KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-30 ta’ Ġunju 2009 ( 1 )

Kawżi magħquda C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P

GlaxoSmithKline Services Unlimited, li qabel kienet Glaxo Wellcome plc

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Werrej

 

I — Il-kuntest ġuridiku

 

II — L-oriġini tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

 

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

 

A — It-talbiet tal-partijiet fil-kawżi differenti

 

1. Kawża C-501/06 P (l-appell ta’ GSK)

 

2. Kawża C-513/06 P (l-appell tal-Kummissjoni)

 

3. Kawża C-515/06 P (l-appell tal-EAEPC)

 

4. Kawża C-519/06 P (l-appell tal-Aseprofar)

 

B — Il-konnessjoni tal-kawżi u l-proċedura orali

 

IV — L-ammissibbiltà

 

A — L-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet dwar l-għan antikompetittiv, ippreżentati mill-Kummissjoni u mill-Aseprofar fl-appelli tagħhom (Kawżi C-513/06 P u C-519706 P)

 

B — L-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, taħt it-titolu “appell inċidentali”, b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P

 

1. L-argument tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv

 

a) L-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ appell inċidentali

 

b) L-ammissibbiltà fil-kuntest ta’ talba għaċ-ċaħda tal-appell

 

c) L-ammissibbiltà tal-aggravji bħala talba għaċ-ċaħda ta’ appell

 

d) L-identiċità tal-kontenut tal-aggravji ppreżentati mill-Kummissjoni fil-Kawżi C-513/06 P u C-501/06 P

 

2. L-argument tal-Kummissjoni dwar l-effett antikompetittiv

 

3. L-ammissibbiltà tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni safejn jikkontesta l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

 

C — Konklużjoni

 

V — L-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P

 

A — L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-parti tal-motivi tas-sentenza tagħha dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

 

1. Il-parti tal-motivi tas-sentenza appellata dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

 

2. Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan

 

3. L-iżbalji ta’ liġi

 

a) L-interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan

 

i) Il-konstatazzjoni li l-akkordji intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel jistgħu biss, fil-prinċipju, jiġu preżunti li għandhom għan antikompetittiv

 

ii) Il-preżunzjoni ta’ effett antikompetittiv

 

iii) Il-kunsiderazzjoni ta’ inkonvenjent għall-konsumaturi finali

 

iv) Il-kunsiderazzjoni limitata tal-benefiċċji tal-kummerċ parallel għall-konsumaturi finali

 

v) Konklużjoni

 

b) Il-kunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku

 

i) Is-suppożizzjoni li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali

 

ii) Is-suppożizzjonijiet u l-konstatazzjonijiet l-oħrajn

 

4. Konklużjoni

 

B — Is-sostituzzjoni tal-motivi

 

1. Il-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza

 

2. Il-konferma tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

 

a) Approċċ standardizzat

 

b) Preżunzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

 

c) Konklużjoni intermedjarja

 

3. Konklużjoni

 

C — Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni

 

D — Konklużjoni

 

VI — L-appelli tal-Kummissjoni, tal-Aseprofar u tal-EAEPC

 

A — Il-parti tal-motivi tas-sentenza appellata

 

B — L-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P u l-appell inċidentali tal-Kummissjoni fil-Kawża C-501/06 P

 

1. L-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE

 

a) L-iżnaturament tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku

 

b) Il-kunċett ta’ promozzjoni tal-progress tekniku, it-tqassim tal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ

 

i) L-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni użat għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet

 

ii) Il-limitu li minnu wieħed jista’ jippreżumi li l-akkordju jippreżenta benefiċċji f’termini ta’ effikaċja

 

iii) L-importanza tan-natura strutturali tad-differenzi fil-prezzijiet

 

iv) Il-flutwazzjonijiet monetarji

 

v) Ir-relazzjoni bejn il-mezzi finanzjarji addizzjonali ta’ GSK u l-promozzjoni tal-progress tekniku

 

vi) Konklużjoni

 

c) L-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti fil-passat fil-kuntest tal-analiżi prospettiva

 

i) L-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata

 

— L-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

 

— Is-sostituzzjoni tal-motivi

 

— Konklużjoni

 

ii) Il-kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti fil-passat

 

iii) Il-kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata

 

iv) Konklużjoni

 

d) L-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni

 

i) Il-ħolqien ta’ motiv ġdid ta’ annullament

 

ii) Il-qbiż tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

e) L-iżball ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn evalwazzjoni mgħaġġla tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ preżunzjonijiet mhux spjegati min-naħa tagħha

 

i) L-evalwazzjoni tal-evidenza mressqa minn GSK

 

ii) In-nuqqas ta’ spjegazzjoni li tindika għax kien impossibbli li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp mingħajr il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

 

2. Il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE

 

3. Konklużjoni

 

C — L-appell tal-EAEPC fil-Kawża C-515/06 P

 

1. Il-funzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

 

2. L-oneru tal-prova

 

3. Evalwazzjoni żbaljata jew kunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evidenza

 

a) Il-taqlib tal-oneru tal-prova

 

b) Evalwazzjoni żbaljata jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ fatt li jirriżultaw mid-dokumenti tal-proċess

 

c) It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ fatt żbaljati

 

4. Konklużjoni

 

D — L-appell tal-Aseprofar fil-Kawża C-519/06 P

 

1. L-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE

 

2. Il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE

 

a) Is-sehem ġust irriżervat lill-konsumaturi

 

b) In-natura indispensabbli tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

 

c) Il-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni

 

3. Konklużjoni

 

E — Konklużjoni

 

VII — Sinteżi

 

VIII — Konklużjoni

“Appelli — Akkordji — Limitazzjoni tal-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali — Artikolu 81(1) KE — Għan ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni — Leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-prezzijiet — Sostituzzjoni tal-motivi — Artikolu 81(3) KE — Kontribuzzjoni għall-promozzjoni tal-progress tekniku — Stħarriġ — Oneru tal-prova — Motivazzjoni — Interess ġuridiku”

1. 

Wara s-sentenza tagħha Sot. Lélos kai Sia ( 2 ), li s-suġġett tagħha kien l-evalwazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 82 KE ta’ miżuri unilaterali intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali, dawn l-appelli joffru lill-Qorti tal-Ġustizzja okkażjoni biex tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim b’tali skop mal-Artikolu 81 KE.

2. 

L-għan ta’ dawn l-appelli huwa l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tal-manifattur ta’ prodotti farmaċewtiċi GlaxoSmithKline Services Unlimited (iktar ’il quddiem “GSK”) fir-rigward tal-Artikolu 81 KE. Skont dawn il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, GSK talbet mingħand l-intermedjarji stabbiliti fi Spanja li lilhom hija kienet tbiegħ il-prodotti mediċinali (iktar ’il quddiem l-“intermedjarji Spanjoli”) prezzijiet differenti għal ċerti prodotti mediċinali, skont jekk huma jagħmlux distribuzzjoni tagħhom fi Spanja jew fi Stati Membri oħrajn.

3. 

L-oġġettiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kien li jiġi llimitat il-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali ta’ GSK bejn Spanja u Stati Membri oħrajn, li kien qed jiġi pprattikat mill-intermedjarji Spanjoli minħabba differenzi fil-prezzijiet bejn l-Istati Membri. Skont GSK, il-kummerċ parallel jibbenefika l-iktar lill-intermedjarji. Min-naħa l-oħra, limitazzjoni tal-kummerċ parallel hija vantaġġuża għall-konsumaturi finali. Fil-fatt, id-dħul żejjed li GSK, jew il-grupp li minnu hija tifforma parti ( 3 ), tikseb permezz tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel jista’ jiġi investit fir-riċerka u fl-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali ġodda.

4. 

GSK innotifikat il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ lill-Kummissjoni. B’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2001 ( 4 ) (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE u ma setgħux jiġu eżentati abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Fir-rigward tar-rikors ippreżentat minn GSK, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat id-deċiżjoni kkontestata permezz tas-sentenza tagħha tas-27 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża T-168/01 ( 5 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) inkwantu l-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jmorru kontra l-Artikolu 81(1) KE, iżda annullatha inkwantu l-Kummissjoni ċaħdet it-talba għal eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

5. 

Minn naħa, fl-appell tagħha fil-Kawża C-501/06 P, GSK tikkontesta s-sentenza appellata inkwantu tikkonferma d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE. Min-naħa l-oħra, fl-appell tagħhom fil-Kawżi C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P, il-Kummissjoni (sostnuta mir-Repubblika tal-Polonja bħala intervenjenti), l-Asociación de exportadores españoles de productos farmacéuticos (iktar ’il quddiem l-“Aseprofar”) u l-European Association of Euro Pharmaceutical Companies (iktar ’il quddiem l-“EAEPC”) jikkontestaw is-sentenza appellata inkwantu tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn hija ċaħdet it-talba għal eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

I — Il-kuntest ġuridiku

6.

L-Artikolu 3(1)(g) KE jipprovdi li l-attivitajet tal-Komunità għandhom jinkludu sistema li tiżgura li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

7.

L-Artikolu 81 KE jipprovdi:

“1.   Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq komuni u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta' assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, partikolarment dawk li jinvolvu:

a)

l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet ta' l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kundizzjonijiet oħra tan-negozju;

b)

il-limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni, tas-swieq, ta' l-iżvilupp tekniku jew ta' l-investiment;

c)

it-tqassim tas-swieq jew it-tqassim ta’ fonti ta’ provvista;

d)

l-applikazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti għal transazzjonijiet ekwivalenti ma partijiet oħra, li b' hekk jiġu mqiegħda fi żvantaġġ kompetittiv;

e)

Is-suġġettar tal-konklużjoni ta’ kuntratt għall-aċċettazzjoni, mill-parti l-oħra, ta’ obbligi addizzjonali li, jew min-natura tagħhom jew skond l-użu kummerċjali, ma jkollhom l-ebda konnessjoni mas-suġġett ta' dawk il-kuntratti.

2.   L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-disposizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

3.   Madankollu, id-disposizzjonijet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta' impriżi jew kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet ta' impriżi,

u

prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma

li jikkontribwixxu biex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew biex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

a)

jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta' l-għanijiet ta’ hawn fuq;

b)

jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f'parti sostanzjali tal-prodotti in kwistjoni.”

8.

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa ( 6 ) tistabbilixxi rekwiżiti li jippermettu li jiġi vverifikat jekk dawk il-miżuri jikkostitwixxux restrizzjonijiet kwantitattivi tal-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet, jew miżuri b’effett ekwivalenti.

9.

Fil-mument tan-notifika kienu jeżistu regolamenti nazzjonali differenti li jirregolaw il-prezzijet tal-prodotti mediċinali fl-Istati Membri (iktar ’il quddiem ir-“regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet”). Dawn kienu jikkonsistu, b’mod partikolari, f’regolamenti dwar l-iffissar tal-prezz tal-bejgħ, ir-rati ta’ rimbors ta’ prodotti mediċinali jew il-profitti tal-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi.

II — L-oriġini tal-kawża, id-deċiżjoni kkontestata u s-sentenza appellata

10.

Il-grupp li minnu tifforma parti GSK huwa wieħed mill-manifatturi prinċipali ta’ prodotti farmaċewtiċi fid-dinja. GSK daħlet fi ftehim ( 7 ) dwar l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Marzu 1998, ma’ 89 intermedjarju Spanjol li magħhom hija kellha relazzjonijiet kummerċjali ’l barra minn netwerk ta’ distribuzzjoni. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu jiffissaw żewġ prezzijiet differenti, imsejħa rispettivament il-prezz 4A u l-prezz 4B, għal 82 prodott mediċinali.

11.

Il-prezz 4A b’ebda każ ma kien jaqbeż il-prezz industrijali massimu ffissat mill-awtoritajiet tas-saħħa Spanjoli. Dan kien jiġi impost meta, fl-ewwel lok, il-prodotti mediċinali kienu ffinanzjati mill-fondi tas-sigurtà soċjali Spanjoli jew minn fondi pubbliċi Spanjoli u, fit-tieni lok, meta l-prodotti mediċinali mixtrija kienu sussegwentement iddistribwiti minn spiżeriji u sptarijiet Spanjoli.

12.

Fil-każijiet l-oħrajn kollha, kien jiġi impost il-prezz 4B. Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu jipprovdu li l-prezz 4B kellu jkun iffissat skont kriterji reali, oġġettivi u mhux diskriminatorji, indipendentement mid-destinazzjoni tal-prodott iddeterminata mix-xerrej. B’dan il-mod, kien previst li jiġi applikat b’mod partikolari l-prezz — rivedut meta meħtieġ — li GSK kienet ipproponiet lill-awtoritajiet tas-saħħa Spanjoli fil-bidu tan-negozjati li saru fil-kuntest tal-proċedura Spanjola tal-iffissar tal-prezzijiet.

13.

Il-prodotti mediċinali kkonċernati kienu, b’mod partikolari, dawk magħrufa bl-ismijiet Beconase, Becloforte, Becotide, Flixotide, Serevent, Ventolin, Lamictal u Imigran, li kienu partikolarment suxxettibbli għal kummerċ parallel bejn Spanja u r-Renju Unit minħabba differenzi fil-prezzijiet.

14.

B’ittra tas-6 ta’ Marzu 1998, GSK ippreżentat, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 17/62: l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat ( 8 ) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru. 17”), talba sabiex jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ma jmorrux kontra l-Artikolu 81(1) KE, (attestazzjoni negattiva) u, sussidjarjament, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru. 17, talba għal eżenzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn it-talbiet. Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, hija kkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE. Hija mmotivat din il-konstatazzjoni billi indikat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ mhux biss kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni iżda kellhom ukoll dak l-effett. Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ċaħdet it-talba għal eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

15.

GSK ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Is-sentenza appellata tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006 laqgħet ir-rikors ta’ GSK biss parzjalment. Fil-punt 2 tad-dispożittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors fir-rigward tal-kontestazzjoni kontra l-konstatazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex tippreżumi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Madankollu, hija ċaħdet l-parti tar-rikors li tikkontesta l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata peress li finalment hija kkonfermat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effetti antikompetittivi tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Fil-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet ir-rikors fir-rigward tal-kontestazzjoni kontra ċ-ċaħda tat-talba għal eżenzjoni ( 9 ). Fil-punti 3 sa 5 tad-dispożittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet dwar l-ispejjeż.

III — Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

A — It-talbiet tal-partijiet fil-kawżi differenti

1. Kawża C-501/06 P (l-appell ta’ GSK)

16.

GSK appellat mis-sentenza appellata b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2006. Dik il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C-501/06 P.

17.

Fl-appell tagħha, GSK titlob

li tiġi annullata s-sentenza appellata inkwantu tiċħad it-talba ta’ GSK għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata;

li tittieħed kull miżura oħra adattata;

li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

18.

F’din il-kawża, b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK, il-Kummissjoni titlob

li l-appell ta’ GSK jiġi miċħud fit-totalità tiegħu;

li jiġu annullati l-punti 1, kif ukoll 3 sa 5, tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-merti billi tiċħad ir-rikors fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala infondat;

li GSK tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kawża T-168/01 u ta’ dan l-appell.

19.

B’reazzjoni għal dawn it-talbiet tal-Kummissjoni, GSK titlob

li jiġu miċħuda l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni bħala inammissibbli u infondati;

li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

20.

F’din il-proċedura, b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK, l-EAEPC titlob

li l-appell ta’ GSK jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

21.

F’din il-proċedura, b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK, l-Aseprofar titlob

li l-appell ta’ GSK jiġi miċħud fit-totalità tiegħu;

li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors fil-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza u li tissostitwixxi l-motivi tas-sentenza appellata, fil-punti 91 sa 195, dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE;

li jiġu annullati l-punti 3, 4 u 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, dwar l-ispejjeż, u li GSK tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tal-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ din il-proċedura.

22.

Ir-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata biex tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni u titlob:

li l-appell jiġi miċħud fit-totalità tiegħu;

li jiġu annullati l-punti 1 u 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li tiċħad ir-rikors ta’ annullament ta’ GSK.

23.

B’reazzjoni għat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja, GSK issostni t-talbiet tagħha u titlob barra minn hekk:

li tiġi miċħuda parzjalment it-talba tar-Repubblika tal-Polonja għal inammissibbiltà;

li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

2. Kawża C-513/06 P (l-appell tal-Kummissjoni)

24.

Il-Kummissjoni appellat mis-sentenza appellata b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2006. Dik il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C 513/06 P.

25.

Fl-appell tagħha, il-Kummissjoni titlob:

li jiġu annullati l-punti 1 u 3 sa 5, tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-merti billi tiċħad ir-rikors fil-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza;

li GSK tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-appell.

26.

L-EAEPC issostni t-talbiet tal-Kummissjoni.

27.

B’reazzjoni għall-appell tal-Kummissjoni, f’din il-kawża, GSK titlob:

li l-appell tal-Kummissjoni jiġi miċħud bħala inammissibbli jew infondat;

li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

28.

Ir-Repubblika tal-Polonja ġiet awtorizzata biex tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni u titlob:

li jiġu annullati l-punti 1 u 3 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv dwar ir-rikors fil-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza u li tiċħad ir-rikors ta’ annullament ta’ GSK.

29.

B’reazzjoni għat-talba tar-Repubblika tal-Polonja, GSK issostni t-talbiet tagħha u titlob barra minn hekk:

li jiġi miċħud parzjalment ir-rikors tar-Repubblika tal-Polonja bħala inammissibbli;

li r-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

3. Kawża C-515/06 P (l-appell tal-EAEPC)

30.

L-EAEPC appellat mis-sentenza appellata b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Diċembru 2006. Dik il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C 515/06 P.

31.

Fl-appell tagħha, l-EAEPC titlob:

li tiġi annullata s-sentenza appellata inkwantu tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni;

li GSK tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

32.

Il-Kummissjoni ssostni t-talbiet tal-EAEPC.

33.

B’reazzjoni għall-appell tal-EAEPC, GSK titlob:

li jiġi miċħud l-appell għal inammissibbiltà jew infondatezza;

li l-EAEPC tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

4. Kawża C-519/06 P (l-appell tal-Aseprofar)

34.

L-Aseprofar appellat mis-sentenza appellata b’nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Diċembru 2006. Dik il-kawża ġiet irreġistrata bin-numru C 519/06 P.

35.

Fl-appell tagħha, l-Aseprofar titlob:

li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata;

li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża prinċipali billi tiċħad ir-rikors ta’ GSK u billi tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata;

li jiġu annullati l-punti 3, 4 u 5, tad-dispożittiv dwar l-ispejjeż, u li GSK tiġi kkundannata għall-ispejjeż kollha tal-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza u tal-appell.

36.

Il-Kummissjoni u l-EAEPC isostnu t-talbiet tal-Aseprofar.

37.

B’reazzjoni għall-appell tal-Aseprofar, GSK titlob:

li jiġi miċħud l-appell għal inammissibbiltà u infondatezza;

li l-Aseprofar tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

B — Il-konnessjoni tal-kawżi u l-proċedura orali

38.

B’digriet tas-17 ta’ Diċembru 2008, il-Kawżi C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P ġew magħquda sabiex ikunu suġġetti għal proċedura orali u deċiżjoni komuni.

39.

Saret seduta fit-18 ta’ Marzu 2009, li fiha r-rappreżentanti ta’ GSK, tal-Kummissjoni, tal-EAEPC, tal-Aseprofar u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Polonja pparteċipaw, ippreċiżaw is-sottomissjonijiet tagħhom u wieġbu għal xi domandi.

IV — L-ammissibbiltà

40.

GSK qajmet eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kontra parti mit-talbiet u mill-motivi tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar. Għandna nibdew billi neżaminaw dawn l-eċċezzjonijiet peress li huma bbażati fuq it-talbiet kollha tal-partijiet fid-diversi kawżi u l-konnessjonijiet ta’ bejniethom.

41.

Fl-ewwel lok, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà huma mmirati kontra s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fl-appelli tagħhom fil-Kawżi C-513/06 P u C-519/06 P, li jallegaw li l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-għan antikompetittiv huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi (A). Fit-tieni lok, fil-Kawża C-501/06 P, GSK titlob li parti mit-talbiet u mis-sottomissjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni b’reazzjoni għall-appell tagħha għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli (B).

A — L-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet dwar l-għan antikompetittiv, ippreżentati mill-Kummissjoni u mill-Aseprofar fl-appelli tagħhom (Kawżi C-513/06 P u C-519/06 P)

42.

L-appelli tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fil-Kawżi C-513/06 P u C-519/06 P huma ammissibbli inkwantu jitolbu l-annullament tal-punt 1 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni u l-Aseprofar, li jħossuhom aggravati mill-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, jinvokaw ir-raġunijiet għalfejn fil-fehma tagħhom l-imsemmi punt għandu jiġi annullat.

43.

GSK tiddubita mill-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar li jallegaw li parti mill-motivi li fuqhom huwa bbażat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

44.

GSK ġustament issostni li dawn l-argumenti ma jistgħux jiġu aċċettati bħala motivi awtonomi. Il-Kummissjoni u l-Aseprofar ma jitolbux annullament imma konferma tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, iżda flimkien ma’ sostituzzjoni tal-motivi. Tali talba hija inammissibbli fil-kuntest ta’ appell ( 10 ). Skont ġurisprudenza kostanti, il-parti li tressaq l-appell ma tistax, fil-prinċipju, titlob ir-reviżjoni ta’ parti tal-motivi ta’ sentenza ħlief jekk din tkun fiha żball ta’ liġi li jista’ jqiegħed f’dubju d-dispożittiv ( 11 ). Għaldaqstant, fil-prinċipju ( 12 ), ebda interess ġuridiku ma jippermetti li jiġu invokati sottomissjonijiet li ma jkunux immirati kontra d-dispożittiv iżda biss kontra l-motivi tas-sentenza appellata.

45.

Il-Kummissjoni u l-Aseprofar jargumentaw insostenn tal-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet tagħhom li l-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, skont l-Artikolu 81(1) KE, kellhom effett fuq il-motivi tal-imsemmija sentenza fir-rigward tal-possibbiltà li jiġu eżentati l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

46.

Anki kieku din il-konklużjoni kienet korretta, għar-raġunijiet indikati qabel, din ma tistax twassal biex l-appellanta tiġi rikonoxxuta li għandha interess ġuridiku li jiġġustifika talba dettaljata ta’ sostituzzjoni tal-motivi. F’dan il-każ, l-argument jista’ jiġi aċċettat biss sakemm huwa ta’ natura li jqiegħed f’dubju l-parti tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li hija ta’ aggravju għall-appellanti.

47.

Għaldaqstant, l-argumenti kontra l-parti tal-motivi dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, ippreżentati fl-appelli tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fil-Kawżi C-513/06 P u C-519/06 P, ma jistgħux jiġu aċċettati bħala aggravji awtonomi kontra dik il-parti tas-sentenza. Jistgħu jiġu aċċettati biss fil-kuntest tat-talba għall-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv, jiġifieri inkwantu jirrigwardaw il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-Artikolu 81(3) KE.

B — L-ammissibbiltà tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, taħt it-titolu “appell inċidentali”, b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P

48.

Fil-Kawża C-501/06 P, il-Kummissjoni rreaġixxiet kif ġej għall-appell ta’ GSK:

Fl-ewwel lok, taħt it-titolu “risposta”, hija rreaġixxiet għas-sottomissjonijiet ippreżentati minn GSK kontra l-motivi tas-sentenza appellata dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ sabiex tikseb l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tal-imsemmija sentenza.

Fit-tieni lok, taħt it-titolu ta’ “appell inċidentali”, hija invokat ir-raġunijiet għalfejn il-Qorti tal-Prim’Istanza kien diġà messa bbażat l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata fuq il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

Fit-tielet lok, ukoll taħt it-titolu ta’ “appell inċidentali”, hija sostniet li l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu vvizzjati bi żbalji ta’ liġi. B’hekk, il-Kummissjoni invokat żbalji ta’ liġi fil-motivi tas-sentenza appellata, li fuqhom ibbażat il-Qorti tal-Prim’Istanza biex finalment tikkonferma l-konstatazzjoni, li hija kienet stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ marru kontra l-Artikolu 81(1) KE.

Fir-raba’ lok, taħt it-titolu ta’ “appell inċidentali”, hija talbet l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Hija argumentat insostenn ta’ din it-talba li l-Qorti tal-Prim’Istanza annullat b’mod żbaljat l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu l-Kummissjoni kienet ċaħdet it-talba għal eżenzjoni abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

49.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-risposta tal-Kummissjoni għall-aggravji invokati minn GSK, ippreżentati fl-ewwel inċiż tal-punt preċedenti, hija fil-fatt ammissibbli bħala talba għal ċaħda ta’ appell fis-sens tal-ewwel każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Huwa għalhekk illi iktar ’il quddiem ser jiġu eżaminati biss it-talbiet u l-aggravju ippreżentati mill-Kummissjoni, taħt it-titolu “appell inċidentali”.

1. L-argument tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv

50.

B’reazzjoni għall-appell ta’ GSK, il-Kummissjoni invokat żbalji ta’ liġi fil-motivi li fuqhom ibbażat il-Qorti tal-Prim’Istanza biex tikkonstata li hija ma kellhiex tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. GSK tikkunsidra li dawn il-motivi huma inammissibbli.

a) L-inammissibbiltà fil-kuntest ta’ appell inċidentali

51.

Fl-ewwel lok għandu jiġi aċċettat l-argument ta’ GSK li dan l-aggravju huwa inammissibbli fil-kuntest ta’ appell inċidentali abbażi tat-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Mhuwiex possibbli li jiġu kkontestati biss il-motivi tas-sentenza appellata, la fil-kuntest ta’ appell u lanqas fil-kuntest ta’ appell inċidentali ( 13 ).

b) L-ammissibbiltà fil-kuntest ta’ talba għaċ-ċaħda tal-appell

52.

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat matul il-proċedura li dan it-tip ta’ argument huwa mmirat l-iktar biex jirrispondi għall-appell ta’ GSK. Hija ma tridx li dan l-argument jitqies bħala appell inċidentali, skont it-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura, iżda bħala talba għaċ-ċaħda ta’ appell fis-sens tal-ewwel każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-imsemmi regolament.

53.

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li tali argument jista’ ċertament jiġi aċċettat fil-kuntest ta’ talba għaċ-ċaħda ta’ appell, taħt l-ewwel każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura, waqt li ma jistax jiġi aċċettat fil-kuntest ta’ appell taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 113(1), jew appell inċidentali taħt it-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

54.

Fil-fatt, talba għaċ-ċaħda ta’ appell tista’ tkun ibbażata fuq talba għas-sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiċħadx appell biss fil-każ fejn hija tikkonferma li l-motivi tas-sentenza appellata mhumiex ivvizzjati bi żball ta’ liġi. Hija tiċħad appell ukoll fil-każ fejn hija tkun tista’ tissostitwixxi motivi vvizzjati bi żbalji ta’ liġi b’motivi li ma jkunux u li b’hekk jagħtu bażi lill-parti tad-dispożittiv tas-sentenza appellata kkontestata fl-appell ( 14 ).

55.

Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li f’din il-kawża jeżisti dan il-każ. L-Artikolu 81(1) KE jistipula kundizzjoni alternattiva, l-eżistenza ta’ għan jew effett antikompetittiv ( 15 ). Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ imorru kontra l-Artikolu 81(1) KE mhux biss fuq l-għan tagħhom iżda wkoll fuq l-effett antikompetittiv tagħhom.

56.

Tabilħaqq, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv ma kinitx suffiċjenti, madankollu, hija ċaħdet ir-rikors ta’ GSK, peress li finalment hija kkonfermat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett antikompetittiv. Huwa għalhekk li, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

57.

Għaldaqstant, f’risposta, il-Kummissjoni tista’ titlob li jiġi miċħud l-appell ta’ GSK kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata billi ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza diġà kien messa kkonfermat il-motivazzjoni tagħha dwar il-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

c) L-ammissibbiltà tal-aggravji bħala talba għaċ-ċaħda ta’ appell

58.

Għaldaqstant, fl-ewwel lok wieħed għandu jsaqsi jekk l-argument tal-Kummissjoni, taħt it-titolu “appell inċidentali”, jistax jitqies bħala talba għal ċaħda ta’ appell.

59.

Kuntrarjament għal dak sostnut minn GSK, dan ma jistax jiddependi biss mid-diċitura magħżula; dan jiddependi pjuttost mill-intenzjoni manifesta tal-Kummissjoni. Tabilħaqq, interpretazzjoni tali, jew kwalifikazzjoni mill-ġdid, skont l-intenzjoni ta’ parti, tilħaq il-limitu tagħha meta jiġu ppreġudikati d-drittijiet ta’ difiża tal-parti l-oħra, b’mod speċjali meta l-intenzjoni ma tkunx dehret b’mod biżżejjed ċar għall-parti l-oħra. Madankollu, peress li l-parti taħt it-titolu “appell inċidentali” hija intiża b’mod ċar biex tikseb iċ-ċaħda tal-appell ta’ GSK, flimkien ma’ sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata, jidhirli li huwa aċċettabbli li tiġi interpretata jew ikkwalifikata mill-ġdid bħala talba għal ċaħda ta’ appell. Ma jidhirlix li dan jippreġudika d-drittijiet ta’ difiża ta’ GSK. Din tal-aħħar ippreżentat osservazzjonijiet dettaljati dwar il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

60.

Irrispettivament minn jekk huwiex possibbli li l-“appell inċidentali” jiġi interpretat jew ikkwalifikat mill-ġdid b’tali mod li jitqies bħala ċaħda ta’ appell, jidhirli li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat il-kontenut tas-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Fil-fatt, is-setgħa ta’ sostituzzjoni tal-motivi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tkun suġġetta għal talba f’dan is-sens mill-appellata.

61.

Tabilħaqq, mhuwiex possibbli li jiġu ssostitwiti l-motivi ta’ sentenza jekk ma tinqalax l-okkażjoni, jiġifieri barra mill-kuntest ta’ appell. Madankollu, jekk appell jikkontesta l-parti tad-dispożittiv li l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ibbażat fuq il-parti tal-motivi inkwistjoni, allura s-sostituzzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma tistax tkun suġġetta għall-formulazzjoni ta’ talba f’dan is-sens, jew għal proposta ta’ motivi ta’ sostituzzjoni ppreżentati mill-konvenuta. Fil-fehma tiegħi dan l-approċċ mhuwiex kompatibbli mal-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kif iddefinita fl-Artikolu 220 KE. Dik id-dispożizzjoni tistipula li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha (invokati b’mod partikolari bil-preżentata ta’ appell), l-osservanza tad-dritt fl-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tat-Trattat. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi l-uniku approċċ kompatibbli ma’ dak l-artikolu huwa wieħed li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi motivi fil-kuntest ta’ appell, indipendentement mill-eżistenza ta’ talba f’dak is-sens mill-konvenuta. Fil-kawżi ċċitati fin-nota 14, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet ex ufficio għal sostituzzjoni tal-motivi, li jikkonferma din il-pożizzjoni.

62.

Peress li s-setgħa ta’ sostituzzjoni tal-motivi li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex suġġetta għal talba tal-partijiet, is-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni, taħt it-titolu “appell inċidentali”, jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-eżami tal-appell ta’ GSK, anki jekk jirriżulta li huwa impossibbli li jiġu interpretati jew ikkwalifikati mill-ġdid bħala talba għal ċaħda ta’ appell.

d) L-identiċità tal-kontenut tal-aggravji ppreżentati mill-Kummissjoni fil-Kawżi C-513/06 P u C-501/06 P

63.

Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud ukoll l-aggravju ta’ GSK, fejn hija ssostni li l-identiċità tal-kontenut tas-sottomissjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni fl-appell tagħha fil-Kawża C-513/06 P u fir-reazzjoni tagħha għall-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P tikkostitwixxi abbuż tal-proċedura.

64.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, għalkemm ġew magħquda, iż-żewġ kawżi dejjem għandhom jitqiesu bħala awtonomi. Fit-tieni lok, l-ilment ta’ GSK b’ebda mod ma jista’ jirnexxi billi hemm lok li jiġu miċħuda bħala inammissibbli l-aggravji inkwistjoni tal-Kummissjoni, invokati fil-kuntest tal-appell tagħha fil-Kawża C-513/06 P ( 16 ). Għaldaqstant, ma hemmx “repetizzjoni ta’ aggravji identiċi”, kif allegat minn GSK. Fit-tielet lok, fil-Kawża C-501/06 P, wieħed ma jistax jiċħad li l-Kummissjoni għandha interess li s-sottomissjonijiet tagħha jiġu kkunsidrati, għar-raġunijiet indikati qabel ( 17 ).

2. L-argument tal-Kummissjoni dwar l-effett antikompetittiv

65.

Kif intqal iktar ’il fuq ( 18 ), b’reazzjoni għall-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P, il-Kummissjoni invokat raġunijiet oħrajn, ukoll taħt it-titolu “appell inċidentali”, biex tispjega għalfejn il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-effett antikompetittiv skont l-Artikolu 81(1) KE kienu vvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

66.

Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li GSK tinvoka wkoll kontra dan l-aggravju, nirreferi għall-argument li ssemma qabel ( 19 ). Bħala appell inċidentali, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fir-rigward tal-kwistjoni jekk huwiex possibbli li tiġi kkunsidrata din is-sottomissjoni tal-Kummissjoni, huwa inqas faċli li din tal-aħħar tiġi interpretata, jew ikkwalifikata mill-ġdid, bħala talba għal ċaħda tal-appell mis-sottomissjoni dwar l-għan kompetittiv diskussa preċedentement. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Kummissjoni sempliċement allegat li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi, mingħajr ma ppreċiżat kif għandhom jiġu ssostitwiti l-motivi kkunsidrati bħala żbaljati. Madankollu, il-fatt li dan l-aggravju jirrigwarda fl-ewwel lok il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, u mhux iċ-ċaħda tal-appell, jista’ jiġi rrimedjat billi jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni tixtieq li l-motivi li fil-fehma tagħha huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi jiġu ssostitwiti b’motivi li jikkonfermaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Fi kwalunkwe każ, is-sottomissjoni tal-Kummissjoni dwar l-effett antikompetittiv, taħt it-titolu “appell inċidentali”, tista’ tiġi aċċettata wkoll bis-saħħa tas-setgħa tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi l-motivi ex ufficio, li ssemmiet iktar ’il fuq ( 20 ), mingħajr mhuwa neċessarju li tittieħed deċiżjoni dwar jekk tistax tiġi interpretata jew ikkwalifikata mill-ġdid bħala talba għaċ-ċaħda tal-appell.

3. L-ammissibbiltà tal-appell inċidentali tal-Kummissjoni safejn jikkontesta l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

67.

Kif semmejt iktar ’il fuq ( 21 ), il-Kummissjoni talbet ukoll l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, taħt it-titolu ta’ “appell inċidentali”. F’dan il-każ, dan huwa effettivament appell inċidentali fis-sens tat-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

68.

GSK tikkunsidra li dan l-appell inċidentali huwa inammissibbli, peress li l-Kummissjoni diġà talbet l-annullament tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata fl-appell tagħha fil-Kawża C-513/06 P. Hija tal-fehma li mhuwiex possibbli li wieħed iressaq kemm appell kif ukoll appell inċidentali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tinvoka, b’mod partikolari, l-awtonomija tal-proċeduri u ssostni li appellanti tista’, barra minn hekk, tintervjeni fil-kuntest ta’ appell ieħor kontra s-sentenza appellata.

69.

L-appell inċidentali tal-Kummissjoni fil-Kawża C-501/06 P huwa ammissibbli.

70.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kawżi C-501/06 P u C-513/06 P ma tilfux in-natura awtonoma tagħhom, minkejja li ġew magħquda. Għall-kuntrarju, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet invokati f’kull każ individwali.

71.

Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak sostnut minn GSK, l-eżerċizzju ta’ rimedju previst mir-Regoli tal-Proċedura ma jistax jitqies a priori bħala abużiv għal kunsiderazzjonijiet ta’ ekonomija proċedurali.

72.

Fit-tielet lok, b’ebda mod ma jirriżulta mid-diċitura tat-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura li parti li diġà tkun ressqet appell ma tistax tippreżenta appell inċidentali. Appell inċidentali jista’ jirriżulta prattiku, b’mod partikolari meta parti tkun tixtieq tistenna qabel tippreżenta appell sabiex tara jekk xi parti oħra tikkontestax is-sentenza. Madankollu, dan ma jikkostitwixxix kundizzjoni għall-applikazzjoni tat-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li parti tista’ inizjalment tiddeċiedi li tippreżenta appell limitat għal ċerti aggravji u li tippreżenta appell inċidentali iktar estensiv malli jiġi ppreżentat appell mill-parti l-oħra. Dan il-mod kif wieħed jipproċedi għandu jitqies bħala kompatibbli mad-diċitura u mal-oġġettiv tat-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

73.

Fir-raba’ lok, kuntrarjament għal dak sostnut minn GSK fl-aggravju tagħha, la l-prinċipju ta’ konċentrazzjoni tal-proċeduri u lanqas il-prinċipju li ma jistgħux jiġu mqajma aggravji ġodda wara l-iskadenza tat-terminu preskrittiv tar-rikors ma jipprekludu l-preżentata ta’ appell flimkien ma’ appell inċidentali. Skont it-tieni każ ipotetiku tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 116(1) tar-Regoli tal-Proċedura, parti tista’ titlob ukoll l-annullament totali tas-sentenza billi tippreżenta appell inċidentali, anki wara l-iskadenza tat-terminu preskrittiv tal-appell ( 22 ). Jekk ir-Regoli tal-Proċedura jippermettu lil parti li tikkontesta sentenza fit-totalità tagħha billi tressaq appell inċidentali, anki wara l-iskadenza tat-terminu preskrittiv għal appell, allura jidhirli li l-osservanza tal-prinċipju ta’ konċentrazzjoni tal-proċeduri u tal-prinċipju li ma jistgħux jiġu ppreżentati aggravji ġodda ma tistax, a fortiori, tipprekludi parti milli tippreżenta appell inċidentali minħabba li hija tkun diġà ppreżentat appell.

74.

Fl-aħħar, għandha tiġi miċħuda wkoll l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata minn GSK, li tikkunsidra li l-grad għoli ta’ identiċità fil-kontenut bejn l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P u l-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C-501/06 P tikkostitwixxi abbuż tal-proċedura. Fil-fatt, f’dan il-każ ukoll, għandu jiġi mfakkar li l-kawżi differenti huma awtonomi ( 23 ).

C — Konklużjoni

75.

Biex nikkonkludi l-eżami tal-ammissibbiltà, jiena tal-fehma li l-aggravji dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, invokati mill-Kummissjoni u mill-Aseprofar fil-Kawżi C-513/06 P u C-519/06 P, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli għaliex jirrigwardaw unikament sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza appellata.

76.

Min-naħa l-oħra, is-sottomissjoni tal-Kummissjoni dwar il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward tal-għan u tal-effett antikompetittivi tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ tista’ tiġi aċċettata fit-totalità tagħha fil-kuntest tal-eżami tal-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P. L-istess jgħodd għas-sottomissjonijiet korrispondenti invokati f’din il-kawża mill-Aseprofar ( 24 ), l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja.

77.

Fl-aħħar, l-appell ippreżentat mill-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P ma jirriżultax fl-inammissibbiltà tal-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C-501/06 P.

V — L-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P

78.

L-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P essenzjalment huwa mmirat kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fl-imsemmi punt il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors ta’ GSK f’dak li jirrigwarda l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dak l-artikolu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ GSK imorru kontra l-Artikolu 81 KE.

79.

Qabel ma nibda neżamina l-appell, nixtieq niġbed l-attenzjoni għal din iċ-ċirkostanza partikolari: il-Kummissjoni, l-Aseprofar, l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja jitolbu sostituzzjoni tal-motivi tas-sentenza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Fil-Kawża C-501/06 P, huma b’hekk jitolbu li jiġi miċħud l-appell ta’ GSK, billi jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ( 25 ). Fit-tieni lok, nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-istruttura regolatorja tal-Artikolu 81(1) KE, li jipprevedi li l-ewwel għandu jiġi eżaminat jekk akkordju għandux għan antikompetittiv u sussegwentement, biss jekk ir-riżultat ikun negattiv, għandu jiġi eżaminat jekk jipproduċix effetti antikompetittivi ( 26 ).

80.

Fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw li jiġi eżaminat l-ewwel jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqitx żball ta’ liġi fil-motivi tas-sentenza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ u jekk dan jirriżultax f’sostituzzjoni tal-motivi. Fil-fatt, jekk il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jikkunsidraw li l-Kummissjoni żbaljat meta ppreżumiet li l-kundizzjonijiet ġenerali kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, kellhom jiġu ssostitwiti b’motivi li jagħtuha raġun fuq dak il-punt, ikollu jiġi miċħud minnufih l-appell ta’ GSK ( 27 ). Fil-fatt, l-aggravji ta’ din tal-aħħar kontra l-motivi tas-sentenza appellata dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ b’hekk ma jkunux jistgħu jirnexxu.

81.

Huwa għalhekk li ser neżamina l-ewwel jekk il-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ humiex ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi (A). Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, sussegwentement ser neżamina jekk, bis-saħħa tas-setgħat li għandha fil-kuntest tal-proċedura ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tistax tissostitwixxi dawk il-motivi żbaljati b’motivi li jikkonfermaw li l-Kummissjoni setgħet ġustament tippreżumi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom għan antikompetittiv (B). Jekk il-kundizzjonijiet għas-sostituzzjoni tal-motivi dwar l-għan antikompetittiv ikunu sodisfatti, l-aggravji fl-appell ta’ GSK kontra l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jitilfu r-rilevanza tagħhom, peress li ma jkunux jistgħu jkomplu jqiegħdu f’dubju l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata (C).

A — L-iżbalji ta’ liġi mwettqa mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-parti tal-motivi tas-sentenza tagħha dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

82.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar, l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fil-parti tal-motivi tagħha dwar il-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. B’hekk, fl-ewwel lok ser neżamina fil-qosor il-parti inkwistjoni tal-motivi tas-sentenza appellata (1) u l-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan (2). Sussegwentement, ser neżamina fuq din il-bażi l-iżbalji ta’ liġi li jivvizzjaw il-parti inkwistjoni tas-sentenza appellata (3).

1. Il-parti tal-motivi tas-sentenza appellata dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

83.

Fil-punti 114 sa 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom għan antikompetittiv. Il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel ikkonstatat li l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ GSK kellhom l-għan li jillimitaw il-kummerċ parallel u li l-għan ta’ akkordji tali jitqies fil-prinċipju bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 28 ).

84.

Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat f’din il-kawża li l-oġġettiv ta’ restrizzjoni tal-kummerċ parallel mhuwiex biżżejjed biex wieħed jippreżumi li l-akkordju kellu għan antikompetittiv. Għall-kuntrarju hija kienet tal-fehma li l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE ma setgħetx tiddependi biss minn jekk l-akkordju inkwistjoni rrestrinġiex il-kummerċ parallel u jekk b’hekk affettwax il-kummerċ. Hija kienet tal-fehma li f’din il-kawża kienet meħtieġa wkoll analiżi bil-għan li jiġi ddeterminat jekk l-akkordju għandux l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, għad-detriment tal-konsumatur finali ( 29 ). Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, limitazzjoni tal-kummerċ parallel ma tistax titqies li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ħlief jekk ikun jista’ jiġi preżunt li dik il-limitazzjoni ċċaħħad lill-konsumaturi finali mill-benefiċċji ta’ kompetizzjoni effikaċi ( 30 ).

85.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, meta jitqies il-kuntest ġuridiku u ekonomiku li fih jinsabu l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ GSK, ma jistax jiġi preżunt li dawn iċaħħdu lill-konsumaturi finali ta’ prodotti mediċinali minn tali benefiċċji ( 31 ).

86.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza fl-ewwel lok qalet li jista’ jiġi preżunt li l-intermedjarji Spanjoli jżommu l-benefiċċju li l-kummerċ parallel jista’ jipprovdi f’termini ta’ prezzijiet, meta tali benefiċċju ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali ( 32 ).

87.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkritikat lill-Kummissjoni talli f’ebda mument ma eżaminat il-karatteristika speċifika u essenzjali tas-settur, li hija relatata mal-fatt li l-prezzijet tal-prodotti inkwistjoni, suġġetti għall-kontroll mill-Istati Membri li jiffissawhom direttament jew indirettament fil-livelli li fil-fehma tagħhom ikunu xierqa, huma stabbiliti f’livelli strutturalment differenti fil-Komunità u, kuntrarjament għall-prezzijiet ta’ prodotti oħra ta’ konsum jibqgħu protetti, sa livell sostanzjali, mill-iżvolġiment liberu tal-provvista u d-domanda ( 33 ). Hija kienet tal-fehma li din iċ-ċirkustanza ma tippermettix li jiġi preżunt li l-kummerċ parallel kellu effett fuq il-prezzijiet mitluba mingħand il-konsumaturi finali ta’ prodotti mediċinali li jiġu rimborsati mis-sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni kontra l-mard u b’hekk tagħtihom, fuq din il-bażi, benefiċċju sinjifikattiv simili għal dak li jirriżulta kieku l-prezzijiet kellhom jiġu ddeterminati permezz tal-iżvolġiment tal-provvista u d-domanda ( 34 ).

88.

Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li l-konklużjoni prinċipali tal-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, ma setgħetx tiġi aċċettata. Peress li l-prezzijet tal-prodotti mediċinali inkwistjoni huma protetti sa grad għoli mill-iżvolġiment liberu tal-provvista u d-domanda minħabba l-leġiżlazzjoni applikabbli u huma ffissati jew ikkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi, ma setax jiġi preżunt bħala fatt li l-kummerċ parallel għandu tendenza li jbaxxi l-prezzijiet u li b’hekk iżid il-benesseri tal-konsumaturi finali. L-analiżi tat-termini tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li saret f’dan il-kuntest, b’hekk ma ppermettitx li jiġi preżunt li limitazzjoni tal-kummerċ parallel kellha tendenza li tnaqqas il-benesseri tal-konsumaturi finali. F’sitwazzjoni bħal din li sa grad għoli ma għandhix preċedent, ma jistax jiġi dedott minn sempliċi qari tat-termini tal-akkordju, fil-kuntest tiegħu, li dak l-akkordju jirrestrinġi l-kompetizzjoni, u b’hekk huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati l-effetti tiegħu, jekk xejn sabiex jiġi aċċertat dak li l-awtorità regolatorja setgħet fehmet minn tali qari ( 35 ).

2. Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan

89.

Skont il-ġurisprudenza, l-alternattiva ta’ għan jew effett antikompetittiv, prevista fl-Artikolu 81(1) KE, għandha tinftiehem bħala eżami f’żewġ stadji. Jekk jirriżulta li akkordju għandu għan antikompetittiv, ma jibqax neċessarju li tinġieb prova tal-effetti antikompetittivi tiegħu ( 36 ). It-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti konkreti ta’ akkordju huwa superfluwu, meta jkun stabbilit li l-akkordju għandu l-għan li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni ( 37 ). Tali prattika miftiehma fil-fatt taqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE, anki fin-nuqqas ta’ effetti antikompetittivi fis-suq ( 38 ). B’hekk huwa evidenti li l-parti tal-alternattiva prevista mill-Artikolu 81(1) KE dwar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan, tirrappreżenta offiża ta’ periklu potenzjali ( 39 ).

90.

Għandu jiġi preżunt li l-akkordji jkollhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni meta jkunu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni min-natura tagħhom stess. Wieħed jista’ jikkunsidra li dan jgħodd ukoll meta akkordju, meħud fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, ikollu l-kapaċità konkreta u t-tendenza li jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni ( 40 ).

91.

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari għandha tiġi kkunsidrata l-esperjenza, li turi li ċerti tipi ta’ akkordji jipproduċu, f’kull probabbiltà, effetti negattivi fuq is-suq u jqiegħdu f’periklu l-oġġettivi segwiti mir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni. In-natura tal-għan antikompetittiv bħala offiża ta’ tqegħid f’periklu potenzjali hija partikolarment manifesta fil-kuntest ta’ dan l-approċċ, billi ċerti tipi ta’ akkordji (pereżempju l-akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet, l-akkordji dwar it-tqassim tal-klijenti, l-akkordji vertikali ta’ impożizzjoni tal-prezzijiet) jitqiesu li jirrestrinġu l-kompetizzjoni mingħajr ma jiġu eżaminati l-effetti konkreti tagħhom. Dan l-approċċ standardizzat isaħħaħ iċ-ċertezza ġuridika. Madankollu, dan jippreżumi li l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-akkordju inkwistjoni ma jipprekludix it-traspożizzjoni ta’ din l-evalwazzjoni standardizzata ( 41 ).

92.

Madankollu, il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan mhuwiex limitat għal ċerti tipi ta’ akkordji. Dan jiġbor ukoll fi ħdanu l-akkordji, li l-analiżi ekonomika tagħhom tippermetti li wieħed jippreżumi grad suffiċjenti ta’ ħsara fil-konfront tal-kompetizzjoni ( 42 ). Tali analiżi tippresupponi l-kuntest ġuridiku u ekonomiku. Dik l-analiżi b’hekk tirrappreżenta ċerta prossimità kunċettwali mal-eżami tal-effetti antikompetittivi tal-akkordju ( 43 ). L-eżami tal-għan antikompetittiv madankollu jirrappreżenta differenza meta mqabbel ma’ dak tal-effett antikompetittiv: il-ħsara li ssir lis-suq tkun tant manifesta li wieħed jista’ jippreżumi l-eżistenza ta’ effett antikompetittiv mingħajr ma ssir analiżi dettaljata tas-suq.

93.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk akkordju għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, iridu jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-kontenut tiegħu, l-oġġettivi illi jsegwi, il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, kif ukoll l-aġir tal-partijiet. Ir-rieda tal-partijiet ukoll tista’ sservi bħala indikazzjoni ( 44 ).

94.

Jekk l-akkordju ma jkollux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, ikun ipprojbit taħt l-Artikolu 81(1) KE biss jekk analiżi tal-effetti reali u/jew potenzjali tiegħu fuq is-suq jew swieq inkwistjoni turi li għandu effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 45 ).

3. L-iżbalji ta’ liġi

95.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar, l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja jinvokaw għadd ta’ żbalji ta’ liġi li jikkonċernaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan (a) u l-kunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku (b).

a) L-interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan

i) Il-konstatazzjoni li l-akkordji intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel jistgħu biss, fil-prinċipju, jiġu preżunti li għandhom għan antikompetittiv

96.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar u l-EAEPC jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 115, 116 u 121 tas-sentenza appellata, li akkordji intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel jistgħu biss, fil-prinċipju, jiġu preżunti li għandhom għan antikompetittiv.

97.

Dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

98.

Tabilħaqq, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-akkordji li jillimitaw il-kummerċ parallel ġeneralment jikkostitwixxu restrizzjonijet tal-kompetizzjoni bħala għan ( 46 ). Madankollu, kif diġà semmejt qabel ( 47 ), dejjem għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest ġuridiku u ekonomiku ta’ akkordju. Inkwantu din ir-riżerva hija espressa bl-espressjoni “fil-prinċipju”, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi akkużata li wettqet żball ta’ liġi.

ii) Il-preżunzjoni ta’ effett antikompetittiv

99.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar u l-EAEPC jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 121, 122 u 134 tas-sentenza appellata, li l-akkordju kkostitwixxa restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan biss jekk wieħed seta’ jippreżumi li kellu effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

100.

Din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza lanqas ma tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

101.

Minħabba l-konsegwenzi li ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jkollu għal impriża, dan il-kunċett ta’ restrizzjoni bħala għan ma għandux jiġi interpretat b’mod wiesa’ wisq ( 48 ). Dan ir-rekwiżit huwa espress permezz tal-kundizzjoni li teħtieġ li tkun teżisti preżunzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, ma narax li hemm differenza essenzjali bejn il-kriterju ta’ evalwazzjoni msemmi iktar ’il fuq, li jikkonsisti f’li jiġi vverifikat jekk fuq il-bażi tal-esperjenza, akkordju jipproduċix effetti negattivi potenzjali fuq il-kompetizzjoni ( 49 ), u dak użat mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li jikkonsisti f’li jiġi ddeterminat jekk huwiex possibbli li wieħed jippreżumi li l-akkordju jipproduċi effetti antikompetittivi. Għaldaqstant, inkwantu l-preżunzjoni ma teħtieġ ebda prova ta’ effetti potenzjali, l-użu ta’ dan il-kriterju ta’ evalwazzjoni ma jikkostitwixxix żball ta’ liġi.

iii) Il-kunsiderazzjoni ta’ inkonvenjent għall-konsumaturi finali

102.

Barra minn hekk, l-Aseprofar u l-Kummissjoni jattakkaw il-konstatazzjonijet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 118, 119, 133, 134 u 147 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment ikkonstatat li, f’din il-kawża, il-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv teħtieġ analiżi, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhomx l-għan jew l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, għad-detriment tal-konsumaturi finali. Huwa għalhekk li hija kienet tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom għan antikompetittiv, għaliex hija ma setgħetx tippreżumi li dawn jirrestrinġu l-kompetizzjoni għad-detriment tal-konsumatur finali, mingħajr ma eżaminat l-effetti tagħhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li ma kienx ċert li l-kummerċ parallel għandu tendenza li jbaxxi l-prezzijiet mitluba mingħand il-konsumaturi finali, billi l-prezzijiet tal-prodotti mediċinali kienu fil-biċċa l-kbira esklużi mill-iżvolġiment liberu tal-provvista u d-domanda, minħabba regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet, u li dawn kienu ffissati u kkontrollati mill-awtoritajiet pubbliċi.

103.

L-aggravju tal-Aseprofar u tal-Kummissjoni kontra l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti tas-sentenza appellata msemmija fil-punt preċedenti huwa fondat. Dawn il-konstatazzjonijiet huma bbażati fuq interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan inkwantu dawn jeħtieġu analiżi tal-inkonvenjenti għall-konsumaturi finali.

104.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li d-diċitura tal-Artikolu 81(1) KE teħtieġ biss li l-akkordju jkollu l-għan jew l-effett li jimpedixxi, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni. B’hekk, xejn ma jindika li jeħtieġ jiġi analizzat jekk, minbarra restrizzjoni tal-kompetizzjoni, l-akkordju joħloqx inkonvenjent għall-konsumaturi finali, minħabba l-għan jew l-effetti tiegħu ( 50 ).

105.

Sussegwentement, kif issostni ġustament l-Aseprofar, għandha tiġi kkunsidrata l-istruttura regolatorja tal-Artikolu 81 KE. Skont l-Artikolu 81(1) KE, l-akkordji li għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fil-prinċipju huma pprojbiti. Skont l-Artikolu 81(3) KE, akkordji tali jistgħu jiġu eżenti mill-projbizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE biss jekk ikunu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet simultanjament. L-akkordju għandu, l-ewwel nett, jikkontribwixxi biex itejjeb id-distribuzzjoni tal-prodotti jew biex jippromwovi l-progress tekniku, it-tieni nett, għandu jiżgura li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżulta minnu, it-tielet nett, ma għandux jimponi fuq l-impriżi kkonċernati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba ta’ dawk l-għanijiet, u, ir-raba’ nett, ma għandux joħloq il-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

106.

B’hekk, skont l-iskema ġenerali tal-Artikolu 81 KE, il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fil-benefiċċju li jirriżulta minn akkordju tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi kkunsidrata skont il-paragrafu 3 tiegħu. Barra minn hekk, jirriżulta minn din l-aħħar dispożizzjoni li akkordju li jiżgura sehem ġust mill-benefiċċji għall-konsumaturi huwa eżentat biss jekk ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati minnha. F’dan il-kuntest, ma jidhirx li huwa kompatibbli mal-istruttura regolatorja tal-Artikolu 81 KE li l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv tiġi suġġetta għall-prova li l-akkordju joħloq inkonvenjenti għall-konsumaturi finali ( 51 ).

107.

Dan ma jfissirx li l-effetti li akkordju jipproduċi fuq il-konsumaturi finali b’ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE. Madankollu, dawn għandhom jikkonsistu f’elementi li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza proprja ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni ( 52 ). F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-benefiċċji għall-konsumaturi finali li jistgħu jirriżultaw mill-fatt li GSK għandha mezzi finanzjarji ikbar bis-saħħa tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel, u li hija tużahom, jekk ikun il-każ, għar-riċerka u l-iżvilupp ta’ prodotti mediċinali ġodda, mhumiex ta’ natura tali li jqiegħdu f’dubju l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Anki jekk dawk il-benefiċċji jistgħu jsaħħu l-kompetizzjoni bejn il-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi, ma għandhomx jiġu kkunsidrati taħt il-paragrafu 1 iżda taħt il-paragrafu 3 tal-Artikolu 81 KE ( 53 ).

108.

Huwa għalhekk li għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ta’ GSK, fejn tgħid li ma hemmx lok li jiġi preżunt li akkordju għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk ma jkunx hemm lok li wieħed jippreżumi li dan jikkawża ħsara lill-konsumaturi finali. Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan jippreżumi li l-akkordju għandu tendenza li jipproduċi effetti potenzjali suffiċjenti fuq il-kompetizzjoni, iżda ma jimplikax li dak l-akkordju għandu jiġi kkwalifikat f’evalwazzjoni ġenerali tiegħu bħala li jikkawża ħsara lill-konsumaturi finali. Għaldaqstant, meta jiġi evalwat l-għan antikompetittiv ta’ akkordju, mhuwiex rilevanti li jsir eżami komparattiv tal-ħsara għall-konsumaturi finali ta’ akkordji li jillimitaw il-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali u ta’ akkordji li għandhom bħala għan restrizzjonijiet serji, li ġeneralment ma jistgħux jiġu eżenti abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Fil-fatt, l-istruttura regolatorja tal-Artikolu 81 KE ma tippermettix tali interpretazzjoni. Il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan ma jistax jiġi llimitat għal restrizzjonijiet partikolarment serji tal-kompetizzjoni jew għal ksur ikkwalifikat ( 54 ).

109.

Kuntrarjament għal dak sostnut minn GSK, l-istruttura regolatorja tal-Artikolu 81 KE twassal ukoll biex tiġi miċħuda assimilazzjoni totali tar-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bħala għan, fis-sens tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, mal-projbizzjonijiet per se taħt id-dritt Amerikan tal-kompetizzjoni ( 55 ).

110.

Fil-fehma tiegħi, hija meħtieġa prudenza meta wieħed jipprova jittrasponi evalwazzjonijiet li jirriżultaw minn sentenzi mogħtija abbażi tal-Artikolu 82 KE. Tabilħaqq, sentenzi tali jistgħu b’mod partikolari jagħtu indikazzjonijiet dwar il-kwistjoni jekk, u sa liema grad, il-limitazzjoni tal-kummerċ parallel hijiex ta’ tali natura li tirrestrinġi l-kompetizzjoni ( 56 ). Madankollu, l-evalwazzjoni li aġir unilaterali ta’ limitazzjoni tal-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali minn impriża dominanti fis-suq, ma għandux jiġi kkwalifikat bħala abużiv f’ċerti kundizzjonijiet, ma tippermettix li jiġi konkluż awtomatikament li akkordju ta’ limitazzjoni tal-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali bejn impriżi ma għandux l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-fatt, minn naħa, l-evalwazzjoni tan-natura abużiva ta’ aġir unilaterali skont l-Artikolu 82 KE hija bbażata fuq kriterji differenti mill-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ akkordju mal-Artikolu 81 KE. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li l-evalwazzjoni tan-natura abużiva skont l-Artikolu 82 KE hija r-riżultat ta’ eżami sħiħ, waqt li l-evalwazzjoni tal-għan antikompetittiv tikkostitwixxi biss l-ewwel stadju tal-eżami mwettaq skont l-Artikolu 81.

111.

Barra minn hekk, huwa minnu li s-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li l-Artikolu 3(1)(g) KE jimmira li jistabbilixxi għandha l-għan li taqdi bl-aħjar mod lill-konsumaturi finali billi tipprojbixxi r-restrizzjonijiet ta’ oriġini privata li jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni. Madankollu, dan ma jeħtieġx li jiġi vverifikat jekk l-akkordju joħloqx inkonvenjenti reali għall-konsumatur fl-istadju tal-eżami tal-għan antikompetittiv tiegħu.

112.

Għall-kuntrarju, għandu jiġi preżunt li akkordju għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, meta waqt li jitqies il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, dan ikollu tendenza li jkollu effetti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni ( 57 ). L-Artikolu 81(1) KE jipproteġi l-kompetizzjoni f’kull livell tas-suq ( 58 ). F’dan il-każ, dan jinvolvi protezzjoni tal-kompetizzjoni bejn marka u oħra fis-suq, li tinħoloq mill-possibbiltà li għandhom ix-xerrejja diretti tal-prodotti mediċinali ta’ GSK, jiġifieri l-isptarijiet u l-ispiżeriji, li jixtruhom mhux biss mingħand intermedjarji tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni iżda wkoll mingħand intermedjarji Spanjoli, permezz tal-kummerċ parallel. Fil-fatt, mhux biss ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’suq fejn il-konsumatur finali jaġixxi bħala x-xerrej iżda wkoll ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fuq livell “upstream” tista’ tkun ta’ ħsara għalih.

113.

Fil-fatt, il-benefiċċji li jirriżultaw mill-kompetizzjoni f’livell tas-suq “upstream” jistgħu jiġu imgħoddija lill-konsumaturi finali. Dan huwa wisq iktar minnu meta tkun teżisti kompetizzjoni effettiva fil-livelli tas-suq “downstream”. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ kompetizzjoni jew ta’ kompetizzjoni suffiċjenti fil-livelli tas-suq “downstream” mhuwiex biżżejjed biex tiġi eskluża restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, jekk il-benefiċċji li jirriżultaw mill-kompetizzjoni f’livell tas-suq “upstream” ma jiġux imgħoddija lill-konsumaturi finali minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-livell “downstream”, din il-problema trid tissolva fil-livell fejn isseħħ. Madankollu, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-akkordju inkwistjoni skont l-Artikolu 81(3) KE, huwa possibbli li jiġi kkunsidrat il-fatt li l-benefiċċji li jirriżultaw mill-kompetizzjoni fil-livell tas-suq “upstream” ma jiġux imgħoddija lill-konsumatur finali minħabba n-nuqqas ta’ kompetizzjoni fil-livell “downstream”.

114.

Barra minn hekk, l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza tipprekludi parti mill-effikaċja tal-ewwel każ ipotetiku previst fl-Artikolu 81(1) KE, li jimmilita kontra tali approċċ. Tabilħaqq, kawżi li jirrigwardaw suq fejn il-konsumatur finali jitlob direttament il-prodott inkwistjoni jistgħu jkomplu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan. Madankollu, jekk jiġi adottat l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ikun ferm iktar diffiċli biex tiġi preżunta l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv meta r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni taffettwa livell tas-suq “upstream”.

115.

Fil-fatt, iktar ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni sseħħ f’livell “upstream” mbiegħed mill-konsumatur finali, iktar ikun diffiċli biex jiġi analizzat jekk toħloqx inkonvenjenti sinjifikattivi għalih. Oltrè ċerta tbegħid, dan ikun prattikament impossibbli mingħajr ma ssir analiżi tas-suq. B’hekk, tinqabeż il-linja bejn ir-restrizzjoni bħala għan u r-restrizzjoni bħala effett.

116.

L-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk iwassal biex l-akkordji li jseħħu f’livell tas-suq relattivament imbiegħed minn dak tal-konsumatur finali ma jkunux suġġetti għall-projbizzjoni tar-restrizzjoni bħala għan iżda għal dik tar-restrizzjoni bħala effett.

117.

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tiġi ssostanzjata bil-ġurisprudenza ċċitata minnha fil-punt 118 tas-sentenza appellata. B’hekk, fil-punt 115 tas-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2006, Österreichische Postsparkasse u Bank für Arbeit und Wirtschaft vs Il-Kummissjoni ( 59 ), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tikkonstata li l-għan finali tal-Artikolu 81 KE huwa li jżid il-benesseri tal-konsumatur waqt li ssemmi, billi tinvoka l-Artikolu 81(3) KE, li l-konsumaturi għandu jkollhom sehem mill-benefiċċju li jirriżulta mill-akkordju. Is-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni ( 60 ) lanqas ma tagħti interpretazzjoni simili għal dik li fuqha bbażat il-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

118.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan meta kkonstatat li, f’din il-kawża, kellu jiġi analizzat jekk l-akkordju kellux l-għan jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni, għad-detriment tal-konsumatur finali, qabel ma jkun jista’ jiġi preżunt li kkostitwixxa restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan.

iv) Il-kunsiderazzjoni limitata tal-benefiċċji tal-kummerċ parallel għall-konsumaturi finali

119.

Barra minn hekk, nixtieq nirrimarka li anki jekk analiżi tal-inkonvenjenti għall-konsumatur finali kienet meħtieġa skont l-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li fil-fehma tiegħi huwa ġuridikament żbaljat, din tkun tikkostitwixxi żball ta’ liġi addizzjonali peress li dak l-approċċ huwa bbażat fuq interpretazzjoni wisq restrittiva tal-benefiċċji għall-konsumatur finali protetti mill-Artikolu 81 KE.

120.

L-Aseprofar u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma messhiex illimitat ruħha għall-kunsiderazzjoni biss tal-effett tal-kummerċ parallel fuq il-prezzijiet li l-konsumatur finali kien mistenni jħallas. Skonthom, l-Artikolu 81 KE jipproteġi wkoll benefiċċji oħrajn għall-konsumaturi finali. F’dan ir-rigward, huma jindikaw b’mod partikolari li l-kummerċ parallel jista’ jippermetti lis-sistemi ta’ assigurazzjoni għall-mard li jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom fuq prodotti mediċinali.

121.

Kuntrarjament għal dak sostnut minn GSK, dan l-argument ma għandux jiġi miċħud abbażi li jsemmi fatti li huma inammissibbli fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, l-Aseprofar u l-Kummissjoni fl-ewwel lok jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li adottat interpretazzjoni wisq restrittiva, u b’hekk ġuridikament żbaljata, tal-benefiċċji għall-konsumaturi finali protetti mill-Artikolu 81 KE. Dan l-argument ukoll huwa fondat. Fil-fatt, il-benefiċċji kollha għall-konsumaturi finali li jistgħu jirriżultaw minn sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni jaqgħu taħt l-Artikolu 81 KE, jiġifieri l-benefiċċji diretti u indiretti kollha f’termini ta’ prezz, kif ukoll l-oħrajn kollha.

122.

Fil-punti 133, 134 u 147 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat ħażin il-portata tal-benefiċċji għall-konsumaturi finali protetti mill-Artikolu 81 KE safejn kkunsidrat biss l-effetti tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ fuq il-prezzijiet għall-konsumaturi u kkunsidrat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet ġuridikament żbaljata, billi ma kinitx ħadithom inkunsiderazzjoni.

v) Konklużjoni

123.

Jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni ġuridikament żbaljata għall-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan.

124.

Peress li jidhirli li l-iżbalji ta’ liġi msemmija preċedentement huma ta’ natura tali li jwasslu għal sostituzzjoni tal-motivi, ser nastjeni a priori milli neżamina l-ilmenti l-oħra. Madankollu għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibbaża ruħha fuq il-fatti kkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza meta hija pproċediet għal sostituzzjoni tal-motivi ( 61 ). Huwa għalhekk li ser neżamina iktar ’il quddiem l-ilmenti invokati fir-rigward tal-kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

b) Il-kunsiderazzjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku

125.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar, l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja jikkritikaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet xi żbalji meta hija kkunsidrat il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Huma jikkritikawha b’mod partikolari li bbażat il-motivi dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ u dawk dwar l-effett antikompetittiv tagħhom fuq kuntesti ġuridiċi u ekonomiċi differenti. L-aggravji mqajma jikkonċernaw, b’mod partikolari, interpretazzjoni żbaljata tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku, l-iżnaturament tal-fatti u kuntradizzjonijiet fil-motivi. GSK toġġezzjona li dawn l-ilmenti huma fil-parti l-kbira inammissibbli fil-kuntest ta’ appell għaliex jippruvaw jikbsu r-reviżjoni ta’ konstatazzjonijiet ta’ fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza. Barra minn hekk, GKS issostni l-istess ilmenti fis-sens oppost, peress li hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li wettqet l-iżbalji mhux fil-parti tas-sentenza dwar l-għan antikompetittiv, iżda f’dik dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

126.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi miċħud l-ilment li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ġuridiku u ekonomiku meta kkunsidrat li l-kuntesti li għandhom jiġu kkunsidrati meta jiġu eżaminati l-għan u l-effett antikompetittiv setgħu kienu differenti. Jirriżulta mill-punt 110 tas-sentenza appellata, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkunsidrat li kellu jiġi kkunsidrat l-istess kuntest ġuridiku u ekonomiku kemm fil-kuntest tal-eżami tar-restrizzjoni bħala għan kif ukoll f’dak tar-restrizzjoni bħala effett ( 62 ).

127.

Fir-rigward tal-ilmenti l-oħrajn, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, is-suppożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iddikjarata fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali (i) u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjonijiet l-oħrajn tal-Qorti tal-Prim’Istanza (ii).

i) Is-suppożizzjoni li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali

128.

Il-Kummissjoni, l-Aseprofar, l-EAEPC u r-Repubblika tal-Polonja ġustament jikkontestaw is-suppożizzjoni tat-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali. Din il-kosntatazzjoni hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

129.

Fl-ewwel lok, din il-konstatazzjoni tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti. Il-konstatazzjonijiet ta’ fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu kkontestati fil-kuntest ta’ appell, billi dan tal-aħħar huwa llimitat għal punti ta’ dritt ( 63 ). Madankollu, jistgħu jiġu kkontestati meta l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tirriżulta mid-dokumenti tal-proċess ( 64 ).

130.

Dan huwa tabilħaqq il-każ f’din il-kawża. Jidher li d-dokumenti tal-proċess b’ebda mod ma jissostanzjaw is-suppożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali, iżda għall-kuntrarju jikkontradixxu dik is-suppożizzjoni.

131.

Fl-ewwel lok għandu jiġi kkonstatat li din hija suppożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-paragun bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata. Fl-ewwel sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat dak li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi jekk tikkunsidra l-kuntest ġuridiku u ekonomiku. Din b’hekk mhijiex suppożizzjoni tagħha stess. Min-naħa l-oħra, fit-tieni sentenza, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet suppożizzjoni li l-intermedjarji żammew il-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali. Dik is-sentenza ma tistax tiġi interpretata mod ieħor għajr bħala suppożizzjoni tagħha stess.

132.

Barra minn hekk, dik is-suppożizzjoni mhija bbażata fuq ebda dokument tal-proċess. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat b’mod partikolari li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-Qorti tal-Prim’Istanza, GSK ma sostnietx li l-intermedjarji Spanjoli ma jitolbux prezzijiet irħas minn dawk tal-pajjiżi ta’ destinazzjoni u li l-benefiċċji ma jiġux imgħoddija lill-pazjenti ( 65 ). Hija sempliċement ikkunsidrat li d-differenza fil-prezzijiet u l-benefiċċju għall-konsumaturi finali kienu żgħar wisq. Il-partijiet ma jaqblux dwar kemm hija kbira d-differenza fil-prezzijiet u d-daqs tal-benefiċċju, iżda jaqblu li teżisti tali differenza.

133.

Għaldaqstant, is-suppożizzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-intermedjarji jżommu (għalkollox) il-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali, tikkostitwixxi żnaturament tal-fatti li għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta’ appell.

134.

Fit-tieni lok, is-suppożizzjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata tikkostitwixxi motivazzjoni kontradittorja, li hija vvizzjata fuq din il-bażi minn żball ta’ liġi ( 66 ). Huwa kontradittorju min-naħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza li meta, minn naħa, tagħmel suppożizzjoni tagħha stess fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, fejn tgħid li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, waqt li tibbaża, min-naħa l-oħra, fil-punti 185, 187 u 189 tal-imsemmija sentenza, fuq il-fatt li l-intermedjarji Spanjoli li jesportaw il-prodotti mediċinali f’pajjiż ta’ destinazzjoni jitolbu prezzijiet orħos (anki jekk biss bi ftit) minn dawk tal-intermedjarji ta’ dak il-pajjiż.

ii) Is-suppożizzjonijiet u l-konstatazzjonijiet l-oħrajn

135.

Għandhom jiġu miċħuda l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, tal-Aseprofar, tal-EAEPC u tar-Repubblika tal-Polonja li jallegaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żnaturamenti oħrajn ta’ fatti jew motivazzjonijiet kontradittorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti tar-regolamenti nazzjonali li jiffissaw il-prezzijiet tal-prodotti mediċinali fuq il-kompetizzjoni bejn marka u oħra.

136.

Fil-fehma tiegħi, dawn l-allegazzjonijiet għandhom jiġu miċħuda kollha mingħajr ma hemm bżonn li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tagħhom, sempliċement għaliex fil-parti tal-motivi dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx suppożizzjonijiet oħrajn tagħha li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet li saru fil-parti dwar l-effett antikompetittiv. Waqt li bbażat fuq il-kontest ekonomiku u ġuridiku deskritt fil-punti 124 sa 131 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat dak li setgħet tippreżumi l-Kummissjoni meta hija evalwat l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ; jekk f’dan ir-rigward hija waslet għal konklużjonijiet differenti minn dawk dwar l-evalwazzjoni tal-effetti antikompetittivi, dan jidhirli li jirriżulta l-iktar mill-interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan, li ġiet indirizzata iktar ’il fuq, u mhux tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku.

4. Konklużjoni

137.

Bħala konklużjoni, insostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza tat interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan. Barra minn hekk, is-suppożizzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, li l-intermedjarji jżommu (għalkollox) il-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f'liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali, hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi.

B — Is-sostituzzjoni tal-motivi

138.

Jekk il-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi kellhom jiġu ssostitwiti bil-motivi li l-Kummissjoni ppreżumiet ġustament li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, l-appell ta’ GSK ikollu jiġi miċħud.

139.

Peress li biex jiġu ssostitwiti l-motivi ta’ sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża biss fuq il-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, nixtieq nibda minn dawn tal-aħħar (1). Sussegwentement ser nindirizza l-motivi għalfejn għandhom jiġu ssostitwiti l-motivi ġuridikament żbaljati tal-Qorti tal-Prim’Istanza (2).

1. Il-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza

140.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax, bħala prinċipju, tistabbilixxi konstatazzjonijiet ta’ fatti fil-kuntest ta’ appell. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tissostitwixxi l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza biss billi tissostitwihom b’motivi bbażati fuq il-fatti kkonstatati minn din tal-aħħar ( 67 ).

141.

F’dan ir-rigward, huma l-konstatazzjonijiet kuntradittorji tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, minn naħa waħda, u fil-punti 185, 187 u 189 tal-imsemmija sentenza, min-naħa l-oħra, li joħolqu problema. Minn naħa, fit-tieni sentenza tal-punt 122 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ppreżumiet li l-intermedjarji jżommu l-benefiċċju li jista’ jirriżulta mill-kummerċ parallel f’termini ta’ prezzijiet, f’liema każ dan ma jiġix imgħoddi lill-konsumaturi finali. Min-naħa l-oħra, fil-punti 185, 187 u 189, hija ppreżumiet li l-intermedjarji Spanjoli li jesportaw il-prodotti mediċinali f’pajjiż ta’ destinazzjoni jitolbu prezzijiet hemmhekk li huma irħas (anki jekk biss marġinalment) minn dawk tal-intermedjarji ta’ dak il-pajjiż.

142.

Minkejja din il-kontradizzjoni, jidhirli li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat li, skont il-fatti stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-intermedjarji Spanjoli li jesportaw il-prodotti mediċinali f’pajjiż ta’ destinazzjoni jitolbu prezzijiet hemmhekk li huma irħas (anki jekk biss marġinalment) minn dawk tal-intermedjarji ta’ dak il-pajjiż.

143.

Fl-ewwel lok, wieħed jista’ jsostni li, fit-tieni sentenza tal-punt 122, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement għamlet suppożizzjoni li hija kkunsidrat mill-ġdid meta wettqet eżami iktar dettaljat, fil-punti 185, 187 u 189.

144.

Fit-tieni lok, probabbilment għandu jiġi kkunsidrat li s-suppożizzjoni tat-tieni sentenza tal-punt 122 tirriżulta mill-pożizzjoni (ġuridikament żbaljata) tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li teħtieġ li jiġu kkunsidrati l-inkonvenjenti għall-konsumatur finali fil-kuntest tal-eżami tal-għan antikompetittiv, u dan, unikament fil-forma ta’ effett negattiv fuq il-prezzijiet mitluba mingħand il-konsumaturi finali.

145.

Fit-tielet lok, wieħed għandu jirrimarka li dan huwa każ partikolari. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma naqsitx milli tistabbilixxi konstatazzjoni tal-fatti. Għall-kuntrarju, hija stabbilixxiet żewġ konstatazzjonijiet kuntradittorji fir-rigward tal-istess element ta’ fatt u jirriżulta mid-dokumenti tal-proċess li waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet hija żbaljata waqt li l-oħra hija korretta. Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx qed tmur lil hinn mill-kamp ta’ kompetenzi tagħha fil-kuntest ta’ appell jekk tibbaża fuq il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkorrispondi għall-kontenut tad-dokumenti tal-proċess.

146.

Bħala konklużjoni, jiena tal-fehma li fil-kuntest ta’ evalwazzjoni raġonevoli tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża fuq il-konstatazzjoni li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 185, li l-intermedjarji Spanjoli li jesportaw prodotti mediċinali lejn pajjiż ta’ destinazzjoni jitolbu prezzijiet hemmhekk li huma irħas minn dawk tal-intermedjarji ta’ dak il-pajjiż.

2. Il-konferma tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

147.

Barra minn hekk għandu jiġi eżaminat jekk, billi bbażat fuq dawk il-fatti u fuq l-interpretazzjoni korretta tal-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan ( 68 ), għandhomx jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza appellata bil-motivi li jikkonfermaw li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

148.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina jekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hijiex ivvizzjata bi żbalji ta’ liġi iżda ma tistax tissostitwixxi l-motivi tal-Kummissjoni bil-motivi tagħha stess ( 69 ). Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għall-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tipproċedi għal sostituzzjoni tal-motivi ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ appell. Għaldaqstant, f’din il-kawża, għandu jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissostanzjax b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

149.

Kif diġà semmejt qabel, għandu jiġi preżunt li akkordju għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jekk, meta jittieħed fil-kuntest ġuridiku u ekonomiku tiegħu, dan ikollu tendenza ta’ effetti potenzjali suffiċjenti fuq il-kompetizzjoni ( 70 ). F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ approċċ standardizzat, huwa possibbli mhux biss li jiġu kkunsidrati esperjenzi eżistenti iżda wkoll li wieħed jibbaża fuq għarfien ekonomiku li jippermetti li jiġi preżunt li l-akkordju ser ikollu tali effetti.

a) Approċċ standardizzat

150.

Il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fl-ewwel lok fuq il-fatt li dawn kienu intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel u li għal dik ir-raġuni kellhom għan antikompetittiv ( 71 ). Hija b’hekk ibbażat il-motivazzjoni tagħha l-iktar fuq l-approċċ standardizzat li jista’ jiġi sinteżizzat bl-espressjoni “limitazzjoni tal-kummerċ, b’hekk għan antikompetittiv”.

151.

Ma nara ebda żball ta’ liġi f’din il-motivazzjoni.

152.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li tali approċċ standardizzat huwa kompatibbli man-natura tal-għan antikompetittiv bħala offiża ta’ tqegħid f’periklu ( 72 ).

153.

Barra minn hekk, għandha ssir referenza b’mod partikolari għall- ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex jiġu kkunsidrati esperjenzi eżistenti fil-kuntest ta’ approċċ standardizzat. Skont dik il-ġurisprudenza, akkordju intiż biex jillimita l-kummerċ parallel jikkostitwixxi każ tipiku ta’ għan antikompetittiv ( 73 ).

154.

Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dak l-approċċ standardizzat hija dejjem eskluża meta dan ikun prekluż mill-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-akkordju inkwistjoni ( 74 ). Madankollu, wieħed ma jistax jassumi li dan japplika f’din il-kawża.

155.

Fl-ewwel lok, fil-fehma tiegħi, jirriżulta mill-punti 65 et seq tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) Sot. Lélos kai Sia ( 75 ) li l-prinċipju li jgħid li akkordju intiż biex jillimita l-kummerċ parallel jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan, japplika għas-settur farmaċewtiku minkejja l-karatteristiċi speċifiċi ġuridiċi u ekonomiċi tiegħu. Għalkemm dik is-sentenza ngħatat b’risposta għal domanda preliminari li kienet tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet referenza espliċita għall-kunċett ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala għan fis-sens tal-Artikolu 81 KE.

156.

Fit-tieni lok, ebda waħda mill-karatteristiċi speċifiċi tas-settur farmaċewtiku invokati minn GSK mhija ta’ tali natura li tqiegħed f’dubju l-evalwazzjoni bbażata fuq l-esperjenza, li tistabbilixxi li l-akkordji intiżi biex jillimitaw il-kummerċ parallel għandhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

157.

Mill-bidu nett, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntest ġuridiku u ekonomiku stabbilit mill-Kummissjoni ma jippermettix li wieħed jassumi li r-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet jeskludu kull kompetizzjoni fl-Istati Membri differenti ( 76 ).

158.

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet differenti ma tipprekludix per se l-preżunzjoni ta’ għan antikompetittiv. Fil-fatt, il-Kummissjoni u l-EAEPC ġustament jargumentaw li l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq waħdieni Ewropew hija ta’ spiss suġġetta għal kundizzjonijiet differenti fid-diversi Stati Membri. Fil-fatt, minkejja ċerta armonizzazzjoni, is-suq waħdieni Ewropew jibqa’ ikkaratterizzat minn differenzi bejn is-sistemi ġuridiċi u ekonomiċi tal-Istati Membri. Għaldaqstant, kompetizzjoni f’kundizzjonijiet assolutament ugwali hija eskluża sa mill-bidu nett. Madankollu, dan ma jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE ( 77 ).

159.

Barra minn hekk, kuntrarjament għall-pożizzjoni ta’ GSK, mhuwiex wisq rilevanti f’dan ir-rigward li xi Stati Membri jixtiequ jillimitaw il-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali għat-territorju tagħhom. Għall-kuntrarju, l-użu ta’ kundizzjonijiet vantaġġużi offruti minn Stat Membru ġustament jikkostitwixxi wieħed mill-benefiċċji prinċipali tas-suq waħdieni.

160.

Fl-aħħar, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 81 KE huwa intiż ukoll biex isaħħaħ l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali ( 78 ). Sa ċertu punt naqbel max-xettiċiżmu tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta hija tiddubita li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku fil-fatt tippermetti li tintlaħaq integrazzjoni tas-suq li twassal għal armonizzazzjoni tal-prezzijiet mitluba mingħand il-konsumaturi finali. Madankollu, wieħed ma jistax jeskludi li l-qsim tas-swieq nazzjonali jaffettwa l-integrazzjoni f’livelli oħrajn.

161.

Finalment, ma nemminx li l-oġġettiv ta’ integrazzjoni tas-suq huwa essenzjali f’din il-kawża. Fil-fatt, il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) KE tissemma bħala mezz sabiex jintlaħqu l-oġġettivi tat-Trattat, jiġifieri integrazzjoni progressiva għas-servizz tal-Komunità ( 79 ). Madankollu, dak il-kunċett ma japplikax biss fil-kuntest ta’ dak l-oġġettiv. L-Artikolu 81 KE jipproteġi wkoll il-kompetizzjoni meta din twassal biss għal integrazzjoni limitata tas-suq.

162.

Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntest ġuridiku u ekonomiku ma ta ebda raġuni lill-Kummissjoni biex twarrab l-evalwazzjoni standardizzata ta’ “limitazzjoni tal-kummerċ parallel b’hekk għan antikompetittiv”.

b) Preżunzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni

163.

Nixtieq nindika sussidjarjament li, għalkemm il-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata l-iktar fuq approċċ standardizzat, din tinkludi tal-inqas xi elementi li jiġġustifikaw il-preżunzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni.

164.

Fl-ewwel lok, jirriżulta mill-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu intiżi biex jillimitaw sors ta’ provvista ta’ prodotti mediċinali u li, minħabba d-differenza fil-prezz bejn Spanja u Stati Membri oħrajn, l-intermedjarji Spanjoli mhux biss kellhom il-possibbiltà li joffru prezzijiet irħas minn dawk tal-intermedjarji stabbiliti fil-pajjiż ta’ destinazzjoni, iżda kellhom ukoll inċentiv biex jagħmlu dan.

165.

Fit-tieni lok, fil-motivazzjoni tagħha dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, il-Kummissjoni ma semmietx espliċitament l-importanza tal-privattivi għall-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku. Hija lanqas ma semmiet espliċitament l-importanza tal-kummerċ parallel li jikkostitwixxi, permezz tal-kompetizzjoni fil-prezzijiet, il-forma prinċipali ta’ kompetizzjoni f’dan is-settur sal-mument meta tiskadi l-privattiva ( 80 ). Madankollu, fil-premessa 122 tad-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet referenza għal dan il-fenomenu billi semmiet il-pressjoni kompetittiva dejjem akbar fir-rigward ta’ prodott mediċinali ta’ GSK minħabba t-telf tal-protezzjoni mogħtija mill-privattiva. Għaldaqstant, hija tal-inqas irreferiet għal dan l-aspett fil-motivazzjoni tagħha.

166.

Fit-tielet lok, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax tiġi akkużata li ma kkunsidratx li l-Istati Membri jistgħu jiffissaw il-prezzijiet u b’hekk inaqqsu l-ispejjeż tal-prodotti mediċinali. Fil-fatt, inkwantu s-sistema ġuridika nazzjonali tippermetti ċerta kompetizzjoni, din hija protetta mill-Artikolu 81 KE.

167.

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li limitazzjoni tal-kummerċ parallel b’hekk neċessarjament issaħħaħ il-pożizzjoni ta’ manifattur ta’ prodotti farmaċewtiċi fin-negozjati li jsiru fl-Istati Membri fejn l-awtoritajiet pubbliċi jiffissaw il-prezzijiet jew ir-rati ta’ rimbors fuq il-prodotti mediċinali ( 81 ). Fil-fatt, għalkemm il-proċedura li tinvolvi lill-awtoritajiet u lill-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi ma tistax tiġi assimilata ma’ negozjati kuntrattwali bejn żewġ impriżi privati, għadd ta’ fatturi huma involuti, fosthom, b’mod partikolari, il-possibbiltà li jintuża sors ta’ provvista bi prezzijiet vantaġġużi ( 82 ). Dan l-aspett ma jistax jiġi injorat fil-kuntest tal-Artikolu 81(1) KE.

168.

Il-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, b’hekk ma kinitx ibbażata biss fuq il-motivazzjoni li, abbażi ta’ approċċ standardizzat, seta’ jiġi preżunt li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi dawn kienu intiżi għal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel. Barra minn hekk, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni inkludiet ukoll tal-inqas elementi li jippermettu l-preżunzjoni, mingħajr ma ssir analiżi dettaljata tas-suq, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jippreġudikaw il-kompetizzjoni.

c) Konklużjoni intermedjarja

169.

Bħala konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

3. Konklużjoni

170.

Għaldaqstant, il-motivi tas-sentenza appellata għandhom jiġu ssostitwiti fis-sens li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi ġustament li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha kkonfermat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata billi tiddikjara li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi ġustament li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

C — Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni setgħet tippreżumi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ għandhom l-effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni

171.

Peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ma setgħetx tippreżumi li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, u peress li għandhom jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza appellata ( 83 ), għandhom jiġu miċħuda l-aggravji tal-appell ta’ GSK mill-motivi dwar l-effett antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ bħala irrilevanti. Dawk l-aggravji ma jistgħux iqiegħdu f’dubju l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata. Fil-fatt, il-motivi ta’ sostituzzjoni dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ jagħtuhom bażi suffiċjenti.

D — Konklużjoni

172.

Jiena nissuġġerixxi, għar-raġunijiet indikati hawn fuq, li jiġi miċħud l-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P u li jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza appellata dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

VI — L-appelli tal-Kummissjoni, tal-Aseprofar u tal-EAEPC

173.

Qabel ma nindirizza l-appelli tal-Kummissjoni (B), tal-Aseprofar (C) u tal-EAEPC (D), nixtieq nittratta fil-qosor il-parti tas-sentenza appellata li hija kkontestata minn dawk il-partijiet (A).

A — Il-parti tal-motivi tas-sentenza appellata

174.

Fil-punti 233 sa 320 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-motivi li fuqhom ibbażat il-Kummissjoni biex tiċħad it-talba għal eżenzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ta’ GSK abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Hija l-ewwel osservat li min jinvoka l-Artikolu 81(3) KE għandu juri li l-kundizzjonijiet stipulati f’dik id-dispożizzjoni huma sodisfatti, permezz ta’ argumenti u evidenza konvinċenti ( 84 ). Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha teżamina b’mod adegwat dawk l-argumenti u dik l-evidenza ( 85 ).

175.

L-eżami ta’ akkordju taħt l-Artikolu 81(3) KE jinvolvi evalwazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika kumplessa. Din hija r-raġuni għalfejn, fil-kuntest ta’ rikors ta’ annullament, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa limitat għal verifika tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawk il-fatti u tal-eżattezza tal-kwalifikazzjonijiet ġuridiċi dedotti minnhom ( 86 ). Huwa wkoll fil-kompetenza tagħha biex tivverifika jekk l-evidenza invokata minn GSK tikkostitwixxix l-informazzjoni kollha rilevanti li għandha tiġi kkunsidrata u jekk hijiex ta’ natura li tissostanzja l-konklużjonijiet idderivati minnha ( 87 ). Min-naħa l-oħra, mhuwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-motivi tal-Kummissjoni bil-motivi tagħha stess ( 88 ).

176.

Fil-punti 247 sa 308 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza l-ewwel nett eżaminat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE. Hija osservat li sabiex ikun jista’ jitqies li akkordju jippromwovi l-progress tekniku fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE, kien meħtieġ li dan ikun joffri benefiċċju sinjifikattiv li mhuwiex identifikat mal-benefiċċji kollha li jiksbu l-impriżi li jipparteċipaw f’dak l-akkordju ( 89 ). Dak l-approċċ jista’ jinvolvi analiżi prospettiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat jekk, meta jitqiesu l-argumenti u l-evidenza pprovduti, ikunx jidher iktar probabbli li l-akkordju jippermetti li jinkisbu benefiċċji oġġettivi sinjifikattivi, jew jekk le ( 90 ). It-tieni nett, jekk ikun il-każ, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk dawk il-benefiċċji oġġettivi sinjifikattivi humiex ta’ tali natura li jikkumpensaw għall-inkonvenjenzi identifikati għall-kompetizzjoni ( 91 ).

177.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza pproċediet skont kif ġej biex tistħarreġ il-motivazzjoni tal-Kummissjoni. Fl-ewwel lok hija ppreżentat l-argumenti ta’ fatt u l-evidenza li fuqhom GSK ibbażat it-talba tagħha għal eżenzjoni u mbagħad eżaminat u kkonfermat ir-rilevanza tagħhom ( 92 ). Sussegwentement hija vverifikat jekk il-Kummissjoni tathomx attenzjoni suffiċjenti meta hija eżaminat l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv ( 93 ). Il-Qorti tal-Prim’Istanza finalment waslet għall-konklużjoni li d-deċiżjoni kienet ivvizzjata minħabba n-nuqqas ta’ eżami, peress li l-Kummissjoni ma kkunsidratx u ma rrifjutatx b’mod validu l-argumenti u l-evidenza rilevanti kollha ppreżentati minn GSK ( 94 ). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tikkonkludi li GSK ma wrietx li l-ewwel kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE kienet sodisfatta ( 95 ).

178.

Fl-aħħar, il-Qorti tal-Prim’Istanza sostniet li l-Kummissjoni essenzjalment ibbażat il-konklużjonijiet tagħha dwar it-tliet kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE fuq il-konklużjonijiet tagħha dwar l-ewwel kundizzjoni. Peress li l-konklużjoni dwar l-ewwel kundizzjoni kienet ivvizzjata minħabba nuqqas ta’ eżami, il-Kummissjoni ma setgħetx legalment tikkonkludi li t-tliet kundizzjonijiet l-oħrajn ma kinux sodisfatti ( 96 ).

B — L-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P u l-appell inċidentali tal-Kummissjoni fil-Kawża C-501/06 P

179.

L-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P u l-appell inċidentali tagħha fil-Kawża C-501/06 P jattakkaw, minn naħa, il-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE b’ħames aggravji (1) u, min-naħa l-oħra, il-motivi dwar il-kundizzjonijiet l-oħrajn tal-imsemmija dispożizzjoni b’aggravju wieħed (2). Dawn iż-żewġ appelli ser jiġu eżaminati flimkien peress li huma fil-parti l-kbira identiċi.

1. L-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE

180.

Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, il-Kummissjoni tqajjem għadd kbir ta’ ilmenti, li hija ġabret taħt ħames aggravji.

a) L-iżnaturament tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku

181.

Fl-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza b’distorsjoni tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud b’mod konformi mal-Artikolu 225 KE, u l-Artikolu 58(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 112(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha peress li l-Kummissjoni ma indikatx il-parti tas-sentenza kkonċernata ( 97 ).

182.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ motivazzjoni. Hija tgħid li fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma spjegatx għalfejn, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, hija sempliċement ikkunsidrat li r-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni filwaqt li, fil-punt 276, hija kkunsidrat li dawk ir-regoli effettivament ħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni.

183.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. Fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet din il-konstatazzjoni meta hija eżaminat jekk l-eżistenza tar-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet kinitx twassal għall-inapplikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE. Fil-punt 105 tas-sentenza appellata, hija kkonstatat li regoli ppromulgati mill-Istati, li joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni ma jeskludux l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. F’dan il-kuntest, b’hekk ma kienx neċessarju li jiġi kkonstatat jekk dawk ir-regoli effettivament ħolqux distorsjoni fil-kompetizzjoni. Il-fatt li, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkunsidrat li r-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet kienu ta’ natura li jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni, filwaqt li, fil-punt 276, hija kkunsidrat li dawn effettivament ħolqu distorsjoni, ma jikkostitwixxix nuqqas ta’ motivazzjoni ( 98 ).

b) Il-kunċett ta’ promozzjoni tal-progress tekniku, it-tqassim tal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ

184.

Fit-tieni aggravju tal-appell tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet xi żbalji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ promozzjoni tal-progress tekniku, it-tqassim tal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ.

i) L-użu ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni użat għall-kontroll tal-amalgamazzjonijiet

185.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza użat b’mod żbaljat kriterju ta’ evalwazzjoni użat għall-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari fil-punti 242 u 269 tas-sentenza appellata. Fil-kuntest tal-kontroll tal- konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tistabbilixxi l-fatti li jimmilitaw favur u kontra l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni, u b’hekk għandha l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ talba għall-eżenzjoni ta’ akkordju abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, hija l-impriża li tinnotifika l-akkordju li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti. F’dan ir-rigward, l-oneru tal-prova b’hekk huwa fuq l-impriża.

186.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. Fil-punt 242 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċċitat sentenzi mogħtija f’kawżi ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ( 99 ). Madankollu, wieħed ma jistax jikkonkludi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha obbligu li tistabbilixxi l-fatti favur u kontra l-kompatibbiltà tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ mal-Artikolu 81(3) KE, u li hija b’hekk għandha l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward. Il-konstatazzjonijiet li saru mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 235 et seq, 248, kif ukoll 269, b’mod partikolari, jopponu tali interpretazzjoni, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat b’mod ċar li fl-ewwel lok huwa l-obbligu tal-impriża li tinnotifika l-akkordju biex turi li l-kundizzjonijiet stipulati minn dik id-dispożizzjoni huma sodisfatti, permezz ta’ argumenti u evidenza konvinċenti. L-istess jgħodd, b’mod partikolari, għall-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 303 tas-sentenza appellata, li l-motivi tad-deċiżjoni kienu vvizzjati minħabba nuqqas ta’ eżami, inkwantu l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod validu l-argumenti u l-evidenza kollha mressqa minn GSK.

187.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat li kien suffiċjenti li GSK tressaq argumenti u evidenza rilevanti, kredibbli u probabbli. Hija ssostni li, għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza stabbilita teħtieġ argumenti u evidenza konvinċenti sabiex jiġi ppruvat li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti. Hija tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk wettqet żball ta’ liġi billi qalbet l-oneru tal-prova. Barra minn hekk, fil-punti 269, 277, 281, 286 u 313 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżiġiet li l-Kummissjoni tissottometti argumenti u evidenza konvinċenti. Skont il-Kummissjoni, hija b’hekk applikat kriterju ta’ evalwazzjoni asimetriku għad-detriment tagħha.

188.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li ma kinitx il-Qorti tal-Prim’Istanza li għamlet il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Fil-punt 241 tas-sentenza appellata, hija indikat ġustament li hija għandha setgħat ta’ stħarriġ ristretti fir-rigward tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meta dawn ikunu bbażati fuq l-evalwazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika kumplessa. B’hekk il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-ħarsien tar-regoli proċedurali, tas-suffiċjenza tal-motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter ( 100 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha, ġustament, għal verifika dwar jekk il-motivazzjoni tal-Kummissjoni kinitx tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK.

189.

L-ewwel stadju f’din il-verifika tikkonsisti f’li jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti. Fit-tieni stadju l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tivverifika sa liema grad l-argumenti mressqa mill-impriża huma rilevanti sabiex jiġi ppruvat li dawk il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti ( 101 ). Fit-tielet stadju, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kkunsidratx u rrifjutatx b’mod suffiċjenti l-argumenti u l-evidenza kollha rilevanti mressqa mill-impriża, meta hija ma taċċettahomx. Il-motivi invokati mill-Kummissjoni għandhom ikunu ftit jew wisq issostanzjati skont, b’mod partikolari, l-argumenti rilevanti mressqa mill-impriża ( 102 ). Din tikkonsisti b’hekk fi skala varjabbli.

190.

Għaldaqstant, inkwantu kkwalifikat il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bħala insuffiċjenti fil-punti 269, 277, 281, 286 u 313 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tatx il-ġudizzju tagħha stess dwar l-eżattezza materjali tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE. Hija sempliċement ivverifikat jekk il-motivazzjoni tal-Kummissjoni rriproduċitx u rrifjutatx b’mod konvinċenti l-argumenti u l-evidenza rilevanti mressqa minn GSK.

191.

Din hija r-raġuni għalfejn, fil-fehma tiegħi dawn il-punti la juru l-applikazzjoni ta’ evalwazzjoni asimetrika u lanqas żball ta’ liġi ieħor fl-approċċ tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwatx b’mod korrett jew jekk żnaturatx il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ( 103 ).

ii) Il-limitu li minnu wieħed jista’ jippreżumi li l-akkordju jippreżenta benefiċċji f’termini ta’ effikaċja

192.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tattakka l-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 249 u 252 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeterminat l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv skont il-probabbiltà jekk, fid-dawl tal-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK, l-akkordju inkwistjoni jippermettix jew le li jinkisbu tali benefiċċji. Hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza li b’hekk wettqet żball ta’ liġi meta warrbet il-kriterju ta’ evalwazzjoni li jeħtieġ l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv.

193.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddefinixxiet il-kriterju ta’ evalwazzjoni fil-punt 247 tas-sentenza appellata, fejn hija kkonstatat li l-akkordju inkwistjoni għandu jippreżenta benefiċċji oġġettivi sinjifikattivi ( 104 ). Fil-fehma tiegħi, il-punt 249 tas-sentenza appellata għandu jinftiehem fis-sens li eżenzjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru. 17, mogħtija ex ante għal perjodu speċifiku, tista’ teħtieġ analiżi prospettiva dwar jekk ġewx ikkonkretizzati l-benefiċċji tal-akkordju u b’hekk tinvolvi element pronostiku ( 105 ). Fl-aħħar mill-aħħar pronostku qatt mhuwa affidabbli 100% ( 106 ). B’hekk huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tasal għall-konvinzjoni, abbażi ta’ esperjenzi konkreti, li l-probabbiltà li l-benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv jiġi kkonkretizzat huwa suffiċjenti biex jiġi preżunt li l-akkordju jwassal għal tali benefiċċju. Għaldaqstant, il-fatt li tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-benefiċċju skont il-probabbiltà tal-konkretizzazzjoni tiegħu, kif għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 249 tas-sentenza appellata, ma jikkostitwixxix, fih innifsu, żball ta’ liġi. Tabilħaqq, f’dan ir-rigward tqum il-kwistjoni dwar il-grad ta’ probabbiltà meħtieġ sabiex tkun tista’ tiġi preżunta l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Fil-fehma tiegħi, dan il-grad ta’ probabbiltà għandu jiġi ffissat f’livell għoli. Fil-fatt, hemm lok li jiġi preżunt li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 81(1) KE diġà tikkawża telf fl-effikaċja. Madankollu, il-grad ta’ probabbiltà meħtieġ mhuwiex wisq rilevanti f’din il-kawża. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx is-sentenza appellata fuq il-fatt li l-Kummissjoni ffissat grad ta’ probabbiltà wisq għoli. Hija bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konklużjonijiet tagħha dwar in-nuqqas ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv billi warrbet jew irrifjutat b’mod mhux suffiċjenti l-argumenti u l-evidenza rilevanti mressqa minn GSK.

194.

L-ilment tal-Kummissjoni li fil-punt 252 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kien suffiċjenti li l-akkordju jippermetti li jinkiseb benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, mhuwiex fondat, sempliċement għaliex il-Qorti tal-Prim’Istanza ma qalitx hekk. Għall-kuntrarju, dan il-punt tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriproduċi l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant jirriżulta biss dan mill-punt 252 tas-sentenza appellata: skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK ma jurux b’mod suffiċjenti li kellu jkun possibbli li jinkiseb benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv.

iii) L-importanza tan-natura strutturali tad-differenzi fil-prezzijiet

195.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli eżiġiet li l-Kummissjoni twettaq eżami partikolarment diliġenti minħabba l-fattur strutturali li jirriżulta mir-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet.

196.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 276 u 301 tas-sentenza appellata, li hija kellha tikkunsidra l-kuntest ġuridiku u ekonomiku tas-settur farmaċewtiku meta hija eżaminat it-telf ta’ effikaċja kkawżat mill-kummerċ parallel u l-gwadann ta’ effikaċja miksub permezz tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Hija tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat f’dawk il-punti tas-sentenza li l-Kummissjoni kellha oneru ta’ prova iktar rigoruż minħabba n-natura strutturali tad-differenzi fil-prezzijiet.

197.

Finalment, dan l-ilment ma jistax jiġi aċċettat. Għandu jiġi osservat li l-punt 301 tas-sentenza appellata jsegwi mill-Artikolu 300. F’dak il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza insistiet b’mod speċjali dwar l-importanza tal-kompetizzjoni għall-innovazzjoni bejn il-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi u b’hekk dwar l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp f’dan is-settur. Hija semmiet l-effett tar-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet fid-diversi Stati Membri biss fuq bażi kumplimentari (“barra minn hekk”). Huwa għalhekk li, fil-fehma tiegħi, meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat b’mod iktar dettaljat il-probabbiltà tal-konkretizzazzjoni tal-benefiċċju invokat minn GSK, fil-punt 301 tas-sentenza appellata, l-intenzjoni prinċipali tal-Qorti tal-Prim’Istanza kienet li tiġi kkunsidrata l-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni bejn il-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi. It-tisħiħ tal-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni minħabba regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet, li huwa kkritikat minnha, ma jirriżultax mill-punt 301 tas-sentenza appellata.

198.

Mhux hekk għall-punt 276 tas-sentenza appellata. F’dak il-punt il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li, meta jitqies il-kuntest ġuridiku u ekonomiku tas-settur farmaċewtiku, fejn hemm distorsjoni fil-kompetizzjoni minħabba regolamenti nazzjonali, kien partikolarment gravi li l-Kummissjoni naqset milli teżamina l-probabbiltà tal-konkretizzazzjoni tal-benefiċċju imsemmi qabel. Ir-referenza għar-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet tidher b’mod ċar f'dan il-kuntest.

199.

Tabilħaqq, ikolli naqbel mal-Kummissjoni li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mir-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet ma tikkonċernax direttament il-benefiċċji li jistgħu jinħolqu mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Ir-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet jikkonċernaw l-effetti tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kkawżati mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ.

200.

Madankollu, jiena tal-fehma li l-idea bażika tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 276 tas-sentenza appellata, mhijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi. F’dan ir-rigward, l-ewwel għandu jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, it-telf fl-effikaċja li jirriżulta mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel jikkostitwixxi d-“debitu” tal-evalwazzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-kompetizzjoni li għandu jkun hemm taħt l-Artikolu 81(3) KE, waqt li l-“kreditu” jikkonsisti b’mod partikolari fil-gwadannji ta’ effikaċja li jistgħu jirriżultaw minn promozzjoni tal-progress tekniku. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li hija r-responsabbiltà tal-Kummissjoni li tikkunsidra n-natura partikolari tad-diversi setturi ekonomiċi u d-diffikultajiet partikolari li għandhom dawk is-setturi fil-kuntest tal-kompetenza tagħha taħt l-Artikolu 81(3) KE, biex tagħti eżenzjonijiet mill-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 81(1) KE ( 107 ). B’hekk, bħala parti mill-eżerċizzju ta’ ibbilanċjar skont l-Artikolu 81(3) KE, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li jistgħu juru l-effetti tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel bħala inqas gravi. Peress li tnaqqis fid-“debitu” jista’ jaffettwa l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali fir-rigward tal-kompetizzjoni, f’każijiet bħal dawn, hija meħtieġa diliġenza partikolari fid-determinazzjoni tal-vantaġġi f’termini ta’ effikaċja, li jikkostitwixxu l-“kreditu” ta’ dik l-evalwazzjoni. Abbażi ta’ din ir-riflessjoni biss, nikkunsidra li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 276 mhijiex żbaljata.

201.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni toġġezzjona għall-punt 284 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Hija tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata meta osservat li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, il-fenomenu tal-kummerċ parallel huwa spjegat mill-eżistenza ta’ prezzijiet differenti fid-diversi Stati Membri għall-istess prodott mediċinali u li l-flutwazzjonijiet monetarji komplew jikkumplikaw is-sitwazzjoni iktar. Skontha, id-deċiżjoni kkontestata sempliċement ikkonstatat li l-kummerċ parallel jiddependi minn żewġ fatturi indipendenti.

202.

Dan l-ilment huwa ammissibbli għaliex huwa possibbli li jiġi invokat żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ( 108 ).

203.

Madankollu, mhuwiex fondat. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-punt 284 tas-sentenza appellata jikkostitwixxi element tar-raġunament mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 281 sa 293 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat jekk il-konklużjoni sussidjarja mill-Kummissjoni, li l-kummerċ parallel ta’ prodotti mediċinali ta’ GSK f’ebda każ ma kellu effett sinjifikattiv fuq l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp ta’ dik l-impriża, kinitx immotivata biżżejjed. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk ivverifikat jekk GSK resqitx argumenti u evidenza rilevanti f’dak ir-rigward u jekk il-Kummissjoni eżaminathomx u rrifjutathomx kif xieraq ( 109 ). F’dan ir-rigward, fil-punt 283 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment irriproduċiet l-argumenti ta’ GSK, li anki jekk il-flutwazzjonijiet monetarji jiddeterminaw l-importanza finanzjarja tal-kummerċ parallel, l-eżistenza ta’ dan tal-aħħar bejn Spanja u r-Renju Unit ma tirriżultax biss minn dawk il-flutwazzjonijiet iżda wkoll mid-differenzi fil-prezzijiet strutturali bejn l-Istati Membri. Fil-punt 284 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li dak l-argument ta’ GSK kien rilevanti biex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv u kien ikkonfermat mill-premessi 31, 32 u 53 tad-deċiżjoni kkontestata.

204.

Fil-fehma tiegħi, il-fatt li ġie kkonstatat li dak l-argument mressaq minn GSK kien ikkonfermat mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxix żnaturament tal-kontenut tagħha. Fil-fatt, fil-premessi 31 u 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li l-kummerċ parallel irriżulta mill-azzjoni konġunta ta’ żewġ fatturi. Kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, jeżisti fattur strutturali li jirriżulta mill-fatt li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju, l-Istati Membri jadottaw u jimponu regolamenti intiżi biex jikkontrollaw direttament jew indirettament il-prezz tal-bejgħ tal-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi u biex jiffissaw il-prezzijiet għall-konsumaturi finali u l-baġit tal-Istat. Fil-premessa 32 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni invokat il-fattur l-ieħor, dak tal-flutwazzjonijiet monetarji, li huwa ta’ natura ċiklika. Fil-fehma tiegħi, id-distinzjoni bejn fattur strutturali u fattur ċikliku tindika li l-fattur strutturali huwa ta’ natura permanenti. Ma jidhirlix li l-Qorti tal-Prim’Istanza essenzjalment riedet tgħid xi ħaġa oħra fil-punt 284 tas-sentenza appellata. Għaldaqstant, ma narax li hemm differenza sostanzjali bejn il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 284 tas-sentenza appellata.

205.

Barra minn hekk, dan l-ilment huwa wkoll irrilevanti peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza mmotivat ukoll ir-rilevanza tal-argumenti ta’ GSK billi indikat li l-Kummissjoni kkonfermat l-eżistenza ta’ dak il-fattur fil-komunikazzjoni tagħha dwar is-suq waħdieni tal-prodotti farmaċewtiċi ( 110 ).

206.

Kuntrarjament għall-motiv issollevat mill-Kummissjoni, il-punt 284 tas-sentenza appellata lanqas ma jikkostitwixxi żnaturament tal-premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonstata li, matul is-snin 1996 sa 1998, il-volum tal-kummerċ parallel kien influwenzat b’mod manifest mill-flutwazzjonijiet monetarji kif ukoll mil-livell tal-prezzijiet fi Spanja. Fil-fatt, fil-punti 285 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxiet li, minħabba l-flutwazzjonijiet monetarji, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra fil-prinċipju li l-kummerċ parallel bejn Spanja u r-Renju Unit matul is-snin 1996 sa 1998 kien jikkostitwixxi eċċezzjoni, iżda hija ppreċiżat li dawk l-indikazzjonijiet madankollu ma kinux issostanzjati b’mod suffiċjenti biex tiġi mmotivata b’mod konvinċenti dik il-konklużjoni waqt li jiġu rrifjutati l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK.

207.

Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment li jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat id-deċiżjoni kkontestata fil-punt 284 tas-sentenza appellata.

208.

F’dan ir-rigward, finalment, il-Kummissjoni ssostni li l-punt 292 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ motivazzjoni safejn jirreferi għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq waħdieni tal-prodotti farmaċewtiċi, mingħajr indikazzjoni preċiża tal-punt li għalih tagħmel referenza ( 111 ). Dan l-ilment mhuwiex fondat. Il-punt 292 għandu jinqara flimkien mal-punt 264 tas-sentenza appellata. F’dan l-aħħar punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet sinteżi tal-kontenut essenzjali ta’ dik il-komunikazzjoni billi indikat in-numri tal-paġni korrispondenti. L-indikazzjoni b’hekk tinsab fis-sitt u s-seba’ inċiżi tal-punt 264 tas-sentenza appellata.

209.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 281 sa 293 tas-sentenza appellata, talli kkunsidrat li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat il-grad tat-telf ta’ effikaċja kkawżat mill-kummerċ parallel, minħabba l-preżunta oriġini strutturali tiegħu. Skontha, din tikkostitwixxi wkoll interpretazzjoni ġuridikament żbaljata tal-kriterju ta’ evalwazzjoni applikabbli, li taħtu l-eżistenza ta’ benefiċċji sinjifikattivi għandha tiġi ppruvata.

210.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Fil-punti 281 sa 293 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkontestatx in-neċessità ta’ benefiċċju sinjifikattiv. Hija sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li l-kummerċ parallel ma kellux effett sinjifikattiv fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, fuq motivi li ma kkunsidrawx b’mod xieraq l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK jew li ma rrifjutathomx b’mod xieraq ( 112 ).

211.

Fir-raba’ lok, safejn il-Kummissjoni ssostni li l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ rabta kawżali bejn il-kummerċ parallel u l-iżvilupp tal-progress tekniku ma għandhom xejn x’jaqsmu mal-kwistjoni dwar jekk l-importazzjonijiet paralleli humiex ikkawżati jew le minn fattur strutturali, għandu l-ewwel jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tibbażax primarjament fuq dawk il-kunsiderazzjonijiet. Għall-kuntrarju, hija kkunsidrat prinċipalment li l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li ma kienx jeżisti benefiċċju sinjifikattiv, fuq rifjut li ma kienx immotivat kif xieraq fuq l-eżistenza ta’ rabta kawżali, jew ta’ rabta kawżali tanġibbli, bejn il-kummerċ parallel, minn naħa, u r-riċerka u l-iżvilupp, min-naħa l-oħra, u li hija ma analizzatx kif xieraq jekk il-kundizzjonijiet ġenerali kinux ta’ tali natura li joħolqu gwadannji fl-effikaċja billi jippromwovu l-progress tekniku. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, b’referenza għall-punti 199 u 200 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li meta ċerti ċirkustanzi huma ta’ natura tali, meta jkun il-każ, li jnaqqsu d-“debitu” tal-evalwazzjoni ġenerali taħt l-Artikolu 81(3) KE, għandha tiġi eżaminata b’diliġenza partikolari l-probabbiltà tal-eżistenza ta’ benefiċċju sinjifikattiv għall-“kreditu”.

212.

Għandu jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni, li mhuwiex ġustifikabbli li xi impriżi jadottaw unilateralment miżuri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni sabiex jillimitaw l-inkonvenjenti li jirriżultaw mir-regolamenti nazzjonali, għax GSK issostni ukoll li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ joħolqu benefiċċju sinjifikattiv billi jippromwovu l-progress tekniku fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE. Fl-aħħar, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, il-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex kuntradittorji meta hija tikkonstata, minn naħa, fil-punt 192 tas-sentenza appellata, u b’hekk fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE, li l-karatteristiċi speċifiċi tas-settur farmaċewtiku, b’mod partikolari r-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet, ma jeskludux l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni filwaqt li tosserva, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra dawk il-karatteristiċi speċifiċi fil-kuntest tas-setgħa tagħha li tagħti eżenzjonijiet, abbażi tal-Artikolu 81(3) KE, mill-projbizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 81(1) KE.

iv) Il-flutwazzjonijiet monetarji

213.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat, b’mod partikolari fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, li l-flutwazzjonijiet monetarji jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni tal-kompetizzjoni, weħidhom jew flimkien mal-fattur strutturali li jirriżulta mir-regolamenti nazzjonali tal-prezzijiet. Skontha, hija b’hekk wettqet żball ta’ liġi.

214.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Fil-punti 292 u 293 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx li akkordju li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, li huwa intiż biss biex jikkumpensa għall-flutwazzjonijiet monetarji, jista’ jkun iġġustifikat abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. L-ewwel nett, fil-punt 286 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-fatt li l-parti tal-importazzjonijiet paralleli tal-prodotti mediċinali minn Spanja lejn ir-Renju Unit kienet baqgħet stabbli. Din hija r-raġuni għalfejn hija kkunsidrat li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fil-premessi 165 et seq tad-deċiżjoni kkontestata, fejn hija qalet li l-kummerċ parallel bejn Spanja u r-Renju Unit essenzjalment kien jirriżulta minn flutwazzjonijiet monetarji, ma kinux immotivati kif xieraq. It-tieni nett, GSK ma taffermax biss li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ huma intiżi biex jikkumpensaw għall-flutwazzjonijiet monetarji. Għall-kuntrarju, hija tafferma li dawn jagħtu lok għal gwadann fl-effikaċja billi jippromwovu l-progress tekniku fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE.

v) Ir-relazzjoni bejn il-mezzi finanzjarji addizzjonali ta’ GSK u l-promozzjoni tal-progress tekniku

215.

Sussegwentement, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball fl-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE billi ssuġġettat il-promozzjoni tal-progress tekniku fis-sens ta’ dik id-dispożizzjoni għal kriterju ta’ evalwazzjoni inqas strett, b’kuntradizzjoni mal-ġurisprudenza.

216.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel nett, li fil-punti 255, 269, 281 u 300 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza użat kriterju ġuridiku li jistipula li żieda fil-profitt issaħħaħ il-kapaċità ta’ innovazzjoni. Hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk wettqet żball ta’ liġi. Fil-fatt, l-impriżi jistgħu jużaw mezzi finanzjarji addizzjonali għal finijiet oħrajn, b’mod partikolari biex iħallsu dividendi lill-azzjonisti tagħhom.

217.

Dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat. Jirriżulta mill-punt 247 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma użatx tali kriterju iżda eżiġiet li jkun hemm benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv fil-forma ta’ promozzjoni tal-progress tekniku. Hija sempliċement ikkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni, li ma kienx hemm benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, ma kinitx immotivata kif xieraq. Jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-punti kkontestati 269, 281 u 300 li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ innovazzjoni ta’ GSK kienet ivvizzjata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

218.

It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li meta kkunsidrat li kien suffiċjenti li parti mill-mezzi finanzjarji addizzjonali jkunu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp, il-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi.

219.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ma bbażatx id-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt. Madankollu dan mhuwiex determinanti fih innifsu. Kieku kellu jiġi kkunsidrat li skont l-Artikolu 81(3) KE jeżisti benefiċċju biss jekk il-mezzi finanzjarji kollha miksuba minn GSK permezz tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel jiġu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp, allura, l-argument imressaq minn GSK ma jibqax rilevanti. Fil-fatt, GSK sostniet li huwa suffiċjenti li l-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi jinvestu parti mill-mezzi finanzjarji addizzjonali fir-riċerka u l-iżvilupp sabiex jagħtu lok għal gwadann fl-effikaċja.

220.

Madankollu, l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE mhux neċessarjament tippresupponi li l-mezzi finanzjarji addizzjonali kollha jiġu investiti fir-riċerka u l-iżvilupp. Kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, dan ma jirriżultax mis-sentenza Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni ( 113 ). L-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE teħtieġ biss li jiġi eżaminat jekk jeżistix gwadann fl-effikaċja li l-effetti tiegħu jinħassu lil hinn miċ-ċirku ta’ benefiċjarji diretti u li tal-inqas ipatti għall-inkonvenjenti li jirriżultaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Tabilħaqq, il-parti investita hija importanti sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali benefiċċju f’termini ta’ effikaċja. Fil-fatt, jeħtieġ li din tkun suffiċjenti sabiex l-ispejjeż tar-riċerka u l-iżvilupp, fl-ipoteżi li l-eżistenza tagħhom tkun ferm probabbli, ipattu għall-inkonvenjenti li jirriżultaw mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel. L-istess jgħodd għall-eżami tat-tieni u t-tielet kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE li jeħtieġu li l-utenti jirċievu sehem ġust mill-benefiċċju u li limitazzjoni tal-kummerċ parallel tkun tista’ titqies bħala indispensabbli. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ tabilħaqq tikkunsidra li parti biss tkun ġiet investita fir-riċerka u l-iżvilupp. Madankollu, dan ma jistax jiġġustifika li l-eżami jitħalla barra għalkollox jew li ma tingħatax attenzjoni suffiċjenti lill-argumenti u l-evidenza kollha fil-kuntest ta’ tali eżami.

221.

It-tielet nett, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli, fil-punti 274 u 300 tas-sentenza appellata, finalment ibbażat l-evalwazzjoni tagħha fuq skont ta’ min iktarx li jinvesti l-iktar fir-riċerka u l-iżvilupp: il-manifattur ta’ prodotti farmaċewtiċi, l-intermedjarji jew il-konsumaturi finali. Hija ssostni li dan huwa żball ta’ liġi għax, b’dan il-mod, l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE tkun dejjem sodisfatta meta akkordju jwassal għal ridistribuzzjoni ta’ fondi billi jiġu ttrasferiti mill-intermedjarji jew l-utenti lill-manifattur ta’ prodotti farmaċewtiċi.

222.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Fl-ewwel lok wieħed għandu jtenni li l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement stħarġet il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv fil-forma ta’ progress tekniku jew ekonomiku, mingħajr ma ddeċidiet hija stess. B’hekk, hija rriproduċiet l-argumenti ta’ GSK fil-punt 274 tas-sentenza appellata, kif dan jirriżulta mill-punt 279 u mill-punt 300.

223.

Barra minn hekk, il-punti 274 u 300 tas-sentenza appellata ma jinkludux tqabbil bejn l-attività ta’ riċerka u żvilupp tal-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi, minn naħa, u tal-intermedjarji Spanjoli u l-utenti, min-naħa l-oħra. GSK sempliċement issostni li kellhom jiġu mqabbla l-elementi li ġejjin matul l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kollha, mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, u tar-ridistribuzzjoni tal-mezzi finanzjarji li jirriżultaw: minn naħa, fil-kuntest tal-“kreditu”, il-gwadannji ta’ effikaċja li jirriżultaw mill-promozzjoni tal-progress tekniku mistennija minħabba l-importanza tal-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni bejn il-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi; min-naħa l-oħra, fil- kuntest tad-“debitu”, l-inkonvenjenti f’termini ta’ effikaċja mistennija minħabba l-limitazzjoni tal-kummerċ parallel. F’dan ir-rigward, GSK osservat li meta evalwat il-grad tat-telf fl-effikaċja li seta’ jirriżulta mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel, il-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat li, minħabba l-istruttura tas-suq tal-prodotti mediċinali, l-intermedjarji żammew parti kbira tad-dħul li jirriżulta mill-kummerċ parallel ( 114 ).

vi) Konklużjoni

224.

Għaldaqstant, it-tieni aggravju tal-appell tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

c) L-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata u n-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti fil-passat fil-kuntest tal-analiżi prospettiva

225.

Permezz ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, talli żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (i), it-tieni nett, talli pprojbiet li jiġu kkunsidrati avvenimenti fil-passat (ii) u, it-tielet nett, talli pprojbiet li tiġi kkunsidrata informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument meta ngħatat id-deċiżjoni (iii).

i) L-iżnaturament tad-deċiżjoni kkontestata

226.

Il-Kummissjoni tikkontesta l-ewwel nett il-motivi ppreżentati fil-punt 261 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ddedikat biss il-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata għall-evalwazzjoni tagħha tal-gwadannji fl-effikaċja maħluqa mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Il-Kummissjoni ssostni li dik il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikkostitwixxi żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata.

227.

Dan l-ilment huwa ta’ importanza kbira. Fil-fatt, il-motivi tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma bbażati fuq motivazzjoni insuffiċjenti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza effettivament żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, dan jista’ iqiegħed f’dubju l-konstatazzjonijiet tagħha dwar dawk l-insuffiċjenzi.

228.

Dan l-ilment huwa ammissibbli peress li, fil-kuntest ta’ appell, huwa possibbli li jiġi allegat żnaturament tal-kontenut ta’ deċiżjoni ( 115 ). Fil-fehma tiegħi, l-ilment ta’ żnaturament tad-deċiżjoni huwa wkoll fondat. Fil-fatt, fil-punti 261 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, peress li l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’difetti, hija korretta, jeħtieġ li din tiġi kkonfermata billi jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza appellata.

— L-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata

229.

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni u l-Qorti tal-Prim’Istanza manifestament għandhom perspettivi differenti dwar il-metodu ta’ evalwazzjoni li għandu jintuża.

230.

Fil-premessi 154 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat jekk setax jiġi kkunsidrat li l-akkordju ta lok għal benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Hija l-ewwel indikat li l-impriżi kienu liberi li jiddeċiedu dwar l-ispejjeż tagħhom ta’ riċerka u żvilupp. Hija kienet tal-fehma li ma kienx hemm benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv billi ma setax jiġi kkunsidrat li kien hemm rabta kawżali diretta, tal-inqas ta’ grad sinjifikattiv, bejn il-mezzi finanzjarji addizzjonali miksuba minn GSK permezz tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel u ż-żieda fl-ispejjeż tar-riċerka u żvilupp. Il-Kummissjoni b’mod partikolari bbażat din il-konklużjoni fuq analiżi tal-informazzjoni storika ta’ GSK.

231.

Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-konstatazzjoni tagħha fil-punt 295 tas-sentenza appellata u mis-sottotitoli qabel il-punti 269, 281, 294 u 304, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li kellu jsir eżami strutturat skont kif ġej. L-ewwel nett, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat l-inkonvenjenti li jirriżultaw mit-telf ta’ effikaċja li l-kummerċ parallel ikkawża lill-industrija farmaċewtika u b’mod partikolari, lil GSK. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni mmotivat b’mod insuffiċjenti l-konklużjoni tagħha li l-kummerċ parallel ma kkawżax telf ta’ effikaċja bi preġudizzju għall-kapaċità ta’ innovazzjoni ta’ GSK ( 116 ). It-tieni nett, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat il-grad tat-telf ta’ effikaċja kkawżat mill-kummerċ parallel. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-konklużjoni, ifformulata sussidjarjament, li tali effett tal-kummerċ parallel fi kwalunkwe każ ma kienx ġie ppruvat, kienet ukoll ivvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni ( 117 ). It-tielet nett, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat il-gwadannji fl-effikaċja li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ. Madankollu, hija għamlet dan biss fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn essenzjalment ikkonstatat li l-kisba ta’ mezzi finanzjarji addizzjonali ma waslitx awtomatikament għal żieda fl-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp peress li l-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi setgħu jiddeċiedu liberament dwar l-ammonti li xtaqu jinvestu f’dak il-qasam. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li din il-motivazzjoni kienet insuffiċjenti fir-rigward tal-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK ( 118 ). Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni kien imissha wiżnet il-benefiċċju korrispondenti u l-inkonvenjent għall-kompetizzjoni li jirriżulta mill-fatt li dawk il-kundizzjonijiet ġenerali kisru l-Artikolu 81(1) KE. Iżda hija ma għamlitx dan ( 119 ).

232.

Skont il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 295 tas-sentenza appellata, l-istruttura deskritta preċedentement ma setgħetx tiġi evitata minħabba l-istruttura tal-argumenti ta’ GSK u d-dibattitu li sar dwar dan is-suġġett matul il-proċedura amministrattiva.

233.

Din il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija żbaljata. Fil-fatt, il-kwistjoni dwar jekk l-eżami u l-motivazzjoni tal-Kummissjoni humiex suffiċjenti jew inadegwati tiddependi, prinċipalment, fuq il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti, u biss sussidjarjament fuq il-fatt dwar jekk il-Kummissjoni eżaminatx biżżejjed l-argumenti u l-evidenza rilevanti mressqa biex jintwera li dawk il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti ( 120 ).

234.

Għaldaqstant, skont l-istruttura tal-Artikolu 81(3) KE, kien meħtieġ l-ewwel nett li jiġi eżaminat jekk setax jiġi preżunt, bi probabbiltà raġonevoli, li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ippromovew il-progress tekniku. B’hekk, kuntrarjament għall-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 295 tas-sentenza appellata, seta’ jiġi evitat li l-ewwel jiġi eżaminat jekk il-kummerċ parallel ikkawżax telf ta’ effikaċja lill-industrija farmaċewtika b’mod ġenerali u lil GSK b’mod partikolari.

235.

Tabilħaqq, l-ispjegazzjonijiet preċedenti ma jfissrux li l-approċċ propost mill-Qorti tal-Prim’Istanza jwassal għal konklużjoni żbaljata ( 121 ). Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax takkuża lill-Kummissjoni bi żball ta’ motivazzjoni sempliċement għax l-eżami tagħha jsegwi l-istruttura prevista mill-Artikolu 81(3) KE. Barra minn hekk, l-impożizzjoni ta’ struttura ta’ eżami li ġiet ikkwalifikata b’mod żbaljat bħala inevitabbli ma għandhiex twassal lill-Qorti tal-Prim’Istanza biex tagħmel żnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u biex tikkunsidraha biss “mil-lenti” ta’ struttura tali. Madankollu, dan huwa li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, meta kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat il-gwadanji fl-effikaċja maħluqa mill-kundizzjonijiet ġenerali biss fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, u darba waħda biss. B’dan il-mod, hija naqset milli tikkunsidra li l-Kummissjoni għamlet dan l-eżami mhux biss fil-premessa 156, iżda wkoll fil-premessi 154 et seq, kif ukoll fil-premessi 157 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata.

236.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament tikkritika l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, talli interpretat b’mod żbaljat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

— Is-sostituzzjoni tal-motivi

237.

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, dan ma jqiegħedx inkwistjoni l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza li l-Kummissjoni ma mmotivatx kif xieraq id-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt, evalwazzjoni ġuridika tal-fatti, ibbażata fuq il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li la huma affettwati mill-iżnaturament tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, imsemmija qabel, u lanqas mill-iżbalji ta’ liġi oħra invokati, twassal biex il-konklużjoni tal-Kummissjoni, li ma kienx hemm benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, tiġi kkunsidrata bħala li ma kinitx immotivata kif xieraq.

238.

Fil-punti 275 sa 280 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ma mmotivatx kif xieraq il-konklużjoni tagħha li ma ġietx ippruvata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn żieda fid-dħul ta’ GSK li jirriżulta mill-kummerċ parallel u żieda fl-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp. B’hekk, b’mod partikolari fil-punt 277 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma rrifjutatx kif xieraq il-konnessjoni invokata minn GSK bejn il-livell ġenerali tal-profitti tagħha jew il-qligħ mistenni mill-prodotti, minn naħa, u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp, min-naħa l-oħra. Peress li GSK ibbażat fuq elementi ta’ prova biex issostni li dawk il-fatturi (livell ġenerali tal-profitti jew il-qligħ mistenni mill-prodotti) kienu affettwati mill-kummerċ parallel, il-Kummissjoni ma kienx imissha rrinunzjat li teżamina dawk il-provi ( 122 ). Fil-punti 278 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma tatx attenzjoni suffiċjenti lill-argument imressaq minn GSK, fejn din tal-aħħar qalet li hija kellha kull interess li tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, minħabba l-kompetizzjoni dinamika permezz tal-innovazzjoni bejn it-trade marks, u li kienet tinsab fl-impossibbiltà li taħsad il-frott kollu ta’ dak l-investiment, bil-għan li tinvestih mill-ġdid fir-riċerka u l-iżvilupp, minħabba l-kummerċ parallel.

239.

Barra minn hekk, fil-punti 281 sa 293 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat li l-Kummissjoni lanqas ma mmotivat kif xieraq il-konklużjoni li l-mezzi finanzjarji addizzjonali ma kellhom ebda effett sinjifikattiv fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. B’hekk, fil-punt 286 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ma rrifjutatx l-argument ta’ GSK, li filwaqt li kien inbidel il-valur tal-importazzjonijiet paralleli minħabba l-flutwazzjonijiet monetarji, ma nbidilx il-proporzjon tagħhom. Barra minn hekk, fil-punt 291 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni bbażat biss fuq il-kummerċ parallel bejn Spanja u r-Renju Unit biex tevalwa l-eżistenza ta’ benefiċċju sinjifikattiv, filwaqt li hija ddikjarat li kien importanti li jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tiegħu fi Stati Membri oħrajn sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ restrizzjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Fl-aħħar, fil-punt 292 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li fil-futur jista’ jkun hemm flutwazzjonijiet monetarji li jistgħu jaffettwaw l-ammont ta’ telf imġarrab minn GSK minħabba l-kummerċ parallel.

240.

Tabilħaqq, il-Kummissjoni tosserva li, kif jirriżulta mill-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn GSK, hija ma setgħetx tikkonstata, għall-imgħoddi, rabta diretta bejn it-telf ta’ dħul li ġarrbet GSK minħabba l-kummerċ parallel, minn naħa, u l-waqfien ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp, min-naħa l-oħra. Hija kkonstatat ukoll li l-porzjon tal-ispejjeż ta’ GSK iddedikati għar-riċerka u l-iżvilupp kompla jiżdied anki matul is-snin meta l-impriża ġarrbet telf fid-dħul.

241.

Madankollu, mhuwiex possibbli li wieħed jiddeduċi mill-Artikolu 81(3) KE li l-impriża tista’ tipprova l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv biss billi tipprova li hemm rabta diretta bejn il-kummerċ parallel u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp. Għall-kuntrarju, mhuwiex eskluż li hija tressaq dik il-prova b’mod ieħor ( 123 ).

242.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiskarta l-argument ta’ impriża, li huwa bbażat fuq elementi ekonomiċi u li jipprovdi informazzjoni ekonomika u ekonometrika rilevanti, sempliċement għax ma ntwerietx l-eżistenza ta’ rabta diretta ( 124 ). Tabilħaqq, hija tista’ tiċħad b’mod ġeneriku l-argument ġeneriku mqajjem minn impriża. Madankollu, jekk l-impriża tippreżenta l-argument rilevanti tagħha b’mod dettaljat, il-Kummissjoni għandha teżaminah b’mod dettaljat. F’dan il-każ, mhuwiex biżżejjed li jiġi indikat li d-dħul addizzjonali jista’ sempliċement jiżdied mal-profitti tal-impriża peress li l-impriżi huma liberi li jiddeċiedu dwar il-volum tal-investimenti tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp. Fil-fatt, indikazzjoni daqstant ġenerika tinjora l-fatt li l-aġir ta’ impriża fis-suq jista’ jkun influwenzat bil-kbir mill-kompetizzjoni ma’ impriżi oħrajn, li tista’ tillimita l-libertà ta’ deċiżjoni tagħha.

243.

Fuq il-livell ta’ fatti, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-punt 256 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li GSK kienet ressqet evidenza ta’ natura ekonomika u ekonometrika. Barra minn hekk, fil-punt 264 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li, fil-komunikazzjoni tagħha dwar is-suq waħdieni tal-prodotti farmaċewtiċi ( 125 ), il-Kummissjoni stess enfasizzat l-importanza tal-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni fis-settur farmaċewtiku, id-dħul permanenti ta’ prodotti ġodda fis-suq, il-karatteristiċi partikolari tal-finanzjament ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll ir-relazzjoni mal-profittabbiltà tal-impriżi.

244.

Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni ta’ fatt, li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti biex tistabbilixxi u li, fil-prinċipju, ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ appell, u fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi msemmija qabel, nasal għall-konklużjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ġustament, fil-punt 302 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma setgħetx twarrab l-argumenti ta’ fatt u l-evidenza mressqa minn GSK mingħajr ma tirrifjutohom. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet obbligata li tikkunsidra li kien jeżisti benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, abbażi tal-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK. Hija sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni kien imissha eżaminat l-argumenti u l-evidenza rilevanti mressqa minn GSK biex turi l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv u tirrifjutahom jekk fil-fehma tagħha ma kinux suffiċjenti.

— Konklużjoni

245.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset ġustament li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li ma kienx jeżisti benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, ma kinitx iġġustifikata kif xieraq. B’hekk għandu jiġi miċħud l-ilment tal-Kummissjoni billi jiġu ssostitwiti l-motivi tas-sentenza appellata.

ii) Il-kunsiderazzjoni ta’ avvenimenti fil-passat

246.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tirrikonoxxi li hija setgħet tibbaża fuq avvenimenti fil-passat biex tipproċedi għall-analiżi prospettiva.

247.

Dan l-ilment huwa wkoll infondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eskludietx li l-Kummissjoni tkun tista’ tibbaża ruħha fuq avvenimenti fil-passat. Kif indikajt iktar ’il fuq, hija sempliċement ikkonstatat li l-motivazzjoni kkonċernata kienet insuffiċjenti peress li hija ma tatx attenzjoni suffiċjenti lill-argumenti u l-evidenza kollha rilevanti mressqa minn GSK.

iii) Il-kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata

248.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 58 u 59 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma ppermettietx li hija tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-proċedura quddiemha, fuq informazzjoni li ma kinitx disponibbli fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni. Fil-fehma tiegħi dan mhuwiex żball ta’ liġi. Fil-fatt, kif indikat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza f’dawk il-punti, l-istħarriġ tad-deċiżjoni kkontestata jsir esklużivament fir-rigward tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li jkunu jeżistu fid-data meta ġiet adottata ( 126 ). Għal din ir-raġuni ma nistax nifhem kif il-Kummissjoni trid tirrimedja għad-difetti ta’ motivazzjoni fl-analiżi prospettiva li għandha ssir fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata billi tirrikorri għal informazzjoni miġbura wara u li, minħabba kif ġraw l-affarijiet, hija ma setgħetx tikkunsidra f’dik il-motivazzjoni.

iv) Konklużjoni

249.

Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud ukoll fit-totalità tiegħu.

d) L-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ evalwazzjoni

250.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza applikat b’mod żbaljat il-kriterju ta’ evalwazzjoni, l-ewwel nett billi ħolqot motiv ġdid ta’ annullament (i) u, it-tieni nett, billi eċċediet il-kompetenzi tagħha (ii).

i) Il-ħolqien ta’ motiv ġdid ta’ annullament

251.

L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 269, 277, 281, 286 u 313 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħolqot motiv ġdid ta’ annullament tad-deċiżjonijiet, jiġifieri n-nuqqas ta’ analiżi suffiċjenti jew ir-rifjut mhux konvinċenti tal-argumenti tal-impriża. Hija tikkunsidra li dan il-motiv ta’ annullament mhuwiex fondat ġuridikament.

252.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. Kif semmejt qabel, fil-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet, meta l-Kummissjoni jkollha setgħa diskrezzjonali minħabba l-kumplessità tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi meħtieġa, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement tivverifika jekk ġewx imħarsa r-regoli proċedurali, jekk il-motivazzjoni hijiex suffiċjenti, l-eżattezza materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Għaldaqstant, il-verifika tan-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 100, fil-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

ii) Il-qbiż tal-kompetenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza

253.

L-ilment tal-Kummissjoni, fejn hija tallega li fil-punti 274 u 278 tas-sentenza appellata l-Qorti tal-Prim’Istanza ssostitwiet il-motivi tad-deċiżjoni bil-motivi tagħha stess, għandu jiġi miċħud bħala infondat. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-punt 270 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kollox irriproduċiet l-argument ta’ GSK li f’settur ikkaratterizzat minn kompetizzjoni dinamika, il-manifatturi kollha ta’ prodotti farmaċewtiċi kellhom kull interess li jinvestu tal-inqas parti mill-profitti addizzjonali tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp. Barra minn hekk, fil-punt 278 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ma tatx attenzjoni suffiċjenti lil dan l-element u ma tatx risposta suffiċjenti għall-argument ta’ GSK. B’hekk jirriżulta wkoll minn dan il-punt li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma ssostitwietx il-motivazzjoni tal-Kummissjoni bil-motivi tagħha stess.

e) L-iżball ta’ motivazzjoni li jirriżulta minn evalwazzjoni mgħaġġla tal-provi mill-Qorti tal-Prim’Istanza u ta’ preżunzjonijiet mhux spjegati min-naħa tagħha

254.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji fil-motivi dwar l-evalwazzjoni tal-evidenza mressqa minn GSK (i) u billi ma spjegatx għalfejn ma kienx possibbli li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp mingħajr il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ (ii).

i) L-evalwazzjoni tal-evidenza mressqa minn GSK

255.

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 262 u 263 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ motivazzjoni meta kkonstatat li GSK ssodisfat l-oneru tal-prova tagħha billi ressqet l-elementi ċċitati fil-punti 256 sa 259 tas-sentenza appellata. Skontha, fil-fatt, parti mill-argumenti u l-mezzi ta’ prova ċċitati fil-punt 258 kienu kkontestati.

256.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. L-ewwel nett għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma vverifikatx l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv, iżda biss il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar dan il-punt. Barra minn hekk jirriżulta, b’mod partikolari mis-sottotitolu li jinsab qabel il-punt 263 li, fil-punti 263 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ivverifikat jekk l-evidenza mressqa minn GSK kinitx rilevanti u kellhiex tiġi eżaminata fuq din il-bażi u, jekk ikun il-każ, tiġi irrifjutata mill-Kummissjoni. Fl-aħħar, kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni u kkonstatat li hija ma tatx attenzjoni suffiċjenti lill-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma bbażatx il-motivi tagħha fuq il-fatt li GSK kienet ipprovat ċerti punti. Hija bbażathom fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma kinitx tat attenzjoni suffiċjenti lill-argumenti u l-evidenza kollha mressqa minn GSK.

257.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tallega li l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza huma kontradittorji.

258.

Fl-ewwel lok, hija ssostni li, fil-punt 273 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-kummerċ parallel ma jagħtix valur miżjud sinjifikattiv lill-konsumatur finali, waqt li, fil-punt 190, hija indikat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ joħolqu inkonvenjenti għall-konsumaturi finali billi jċaħħduhom mill-benefiċċji li jirriżultaw mill-kummerċ parallel. Dan l-ilment mhuwiex fondat. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 270 tas-sentenza appellata li, fil-punt 273, il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kollox irriproduċiet l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK.

259.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punti 133, 143 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li s-settur farmaċewtiku kien protett mill-forzi tal-provvista u tad-domanda filwaqt li, fil-punti 271 u 272, hija ddeskriviet b’mod korrett l-interazzjoni bejn il-provvista u d-domanda. B’dan il-mod, peress li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-motivi ppreżentati fil-punti 271 u 272 tas-sentenza appellata, iżda l-motivi ppreżentati fil-punti 133, 143 u 144, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, għar-raġunijiet indikati qabel fil-punti 42 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li jirriżulta mill-punt 270 tas-sentenza appellata li, fil-punti 271 u 272, il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kollox irriproduċiet l-argument ta’ GSK.

260.

It-tielet nett, il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 265 tas-sentenza appellata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni. F’dak il-punt il-Qorti tal-Prim’Istanza stabbilixxiet li ċerti argumenti mressqa minn GSK kienu kkonfermati mill-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq waħdieni tal-prodotti farmaċewtiċi ( 127 ). Il-Kummissjoni targumenta li tali konstatazzjoni ma tinftiehemx għax mhuwiex possibbli li wieħed ikun jaf liema elementi tas-sottomissjonijiet ta’ GSK ġew ikkonfermati. Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Fil-fatt, meta jiġu mqabbla l-argumenti mressqa minn GSK, iċċitati fil-punti 258 u 259 tas-sentenza appellata, u s-sinteżi tal-kontenut essenzjali tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-suq waħdieni tal-prodotti mediċinali, ippreżentata fil-punt 264, jidher b’mod ċar liema parti tal-argumenti tal-komunikazzjoni ġew ikkonfermati, jiġifieri b’mod partikolari l-importanza tal-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni, l-influss kostanti ta’ prodotti ġodda fis-suq, il-finanzjament ta’ investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp, ir-rabta tagħhom mal-profittabbiltà tal-impriżi, kif ukoll il-fattur strutturali li jirriżulta mir-regolamenti tal-prezzijiet fl-Istati Membri. Barra minn hekk, fil-punt 284 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet referenza għall-komunikazzjoni biex tiġġustifika r-rilevanza tal-argument ibbażat fuq dak il-fattur strutturali. Barra minn hekk, żball ta’ motivazzjoni ma jkunx sinjifikattiv. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra b’mod suffiċjenti l-argument rilevanti ta’ impriża meta din tal-aħħar tressaq argumenti u evidenza insostenn ta’ dak l-argument. F’dan il-każ, il-kontenut tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni sempliċement isaħħaħ ir-rilevanza tas-sottomissjonijiet ta’ GSK.

ii) In-nuqqas ta’ spjegazzjoni li tindika għax kien impossibbli li jsir investiment fir-riċerka u l-iżvilupp mingħajr il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

261.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 278 u 297 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li f’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ motivazzjoni billi naqset milli tispjega għalfejn GSK ma setgħetx tinvesti b’mod suffiċjenti fir-riċerka u l-iżvilupp mingħajr il-mezzi finanzjarji addizzjonali.

262.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, fil-punti 253 sa 308 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement eżaminat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE, jiġifieri l-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Fil-punt 278 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni, li GSK setgħet tiffinanzja l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp b’mezzi oħrajn, ma eżaminatx kif xieraq l-argument ta’ GSK, li hija kellha kull interess li tinvesti fir-riċerka u l-iżvilupp, minħabba l-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni bejn il-manifatturi ta’ prodotti farmaċewtiċi. Kuntrarjament għal dak li taħseb il-Kummissjoni, mhuwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tissostitwixxi l-motivi ta’ din tal-aħħar bil-motivi tagħha stess. Barra minn hekk, il-kwistjoni jekk manifattur ta’ prodotti farmaċewtiċi jistax jirreaġixxi għal tnaqqis fil-profittabbiltà billi jnaqqas spejjeż oħrajn apparti dawk tar-riċerka u l-iżvilupp, ma tikkonċernax il-kwistjoni dwar jekk kienx jeżisti benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv iżda tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni kinitx indispensabbli sabiex jinkiseb tali benefiċċju u b’hekk sabiex tiġi ssodisfatta t-tielet kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE.

2. Il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE

263.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żbalji ta’ liġi fil-punt 309 tas-sentenza appellata, fejn hija eżaminat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE.

264.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma pprovdietx hija stess motivi li jiġġustifikaw li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu indispensabbli, għandu jiġi osservat, kif indikajt fil-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni bl-evalwazzjoni tagħha stess. Il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk illimitat ruħha, ġustament, li tistħarreġ il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

265.

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Kummissjoni, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma żnaturatx il-kontenut tal-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata meta kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, li jqisu li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ma kinux indispensabbli, kienu insuffiċjenti peress li kienu bbażati fuq il-konstatazzjoni li dawn tal-aħħar ma joħolqux benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv.

266.

Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ma kinux indispensabbli, fuq il-bażi li ma kienx hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjoni tagħhom kinitx indispensabbli peress li ma kienx ippruvat li dawn kienu joħolqu benefiċċju. Għaldaqstant ma jistax jitqies li l-Kummissjoni effettivament eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kinux indispensabbli.

267.

Jekk, fuq bażi kumplimentari, u minkejja dik il-motivazzjoni tal-premessa 187, kellha tiġi eżaminata l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li GSK setgħet xorta waħda tiffinanzja l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp b’mezzi oħrajn, għandu jiġi osservat dan li ġej: mhuwiex biżżejjed li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikunu jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-oġġettivi pożittivi tal-akkordju sabiex dan tal-aħħar ikun indispensabbli ( 128 ). Madankollu, akkordju mhuwiex indispensabbli biss meta l-benefiċċji previsti ma jistgħux jinkisbu mod ieħor, iżda wkoll meta ma jkunx posibbli li jinkisbu benefiċċji daqstant sostanzjali, daqstant malajr, jew bl-istess ċertezza. F’dik l-evalwazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-qagħda u l-informazzjoni ekonomika tas-suq li jkunu qed jiffaċċjaw il-partijiet fl-akkordju.

268.

Tabilħaqq, jirriżulta mill-motivazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx eskluż li jiżdiedu b’mod ieħor l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp. Madankollu, dik il-motivazzjoni ma tindikax jekk tali żieda kinitx ser tkun daqstant sostanzjali jew ċerta. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-argument ta’ GSK jafferma li l-manifatturi jonfqu iktar fuq ir-riċerka u l-iżvilupp f’valur assolut jekk id-dħul tagħhom f’valur assolut ikun iktar għoli. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjoni tal-motivazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, ma tqiegħedx f’dubju l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 309 tas-sentenza appellata, fejn hija qalet li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod xieraq il-konklużjoni tagħha li l-kundizzjoni ma kinitx sodisfatta.

269.

Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud ukoll.

3. Konklużjoni

270.

L-appell u l-appell inċidentali tal-Kummissjoni fil-Kawżi C-513/06 P u C-501/06 P għandhom jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom.

C — L-appell tal-EAEPC fil-Kawża C-515/06 P

271.

L-EAEPC tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C-515/06 P.

1. Il-funzjoni tal-Artikolu 81(3) KE

272.

L-ewwel aggravju tal-EAEPC essenzjalment jikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 261 tas-sentenza appellata, li skontha l-Kummissjoni ttrattat darba waħda biss, fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ joħolqux gwadann fl-effikaċja. L-EAEPC issostni li l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi peress li hija bbażata fuq riproduzzjoni żnaturata tas-sottomissjonijiet ta’ GSK u tad-deċiżjoni kkontestata.

273.

Finalment, dan l-ilment ma jistax jiġi aċċettat. Kif semmejt fil-punti 226 sa 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-punt 261 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żbalji ta’ liġi, iżda l-ilment fl-aħħar mill-aħħar għandu jiġi miċħud peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament waslet għall-konklużjoni li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet suffiċjenti, kif jirriżulta mill-punti 237 sa 245 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2. L-oneru tal-prova

274.

Fit-tieni aggravju tal-appell tagħha, l-EAEPC tikkritika, l-ewwel nett, lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat, fil-punt 258 tas-sentenza appellata, li l-argumenti ta’ GSK kienu rilevanti minkejja li din tal-aħħar ma ġabitx prova li l-mezzi finanzjarji addizzjonali miksuba permezz tal-limitazzjoni tal-kummerċ parallel wasslu direttament għal żieda fl-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp; dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

275.

Mill-bidu nett, għandu jiġi osservat li l-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ivverifikat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni. Il-punt 186 ta’ dawn il-konklużjonijiet juri li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat ġustament li huwa l-obbligu ta’ GSK li turi permezz ta’ argumenti u evidenza li teżisti probabbiltà suffiċjenti tal-konkretizzazzjoni ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkonstatatx li l-argumenti u l-evidenza mressqa minn GSK urew il-konkretizzazzjoni ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Hija sempliċement ikkonstatat li l-Kummissjoni ma rrifjutatx, jew mhux b’mod suffiċjenti, l-argumenti u l-evidenza rilevanti mressqa minn GSK, fosthom l-istudji ekonomiċi msemmija fil-punt 256 tas-sentenza appellata u li, għaldaqstant, il-motivazzjoni tagħha ma kinitx suffiċjenti.

276.

It-tieni ilment tal-EAEPC huwa kontra l-konstatazzjoni li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 274 tas-sentenza appellata, li ż-żamma tal-profitt mill-produttur probabbilment jagħti lok għal gwadann ta’ effikaċja meta mqabbel mas-sitwazzjoni li fiha l-profitt jinqasam mal-intermedjarju. Dan l-ilment għandu jiġi miċħud peress li jirriżulta mill-punt 270 tas-sentenza appellata li, fil-punti 271 sa 274, il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kollox irriproduċiet l-argument ta’ GSK.

3. Evalwazzjoni żbaljata jew kunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-evidenza

277.

It-tielet aggravju tal-EAEPC jinvoka żbalji ta’ liġi minħabba taqlib tal-oneru tal-prova, żball ta’ evalwazzjoni u żnaturament tal-fatti.

a) Il-taqlib tal-oneru tal-prova

278.

L-ewwel nett, l-EAEPC tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni kellha l-oneru tal-prova; dan l-aggravju għandu jiġi miċħud b’referenza għall-punti 187 sa 191 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement ikkonstatat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma kkunsidratx kif xieraq l-argumenti u l-evidenza rilevanti kollha mressqa minn GSK. F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tal-EAEPC, li f’dan il-każ jista jitqies li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-Kummissjoni biss jekk l-argument ta’ GSK ippermetta li jiġi preżunt li kien hemm benefiċċju f’termini ta’ effikaċja. L-applikazzjoni ta’ tali kriterju ta’ preżunzjoni hija żbaljata peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha setgħa ta’ stħarriġ limitata fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ informazzjoni ekonomika kumplessa. Fil-fatt, dan jippreżupponi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tagħmel l-evalwazzjoni tagħha stess, li jkun inkompatibbli mal-kompetenzi limitati tagħha.

279.

It-tieni nett, l-EAEPC tinvoka żnaturament tal-evidenza, fil-punt 277 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza osservat li l-istudju Frontier Economics II kien ikkonstata li, filwaqt li l-kummerċ parallel ma kellux effett determinanti fuq id-deċiżjonijiet relatati mar-riċerka u l-iżvilupp, kien hemm rabta bejn il-profitti ġenerali jew il-qligħ mistenni mill-prodotti, minn naħa, u dawk id-deċiżjonijiet, min-naħa l-oħra. Peress li GSK sostniet li l-kummerċ parallel kien jaffettwa dawk il-fatturi, il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset li l-Kummissjoni kien imissha għamlet eżami dettaljat tal-evidenza mressqa mill-impriża f’dan ir-rigward.

280.

Dan l-ilment tal-EAEPC mhuwiex fondat inkwantu jakkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li interpretat l-istudju fis-sens li juri l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-kummerċ parallel u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp. Għall-kuntrarju, jirriżulta mill-punt 277 tas-sentenza appellata li dik ir-rabta ġiet maqsuma f’żewġ stadji u li GSK ibbażat biss fuq l-ewwel parti tal-istudju. Fl-ewwel stadju, GSK invokat l-istudju biex tistabbilixxi r-rabta bejn il-benefiċċji ġenerali jew il-qligħ mistenni mill-prodotti, minn naħa, u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp, min-naħa l-oħra. Sussegwentement, fit-tieni stadju, GSK sostniet li l-kummerċ parallel kien jaffettwa b’mod negattiv dawk il-fatturi (profitt ġenerali, qligħ mill-prodotti), billi bbażat fuq evidenza oħra. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak sostnut mill-EAEPC, ma jirriżultax mill-punt 277 tas-sentenza appellata li l-Qorti tal-Prim’Istanza ddeduċiet mill-istudju li kienet teżisti rabta diretta bejn il-kummerċ parallel u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp.

b) Evalwazzjoni żbaljata jew in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ fatt li jirriżultaw mid-dokumenti tal-proċess

281.

Barra minn hekk, l-EAEPC tikkontesta l-punt 275 tas-sentenza appellata. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat id-deċiżjoni kkontestata billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet naqset milli tagħmel eżami rigoruż tal-argumenti fattwali u tal-evidenza ppreżentati minn GSK, u minflok għamlet osservazzjonijiet sparpaljati ta’ ftit rilevanza jew li ma kinux konvinċenti wisq. Tabilħaqq, l-iżball ta’ liġi msemmi fil-punti 226 sa 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet jaffettwa wkoll il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 275 tas-sentenza appellata. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar dan l-ilment għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 237 sa 244 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għax finalment il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament waslet għall-konklużjoni li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet insuffiċjenti.

282.

Barra minn hekk, l-EAEPC tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx il-konstatazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni fil-premessa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha GSK setgħet tiffinanzja l-ispejjeż żejda ta’ riċerka u żvilupp addizzjonali b’mezzi oħrajn u li, għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet imposti mill-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ma kinux indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 81(3) KE. Peress li dan l-ilment huwa indirizzat kontra l-punt 275 tas-sentenza appellata, għandu jiġi miċħud inkwantu l-element inkwistjoni mhuwiex rilevanti fil-kuntest tal-verifika tal-eżistenza ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Dan l-ilment lanqas ma jista’ jiġi aċċettat jekk huwa indirizzat kontra l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 309 et seq tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat kif xieraq il-konklużjoni tagħha li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ma kinux indispensabbli. L-ewwel nett, huwa inammissibbli, peress li l-EAEPC ma indikatx ċarament il-parti tas-sentenza appellata ( 129 ). It-tieni nett, għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet indikati qabel fil-punti 265 sa 268 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

c) It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi ta’ fatt żbaljati

283.

Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud bħala infondat l-ilment tal-EAEPC, kontra l-punt 273 tas-sentenza appellata, li jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ konsumatur finali. Jirriżulta mill-punt 270 tas-sentenza appellata li, fil-punti 271 sa 274, il-Qorti tal-Prim’Istanza fuq kollox irriproduċiet l-argument ta’ GSK.

284.

Fl-aħħar, għar-raġunijiet indikati fil-punti 42 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli l-ilment tal-EAEPC, li l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ huma vvizzjati bi żball ta’ liġi.

4. Konklużjoni

285.

Għaldaqstant, l-appell tal-EAEPC fil-Kawża C-515/06 P għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

D — L-appell tal-Aseprofar fil-Kawża C-519/06 P

286.

L-Aseprofar tinvoka żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħha fil-Kawża C-519/06 P, l-ewwel wieħed kontra l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE (1), u t-tieni kontra l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-imsemmija dispożizzjoni (2).

1. L-ewwel kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE

287.

L-ewwel aggravju tal-Aseprofar huwa indirizzat kontra l-konklużjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 301 tas-sentenza appellata. F’dak il-punt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-Kummissjoni ma setgħetx sempliċement twarrab a priori l-argumenti fuq il-bażi li l-benefiċċju deskritt minn GSK mhux neċessarjament kien ser jinkiseb, kif hija għamlet fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata.

288.

F’dan ir-rigward, l-Aseprofar issostni fl-ewwel lok li l-premessi 156 sa 161 tad-deċiżjoni kkontestata ma fihom ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni. Hija tikkunsidra li, f’din il-kawża, il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-kummerċ parallel u l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp ma kinitx ġiet ippruvata. Hija ssostni li l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 301 tas-sentenza appellata b’hekk tikkostitwixxi żball ta’ liġi.

289.

Dan l-ilment għandu jiġi miċħud billi ssir referenza għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punti 251 et seq, kif ukoll fil-punti 237 sa 241 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, hija fl-aħħar mill-aħħar ikkonstatat ġustament li l-Kummissjoni ma mmotivathiex kif xieraq, peress li hija ma kkunsidratx kif xieraq l-argumenti u l-mezzi ta’ prova rilevanti kollha mressqa minn GSK.

290.

F’dan ir-rigward, l-Aseprofar barra minn hekk tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ma kkunsidratx il-fatt li GSK setgħet, jekk kien hemm il-ħtieġa, tiffinanzja wkoll l-ispejjeż ta’ riċerka u żvilupp permezz ta’ self; dan l-ilment għandu jiġi miċħud b’referenza għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fil-punti 265 sa 269 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li GSK invokat raġunijiet għalfejn dawk l-ispejjeż normalment huma ffinanzjati, u fil-każ tagħha esklużivament, mill-fondi tagħha stess, u li l-Kummissjoni ma eżaminatx dawk ir-raġunijiet.

291.

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-ilment li jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 253 KE. Jirriżulta ċarament mill-punti 210 sa 213 tas-sentenza appellata li l-konklużjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 301 tas-sentenza appellata ma jirrigwardawx il-ksur tal-kundizzjonijiet formali previsti mill-Artikolu 253 KE, iżda l-ineżattezza materjali tal-motivazzjoni li tirriżulta mill-fatt li l-argumenti u l-evidenza mressqa ma ġewx ikkunsidrati kif xieraq.

292.

Fl-aħħar, għandu jiġi miċħud l-ilment li l-Qorti tal-Prim’Istanza introduċiet motiv ġdid ta’ annullament, b’referenza għall-punti 251 et sequitur ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll l-ilment li hija ssostitwiet illegalment il-motivi tal-Kummissjoni bil-motivi tagħha stess, b’referenza għall-punt 188 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

2. Il-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati mill-Artikolu 81(3) KE

293.

It-tieni motiv invokat mill-Aseprofar joġġezzjona għall-punti 309 sa 315 tas-sentenza appellata. F’dawk il-punti l-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet l-oħrajn mhijiex suffiċjenti. L-Aseprofar tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tikkunsidra l-fatt li huma l-impriżi li għandhom jippruvaw li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kienx imissha kkwalifikat il-motivazzjoni tal-Kummissjoni bħala sommarja, mingħajr ma vverifikat minn qabel jekk GSK kinitx ressqet argumenti u evidenza rilevanti fir-rigward tal-kundizzjonijiet l-oħrajn.

a) Is-sehem ġust irriżervat lill-konsumaturi

294.

Fl-ewwel lok, l-Aseprofar tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli kkunsidrat b’mod żbaljat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem ġust irriżervat lill-konsumaturi ma kinitx suffiċjenti. Skontha, GSK sempliċement sostniet li l-kummerċ parallel ma joħloqx benefiċċji għall-utenti. Barra minn hekk, hija tikkunsidra li GSK ma wrietx li l-utenti kienu ser igawdu minn parti sostanzjali mill-gwadannji fl-effikaċja. Fl-aħħar, hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni elenkat l-inkonvenjenzi li jinħolqu minn limitazzjoni tal-kummerċ parallel.

295.

Dan l-ilment mhuwiex fondat. Il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ġustament li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sehem ġust irriżervat lill-konsumaturi kienet insuffiċjenti. GSK argumentat li l-kummerċ parallel iwassal għal telf fl-effikaċja. Dan l-argument jimplika li l-gwadanji fl-effikaċja miksuba fil-forma ta’ promozzjoni tal-progress tekniku huma ikbar mit-telf fl-effikaċja li jirriżulta mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel ( 130 ). Il-Kummissjoni ma tatx attenzjoni suffiċjenti lil dan l-argument. Kif ikkonstatat ġustament il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, hija bbażat ruħha l-ewwel nett fuq il-fatt li GSK ma wrietx il-konkretizzazzjoni ta’ benefiċċju oġġettiv sinjifikattiv. Il-Kummissjoni setgħet tibbaża d-deċiżjoni tagħha wkoll fuq il-fatt li GSK ma wrietx li parti ġusta kienet irriżervata għall-utenti. Madankollu, sabiex din tikkostitwixxi motivazzjoni awtonoma, irrispettivament mill-fatt jekk l-ewwel kundizzjoni hijiex sodisfatta jew le, kien ikun meħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, sussidjarjament, jekk it-tieni kundizzjoni kinitx sodisfatta, bil-preżunzjoni li l-ewwel waħda kienet sodisfatta. Il-Kummissjoni setgħet, pereżempju, tipproċedi għal tali eżami billi tassumi li l-benefiċċji invokati minn GSK kienu jeżistu u billi tikkonstata li, anki f’dan il-każ, l-inkonvenjenti maħluqa mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel kienu predominanti. Madankollu, hija ma għamlitx dan. Billi ddeskriviet it-telf fl-effikaċja kkawżat mil-limitazzjoni tal-kummerċ parallel, fil-premessi 183 sa 186 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, fl-ewwel lok, irrifjutat l-argumenti ta’ GSK, li skonthom il-kummerċ parallel ma joħloqx benefiċċji għall-konsumaturi finali. Madankollu, hija ma wiżnitx il-gwadann u t-telf ta’ effikaċja (preżunti).

b) In-natura indispensabbli tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ

296.

Barra minn hekk, l-Aseprofar tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ motivazzjoni, u b’hekk żball ta’ liġi, fir-rigward tal-kundizzjoni li teħtieġ li r-restrizzjonijiet ikunu indispensabbli. GSK sempliċement sostniet li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ kienu neċessarji biex jikkumpensaw għad-distorsjoni fil-kompetizzjoni kkawżata minn Spanja. Hija ma ddikjaratx li ma kienx hemm possibbiltà oħra sabiex jiġi promoss il-progress tekniku.

297.

Dan l-ilment lanqas mhuwa fondat. Tabilħaqq, huma l-impriżi li għandhom l-oneru biex jippruvaw li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE huma sodisfatti. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-proċedura segwita skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru. 17 hija proċedura amministrattiva rregolata mill-prinċipju li hija l-awtorità pubblika li hija responsabbli għall-proċedura (“Offizialmaxime”) ( 131 ). Għaldaqstant, l-impriżi jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex teżamina kif meħtieġ it-talbiet tagħhom għal eżenzjoni ta’ akkordju abbażi tal-Artikolu 81(3) KE. Meta tagħmel dan, il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li teżiġi mingħand l-impriżi li jġibu prova li huma sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-eżenzjoni mill-projbizzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, iżda għandha għandha tuża l-mezzi tagħha stess sabiex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti ( 132 ). Ovvjament, dan ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha tipprova li l-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE mhumiex sodisfatti. Madankollu, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-prinċipji ġenerali tad-dritt proċedurali, jekk il-Kummissjoni tkun trid tibbaża deċiżjoni ta’ rifjut fuq motivazzjoni dwar id-diversi kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE, din għandha jkollha ammont minimu ta’ sustanza. Dan l-ammont minimu ta’ sustanza jinkludi l-ewwel nett il-konstatazzjoni li l-kundizzjoni inkwistjoni mhijiex sodisfatta. Barra minn hekk għandu tal-inqas jirriżulta mill-motivazzjoni li l-Kummissjoni vverifikat jekk il-kundizzjoni inkwistjoni kinitx sodisfatta.

298.

Madankollu, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 187 fl-aħħar mill-aħħar hija limitata għas-sempliċi konstatazzjoni li ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ humiex indispensabbli, peress li l-ewwel kundizzjoni mhijiex sodisfatta. Il-Kummissjoni b’hekk uriet li hija ma kinitx eżaminat dik il-kundizzjoni. Din hija r-raġuni għalfejn, fil-punti 309 et seq tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ġustament li l-motivazzjoni inkwistjoni tal-Kummissjoni ma kinitx suffiċjenti.

c) Il-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni

299.

Fl-aħħar, l-Aseprofar tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat b’mod żbaljat li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-raba’ kundizzjoni stipulata mill-Artikolu 81(3) KE, jiġifieri dwar il-possibbiltà li tiġi eliminata l-kompetizzjoni, kienet insuffiċjenti. L-ewwel nett, hija tiddikjara li, fil-premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li GSK ma ressqitx evidenza f’dan ir-rigward. Sussegwentement, hija tiddikjara li l-Kummissjoni kkonstatat f’dik il-premessa li GSK kellha ishma fis-suq sostanzjali għal ċerti prodotti f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 315 tas-sentenza appellata meta qalet li l-Kummissjoni kien imissha wiżnet ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni bil-prezzijiet u l-kompetizzjoni f’termini ta’ innovazzjoni. Hija tiddikjara li l-Kummissjoni mhijiex obbligata li tirrifjuta l-argumenti li GSK ma invokatx fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, hija ssostni li kieku wiżnet dawn il-fatturi kienet tasal għall-konklużjoni li għandha tingħata prijorità lill-kompetizzjoni bil-prezzijiet. Fl-aħħar, hija tikkunsidra li l-osservazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 314 tas-sentenza appellata, li d-definizzjoni tas-suq ma kinitx biżżejjed ċara, mhijiex konvinċenti għax hemm lok li wieħed jippreżumi li, irrispettivament mid-definizzjoni ta’ dak is-suq, GSK hija b’saħħitha ħafna f’dak is-suq.

300.

Dawn l-ilmenti għandhom jiġu miċħuda għaliex huma irrilevanti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażat il-konklużjoni tagħha l-ewwel nett fuq il-punt 312 tas-sentenza appellata, fejn hija kkonstatat li l-Kummissjoni fl-aħħar mill-aħħar ma ddeċidietx dwar il-kwistjoni tas-saħħa ta’ GSK fis-suq. Peress li l-Aseprofar ma tikkontestax dik il-parti tal-motivi, l-ilmenti kontra l-punti 314 u 315 tas-sentenza appellata huma irrilevanti.

301.

Barra minn hekk, l-ilment mhuwiex fondat. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għal dak sostnut mill-Aseprofar, fil-premessa 188 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li GSK ma kinitx ressqet argumenti dwar ir-raba’ kundizzjoni, iżda biss li l-impriża ma kinitx ressqet argumenti f’dan ir-rigward li hija ma kinitx diġà invokat band’oħra. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, skont il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba ( 133 ), il-Kummissjoni ma tistax tonqos milli teżamina ċerti elementi evidenti, jew tirrikorri għas-sottomissjonijiet tal-partijiet, sempliċement għax dawn tal-aħħar ma jkunux sostnewhom espliċitament abbażi ta’ waħda mill-kundizzjonijiet stipulati mill-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat ġustament li l-Kummissjoni kien imissha tal-inqas ikkunsidrat il-fatt li l-iskadenza tal-privattivi li jipproteġu wħud mill-prodotti mediċinali tagħha esponiet lil GSK għal kompetizzjoni minn manifatturi ta’ prodotti ġeneriċi.

3. Konklużjoni

302.

Għaldaqstant, l-appell tal-Aseprofar għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

E — Konklużjoni

303.

Għaldaqstant, nipproponi li jiġu miċħuda fit-totalità tagħhom l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P, l-appell tal-EAEPC fil-Kawża C-515/06 P, l-appell tal-Aseprofar fil-Kawża C-519/06 P, kif ukoll l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fil-Kawża C-501/06 P.

304.

F’dan ir-rigward, madankollu għandi nirrimarka li l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat peress li l-motivazzjoni tal-Kummissjoni kienet insuffiċjenti. B’hekk, ebda deċiżjoni ma ttieħdet dwar l-eżenzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ abbażi tal-Artikolu 81(3) KE.

VII — Sinteżi

305.

Għaldaqstant l-appelli kontra s-sentenza appellata għandhom jiġu miċħuda; għalkemm, fir-rigward tal-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P, għandhom jiġu ssostitwiti l-motivi dwar l-għan antikompetittiv tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, u fir-rigward tal-appelli tal-Kummissjoni, tal-EAEPC u tal-Aseprofar fil-Kawżi C-513/06 P, C-515/06 P, C-519/06 P, kif ukoll fir-rigward tal-appelli inċidentali tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fil-Kawża C-501/06 P, għandha ssir sostituzzjoni tal-parti tal-motivi fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

VIII — Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja li:

1)

tiċħad l-appell ta’ GSK u l-appelli inċidentali tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar fil-Kawża C-501/06 P;

2)

tiċħad l-appell tal-Kummissjoni fil-Kawża C-513/06 P;

3)

tiċħad l-appell tal-EAEPC fil-Kawża C-515/06 P;

4)

tiċħad l-appell tal-Aseprofar fil-Kawża C-519/06 P.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) Sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Sot. Lélos kai Sia, (C-468/06 sa C-478/06, Ġabra p. I-7139). Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ miżuri unilaterali b’dak l-iskop, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-1 ta’ April 2008 f’dik il-kawża, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tat-28 ta’ Ottubru 2004 fil-Kawża Syfait et (C-53/03, Ġabra 2005, p. I-4609).

( 3 ) Minn hawn ’il quddem, mhux ser tkompli ssir distinzjoni bejn GSK u l-grupp li minnu tagħmel parti.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni nru. 2001/791 (KE) tat-8 ta’ Mejju 2001 fil-kawżi IV/36.957/F3 Glaxo Wellcome (notifika), IV/36.997/F3 Aseprofar u Fedifar (ilment), IV/37.121/F3 Spain Pharma (ilment), IV/37.138/F3 BAI (ilment) u IV/37.380/F3 EAEPC (ilment), ĠU L 302/1.

( 5 ) Sentenza tas-27 ta’ Settembru 2006, GlaxoSmithKline Services vs Il-Kummissjoni (T-168/01, Ġabra p. II-2969).

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 345.

( 7 ) Skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 65 sa 90 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li l-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ ikkostitwixxew akkordju. Dan ma ġie kkontestat minn ebda waħda mill-partijiet fl-appell.

( 8 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3.

( 9 ) Fil-punt 1 tad-dispożittiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza barra minn hekk annullat l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni kienet ordnat, rispettivament, li jintemm minnufih il-ksur ikkonstatat u li fil-futur ma tiġi adottata ebda miżura oħra li tikkostitwixxi tali ksur, u li jiġu nnotifikati l-miżuri meħuda.

( 10 ) Fir-rigward tal-kunsiderazzjoni ta’ risposta fil-kuntest ta’ appell, ara l-punti 52 sa 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 11 ) Digriet tat-28 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs CMA CGM et (C-236/03 P, punt 25). F’dan ir-rigward għandha tiġi ċċitata wkoll il-ġurisprudenza li tistabbilixxi li l-aggravji ta’ appell mhumiex effettivi u b’hekk ma għandhomx jiġu kkunsidrati jekk ma jkunux jikkontestaw id-dispożittiv ta’ sentenza, ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C-302/99 P u C-308/99 P, Ġabra p. I-5603, punti 26 sa 29). L-idea li fuqha hija bbażata din il-ġurisprudenza, tista’ tintuża wkoll bħala bażi għall-prinċipju tad-dritt proċedurali, li jistabbilixxi li ma hemmx dritt għal stħarriġ tal-motivi ta’ sentenza meta dan ma jistax jaffettwa d-dispożittiv.

( 12 ) Għalkemm, f’ċerti kundizzjonijiet, jista’ jitqies bħala ammissibbli aggravju ta’ parti li tkun ressqet appell li ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha ċaħdet ab initio rikors għal inammissibbiltà u mhux biss għal infondatezza [ara f’dan ir-rigward il-punti 25 sa 29 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott tal-15 ta’ Frar 2007 fil-kawża Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C-362/05 P, Ġabra p. I-4333)] dan mhuwiex rilevanti f’din il-kawża. Effettivament, it-talba tal-Kummissjoni u tal-Aseprofar hija indirizzata kontra l-motivi tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar l-eżistenza ta’ għan antikompetittiv u, għaldaqstant, kontra l-bażi tas-sentenza appellata. Fi kwalunkwe każ, appell li jsostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kien imissha ċaħdet rikors ab initio bħala innammissibbli, effettivament ikun qed jitlob l-annullament tas-sentenza u b’hekk ma jistax jiġi kkwalifikat bħala talba għas-sostituzzjoni ta’ motivi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs max.mobil (C-141/02 P, Ġabra p. I-1283, punti 74 u 75).

( 13 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) Sentenzi tad-9 ta’ Ġunju 1992, Lestelle vs Il-Kummissjoni (C-30/91 P, Ġabra p. I-3755, punt 28); tad-19 ta’ Mejju 1994, SEP vs Il-Kummissjoni (C-36/92 P, Ġabra p. I-1911, punt 33); tal-15 ta’ Diċembru 1994, Finsider vs Il-Kummissjoni (C-320/92 P, Ġabra p. I-5697, punt 37); tat-13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni (C-210/98 P, Ġabra p. I-5843, punt 58); u tas-26 ta’ Marzu 2009, Selex Sistemi Integrati vs Il-Kummissjoni u Eurocontrol (C-113/07 P, Ġabra p. I-2207, punti 66 sa 68).

( 15 ) Sentenzi tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra 1966, p. 337, 359); u tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni (C-219/95 P, Ġabra p. I-4411, punti 13 sa 15).

( 16 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara l-punti 52 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 18 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Ara l-punti 50 sa 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 20 ) Ara l-punti 60 sa 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara l-punt 48 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C-136/92 P, Ġabra p. I-1981, punt 72).

( 23 ) Ara l-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li, fir-risposta tagħha għall-appell ta’ GSK fil-Kawża C-501/06 P, l-Aseprofar irreferiet għat-test tat-talba tagħha fil-Kawża C-519/06 P.

( 25 ) Għal iktar dettall, nirreferi għall-ispjegazzjonijiet fil-punti 52 sa 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Sentenzi LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 359); u tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (56/64 u 58/64, Ġabra p. 429, 496).

( 27 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Punti 114 sa 116 tas-sentenza appellata.

( 29 ) Punti 117 sa 119 tas-sentenza appellata.

( 30 ) Punt 121 tas-sentenza appellata.

( 31 ) Punt 122 tas-sentenza appellata.

( 32 ) Punt 122 tas-sentenza appellata.

( 33 ) Punt 133 tas-sentenza appellata.

( 34 ) Punt 134 tas-sentenza appellata.

( 35 ) Punt 147 tas-sentenza appellata.

( 36 ) Sentenzi LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 359); u Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 496).

( 37 ) Ġurisprudenza kostanti wara s-sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 496); ara s-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123, punt 261); tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers (C-209/07, Ġabra p. I-8637, punt 16); u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Coop de France Bétail u Viande et vs Il-Kummissjoni (C-101/07 P u C-110/07 P, Ġabra p. I-10193, punt 87).

( 38 ) Sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C-49/92 P, Ġabra p. I-4125, punt 122); tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il-Kummissjoni (C-199/92 P, Ġabra p. I-4287, punt 163); u tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il-Kummissjoni (C-235/92 P, Ġabra p. I-4539, punt 123).

( 39 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Beef Industry Developement Society u Barry Brothers (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).

( 40 ) Sentenza tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni (19/77 Ġabra p. 131, punt 7); Sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands (C-8/08, Ġabra p. I-4529, punt 31).

( 41 ) Sentenza LTM (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 359); sentenza tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni (T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, Ġabra p. II-3141, punt 136).

( 42 ) Sentenza LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15).

( 43 ) Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tal-effetti antikompetittivi ta’ akkordju, jistgħu jiġu kkunsidrati l-effetti potenzjali tiegħu, ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 44 ) Sentenzi LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 303, 359); tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punt 25); u Beef Industry Development u Barry Brothers (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37, punti 16 u 21); Miller vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 7); tat-28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni (29/83 u 30/83, Ġabra p. 1679, punt 26); tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C-551/03 P, Ġabra p. I-3173, punti 66, 77 u 78).

( 45 ) Sentenza LTM (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, p. 359).

( 46 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 23 sa 27); tat-28 ta’ April 1998, Javico (C-306/96, Ġabra p. I-1983, punti 13 u 14); kif ukoll General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 67 sa 69). Fir-rigward tas-sentenza Sot. Lölos kai Sia et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2), ara iktar ’l isfel, fil-punt 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 47 ) Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 48 ) Sentenza tad-29 ta’ Frar 1968, Parke, Davis and Co. (24/67, Ġabra p. 81, 109)

( 49 ) Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 50 ) Sentenza T-Mobile Netherlands (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 36); F. J. Säcker, A. Molle, f’: G. Hirsch, F. Montag, F. J. Säcker, Münchener Kommentar zum Europäischen und Deutschen Wettbewerbsrecht (Kartellrecht), Beck, 2007, Artikolu 81, punt 490.

( 51 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll is-sentenza tat-18 ta’ Settembru 2001, M6 et vs Il-Kummissjoni (T-112/99, Ġabra p. II-2459, punti 72 sa 77).

( 52 ) Ara pereżempju s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 1982, Nungesser u Eisele vs Il-Kummissjoni (258/78, Ġabra p. 2015, punti 57 u 58).

( 53 ) Ara f’dan ir-rigward il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (nota ta’ qiegħ il-paġna 37 tal-imsemmija konklużjonijiet).

( 54 ) F’dan ir-rigward ara l-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Beef Industry Development Society u Barry Brothers (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 55 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll Bellamy & Child, European Community Law of Competition, Oxford, is-6 edizzjoni 2008, fin-nota 291 relatata mal-punt 2069.

( 56 ) F’dan ir-rigward, ara l-punti 52 sa 57, kif ukoll 65, tas-sentenza Sot. Lélos kai Sia (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li ser nittratta b’mod partikolari fil-punt 155 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) Ara l-punt 90 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Sentenzi Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 482 sa 494); tal-24 ta’ Ottubru 1995, Volkswagen u VAG Leasing (C-266/93, Ġabra p. I-3477, punt 17); u tat-28 ta’ April 1998, Javico (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 11).

( 59 ) T-213/01 u T-214/01, Ġabra p. II-1601.

( 60 ) Iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36.

( 61 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 140 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza LTM (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, p. 359).

( 63 ) Ara t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 225(1) KE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 64 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 49); u tal-4 ta’ Marzu 1999, Ufex et vs Il-Kummissjoni (C-119/97 P, Ġabra p. I-1341, punt 66); id-digriet tal-14 ta’ Ottubru 1999, Infrisa vs Il-Kummissjoni (C-437/98 P, Ġabra p. I-7145; punt 34); kif ukoll is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2001, Ismeri Europa vs Il-Qorti tal-Awdituri (C-315/99 P, Ġabra p. I-5281, punti 19 u 20).

( 65 ) Ara b’mod partikolari l-paġni 14 et seq tar-risposti ta’ GSK tal-21 ta’ April 2006 għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Marzu 2006 fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

( 66 ) Sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C-401/96 P, Ġabra p. I-2587, punt 53); u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Cubero Vermurie vs Il-Kummissjoni (C-446/00 P, Ġabra p. I-10315, punt 20).

( 67 ) Ara l-punti 178 et seq tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger tal-4 ta’ Lulju 1996 fil-kawża tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni (C-294/95 P, Ġabra p. I-5863).

( 68 ) Ara l-punti 89 sa 94 u 95 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 69 ) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (C-164/98 P, Ġabra p. I-447, punti 43 sa 49).

( 70 ) Ara l-punti 89 sa 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 71 ) Ara l-premessi 115 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 72 ) Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 73 ) Ara s-sentenzi IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punti 23 sa 27), Javico (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punti 13 u 14); u General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punti 67 sa 69).

( 74 ) Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet

( 75 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 76 ) Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara l-punti 103 sa 108 tas-sentenza appellata.

( 77 ) Sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1979, BMW Belgium et vs Il-Kummissjoni (32/78, 36/78 sa 82/78, Ġabra p. 2435, punt 5); tas-6 ta’ April 2006 General Motors vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44, punt 75); tad-19 ta’ Mejju 1999, BASF vs Il-Kummissjoni (T-175/95, Ġabra p. II-1581, punti 133 sa 136, b’reazzjoni għall-motiv riprodott fil-punti 121 sa 123 tal-istess sentenza).

( 78 ) Sentenza Sot. Lélos kai Sia et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 65 u 66).

( 79 ) H. Schröter, f’: H. Schröter, T. Jakob, W. Mederer, Kommentar zum Europäischen Wettbewerbsrecht, Nomos, 2003, artikolu 81, introduzzjoni, punt 20.

( 80 ) L-Aseprofar invokat dan l-aspett, ara l-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 81 ) Ara l-premessa 120 tad-deċiżjoni kkontestata.

( 82 ) Ara wkoll f’dan ir-rigward is-sentenza Sot. Lélos kai Sia et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 63).

( 83 ) Ara l-punti 147 sa 169 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 84 ) Punt 235 tas-sentenza appellata.

( 85 ) Punt 236 tas-sentenza appellata.

( 86 ) Punt 241 tas-sentenza appellata.

( 87 ) Punt 242 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Punt 243 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Punt 247 tas-sentenza appellata.

( 90 ) Punt 249 tas-sentenza appellata.

( 91 ) Punt 250 tas-sentenza appellata.

( 92 ) Punti 263 sa 268 tas-sentenza appellata.

( 93 ) Punti 269 sa 302 tas-sentenza appellata.

( 94 ) Punt 303 tas-sentenza appellata.

( 95 ) Punt 308 tas-sentenza appellata.

( 96 ) Punti 309 sa 315 tas-sentenza appellata.

( 97 ) Digriet tal-14 ta’ Diċembru 1995, Hogan vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (C-173/95 P, Ġabra p. I-4905, punt 20).

( 98 ) Il-Kummissjoni tinvoka wkoll, b’mod iktar dettaljat, l-ilment li jallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat l-effetti tar-regolamenti tal-prezzijiet fil-kuntest tal-Artikolu 81(3) KE, huwa għalhekk li sabiex jiġu evitati ripetizzjonijiet, nirreferi għall-punti 195 sa 212 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 99 ) Sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C-12/03 P, Ġabra p. I-987, punt 39); u tal-14 ta’ Diċembru 2005, General Electric vs Il-Kummissjoni (T-210/01, Ġabra p. II-5575, punti 62 u 63).

( 100 ) Sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni (42/84, Ġabra p. 2545, punt 34); tas-17 ta’ Novembru 1987, BAT u Reynolds vs Il-Kummissjoni (142/84 u 156/84, Ġabra p. 4487, punt 62); tat-28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il-Kummissjoni (C-7/95 P, Ġabra p. I-3111, punt 34); u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Krupp Hoesch vs Il-Kummissjoni (C-195/99 P, Ġabra p. I-10937, punt 55)

( 101 ) Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn teżamina argumenti u elementi ta’ prova mhux rilevanti.

( 102 ) J. Faull, A. Nipkay, The EC law of competition, Oxford University Press, it-2 edizzjoni 2007, punt 3339 A.

( 103 ) F’dan ir-rigward, ara b’mod partikolari l-punti 226 sa 236 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 104 ) Sentenzi Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, p. 502 et seq); tal-15 ta’ Lulju 1994, Matra Hachette vs Il-Kummissjoni (T-17/93, Ġabra p. II-595, punti 108 sa 111).

( 105 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653, punt 143).

( 106 ) H. Schröter, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 79, artikolu 81(3), punt 343, jirrakkomanda grad ogħla ta’ probabbiltà.

( 107 ) Sentenzi tas-27 ta’ Jannar 1987, Verband der Sachversicherer vs Il-Kummissjoni (45/85, Ġabra p. 405, punt 15); u tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni (T-29/92, Ġabra p. II-289, punt 253).

( 108 ) Sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punti 44 sa 48).

( 109 ) Ara l-punti 188 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 110 ) COM (1998) 588 finali.

( 111 ) COM (1998) 588 finali.

( 112 ) Fir-rigward tad-diversi nuqqasijiet li jsir eżami, ara l-punt 239 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 113 ) Iċċitata iktar ’l fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 107.

( 114 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 200 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 115 ) Sentenza DIR International Film et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 69, punti 44 sa 48).

( 116 ) Punti 269 sa 280 tas-sentenza appellata.

( 117 ) Punti 281 sa 293 tas-sentenza appellata.

( 118 ) Punti 294 sa 303 tas-sentenza appellata.

( 119 ) Punti 304 sa 307 tas-sentenza appellata.

( 120 ) Ara l-punt 189 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 121 ) Il-punti 295 u 296 tas-sentenza appellata donnhom jindikaw li l-Qorti tal-Prim’Istanza interpretat il-kunċett ta’ “telf ta’ effikaċja kkawżat mill-kummerċ parallel” bħala evalwazzjoni tal-kummerċ parallel kollu fis-settur farmaċewtiku bħala fenomenu tas-suq, kif previst mill-Komunikazzjoni dwar is-suq waħdieni tal-prodotti farmaċewtiċi.

( 122 ) Fir-rigward tal-ilment tal-EAEPC li l-punt 277 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi peress li jiżnatura l-elementi ta’ prova, għandu jiġi osservat f’dan l-istadju li dan mhuwiex fondat; ara l-punti 279 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 123 ) Ara f’dan ir-rigward il-punt 54 tal-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) KE, ĠU 2004/C 101/97. F’dak il-punt huwa indikat li l-prova ta’ gwadannji ta’ effikaċja abbażi ta’ effetti indiretti mhijiex eskluża a priori iżda ġeneralment dawn huma wisq inċerti u diffiċli biex jiġu vverifikati.

( 124 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni (T-65/98, Ġabra p. II-4653, punt 143), fejn il-Kummissjoni bbażat fuq analiżi tas-suq. Din il-possibbiltà għandha teżisti wkoll għall-impriżi.

( 125 ) COM (1998) 588 finali.

( 126 ) Sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni (15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7); u tat-8 ta’ Marzu 2007, France Télécom vs Il-Kummissjoni (T-340/04, Ġabra p. II-573, punt 126).

( 127 ) COM (1998) 588 finali.

( 128 ) Sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, Ġabra p. 502).

( 129 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 97.

( 130 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 131 ) H. Schröter, (iċċitat iktar ’il fuq, punt 106 ta’ dawn il-konklużjonijiet), l-Artikolu 81(3) KE, punt 307.

( 132 ) Sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 501).

( 133 ) Sentenza Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 501).