KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-20 ta’ Novembru 2007 ( 1 )

Kawża C-308/06

The Queen, fuq talba ta’:

International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko) et

vs

Secretary of State for Transport

“Trasport marittimu — Tniġġis ikkawżat minn vapuri — Direttiva 2005/35/KE — Validità — Konvenzjoni ta’ Montego Bay — Konvenzjoni Marpol 73/78 — Effetti legali — Invokabbiltà — Negliġenza serja — Prinċipju ta’ ċertezza legali”

I — Introduzzjoni

1.

Il-kwistjoni li għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ hija jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur ( 2 ) humiex kompatibbli ma’ regoli ġuridiċi superjuri.

2.

L-International Association of Independent Tanker Owners (Intertanko), l-International Association of Dry Cargo Shipowners (Intercargo), il-Greek Shipping Co-operation Committee, Lloyd’s Register u l-International Salvage Union (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) ressqu azzjoni konġunta quddiem il-High Court of Justice kontra l-Ministru tat-Trasport tar-Renju Unit dwar it-traspożizzjoni proposta tad-direttiva. Il-kumpanniji msemmija hawn fuq huma organizzazzjonijiet kbar fis-settur tat-trasport marittimu internazzjonali. Per eżempju, Intertanko tirrappreżenta madwar 80 % tal-flotta dinjija tat-tankers.

3.

Il-kawża tirrigwarda l-punt jekk l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 humiex kompatibbli mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”), li l-Komunità aderixxiet għaliha fl-1998 ( 4 ) u mal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri, kif ukoll il-Protokoll tagħha tal-1978 ( 5 ) (iktar ’il quddiem “Marpol 73/78”). Dawn id-dispożizzjonijiet jirregolaw ir-responsabbiltà kriminali għal rimi illegali. Id-dubji jirriżultaw prinċipalment mill-fatt li d-direttiva tidher li tipprovdi kriterju ta’ responsabbiltà iktar rigoruż minn Marpol 73/78. Skont id-direttiva, in-negliġenza serja b’mod partikolari hija suffiċjenti, filwaqt li Marpol 73/78 teżiġi għall-inqas l-imprudenza, kif ukoll il-konsapevolezza li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara.

4.

Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni jekk il-kriterju ta’ responsabbiltà għan-negliġenza serja huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

5.

Id-Direttiva 2005/35 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 80(2) KE, li huwa l-bażi legali tal-miżuri relattivi għat-trasport marittimu.

6.

Ir-raġunijiet għall-adozzjoni tad-direttiva jirriżultaw b’mod partikolari mit-tieni u t-tielet premessi tagħha:

“(2)

L-istandards materjali fl-Istati Membri kollha għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn vapuri huma bbażati fuq il-Konvenzjoni Marpol 73/78; madankollu dawn ir-regoli qegħdin jiġu injorati ta’ kuljum min-numru kbir ħafna ta’ vapuri li jbaħħru fl-ibħra Komunitarji, mingħajr ma qiegħda tittieħed azzjoni korrettiva.

(3)

L-implimentazzjoni tal-Marpol 73/78 turi diskrepanzi bejn l-Istati Membri, għaldaqstant jeħtieġ li tiġi armonizzata l-implimentazzjoni fuq il-livell Komunitarju; b’mod partikolari hemm differenzi kbar fil-prattiki ta’ l-Istati Membri fl-impożizzjoni ta’ penali għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn vapuri.”

7.

L-Artikolu 3 jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva:

“(1)   Din id-Direttiva għandha tapplika, bi qbil mal-liġi internazzjonali, għal rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u:

(a)

fl-ilmijiet interni, inklużi portijiet, ta’ Stat Membru, sakemm ir-reġim Marpol huwa applikabbli;

(b)

fil-baħar territorjali ta’ Stat Membru;

(ċ)

fl-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali li huma suġġetti għar-reġim ta’ passaġġ bi transitu, kif stipulat fil-Parti III, sezzjoni 2, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ l-1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, sakemm Stat Membru jeżerċita ġurisdizzjoni fuq tali stretti;

(d)

fiż-żona ekonomika esklussiva jew żona ekwivalenti ta’ Stat Membru, stabbilita skond il-liġi internazzjonali; u

(e)

bejn sema u ilma [l-ibħra miftuħa].

(2)   Din id-Direttiva għandha tapplika għal rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn kwalunkwe vapur, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, bl-eċċezzjoni ta’ kwalunkwe vapur tal-gwerra, awżiljari navali jew vapur ta’ proprjetà ta’ jew imħaddem minn Stat u għal dak il-ħin użat biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern.”

8.

F’dan il-każ, hemm dubju fuq il-validità tal-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35, li jipprovdu dan li ġej:

L-Artikolu 4

Ksur

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u minn vapuri fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) ikun ikkunsidrat bħala ksur jekk isiru b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’negliġenza serja. Dan il-ksur huwa meqjus bħala offiża [reat] kriminali skond, u fiċ-ċirkustanzi pprovdut għalhekk fid-Deċiżjoni Kwadru 2005/667/ĠAI li tissupplimenta din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

Eċċezzjonijiet

(1)   Ir-rimi ta’ sustanzi li jniġġ[s]u fi kwalunkwe żona msemmija fl-Artikolu 3(1) m’għandux jitqies bħala ksur jekk jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolamenti 9, 10, 11(a) jew 11(ċ) jew fl-Anness II, Regolamenti 5, 6(a) jew 6(ċ) tal-Marpol 73/78.

(2)   Ir-rimi ta’sustanzi li jniġġ[s]u fiż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1) (ċ), (d) u (e) m’għandux jitqies bħala ksur min-naħa tas-sid, tal-kmandant [kaptan] jew ta’ l-ekwipaġġ meta jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tal-kmandant [kaptan] jekk ir-rimi jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness I, Regolament 11(b) jew fl-Anness II, Regolament 6(b) tal-Marpol 73/78.”

B — Id-dritt internazzjonali

1. Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar

9.

Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar fiha dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ proċeduri kriminali fil-każ ta’ tniġġis tal-baħar.

10.

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 211(1) tipprovdi għall-iżvilupp ta’ standards internazzjonali għall-protezzjoni tal-ambjent:

“L-Istati, li jaġixxu permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew ta’ konferenza diplomatika ġenerali, għandhom jistabbilixxu regoli u normi [standards] internazzjonali sabiex ma jħallux, inaqqsu u jikkontrollaw it-tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu minn vapuri u jħeġġu l-adozzjoni, bl-istess mod, kull meta xieraq, ta’ sistemi ta’ rotot ġodda ddisinjati biex jimminizzaw it-theddida ta’ inċidenti li jistgħu joħolqu tniġġi[s] ta’ l-ambjent marittimu, inkluża l-kosta, u l-ħsara bit-tniġġi[s] relatata ma’ l-interessi ta’ l-Istati kostali. Regoli u normi [standards] bħal dawn għandhom, bl-istess mod, ikunu eżaminati mill-ġdid minn żmien għal żmien skond ma jkun meħtieġ.”

11.

L-Artikolu 211(5) jistabbilixxi l-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati kostali għaż-żona ekonomika esklużiva:

“L-Istat[i] kostali, għall-iskop ta’ l-infurzar kif hemm provvediment dwar dan fis-Sezzjoni 6, jistgħu fir-rigward taż-żoni ekonomiċi esklussivi tagħhom, jadottaw liġijiet u regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] minn vapuri li jkunu konformi ma’, u li jagħtu effett għar-regoli u n-normi [l-istandards] internazzjonali ġeneralment aċċettati kif stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjonijiet [l-organizzazzjoni] internazzjonali kompetenti jew minn konferenza diplomatika ġenerali.”

12.

Skont l-Artikolu 42(1)(b), l-istretti huma regolati minn dispożizzjonijiet analogi għal dawk applikabbli għaż-żona ekonomika esklużiva:

“(1)   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ din is-sezzjoni, l-Istati bi fruntieri ma’ mogħdijiet [stretti] jistgħu jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti li jirrigwardaw il-passaġġ tat-tranżitu matul il-mogħdijiet [l-istretti] fir-rigward ta’ kollha jew uħud minn dawn li ġejjin:

[…];

b)

il-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s], billi jdaħħlu b’effett ir-regolamenti internazzjonali applikabbli fir-rigward tar-rimi taż-żejt, skart ta’ żejt jew ta’ sustanżi perikolużi oħrajn fil-mogħdija [fl-istrett];

[…]”

13.

L-Artikolu 89 fil-prinċipju jeskludi l-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati f’dak li jirrigwarda l-ibħra miftuħa:

“L-ebda Stat ma jista’ validitament [validament] jipproponi li jissuġġetta xi parti mill-baħar internazzjonali [mill-ibħra miftuħa] għas-sovranità tiegħu.”

14.

Madankollu, l-Artikolu 218(1) jipprovdi li l-Istati tal-port jistgħu jieħdu proċeduri kriminali fil-każ ta’ rimi illegali:

“Meta vapur ikun volontarjament ġewwa port jew f’terminu off-shore [f’off-shore terminal] ta’ Stat, dak l-Istat jista’ jwettaq investigazzjonijiet u, meta l-evidenza hekk tkun teħtieġ, jistitwixxi proċedimenti fir-rigward ta’ xi rilaxx minn dak il-vapur il-barra mill-ibħra interni, tal-baħar territorjali jew iż-żona ekonomika esklussiva ta’ dak l-Istat b’vjolazzjoni tar-regoli u n-normi [l-istandards internazzjonali] applikabbli stabbiliti permezz ta’ l-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew konferenza diplomatika ġenerali.”

15.

Dispożizzjonijiet differenti japplikaw għall-ibħra territorjali (imsejħa “baħar territorjali” fil-Konvenzjoni). L-Artikolu 2 jirregola s-sovranità tal-Istat kostali f’din iż-żona.

“(1)   Is-sovranità ta’ Stat kostali testendi, lil hinn mill-art territorjali tiegħu u mill-ilmijiet interni tiegħu u, fil-każ ta’ Stat arċipelagu, l-ilmijiet arċipelagiċi tiegħu, lejn medda tal-baħar tal-biswit, deskritt[a] bħala l-baħar territorjali.

(2)   Din is-sovranità testendi għall-ispażju ta’ l-ajru ta’ fuq il-baħar territorjali kif ukoll għall-qiegħ u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-qiegħ tiegħu.

(3)   Is-sovranità fuq il-baħar territorjali hija eżerċitata bla ħsara għal din il-Konvenzjoni u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali.”

16.

L-Artikolu 211(4) jipprovdi regoli ġenerali applikabbli għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-ambjent fir-rigward tal-ibħra territorjali:

“L-Istati kostali jistgħu, fl-eżerċitar tas-sovranità tagħhom fi ħdan il-baħar territorjali tagħhom, jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġi[s] marittimu minn vapuri barranin, inklużi vapuri li jeżerċitaw id-dritt tal-passaġġ innoċenti. Liġijiet u regolamenti bħal dawn għandhom, b’konformità mal-Parti II, is-Sezzjoni 3, ma jfixklux il-passaġġ innoċenti tal-vapuri barranin.”

17.

L-Artikolu 21 jistabbilixxi liema liġijiet u regolamenti tal-Istat kostali relattivi għall-passaġġ innoċenti huma awtorizzati:

“(1)   L-Istat kostali jista’ jadotta liġijiet u regolamenti, b’konformità mad-dispożizzjoniet ta’ din il-Konvenzjoni u r-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali, li jirrigwardaw il-passaġġ innoċenti matul il-baħar territorjali, fir-rigward ta’ dawn kollha jew uħud minnhom kif ġejjin:

[…]

(f)

il-preservazzjoni ta’ l-ambjent ta’ l-Istat kostali u l-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontrol tat-tniġġi[s] tagħhom;

[…]

(2)   Liġijiet u regolament[i] bħal dawn m’għandhomx japplikaw għad-disinn, il-kostruzzjoni il-forniment b’persunal jew b’tagħmir lill-vapuri barranin sakem dawn iseħħu skond regoli u normi [standards] internazzjonali [dwar il-prevenzjoni ta’ ħabtiet fil-baħar] kif ġeneralment aċċettati.

[…]

(4)   Vapuri barranin li jeżerċitaw id-dritt ta’ passaġġ innoċenti matul il-baħar territorjali għandhom ikunu konformi mal-liġijiet u r-regolamenti bħal dawk u mar-regolamenti internazzjonali ġeneralment aċċettati li jirrigwardaw il-prevenzjoni ta’ ħabtiet fil-baħar.”

2. Marpol 73/78

18.

Marpol 73/78 ġiet adottata taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“IMO”). L-Istati Membri kollha aderew għall-parti ta’ Marpol 73/78 li hija rilevanti f’dan il-każ ( 6 ); madankollu, l-adeżjoni tal-Komunità m’hijiex prevista (Artikolu 13).

19.

L-Artikolu 4 ta’ Marpol 73/78 jipprovdi s-segwenti:

“(1)   Kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni għandu jkun ipprojbit u għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet għal tali ksur mil-liġi tal-Amministrazzjoni tal-vapur inkwistjoni, ikun fejn ikun il-post fejn iseħħ il-ksur. Jekk l-Amministrazzjoni tkun informata b’dan il-ksur u tkun konvinta li hemm provi suffiċjenti biex jippermettulha li tieħu proċeduri kriminali fir-rigward tal-ksur allegat, hija għandha tieħu dawn il-proċeduri mill-iktar fis possibbli skont il-liġi tagħha.

(2)   Kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-Konvenzjoni mwettaq fil-ġurisdizzjoni ta’ Parti fil-Konvenzjoni għandu jkun ipprojbit u għandhom jiġu stabbiliti sanzjonijiet għal tali ksur mil-liġi ta’ din il-Parti. Kull darba li jseħħ tali ksur, il-Parti għandha:

(a)

jew tieħu proċeduri kriminali skont il-liġi tagħha;

(b)

jew tipprovdi lill-Amministrazzjoni tal-vapur bil-provi li jista’ jkollha fil-pussess tagħha li juru li seħħ ksur.

(3)   Meta informazzjoni jew provi relattivi għal ksur tal-Konvenzjoni minn vapur jiġu pprovduti lill-Amministrazzjoni tal-vapur, din l-Amministrazzjoni għandha tinforma malajr lill-Istat li jkun ipprovdielha l-informazzjoni jew il-provi, u lill-Organizzazzjoni, bil-miżuri li jkunu ttieħdu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.

L-Artikolu 9 jinkludi regoli dwar ir-relazzjonijiet ma’ trattati oħra u l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni”.

L-Artikolu 9

(1)   […]

(2)   L-ebda dispożizzjoni ta’ din il-Konvenzjoni m’għandha tippreġudika l-kodifikazzjoni jew l-iżvilupp tal-liġi tal-baħar mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar ikkonvokata skont ir-Riżoluzzjoni 2750 C(XXV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, u lanqas m’għandha tippreġudika l-pretensjonijiet preżenti jew futuri u l-pożizzjonijiet legali ta’ xi Stat li jikkonċernaw il-liġi tal-baħar u n-natura u l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali u tal-Istat tal-bandiera.

(3)   F’din il-Konvenzjoni, it-terminu ġurisdizzjoni għandu jkun interpretat fid-dawl tad-dritt internazzjonali fis-seħħ fil-mument tal-applikazzjoni jew tal-interpretazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21.

Id-dispożizzjonijiet dwar it-tniġġis miż-żejt mill-vapuri huma stabbiliti fl-Anness I ta’ Marpol 73/78 ( 7 ). Ir-Regolamenti 9 u 10 jinkludu limitazzjonijiet li jipprojbixxu r-rimi fiż-żoni speċjali, f’distanza minima mill-art jew ta’ iktar minn kwantità speċifika (espressa bħala rata istantanja ta’ rimi għal kull mil nawtiku, bħala kwantità totali jew bħala l-kontenut taż-żejt tal-iskart). Ir-rimi fil-baħar ta’ żejt jew ta’ taħlitiet żejtnin minn vapuri huwa għaldaqstant ipprojbit, ħlief jekk numru ta’ kundizzjonijiet huma sodisfatti.

22.

Madankollu, ir-Regolament 11 tal-Anness I jistabbilixxi eċċezzjonijiet għall-projbizzjonijiet fuq ir-rimi:

“Ir-Regolamenti 9 u 10 ta’ dan l-Anness m’għandhomx japplikaw għal:

(a)

rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà ta’ vapur jew li tiġi salvata l-ħajja umana fuq il-baħar; jew

(b)

rimi fil-baħar ta’ żejt jew taħlita żejtnija li tirriżulta minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)

bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew wara li r-rimi ġie skopert sabiex jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)

ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti ( 8 ) u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara; jew

(ċ)

ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi li jkun fihom iz-żejt, approvat mill-Amministrazzjoni, meta dawn is-sustanzi jintużaw għall-iskop tal-ġlieda kontra inċidenti speċifiċi ta’ tniġġi[s] sabiex titnaqqas il-ħsara minn dan it-tniġġi[s]. Kwalunkwe rimi ta’ dan it-tip għandu jkun suġġett għall-approvazzjoni ta’ kwalunkwe Gvern li għandu ġurisdizzjoni fil-post li fih ir-rimi ser isir.” (In-nota ta’ qiegħ il-paġna 8 miżjuda mill-awtur).

23.

L-Anness II ( 9 ) tal-Konvenzjoni Marpol 73/78 jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk tal-Anness I. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għal żejt jew għal taħlitiet żejtnin, iżda għal sustanzi likwidi noċivi trasportati bil-kwantità. Ir-Regolament 5 tal-Anness II jipprojbixxi r-rimi ta’ ċerti sustanzi fil-baħar. Ir-Regolament 6(b) tal-Anness II jipprovdi:

“Regolament 5 ta’ dan l-Anness m’għandux japplika għal:

[…]

(b)

ir-rimi fil-baħar ta’ sustanzi likwidi noċivi jew taħlitiet li fihom tali sustanzi li jirriżultaw minn ħsara għal vapur jew it-tagħmir tiegħu:

(i)

bil-kundizzjoni li l-prekawzjonijiet kollha raġonevoli ttieħdu wara li ġrat il-ħsara jew li l-[r-]rimi ġie skopert sabiex ir-rimi jiġi prevenut jew minimizzat; u

(ii)

ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti ( 10 ) u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara”. (In-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 miżjuda mill-awtur)

III — It-talba għal deċiżjoni preliminari

24.

Fuq talba tar-rikorrenti, il-High Court of Justice ressqet id-domandi segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li tingħata deċiżjoni preliminari:

“(1)

Dwar l-istretti użati għan-navigazzjoni internazzjonali, iż-żona ekonomika esklużiva jew iż-żona ekwivalenti ta’ Stat Membru u l-ibħra miftuħa: l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 huwa null safejn jillimita l-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta’ Marpol 73/78 għas-sidien, għall-kaptani u għall-membri tal-ekwipaġġ?

(2)

Dwar l-ibħra territorjali ta’ Stat Membru:

a)

L-Artikolu 4 tad-direttiva huwa null safejn jitlob lill-Istati Membri jikkunsidraw in-negliġenza sejra bħala kriterju ta’ responsabbiltà għar-rimi ta’ sustanzi li jniġġsu; u/jew

b)

L-Artikolu 5(1) tad-direttiva huwa null safejn jeskludi l-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet imsemmija fir-Regolament 11(b) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b) tal-Anness II ta’ Marpol 73/78?

(3)

L-Artikolu 4 tad-direttiva, li jiltob lill-Istati Membri jadottaw miżuri nazzjonali li jinkludu n-negliġenza serja bħala kriterju ta’ responsabbiltà u li jippenalizzaw ir-rimi fl-ibħra territorjali, jikser id-dritt ta’ passaġġ innoċenti rikonnoxut fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?

(4)

L-użu tal-espressjoni “negliġenza serja” fl-Artikolu 4 tad-direttiva jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, u jekk dan ikun il-każ, l-Artikolu 4 huwa null f’dan ir-rigward?”

25.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Iżvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, kif ukoll il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ippreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Ħlief għar-Renju tad-Danimarka u għar-Repubblika tal-Estonja, il-partijiet kollha msemmija hawn fuq ħadu sehem fil-proċedura orali fil-25 ta’ Settembru 2007.

IV — Analiżi ġuridika

26.

L-ewwel nett ser neżamina (ara A hawn taħt) il-fondatezza ta’ ċerti dubji dwar l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussegwentement ser nittratta, b’risposta għall-ewwel domanda, il-kriterju ta’ responsabbiltà għar-rimi illegali barra l-ibħra territorjali, jiġifieri fl-ibħra miftuħa, fl-istretti użati għal trasport internazzjonali u fiż-żona ekonomika esklużiva. Kif ser jintwera, Marpol 73/78 tiddefinixxi b’mod eżawrjenti il-kriterju li għandu jiġi użat f’dawn iż-żoni marittimi minħabba li hija magħquda flimkien mal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar (ara B hawn taħt). Min-naħa l-oħra, għall-ibħra territorjali, li huma s-suġġett tat-tieni u t-tielet domandi, Marpol 73/78 tassumi l-iktar ir-rwol ta’ standard minimu, li jorbot għall-Istati Membri, iżda mhux għall-Komunità, b’mod partikolari għaliex il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma tirrestinġix il-kompetenzi leġiżlattivi f’din iż-żona, li tagħmel parti mit-territorju nazzjonali tal-Istat kostali, daqskemm tagħmel f’żoni oħrajn tal-baħar (ara Ċ hawn taħt). Fl-aħħar nett (D hawn taħt), għandu jkun ivverifikat jekk il-kriterju ta’ responsabbiltà tan-negliġenza serja huwiex kompatibbli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

A — Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

27.

Il-Gvern Franċiż għandu dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju. Huwa jsostni li, kuntrarjarment għaċ-ċirkustanzi tal-kawża British American Tobacco ( 11 ), il-qorti tar-rinviju ma wrietx li l-proċedura fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-legalità tat-traspożizzjoni proposta tad-direttiva inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa josserva li m’hemmx nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali, għall-inqas f’dak li jirrigwarda l-ewwel domanda.

28.

Dawn l-oġġezzjonijiet jirriżultaw mill-fatt li, f’każijiet eċċezzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ċ-ċirkustanzi li fihom tiġi adita mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha stess ( 12 ). Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li r-rifjut ta’ talba magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt Komunitarju m’għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt meħtieġa sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha ( 13 ). Ħlief f’dawn il-każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, fil-prinċipju, obbligata li tiddeċiedi fuq id-domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt Komunitarju ( 14 ). F’dan il-kuntest, il-kunċett tal-interpretazzjoni jinkludi wkoll il-verifika tal-validità ( 15 ).

29.

Il-Gvern Franċiż ma ppreżentax provi li juru li d-domandi preliminari jew il-kawża prinċipali huma ta’ natura ipotetika. Għall-kuntrarju, huwa ċar li l-kontroversja fil-kawża prinċipali hija reali u li d-domandi ppreżentati huma ta’ importanza determinanti għall-eżitu ta’ din il-kawża. Il-Qorti tal-Ġustizzja lanqas m’għandha bżonn ta’ elementi ta’ prova addizzjonali dwar in-natura tal-kawża prinċipali biex tirrispondi għad-domandi preliminari. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja, mis-sentenza British American Tabacco ( 16 ), li fir-Renju Unit huwa possibbli li jitressaq rikors sabiex tiġi impedita t-traspożizzjoni ta’ direttiva, u dan jista’ jwassal sabiex jitressqu domandi dwar il-validità tad-direttiva lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minkejja d-dubji tal-Gvern Franċiż rigward l-ammissibbiltà, it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi rrifjutata.

30.

Barra minn hekk, id-Danimarka u l-Kunsill jistaqsu jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Il-Konvenzjoni ġiet konkluża mill-Komunità u mill-Istati Membri tagħha kollha abbażi ta’ kompetenza kondiviża ( 17 ). Fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li jista’ jkollha s-setgħa tinterpreta tali dispożizzjonijiet sabiex tistabbilixxi jekk huma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri ( 18 ).

31.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest speċifiku tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, il-konstatazzjoni li hemm kompetenzi kondiviżi hija suġġetta għall-eżistenza, fl-oqsma koperti mid-dispożizzjonijiet ikkonċernati tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, ta’ regoli Komunitarji, tkun xi tkun il-portata u n-natura tagħhom ( 19 ). Fi kliem ieħor: fil-qasam tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Komunità għall-inqas għandha wkoll kompetenza fir-rigward tal-materji li jaqgħu taħt din il-konvenzjoni, jekk jeżistu dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli, indipendentement minn jekk ir-regoli tad-dritt Komunitarju humiex eżawrjenti u jekk l-Istati Membri għadx għandhom kompetenza leġiżlattiva.

32.

Għaldaqstant, l-argument tad-Danimarka u tal-Kunsill li skontu l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni għandu jiġi skartat f’dan il-każ. Hemm lok li jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar li huma rilevanti għall-eżami tad-Direttiva 2005/35 għall-inqas jaqgħu taħt waħda mill-kompetenzi kondiviżi bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Li kieku dan ma kienx il-każ, id-direttiva kien ikollha tiġi annullata għar-raġuni li m’għandhiex bażi ġuridika suffiċjenti. Madankollu, l-ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat il-bażi ġuridika tad-direttiva.

33.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

B — Fuq l-ewwel domanda — Responsabbiltà ta’ persuni mhux imsemmija f’Marpol 73/78

34.

L-ewwel domanda tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ persuni mhux imsemmija f’Marpol 73/78 għal rimi barra mill-ibħra territorjali. Ir-rikorrenti, il-Greċja, Malta u Ċipru jikkunsidraw li d-dispożizzjonijiet relattivi huma inkompattibli ma’ Marpol 73/78.

35.

Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi determinat, l-ewwel nett, jekk Marpol 73/78 tikkostitwixxix il-kriterju li bih għandha tiġi evalwata l-legalità tad-Direttiva 2005/35 u, jekk ikun il-każ, sussegwentement jiġi determinat jekk Marpol 73/78 tillimitax ir-responsabbiltà għal rimi marbut ma’ ħsara li tkun ġrat bil-mod kif jallegaw ir-rikorrenti.

1. Marpol 73/78 bħala l-kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tad-Direttiva 2005/35

36.

Il-partijiet isostnu ipoteżijiet differenti li jistgħu jiġġustifikaw l-użu ta’ Marpol 73/78 bħala l-kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tad-Direttiva 2005/35. L-ewwel nett, il-Komunità tista’ tkun marbuta b’Marpol 73/78 bis-saħħa tad-dritt internazzjonali (ara (a) hawn taħt). It-tieni nett, il-Komunità tista’ tkun marbuta indirettament b’Marpol 73/78 safejn il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tirrestinġi l-kompetenza leġiżlattiva tal-Komunità b’referenza għall-istandards ta’ Marpol 73/78 (ara (b) hawn taħt). It-tielet nett, in-natura vinkolanti ta’ Marpol 73/78 tista’ tirriżulta mill-fatt li d-Direttiva 2005/35 hija intiża biex tarmonizza l-implimentazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni fuq livell Komuntarju (ara (ċ) hawn taħt).

a) Fuq jekk il-Komunità hijiex marbuta b’Marpol 73/78 bis-saħħa tad-dritt internazzjonali

37.

Kif osservaw il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat fis-sentenza Peralta li d-dispożizzjonijiet ta’ Marpol 73/78 m’għandhomx l-effett li jorbtu l-Komunità ( 20 ).

38.

Bħal fiż-żmien meta ngħatat dik is-sentenza, il-Komunità lanqas fil-preżent m’hija parti f’Marpol 73/78. Huwa paċifiku li, fil-prinċipju, il-legalità ta’ att komunitarju ma tiddependix mill-konformità tiegħu ma’ konvenzjoni internazzjonali li l-Komunità m’hijiex parti fiha ( 21 ).

39.

Kuntrarjarment għall-opinjoni ta’ Ċipru u tar-Renju Unit, lanqas ma jirriżulta mis-sentenza Poulsen u Diva Navigation ( 22 ) li l-Komunità hija awtomatikament marbuta bi kwalundwe regola tad-dritt internazzjonali. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-kompetenzi tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati fil-ħarsien tad-dritt internazzjonali, iżda jirriżulta mill-kummenti sussegwenti li din l-affermazzjoni tirreferi għad-dritt internazzjonali konswetudinarju ( 23 ). Madankollu, f’dan il-każ, xejn ma jindika li d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Marpol 73/78 jikkodifikaw id-dritt internazzjonali konswetudinarju.

40.

Min-naħa l-oħra, m’għandhiex tiġi eskluża a priori t-tieni ipoteżi invokata fis-sentenza Peralta, li skontha l-Komunità hija marbuta b’Marpol 73/78 minħabba t-trasferiment tal-kompetenzi preċedentement eżerċitati mill-Istati Membri fil-qasam ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni ( 24 ). Din l-ipoteżi sostnuta mir-rikorrenti tistrieħ fuq il-ġurisprudenza dwar in-natura vinkolanti tal-GATT qabel ma l-Komunità aderiet għalih ( 25 ). F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja ibbażat ruħha fuq numru ta’ kunsiderazzjonijiet.

41.

Il-GATT kien ftehim li kien diġà ġie konkluż mill-Istati Membri meta l-Komunità ġiet stabbilita, iżda, fiż-żmien tas-sentenza International Fruit Company, il-kompetenzi korrispondenti fil-qasam tal-politika kummerċjali kienu ġew trasferiti fl-intier tagħhom lill-Komunità. Għalhekk, il-Komunità biss setgħet taġixxi fl-oqsma koperti mill-GATT. Konsegwentement u bil-qbil kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-Istati l-oħra partijiet fil-GATT, il-Komunità ssostitiwiet lill-Istati Membri fil-qafas tal-GATT.

42.

B’differenza mill-każ tal-politika kummerċjali, f’din il-kawża il-Komunità m’għandhiex, bis-saħħa tat-Trattat innifsu, kompetenza esklużiva sabiex tistabbilixxi regoli dwar ir-rimi minn vapuri ta’ sustanzi li jniġġsu fil-baħar. Hija pjuttost kompetenza konkorrenti — li tirriżulta mill-Artikolu 80(2) KE dwar il-politika tat-trasport, jew mill-Artikolu 175 KE dwar il-politika fil-qasam tal-ambjent ( 26 ) —, jiġifieri, tibqa’ tal-Istati Membru sakemm u safejn ma tkunx ġiet eżerċitata mill-Komunità ( 27 ). Għalkemm il-Komunità eżerċitat din il-kompetenza l-iktar tard meta ġiet adottata id-Direttiva 2005/35, m’għandhux jiġi konkluż li b’hekk il-kompetenzi inkwistjoni tal-Istati Membri ġew trasferiti fl-intier tagħhom lill-Komunità, għaliex id-direttiva tistabbilixxi biss, skont l-Artikolu 1(2) tagħha, standards minimi li l-Istati Membru jistgħu jirrendu iktar rigorużi filwaqt li jħarsu d-dritt internazzjonali.

43.

Indipendentement minn jekk il-kompetenza tal-Komunità saritx esklużiva, hemm dubju dwar kemm tali trasferiment ta’ kompetenzi li jirriżulta mill-eżerċizzju ta’ dawn tal-aħħar huwiex suffiċjenti sabiex il-Komunità tkun marbuta bl-impenji internazzjonali tal-Istati Membri. Huwa veru li t-trasferiment ta’ kompetenzi fil-qasam tal-politika kummerċjali, li kienu inkwistjoni fil-kawża tal-GATT, kien previst espressament fit-Trattat. Għaldaqstant, is-sentenza Peralta tirreferi għal trasferiment “skont it-Trattat” ( 28 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, f’kawża analoga, li l-Komunità ma kinitx marbuta bil-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, iffirmata fi Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973 ( 29 ), minkejja li l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni kienet ġiet parzjalment armonizzata ( 30 ) mid-Direttiva 98/44/KE ( 31 ), eżaminata f’dik il-kawża.

44.

Barra minn hekk, ma ġiex sostnut li l-Komunità kienet is-suċċessur tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda Marpol 73/78 jew li tali suċċessjoni kellha l-approvazzjoni tal-partijiet kontraenti l-oħrajn, bħalma kien ġara fil-każ tal-GATT. Il-Komunità għandha biss l-istatus ta’ osservatur fl-IMO, li taħtha taqa’ Marpol 73/78.

45.

Għaldaqstant, il-Komunità ma tistax tkun marbuta b’Marpol 73/78 minħabba trasferiment ta’ kompetenzi mill-Istati Membri.

b) Fuq ir-referenza tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar għal Marpol 73/78

46.

Kif sostnut mill-parti l-kbira tal-partijiet fil-proċedura bil-miktub, Marpol 73/78 setgħet ġiet inkorporata fid-dritt Komunitarju bħala kriterju ta’ verifika mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

47.

Skont l-Artikolu 300(7) KE, kull akkordju li jsir taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu għandu jorbot lill-istituzzjonijiet tal-Komunità u lill-Istati Membri. Il-Konvenzjoni ġiet iffirmata mill-Komunità u wara approvata permezz tad-Deċiżjoni 98/392. Minn dan isegwi li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni issa jagħmlu parti integrali mis-sistema legali Komunitarja ( 32 ).

48.

L-akkordji internazzjonali konklużi mill-Komunità jieħdu preċedenza fuq it-testi tad-dritt Komunitarju sekondarju ( 33 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-validità ta’ atti tal-istituzzjonijiet tal-Komunità fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ tali akkordji. Madankollu, hija tissuġġetta dan l-istħarriġ tagħha għall-kundizzjoni li la n-natura u lanqas l-istruttura tal-imsemmija Konvenzjoni ma jipprekludu tali użu. F’kull każ, jekk individwi jkunu jridu jinvokawhom, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jridu jkunu, f’dak li jirrigwarda l-konvenut tagħhom, inkondizzjonati u suffiċjentement preċiżi ( 34 ).

49.

Fl-opinjoni tal-Gvern Franċiż u tal-Kunsill, li kienu sostnuti mill-Gvern Taljan, il-Gvern Spanjol u l-Gvern Żvediż kif ukoll mill-Parlament matul il-proċedura orali, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jipprekludu lil individwi milli jibbażaw ruħhom fuq il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

50.

Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja din is-sottomissjoni hija sorprendenti. Ta’ min isemmi b’mod partikolari s-sentenza Poulsen u Diva Navigation li kienet tikkonċerna l-kwistjoni jekk projbizzjoni tas-sajd stabbilita minn regolament tal-Komunità fuq is-sajd setgħetx tkun invokata fil-kuntest ta’ proċeduri penali kontra kaptan Daniż ta’ vapur irreġistrat fil-Panama. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar qabel ma din kienet daħlet fis-seħħ, bħala espressjoni tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, sabiex tikkonstata r-rabta esklużiva tal-vapur ma’ l-Istat tal-bandiera ( 35 ) u sabiex teskludi l-applikazzjoni tal-projbizzjoni tas-sajd għal dan il-vapur fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-ibħra territorjali ( 36 ). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet fil-prinċipju li l-individwi jistgħu jibbażaw ruħhom fuq regoli stabbiliti fil-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Fil-proċedura orali, ir-rikorrenti enfasizzaw ġustament li jkun kompletament inkomprensibbli jekk huma jiġu mċaħħda minn din il-possibbiltà wara d-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

51.

Lanqas il-ġurisprudenza sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma tindika xejn f’dan is-sens. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet ir-responsabbiltà tal-Istat tal-bandiera taħt id-dritt internazzjonali mill-Artikolu 94 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ( 37 ) u reċentement iddefiniet il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tas-Sitt Direttiva tal-VAT ( 38 ) fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni dwar id-drittijiet sovrani tal-Istati fid-diversi żoni tal-baħar ( 39 ). Dawn id-dispożizzjonijiet huma għal darb’oħra rilevanti f’dan il-każ.

52.

Madankollu, f’dawk il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja la analizzat in-natura u lanqas l-istruttura tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, u lanqas ma vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ humiex, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħhom, inkondizzjonati jew suffiċjentement preċiżi. Konsegwentement, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-oġġezzjonijiet magħmula kontra l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar f’dan il-każ.

53.

Il-Kunsill jidher li qed jibbaża ruħu essenzjalment fuq il-fatt li, safejn jaf hu, l-Istati terzi ma japplikawx il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar fil-liġi nazzjonali tagħhom. Huwa jsostni li, b’mod partikolari, il-qrati jevitaw b’mod ġenerali li jiddeċiedu fuq kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Anki kieku dan l-argument kien eżatt, dan ma jkunx neċessarjament ta’ ostaklu għal applikazzjoni fid-dritt Komunitarju ( 40 ). Għall-kuntrarju, il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar għandha tiġi analizzata.

54.

Fir-rigward tan-natura u l-istruttura tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, il-Kunsill jenfasizza, b’mod partikolari, li hija tirrigwarda problemi ta’ skala mondjali li għandhom jiġu rregolati fuq livell bilaterali u skont il-prinċipju ta’ reċiproċità. Il-konvenzjoni titratta wkoll kwistjonijiet territorjali u funzjonijiet li huma assenjati lill-Istati. Fl-aħħar nett, il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tipprovdi, dejjem skont il-Kunsill, diversi proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim li jagħtu ċerta flessibbiltà lill-Istati kontraenti.

55.

Fil-qosor, dan l-argument ifittex li japplika l-ġurisprudenza dwar in-natura partikolari tal-GATT u tal-Ftehim tal-WTO għall-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Madankollu, l-argument ta’ reċiproċità, b’mod partikolari, imur kontra n-natura ta’ “kostituzzjoni tal-baħar” tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, li ġiet affermata diversi drabi matul is-seduta. Skont ir-raba’ premessa tagħha, il-konvenzjoni tfittex li tistabbilixxi “ordni legali [oġġettiv] għall-ibħra u l-oċeani li [j]kun [j]iffaċilita l-komunikazzjoni internazzjonali, u li [j]ħeġġeġ l-użu paċifiku tal-ibħra u l-oċeani, l-utilizzazzjoni ekwitabbli u effiċjenti tar-riżorsi tagħhom, […]”.

56.

Ir-referenza għall-użu paċifiku hija diretta preċiżament ukoll għall-individwi involuti fit-trasport marittimu. Din hija enfasizzata mid-dispożizzjonijiet dwar in-navigazzjoni ċivili. Tradizzjonalment, din in-navigazzjoni hija fil-parti l-kbira operata minn persuni privati, li għandhom interess vitali li l-Istati jirrispettaw ir-regoli tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar dwar in-navigazzjoni marittima. Dan huwa minnu b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-passaġġ innoċenti, li fuqu ser nitkellem iktar ’il quddiem, imma huwa minnu wkoll, b’mod iktar ġenerali, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet dwar il-kompetenzi fir-rigward tat-tniġġis ikkawżat minn vapuri.

57.

Il-possibbiltajiet ta’ riżoluzzjonijiet ta’ tilwim previsti mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma jimpedixxux lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tirreferi għal dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni sabiex tivverifika l-legalità ta’ atti tad-dritt Komunitarju sekondarju. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jagħtux lil istituzzjonijiet oħrajn il-kompetenza esklużiva li jinterpretaw il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Għall-kuntrarju, il-libertà tal-Istati partijiet li jiftiehmu liberament bejniethom fuq il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim, li ngħatatilhom mill-Artikolu 280 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar u li ġiet enfasizzata mill-Kunsill, teskludi l-eżistenza ta’ kompetenzi esklużivi ( 41 ).

58.

Kuntrarjarment għal dak li ġie sostnut minn uħud mill-partijiet, il-“flessibbiltà” jew, iktar eżattament, il-possibbiltà li tintgħażel il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim assolutament m’hijiex indikazzjoni tal-flessibbiltà tad-dispożizzjonijiet l-oħrajn tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. La d-dispożizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni ta’ tilwim u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma jagħtu, b’mod ġenerali, lill-Istati partijiet flessibbiltà jew possibbiltà li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni.

59.

Għaldaqstant il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar hija kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tal-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet komunitarji. Konsegwentement, il-punt safejn l-individwi jistgħu jibbażaw ruħhom fuqha jirriżulta unikament mid-dispożizzjoni rilevanti nfisha. Jeħtieġ li din tkun, f’dak li jirrigwarda l-kontenut tagħha, inkondizzjonata u suffiċjentement preċiża.

60.

Din il-kawża ma tirrigwardax il-kompetenzi tal-Istati Membri biex jadottaw regoli applikabbli għall-vapuri li jtajru l-bandiera tagħhom. Għall-kuntrarju, l-ewwel domanda tikkonċerna d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35 dwar it-tniġġis kollu kkawżat minn vapuri fl-istretti, fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-ibħra miftuħa, indipendentement minn jekk huma jbaħħrux taħt bandiera Komunitarja jew le. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrikonoxxiet li l-kompetenza leġiżlattiva f’dawn iż-żoni, jiġifieri barra t-territorju tal-Istati Membri, hija determinata skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ( 42 ). Id-dispożizzjonijiet rilevanti għall-ewwel domanda huma l-Artikolu 87, l-Artikolu 89 u l-Artikolu 218(1), l-Artikolu 55, l-Artikolu 58 u l-Artikolu 211(5), kif ukoll l-Artikolu 42(1)(b) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

61.

L-Artikolu 87(1)(a) jiggarantixxi l-libertà ta’ navigazzjoni fl-ibħra miftuħa. L-Artikolu 89 jipprojbixxi fil-prinċipju lill-Istati milli jissoġġettaw kwalunkwe parti tal-ibħra miftuħa għas-sovranità tagħhom. Madankollu, meta vapur ikun jinsab volontarjament ġewwa port jew ġewwa terminal barra l-kosta, l-Istat tal-port jista’ jibda investigazzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 218(1). Meta dan ikun iġġustifikat mill-provi, l-Istat tal-port jista’ jibda proċeduri fir-rigward ta’ kull rimi magħmul mill-vapur’il barra mill-ilmijiet interni tiegħu, mill-baħar territorjali tiegħu jew miż-żona ekonomika esklużiva tiegħu. Il-kundizzjoni hija li r-rimi jkun sar bi ksur tar-regoli u standards internazzjonali applikabbli stabbiliti permezz tal-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew konferenza diplomatika ġenerali ( 43 ). Tali proċeduri jippreżupponu li l-Istat inkwistjoni jista’ jimponi penali għal rimi ta’ dan it-tip fl-ibħra miftuħa.

62.

Skont l-Artikolu 58(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, il-libertà ta’ navigazzjoni tapplika ukoll għaż-żona ekonomika esklużiva. Is-sovranità tal-Istat kostali fuq din iż-żona huwa funzjonali u limitat, skont l-Artikolu 55 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, għall-kompetenzi li tagħtih il-konvenzjoni ( 44 ). Skont l-Artikolu 211(5), l-Istati kostali jistgħu jadottaw fir-rigward taż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom, għal skopijiet ta’ infurzar kif imsemmi fis-Sezzjoni 6, liġijiet u regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis minn vapuri. Dawn għandhom ikunu konformi ma’ u jagħtu effett lir-regoli u l-istandards internazzjonali ġeneralment aċċettati stabbiliti permezz tal-organizzazzjoni internazzjonali kompetenti jew konferenza diplomatika ġenerali.

63.

L-istretti li jintużaw għan-navigazzjoni internazzjonali huma soġġetti, minħabba din il-funzjoni, għad-dispożizzjonijiet speċjali tal-Parti III tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Skont l-Artikolu 42(1)(b), l-Istati bi fruntieri ma’ stretti jistgħu jadottaw il-liġijiet u r-regolamenti dwar il-passaġġ tat-tranżitu mill-istrett li jirrigwardaw b’mod partikolari l-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis, billi jagħtu effett lir-regolamenti internazzjonali applikabbli fir-rigward tar-rimi ta’ żejt, skart ta’ żejt u sustanzi perikolużi oħrajn fl-istrett.

64.

Konsegwentement, jirriżulta b’mod ċar minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-Komunità tista’, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi trasferiti mill-Istati Membri, tistabbilixxi penali fil-każ ta’ rimi fiż-żoni marittimi inkwistjoni f’dan il-każ, meta r-rimi jikser ir-regoli internazzjonali ġeneralment aċċettati.

65.

Dawn id-dispożizzjonijiet m’humiex inkundizzjonati safejn huma jeħtieġu l-adozzjoni ta’ standards internazzjonali f’dan il-qasam. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li din il-kundizzjoni hija sodisfatta minn Marpol 73/78. Jirriżulta b’mod partikolari mit-tieni premessa u mill-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2005/35 li r-regoli internazzjonali ġeneralment aċċettati huma l-klawżoli ta’ Marpol 73/78. L-ebda waħda mill-partijiet ma ssostni li dawn il-klawżoli m’humiex suffiċjentement ċari u inkondizzjonati.

66.

Il-punt jekk id-dispożizzjonijiet inkwistjoni humiex direttament applikabbli u jekk — għaldaqstant — huma jagħtux drittijiet lill-individwi m’huwiex determinanti għar-risposta għat-talba għal deċiżjoni preliminari. Lanqas il-bażijiet legali tat-Trattat m’huma fil-prinċipju direttament applikabbli, fis-sens li l-individwi jistgħu jiksbu drittijiet jew konsegwenzi legali minnhom għall-benefiċċju tagħhom. Madankollu, l-individwi jistgħu jikkontestaw il-legalità tad-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja billi jikkontestaw il-bażi legali tagħhom ( 45 ). Din hija preċiżament is-sitwazzjoni f’dan il-każ: jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk il-Komunità għandhiex is-setgħa, bis-saħħa tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, li tadotta d-dispożizzjonijiet ikkontestati tad-Direttiva 2005/35.

67.

Madankollu, anke kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra li d-drittijiet tal-individwi huma kundizzjoni imperattiva għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq bħala kriterju għall-istħarriġ tal-legalità, ir-riżultat ma jkunx differenti. Fil-fatt, fis-sentenza Poulsen u Diva Navigation ( 46 ), hija rreferiet għal-libertà ta’ navigazzjoni stabbilita fl-Artikolu 87(1)(a) u fl-Artikolu 58(1) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Barra l-ibħra territorjali, il-Komunità tista’ taffettwa dawn id-drittijiet biss safejn il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tagħtiha kompetenza leġiżlattiva.

68.

Peress li, skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, id-dispożizzjonijiet li jimplimentaw Marpol 73/78 biss huma permessi barra l-ibħra territorjali, il-Komunità ma tistax tadotta dispożizzjonijiet dwar iż-żoni marittimi inkwistjoni li jaqgħu’il barra minn dan il-kuntest ( 47 ).

69.

Min-naħa l-oħra, l-opinjoni tal-Italja, li ssostni li, minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, regoli protettivi iktar rigorużi jistgħu jiġu adottati u applikati barra l-ibħra territorjali, m’hijiex konvinċenti. Ċertament, huwa veru li l-Istati għandhom jipproteġu l-ambjent marittimu, kif huwa indikat b’mod partikolari fl-Artikolu 192 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Madankollu, barra l-ibħra territorjali, din il-missjoni hija kkonkretizzata mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq li jagħtu effett lill-istandards internazzjonali komuni żviluppati skont l-Artikolu 211(1). Din ir-referenza għal standards komuni hija ġustifikata mill-fatt li miżuri unilaterali jistgħu jqiegħdu piżijiet eċċessivi fuq in-navigazzjoni internazzjonali. Dan huwa partikolarment il-każ fl-ibħra miftuħa, fejn huwa possibbli li jiġi immaġinat li numru kbir ta’ standards protettivi differenti japplikaw b’mod parallel.

70.

Konsegwentement, permezz tar-referenza għad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar konkluża mill-Komunità, Marpol 73/78 hija l-kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tad-Direttiva 2005/35 barra l-ibħra territorjali. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, id-dispożizzjonijiet li huma konformi ma’ Marpol 73/78 biss huma legali, jiġifieri dawk li jimplimentaw l-istandards protettivi stabbiliti fiha. Min-naħa l-oħra, ir-regoli li jmorru lil hinn minn Marpol 73/78 huma illegali f’dawn iż-żoni marittimi.

c) Fuq l-implimentazzjoni ta’ Marpol 73/78

71.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti b’mod partikolari jibbażaw l-eżami tad-Direttiva 2005/35 fid-dawl ta’ Marpol 73/78 fuq il-fatt li d-direttiva hija intiża sabiex tarmonizza l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni fl-Istati Membri. Jien ser neżamina din l-ipoteżi f’dan l-istadju tal-analiżi tiegħi sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tużax il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar bħala l-kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità tad-Direttiva.

72.

Kif jenfasizzaw ir-rikorrenti, kif ukoll il-Gvern Daniż, il-Gvern Grieg, il-Gvern Malti, il-Gvern Żvediż u l-Gvern Ċiprijott, numru ta’ fatturi jindikaw li d-Direttiva 2005/35 m’hijiex intiża biex tidderoga minn Marpol 73/78. Skont l-Artikolu 1(1) tagħha, l-għan tad-direttiva hu li l-istandards internazzjonali għal tniġġis ikkawżat minn vapuri jiġu inkorporati fid-dritt Komunitarju. Skont it-tieni premessa, dawn l-istandards jirriżultaw minn Marpol 73/78, li d-direttiva tirreferi għaliha fl-Artikolu 2(1) ( 48 ) fil-forma ta’ referenza dinamika. It-tielet premessa tindika li d-direttiva hija intiża sabiex tarmonizza l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni mill-Istati Membri. B’mod partikolari, skont il-ħmistax-il premessa ( 49 ), għandhom jiġu stabbiliti penali fil-każ ta’ ksur ta’ dawn l-istandards internazzjonali. Min-naħa l-oħra, mill-qari tat-test tad-Direttiva 2005/35 ma jidher li hemm l-ebda indikazzjoni espressa ta’ intenzjoni li ssir deroga minn Marpol 73/78.

73.

It-teżi li skontha l-Komunità hija marbuta minħabba l-implimentazzjoni ta’ impenji internazzjonali hija kkorroborata wkoll minn ġurisprudenza żviluppata f’dak li jirrigwarda l-GATT, Ċertament, fid-dawl tan-natura u tal-istruttura tagħhom, il-GATT u l-Ftehim tal-WTO m’humiex fil-prinċipju fost l-istandards li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ( 50 ). Madankollu, fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni li timplimenta obbligu partikolari assunt f’dan il-kuntest jew fil-każ li l-att Komunitarju jirreferi espressament għad-dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dawn il-ftehim, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att Komunitarju inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ dawn il-ftehim ( 51 ).

74.

Madankollu, din il-ġurisprudenza hija bbażata fuq il-premessa li l-GATT u l-Ftehim tal-WTO huma parti mid-dritt Komunitarju u għaldaqstant fil-prinċipju jorbtu lill-Komunità ( 52 ). Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-implimentazzjoni ta’ Marpol 73/78 mid-Direttiva 2005/35, l-ebda impenn ma ġie assunt mill-Komunità.

75.

Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja għall-inqas tat x’tifhem li d-Direttiva 98/44 kellha tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej ( 53 ), minkejja li kienu l-Istati Membri biss, u mhux il-Komunità, li kienu partijiet fiha ( 54 ). insostenn ta’ dan l-istħarriġ, hija indikat li hija kienet sostniet li d-direttiva toħloq obbligi għall-Istati Membri li l-eżekuzzjoni tagħhom tikser l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali, meta d-direttiva, skont it-termini tagħha stess, m’għandhiex taffettwa dawn l-obbligi ( 55 ).

76.

Madankollu ma jidhirx li hemm bażi legali għall-istħarriġ tad-dritt sekondarju fid-dawl tal-obbligi tal-Istati Membri taħt id-dritt internazzjonali li l-Komunità m’assumietx. Barra minn hekk, tali stħarriġ imur kontra l-konstatazzjoni magħmula fl-istess sentenza, li skontha l-Komunità m’hijiex marbuta bl-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri ( 56 ).

77.

Konsegwentement, il-Komunità tista’ fil-prinċipju timponi fuq l-Istati Membri miżuri li jmorru kontra l-obbligi tagħhom taħt id-dritt internazzjonali. Dan diġà ntwera bl-Artikolu 307 KE, li jirregola l-kunflitti bejn il-ftehim internazzjonali konklużi preċedentement u d-dritt Komunitarju. Anke jekk l-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw minn ftehim konklużi preċedentement m’humiex affettwati inizjalment minn kunflitti mad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom, madankollu, jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex itemmu dawn il-kunflitti ( 57 ). Fil-prinċipju l-Istati Membri ma jistgħux jinvokaw kontra d-dritt Komunitarju ftehim konklużi wara l-adeżjoni ( 58 ).

78.

Madankollu, kunflitt bejn id-dritt Komunitarju u l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri dejjem joħloq problemi u jista’ jippreġudika l-effett utli tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati tad-dritt Komunitarju u/jew tad-dritt internazzjonali. Għalhekk huwa raġonevoli u meħtieġ mill-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja li jsiru sforzi sabiex jiġu evitati l-kunflitti, b’mod partikolari fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. Dan japplika a fortiori meta l-għan tal-miżura Komunitarja kkonċernata jkun — bħal f’dan il-każ — li tarmonizza l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri.

79.

Madankollu, ma jistgħux jirriżultaw obbligi addizzjonali tal-Komunità minn ftehim tal-Istati Membri li hija m’adottatx. Għalhekk lanqas l-għan ta’ implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/35 ma jiġġustifika l-użu ta’ Marpol 73/78 bħala kriterju għad-determinazzjoni tal-legalità ta’ din id-direttiva.

2. Fuq il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 mad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar u ta’ Marpol 73/78

80.

L-ewwel domanda tikkonċerna l-kompatibbiltà tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 ma’ Marpol 73/78.

81.

L-ewwel nett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jistabbilixxi kriterji ta’ responsabbiltà ġenerali, applikabbli għal kulħadd, u jipprovdi b’mod partikolari għal responsabbiltà fil-każ ta’ negliġenza serja. Id-direttiva madankollu tillimita din ir-responsabbiltà fl-Artikolu 5(2), f’dak li jikkonċerna s-sid tal-vapur, il-kaptan jew l-ekwipaġġ meta jaġixxu taħt ir-responsabbiltà tal-kaptan, billi tirreferi espressament għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Marpol 73/78. Din il-limitazzjoni tapplika għal ċerti żoni marittimi, jiġifieri l-istretti, iż-żona ekonomika esklużiva u l-ibħra miftuħa. L-ewwel domanda tirrigwarda biss dawn iż-żoni, u mhux l-ibħra territorjali li jaqgħu taħt it-territorju tal-Istat kostali u li ser neżamina fil-kuntest tat-tieni u t-tielet domandi. Fir-realtà, din id-domanda testendi madankollu wkoll għall-validità tal-Artikolu 4, għaliex it-tħassir ta’ Artikolu 5(2) biss ma jiggarantixxix l-effett utli tar-regolamenti kkonċernati ta’ Marpol, iżda jnaqqsuh iktar.

82.

Ir-Regolament 9 tal-Anness I u r-Regolament 5 tal-Anness II ta’ Marpol 73/78 jipprojbixxu r-rimi. Madankollu, dawn il-projbizzjonijiet ma japplikawx meta japplikaw l-eċċezzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti 11 (Anness I) jew 6 (Anness II). Skont is-subparagrafu (b)(ii) ta’ dawn ir-regolamenti, il-projbizzjonijiet ma japplikawx għal rimi li jirriżulta minn ħsara li sseħħ lill-vapur jew lit-tagħmir tiegħu, ħlief fil-każ li s-sid jew il-kaptan aġixxew jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara.

83.

Meta jitqabbel biss il-kliem ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-Direttiva 2005/35, jiġu osservati żewġ differenzi essenzjali. L-ewwel nett, fil-kuntest ta’ Marpol 73/78, l-imġiba ta’ persuni oħra għajr is-sid jew il-kaptan tidher li hija kompletament irrilevanti fil-każ ta’ rimi marbut ma’ ħsara. Jidher li r-rimi huwa projbit biss jekk waħda minn dawn iż-żewġ persuni tkun aġixxiet b’intenzjoni, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4 tad-direttiva, kulħadd jista’ fil-prinċipju jkun responsabbli għar-rimi. It-tieni nett, il-kriterji tar-responsabbiltà personali skont l-Artikolu 4 tad-direttiva, jiġifieri l-intenzjoni, l-imprudenza jew in-negliġenza serja, ma jikkorrispondux, mill-kliem tagħhom, għall-kriterji ta’ Marpol 73/78.

a) Fuq ir-responsabbiltà ta’ persuni oħra għajr il-kaptan u s-sid

84.

Jekk l-interpretazzjoni tkun ibbażata fuq il-kliem tagħha biss, id-Direttiva 2005/35 tmur lil hinn mill-kuntest ta’ Marpol 73/78 meta hija tikkunsidra li, fil-każ ta’ ħsara, l-imġiba ta’ persuni oħra għajr il-kaptan jew is-sid tkun suffiċjenti sabiex tapplika l-projbizzjoni tar-rimi. Uħud mill-partijiet sostnew li huwa inkompatibbli mal-obbligi internazzjonali tal-Komunità li hija tipprovdi għal responsabbiltà ta’ dawn il-persuni oħra fil-każ ta’ rimi.

85.

Ċertament, jista’ jiġi kkunsidrat, kif jagħmel il-Parlament, li Marpol 73/78 ma tgħid xejn dwar il-persuni l-oħra. Madankollu, dan iservi biss sabiex jiġi evitat il-kunflitt ma’ Marpol 73/78. Il-Komunità xorta waħda tibqa’ marbuta bid-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar li jawtorizzaw biss, għall-persuni kollha u fiż-żoni marittimi inkwistjoni f’dan il-każ, regoli li jimplimentaw l-istandards protettivi ta’ Marpol 73/78. Għaldaqstant, il-Komunità m’hijiex libera li tistabbilixxi regoli kif jidhrilha għal każijiet oħra f’dawn iż-żoni, iżda hija prekluża milli tagħmel dan.

86.

Madankollu, jekk wieħed iżomm strettament mal-kliem ta’ Marpol 73/78, dan jista’ jwassal għal riżultati assurdi, kif jenfasizzaw ġustament b’mod partikolari d-Danimarka, Franza, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Anke rimi dovut għal ħsara kkawżata b’intenzjoni lill-vapur jew lit-tagħmir tiegħu jkun awtorizzat sakemm la l-kaptan u lanqas is-sid ma jkunu aġixxew b’intenzjoni jew b’mod imprudenti.

87.

Konsegwentement, Marpol 73/78 m’għandhiex tiġi interpretata biss abbażi tal-kliem tagħha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-għanijiet u l-funzjoni tagħha fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. L-għan prinċipali ta’ Marpol 73/78 huwa, skont ir-raba’ premessa tagħha, li jitwaqqaf it-tniġġis li jsir b’intenzjoni u li jitnaqqas kemm jista’ jkun ir-rimi aċċidentali.

88.

L-eċċezzjonijiet stabbiliti fir-Regolament 11(b)(ii) tal-Anness I u fir-Regolament 6(b)(ii) tal-Anness II ta’ Marpol 73/78 huma intiżi l-ewwel nett sabiex jiddefinixxu l-grad ta’ diliġenza li għandha tiġi osservata sabiex jiġi evitat it-tniġġis marbut mal-ħsarat. Kieku kull Stat kellu jiddefinixxi l-grad ta’ ħtija tiegħu u kieku dawn l-istandards kellhom barra minn hekk japplikaw b’mod kumulattiv fl-ibħra miftuħa, ikun diffiċli għall-persuni involuti fin-navigazzjoni marittima sabiex jevalwaw ir-responsabbiltà tagħhom.

89.

Min-naħa l-oħra, ma jista’ jiġi identifikat l-ebda għan ta’ Marpol 73/78 li jimponi jew almenu jispjega għaliex il-kaptan jew is-sid biss għandhom jevitaw ir-rimi aċċidentali. Ċertament, dawn iż-żewġ persuni jassumu r-responsabbiltà għall-vapur kollu kemm hu. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż b’mod ġenerali li persuni oħra jassumu responsabbiltà huma wkoll u jikkawżaw danni li jistgħu jwasslu għal rimi.

90.

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar huma intiżi sabiex jippermettu protezzjoni effettiva tal-ambjent marittimu. Din tista’ tintlaħaq bis-saħħa ta’ standards internazzjonali komuni, sabiex jiġu definiti b’mod prevedibbli l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu imposti fuq in-navigazzjoni marittima. M’huwiex neċessarju sabiex dan isir li r-responsabbiltà tkun limitata għall-kaptan jew għas-sid.

91.

Barra minn hekk, l-esklużjoni ta’ kull responsabbiltà ta’ persuni oħra twassal għal riżultat totalment differenti minn dak tat-tieni paragrafu tal-Artikolu III(4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara mit-Tniġġis biż-Żejt ( 59 ), fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mill-Protokoll tal-1992 ( 60 ). B’kuntrast ma’ Marpol 73/78, din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament li s-sid biss fil-prinċipju huwa responsabbli ċivilment, u mhux persuni oħra bħalma huma membri tal-ekwipaġġ, in-noleġġatur jew persuni oħra li jipprovdu servizzi għall-vapur. Dawn il-persuni huma madankollu responsabbli meta jaġixxu b’intenzjoni jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara.

92.

Dan juri żewġ affarijiet. Minn naħa, ir-responsabbiltà ta’ ċerti persuni għal tniġġis miż-żejt hija eskluża biss jekk din l-esklużjoni tkun espressament prevista u, min-naħa l-oħra, ir-responsabbiltà fil-każ ta’ mġiba b’intenzjoni jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara m’hijiex limitata għas-sid jew għall-kaptan.

93.

Konsegwentement ir-Regolament 11(b)(ii) tal-Anness I u r-Regolament 6(b)(ii) tal-Anness II għandhom jinftiehmu fis-sens li l-kaptan u s-sid huma msemmija biss bħala eżempju. Jekk, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, persuni oħra huma responsabbli wkoll għal rimi kkawżat minn ħsarat, l-istess kundizzjonijiet japplikaw għalihom kif japplikaw għall-kaptan u għas-sid.

94.

Konsegwentement, id-Direttiva 2005/35 la tikser Marpol 73/78 u lanqas il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar meta hija tattribbwixxi r-responsabbiltà għal rimi marbut ma’ ħsarat lil persuni oħra għajr il-kaptan u s-sid.

b) Fuq il-kriterji ta’ responsabbiltà personali

95.

Huwa veru li l-effett tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 jidher li huwa li persuni oħra għajr is-sid, il-kaptan jew l-ekwipaġġ meta jaġixxi taħt ir-responsabbiltà tal-kaptan m’humiex suġġetti għall-kriterju li jikkonsisti f’jekk huma aġixxewx jew bil-għan li jagħmlu l-ħsara, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara, bil-konsegwenza li seħħ rimi. Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva, ir-responsabbiltà tagħhom hija determinata minn jekk huma kkawżawx rimi b’intenzjoni, b’mod imprudenti jew b’riżultat ta’ negliġenza serja. Fl-opinjoni tar-rikorrenti u ta’ uħud mill-Istati Membri, dan il-kriterju ta’ responsabbiltà huwa iktar rigoruż minn dak ta’ Marpol 73/78.

96.

Kif diġà ntwera ( 61 ), il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tipprojbixxi lill-Komunità milli tistabbilixxi, fiż-żoni marittimi kkonċernati, kriterji ta’ responsabbiltà iktar rigorużi minn dawk previsti f’Marpol 73/78. Dan japplika b’mod partikolari għall-persuni l-oħra għajr il-kaptan u is-sid. Dawn tal-aħħar għandhom responsabbiltà partikolari sabiex jevitaw ħsarat lill-vapur li jistgħu jirriżultaw f’rimi ta’ sustanzi li jniġġsu. Jekk huma jkunu responsabbli biss meta jaġixxu b’intenzjoni jew b’mod imprudenti u konsapevoli tal-probabbiltà ta’ ħsara, persuni oħra ma jistgħux jiġu soġġetti għal kriterji ta’ reponsabbiltà iktar rigorużi.

i) Fuq il-kunċett ta’ imprudenza fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35

97.

Ir-responsabbiltà għal imġiba imprudenti, prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, tista’ tkun iktar rigoruża minn Marpol 73/78, peress li l-konsapevolezza tal-probabbiltà ta’ ħsara m’hijiex imsemmija fl-Artikolu 4. Barra minn hekk, il-verżjonijiet lingwistiċi tad-direttiva ma jaqblux f’dak li jirrigwarda dan il-kunċett. B’mod partikolari, il-verżjoni Griega, il-verżjoni Maltija u l-verżjoni Portugiża, għall-inqas, jitkellmu manifestament dwar negliġenza sempliċi ( 62 ), jiġifieri ħtija ta’ grad iktar baxx min-negliġenza serja. Minbarra dan, it-termini użati sabiex jesprimu l-imprudenza m’humiex dejjem definiti b’mod preċiż fid-diversi sistemi legali. Minkejja d-differenzi bejn il-verżjonijiet lingwistiċi, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 għandu madankollu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Istati Membri kollha fuq il-bażi tal-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni ( 63 ).

98.

Peress li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jadotta t-terminoloġija uzata f’Marpol 73/78, almenu fil-verżjonijiet lingwistiċi Ingliża, Franċiża u Spanjola, jiġifieri fit-tliet lingwi Komunitarji li fihom Marpol 73/78 hija vinkolanti, għandu jitqies li l-kunċett ta’ imprudenza huwa intiż li jinkorpora l-kriterju ta’ responsabbiltà ta’ Marpol 73/78 għal imġiba mhux b’intenzjoni.

99.

Din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni hija wkoll konformi mal-obbligu li t-testi tad-dritt Komunitarju sekondarju jiġu interpretati, safejn ikun possibbli, f’konformità mal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità ( 64 ). Jekk id-direttiva tuża kunċetti oħrajn f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, dawn għandhom xorta waħda jiġu interpretati b’dan il-mod.

100.

Fil-kuntest ta’ Marpol 73/78, ir-responsabbiltà għal rimi li ma sarx b’intenzjoni hija kkaratterizzata minn żewġ kriterji, jiġifieri, minn naħa, l-konsapevolezza tal-probabbiltà ta’ ħsara u, min-naħa l-oħra, l-imprudenza. Il-kundizzjoni ta’ konsapevolezza tindika kjarament li l-persuna li wettqet il-ksur kellha tkun konxja tar-riskji li jirriżultaw mill-imġiba tagħha, kif inhu ġeneralment il-każ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ responsabbiltà tal-imprudenza (“recklessly”) fis-sistemi tal-common law. Il-fatt li kien imissu kien jaf b’dawn ir-riskji m’huwiex suffiċjenti ( 65 ).

101.

Konsegwentement, il-kunċett ta’ imprudenza fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 għandu jiġi interpretat fis-sens li mġiba imprudenti tippreżupponi l-konsapevolezza li probabbilment ser ikun hemm ħsara. Interpretat b’dan il-mod, huwa ma jmurx kontra Marpol 73/78 jew il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

ii) Fuq il-kunċett ta’ negliġenza serja fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35

102.

Tista’ madankollu tirriżulta inkonsistenza ma’ Marpol 73/78 minħabba l-fatt li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jipprovdi għal responsabbiltà fil-każ ta’ negliġenza serja.

103.

Il-kunċett ta’ negliġenza serja jista’ jkollu tifsiriet sinjifikattivament differenti fis-sistemi legali tad-diversi Stati Membri ( 66 ). Jien ma nafx li hemm xi definizzjoni fid-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat kriterji għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “traskuraġni ovvja” fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 239 (1) tal-Kodiċi Doganali ( 67 ). Dawn huma l-komplessità tad-dispożizzjonijiet li b’riżultat tan-nuqqas ta’ konformità magħhom ġie inkors dejn doganali, kif ukoll l-esperjenza professjonali u d-diliġenza tan-negozjant ( 68 ).

104.

L-esperjenza professjonali tan-negozjant hija kriterju suġġettiv, filwaqt li d-diliġenza tiddeskrivi l-kriterju li n-negozjanti kollha għandhom jirrispettaw ( 69 ). Konsegwentement, in-negliġenza serja tirreferi għal ksur partikolarment serju tal-obbligi ta’ diliġenza. Min-naħa l-oħra, il-konsapevolezza li probabbilment ser ikun hemm ħsara m’hijiex assolutament neċessarja fil-kunstest tan-negliġenza serja. Interpretat b’dan il-mod, dan il-kriterju ta’ responsabbiltà jkun iktar rigoruż minn Marpol 73/78.

105.

Għandu jitqies li din l-interpretazzjoni, fis-sens ta’ kriterju rigoruż, hija konformi mal-għanijiet tal-leġiżlatur meta adotta d-Direttiva 2005/35. Peress li l-leġiżlatur żied in-negliġenza serja maż-żewġ kriterji ta’ responsabbiltà msemmija f’Marpol 73/78, huwa ried joħloq bażi oħra tar-responsabbiltà ( 70 ).

106.

Il-ħolqien ta’ kriterju iktar rigoruż huwa wkoll ikkonfermat mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà stabbilita fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35, li tirreferi għal Marpol 73/78. Din l-eżenzjoni għandha effett prattiku biss jekk il-persuni kkonċernati huma fil-prinċipju soġġetti għal kriterji ta’ responsabbiltà differenti u iktar rigorużi minn dawk stabbiliti minn Marpol 73/78.

107.

Madankollu, it-testi tad-dritt Komunitarju sekondarju għandhom jiġu interpretati, safejn ikun possibbli, f’konformità mal-ftehim internazzjonali konklużi mill-Komunità. Fil-fatt, skont l-Artikolu 300(7)KE, dawn il-ftehim għandhom jorbtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità. Id-dritt sekondarju ma jistax jiksirhom, billi huma jipprevalu fuq id-dritt sekondarju ( 71 ).

108.

Konsegwentement, l-interpretazzjoni konformi mad-dritt internazzjonali għandha tipprevali fuq il-metodi l-oħra ta’ interpretazzjoni. Dan l-obbligu huwa limitat biss mir-regoli u l-prinċipji li jipprevalu fuq l-obbligi tal-Komunità taħt id-dritt internazzjonali. Dawn jinkludu, per eżempju, il-prinċipji ġenerali tad-dritt u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, interpretazzjoni contra legem hija eskluża ( 72 ).

109.

F’dan is-sens, il-kunċett ta’ negliġenza serja jista’ wkoll jiġi interpretat restrittivament ( 73 ) b’mod li ma jmurx lil hinn mill-kuntest ta’ Marpol 73/78. Kif juri studju li sar mid-Dipartiment ta’ Riċerka u Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, imġiba imprudenti bil-konsapevolezza li probabbilment ser ikun hemm ħsara, kif teħtieġ Marpol 73/78, hija kkunsidrata f’numru ta’ sistemi legali bħala forma ta’ negliġenza serja, li hija l-kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit mid-Direttiva 2005/35. Fil-Ġermanja, wieħed probabbilment jitkellem dwar negliġenza serja bil-konsapevolezza (“bewusste grobe Fahrlässigkeit”) ( 74 ). Għaldaqstant, il-ksur partikolarment sinjifikattiv tal-obbligu ta’ diliġenza, li jikkaratterizza n-negliġenza serja, jista’ jkun limitat għal imġiba imprudenti u konsapevoli tal-probabbiltà ta’ ħsara, fis-sens tar-Regolament 11(b)(ii) tal-Anness I u tar-Regolament 6(b)(ii) tal-Anness II ta’ Marpol 73/78.

110.

Ċertament, din l-interpretazzjoni ma teżawrixxix it-tifsira tal-kliem tad-direttiva, għaliex il-konsapevolezza tal-probabbiltà ta’ ħsara m’hijiex normalment neċessarja sabiex ikun hemm negliġenza serja. Madankollu, hija tibqa’, f’kull każ, fl-ambitu tal-kliem tad-direttiva. Barra minn hekk, il-portata tan-negliġenza serja tista’ tiġi stabbilita b’mod ħafna iktar preċiż, peress li ċ-ċirkustanzi’l barra mill-kontroll tal-persuna li kkawżat il-ħsara jkollhom importanza nettament iżgħar meta mqabbla maċ-ċirkustanza suġġettiva tal-konsapevolezza.

111.

Jekk wieħed jimxi ma’ din l-interpretazzjoni, kif meħtieġ fid-dawl tal-obbligi internazzjonali tal-Komunità, id-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 ma jmorrux lil hinn mill-qafas stabbilit minn Marpol 73/78 u konsegwentement ma jmorrux kontra l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar meta jiġu applikati għall-atti mwettqa fl-istretti, fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-ibħra miftuħa.

112.

Konsegwentement, mill-eżami tal-ewwel domanda preliminari ma jirriżulta xejn li jista’ jqiegħed fid-dubju l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35.

C — Fuq it-tieni u t-tielet domandi — ir-responsabbiltà fl-ibħra territorjali

113.

It-tieni u t-tielet domandi jikkonċernaw il-kriterju ta’ responsabbiltà ta’ negliġenza serja fl-ibħra territorjali u għandhom għaldaqstant jiġu ttrattati flimkien.

114.

Huma jirriżultaw mill-fatt li skont l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2005/35, il-persuni kollha, jiġifieri s-sid, il-kaptan u l-ekwipagg ukoll, huma soġġetti fl-ibħra territorjali għall-kriterju ta’ responsabbiltà tan-negliġenza serja. Fil-fatt, l-eċċezzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2005/35 japplikaw biss għaż-żoni msemmija fl-Artikolu 3(1)(ċ), (d) u (e), jiġifieri l-istretti, iż-żona ekonomika esklużiva u l-ibħra miftuħa, u mhux fl-ibħra territorjali li huma msemmija fis-subparagrafu (b).

115.

Dawn id-domandi jiġu riżolti kieku l-kunċett ta’ negliġenza serja kellu għall-atti mwettqa fl-ibħra territorjali l-istess kontenut li għandu għall-atti mwettqa fl-istretti, fiż-żona ekonomika esklużiva u fl-ibħra miftuħa. Fil-fatt, f’dan il-każ, rimi li jirriżulta minn negliġenza serja jippre\upponi, skont il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, imġiba imprudenti bil-konsapevolezza ta’ probabbiltà ta’ ħsara. Din l-interpretazzjoni tiggarantixxi l-interpretazzjoni uniformi tal-kunċett ta’ negliġenza serja fil-kuntest tad-Direttiva 2005/35 u fl-istess ħin teskludi kull kunflitt ma’ Marpol 73/78.

116.

L-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ negliġenza serja barra l-ibħra territorjali madankollu tirriżulta sempliċement mill-isforz sabiex jiġi evitat il-ksur min-naħa tal-Komunità tal-obbligi internazzjonali tagħha. Min-naħa l-oħra, il-kliem, l-istruttura u l-indizji li joħorġu mill-proċess leġiżlattiv iħeġġu sabiex in-negliġenza serja tiġi definita b’mod iktar wiesa’ ( 75 ), jiġifieri bħala ksur serju tal-obbligi ta’ diliġenza, mingħajr ma tkun neċessarja l-konsapevolezza tal-probabbiltà ta’ ħsara.

117.

Konsegwentement, it-traspożizzjoni ta’ din l-interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ negliġenza serja għall-ibħra territorjali tista’ tkun iġġustifikata biss jekk hija tkun meħteġa minħabba l-obbligi internazzjonali tal-Komunità.

118.

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jistabbilixxi li s-sovranità tal-Istati kostali testendi sal-baħar territorjali (paragrafu 1) u li għandha tiġi eżerċitata bla ħsara għall-konvenzjoni u għar-regoli l-oħrajn tad-dritt internazzjonali (paragrafu 3). Skont l-Artikolu 211(4), l-Istati kostali jistgħu, fl-eżerċizzju tas-sovranità tagħhom fuq il-baħar territorjali tagħhom, jadottaw liġijiet u regolamenti għall-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tal-ambjent marittimu minn vapuri barranin. Huwa speċifikat li dan japplika wkoll għal vapuri li jeżerċitaw id-dritt tal-passaġġ innoċenti. Dawn il-liġijiet u regolamenti m’għandhomx, skont il-Parti II, Sezzjoni 3, ifixklu l-passaġġ innoċenti tal-vapuri barranin. Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-ibħra’l barra mill-baħar territorjali, m’hemm l-ebda referenza għall-istandards internazzjonali ġeneralment aċċettati.

119.

Ir-rikorrenti, Malta, il-Greċja u Ċipru jikkunsidraw li r-responsabbiltà għan-negliġenza serja tikser id-dritt tal-passaġġ innoċenti. Huma jibbażaw ruħhom, b’mod partikolari, fuq l-Artikolu 19(2)(h) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Skont din id-dispożizzjoni, passaġġ ma jibqax innoċenti meta l-vapur jikkawża t-tniġġis intiż [bil-ħsieb] u serju kontra din il-konvenzjoni. Dan jeskludi r-responsabbiltà għan-negliġenza serja.

120.

Madankollu, dan l-argument ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li dispożizzjonijiet relattivi għall-protezzjoni tal-ambjent huma permessi wkoll fil-kuntest tal-passaġġ innoċenti. Fil-fatt, kif jenfasizzaw per eżempju d-Danimarka u l-Estonja, l-Artikolu 21(1)(f) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jindika b’mod ċar li l-Istat kostali jista’ jadotta, b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjoni u r-regoli l-oħrajn tad-dritt internazzjonali, liġijiet u regolamenti li jirrigwardaw il-passaġġ innoċenti fil-baħar territorjali tiegħu, fir-rigward tal-preservazzjoni tal-ambjent tal-Istat kostali u l-prevenzjoni, it-tnaqqis u l-kontroll tat-tniġġis tiegħu. Skont l-Artikolu 21(4), il-vapuri barranin għandhom jikkonformaw ruħhom ma’ dawn il-liġijiet u r-regolament matul il-passaġġ innoċenti. Hawnhekk ukoll, l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali ġeneralment aċċettati m’hijiex prevista fil-prinċipju. Skont l-Artikolu 21(2), dawn japplikaw biss fir-rigward tad-disinn, tal-kostruzzjoni jew tal-forniment b’persunal jew b’tagħmir tal-vapuri barranin.

121.

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li jiġi eżaminat safejn jestendu l-limiti ta’ din il-kompetenza leġiżlattiva tal-Istati kostali. Huwa possibbli li din ma tkoprix dispożizzjonijiet għall-protezzjoni tal-ambjent li jfixklu l-passaġġ totalment. Is-sovranità tal-Istat kostali tista’ wkoll ma testendix għall-applikazzjoni ta’ penali fuq vapuri fil-baħar. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 madankollu ma jmurx daqshekk’il bogħod u, b’mod partikolari, ma jipprojbixxix il-passaġġ u ma jimponix ċerti miżuri ta’ infurzar fir-rigward ta’ vapuri intranżitu. Għall-kuntrarju, l-Istati Membri għandhom jipprojbixxu biss ċerti atti li m’humiex neċessarji għall-passaġġ. F’dan ir-rigward, il-kriterju ta’ diliġenza relattivament baxx ta’ Marpol 73/78 ġie kemmxejn mgħolli. Dan għandu jkun possibbli abbażi tar-regoli li jirrigwardaw il-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis skont l-Artikolu 21(1)(f) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar.

122.

Kuntrarjament għal dak li jsostni Ċipru, ir-referenza għar-regoli l-oħra tad-dritt internazzjonali fl-Artikolu 2(3) u fl-Artikolu 21(1)(f) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma tfissirx li l-Komunità hija marbuta b’Marpol 73/78 fl-ibħra territorjali. Peress li l-Komunità m’hijiex parti f’din il-konvenzjoni u peress li l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma tagħmilx referenza għal Marpol 73/78 fir-rigward tal-ibħra territorjali, hija ma tinkludix regoli oħra tad-dritt internazzjonali fir-rigward tal-Komunità ( 76 ).

123.

Għaldaqstant, l-Estonja, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Iżvezja, ir-Renju Unit, il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni ġustament isostnu li l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ma tirrestrinġix il-kompetenza leġiżlattiva fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent fl-ibħra territorjali għall-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali ġeneralment aċċettati, u b’mod partikolari għall-implimentazzjoni ta’ Marpol 73/78, b’kuntrast ma’ dak li jiġri fir-rigward taż-żoni marittimi eżaminati fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda. Din il-konklużjoni tirriżulta diġà mill-fatt li l-ibħra territorjali jaqgħu taħt it-territorju nazzjonali tal-Istat kostali u li dan fil-prinċipju m’għandux bżonn li l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tagħtih kompetenza leġiżlattiva fuq dan it-territorju.

124.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti, Malta, il-Greċja u Ċipru jsostnu li Marpol 73/78 tipprekludi wkoll lill-Istati partijiet f’din il-konvenzjoni milli jadottaw dispożizzjonijiet iktar rigorużi fl-ibħra territorjali. Huma jsostnu li Marpol 73/78 hija kompromess eżawrjenti fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tniġġis li jirriżulta minn rimi mill-vapuri. Għaldaqstant, dawn il-partijiet iqisu manifestament li Marpol 73/78 tawtorizza r-rimi mhux projbit mill-konvenzjoni.

125.

Madankollu, skont it-teżi sostnuta minni ( 77 ), din is-sottomissjoni ma tqiegħedx fid-dubju l-validità tad-Direttiva 2005/35, għas-sempliċi raġuni li, skont din it-teżi, Marpol 73/78 ma torbotx lill-Komunità fin-nuqqas ta’ referenza li tinsab fil-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Huwa għalhekk sussidjarjament biss, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tasal għal konklużjoni oħra, billi per eżempju tibbaża ruħha fuq is-sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill, li jien se neżamina jekk Marpol 73/78 teħtieġx li l-interpretazzjoni restrittiva applikata għall-atti mwettqa barra l-ibħra territorjali tkun applikata ukoll għall-ibħra territorjali.

126.

It-test ta’ Marpol 73/78 ma jidhirx li huwa intiż wkoll sabiex jirregola b’mod eżawrjenti r-rimi pprojbit minn vapuri ġewwa l-ibħra territorjali. Marpol 73/78 teżiġi li ċertu rimi jkun ipprojbit u investigat u li jittieħdu l-proċeduri kriminali relattivi. Id-dispożizzjonijiet rilevanti jinsabu fl-Artikoli 1, 4 u 6 tal-Konvenzjoni, kif ukoll fir-Regolament 9 tal-Anness I u fir-Regolament 5 tal-Anness II. Kif ġie spjegat fid-digriet tar-rinviju, kif ukoll mir-rikorrenti, minn Malta u minn Ċipru, bis-saħħa tal-Artikolu 14(1) il-partijiet fil-konvenzjoni huma marbutin bl-Annessi I u II fl-intier tagħhom.

127.

Dawn id-dispożizzjonijiet jiddefinixxu standards minimi, f’dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet protettivi kontra rimi ta’ sustanzi noċivi minn vapuri fil-baħar, li jorbtu lill-Istati partijiet f’Marpol 73/78. Kif diġà ntwera, dawn l-istandards minimi jsiru, minħabba li huma magħqudin mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, l-uniċi standards protettivi legali fiż-żona ekonomika esklużiva, fl-istretti u fl-ibħra miftuħa.

128.

Madankollu, fost id-dispożizzjonijiet ta’ Marpol 73/78 iċċitati iktar ’il fuq, teżisti waħda biss, jiġifieri l-projbizzjoni ta’ rimi ta’ żejt stabbilita mir-Regolament 9 tal-Anness I, li forsi tista’ tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni espressa ta’ ċertu rimi. Fil-fatt, fiha huwa indikat li r-rimi kollu huwa projbit, “ħlief meta l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin huma sodisfatti”. Dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw ir-rimi ta’ ammonti żgħar ta’ żejt matul in-navigazzjoni. Dawn lanqas m’huma pprojbiti mid-Direttiva 2005/35 peress li l-Artikolu 5(1) jinkorpora din l-eċċezzjoni b’mod sħiħ. Għalhekk f’dan il-każ m’hemmx għalfejn jiġi deċiż jekk Marpol 73/78 tawtorizzax effettivament dan ir-rimi.

129.

Il-kriterju ta’ responsabbiltà tar-Regolament 11(b)(ii) tal-Anness I ta’ Marpol 73/78 min-naħa l-oħra għandu funzjoni kompletament differenti, mill-perspettiva tat-teknika leġiżlattiva, mill-eċċezzjoni stabbilita fir-Regolament 9. Fil-fatt, meta s-sid jew il-kaptan m’aġixxewx jew bil-għan li jagħmlu ħsara, jew b’mod imprudenti u konsapevoli li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara, ir-Regolament 9 ma japplikax. L-istess japplika fir-rigward tar-Regolament 5 tal-Anness II u tar-Regolament 6(b)(ii) meħuda flimkien. Konsegwentement, f’dawn iċ-ċirkustanzi Marpol 73/78 ma fiha l-ebda dispożizzjoni applikabbli għal rimi marbut ma’ ħsarat. In-nuqqas ta’ regola ma tistax normalment tiġi interpretata bħala awtorizzazzjoni.

130.

Għalhekk, għalkemm ma tirriżulta ebda awtorizzazzjoni mit-test ta’ Marpol 73/78, huwa min-naħa l-oħra jinkludi fatturi li jindikaw li regoli iktar rigorużi huma permessi f’ċerti cirkustanżi. L-Artikolu 9(2), b’mod partikolari, jikkonstata espressament li Marpol 73/78 ma tistax tippreġudika l-ġurisdizzjoni tal-Istati kostali, kif definita fil-kuntest tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar. Issa kif diġà ntwera, il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tawtorizza dispożizzjonijiet prottetivi iktar rigorużi fl-ibħra territorjali.

131.

Barra minn hekk, it-tieni premessa tal-preambolu ta’ Marpol tirrikonoxxi li l-iskariki, b’mod partikolari b’negliġenza jew aċċidentali, jikkostitwixxu sors serju ta’ tniġġis. Konsegwentement ikun sorprendenti li Marpol 73/78 teżenta dawn il-forom ta’ rimi fiċ-ċirkustanzi kollha.

132.

Dan m’huwiex prekluż mill-portata universali fis-sens tal-ħames premessa tal-preambolu, li ġiet enfasizzata mir-rikorrenti. Din tirreferi biss għas-sustanzi koperti, jiġifieri għall-ikkompletar tar-regoli dwar it-tniġġis minn żejt permezz ta’ regoli dwar rimi ta’ sustanzi kimiċi. Min-naħa l-oħra, minn din il-premessa ma jistax jiġi dedott li l-kriterju ta’ responsabbiltà għandu jiġi applikat b’mod eżawrjenti u universali.

133.

Għaldaqstant, wieħed ikun qed imur’il bogħod wisq jekk jippretendi, kif tagħmel il-Ġreċja, li dispożizzjonijiet prottetivi iktar rigorużi huma possibbli biss meta Marpol 73/78 tipprovdi għalihom espressament. Għalkemm l-Istati partijiet ma setgħux jaqblu fuq tali regola iktar rigoruża, kif isostnu l-Ġreċja u r-rikorrenti, minn dan bl-ebda mod ma jirriżulta li permezz ta’ Marpol 73/78 huma adottaw standards protettivi eżawrjenti għaż-żoni kollha tal-baħar.

134.

Għalkemm, skont is-sottomissjonijiet tar-rikorrenti, proposta tal-Kanada sabiex tiddaħħal f’Marpol 73/78 awtorizzazzjoni għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet iktar rigorużi kienet miċħuda dak iż-żmien, il-Kummissjoni ġustament tosserva li x-xogħol preparatorju ta’ Marpol 73/78 ippreżentat mir-rikorrenti nfushom minflok jagħti x’jifhem li l-kwistjoni ta’ standards prottettivi iktar rigorużi kellha, fl-opinjoni ta’ diversi parteċipanti fin-negozjati, tiġi rregolata mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar ( 78 ).

135.

Safejn id-diskussjonijiet kienu jirrigwardaw standards iktar rigorużi, dak li kien jinteressa lill-Istati matul in-negozjati kien li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu sodisfatti mill-vapuri skont Marpol 73/78 ma jkunux jistgħu jiġu msaħħa unilateralment. Illum dan huwa ggarantit għall-ibħra territorjali permezz ta’ referenza fl-Artikolu 21(2) tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar għall-istandards internazzjonali dwar il-vapuri, jiġifieri, b’mod partikolari, Marpol 73/78 ( 79 ). Min-naħa l-oħra, m’hemm ebda referenza bħal din fir-rigward tal-kriterju ta’ responsabbiltà.

136.

Konsegwentement, ix-xogħol preparatorju ta’ Marpol 73/78 jindika li Marpol 73/78 ma stabbilietx dispożizzjonijiet eżawrjenti. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li l-kompetenzi tal-Istati kostali jirriżultaw mill-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar li ma tagħmilx lil Marpol 73/78 vinkolanti fir-rigward tal-ibħra territorjali.

137.

Konsegwentement, la l-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar u lanqas Marpol 73/78 ma jeħtieġu, f’dak li jirrigwarda l-ibħra territorjali, interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ negliġenza serja skont il-kriterju ta’ responsabbiltà taħt ir-Regolament 11(b)(ii) tal-Anness I u tar-Regolament 6(b)(ii) tal-Anness II ta’ Marpol 73/78.

138.

Fil-qosor, għandu jiġi kkonstatat li minn eżami tat-tieni u t-tielet domandi preliminari ma rriżulta l-ebda fattur li jista’ jqiegħed fid-dubju l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35.

D — Fuq ir-raba’ domanda — il-prinċipju ta’ ċertezza legali

139.

Bir-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq issir taf jekk l-użu tal-espressjoni “negliġenza serja” fl-Artikolu 4 tad-Direttiva jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, hija ppreokkupata b’mod partikolari bir-riskju li l-Istati Membri ma jittrasponux u ma japplikawx dan il-kunċett b’mod uniformi. Fl-opinjoni tagħha, iktar kjarifiki huma neċessarji sabiex jiggwidaw il-prassi tal-Istati Membri.

140.

L-ebda waħda mill-partijiet ma tidher li tikkontesta l-kunċett ta’ negliġenza serja safejn dan jinftiehem, skont Marpol 73/78, bħala l-imprudenza bil-konsapevolezza li probabbilment kien ser ikun hemm ħsara — kif ġie irrikkmandat iktar ’il fuq għall-ibħra miftuħa, l-istretti u ż-żona ekonomika esklużiva. Il-qorti tar-rinviju lanqas m’għandhu jkollha oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward, għaliex is-sinjifikat tan-negliġenza serja hija speċifikata kjarament b’din l-interpretazzjoni.

141.

Din il-pożizzjoni hija interessanti, għaliex lanqas it-terminoloġija ta’ Marpol 73/78 ma tiggarantixxi applikazzjoni uniformi fi ħdan il-Komunità. Fil-fatt, studju mwettaq mid-Dipartiment ta’ Riċerka u Dokumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja juri li l-kunċett ta’ imprudenza m’huwiex magħruf fis-sistemi legali kollha tal-Komunità. It-traspożizzjoni Ġermaniża ta’ Marpol 73/78 tuża l-istandard ta’ negliġenza sempliċi, minkejja li l-kriterju tal-imprudenza huwa magħruf fid-dritt kriminali Ġermaniż. Meta mqabbla ma’ dawn id-differenzi, id-Direttiva 2005/35 tikkontribwixxi, skont it-tielet premessa tagħha, għall-applikazzjoni uniformi ta’ Marpol 73/78 fil-Komunità.

142.

Madankollu, f’dan il-każ l-unika kwistjoni tista’ tkun jekk il-kunċett ta’ negliġenza serja fir-rigward ta’ atti mwettqa fl-ibħra territorjali, li fihom l-interpretazzjoni tiegħu m’hijiex limitata għall-kriterju ta’ responsabbiltà ta’ Marpol 73/78, huwiex kompattibli mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

143.

Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’mod partikolari, li liġi tkun ċara u preċiża, sabiex dawk li huma soġġetti għaliha jkunu jistgħu jgħarfu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jimxu skont dan it-tagħrif ( 80 ). F’dak li jirrigwarda r-reati u l-pieni, dan jingħata espressjoni konkreta permezz tal-prinċipju ta’ legalita (nullum crimen, nulla poena sine lege), li ġie stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem l-“ECHR”) ( 81 ). Dan il-prinċipju jimplika li l-liġi tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi sodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u, jekk ikun il-każ, bl-għajnuna tal-interpretazzjoni li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbiltà kriminali tiegħu ( 82 ).

144.

Madankollu, m’huwiex neċessarju li d-Direttiva 2005/35 tissodisfa dawn il-kriterji, għaliex hija ma tistax, bħala direttiva, tinkludi dispożizzjonijiet kriminali direttament applikabbli ( 83 ). Dawn tal-aħħar għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri. Jekk dispożizzjonijiet ta’ direttiva ma jkunux suffiċjentament preċiżi sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ legalità, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu jirrimedja din is-sitwazzjoni waqt it-traspożizzjoni filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tas-sistema legali nazzjonali ( 84 ). Dan ma jqiegħedx fid-dubju l-validità tad-direttiva, iżda, l-iktar l-iktar, l-effett tagħha għall-finijiet ta’ armonizzazzjoni.

145.

Madankollu, anke jekk il-prinċipju ta’ legalità jiġi applikat għal dispożizzjonijiet tad-direttiva li m’għandhomx effett dirett, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35 jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ legalità. Huwa jeżiġi li l-kriterju ta’ responsabbiltà ta’ negliġenza serja jiġi stabbilit u applikat fl-ibħra territorjali. Huwa paċifiku li l-kunċett ta’ negliġenza, għall-inqas, huwa magħruf fis-sistemi legali u jista’ wkoll jagħti lok għal responsabbiltà kriminali, fi gradi differenti. Il-ksur tal-obbligi ta’ diliġenza, enfasizzat ukoll mir-rikorrenti, huwa determinanti. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tat-traskuraġni ovvja, l-obbligi ta’ diliġenza għandhom jiġu definiti fuq żewġ bażijiet, jiġifieri, minn naħa, fuq il-bażi ta’ kriterju oġġettiv applikabbli għall-persuni kollha tal-grupp ikkonċernat, u min-naħa l-oħra, fuq il-bażi ta’ dak li huwa suġġettivament mistenni minn min iwettaq l-att, b’mod partikolari b’referenza għall-esperjenza professjonali tiegħu ( 85 ).

146.

Fil-kaz tan-navigazzjoni marittima, u b’mod partikolari tat-trasport ta’ sustanzi perikolużi, l-assunzjoni ta’ tali obbligi ta’ diliġenza għandha ssir bi prudenza kbira. Fil-fatt, is-soċjetà tassumi fil-prinċipju r-riskji marbutin man-navigazzjoni legali. Għalhekk, jekk l-obbligi ta’ diliġenza m’humiex espressament stabbiliti fi strumenti legali speċifiċi, huma għandhom ikunu rikonoxxuti bl-iktar mod wiesa’ possibli fl-ambjenti kummerċjali kkonċernati (lege artis) sabiex jista’ jkollhom implikazzjonijiet kriminali. Dan japplika a fortiori fil-kuntest tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, għaliex il-kriterju ta’ responsabbiltà ta’ negliġenza serja li huwa użat fih jippre\upponi imġiba kriminali fi grad ogħla meta mqabbel man-negliġenza sempliċi.

147.

Konsegwentement, sempliċi qari tad-direttiva ma jippermettix li jiġu identifikati l-obbligi ta’ diliġenza li għandhom jiġu applikati. Dan, madankollu, m’huwiex neċessarju sabiex jiġi sodisfatt ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà. Il-portata ta’ dan il-kunċett tiddependi konsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà ma jipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tieħu parir minn espert sabiex tevalwa, safejn huwa raġonevoli fiċ-ċirkustanzi, l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari. Dan japplika b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni li jwettqu attivitajiet professjonali, per eżempju dawk li jaħdmu fit-trasport marittimu, li huma mdorrijin jużaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom. Għaldaqstant, dawn huma mistennija li jieħdu ħsieb partikolari sabiex jevalwaw ir-riskji li jinvolvi l-eżerċizzju tax-xogħol tagħhom ( 86 ).

148.

Ċertament, għandu konsegwentement jiġi konkluż li l-qrati biss jistgħu fl-aħħar mill-aħħar jiddefinixxu b’mod preċiż l-obbligi ta’ diliġenza; madankollu, dan huwa kompatibbli mal-Artikolu 7 tal-ECHR. Din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix l-kjarifika gradwali tar-regoli tar-responsabbiltà kriminali, kif ukoll l-iżvilupp progressiv tad-dritt kriminali, permezz tal-interpretazzjoni legali każ b’każ, bil-kundizzjoni li r-riżultat ikun koerenti mas-sustanza tar-reat u raġonevolment prevedibbli ( 87 ). Jien ma naf bl-ebda kawża li fiha l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem oġġezzjonat għall-applikazzjoni tal-kunċetti ta’ negliġenza jew ta’ negliġenza serja fid-dritt kriminali.

149.

Barra minn hekk, il-baħrin huma mistennija li ma jġibux ruħhom b’mod li jaslu sal-limitu ta’ dak li huwa awtorizzat taħt id-dritt kriminali, iżda huma għandhom minflok jeżerċitaw iktar diliġenza minn dik li tirriżulta mill-obbligi kriminali tagħhom. Dan huwa meħtieġ b’mod partikolari minħabba r-riskji, marbutin man-navigazzjoni marittima u enfasizzati matul is-seduta, għal persuni, għall-ħajja, għall-vapur u għat-tagħbija fdati lilhom. Jeżistu wkoll, għall-inqas fil-każ tat-tniġġis miż-żejt, riskji konsiderevoli li jagħtu lok għal responsabbiltà ċivili, essenzjalment fir-rigward tar-responsabbiltà mingħajr ħtija, skont il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabbiltà Ċivili għal Ħsara mit-Tniġġis biż-Żejt ( 88 ).

150.

F’dak li jirrigwarda l-preokkupazzjoni tal-qorti tar-rinviju dwar traspożizzjoni u applikazzjoni mhux uniformi fl-Istati Membri, għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-Istati Membri huma liberi, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, li jadottaw dispożizzjonijiet protettivi iktar rigorużi, li jkunu konformi mad-dritt internazzjonali. Għaldaqstant, id-direttiva ma tistabbilixxix standards uniformi u eżawrjenti, iżda biss rekwiżiti minimi li, min-natura tagħhom, m’għandhomx neċessarjament jiġu trasposti b’mod uniformi fl-Istati Membri.

151.

Barra minn hekk, din il-kawża tikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit b’mod iktar speċifiku l-kunċett ta’ negliġenza serja skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi t-teżi tiegħi, jiġi indikat kjarament, b’mod partikolari, li dan il-kunċett jista’ jkollu tifsira differenti fl-ibħra territorjali minn dik li huwa għandu fiż-żoni l-oħra tal-baħar, li fihom huwa għandu jiġi interpretat skont Marpol 73/78.

152.

Jekk ikollhom iktar dubji, il-qrati tal-Istati Membri jistgħu jressqu l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 tat-Trattat. Skont il-każ, il-qrati tal-aħħar istanza huma saħansitra meħtieġa jagħmlu dan, b’mod partikolari fil-każ ta’ diverġenzi bejn il-ġurisprudenzi tal-qrati supremi tal-Istati Membri ( 89 ).

153.

Din il-garanzija ġudizzjarja ta’ traspożizzjoni u applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2005/35 hija kkomplementata mill-obbligu tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 211 tat-Trattat, li tiżgura li d-dritt sekondarju jiġi osservat u, jekk ikun il-każ, li tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE.

154.

Fl-aħħar nett, l-argument, imressaq mir-rikorrenti u mill-Ġreċja, li r-responsabbiltà għal negliġenza serja fil-każ ta’ inċidenti gravi tista’ tiġi abbużata ma jikkonfermax il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew tal-legalità tad-dritt kriminali. L-abbużi qatt ma jistgħu jkunu esklużi b’ċertezza totali. B’mod partikolari, l-eżempji reċenti fi Franza u fi Spanja, li ġew invokati insostenn ta’ din it-teżi, juru li m’hemmx bżonn tad-Direttiva 2005/35 sabiex il-baħrin jiġu ssuġġettati għal proċeduri kriminali li huma jikkunsidraw eċċessivi.

155.

Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni li tqajjem mir-rikorrenti, mhux neċessarju li jiġi eżaminat, għaliex il-qorti tar-rinviju kienet diġà ċaħdet dawn id-dubji ( 90 ). Peress li d-Direttiva 2005/35 hija att li huwa intiż li jkollu applikazzjoni ġenerali u l-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun limitata biex tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li hija tfittex li tilħaq ( 91 ), ma jidhirx li f’dan il-każ hemm insuffiċjenza ta’ motivazzjoni.

156.

Konsegwentement, lanqas minn eżami tar-raba’ domanda preliminari ma rriżulta xi element tali li jista’ jqiegħed fid-dubju l-validità tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/35.

V — Konklużjoni

157.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari kif ġej:

“Minn eżami tad-domandi magħmula ma rriżulta ebda element li jista’ jaffettwa l-validità tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar it-tniġġis ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU L 255, p. 11.

( 3 ) It-Tielet Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, Dokumenti Uffiċjali, Vol. XVII, 1984, Doc. A/Conf.62/122, p. 157-231.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998, li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, p. 1).

( 5 ) UN Treaty Series, Vol. 1341, Nru 22484.

( 6 ) Skont l-informazzjoni pprovduta mill-IMO, fuq is-sit http://www.imo.org/Conventions/mainframe.asp?topic_id=248, ikkonsultat fit-2 ta’ Mejju 2007. L-Anness VI ta’ Marapol 73/78 ma ġiex ratifikat mill-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Ungerija, Malta, il-Portugall u s-Slovakkja, u Malta għadha ma rratifikatx l-Anness IV.

( 7 ) Dan l-Anness kien ikkompletat u rristrutturat mir-Riżoluzzjoni MEPC.117(52) tal-15 ta’ Ottubru 2004, li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-Regolamenti 9, 10 u 11 eżaminati fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri ma kinux emendati sostantivament iżda issa huma stabbiliti fir-Regolamenti 15, 34 u 4. Għal skopijiet ta’ sempliċità, jien ser nuża l-enumerazzjoni preċedenti.

( 8 ) Il-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi jużaw it-termini segwenti: bl-Ingliż: recklessly (b’mod imprudenti, b’nuqqas ta’ ħsieb, temerarjament), bil-Franċiż: témérairement (temerarjament), bl-Ispanjol: imprudencia temeraria (imprudenza temerarja jew nuqqas ta’ ħsieb) u bir-Russu: (b’mod prużuntuż, b’mod arroganti, b’mod sfaċċat). Fl-opinjoni tiegħi, it-traduzzjoni Germaniża uffiċjali tal-Konvenzjoni Marpol (Anlage zum Bundesgesetzblatt 1996, II, p. 18) kif ukoll ir-riproduzzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni ta’ Marpol fl-Anness tad-direttiva jittraduċu ħażin dan, it-terminu bħala “fahrlässig”. Jidhirli li “leichtfertig” tkun traduzzjoni iktar korretta, bħalma sar, per eżempju, fil-każ tal-Artikolu 25 (li l-kliem tiegħu huwa identiku) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli relattivi għall-Ġarr Internazzjonali bl-Ajru, iffirmata f’Varsavja fit-12 ta’ Ottubru 1929 (l-Ewwel Konvenzjoni għall-unifikazzjoni tal-liġi dwar l-avjazzjoni ċivili) (Reichsgesetzblatt 1933, II, S. 1039), kif emendata mill-Protokoll tal-Aja tat-28 ta’ Settembru 1955 li jemenda il-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli relattivi għall-Ġarr Internazzjonali bl-Ajru (Bundesgesetzblatt 1958 II, p. 292) u tal-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar il-Limitazzjoni tar-Responsabbiltà għal Pretensjonijiet Marittimi, iffirmata f’Londra fid-19 ta’ Novembru 1976 (Bundesgesetzblatt 1986 II, p. 786). Ara wkoll l-Artikolu 435 tal-Kodiċi Kummerċjali Ġermaniż (Handelsgesetzbuch).

( 9 ) Dan l-Anness ġie kkompletat u rristrutturat mir-Riżoluzzjoni MEPC.118(52) tal-15 ta’ Ottubru 2004, li ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2007. Ir-Regolament 6 eżaminat f’din il-kawża huwa issa r-Regolament 3 u jistabbilixxi eċċezzjoni għar-rekwiżiti kollha ta’ rimi tas-sustanzi msemmija fl-Anness II. Għal skopijiet ta’ sempliċità, jien ser nuża l-kliem u l-enumerazzjoni l-antiki.

( 10 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 8.

( 11 ) Sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C-491/01, Ġabra p. I-11453).

( 12 ) Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C-295/04 sa C-298/04, Ġabra p. I-6619, punt 27).

( 13 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61) u tal-10 ta’ Jannar 2006, International Air Transport Association et (C-344/04, Ġabra p. I-403, punt 24).

( 14 ) Ara s-sentenzi Bosman (punt 59) u IATA u ELFAA (punt 24), iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13.

( 15 ) Sentenza IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 24).

( 16 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.

( 17 ) Sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Fabbrika MOX) (C-459/03, Ġabra  p. I-4635, punt 83).

( 18 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2007, Merck Genéricos — Produtos Farmacêuticos (C-431/05, Ġabra p. I-7001, punt 33).

( 19 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Fabbrika MOX) (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 108).

( 20 ) Sentenza tal-14 ta’ Lulju 1994, Peralta (C-379/92, Ġabra  p. I-3453, punt 16).

( 21 ) Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C-377/98, Ġabra p. I-7079, punt 52).

( 22 ) Sentenza tal-24 ta’ Novembru 1992, Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019).

( 23 ) Sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 9 et seq). Ara, għal dak li jikkonċerna n-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali konswetudinarju, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, (C-162/96, Ġabra p. I-3655, punt 45).

( 24 ) Sentenza Peralta (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20).

( 25 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1972, International Fruit Company et (21/72, 22/72, 23/72 u 24/72, Ġabra p. 1219, punti 10 et seq).

( 26 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, C-440/05, Ġabra p. I-9097, punt 35).

( 27 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (AETR) (22/70, Ġabra p. 263, punti 17 et seq) u l-opinjoni 1/03 tas-7 ta’ Frar 2006, (Konvenzjoni ta’ Lugano, Ġabra p. I-1145, punti 114 et seq).

( 28 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20.

( 29 ) Sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 52).

( 30 ) Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L 213, p. 13).

( 31 ) Ara d-disa’ premessa tad-Direttiva 98/44.

( 32 ) Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 82); ara wkoll is-sentenzi IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 31) u Merck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).

( 33 ) Sentenzi tal-10 ta’ Settembru 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-61/94, Ġabra p. I-3989, punt 52), tal-l 1 ta’ April 2004, Bellio F.lli (C-286/02, Ġabra p. I-3465, punt 33) u IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 35).

( 34 ) Sentenzi tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, Ġabra p. 3719, punt 14), Racke (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 31) u IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 39).

( 35 ) Sentenza Poulsen u Diva Navigation (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punti 13 u 15).

( 36 ) Ibid (punt 25).

( 37 ) Sentenza tat-28 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-410/03, Ġabra p. I-3507, punti 53 et seq).

( 38 ) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), fil-verżjoni tagħha kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2002/93/KE, tat-3 ta’ Diċembru 2002 (ĠU L 331, p. 27).

( 39 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra p. I-2697, punti 57 et seq).

( 40 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, Ġabra p. 3641, punt 18).

( 41 ) Ibid (punt 20), fuq il-qafas istituzzjonali speċjali għall-implementazzjoni ta’ ftehim.

( 42 ) Sentenza Aktiebolaget NN (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 59).

( 43 ) Madankollu, din il-kompetenza għadha ma ġietx użata jew rarament ġiet użata fil-prattika mill-Istati u l-punt jekk din hijiex rikonoxxuta bħala dritt internazzjonali konswetudinarju jidher li huwa kkontestat. Patricia Birnie u Alan Boyle, International Law & the Environment, it-tieni edizzjoni Oxford 2002, p. 376, huma favur dan l-argument, iżda dan m’huwiex il-każ ta’ Farkhanda Zia-Mansoor, International Regime and the EU Developments for Preventing and Controlling Vessel-Source Oil Pollution, European Environmental Law Review 2005, 165 (170) u Alan Khee-Jin Tan, Vessel-Source Marine Pollution, Cambridge, 2006, p. 221.

( 44 ) Sentenza Aktiebolaget NN (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 59).

( 45 ) Ara per eżempju s-sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2004, Swedish Match (C-210/03, Ġabra p. I-11893, punti 27 et seq) u tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et (C-453/03, C-11/04, C-12/04 u C-194/04, Ġabra p. I-10423, punti 52 et seq).

( 46 ) Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 25.

( 47 ) Naturalment, dispożizzjonijiet jistgħu wkoll ikunu ġustifikati minn standards internazzjonali oħrajn. Madankollu, Marpol 73/78 biss hija rilevanti f’dan il-każ.

( 48 ) Fil-verżjoni Ġermaniża, din id-dispożizzjoni hija inkompleta u bil-kemm tiftehem, peress li l-ewwel linja tad-definizzjoni hija nieqsa.

( 49 ) Fil-verżjoni Ġermaniża tad-direttiva, hija indikata bin-numru żbaljat (14), għaliex l-erbatax-il premessa vera u proprja, dwar il-komitoloġija, hija nieqsa fil-verżjoni Ġermaniża.

( 50 ) Sentenzi International Fruit Company et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25, punti 21 et seq); tas-16 ta’ Marzu 1983, SIOT (266/81, Ġabra p. 731, punt 28); tal-5 ta’ Ottubru 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-280/93, Ġabra p. I-4973, punt 109); tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugal vs Il-Kunsill (C-149/96, Ġabra p. I-8395, punt 47); tat-12 ta’ Marzu 2002, Omega Air et (C-27/00 u C-122/00, Ġabra p. I-2569, punt 93); tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill (C-76/00P, Ġabra p. I-79, punt 53); tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill (C-93/02 P, Ġabra 2003 p. I-10497, punt 52); tal-1 ta’ Marzu 2005, Van Parys (C-377/02, Ġabra p. I-1465, punt 39) u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale (C-351/04, Ġabra p. I-7723, punt 29).

( 51 ) Sentenzi tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fediol vs Il-Kummissjoni (70/87, Ġabra p. 1781, punti 19 et seq), tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill (C-69/89, Ġabra p. I-2069, punt 31, kif ukoll is-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, Il-Portugall vs Il-Kunsill (punt 49), Biret International vs Il-Kunsill (punt 53), u Van Parys (punt 40).

( 52 ) Sentenza International Fruit Company (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota f’qiegħ il-paġna 25, punti 10 et seq). Illum, in-natura vinkolanti tirriżulta mill-Artikolu 300(7) KE, billi l-Komunità kkonkludiet il-Ftehim WTO.

( 53 ) Sentenza L-Olanda vs Il-Parlament u Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 61 et seq).

( 54 ) Ibid (punti 51 et seq).

( 55 ) Ibid (punti 55 et seq). Ara l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/44.

( 56 ) Ibid (punti 51 et seq).

( 57 ) Sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-84/98, Ġabra p. I-5215, punt 58).

( 58 ) Sentenza tal-5 ta’ Novembru 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-466/98, Ġabra p. I-9427, punti 26 et seq). Din tapplika f’kull każ meta l-kompetenzi inkwistjoni tal-Komunità kienu diġà jeżistu meta ġie konkluż il-ftehim.

( 59 ) Verżjoni Ġermaniża ppubblikata fil-Bundesgesetzblatt 1975, II, p. 305.

( 60 ) Il-Protokoll huwa ppubblikat fil-ĠU 2004, L 78, p. 32. Verżjoni kompleta tal-Konvenzjoni tinsab per eżempju fuq is-sit http://www.iopcfunds.org/npdf/Conventions%20English.pdf

( 61 ) Ara l-punti 60 et seq iktar ’il fuq.

( 62 ) Bil-Grieg: αμέλεια; bil-Malti: b’mod imprudenti; bil-Portugiż: com mera culpa.

( 63 ) Ara per eżempju s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 3); tat-23 ta’ Novembru 2006, ZVK (C-300/05, Ġabra p. I-11169, punt 16) u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Euro Tex (C-56/06, Ġabra p. I-4859, punt 27).

( 64 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 52); tal-14 ta’ Lulju 1998, Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punt 20); Bellio F.lli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 33) u tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE (C-306/05, Ġabra p. I-11519, punt 35).

( 65 ) Madankollu, dan ma jipprekludix li tiġi dedotta l-konsapevolezza tal-persuna li twettaq l-att miċ-ċirkostanzi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li kien konsapevoli tar-riskju.

( 66 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Traghetti del Mediterraneo (sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2006, C-173/03, Ġabra p. I-5177, punt 100).

( 67 ) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, p. 1).

( 68 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1999, Söhl & Söhlke (C-48/98, Ġabra p. I-7877, punt 56).

( 69 ) Ara l-applikazzjoni tiegħu li saret fis-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2003, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (C-156/00, Ġabra p. I-2527, punt 99).

( 70 ) Fir-rigward tal-ibħra territorjali, dan jirriżulta mill-preambolu tal-Pożizzjoni Komuni (KE) Nru 3/2005 adottata mill-Kunsill fis-7 ta’ Ottubru 2004 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva 2004/…/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar it-tniġġis li ġej mill-vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU 2005, C 25 E, p. 29).

( 71 ) Sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 52) u Bellio F.lli (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33, punt 33).

( 72 ) Ara s-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punti 44 u 47) fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi ma’ deċiżjoni qafas u tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punt 110) fir-rigward tal-interpretazzjoni konformi ma’ direttiva.

( 73 ) F’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni restrittiva konformi mad-drittijiet fundamentali, ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill (riunifikazzjoni tal-familja) (C-540/03, Ġabra 2006 p. I-5769, b’mod partikolari l-punti 97 et seq).

( 74 ) Wolfram Gass, in: Ebenroth/Boujong/Joost, Handelsgesetzbuch, l-ewwel edizzjoni 2001, Artikolu 435, punt 5.

( 75 ) Ara l-punti 103 et seq iktar ’il fuq.

( 76 ) Ara l-punti 37 et seq iktar ’il fuq.

( 77 ) Ara l-punti 71 et seq iktar ’il fuq.

( 78 ) F’dan is-sens ukoll, Tan (op. cit. fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, p. 184 et seq).

( 79 ) Barra minn hekk, nota konġunta ta’ diversi Stati Membri ppreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-Qorti Suprema (l-Istati Uniti), li ġiet iċċitata mir-rikorrenti (Anness 16 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti), kienet tirrigwarda rekwiżiti iktar rigorużi fir-rigward tal-vapuri u tal-ekwipaġġ tagħhom, iżda mhux kriterju ta’ responsabbiltà iktar rigoruż. Dawn il-proċeduri kienu jirrigwardaw regoli iktar rigorużi tal-Istat ta’ Washington (ara l-“Petition for a Writ of Certiorari” tal-Istati Uniti fil-kawża Nru 98-1701, United States of America vs Gary Locke et, http://www.usdoj.gov/osg/briefs/1998/2pet/7pet/98-1701.pet.aa.pdf, p.9). Madankollu, il-fatt li n-neċessità ta’ standards armonizzati fir-rigward tal-vapuri u tal-ekwipaġġ ġiet enfasizzata f’din in-nota ma tikkontradixxix il-fatt li jiġu avanzati kriterji ta’ responsabbiltà iktar rigorużi.

( 80 ) Sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C-143/93, Ġabra p. I-431, punt 27); tal-14 ta’ April 2005, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C-110/03, Ġabra p. I-2801, punt 30); u IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 68).

( 81 ) Ara wkoll is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 49), li tagħmel referenza għas-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C-74/95 u C-129/95, Ġabra p. I-6609, punt 25), u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, Ġabra p. I-5425 punti 215 sa 219).

( 82 ) Sentenza Advocaten voor de Wereld (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 50) li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2000-VII, § 145). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Achour vs Franza tad-29 ta’ Marzu 2006 (§ 41) u Cantoni vs Franza tal-15 ta’ Novembru 1996 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1996-V, p. 1627, § 29).

( 83 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza X (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punti 24 et seq), li tagħmel referenza għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, Kokkinakis vs Il-Greċja tal-25 ta’ Mejju 1993 (Serje A, Nru 260-A, § 52) u S. W. vs Ir-Renju Unit u C. R. vs Ir-Renju Unit tat-22 ta’ Novembru 1995 (Serje A, Nru 335-B, § 35 u Nru 335-C, § 33). Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1984, Kirk (63/83, Ġabra p. 2689, punt 22); tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punt 13); tas-26 ta’ Settembru 1996, Arcaro (C-168/95, Ġabra p. I-4705, punt 42); tas-7 ta’ Jannar 2004, X (C-60/02, Ġabra p. I-651, punti 61 et seq) u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 221). Ara wkoll, għal iktar dettalji, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Niselli (sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, C-457/02, Ġabra p. I-10853), punti 53 et seq u Berlusconi et (sentenza tat-3 ta’ Mejju 2005, C-387/02, C-391/02 u C-403/02, Ġabra p. I-3565, punti 140 et seq).

( 84 ) Ikun għalhekk opportun li jintuża direttament, minflok il-verżjoni tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/35, li twassal għal konfużjoni, il-kliem ta’ Marpol 73/78 fir-rigward tar-responsabbiltà barra l-ibħra territorjali.

( 85 ) Ara l-punt 103 iktar ’il fuq.

( 86 ) Ara s-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 219), li tirreferi għas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Cantoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 82, § 35).

( 87 ) Sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, S. W. vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83, § 36), C. R. vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83, § 34), Streletz, Keßler u Krenz vs Il-Ġermanja tat-22 ta’ Marzu 2001 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2001-II, § 50) u Radio France et vs Franza tat-30 ta’ Marzu 2004 (Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 2004-II, § 20).

( 88 ) Ara l-punt 91 iktar ’il fuq.

( 89 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports (C-495/03, Ġabra p. I-8151, punti 38 et seq u r-referenzi li hemm fiha).

( 90 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1997, Eurotunnel et (C-408/95, Ġabra p. I-6315, punti 33 et seq).

( 91 ) Sentenza IATA u ELFAA (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 67).