KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RUIZ-JARABO COLOMER

ippreżentati fl-1 ta’ April 2008 ( 1 )

Kawżi magħquda C-468/06 sa C-478/06

Sot. Lélos kai Sia EE et

vs

GlaxoSmithKline AEVE Farmakeftikon Proïonton, li qabel kienet Glaxowellcome AEVE

Werrej

 

I — Introduzzjoni

 

II — Il-kuntest ġuridiku

 

A — Id-dritt Komunitarju

 

B — Id-dritt nazzjonali

 

III — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

 

IV — Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

V — Analiżi tad-domandi preliminari

 

A — Kunsiderazzjonijiet preliminari

 

1. Oġġezzjonijiet fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi

 

a) Il-pożizzjoni dominanti

 

b) Li l-ordnijiet jiġu onorati kompletament

 

2. Approċċ

 

B — L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fih innifsu fis-sens tal-Artikolu 82 KE (l-ewwel domanda preliminari)

 

1. Ir-rifjut ta’ provvista bħala aġir abbużiv

 

a) Il-ġurisprudenza Komunitarja

 

b) L-intenzjoni bħala ċirkustanza aggravanti

 

2. L-għarfien tal-abbuż fih innifsu fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE: problema metodoloġika

 

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

b) L-inadegwatezza tal-kunċett ta’ abbuż fih innifsu fl-Artikolu 82 KE

 

i) Kriterji ta’ natura legali

 

ii) Kriterji tat-tip ekonomiku

 

3. Risposta ssuġġerita għall-ewwel domanda preliminari

 

C — Elementi li jiġġustifikaw aġir normalment abbużiv (it-tieni domanda preliminari)

 

1. Il-kundizzjonijiet ta’ suq imperfett

 

a) Karatteristiċi essenzjali tas-suq

 

b) Eżami tal-motivi ta’ ġustifikazzjoni msemmija iktar ’il fuq

 

i) L-iffissar tal-prezzijiet mill-Istati Membri

 

ii) L-obbligu taż-żamma ta’ ħażna

 

2. Id-difiża tal-interessi kummerċjali leġittimi

 

a) Analiżi tal-ġurisprudenza

 

b) Motivi mressqin fil-kawża prinċipali

 

3. Il-bilanċ ekonomiku pożittiv

 

4. Risposta ssuġġerita għat-tieni domanda preliminari

 

VI — Konklużjoni

“Artikolu 82 KE — Abbuż minn pożizzjoni dominanti — Prodotti farmaċewtiċi — Rifjut ta’ provvista lil grossisti li jagħmlu esportazzjonijiet paralleli — Natura normali tal-ordnijiet”

I — Introduzzjoni

1.

Il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet ġiet adita, bħal li kieku kienu boomerangs, b’domandi preliminari li hija kienet iddikjarat inammissibbli madwar sentejn ilu ( 2 ). Qorti Griega, it-Trimeles Efeteio Athinon (Qorti tal-Appell ta’ Ateni), qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħtiha risposta għal ċerti domandi essenzjali tad-dritt Komunitarju dwar il-kompetizzjoni, rigward l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti pprojbit mill-Artikolu 82 KE u l-importazzjonijiet paralleli ta’ prodotti mediċinali li jkunu ġejjin mir-Repubblika Ellenika u li jintbagħtu lejn Stati Membri oħra fejn ir-rimbors tal-prezz imħallas għall-prodotti mediċinali mibjugħin fuq preżentazzjoni ta’ riċetta medika huwa ogħla sew mir-rimbors mogħti fil-Greċja.

2.

Ir-raġuni li dak iż-żmien wasslet għaċ-ċaħda tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma waqqfitx lill-Avukat Ġenerali appuntat f’dik l-okkażjoni milli jelabora l-konklużjonijiet tiegħu ( 3 ), u l-partijiet fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju irreferew għalihom estensivament u kważi għamluhom iċ-ċentru tad-diskussjoni.

3.

Dan il-kuntest iqiegħdni f’pożizzjoni kemm xejn imbarazzanti għaliex qed inħossni bħal Avellaneda, nikteb it-tieni parti ta’ storja ta’ ħaddieħor, li jista’ jwassal sabiex niġi mwiddeb kif ġara lill-imsemmi awtur, għalkemm iż-żewġ sitwazzjonijiet ma jixxibhux: jiena obbligat li nelabora dawn il-konklużjonijiet u naqdi l-obbligi professjonali tiegħi in bona fede u mingħajr l-iċken riżentiment, li jidher li ispira l-plaġju ta’ Avellaneda ( 4 ).

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

It-Trattat KE fih żewġ dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni, li huma fundamentali għall-funzjonament tas-suq komuni. Filwaqt li l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi l-akkordji kollha bejn impriżi kompetitriċi, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 82 jipprojbixxi l-isfruttament abbużiv minn impriża waħda jew iżjed ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq komuni jew f’parti sostanzjali tiegħu. It-tieni paragrafu tiegħu jelenka, b’mod mhux eżawrjenti, sensiela ta’ eżempji tipiċi ta’ aġir arbitrarju bħal dan.

5.

Fil-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali hemm ukoll xi regoli tad-dritt sekondarju li huma rilevanti: dan huwa l-każ tad-Direttiva 89/105/KEE ( 5 ) li tistabbilixxi miżuri li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-metodi ta’ kif jiġu ddeterminati l-prezzijiet tal-prodotti mediċinali. L-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva jistabbilixxi li:

“Id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw jekk il-bejgħ ta’ prodott mediċinali jitħalla jsir biss wara li l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru kkonċernat ikun[u] approva[w] [i]l-prezz tal-prodott:

1.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tittieħed deċiżjoni dwar prezz li għandu jintalab għall-prodott mediċinali partikolari u li tkun komunikata lill-applikant fi żmien 90 jum mill-wasla ta’ l-applikazzjoni li jkun bagħat, skond ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat, minn min ikollu s-setgħa li jagħti permess għall-bejgħ. Min japplika għandu jagħti lill-awtoritajiet kompetenti informazzjoni biżżejjed […] [L]-awtoritajiet kompetenti […] jgħaddu biex jieħdu deċiżjoni finali f’90 jum […]. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni bħal din fil-perijodu jew perijodi hawn fuq imsemmija, l-applikant għandu dritt li jbiegħ il-prodott bil-prezz propost.

2.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jiddeċiedu li ma jħallux il-bejgħ tal-prodott mediċinali konċernat bil-prezz propost mill-applikant, id-deċiżjoni għandha tagħti wkoll raġunijiet imsejsa fuq kriterji oġġettivi u verifikabbli […].”

6.

Għalkemm mhux applikabbli ratione temporis għall-fatti eżaminati quddiem il-qorti tar-rinviju, jeħtieġ li jissemma, minħabba r-riperkussjonijiet fil-futur tas-sentenza li ser tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 tad-Direttiva 2001/83/KE ( 6 ), li ħassret id-Direttiva 92/25/KEE ( 7 ), u li jipprovdi li:

“Id-detentur ta’ awtorizzazzjoni għall-marketing għal [għat-tqegħid fis-suq ta’] prodott mediċinali u d-distributuri ta’ l-imsemmi prodott mediċinali attwalment imqiegħed fis-suq ta’ Stat Membru għandhom, fil-limiti tar-responsabbiltajiet tagħhom, jiżguraw provvista xierqa u kontinwa ta’ dak il-prodott mediċinali lil spiżeriji u persuni awtorizzati li jipprovdu prodotti mediċinali sabiex il-ħtiġi[ji]et tal-pazjenti fl-Istat Membru in kwistjoni jkunu koperti”.

7.

It-tielet paragrafu tal-istess Artikolu 81 jisħaq fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta’ dan l-artikolu għandhom ikunu ġġustifikati minn raġunijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika u għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-għan ta’ dik il-protezzjoni, “b’konformità mar-regoli tat-Trattat partikolarment dawk li jikkonċernaw il-moviment liberu ta’ merkanzija u l-kompetizzjoni”.

B — Id-dritt nazzjonali

8.

L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 703/1977 dwar il-kontroll tal-monopolji u tal-oligopolji kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-kompetizzjoni ħielsa (iktar ’il quddiem il-“Liġi Ellenika għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni”) tikkorrispondi, fis-sostanza, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 82 KE.

9.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 29, tal-Liġi Nru 1316/1983, li emendat l-Artikolu 8 tad-Digriet Leġiżlattiv 96/1973, id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti farmaċewtiċi għandhom l-obbligu li jfornu s-suq, fuq bażi regolari, bil-prodotti mediċinali manifatturati jew importati minnhom.

10.

Fl-aħħar, il-liġi Griega tissuġġetta l-attività tal-grossisti ta’ prodotti farmaċewtiċi għal awtorizzazzjoni u għall-obbligu li jfornu, b’mod suffiċjenti, żona ġeografika partikolari.

III — Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11.

L-impriża ta’ riċerka u produzzjoni ta’ prodotti farmaċewtiċi, GlaxoSmithKline plc, li għandha s-sede tagħha fir-Renju Unit, tieħu ħsieb id-distribuzzjoni u l-ħżin tal-prodotti tagħha fil-Greċja permezz tas-sussidjarja tagħha GSK AEVE (iktar ’il quddiem ser nindika iż-żewġ kumpanniji flimkien bħala “GSK”), li hija awtorizzata mill-kumpannija parent sabiex tbiegħ dawn il-prodotti fit-territorju Elleniku. Din il-kumpannija tiddistribwixxi l-prodotti farmaċewtiċi bit-trade mark Imigran, għall-emikranja, Lamictal, għall-epilessija u Serevent, għall-ażżma, li kollha jinbiegħu biss fuq riċetta medika obbligatorja u l-privattivi tagħhom huma proprjetà ta’ GSK.

12.

Għal diversi snin, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kienu jakkwistaw, bħala grossisti dawn il-prodotti mediċinali fid-diversi forom tagħhom sabiex imbagħad jerġgħu jbiegħuhom fis-suq Grieg jew f’pajjiżi oħrajn, partikolarment fil-Ġermanja u fir-Renju Unit.

13.

Filwaqt li allegat li kien hemm sitwazzjoni ta’ skarsezza ta’ dawn it-tliet prodotti mediċinali msemmijin iktar ’il fuq, u ċaħdet kwalunkwe responsabbiltà għaliha, fl-aħħar ta’ Ottubru tal-2000 GSK biddlet is-sistema tagħha ta’ distribuzzjoni fil-Greċja. Mis-6 ta’ Novembru tal-istess sena, din il-kumpannija ma baqgħetx tonora l-ordnijiet tar-rikorrenti u bdiet tipprovdi dawn il-prodotti mediċinali lill-isptarijiet u lill-ispiżeriji permezz tal-kumpannija Farmacenter AE.

14.

Wara li reġgħet bdiet is-sistema normali ta’ provvista, fi Frar 2001, GSK reġgħet bdiet tforni lill-grossisti, anki jekk fi kwantitajiet limitati, bil-prodotti Imigran, Lamictal u Serevent, imma abbandunat il-kooperazzjoni tagħha ma’ Farmacenter AE. Dan l-aġir ta’ GSK qajjem rabja fir-rikorrenti u wassal sabiex jitressqu żewġ rikorsi: wieħed amministrattiv u l-ieħor f’sede ċivili.

15.

GSK ressqet rikors amministrattiv fejn l-Epitropi Antagonismou (Kummissjoni Ellenika għall-Kompetizzjoni) ċaħdet l-ilmenti dwar il-bidliet fil-politika tagħha ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali; min-naħa tagħhom ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, li huma assoċjazzjonijiet Griegi ta’ spiżjara u ta’ grossisti ta’ prodotti mediċinali, fetħu kawża abbażi tal-istess fatti u talbu li GSK tiġi kkundannata għal abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Ellenika għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-Artikolu 82 KE.

16.

B’deċiżjoni dwar miżuri provviżorji, l-Epitropi Antagonismou obbligat lil GSK tonora l-ordnijiet għat-tliet prodotti inkwistjoni sakemm tingħata d-deċiżjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, billi kellha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali fid-dawl tad-dritt Komunitarju, l-awtorità Ellenika li tirregola l-kompetizzjoni ssospendiet il-proċeduri quddiemha u għamlet xi domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 82 KE, li ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja bin-numru C-53/03.

17.

Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma daħlitx fil-mertu tal-kawża, billi l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi lil organu li m’għandux in-natura ta’ qorti skont l-Artikolu 234 KE ( 8 ), imma, fl-1 ta’ Settembru 2006, l-Epitropi Antagonismou ddeċidiet fuq l-ilmenti magħmulin mir-rikorrenti billi kkonstatat li: GSK kienet tokkupa pożizzjoni dominanti biss fir-rigward tal-Lamictal, billi l-morda bl-epilessija kellhom diffikultà li jadattaw għal prodotti mediċinali oħrajn simili; il-grupp ta’ impriżi ta’ GSK kien kiser biss l-Artikolu 2 tal-Liġi Ellenika għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni fil-perijodu bejn Novembru 2000 u Frar 2001, imma mhux wara dan, u li ma kienx kiser l-Artikolu 82 KE.

18.

Ir-rikorrenti kkontestaw il-validità tad-deċiżjoni tal-Epitropi Antagonismou quddiem id-Dioikitiko Efeteio Athinon (Qorti Amministrattiva tal-Appell ta’ Ateni), liema kawża għadha pendenti.

19.

Il-proċeduri ċivili bdew permezz tar-rikorsi mressqa mir-rikorrenti attwali quddiem il-Polymeles Protodikeio Athinon (Tribunal tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni), fit-30 ta’ April ( 9 ) u fit-30 ta’ Ottubru 2001 ( 10 ), kif ukoll fil-5 ta’ Marzu ( 11 ) u fil-11 ta’ Novembru 2002, rispettivament. ( 12 )

20.

Huma sostnew li l-interuzzjoni tal-provvisti minn GSK u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti minn Farmacenter kienu jikkostitwixxu atti ta’ kompetizzjoni żleali u abbuż ta’ pożizzjoni dominanti tal-kumpannija GSK fis-suq tat-tliet prodotti mediċinali in kwistjoni. Fir-rikorsi tagħhom, ir-rikorrenti talbu li jkompli jkun hemm provvista skont il-kwantitajiet medji ta’ kull xahar iddistribwiti minn GSK bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Ottubru 2000 miżjudin b’20 %, kif ukoll kumpens għad-dannu subit u għal lucrum cessans.

21.

Bl-eċċezzjoni tat-talba għal kumpens għal lucrum cessans, li ma kinitx eżaminata, it-Tribunal tal-Ewwel Istanza ta’ Ateni ddeċieda r-rikorsi fil-perijodu bejn Jannar u Ottubru 2003, billi ċaħadhom bħala infondati għaliex ikkunsidra li r-rifjut tal-provvista kien iġġustifikat u b’hekk waqgħet l-akkuża ta’ abbuż ta’ pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ GSK.

22.

Ir-rikorrenti fil-proċeduri nazzjonali appellaw minn dawn is-sentenzi quddiem it-Trimeles Efeteio Athinon (Qorti tal-Appell ta’ Ateni komposta minn tliet membri) li, wara li stenniet għalxejn id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-domandi li kienu sarulha mill-Epitropi Antagonismou fil-kawża C-53/03, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri tal-appell quddiemha u tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja l-istess domandi preliminari, jiġifieri ( 13 ):

“1.

Ir-rifjut, min-naħa ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti, li tonora kompletament l-ordnijiet li jsirulha mill-grossisti ta’ prodotti farmaċewtiċi, jikkostitwixxi fih innifsu aġir abbużiv skont l-Artikolu 82 KE meta l-għan tagħha jkun li jiġu ristretti l-attivitajiet ta’ esportazzjoni tal-imsemmija grossisti u b’dan il-mod tiġi limitata l-ħsara kkawżata mill-kummerċ parallel? Ir-risposta għal din id-domanda tiġi affettwata mill-fatt li d-differenzi fil-prezzijiet li jeżistu fl-Unjoni Ewropea minħabba l-intervent tal-Istat, jew fi kliem ieħor, minħabba l-fatt li s-suq ta’ prodotti farmaċewtiċi ma joperax taħt kundizzjonijiet assoluti ta’ kompetizzjoni, peress li huwa kkaratterizzat minn grad għoli ta’ intervent mill-Istat, irendu l-kummerċ parallel wieħed ta’ qligħ għall-grossisti? Fl-aħħarnett, qorti nazzjonali għandha tapplika r-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni bl-istess mod għas-swieq li joperaw b’mod kompetittiv u għal dawk fejn il-kompetizzjoni hija distorta minħabba l-intervent tal-Istat?

2.

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-restrizzjoni tal-kummerċ parallel, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, m’hijiex dejjem prattika abbużiva meta ssir minn impriża f’pożizzjoni dominanti, kif għandha tiġi evalwata n-natura eventwalment abbużiva?

B’mod partikolari:

2.1

Il-perċentwali li biha jinqabeż il-konsum nazzjonali normali u/jew dak tad-danni li l-impriża f’pożizzjoni dominanti tkun subiet meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ komplessiv u mal-qligħ komplessiv huma kriterji xierqa? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, b’liema mod huwa ddeterminat il-livell ta’ din il-perċentwali u tad-danni subiti — dan tal-aħħar in kwantu perċentwali tad-dħul mill-bejgħ u tal-qligħ komplessiv — li’l fuq minnhom l-aġir inkwistjoni jiġi kkunsidrat bħala abbużiv?

2.2

Jeħtieġ li jkun approċċ ibbażat fuq l-ibbilanċjar tal-interessi u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, liema huma l-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni?

B’mod iktar speċifiku:

(a)

Ir-risposta hija affettwata mill-fatt li l-pazjent-konsumatur finali jieħu vantaġġ finanzjarju limitat mill-kummerċ parallel?

(b)

Jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-korpi tas-sigurtà soċjali sabiex jinkisbu prodotti mediċinali inqas għoljin, u jekk iva, sa fejn?

2.3

Liema kriterji u approċċi oħra jistgħu jiġu kkunsidrati xierqa f’dan il-każ partikolari?”

IV — Il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

Id-digrieti kollha ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari waslu fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Novembru 2006. Skont l-Artikolu 43 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-President, b’digriet tad-29 ta’ Jannar 2007, ordna li l-kawżi jiġu magħquda peress li oġġettivament huma relatati flimkien.

24.

L-impriżi Sot. Lelos kai Sia EE (Kawża C-468/06), Farmakemporiki Anonymi Etaireia Emporios kai Dianomis Farmakeftikon Proïonton et (Kawżi C-469/06 sa C-476/06) u Kokkoris D. Tsánas K. EPE et (Kawżi C-477/06 u C-478/06), rikorrenti fil-kawżi prinċipali, kif ukoll GSK, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw noti tal-osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

25.

Fis-seduta tad-29 ta’ Jannar 2008 ir-rappreżentanti ta’ Farmakemporiki Anonymi Etaireia Emporios kai Dianomis Farmakeftikon Proïonton et, ta’ Kokkoris D. Tsánas K. EPE, ta’ GSK, tar-Repubblika Taljana, li ma kinitx ippreżentat noti tal-osservazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja u tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom u rrispondew id-domandi li għamlitilhom il-Qorti tal-Ġustizzja.

V — Analiżi tad-domandi preliminari

A — Kunsiderazzjonijiet preliminari

1. Oġġezzjonijiet fir-rigward tal-formulazzjoni tad-domandi

a) Il-pożizzjoni dominanti

26.

Fil-punti preċedenti semmejt id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ellenika għall-Kompetizzjoni tal-1 ta’ Settembru 2006, li kkonstatat li GSK kellha poter kbir fir-rigward tal-prodotti mediċinali Lamictal, imma mhux fir-rigward tal-prodotti mediċinali Imigran u Serevent. Madankollu, GSK, fil-punt 5 tan-nota tal-osservazzjonijiet tiċħad dan il-fatt u tibbaża ruħha prinċipalment fuq żewġ argumenti: l-impossibbiltà ta’ azzjoni fin-nuqqas ta’ kompetituri u l-idea li b’suq rilevanti wieħed għandu jifhem mhux is-suq tal-prodotti terapewtiċi, imma s-suq tal-prodotti farmaċewtiċi kollha suġġetti għall-obbligu ta’ riċetta medika fl-Ewropa.

27.

Skont ġurisprudenza stabbilita dwar is-separazzjoni netta bejn il-funzjonijiet tal-qrati nazzjonali u dawk tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri taħt l-Artikolu 234 KE, l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża għandha ssir mill-qorti nazzjonali ( 14 ).

28.

Billi l-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ impriża f’suq partikolari, li fiha jiġi speċifikat liema huwa s-suq rilevanti, hija xi ħaġa li tirrigwarda l-fatti, din tista’ ssir biss mill-awtur tar-rinviju, u għandha tiġi eskluża kull possibbiltà ta’ deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dan l-aspett.

29.

Għalhekk, it-Trimeles Efeteio Athinon għandu jivverifika jekk hijiex issodisfatta l-kundizzjoni sine qua non għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE u, jekk jasal għal konklużjoni f’sens negattiv, huwa għandu jiċħad ir-rikorsi tal-appell li huwa adit bihom.

30.

Minkejja dan, id-deċiżjoni ta’ Epitropi Antagonismou hija attwalment suġġetta għal appell quddiem il-qorti amministrattiva fil-Greċja, u minħabba dan, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, wieħed għandu jitlaq mill-idea li GSK għandha pożizzjoni dominanti.

b) Li l-ordnijiet jiġu onorati kompletament

31.

Fin-nota tal-osservazzjonijiet tagħha, il-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, Lelos kai Sia EE, tikkritika l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari minħabba li tuża l-kliem “li tonora kompletament l-ordnijiet” li tista’ twassal għal żball billi tista’ tisposta d-diskussjoni mill-kuntest li qamet fih għal livell teoretiku, fejn ikollha tiġi evalwata l-fondatezza ta’ kull ordni magħmula lil GSK, anki jekk din tkun eċċessiva u sproporzjonata.

32.

Għalkemm b’inqas qawwa, anki l-kumpanniji rikorrenti l-oħra jesponu l-ħtieġa li d-diskussjoni titqiegħed fil-kuntest li fih qamet, u kif żviluppata fil-proċeduri quddiem il-qrati Griegi, billi GSK għandha tendenza li teżaġera t-talbiet tal-grossisti Griegi u tibni l-argumenti tagħha daqs li kieku qed tiġi kkunsidrata kwalunkwe ordni, indipendentement min-natura eċċessiva tagħha.

33.

Jiena naqbel mal-opinjoni tal-importaturi paralleli dwar il-fatt li huwa xieraq li l-kwistjoni tiġi ttrattata skont il-kundizzjonijiet li qamet fihom, jiġifieri, il-provvista minn GSK tal-prodotti mediċinali inkwistjoni fl-istess kwantitajiet medji fix-xahar ipprovduti fis-sena 2000, miżjudin b’20 % kif ipprovdut fl-ordni ta’ rinviju, peress li, minn naħa, fil-proċeduri mibdija taħt l-Artikolu 234 KE il-qorti tar-rinviju tesponi l-fatti li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex tiddeċiedi dwarhom, iżda min-naħa l-oħra, jekk ma jiġix meqjus dan il-kuntest fattwali ma jkunx possibbli li tingħata risposta utli għad-domandi in kwistjoni.

2. Approċċ

34.

Sabiex wieħed jifhem aħjar din il-kawża, ikun xieraq li tintuża l-fakultà rikonoxxuta mill-ġurisprudenza ( 15 ) li d-domandi tat-Trimeles Efeteio Athinon jiġu riformulati mill-ġdid, billi bl-ewwel domanda l-qorti tar-rinviju tixtieq tivverifika jekk ir-rifjut tal-provvista min-naħa ta’ GSK, li r-raġuni għalih kien it-tnaqqis tal-kummerċ parallel, huwiex fih innifsu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, billi l-għan tiegħu kien esklużivament l-eliminazzjoni tal-kompetituri tal-imsemmija kumpannija fis-suq tad-distribuzzjoni bl-ingrossa.

35.

Madankollu, id-domandi li żiedet sussegwentement jirrigwardaw sensiela ta’ fatti li jaqgħu taħt l-isfera ta’ ġustifikazzjonijiet eventwali tal-abbuż, u għaldaqstant ikun iktar loġiku li jiġu ttrasferiti għat-tieni domanda preliminari, li tistaqsi dwar liema huma l-kriterji xierqa għall-evalwazzjoni tal-karattru sproporzjonat tal-aġir ta’ GSK. Barra minn dan, in-noti tal-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari huma ispirati sew mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Syfait, li jeżaminaw b’mod estensiv il-kawżi għall-esklużjoni tal-abbuż.

36.

Dan l-approċċ lejn id-domandi jippermetti li tiġi indirizzata dilemma dottrinali ta’ ċertu attwalità, jiġifieri l-eżistenza ta’ prattiċi abbużivi fihom infushom, u li ssir riflessjoni iktar fil-fond dwar il-ġustifikazzjonijiet eventwali tagħhom.

B — L-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti fih innifsu fis-sens tal-Artikolu 82 KE (l-ewwel domanda preliminari)

37.

Fil-kawżi prinċipali qed jiġi lmentat li GSK li kienet issospendiet il-bejgħ ta’ Imigram, Lamictal u Serevent lill-grossisti, abbażi ta’ allegata skarsezza ta’ dawn il-prodotti mediċinali msemmijin; qed jiġi lmentat ukoll li hija qed tkompli tforni lil dawn il-kompetituri iżda adattat il-volum tagħhom għall-bżonnijiet tas-suq Grieg, sabiex jiġi evitat li l-prodotti mediċinali inkwistjoni jiġu esportati mill-ġdid lejn pajjiżi oħra Ewropej, speċjalment il-Ġermanja u r-Renju Unit.

38.

Qabel ma jiġi eżaminat jekk dak l-aġir għandux jiġi kkunsidrat bħala abbuż fih innifsu, jeħtieġ li jiġi vverifikat kif, fil-ġurisprudenza tal-Komunità, jiġi ttrattat ir-rifjut ta’ provvista, kif ukoll l-effett tal-intenzjoni ċara li jitwaqqaf il-kummerċ parallel bħala ċirkostanzi aggravanti fl-evalwazzjoni tal-aġir. Ladarba tinkixef il-preżenza ta’ abbuż, l-analiżi tista’ tiffoka fuq il-kwalifikazzjoni tal-abbuż fih innifsu.

1. Ir-rifjut ta’ provvista bħala aġir abbużiv

a) Il-ġurisprudenza Komunitarja

39.

Is-sentenzi rari tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-kuntest ingħataw f’ċirkustanzi ta’ fatt li jqajmu dubju dwar l-applikabbiltà tagħhom f’dan il-każ, fejn l-impriżi ta’ distribuzzjoni bl-ingrossa tat-tliet prodotti mediċinali inkwistjoni jkollhom jaffaċjaw ruħhom mar-rifjut ta’ provvista min-naħa tal-uniku fornitur tagħhom, jiġifieri l-impriża li jkollha l-privattivi ta’ manifattura tal-imsemmija mediċinali li, minn dejjem, kienet kompetitriċi tagħhom fil-bejgħ ta’ dawn il-prodotti. Madankollu m’huwiex superfluwu li jsir riferiment, minħabba l-ġeneralità tagħhom, għal uħud mis-sentenzi l-iktar sinjifikattivi li jirrigwardaw l-Artikolu 82 KE.

40.

Fil-kawża Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni ( 16 ), il-kumpannija kkonċernata kienet interrompiet il-provvista tagħha ta’ aminobutanol lill-kumpannija Taljana Zoja, li kienet timmanifattura l-ethanbutanol, derivat ta’ din il-materja prima, billi ż-żewġ impriżi kienu jikkompetu ma’ xulxin fis-suq. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja dan il-waqfien ta’ provvisti kien jikser l-Artikolu 82 KE peress li l-pożizzjoni dominanti li kellha Commercial Solvents fil-produzzjoni ta’ din is-sustanza, li kienet tippermettilha tikkontrolla l-provvista lill-manifatturi tad-derivati tal-istess sustanza, ma kienx jawtorizzaha telimina mis-suq il-klijenti antiki tagħha, abbażi biss tal-fatt li anki hija kienet bdiet tipproduċi l-istess derivati ( 17 ).

41.

Jeżisti xebh evidenti bejn is-sentenza Commercial Solvents u din il-kawża sa fejn anki GSK interrompiet il-provvisti tal-prodotti tagħha lill-grossisti Griegi, bil-għan li torganizza mill-ġdid il-bejgħ tat-tliet prodotti mediċinali inkwistjoni permezz tad-distributur esklużiv tagħha fil-pajjiż; wara xi tliet xhur, GSK reġgħet bdiet tiddistribwixxi l-imsemmija prodotti imma fi kwantità limitata meta mqabbla mad-domanda tagħhom fis-suq nazzjonali tar-Repubblika Ellenika.

42.

Fil-kawża United Brands vs Il-Kummissjoni, dwar il-banana “Chiquita” ( 18 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, billi waqqfet il-bejgħ tal-banana lill-impriża Daniża Olesen li kienet taħżen il-banana sakemm timmatura u tiddistribwixxiha, għaliex kienet ikkollaborat f’kampanja pubbliċitarja tal-impriża kompetitriċi Dole, United Brands kienet kisret id-dritt tal-kompetizzjoni.

43.

F’dik l-okkażjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li impriża li jkollha pożizzjoni dominanti fid-distribuzzjoni ta’ prodott partikolari ma tistax tissospendi l-provvisti lil klijent antik “li josserva l-użi kummerċjali, jekk l-ordnijiet ta’ dan il-klijent ma jkun fihom xejn anormali” ( 19 ).

44.

Jeħtieġ jiġi enfasizzat ix-xebh bejn il-kawża United Brands u l-kawża preżenti fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża kif ukoll dwar l-użi kummerċjali — jew it-twettiq ta’ kuntratti — min-naħa tal-grossisti kompetituri; iżda fil-kawżi prinċipali jitqajmu problemi differenti dwar il-livell ta’ provvista pretiż mill-impriżi kompetituri quddiem it-Trimeles Efeteio Athinon, u dwar il-klassifikazzjoni ta’ din il-provvista bħala abitwali jew, bil-kontra, eżaġerata. Fis-sentenza United Brands dan l-aħħar punt ma kienx ġie diskuss, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ordnijiet ta’ Olesen kienu normali. Minkejja dan, il-mod kif tiġi evalwata din il-karatteristika jikkonsisti fl-eżami tal-ġustifikazzjonijiet possibbli għar-rifjut li l-ordnijiet tal-kumpanniji li qegħdin f’kummerċ parallel jiġu onorati kompletament u għaldaqstant m’hemmx bżonn li dan l-aspett jiġi eżaminat iktar fil-fond.

45.

Anki f’kawżi oħrajn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fuq ir-rifjut ta’ provvista iżda f’kuntest fattwali differenti għal kollox minn dak f’din il-kawża, jew f’kuntest leġiżlattiv differenti ħafna. Dwar l-ewwel ipoteżi, huwa xieraq li tissemma s-sentenza CBEM ( 20 ), li estendiet għas-suq tas-servizzi l-projbizzjoni għall-impriżi f’pożizzjoni dominanti li jirriżervaw għalihom infushom, jew li jirriżervaw għal impriża oħra li tappartjeni għall-istess grupp, is-suq ta’ attività awżiljarja pprovduta minn impriża terza f’suq viċin, imma distint; fit-tieni ipoteżi nsibu s-sentenzi li fihom ġie diskuss l-aċċess għal infrastruttura essenzjali (“essential facility”) bħas-sentenza Bronner ( 21 ), jew dawk li jirrigwardaw ir-rifjut ta’ liċenzja ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew industrijali, bħas-sentenzi Magill ( 22 ) u IMS Health ( 23 ), kollha differenti ħafna miċ-ċirkustanzi li huwa bbażat fuqhom dan ir-rinviju.

46.

Fi ftit kliem, mis-sentenzi Commercial Solvents u United Brands jirriżulta li impriża li għandha pożizzjoni dominanti li tirrifjuta tagħti l-provvista ta’ merkanzija, l-iktar fin-nuqqas ta’ prodotti alternattivi, bħal fil-każ tal-Lamictal, u żżomm għaliha s-suq ta’ esportazzjoni parallela, taġixxi b’mod abbużiv skont l-Artikolu 82 KE. Wara jrid jiġi ddeterminat jekk l-intenzjoni li jiġi eliminat dan il-kummerċ parallel tippermettix li dan l-aġir jiġi meqjus bħala abbuż fih innifsu, skont id-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni.

b) L-intenzjoni bħala ċirkustanza aggravanti

47.

Mill-bidu nett, il-ġurisprudenza Komunitarja stabbiliet li l-kunċett ta’ “abbuż” fl-Artikolu 82 KE huwa wieħed oġġettiv, marbut mal-attivitajiet ta’ impriżi f’pożizzjoni dominanti ( 24 ) u bħala tali m’huwiex affettwat minn kwalunkwe raġunijiet li jwassluhom sabiex jaġixxu b’dan il-mod ( 25 ). L-abbuż lanqas jeħtieġ l-eżistenza ta’ culpa sabiex l-Artikolu 82 KE jkun applikabbli ( 26 ).

48.

Minkejja dan, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ aspetti importanti li jippreċiżaw iż-żewġ dikjarazzjonijiet preċedenti.

49.

Minn naħa, ma jistax jiġi eskluż kompletament li l-elementi suġġettivi tal-ksur spiss iservu bħala indikazzjonijiet li operatur ikollu għan aħħari li jmur kontra l-kompetizzjoni u li huma stess jistgħu jikkostitwixxu ksur abbużiv ( 27 ).

50.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat it-teżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li, minħabba d-differenza bejn l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 82 KE, sa fejn dan tal-aħħar ma fih l-ebda referenza għall-effett antikompetittiv tal-prattika in kwistjoni, sabiex jiġi stabbilit li jkun hemm ksur tal-Artikolu 82 KE huwa biżżejjed li jiġi ppruvat li l-għan tal-aġir abbużiv tal-impriża dominanti huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni jew, fi kliem ieħor, li jista’ jkollu dan l-effett ( 28 ).

51.

Għalhekk, iktar ma l-impriża li għandha pożizzjoni dominanti tipprova tfixkel il-kompetizzjoni ħielsa fis-suq, iktar tissaħħaħ il-preżunzjoni ta’ aġir abbużiv. Din hija s-sitwazzjoni f’din il-kawża. Lanqas GSK ma ċaħdet il-veru għan li telimina l-esportazzjonijiet paralleli tat-tliet prodotti mediċinali inkwistjoni magħmula mill-impriżi ta’ distribuzzjoni bl-ingrossa mill-Greċja lejn pajjiżi Komunitarji oħra.

52.

Barra minn hekk, billi dawn ir-restrizzjonijiet fil-volum ta’ bejgħ ta’ distributuri oħrajn jillimitaw il-possibbiltajiet tal-kompetituri ta’ GSK fis-sens tas-subparagrafu (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 82 KE, hemm preżunzjoni qawwija li dan l-aġir u, b’hekk, l-għan li ispirah, jikser l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni ( 29 ).

53.

Huwa evidenti li l-intenzjoni ta’ GSK hija kuntrarja għall-għanijiet tat-Trattat għaliex tolqot il-libertà tal-kummerċ fost l-Istati Membri b’tali mod li tista’ tagħmel ħsara għat-twaqqif tas-suq uniku, skont l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza u skont l-Artikolu 3(1)(g) KE billi, mingħajr dubju, taqsam is-swieq nazzjonali u tibdel l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni ( 30 ).

54.

Fil-qosor, dawn l-osservazzjonijiet juru li GSK ikkommettiet ksur gravi tat-Trattat, li jistħoqqlu jiġi kkunsidrat bħala abbuż fih innifsu, peress li m’hemm ebda bażi ekonomika oħra ħlief li jiġi eliminat il-kummerċ parallel magħmul mill-kompetituri tagħha, il-grossisti Griegi ( 31 ). Madankollu, għandi dubji ta’ natura metodoloġika dwar il-gradi ta’ aġir abbużiv tal-impriżi f’pożizzjoni dominanti u għalhekk huwa tajjeb li dan l-aspett jiġi analizzat iktar fil-fond.

2. L-għarfien tal-abbuż fih innifsu fil-kuntest tal-Artikolu 82 KE: problema metodoloġika

55.

Qabel ma jiġu elenkati l-argumenti kontra l-aċċettazzjoni ta’ aġir abbużiv fih innifsu, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-evoluzzjoni tal-kunċett ta’ abbuż fil-ġurisprudenza Komunitarja.

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

56.

Sa llum, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat tliet prattiċi li, jekk applikati minn impriżi f’pożizzjoni dominanti, jirriżultaw inevitabbilment f’abbuż tal-pożizzjoni tagħhom fis-suq, apparentement mingħajr ebda possibbiltà li tiġi ammessa xi prova kuntrarja bħala ġustifikazzjoni għal dan l-aġir.

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’dan il-mod fir-rigward tal-obbligi ta’ provvista esklużiva imposti mill-impriża f’pożizzjoni dominanti fuq ix-xerrejja tagħha, kemm jekk dawn l-obbligi kienu ġew stabbiliti sic et simpliciter, kif ukoll jekk kienu ġew iffissati bħala korrispettiv għall-għoti ta’ skontijiet ( 32 ).

58.

L-iskontijiet għal-lealtà jirrappreżentaw it-tieni waħda mill-prattiċi li dejjem huma preżunti abbużivi billi, b’differenza mill-iskontijiet kwantitattivi, li huma marbutin biss mal-kwantitajiet akkwistati mingħand il-produtturi kkonċernati, huma għandhom it-tendenza li jimpedixxu, permezz tal-għoti ta’ vantaġġi finanzjarji, lill-klijenti milli jakkwistaw il-provvista tagħhom mingħand produtturi kompetituri ( 33 ).

59.

It-tielet prattika kkunsidrata abbużiva fih innifsu tikkonċerna prezzijiet predatorji. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, prezzijiet li huma orħos mill-medja tal-ispejjeż varjabbli (jiġifieri dawk li jvarjaw skont il-kwantitatijiet prodotti) m’għandhom l-ebda bażi ekonomika u għalhekk jindikaw biss l-għan li jiġi eliminat kompetitur, u konsegwentement għandhom jiġu kkunsidrati bħala abbużivi ( 34 ). Għal kuntrarju, il-prezzijiet li huma orħos mill-medja tal-ispejjeż totali (li jinkludu l-prezzijiet fissi u dawk varjabbli, imma ogħla mill-medja tal-ispejjeż varjabbli) għandhom jiġu kkunsidrati abbużivi meta jiġu ffissati fil-kuntest ta’ pjan li għandu l-għan li jelimina kompetitur ( 35 ).

60.

Il-motivazzjoni ta’ dawn is-sentenzi eskludiet kwalunkwe skuża min-naħa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti ( 36 ). Minkejja dan, il-ġurisprudenza l-iktar riċenti, dejjem fil-qasam tal-iskontijiet għal-lealtà, ma kkonfermatx il-prinċipju li dawn il-prattiċi għandhom bilfors jiġu kkunsidrati bħala abbużivi. Għalhekk, fir-rigward ta’ skontijiet marbuta mat-twettiq ta’ għanijiet ta’ bejgħ individwali fis-settur tal-avjazzjoni kummerċjali ta’ passiġġieri, mogħtija lil aġenziji tal-ivvjaġġar ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tal-ajru Anglosassonu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-impriża kkonċernata li tiġġustifika ekonomikament is-sistema tagħha ta’ inċentivi, li l-effett tagħha kien is-soppressjoni tal-kompetizzjoni ( 37 ).

61.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija lesta li tippermetti ġustifikazzjonijiet mill-impriżi f’pożizzjoni dominanti, anki f’oqsma fejn kien jidher li hija tippreżumi l-eżistenza, fihom infushom, ta’ abbużi eventwali, u b’hekk fil-verità qed issegwi l-ġurisprudenza klassika tagħha, li kienet ġiet żviluppata indipendentement mis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq, li jistabbilixxu kategorija ta’ prattiċi fihom infusjom abbużivi ( 38 ). Madankollu, apparti l-indikazzjonijiet konkreti dwar iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprovdietx kriterji ta’ karattru ġenerali sabiex teskludi li l-abbużi eventwali fihom infushom jaqgħu taħt l-artikolu tat-Trattat dwar l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti. Għalhekk huwa opportun li jiġu ppreżentati wħud minn dawn il-kriterji.

b) L-inadegwatezza tal-kunċett ta’ abbuż fih innifsu fl-Artikolu 82 KE

62.

L-Artikolu 82 KE m’huwiex adattat sabiex ikopri aġir li huwa preżunt fih innifsu abbużiv, u dan għal raġunijiet legali kif ukoll ekonomiċi.

i) Kriterji ta’ natura legali

63.

Huwa hawnhekk li nsibu l-istruttura tal-Artikolu 82 KE, speċjalment f’paragun ma’ dik tal-artikolu ta’ qablu fit-Trattat.

64.

L-Artikolu 81 KE huwa magħmul minn tliet paragrafi li jistabbilixxu, rispettivament, il-prinċipju li jipprojbixxi l-prattiċi miftiehma, in-nullità tal-akkordji bħala korollarju ewlieni tal-inosservanza tal-projbizzjoni prevista fil-paragrafu 1, u l-possibbiltà li tinkiseb eżenzjoni, jekk din ma tkunx inkisbet permezz tal-applikazzjoni ta’ ebda regolament ta’ eżenzjoni għal kategoriji partikolari adottat skont l-Artikolu 83(2)(b) KE tal-paragrafu 1.

65.

L-eżempji ta’ ententes [akkordji] antikompetittivi elenkati fl-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE huma tradizzjonalment ekwiparati ma’ ksur fih innifsu ta’ din id-dispożizzjoni b’mod li ma jaqgħux fost l-eżenzjonijiet għal kategoriji partikolari stabbiliti fil-paragrafu 3 ( 39 ). Għalkemm b’ħafna diffikultajiet, dawn l-akkordji ma jiġux kompletament eliminati billi jibqgħu fis-seħħ permezz ta’ eżenzjoni individwali, jekk il-persuni kkonċernati juru li l-akkordji tagħhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 81(3) KE. F’dan il-kuntest, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti reċentement bidlet il-ġurisprudenza tagħha dwar l-impożizzjoni ta’ prezzijiet minimi ta’ bejgħ mill-ġdid (“Resale price maintenances”) fl-akkordji vertikali, b’mod li issa tissuġġettaha għar-“rule of reason” ( 40 ), u b’hekk titwarrab mis-severità tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha li, sa mill-preċedent tal-1911 ( 41 ), qieset lil din il-prattika illegali fiha nnifisha, billi kienet tikser l-ewwel taqsima tax-Sherman Act.

66.

Fil-qosor, din id-dispożizzjoni toffri lill-impriżi diversi possibbiltajiet sabiex jikkontestaw kull kwalifikazzjoni ta’ ksur fih innifsu tal-klawżoli li jinkludu fl-akkordji tagħhom. Dan ma jgħoddx għall-impriżi f’pożizzjoni dominanti fil-kuntest tal-artikolu korrispondenti tat-Trattat.

67.

Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 82 KE, li ma fih ebda dispożizzjoni li tistabbilixxi eżenzjoni minn xi abbużi, l-analiżi ta’ aġir abbużiv teħtieġ dibattitu dijalettiku bejn l-operaturi li għandhom pożizzjoni dominanti f’suq speċifiku u l-awtoritajiet kompetenti, nazzjonali jew Komunitarji, kif ukoll mal-persuni kkonċernati.

68.

Kull parteċipant fid-dibattitu għandu jressaq il-provi sabiex isostni l-argumenti tiegħu, skont il-prinċipju tradizzjonali Latin ei incumbit probatio qui dicit, non qui negat.

69.

F’dan ix-xenarju, jekk aġir partikolari jqajjem dejjem il-preżunzjoni iuris et de iuris ta’ abbuż, l-impriżi f’pożizzjoni dominanti ma jkollhomx id-dritt ta’ difiża billi, kif għidt diġà iktar ’il fuq, l-istruttura tal-Artikolu 82 KE ma tammetti l-ebda eżenzjoni; għaldaqstant, ladarba jiġi aċċertat l-abbuż, għandu jiġi ddikjarat li hemm abbuż sakemm ma jkunx hemm provi suffiċjenti li l-istess abbuż ma ġiex kommess.

70.

Barra minn hekk, l-eżempji elenkati fl-Artikolu 82 KE (2)(a) sa (d) ma joħolqux preżunzjoni iuris et de iure, b’differenza minn dawk tal-Artikolu 81(1)(a) sa (e) KE. L-iktar l-iktar huma għandhom jiġu kkunsidrati, minħabba l-loġika ekonomika li huma bbażati fuqha, bħala preżunzjonijiet iuris tantum li jeħilsu mill-oneru tal-prova lil persuna li tinvokahom ( 42 ), imma qatt ma jistgħu jissostitwixxu d-dibattitu dijalettiku li rreferejt għalih fil-paragrafi preċedenti. Bħal fil-każ tal-prattiċi miftiehma fihom infushom, imsemmija fl-Artikolu 81 KE, li huma ġġustifikati taħt il-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni, il-possibbiltà li jiġu aċċettati ċerti prattiċi abbużivi taħt l-Artikolu 82 KE permezz ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għandha tibqa’ miftuħa.

ii) Kriterji tat-tip ekonomiku

71.

Fl-ewwel lok, ir-rikonoxximent ta’ abbużi ta’ pożizzjoni dominanti fihom infushom imur kontra l-ħtieġa li kull każ jiġi eżaminat abbażi tal-parametri tal-kuntest ekonomiku u legali li jkun inqala’ fih.

72.

Fit-tieni lok, mil-lat strettament ekonomiku, l-approċċ fih innifsu fih formaliżmu eċċessiv, difett ikkritikat minn esponenti kkwalifikati tad-duttrina, li jipproponu approċċ ieħor għall-Artikolu 82 KE, li jiffoka fuq ir-riperkussjonijiet ta’ kull abbuż u li jinvolvi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ analiżi tal-mertu ( 43 ) (jew “rule of reason”) ( 44 ).

73.

Jekk tingħata prijorità lil ideat prekonċepiti u formali fir-rigward ta’ pożizzjoni dominanti jintilef il-fatt li, xi kultant, dawn il-prattiċi jistgħu jkunu ta’ vantaġġ ukoll għall-konsumatur ( 45 ). Dan jiġri meta s-setgħa ta’ wieħed mill-operaturi tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq inkwistjoni billi, kif ġie kkritikat ġustament, l-Artikolu 82 KE ma fih l-ebda klawżola li abbażi tagħha dawn l-operaturi jistgħu jiddefendu ruħhom b’suċċess minn akkuża ta’ abbuż billi juru l-effikaċja tal-aġir tagħhom f’termini ekonomiċi ( 46 ).

74.

Fit-tielet u fl-aħħar lok, jekk, kif intqal diġà, is-soltu jkun hemm diviżjoni f’żewġ kategoriji tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE, jiġifieri, l-aġir abbużiv li jippreġudika lill-konsumaturi (sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti) u dak li jagħmel ħsara lill-kompetituri attwali jew potenzjali (prattiċi abbużivi intiżi biex jeskludu l-kompetituri) ( 47 ), b’mod li kwalunkwe att antikompetittiv ta’ impriża f’pożizzjoni dominanti jista’ jkun abbuż ( 48 ), fin-nuqqas ta’ ġerarkija bejn dawn iż-żewġ aspetti tal-Artikolu 82 KE ( 49 ), jeħtieġ li jiġi sostnut li l-impriża f’pożizzjoni dominanti għandha tkun tista’ tiddefendi lilha nnifisha billi tibbaża ruħha fuq ir-riżultati ekonomiċi miksuba.

75.

Huwa biss meta jitqabblu l-konsegwenzi pożittivi u negattivi għall-utent u għall-operaturi l-oħra tal-istess suq li tista’ tinħareġ informazzjoni rilevanti sabiex wieħed jasal għad-deduzzjonijiet opportuni.

3. Risposta ssuġġerita għall-ewwel domanda preliminari

76.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-aġir abbużiv fih innifsu ma jiksirx l-Artikolu 82 KE u għalhekk ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula mit-Trimeles Efeteio Athinon m’għandhiex tkun fl-affermattiv. Għaldaqstant, nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara, mingħajr eżitazzjoni, li l-Artikolu 82 KE ma jippermettix li jiġi attribwit aġir fih innifsu abbużiv lill-impriżi li huma f’pożizzjoni dominanti, lanqas meta ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jħallu l-ebda dubju, dwar l-intenzjoni tal-impriżi u l-effett antikompetittiv tal-aġir tagħhom.

77.

Fid-dawl tas-soluzzjoni proposta għall-ewwel domanda, jeħtieġ li tiġi eżaminata t-tieni domanda, li tirrigwarda ġustifikazzjonijiet oġġettivi possibbli għal dan l-aġir.

C — Elementi li jiġġustifikaw aġir normalment abbużiv (it-tieni domanda preliminari)

78.

Qabel kollox nixtieq infakkar li, kif indikajt ftit qabel, parti mill-ewwel domanda preliminari għandha r-risposta tagħha fit-tieni domanda, billi hija marbuta mal-motivi ta’ ġustifikazzjoni tal-prattiċi abbużivi previsti mill-Artikolu 82 KE. Fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kriterji li jistgħu jaqilbu d-deċiżjoni negattiva li, bħala prinċipju, tolqot lill-impriża f’pożizzjoni dominanti.

79.

Hemm tliet motivi ta’ ġustifikazzjoni li jistgħu jiġu invokati mill-impriżi f’pożizzjoni dominanti akkużati b’aġir abbużiv: il-motivi li jirrigwardaw is-suq li fih joperaw l-impriżi kkonċernati ( 50 ), id-difiża tal-interessi kummerċjali leġittimi tagħhom u l-prova ta’ bilanċ pożittiv. iktar ’il quddiem ser neżaminahom b’mod separat filwaqt li nżomm f’moħħi l-fatti ppreżentati quddiem l-qorti tar-rinviju.

1. Il-kundizzjonijiet ta’ suq imperfett

80.

L-impriża GSK insistiet fuq il-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tħallihiex tiżvolġi l-attivitajiet tagħha f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni. Hija ssemmi żewġ aspetti li jispjegaw il-limitazzjonijiet għall-esportazzjonijiet paralleli imposti fuq il-grossisti Griegi: l-iffissar tal-ogħla prezzijiet għall-bejgħ tal-prodotti mediċinali, prattika abitwali fl-Istati Membri kollha, u l-obbligu taż-żamma ta’ ħażna ta’ prodotti fi kwantitajiet suffiċjenti sabiex jissodisfaw id-domanda nazzjonali fi kwalunkwe mument.

81.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni jiċħdu dan l-argument, għalkemm b’ċerti kwalifikazzjonijiet. Qabel ma jsir l-eżami tal-motivi ta’ ġustifikazzjoni, jeħtieġ li jiġu ddeterminati l-konfini tas-suq in kwistjoni.

a) Karatteristiċi essenzjali tas-suq

82.

Ġie ppreċiżat ġustament li s-suq Ewropew tal-prodotti farmaċewtiċi, mifhum bħala dak tal-kummerċ u d-distribuzzjoni ta’ prodotti mħarsa jew le minn privattiva, huwa kkaratterizzat minn grad ta’ armonizzazzjoni mnaqqas, minħabba l-intervent tal-Istat fil-prezzijiet u fis-sistemi pubbliċi ta’ rimbors tal-ispejjeż sostnuti mill-pazjent għall-akkwist ta’ prodotti mediċinali, li jfisser li l-prezz imħallas mill-konsumatur aħħari huwa inqas importanti ( 51 ).

83.

Il-partijiet li ppreżentaw in-noti tal-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rinviju jaqblu fuq il-fatt li l-Istati Membri kollha jimponu l-ammont li l-kumpanniji produtturi tas-settur jeżiġu mill-pazjenti, billi jiġu limitati l-ammonti rimborsati mid-diversi korpi tas-sigurtà soċjali u b’hekk tiġi limitata l-ispiża pubblika għas-saħħa. Huma jaqblu wkoll fuq il-fatt li teżisti differenza kbira bejn il-prezzijiet ta’ bejgħ fid-diversi Stati Membri. Flimkien ma’ din is-sistema ta’ finanzjament pubbliku teżisti oħra kompletament privata, li fiha l-kumpanniji farmaċewtiċi jiffissaw il-prezz tal-prodotti mediċinali b’mod liberu; madankollu jidhirli li huwa aċċettat li dan l-aħħar mudell jirrappreżenta perċentwali żgħira tas-suq, għalkemm din tvarja minn pajjiż għal ieħor.

84.

Fl-aħħar, hemm bżonn li tiġi indikata karatteristika oħra distintiva ta’ dan is-suq, jiġifieri d-diversi privattivi industrijali għall-mediċini. Dan l-aspett, għalkemm ma jirriflettix il-kontroll mill-awtoritajiet pubbliċi, huwa sinjifikattiv għaliex id-detenturi ta’ dawn id-drittijiet ta’ proprjetà industrijali jista’ faċilment ikollhom pożizzjoni dominanti, billi dawn il-monopolji ġeneralment jikkostitwixxu ostakoli legali u temporali ( 52 ).

85.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, GSK issostni li l-limiti fil-prezzijiet imposti mill-Istati Membri, flimkien mal-obbligu taż-żamma ta’ ħażniet adegwati għad-domanda nazzjonali, jorbtuha b’tali mod li, sabiex terġa’ tistabbilixxi l-attività kummerċjali tagħha, ma jkollhiex għażla oħra ħlief li tissielet kontra l-esportazzjonijiet paralleli min-naħa tal-grossisti Griegi lejn pajjiżi fejn l-ammont rimborsat għall-prodotti mediċinali jisboq bil-bosta l-marġni miksub fir-Repubblika Ellenika.

b) Eżami tal-motivi ta’ ġustifikazzjoni msemmija iktar ’il fuq

86.

Għalkemm il-ġurisprudenza Komunitarja ma tammettix ġustifikazzjonijiet ibbażati fuq karatteristiċi partikolari tar-regolamentazzjoni ta’ suq partikolari, jiena naħseb li jista’ jkun hemm każijiet fejn hija tkun disposta li tagħmel dan, skont l-effett tal-kontroll tal-Istat fuq l-istess suq. GSK invokat żewġ fatturi fundamentali: l-intervent fir-rigward tal-prezzijiet u l-obbligu taż-żamma ta’ ħażniet.

i) L-iffissar tal-prezzijiet mill-Istati Membri

87.

Fir-rigward tal-politika segwita fl-Istati Membri sabiex il-korpi tas-sigurtà soċjali jħallsu lura l-ispejjeż li jkunu għamlu l-pazjenti għall-akkwist ta’ prodotti mediċinali, fis-sentenza Merck u Beecham ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kontroll tal-prezzijiet tista’ tikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni fost l-Istati Membri, imma ppreċiżat ukoll li din id-distorsjoni pprovokata mill-indħil tal-Istat ma tistax tiġġustifika deroga mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija ( 54 ).

88.

Għalkemm il-projbizzjoni fl-Artikolu 28 KE ma tistax tiġi invokata kontra impriżi, l-obbligu li ma jostakolawx it-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat, b’mod partikolari tal-libertà tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa impost bis-saħħa tal-Artikolu 81 KE u 82 KE, li jiddikjaraw li l-aġir li jipprovoka t-taqsim artifiċjali tas-swieq nazzjonali u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni huwa inkompatibbli mat-Trattat ( 55 ). Għalhekk huwa opportun li tiġi analizzata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-moviment liberu tal-merkanzija, tal-inqas għal dak li jirrigwarda t-taqsim tas-swieq nazzjonali.

89.

Fi kwalunkwe każ, ir-riġidità tal-politika tal-prezzijiet hija mtaffija mill-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 89/105 ( 56 ), applikabbli għal kull tip ta’ intervent tal-Istat ( 57 ). Mill-imsemmi Artikolu 2(2) joħroġ ċar li l-manifatturi ta’ prodotti mediċinali jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet inkarigati mill-iffissar tal-prezzijiet, li huma obbligati li jimmotivaw bi “kriterji oġġettivi u verifikabbli” l-oppożizzjoni tagħhom għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott mediċinali bil-prezz propost mill-applikant. L-Artikolu 2(1) jipprovdi wkoll għal awtorizzazzjoni impliċita li tirriżulta mis-silenzju tal-amministrazzjoni pubblika billi, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni mill-Istat Membru f’90 jum mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, l-applikant jiġi awtorizzat jikkummerċjalizza l-prodott mediċinali.

90.

Ikunu kemm ikunu diffiċli n-negozjati, wieħed m’għandux jinsa s-sitwazzjoni tal-impriżi farmaċewtiċi, speċjalment meta jkollhom privattivi ġodda li, b’mod ġenerali, jippreżupponu titjib fl-istat tas-saħħa tal-pazjent li jiġi kkurat b’dawn il-prodotti mediċinali. Dan l-aspett huwa importanti ħafna, billi l-Istat Membru, li għandu l-obbligu li jiggarantixxi sistema ta’ saħħa ta’ kwalità għas-servizz tal-pazjent, m’għandu l-ebda interess li jirrinunzja għall-aħjar offerti fis-suq, dejjem jekk ikun jista’ jakkwistahom bi prezz raġonevoli ( 58 ).

91.

Nammetti li, iktar ma jgħaddi ż-żmien, il-vantaġġ tad-detentur tal-privattiva farmaċewtika jiddgħajjef billi jiġi obbligat ibaxxi l-prezzijiet miftiehma fil-bidu mal-awtoritajiet tas-saħħa. Madankollu, din l-evoluzzjoni m’hijiex anormali għaliex tiddependi mill-offerta ta’ manifatturi oħrajn ta’ prodotti sostitwibbli, li jkunu iktar effikaċi mil-lat terapewtiku u li jieħdu post il-prodotti l-oħra minħabba progress fir-riċerka.

92.

Barra minn hekk, il-prezz miftiehem m’għandux jilħaq il-livelli li jġiegħlu lill-kumpanniji f’dan is-settur ibiegħu l-prodotti tagħhom bi prezz iktar baxx mill-kost.

93.

Għalhekk, għalkemm is-suq tal-prodotti farmaċewtiċi ma jaħdimx f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni, is-sistema ta’ kontroll tal-prezzijiet ma taħrabx għal kollox mill-influwenza tal-manifatturi farmaċewtiċi, li jinnegozjaw il-prezzijiet mal-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri, li għandhom ċerta saħħa fuq is-suq u li jadattaw malajr għal dak li jiġri fil-politika sanitarja, tal-inqas fil-qasam tal-prodotti mediċinali.

ii) L-obbligu taż-żamma ta’ ħażna

94.

It-tieni aspett tar-regolamentazzjoni tas-suq li, skont GSK jostakola l-iżvolġiment normali tal-attivitajiet tagħha fil-Greċja u jiġġustifika l-limitazzjoni tal-kummerċ parallel, jirrigwarda l-obbligu li tinżamm dejjem ħażna suffiċjenti fis-suq Grieg. Din il-kumpannija ssostni wkoll li l-ħarsien ta’ dan l-obbligu ma jħallihiex tonora l-ordnijiet tal-grossisti fit-termini mixtieqa.

95.

Il-portata ta’ dan l-obbligu tirrikjedi xi preċiżazzjonijiet, peress li wħud mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jikkunsidraw li huma wkoll għandhom ifornu s-suq, obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 81(2) tad-Direttiva 2001/83, imsemmi fil-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda raġuni għaliex GSK tinvoka dan l-obbligu għad-difiża tagħha.

96.

M’hemmx dubju li l-bżonnijiet tal-pazjenti tal-Istat Membru kkonċernat ma jinbidlux f’daqqa, ħlief fil-każ ta’ epidemiji jew pandemiji, u għalhekk l-istatistiċi fuq il-pazjenti milqutin minn kull marda huma affidabbli u jagħtu lill-impriżi ċerta prevedibbiltà li tgħinhom jadattaw għas-suq.

97.

Fil-qosor, fid-dawl tar-raġunijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-garanzija tal-provvista ma tistax tiġġustifika l-aġir tal-impriża GSK li tillimita l-provvisti intiżi għall-kompetituri tagħha, il-grossisti Griegi.

98.

Għaldaqstant, billi l-motivi ta’ ġustifikazzjoni proposti mill-GSK għandhom jiġu miċħuda, jeħtieġ li jiġi eskluż l-argument li, f’dan il-każ partikolari, jeżistu raġunijiet oġġettivi li jirrigwardaw l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi fis-suq u li jistgħu jiġġustifikaw l-aġir tagħha.

2. Id-difiża tal-interessi kummerċjali leġittimi

a) Analiżi tal-ġurisprudenza

99.

Analiżi sommarja tal-ġurisprudenza turi li din il-kategorija ta’ ġustifikazzjonijiet oġġettivi hija l-unika li attwalment hija definita tajjeb, billi d-djalettika intrinsika fl-Artikolu 82 KE tispiċċa f’dikotomija bejn prattiċi abbużivi u aġir intiż sabiex iħares l-interessi kummerċjali leġittimi ( 59 ).

100.

Ir-rifjut li l-ordnijiet tal-grossisti Griegi jiġu onorati kompletament huwa ekwivalenti għal rifjut ta’ provvista, għalkemm parzjalment, u għalhekk ser nillimita ruħi għall-analiżi tad-deċiżjonijiet rari tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward.

101.

Fis-sentenza tagħha United Brands, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali leġittimi hija strument xieraq sabiex jeħles lil impriża f’pożizzjoni dominanti minn suspetti ta’ abbuż, billi din l-impriża tiġi awtorizzata tieħu l-miżuri neċessarji għall-protezzjoni ta’ dawn l-interessi, dejjem jekk jiġi rrispettat il-prinċipju inderogabbli ta’ proporzjonalità bejn ir-reazzjoni tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u t-theddid għall-interessi tagħha ( 60 ).

102.

Madankollu, l-affermazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma kienet tal-ebda utilità għall-multinazzjonali Amerikana tal-banana, billi fis-sentenza tagħha, li kienet ibbażata preċiżament fuq in-nuqqas ta’ proporzjonalità bejn ir-rifjut li jiġu onorati l-ordnijiet tal-impriża klijent u kompetitriċi Olesen, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-eżistenza tal-ħtieġa ta’ protezzjoni leġittima ( 61 ).

103.

F’kawża oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat ir-rifjut tal-provvista f’sitwazzjoni ta’ skarsezza, matul il-kriżi taż-żejt ( 62 ) li seħħet fis-snin sebgħin tas-seklu ta’ qabel, u ppermettiet lill-impriża BP li fir-rigward ta’ akkwirenti okkażjonali, il-kooperativa ABG, tapplika koeffiċjent ta’ tnaqqis tal-provvista ta’ żejt mhux irraffinat akbar minn dak applikat lill-klijenti abitwali tagħha, bl-iskop li jiġi evitat li dawn jispiċċaw relattivament żvantaġġati ( 63 ).

104.

Ċerti motivi ta’ ġustifikazzjoni ġew elaborati barra mill-kuntest tal-ġurisprudenza Komunitarja. Per eżempju, il-Kummissjoni ppermettiet li manifattur f’pożizzjoni dominanti jeżamina mill-ġdid ir-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu ma’ klijent meta dan jibdel il-politika tiegħu sabiex jiddedika ruħu għall-promozzjoni ta’ marka rivali ( 64 ).

105.

Id-duttrina tipprovdi ġustifikazzjonijiet oħra, bħal dik tas-soċju kummerċjali mhux xieraq, dak li jkun f’xifer il-falliment, dak li sistematikament ma jirrispettax il-kuntratti konklużi jew dak li jagħmel ħsara għall-immaġni jew għall-kwalità tal-merkanzija tal-fornitur ( 65 ). F’dawn il-każijiet is-sens komun jiddetta li għandha tiġi rrispettata x-xewqa tal-impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta l-ordnijiet tal-klijent.

b) Motivi mressqin fil-kawża prinċipali

106.

Fost l-argumenti mressqin minn GSK fin-nota tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, dawk kollha li jirreferu għal tnaqqis fid-dħul minħabba telf ta’ sehem mis-suq b’vantaġġ għall-grossisti Griegi u għal riperkussjonijiet li jirrigwardaw l-irkupru tal-investiment fis-settur tar-riċerka u l-iżvilupp (iktar ’il quddiem “R & Ż”) iwasslu għad-difiża tal-interessi leġittimi.

107.

Kemm GSK kif ukoll parti mil-letteratura ġuridika jsemmu l-ispiża enormi tal-investiment fir-R & Ż bil-għan li jiġi introdott fis-suq prodott mediċinali; huma jżidu jgħidu li l-perijodu li jgħaddi bejn il-kisba tal-privattiva għall-prinċipju attiv u d-disponibbiltà terapewtika tal-prodott is-soltu jkun fil-medja ta’ bejn ħdax-il jew tlettax-il sena, u għalhekk il-fażi tal-qligħ mill-kummerċjalizzazzjoni tkun limitata għal seba’ jew tmien snin ( 66 ).

108.

Huma josservaw li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kummerċ parallel u l-manifattura tal-prodotti ġeneriċi meta tispiċċa l-protezzjoni tat-titolu ta’ proprjetà industrijali jnaqqsulhom il-possibbiltà li jirkupraw l-ispejjeż għar-R & Ż.

109.

M’hemm l-ebda rabta kawżali meħtieġa bejn il-ħsara eventwali għall-investimenti fir-R & Ż u l-kummerċ parallel, billi, l-ewwel nett, GSK u l-awturi li rreferejt għalihom iktar ’il fuq ma pprovdew l-ebda informazzjoni dwar l-oriġini tal-perijodu li matulu l-privattiva ma tħallix qligħ. Madankollu, dan id-dewmien twil jirriżulta mill-istrutturi interni tal-ispejjeż tal-impriżi farmaċewtiċi. Fi kwalunkwe każ, billi l-perijodu ta’ qligħ mill-privattiva huwa qasir ħafna, il-persuni kkonċernati jesperjenzaw sentiment ta’ xi ħadd li jgawdi d-drittijiet tiegħu għal perijodu limitat. Anki nazzarda ngħid li jeżistu wkoll setturi oħrajn fejn tiġri ħaġa bħal din b’dan it-tip ta’ proprjetà immaterjali.

110.

Fit-tieni lok, għalkemm huwa loġiku li wieħed jgħid li huwa biss is-suċċess ekonomiku ta’ privattiva li jiggarantixxi d-dħul ta’ iktar kapital għat-tkomplija tar-riċerka, il-politika ta’ R & Ż fis-settur farmaċewtiku hija l-element fundamentali tal-attività kollha. F’dan il-qasam tal-ekonomija, hija biss ir-riċerka kontinwa ta’ mediċini rivoluzzjonarji li tippermetti s-sopravivenza f’suq kompetittiv u globalizzat ħafna u li jħalli ħafna qligħ. Madankollu, fin-nuqqas ta’ politika kummerċjali maħsuba tajjeb, hemm riskju li anki l-iskoperti l-iktar brillanti ma jintgħarfux. Għaldaqstant, kull impriża ta’ riċerka farmaċewtika għandha ssib il-mezzi l-iktar effikaċi sabiex tikkonvinċi u tilħaq lill-konsumatur.

111.

GSK kienet libera li tistabbilixxi d-distribuzzjoni tal-prodotti tagħha fl-Ewropa. Hija għażlet strateġija li kienet tinkludi lill-grossisti Griegi għaliex qieset li mill-aspett ekonomiku din kienet iktar utli u vantaġġuża. GSK setgħet tagħżel sistema ta’ distribuzzjoni tal-mediċini tagħha li tkun vertikalment integrata, kif xtaqet li tagħmel f’Novembru 2000. Għalkemm din l-impriża hija libera li tirristruttra mill-ġdid is-sistema ta’ provvista tagħha, b’rispett lejn l-użi kummerċjali, f’dan il-każ partikolari qed tiġi akkużata li kkawżat ħsara lill-grossisti għaliex kienu ħadu vantaġġ mill-kundizzjonijiet tas-suq u b’hekk waqqfu l-attività tagħha ta’ esportazzjoni.

112.

Fit-tielet lok, meta wieħed iqabbel l-informazzjoni pprovduta mid-duttrina fil-paragrafu 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li tistabbilixxi li bejn l-1998 u l-2003 is-sehem fis-suq tal-importaturi paralleli żdied minn 1.8 % għal 6.8 % ( 67 ), huwa jkollu l-impressjoni li l-battalja vera tikkonsisti fl-irkupru ta’ dawn il-marġni ta’ profitt li jkunu qalgħu l-kompetituri tal-kumpanniji farmaċewtiċi l-kbar.

113.

F’dawn iċ-ċirkustanzi jidhirli li l-argument ibbażat id-dissważjoni pprovokata min-nuqqas ta’ dħul minħabba l-importazzjoni parallela tal-mediċini koperti minn privattiva, huwa żbaljat għaliex jipprova biss jikkonvinċi l-opinjoni pubblika, li hija sensibbli għall-importanza vitali tar-riċerka u tal-iżvilupp għall-kompetittività, billi x-xenarju ta’ rivalità bejn l-impriżi jinbidel f’wieħed ta’ politika ta’ promozzjoni tar-riċerka, settur li l-Unjoni Ewropea żiedet fl-attivitajiet tagħha sa minn meta l-Att Uniku Ewropew introduċa fit-Trattat KE it-Titolu XVIII bl-isem “L-Iżvilupp fir-Riċerka u t-Teknoloġija”.

114.

B’hekk, l-Unjoni Ewropea toffri ambjent favorevoli għall-impriżi, billi tinkoraġġihom inaqqsu l-ispejjeż tar-R & Ż permezz tal-eżenzjoni skont il-kategorija tal-akkordji orizzontali f’dak il-qasam ( 68 ); peress li huwa magħruf li l-kooperazzjoni f’dan il-qasam u fl-isfruttament komuni tar-riżultati tagħhom ġeneralment jippromwovu l-progress tekniku u ekonomiku billi jinfirex l-għarfien bejn l-impriżi, billi jiġi evitat ix-xogħol doppju ta’ riċerka u ta’ żvilupp, billi jiġu inkoraġġuti avvanzi ġodda permezz tal-iskambju ta’ għarfien kumplimentari, u billi tiġi rrazzjonalizzata l-manifattura tal-prodotti jew l-applikazzjoni ta’ metodi li joħorġu mir-riċerka u l-iżvilupp ( 69 ).

115.

Għaldaqstant, anki jekk l-aġir ta’ GSK jista’ jiġi ġġustifikat, madankollu huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala sproporzjonat billi jelimina l-kompetizzjoni fid-distribuzzjoni ġewwa l-Ewropa, u b’hekk joħnoq l-importazzjonijiet paralleli ġejjin mill-Greċja.

3. Il-bilanċ ekonomiku pożittiv

116.

L-aħħar motiv ta’ ġustifikazzjoni invokabbli mill-impriżi dominanti jirreferi għall-effikaċja, f’termini ekonomiċi, tal-aġir ipotetikament abbużiv (“efficiency defence”). Id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 82 KE jinkludih f’dan it-tip ta’ aġir ( 70 ), bħala risposta għad-duttrina li ddeplorat il-fatt li ma kienx ġie kkunsidrat ( 71 ).

117.

Mill-osservazzjonijiet ta’ GSK naħseb li l-argumenti kollha tagħha dwar il-konsegwenzi perversi tal-kummerċ parallel tal-prodotti mediċinali suġġetti għall-obbligu ta’ riċetta medika għandhom jitqiegħdu taħt din il-kategorija. Din l-impriża ssostni li l-kummerċ parallel la jiffavorixxi lill-pazjenti u lanqas lill-korpi tas-sigurtà soċjali li jipprovdu għar-rimbors tal-ispejjeż mediċi. GSK tikkuntrasta din l-informazzjoni mal-qligħ kunsiderevoli li jiksbu l-grossisti Griegi mill-bejgħ ta’ prodotti farmaċewtiċi fil-pajjiżi fejn il-prezz imħallas mill-assigurazzjonijiet tas-saħħa huwa ogħla minn dak imħallas fil-Greċja filwaqt li fl-istess ħin tilmenta dwar is-somom kbar ta’ flus li tgħid li tilfet.

118.

Apparti d-deskrizzjoni tal-“orruri” pprovokati mill-kummerċ parallel, GSK ma tindika l-ebda aspett pożittiv li jirriżulta mill-fatt li llimitat il-provvista ta’ prodotti mediċinali lill-grossisti, ħlief għall-irkupru tal-marġni tagħha ta’ qligħ, li huwa irrilevanti għall-finijiet kemm tal-kwalifikazzjoni kif ukoll tal-ġustifikazzjoni ta’ aġir abbużiv, kif osserva ġustament il-Gvern Pollakk.

119.

Anki jekk wieħed jassumi li l-impriżi f’pożizzjoni dominanti jistgħu jagħtu prova tal-benefiċċji ekonomiċi prodotti mill-aġir abbużiv tagħhom, GSK ma pprovdiet l-ebda element li jista’ jxaqleb il-miżien favoriha, għalkemm il-fatturi li jirrigwardaw is-saħħa tal-marid u t-tnaqqis tal-ispejjeż sostnuti mis-saħħa pubblika jistħoqqilhom attenzjoni partikolari fil-kawża prinċipali. Għalhekk, m’hemmx bżonn li tiġi kkunsidrata l-proporzjonalità, li kienet tikkostitwixxi l-aħħar fażi tal-analiżi, kieku ġiet aċċettata ġustifikazzjoni għall-aġir ta’ GSK.

4. Risposta ssuġġerita għat-tieni domanda preliminari

120.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nirrakkomanda li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda preliminari tkun li t-tnaqqis, minn impriża f’pożizzjoni dominanti, tal-ordnijiet tal-grossisti għal kwantitajiet korrispondenti għad-domanda tas-suq nazzjonali bl-intenzjoni li twaqqaf l-importazzjonijiet paralleli ta’ dawn il-grossisti lejn Stati Membri oħra jikkostitwixxi, bħala prinċipju, abbuż ta’ pożizzjoni dominanti skont l-Artikolu 82 KE.

121.

Madankollu, l-impriża ssuspettata tista’ tippreżenta kwalunkwe element xieraq sabiex tiġġustifika l-aġir tagħha oġġettivament, u b’mod partikolari:

l-elementi ta’ regolamentazzjoni tas-suq li, billi ma jistgħux jinbidlu mill-impriża kkonċernata, ikunu ġiegħluha taġixxi b’dak il-mod, bl-esklużjoni tal-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali u tal-obbligu li tinżamm ħażna għall-provvista tal-pazjenti;

il-prova tal-fatt li l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata kienet biss li tiddefendi l-interessi leġittimi kummerċjali tagħha, li f’din il-kawża ma jinkludux l-impatt fuq l-inċentivi għall-innovazzjoni, u

il-benefiċċji ekonomiċi tal-aġir li ġiet akkużata bih.

122.

Fil-każ li l-ġustifikazzjoni tkun fondata, m’għandhiex tiġi minsija l-verifika tal-proporzjonalità, jiġifieri l-verifika li dan l-aġir ikun indispensabbli u xieraq.

VI — Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, filwaqt li nieħu pożizzjoni differenti minn tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Syfait, nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mit-Trimeles Efeteio Athinon, tkun kif ġej:

“1)

L-Artikolu 82 KE ma jippermettix li jiġi attribwit aġir fih innifsu abbużiv lill-impriżi li huma f’pożizzjoni dominati, lanqas meta ċ-ċirkustanzi tal-każ ma jħallu l-ebda dubju, dwar l-intenzjoni tal-impriżi u l-effett antikompetittiv tal-aġir tagħhom.

2)

Impriża f’pożizzjoni dominanti li tirrifjuta li tonora kompletament l-ordnijiet li jsirulha mill-grossisti ta’ prodotti farmaċewtiċi bil-għan li tnaqqas l-esportazzjoni tagħhom u tillimita l-ħsara kkawżata mill-kummerċ parallel, twettaq aġir abbużiv skont l-Artikolu 82 KE. Minkejja dan, l-impriża tista’ tressaq provi xierqa sabiex tiġġustifika oġġettivament l-aġir tagħha u, b’mod partikolari:

l-elementi ta’ regolamentazzjoni tas-suq li, billi ma jistgħux jinbidlu mill-impriża kkonċernata, ikunu ġiegħluha taġixxi b’dak il-mod, bl-esklużjoni tal-iffissar tal-prezzijiet tal-prodotti mediċinali u tal-obbligu li tinżamm ħażna għall-provvista tal-pazjenti;

il-prova tal-fatt li l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata kienet biss li tiddefendi l-interessi leġittimi kummerċjali tagħha, li f’din il-kawża ma jinkludux l-impatt fuq l-inċentivi għall-innovazzjoni, u

il-benefiċċji ekonomiċi tal-aġir li kien hemm ilment dwaru”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C-53/03, Ġabra p. I-4609).

( 3 ) Konklużjoniet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Syfait et, iċċitata iktar ’il fuq, moqrija fis-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2004, li fihom huwa sostna li d-domandi preliminari kienu ammissibbli.

( 4 ) Bil-psewdonimu Alonso Fernández de Avellaneda, probabbilment qassis mhux magħruf li kien jismu Alonso Fernández Zapata, fl-1614 ippubblika is-“Segundo tomo del ingenioso hidalgo Don Quijote de La Mancha”, u pprovoka r-rabja ta’ Cervantes, li, fil-mument li kiteb l-istorja awtentika li ssegwi r-rakkont tiegħu, ma qagħadx lura milli jattakka l-imitazzjoni fqira. Il-kwalità letterarja tat-test plaġjat kienet ’il bogħod ħafna minn dik li kellu l-intenzjoni jikkopja u hija r-raġuni għaliex Fernando García Salinero, fl-“Introducción crítica sobre la obra y su autor” tiegħu, f’Alonso Fernández de Avellaneda, El ingenioso hidalgo Don Quijote de La Mancha, Ed. Castalia, Madrid, 2005, p. 24, ikkwalifika dan l-esperiment bħala “un libro de burlas sin las ingeniosidades de la picaresca, cuya gestación se deba quizá a motivos de rencor personal” [“ktieb ta’ fares mingħajr l-inġenjożità tal-ġeneru pikaresk li l-ħolqien tiegħu probabbilment ġie minn xi mibegħda personali” traduzzjoni libera].

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru 1988, dwar it-trasparenza ta’ miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta’ prodotti mediċinali għall-użu tal-persuna u li jkunu parti mill-pjan ta’ sistemi nazzjonali ta’ assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU 1989, L 3040, p. 8).

( 6 ) Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, p. 67), kif emendata mid-Direttiva 2004/27/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004 (ĠU L 136, p. 34).

( 7 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 1992, dwar it-tqassim bl-ingrossa ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 113, p. 1).

( 8 ) B’hekk ma segwietx is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p.  I-1577), li dejjem ikkunsidrajt li kienet żbaljata, u resqet ftit iktar qrib lejn it-teżi li niddefendi fil-konklużjonijiet tiegħi pprżentati fil-kawża De Coster li wasslet għas-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001 (C-17/00, Ġabra p.  I-9445); għal dak li jirrigwarda l-istat ta’ dan id-dibattitu ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-22 ta’ Novembru 2007, fil-kawża Ing. Aigner, Wasser-Wärmer-Umwelt (C-393/06, Ġabra p. I-2339).

( 9 ) Kawżi C-468/06, C-470/06, C-472/06, C-474/06, C-475/06, C-476/06 u C-478/06.

( 10 ) Kawża C-473/06.

( 11 ) Kawża C-477/06.

( 12 ) Kawżi C-469/06 u C-471/06.

( 13 ) Hawnhekk qed jiġu riprodotti d-domandi li saru fil-kawżi C-476/06 sa C-478/06, billi d-domandi li kien hemm fil-kawżi preċedenti (C-468/06 u C-473/06) kienu jirreferu bi żball għal “awtorità nazzjonali kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni” minflok il-kliem korrett “qorti nazzjonali”, probabbli għaliex ikkupjaw letteralment id-domandi magħmulin lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Epitroipi Antagonismou, kif fil-fatt huwa indikat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħhom fil-kawżi C-469/06 sa C-476/06.

( 14 ) Sentenzi tal-15 ta’ Novembru 1979, Denkavit Futtermittel (36/79, Ġabra p. 3439, punt 12); tal-5 ta’ Ottubru 1999, Lirussi u Bizzaro (kawżi magħquda C-175/98 u C-177/98, Ġabra p. I-6881, punt 37); tat-22 ta’ Ġunju 2000, Fornasar et (C-318/98, Ġabra p. I-4785, punt 31), u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service (C-259/05, Ġabra p.  I-4945, punt 17).

( 15 ) Per eżempju fis-sentenzi tat-23 ta’ Novembru 1977, Enka (38/77, Ġabra p. 2203); tal-1 ta’ April 1993, Hewlett-Packard-France (C-250/91, Ġabra p. I-1819), u tal-10 ta’ Mejju 2001, Agorà u Excelsior (kawżi magħquda C-223/99 u C-260/99, Ġabra p. I-3605).

( 16 ) Sentenza tas-6 ta’ Marzu 1974 (kawżi magħquda 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223).

( 17 ) Ibid (punti 25 u 26).

( 18 ) Sentenza tal-14 ta’ Frar 1978 (27/76, Ġabra p. 207).

( 19 ) Sentenza United Brands, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 (punt 182).

( 20 ) Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 1985, (311/84, Ġabra p. 3261), magħrufa bħala s-sentenza “Telemarketing”.

( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Novembru 1998 (C-7/97, Ġabra p. I-7791).

( 22 ) Sentenza tas-6 ta’ April 1995, RTE u IPT vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda C-241/91 P u C-242/91 P, Ġabra p. I-743), magħrufa bħala s-sentenza “Magill”.

( 23 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (C-418/01, Ġabra p. I-5039).

( 24 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 91); tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni (322/81, Ġabra p. 3461, punt 70), u tat-3 ta’ Lulju 1991, AKZO vs Il-Kummissjoni (C-62/86, Ġabra p.  I-3359, punt 69).

( 25 ) Fid-duttrina hemm prattikament qbil unanimu dwar dan: ara, Schröter, H., “Artikel 82”, f’Schröter, H./Jacob, T./Mederer, W., Kommentar zum Europäischen Wettbewerbsrecht, Ed. Nomos, Baden-Baden, 2003, p. 905.

( 26 ) Sentenza tal-21 ta’ Frar 1973, Europemballage u Continental Can vs Il-Kummissjoni (6/72, Ġabra p. 215, punti 25 sa 27; iktar ’il quddiem is-sentenza “Continental Can”).

( 27 ) A. Gleiss u M.Hirsch, Kommentar zum EWG-Kartellrecht, Ed. Verlagsgesellschaft Recht und Wirtschaft, it-Tielet edizzjoni, Heidelberg, 1978, p. 347.

( 28 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways plc vs Il-Kummissjoni (C-95/04 P, Ġabra p. I-2331, punt 30), b’referenza għas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T-203/01, Ġabra p. II-4071, punt 239), u tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways plc vs Il-Kummissjoni (T-219/99, Ġabra p. II-5917, punt 293).

( 29 ) Schröter, H., op. cit., p. 959.

( 30 ) Sentenzi tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin vs Il-Kummissjoni (22/78, Ġabra p. 1869, punt 17) u tal-11 ta’ Diċembru 1980, L’Oréal (31/80, Ġabra p. 3775, punt 27).

( 31 ) Dan l-argument huwa parzjalment rifless fid-duttrina: Koenig, Ch./Engelmann, Ch., “Parallel Trade Restrictions in the Pharmaceuticals Sector on the test Stand of Article 82 EC — Commentary on the Opinion of Advocate General Jacobs in the Case Syfait/GlaxoSmithKline”, E.C.L.R., nru 6/2005, p. 341.

( 32 ) Sentenza Hoffmann La Roche vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 89.

( 33 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni (kawżi magħquda 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663) u tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 71.

( 34 ) Sentenzi AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 71, u tal-14 ta’ Novembru 1996, Tetra Pak vs Il-Kummissjoni (C-333/94 P, Ġabra p.  I-5951, punt 41).

( 35 ) Sentenza AKZO vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 24, punt 72.

( 36 ) P.-J. Loewenthal, “The Defence of ‘Objective Justification’ in the Application of Article 82 EC”, World Competition, nru 28(4), 2005, p. 470.

( 37 ) Sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, British Airways plc vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 69.

( 38 ) Sentenza Tetra Pak, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 37, u s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG (C-250/92, Ġabra p. I-5641, punt 52), u tat-13 ta’ Novembru 1975, General Motors vs Il-Kummissjoni (26/75, Ġabra p. 1367, punti 20 u 22).

( 39 ) F’dan is-sens l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999, tat-22 ta’ Diċembru 1999, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 336, p. 21), fih “blacklist”.

( 40 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, nru 6-480, Leegin Creative Leather Products, Inc./Psks, Inc: ara, Llorente, C., “La decisión del Tribunal Supremo de los EEUU en el caso Leegin”, Gertrude Ryan Law Observatory, Suplemento número 2 de Actualidad Jurídica Aranzadi no 736, p. 2 et seq.

( 41 ) Sentenza tat-3 ta’ April 1911, Dr. Miles Medical Co. vs John D. Park & Sons Co. (220 U.S. 373).

( 42 ) Fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-preżunzjonijiet ta’ fatt, ara E. Paulis, “The burden of proof in Article 82 cases”, f’B.E. Hawk, Annual Proceedings of the Fordham Competition Law Institute, Ed. Juris Publishing, Inc., New York, 2007, p. 470.

( 43 ) Ser nissellef it-traduzzjoni fil-lingwa Spanjola tal-kliem Anglosassonu “rule of reason” proposta minn Arruñada, B., “Economía y Derecho en la nueva política comunitaria de competencia”, f’Beneyto Pérez, J.M. (direttur) u Maillo González-Orús, J. (koordinatur), El nuevo Derecho comunitario y español de la competencia, Edizzjoni Bosch, Barċellona, 2002, p. 53.

( 44 ) Report by the EAGCP “An Economic Approach to Article 82”, Lulju 2005, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/comm/competition/publications/studies /eagcp_july_21_05.pdf, p. 5 u 6.

( 45 ) A. P. Jacquemin, “The criterion of economic performance in the anti-trust policies of the United States and the European Economic Community”, f’R. Greaves (koordinatriċi), Competition Law, Edizzjoni Ashgate/Dartmouth, Aldershot (ir-Renju Unit), 2003, p. 214, jindika r-riskju inerenti fir-regola tal-abbużi fihom infushom, anki barra mill-kuntest ta’ pożizzjoni dominanti.

( 46 ) J. Pelkmans, European Integration — Methods an Economic Analysis, Ed. Longman, Londra, 1997, p. 194.

( 47 ) Id-dokument ta’ riflessjoni approvat mill-Kummissjoni Ewropea bit-titolu “DG Competition discussion paper on the application of Article 82 of the Treaty to exclusionary abuses” għandu x’jaqsam biss mal-prattiċi abbużivi ta’ esklużjoni; dan jista’ jiġi kkonsultat fis-sit tal-Internet li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/antitrust/art82/discpaper2005.pdf. Ma naqasx li dan il-modus procedendi jiġi kkritikat: ara, Díez Estella, F., “El Discussion Paper de la Comisión Europea: ¿reformas en la regulación del artículo 82 del Tratado CE?”, f’Gaceta Jurídica de la Unión Europea y de la Competencia, nru 242, ta’ Mejju 2006, p. 24.

( 48 ) Hildebrand, D., The Role of Economic Analysis in the EC Competition Rules, Ed. Kluwer, L-Aja, 1998, p. 62.

( 49 ) In-nuqqas ta’ għan li l-ħarsien tiegħu huwa espressament insegwit mill-Artikolu 82 KE ġie kkritikat minn Whish, R., “Rethinking Article 82 CE”, f’ Concurences: revue des droits de la concurrence, nru 4/2005, p. 18, li assimila dan in-nuqqas ta’ orjentament mal-fatt li l-Artikolu 82 KE tħalla “bħal dgħajsa mingħajr mqadef”. Għall-kuntrarju, Schröter, H., op. cit, p. 813, jiddeduċi mis-sentenzi Hoffmann-La Roche, Michelin u L’Oréal, li din id-dipożizzjoni hija fuq kollox intiża li tħares il-kompetizzjoni bħala istitut u dan il-ħarsien, f’forma indiretta, huwa ta’ vantaġġ għall-kompetituri, għall-imsieħba kummerċjali tal-impriża f’pożizzjoni dominanti u għall-konsumaturi.

( 50 ) Fid-dokument ta’ riflessjoni tagħha ċċitat iktar ’il fuq, il-Kummissjoni (punt 80) teżiġi li l-aġir tal-impriża jkun meħtieġ għal motivi ta’ sigurtà jew saħħa pubblika; jiena nqis li dan il-motiv ta’ ġustifikazzjoni għall-impriżi f’pożizzjoni dominanti huwa eċċessivament limitat u għalhekk qed nipproponi ieħor iktar wiesa’, imma marbut mas-suq.

( 51 ) J. W. Myhre, “The pharmaceutical sector — Article 81 EC and Article 82 EC — Imperfect tools for an imperfect market?”, f’M. Johansson, N. Wahl u U. Bernitz, U. (edituri), Liber amicorum in honour of Sven Norberg: a European for all seasons, Ed. Bruylant, Brussell, 2006, p. 378.

( 52 ) J. Pelkmans, op. cit, p. 193.

( 53 ) Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 1996, (kawżi maqħquda C-267/95 u C-268/95, Ġabra p. I-6285, punt 47).

( 54 ) Ibidem.

( 55 ) Sentenza Hugin vs Il-Kummissjoni iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 17.

( 56 ) Deskritti fil-punt 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 57 ) L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 89/105.

( 58 ) It-tieni u t-tielet premessi tad-Direttiva 89/105.

( 59 ) I. Van Bael u J.-F. Bellis, Competition Law of the European Community, Ir-Raba’ Ed., Edizzjoni Kluwer, L-Aja, 2005, p. 907.

( 60 ) Sentenza United Brands, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 (punti 189 u 190).

( 61 ) Ibid (punti 191 et seq).

( 62 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1978, BP et vs Il-Kummissjoni (75/77, Ġabra p. 1513), magħrufa bħala “kawża tal-kriżi taż-żejt”.

( 63 ) Ibidem, punti 32 u 33.

( 64 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 87/500/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1987, dwar proċedura skont l-Artikolu 86 tat-Trattat KEE (IV/32.279 — BBI/Boosey & Hawkes: miżuri provviżorji, ĠU L 286, p. 36, punt 19).

( 65 ) I. Van Bael u J.-F. Bellis, op. cit., p. 957.

( 66 ) E. Krapf, Parallelimporte von Arzheimitteln und europäisches Kartellrecht — eine Untersuchung von Vertriebssystemen zur Verhinderung des Parallelhandels, Ed. Shaker, Aquisgrana, 2006, p. 107 u 108.

( 67 ) E. Krapf, op. cit., p. 2.

( 68 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2659/2000, tad-29 ta’ Novembru 2000, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim dwar ir-riċerka u l-iżvilupp (ĠU L 304, p. 7).

( 69 ) L-għaxar premessa tar-Regolament Nru 2659/2000.

( 70 ) Il-Kummissjoni Ewropea, op. cit., punti 84 sa 91.

( 71 ) P.-J. Loewenthal, op. cit, p. 464 u 465.