KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fis-6 ta’ Novembru 2008 ( 1 )

Kawża C-511/06 P

Archer Daniels Midland Co.

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Werrej

 

I — Il-fatti ta’ qabel il-kawża, il-proċeduri u l-konklużjonijiet tal-partijiet

 

II — Analiżi ġuridika

 

A — Premessa

 

B — Fuq l-ewwel aggravju, dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li l-appellanti għandha l-kwalità ta’ mexxej tal-akkordju

 

1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Kunsiderazzjonijiet

 

C — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-appellanti bħala mexxej ta’ impriża

 

D — Fuq it-tieni aggravju, dwar il-ksur tal-garanziji proċedurali minħabba l-użu tar-rapport tal-FBI bħala prova tat-tmexxija tal-akkordju min-naħa tal-appellanti

 

1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Kunsiderazzjonijiet

 

a) Interpretazzjoni tas-sentenza appellata

 

b) Fuq il-korrettezza tal-kriterji ta’ analiżi segwiti fis-sentenza appellata

 

i) Fuq l-ineżistenza ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li hija mexxiet

 

ii) Fuq il-ksur ta’ garanziji proċedurali speċifiċi

 

— Fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet għall-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li għamlet: ir-rispett għad-drittijiet proċedurali

 

— Fuq il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-metodi li l-Kummissjoni għandha tosserva biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali u l-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ partikolari

 

E — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk il-Kummissjoni tistax tuża r-rapport tal-FBI bħala prova fir-rigward li l-appellanti kienet mexxej tal-akkordju

 

F — Fuq l-aggravji (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames) dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar

 

G — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk il-Kummissjoni wrietx biżżejjed ir-rwol ta’ mexxej li ADM kellha fl-akkordju

 

H — Fuq is-sitt aggravju, dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti fir-rigward tal-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju sa mill-ewwel interventi tal-awtorità antitrust tal-Istati Uniti

 

1. Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Kunsiderazzjonijiet

 

I — Fuq id-disa’ aggravju dwar l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq

 

1. Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. L-argumenti tal-partijiet

 

3. Kunsiderazzjonijiet

 

J — Fuq is-(seba’ u t-tmien) aggravji dwar il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ ADM matul il-proċedura amministrattiva

 

1. Fuq l-aggravju dwar id-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-uffiċjali tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva

 

2. Fuq l-aggravju dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

 

K — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk l-appellanti kellhiex tiġi kkunsidrata, bl-applikazzjoni tal-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bħala l-ewwel impriża li kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju

 

L — Iffissar mill-ġdid tal-multa imposta fuq l-appellanti

 

M — Fuq l-ispejjeż

 

III — Konklużjonijiet

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-aċidu ċitriku — Iffissar tal-ammont tal-multa — Rwol ta’ mexxej — Drittijiet tad-difiża — Provi li jirriżultaw minn proċedura mmexxija fi Stat terz — Definizzjoni tas-suq rilevanti — Ċirkustanzi attenwanti”

I — Il-fatti ta’ qabel il-kawża, il-proċeduri u l-konklużjonijiet tal-partijiet

1.

Bid-Deċiżjoni 2002/742/KE tal-5 ta’ Diċembru 2001, (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) ( 2 ), il-Kummissjoni, wara proċeduri li saru skont ir-Regolament tal-Kunsill tas-6 ta’ Frar 1962, Nru 17 ( 3 ), iddeċidiet fl-Artikolu 1, li Archer Daniels Midland Co. (iktar ’il quddiem l-“appellanti” jew “ADM”) u impriżi oħrajn kienu kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-ftehim fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) meta pparteċipaw f’akkordju kontinwat u/jew prattika miftiehma fis-settur tal-aċidu ċitriku.

2.

Fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni identifikat, bħala elementi rilevanti fil-każ partikolari sabiex jiġi kkonstatat dan il-ksur imsemmi, il-qasma tas-swieq u tal-ishma fis-suq, it-twaqqif/limitazzjoni/għeluq tal-kapaċità ta’ produzzjoni, l-akkordju biex jogħlew il-prezzijiet, il-ħatra tal-produttur li kellu “jmexxi” l-għoli tal-prezzijiet f’kull suq nazzjonali, it-tqassim ta’ listi ta’ prezzijiet kurrenti u futuri mmirati biex jiġi kkoordinat l-għoli, il-ħolqien u l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ rendikont u ta’ kontroll biex jiġi ggarantit it-twettiq ta’ ftehim restrittiv, it-tqassim u l-allokazzjoni ta’ klijenti, il-parteċipazzjoni f’laqgħat regolari u ż-żamma ta’ kuntatti oħrajn biex jiġu miftiehma dawn ir-restrizzjonijiet u biex dawn jiġu applikati u/jew emendati kif meħtieġ.

3.

Fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata ġew immultati l-impriżi responsabbli għall-ksur imsemmi. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta’ dawn il-multi, il-Kummissjoni applikat, anki għalkemm ma semmietx dan espressament, il-metodu msemmi fil-linji gwida tagħha tal-1998 għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (iktar ’il quddiem il-“linji gwida”) ( 4 ) u, jekk ikun il-każ, applikat ukoll, billi rreferiet espressament għaliha, il-komunikazzjoni tagħha tal-1996 fuq in-non-impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ akkordji (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”) ( 5 ).

4.

L-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti ġie iffissat għal EUR 39,69 miljun.

5.

Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni, wara li evalwat il-gravità tal-ksur, tat każ b’mod partikolari tal-fatt li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq tal-aċidu ċitriku fiż-ŻEE. Mal-ammont bażiku tal-multa kkalkolata għall-ADM, iffisata għal EUR 58,8 miljun minħabba l-gravità u kemm dam il-ksur, il-Kummissjoni applikat, minħabba ċirkustanza aggravanti, żieda ta’ 35% għar-raġuni li ADM, flimkien ma’ impriża oħra, kellha rwol ta’ mexxej fil-kuntest tal-akkordju. Barra minn hekk, ADM ġiet miċħuda, favur impriża oħra, Cerestar Bioproducts BV (iktar ’il quddiem “Cerestar”), il-benefiċċju stabbilit fil-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jiġifieri “n-non-impożizzjoni” jew it-“tnaqqis sostanzjali” tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li kienet Cerestar u mhux ADM l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti għall-finijiet ta’ prova tal-eżistenza tal-akkordju, skont il-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u li ADM, bħala mexxej tal-akkordju, ma kinitx tissodisfa lanqas il-kundizzjoni skont il-punt B(e) tal-istess komunikazzjoni. Madankollu, bl-applikazzjoni tal-punt D ta’ dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppermettiet lil ADM “tnaqqis sinjifikattiv” (ta’ 50%) tal-ammont tal-multa.

6.

B’rikors imressaq fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem il-“Qorti tal-Prim’Istanza”) fit-28 ta’ Frar 2002 ADM talbet, minn naħa, it-tħassir tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn jingħad li kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipat fil-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ produzzjoni tas-suq rilevanti u fil-ħatra ta’ produttur li kellu “jmexxi” ż-żieda tal-prezzijiet f’kull settur nazzjonali ta’ dak is-suq u, min-naħa l-oħra, it-tħassir tal-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni safejn tirrigwardaha jew, subordinatament, l-emenda tagħha fis-sens ta’ tneħħija jew tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha.

7.

B’sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) ( 6 ) il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet it-talba tal-appellanti għat-tħassir parzjali tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li ċaħdet it-talbiet tal-appellanti dwar il-multa li ġiet imposta fuqha fl-Artikolu 3 tal-istess deċiżjoni, u ordnat lill-Kummissjoni li tbati wieħed minn għaxra tal-ispejjeż tal-appellanti u din tal-aħħar tbati l-bqija tal-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

8.

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Diċembru 2006, l-appellanti appellat is-sentenza msemmija iktar ’il fuq, u talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tħassarha fil-parti fejn ċaħdet ir-rikors tagħha mid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tħassar l-Artikolu 3 ta’ din tal-aħħar fil-parti fejn tirrigwardaha jew li temendaha fis-sens li tneħħi jew tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha, jew, alternattivament, li tibgħat il-kawża lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi skont il-prinċipji ta’ dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun stabbiliet, fi kwalunkwe każ bl-ordni lill-Kummissjoni li tbati l-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.

9.

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad l-appell u tordna lill-appellanti tbati l-ispejjeż.

10.

Ir-rappreżentanti tal-partijiet instemgħu fis-seduta li saret fit-8 ta’ Mejju 2008.

II — Analiżi ġuridika

A — Premessa

11.

Fl-appell tagħha, l-appellanti tressaq disa’ aggravji li kollha għandhom x’jaqsmu mal-iffissar tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

12.

Bl-ewwel ħames aggravji, l-appellanti tilmenta dwar l-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiċħad l-argumenti li għamlet kontra ż-żieda ta’ 35% tal-ammont bażiku ta’ dik il-multa, żieda li saret mill-Kummissjoni minħabba ċ-ċirkustanza aggravata rrappreżentata mir-rwol ta’ mexxej li ADM kellha fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku. L-ewwel wieħed minn dawn l-aggravji għandu x’jaqsam man-nuqqas tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tara li kien hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, li jirriżulta min-nuqqas ta’ kontestazzjoni ta’ din iċ-ċirkustanza aggravanti jew tal-fatti inerenti fiha waqt il-proċeduri amministrattivi. L-erba’ aggravji ta’ wara jirrigwardaw id-diversi evalwazzjonijiet li bihom il-Qorti tal-Prim’Istanza eskludiet li l-kunsiderazzjonijiet magħmulin fid-deċiżjoni kkontestata li qegħdin fil-bażi tal-kunsiderazzjoni li ADM kienet mexxej, kienu, kif sostniet l-appellanti, mhux xierqa biex jiġġustifikaw dik il-klassifikazzjoni.

13.

L-aħħar erba’ aggravji jirrigwardaw in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti, l-evalwazzjoni tal-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq u l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija mill-appellanti lill-Kummissjoni matul il-proċeduri amministrattivi.

14.

Nantiċipa minn issa li wħud mill-aggravji imsemmijin iktar ’il fuq jidhru li huma fondati u li għalhekk is-sentenza appellata għandha tiġi, fil-fehma tiegħi, imħassra f’xi punti u nikkunsidra li l-istat tal-atti jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni, kif qed titlob l-appellanti. Biex l-espożizzjoni tkun aħjar, minħabba n-numru ta’ aggravjI, sejjer minn ħin għal ħin, neżamina dawk fosthom li nikkunsidra fondati mill-eżami tal-motivi rilevanti tar-rikors tal-ewwel istanza li l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet mal-partijiet tas-sentenza appellata li għandhom jiġu mħassrin.

B — Fuq l-ewwel aggravju, dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kunsiderazzjoni li l-appellanti għandha l-kwalità ta’ mexxej tal-akkordju

1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

15.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti sostniet li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha billi l-akkuża li kienet mexxej tal-akkordju ma kinitx saritilha matul il-proċeduri amministrattivi u billi n-nota ta’ lmenti ma kinitx tindika l-elementi (partikolarment dwar r-rwol li kellhom uħud mir-rappreżentanti tagħha fil-laqgħat tal-akkordju) li nġabu biex isostnu din l-akkuża fid-deċiżjoni kkontestata. L-appellanti kienet ilmentat ukoll li ma setgħetx tagħmel is-sottomissjonijiet tagħha matul l-istess proċeduri fuq l-użu bħala prova, insostenn ta’ dik l-akkuża, tar-rapport tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) tal-Istati Uniti dwar dikjarazzjonijiet magħmulin lil uffiċjali tal-FBI minn ex rappreżentant ta’ ADM fil-11 u t-12 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-FBI”) u tad-dikjarazzjoni miktuba minn Cerestar fit-18 ta’ Marzu 1999 ( 7 ) indirizzata lill-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar”).

16.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett irreferiet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni ( 8 ), fejn intqal li l-Kummissjoni, meta fin-nota ta’ lmenti tiddikjara espressament li ser tikkunsidra jekk huwiex il-każ li timponi multi fuq il-partijiet interessati u tindika l-elementi ewlenin ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jimplikaw l-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u kemm idum il-ksur allegat u l-fatt li jkun sar “intenzjonalment jew bi traskuraġni”, twettaq l-obbligi tagħha li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, billi tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu lilhom infushom mhux biss kontra li jiġi stabbilit il-ksur, imma wkoll kontra l-impożizzjoni tal-multa ( 9 ).

17.

Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ilmenti msemmija tal-appellanti, billi ddeċidiet li fin-nota ta’ lmenti l-Kummissjoni kienet indikat l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li setgħu jikkostitwixxu l-bażi tal-multa li kienet ser timponi fuq ADM wara li sostniet li “r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati ma jobbligax lill-Kummissjoni tindika b’mod iżjed preċiż, fin-nota ta’ lmenti, il-metodu li hija se tuża, f’dan il-każ, l-elementi kollha biex tiddetermina l-livell tal-multa”. B’referenza għas-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni ( 10 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod partikolari, osservat li “l-Kummissjoni mhijiex marbuta li tindika la li hija setgħet tikkunsidra lil ADM bħala mexxej tal-akkordju, l-anqas l-importanza taż-żieda li hija eventwalment tapplika għall-multa ta’ ADM għal din ir-raġuni”. Dwar l-użu, bħala prova, tar-rapport tal-FBI u tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, hija sostniet li “l-Kummissjoni [kienet] annettiet dawn id-dokumenti man-nota ta’ lmenti u li l-partijiet kienu wkoll f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom dwar dan is-suġġett, inkluż dak li jirrigwarda l-użu tagħhom bħala elementi ta’ prova [provi]” ( 11 ).

2. L-argumenti tal-partijiet

18.

B’dan l-aggravju partikolari l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet, bi ksur tal-prinċipju tal-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, li l-Kummissjoni mhijiex obbligata fin-nota ta’ lmenti li twissi lill-impriża destinatarja bil-possibbiltà li din qed tiġi kklassifikata bħala mexxej tal-akkordju u hija ma għandhiex għalfejn tindika l-fatti li fuqhom hija bbażata din il-klassifikazzjoni. Barra minn dan, it-tieni konklużjoni minn dawn ma kinitx immotivata biżżejjed.

19.

Fil-fehma tal-appellanti, ir-rwol ta’ mexxej tal-akkordju jikkostitwixxi wieħed mill-elementi prinċipali ta’ fatt li jikkwalifikaw il-gravità tal-agir ta’ impriża li kkommettiet ksur u li għandhom jirriżultaw min-nota ta’ ilmenti ( 12 ), anki minħabba l-fatt li ż-żieda applikata mill-Kummissjoni għal din iċ-ċirkustanza aggravanti tirrappreżenta ġeneralment bejn it-30% u l-50% tal-ammont tal-multa.

20.

Barra minn dan, anki l-fatti li fuqhom hija bbażata l-klassifikazzjoni ta’ mexxej tal-akkordju għandhom, skont l-appellanti, jissemmew fin-nota ta’ lmenti jew tal-anqas jistgħu jiġu dedotti raġonevolment mid-dokumenti mehmużin magħha ( 13 ). F’dan il-każ partikolari, madankollu, kemm dawn il-fatti fin-nota ta’ lmenti kif ukoll il-possibbiltà li jiġu dedotti mid-dokumenti mehmużin magħha ma ssemmewx, u dan billi: a) il-Kummissjoni kienet indikat espressament fin-nota ta’ lmenti li, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, u b’mod partikolari, fl-evalwazzjoni tar-rwol ta’ kull impriża, kienet ikkunsidrat il-fatti deskritti fl-istess att; b) l-identifikazzjoni tal-mexxej tal-akkordju kienet diffiċli minħabba l-kumplessità tal-fatti, kif ġie rikonoxxut fid-deċiżjoni kkontestata (premessa 273) u fis-sentenza appellata (punt 300); ċ) il-Kummissjoni, filwaqt li indikat matul il-proċeduri amministrattivi lill-ADM li setgħet tibbenefika mill-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni setgħet tagħti x’tifhem li ma kinitx qed tikkunsidra lill-ADM mexxej tal-akkordju; d) impriża ma tistax tintalab, fin-nuqqas ta’ twissijiet speċifiċi, li tikkunsidra u tirribatti bi provi kuntrarji kull fatt li jirriżulta mid-diversi dokumenti voluminużi mehmużin ma’ nota ta’ lmenti, atteġġjament li jista’ jiswa lill-impriża t-telf tal-benefiċċju tal-applikazzjoni tal-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li tippreżupponi, fost l-oħrajn, kooperazzjoni permanenti u totali min-naħa tal-impriża.

21.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ilmenti tal-appellanti huma infondati. Dawn huma bbażati fuq distinzjoni artifiċjali bejn ir-rwol ta’ mexxej li jkun hemm f’akkordju u l-konsegwenzi li għandu dan ir-rwol fuq l-iffissar tal-ammont tal-multa. L-appellanti mhux qed tagħti każ tal-fatt li r-rwol ta’ mexxej għandu impatt fuq dan ir-rwol, imma mhux fuq jekk ikunx twettaq il-ksur. Għalhekk mhuwiex meħtieġ li fin-nota ta’ lmenti l-Kummissjoni tindika b’mod iktar ddettaljat “fatti li fil-verità jikkostitwixxu antiċipazzjoni tat-total tal-multa”. Minflok, f’dan il-każ, kien biżżejjed fil-fehma tagħha li tindika, kif għamlet, li fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur qieset ir-rwol li kellha kull impriża kkonċernata.

22.

Il-Kummissjoni tosserva li r-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar huma inklużi fost it-tmien dokumenti mehmużin man-nota ta’ lmenti.

23.

Hija żżid li r-rwol li kellha l-appellanti fl-akkordju huwa msemmi fil-parti prinċipali tan-nota ta’ lmenti (meta rreferiet, pereżempju, għall-punti 63, 71, 84, 85, 93, 94 u 104 tagħha). Barra minn hekk, fir-risposta tagħha għal din in-nota, l-appellanti rreferiet espressament għal dawn iż-żewġ dokumenti u ħadet pożizzjoni ċara fuq ir-rwol tagħha fl-akkordju u eskludiet li kienet mexxej jew li kienet provokatur u biex turi dan ibbażat lilha nnifisha fuq ir-rapport tal-FBI. Dan jipprova li r-rikkorrenti kienet f’pożizzjoni li tagħmel id-difiża tagħha abbażi tal-kontenut ta’ dik in-nota.

3. Kunsiderazzjonijiet

24.

Għalkemm ma tonqosx xi interpretazzjoni iżolata f’sens kuntrarju ( 14 ), jista’ jingħad li huwa aċċettat fil-ġurisprudenza li l-impriżi li jgħaddu minn proċeduri għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat KE għandhom id-dritt li jinstemgħu mill-Kummissjoni mhux biss fuq l-eżistenza tal-ksur li jkun qed jiġi attribwit lilhom imma anki fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multa u fuq il-kriterji ta’ kif tiġi ffissata.

25.

Kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, meta l-Kummissjoni, fin-nota ta’ lmenti tagħha, tiddikjara espressament li ser teżamina jekk huwiex il-każ li timponi multi fuq l-impriżi kkonċernati u tindika l-elementi ewlenin ta’ fatt u dritt li jistgħu jimplikaw l-impożizzjoni ta’ multa, bħall-gravità u kemm idum il-ksur allegat u l-fatt li jkun sar “intenzjonalment jew bi traskuraġni”, hija twettaq l-obbligi tagħha li tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi, billi tagħtihom l-elementi meħtieġa biex jiddefendu lilhom infushom mhux biss kontra li jiġi stabbilit il-ksur, imma wkoll kontra l-impożizzjoni tal-multa ( 15 ).

26.

B’mod partikolari, fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni ( 16 ) l-Qorti tal-Ġustizzja tidher li warrbet xi ftit is-suġġerimenti tal-Avukat Ġenerali Verloren Van Themaat, li sostna “li huwa ovvju li [l-Kummissjoni] ma tistax tindika, fil-pendenza tal-proċedura amministrattiva, l-ammont tal-multa jew il-kriteri tal-iffissar tagħha, għaliex huwa biss fl-aħħar tal-proċedura li tista’ tiddetermina l-entità tal-ħtija jew tan-negliġenza” ( 17 ). Fir-rigward tal-kriterji tal-iffissar tal-multa, il-Qorti tal-Ġustizzja dehrilha li kien meħtieġ tgħid f’dik is-sentenza li “il-Kummissjoni [kienet] iddikjarat espressament, fin-nota ta’ lmenti […] li kellha l-intenzjoni li timponi fuq l-impriża interessata multa li l-ammont tagħha kien jiġi ffissat wara li jiġu kkunsidrati d-dewmien u l-gravità — fil-fehma tagħha rilevanti – tal-ksur” u b’dan tpoġġi lil dik l-impriża “f’pożizzjoni li tiddefendi lilha nnifisha mhux biss kontra l-konstatazzjoni tal-ksur imma wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa” ( 18 ).

27.

Iktar riċenti, fis-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni ( 19 ) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet fi kliem assolutament ċar, li l-impriżi milqutin minn proċeduri għal ksur fl-Artikolu 81 KE għandhom id-dritt li jinstemgħu “mhux biss fuq il-prinċipju tas-sanzjoni, imma wkoll fuq kull wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni fiħsiebha tqis fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-multi”.

28.

Il-ġurisprudenza li rreferejt għaliha fil-punt 25 iktar ’il fuq hija, madankollu, ġenerika u ma tispjegax xi jfisser “elementi ewlenin ta’ fatt u ta’ dritt” rilevanti għall-multa li għandhom jirriżultaw min-nota ta’ lmenti; b’mod partikolari jekk huwiex biżżejjed għall-Kummissjoni li tindika fin-nota ta’ lmenti li tikkunsidra, fid-deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà u fuq il-quantum tal-multa, tal-gravità, ta’ kemm idum u tal-element soġġettiv tal-ksur allegat jew jekk huwiex meħtieġ li hija tispeċifika l-kunsiderazzjonijiet tagħha fuq kull wieħed minn dawn l-aspetti.

29.

Ċertament jista’ jiġi eskluż li huwa biżżejjed għall-Kummissjoni li tirreferi b’mod astratt għat-tliet elementi ta’ gravità msemmijin iktar ’il fuq, ta’ kemm idum u tal-element soġġettiv tal-ksur allegat. Kif diġà kellha okkażjoni tgħid il-Qorti tal-Prim’Istanza “l-obbligu li tingħata indikazzjoni fuq il-gravità u fuq in-natura intenzjonali jew negliġenti tal-ksur ikun nieqes minn kull skop jekk sempliċi parafrażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tkun biżżejjed minnha nnifisha biex tissodisfa tali obbligu” ( 20 ). Fir-rigward ta’ kemm idum il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li dan għandu jiġi speċifikat sa min-nota ta’ lmenti ( 21 ).

30.

Bil-kontra jista’ jiġi eskluż, abbażi tal-ġurisprudenza, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-impriżi jfisser li għandhom jingħataw fin-noti ta’ lmenti dettalji fuq il-mod kif il-Kummissjoni fi ħsiebha tuża kull wieħed minn dawk l-“elementi ta’ fatt u ta’ dritt” biex jiġi ffissat id-daqs tal-multa. Fil-fatt, li jingħataw indikazzjonijiet dwar id-daqs tal-multi, qabel ma l-impriżi jkunu tpoġġew f’pożizzjoni li jagħmlu d-difiżi tagħhom dwar l-ilmenti kkontestati, ikun ifisser li tiġi antiċipata b’mod inopportun id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 22 ).

31.

Fl-ispazju ta’ bejn dawn iż-żewġ ipoteżijiet estremi, u billi huwa stabbilit li għandhom jirriżultaw min-nota ta’ lmenti kemm idum il-ksur kif ukoll li dan ikun sar intenzjonalment jew bi traskuraġni, madankollu, jibqa’ biex jiġi stabbilit, jekk huwiex biżżejjed għall-Kummissjoni li telenka fin-nota ta’ lmenti l-kriterji tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur li fi ħsiebha ssegwi jew għandhiex bżonn tispeċifika l-kunsiderazzjonijiet li għandha l-intenzjoni li tagħmel fl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji. F’dan il-każ b’mod partikolari kien biżżejjed li l-Kummissjoni tindika fin-nota ta’ lmenti, kif għamlet, li kienet ser tqis, fost l-oħrajn, ir-rwol li kellha kull impriża fil-ksur fl-iffissar tal-ammont tal-multa rispettiva (indikazzjoni tal-kriterju), jew kellhiex minflok tipprospetta sa minn dak l-att il-possibbiltà li tikkunsidra [lill-ADM] mexxej tal-akkordju (kunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju)?

32.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jidhirx li toffri indikazzjonijiet utli biex tissolva din il-problema. L-istess jista’ jingħad għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza HFB et vs Il-Kummissjoni u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, li ġew invokati mill-appellanti insostenn għat-tieni soluzzjoni ( 23 ). Jekk huwa veru li f’dawn is-sentenzi il-Qorti tal-Prim’Istanza wriet li n-nota ta’ lmenti mibgħuta lill-impriżi appellanti kient tirreferi, fost ċirkustazi oħrajn, għar-rwol attiv ( 24 ) jew għar-rwol ta’ mexxej ( 25 ) li dawn kellhom fl-akkordju partikolari, u mbagħad qalet li, “[b]’dan il-mod, il-Kummissjoni [kienet] speċifikat, fin-nota ta’ lmenti, l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li hija bbażat ruħha fuqhom għall-kalkolu tal-multa li kellha tiġi imposta fuq l-appellanti, biex jiġi rrispettat debitament, f’dan ir-rigward id-dritt tagħha li tinstema” ( 26 ), madankollu ma jistax jiġi dedott li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iddeċidiet dik ir-referenza meħtieġa għall-finijiet tar-rispett ta’ dan id-dritt.

33.

B’mod differenti, għandu jiġi rrikonoxxut li fis-sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni ( 27 ), anki din invokata mill-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat bħala iktar stretti l-piżijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontenut tan-nota ta’ lmenti billi, fis-sustanza, ikkunsidrat li mhux biżżejjed l-indikazzjoni ta’ kriterju partikolari ta’ gravità mhux akkumpanjata b’kunsiderazzjoni proviżorja fl-applikazzjoni ta’ dak il-kriterju. Wara li ppremettiet li l-Kummissjoni “għandha, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet [nota ta’ lmenti], tesponi evalwazzjoni qasira u provviżorja fuq it-tul ta’ żmien tal-ksur allegat, fuq il-gravità u fuq il-kwistjoni dwar jekk il-ksur twettaqx b’mod intenzjonali jew b’negliġenza fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li fil-każ li kienet qed tikkunsidra n-nota ta’ lmenti kienet “[hija] vvizzjata bi żball għaliex il-Kummissjoni ma [kinitx] indikatx, fid-DO, il-klassifikazzjoni provviżorja tagħha dwar il-gravità tal-ksur li twettaq”, billi naqset li tikkjarifika jekk fil-fehma tagħha kienx hemm ksur “gravi” jew “gravi ħafna” skont il-linji gwida ( 28 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza stess osservat li dan id-difett ma kienx jimplika t-tħassir tad-deċiżjoni appellata billi ma ntweriex li fin-nuqqas tiegħu l-appellanti kienet tippreżenta, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti argumenti differenti ħafna minn dawk, intiżi biex jimminimizzaw il-gravità tal-ksur mwettaq, li effettivament ġew ippreżentati f’dik ir-risposta ( 29 ).

34.

Min-naħa tiegħi, nistaqsi jekk huwiex iktar korrett metodu b’xi mod invers. Minflok ma l-ewwel nett tiġi ddeterminata b’mod astratt il-portata tal-piżijiet li jaqgħu fuq il-Kummissjoni dwar il-kontenut tan-nota ta’ lmenti, biex imbagħad jiġi vverifikat jekk il-ksur tagħhom effettivament laqatx id-drittijiet tad-difiża, forsi jkun iktar xieraq li tiġi dedotta l-portata ta’ dawk il-piżijiet mill-ħtieġa li dawk id-drittijiet jiġu rrispettati.

35.

Jekk, kif ġie ddikjarat ta’ spiss fil-ġurisprudenza u mfakkar fil-punt 435 tas-sentenza appellata, “fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi kkonċernati huma ggarantiti quddiem il-Kummissjoni permezz tal-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet fuq id-dewmien, il-gravità u l-prevedibbiltà tan-natura antikompetittiva tal-ksur” ( 30 ), il-piżijiet li għandha l-Kummissjoni għandhom ikunu dawk, u dawk biss, li huma xierqa biex jagħmlu dik il-possibbiltà effettiva.

36.

F’dan is-sens, jidhirli li, ladarba l-Kummissjoni tindika fin-nota ta’ lmenti, kif għamlet f’dan il-każ partikolari, li meta tiffissa l-multa biex timponiha fuq impriża, trid tikkunsidra, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ir-rwol li din kellha fl-akkordji kollużivi deskritti fl-istess nota, l-impriża inkwistjoni tkun f’pożizzjoni li tifformula osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet li jkun hemm, fir-rigward tar-rwol li hija kellha, mill-fatti msemmijin mill-Kummissjoni, billi, pereżempju jiġi dedott, li dawk il-fatti ma jurux li kellha rwol attiv jew saħansitra ta’ mexxej.

37.

Għalhekk jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkommettietx żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tindika fin-nota ta’ lmenti li setgħet tikkunsidra lil ADM mexxej tal-akkordju inkwistjoni.

38.

Għal dak li jirrigwarda t-tieni parti ta’ dan l-aggravju, dak dwar in-nuqqas ta’ indikazzjoni, fin-nota ta’ lmenti, ta’ fatti fid-deċiżjoni kkontestata li hija fil-bażi sabiex ADM tissejjaħ mexxej tal-akkordju, inqis li l-argumenti tal-appellanti jimmeritaw li jiġu milqugħin parzjalment.

39.

Il-fatti li tirreferi għalihom l-appellanti fil-kuntest ta’ din il-parti tal-aggravju huma ċ-ċirkustanzi esposti fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata u msemmijin fir-rapport tal-FBI u mid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar. Skont ir-rapport tal-FBI, rappreżentant ta’ ADM ħoloq il-mekkaniżmi tal-ftehim “G-4/5”, kellu rwol pjuttost attiv fil-laqgħa tas-6 ta’ Marzu 1991 f’Basel, fejn kien ġie fformulat il-ftehim fuq l-aċidu ċitriku, kien ikkunsidrat bħala “għaref xiħ” u kien imlaqqam “il-predikatur” minn rappreżentant ta’ Jungbunzlauer (il-premessa 265). Skont id-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, rappreżentant differenti ta’ ADM kellu r-rwol ta’ mexxej u l-laqgħat magħrufa bħala “Sherpa” (jiġifieri dawk li kienu jidħlu fil-livell tekniku, kontra dawk il-laqgħat magħrufa bħala “Masters”, li kienu jsiru f’livell iktar għoli) kienu minnu mmexxija, li kienu jieħdu ħsieb li jippreparaw l-argumenti u jagħmlu l-proposti fuq il-listi tal-prezzijiet biex jiġu approvati (il-premessa 266). Il-Kummissjoni kkunsidrat dawn iċ-ċirkustanzi bħala “elementi supplimentari biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li ADM kienet mexxej fil-kuntest tal-kartell”, wara li ddeċidiet li “l-fatt li ADM u l-kompetituri tagħha kellhom numru ta’ laqgħat bilaterali ftit qabel il-laqgħa multilaterali tal-kartell ma kienx biżżejjed biex juri li din l-impriża kellha rwol ta’ provokatur” (‘premessa’ 264). Iċ-ċirkustanzi msemmijin iktar ’il fuq jirriżultaw b’hekk li kienu deċiżivi għall-finijiet li l-appellanti tissejjaħ mexxej tal-akkordju.

40.

L-ilment fejn jiġi allegat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata dwar l-argument tal-appellanti bbażat fuq in-nuqqas ta’ indikazzjoni, fin-nota ta’ lmenti, ta’ dawk iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li mhuwiex fondat. Għalkemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tantx uriet biċ-ċar ir-raġunijiet għaliex dak in-nuqqas ma wassalx fil-fehma tagħha għal ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ ADM, jista’ jingħad li dawk ir-raġunijiet jirriżultaw impliċitament mill-punt 439 tas-sentenza appellata. Dan il-punt jirreferi prinċipalment għall-argument differenti, li ġie miċħud, fejn l-appellanti kienet ilmentat li ma nstemgħetx matul il-proċeduri amministrattivi dwar l-użu bħala prova tar-rapport tal-FBI u fuq id-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar. Madankollu, il-portata ta’ dak il-punt hija usa’, kif jirriżulta mill-espressjoni “inkluż dak li jirrigwarda l-użu tagħhom bħala elementi ta’ prova [provi]” fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tidher li tikkunsidra li l-fatt li l-Kummissjoni kienet hemżet iż-żewġ dokumenti msemmijin iktar ’il fuq man-nota ta’ lmenti kien biżżejjed biex jippermetti lill-partijiet li jieħdu pożizzjoni mhux biss fuq l-użu tagħhom bħala provi, imma wkoll fuq iċ-ċirkustanzi fattwali li kienu deskritti hemmhekk.

41.

Iżda mill-banda l-oħra, jiena tal-fehma li dik il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn hija kkunsidrat li l-espożizzjoni tal-fatti msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex meħtieġa fin-nota ta’ lmenti, hija żbaljata ġuridikament.

42.

Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ, kif naraha jien, li fin-nota ta’ lmenti jkun hemm imniżżel ċar għall-impriża destinatarja kemm il-materjal fattwali kif ukoll il-materjal relattiv probatorju li fuqu l-Kummissjoni fi ħsiebha tibbaża l-kunsiderazzjonijiet tagħha fid-deċiżjoni finali ( 31 ).

43.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “[i]r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tkun tqiegħdet fil-pożizzjoni, matul il-proċedura amministrattiva, li effettivament tgħarraf l-opinjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkunsidrati mill-Kummissjoni in sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha dwar eżistenza ta' ksur” ( 32 ).

44.

Il-piż għall-Kummissjoni tan-nota lill-impriżi msemmija iktar ’il fuq tal-materjal fattwali u tal-materjal probatorju relattiv li fi ħsiebha tuża fid-deċiżjoni finali, kif iddikjarat rigward l-aċċertament tal-ksur, għandu jgħodd, fil-fehma tiegħi, anki fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammissibbiltà u tal-quantum tal-multa ( 33 ).

45.

Dan il-każ għandu l-karatteristika partikolari li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ ADM hija bbażata, u dan huwa aċċettat, fuq fatti (dawk msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata) mhux imsemmijin fin-nota ta’ lmenti, li, madankollu huma ppruvati minn dokumenti, mhux biss, kif enfasizzat il-Kummissjoni, mehmużin mal-istess nota, imma wkoll imsemmijin fiha, anki jekk bħala provi tal-fatti msemmijin f’din tal-aħħar.

46.

Għandu jingħad li l-fatt li dawn iċ-ċirkustanzi rriżultaw minn dawk id-dokumenti, fejn in-nota ta’ lmenti kienet tispeċifika li kienu ser jintużaw bħala prova, kien tali li kien jippermetti lil ADM tieħu pożizzjoni fuq ir-realtà u fuq ir-rilevanza ta’ dawk l-istess ċirkustanzi?

47.

L-appellanti tissuġġerixxi li ssir referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Shell vs Il-Kummissjoni ( 34 ), minn fejn jirriżulta b’mod partikolari li:

dokumenti mehmużin man-nota ta’ lmenti imma mhux imsemmijin hemmhekk, jistgħu jiġu kkunsidrati fid-deċiżjoni fuq l-impriża destinatarja biss jekk din tal-aħħar, abbażi ta’ din in-nota, setgħet raġonevolment tiddeduċi l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tislet minnhom ( 35 );

dokumenti mehmużin man-nota ta’ lmenti u msemmijin hemmhekk insostenn għal akkuża determinata jistgħu jintużaw biss fid-deċiżjoni ta’ appoġġ ta’ akkuża differenti kontra l-istess impriża jekk din tal-aħħar setgħet verosimilment tiddeduċi min-nota ta’ lmenti u mill-kontenut tad-dokumenti l-konklużjonijiet li l-Kummissjoni kellha intenzjoni li tislet minnhom ( 36 ).

48.

Jidher li jista’ jkun hemm qbil fuq dawn il-kriterji, billi jippermettu bilanċ tajjeb bejn l-eżiġenzi tad-difiża tal-impriżi u l-eżiġenzi dwar it-tmexxija effettiva tal-azzjoni amministrattiva tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, id-dokumenti mehmużin man-nota ta’ lmenti jistgħu jkunu (u ta’ spiss huma) numerużi u voluminużi ħafna u b’hekk, kif tgħid tajjeb l-appellanti, l-impriżi destinatarji ta’ dik in-nota ma għandhomx jitgħabbew bil-piż li jikkunsidraw kull element li jista’ astrattament jiġi interpretat bħala element li jinkombi fuqhom u li għandhom jevalwaw il-materjalità jew is-sinjifikat tagħhom.

49.

Fil-fehma tiegħi jista’ jiġi applikat kriterju analogu għal dak ittrattat fis-sentenza Shell vs Il-Kummissjoni fil-każ ukoll, li jeżisti f’dan il-każ partikolari, fejn id-dokumenti mehmużin man-nota ta’ lmenti u msemmijin hemmhekk jintużaw fid-deċiżjoni finali bħala provi ta’ ċirkustanzi fattwali differenti minn dawk irrappreżentati fin-nota msemmija. Dan l-użu għandu jiġi permess biss fejn impriża kkonċernata setgħat tiddeduċi, billi tibda min-nota ta’ lmenti u fid-dawl tal-kontenut ta’ dawk id-dokumenti, il-konklużjonijiet li fil-fatt il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tislet minnhom.

50.

Għaldaqstant nikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball ta’ liġi peress li naqset li tagħmel dan it-tip ta’ verifika, meta kkunsidrat li s-sempliċi fatt li r-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar kienu mehmużin man-nota ta’ lmenti ppermettiet lill-Kummissjoni li tikkontesta lil ADM fid-deċiżjoni finali ċ-ċirkustanzi fattwali li hemm referenza għalihom fil-premessi 265 sa 266 ta’ dik id-deċiżjoni.

51.

Dan iż-żball ta’ liġi ma jistax ikun, fil-fehma tiegħi, rranġat permezz ta’ sostituzzjoni ta’ motivi ( 37 ), billi din hija ammissibbli biss meta l-motivi żbaljati legalment jistgħu jinbidlu b’motivi ta’ dritt pur ( 38 ). It-twettiq ta’ din il-verifika, intiża biex jiġi ddeterminat jekk ADM setgħetx tiddeduċi min-nota ta’ lmenti u mill-kontenut taż-żewġ dokumenti inkwistjoni li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkontesta fil-konfront tagħha ċ-ċirkustanzi fattwali msemmijin iktar ’il fuq, ifisser kunsiderazzjoni tal-fatti li ma tistax tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja meta teżamina l-appell. Is-sentenza appellata, għandha fil-fehma tiegħi, tiġi mħassra fuq il-punt imsemmi fil-paragrafu preċedenti, mingħajr ma hemm bżonn li jitqiesu kemm l-argumenti tal-appellanti msemmijin fil-punt 20 (a) sa (ċ) iktar ’il fuq u lanqas dawk tal-Kummissjoni msemmijin fil-punt 23 iktar ’il fuq, li jekk xejn ikunu rilevanti fil-kuntest differenti tat-twettiq ta’ din il-verifika.

C — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward tal-kunsiderazzjoni tal-appellanti bħala mexxej ta’ impriża

52.

Għall-finijiet tal-eżami, fil-parti rilevanti, tal-motiv tar-rikors tal-ewwel istanza ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti fuq il-kwistjoni li hija mexxej tal-akkordju, jeħtieġ jiġi vverifikat, kif irrilevajt iktar ’il fuq, jekk l-appellanti setgħetx tiddeduċi b’mod raġonevoli, min-nota ta’ lmenti u wara li jitqies il-kontenut tad-dokumenti mehmużin ma’ dik in-nota, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkontesta l-fatti msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata fil-konfront tagħha bħala elementi li jindikaw li hija kienet mexxej tal-akkordju.

53.

Jidhirli li ma tistax tingħata risposta għal din id-domanda f’sens affermattiv. Kif tgħid tajjeb l-appellanti, in-nota ta’ lmenti kienet tindika, fil-punt 161, li fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur il-Kummissjoni qieset il-“fatti kif deskritti u evalwati iktar ’il fuq” u, fil-punt 162, fid-determinazzjoni tal-multa li għandha tiġi imposta fuq kull impriża, hija kienet qieset, fost l-oħrajn, ir-rwol li kellha kull waħda fl-akkordji kollużivi “kif deskritt iktar ’il fuq”. Il-fatti msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex deskritti la fil-punti 63, 71, 84, 85, 93, 94 u 104, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, u lanqas f’punti oħrajn fin-nota ta’ lmenti. Min-naħa l-oħra, jekk il-punt 50 tan-nota ta’ lmenti kien jindika li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tuża bħala prova, fost dokumenti oħrajn, ir-rapport tal-FBI u d-dikjarazzjoni bil-miktub minn Cerestar, ir-referenza kienet madankollu għall-prova tal-“fatti kif esposti fit-Titolu Ċ” tal-istess nota ( 39 ).

54.

Dwar il-fatt, enfasizzat mill-Kummissjoni, li fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti l-appellanti rreferiet għaż-żewġ dokumenti msemmijin u bbażat ruħha wkoll fuq ir-rapport tal-FBI biex teskludi li r-rwol tagħha fl-akkordju jkun dak ta’ mexxej jew ta’ provokatur, dan ċertament ma jfissirx li l-appellanti fehmet jew kellha tifhem li kienu qed jiġu kkontestati fil-konfront tagħha ċ-ċirkustanzi msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontestata.

55.

Għalhekk ma narax kif jista’ b’mod raġonevoli jiġi konkluż li s-sinjifikat tan-nota ta’ lmenti, anki kkunsidrat fid-dawl tad-dokumenti mehmużin magħha, kien tali li jippermetti lill-appellanti li tiddeduċi li kienu qed jiġu kkontestati fil-konfront tagħha dawk l-istess fatti.

56.

Il-motiv tar-rikors tal-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tal-appellanti għandu, fil-fehma tiegħi, jiġi milqugħ fis-sens kif imsemmi iktar ’il fuq.

57.

Fl-evalwazzjoni jekk ADM kellhiex rwol ta’ mexxej fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku ma jistgħux jitqiesu ċ-ċirkustanzi fattwali msemmijin fil-premessi 265 sa 266 tad-deċiżjoni kkontesta, li, kif għedt fil-punt 39 iktar ’il fuq, huma deċiżivi għall-finijiet tar-rikonoxximent ta’ dak ir-rwol min-naħa tal-Kummissjoni bl-ammissjoni tagħha stess. Inżid li lanqas ma jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata jekk fost l-elementi li l-Kummissjoni poġġiet bħala l-bażi ta’ dak ir-rikonoxximent, hemmx anki s-sensiela ta’ laqgħat bilaterali bejn ADM u l-kompetituri tagħha li saru qabel l-ewwel laqgħa multilaterali tal-kartell, fejn dan jissemma fil-premessa 263 ta’ dik id-deċiżjoni. Fil-premessa 264, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawk il-laqgħat bilaterali kienu jissuġġerixxu b’mod qawwi li ADM kellha rwol ta’ provokatur, għalkemm ma kinux biżżejjed biex jippruvawh. Il-Kummissjoni żiedet tgħid li madankollu kellha f’idejha “elementi oħrajn biżżejjed biex tikkonkludi li ADM kienet mexxej fil-kuntest tal-kartell” ( 40 ).

58.

Kif jissuġġerixxi l-istess punt 2 tal-linji gwida, dwar iċ-ċirkustanzi aggravanti, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-“organizzazzjoni tal-ksur”, li tirrigwarda l-funzjonament tal-akkordju, mill-“provokazzjoni biex jitwettaq”, li jirrigwarda l-mument tat-twaqqif jew it-twessigħ tal-akkordju ( 41 ). Għalhekk mhumiex provi indizji fuq il-rwol ta’ mexxej li jkollha hija stess. Il-laqgħat bilaterali inkwistjoni b’hekk ma għandhomx rilevanza għall-finijiet li ADM titqies bħala mexxej tal-akkordju.

59.

Il-Kummissjoni ma invokatx la quddiem il-Qorti ta’ Prim’Istanza u lanqas quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ċirkustanzi ulterjuri rilevanti għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni li l-qorti Komunitarja tista’ tikkunsidra bis-saħħa tal-kompetenza ġudizzjarja tagħha anki fir-rigward tal-kwistjoni ta’ multi.

60.

Isegwi li, fin-nuqqas ta’ kundizzjonijiet meħtieġa biex ADM tiġi kkunsidrata li kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju, iż-żieda ta’ 35% tal-ammont bażiku tal-multa, applikata mill-Kummissjoni lill-appellanti bħala ċirkustanza aggravanti, għandha tiġi kkanċellata.

61.

Issa ngħaddi biex neżamina l-erba’ aggravji suċċessivi, li huma wkoll jirrigwardaw il-kwistjoni tat-tmexxija tal-akkordju, immaterjalment mill-konklużjonijiet li wasalt għalihom fil-punti ta’ qabel u dan minħabba l-interess ta’ wħud mill-kwistjonijiet li dawn l-aggravji jqajmu u fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għal dak li ssuġġerejt, issib li l-aggravju eżaminat iktar ’il fuq mhuwiex fondat.

D — Fuq it-tieni aggravju, dwar il-ksur tal-garanziji proċedurali minħabba l-użu tar-rapport tal-FBI bħala prova tat-tmexxija tal-akkordju min-naħa tal-appellanti

1. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

62.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti kienet qalet li l-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi meta bbażat il-konklużjoni tagħha dwar ir-rwol ta’ mexxej ta’ ADM fuq xi siltiet tar-rapport tal-FBI. Skont l-appellanti, dan ir-rapport ma messux ġie użat mill-Kummissjoni bħala prova tat-tmexxija li kellha l-appellanti fil-kartell. F’dan ir-rigward hija sostniet raġunijiet ta’ natura proċedurali u raġunijiet li kellhom x’jaqsmu mal-affidabbiltà tad-dokument. Mill-ewwel aspett, l-appellanti ddikjarat, b’mod partikolari, li dan kien tħejja mill-awtoritajiet ta’ Stat terz fil-kuntest ta’ investigazzjoni fejn ma kinux japplikaw il-garanziji proċedurali li joffri d-dritt Komunitarju; li r-rendikont tad-dikjarazzjonijiet tal-ex rappreżentant ta’ ADM li kien hemm f’dak ir-rapport ma ġiex eżaminat, appruvat u sottoskritt min-naħa tiegħu u tal-avukat tiegħu; li l-appellanti ma kellhiex quddiem il-Kummissjoni l-opportunità li teżerċita, fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet f’dak id-dokument, id-dritt tagħha, ta’ oriġini Komunitarja, li ma tinkriminax lilha nnifisha; li l-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti kienu ddikjaraw espressament li d-dikjarazzjonijiet mogħtija mill-ex-rappreżentant ta’ ADM ma kinux ser jixxandru jekk mhux fil-kuntest ta’ proċeduri tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, ħlief għal xi ordni mill-qorti. Mit-tieni aspett, l-appellanti sostniet li r-rapport tal-FBI, min-natura tiegħu, minħabba kontradizzjonijiet interni, u b’kuntrast ma’ riżultati minn provi, ma kienx affidabbli.

63.

Fis-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet kemm l-ilmenti ta’ natura proċedurali, bil-kunsiderazzjonijiet skont il-punti 261 sa 270 ta’ dik is-sentenza, kif ukoll minħabba dawk dwar il-korrettezza tal-evalwazzjoni li għamlet il-Kummissjoni fuq il-kontenut ta’ dak ir-rapport.

64.

B’dan l-aggravju hemm ilmenti biss fuq il-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 261 sa 270 tas-sentenza appellata.

65.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett iddeċidiet li huwa “stabbilit li l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tibbaża ruħha, bħala element ta’ prova li jista’ jservi biex jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE u li tiffissa multa, fuq dokument li, bħal f’dan il-każ jirrigwarda rapport tal-FBI, ikun ġie stabbilit fil-kuntest ta’ proċedura barra minn dik immexxija mill-Kummissjoni stess”  ( 42 ).

66.

Wara li fakkret li l-ġurisprudenza Komunitarja, sa mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni ( 43 ), irrikonoxxiet id-dritt ta’ impriża biex ma tkunx imġiegħla mill-Kummissjoni, meta jiġi applikat l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li s-sitwazzjoni ta’ fatt f’dan il-każ partikolari kienet differenti minn dik, li kienet ikkaratterizzata mill-fatt li l-Kummissjoni bagħtet talbiet għall-informazzjoni lil impriżi, li ġiet eżaminata mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ( 44 ).

67.

Minkejja dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li, “meta, bħal f’dan il-każ, il-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ħielsa tagħha ta’ l-elementi ta’ prova [provi] li hija għandha, fuq dikjarazzjoni magħmula f’kuntest differenti minn dak tal-proċedura mwettqa quddiem il-Kummissjoni, u meta din id-dikjarazzjoni potenzjalment tirrigwarda informazzjonijiet li l-impriża kkonċernata kellha d-dritt li tirrifjuta li tgħaddi lill-Kummissjoni bis-saħħa tal-ġurisprudenza Orkem vs Il-Kummissjoni […] din ta’ l-aħħar hija marbuta li tiggarantixxi lill-impriża kkonċernata drittijiet proċedurali ekwivalenti għal dawk mogħtija mill-imsemmija ġurisprudenza”  ( 45 ).

68.

Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, “[i]r-rispett ta’ dawn il-garanziji proċedurali jimplika, fil-kuntest bħal dak tal-każ ikkonċernat, li l-Kummissjoni hija marbuta li teżamina ex officio jekk, l-ewwel nett, jeżistux dubji serji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċedura li fiha huma kienu għamlu tali dikjarazzjonijiet. Fin-nuqqas ta’ tali dubji serji, id-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ġew suffiċjentement iggarantiti jekk, fin-nota ta’ lmenti, il-Kummissjoni tindika b’mod ċar, f’dan il-każ billi tannetti d-dokumenti kkonċernati ma’ din il-komunikazzjoni, li hija għandha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjonijiet ikkonċernati. B’dan il-mod, il-Kummissjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jieħdu pożizzjoni fir-rigward mhux biss fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, iżda wkoll għal irregolaritajiet eventwali jew għal ċirkustanzi partikolari li jkunu xekklu jew il-formulazzjoni tagħhom, jew il-preżentata tagħhom quddiem il-Kummissjoni” ( 46 ).

69.

Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji f’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett osservat li “r-rapport tal-FBI ġie mgħoddi lill-Kummissjoni minn kompetitriċi ta’ ADM, Bayer, [li kienet] ukoll parti mill-akkordju […] u li ADM ma sostnietx li dan id-dokument ġie f’idejn Bayer jew il-Kummissjoni b’mod illegali” ( 47 ).

70.

It-tieni nett, hija kkonstatat li “r-rapport tal-FBI jikkostitwixxi dokument stabbilit mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istati Uniti biex jiġu ppersegwiti l-kartellijiet sigrieti, li ġie mressaq quddiem il-qrati Amerikani fil-proċeduri li fihom l-istess akkordju kien is-suġġett” u li “[d]an ma kellu ebda sinjal estern li seta’ jġiegħel il-Kummissjoni tiddubita mill-valur probatorju tiegħu” ( 48 ).

71.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret li fin-nota ta’ lmenti l-Kummissjoni kienet uriet l-intenzjoni tagħha li tuża dan ir-rapport, mehmuż ma’ din in-nota, biex b’hekk ADM setgħet “tieħu pożizzjoni fir-rigward mhux biss [tal]-kontenut ta’ dan id-dokument, iżda wkoll fuq irregolaritajiet eventwali jew ċirkustanzi partikolari li kienu jaffettwaw kemm it-twaqqif tiegħu […] kemm għall-preżentata tiegħu quddiem il-Kummissjoni, irregolaritajiet jew ċirkustanzi li minħabba fihom, skond ADM, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dan id-dokument mingħajr ma tikser id-drittijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju” ( 49 ).

72.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat ukoll li ADM ma għamlet l-ebda lment fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti dwar il-fatt li dak id-dokument kien ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni, imma, bil-kontra, hija stess ibbażat ruħha espressament fuq dak id-dokument biex issostni d-dokumenti tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza żiedet tgħid li ADM lanqas ma assumiet li kienet ġibdet, f’xi ħin ieħor tal-proċeduri amministrativi, l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq l-inaffidabbiltà tar-rapport tal-FBI jew li talbet lill-Kummissjoni li tinterroga l-ex rappreżentant tal-ADM dwar il-veraċità tad-diskors li ġie riprodott f’dak ir-rapport ( 50 ).

73.

Għalhekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “[f]it-tali sitwazzjoni”, bl-użu tar-rapport tal-FBI fil-kuntest tal-“evalwazzjoni ħielsa tagħha tal-provi li hija kellha”, il-Kummissjoni ma kisritx id-drittijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju ( 51 ).

2. L-argumenti tal-partijiet

74.

L-appellanti ssostni, billi tibbaża ruħha fuq is-sentenzi “Banek Spanjoli”  ( 52 ) u Otto ( 53 ), li ma tistax tiġi użata bħala prova mill-Kummissjoni f’proċeduri għall-ksur tal-Artikolu 81 KE informazzjoni miksuba u użata, anki legalment, minn awtoritajiet pubbliċi fil-kuntest ta’ proċeduri oħrajn. Ir-rapport tal-FBI ġie ippreparat f’kuntest legali differenti għal kollox minn dak li fih taħdem il-Kummissjoni, bl-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali differenti minn dawk mogħtija mid-dritt Komunitarju. L-appellanti tosserva li la l-ex rappreżentant ta’ ADM u lanqas l-avukat tiegħu ma kellhom il-possibbiltà li jaqraw, japprovaw jew jissottoskrivu dan ir-rapport. Barra minn hekk, hija tenfasizza li dan tal-aħħar kellu jibqa’ kunfidenzjali, kif jirriżulta mill-ewwel paġna tiegħu, u jservi biss fil-kuntest ta’ proċeduri ġewwa l-Istati Uniti, kif jirriżulta mill-impenn bil-miktub li assumew f’dan is-sens l-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti f’ittra tat-13 ta’ Ġunju 1997, imdaħħla fl-atti tas-sentenza tal-ewwel istanza ( 54 ).

75.

B’referenza speċifika għall-garanzija irrappreżentata mid-dritt tal-impriżi li ma jinkriminawx lilhom infushom kif irrikonoxxut mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni ( 55 ), l-appellanti ssostni li mis-sentenza Otto ( 56 ) jirrżulta li dan id-dritt jinkiser mill-Kummissjoni meta hija tuża bħala prova informazzjoni li, miksuba f’proċeduri oħrajn permezz tal-eżerċizzju ta’ poteri ta’ ġegħil, hija ma setgħetx tikseb direttament, minħabba dak id-dritt, permezz tal-eżerċizzju tal-poteri ta’ ġegħil tagħha ( 57 ).

76.

Il-kriterji li semmiet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 265 tas-sentenza appellata (ara l-punt 68 iktar ’il fuq) jikkontradixxu r-regoli msemmijin li l-appellanti tiddeżumi mill-ġurisprudenza Komunitarja. Barra minn hekk, ir-rispett għall-garanziji proċedurali mogħtija lill-impriżi mid-dritt Komunitarju, partikolarment tad-dritt li ma jinkriminawx ruħhom, huwa obbligu f’kull każ tal-Kummissjoni, anki fin-nuqqas ta’ talba f’dan is-sens mill-impriża kkonċernata, mingħajr ma jkunu jistgħu jsostnu f’sens kuntrarju n-nuqqas ta’ dubji serji dwar ir-rispett tad-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri “esterni” fejn ittieħdet l-informazzjoni jew il-fatt li d-dokument li jkollu din l-informazzjoni ġie mehmuż mill-Kummissjoni man-nota ta’ lmenti. Lanqas huma rilevanti ċirkustanzi oħrajn li l-Qorti tal-Prim’Istanza vvalorizzat fl-analiżi tagħha, u skont l-appellanti, mingħajr konsistenza mal-kriterji msemmijin iktar ’il fuq li hija laqgħet, bħall-fatt li dak id-dokument inkiseb u ġie trażmess legalment lill-Kummissjoni minn impriża terza, li tħejja mill-awtorità tal-Istati Uniti kompetenti, jew li, fin-nuqqas ta’ dan, kellu valur probatorju u li kien ġie prodott quddiem il-qrati tal-Istati Uniti fil-kuntest ta’ proċess relatat mal-akkordju fuq l-aċidu ċitriku.

77.

Fid-dawl ta’ dan l-ilment, l-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, meta kkunsidrat fil-punt 229 tas-sentenza appellata d-dikjarazzjonijiet miġjubin fir-rapport tal-FBI bħala li ngħataw matul “interrogazzjoni tiegħu mill-‘grand jury’” u fil-punt 267 tal-istess sentenza li dan ir-rapport “ġie mressaq quddiem il-qrati Amerikani fil-proċedimenti li fihom l-istess akkordju [fuq l-aċidu ċitriku] kien is-suġġett”, għamlet aċċertament tal-fatti vvizzjat minn ineżattezzi materjali li rriżultaw mid-dokumenti tal-atti tal-proċess, u bħala tali jista’ jiġi kkritikat fl-appell. Fil-fatt, minn naħa, jirriżulta mill-istess rapport tal-FBI li l-ex rappreżentant tal-ADM instema’ mhux mill-“grand jury” imma mill-prosekuturi tad-Diviżjoni Antitrust tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti u minn uffiċjal tal-FBI; min-naħa l-oħra, ma kien hemm l-ebda proċess quddiem il-qrati tal-Istati Uniti għall-akkordju fuq l-aċidu ċitriku, billi l-impriżi kollha involuti f’dan l-akkordju kienu kkonkludew “plea agreements” (tranżazzjonijiet ġudizzjarji).

78.

L-appellanti lmentat wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet “distorsjoni tal-provi” fejn ikkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx ikollha dubji serji mad-daqqa ta’ għajn dwar ir-rispett tad-drittijiet proċedurali. Skont l-appellanti, xi ċirkustanzi f’dan il-każ partikolari, li rriżultaw mir-rapport tal-FBI, kienu b’mod ċar juru l-applikabbiltà tal-ġurisprudenza li bdiet bis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, u din l-applikabbiltà kellha tiġi mqajma ex officio mill-Kummissjoni.

79.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tilmenta dwar is-sentenza appellata fil-parti fejn jiġi ddikjarat li n-nuqqas ta’ kontestazzjoni min-naħa ta’ ADM, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti, tal-ammissibbiltà bħala prova tar-rapport tal-FBI huwa tali li “jiġġustifika ksur tad-drittijiet fundamentali” u jwassal biex ADM titlef id-dritt tagħha li tagħmel dik il-kontestazzjoni quddiem qorti Komunitarja.

80.

Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa infondat mill-aspetti kollha.

81.

L-ewwel nett hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod korrett ikkunsidrat li l-ħarsien iggarantit mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni kellu, f’dan il-każ partikolari, jiġi adattat għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ wara li jitqies il-fatt li l-Kummissjoni kienet irċeviet ir-rapport tal-FBI minn impriża terza u ma talbitux direttament minn ADM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, fil-fehma tal-Kummissjoni, l-istess istituzzjoni kellha tivverifika jekk l-użu tad-dokument min-naħa tagħha setax jikser id-drittijiet proċedurali tal-appellanti. L-aħjar mod biex dan isir kien ikun, kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-appellanti tingħata l-possibbiltà li tesprimi fehmtha fuq l-użu tad-dokument, ħaġa li kienet tagħmel malajr il-Kummissjoni billi tiċċita d-dokument fin-nota ta’ lmenti u tallegah magħha stess.

82.

Fis-seduta, l-uffiċjal tal-Kummissjoni osserva li d-dritt rikonoxxut mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni huwa rinunzjabbli billi l-impriża hija libera li teżerċitah jew le, u ADM, anki għalkemm kienet tpoġġiet f’sitwazzjoni li teżerċitah, ma qajmitx oġġezzjonijiet kontra l-użu tar-rapport tal-FBI matul il-proċeduri amministrattivi quddiem il-Kummissjoni. Dan l-uffiċjal żied jgħid li d-drittijiet tad-difiża ġew irrispettati mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti li ġabru d-dikjarazzjonijiet tal-ex-rappreżentant tal-ADM u li, b’mod partikolari, fl-Istati Uniti l-impriżi ma għandhomx, b’differenza mal-persuni fiżiċi, id-dritt tas-silenzju ggarantit mill-ħames emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana.

83.

Il-Kummissjoni tenfasizza li, jekk jiġi milqugħ l-ilment tal-appellanti dwar il-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza adattat il-ħarsien offrut mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni għaċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, ikun hemm ir-riżultat “aberranti” li awtomatikament tiġi eskluża l-possibbiltà ta’ użu ta’ kull dokument li jkun fih dikjarazzjonijiet fuq l-impriża li jkun ġie mgħarraf lill-impriża l-oħra.

84.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-appellanti (ara l-punt 76 iktar ’il fuq), l-elementi kollha ta’ evalwazzjoni użati mill-Qorti tal-Prim’Istanza huma rilevanti billi meħtieġa għal applikazzjoni tar-regola stabbilita mis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni li tadatta ruħha għall-każ partikolari.

85.

Fir-rigward tad-distorsjoni allegata tal-provi, il-Kummissjoni ssibha diffiċli tifhem is-sens ta’ ilment bħal dan u b’liema mod dan, anki jekk ikun hemm qbil fuqu, juri l-illegalità tas-sentenza appellata. Imbagħad il-Kummissjoni tikkunsidra “assurd” l-ilment imsemmi fil-punt 79 iktar ’il fuq, billi tqis li kien ikun hemm ksur tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti jekk din tal-aħħar ma tkunx ġiet avżata bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża r-rapport tal-FBI u mqiegħda f’kundizzjoni li tissottometti osservazzjonijiet fuq l-użu ta’ dan id-dokument. Madankollu, kif ikkonstatat il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni, bil-komunikazzjoni tan-nota ta’ lmenti, għarrfet debitament lill-appellanti b’dik l-intenzjoni u poġġietha f’pożizzjoni li tikkontesta l-użu tar-rapport tal-FBI.

3. Kunsiderazzjonijiet

a) Interpretazzjoni tas-sentenza appellata

86.

Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza li jinsab fil-punti 261 sa 270 tas-sentenza appellata mhuwiex ċar fil-partijiet kollha tiegħu.

87.

Madankollu l-punt tat-tluq ta’ dan ir-raġunament huwa ċar, u jikkorrispondi fis-sustanza mal-argument li ġej: bħala prinċipju mhuwiex ipprojbit li l-Kummissjoni tuża bħala prova f’proċeduri tagħha għall-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE dokument imħejji fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li hija tkun għamlet ( 58 ).

88.

It-tieni stadju tar-raġunament jikkorrispondi fis-sustanza ma’ dan l-argument: meta tuża bħala prova dikjarazzjoni mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li mexxiet, il-Kummissjoni hija obbligata li tiggarantixxi lill-impriża kkonċernata “drittijiet proċedurali ekwivalenti” għal dawk li hija jkollha bis-saħħa tad-dritt Komunitarju fil-kuntest tal-proċedura li hija mexxiet ( 59 ). Dan l-argument, anki jekk fih innifsu huwa ċar, għandu, madankollu, jiġi ppreċiżat fid-dawl tal-osservazzjonijiet li tagħmel il-Qorti tal-Prim’Istanza meta tgħaddi biex tiddeskrivi l-mod kif il-Kummissjoni għandha taqdi dan l-obbligu.

89.

L-ewwel nett, f’dan ir-rigward il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha, “teżamina ex officio jekk, l-ewwel nett, jeżistux dubji serji fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati fil-kuntest tal-proċedura li fiha huma kienu għamlu tali dikjarazzjonijiet” ( 60 ).

90.

Din is-silta, li tidher li tikkontradixxi l-premessa relattiva għar-rispett meħtieġ għad-drittijiet ekwivalenti għal dawk mogħtija mid-dritt Komunitarju ( 61 ) u r-referenzi ulterjuri għar-rispett tad-“dirittijiet proċedurali ggarantiti mid-dritt Komunitarju” ( 62 ), tidher li tirreferi għar-rispett tad-drittijiet proċedurali invokabbli f’dawk il-proċeduri, jiġifieri, f’dan il-każ partikolari, għal dawk stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti għal dak li jirrigwarda l-inkjesti magħmulin mill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti. Jidher li huma f’dan is-sens b’mod vag anki r-referenzi li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza għall-“irregolaritajiet eventwali” dwar it-tħejjija jew il-produzzjoni tar-rapport tal-FBI quddiem il-Kummissjoni ( 63 ), irregolaritajiet li l-eżistenza tagħhom ma tistax tiġi apprezzata abbażi tad-dritt tal-Istati Uniti, kif ukoll ir-referenza, fil-kuntest ta’ dik li tidher li hija l-applikazzjoni fil-każ partikolari ta’ dak l-ewwel kriterju tal-verifika prima facie tan-nuqqas ta’ dubji serji dwar ir-rispett tad-drittijiet proċedurali (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), għal kwistjonijiet ta’ dritt tal-Istati Uniti bħal dik tal-kompetenza tal-awtorità li ħejjiet ir-rapport inkwistjoni.

91.

Għalkemm jista’ jkun hemm motivazzjoni insuffiċjenti jew kontradittorja tas-sentenza fuq il-punt inkwistjoni, nemmen li madankollu din il-motivazzjoni tista’ tiġi interpretata raġonevolment, lil hinn mill-formulazzjoni infeliċi f’xi partijiet tagħha, fis-sens li:

a)

l-użu ta’ dikjarazzjonijiet magħmulin f’proċeduri “barranin” bħala prova f’proċeduri tal-Kummissjoni jippreżupponi, minn naħa, li ġew irrispettati l-garanziji proċedurali stabbiliti mill-ordinament barrani fir-rigward tal-ġbir ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, li l-metodi segwiti fil-ġbir tagħhom mill-awtoritajiet barranin huma kumpatibbli mad-drittijiet proċedurali mogħtija mill-ordinament Komunitarju;

b)

qabel ma tuża dawn id-dikjarazzjonijiet bħala prova f’proċeduri tagħha, il-Kummissjoni għandha l-oneru li tivverifika jekk hemmx dubji serji kemm, fuq ir-rispett, fil-kuntest tal-proċeduri barranin, tad-drittijiet proċedurali mogħtija lill-parti kkonċernata tal-ordinament barrani kif ukoll fuq il-kumpatibbiltà tal-metodi użati f’dawk il-proċeduri inkwistjoni mad-drittijiet proċedurali mogħtija mill-ordinament Komunitarju.

92.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza tindika imbagħad li l-Kummissjoni fin-nuqqas ta’ dubji serji fuq ir-rispett tad-“drittijiet proċedurali”, għandha tindika fin-nota ta’ lmenti l-intenzjoni tagħha li tuża d-dikjarazzjonijiet mogħtija fil-proċeduri barranin ( 64 ).

93.

F’dan ir-rigward, skont is-sinjifikat letterali tal-punt 265 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tidher li tikkonsidra li l-qadi ta’ dak l-obbligu huwa fih innifsu biżżejjed biex jiggarantixxi l-ħarsien ta’ dawk id-drittijiet. Konklużjoni bħal dik hija, fil-fehma tiegħi, b’mod ċar, skorretta. Jidher ovvju li l-impriża kkonċernata li tingħata l-possibbiltà li tikkontesta, għaliex inkisrulha d-drittijiet proċedurali tagħha, l-użu tad-dokument li fih dawk id-dikjarazzjonijiet ma jiswiex bħala tali biex jeskludi li dan l-użu jista’ jikser dawk id-drittijiet. Jeħtieġ ukoll, meta l-impriża tikkontesta, li l-Kummissjoni tikkunsidrahom u tevalwa l-fondatezza tagħhom b’argumenti legalment korretti.

94.

Dak li tixtieq tgħid il-Qorti tal-Prim’Istanza fir-realtà hu li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjonijiet min-naħa tal-impriża kkonċernata dwar l-użu bħala prova fil-proċeduri tagħha ta’ dikjarazzjonijiet mogħtija fi proċeduri barranin, il-Kummissjoni hija awtorizzata tiddeċiedi li dan l-użu ma jiksirx id-drittijiet proċedurali li jappartjenu lill-impriża.

b) Fuq il-korrettezza tal-kriterji ta’ analiżi segwiti fis-sentenza appellata

95.

Issa ngħaddi biex neżamina, fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet, il-konformità mad-dritt Komunitarju tal-kriterji segwiti mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-raġunament tagħha, kif speċifikat fil-punti 87 (ineżistenza ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li hija mexxiet), 91(a) (kundizzjoni għal użu bħal dan irrappreżentata mir-rispett tad-drittijiet proċedurali), kif ukoll 91(b) u 94 iktar ’il fuq (metodi li l-Kummissjoni għandha tosserva biex tiżgura r-rispett ta’ dawk id-drittijiet).

96.

Dan is-suġġett, li għandu x’jaqsam mas-sistema ta’ provi fil-proċeduri għall-ksur taħt l-Artikoli 81 KE u 82 KE u taċ-ċirkulazzjoni tal-provi bejn il-proċeduri kif ukoll ordinamenti legali differenti, huwa bla dubju delikat u jeħtieġ analiżi fil-fond.

i) Fuq l-ineżistenza ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li hija mexxiet

97.

L-ewwel nett l-appellanti tpoġġi fid-dubju l-fakultà għall-Kummissjoni li tuża bħala prova, f’proċeduri tagħha għall-ksur taħt l-Artikolu 81 KE, informazzjoni li tinġabar fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li mexxiet hija, u tinvoka f’dan ir-rigward is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, “Banek Spantoli” u Otto.

98.

Fis-sentenza “Banek Spantoli” ( 65 ) l-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet mill-Artikolu 214 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 287 KE, dwar is-sigriet professjonali) u mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 17 li l-Istati Membri, fil-kuntest tal-kompetenza tagħhom biex japplikaw ir-regoli nazzjonali u Komunitarji fuq il-kompetizzjoni, ma jistgħux jużaw bħala mezzi ta’ prova la informazzjoni mhux ippubblikata li hemm fir-risposti mogħtija fl-inkjesti ta’ informazzjoni lill-impriżi skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u lanqas l-informazzjoni li hemm fid-domandi u fin-notifiki taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 tal-istess Regolament. Ir-referenza għal dik is-sentenza min-naħa tal-appellanti mhijiex, madankollu, wisq effettiva, billi tirrigwarda (u tikkonsidra pprojbit) l-użu ta’ informazzjoni li jkollha l-Kummissjoni f’proċeduri tagħha skont ir-Regolament Nru 17 bħala prova f’proċedura mmexxija mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, filwaqt li ma kienx hemm inkwistjoni fil-kawża li spiċċat b’dik is-sentenza d-dħul ta’ informazzjoni bħala prova fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni li huwa s-suġġett li għandu x’jaqsam ma’ dan l-aggravju.

99.

Fir-rigward tas-sentenza Otto ( 66 ), il-projbizzjoni ta’ użu bħala prova min-naħa tal-Kummissjoni f’proċeduri tagħha ta’ dikjarazzjonijiet partikolari magħmulin fil-kuntest ta’ kawżi ċivili quddiem qrati nazzjonali mhijiex ikkonċepita bħala projbizzjoni ta’ karattru ġenerali dovuta minħabba l-fatt li hemm separazzjoni bejn il-proċeduri, imma tirriżulta mill-ħtieġa li jiġi rrispettat id-dritt tal-impriża biex ma tinkriminax lilha nnifisha, kif ġie rikonoxxut fis-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, fuq il-preżuppost li dawk id-dikjarazzjonijiet kellhom karattru ta’ awtoinkriminazzjoni.

100.

Jekk xejn hemm indikazzjonijiet iktar sinjifikattivi biex isostnu l-argument tal-appellanti fis-sentenzi Dow Benelux vs Il-Kummissjoni ( 67 ) u “PVC II” ( 68 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenzi PVC”), li minnhom jirriżulta li l-informazzjoni jew dokumenti miksubin mill-Kummissjoni f’proċeduri skont ir-Regolament Nru 17 matul l-aċċertamenti li jsiru skont l-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament ma jistgħux jiġu użati direttament bħala provi fil-kuntest tat-tieni proċedura mmexxija mill-istess Kummissjoni skont l-istess regolament.

101.

Jista’ jiġi argumentat li, jekk dawn iż-żewġ sentenzi stabbilew il-projbizzjoni għall-Kummissjoni li tuża bħala prova f’proċedura tagħha għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni informazzjoni li hija stess ġabret f’proċedura oħra tal-istess tip, iktar u iktar għandu jiġi kkunsidrat ipprojbit għall-Kummissjoni l-użu bħala prova f’proċedura tagħha ta’ informazzjoni miġbura fi Stat terz fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija minnhom għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni ta’ dak l-istat.

102.

Madankollu, fil-fehma tiegħi dan l-argument a fortiori ma jistax jiġi segwit.

103.

Fis-sentenzi PVC il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-informazzjoni miġbura matul l-aċċertamenti li saru skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 17 ma jistgħux isiru għal skopijiet differenti minn dawk indikati fil-mandat ta’ aċċertament jew fid-deċiżjoni ta’ aċċertament u li dik il-preċiżazzjoni hija intiża biex tħares kemm is-sigriet professjonali, li jirreferi għalih espliċitament l-Artikolu 20 tal-istess regolament, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-impriżi li l-Artikolu 14(3) ta’ dan tal-aħħar huwa intiż li jiggarantixxi. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “dawn id-drittijiet tal-aħħar fil-fatt jiġu kompromessi b’mod gravi jekk il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha, fil-konfront tal-impriżi, fuq provi li, miġburin matul aċċertament, ma jkunux rilevanti għas-suġġett u l-iskop tiegħu”.

104.

Il-projbizzjoni stabbilita fis-sentenzi PVC tidher b’hekk strumentali għall-ħarsien tal-garanziji, dawk tas-sigriet professjonali u tad-drittijiet tad-difiża, li, minħabba r-regoli ta’ dritt Komunitarju, huma inerenti fil-ġbir ta’ informazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni fil-proċedura li hija mexxiet, billi rabtet lil din tal-aħħar u l-uffiċjali u l-aġenti tagħha dwar l-użu ta’ din l-informazzjoni. Billi dan huwa r-ratio ta’ dik il-projbizzjoni ( 69 ), ma tistax tirriżulta minnha awtomatikament u a fortiori projbizzjoni ġenerali ta’ użu bħala prova min-naħa tal-Kummissjoni ta’ informazzjoni miġbura f’proċedura antitrust barranija.

105.

L-ineżistenza, fid-dritt Komunitarju, ta’ projbizzjoni ġenerali ta’ użu bħala prova f’proċedura mmexxija mill-Kummissjoni għall-ksur tal-Artikolu 81 KE ta’ informazzjoni miġbura f’proċedura mmexxija minn awtoritajiet oħrajn hija kkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dalmine vs Il-Kummissjoni ( 70 ).

106.

F’dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja, kif kienet għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel istanza ( 71 ), iddeċidiet fis-sens tal-ammissibbiltà tal-użu bħala prova f’proċedura mmexxija mill-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 17 ta’ verbali tal-interrogazzjonijiet ta’ ex diretturi ta’ kumpannija involuta f’dik il-proċedura, Dalmine, magħmulin mill-prosekuzzjoni ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali.

107.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, Dalmine kienet akkużat lill-Kummissjoni li kkommettiet ksur gravi tar-regoli ta’ proċedura billi użat dikjarazzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura kriminali li ma kellhom x’jaqsmu xejn mal-investigazzjoni li kienet inkarigata biha l-istituzzjoni, u rreferiet għas-sentenza “Banek Spantoli”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-ilment ta’ Dalmine u qalet li “l-legalità tat-trażmissjoni mill-Kummissjoni [ta’ informazzjoni] lil awtorità nazzjonali u l-projbizzjoni fuq l-użu dirett minn dik l-awtorità nazzjonali ta’ tali informazzjoni bħala prova jirriżultaw mid-dritt Kommunitarju”, “[m]in-naħa l-oħra l-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, mingħand prosekutur nazzjonali jew mingħand l-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skond id-dritt penali nazzjonali u l-użu sussegwenti tagħha mill-Kummissjoni huma kwistjonjiet li, bħala prinċipju, huma koperti mid-dritt nazzjonali li jirregola l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet immexxijin mill-imsemmija awtoritajiet nazzjonali [u huma kwistjonijiet li] fil-każijiet ta’ proċeduri ġudizzjarji, [jaqgħu taħt il-] ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali”. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva madankollu li ma rriżultax li Dalmine qatt poġġiet quddiem qorti Taljana kompetenti l-kwistjoni tal-użu f’livell Komunitarju tal-verbali msemmijin iktar ’il fuq u li hija lanqas biss ipprovdiet elementi li juru li dan l-użu kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan applikabbli. L-argumenti ta’ Dalmine għalhekk setgħu, skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-iktar l-iktar ipoġġu fid-dubju l-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda li kien hemm f’dawk il-verbali, imma mhux l-ammissibbiltà tagħhom bħala prova fil-proċedura tal-Kummissjoni ( 72 ).

108.

Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja, segwiet fuq dan il-punt il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed ( 73 ) u kkonfermat din l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’dan ir-raġunament:

“62

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-imsemmija proċessi verbali inkwantu elementi ta’ prova [provi], għandu jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza […], li l-legalità tat-trażmissjoni lill-Kummissjoni, minn prokuratur nazzjonali jew mill-awtoritajiet kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni, ta’ informazzjoni miġbura skond id-dritt kriminali nazzjonali, hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Minbarra dan, kif fakkret il-Qorti tal-Prim’Istanza […], il-qorti Komunitarja mhijiex kompetenti sabiex tistabbilixxi l-legalità, fir-rigward tad-dritt nazzjonali, ta’ att magħmul minn awtorità nazzjonali […]

63

Fir-rigward tal-użu tal-imsemmija informazzjoni mill-Kummissjoni, il-Qorti tal-Prim’istanza kkonstatat b’mod korrett […] li l-argumenti ta’ Dalmine setgħu jaffettwaw biss il-“kredibbiltà u, b’hekk, il-forza probatorja tax-xhieda tad-diriġenti tagħha u mhux l-ammissibiltà ta’ dawn l-elementi fil-proċedura”. Fil-fatt, […] il-prinċipju li jipprevali fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi ( 74 ) u l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi mressqa jinsab fil-kredibbiltà tagħhom. Għaldaqstant, peress illi t-trażmissjoni tal-proċessi verbali in kwistjoni ma kinitx ġiet iddikjarati illegali minn qorti Taljana, m’hemmx lok li jiġi kkunsidrat li dawn id-dokumenti kienu elementi ta’ prova inammissibbli li jridu jitħallew barra mill-fajl”.

109.

Evidentement dik is-sentenza teskludi l-eżistenza ta’ projbizzjoni ġenerali għall-Kummissjoni biex tuża bħala prova, fi proċedura li tmexxi hi skont ir-Regolament Nru 17 dikjarazzjonijiet mogħtija fi proċedura barranija. L-argument ta’ karattru ġenerali tal-appellanti li hemm referenza għalih fil-punt 97 iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi, ma għandux jiġi milqugħ.

ii) Fuq il-ksur ta’ garanziji proċedurali speċifiċi

110.

Apparti dak l-argument ta’ karattru ġenerali, b’dan l-aggravju l-appellanti madankollu tilmenta, fis-sustanza, li l-użu bħala prova tar-rapport tal-FBI jmur kontra l-garanziji proċedurali speċifiċi li kellha dritt għalihom fir-rigward kemm tal-proċeduri quddiem l-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti kif ukoll dawk quddiem il-Kummissjoni.

— Fuq l-eżistenza ta’ kundizzjonijiet għall-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li għamlet: ir-rispett għad-drittijiet proċedurali

111.

L-ewwel nett għandu jiġi vverifikat, għall-finijiet tal-eżami ta’ dawn l-argumenti iktar speċifiċi li għamlet l-appellanti, jekk l-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmulin fil-kuntest ta’ proċeduri differenti minn dawk li hija mexxiet huwiex suġġett għal restrizzjonijiet. Din il-verifika hija essenzjali peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi fis-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 108 iktar ’il fuq) għall-prinċipju “tal-produzzjoni libera tal-provi” fid-dritt Komunitarju. Din hija referenza li, fil-fehma tiegħi, teħtieġ xi preċiżazzjonijiet importanti.

112.

Il-prinċipju tal-produzzjoni libera tal-provi fid-dritt Komunitarju ma jistax jiftiehem fis-sens li kull element ta’ prova jista’ dejjem u f’kull każ jintuża u li dak li jgħodd huwa biss il-kredibbiltà tiegħu.

113.

Fir-rigward tal-provi, jeħtieġ li ma ssirx konfużjoni bejn prinċipji b’sinjifikat differenti. Biex issostni dan, kif għamlet ukoll fis-sentenza tagħha Dalmine vs Il-Kummissjoni ( 75 ), fejn tgħid li l-prinċipju fis-seħħ fid-dritt Komunitarju huwa dak tal-produzzjoni libera tal-provi u l-uniku kriterju rilevanti għall-evalwazzjoni tal-provi prodotti huwa dak tal-kredibbiltà tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet iċċitat il-konklużjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf, li kien qed jagħmilha ta’ avukat ġenerali, fil-kawża Rhône-Poulenc vs Il-Kummissjoni ( 76 ), u s-sentenza Met-Trans u Sagpol ( 77 ). L-osservazzjonijiet tal-Imħallef Vesterdorf li rreferiet għalihom il-Qorti tal-Prim’Istanza, jidhru, madankollu, li jirrigwardaw prinċipju differenti, dak tal-evalwazzjoni libera tal-prova mill-qorti, jew, fi kliem ieħor, dak tal-konviċiment liberu tal-qorti dwar il-kontenut tal-prova, għas-sinjifikat li għandu jingħatalha ( 78 ). Fis-sentenza Met-Trans u Sagpol il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet, fost l-oħrajn, tippreċiża liema mezzi ta’ prova kienu biżżejjed biex juru fatt partikolari kkontemplat minn ċerta dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju u, b’mod partikolari, jekk kinitx meħtieġa f’dan ir-rigward prova dokumentarja li tissodisfa rekwiżiti partikolari ( 79 ). Hija rrispondiet f’dan ir-rigward li mill-ittra ta’ dik id-dispożizzjoni kien jirriżulta li l-prova ta’ dik iċ-ċirkustanza partikolari mhijiex limitata għal xi mezzi ta’ prova u li, “fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja tal-kunċett ta’ prova, il-mezzi ta’ prova kollha permessi mid-drittijiet proċedurali tal-Istati Membri f’proċeduri analogi huma, fil-prinċipju, ammissibbli”, evidentement il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq prinċipju ta’ libertà tal-mezzi ta’ prova li għandu jinftiehem bħala l-fakultà li jintużaw, biex jiġi ppruvat ċertu fatt, ta’ mezzi ta’ prova ta’ kwalunkwe natura (pereżempju. prova testimonjali, prova dokumentarja, ammissjoni, etc) u li hija suġġetta għall-eċċezzjonijiet stabbiliti espressament mir-regoli Komunitarji ( 80 ).

114.

Għalhekk, jekk huwa veru li fid-dritt Komunitarju, ħlief fejn ma jkunx hemm dispożizzjoni xort’oħra, att determinat jista’ jiġi ppruvat b’mezzi ta’ prova ta’ kwalunkwe natura (libertà tal-mezzi ta’ prova) u d-determinazzjoni tal-valur probatorju ta’ element ta’ prova jitħalla għall-konvinċiment uniku tal-qorti u mhux għal sistema ta’ prova legali (libertà ta’ evalwazzjoni tal-prova), fil-fehma tiegħi, ma jistax jingħad li kull element ta’ prova prodott jista’ jintuża u għandu jkun oġġett ta’ evalwazzjoni fil-mertu min-naħa tal-Kummissjoni jew tal-qorti Komunitarja. Pereżempju dan mhux applikabbli f’dikjarazzjoni li tirriżulta li tkun ittieħdet bi vjolenza mill-awtoritajiet li qed jipproċedu. Apparti dan l-eżempju biżżejjed wieħed jiftakar li, skont il-ġurisprudenza Komunitarja, ma jistgħux jintużaw mill-Kummissjoni bħala provi f’proċedura skont ir-Regolament Nru 17:

dikjarazzjonijiet jew dokumenti miksubin mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura preċedenti skont l-istess regolament (ara l-punt 100 iktar ’il fuq);

dokumenti li dwarhom, matul il-proċedura ma ngħatatx lill-impriża suġġetta għaliha l-possibbiltà li teżerċita d-dritt tagħha li tinstema’ ( 81 );

komunikazzjonijiet bejn avukati u klijenti li jkollhom karattru kunfidenzjali legalment protett ( 82 );

dikjarazzjonijiet mogħtija minn diretturi ta’ kumpannija b’risposta għal domandi magħmulin fil-kuntest ta’ eżami ta’ xhieda qabel proċedura ċivili nazzjonali, fejn ir-risposta tkun tfisser ir-rikonoxximent ta’ ksur tar-regoli fuq il-kompetizzjoni ( 83 );

verbali ta’ interrogazzjoni minn proċedura penali nazzjonali, fil-każ fejn it-trażmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni tkun ġiet iddikjarata illegali mill-qorti nazzjonali kompetenti (ara l-punti 107 sa 108 iktar ’il fuq).

115.

Ma’ dawn l-eżempji ta’ użu inammissibbli ta’ provi min-naħa tal-Kummissjoni, is-sentenza appellata f’din il-kawża żżid ieħor, dak tad-dikjarazzjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura differenti minn dik tal-Kummissjoni, meta ma jiġux iggarantiti lill-parti kkonċernata d-drittijiet proċedurali li kellha fil-kuntest ta’ dik il-proċedura jew dik li hija jkollha bis-saħħa tad-dritt Komunitarju fil-każ li jinġabru direttament dawk id-dikjarazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni.

116.

Fuq il-punt tal-limiti fl-użu bħala provi fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni ta’ dikjarazzjonijiet mogħtija f’proċedura differenti, is-sentenza appellata u s-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni ( 84 ) jidhru li ma jaqblux ma’ xulxin. Skont dawn tal-aħħar, ikun hemm problema ta’ inammissibbiltà ta’ dan l-użu biss fil-każ fejn it-trażmissjoni lill-Kummissjoni jew l-użu min-naħa tagħha tal-verbal fejn jinstabu dawn id-dikjarazzjonijiet ikun illegali skont ir-regoli tal-Istat tal-awtorità li ġabrithom (u li din l-illegalità ġiet aċċertata mill-qorti nazzjonali kompetenti) ( 85 ). Is-sentenza appellata, b’mod usa’, tagħti importanza għan-nuqqas ta’ garanziji proċedurali li messu kien hemm fil-kuntest tal-proċedura barranija — li fosthom, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu inklużi wkoll il-limiti li l-ordinament barrani jagħmel fl-interess ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni għat-trażmissjoni tad-dikjarazzjonijiet lill-awtoritajiet oħrajn u għall-użu tagħhom minn dawn tal-aħħar — u għall-inkompatibbiltà mal-metodi ta’ ġbir ta’ dawk id-dikjarazzjonijiet segwiti f’dik il-proċedura mal-garanziji proċedurali mogħtija mill-ordinament Komunitarju.

117.

Il-fatt li s-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni ma ssalvagwardawx il-motiv tan-nuqqas ta’ użu fir-rigward tan-nuqqas ta’ rispett ta’ dawn l-aħħar garanziji jista’ forsi jiġi attribwit għall-fatt li Dalmine ma kinitx ikkontestat il-legalità tal-użu bħala prova, fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni, tal-verbali tal-interrogazzjoni inkwistjoni għall-ksur ta’ drittijiet proċedurali speċifiċi (bħal, pereżempju, id-dritt li wieħed ma jinkriminax ruħu ggarantit mid-dritt Komunitarju), imma, iktar fil-fond, minħabba nuqqas ta’ qbil ġenerali allegat mad-drittijiet tad-difiża fl-użu bħala provi f’dik il-proċedura ta’ elementi ta’ informazzjoni ġejjin minn proċedura differenti.

118.

Barra minn hekk, ma għandux jitwarrab il-fatt li l-kunċett riduttiv ħafna tal-limiti tal-użu min-naħa tal-Kummissjoni ta’ provi magħmula fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija minn awtoritajiet oħrajn, li l-qrati Komunitarji adottaw fil-każ Dalmine vs Il-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala inerenti fil-każijiet biss fejn ikun hemm l-awtorità tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u bħala bbażat fuq preżunzjoni impliċita ta’ ekwivalenza sostanzjali fil-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża fil-livell Komunitarju u fil-livell ta’ Stati Membri ( 86 ). Naturalment, preżunzjoni bħal din ma tgħoddx meta jkun hemm proċeduri mmexxija fi Stati terzi.

119.

Fi kwalunkwe każ naqbel mingħajr dubju mal-idea, segwita fis-sentenza appellata u mhux ikkontestata bejn il-partijiet f’din il-kawża, li huwa kkunsidrat bħala meħtieġ, għall-finijiet tal-użu bħala prova fi proċedura mmexxija mill-Kummissjoni ta’ elementi ta’ informazzjoni miġburin fil-kuntest ta’ proċedura mmexxija minn awtorità ta’ Stat terz, ir-rispett kemm għall-garanziji proċedurali stabbiliti għal din l-aħħar proċedura kif ukoll dawk stabbiliti għall-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni. Din l-idea li tikkorrispondi mal-applikazzjoni kumulattiva tal-liġi tal-Istat ta’ oriġini tal-prova u tal-liġi tal-Istat riċevitur tal-prova hija, fil-fehma tiegħi, essenzjali minħabba l-fatt li tiffunzjona fil-kuntest tad-dritt pubbliku, partikolarment f’kwistjoni ta’ sanzjonijiet, u li d-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura li fiha jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet, partikolarment multi u penalitajiet għad-dewmien, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju li għandu jiġi osservat anki jekk ikun hemm proċedura ta’ natura amministrattiva ( 87 ).

120.

Għalhekk ir-rispett tad-drittijiet proċedurali f’każ bħal dan jippreżupponi li l-prova magħmula fil-proċedura barranija kienet inġabret b’ħarsien tal-formalitajiet stabbiliti mid-dispożizzjoni rilevanti tal-ordinament barrani, li t-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni u l-użu tagħha minn naħa ta’ din tal-aħħar huma permessi minn dak l-ordinament u li dan l-użu ma jmurx kontra l-garanziji speċifiċi li tkun gawdiet minnhom l-impriża kkonċernata, bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, fejn il-ġbir tal-provi sar direttament fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni.

— Fuq il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-metodi li l-Kummissjoni għandha tosserva biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet proċedurali u l-applikazzjoni tagħhom f’dan il-każ partikolari

121.

Fl-att tal-appell l-appellanti tilmenta fuq il-kriterji li l-Qorti tal-Prim’Istanza elaborat, fil-punt 265 tas-sentenza appellata, dwar il-mod kif il-Kummissjoni hija obbligata li tiggarantixxi d-drittijiet imsemmija iktar ’il fuq. Il-ħarsien tagħhom huwa obbligatorju f’kull każ u għalhekk il-Kummissjoni ma tistax, kif fil-fatt qalet il-Qorti tal-Prim’Istanza, tillimita ruħha biex tikkonstata n-nuqqas ta’ dubji serji u ta’ kontestazzjonijiet tal-impriża interessata f’dan ir-rigward. Hija tfakkar li l-istess Qorti tal-Prim’Istanza, skont il-ġurisprudenza, hija obbligata tqajjem ex officio l-kwistjoni tal-ħarsien tal-garanziji proċedurali.

122.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat fis-sustanza li ma jistax ikun hemm ksur min-naħa tal-Kummissjoni tad-drittijiet proċedurali tal-impriża kkonċernata permezz tal-użu bħala prova tad-dikjarazzjonijiet miġbura mill-proċedura barranija, meta dik l-impriża, li tkun ġiet mgħarrfa qabel bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tagħmel dak l-użu, ma tkunx qajmet oġġezzjonijiet f’dak ir-rigward u l-Kummissjoni stess ma jkollhiex raġuni biex tiddubita serjament mad-daqqa t’għajn fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-użu b’ħarsien ma’ dawk id-drittijiet.

123.

Nikkunsidra li l-appellanti għandha raġun tikkontesta l-konformità mad-dritt ta’ din l-interpretazzjoni. Id-drittijiet proċedurali għandhom jiġu rrispettati f’kull każ mill-Kummissjoni, għalhekk anki fl-ipoteżi fejn l-impriża ikkonċernata ma tinvokahomx matul il-proċedura amministrattiva. Fid-dritt Komunitarju m’hemm l-ebda regola li tobbliga impriża, bil-piena ta’ dekadenza, li tqajjem kwistjonijiet ta’ dritt matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni. M’hemm l-ebda regola ta’ qbil obbligatorju bejn ir-risposta għan-nota ta’ lmenti u r-rikors quddiem il-qorti Komunitarja. Lanqas m’hemm fuq l-impriża l-piż li tirrispondi għan-nota ta’ lmenti. Il-Kummissjoni hija marbuta li tadotta deċiżjoni finali li tikkonforma mad-dritt, indipendentement mill-eżerċizzju effettiv min-naħa tal-impriża kkonċernata tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedura amministrattiva u tal-portata ta’ dan l-eżerċizzju.

124.

Min-naħa l-oħra, nosserva li l-Kummissjoni hija obbligata, b’rispett lejn il-ħarsien tad-drittijiet tad-difiża, li turi f’kull każ lill-impriża destinatarja tan-nota ta’ lmenti l-intenzjoni tagħha li tuża d-dikjarazzjonijiet ġejjin minn proċedura barranija bħala prova għall-finijiet tad-deċiżjoni finali tagħha, jiġifieri indipendentement mill-fatt għandhiex jew le dubji serji fuq il-kompatibbiltà ta’ dan l-użu mar-rispett tad-drittijet proċedurali.

125.

Anki jekk jiġi ammess, kif tosserva l-Kummissjoni, li d-drittijiet proċedurali huma rinunzjabbli, is-sempliċi fatt li din ma tiġix ippreżentata b’osservazzjonijiet dwar l-użu bħala prova tal-informazzjoni ġejja minn proċedura barranija, imsemmija fin-nota ta’ lmenti, ma jistax jiġi interpretat bħala rinunzja li jiġu sostnuti d-drittijiet proċedurali, imma għandu jiġi analizzat sempliċement bħala nuqqas ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-impriża li tinstema’ mill-Kummissjoni dwar il-legalità ta’ dak l-użu.

126.

Għalhekk, jidhirli li fuq dan il-punt inkwistjoni, is-sentenza appellata fiha żball ta’ liġi.

127.

Barra minn hekk, anki jekk il-kriterji elaborati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 265 tas-sentenza appellata jitqiesu li huma konformi, l-istess sentenza jidhirli li għandha fi kwalunkwe każ żball tad-dritt billi l-applikazzjoni tal-kriterji li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza f’dan il-każ partikolari ma tidhirx li hija korretta.

128.

Minn naħa, nosserva li l-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr analiżi ulterjuri, ma setgħetx takkuża lill-appellanti, u ċċaħħadha mid-drittijiet tagħha, billi ma opponietx, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti, l-użu bħala prova tar-rapport tal-FBI min-naħa tal-Kummissjoni. Fis-sentenza tal-ewwel istanza l-appellanti kkontestat l-użu ta’ dan ir-rapport għall-finijiet ta’ prova taċ-ċirkustanzi fattwali indikati fil-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, billi dawn iċ-ċirkustanzi ma dehrux fin-nota ta’ lmenti, fejn kien hemm biss ċirkustanzi li l-materjalità tagħhom ma ġietx ikkontestata mill-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha, qabel ma takkuża lill-appellanti b’dan, tivverifika jekk din setgħetx tiddeduċi b’mod raġonevoli, min-nota ta’ lmenti u fid-dawl tal-kontenut tar-rapport tal-FBI li kien imsemmi u mehmuż magħha, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tikkontestalha anki dawk iċ-ċirkustanzi (ara l-punti 46 sa 50 iktar ’il fuq) u jekk l-appellanti kellhiex għalhekk interess li tqajjem, b’risposta għal dik in-nota, oġġezzjonijiet kontra l-użu tar-rapport tal-FBI bħala prova. Is-silenzju tal-appellanti dwar raġunijiet eventwali biex ma jkunx hemm użu tad-dokument bħala prova ma jistax jiġi interpretat bħala qbil jekk mhux fir-rigward tal-użu li kien ipprospettat fin-nota ta’ lmenti.

129.

Min-naħa l-oħra, kienu jeżistu fil-fehma tiegħi raġunijiet f’dan il-każ biex jinħolqu dubji serji, mad-daqqa t’għajn, fuq il-kumpatibbiltà tal-użu bħala prova tar-rapport tal-FBI mad-drittijiet proċedurali tal-appellanti.

130.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett naqbel mal-appellanti li l-elementi kkunsidrati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 266 u 267 tas-sentenza appellata (ara l-punti 69 u 70 iktar ’il fuq) mhumiex xierqa, għalkemm mhux għal kollox irrilevanti dwar il-problema tal-ħarsien tal-garanziji proċedurali, biex jeskludu l-eżistenza ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-użu ta’ dan ir-rapport min-naħa tal-Kummissjoni mal-garanziji proċedurali invokati konkretament mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u issa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Infakkar li qed nitkellmu fuq id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu, fuq l-obbligu tal-awtorità li tiġbor l-informazzjoni li tiġi sottomessa lid-dikjarant għall-approvazzjoni r-rendikont bil-miktub tad-dikjarazzjonijiet mogħtija ppreparat mill-awtorità stess, kif ukoll il-ħarsien tal-karattru kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet mogħtija mill-ex rappreżentant ta’ ADM lill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti fil-kuntest tal-kollaborazzjoni li tathom ADM stess.

131.

B’mod partikolari, nieqaf ftit fuq dan l-aspett li jimmerita attenzjoni partikolari għaliex imiss is-suġġett delikat tar-relazzjonijiet bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti dwar il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.

132.

Meta jingħad li r-rapport tal-FBI kien intiż biex iservi biss fil-kuntest ta’ proċedura fl-Istati Uniti, l-appellanti wriet, minn naħa, li l-ewwel paġna ta’ dan ir-rapport jindika li x-xandir tiegħu lil terzi kien ipprojbit, u min-naħa l-oħra, li l-awtortitajiet antitrust tal-Istati Uniti kienu ftehmu espressament mal-avukat tal-ex rappreżentant ta’ ADM li l-informazzjoni li ta ma kinitx ser tixxandar jekk mhux għall-finijiet li tintuża fi proċeduri mmexxija mill-Istati Uniti. Dawn iċ-ċirkustanzi jirriżultaw effettivament mid-dokumenti prodotti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

133.

Huwa veru li l-Kummissjoni probabbilment ma kellhiex f’idejha l-ittra li kien fiha dan l-impenn magħmul mal-awtoritajiet msemmijin iktar ’il fuq ( 88 ) u li r-rapport tal-FBI ma kienx intbagħtilha minnhom imma minn impriża oħra involuta fil-proċedura mmexxija mill-Kummissjoni.

134.

Madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx, fil-fehma tiegħi, tinjora l-possibbiltà li l-użu tar-rapport tal-FBI bħala prova fil-proċedura tagħha kien f’kunflitt mal-garanziji mogħtijin mill-ordinament tal-Istati Uniti dwar it-trattament kunfidenzjali tal-informazzjoni mogħtija mill-ex rappreżentant ta’ ADM. Dan mhux biss billi d-dokument kellu fl-ewwel paġna tiegħu, kif enfasizzat mill-appellanti, indikazzjoni dwar il-projbizzjoni tax-xandir lil terzi, imma l-iktar minħabba s-sistema ta’ relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet rispettivi tal-kompetizzjoni.

135.

Fiż-żmien tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dawn ir-relazzjonijiet kienu, kif fuq kollox għadhom sal-lum, irregolati minn ftehim bilaterali konkluż fl-1991 ( 89 ), ikkompletat bit-tieni ftehim bilaterali konkluż fl-1998 ( 90 ). Iż-żewġ ftehim jistabbilixxu l-konsultazzjoni, il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn il-Kummissjoni, minn naħa, u d-Diviżjoni Antitrust tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Federal Trade Commission, min-naħa l-oħra, fl-iżvolġiment tal-attivitajiet maħsubin biex jiżguraw l-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni. L-ebda dispożizzjoni minn dan il-ftehim ma tistabbilixxi espliċitament l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet għall-finijiet ta’ prova tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fil-ftehim tal-1991 hemm stabbilit, b’mod partikolari, dwar l-iskambju ta’ informazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet, li l-parti kontraenti li għandha l-informazzjoni mhijiex obbligata li tagħtiha lill-parti l-oħra jekk il-liġi interna tagħha tipprojbixxi x-xandir tagħha u li kull parti kontraenti hija obbligata iżżomm, bil-mod l-iktar wiesa’ possibbli, il-kunfidenzjalità ta’ kull informazzjoni li tingħatalha mill-parti l-oħra bl-applikazzjoni tal-ftehim u li topponi, bil-mod l-iktar wiesa’ possibbli, kull talba ta’ xandir ta’ informazzjoni li jagħmlu terzi fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni tal-parti kontraenti li forniet l-informazzjoni (Artikolu VIII). Jiġi ppreċiżat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim għandhom jiġu interpretati b’mod li jkunu koerenti mal-liġijiet eżistenti tal-partijiet kontraenti jew tal-Istati Membri tagħhom u fis-sens li ma jeħtiġux emendi tagħhom (Artikolu IX). Barra minn dan, fl-iskambju ta’ ittri ta’ interpretazzjoni dwar l-istess ftehim, kien ġie ddikjarat f’isem il-Komunità Ewropea, b’referenza għall-Artikoli VIII u IX tal-ftehim, li l-informazzjoni koperta bis-sigriet professjonali taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 17 ma tiġix ikkomunikata mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti jekk mhux bil-kunsens espress tas-‘sors’ ikkonċernat. Il-ftehim tal-1998 fih ukoll, fl-Artikoli IV 2(ċ)(iii) u V referenzi għall-ħtieġa li jingħata kunsens minn qabel mis-sors interessat għall-finijiet tat-trażmissjoni lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-parti l-oħra kontraenti ta’ informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali.

136.

Sostanzjalment, abbażi ta’ dan il-ftehim il-Kummissjoni u l-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti mhumiex awtorizzati li jiskambjaw informazzjoni li ma tistax tixxandar skont l-ordinament ġuridiku tal-awtorità li jkollha f’idejha l-informazzjoni ( 91 ), billi huma b’mod partikolari “marbutin bir-regoli interni relattivi tagħhom għall-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura minnhom matul l-investigazzjonijiet ripettivi” ( 92 ).

137.

L-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet imsemmijin għalhekk isir “fil-limiti tad-dispożizzjonijiet eżistenti fir-rigward tal-kunfidenzjalità” ( 93 ) u hija r-rinunzja tal-parti kkonċernata għad-dritt tal-kunfidenzjalità li tippermetti lill-awtorità inkwistjoni li tiskambja l-informazzjoni kunfidenzjali ( 94 ). L-impossibbiltà tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, abbażi tal-ftehim attwali ta’ kooperazzjoni, li jiskambjaw informazzjoni kunfidenzjali mingħajr il-kunsens tas-sors ikkonċernat hija limitu sinjifikattiv għall-effikaċja tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-kartelli, tant li f’ħafna istituzzjonijiet qed jiġi ttamat li jkun hemm ftehim hekk imsejjaħ tat-“tieni ġenerazzjoni” intiż biex jippermetti wkoll l-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali ( 95 ).

138.

Il-limitu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet irrappreżentat mir-rispett għall-kunfidenzjalità tal-informazzjoni jassumi importanza partikolari meta, bħal f’dan il-każ, tkun informazzjoni mogħtija volontarjament fil-kuntest tal-kollaborazzjoni offruta minn impriża għall-finijiet li tikseb trattament favorevoli mil-lat tas-sanzjonijiet. Fil-fatt, huwa evidenti, li fejn informazzjoni bħal din tista’ tiġi trażmessa mill-awtorità li tirċeviha fil-kuntest ta’ domanda għal trattament favorevoli lil awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ stati oħrajn, ikun hemm, speċjalment fin-nuqqas ta’ kull koordinament bejn il-programmi ta’ maħfra mħejjija mill-awtoritjajiet ikkonċernati, diżinċentiv qawwi għall-impriżi li joffru l-kollaborazzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ dawn il-programmi ( 96 ).

139.

Kif sostniet il-Competition Commitee tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), “l-iskambji ta’ informazzjoni ma għandhomx jippreġudikaw b’mod imprudenti l-investigazzjonijiet fuq kartelli hardcore, inkluż l-effettività tal-programmi ta’ maħfra”; “għal dan l-iskop, il-parti l-kbira tal-istati membri [tal-OSCE] adottaw politika li biha huma ma jiskambjawx informazzjoni miksuba minn persuna li titlob l-maħfra mingħajr il-kunsens minn qabel tagħha” ( 97 ).

140.

Fid-dawl tas-sistema ta’ relazzjonijiet bilaterali bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti dwar din il-kwistjoni u tal-problemi inerenti fix-xandir ta’ informazzjoni mogħtija minn impriżi li jħaddnu programmi ta’ maħfra, li l-Kummissjoni ma setgħetx tinjora, inqis li, meta rċeviet ir-rapport tal-FBI minn waħda mill-impriżi oħrajn involuti fil-proċedura tagħha, dik l-istituzzjoni kellha tagħti l-attenzjoni opportuna kif jiġi ttrattat id-dokument f’dik il-proċedura biex b’hekk jiġi evitat ir-riskju li jinkisru garanziji possibbli rikonoxxuti mill-ordinament tal-Istati Uniti fir-rigward tax-xandir tal-kontenut tad-dokument innifsu.

141.

B’mod partikolari, naħseb li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tuża bħala prova r-rapport tal-FBI mingħajr ma qabel tistaqsi lill-impriża li kienet tatulha kjarifikazzjonijiet fuq il-mod kif dan ġie fil-pussess tagħha u mingħajr ma l-ewwel talbet lill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti, fil-qadi tad-doveri tagħha ta’ kollaborazzjoni leali magħhom bis-saħħa tal-ftehim bilaterali eżistenti, jekk dak ir-rapport kienx jikkostitwixxi, skont id-dritt tal-Istati Uniti, dokument ikkunsidrat kunfidenzjali, kif wieħed jista’ jippreżumi sakemm ma jkunx hemm prova kuntrarja, minbarra mill-ewwel paġna tiegħu, mill-kuntest, li kien magħruf għall-Kummissjoni kif tħejja (u kif jidher li jirriżulta mill-ittra tat-13 ta’ Ġunju 1997 mid-Diviżjoni Antitrust tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti).

142.

Il-fatt li kienet impriża terza u mhux dawk l-awtoritajiet li ttrażmettitilha r-rapport tal-FBI ċertament ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ adozzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ dawn il-kawteli. Dan il-fatt ma setax jawtorizza lill-Kummissjoni li tikkunsidra li dak id-dokument kien tilef kull natura kunfidenzjali. Il-Kummissjoni, abbażi ta’ interpretazzjoni bil-bona fidi tal-Artikolu VIII tal-ftehim bilaterali tal-1991, kellha fil-fehma tiegħi tevita r-riskju li, bl-użu minnha stess ta’ dak ir-rapport għall-finijiet ta’ prova, ikun hemm konsegwenzi ulterjuri ta’ ksur eventwali tan-natura kunfidenzjali tiegħu min-naħa tal-Istati Uniti.

143.

Il-fatt li dan ir-rapport ma ġiex trażmess lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti jiddistingwi b’mod sostanzjali dan il-każ minn dak fis-sentenzi Dalmine vs Il-Kummissjoni ( 98 ), fejn il-Kummissjoni kienet irċeviet il-verbali tal-interrogazzjoni inkwistjoni direttament mill-awtorità nazzjonali li ħadet ħsieb it-tħejjija tiegħu. Fil-każ Dalmine vs Il-Kummissjoni, il-Kummissjoni kienet, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, awtorizzata li tuża bħala prova dawk il-verbali, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-qorti nazzjonali li kienet iddikjarat l-illegalità tat-trażmissjoni tagħhom lill-Kummissjoni ( 99 ). Iżda f’dan il-każ, fin-nuqqas ta’ trażmissjoni diretta tar-rapport tal-FBI min-naħa tal-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti, in-nuqqas ta’ deċiżjoni analoga ta’ qorti tal-Istati Uniti ma jistax ikollha rilevanza. Il-konsultazzjoni tal-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti dwar il-konformità mad-dritt tal-Istati Uniti tal-użu tad-dokument min-naħa tal-Kummissjoni kien obbligatorju għaliha proprju biex tikseb għall-anqas l-ewwel deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għalkemm din ma tkunx ta’ natura ġudizzjarja.

144.

Għar-raġunijiet imsemmijin fil-punti 121 et seq iktar ’il fuq, jiena tal-fehma, għalhekk, li jekk jiġi deċiż li huwa infondat l-ewwel aggravju, is-sentenza appellata għandha titħassar fil-parti fejn ċaħdet l-ilmenti, ibbażati fuq il-ksur ta’ garanziji proċedurali, li għamlet l-appellanti kontra l-użu min-naħa tal-Kummissjoni tar-rapport tal-FBI għall-finijiet ta’ prova li ADM kienet mexxej fl-akkordju.

E — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk il-Kummissjoni tistax tuża r-rapport tal-FBI bħala prova fir-rigward li l-appellanti kienet mexxej tal-akkordju

145.

Diġà għedt fil-punt 141 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni ma setgħetx legalment tuża bħala prova r-rapport tal-FBI mingħajr ma l-ewwel tikseb mill-impriża li tatulha u mill-awtoritajiet antitrust tal-Istati Uniti l-kjarifikazzjonijiet meħtieġa biex tiġi aċċertata s-sistema ġuridika ta’ dak id-dokument mil-lat tal-kunfidenzjalità. Għandu jiġi milqugħ, fil-fehma tiegħi, il-motiv tar-rikors tal-ewwel istanza dwar il-ksur ta’ garanziji proċedurali, fil-parti fejn huwa bbażat fuq l-inkompatibbiltà bejn l-użu bħala prova ta’ dak ir-rapport min-naħa tal-Kummissjoni u t-trattament kunfidenzjali żgurat fil-konfront tiegħu mill-awtorità msemmija iktar ’il fuq.

F — Fuq l-aggravji (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames) dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar

146.

Bi tliet aggravji differenti l-appellanti tilmenta fuq il-kunsiderazzjonjijiet li wasslu lill-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonkludi li, kuntrarjament għal dak li sostniet fl-ewwel istanza, il-Kummissjoni ma kkommettietx żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar dwar ir-rwol li kellu l-ex rappreżentant ta’ ADM fl-akkordju.

147.

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti biex tivverifika l-fatti u lanqas, fil-prinċipju, li teżamina l-provi li fuqhom il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-verifika tagħha ta’ dawk il-fatti. Ladarba dawk il-provi nkisbu regolarment u li l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura dwar l-oneru u l-produzzjoni tal-prova ġew irrispettati, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi fuq il-valur li għandu jingħata lill-elementi li ġew prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni mhijiex, ħlief fil-każ ta’ distorsjoni, ta’ dawn l-elementi, kwistjoni ta’ dritt suġġetta bħala tali għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 100 ).

148.

Madankollu, fl-ewwel aggravju minn dawn, l-appellanti tilmenta li kien hemm distorsjoni ta’ element ta’ prova, ir-rapport tal-FBI. Fil-fehma tagħha, b’differenza minn dak li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet fil-punt 288 tas-sentenza appellata, dan ir-rapport xejn ma jikkorrobora d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar fejn l-ex-rappreżentant ta’ ADM kellu rwol ta’ mexxej fl-akkordju, billi kien imexxi l-laqgħa “Sherpa”, jipprepara l-argumenti u jressaq il-proposti fuq il-listi tal-prezzijiet għall-approvazzjoni. Fl-aħħar ta’ dak ir-rapport, kien rappreżentant differenti ta’ ADM li kellu rwol attiv b’mod partikolari fil-kuntest tal-akkordju.

149.

Ma jidhirlix li dan l-aggravju għandu jiġi milqugħ. L-ewwel nett, kif osservat il-Kummissjoni, fil-punt 288 tas-sentenza appellata mhuwiex indikat li r-rapport tal-FBI fuq din il-kwistjoni jikkorrobora d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, imma sempliċement hemm koerenza bejn iż-żewġ dokumenti. Barra minn hekk, din il-konstatazzjoni saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest tal-eżami tal-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, li kienet tikkuntrasta ma’ dak li ddikjara l-ex rappreżentant ta’ ADM lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li kienet iktar kredibbli d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar mhux biss għaliex din kienet koerenti mar-rapport tal-FBI, imma wkoll għaliex kien aċċettat li Cerestar ma kellhiex rwol attiv fi ħdan l-akkordju u għaliex id-dikjarazzjonijiet tal-ex rappreżentant ta’ ADM lill-Kummissjoni kienu ngħataw “in tempore suspecto” ( 101 ). L-appellanti ma tagħmilx ilment kontra dawn l-argumenti ulterjuri tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

150.

Bit-tieni minn dawn l-aggravji msemmijin, l-appellanti tilmenta minn nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fil-parti fejn tiċħad l-argument fejn hija sostniet li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar fuq ir-rwol li kellu l-ex rappreżentant ta’ ADM fil-laqgħat “Sherpa” ma kinitx kredibbli billi Cerestar ma setgħet tindividwa l-ebda waħda minn dawn il-laqgħat u lanqas tagħti dettalji fuq is-suġġett tagħhom.

151.

Jidhirli li anki dan l-aggravju għandu jiġi miċħud. Il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 289 tas-sentenza appellata, fis-sustanza wriet li l-fatt li ma setgħetx tagħti dettalji fuq xi wħud mil-laqgħat tal-akkordju ma kienx tali li jżomm lil Cerestar milli tindika li dawk il-laqgħat kienu organizzati u mmexxijin mill-ex rappreżentant ta’ ADM.

152.

Fl-aħħar nett, bit-tielet minn dawn l-aggravji msemmijin iktar ’il fuq l-appellanti ssostni li fil-punt 290 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ħażin li hija ma setgħetx tikkontesta fil-proċedura ġudizzjarja l-eżattezza tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar billi dan ma għamlitux matul il-proċedura amministrattiva. Madankollu naqbel mal-Kummissjoni li dan l-ilment huwa żbaljat għaliex tingħata interpretazzjoni ħażina b’mod ċar ta’ dan il-punt, fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza, mhux talli ċaħdet id-drittijiet tal-appellanti imma qalet biss li d-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar kellha tingħata “valur probatorju akbar” minn dak tad-dikjarazzjoni tal-ex rappreżentant ta’ ADM u b’hekk ma setgħetx tikkonkludi mis-sempliċi inkompatibbiltà bejn iż-żewġ dikjarazzjonijiet l-ineżattezza tal-ewwel waħda.

153.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-aggravji dwar id-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar għandhom jiġu miċħudin.

G — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk il-Kummissjoni wrietx biżżejjed ir-rwol ta’ mexxej li ADM kellha fl-akkordju

154.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet li għamilt dwar l-użu min-naħa tal-Kummissjoni tar-rapport tal-FBI għall-finijiet ta’ prova li ADM kienet ikkunsidrata mexxej tal-impriża li, billi dan l-użu kien illegali, il-Kummissjoni, fl-evalwazzjoni tar-rwol li kellha ADM, ma kellhiex tqis iċ-ċirkustanzi fattwali msemmijin fil-premessa 265 tad-deċiżjoni kkontestata li rriżultaw biss minn dak ir-rapport.

155.

Għalhekk jeħtieġ jiġi vverifikat, fil-kuntest tal-eżami tar-rikors mid-deċiżjoni kkontestata li nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tara b’applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha, u wara li jitqiesu l-osservazzjonijiet li fformulajt fil-punti 57 sa 59 iktar ’il fuq, jekk jistax jiġi ġġustifikat li ADM titqies bħala mexxej tal-ftehim abbażi biss taċ-ċirkustanzi indikati fil-premessa 266 tad-deċiżjoni u msemmijin fid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar. Infakkar bl-“impressjoni” ta’ Cerestar li l-ex rappreżentant ta’ ADM kellu rwol ta’ mexxej u l-fatt li dan kien imexxi l-laqgħat “Sherpa” u kien jieħu ħsieb “jipprepara l-argumenti u jressaq il-proposti fuq listi tal-prezzijiet għall-approvazzjoni”.

156.

Fil-fehma tiegħi, ma jista’ jingħata l-ebda valur partikolari għall-“impressjoni” imsemmija iktar ’il fuq ta’ Cerestar ikkunsidrata fiha nnifisiha billi meta impriża tissejjaħ mexxej ta’ kartell għandha tkun ibbażata fuq fatti konkreti u mhux fuq impressjonijiet jew ġudizzji ta’ parteċipanti oħrajn fil-kartell. Dwar il-fatti konkreti, jidher li l-presidenza tal-laqgħat “Sherpa” u l-preparazzjoni ta’ argumenti u proposti min-naħa tal-ex-rappreżentant ta’ ADM jekk juru li l-appellanti kellha rwol attiv fil-kuntest tal-akkordju, madankollu mhumiex biżżejjed biex jipprovdu bażi għal deċiżjoni li kienet mexxej. Huwa aċċettat li d-deċiżjonijiet importanti tal-kartell ittieħdu fil-kuntest tal-laqgħat “Masters” li kien ikollhom diretturi iktar għoljin fil-ġerarkija, u li dawn il-laqgħat, kif qalet Cerestar, kienu ppreseduti ġeneralment mir-rappreżentanti ta’ Hoffmann-La Roche u Jungbunzlauer mingħajr ma din tal-aħħar tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mexxej tal-kartell. Mill-istess dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar jirriżulta li l-ex rappreżentant ta’ ADM meta kien imexxi l-laqgħat “Sherpa”, “kien regolarment jagħti rendikont tal-akkordji magħmulin fil-laqgħat ‘Masters’” ( 102 ). Barra minn hekk, l-istess Kummissjoni rrilevat fil-premessa 273 tad-deċiżjoni kkontestata, li “membri oħrajn tal-kartell ukoll għamlu attivitajiet li s-soltu huma assoċjati mar-rwol ta’ min imexxi, bħall-presidenza tal-laqgħat, iċ-ċentralizzazzjoni tal-ġbir tad-data u d-distribuzzjoni tagħhom”.

157.

Għalhekk jidhirli li ma jistax jingħad li ġie ppruvat b’mod sodisfaċenti li ADM kienet leader fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku.

158.

Għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja li telimina ż-żieda ta’ 35% tal-ammont bażiku tal-multa tal-appellanti li applikat il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

H — Fuq is-sitt aggravju, dwar in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ ċirkustanza attenwanti fir-rigward tal-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju sa mill-ewwel interventi tal-awtorità antitrust tal-Istati Uniti

1. Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

159.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti lmentat li l-Kummissjoni ma ħallithiex tibbenefika miċ-ċirkustanza attenwanti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, jiġifieri li “temmet l-attivitajiet illegali sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni (partikolarment fl-istadju tal-aċċertamenti)”. Hija enfasizzat li kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku immedjatament wara t-tfittxija magħmula mill-FBI fil-postijiet tagħha fl-Istati Uniti f’Ġunju tal-1995 ( 103 ), u l-appellanti kienet sostniet li n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ din iċ-ċirkustanza attenwanti min-naħa tal-Kummissjoni kienet tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll, il-Kummissjoni billi ħadet deċiżjoni bil-maqlub f’każ preċedenti li kellu ċirkustanzi analogi, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament.

160.

B’motivazzjoni artikolata li esponiet fil-punti 331 sa 346 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet iż-żewġ ilmenti.

161.

L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza dehrilha li d-“dispożizzjoni li tinsab fit-tielet inċiż tal-punt 3, tal-linji gwida, tiġi interpretata b’mod restrittiv, b’mod li din ma tmurx kontra l-effettività ta’ l-Artikolu 81(1) KE”. Interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bbażata fuq analiżi purament letterali “tista’ tagħti l-impressjoni li, b’mod ġenerali u mingħajr riżerva, għal min iwettaq il-ksur, il-fatt biss li jwaqqaf kull ksur mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti”, li “tnaqqas l-effett utli tad-dispożizzjonijiet li jippermettu ż-żamma ta’ kompetizzjoni effikaċi, peress li ddgħajjef kemm is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta wara li jkun hemm ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, huwa l-effett dissważiv ta’ tali sanzjoni”. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, “il-waqfien minn ksur biss wara l-intervent tal-Kummissjoni mhuwiex assimilat mill-merti li jirriżultaw minn inizjattiva awtonoma ta’ min iwettaq il-ksur, iżda jikkostitwixxu reazzjoni approprjata u normali għall-imsemmi intervent” billi “twassal biss għal ritorn minn min iwettaq il-ksur għal komportament leċitu”. “Għaldaqstant, hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi interpretata fis-sens li huma biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ ikkonċernat, li fihom l-ipoteżi tal-waqfien mill-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni tikkonkretizza ruħha, li jistgħu jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni ta’ din l-aħħar ċirkustanza bħala ċirkustanza attenwanti” ( 104 ).

162.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, “fil-kuntest partikolari tal-każ ikkonċernat”, “il-fatt li ADM [kienet] temmet il-ksur wara l-ewwel intervent minn awtorità tal-kompetizzjoni ma [kienx jikkostitwixxi] ċirkustanza attenwanti”, billi kien hemm “akkordju sigriet li għandu bħala għan l-iffissar tal-prezzijiet u diviżjoni tas-swieq”, ma kienx hemm “dubju li dan il-ksur seħħ intenzjonalment mill-partijiet ikkonċernati” ( 105 ).

163.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li “l-fatt waħdu li l-Kummissjoni evalwat imġiba ta’ ċerta manjiera, fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha, ma jfissirx li hija obbligata li tagħmel l-istess evalwazzjoni meta tiġi biex tadotta deċiżjoni ulterjuri” u, madankollu, il-preċedent invokat mill-appellanti ma kienx tali li jpoġġi f’dubju l-analiżi li hija għamlet billi ttraduċiet biss evalwazzjoni tal-Kummissjoni ( 106 ).

2. L-argumenti tal-partijiet

164.

B’dan l-aggravju l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, bil-kunsiderazzjonijiet imsemmijin iktar ’il fuq, kisret il-prinċipju li bih il-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta r-regoli li hija stess timponi jew, fin-nuqqas, li tindika r-raġunijiet għaliex ma tapplikahomx. L-appellanti tressaq diversi argumenti li bihom fis-sustanza hija:

tilmenta dwar l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza lit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, fejn ħawdet obbligu veru u proprju ma’ sempliċi fakultà tal-Kummissjoni li tnaqqas l-ammont tal-multa fil-każ li jieqaf il-ksur mill-ewwel interventi tagħha;

fi kwalunkwe każ toġġezzjona fil-konfront tal-Qorti tal-Prim’Istanza li ma ddikjaratx li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tindika r-raġunijiet għaliex ma kinitx fi ħsiebha teżerċita fil-każ partikolari l-poter tagħha li tevalwa jekk il-waqfien mill-parteċipazzjoni fl-akkordju wara l-ewwel intervent tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kiex jiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa.

165.

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat fil-fond l-ilmenti tal-appellanti, intepretat b’mod korrett id-dipożizzjoni tal-linji gwida inkwistjoni u evalwat b’mod korrett iċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari biex ikkonkludiet, bir-raġun. li l-waqfien tal-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju sa mit-tfittix magħmul mill-FBI fil-postijiet tagħha ma kienx jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti.

3. Kunsiderazzjonijiet

166.

Ngħid mal-ewwel li naqbel mal-idea, bħal tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess, li l-waqfien mill-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju sigriet manifestament illegali ma jikkostitwixxix ċirkustanza li tnaqqas b’mod sinjifikattiv il-gravità tal-ksur u għandha b’hekk tiġi kkumpensata bi tnaqqis tal-ammont tal-multa ( 107 ).

167.

Iżda ma naqbilx ( 108 ) mar-raġunament li bih il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-ilment tal-appellanti dwar ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba fin-nuqqas ta’ għoti taċ-ċirkustanza attenwanti inkwistjoni. B’mod partikolari jiena tal-fehma li l-appellanti bir-raġun ilmentat li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet interpretat ħażin it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida.

168.

Kif ġie rikonoxxut fil-punt 335 tas-sentenza appellata, is-sinjifikat letterali ta’ dik id-dispożizzjoni huwa fis-sens li s-sempliċi fatt li min jagħmel il-ksur jieqaf milli jikkommettih sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti. L-ebda element tad-dispożizzjoni ma tħalli lok għal distinzjoni jew applikazzjoni tal-benefiċċju inkwistjoni “f’ċirkustanzi partikolari biss”. Min-naħa l-oħra huwa biss fil-linji gwida l-ġodda tal-2006 ( 109 ) li l-Kummissjoni, bl-integrazzjoni tal-formulazzjoni adottata fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, indikat li ċ-ċirkustanza attenwanti li ġabet fit-tmiem l-attivitajiet illegali immedjatament wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni “ma tapplikax għall-akkordji jew għall-prattiki ta’ natura sigrieta (partikolarment il-kartelli)”.

169.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza warrbet it-tieni kriterju li in claris non fit interpretatio u ddeċidiet li kellha tilqa’ interpretazzjoni restrittiva tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida biex ikun applikabbli biss f’“ċirkustanzi partikolari”, u invokat il-fatt li “r-rikonoxximent tal-waqfien minn ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti hi ta’ ħsara inġustifikata għall-effettività tal-Artikolu 81(1) KE, minħabba t-tnaqqis kemm tas-sanzjoni kif ukoll tal-effett dissważiv tas-sanzjoni.”

170.

Jidhirli li din id-deċiżjoni hija sfurzata. Apparti l-fatt li l-Artikolu 81(1) KE bħala tali ma jistabbilixxi l-ebda sanzjoni, imma projbizzjoni biss, ma narax kif ir-rikonoxximent fil-prinċipju ta’ ċirkustanza attenwanti bħal din tista’ saħansitra tikkomprometti l-effett utli ta’ dak l-Artikolu — jew tal-Artikoli 83 KE u 15 tar-Regolament Nru 17 li jikkuntemplaw l-impożizzjoni ta’ multi — billi d-daqs tat-tnaqqis ta’ multa li jirriżulta jista’ jiġi adattat skont il-karatteristiċi tal-każ partikolari u jkun ukoll baxx u b’hekk mhux tali li jaffettwa l-effett dissważiv tal-multa.

171.

Għandu jiġi osservat li l-linji gwida ma jikkuntemplawx fost iċ-ċirkustanzi aggravanti taħt il-punt 2 it-tkomplija tal-ksur wara l-ewwel interventi tal-Kummissjoni. Għalhekk huwa possibbli li wieħed jaħseb li l-linji gwida riedu jiddistingwu t-trattament ta’ impriżi parteċipanti f’akkordju pprojbit li jirreaġixxu b’mod differenti fl-intervent tal-Kummissjoni — uħud jieqfu, l-oħrajn jikkommettu l-ksur — permezz ta’ premju (tnaqqis ta’ multa) li jingħata fl-ewwel każ minflok pieni (żieda fil-multa) li tingħata fit-tieni.

172.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida f’sens li jibqa’ jżomm is-sinjifikat letterali tiegħu, kif trid l-appellanti, ma jfissirx li jiġi rikonoxxut li l-Kummissjoni obbligat ruħha li tikkunsidra fi kwalunkwe każ is-sempliċi waqfien tal-ksur sa mill-ewwel interventi tagħha bħala ċirkustanza attenwanti. Fil-fatt l-appellanti għandha raġun tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tista’ ma ssegwix il-linji gwida bil-kundizzjoni li ssemmi r-raġunijiet li jwassluha għal dan u dawn għandhom ikunu kumpatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza ( 110 ).

173.

Għalhekk nikkunsidra li t-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jista’ jiġi intepretat fis-sens li l-waqfien tal-ksur sa minn dawk l-interventi huwa fil-prinċipju — u għalhekk mhux biss f’ċirkustanzi partikolari, kif jingħad fis-sentenza appellata — ikkumpensat bi tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

174.

Iżda din l-interpretazzjoni ma tfissirx li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha bilfors tirrikonoxxi favur l-appellanti ċ-ċirkustanza attenwanti skont id-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq u b’hekk tagħtiha tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa.

175.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza billi għandha kompetenza ġudizzjarja bis-saħħa tal-Artikoli 229 KE u 17 tar-Regolament Nru 17 dwar il-multi imposti skont dak ir-regolament, hija għandha “l-kapaċità, li tmur lil hinn minn stħarriġ semplici fuq il-legalità tal-penali, izda li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu b’dik tal-Kummissjoni” u tista’ tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa imposta mill-Kummissjoni meta l-problema ta’ dak l-ammont jiġi sottomess għall-kunsiderazzjoni tagħha ( 111 ). Għaldaqstant kif diġà sostna l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-kawża JCB Service vs Il-Kummissjoni ( 112 ), il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta bil-linji gwida.

176.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet b’hekk tiċħad il-pretenzjoni tal-appellanti billi tuża l-argumenti msemmijin fil-punti 336, 340 u 341 tas-sentenza appellata — li nikkunsidra li jista’ jkun hemm qbil sħiħ dwarhom ( 113 ) u li, fis-sustanza, huma bbażati fuq l-idea li l-waqfien tal-ksur li l-karattru tiegħu huwa manifestament illegali hija reazzjoni “approprjata u normali” għall-intervent tal-Kummissjoni — iżda fil-kuntest ta’ evalwazzjoni magħmula mil-lat tal-opportunità, li tippermetti għażliet meħudin fil-kuntest tad-diskrezzjoni mogħtija mil-leġiżlatur Komunitarju lil qorti.

177.

Għalhekk dan l-aggravju għandu jiġi milqugħ safejn jgħid li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball tad-dritt fl-interpretazzjoni tal-linji gwida. Is-sentenza appellata għandha titħassar fuq dan il-punt. Billi l-istat tal-atti jippermettih, l-ilment tal-appellanti fl-ewwel istanza jista’ jerġa’ jiġi eżaminat, u fil-fehma tiegħi, għandu jiġi miċħud, mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-kompetenza ġudizzjarja fil-mertu li hija għandha meta tiddeċiedi b’mod definittiv fuq il-kwistjoni skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut ( 114 ).

I — Fuq id-disa’ aggravju dwar l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq

1. Kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

178.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti kienet sostniet, b’diversi lmenti, li l-Kummissjoni ma kinitx ippruvat biżżejjed li, kif ġie ddikjarat fid-deċiżjoni kkontestata fl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 1A tal-linji gwida ( 115 ), l-akkordju aċċertat kellu impatt konkret fuq is-suq. Fl-att tal-appell hija tikkritika biss, fuq dan il-punt, l-evalwazzjonijiet li bihom il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 198 sa 203 tas-sentenza appellata, ċaħdet l-argument tagħha fejn dan l-impatt ma setax jitqies ippruvat billi l-Kummissjoni ma kinitx individwat qabel is-suq tal-prodott rilevanti. L-appellanti kienet iddeduċiet li din l-individwazzjoni kienet obbligatorja fil-kuntest ta’ analiżi maħsuba biex taċċerta l-effetti tal-akkordju għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, billi jintwera li fid-deċiżjoni kkontestata ma kien hemm l-ebda konklużjoni fejn l-aċidu ċitriku kien jikkostitwixxi s-suq tal-prodott rilevanti ( 116 ).

179.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan l-argument essenzjalment abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet:

“198

L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma analizzatx jekk is-suq tal-prodott ikkonċernat kellux jiġi limitat għall-aċidu ċitriku jew jekk kellux jitqies, bħal ma ssostni ADM, b’mod iżjed wiesa’, li jiġbor fih il-prodotti ta’ sostituzzjoni tiegħu. Taħt it-titoli “Il-prodott ikkonċernat” […] u “Is-suq ta’ l-aċidu ċitriku” […], il-Kummissjoni ddeskriviet biss id-diversi applikazzjonijiet ta’ l-aċidu ċitriku kif ukoll il-volum fis-suq ta’ l-aċidu ċitriku.

199

Issa, fir-rapport tal-esperti li ADM għaddiet lill-Kummissjoni waqt il-proċedura amministrattiva, is-suq ta’ prodotti kkonċernati huwa analizzat u ddefinit bħala iżjed vast, li jiġbor fih prodotti sostituttivi, bħall-fosfati u l-aċidi minerali. Madankollu, fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma eżaminatx l-argumenti ta’ ADM li kienu jirrigwardaw il-bżonn li ssir definizzjoni iżjed wiesgħa tas-suq tal-prodott rilevanti.

200

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument ta’ ADM jista’ jkollu riżultat pożittiv biss jekk juri li, jekk il-Kummissjoni kienet iddefinixxiet is-suq ta’ prodotti kkonċernati b’konformità mal-affermazzjonijiet ta’ ADM, hija kellha tikkonstata li l-ksur ma kellux impatt fuq is-suq iddefinit bħala dak ta’ l-aċidu ċitriku u tas-sostituti tiegħu […].

201

Issa, fir-rigward ta’ l-analiżi ta’ l-evoluzzjoni tal-prezzijiet u tal-kwoti tal-bejgħ, magħmula mill-Kummissjoni fil-punti 213 et seq. tad-Deċiżjoni, ADM ma rnexxiliex tipprova u l-anqas tgħaddi xi elementi li, flimkien, jikkostitwixxu faxxa ta’ provi li juru, bi probabbiltà raġonevoli, li l-impatt ta’ l-akkordju relatat ma’ l-aċidu ċitriku fuq is-suq iżjed wiesa’ li jinkludi s-sostituti ta’ l-aċidu ċitriku kien ineżistenti jew, għall-inqas, irrilevanti. Anki fir-rapport ta’ l-esperti, meta dan jgħid li s-suq għandu jiġi ddefinit b’mod iżjed wiesa’, l-analiżi fir-rigward ta’ l-allegat nuqqas ta’ influwenza ta’ l-akkordju fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet huwa limitat biss għas-suq ta’ l-aċidu ċitriku”.

2. L-argumenti tal-partijiet

180.

Fl-att tal-appell l-appellanti tiddeduċi li, la ġie kkonstatat bir-raġun, fil-punt 198 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx iddefiniet is-suq tal-prodott rilevanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħetx tasal għal konklużjoni li l-Kummissjoni kienet ippruvat li l-akkordju kellu effetti fuq is-suq. L-appellanti ssostni li d-definizzjoni tas-suq rilevanti hija indispensabbli għall-finijiet tal-verifika tal-effetti ta’ akkordju, u enfasizzat b’mod partikolari li ftehim fuq prezzijiet ta’ prodott ma jistax ikollu effetti jekk il-konsumaturi jistgħu jorjentaw id-domanda tagħhom lejn prodotti sostituti u li żieda ġġeneralizzata tal-prezzijiet jew tad-domanda ta’ dawn tal-aħħar tista’ tiddetermina żieda tal-prezz tal-prodott li dwaru jkollu x’jaqsam l-akkordju immaterjalment minn dan tal-aħħar. Il-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidrat li l-appellanti kienet obbligata turi li, jekk is-suq kellu jkun definit kif ipprospettat l-appellanti, il-Kummissjoni kellha tikkonstata li l-ksur ma kellux impatt fuq dan is-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’mod żbaljat poġġiet fuq l-appellanti l-oneru tal-prova skont l-effetti ta’ akkordju mentri dan kien obbligu tal-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju li l-Kummissjoni għandha tirrispetta r-regoli bħal dawk tal-linji gwida li imponiet fuqha innifisha. Billi ma ntwerewx l-effetti tal-akkordju fuq is-suq, l-ammont tal-multa għandu għaldaqstant, jitnaqqas.

181.

Billi ppremettiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddikjaratx li fid-deċiżjoni kkontestata kienet tonqos id-definizzjoni ta’ suq, il-Kummissjoni teskludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkommettiet żball dwar l-oneru tal-prova u tqis li b’dan l-aggravju l-appellanti fil-verità qed tipprova tikseb mill-Qorti tal-Ġustizzja l-eżami ta’ kwistjoni ta’ fatt li għaliha ma pprovdietx il-prova meħtieġa matul kawża fl-ewwel istanza. Fis-seduta, ir-rappreżentant tagħha żied jgħid li, fi kwalunkwe każ, l-analiżi tas-suq tal-prodott rilevanti ma kinitx meħtieġa f’dan il-każ partikolari.

3. Kunsiderazzjonijiet

182.

L-ewwel nett ta’ min jirrileva li fid-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti l-appellanti tifhem l-operazzjoni magħrufa sewwa ta’ identifikazzjoni tal-kumpless tal-prodotti jew servizzi li, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment xierqa biex jissodisfaw l-eżiġenzi kostanti u mhux faċli li jinbidlu ma’ prodotti oħrajn ( 117 ). Din hija operazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel meta tapplika l-Artikoli 81 KE u 82 KE u ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet ta’ daqs Komunitarju. Din hija operazzjoni li, flimkien mal-individwazzjoni tas-suq ġeografiku rilevanti, tippermetti li tiġi ddeterminata l-pressjoni kompetittiva li jkollhom l-impriżi kkonċernati minn aġir partikolari fis-suq jew minn konċentrazzjoni u li b’hekk jiġi evalwat il-poter tagħhom fis-suq.

183.

Kif tfakkar l-istess Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha fuq id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni ( 118 ), “il-kunċett ta’ suq rilevanti huwa differenti minn nozjonijiet oħrajn tas-suq li ta’ spiss jintużaw f’kuntesti oħrajn. Pereżempju l-impriżi jużaw b’mod frekwenti l-kelma ‘suq’ biex jindikaw iż-żona fejn ibiegħu l-prodotti tagħhom jew biex jindikaw ġenerikament is-settur jew il-qasam industrijali li jagħmlu magħhom”. Tista’ ssir referenza ġenerika wkoll għas-suq ta’ prodott (pereżempju l-aċidu ċitriku) kif ukoll għall-qasam fejn ikun hemm id-domanda u l-offerta ta’ dak il-prodott, immaterjalment mill-fatt li jistgħu jeżistu prodotti li jistgħu jinbidlu miegħu li d-domanda u l-offerta tagħhom jistgħu jinteraġixxu mad-domanda u l-offerta ta’ dak il-prodott. Huwa għall-kunċett ta’ suq tal-prodott rilevanti deskritt fil-punt preċedenti, ikkuntrastat mal-kunċetti ta’ suq tal-prodott f’sens ġeneriku, li qed nirreferi meta nitkellem fuq suq tal-prodott rilevanti.

184.

L-ilment tal-appellanti ħeġġeġ lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tiddeċiedi l-kwistjoni jekk evalwazzjoni tal-effetti ta’ akkordju pprojbit mill-Artikolu 81 KE fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur tippreżupponix bilfors definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti jew jekk tistax issir b’referenza għall-prodott biss tal-akkordju, jiġifieri immaterjalment mill-eżistenza ta’ prodotti oħrajn li eventwalment jistgħu jinbidlu miegħu mil-lat tal-konsumaturi.

185.

Dan l-aggravju jinħoloq mill-idea li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat in-nuqqas fid-deċiżjoni kkontestata ta’ definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti u li fis-sustanza ddeċidiet ħażin li dik id-definizzjoni ma kinitx meħtieġa f’dan il-każ għall-finijiet ta’ evalwazzjoni tal-impatt tal-akkordju fis-suq.

186.

Għalkemm il-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex ċarissimi fuq il-punt u l-Kummissjoni tosserva li hija ma sabithiex responsabbli li naqset milli tiddefinixxi suq, nikkunsidra li jirriżulta ċar biżżejjed mill-punti 198 sa 199 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni limitat ruħha li tikkunsidra l-prodott aċidu ċitriku mingħajr ma interessat ruħha li tivverifika s-sostitwibbiltà ma’ prodotti oħrajn. Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirreferi għas-“suq tal-aċidu ċitriku” ma jistax ifisser li l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li l-Kummissjoni kienet ħadet ħsieb tiddefinixxi s-suq tal-prodott rilevanti.

187.

Barra minn hekk, l-istess Kummissjoni, jekk fir-risposta ppreżentata fl-ewwel istanza kienet irrilevat li d-deċiżjoni kkontestata “tindika b’mod ċar li s-suq tal-prodott li kellu jiġi kkunsidrat kien dak tal-aċidu ċitriku” ( 119 ), fir-risposta għad-domandi bil-miktub li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li b’dak l-argument ma riditx issostni li għamlet “analiżi estensiva u ddettaljata tas-suq tal-prodott rilevanti” ( 120 ) kif intiż fil-komunikazzjoni ċċittata fil-punt 183 iktar ’il fuq, billi ma kienx meħtieġ għall-finijiet ta’ dan il-każ li jiġu eżaminati s-sostituti kollha possibbli tal-aċidu ċitriku. Barra minn dan, fir-risposta msemmija iktar ’il fuq il-Kummissjoni żiedet tgħid li fid-deċiżjoni kkontestata kienet sempliċement “iddeskriviet il-prodotti kkonċernati mill-kartell” kif ukoll l-offerta u d-domanda għal dawn il-prodotti” ( 121 ) u din hija dikjarazzjoni tali li teskludi li hija għamlet xi forma ta’ analiżi tas-suq tal-prodott rilevanti.

188.

Għaldaqstant, nikkunsidra li l-appellanti ma għandhiex tort meta ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċertat li l-Kummissjoni ma ħasbitx biex tiddefinixxi s-suq tal-prodott rilevanti, imma llimitat ruħha biex tikkunsidra l-prodott tal-aċidu ċitriku u s-suq relattiv f’sens ġeneriku.

189.

Jekk l-argument tal-appellanti jinstab li huwa fondat jiġifieri li hija dejjem meħtieġa definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti biex jista’ jiġi aċċertat l-impatt konkret ta’ akkordju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-infrazzjoni, ikollha raġun l-appellanti li ssostni fl-att tal-appell li r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 200 sa 201 tas-sentenza appellata jittrasferixxi indebitament fuq l-appellanti oneru ta’ prova li minflok qiegħed fuq il-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni kellha tiddefinixxi s-suq tal-prodott rilevanti u dan ma għamlitux, billi interessat lilha nnifisha biss fil-prodott aċidu ċitiku mingħajr ma qieset is-sostitwibbiltà tiegħu ma’ prodotti oħrajn, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma setgħet tagħmel xejn ħlief taċċerta ruħha min-nuqqas tal-Kummissjoni u ma kellhiex titlob lill-appellanti turi li, fis-suq rilevanti ddefinit kif kienet issuġġeriet din tal-aħħar, l-akkordju ma kienx ikollu impatt.

190.

Dan l-aggravju jqajjem għalhekk kwistjoni ta’ dritt u ma jpoġġix fid-dubju l-evalwazzjoni tal-fatti li ssir mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Għalhekk huwa ammissibbli.

191.

Dwar il-mertu, inqis li l-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sustanza jistgħu jiġu milqugħa.

192.

Jidher li ma għandu l-ebda konsegwenza prattika l-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet eżaminat l-ilment tal-appellanti bħala li kien maħsub biex tiġi kkunsidrata żbaljata definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti ( 122 ), meta fil-verità kienet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dak is-suq. Il-Qorti tal-Prim’Istanza telqet mill-idea li n-nuqqas ta’ analiżi min-naħa tal-Kummissjoni tas-sostitwibbiltà bejn l-aċidu ċitriku u prodotti oħrajn fil-prattika spiċċa fil-kunsiderazzjoni ta’ suq rilevanti limitat għall-aċidu ċitriku, meta l-appellanti kienet tikkunsidrah iktar wiesa’. Iżda, l-ilment li qajmet l-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kien ibbażat fuq l-idea li l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat l-aċidu ċitriku bħala suq tal-prodott f’sens ġeneriku biss. Madankollu, fis-sustanza din id-differenza fil-perspettiva, fil-prattika mhijiex importanti billi dak li l-appellanti qed tilmenta fuqu huwa essenzjalment il-fatt li, minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti, il-Kummissjoni ma vverifikatx l-effetti tal-akkordju fuq dak li, fil-fehma tagħha, kien is-suq tal-prodott rilevanti, jiġifieri suq komprensiv mhux biss tal-aċidu ċitriku, imma ta’ prodotti oħrajn ukoll.

193.

Nikkunsidra, flimkien mal-Kummissjoni, li huwa mingħajr bażi l-argument tal-appellanti li jgħid li biex jista’ jiġi aċċertat l-impatt konkret ta’ akkordju fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, hija dejjem meħtieġa d-definizzjoni tas-suq tal-prodott rilevanti.

194.

L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li mhux l-evalwazzjonijiet kollha li l-Kummissjoni hija meħtieġa tagħmel fl-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattat KE fuq il-kompetizzjoni jippreżupponu li qabel ġie ddefinit suq rilevanti.

195.

Id-definizzjoni tas-suq rilevanti hija, pereżempju indispensabbli, kif inhu magħruf, biex tiġi aċċertata pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE ( 123 ).

196.

Dwar l-Artikolu 81 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “d-definizzjoni tas-suq rilevanti, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat (li sar l-Artikolu 81(1) KE), għandha l-uniku għan li jiġi determinat jekk il-ftehim inkwistjoni jistax jippreġudika l-kummerċ bejn l-Istati Membri u għandu bħala suġġett jew effett li jimpedixxi jirrestrinġi jew jagħmel distorsjoni fil-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni” ( 124 ). Barra minn dan, kif ġie ċċarat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-obbligu li jkun hemm definizzjoni tas-suq rilevanti f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 81 KE mhuwiex assolut, imma huwa impost fuq il-Kummissjoni “biss meta, mingħajr din id-definizzjoni, ma jkunx possibbli li jiġi stabbilit jekk [l-akkordju inkwistjoni] jistax jolqot l-iskambji fost l-Istati Membri u jkollu bħala s-suġġett jew effett li jimpedixxi jirrestrinġi jew jagħmel distorsjoni fil-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni” ( 125 ).

197.

Id-definizzjoni tas-suq rilevanti tidher li hija meħtieġa wkoll biex jiġi vverifikat jekk hijiex sodisfatta f’każ partikolari l-kundizzjoni taħt l-Artikolu 81(3)(b) KE ( 126 ), filwaqt li mhijiex biex jiġi vverifikat jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra taħt l-Artikolu 81(3) KE ( 127 ).

198.

Anki fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-gravità ta’ ksur, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni fuq il-ħtieġa ta’ definizzjoni minn qabel tas-suq rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni speċifika li trid ssir.

199.

Billi din hija evalwazzjoni tal-impatt konkret ta’ akkordju ma jidhirlix li, għall-finijiet tal-verifika jekk akkordju kellux impatt simili, jeħtieġ li f’kwalunkwe każ il-Kummissjoni tiddelimita minn qabel is-suq rilevanti.

200.

F’dan il-każ partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-akkordju kellu effetti fuq il-prezzijiet tal-aċidu ċitriku. L-ilmenti li għamlet l-appellanti kontra dak l-aċċertament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza ġew miċħudin minnha bil-kunsiderazzjonijiet, mogħtija fil-punti 152 sa 168 u 180 sa 193 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati fl-att tal-appell. Dawn l-effetti jistgħu għalhekk jiġu kkonsidrati b’mod definittiv bħala aċċertati.

201.

Anki jekk jiġi ammess li s-suq tal-prodott rilevanti jinkludi fil-każ partikolari prodotti oħrajn minbarra l-aċidu ċitriku, jibqa’ l-fatt li l-akkordju kien ikollu effetti tal-anqas fuq settur ta’ dan is-suq ipotetiku usa’, dak is-settur li appuntu huwa rrappreżentat mill-aċidu ċitriku. Meta aċċertat dawn l-effetti, il-Kummissjoni kienet issodisfat, fil-fehma tiegħi, l-oneru li tipprova li l-akkordju kellu impatt konkret fuq is-suq. Kien obbligu tal-appellanti li tirribatti l-konklużjoni ta’ dawk l-effetti f’dan ir-rigward, meta jiġi allegat jew jintwera, pereżempju, li dawn kienu kkontrobilanċjati minn effetti ta’ tip oppost li l-akkordju kien ikollu fuq setturi oħrajn ta’ dak is-suq iktar wiesa’. Madankollu, kif ġie sostnut ġustament mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 201 tas-sentenza appellata, l-appellanti ma offriet l-ebda element li setgħet tagħti x’tifhem li, kieku kkunsidrat anki s-sostituti tal-aċidu ċitriku, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-impatt tal-akkordju f’dak is-suq usa’ kien ikun ineżistenti jew żgħir.

202.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi dan l-aggravju ma jimmeritax li jiġi milqugħ.

J — Fuq is-(seba’ u t-tmien) aggravji dwar il-ksur tal-prinċipju tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ ADM matul il-proċedura amministrattiva

203.

Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-appellanti kienet ilmentat li d-deċiżjoni kkontestata fil-parti fejn ġiet miċħuda l-applikazzjoni tal-benefiċċju skont il-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, dwar n-“non-impożizzjoni jew tnaqqis sostanzjali tal-multi”. Din iċ-ċaħda, fil-parti fejn kienet immotivata dwar il-fatt li ADM ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet skont il-paragrafu b) tal-punt B imsemmi, kienet tkun kontra l-prinċipju tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, l-appellanti ddeduċiet li, kuntrarjament għal dak li ġie affermat fid-deċiżjoni kkontesta, hija, u mhux Cerestar, kienet l-ewwel impriża li pprovdiet elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju, skont il-paragrafu b) tal-punt imsemmi. Il-provi pprovduti minn Cerestar matul il-laqgħa mal-uffiċjali tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 1998 ma kinux jippermettu, skont ADM, li juru l-eżistenza tal-akkordju, kuntrarjament għal dawk li ADM kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni matul il-laqgħa tal-11 ta’ Diċembru 1998. It-tieni nett, l-appellanti sostniet li, fi kwalunkwe każ, matul id-diversi laqgħat mal-uffiċjali tal-Kummissjoni u fil-korrispondenza li ġiet skambjata ma’ dawn l-uffiċjali matul il-proċedura amministrattiva, kien ġie ikkonfermat lilha li kienet l-ewwel waħda li kkooperat mal-Kummissjoni skont il-punt B tal-komunikazzjoni msemmija.

204.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet iż-żewġ ilmenti msemmijin iktar ’il fuq billi rriżulta li ADM ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni taħt il-paragrafu e) tal-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, billi kien ġie aċċertat li kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju, u li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-istess punt B a) u e) għandhom jiġu sodisfatti b’mod kumulattiv għall-finijiet tal-konċessjoni tal-benefiċċju inkwistjoni ( 128 ). It-tieni lment minn dawn ġie kkunsidrat bla bażi, billi l-Qorti tal-Prim’Istanza, qabel l-eżami tad-dikjarazzjonijiet sostnuti mill-appellanti, ikkunsidrat li l-Kummissjoni, matul il-proċedura amministrattiva, ma kienet ipprovdiet l-ebda assigurazzjoni preċiża fis-sens li kienet ser tagħti lil ADM dak il-benefiċċju u li ma setgħetx madankollu tagħti assigurazzjonijiet ta’ dan it-tip, billi fuq il-bażi biss ta’ evalwazzjoni komplessiva tal-informazzjoni li ngħatatilha mill-impriżi matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura l-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi jekk waħda minnhom tistax tgawdi mill-benefiċċju stess ( 129 ).

1. Fuq l-aggravju dwar id-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-uffiċjali tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva

205.

B’dan l-aggravju l-appellanti ssostni li, ladarba ġie kkonstatat, fil-punti 391 sa 392 tas-sentenza appellata, li “l-Kummissjoni effettivament ippruvat tħajjar il-partijiet ikkonċernati jikkooperaw magħha kemm jista’ jkun fuq kollox billi ppruvat tagħmel dan l-eżerċizzju l-iżjed attraenti possibbli u billi naqqset ir-riferimenti għat-titolu B tal-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni” u li “il-Kummissjoni indikat lil ADM li, fil-bidu, hija kienet ‘eliġibbli’ għal tnaqqis sostanzjali tal-multa skond it-titolu [fuq imsemmi]”, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tikkonkludi li kienu ngħataw assigurazzjonijiet preċiżi xierqa biex tinħoloq aspettattiva leġittima fuq l-għoti tal-benefiċċju inkwistjoni.

206.

Barra minn hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet b’mod żbaljat li ma setax ikun hemm dawn l-assigurazzjonijiet billi l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-kooperazzjoni tal-impriżi tidħol biss fl-aħħar tal-proċedura amministrattiva. Il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tikkonferma li aspettattiva leġittima tirriżulta fil-mument stess meta jingħataw il-provi.

207.

Il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma għandhomx żbalji ta’ liġi. Hija tenfasizza, b’mod partikolari li, jekk huwa veru li l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni toħloq aspettattivi leġittimi, impriża ma tistax madankollu jkollha, fil-mument meta tipprovdi l-provi lill-Kummissjoni, aspettattiva leġittima fuq il-fatt li din ser tagħtiha tnaqqis ta’ multa bl-applikazzjoni tal-punt B ta’ din il-komunikazzjoni. Il-Kummissjoni fil-fatt tkun tista’ tevalwa jekk dik l-impriża tissodisfax il-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti minn dan il-punt biss wara li tkun kisbet u evalwat il-provi kollha.

208.

Min-naħa tiegħi nosserva l-ewwel nett li l-kwistjoni jekk bid-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-uffiċjali tal-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ngħatawx lill-appellanti assigurazzjonijiet preċiżi dwar l-applikazzjoni favuriha tal-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni tidħol fl-isfera tal-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma tistax tiġi mistħarrġa fl-appell, ħlief jekk ikun hemm allegazzjoni ta’ distorsjoni tal-fatti stess jew tal-provi tagħhom. Issa, fl-att tal-appell l-appellanti ma tagħmel l-ebda allegazzjoni ta’ dan it-tip.

209.

Nikkunsidra wkoll li l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jikkuntrastaw xejn mal-konstatazzjonijiet li hija għamlet fil-punti 391 sa 392 tas-sentenza appellata (ara l-punt 205 iktar ’il fuq), li ma jistax jiġi konkluż minnhom li kienu ngħataw lill-appellanti assigurazzjonijiet preċiżi fuq il-fatt li kien ser jingħatalha l-benefiċċju taħt it-Titolu B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Jirriżulta biss minn dawn il-konstatazzjonijiet li l-għoti ta’ dan il-benefiċċju ssemma’ mill-uffiċjali tal-Kummissjoni lil ADM bħala possibbiltà, “fl-applikazzjoni” ta’ dak it-titolu, li jfisser subordinatament l-eżistenza tal-kundizzjonijiet stabbiliti hemmhekk.

210.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ġustament, fis-sustanza, li fil-mument meta l-appellanti tat il-kooperazzjoni tagħha fl-inkjesta lill-Kummissjoni ma setax ikun hemm fl-istess appellanti aspettativa leġittima fl-għoti ta’ dak il-benefiċċju. L-appellanti messha kienet taf sa minn dak il-mument bil-fatt li, kif ġie ppreċiżat espressament fil-punt E(2) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ( 130 ), il-Kummissjoni tevalwa l-eżistenza tal-kundizzjonijiet taħt il-punt B ta’ dik il-komunikazzjoni fil-mument biss tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali.

211.

Għaldaqstant dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

2. Fuq l-aggravju dwar il-ksur tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt B tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

212.

B’dan l-aggravju l-appellanti tiddeduċi sostanzjalment li ċ-ċaħda għaliex ma japplikax l-aggravju tar-rikors tagħha tal-ewwel istanza bbażat fuq il-ksur tal-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, u għalhekk tal-prinċipju tar-rispett tal-aspettattiva leġittima, hija difettuża għaliex hemm konstatazzjoni żbaljata tan-nuqqas li ADM tissodisfa l-kundizzjoni fil-punt B(e) imsemmi iktar ’il fuq. Din il-konstatazzjoni żbaljata hija l-konsegwenza tal-iżbalji tad-dritt imwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fl-eżami tal-aggravji li bihom l-appellanti kienet ikkontestat l-opinjoni tal-Kummissjoni li hija kellha rwol ta’ mexxej tal-akkordju.

213.

Il-Kummissjoni ssostni li b’dan l-aggravju l-appellanti qiegħda sempliċement ittenni l-ilmenti li fil-kuntest ta’ aggravji oħrajn ifformulati kontra l-evalwazzjonijiet li bihom il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat li ADM tissejjaħ mexxej tal-akkordju skont id-deċiżjoni kkontestata. Għalhekk il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud billi dak l-ilment, kif hija argumentat f’risposta għaliha kien infondat.

214.

Billi, mat-tmiem tal-eżami tal-aggravji dwar ir-rwol ta’ mexxej li allegatament kellha ADM fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku, kkunsidrajt li ma jistax jiġi konkluż, għal raġunijiet kemm proċedurali kif ukoll sostanzjali, li l-appellanti fil-fatt kellha dan ir-rwol, ma nistax ma nissuġġerixxix li anki dan l-aggravju jiġi milqugħ. Billi ma setgħetx tqis li l-appellanti kienet mexxej ta’ dak l-akkordju u għalhekk ma kinitx tissodisfa l-kundizzjoni taħt il-punt B(e) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza kellha teżamina fil-mertu l-ilment dwar l-applikazzjoni żbaljata, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-istess punt B(b).

215.

Għalhekk is-sentenza appellata għandha titħassar fil-parti fejn ċaħdet bħala bla effett dak l-ilment; issa ngħaddi biex nikkunsidra billi l-istat tal-atti jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi definittivament anki fir-rigward tagħha bl-applikazjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikoli 61 tal-Istatut tagħha.

K — Fuq ir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata: jekk l-appellanti kellhiex tiġi kkunsidrata, bl-applikazzjoni tal-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, bħala l-ewwel impriża li kienet ipprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju

216.

L-appellanti kienet sostniet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju fuq l-aċidu ċitriku. Dawn l-elementi ġew ipprovduti, permezz ta’ xhieda diretta, provi bid-dokumenti li jmorru lura għaż-żmien tal-akkordju u dokumenti deskrittivi tal-kuntest u tat-twettiq tal-akkordju matul il-laqgħa li saret bejn ir-rappreżentanti tagħha u l-uffiċjali tal-Kummissjoni fil-11 ta’ Diċembru 1998. Viċiversa, l-elementi pprovduti minn Cerestar matul il-laqgħa li saret bejn ir-rappreżentanti ta’ din tal-aħħar u l-uffiċjali tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 1998 ma jistgħux, kuntrarjament għal dak li ġie deċiż fid-deċiżjoni kkontestata, jiġu kkunsidrati bħala determinanti għall-finijiet tal-prova dwar l-eżistenza tal-akkordju.

217.

F’dan l-aħħar rigward, l-appellanti kienet adottat dawn l-argumenti ( 131 ):

Cerestar ma pprovdietx informazzjoni fuq l-akkordju dwar il-perijodu qabel l-involviment tagħha fiha;

l-informazzjoni mogħtija minn Cerestar dwar id-dati tal-laqgħat tal-akkordju u l-parteċipanti fihom ma kinitx preċiża jew konklużiva u mbagħad ġiet miċħuda, wara verifika iktar fil-fond mill-istess Cerestar;

Cerestar ipprovdiet informazzjoni vaga u ftit konklużiva dwar is-suġġett tal-laqgħat u ma tat l-ebda tagħrif preċiż dwar il-prezzijiet u l-kwoti miftiehma;

ma jirriżultax li Cerestar ipprovdiet lill-Kummissjoni bi provi minn xhieda diretta;

Cerestar stess ikkunsidrat li kien meħtieġ li jiġu approfonditi u ċċarati d-dikjarazzjonijiet orali mogħtija matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 permezz ta’ informazzjoni supplimentari mibgħuta imma dan wara l-laqgħa bejn ADM u l-uffiċjali tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 1998;

Cerestar ġiet indirizzata mill-Kummissjoni b’talba għall-informazzjoni ddettaljata bid-data tat-3 ta’ Marzu 1999 li kienet ibbażata fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ ADM.

218.

Il-Kummissjoni oġġezzjonat li l-karattru inkomplet tal-informazzjoni mogħtija minn impriża ma jipprekludix, skont il-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, li din l-informazzjoni tiġi kkunsidrata bħala element determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza ta’ akkordju. Din id-dispożizzjoni ma teħtieġx provi tad-dewmien eżatt tal-akkordju jew tal-parteċipazzjoni kostanti tal-membri kollha tagħha.

219.

Preliminarjament nosserva li l-appellanti ma poġġietx fid-dubju ħlief elementi determinati skont dik id-dispożizzjoni li jistgħu jingħataw anki bil-fomm u ma lmentatx dwar in-nuqqas ta’ ċertezza skont il-kontenut tad-dikjarazzjonijiet orali magħmula mir-rappreżentanti ta’ Cerestar matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998. Il-kontenut ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet jirriżulta min-“nota għall-fajl” tas-6 ta’ Novembru 1998 li tħejjiet minn wieħed mill-uffiċjali tal-Kummissjoni li kienu preżenti f’dik il-laqgħa u li ddaħħlet fl-atti tas-sentenza tal-ewwel istanza biex tiġi rrispettata talba speċifika tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn dan, l-appellanti ma kkontestatx, jew tal-anqas ma għamlitx dan b’mod biżżejjed ċar u ddettaljat, dak li jinsab iddikjarat fil-premessa 306 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li l-informazzjoni mogħtija minn Cerestar matul dik il-laqgħa kienet tikkorrispondi ma’ dik li tidher fid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar.

220.

Għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-ilment imqajjem fir-rikors fl-ewwel istanza jeħtieġ li jiġi vverifikat biss, fid-dawl tal-argumenti fformulati mill-appellanti, jekk dik l-informazzjoni, li tirriżulta min-“nota għall-fajl” u mid-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, kinitx tikkostitwixxi element determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju fuq l-aċidu ċitriku.

221.

F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett li, kif diġà wriet il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kunċett ta’ “elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju” skont il-punt B(b) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, ma jirreferix għall-provi li huma fihom infushom suffiċjenti biex juru l-eżistenza tal-akkordju ( 132 ). Iżda l-elementi pprovduti ma għandhomx ikunu sempliċement sors ta’ orjentament għall-investigazzjonijiet li l-Kummissjoni għandha tagħmel, imma għandhom jintużaw direttament biex jippruvaw il-ksur ( 133 ).

222.

Id-dispożizzjoni inkwistjoni ma teħtieġx li jingħataw provi dwar il-fatti kollha indikati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni ( 134 ). L-elementi mogħtija ma għandhomx bilfors ikopru l-perijodu ta’ eżistenza tal-akkordju. Din id-dispożizzjoni lanqas ma tippreskrivi li l-provi jingħataw bilfors permezz ta’ xhieda diretta tal-protagonisti tal-attivitajiet illegali. Għaldaqstant l-ewwel u r-raba’ argumenti msemmijin fil-punt 217 iktar ’il fuq huma infondati u għandhom jiġu miċħudin.

223.

Is-sempliċi fatt li, wara l-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998, Cerestar kienet fi ħsiebha tipprovdi iktar informazzjoni jew li l-Kummissjoni bagħtitilha talba ta’ informazzjoni mhuwiex rilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk l-elementi mogħtija matul dik il-laqgħa kinux determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-ftehim. Anki l-ħames u s-sitt argumenti imsemmijin fil-punt 217 iktar ’il fuq għandhom b’hekk jiġu micħudin.

224.

Dwar in-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-informazzjoni mogħtija minn Cerestar fid-29 ta’ Ottubru 1998 fuq id-dati tal-laqgħat tal-akkordju u fuq il-parteċipanti relattivi, nosserva li ċ-ċirkustanzi sostnuti mill-appellanti — jiġifieri li f’dik l-informazzjoni ġew identifikati tmien laqgħat bħala laqgħat “possibbli tal-akkordju”, li l-identità tal-parteċipanti fil-laqgħat kienet ingħatat biss fir-rigward ta’ tliet laqgħat tal-akkordju aċċertati effettivament u li sitt laqgħat imsemmijin f’dik l-informazzjoni ma seħħewx skont l-investigazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni — ma jippermettux li jiġi eskluż li b’dik l-informazzjoni Cerestar madankollu pprovdiet lill-Kummissjoni elementi determinanti. Jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mill-istess sottomissjonijiet tal-appellanti, bl-istess informazzjoni — koperta, meta meħtieġ, minn riżervi, minħabba ż-żmien li għadda u n-nuqqas allegat ta’ dokumentazzjoni fuq karti — Cerestar setgħet tidentifika ċertu numru ta’ laqgħat tal-akkordju aċċertati fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-parteċipanti kkonċernati ( 135 ).

225.

Fl-aħħar nett, rigward il-karattru allegatament vag u ftit konklużiv tal-informazzjoni mogħtija minn Cerestar fid-29 ta’ Ottubru 1998 dwar is-suġġett tal-laqgħat tal-akkordju u għan-nuqqas ta’ tagħrif preċiż fuq il-prezzijiet fuq il-kwoti miftiehma, nikkunsidra li dawn mhumiex ċirkustanzi tali li jeskludu li Cerestar f’dik id-data pprovdiet elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju.

226.

Huwa veru li dik l-informazzjoni mhijiex kompluta b’mod li tindika, għal kull laqgħa aċċertata tal-akkordju li tkellem fuqu, id-data, il-post, il-parteċipanti, l-għan u l-andament tad-diskussjonijiet. Madankollu, toffri, għal kull waħda mil-laqgħat, dettalji speċifiċi li jistgħu jintużaw direttament bħala element ta’ prova tal-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, liema fatti huma ppruvati bis-sħiħ mill-integrazzjoni ta’ dik l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet akkwistat imbagħad minn sorsi oħrajn.

227.

Għalhekk, pereżempju, jekk huwa veru li għal-laqgħa tal-akkordju tad-19 ta’ Mejju 1992 f’Ġerusalemm l-informazzjoni mogħtija minn Cerestar ma kinitx tindika s-suġġett tad-diskussjonijiet imma d-data approssimattiva biss, il-post u l-parteċipanti, il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi, grazzi għall-informazzjoni mogħtija minn impriżi oħrajn, li f’dik il-laqgħa ġiet eżaminata sistema ta’ tpaċija tal-bejgħ bejn membri tal-kartell għall-każijiet fejn kienu nqabżu l-kwoti tas-suq individwali. ( 136 ). Min-naħa l-oħra, dik l-informazzjoni mogħtija minn impriżi oħrajn tirriżulta kkorroborata minn informazzjoni pprovduta minn Cerestar fid-29 ta’ Ottubru 1998 li fiha, anki fin-nuqqas ta’ referenza għal-laqgħat speċifiċi tal-akkordju, dik is-sistema ta’ tpaċija tiġi deskritta f’termini ġenerali u jingħataw dettalji kwantitattivi fuq tranżazzjonijiet individwali konklużi minn Cerestar għall-finijiet ta’ tpaċija.

228.

Fir-rigward tal-laqgħa tat-2 ta’ Novembru 1994 fi Brussell ( 137 ), l-informazzjoni mogħtija minn Cerestar kienet tinkludi wkoll anki referenzi għas-suġġett tad-diskussjonijiet u, partikolarment, għall-inizjattiva, miftiehma dakinhar, li l-produtturi Ċiniżi kompetituri jiġu mgħarrfa, permezz tar-rappreżentanti tagħhom, bil-possibbiltà ta’ rapport fil-konfront tagħhom minħabba prattiċi antidumping.

229.

Il-fatt li l-Kummissjoni kellha, biex tipprova l-fatti tal-ksur bħad-diversi laqgħat aċċertati tal-akkordju, tintegra l-provi pprovduti minn Cerestar fid-29 ta’ Ottubru 1998 ma’ dawk li ġew ipprovduti wara minn impriżi oħrajn tal-kartell jew mill-istess Cerestar ma jeskludix il-valur “determinanti” ta’ dawk l-ewwel elementi, idoneji sabiex jiġu użati direttament għall-finijiet ta’ prova u mhux sorsi biss ta’ gwida tad-direzzjoni tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni.

230.

Huwa veru wkoll li l-informazzjoni pprovduta minn Cerestar fid-29 ta’ Ottubru 1998 ma kienx fiha tagħrif preċiż dwar il-prezzijiet miftiehma u, dwar il-kwoti, kienu jirreferu biss għall-kwota ta’ 5% tal-bejgħ dinji aggregat tal-membri tal-kartell mogħtija lil Cerestar stess.

231.

Madankollu, din l-informazzjoni tidentifika l-membri tal-akkordju, tippermetti li ssir referenza għall-perijodu 1991 sa 1995 kemm dam bejn wieħed u ieħor il-ksur, tindividwa ċertu numru ta’ laqgħat tal-akkordju, il-post fejn saru dawn il-laqgħat u l-parteċipanti relattivi, toffri rendikont iddettaljat taċ-ċirkustanzi meta Cerestar issieħbet fl-akkordju, fiha deskrizzjoni ġenerali, imma mhux vaga, tal-mekkaniżmi tat-tħaddim tal-akkordju, b’referenza kemm għat-tip tal-laqgħat (“Masters” u “Sherpa”) kif ukoll id-diversi oqsma tematiċi koperti bl-akkordji (partikolarment, il-prezzijiet, l-għoti ta’ kwoti tas-suq u skambju ta’ informazzjoni fuq volumi ta’ bejgħ). M’hemmx dubju, fil-fehma tiegħi, li b’din l-informazzjoni, għalkemm m’hemmx tagħrif numeriku fuq prezzijiet u kwoti miftiehma, Cerestar ipprovdiet elementi determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-akkordju ( 138 ), b’tali mod li aġevolaw sostanzjalment il-kompitu tal-Kummissjoni li tibni mill-ġdid u tipprova l-fatti kostituttivi tal-ksur aċċertat. Jekk imbagħad dan il-kontribut, minħabba l-livell limitat ta’ dettall li jikkaratterizzah, kien jimmerita tnaqqis sostanzjali tal-multa daqs dak mogħti lil Cerestar mill-Kummissjoni (90%) hija kwistjoni differenti li ovvjament ma għandhiex tiġi ttrattata f’din is-sede.

232.

Għalhekk l-argumenti tal-appellanti ma jidhrux li huma tali li juru li l-Kummissjoni kkommettiet żbalji ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li l-elementi pprovduti minn Cerestar matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ottubru 1998 kienu determinanti għall-finijiet tal-prova tal-eżistenza tal-ftehim fuq l-aċidu ċitriku.

233.

Għaldaqstant fil-fehma tiegħi l-ilment tal-appellanti f’dan ir-rigward fir-rikors mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi miċħud.

L — Iffissar mill-ġdid tal-multa imposta fuq l-appellanti

234.

Mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-kunsiderazzjonijiet u l-konklużjonijiet magħmulin sa issa nikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja, meta ddeċidiet definittivament fuq il-mertu skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tagħha għandha tiffissa mill-ġdid l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti fid-deċiżjoni kkontestata b’dan il-mod: għandha titħassar iż-żieda ta’ 35% li ġiet applikata, għaċ-ċirkustanza aggravanti li tqieset mexxej tal-akkordju, fuq l-ammont bażiku ta’ dik il-multa kkalkulat mill-Kummissjoni; għalhekk ma’ dan l-aħħar ammont, ta’ EUR 58,8 miljun, għandu jiġi applikat it-tnaqqis ta’ 50% mogħti mill-Kummissjoni bl-applikazzjoni tal-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

235.

Għalhekk il-multa imposta fuq l-appellanti tkun imnaqqsa b’dan il-mod għal EUR 29,4 miljun.

M — Fuq l-ispejjeż

236.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 69(2) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-Artikolu 69(3), jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

237.

F’dan il-każ partikolari, minħabba l-fatt li t-tnejn huma telliefa, nikkunsidra li huwa xieraq li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha f’dan l-appell.

238.

Barra minn hekk, minħabba t-tħassir parzjali tas-sentenza appellata u li parti mit-talbiet tal-appellanti mid-deċiżjoni kkontestata ntlaqgħu, nikkunsidra li huwa ekwu, minħabba li qed jintlaqgħu parzjalment it-talbiet f’dan is-sens tal-appellanti fl-att ta’ appell, li jiġu varjati l-ispejjeż ordnati fis-sentenza appellata. Nipproponi f’dan ir-rigward li l-Kummissjoni tbati kwart, u mhux biss wieħed minn għaxra, tal-ispejjeż tal-appellanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u li l-appellanti tbati l-bqija tal-ispejjeż tal-istess proċedura.

III — Konklużjoni

239.

Fid-dawl ta’ dak li għedt, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

1)

tħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunità Ewropea tas-27 ta’ Settembru 2006, T-59/02, Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni, fil-parti li tiċħad l-ilment tal-appellanti dwar ksur tad-drittijiet tad-difiża billi kien hemm nuqqas li jissemmew, fin-nota ta’ lmenti, ċirkustanzi fattwali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha biex tikkunsidraha mexxej tal-akkordju fid-Deċiżjoni 2002/742/KE tal-5 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.604 — Aċidu ċitriku), jew, subordinatament, tħassar dik is-sentenza fil-parti fejn jiġu miċħudin l-ilmenti bbażati fuq il-ksur ta’ garanziji proċedurali li għamlet l-appellanti kontra l-użu min-naħa tal-Kummissjoni tar-rapport tal-FBI għall-prova li l-appellanti stess kienet mexxej tal-akkordju;

2)

tħassar is-sentenza imsemmija iktar ’il fuq fil-parti fejn jiġi miċħud l-ilment tal-appellanti dwar il-ksur tal-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba fin-nuqqas ta’ għoti taċ-ċirkustanza attenwanti fit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida tal-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA;

3)

tħassar is-sentenza msemmija fil-parti fejn tiċħad għaliex ma japplikax l-ilment tal-appellanti dwar l-applikazzjoni żbaljata min-naħa tal-Kummissjoni tal-punt B(b) tal-komunikazzjoni tal-1996 fuq in-non-impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi fil-każijiet ta’ akkordji;

4)

tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti għal EUR 29,4 miljun;

5)

għall-kumplament tiċħad l-appell;

6)

tordna lill-Kummissjoni tbati kwart tal-ispejjeż tal-appellanti fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-ispejjeż tagħha f’dan l-appell;

7)

tordna lill-appellanti tbati, fir-rigward tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u l-ispejjeż kollha tal-Kummissjoni, kif ukoll l-ispejjeż tagħha f’dan l-appell.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/36.604 — Aċidu ċitriku) (ĠU 2002, L 239, p. 18).

( 3 ) L-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), kif emendat.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171.

( 5 ) ĠU 1996, C 207, p. 4.

( 6 ) Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (Kawża T-59/02, Ġabra p. II-3627).

( 7 ) Id-deċiżjoni kkontestata ssemmi d-dikjarazzjoni ta’ Cerestar tal-25 ta’ Marzu 1999. Madankollu hawnhekk m’hawnx żewġ dikjarazzjonijiet differenti imma l-istess waħda. Kif jirriżulta mill-punt 371 tas-sentenza appellata, id-dikjarazzjoni ta’ Cerestar kellha d-data tat-18 ta’ Marzu 1999, imma ġiet ikkomunikata lill-Kummissjoni fil-25 ta’ Marzu 1999.

( 8 ) Sentenza tas-7 ta’ Ġunju 1983, (kawżi magħquda minn 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 21).

( 9 ) Sentenza appellata, punt 434.

( 10 ) Sentenza tad-9 ta’ Novembru 1983, (kawża 322/81, Ġabra p. 3461, punt 20).

( 11 ) Sentenza appellata, punti 436 u 438 sa 439.

( 12 ) F’dan ir-rigward l-appellanti tinvoka s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il-Kummissjoni (Kawża T-9/99, Ġabra p. II-1487, punti 316 sa 317), u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (Kawża T-23/99, Ġabra p. II-1705, punti 203 sa 205), kif ukoll tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni (Kawża T-48/00, Ġabra p. II-2325, punt 153).

( 13 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Shell vs Il-Kummissjoni (Kawża T-11/89, Ġabra p. II-757, punt 62).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, msejħa “PVC II” (kawżi magħquda C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, minn C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, Ġabra p. I-8375, punt 91), fejn “[…] il-kuntest ta’ applikazzjoni tad-drittijiet tad-difiża rregolat mir-Regolament Nri 17 u 99/63 [huwa] ristrett għal kwistjonijiet dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll id-dokumenti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-dikjarazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni”. Il-korsiv huwa tiegħi.

( 15 ) Sentenzi Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 (punt 21), u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda C-189/02 P, C-202/02 P, minn C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425, punt 428).

( 16 ) Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.

( 17 ) Konklużjonijiet tal-21 ta’ Ġunju 1983 fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 7). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 18 ) Sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 20). Il-korsiv huwa tiegħi.

( 19 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, (Kawża C-289/04 P, Ġabra p. I-5859, punt 70).

( 20 ) Sentenza Corus UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punt 145).

( 21 ) Sentenza Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 (punt 15).

( 22 ) Ara s-sentenzi Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 19); Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 (punt 21); Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (punti 434 u 439), u tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (kawża C-328/05 P, Ġabra p. I-3921, punt 58).

( 23 ) Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 24 ) Sentenza HFB et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punt 316).

( 25 ) Sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 (punt 204).

( 26 ) Sentenze HFB et vs Il-Kummissjoni (punt 317) u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (punt 205), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 27 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 28 ) Ibidem (punti 146, 151 u 153).

( 29 ) Ibidem (punti 154 sa 159).

( 30 ) Din id-dikjarazzjoni tinsab f’diversi sentenzi oħrajn tal-Qorti tal-Prim’Istanza (tas-6 ta’ Ottubru 1994, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni, T-83/91, Ġabra p. II-755, punt 235; HFB et vs Il-Kummissjoni, punt 312, u LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 200, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12; tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, kawżi magħquda T-71/03, T-74/03, T-87/03 u T-91/03, punt 140; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, Ġabra p. II-4407, punt 51, u tal-15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il-Kummissjoni, T-15/02, Ġabra p. II-497, punt 49), ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22 (punt 57).

( 31 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1983, AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni (kawża 107/82, Ġabra p. 3151), fejn intqal li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra fid-deċiżjoni finali, billi ma kinux issemmew fin-nota ta’ lmenti, la ġrajjiet determinati partikolari (ara l-punti 21 u 28) u lanqas dokumenti determinati (ara l-punti 21 u 27).

( 32 ) Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Dalmine vs Il-Kummissjoni (Kawża C-407/04 P, Ġabra p. I-829, punt 44, u l-ġurisprudenza iċċitata hemmhekk).

( 33 ) Fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2005, ThyssenKrupp vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda C-65/02 P u C-73/02 P, Ġabra p. I-6773, punt 92), il-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tuża l-formula tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet iżda tuża kliem li donnu jwessa’ l-portata: “[il-Qorti tal-Prim’Istanza] ġustament fakkret li r-rispett effettiv ta’ dan il-prinċipju jirrikjedi li l-impriża kkonċernata tkun tpoġġiet fil-pożizzjoni, sa mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, li tressaq l-opinjoni tagħha b'mod effettiv fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkostanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti miżmuma mill-Kummissjoni sabiex issostni l-allegazzjonijiet tagħha.” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 34 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

( 35 ) Ibidem, punt 56. Fl-istess sens ara wkoll is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni (Kawża T-13/89, Ġabra p. II-1021, punt 35); tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda T-25/95, T-26/95, minn T-30/95 sa T-32/95, minn T-34/95 sa T-39/95, minn T-42/95 sa T-46/95, T-48/95, minn T-50/95 sa T-65/95, minn T-68/95 sa T-71/95, T-87/95, T-88/95, T-103/95 u T-104/95, Ġabra p. II-491, punt 323), u tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T-191/98 u minn T-212/98 sa T-214/98, Ġabra p. II-3275, punt 162).

( 36 ) Sentenza Shell vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 (punt 62).

( 37 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk mill-motivazzjoni ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta ksur tad-dritt Komunitarju, imma l-parti dispożittiva tal-istess sentenza tidher fondata għal motivi oħrajn ta’ dritt, ir-rikors minn dik is-sentenza għandu jiġi miċħud (ara, fost ħafna sentenzi, is-sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni, C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28; tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni, C-320/92 P, Ġabra p. I-5697, punt 37, u tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58).

( 38 ) Ara wkoll, minbarra l-ġurisprudenza msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti, b’mod iktar espliċitu, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger tal-4 ta’ Lulju 1996 f’Ojha vs Il-Kummissjoni, sentenza tat-12 ta’ Novembru 1996, (Kawża C-294/95 P, Ġabra p. I-5863, punt 179), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi tal-11 ta’ Jannar 2007 f’Holcim (Il-Ġermanja) vs Il-Kummissjoni, sentenza tad-19 ta’ April 2007, (Kawża C-282/05 P, Ġabra p. I-2941, punt 123).

( 39 ) It-traduzzjoni tas-siltiet tan-nota ta’ lmenti bl-Ingliż, li rreferejt għalihom, hija tiegħi.

( 40 ) Il-korsiv huwa tiegħi.

( 41 ) Il-Qorti tal-Prim’Istanza esprimiet ruħha f’dan is-sens fis-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 (punt 316), fejn żiedet tgħid li “għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tar-rwol eżerċitat mir-rikorrenti fil-ksur in kwistjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ mexxej u dak ta’ provokatur ta’ ksur, u li għandhom isiru żewġ analiżi separati biex jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti eżerċitatx xi wieħed minn dawn ir-rwoli”.

( 42 ) Sentenza appellata, punt 261.

( 43 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1989, (374/87, Ġabra p. 3283).

( 44 ) Sentenza appellata, punti 262 sa 263.

( 45 ) Sentenza appellata, punt 264.

( 46 ) Sentenza appellata, punt 265.

( 47 ) Sentenza appellata, punt 266.

( 48 ) Sentenza appellata, punt 267.

( 49 ) Sentenza appellata, punt 268.

( 50 ) Sentenza appellata, punt 269.

( 51 ) Sentenza appellata, punt 270.

( 52 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1992, Asociación Española de Banca Privada et (Kawża C-67/91, Ġabra p. I-4785).

( 53 ) Sentenza tal-10 ta’ Novembru 1993, (C-60/92 Ġabra p. I-5683).

( 54 ) Ara l-att tal-appell, punti 42 u 44, fl-aħħar.

( 55 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43.

( 56 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53.

( 57 ) Ara l-att tal-appell, punti 41 u 43.

( 58 ) Sentenza appellata, punt 261.

( 59 ) Ibidem, punt 264.

( 60 ) Ibidem, punt 265.

( 61 ) Ibidem, punt 264.

( 62 ) Ibidem, punti 268 u 270.

( 63 ) Ibidem, punti 265 u 268.

( 64 ) Sentenza appellata, punt 265.

( 65 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 (punt 55).

( 66 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 (punt 20).

( 67 ) Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, (Kawża 85/87, Ġabra p. 3137, punti 17 sa 19).

( 68 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 (punti 298 sa 300 u 305).

( 69 ) Għandha l-istess ratio, skont is-sentenza “Banek spantoli”, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52 (punti 36 sa 38 u 47 sa 50), il-projbizzjoni ta’ użu bħala prova min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 jew irċevuti minnha fid-domandi u fin-notifiki taħt l-Artikoli 2, 4 u 5 ta’ dan ir-regolament.

( 70 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32.

( 71 ) Sentenza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni (Kawża T-50/00, Ġabra p. II-2395).

( 72 ) Ibidem (punti 84 sa 87 u 90).

( 73 ) Konklużjonijiet ippreżentati fit-12 ta’ Settembru 2006 (punti 66 sa 67).

( 74 ) Uħud mill-verżjonijiet linguistici (fosthom l-Ingliż, il-Ġermaniż u l-Portugiż) tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dalmine vs Il-Kummissjoni fihom, fil-punt 63, żball fit-traduzzjoni: it-termini “libera produzione delle prove” li tinsab fil-verżjoni Taljana (test awtentiku, skont l-Artikolu 31 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi l-lingwa tal-kawża), li jikkorrispondu għat-termini “libre administration des preuves” użati fil-verżjoni Franċiża (lingwa tax-xogħol intern tal-Qorti tal-Ġustizzja), huma tradotti b’mod żbaljat b’espressjoni li tikkorrispondi għal evalwazzjoni libera tal-provi.

( 75 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 71 (punt 72).

( 76 ) Konklużjonijiet tal-10 ta’ Lulju 1991, deċiża b’sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Ottubru 1991 (Kawża T-1/89, Ġabra p. II-867, partikolarment p. II-954).

( 77 ) Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2000, (kawżi magħquda C-310/98 u C-406/98, Ġabra p. I-1797, punt 29).

( 78 ) Kontra l-konvinzjoni libera tal-qorti, f’ċerti ordinamenti legali nazzjonali, is-sistema tal-prova legali, li torbot il-qorti dwar is-sinjifikat li għandu jingħata lill-kontenut tal-prova.

( 79 ) B’mod partikolari kellu jiġi ddeterminat jekk, għall-finijiet tal-prova tal-post fejn fil-fatt seħħ il-ksur matul trasport li sar bil-carnet TIR skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 454(3), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6. p. 3 ), kinux biżżejjed id-dikjarazzjonijiet tad-detentur tal-carnet u x-xhieda tax-xufier tat-trakk li għamel it-trasport f’isem dan id-detentur tal-carnet, jew jekk dik il-prova tistax issir biss permezz ta’ dokumenti li minnhom jirriżulta b’mod ċar li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ieħor ivverifikaw li l-ksur kien sar fit-territorju tagħhom.

( 80 ) Din hija s-sitwazzjoni problematika li tirreferi għaliha anki s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni (Kawża T-210/01, Ġabra p. II-5575, punt 297), fejn jiġi osservat li l-“provi sodi” li għandha tipprovdi l-Kummissjoni biex turi l-probabbiltà ta’ aġir futur antikompetittiv tal-entità ġej minn konċentrazzjoni ma għandhomx jikkonsistu neċessarjament fi studji ekonomiċi, imma jistgħu, f’ċerti każijiet, ikunu kkostitwiti minn “sempliċi realtajiet ekonomiċi u kummerċjali tal-każ in eżami”.

( 81 ) Sentenza AEG-Telefunken vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31.

( 82 ) Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 1982, AM & S vs Il-Kummissjoni (Kawża 155/79, Ġabra p. 1575, punti 29 sa 31), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Settembru 2007, Akzo Nobel e Akcros vs Il-Kummissjoni (Kawżi magħquda T-125/03 u T-253/03, Ġabra p. II-4771).

( 83 ) Sentenza Otto, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 53 (punt 20).

( 84 ) Iċċitati iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 32 u 71.

( 85 ) Fil-verità, fil-punti 62 u 63 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dalmine vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 108 iktar ’il fuq) tissemma biss il-kwistjoni tal-legalità tat-trażmissjoni tad-dokument lill-Kummissjoni u mhux il-kwistjoni tal-legalità tal-użu bħala prova tiegħu min-naħa ta’ din tal-aħħar. Kemm is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza Dalmine vs Il-Kummissjoni (ara l-punt 107 iktar ’il fuq) kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 73, punti 71 sa 73 u 76) kienu semmew espliċitament anzi, bħala ċirkustanza li tmur kontra l-użu tad-dokument min-naħa tal-Kummissjoni, anki l-każ fejn il-qorti nazzjonali kompetenti kienet ikkonstatat l-illegalità abbażi tar-regoli nazzjonali fuq dan l-użu, immaterjalment mil-legalità tat-trażmissjoni. Madankollu, nemmen li s-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni tista’ tiġi interpretata fuq dan il-punt fis-sens li tikkonforma mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed, billi l-kelma “trażmissjoni” tad-dokument kif saret referenza għaliha tinftiehem bħala referenza għal trażmissjoni minħabba l-użu tagħha.

( 86 ) F’dan il-kuntest ma jistax ma jiġix irrilevat li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), li ssostitwixxa r-Regolament Nru 17, jistabbilixxi espressament, fl-Artikolu 12(1) li “[b]il-għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin u jużaw bħala evidenza kwalunkwe fatt jew liġi, inkluż informazzjoni konfidenzali”. Is-sittax-il premessa tar-Regolament Nru 1/2003 jindika f’dan ir-rigward li “[m]eta l-informazzjoni skambjata tiġi użata mill-awtorità riċevitriċi biex timponi sanzjonijiet fuq l-impriża, ma għandu jkun hemm l-ebda limitu fuq l-użu ta’ l-informazzjoni ħlief l-obligu li jintuża għall-iskopijiet li għalihom ġiet migbura minkejja għall-fatt li s-sanzjonijiet imposti fuq l-impriża huma kollha ta’ l-istess tip f’kull sistema” u tgħid ukoll li “id-dritt għad-difiża li minnhu tgawdi l-impriża f’diversi sistemi jistgħu jiġu kunsidrati bħala suffiċentament ekwivalenti” (il-korsiv huwa tiegħi).

( 87 ) Ara, għal kollha, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (Kawża 85/76, Ġabra p. 461, punt 9), u tat-2 ta’ Ottubru 2003, ARBED vs Il-Kummissjoni (Kawża C-176/99 P, Ġabra p. I-10687, punt 19).

( 88 ) Ittra tat-13 ta’ Ġunju 1997 iffirmata mit-Trial Attorney tad-Diviżjoni Antitrust tal-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti (prodotta minn ADM mehmuża mar-risposta tagħha għad-domandi bil-miktub li indirizzatilha l-Qorti tal-Prim’Istanza).

( 89 ) Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika tat-23 ta’ Settembru 1991 rigward l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom, u l-iskambju ta’ ittri ta’ interpretazzjoni datati 31 ta’ Mejju u 31 ta’ Lulju 1995 rigward dak il-Ftehim (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 23, p. 3). Il-ftehim ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar b’deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-10 ta’ April 1995, 95/145/KE, KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 121, b’emenda fil-ĠU 1995, L 131, p. 38).

( 90 ) Ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika tal-4 ta’ Ġunju 1998 dwar l-applikazzjoni ta’ prinċipji ta’ korteżija pożittiva fl-infurzar ta’ liġijiet li jirregolaw il-kompetizzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 318). Il-ftehim ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea u l-Komunità tal-Faħam u l-Azzar b’deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 1998, 98/386/KE, KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p.316).

( 91 ) F’dan is-sens R. Nazzini, Concurrent Proceedings in Competition Law, Oxford University Press, New, Oxford University Press, New York, 2004, paġni 75 sa 76.

( 92 ) Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew fuq l-applikazzjoni ta’ ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Gvern tal-Kanada dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom (l-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2002), punt 1.1, jinsab fuq Eur-Lex bil-kodiċi 52003DC0500.

( 93 ) Ibidem, punt 1.2.2.

( 94 ) Ara r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2002 fuq l-applikazzjoni ta’ ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Gvern tal-Kanada dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom (l-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2002), punt 1.2.2, jinsab fuq Eur-Lex bil-kodiċi 52002DC0505, fejn il-Kummissjoni tgħid li fil-każ Fine Art Auction Houses “impriża involuta rrinunzjat għad-dritt tal-kunfidenzjalità u dan ippermetta liż-żewġ awtoritajiet li jiskambjaw fehmiet dwar elementi ta’ prova [provi] kunfidenzjali”.

( 95 ) Il-Kummissjoni stess fir-rapport tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Ottubru 2000 fuq l-applikazzjoni tal-ftehim bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-applikazzjoni tal-liġijiet tal-kompetizzjoni tagħhom (l-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 1999), punt 2.2, jinstab fuq Eur-Lex bil-kodiċi 52000DC0618. Ara wkoll it-tielet rapport tal-Competition Committee tal-OECD tal-2005 fuq it-twettiq tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD tal-25 ta’ Marzu 1998 fuq azzjoni effettiva kontra l-kartelli hardcore, punt 4, li jinsab fuq is-sit tal-OECD (www.oecd.org). Infakkar li l-fakultà li tiġi skambjata u użata bħala prova anki informazzjoni kunfidenzjali llum huwa stabbilit, b’ċerti limiti, mill-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest tal-kooperazzjoni interna tan-netwerk ikkostitwit mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri.

( 96 ) Għalhekk mhijiex sorpriża li wieħed isir jaf li mir-rapport iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 92 li l-Kummissjoni intervjeniet fi tliet proċeduri ċivili fl-Istati Uniti għall-finijiet tal-ħarsien tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni bil-miktub ippreżentati fil-kuntest tal-politika tagħha ta’ trattament favorevoli u għamlet dan mhux insostenn ta’ waħda mill-partijiet tal-proċeduri msemmijin iktar ’il fuq, imma biex “tissalvagwarda l-integrità” ta’ dik il-politika. Barra minn hekk, hemm indikazzjonijiet sinjifikattivi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi fil-każijiet tal-kartelli bejn l-impriżi: fil-verżjoni tal-2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155) il-Kummissjoni ppreċiżat li d-dikjarazzjonijiet li rċeviet skont il-komunikazzjoni stess ma jistgħux jixxandru u lanqas jintużaw għal finijiet differenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE, filwaqt li fil-verżjoni tal-2006 (ĠU C 298, p. 17, punt 35) hija ppreċiżat li dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu trażmessi biss, b’ċertu kundizzjonijiet, lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Fiż-żewġ verżjonijiet imsemmijin ta’ dik il-komunikazzjoni (rispettivament punt 32 u punt 40) jidher ċar li x-xandir ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet huwa ta’ preġudizzju għall-ħarsien tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

( 97 ) Dokument ta’ Ottubru 2005 bl-isem Best Practices for the Formal Exchange of Information Between Competition Authorities in Hard Core Cartel Investigations, jinsab fuq is-sit tal-Internet tal-OECD (www.oecd.org). It-traduzzjoni hija tiegħi. Huwa interessanti li jiġi nnutat li l-istess Kummissjoni, fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fil-kuntest tan-netwerk tal-aworitajiet li jiggarantixxu l-kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43), stabbiliet, fil-punt 40, li, ħlief għal każijiet speċifiċi, “l-informazzjoni mogħtija volontarjament mis-suġġett li talab li jibbenefika mit-trattament favorevoli tista’ tiġi trażmessa lil membru tan-netwerk skont l-artikolu 12 tar-[Regolament Nru 1/2003] bil-kunsens biss tal-persuna li talbet it-trattament favorevoli”.

( 98 ) Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 u 71.

( 99 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Dalmine vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 32 (punt 63).

( 100 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (Kawza C-167/04 P, Ġabra p. I-8935, punt 107, u l-ġurisprudenza ċċitata hemmhekk).

( 101 ) Ara s-sentenza appellata, punti 288 u 290.

( 102 ) Anness 15 fl-att tal-appell, p. 3.

( 103 ) Fir-realtà hemm inċertezza fuq il-fatt li l-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju fuq l-aċidu ċitriku waqfet wara t-tfittxija fil-postijiet tagħha min-naħa tal-FBI f’Ġunju 1995. Id-deċiżjoni kkontestata aċċertat li l-perijodu ta’ żmien tal-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju dam sa Mejju 1995 (ara l-premessa 247 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1) u ADM, fir-risposta tagħha għan-nota ta’ lmenti (punt 5.2), kienet indikat li waqqfet din il-parteċipazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess f’Mejju 1995, “meta l-kartell waqaf jaħdem u qabel l-intervent tal-awtorità”. Id-deċiżjoni kkontestata fiha iktar minn indikazzjoni waħda fis-sens li l-parteċipazzjoni ta’ ADM fl-akkordju spiċċat f’Ġunju 1995 bit-tfittxija tal-FBI (ara l-premessi 128 u 193).

( 104 ) Sentenza appellata, punti 335 sa 338.

( 105 ) Sentenza appellata, punti 339 sa 342.

( 106 ) Sentenza appellata, punt 345.

( 107 ) F’dan is-sens ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Trstenjak tal-15 ta’ Mejju 2008 f’Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (Kawża C-510/06 P, punt 232), dwar il-kartell tal-glukonat tas-sodju.

( 108 ) Kuntrarjament għall-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-konklużjonijiet iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 109 ) Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2). Ara l-ewwel inċiż tal-punt 29.

( 110 ) Ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 (punt 209).

( 111 ) Sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni (Kawża C-3/06 P, Ġabra p. I-1331, punti 61 u 62). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tat-8 ta’ Diċembru 2005 f’Technische Unie vs Il-Kummissjoni, għas-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006 (kawża C-113/04, Ġabra p. I-8831, punt 132) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro tas-16 ta’ Novembru 2006 għas-sentenza Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, iċċitata (punti 45 u 48).

( 112 ) Konklużjonijiet tal-15 ta’ Diċembru 2005 għas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 100 (punt 141).

( 113 ) Ħlief, għal dak li għidt iktar ’il fuq, l-aħħar żewġ linji tal-punt 336, li jirreferu għat-tnaqqis tas-sanzjoni u l-effett dissważiv tagħha.

( 114 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 218).

( 115 ) Skont dik id-dispożizzjoni, “biex tiġi vvalutata [evalwata] l-gravità tal-ksur, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat”, fost l-oħrajn, “l-impatt konkret fuq is-suq, meta dan jista’ jitkejjel”.

( 116 ) Ara r-rikors promotur tal-ewwel istanza, punt 7.2.3.

( 117 ) Għal kollha, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 37).

( 118 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155 (punt 3).

( 119 ) Risposta, punt 25.

( 120 ) Ara r-risposta għad-domanda Nru 1, p. 2. Traduzzjoni mhux uffiċjali (il-korsiv huwa tiegħi).

( 121 ) Ibidem, p. 3. Traduzzjoni mhux uffiċjali (il-korsiv huwa tiegħi).

( 122 ) Ara s-sentenza appellata, punti 194 u 203, fejn issir referenza għal, rispettivament “żbalji fid-definizzjoni tas-suq rilevanti” u “definizzjoni żbaljata tas-suq tal-prodott inkwistjoni”.

( 123 ) Ara, ex multis, is-sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin vs Il-Kummissjoni (Kawża 22/78, Ġabra p. 1869, punt 5), Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 (punt 37), u tat-13 ta’ Diċembru 2007, United Pan-Europe Communications et (C-250/06, Ġabra p. I-11135, punt 21).

( 124 ) Digriet tas-16 ta’ Frar 2006, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni (Kawża C-111/04 P, punt 31).

( 125 ) Sentenza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni (Kawża T-213/00, Ġabra p. II-913, punt 206). Il-korsiv huwa tiegħi. Ara wkoll is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni (Kawża T-62/98, Ġabra p. II-2707, punt 230), u tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (Kawża T-44/00, Ġabra p. II-2223, punt 132).

( 126 ) F’dan is-sens, ara l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq id-definizzjoni ta’ suq rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 118 (punt 11), kif ukoll is-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti (punt 226).

( 127 ) Sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 125 (punt 226).

( 128 ) Ara s-sentenza appellata, punti 375 sa 379.

( 129 ) Ara s-sentenza appellata, punti 384 sa 395.

( 130 ) Li tgħid li “l-Kummissjoni għandha tivvaluta [tevalwa] l-eżistenza tal-kundizzjonijiet tal-punti B, C jew D u, konsegwentement, jekk huwiex possibbli li titnaqqas il-multa u ma tiġix imposta biss fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha”.

( 131 ) Ara r-rikors promotur tal-ewwel istanza, punt 9.2.1.

( 132 ) Ara s-sentenzi Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (punt 362), u BASF vs Il-Kummissjoni (punt 492), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2006, Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni (kawża T-26/02, Ġabra p. II-713, punt 156), li kollha wrew li l-aġġettiv “suffiċienti”, użat fil-punt B(a) tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, mhux qiegħed fil-punt B(b) tal-istess komunikazzjoni; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-26 ta’ April 2007, Bolloré et vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda T-109/02, T-118/02, T-122/02, T-125/02 u T-126/02, T-128/02 u T-129/02, T-132/02 u T-136/02, Ġabra p. II-947, punt 692).

( 133 ) Ara s-sentenzi BASF vs Il-Kummissjoni, iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 (punt 493), u Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti (punt 157).

( 134 ) F’dan is-sens, is-sentenza Daiichi Pharmaceutical vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 131 (punt 162).

( 135 ) B’mod partikolari, dawn huma l-laqgħat tad-19 ta’ Mejju 1992 f’Ġerusalemm (ara l-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata u p. 5 tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar, fejn hemm indikat il-jum ta’ wara bħala data probabbli tal-laqgħa, b’hekk b’differenza żgħira fiż-żmien); tal-1 ta’ Ġunju 1993 fl-Irlanda (ara l-premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata u p. 6 tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar) u tas-27 ta’ Ottubru 1993 fi Bruges (ara l-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata u p. 6 tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar).

( 136 ) Ara l-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 137 ) Ara l-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata u paġni 7 sa 8 tad-dikjarazzjoni bil-miktub ta’ Cerestar.

( 138 ) Ara għal konkużjonijiet analogi f’ċirkustanzi paragunabbli, is-sentenza BASF vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 (punt 568), kif ukoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Roquette Frères vs Il-Kummissjoni (kawża T-322/01, Ġabra p. II-3137, punti 238 sa 244, b’mod partikolari l-punt 242), u Archer Daniels Midland vs Il-Kummissjoni (Kawża T-329/01, Ġabra p. II-3255, punti 320 sa 324, partikolarment punt 323).