrba u għandu jsir użu mill-fatti disponibbli.

Il-partijiet interessati għandhom jiġu mwissija bil-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ koperazzjoni.

[…]

3.   Meta l-informazzjoni mogħtija minn xi parti interessata ma tkunx ideali fl-aspetti kollha, din xorta m’għandhiex tiġi mwarrba, kemm-il darba n-nuqqasijiet ma jkunux tali li joħolqu diffikultà żejda sabiex wieħed jasal għas-sejba raġonevolment eżatta u li l-informazzjoni tkun sottomessa fi żmien tajjeb u tkun tista’ tiġi [v]verifikata, u li l-parti tkun imxiet bl-aħjar kapaċità tagħha.

4.   Jekk ix-xhieda jew l-informazzjoni ma jiġux aċċettati, il-parti li tkun forniet dawn għandha tiġi mgħarrfa immedjatament bir-raġunijiet u għandha tingħata opportunità li tipprovdi aktar spjegazzjoni fil-limitu taż-żmien speċifikat. Jekk l-ispjegazzjonijiet ma jitqiesux li huma sodisfaċenti, ir-raġunijiet għaċ-ċaħda ta’ din ix-[xhieda] jew l-informazzjoni għandhom isiru magħrufa u jingħataw fil-pubblikazzjoni tas-sejbiet.

5.   Jekk id-deċiżjonijiet, inklużi dawk dwar l-ammont ta’ sussidji ta’ kumpens, ikunu bbażati fuq id-dispo[ż]izzjonijiet tal-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, għandu, fejn ikun prattikabbli u b’konsiderazzjoni għal-limiti taż-żmien ta’ l-investigazzjoni, jiġu [v]verifikati b’referenza għall-informazzjoni minn sorsi oħra indipendenti li jistgħu jkunu disponibbli, bħal ma huma listi ta’ prezzijiet [ip]pubblikati, statistika uffiċjali ta’ l-importazzjoni u prospetti doganali, jew informazzjoni miksuba minn partijiet oħra interessati matul l-investigazzjoni.

6.   Jekk xi parti interessata ma tikkooperax, jew tikko[o]pera biss parzjalment, hekk li tiġi miżmuma xi informazzjoni relevanti, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kienet ikko[o]perat.”

III — Il-fatti u l-proċedura

A — Il-fatti li wasslu għall-kawża

9.

L-appellanti hija kumpannija stabbilita fl-Indja, u tipproduċi diversi forom ta’ medja ta’ ħżin (storage media) u b’mod partikolari CD għal reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem: “CD-Rs”).

10.

Fis-17 ta’ Mejju 2002, il-Kummissjoni, wara lment imressaq mill-Committee of European CD-R Manufacturers (CECMA), tat bidu għal investigazzjoni dwar importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja ( 6 ). Fuq proposta tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Mejju 2003, il-Kunsill adotta r-Regolament ikkontestat. Dan ir-Regolament kien jimponi taxxa kumpensatorja definittiva ta’ 7,3% fuq l-importazzjonijiet tas-CD-Rs li joriġinaw mill-Indja.

11.

Fir-Regolament ikkontestat, il-Kunsill stabbilixxa li l-appellanti kienet qed tirċievi sussidji fil-forma ta’ eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fuq ċerti prodotti kapitali (iktar ’il quddiem: “assi sussidjati”) ( 7 ).

12.

Meta kkalkula l-benefiċċju, il-Kunsill ħa perijodu ta’ deprezzament ta’ sitt snin bħala l-punt ta’ tluq tiegħu ( 8 ). Bħala raġuni għal dan ta l-fatt li l-assi sussidjati kienu forom għall-manifattura tas-CD-Rs iktar milli magni għall-produzzjoni tagħhom. It-talba tal-appellanti li l-assi għandhom jiġu kklassifikati bħala magni skont id-dokumenti kontabbli tagħha, bir-riżultat li bħala punt ta’ tluq għandu jittieħed perijodu ta’ deprezzament ta’ 13-il sena, ġiet miċħuda mill-Kunsill minħabba li fil-kontabbiltà u fid-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tagħha l-appellanti tat dettalji kontradittorji dwar id-deprezzament tal-assi inkwistjoni ( 9 ).

13.

Biex jistabbilixxi d-dannu lill-industrija Komunitarja, il-Kunsill ibbaża l-argument tiegħu, b’mod partikolari, fuq il-fatt li bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni (jiġifieri, bejn l-1 ta’ April 2001 u l-31 ta’ Marzu 2002), l-importazzjonijiet tas-CD-Rs mill-Indja lejn il-Komunità kienu żdiedu filwaqt li, tul l-istess perijodu, il-prezzijiet tal-bejgħ għas-CD-Rs fil-Komunità kienu naqsu b’59%, u li dawk l-importazzjonijiet, tul il-perijodu ta’ investigazzjoni, għaldaqstant kienu irħas mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija Komunitarja li kienu qed jagħmlu t-telf b’medja ta’ 17,7%. Il-Kunsill ipparaguna l-informazzjoni miġbura fuq il-bażi tal-informazzjoni mill-Eurostat mal-informazzjoni li ppreżentat l-appellanti u kkonkluda li kienu jwasslu għal riżultati paragunabbli ( 10 ). Il-Kunsill stabbilixxa xejra negattiva fil-livelli tal-ħażniet tul il-perijodu kkunsidrat (mill-1 ta’ Jannar 1998 sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni) ( 11 ).

14.

Meta kien qed jiddetermina r-rabta ta’ kawżalità tad-dannu, il-Kunsill qies, fost l-oħrajn, l-argument tal-appellanti li proprjetarju ta’ privattiva kien talab drittijiet tal-awtur anti-kompetittivi eċċessivi mingħand il-produtturi tas-CD-Rs. Madankollu, il-Kunsill eskluda kwalunkwe effett fuq id-dannu, b’mod partikolari għaliex kemm l-appellanti kif ukoll il-produtturi tal-industrija Komunitarja kienu ġew obbligati jħallsu dawk id-drittijiet tal-awtur anki qabel ma seħħ id-dannu stabbilit minnu. Għalhekk id-dannu stabbilit ma setax kien ikkawżat mill-ħlas tad-drittijiet tal-awtur ( 12 ).

B — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

15.

L-appellanti ppreżentat rikors kontra r-Regolament ikkontestat. Il-Kummissjoni u s-CECMA ġew ammessi sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

16.

Ir-rikorrenti ssollevat b’mod partikolari fil-kuntest tal-ilmentni tagħha ( 13 )

il-klassifikazzjoni tal-assi sussidjati bħala forom u l-fatt li l-assi ssussidjati kollha ġew ikklassifikati bħala forom (it-tieni parti tat-tieni aggravju);

żball fl-evalwazzjoni tal-fatti li fuqhom kienet ibbażata d-determinazzjoni tad-dannu lill-industrija Komunitarja, partikolarment fir-rigward ta’ xejriet tal-prezzijiet u għal-livelli tal-ħażniet (it-tielet aggravju);

il-ksur tal-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament bażiku rigward l-analiżi tal-impatt tad-drittijiet tal-awtur allegatament anti-kompetittivi li ntalbu minn detentur tal-privattivi CD-R (il-ħames aggravju).

17.

Fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors kollu ppreżentat mill-appellanti kontra r-Regolament ikkontestat u kkundannatha tbati l-ispejjeż tagħha u tħallas dawk tal-appellat.

C — Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

18.

L-appell preżenti ġie ppreżentat mir-rikorrenti b’rikors tat-22 ta’ Diċembru 2006 fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Diċembru 2006. L-appellant qed titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tilqa’ t-talbiet tagħha magħmulin fl-ewwel istanza u, b’mod partikolari, tannulla r-Regolament ikkontestat safejn dan japplika għall-appellanti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

19.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż tal-proċeduri taż-żewġ istanzi.

20.

L-appellanti, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fil-kuntest tal-proċedura bil-miktub. L-appellanti, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu preżenti għas-seduta tat-10 ta’ Lulju 2008.

D — L-annullament parzjalment retroattiv tar-Regolament ikkontestat

21.

Ir-Regolament ikkontestat kien ġie annullat mill-5 ta’ Novembru 2006 permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1293/2007 tat- 30 ta’ Ottubru 2007 li jirrevoka d-dazji ta’ antidumping imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1050/2002 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li wieħed jista’ jirrekordja fuqhom li joriġinaw fit-Tajwan u li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom kif ukoll li jirrevoka d-dazji kumpensatorji imposti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 960/2003 dwar importazzjonijiet ta’ compact disks li jistgħu jkunu rrekordjati li joriġinaw mill-Indja, li jippermetti r-rifużjoni jew ir-remissjoni tagħhom u li jtemm il-proċediment li jirrigwardahom ( 14 ) (iktar ’il quddiem: ir-“Regolament tal-annullament”) b’effett mill-5 ta’ Novembru 2006. Madankollu, l-applikazzjoni tar-Regolament ikkontestat mid-data meta daħal fis-seħħ sa dik id-data ma tiġix affetwata mir-Regolament tal-annullament.

IV — Osservazzjonijiet preliminari

22.

Id-dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet sussidjati skont ir-Regolament bażiku kienu imposti mir-Regolament ikkontestat. Qabel ma neżamina l-ammissibbiltà u l-mertu tal-aggravji individwali nixtieq, l-ewwel nett, inqis fil-qosor ir-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ tali regolament (A) u, it-tieni nett, li nistabbilixxi, fil-qosor, sa liema punt is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiġi mistħarrġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-istadju ta’ appell (B).

A — L-istħarriġ tar-Regolament ikkontestat mill-Qorti tal-Prim’Istanza

23.

Ir-Regolament ikkontestat jimponi miżura biex il-kummerċ jiġi protett mill-importazzjonijiet sussidjati. Peress li d-determinazzjoni, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni kummerċjali meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri biex jiġi protett il-kummerċ huma kompiti kumplessi, il-Qorti konsistentement sostniet li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam ( 15 ). Għalhekk għandhom ikunu l-partijiet interessati li, matul il-proċedura amministrattiva, jesponu l-fatti li jiffavuruhom ( 16 ).

24.

Tabilħaqq, skont l-Artikolu 230 KE, f’rikors għal annullament, regolament fejn id-dazji kumpensatorji jiġu imposti fuq importazzjonijiet sussidjati jista’ jiġi mistħarreġ mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, f’dan il-kuntest għandu jiġi osservat li d-diskrezzjoni li tingħata lill-istituzzjonijiet Komunitarji skont ir-Regolament bażiku hija suġġetta biss għal stħarriġ ġudizzjarju limitat ( 17 ). F’dan il-qasam, stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jiġi limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura rilevanti, tal-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament ikkontestat, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter ( 18 ). Peress li l-partijiet interessati għandhom l-obbligu li jippreżentaw il-fatti favur tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza jkopri biss il-fatti li kienu magħrufa minn, jew misshom kienu mitluba mill-istituzzjonijiet Komunitarji meta kien adottat l-att ikkontestat ( 19 ).

25.

Għandu jiġi nnotat ukoll li mhix funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tibda mill-ġdid il-proċedura amministrattiva. Jekk rikorrent ikun tal-fehma li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jkunux iddikjaraw il-fatti eżattament, l-oneru tal-prova f’dak ir-rigward se jistrieħ fuq ir-rikorrent. Għalhekk, ir-rikorrent għandu jkun jista’ jsostni d-dubji tiegħu rigward l-eżattezza tal-fatti li fuqhom l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu bbażaw ir-rikors tagħhom. Is-sempliċi kontestazzjoni tal-fatti mhix suffiċjenti għal dan il-għan ( 20 ).

B — Stħarriġ tas-sentenza appellata mill-Qorti tal-Ġustizzja

26.

Huwa l-istħarriġ ta’ sentenza kkontestata mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza rigward żbalji ta’ dritt li jifforma l-bażi ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 21 ). Għaldaqstant, appell ma jistax jindirizza direttament żbalji fir-Regolament ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’hekk, bħala prinċipju, appell ikun inammissibbli jekk jirrepeti l-ilmenti li kienu ġew ippreżentati fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jiddiskuti s-sentenza ta’ dik il-Qorti ( 22 ). L-aggravju għandu jiddikjara b’mod ċar l-element tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li qed jiġi kkontestat u l-argumenti legali li fuqhom huwa bbażat l-appell ( 23 ).

27.

Peress li l-appelli huma limitati għall-iżbalji tad-dritt, il-fatti ma jistgħux jiġu evalwati mill-ġdid ( 24 ). Safejn għandhom x’jaqsmu l-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-unika raġuni li fuqha jista’ jkun ibbażat appell għalhekk hija li l-konstatazzjonijiet ma sarux skont id-dritt proċedurali. Fejn se jinxteħtu dubji fuq l-evalwazzjoni tal-provi min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellant għandu jsostni li, fl-evalwazzjoni tal-provi li tkun għamlet, il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun żnaturat dawn il-provi ( 25 ).

28.

Fl-aħħar nett, stħarriġ ġudizzjarju mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala prinċipju jkopri biss il-motivi li diġà kienu tressqu fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-motivi li setgħu ġew invokati fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza iżda li ma ġewx invokati ma jistgħux jitqajmu waqt appell ( 26 ).

V — Fuq l-ammissibbiltà tal-appell

29.

Il-Kunsill iqis li l-appell kollu huwa inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. Ser neżamina dan l-argument iktar ’il quddiem. Issa se nqis l-oġġezzjonijiet l-oħra ssollevati rigward l-ammissibbiltà tal-aggravji individwali u l-oġġezzjonijiet individwali fil-kuntest tal-analiżi ġuridika tiegħi tal-aggravji u tal-oġġezzjonijiet individwali.

A — L-argumenti tal-partijiet

30.

Il-Kunsill huwa tal-fehma li l-appell huwa inammissibbli għaliex ir-Regolament ikkontestat kien ġie annullat mir-Regolament tal-annullament. Skont il-Kunsill, rikors għal annullament ikun ammissibbli biss fejn persuna jkollha interess ġuridiku li jiġi annullat strument legali. Filwaqt li l-appellanti oriġinarjament kellha interess li jiġi annullat ir-Regolament ikkontestat minħabba li l-importazzjonijiet tagħha kienu suġġetti għad-dazji kumpensatorji, dak l-interess intemm meta r-Regolament ikkontestat ġie annullat.

31.

Il-Kunsill qed jargumenta li l-appellanti tista’ titlob ir-rimbors tad-dazji biss jekk hija stess tkun ħallset id-dazji kumpensatorji. L-appell huwa inammissibli ħlief jekk l-appellanti tista’ tagħti prova li kienet ħallset id-dazji.

32.

L-appellanti qed issostni li effettivament ħallset id-dazji.

B — Analiżi ġuridika

33.

L-ewwel nett, għandu jingħad li l-Kunsill ma setax qajjem l-oġġezzjonijiet dwar ammissibbiltà fil-proċeduri tal-Qorti tal-Prim’Istanza peress li r-Regolament tal-annullament ma ġiex adottat ħlief wara li ngħatat is-sentenza appellata ( 27 ).

34.

F’dak ir-rigward għandu jiġi nnotat li appell jista’ jsir inammissibbli fejn avveniment sussegwenti għas-sentenza appellata jneħħi l-effett dannuż tiegħu għall-appellant prospettiv. Il-fatt li l-appellanti kellha interess li tippreżenta r-rikors jippreżumi li l-appell, jekk jintlaqa’, x’aktarx se jkun ta’ vantaġġ għall-parti li qed tippreżentah ( 28 ).

35.

Il-fatt li r-Regolament ikkontestat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mhux se jkun iktar rilevanti fil-ġejjieni per se ma jfissirx li l-interess ġuridiku jieqaf ( 29 ).

36.

L-appellanti tabilħaqq tista’ tkompli jkollha interess fl-annullament tas-sentenza appellata u (indirettament) fir-Regolament ikkontestat. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Akzo Chemie vs Il-Kummissjoni ( 30 ), b’hekk qieset li kien suffiċjenti li l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati ma jerġgħux iwettqu l-prattika li sar ilment dwarha fil-ġejjieni ( 31 ). Fil-fehma tiegħi, dan għandu japplika b’mod partikolari f’każ bħal dan, fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jħassar ir-Regolament ikkontestat ( 32 ).

37.

Għandu jiġi nnotat ukoll li r-Regolament tar-revoka ma annullax ir-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu; ir-Regolament ikkontestat kompla japplika għad-dazji kumpensatorji li ġew imposti sal-4 ta’ Novembru 2006. Huwa jikkostitwixxi ġustifikazzjoni għad-dazji kumpensatorji imposti sa dik id-data. Ir-Regolament ikkontestat għalhekk ikompli jkollu konsegwenzi legali. Il-possibbiltà li kontestazzjoni għar-Regolament ikkontestat tista’ tagħti xi vantaġġi lill-appellanti, anki jekk din ma ħallsitx id-dazji kumpensatorji, ma jidhirx li hija prekluża.

38.

Barra minn hekk, fil-proċedura orali l-appellanti ddikjarat li kienet ħallset id-dazji kumpensatorji, u l-Kunsill ma kkontestax dik id-dikjarazzjoni.

39.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, fil-fehma tiegħi, tiġbed il-konklużjoni li qed isostni l-Kunsill, jiġifieri li l-appellanti ma għandha l-ebda interess ġuridiku biex tippreżenta dan l-appell.

VI — L-ewwel aggravju

40.

Fl-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti qed issostni li fil-punti 73 sa 79 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti.

A — Is-sentenza appellata

41.

Fil-paragrafi 57 sa 80, il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzat l-ewwel u t-tieni lmenti fit-tieni parti tal-ewwel motiv.

42.

Fil-proċeduri tal-ewwel istanza, l-ewwel ilment tal-appellanti, bħala prinċipju, kien relatat mal-klassifikazzjoni tal-assi sussidjati mill-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati bħala forom għall-produzzjoni tas-CD-Rs iktar milli bħala magni għall-produzzjoni tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak l-ilment. Fl-appell, l-appellanti ma għadhiex toġġezzjona iktar għall-klassifikazzjoni, bħala prinċipju, tal-assi sussidjati bħala forom.

43.

Fit-tieni lment tagħha, l-appellanti kkritikat lill-Kunsill talli kklassifika l-assi sussidjati kollha bħala forom iktar milli sempliċement proporzjon minnhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ukoll dak l-ilment. Fil-punti 73 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, l-ewwel nett, li l-valur tal-assi sussidjati murija fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-appellanti ma kienx jikkorrispondi għall-valur użat biex jiġi kkalkulat is-sussidju. Tabilħaqq, l-appellanti sostniet li proporzjon biss mill-assi sussidjati ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala forom. Madankollu, peress li l-appellanti ma spjegatx il-kriterji tal-klassifikazzjoni u ma pprovdietx lista kompluta u verifikabbli ta’ dawn l-assi, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma setgħux jivverifikaw iċ-ċifri mressqa mill-appellanti. B’hekk, l-appellanti ma ppreżentat l-ebda prova biex l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu jistgħu jivverifikaw l-eżattezza ta’ dak li kienet qed issostni u, biex jekk ikun hemm il-ħtieġa, iqisu l-proporzjon tal-assi inkwistjoni li ma ġewx ikklassifikati bħala forom.

B — L-argumenti tal-partijiet

44.

L-appellanti qed tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqitx l-obbligu tagħha li tistabbilixxi l-fatti b’mod diliġenti u b’imparzjalità. Dan l-obbligu jinkludi l-eżami tal-informazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati biex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tagħha.

45.

Hija qed targumenta li l-Kunsill kien jaf, jew kellu jkun jaf, li l-klassifikazzjoni mill-ġdid bħala forom affetwat biss proporzjon mill-assi sussidjati. Għalhekk missha applikat il-perijodu ta’ deprezzament għall-forom biss rigward dak il-proporzjon ta’ assi sussidjati. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bl-ebda mod ma kkunsidrat il-prova tal-appellanti li hija ma kinitx ikklassifikat mill-inqas 23% tal-assi sussidjati bħala forom.

46.

Skont l-appellanti, l-imġiba tal-Kunsill kienet kuntradittorja. Min-naħa l-waħda, safejn kellha x’taqsam il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-assi sussidjati, il-Kunsill ibbaża ruħu prinċipalment fuq id-dettalji fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Kunsill ma kkunsidrax id-dettalji fid-dikjarazzjoni tat-taxxi fejn dawn kienu juru li proporzjon tal-assi sussidjati biss ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala forom.

47.

Fl-evalwazzjoni konklużiva tagħha fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet biss għall-assi inkwistjoni, li kienu ġew ikklassifikati bħala forom għal finijiet fiskali. Għalhekk hija ma pprovdiet l-ebda raġuni biex l-assi sussidjati kollha jiġu kklassifikati bħala forom. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli ssemmi kwalunkwe regola li kienet tiġġustifika l-klassifikazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji tal-assi sussidjati kollha bħala forom.

48.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma qieset il-fatt li l-Kunsill naqas milli jkun konformi mal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Skont l-appellanti, il-Kunsill missu ħa dik id-dispożizzjoni bħala l-bażi biex ma jikkunsidrax l-informazzjoni pprovduta mill-appellanti. Anki kieku l-Kunsill invoka l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, ma seta’ jagħmel l-ebda konklużjoni li manifestament kienet kontradittorja mal-informazzjoni pprovduta mill-appellanti.

49.

Il-Kunsill iqis li l-ilment tal-appellanti mhux ammissibbli minħabba li l-appellanti qed tagħmel motivi ġodda. Il-ksur tal-prinċipji ta’ koerenza u ta’ investigazzjoni diliġenti, skont il-Kunsill, ma kienx motiv li tqajjem mill-appellanti matul il-proċeduri tal-ewwel istanza.

50.

Il-Kunsill jirreferi wkoll għad-determinazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 78 tas-sentenza appellata. Matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti tabilħaqq sostniet li proporzjon tal-assi sussidjati biss kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala forom. Fil-fehma tal-Kunsill, madankollu, jidher ċar mill-punt 78 tas-sentenza appellata li l-appellanti ma ppreżentat l-ebda prova sabiex il-Kunsill seta’ jivverifika kemm huwa eżatt dan l-allegazzjoni tagħha.

51.

Kienet fuq dik il-konstatazzjoni fattwali li l-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat l-evalwazzjoni legali tagħha li l-appellanti ma setgħetx tikkontesta d-determinazzjoni korrispondenti fir-Regolament ikkontestat. L-appellanti ma kinitx uriet safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żnaturat il-provi meta ddeterminat dak il-fatt. Għalhekk, qed targumenta li l-ilment huwa dirett lejn evalwazzjoni ta’ fatti li fir-rigward tagħha ma hemm l-ebda dritt ta’ appell.

52.

Il-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 79 kienet sempliċement determinazzjoni konklużiva dwar it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikors, jiġifieri, dwar l-ewwel u t-tieni lment. Minn dan ma setax jiġi konkluż li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-klassifikazzjoni mill-ġdid ma affetwatx l-assi sussidjati kollha.

53.

Barra minn hekk, il-Kunsill qed isostni li l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati effettivament ma kellhomx l-informazzjoni meħtieġa.

54.

Sussidjarjament, għandu jiġi nnotat li żball possibbli min-naħa tal-Kunsill ma jistax iwassal biex ir-Regolament ikkontestat jiġi annullat fl-intier tiegħu, iżda sempliċement għal revoka parzjali fil-forma ta’ aġġustament fl-ammont tad-dazju kumpensatorju.

55.

Il-Kummissjoni tosserva li l-ewwel aggravju huwa bbażat fuq evalwazzjoni inammissibbli ta’ fatt. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat ir-raġunament legali tagħha fuq il-konstatazzjoni fattwali li l-Kunsill ma rnexxielux jaċċerta liema assi kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala forom mill-provi li pprovdietlu l-appellanti. L-appellanti ma indikatx safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi biex waslet għal dik id-determinazzjoni tal-fatti.

56.

Il-Kummissjoni qed issostni li lanqas l-appell mhu fondat. L-appellanti ngħatat opportunitajiet suffiċjenti biex tippreżenta l-provi matul il-proċedura amministrattiva imma dan ma għamlitux.

C — Analiżi ġuridika

57.

Il-Kunsill iqis li dan l-aggravju bħala inammissibbli minħabba li l-appellanti ma ressqitx l-ilment tagħha rigward il-ksur tad-dmir li l-fatti jiġu stabbiliti b’mod diliġenti u b’imparzjalità quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u għaliex, meta b’dan l-ilment, l-appellanti qed toġġezzjona dwar żbalji fir-Regolament ikkontestat u mhux dwar żbalji fis-sentenza appellata.

58.

Madankollu, jidher ċar mill-motivi tal-appellanti li, meta allegat ksur tal-prinċipju li l-fatti għandhom jiġu stabbiliti b’mod diliġenti u b’imparzjalità, għall-inqas parzjalment, essenzjalment qed tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta stħarrġet ir-Regolament tal-Kunsill billi tat lill-Kunsill marġni wisq wiesgħa ta’ diskrezzjoni.

59.

Għaldaqstant, l-aggravju ma jistax jiġi miċħud ab initio bħala inammissibbli.

60.

L-appellanti essenzjalment qed tilmenta, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx il-fatt li hija kienet ippreżentat evidenza biex turi li l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati kienu jafu, jew kellhom ikunu jafu, li proporzjon tal-assi sussidjati biss kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid.

61.

Skont l-appellanti, dan mhux konsistenti mal-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 78 tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hemmhekk iddikjarat li l-appellanti ma kinitx ippreżentat din il-prova. Fl-argument tagħha l-appellanti għalhekk qed tfittex evalwazzjoni ġdida tal-fatti li hija inammissibbli fil-fazi tal-appell. Kif diġà ġie ddikjarat ( 33 ), huwa permess li fil-fażi tal-appell wieħed jilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat is-sens ċar tal-prova. Madankollu, l-appellanti mhix qed tallega dan. Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

62.

Konsegwentement, anki l-ilmenti tal-appellanti, ibbażati fuq id-dikjarazzjoni tagħha li hija ppreżentat tali prova, għandhom ukoll jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

63.

It-tieni nett, l-appellanti qed tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma stabbiliet l-ebda regola li permezz tagħha l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati kellhom id-dritt iqisu l-assi sussidjati kollha.

64.

Kif diġà ngħad iktar ’il fuq ( 34 ), l-investigazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ sussidju huwa kompitu kumpless fejn l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandiex teżerċita dik id-diskrezzjoni minflok l-istituzzjonijiet Komunitarji. Għalkemm għandha tkun il-Qorti tal-Prim’Istanza li tistħarriġ l-eżerċizzju ta’ diskrezzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji, hija ma għandiex tissostitwixxi l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha mal-eżerċizzju tas-segħat tal-istituzzjonijiet Komunitarji. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi kkritikata għaliex hija stess ma stabbilietx kriterji biex jiġu ddeterminati l-fatti.

65.

Safejn l-ilment tal-appellanti għandu jinftiehem bħala li jfisser li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ma opponietx evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Kunsill li deher biċ-ċar li kienet żbaljata, l-appellanti għandha tiddikjara sa liema punt il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi. Dan l-ilment ma jirnexxix safejn l-iżball li sar ilment dwaru jikkonsisti fin-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tqis li l-imġiba tal-Kunsill meta evalwa l-kontenut tad-dikjarazzjoni tat-taxxa u tal-kontabbiltà tagħha kienet inkonsistenti. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq ( 35 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-appellanti ma setax jiġi konkluż li proporzjon tal-assi sussidjati biss kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid u li l-appellanti ma ppreżentat l-ebda prova biex issostni d-dikjarazzjoni tagħha li l-klassifikazzjoni mill-ġdid kienet affetwat biss proporzjon tal-assi sussidjati ( 36 ).

66.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

67.

It-tielet nett, l-appellanti qed issostni li l-Kunsill missu invoka l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

68.

F’dak ir-rigward, għandu jiġi nnotat mill-bidu nett li, fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti kienet ilmentat minn ksur tal-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku biss minħabba li ma tqisux id-dettalji fil-kontabbiltà tagħha ( 37 ). F’dak il-kuntest, l-appellanti kienet ilmentat li l-provi mill-kontabbiltà tagħha ma kinitx tqieset tant li minnha seta’ jiġi konkluż li l-assi sussidjati kienu ġew ikklassifikati bħala magni iktar milli bħala forom. Fil-proċeduri tal-appell, l-appellanti issa qed tilmenta li l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku inkiser għar-raġuni li, minħabba l-konstatazzjoni li mhux l-assi sussidjati kollha ġew ikklassifikati mill-ġdid bħala forom, l-provi mid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha ma tqisux b’mod xieraq. Fil-fehma tiegħi, din għandha titqies bħala motiv ġdid ( 38 ), li huwa inammissibbli fil-proċeduri ta’ appell.

69.

Barra minn hekk, kien hemm raġunijiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, sabiex id-dikjarazzjoni tal-appellant ma titqiesx hawnhekk. Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti ma lmentatx li l-istituzzjonijiet Komunitarji naqsu milli jindikawlha li l-argument tagħha ma kienx suffiċjentement sostanzjat, jew li ma kellhiex opportunità li tipprovdi iktar spjegazzjonijiet.

70.

B’hekk jidher li l-appellanti prinċipalment qed tilmenta li l-Kunsill ma invokax espressament l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku u li r-raġunijiet għalfejn l-argument tagħha ġie miċħud ma kinux iddikjarati fil-konstatazzjonijiet ippubblikati tal-Kunsill. Fil-fehma tiegħi, din hija oġġezzjoni dwar irregolarità ta’ forma. Irregolaritajiet tal-forma, madankollu, jistgħu jinvalidaw strument legali biss jekk il-ksur ikun wieħed sostanzjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet kemm-il darba li ma jkun hemm l-ebda ksur sostanzjali ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali jekk l-għan tar-rekwiżit proċedurali jintlaħaq minkejja n-nuqqas ta’ konformità ma’ dak ir-rekwiżit ( 39 ).

71.

L-għan li tiddikjara r-raġunijiet għaliex qed tiċħad l-argument ta’ parti interessata, skont l-Artikolu 28(4) tar-Regolament bażiku, huwa primarjament li sabiex il-parti interessata tiġi infurmata li l-argumenti li ma jiġux suffiċjentement sostanzjanti jistgħu jiġu miċħuda u b’hekk tingħata opportunità sabiex issaħħaħ l-argumenti tagħha. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq ( 40 ), l-appellanti ma tiċħadx li dan l-għan intlaħaq. Għalhekk, nistgħu nassumu li ma kien hemm l-ebda irregolarità materjali.

72.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu wkoll jiġi miċħud.

73.

Ir-raba’ nett, l-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, naqset milli tqis l-assi sussidjati kollha, iżda qieset biss l-assi inkwistjoni, li kienu indikati bħala forom għal finijiet fiskali. Is-saħħa tal-ilment tagħha b’hekk jidher li huwa li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienx komplut peress li dak ir-raġunament kien ikopri biss proporzjon tal-assi sussidjati.

74.

Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud. Fil-punt 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kunsill ma kienx għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti meta kklassifika l-assi sussidjati kollha bħala forom. Fid-dawl ta’ dan, id-diċitura tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi interpretata bħala li tfisser li fil-punt 78 tas-sentenza appellata kien hemm l-intenzjoni li tirreferi biss għal proporzjon tal-assi sussidjati.

D — Konklużjoni

75.

Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VII — It-tieni aggravju

76.

It-tieni aggravju tal-appell jikkonsisti f’żewġ partijiet: fl-ewwel parti l-appellanti qed takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li naqset milli tevalwa korrettament il-provi kontradittorji fil-proċess u fir-Regolament ikkontestat rigward element ewlieni fid-determinazzjoni tad-dannu, jiġifieri l-bidla fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tas-CD-Rs Indjani, u għalhekk li sostniet b’mod żbaljat il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill fir-Regolament ikkontestat (A). Fit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill fir-Regolament ikkontestat li kienu relatati mal-livelli tal-ħażniet fil-industrija Komunitarja tas-CD-Rs (B).

A — L-ewwel parti tat-tieni aggravju

1. Is-sentenza appellata

77.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti lmentat mill-konstatazzjoni tal-Kunsill li l-prezzijiet tas-CD-Rs fil-Komunità kienu naqsu. Hija sostniet li l-Kunsill kien ibbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu fuq informazzjoni li la kienet rilevanti u lanqas affiddabbli.

78.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak l-ilment. Fil-punti 201 sa 206 tas-sentenza appellata fil-bidu osservat li l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu analizzaw il-varjazzjonijiet fil-prezzijiet fil-premessi 58 sa 64 tal-preambolu għar-Regolament ikkontestat fuq il-bażi kemm tad-data mill-Eurostat kif ukoll tad-data ppreżentata mill-appellanti. Hija kkonkludiet li mid-data tal-Eurostat l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu stabbilew li, bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezzijiet kienu niżlu b’mod sinjifikattiv, jiġifieri b’59%. Fuq il-bażi tad-data pprovduta mill-appellanti, bejn l-1 ta’ April 1999 u tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni l-prezzijiet niżlu b’54%. Ir-riżultati kienu paragunabbli minkejja d-dati tal-bidu differenti tar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-appellanti ma wrietx illi kieku għall-informazzjoni ppreżentata minnha, tqieset data ta’ tluq differenti, setgħu inġibdu konklużjonijiet differenti.

2. L-argumenti tal-partijiet

79.

L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żbaljat fl-istħarriġ li wettqet dwar jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji kinux stabbilixxew il-fatti korrettament. Hija qed targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet il-konstatazzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji anki jekk meta kienu qed jistabbilixxu l-fatti l-istituzzjonijiet Komunitarji għamlu l-iżbalji li ġejjin.

80.

L-ewwel nett, il-formula li ntużat biex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ CD-Rs li ġew importati mill-Indja ma kinitx affiddabbli għal kwantitajiet żgħar.

81.

Fl-ewwel lok, ittieħdet data bażika tal-Eurostat, li kienet tirriżulta minn kategorija fin-Nomenklatura Maqgħuda Doganali (iktar ’il quddiem: in-“NKD”), li kienet tinkludi numru kbir ta’ prodotti simili minbarra s-CD-Rs. Ma’ dik l-informazzjoni bażika, il-Kunsill imbagħad applika formula li kienet żviluppata mill-industrija Komunitarja. Il-Kunsill ibbaża r-regolament tiegħu fuq l-informazzjoni miksuba b’dan il-mod (iktar ’il quddiem: id-“data pproċessata tal-Eurostat”). Il-Qorti tal-Prim’Istanza (skont l-appellanti), assumiet li d-data pproċessata tal-Eurostat kienet data mill-Eurostat. Għalhekk, essenzjalment interpretat ħażin is-sors u n-natura tad-data li fuqha l-Kunsill ibbaża r-regolament tiegħu.

82.

Barra minn hekk, matul il-proċedura amministrattiva, l-appellanti kienet oġġezzjonat f’diversi okkażjonijiet għall-użu tal-formula li ġiet żviluppata mill-industrija Komunitarja.

83.

Fl-aħħar nett, l-appellanti kienet l-unika esportatriċi Indjana tas-CD-Rs lejn il-Komunità. B’hekk l-informazzjoni tagħha kienet l-unika informazzjoni raġonevoli u affidabbli. Għalhekk, sabiex jiġu ddeterminati l-volum u l-valur tal-importazzjonijiet kellha tintuża l-informazzjoni tagħha biss.

84.

It-tieni nett, l-appellanti tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li d-data pproċessata tal-Eurostat u d-data li ppreżentat hija (l-appellanti) waslu għal riżultati ferm paragunabbli. Dik il-konstatazzjoni tammonta għal evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-fatti u mhix sostnuta mill-konstatazzjonijiet fattwali fir-Regolament ikkontestat.

85.

L-ewwel, id-data li ppreżentat ma twassalx għal riżultati pargunabbli jekk kellhom jitqiesu għal kull sena kalendarja iktar milli għal kull sena finanzjarja. Jekk l-1999 kellha tingħażel bħala s-sena bażi, il-prezz fl-2000 jiġi pperċepit bħala li niżel bi 62%. Jekk l-2000 kellha tingħażel bħala s-sena bażi, il-prezz jiġi pperċepit bħala li tela’ b’mod konsistenti sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni.

86.

Barra minn hekk, jekk is-sena bażi meqjusa sabiex tiġi ddeterminata l-varjazzjoni tal-prezzijiet kellha tkun kwalunkwe sena għajr l-2000, ir-riżultat ikun pjuttost differenti. Jekk l-1998 kellha titqies bħala s-sena bażi, il-prezzijiet fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-perijodu ta’ investigazzjoni jiġu pperċepiti bħala li għolew b’165%.

87.

It-tielet nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 205 tas-sentenza appelleta hija żbaljata. Skont dak il-punt, l-appellanti ma wrietx li jekk titqies data ta’ tluq oħra għad-data li ppreżentat dan seta’ jirriżulta f’konklużjonijiet differenti rigward il-prezzijiet tal-importazzjoni. Dik il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza hija inkompatibbli mal-argument tal-appellanti fil-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-punt 101 tar-rikors tagħha, hija kienet iddikjarat, kemm espressament kif ukoll impliċitament, illi kieku għall-informazzjoni li pprovdiet tqieset data ta’ tluq differenti, dan kien iwassal għal konklużjoni differenti rigward il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-Indja.

88.

Il-Kunsill iqis l-ewwel parti tat-tieni aggravju bħala inammissibbli. Skont il-Kunsill, huma biss l-iżbalji ta’ dritt li jistgħu jiġu invokati fil-kuntest tal-appell. Fl-argumenti tagħha, l-appellanti ma ddikjaratx liema kienu l-iżbalji tad-dritt li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza stess ma stabbilietx li kien hemm xi dannu; sempliċement eżaminat jekk l-istituzzjonijiet Komunitarji kinux stabbilew il-fatti korrettament. B’hekk, l-appellanti missha tat prova li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-appellanti ma kinitx ippreżentat provi suffiċjenti. Madankollu, l-appellanti dan ma għamlitux u llimitat ruħha li tikkritika l-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

89.

Skont il-Kunsill, l-ilmenti wkoll huma infondati.

90.

L-ewwel nett, id-data li ntużat mill-istituzzjonijiet Komunitarji kienet suffiċjentement ta’ min jorbot fuqha.

91.

L-ewwel, l-argument tal-appellanti li l-formula nħadmet mill-industrija Komunitarja huwa argument ġdid inammissibbli għaliex ma ġiex ippreżentat matul il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-appellanti lanqas ma ssottomiet jew ipprovat li d-data bażika tal-Eurostat jew il-formula li ġiet żviluppata mill-industrija Komunitarja ma kinitx ta’ min jorbot fuqha. Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament ikkonstatat li dawn wasslu għal riżultati pargunabbli ma’ dawk minn data ppreżentata mill-appellanti.

92.

Barra minn hekk, għalkemm l-istituzzjonijiet Komunitarji kienu f’pożizzjoni li jistabbilixxu li l-appellanti kienet l-unika esportatriċi Indjana, ma setgħux jeskludu l-possibbiltà ta’ produtturi Indjani mhux magħrufa oħrajn li jimmanifattuaw is-CD-Rs u esportawhom lejn il-Komunità matul il-perijodu ta’ investigazzjoni.

93.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet l-ebda żball meta stabbiliet il-paragunabbiltà taż-żewġ data differenti.

94.

L-ewwel, kemm id-data tal-Eurostat kif ukoll id-data ppreżentata mill-appellanti juru li l-livell tal-prezzijiet tas-CD-Rs ma kienx jaqa’ f’linja dritta fil-perijodu bejn is-sena 2000 u tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni. Anzi, iċ-ċifri juru li kien hemm żieda ċkejkna fil-perijodu ta’ bejn l-2001 sal-perijodu ta’ investigazzjoni. Skont il-Kunsill, l-appellanti qed tipprova tqassar il-perijodu meqjus sabiex tagħti l-impressjoni li l-prezzijiet żdiedu matul il-perijodu li, fil-fehma tagħha, kellu jitqies.

95.

Barra minn hekk, iż-żewġ data differenti juru li, anki jekk ma jkoprux eżattament l-istess perijodu, bejn l-2000 u tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-livell tal-prezzijiet niżel b’iktar minn 50%. Matul l-istess perijodu, il-volum tal-importazzjonijiet żdied b’mod sinjifikattiv.

96.

Fl-aħħar nett, skont il-Kunsill, is-suġġeriment tal-appellanti li l-istituzzjonijiet Komunitarji misshom qiesu lill-1998 bħala s-sena bażi hija qarrieqa. Il-Kunsill huwa tal-fehma li d-data matul dak il-perijodu ma kinitx rappreżentattiva għaliex l-appellanti kienet esportat biss kwantitajiet żgħar matul dik il-perijodu, u għaldaqstant ma qiesx lil dik is-sena sabiex jevalwa d-dannu. Skont iż-żewġ data differenti, l-importazzjonijiet mill-2000 ’il quddiem kibru b’mod sinjifikattiv fis-sehem tas-suq u fil-volum wara li bdew minn livell minimu. Għal dik ir-raġuni, kien raġonevoli li l-istituzzjonijiet Komunitarji jqisu lill-2000 bħala s-sena bażi.

97.

It-tielet nett, il-Kunsill josserva li d-dikjarazzjonijiet tal-appellanti fil-punt 101 tar-rikors tagħha ma kinux relatati mal-analiżi tad-data tal-appellanti iżda mal-analiżi tad-data pproċessata tal-Eurostat. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta kkonkludiet li, waqt il-kawża, l-appellanti ma kinitx sostniet li jekk titqies data tal-bidu differenti jinkisbu riżultati differenti.

98.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-appellanti primarjament qed tipprova titfa’ dubji fuq konstatazzjonijiet fattwali iżda ma tagħtx prova sa liema punt il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat is-sens ċar tal-provi.

3. Analiżi ġuridika

99.

L-ewwel nett, l-appellanti qed tikkritika n-nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data pproċessata tal-Eurostat.

100.

Għalkemm, f’dan il-kuntest, l-appellanti qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza fundamentalment interpretat ħażin in-natura u s-sors tad-data li fuqha l-Kunsill ibbaża d-deċiżjoni tiegħu dwar id-dannu, hija ma tispjegax il-bażi ta’ dik id-dikjarazzjoni. Għalkemm l-appellanti tibbaża n-nuqqas ta’ ftehim allegat tal-Qorti tal-Prim’Istanza fuq “data ta’ Eurostat” li l-Qorti tal-Prim’Istanza semmiet fil-punt 202 tas-sentenza appellata, pereżempju, għadu mhux possibbli li n-natura u s-sors tal-informazzjoni jiġu interpretati b’mod żbaljat minn dik id-diċitura. Huwa ferm iktar probabbli li l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement kellha l-ħsieb li f’dak il-punt tagħmel distinzjoni bejn id-data pproċessata tal-Eurostat u d-data ppreżentata mill-appellanti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li t-terminu “ċifri tal-Eurostat”  ( 41 ) ( 42 ) intuża anki fir-Regolament ikkontestat biex ifisser mhux id-data bażika tal-Eurostat iżda l-informazzjoni pproċessata tal-Eurostat.

101.

Anki li kieku dik id-diċitura kellha tiġi interpretata mhux sempliċement bħal “taqsira lingwistika” iżda bħala interpretazzjoni żbaljata min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza rigward in-natura u s-sors tal-informazzjoni, ma jidhirx ċar sa liema punt dak l-iżball seta’ affetwa l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ibbażat ir-raġunament tagħha fil-punt 204 tas-sentenza appellata fuq il-fatt li l-appellanti effettivament ma wrietx sa liema punt id-data kellha titqies bħala mhux ta’ min jorbot fuqha ( 43 ).

102.

L-appellanti tilmenta wkoll li l-formula li ntużat ma kinitx ta’ min jorbot fuqha. Dan jikkostitwixxi, l-ewwel nett, evalwazzjoni ta’ fatt li hija inammissibbli fil-fażi ta’ appell ( 44 ) u, it-tieni nett, ripetizzjoni inammissibbli tal-argument li l-appellanti diġà ppreżentat fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 45 ). Għandu wkoll jiġi osservat li, hekk kif il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat fil-punti 202 u 171 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma ppreżentat l-ebda prova fil-proċedimenti quddiem il-Qorti biex turi li l-formula ma kinitx ta’ min jorbot fuqha. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li naqset milli tikkritika l-użu li l-Kunsill għamel mill-formula ( 46 ).

103.

Fejn l-appellanti qed tilmenta li kienet l-unika esportatriċi Indjana tas-CD-Rs lejn il-Komunità u li għalhekk kellha tkun id-data tagħha biss li titqies sabiex ikunu stabbiliti l-volum u l-valur tal-importazzjonijiet, dak l-ilment huwa inammissibbli sempliċement għaliex kulma qiegħda tagħmel l-appellanti huwa li tirrepeti l-argument tagħha mill-proċeduri ta’ quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma tikkontesta r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar dan il-punt fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza appellata ( 47 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat korrettament fil-punti 167 sa 169 tas-sentenza appellata li l-eżistenza tad-dannu għandha tiġi evalwata kollha u ma hemmx għalfejn li l-effett tal-importazzjonijiet imwettqa minn kull kumpannija responsabbli jiġi ddefinit separatament ( 48 ). Lanqas ma tista’ tiġi kkritikata l-konstatazzjoni tagħha li l-Kunsill ma jista’ jiġi akkużat bl-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti fejn jibbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu fuq l-informazzjoni li kienet raġonevolment għad-dispożizzjoni tiegħu ( 49 ).

104.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

105.

It-tieni nett, l-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma missiex ikkonfermat li ż-żewġ data differenti paragunabbli. Skont l-appellanti, dik il-konstatazzjoni mhix sostnuta mill-konstatazzjonijiet fattwali fir-Regolament ikkontestat.

106.

L-ewwel, fir-rigward ta’ din il-kritika, għandu jiġi ddikjarat li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza żgur li kienet ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill fil-premessi 58 sa 64 tal-preambolu tar-Regolament ikkontestat. Madankollu, il-kritika tal-appellanti għandha tkun li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma missiex sostniet il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill u għalhekk ma misshiex ikkonkludiet li ż-żewġ data differenti kienu paragunabbli fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, l-appellanti qed tallega żbalji fl-evalwazzjoni tad-data li ppreżentat hija stess.

107.

Fir-rigward ta’ din il-kritika, madankollu, għandu jitqies li fil-proċeduri ta’ quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti ma sostnietx il-kritika tagħha li d-data li hija ressqet ġiet ippreżentata b’mod mhux eżatt. Kif diġà ngħad iktar ’il fuq ( 50 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li ma qisitx dan l-argument. Barra minn hekk, dan l-argument huwa wkoll motiv ġdid ta’ fatt, li mhux ammissibbli fl-istadju ta’ appell ( 51 ).

108.

It-tielet nett, l-appellanti qed tallega li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 205 tas-sentenza appellata mhix eżatta. Il-Qorti tal-Prim’Istanza hemmhekk ikkonstatat li l-appellanti ma pprovatx sa liema punt li kieku tqieset data tat-tluq differenti għall-informazzjoni ppreżentata minnha setgħu jirriżultaw konklużjonijiet differenti rigward il-prezzijiet tal-importazzjoni.

109.

L-appellanti qed tinvoka l-fatt li hija lmentat dwar dan fil-punt 101 tar-rikors tagħha. Madankollu, il-Kunsill ġustament josserva li l-appellanti fil-punt 101 tar-rikors tagħha sempliċement iddikjarat li l-livell tal-prezzijiet fid-data pproċessata tal-Eurostat għas-snin 1998 u mill-1999 sal-2001 ma kienx rilevanti. Hemmhekk ma jidher l-ebda riferiment għad-data ppreżentata mill-appellanti.

110.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll peress li l-appellanti ma ressqitx din il-kritika fil-proċeduri ta’ quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

4. Konklużjoni

111.

Għalhekk, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

B — It-tieni parti tat-tieni aggravju

1. Is-sentenza appellata

112.

It-tieni parti tat-tieni aggravju tikkonċerna l-punti 193 sa 196 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-allegazzjoni tal-appellanti li l-evalwazzjoni tal-livelli tal-ħażniet li għamel il-Kunsill ma kinitx korretta.

113.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-perijodu meqjus beda mill-1998 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2000 u li matul dak il-perijodu kollu l-ħażniet tal-industrija Komunitarja żdiedu b’mod sinjifikattiv. Hija kkonstatat li l-appellanti ma wrietx li t-titjib tal-indikatur relativ għall-ħażniet mogħti f’perċentwali ta’ produzzjoni mis-sena 2000 kien tali li jaqleb ix-xejra negattiva kkonstatata matul il-perijodu kollu kkunsidrat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat id-deċiżjoni tagħha f’dan ir-rigward fuq il-fatt li “l-livell tal-ħażniet baqa’ għoli matul il-perijodu kollu kkunsidrat, u żdied f’termini assoluti lejn it-tmiem tas-sena 2001, li jikkoinċidi għalhekk maż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet, u li jirrappreżenta, f’termini relattivi, livell għoli ta’ 15%, tal-produzzjoni matul il-perijodu ta’ investigazzjoni” ( 52 ).

2. L-argumenti tal-partijiet

114.

L-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta kkonfermat il-konstatazzjoni tal-Kunsill fil-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat li l-livelli tal-ħażniet marru għall-agħar b’mod drammatiku.

115.

L-ewwel nett, hija targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, lejn tmiem l-2001, il-livelli tal-ħażniet żdiedu f’termini assoluti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx il-fatt li l-produzzjoni tal-industrija Komunitarja żdiedet sew ukoll f’daqqa u għalhekk naqset milli tqis iż-żieda fil-livelli tal-ħażniet f’termini assoluti relattivament maż-żieda assoluta fil-produzzjoni.

116.

It-tieni nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-livelli tal-ħażniet matul il-perijodu ta’ investigazzjoni kienu jirrappreżentaw, f’termini relattivi, livell għoli ta’ produzzjoni ta’ 15% mhix sostnuta mir-Regolament ikkontestat.

117.

Biex jiġi ddeterminat id-dannu jeħtieġ li titqies ix-xejra f’fattur partikolari. Il-Qorti tal-Prim’Istanza missha qieset il-fatt li bejn l-2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri matul l-istess perijodu bħal dak meta l-importaturi Indjani daħlu fis-suq Komunitarju, kien hemm titjib ċkejken fil-livelli tal-ħażniet. Minħabba dak it-titjib ċkejken ma setax jiġi stabbilit li s-sitwazzjoni marret għall-agħar b’mod drammatiku.

118.

Il-Kunsill iqis dan l-ilment bħala inammissibbli. L-ewwel nett, dan huwa dirett kontra konstatazzjonijiet fattwali. It-tieni nett, l-appellanti ma speċifikatx liema regola legali ġiet miksura mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

119.

Barra minn hekk, l-ilment huwa wkoll infondat.

120.

L-ewwel nett, il-konstatazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza rigward iċ-ċifri assoluti hija korretta mil-lat fattwali. Iż-żieda fil-livelli tal-ħażniet kienet tant kbira li, minkejja ż-żieda eċċezzjonali fil-produzzjoni tal-industrija Komunitarja, din wasslet ukoll, f’termini relattivi, għal żieda ta’ kważi 60% (minn 9,2% għal 14,6%) mill-1998 sa tmiem il-perijodu ta’ investigazzjoni.

121.

It-tieni nett, is-sehem ta’ 15% tal-appellanti kien magħruf sew. Barra minn hekk, iċ-ċifri relattivi — jiġifieri, il-perċentwali tal-produzzjoni totali rrappreżentata mill-ħażniet — jidhru biċ-ċar mit-tabelli fil-premessi 75 u 80 tar-Regolament ikkontestat.

122.

Fl-aħħar mill-aħħar l-ilment huwa irrilevanti. Jidher biċ-ċar mill-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat li l-ħażniet kienu biss wieħed mid-diversi indikaturi li tqiesu biex jiġi stabbilit id-dannu. Jidher ukoll ċar mill-premessi 104 u 105 tar-Regolament ikkontestat li l-ħażniet ma kinux jikkostitwixxu element sinjifikattiv biex jiġi stabbilit id-dannu. Il-ħażniet ma jissemmewx hemmhekk. Anki l-appellanti kkonċediet dan, fejn osservat li kienet l-evoluzzjoni fil-prezzijiet li kienet sinjifikattiva.

123.

Il-Kummissjoni tqis li dan l-ilment huwa inammissibbli minħabba li joġġezzjona għal konstatazzjoni fattwali u minħabba li l-appellanti ma pprovatx li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat is-sens ċar tal-provi.

124.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li ż-żieda fil-livelli tal-ħażniet stabbilita fil-premessa 80 tar-Regolament ikkontestat kienet indikazzjoni ferm sinjifikattiva ta’ dannu. Dan seħħ minħabba prezzijiet artifiċjalment baxxi. Barra minn hekk, iż-żieda fil-livelli tal-ħażniet kienet biss indikazzjoni waħda ta’ dannu.

3. Analiżi ġuridika

125.

L-ewwel nett, skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-provi billi għamlet riferiment għal-livelli tal-ħażniet f’termini assoluti.

126.

Tabilħaqq l-appellanti hija korretta meta ssostni li mhux possibbli li tinġibed xi konklużjoni rigward l-istat tal-industrija Komunitarja biss fuq il-bażi taż-żieda fil-ħażniet f’termini assoluti. Anzi, iż-żieda fiċ-ċifri assoluti għandha titqies b’relazzjoni għax-xejra f’fatturi oħrajn bħall-iżvilupp tal-produzzjoni.

127.

Madankollu, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ssemmi ċifri assoluti fir-raġunament tagħha, dan ma jfissirx li tkun qed tiżnatura s-sens ċar tal-provi. Dak jista’ jkun il-każ biss jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat id-deċiżjoni tagħha biss fuq ċifri assoluti mingħajr ma qisithom b’relazzjoni għal fatturi oħrajn. Madakollu, biex waslet għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset anki l-fatt li l-Kunsill eżamina x’kienet ir-relazzjoni bejn il-ħażniet f’termini assoluti u l-produzzjoni totali.

128.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

129.

It-tieni nett, l-appellanti tilmenta li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jiġifieri li matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, il-livelli tal-ħażniet kienu jirrappreżentaw, f’termini relattivi, livell għoli ta’ produzzjoni ta’ 15% ma kinitx sostnuta mir-Regolament. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet ir-raġunament tagħha għar-raġunament tal-Kunsill.

130.

Kif osserva ġustament il-Kunsill, ix-xejra negattiva tul il-perijodu meqjus tidher biċ-ċar mill-premessi 75 u 80 tar-Regolament ikkontestat, fejn ingħataw id-dettalji tal-produzzjoni totali u tal-livelli tal-ħażniet. B’hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet f’pożizzjoni li tinterpreta x-xejra negattiva direttament mir-raġunament fir-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, il-Kunsill issostanzja x-xejra negattiva billi rrefera għall-premessa 80 tar-Regolament ikkontestat, fejn ġie ddikjarat li l-ħażniet kienu żdiedu b’mod sinjifikattiv lejn tmiem l-1999 u lejn tmiem l-2001 u għalhekk kienu għoljin daqs 15%.

131.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

132.

It-tielet nett, l-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx it-titjib ċkejken fil-ħażniet ta’ bejn is-sena 2000 u l-perijodu ta’ investigazzjoni. Minħabba dak it-titjib, wieħed ma setax jassumi li dan il-fattur mar lura b’mod drammatiku.

133.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat korrettament fil-punt 194 li l-perijodu meqjus beda fl-1998 u ntemm fil-31 ta’ Marzu 2000. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni biex jiddeterminaw il-perijodu li għandu jitqies sabiex jiġi vverifikata id-dannu ( 53 ). Ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-istituzzjonijiet Komunitarji jistgħu jeżaminaw id-dannu matul perijodu itwal minn dak kopert mill-investigazzjoni peress li l-istudju tax-xejriet ekonomiċi għandu jsir fuq perijodu twil biżżejjed ( 54 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li naqset milli tikkritika l-metodu li uża l-Kunsill biex osserva x-xejra ekonomika tul perijodu itwal ta’ żmien.

134.

L-allegazzjoni tal-appellanti li t-titjib temporanju fil-ħażniet kien jikkoinċidi mad-dħul fis-suq tal-importaturi Indjani hija kwistjoni li ma invokatx fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. L-appellanti missha invokat u ssostanzjat din il-kwistjoni matul dawk il-proċeduri. Għaldaqstant, ma jistax jingħad fuq il-Qorti tal-Prim’Istanza li naqset milli tqisha ( 55 ). Fil-fażi ta’ appell, dan l-argument jikkostitwixxi estensjoni illeċita tas-suġġett tal-kawża u motiv ġdid ta’ fatt ( 56 ).

135.

Barra minn hekk, l-ilment ikun anki irrilevanti. L-ilmenti jkunu irrilevanti jekk ikunu indirizzati biss lejn ir-raġunament fis-sentenza mingħajr ma jkun jista’ jkollhom effett fuq il-parti operattiva tas-sentenza ( 57 ). Anki li kieku stess il-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikat il-konstatazzjoni tal-Kunsill b’relazzjoni għal-livelli tal-ħażniet, dan ma kienx se jirriżulta fl-annullament tar-Regolament tal-Kunsill.

136.

Tabilħaqq, jidher ċar mill-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat li, fil-konklużjonijiet tiegħu rigward id-dannu, il-Kunsill semma anki li l-ħażniet kienu qed imorru għall-agħar. F’dan ir-rigward, għandu jsir ukoll riferiment għall-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku. Dan jipprovdi li l-impatt tal-importazzjonijiet sussidjati fuq l-industrija Komunitarja kkonċernata għandu jiġi eżaminat b’mod komprensiv għal ċerti fatturi ekonomiċi u indiċi, inklużi l-ħażniet ( 58 ). Madankollu, jiġi anki ddikjarat b’mod ċar li wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi mhux bilfors jistgħu jagħtu gwida deċiżiva dwar id-dannu. Għalhekk, mill-inklużjoni tal-ħażniet fil-premessa 103 tar-Regolament ikkontestat ma jistax jiġi konkluż li l-Kunsill ibbaża r-raġunament tiegħu fir-Regolament ikkontestat essenzjalment fuq il-konstatazzjoni tiegħu rigward il-livelli tal-ħażniet.

137.

Barra minn hekk, fil-premessa 105 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill għamilha ċara li bbaża d-dannu prinċipalment fuq l-effetti li l-importazzjonijiet sussidjati kellhom fuq il-prezzijiet ( 59 ). F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, ma nistgħux nassumu li l-konstatazzjoni rigward il-livelli tal-ħażniet kienet “fattur ta’ sostenn” biex jiġi stabbilit id-dannu u b’hekk fir-raġunament ipprovdut fir-Regolament ikkontestat, li t-tneħħija tiegħu għandha twassal għall-annullament tar-Regolament.

138.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll għal din ir-raġuni.

4. Konklużjoni

139.

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda fl-intier tagħha.

VIII — Fuq it-tielet aggravju

140.

Fit-tielet aggravju tagħha, l-appellanti qed issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ma laqgħetx il-ħames motiv fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Hija qed targumenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx suffiċjentement il-fatt li d-dannu seta’ wkoll kien attribwit għal fattur ieħor taħt l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, li ntalbu drittijiet tal-awtur wisq għoljin — u għaldaqstant antikompetittivi — għall-privattivi tas-CD-Rs.

A — Is-sentenza appellata

141.

Fil-punti 260 sa 279 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-bidu qieset l-ilment li l-Kunsill ma kienx eżamina dan il-fattur. F’dan ir-rigward, hija kkonstatat li l-Kunsill kien eżamina b’mod ġenerali l-effetti tal-miżati tad-drittijiet tal-awtur fil-premessi 134 u 135 tar-Regolament ikkontestat ( 60 ).

142.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad qieset l-ilment li l-Kunsill kien naqas milli jeżamina adegwatament jekk il-ħlas tad-drittijiet tal-awtur allegatament antikompetittivi setax kiser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ikkonċernati u d-dannu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dak l-ilment. Hija ma qisitx li kien neċessarju li jiġu ddeterminati l-effetti preċiżi tal-fattur inkwistjoni. Tabilħaqq, kien suffiċjenti li l-istituzzjonijiet Komunitarji jikkonstataw li, minkejja tali fattur estern, id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet sussidjati kien wieħed materjali. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li r-raġunament tal-Kunsill — jiġifieri li d-drittijiet tal-awtur diġà kienu tħallsu qabel mal-importazzjonijiet laħqu livell sinjifikattiv u li l-iżvilupp negattiv stabbilit fis-sitwazzjoni tal-produtturi Komunitarji ma setax għalhekk jiġi attribwit għall-ħlas tad-drittijiet — kien wieħed adegwat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ukoll li l-prattika antikompetittiva allegata ma setgħetx tkun attribwita għall-aġir tal-produtturi Komunitarji.

143.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat l-ilment li l-Kunsill ma kienx evalwa d-dannu b’mod preċiż. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li d-drittijiet kellhom jiġu mħallsa mill-produtturi kollha, inkluża l-appellanti. Għalhekk, ma setgħux jispjegaw id-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet sussidjati u għaldaqstant ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-livell ta’ roħs tal-prezzijiet.

B — L-argumenti tal-partijiet

144.

Matul is-seduta, l-appellanti sostniet li t-tielet aggravju kien ammissibbli peress li l-parti tas-sentenza li kien qed jikkontesta permezz ta’ dak l-aggravju kienet identifikata b’mod suffiċjentement ċar fit-titolu tagħha.

145.

Fit-tielet aggravju, l-appellanti essenzjalment qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin it-tifsira tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku fl-istħarriġ tagħha tar-Regolament ikkontestat. Skont dik id-dispożizzjoni, id-dannu li jiġi kkawżat minn fatturi magħrufa oħra ma għandux jiġi attribwit lil importazzjonijiet sussidjati allegati. Fejn fattur ieħor ikun magħruf, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk kienx jirriżulta d-dannu anki mingħajr dak il-fattur u kemm kien ikun mifrux. Jekk tali fattur ikun jista’ jiġi attribwit lill-aġir tal-industrija Komunitarju, madankollu, mhux materjali.

146.

Fil-fehma tal-Kunsill, dan l-aggravju kien inammissibbli mill-bidu nett għaliex l-appellanti ma għamlitix ċara liema konstatazzjoni fis-sentenza appellata qed tikkontesta u sempliċement tirreferi biss għal numri ta’ punti individwali f’dik is-sentenza. Lanqas ma indikat sa liema punt il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

147.

Lanqas dan l-aggravju mhu fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat korrettament l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku. Hija segwiet il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qrati Komunitarji, li tipprovdi li r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu għandha tiġi vverifikata fl-istadji li ġejjin:

148.

L-ewwel għandu jsir test pożittiv sabiex jiġi ddeterminat jekk l-importazzjonijiet sussidjati kkawżawx id-dannu. Nistgħu nassumu rabta kawżali anki jekk id-dannu seta’ kien attribwit mhux biss lill-importazzjonijiet sussidjati iżda lil fatturi oħra wkoll.

149.

Imbagħad jitwettaq test negattiv sabiex jiġi ddeterminat jekk fatturi magħrufa oħrajn setgħux kisru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu. Madankollu, nistgħu nassumu ksur biss jekk l-effett tal-importazzjonijiet sussidjati fuq id-dannu, meta pparagunat mal-effetti tal-fatturi l-oħra, ikun daqshekk żgħir li, meta jiġi pparagunat mal-effett ta’ fatturi oħrajn, ma jistax iktar jitqies bħala materjali.

150.

Skont il-Kunsill, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat korrettament jekk l-industrija Komunitarja stess ikkontribwietx għad-dannu. Fl-aħħar nett, l-appellanti naqset milli tindika liema effetti l-allegati drittijiet tal-awtur antikompetittivi kellhom fuq id-dannu. Hija ma wrietx sa liema punt il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwat inkorettament ċerti provi.

151.

Il-Kummissjoni wkoll tqis li t-tielet aggravju bħala inammissibbli. Hija ssostni li l-appellanti qed toġġezzjona biss għall-punt 272 tas-sentenza appellata. Dan ma kienx element konklużiv meta jitqies l-argument kollu tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

152.

Hija tosserva anki li l-appellanti ma tefgħetx dubji fuq il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 272 tas-sentenza appellata li l-aġir allegatament antikompettiv ma setax ikun attribwit lill-produtturi Komunitarji u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għalhekk ma kinux obbligati jqisu dan.

C — Analiżi ġuridika

153.

Kif diġà ngħad iktar ’il fuq ( 61 ), il-partijiet ikkontestati ta’ sentenza li appellant jitlob li jiġu annullati u l-istrumenti legali li fuqhom ikun ibbażat tali rikors għandhom jiġu identifikati preċiżament.

154.

L-ewwelnett, l-appellanti għamlitha ċara fit-titolu tat-tielet aggravju li dan l-aggravju kien jindirizza l-parti tas-sentenza appellata fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet il-ħames motiv tar-rikors. Għalhekk jidher ċar mit-titolu tat-tielet aggravju liema parti mis-sentenza l-appellanti qed tikkontesta (punti 260 sa 279). Fir-raġunament tagħha tat-tielet aggravju, l-appellanti tabilħaqq issemmi biss il-punt 272 tas-sentenza appelleta. Madankollu, il-parti tas-sentenza li qed tiġi kkontestata kienet tidher b’mod suffiċjentement ċar mit-titolu tal-aggravju.

155.

It-tieni nett, l-appellanti ddikjarat li, fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qisitx suffiċjentement l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku meta stħarrġet ir-Regolament ikkontestat. Meta għamlet dan għamlitha ċara li dan kien relatat mal-evalwazzjoni tad-dannu.

156.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, it-tielet aggravju huwa ammissibbli.

157.

L-appellanti qed tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku. L-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku jipprovdi li fatturi magħrufa għajr l-importazzjonijiet sussidjati li qed jikkawżaw dannu lill-industrija Komunitarja fl-istess ħin għandhom jiġu eżaminati wkoll sabiex ikun żgurat li d-dannu kkawżat minn dawn il-fatturi l-oħra ma jiġix attribwit lill-importazzjonijiet sussidjati skont l-Artikolu 8(6). Din id-dispożizzjoni tipprovdi, bħala eżempju, li fost l-oħrajn, f’dan il-kuntest jistgħu jitqiesu prattiki kummerċjali restrittivi ta’, u kompetizzjoni bejn, produtturi ta’ pajjiżi terzi u produtturi Komunitarji.

158.

Fil-fehma tal-appellanti, il-ksur tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku jinsab, l-ewwel, fin-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkritika l-konstatazzjonijiet tal-Kunsill fir-Regolament ikkontestat li d-drittijiet allegatament antikompetittivi ma kisrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu (1). Minnbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball meta ċaħdet l-ilment tagħha li l-effetti tad-drittijiet tal-awtur misshom ġew ikkunsidrati fl-evalwazzjoni tad-dannu (2).

1. L-effetti tad-drittijiet tal-awtur fuq ir-rabta kawżali

159.

Kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat korrettament fil-punt 269 tas-sentenza appellata, jeħtieġ li, rigward ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu, jiġi eżaminat jekk fatturi oħrajn kinux tali li jiksru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu kkawżat lill-industrija Komunitarja ( 62 ).

160.

Kif ikkonstatat korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza ( 63 ), f’dan il-kuntest mhux bilfors li l-effetti tal-fattur inkwistjoni għandhom jiġu stabbiliti fid-dettall u jitqiesu. Għall-finijiet ta’ tali eżami, tkun suffiċjenti konstatazzjoni li, minkejja l-fattur inkwistjoni, id-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet sussidjati kien wieħed materjali. Ir-raġuni għal dan huwa li skont ir-Regolament bażiku m’hemmx għalfejn li l-importazzjonijiet sussidjati jkunu l-kawża prinċipali tad-dannu u l-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju għalhekk hija wkoll permissibbli fejn id-dannu jkun ikkawżat minn diversi fatturi ( 64 ).

161.

Għaldaqstant, ma nista’ nsib l-ebda żball ta’ liġi fil-kriterju tal-evalwazzjoni legali li applikat il-Qorti tal-Prim’Istanza. Issa biħsiebni neżamina jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlitx żball meta applikat dak il-kriterju tal-evalwazzjoni legali.

162.

Il-Kunsill ikkonstata li d-drittijiet tal-awtur kellhom jitħallsu mill-produtturi kollha tas-CD-Rs u li l-produtturi kellhom iħallsuhom anki qabel il-perijodu li matulu rriżulta d-dannu stabbilit mill-Kunsill. Huwa kien qies ukoll il-fatt li l-importazzjonijiet Indjani u d-dannu lill-industrija Komunitarja stabbilita minnu, kienu relatati mal-istess perijodu. B’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ dawk il-konstatazzjonijiet, il-Kunsill assuma li r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu ma setgħetx inkisret mill-miżati tad-drittijiet tal-awtur ( 65 ).

163.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti ma għamlitx talba sostanzjata dwar kif dik il-konstatazzjoni tal-Kunsill setgħet ma kinitx korretta. Hija invokat sempliċement il-fatt li, skont is-sentenza Mukand ( 66 ), l-istituzzjonijiet Komunitarji kellhom l-obbligu li jiddeterminaw eżattament l-effetti tad-drittijiet tal-awtur.

164.

Is-sentenza Mukand kienet relatata, madankollu, ma’ każ fejn il-prezzijiet tal-produtturi Komunitarji għall-prodott ikkonċernat biss kienu milquta ħażin minn prattiki possibbilment antikompetittivi min-naħa tal-produtturi Komunitarji, iktar milli l-prezzijiet tal-produtturi li kienu jimportaw il-prodott ikkonċenat fil-Komunità ( 67 ). Jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk, konstatazzjoni ta’ dannu tkun ibbażata partikolarment fuq il-fatt li l-prezzijiet għall-importazzjonijiet sussidjati kienu iktar baxxi mill-prezzijiet għall-oġġetti prodotti fil-Komunità, huwa ovvju li prattika li artifiċjalment tgħolli l-prezzijiet tal-oġġetti prodotti fil-Komunità tista’ tkun tali li titfa’ dubji fuq ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu ( 68 ).

165.

F’ċirkustanzi bħal dawk ta’ dan il-każ, fejn id-drittijiet tal-awtur allegatament antikompetittivi kellhom jitħallsu mill-produtturi kollha, il-possibbiltà li l-katina tar-rabta kawżali nkisret, madankollu, mhix ovvja. Dan huwa partikolarment minnu fejn il-Kunsill stabbilixxa li d-drittijiet tal-awtur tħallsu qabel imma ż-żmien tad-dannu stabbilit (it-tnaqqis fil-prezzijiet) ikkoinċida mal-prodotti sussidjati li daħlu fis-suq Komunitarju. Fid-dawl ta’ dan, għalhekk, l-appellanti missha għamlet talba sostnuta biex turi għaliex it-talbiet allegatament antikompetittivi tal-ħlas tad-drittijiet tal-awtur jiksru r-rabta kawżali li assuma l-Kunsill ( 69 ). Peress li ma għamlitx dan, ma jistax jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball meta laqgħet il-konstatazzjonijiet tal-Kunsill ( 70 ).

166.

Għaldaqstant, lanqas jiena ma nista’ nsib xi żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kriterju tal-evalwazzjoni legali f’dan il-każ.

2. L-evalwazzjoni tad-dannu

167.

Rigward l-evalwazzjoni tad-dannu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li f’dan il-każ, b’differenza għaċ-ċirkustanzi fis-sentenza Mukand, l-aġir allegatament antikompettiv kellu effett fuq il-produtturi kollha. Il-miżati tad-drittijiet tal-awtur għalhekk ma kellhom l-ebda influwenza fuq il-fatturi li tqiesu biex jiġi kkalkulat il-livell ta’ tnaqqis tal-prezzijiet. Il-Kunsill għalhekk kellu kull dritt li jassumi li l-fattur inkwistjoni ma setax jispjega d-differenza bejn il-prezzijiet Komunitarji u l-prezzijiet Indjani ( 71 ).

168.

F’dan il-kuntest għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li konstatazzjoni ta’ dannu lill-industrija Komunitarja mhix sempliċement rekwiżit għall-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet sussidjati ( 72 ); jista’ anki jkollha rwol b’relazzjoni tal-ammont tad-dazju kumpensatorju.

169.

Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, id-dazju kumpensatorju ma għandux jeċċedi l-ammont tas-sussidji kumpensatorji imma għandu jkun inqas jekk dazju inqas ikun adegwat biex jitneħħa d-dannu lill-industrija Komunitarja (dik li tissejjaħ ir-regola tal-“inqas dazju”). Skont ir-regola tal-“inqas dazju”, għalhekk, il-marġni tas-sussidju jiġi ppargunat mal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Jekk il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu jkun iktar baxx mill-marġni tas-sussidji, għandu jiġi impost biss dazju kumpensatorju li jlaħħaq l-ammont tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu.

170.

L-għan tar-regola tal-“inqas dazju” huwa li tiżgura li l-vantaġġ kompetittiv tal-importazzjonijiet sussidjati biss jiġi kkumpensat sabiex tiġi protetta l-industrija Komunitarja. Ir-regola tal-“inqas dazju” għalhekk hija maħsuba biex tnaqqas il-kunflitt bejn il-kunċett tal-protezzjoni tal-kummerċ għall-industrija Komunitarja mill-importazzjonijiet sussidjati, fuq in-naħa waħda, u l-prinċipju li l-industrija Komunitarja tkun kemm jista’ jkun kompetittiva, bl-iktar prezzijiet baxxi possibbli għall-klijenti tal-prodott ikkonċernat fil-Komunità, fuq naħa oħra. Il-prezzijiet tal-importazzjonijiet sussidjati għandhom jiġu miżjuda bid-dazju kumpensatorju biss sakemm ikun meħtieġ sabiex tiġi protetta l-industrija Komunitarja. Madankollu, mhux suppost jagħtu lill-industrija Komunitarja vantaġġ kompetittiv ikbar fuq l-importazzjonijiet sussidjati.

171.

Ladarba jitqies l-għan tar-regola tal-“inqas dazju”, jidher biċ-ċar li, meta jitqiesu fatturi oħrajn fit-tifsira tal-Artikolu 8(7) tar-Regolament bażiku, f’konformità mar-regola tal-“inqas dazju” jista’ jkun xieraq proċess iktar ristrett ta’ eżami bir-reqqa milli jkun il-każ meta jiġi eżaminat jekk fattur ieħor jiksirx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu. Peress li huwa possibbli li jiġi impost dazju kumpensatorju wkoll fejn id-dannu jkun ikkawżat minn diversi fatturi, huwa suffiċjenti, meta jitwettaq eżami ta’ rabta kawżali, li jiġi applikat l-proċess iktar wiesa’ ta’ eżami bir-reqqa li ġie deskritt iktar ’il fuq ( 73 ). L-effetti tal-fattur inkwistjoni la hemm għalfejn jiġu stabbiliti fid-dettall u lanqas jitqiesu f’dan il-kuntest. Madankollu, anki f’każ bħal dan, l-għan tar-regola tal-“inqas dazju” huwa li l-industrija Komunitarja ma għandiex tingħata protezzjoni lil hinn minn dak li jkun neċessarju. Sabiex jintlaħaq dak il-għan jista’ jkun xieraq, meta jiġi kkalkulat il-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu, li jitqiesu fatturi li, għalkemm ma jiksrux ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu, madankollu jistgħu jkollhom effett fuq il-livell tal-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Meta jkun qed jiġi kkalkulat il-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu f’dan ir-rigward jista’ jkun xieraq li jintuża proċess ta’ eżami bir-reqqa iktar ristrett milli meta tiġi eżaminata r-rabta kawżali ( 74 ).

172.

Madankollu, għandna nżommu quddiem għajnejna li, kif ingħad iktar ’il fuq, il-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-informazzjoni kummerċjali meħtieġa għall-adozzjoni tal-miżuri sabiex jiġi protett il-kummerċ huma kompiti kumplessi u li għal dik ir-raġuni l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni ( 75 ).

173.

Fid-dawl ta’ dak li ngħad iktar ’il fuq, issa biħsiebni nikkunsidra jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza qisitx b’mod xieraq id-drittijiet tal-awtur allegatament eċċessivi meta eżaminat l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni min-naħa tal-Kunsill rigward il-kalkolu tal-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu u l-applikazzjoni tar-regola tal-“inqas dazju”.

174.

L-ewwel nett, f’dan il-kuntest għandna nsemmu li fl-imgħoddi kittieba akkademiċi ta’ spiss irreferew għall-periklu li jekk fi proċeduri fejn jiġu imposti miżuri għall-protezzjoni tal-kummerċ ma jitqiesx il-ksur tad-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni dan jista’ jmur kontra l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tat-Trattati ( 76 ).

175.

F’każijiet fejn il-prezzijiet tal-importazzjonijiet minn pajjiżi li mhumiex membri jiġu pparagunati mal-prezzijiet artifiċjalment mgħollija tal-produtturi Komunitarja minħabba prattiki antikompetittivi, hemm tabilħaqq riskju li l-limitu li ġie ddeterminat sabiex jitneħħa l-vantaġġ kompetittiv tal-importazzjonijiet sussidjati jista’ jiġi ffissat f’livell wisq għoli. Limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu li jkun iffissat wisq fil-għoli huwa ta’ dannu għall-klijenti tal-prodott ikkonċernat u mhux iġġustifikat mill-ħtieġa li tiġi protetta l-industrija Komunitarja.

176.

Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jfissirx li, fil-każi kollha fejn aġir allegatament antikompetittiv jkollu effett fuq il-prezzijiet, il-Kunsill ikun imġiegħel, fl-ambitu tad-diskrezzjoni tiegħu, li jqis dak l-aġir meta jikkalkula l-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Ma naħsibx li huwa assolutament essenzjali li l-Kunsill iqis tali aġir meta jkun qed jikkalkula l-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu, speċjalment f’każ fejn il-produtturi kollha inkwistjoni jistgħu jiġu affetwati mill-aġir allegatament antikompetittiv. F’dak il-każ, il-ħlas ta’ drittijiet tal-awtur jikkostitwixxi kundizzjoni fejn għandhom joperaw il-produtturi kollha. Sakemm dik l-aġir ma jistax jiġi attribwit lill-industrija Komunitarja stess, l-industrija Komunitarja għandha, meta jitqiesu dawk il-kundizzjonijiet, ħtieġa ġustifikabbli għall-protezzjoni fil-forma ta’ dazju kumpensatorju li jipproteġiha mill-importazzjonijiet sussidjati.

177.

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 274 tas-sentenza appellata, ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-produtturi kollha tas-CD-Rs kellhom iħallsu d-drittijiet tal-awtur allegatament antikompetittivi u li l-aġir allegatament antikompetittiv ma setax jiġi attribwit lill-industrija Komunitarja. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 275 tas-sentenza appellata, setgħet tikkonstata korrettament li d-drittijiet tal-awtur allegatament eċċessivi ma setgħux jaffetwaw il-kalkolu tal-livell ta’ roħs fil-prezzijiet u li ma setgħet issir l-ebda kritika fil-konfront tal-konstatazzjoni tal-Kunsill fil-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat.

D — Konklużjoni

178.

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

IX — Konklużjoni tal-analiżi ġuridika

179.

Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, l-appell mhuwiex fondat. Għaldaqstant għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

X — L-ispejjeż

180.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

181.

Skont l-Artikolu 69(4) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

XI — Konklużjoni

182.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lill-appellanti tbati l-ispejjeż tal-proċeduri;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2006, Moser Baer India vs Il-Kunsill (T-300/03, Ġabra p. II-3911).

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 46, p. 250

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 78

( 5 ) Id-dazji kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet sussidjati jiġu imposti fil-forma ta’ regolamenti. Peress li l-bażi legali għall-adozzjoni tad-dazji kumpensatorji hija wkoll regolament, ir-regolament li jifforma l-bażi legali u l-qafas għall-adozzjoni ta’ regolament kontra l-għoti tas-sussidji jissejjaħ ir-“Regolament bażiku”.

( 6 ) ĠU 2002 C 116, p. 4.

( 7 ) Premessi 38 sa 47 tar-Regolament ikkontestat.

( 8 ) Madankollu, il-Kunsill naqqas dan għal 4,2 snin; ara l-premessi 43 sa 45 fil-preambolu tar-Regolament ikkontestat.

( 9 ) Ara l-premessi 39 sa 41 tar-Regolament ikkontestat.

( 10 ) Ara l-premessi 58 sa 64 fil-preambolu tar-Regolament ikkontestat.

( 11 ) Rigward il-ħażniet, ara l-premessi 80 sa 89 tar-Regolament ikkontestat.

( 12 ) Ara l-premessi 134 u 135 tar-Regolament ikkontestat.

( 13 ) Hawnhekk qed jissemmew biss il-motivi tar-rikors rilevanti fil-kuntest ta’ appell.

( 14 ) ĠU L 288, p. 17.

( 15 ) Sentenzi tat-28 ta’ Frar 2008, AGST Draht- u Biegetechnik (C-398/05, Ġabra p. I-1057), punt 33); u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 40). F’ċerti każi, il-ġurisprudenza u l-letteratura ċċitati f’din in-nota ta’ qiegħ il-paġna u oħrajn sussegwenti huma relatati mhux biss ma’ kawżi ta’ sussidji imma anki ma’ kawżi ta’ dumping. Madankollu, din il-ġurisprudenza u din il-letteratura jistgħu japplikaw ukoll, mutatis mutandis, għas-sussidji. Mhuwa ser issir l-ebda riferiment ulterjuri hawn taħt għall-applikazzjoni mutatis mutandis ta’ tali dokumenti ta’ prova.

( 16 ) Ara l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

( 17 ) Sentenzi tal-14 ta’ Marzu 1990, Gestetner Holdings vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C-156/87, Ġabra p. I-781, punt 63), tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill (T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 51), tat-18 ta’ Settembru 1996, Climax Paper vs Il-Kunsill (T-155/94, Ġabra p. II-873, punt 98), tas-17 ta’ Diċembru 1997, EFMA vs Il-Kunsill (T-121/95, Ġabra p. II-2391, punt 64), AGST Draht- und Biegetechnik (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34) u Ikea Wholesale (iċċitata fin-nota 15, punt 41); W. Müller, N. Khan, H.-A. Neumann, EC Anti-Dumping Law, John Wiley & Sons, 1998, punt 26.2; K. Düker, Rechtsschutz gegen Antidumpingmaßnahmen der Europäischen Gemeinschaft, Tectum, 2007, p. 193.

( 18 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ Ottubru 2004 Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T-35/01, Ġabra p. II-3663, punti 48 u 49), AGST Draht- und Biegetechnik, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34); u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 41); W. Müller, N. Khan, H.-A. Neumann, (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 26.2).

( 19 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 1984, Allied Corporation et vs Il-Kummissjoni (sentenzi maqgħuda 239/82 u 275/82, Ġabra p. 1005, punti 21 et seq.); K. Düker (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 197).

( 20 ) K. Düker (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, p. 196 et seq)

( 21 ) Artikolu 225 KE u l-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 22 ) Sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (sentenzi maqgħuda C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 51); tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C-352/98 P, Ġabra p. I-5291, punt 35), tat-3 ta’ Marzu 2005, Biegi Nahrungsmittel u Commonfood vs Il-Kummissjoni (C-499/03 P, Ġabra p. I-1751, paragrafu 38). Għal iktar referenzi, ara K. Lenaerts, D. Arts, Procedural Law of the European Union, it-Tieni edizzjoni, Sweet & Maxwell, 2008, punti 7-107 u 16-016.

( 23 ) Artikolu 225 KE u l-Artikolu 112(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja; ara, b’mod partikolari s-sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 34); u tat-8 ta’ Jannar 2002, Franza vs Monsanto u Il-Kummissjoni (C-248/99 P, Ġabra p. I-1, punt 69).

( 24 ) Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Marzu 1991, Turner vs Il-Kummissjoni (C-115/90 P, Ġabra p. I-1423, punti 13 sa 14); tal-1 ta’ Ottubru 1991, Vidrányi vs Il-Kummissjoni (C-283/90 P, Ġabra p. I-4339, punti 11 sa 13); u tat-23 ta’ Novembru 2000, British Steel vs Il-Kummissjoni (C-1/98 P, Ġabra p. I-10349, punt 53). K. Lenaerts, D. Arts (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 16-016).

( 25 ) Sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2003, Il-Kummissjoni vs Fresh Marine (C-472/00 P, Ġabra p. I-7541, punt 45) u tat-2 ta’ Marzu 1994, Hilti vs Il-Kummissjoni (C-53/92 P, Ġabra p. I-667, punt 43). H-W. Rengeling, A. Middecke, M. Gellermann, Handbuch des Rechtsschutzes in der Europäischen Union, it-Tieni edizzjoni C.H. Beck, 2003, Artikolu 28, punt 28.

( 26 ) Sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 1992, V. vs Il-Parlament (C-18/94 P, Ġabra p. I-3997, punt 21) u British Steel vs Il-Kummissjoni (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 47); H.-W, Rengeling, A. Middecke, M. Gellermann, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, Artikolu 28, punt 23); K. Lenaerts, D. Arts, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 16-018).

( 27 ) Is-sentenza appellata ngħatat fl-4 ta’ Ottubru 2006. Ir-Regolament tal-annullament ġie adottat fit-30 ta’ Ottubru 2007.

( 28 ) Ara d-Digrieti tal-25 ta’ Jannar 2001, Lech-Stahlwerke vs Il-Kummissjoni (C-111/99 P, Ġabra p. I-701, punt 18); u tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-503/07 P, Ġabra p. I-2217, punt 47); sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni (C-19/93 P, Ġabra p. I-3319, punt 13).

( 29 ) B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni (53/85, Ġabra p. 1965, punt 21) li meta jiġi ppreżentat rikors għal annullament l-interess ġuridiku ma jaqax sempliċement għaliex l-istrument legali kkonċernat diġà ġie implementat.

( 30 ) Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 21.

( 31 ) Barra minn hekk, konstatazzjoni ta’ prattika illegali min-naħa tal-istituzzjonijiet Komunitarji jista’ jkollha anki rwol f’talba possibbli għal danni kontra l-istituzzjonijiet Komunitarji. F’dan ir-rigward, għandu jitqies partikolarment il-perijodu ta’ limitu ta’ ħames snin, skont l-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 32 ) Mill-bqija, il-Kunsill jkun jista’ jagħmel appell inammissibbli billi jħassar ir-Regolament ikkontestat.

( 33 ) Punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 35 ) Punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 36 ) F’dan il-kuntest għandu jiġi osservat li, b’differenza għall-pożizzjoni fil-proċeduri tal-kompetizzjoni, pereżempju, l-istituzzjonijiet Komunitarji kkonċernati ma għandhom l-ebda setgħa skont ir-Regolament bażiku sabiex iġiegħlu lill-impriżi milquta biex jipparteċipaw. Għalhekk, għandhom ikunu l-partijiet li jinvokaw u jsostnu informazzjoni li tkun favur tagħhom; ara l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku.

( 37 ) Ara l-punt 53 tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

( 38 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Sentenzi tal-21 ta’ April 1983, Ragusa vs Il-Kummissjoni (282/81, Ġabra p. 1245, punt 22); u tal-5 ta’ Mejju 1983, Ditterich vs Il-Kummissjoni (207/81, Ġabra p. 1359, punt 19).

( 40 ) Ara l-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-premessa 55 tar-regolament ikkontestat.

( 42 ) Ara l-premessa 60 tar-regolament ikkontestat.

( 43 ) Kif ingħad iktar ’il fuq fil-punt 25 ta’ dawn il-Konklużjonijiet, fin-nuqqas ta’ sottomissjoni sostenuta mill-appellanta fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ma jistax jingħad li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkritika l-konstatazzjoni tal-Kunsill.

( 44 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 46 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T-35/01, Ġabra p. II-3663, punt 163); tas-7 ta’ Mejju 1987, Nachi Fujikoshi vs Il-Kunsill (255/84, Ġabra p. 1861, punt 46) u tal-20 ta’ Ottubru 1999, Swedish Match Philippines vs Il-Kunsill (T-171/97, Ġabra p. II-3241, punt 66).

( 49 ) Għal darb’oħra f’dan il-kuntest għandna nsemmu kif l-aċċertament tad-data ekonomika fil-kuntest tal-miżuri sabiex jiġi protett il-kummerċ huwa kompitu kumpless u l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni f’dan il-qasam li huwa suġġett biss għal livell imnaqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju; ara l-punti 23 et seq ta’ dawn il-Konklużjonijiet. Barra minn hekk, l-istatistika uffiċjali dwar l-importazzjoni jissemmew espressament bħala sors possibbli ta’ informazzjoni fl-Artikolu 28(5) tar-Regolament bażiku. Ara wkoll is-sentenza Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 48, punt 230); fejn jingħad li l-istituzzjonijiet Komunitarji ma jwettqux żball manifest ta’ evalwazzjoni fejn jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom fuq l-informazzjoni li raġonevolment ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom.

( 50 ) Punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 51 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 52 ) Ara l-punt 195 tas-sentenza appellata.

( 53 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punt 162 tas-sentenza appellata u s-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 87); fejn jingħad li d-dannu sostnut mill-industrija Komunitarja jista’ jiġi ddeterminat anki tul perijodu itwal ta’ żmien minn dak kopert mill-investigazzjoni dwar l-eżistenza tal-prattiki tad-dumping.

( 55 ) Ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 56 ) Ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (sentenzi maqgħuda C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29); K. Lenaerts,, D. Arts, (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 16-019).

( 58 ) L-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku jsemmi l-fatt li industrija tista’ tkun għadha qed tirkupra mill-effetti ta’ sussidji mgħoddija jew ta’ dumping imgħoddi, tad-daqs tal-ammont tas-sussidji kumpensatorji, tan-nuqqas effettiv u potenzjali fil-bejgħ, tal-profitti, tal-produzzjoni, tas-sehem mis-suq, tal-produttività, tad-dħul fuq l-investimenti, tal-użu tal-kapaċità; tal-fatturi li jaffetwaw il-prezzijiet Komunitarji; tal-effetti negattivi effettivi u potenzjali fuq il-likwidità, tal-inventarji, tal-impjiegi, tas-salarji, tat-tkabbir, tal-kapaċità li jinġabar kapital jew investimenti u, fil-każ tal-agrikoltura, jekk kienx hemm żieda fil-piż fuq il-programmi governattivi ta’ sostenn.

( 59 ) Meta qies il-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu fil-premessi 166 sa 169 tar-Regolament ikkontestat, il-Kunsill qies ukoll il-prezzijiet iktar milli l-livelli tal-ħażniet.

( 60 ) Ara l-punti 260 sa 267 tas-sentenza appellata.

( 61 ) Punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1995, Koyo Seiko vs Il-Kunsill (T-166/94, Ġabra p. II-2129, punt 81); tad-29 ta’ Jannar 1998, Sinochem vs Il-Kunsill (T-97/95, Ġabra p. II-85, punt 98); u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (sentenzi maqgħuda T-33/98 u T-34/98, Ġabra p. II-3837, punt 176).

( 63 ) Ara l-punt 269 tas-sentenza appellata.

( 64 ) Ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1988, Canon et vs Il-Kunsill (sentenzi maqgħuda 277/85 u 300/85, Ġabra p. 5731, punt 62), fejn isir paragun mar-regoli preċedenti. B’differenza għall-pożizzjoni legali preċedenti, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2176/84 tat-23 ta’ Lulju 1984 dwar il-protezzjoni minn importazzjonijiet li kienu suġġetti għal dumping jew li kienu sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 201, p. 1), kif emendat fl-24 ta’ Awwissu 1984 (ĠU L 227, p. 35), meta jiġi impost dazju kumpensatorju, ma għadux meħtieġ li l-importazzjonijiet sussidjati jkunu l-kawża prinċipali tad-dannu. F’dan ir-rigward ara W. Müller, N. Khan, H.-A. Neumann, (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 3.96).

( 65 ) Ara l-premessa 134 tar-Regolament ikkontestat.

( 66 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2001, Mukand et vs Il-Kunsill (T-58/99, Ġabra p. II-2521).

( 67 ) Sentenza Mukand et vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, partikolarment il-punti 46 sa 48 u 52 sa 55).

( 68 ) Sentenza Mukand et vs Il-Kunsill (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 66, punt 46). Ara wkoll is-sentenza AGST Draht- u Biegetechnik (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 45 sa 54), fejn jingħad li jeħtieġ li jiġi sostanzjat il-punt safejn il-prezzijiet għoljin b’mod artifiċjali f’suq wieħed jista’ wkoll ikollhom effett fuq suq ieħor.

( 69 ) Ara AGST Draht- u Biegetechnik (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 45 sa 54).

( 70 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 71 ) Ara l-punt 274 tas-sentenza appellata.

( 72 ) Jekk ma jkun hemm l-ebda dannu kkawżat mill-importazzjonjiet sussidjati minħabba li r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet sussidjati u d-dannu tinkiser minn fattur ieħor, ma jista’ jiġi impost l-ebda dazju kumpensatorju. Diġà indirizzajt din il-kwistjoni iktar ’il fuq (punti 159 sa 166 ta’ dawn il-Konklużjonijiet).

( 73 ) Ara l-punti 159 sa 166 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 74 ) Ara K. Adamantopoulos, M.J. Pereyra, EU Antisubsidy Law & Practice, it-Tieni edizzjoni, Sweet & Maxwell 2007, punt 6-039; W. Müller, N. Khan, H.-A. Neumann, (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 14.3), fejn jingħad li meta jiġi kkalkulat il-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu, il-fatturi l-oħra għandhom jiġu eliminati.

( 75 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-Konklużjonijiet. F’dan ir-rigward għandu jitqies il-fatt li, f’uħud mill-verżjonijiet lingwistiċi tat-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, l-applikazzjoni effettiva tar-regola tal-“inqas dazju” rigward il-limitu ta’ eliminazzjoni tal-ħsara tidher li hija kwistjoni fid-diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji: ara, pereżempju, il-verżjoni bl-Ingliż (“should”) jew dik bil-Ġermaniż (“sollte”). Bil-kontra, id-diskrezzjoni mhux bilfors tiġi dedotta minn verżjonijiet lingwistiċi oħra, bħal bil-Franċiż (“doit”), bl-Ispanjol (“será”) u bis-Sloven (“mora”). Jekk inqisu li, skont l-Artikolu 19.2 tal-Ftehim dwar is-Salvagwardji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 274), l-applikazzjoni tar-regola tal-“inqas dazju” għal-limitu ta’ eliminazzjoni tad-dannu, għalkemm tkun mixtieqa, mhix preskritta b’mod mandatorju. Fil-fehma tiegħi hemm ħafna x’isostni l-argument li l-istituzzjonijiet Komunitarji tabilħaqq għandhom marġni ta’ diskrezzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regola tal-“inqas dazju”.

( 76 ) J. Temple Lang, nota fil-ġurisprudenza dwar is-sentenza Mukand, Common Market Law Review, 2002, p. 633 et seq, 635; J. Branton, Trade Law Meets Antitrust in the European Court: Judgement in Mukand vs. Il-Kunsill, International Trade Law Review, 2001, 184 et seq; M. Clough,, Conflicts between EEC Anti-dumping and Competition Law, European Competition Law Review, 1992, 222 et seq.