KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fid-9 ta’ Jannar 2008 ( 1 )

Kawża C-268/06

Impact

vs

Minister for Agriculture and Food et

“Direttiva 1999/70/KE — Klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss — Impjiegi għal żmien fiss fis-servizz pubbliku — Kundizzjonijiet ta’ impjieg — Pagi u pensjonijiet — Tiġdid ta’ kuntratti għal żmien fiss għal perijodu li jwassal sa tmien snin — Awtonomija proċedurali — Effett dirett”

I — Introduzzjoni

1.

Il-qrati nazzjonali huma obbligati li jimplementaw dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li huma direttament applikabbli anke meta l-liġi domestika ma tagħtihom ebda ġurisdizzjoni espressa għal dan il-għan? Din hija l-kwistjoni fundamentali li l-qorti Irlandiża tax-xogħol, il-Labour Court ta’ Dublin, tissottometti lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tar-regoli Komunitarji li jirregolaw ix-xogħol għal żmien fiss li jinsabu fil-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien fiss ( 2 ).

2.

Barra minn hekk, il-Labour Court tixtieq tikseb xi preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ żewġ dispożizzjonijiet ċentrali ta’ dan il-ftehim qafas, li fihom, minn naħa, il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien fiss u, min-naħa l-oħra, il-miżuri maħsubin sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss. Il-Labour Court tistaqsi wkoll dwar il-portata ta’ l-obbligu tagħha li tinterpreta l-liġi nazzjonali b’mod konformi mad-direttiva.

3.

Il-kwistjoni f’din il-kawża hija l-użu ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien fiss fis-settur pubbliku, u dan l-istess bħal fil-kawżi Adeneler et, Marrosu u Sardino, Vassallo u Del Cerro Alonso. F’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li anke relazzjonijiet ta’ impjieg bħal dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim qafas fuq ix-xogħol għal żmien fiss ( 3 ).

II — Il-kuntest ġuridiku

A — Id-dritt Komunitarju

4.

Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP ( 4 ) tifforma l-kuntest ġuridiku tad-dritt Komunitarju f’din il-kawża. Din id-Direttiva timplementa l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss (aktar’il quddiem il-“ftehim qafas”) konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 bejn tliet organizzazzjonijiet interprofessjonali ġenerali, [il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC), iċ-Ċentru Ewropew ta’ l-Intrapriżi Pubbliċi (ĊEEP) u l-Unjoni tal-Konfederazzjonijiet Industrijali u ta’ min iħaddem fl-Ewropa (UNICE)] u anness mad-direttiva msemmija.

5.

Il-ftehim qafas huwa maħsub kollu kemm hu sabiex jippreskrivi l-“prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu l-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi” ( 5 ).

6.

F’dan ir-rigward, il-ftehim qafas huwa bbażtat fuq il-kunsiderazzjoni li l-“kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu jkunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema” ( 6 ). Madankollu, fl-istess ħin huwa jirrikonoxxi li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss “huma fattur ta’ l-impjieg f’ċerti setturi, xogħlijiet u attivitajiet li jistgħu jkunu addattati kemm għal min jimpjega kif ukoll għall-ħaddiema” ( 7 ). Barra minn hekk, l-awturi tal-ftehim qafas jitilqu mill-prinċipju li “l-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss ibbażati fuq raġunijiet oġġettivi huwa mod kif jiġi pprevenut l-abbuż” ( 8 ).

7.

Il-klawżola 1 tal-ftehim qafas tiddefinixxi l-iskop ta’ l-istess ftehim:

“L-iskop ta’ dan il-ftehim qafas hu:

a)

li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

b)

li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss”.

8.

Il-klawżola 4 tal-ftehim qafas tiddefinixxi l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni kif ġej:

“1.

Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

2.

Meta approprjat, għandu japplika l-prinċipju ta’ pro rata temporis.

3.

L-arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ din il-klawżola għandhom jiġu definiti mill-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali, wara li jiġu kkunsidrati l-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv u l-prattika tal-Komunità.

4.

Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

9.

Il-klawżola 5 tal-ftehim tirrigwarda l-miżuri maħsubin sabiex jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss:

“1.

Sabiex jiġi pprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal termini fissi, wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)

in-numru ta’ tiġdid ta’dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.

L-Istati Membri wara l-konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kundizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)

għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)

għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

10.

Fl-aħħar nett, il-klawżola 8(5) tal-ftehim qafas tipprovdi dan li ġej:

“Il-prevenzjoni u s-soluzzjoni ta’ kwisjonijiet u lmenti kkawżati mill-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim għandhom iseħħu skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kolletiv u l-prattika.”

11.

Id-Direttiva 1999/70 tħalli f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu t-termini użati fil-ftehim qafas, mingħajr ma huma definiti b’mod speċifiku hemmhekk, b’mod konformi mad-dritt jew mal-prattika nazzjonali, bil-kundizzjoni li l-imsemmija definizzjonijiet jirrispettaw il-kontenut tal-ftehim qafas ( 9 ). Dan il-metodu huwa maħsub sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkustanzi tas-setturi u xogħolijiet partikulari inklużi x-xogħolijiet ta’ natura staġjonali ( 10 ).

12.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 1999/70 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ l-istess Direttiva għall-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri l-10 ta’ Lulju 1999.

13.

Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva 1999/70, l-Istati Membri għandhom iġibu fis-“seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattvi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa l-10 ta’ Lulju 2001”, jew għandhom jiżguraw li, sa dik id-data mill-inqas, l-“imsieħba soċjali jkunu introduċew il-miżuri neċessarji skond il-ftehim”. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 2 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom massimu ta’ sena oħra, jekk neċessarju, u wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali, sabiex jieħdu kont tad-diffikultajiet speċjali jew implementazzjoni permezz ta’ ftehim kollettiv. Madankollu, fil-każ ta’ l-Irlanda, din il-possibbiltà ma ntużatx.

14.

Apparti d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas, jeħtieġ li jiġu ċċitati wkoll id-dispożizzjonijiet soċjali tat-Trattat KE, jiġifieri l-Artikoli 137 KE u 139 KE.

15.

L-Artikolu 137 KE jipprovdi dan li ġej (siltiet):

“1.   Bl-iskop li jintlaħqu l-miri ta’ l-Artikolu 136, il-Komunità għandha ssostni u tikkomplementa l-attivitajiet ta’ l-Istati Membri f’dawn l-oqsma:

[…]

b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol;

[…]

2.   Għal dan l-iskop, il-Kunsill:

[…]

b)

jista’ jadotta fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i), permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji.

[…]

5.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu la japplikaw għall-pagi, la għad-dritt ta’ assoċjazzjoni, la għad-dritt ta’ l-istrajk u lanqas għad dritt li jiġi mpost lock out.”

16.

Barra minn hekk, l-Artikolu 139 KE jippreskrivi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet segwenti:

“1.   Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell Komunitarju jista’ jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż[i] ftehim.

2.   Il-Ftehim konklużi fil-livell Komunitarju għandhom ikunu implementati skond il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 137, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

[…]”

B — Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

Liġi ta’ l-2003 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati għal żmien fiss

17.

Id-Direttiva 1999/70 ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż bil-liġi Nru 29/2003 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati għal żmien fiss ( 11 ) (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-2003”). Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Lulju 2003.

18.

Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 6(1) u 2(1) tal-liġi ta’ l-2003, moqrija flimkien, jirriżulta li l-impjegati għal żmien fiss ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-impjegati permanenti li huma paragunabbli fir-rigward ta’ paga u ta’ pensjoni. Madankollu, fil-qasam tal-pensjonijiet il-projbizzjoni ta’ trattament inqas favorevoli preskritta fl-Artikolu 6(5) tal-liġi ta’ l-2003 tapplika biss għall-impjegati għal żmien fiss li l-ħin ta’ xogħol, fil-ġimgħa, tagħhom ikunu minn ta’ l-anqas ekwivalenti għal 20 % tal-ħin normali tax-xogħol ta’ impjegat permanenti paragunabbli.

19.

L-Artikolu 9(1) tal-liġi ta’ l-2003 jipprovdi li l-kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss ta’ impjegat li, fid-data ta’ meta ġiet adottata din il-liġi jew wara din id-data, ikun laħaq it-tielet sena ta’ impjieg ininterrott fis-servizz ta’ min iħaddmu, ma jistax jiġi mġedded ħlief għal darba waħda u għall-perijodu ta’ massimu ta’ sena. Skond l-Artikolu 9(3) ta’ din il-liġi, kull kundizzjoni li tiġi mdaħħla f’kuntratt ta’ impjieg bi ksur tal-paragrafu 1 hija nulla ( 12 ), u l-kuntratt ta’ impjieg in kwistjoni jiġi meqjus bħala li ġie konkluż għal żmien indefinit.

20.

Min iħaddem jista’ jidderoga minn dawn l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 9 tal-liġi ta’ l-2003 meta dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi ( 13 ). L-Artikolu 7 tal-liġi tistabbilixxi liema raġunijiet jistgħu jitqiesu bħala oġġettivi.

21.

L-Artikolu 14 tal-liġi ta’ l-2003 jipprovdi li talba kontra min iħaddem li tkun ibbażata fuq ksur ta’ l-imsemmija liġi għandha titressaq fl-ewwel istanza quddiem “Rights Commissioner” ( 14 ); din it-talba tista’ tiġi ppreżentata minn impjegat jew — jekk dan jagħti l-kunsens tiegħu — minn sindakat li tiegħu l-impjegat ikun membru. Ir-Rights Commissioner jiddeċiedi wara li jisma’ l-partijiet, u jista’ jordna l-miżuri previsti fl-Artikolu 14(2) tal-liġi. L-istess Rights Commissioner huwa b’mod partikulari awtorizzat li jikkundanna lil min iħaddem għall-ħlas ta’ kumpens xieraq li jista’ jilħaq sa sentejn paga ta’ l-impjegat.

22.

L-Artikolu 15 tal-liġi ta’ l-2003 jipprovdi li l-partijiet jistgħu jappellaw mid-deċiżjoni tar-Rights Commissioner quddiem il-Labour Court. Appell kontra sentenza tal-Labour Court, liema appell huwa limitat għall-punti ta’ dritt, jista’ jsir sussegwentement quddiem il-High Court. Is-sentenza tal-High Court hija definittiva.

23.

Skond l-indikazzjonijiet tal-Qorti tar-rinviju, kemm ir-Rights Commissioner kif ukoll il-Labour Court huma awtorizzati li jiddeċiedu biss jekk il-liġi tkun tagħthom il-ġurisdizzjoni li jagħmlu dan. Ebda waħda miż-żewġ qrati ma għandha espressament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talba bbażata fuq dispożizzjoni direttament applikabbli tad-dritt Komunitarju sakemm din ma tkunx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ liġiżlazzjoni li, fiha nnifisha, tagħti l-ġurisdizzjoni lir-Rights Commissioner u lil-Labour Court.

Karatteristiċi tad-Dritt Irlandiż dwar is-servizz pubbliku

24.

Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju tenfasizza wkoll il-karatteristiċi tad-dritt Irlandiż dwar is-servizz pubbliku.

25.

Fl-Irlanda, l-uffiċjali fis-servizz pubbliku pubbliċi jiġu maħtura bħala uffiċjali titulari jew uffiċjali mhux titulari.

26.

L-uffiċjali titulari jinħatru wara li ssir kompetizzjoni, fejn il-ħatra ta’ impjegati għal żmien fiss għall-postijiet ta’ uffiċjali titulari hija pprojbita. L-uffiċjali mhux titulari, min-naħa l-oħra, jiġu maħtura kemm wara li ssir kompetizzjoni u kif ukoll f’livell lokali, u jekk ikun il-każ anke għal żmien fiss.

27.

Il-leġiżlazzjoni Irlandiża fis-seħħ fil-qasam tad-dritt għall-pensjoni ta’ l-uffiċjali pubbliċi tipprovdi skemi differenti għall-uffiċjali titulari u l-uffiċjali mhux titulari. Ir-regoli li jirregolaw it-tkeċċija ta’ uffiċjali titulari u uffiċjali mhux titulari huma wkoll sostanzjalment differenti. Dawn di-differenzi huma intiżi sabiex fil-prattika jiżguraw li l-uffiċjali titulari jkollhom sigurtà ta’ impjieg li tkun ogħla minn dik ta’ l-uffiċjali mhux titulari. Min-naħa l-oħra, differenzi oħra li kienu fis-seħħ qabel, per eżpemju fil-qasam ta’ l-assigurazzjoni kontra l-mard, ġew imħassra fil-frattemp.

III — Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

28.

IMPACT huwa sindakat li jiddefendi l-interessi ta’ l-uffiċjali pubbliċi fl-Irlanda. Il-kawża prinċipali hija bejn, IMPACT, qua rappreżentanta ta’ 91 mill-membri tagħha, u diversi ministeri Irlandiżi, li magħhom l-impjegati kkonċernati (aktar ’il quddiem l-“applikanti”) huma jew kienu impjegati bħala uffiċjali mhux titulari abbażi ta’ relazzjoni suċċessiva ta’ impjieg għal żmien fiss ta’ tul ta’ żmien differenti.

29.

Ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien fiss ta’ l-applikanti bdew kollha qabel l-14 ta’ Lulju 2003 u komplew wara dik id-data. Uħud fosthom kienu għadhom għamlu inqas minn tliet snin ta’ servizz ininterrott fid-diversi ministeri u jillimitaw ruħhom li jitolbu li jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta’ impjieg bħal dawk ta’ l-impjegati permanenti paragunabbli. Applikanti oħra li kienu għamlu iktar minn tliet snin ta’ servizz ininterrott, apparti li jitolbu li jkollhom l-istess kundizzjonijiet ta’ impjieg, dawn jitolbu wkoll li jinqalbu għall-kuntratt ta’ impjieg għal żmien indefinit.

30.

Il-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss kienu ntużaw kemm biex ikopru l-bżonnijiet temporanji u kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ garanzija li l-impjiegi in kwistjoni setgħu jibqgħu jiġu ffinanzjati. Il-prattika ġenerali tal-ministeri kkonċernati kienet tikkonsistu fit-tiġdid tal-kuntratti għal żmien fiss għall-perijodi ta’ bejn 12 u 24 xahar. Madankollu, matul il-perijodu li ġie immedjatament qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ l-2003, il-Ministeru ta’ l-affarijiet barranin kien ipproroga l-kuntratti ta’ impjieg ta’ ċerti applikanti għal żmien fiss li jasal sa 8 snin.

31.

Quddiem ir-Rights Commissioner, l-applikanti, li kienu rrappreżentati minn IMPACT, sostnew li kien hemm ksur tad-dritt tagħhom għat-trattament ugwali, b’mod partikulari minħabba li huma ma kinux ibbenefikaw mill-istess paga u mill-istess drittijiet għall-pensjoni bħall-uffiċjali titulari, li, fil-fehma tagħhom, huma impjegati permanenti paragunabbli. Barra minn hekk, huma sostnew li l-prorogi suċċessivi tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss tagħhom li ġew stabbiliti mill-ministeri kkonċernati kienu abbużivi.

32.

Għall-perijodu ta’ bejn l-10 ta’ Lulju 2001 u l-14 ta’ Lulju 2003 — jiġifieri l-perijodu inkluż bejn l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u d-data ta’ traspożizzjoni effettiva tagħha fl-Irlanda — l-applikanti bbażaw t-talbiet tagħhom fuq il-klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas billi nvokaw l-effett dirett tagħhom. Fir-rigward tal-perijodu li jiġi wara l-14 ta’ Lulju 2003, l-applikanti invokaw l-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-2003.

33.

Il-ministeri kkonċernati kkontestaw il-ġurisdizzjoni tar-Rights Commissioner fir-rigward tat-talbiet in kwistjoni safejn dawn kienu bbażati fuq id-Direttiva 1999/70. F’dan ir-rigward, huma sostnew li r-Rights Commissioner seta jiddeċiedi biss fuq talbiet ibbażati fuq ksur tal-liġi domestika applikabbli. Sussidjarjament, huma sostnew li l-klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas la kienu mingħajr kundizzjoni u lanqas preċiżi biżżejjed u għaldaqstant ma setgħux jiġu invokati mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali. Barra minn hekk, fil-fehma tagħhom, impjegat għal żmien fiss ma setax jibbaża ruħu fuq il-klawżola 4 tal-ftehim qafas biex jippretendi paga u pensjoni ugwali għal dik ta’ ħaddiem permanenti paragunabbli.

34.

Ir-Rights Commissioner iddikjara li huwa kellu ġurisdizzjoni, inkluż għall-perijodu ta’ bejn l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u d-data għat-traspożizzjoni effettiva tagħha fl-Irlanda. Barra minn hekk, huwa ddikjara li l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg previsti fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas kien jinkludi wkoll il-paga u d-dritt għall-pensjoni. Fl-aħħar nett, huwa kkunsidra li l-klawżola 4 ta’ l-imsemmi ftehim kienet tapplika direttament, mhux bħall-klawżola 5.

35.

Konsegwentement, ir-Rights Commissioner iddeċieda li kienu fondati biss l-argumenti ta’ l-applikanti li ma kienux ibbażati fuq il-klawżola 5 tal-ftehim qafas. Fil-fehma tiegħu, il-ministeri kienu kisru d-drittijiet ta’ l-applikanti li jirriżultaw kemm mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kif ukoll mid-Direttiva 1999/70 meta imponewlhom kundizzjonijiet ta’ impjieg inqas favorevoli minn dawk mogħtija lill-impjegati permanenti paragunabbli. B’impjegati permanenti paragunabbli, ir-Rights Commissioner fisser l-uffiċjali titulari.

36.

Fid-dawl ta’ l-Artikolu 14(2) tal-liġi ta’ l-2003, ir-Rights Commissioner ornda li l-applikanti jingħataw kumpens fi flus ta’ bejn EUR 2000 u EUR 40000. Barra minn hekk, huwa ordna lid-diversi ministeri sabiex jagħtu lill-applikanti l-istess kundizzjonijiet ta’ impjieg bħal dawk li minnhom igawdu l-impjegati permanenti paragunabbli. Fl-aħħar nett, huwa rrikonoxxa d-dritt ta’ ċerti applikanti sabiex dawn jingħataw kuntratt għal żmien indefinit suġġett għall-kundizzjonijiet li ma jkunux inqas favorevoli minn dawk applikabbli għall-impjegati permanenti paragunabbli.

37.

Il-ministeri kkonċernati appellaw mid-deċiżjoni tar-Rights Commissioner quddiem il-Labour Court ta’ Dublin. IMPACT interponiet appell inċidentali kontra din id-deċiżjoni in kwantu l-istess deċiżjoni ddikjarat li l-klawżola 5 tal-ftehim qafas ma kinitx direttament applikabbli.

IV — It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

38.

B’digriet tat-12 ta’ Ġunju 2006, li ġie ppreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ġunju 2006, il-Labour Court ta’ Dublin iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domandi preliminari:

“1)

Meta jkollhom quddiemhom kawża fl-ewwel istanza skond dispożizzjoni tal-liġi domestika jew meta jkunu qegħdin jiddeċiedu appell kontra tali deċiżjoni, ir-Rights Commissioner u l-Labour Court huma marbutin, abbażi ta’ prinċipju tad-dritt Komunitarju (b’mod partikulari l-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività), li japplikaw dispożizzjoni direttament applikabbli tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP f’ċirkustanzi fejn:

ir-Rights Commissioner u l-Labour Court ma jkunux espressament ingħataw il-ġurisdizzjoni għal dan il-għan skond il-liġi domestika ta’ l-Istat Membru kkonċernat, inklużi d-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponi d-Direttiva;

l-individwi jistgħu jadixxu lill-High Court b’talbiet oħra li jirriżultaw mill-fatt li min iħaddimhom ma applikax id-direttiva għas-sitwazzjoni partikulari tagħhom, u fejn

l-individwi jistgħu jadixxu lill-qrati ordinarji li għandhom ġurisdizzjoni b’talbiet oħra kontra l-Istat Membru kkonċernat, sabiex jiksbu kumpens għad-danni li huma sofrew mill-fatt li dak l-Istat ma ttrasponiex id-direttiva fit-termini imposti?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1:

a)

Il-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u anness mad-Direttiva 1999/70/KE hija mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali?

b)

Il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u anness mad-Direttiva 1999/70/KE hija mingħajr kundizzjoni u preċiża biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-individwi quddiem il-qrati nazzjonali?

3)

Fid-dawl tat-tweġibiet tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda 1 u għad-domanda 2b):

 

il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP u anness mad-Direttiva 1999/70/KE tipprojbixxi li Stat Membru, li jkun qiegħed jaġixxi bħala l-persuna li tħaddem, milli jġedded kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss għal perijodu li jwassal sa tmien snin matul il-perijodu li jiġi wara d-data li fiha kellha tiġi trasposta l-imsemmija Direttiva u qabel l-adozzjoni tal-liġi ta’ traspożizzjoni, meta:

il-kuntratt kien dejjem ġie mġedded sa dakinhar għall-perijodi iqsar, u li min iħaddem għandu bżonn is-servizzi ta’ l-impjegat għall-perijodu li jeċċedi ż-żmien tal-proroga tas-soltu;

it-tiġdid tal-kuntratt għal dan il-perijodu itwal għandu l-effett li jimpedixxi lil individwu milli jibbenefika bis-sħieħ mill-applikazzjoni tal-klawżola 5 tal-ftehim qafas meta din tiġi trasposta fil-liġi domestika; u li

mhemmx raġunijiet oġġettivi, li mhumiex relatati ma’ l-istat ta’ l-impjegat qua ħaddiem għal żmien fiss, tali li jiġġustifikaw dan it-tġidid?

4)

Fil-każ ta’ tweġibiet negattivi għad-domanda 1 jew għad-domanda 2:

 

ir-Rights Commissioner u l-Labour Court huma obbligati skond id-dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (u b’mod partikulari skond l-obbligu li jinterpretaw il-liġi domestika fid-dawl tat-test u l-għan tad-direttiva, b’mod li jilħqu r-riżultat kontemplat minnha) li jinterpretaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika adottati sabiex jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill Nru 1999/70 tat-28 ta’ Ġunju 1999, rigwardanti l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP fis-sens li l-istess dispożizzjonijiet għandhom effett retroattiv għad-data li fiha kellha tiġi trasposta d-direttiva, meta:

id-diċitura tad-dispożizzjoni tal-liġi domestika ma teskludix espressament tali interpretazzjoni, imma fejn

regola tal-liġi domestika li tirregola l-interpretazzjoni tal-liġijiet tipprekludi tali applikazzjoni retroattiva sakemm me jkunx hemm indikazzjoni ċara u inekwivoka f’sens ieħor?

5)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 1 jew għad-domanda 4:

 

il-“kundizzjonijiet ta’ l-impjieg” li għalihom tagħmel riferenza l-klawżola 4 tal-ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70 jinkludu l-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw l-paga u l-pensjonijiet?”

39.

Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub u orali minn IMPACT u mill-ministeri Irlandiżi appellanti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub.

V — Evalwazzjoni

A — Fuq l-ewwel domanda: l-obbligu li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju b’effett dirett fin-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni espressa

Osservazzjoni preliminari

40.

Permezz ta’ l-ewwel domanda tagħha, il-Labour Court tixtieq essenzjalment tistaqsi jekk il-qorti nazzjonali hijiex obbligata li tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju b’effett dirett meta l-liġi nazzjonali ma tagħtiha ebda ġurisdizzjoni espressa f’dan is-sens, imma meta hija jkollha ġurisdizzjoni li tapplika liġi nazzjonali li tkun ittrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġi domestika u li, fin-nuqqas ta’ dan, l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw direttament dawn l-istess dispożizzjonijiet biss quddiem qrati nazzjonali oħra u taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli.

41.

Din id-domanda tista’ tidher li mhijiex tas-soltu ma’ l-ewwel daqqa t’għajn. Sabiex wieħed jifhimha sew, jeħtieġ li nħarsu lejn is-sistema ta’ kompetenzi ġurisdizzjonali fl-Irlanda.

42.

Skond l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-ġurisdizzjoni tar-Rights Commissioner u tal-Labour Court fl-Irlanda hija limitata għas-setgħet mogħtija lilhom mil-liġi. Madankollu, ebda waħda minnhom ma għandha espressament ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq talbiet ibbażati fuq dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju li għandha effett dirett, sakemm dik id-dispożizzjoni ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi li tagħtihom il-ġurisdizzjoni.

43.

Huwa abbażi ta’ dan li l-ministeri kkonċernati, fil-kwalità tagħhom ta’ appellanti fil-kawża prinċipali, ikkontestaw il-ġurisdizzjoni tar-Rights Commissioner u tal-Labour Court biex jiddeċiedu fuq rikorsi immresqa mill-applikanti, peress li dawn huma bbażati direttament fuq id-Direttiva 1999/70.

44.

Din il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni għandha importanza prattika għall-perijodu li jiġi qabel l-14 ta’ Lulju 2003, fejn id-Direttiva 1999/70 ma kinitx għadha ġiet trasposta fid-dritt Irlandiż. Huwa preċiżament għal dan il-perijodu li l-applikanti jinvokaw direttament din id-Direttiva u l-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss li jinsab anness magħha.

L-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri u l-limiti tagħha

45.

La d-Direttiva 1999/70 u lanqas il-ftehim qafas ma jinkludu regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippermettu li jiġu deċiżi kwistjonijiet relatati ma’ drittijiet li jirriżultaw minn dawn it-testi. Min-naħa l-oħra, il-klawżola 8(5) tal-ftehim qafas, f’dan ir-rigward, tagħmel riferenza espressa għal-liġi nazzjonali, għall-ftehim kollettivi u għall-prattika nazzjonali.

46.

Minn dan isegwi li sabiex tingħata risposta għad-domanda mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġ li bħala punt tat-tluq jittieħed il-prinċipju ta’ l-awtonomija proċedurali ta’ l-Istati Membri ( 15 ): skond ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jindika l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni u jirregola l-metodi proċedurali tar-rimedji intiżi sabiex jassiguraw l-osservanza sħiħa tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt Komunitarju ( 16 ).

47.

Għall-finijiet ta’ din l-awtonomija proċedurali, mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tintervjeni sabiex issib soluzzjoni għall-problemi ta’ ġurisdizzjoni li, fuq livell ta’ organizzazzjoni ġudizzjarja nazzjonali, tista’ tqajjem il-klassifikazzjoni ta’ ċerti sitwazzjonijiet ġuridiċi bbażati fuq id-dritt Komunitarju ( 17 ).

48.

Madankollu, skond il-prinċipju ta’ lealtà Komunitarja stipulat fl-Artikolu 10 KE huma l-qrati ta’ l-Istati Membri li, fil-kuntest ta’ l-awtonomija proċedurali tagħhom, għandhom jassiguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet ta’ l-individwi, mogħtija lilhom mid-dritt Komunitarju ( 18 ); huwa l-obbligu ta’ l-Istati Membri li jassiguraw, f’kull każ, protezzjoni effettiva ta’ dawn id-drittijiet ( 19 ).

49.

Dawn ir-regoli huma l-espressjoni tal-prinċipju tal-protezzjoni legali effettiva li, skond ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju li jagħmel parti integrali mid-drittijiet fundamentali protetti mill-Komunità ( 20 ), u li għalhekk għandu jiġi rrispettat ukoll mill-Istati Membri fl-oqsma fejn ikun japplika d-dritt Komunitarju ( 21 ).

50.

Madankollu, sabiex f’kull każ jiġu protetti d-drittijiet individwali mogħtija mid-dritt Komunitarju, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-individwi jingħataw aċċess xieraq għall-qrati nazzjonali. Dan l-aċċess jiġi stabbilit prinċipalment mir-regoli li jirregolaw il-kompetenza ġudizzjarja kif ukoll il-regoli proċedurali li jirregolaw id-diversi rimedji legali disponibbli. F’dan ir-rigward, mhemm l-ebda differenza sostantiva bejn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni u r-regoli tal-proċedura: fil-fatt l-organizzazzjoni ħażina tal-proċedura tista’ effettivament tostakola l-aċċess ta’ l-individwi għall-qrati nazzjonali b’mod daqstant gravi daqs meta jkollok regoli ta’ ġurisdizzjoni sfavorevoli.

51.

Kemm ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni kif ukoll ir-regoli proċedurali tar-rimedji li huma intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt Komunitarju m’għandhomx ikunu inqas favorevoli minn dawk li jirrigwardaw ir-rimedji simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u m’għandhomx jirrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju (prinċipju ta’ effettività) ( 22 ).

52.

Huwa abbażi ta’ dawn il-kriterji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività li għandu jiġi vverifikat jekk, f’kawża bħalma hija din in eżami, huwiex kumpatibbli mad-dritt Komunitarju li wieħed iwarrab il-ġurisdizzjoni tal-qrati tax-xogħol Irlandiżi (li hija komposta mir-Rights Commissioners u mil-Labour Court) li jiddeċiedu fuq talbiet ibbażati direttament fuq id-Direttiva 1999/70 u fuq il-ftehim qafas u li jirrigwardaw il-perijodu li jiġi qabel l-14 ta’ Lulju 2003 u jibgħat lil min jagħmel it-talba quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi sabiex jiksbu deċiżjoni fuq it-talba tiegħu.

53.

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha konoxxenza diretta tar-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi taħt il-liġi domestika, li għandha tivverifika jekk fil-kawża in kwistjoni l-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività jkunux ġew irrispettati. Madankollu, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni li jkollha tagħmel il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdila l-indikazzjonijiet neċessarji fir-rigward tar-regoli imposti mid-dritt Komunitarju ( 23 ).

Il-prinċipju ta’ l-effettività

54.

Għandu l-ewwel nett jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-prinċipju ta’ l-effettività, l-eżerċizzju tad-drittijiet li l-applikanti għandhom abbażi tad-Direttiva 1999/70 u abbażi tal-ftehim qafas kienx ikun impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli li kieku, għall-perijodu preċedenti għall-14 ta’ Lulju 2003, l-aċċess għall-qorti tax-xogħol Irlandiża kellu jiġi rrifjutat lilhom u minflok jiġu mistiedna jużaw mezzi oħra ġudizzjarji quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi.

55.

Is-sempliċi fatt li fi Stat Membru ċerti azzjonijiet ma jistgħux isiru quddiem il-qrati nazzjonali kollha imma huma rriżervati għall-qorti speċifika, minnu nnifsu, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ l-effettività. Min-naħa l-oħra, ċerta speċjalizzazzjoni fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tista’ tkun tirrifletti bżonn leġittimu; din tikkontribwixxi għall-organizzar tajjeb ta’ l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u timmanifesta ruħha f’diversi Stati Membri f’forom mill-iktar diversi.

56.

Fi kwalunkwe każ, jidher li l-individwi dejjem għandhom il-fakultà li, bħala prinċipju, jinvokaw direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 jew tal-ftehim qafas quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi. Fil-fatt, skond l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-applikanti jistgħu jfittxu lill-Istat Irlandiż, qua persuna li tħaddem, quddiem dawn il-qrati u b’dan il-mod jinvokaw direttament il-protezzjoni ġudizzjarja abbażi ta’ l-allegat ksur tad-drittijiet li tagħtihom id-direttiva ( 24 ); id-drittijiet tagħhom bl-ebda mod mhuma limitati li jinvokaw biss protezzjoni ġudizzjarja sussidjarja fil-forma ta’ azzjoni għall-kumpens għad-danni kontra l-Istat Irlandiz minħabba t-traspożizzjoni tardiva tad-Direttiva 1999/70 ( 25 ).

57.

Madankollu, din il-kawża hija differenti minħabba li l-applikanti jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq id-dritt Komunitarju fir-rigward ta’ min iħaddimhom kemm għall-perijodu preċedenti għall-14 ta’ Lulju 2003 — jiġifieri qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 fid-dritt Irlandiż — kif ukoll għall-perijodu suċċessiv għal din id-data.

58.

Huwa minnu li, għal-perijodu preċedenti għall-14 ta’ Lulju 2003, l-applikanti jibbażaw it-talbiet tagħhom direttament fuq id-direttiva u fuq il-ftehim qafas, filwaqt li, għall-perijodu ta’ wara din id-data huma jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq il-liġi Irlandiża ta’ l-2003 li ġiet adottata sabiex tittrasponi d-direttiva. Madankollu, indipendentement minn dawn il-bażijiet legali formalment distitnti, huma jitolbu li jingħataw l-istess protezzjoni bħall-impjegati għal żmien fiss kemm għall-perijodu preċedenti u kif ukoll għal dak suċċessiv għad-data ta’ l-14 ta’ Lulju 2003, protezzjoni din li, fl-aħħar mill-aħħar, tibqa’ bbażata fuq id-Direttiva 1999/70.

59.

Għalkemm l-applikanti, għall-perijodu preċedenti għat-traspożizzjoni tagħha, setgħu jinvokaw direttament id-Direttiva 1999/70 biss quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi, bl-esklużjoni tal-qorti tax-xogħol Irlandiża, fil-prattika huma jkunu obbligati li jistitwixxu żewġ proċeduri paralleli sabiex jiksbu l-protezzjoni li huma intitolati għaliha skond id-dritt Komunitarju: proċedura quddiem il-qrati ordinarji għall-perijodu preċedenti għat-traspożizzjoni — tardiva — tad-direttiva fid-dritt Irlandiż, segwita bit-tieni proċedura quddiem il-qorti tax-xogħol għall-perijodu sussegwenti.

60.

Il-ministeri Irlandiżi appellanti joġġezzjonaw li l-applikanti setgħu evitaw dan il-piż doppju kieku huma rrikorrew quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi mill-ewwel. Huma jsostnu li l-kompetenzi tal-qorti tax-xogħol Irlandiża huma fakultattivi ( 26 ), b’tali mod li l-applikanti ma kienux obbligati li jirrikorru quddiem ir-Rights Commissioner u l-Labour Court għall-perijodu li beda mill-14 ta’ Lulju 2003. Min-naħa l-oħra, huma setgħu sostnew it-talbiet kollha tagħhom quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi, irrispettivament minn jekk dawn jirrigwardawx il-perijodu li jiġi qabel jew wara l-14 ta’ Lulju 2003.

61.

Waqt is-seduta, IMPACT ikkonfutat bil-qawwa dawn id-dikjarazzjonijiet. Hija ssostni li skond il-liġi ta’ l-2003 l-ġurisdizzjoni tal-qorti tax-xogħol Irlandiża hija ta’ natura obbligatorja. Fi kwalunkwe każ, il-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji fil-kawżi fil-qasam ta’ l-impjiegi għal żmien fiss ma kellhom ebda importanza prattika sal-ġurnata tal-lum.

62.

Mhuwiex ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq din il-kwitsjoni dwar l-interpretazzjoni tal-liġi domestika. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkunsidra, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komuitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi preliminari, kif definit fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 27 ). F’dan il-każ, skond id-digriet tar-rinviju jidher li l-liġi ta’ l-2003 tagħti natura obbligatorja lill-ġurisdizzjoni tal-qorti tax-xogħol Irlandiża ( 28 ).

63.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-applikanti għandhom effettivament jintentaw żewġ proċeduri quddiem qrati differenti sabiex jiskbu l-protezzjoni sħiħa li huma intitolati għaliha skond id-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas fil-kwalità tagħhom ta’ impjegati għal żmien fiss. Dan il-piż doppju, li jinvolvi żewġ proċeduri, bil-karatteristiċi u riskji relatati magħhom, jagħmilha eċċessivament diffiċli, fil-konfront ta’ l-applikanti, li jkun hemm implementazzjoni effettiva tal-protezzjoni li jiggarantilhom id-dritt Komunitarju bħala impjegati għal żmien fiss. Din is-sitwazzjoni mhijiex kumpatibbli mal-prinċipju ta’ l-effettività.

64.

Madankollu, anke li kieku l-ġurisdizzjoni tal-qorti tax-xogħol Irlandiża kellha tkun biss fakultattiva, għandhu, f’kull każ, jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatt li din hija l-qorti speċjalizzata speċifikatament inkarigata, mil-leġiżlatur Irlandiż permezz tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, sabiex issolvi l-kontroversji li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal żmien fiss. Ir-rikors għal din il-qorti speċjalizzata għandu jippermetti l-implementazzjoni sħiħa tal-protezzjoni li d-direttiva tagħti lill-impjegati għal żmien fiss. Din hija, essenzjalment, l-istess protezzjoni, kemm jekk toħroġ direttament jew anke indirettament — permezz tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni — mid-direttiva ( 29 ).

65.

Is-separazzjoni tal-kompetenzi ġudizzjarji għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tad-direttiva minn naħa u tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni min-naħa l-oħra tagħmilha iktar diffiċli, fil-konfront ta’ l-impjegati kkonċernati, li jkun hemm implementazzjoni effettiva tal-protezzjoni preskritta mid-dritt Komunitarju. L-effett dirett tad-dritt Komunitarju, li, fil-każ ta’ inadempjenza min-naħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, jikkontribwixxi għat-twettiq effettiv tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-dritt Komunitarju ( 30 ), jiġi b’hekk imdgħajjef.

66.

Il-prinċipju ta’ l-effettività jeżiġi li, quddiem qorti li għandha l-obbligu li tapplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ xi direttiva, wieħed jista’ wkoll jikseb l-eżekuzzjoni ta’ drittijiet derivaneti direttament minn dik id-direttiva għall-perijodi preċedenti t-traspożizzjoni tagħha.

Il-prinċipju ta’ l-ekwivalenza

67.

Il-prinċipju ta’ l-ekwivalenza huwa manifestazzjoni tal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni li jirrikjedi li sitwazzjonijiet simili ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat ( 31 ).

68.

Bħalma diġà ġie espost, il-kawżi magħmulin mill-applikanti quddiem il-qorti tax-xogħol Irlandiża kienu intiżi sabiex ikun hemm implementazzjoni tal-protezzjoni li jiggarantilhom id-dritt Komunitarju fil-kwalità tagħhom ta’ impjegati għal żmien fiss ( 32 ). Kif diġà ġie msemmi, din kienet l-istess protezzjoni, kemm għall-perijodu preċedenti l-14 ta’ Luljuu 2003 kif ukoll għall-perijodu suċċessiv, li hija bbażata, fl-aħħar mill-aħħar, fuq id-Direttiva 1999/70, kemm jekk din toħroġ direttament jew indirettament — permezz tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni — mill-imsemmija direttiva.

69.

Konsegwentement, jekk, sabiex jiksbu r-rikonoxximent ta’ parti mid-drittijiet tagħhom — jiġifieri d-drittijiet ikkonċernati għall-perijodu preċedenti l-14 ta’ Lulju 2003 — l-applikanti huma obbligati li jiftħu kawżi quddiem il-qrati ordinarji kontra min iħaddimhom, għandu ġustament jiġi vverifikat — kuntrarjament għat-teżi tal-ministeri appellanti — jekk dawn il-kawżi humiex ekwivalenti għar-rimedji li għandhom jitressqu quddiem il-qorti tax-xogħol. Fil-fatt, iż-żewġ rimedji in kwistjoni huma intiżi sabiex jimplementaw l-istess protezzjoni, derivanti mid-Direttiva, għall-impjegati għal żmien fiss, u l-prinċipju ta’ l-ekwivalenza jeżiġi li l-kundizzjonijiet ta’ rmedju bbażat direttament fuq id-direttiva ma jkunux inqas favorevoli mill-kundizzjonijiet ta’ kawża bbażata fuq il-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

70.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina kemm l-għan kif ukoll il-karatteristiċi essenzjali tar-rimedji li jkunu allegatament simili kif previsti mil-liġiżlazzjoni nazzjonali; hija għandha tanalizza r-regoli proċedurali rispettivi fil-kuntest globali tagħhom, jiġifieri tieħu in kunsiderazzjoni r-rwol li għandhom id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-proċedura kollha, ta’ l-iżvolġiment u l-partikolaritajiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali differenti ( 33 ).

71.

Per eżempju, ikun hemm ksur tal-prinċipju ta’ l-ekwivalenza meta individwu li jinvoka dritt mogħti lilu mill-ordinament Komunitarja jinkorri spejjeż u jgħaddi minn dewmien żejjed meta mqabbel ma’ dak li huwa kien jinkorri u jgħaddi kieku huwa kkuntenta ruħu billi jipproċedi biss b’kawża bbażata fuq il-liġi domestika ( 34 ).

72.

Skond l-indikazzjonijiet kontenuti fid-digriet tar-rinviju, f’din il-kawża jeżistu differenzi netti bejn, minn naħa, ir-rimedji li l-impjegati għal żmien fiss, bħalma huma l-applikanti, jistgħu jinvokaw quddiem ir-Rights Commissioner u l-Labour Court u, min-naħa l-oħra, dawk li jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi, fil-konfront ta’ min iħaddimhom.

73.

Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tippreżenta l-proċeduri quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi bħala li huma sostanzjalment iktar formali, iktar kumplessi, iktar għaljin u bħala li jdumu iktar. F’dawn il-proċeduri jridu jitħallsu l-ispejjeż tal-Qorti, il-parti li titlef tista’ tiġi kkundannata li tħallas l-ispejjeż, u l-partijiet ma jistgħux ikunu rrappreżentati la minn sindakati u lanqas minn assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, iżda esklużivament minn avukati ( 35 ). Min-naħa l-oħra, ir-Rights Commissioner u l-Labour Court huma regolati bi proċedura iktar sempliċi, fejn il-partijiet jistgħu jkunu rrappreżentati minn persuna ta’ l-għażla tagħhom, b’mod partikulari minn sindakat jew minn assoċjazzjoni ta’ min iħaddem; iktar minn hekk, ma jiġux imposti spejjeż tal-Qorti.

74.

Ċertament, il-ministeri Irlandiżi appellanti kkontestaw parzjalment, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-preżentazzjoni u evalwazzjoni tar-regoli proċeduri Irlandiżi. Fuq dan il-punt madankollu, huwa biżżejjed li jiġi osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandiex, f’kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi jekk l-interpretazzjoni li l-qorti tar-rinviju tagħti lid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali hijiex korretta ( 36 ). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu in kunsiderazzjoni, fil-kuntest tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati Komunitarji u nazzjonali, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv li taħtu jaqaw d-domandi preliminari, hekk kif iddefinit fid-deċiżjoni ta’ rinviju ( 37 ).

75.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal mill-qorti tar-rinviju, ir-rimedji quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi disponibbli għall-applikant f’din il-kawża jidhru li huma inqas vantaġġjużi minn dawk li huwa jista’ jinvoka quddiem ir-Rights Commissioner u l-Labour Court. B’mod partikulari, għal persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni bħal dik ta’ l-applikanti, dawn ir-rimedji quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi jinvolvu riskju finanzjarju ogħla u ma jippermettulhomx li jkunu rrappreżentati minn sindakati.

76.

Konsegwentement, il-persuni ikkonċernati jkunu ttrattati b’mod inqas favorevoli meta huma jibbażaw it-talbiet tagħhom direttament fuq id-dritt Komunitarju għall-perijodu preċedenti għad-data ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 milli meta huma jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq il-liġi Irlandiża ta’ traspożizzjoni għall-perijodu suċċessiv għal dik id-data.

77.

Safejn il-ġurisdizzjoni tal-qorti tax-xogħol Irlandiża tiġi meqjusa bħala obbligatorja għall-perijodu li jibda mill-14 ta’ Lulju 2003, wieħed jista’ jara trattament inqas favorevoli ta’ l-impjegati bħalma huma l-applikanti minħabba l-fatt li — kif diġà semmejt f’kuntest ieħor ( 38 ) — fil-prattika huma jkunu obbligati jistitwixxu żewġ proċeduri paralleli biex jiksbu l-protezzjoni li huma intitolati għaliha skond id-dritt Komunitarju: l-proċedura quddiem il-qrati ordinarji għall-perijodu preċedenti t-traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 fid-dritt Irlandiż, u proċedura oħra quddiem il-qorti tax-xogħol għall-perijodu suċċessiv. Jekk min-naħa l-oħra huma jibbażaw it-talbiet tagħhom fuq il-liġi ta’ l-2003 biss, bl-esklużjoni tad-dritt Komunitarju, tkun meħtieġa proċedura waħda fejn fi kwalunkwe każ jibqa’ l-possibbiltà ta’ rimedju quddiem il-qorti tax-xogħol Irlandiża.

78.

It-trattament inqas favorevoli ta’ l-applikanti ma jistax ikun iġġustifikat bil-fatt li qabel l-14 ta’ Lulju 2003 ma kienet teżisti ebda liġi Irlandiża li tittrasponi d-Direttiva 1999/70 li setgħet tagħti l-ġurisdizzjoni lill-qorti tax-xogħol. Fil-fatt, Stat Membru ma jistax jinvoka fil-konfront ta’ individwi n-nuqqas tiegħu li jittrasponi Direttiva fil-liġi domestika ( 39 ).

79.

Konsegwentement, il-fatt li l-applikanti, għall-perijodu preċedenti l-14 ta’ Lulju 2003, jiġu miċħuda l-aċċess għall-qorti tax-xogħol Irlandiża u jintbagħtu quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ l-ekwivalenza.

Effetti legali

80.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għalhekk, ikun hemm ksur kemm tal-prinċipju ta’ l-effettività kif ukoll tal-prinċipju ta’ l-ekwivalenza jekk xi impjegati bħalma huma l-applikanti jintbagħtu quddiem il-qrati ordinarji Irlandiżi għall-perijodu preċedenti l-14 ta’ Lulju 2003 u meta jkun miċħud l-aċċess għall-qorti tax-xogħol Irlandiża.

81.

Mill-obbligu tal-lealtà Komunitarja (Artikolu 10 KE) jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tagħha kif ukoll ir-regoli proċedurali applikabbli għall-kawżi quddiemha, b’mod li tiżgura, safejn huwa possibbli, protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom bis-saħħa tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas. ( 40 )

82.

Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, il-Labour Court issostni li fil-kawża preżenti l-ġurisdizzjoni tagħha tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-dritt Komunitarju li jippermettilha li tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni mhux biss għall-perijodu li jibda mill-14 ta’ Lulju 2003 imma wkoll għall-perijodu preċedenti l-istess data, u li għaldaqstant timplementa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas li għandhom effett dirett.

83.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, skond il-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività, il-qorti tar-rinviju, hija obbligata li fil-kawża prinċipali tapplika d-dispożizzjonijiet li għandhom effett dirett tad-Direttiva 1999/70 u tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, sabiex, f’kull każ, tiżgura protezzjoni effettiva tad-drittijiet individwali li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet ( 41 ).

Konklużjoni parzjali

84.

Konsegwentement, issegwi l-konklużjoni parzjali segwenti:

Skond il-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività, qorti nazzjonali hija obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom effett dirett anke meta l-liġi nazzjonali ma tkun tata l-ebda ġurisdizzjoni espressa f’dan is-sens, iżda hija jkollha ġurisdizzjoni li tapplika liġi nazzjonali suċċessiva li tkun ittrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġi domestika u meta, barra minn hekk, għall-perijodu preċedenti l-adozzjoni tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, l-individwi jkunu jistgħux jinvokaw direttament dawn l-istess dispożizzjonijiet biss quddiem qrati nazzjonali oħra u taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli.

B — Fuq it-tieni domanda: analiżi ta’ l-effett dirett tal-klawżoli 4 u 5 tal-ftehim qafas.

85.

It-tieni domanda tqum biss fl-ipoteżi fejn, kif diġà pproponejt ( 42 ), tingħata risposta affermattiva għall-ewwel domanda. Permezz ta’ din it-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-klawżoli 4(1) u 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss japplikawx direttament, b’tali mod li l-individwi jkunu jistgħu jinvokaw dawn id-dispożizzjonijiet fil-qorti.

86.

Huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi jistgħu jipproduċu effett dirett ( 43 ): fil-każijiet kollha fejn dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru bħala li huma, mil-lat tal-kontenut tagħhom, bla kundizzjoni u preċiżi biżżejjed, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu invokati, fin-nuqqas ta’ miżuri ta’ implementazzjoni adottati fit-termini previsti, kontra kull dispożizzjoni nazzjonali li mhijiex konformi mad-direttiva, jew ukoll safejn huma jiddefinixxu drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw, kontra l-Istat ( 44 ). Id-dispożizzjonijiet li għandhom effett dirett tad-direttivi jistgħu jiġu invokati wkoll kontra l-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tħaddem ( 45 ).

87.

Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta b’mod sempliċi għall-ftehim qafas. Fil-fatt, anke jekk il-kontenut tal-ftehim jiġi nnegozjat bejn l-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju (Artikolu 139(1) KE), l-istess ftehim xorta waħda jiffurmaw parti integrali mid-direttivi adottati mill-Kunsill sabiex jimplementawhom (Artikolu 139(2), KE moqri flimkien ma’ l-Artikolu 137 KE) u għandhom l-istess natura ġuridika bħad-direttivi msemmija.

88.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss in kwistjoni f’din il-kawża ( 46 ), madankollu hija għad ma kellhiex l-okkażjoni tiddeċiedi fuq l-applikabbiltà diretta tagħhom ( 47 ).

Fuq l-ewwel parti tat-tieni domanda: il-klawżola 4 tal-ftehim qafas

89.

L-ewwel parti tat-tieni domanda (domanda 2(a)) hija ddedikata għall-effett dirett tal-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas. Din id-dispożizzjoni tesponi l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni tal-ħaddiema għal żmien fiss.

90.

Il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni jikkostitwixxu wieħed mill-eżempji klassiċi ta’ l-applikazzjoni ta’ l-effett dirett tad-dritt Komunitarju. Dan japplika mhux biss għall-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni msemmijin fid-dritt primarju — b’mod partikulari fil-libertajiet fundamentali u f’dispożizzjonijiet bħalma huma l-Artikolu 141 KE ( 48 ), imma wkoll għall-projbizzjonijiet fuq id-diskriminazzjoni li l-leġiżlatur Komunitarju stabbilixxa fid-dritt sekondarju, partikularment f’ċerti direttivi tal-liġi soċjali ( 49 ).

91.

Il-ministeri Irlandiżi appellanti, madankollu, xorta waħda jikkontestaw, f’din il-kawża, l-effett dirett tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ l-impjegati għal żmien fiss. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-kontenut ta’ din il-projbizzjoni huwa wisq impreċiż; dan jirriżulta per eżempju mill-użu ta’ kunċetti ġuridiċi vagi u ta’ riferenza għall-prinċipju tal-pro rata temporis fil-klawżola 4(2) tal-ftehim qafas. Fit-tieni lok, huma jinvokaw il-klawżola 4(3) sabiex isostnu li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni mhijiex bla kundizzjoni, peress li l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tagħha għandhom ma ġewx stabbiliti mill-Istati Membri.

92.

Ebda wieħed minn dawn iż-żewġ argumenti mhuwa konvinċenti.

93.

Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-klawżola 4(3) tal-ftehim qafas, l-“arranġamenti” li l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu bl-ebda mod ma huma kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni. Jiena naqbel mal-fehma tal-qorti tar-rinviju li tgħid li l-arranġamenti għall-applikazzjoni huma maħsubin biss sabiex jiffaċilitaw l-implementazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni u t-twettiq konkreta tagħha fil-ħajja kwotidjana tax-xogħol ( 50 ).

94.

Għalkemm dawn l-arranġamenti għall-applikazzjoni jistgħu jkunu ta’ natura proċedurali, huma jista’ jkun fihom ukoll dispożizzjonijiet sostantivi jew linji gwida li jistabbilixxu il-konsegwenzi prattiċi tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni jew li juru l-effetti tagħha, probabbilment bl-għajnuna ta’ eżempji, b’tali mod li tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-setturi u xogħolijiet partikulari ( 51 ), kemm jekk fil-liġi nazzjonali kif ukoll fil-ftehim kollettivi.

95.

Mill-fatt biss li dawn l-arranġamenti għall-applikazzjoni għandhom jiġu definiti, ma jistax jiġi kkonkluż li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjonijiet u li l-individwi ma jistgħux jinvokawha fin-nuqqas ta’ dawn l-arranġamenti ( 52 ). Min-naħa l-oħra, jekk l-arranġamenti ma jkunux ġew definiti, il-protezzjoni minima li minnha għandhom jibbenefikaw l-impjegati għal żmien fiss toħroġ mill-ftehim qafas innifsu.

96.

B’mod ġenerali, wieħed ma jistax jeskludi l-effett dirett ta’ dispożizzjoni ta’ direttiva minħabba s-sempliċi fatt li dik id-direttiva tħalli ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tagħha ( 53 ). Fil-fatt, din id-diskrezzjoni hija fin-natura stess tad-direttiva, li, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, hija obbligatorja biss fir-rigward tar-riżultat persegwit iżda tħalli l-għażla tal-forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex il-kriterju deċiżiv li jippermetti li jingħad li d-dispożizzjoni in kwistjoni f’kawża partikulari hija direttament applikabbli jinsab fil-kwistjoni ta’ jekk il-kontenut ta’ l-istess dispożizzjoni huwiex preċiż biżżejjed ( 54 ) u jekk din tistax tiġi applikata minn kwalsiasi qorti ( 55 ).

97.

Dan hu l-każ f’din il-kawża. Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni prevista fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas hija l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali tat-trattament ugwali u tan-non diskriminazzjoni u hija maħsuba li tħares lill-impjegati taħt kuntratt għal żmien fiss minn kundizzjonijiet ta’ impjieg inqas favorevoli minn dawk mogħtija lill-impjegati permanenti paragunabbli. L-applikazzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti għal kull każ partikulari tikkostitwixxi waħda mill-missjonijiet klassiċi tal-qrati fil-qasam ta’ l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

98.

Il-fatt li dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju bħalma hija l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni in kwistjoni f’din il-kawża tiġi kklassifikata bħala “prinċipju” u li jiġu użati kunċetti legali vagi bħalma huma “kundizzjonijiet ta’ xogħol” jew “kundizzjonijiet ta’ impjieg” ma jimplikax, minnu nnifsu, li l-kontenut ta’ dik id-dispożizzjoni huwa nieqes mill-preċiżjoni u li, konsegwentement, l-istess dispożizzjoni m’għandiex effett dirett ( 56 ). Min-naħa l-oħra, id-dubji li tista’ tqajjem l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti jistgħu jiġu solvuti bil-proċedura ta’ talba għal deċiżjoni preliminari ( 57 ).

99.

F’din il-kawża, ir-referenza għal “raġunijiet oġġettivi” li jistgħu jiġġustifikaw li l-impjegati għal żmien fiss jiġu trattati b’mod differenti minn impjegati permanenti paragunabbli (ara l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas) lanqas ma teskludi l-effett dirett tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni. Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li s-sempliċi possibbiltà li wieħed jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ xi direttiva f’każijiet eċċezzjonali ma jistax iċaħħad dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett dirett ( 58 ).

100.

Il-possibbiltà li jkun hemm trattament differenti bbażat fuq raġunijiet oġġettivi hija rikonoxxuta għall-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni kollha previsti mid-dritt Komunitarju ( 59 ). Il-fatt li din il-possibbiltà tiġi msemmija espressament fil-ftehim qafas hija biss dikjarazzjoni addizzjonali li tikkonferma xi ħaġa evidenti u bl-ebda mod ma tbiddel il-kontenut ċar tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

101.

Ir-riferenza għall-prinċipju tal-pro rata temporis tissodisfa funzjoni ta’ kjarifika simili, fejn il-klawżola 4(2) tal-ftehim qafas iżżid is-segwenti kjarifika: “[m]eta approprjat”. Din ukoll tillimita ruħha li, fl-aħħar mill-aħħar, tindika l-konsegwenzi ġenerali derivanti mill-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni: il-benefiċċji permessi fil-qasam tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg lill-impjegati permanenti paragunabbli ma jistgħux jiġu rrifjutati mingħajr raġuni oġġettiva lill-impjegati għal żmien fiss. Iż-żmien limitat li l-impjegati għal żmien fiss għaddew fis-servizz ta’ min iħaddimhom jista’ fil-fatt jikkostitwixxi raġuni oġġettiva bħal din sabiex huma jingħataw ċerti benefiċċji biss b’mod parzjali (pro rata temporis) u mhux b’mod sħieħ ( 60 ). Il-kwistjoni ta’ jekk, u meta, dan ikun il-każ tiddependi fuq l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull każ. F’kull każ, ir-referenza għall-prinċipju tal-pro rata temporis bl-ebda mod ma taffettwa l-kontenut ċar tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

102.

Konsegwentement, il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni msemmi fil-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas jissodisfa fit-totalità tiegħu l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà diretta tiegħu.

103.

Madankollu, hija u tapplika l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura li l-uffiċjali titulari impjegati fis-servizz pubbliku fl-Irlanda jistgħu vermanent jiġu kkunsidrati bħala impjegati permanenti paragunabbli għal uffiċjali mhux titulari impjegati għal żmien fiss bħalma huma l-applikanti. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi osservat, inċidentalment, li l-qrati Komunitarji, fil-qasam tas-servizz pubbliku Ewropew, irrifjutaw is-similarità bejn uffiċjali fis-servizz pubbliku u uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej ( 61 ).

104.

Iktar minn hekk, jeħtieġ li jiġu ppreċiżati wkoll il-konsegwenzi legali ta’ l-eventwali ksur tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni: skond ġurisprudenza stabbilita, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-istess benefiċċji bħal dawk li minnhom jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija pprivileġġjata għandhom jingħataw lill-persuni tal-kategorija żvantaġġjata; il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn l-ewwel titlob jew tistenna t-tħassir tagħha mil-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema li minnha jibbenefikaw l-impjegati l-oħra ( 62 ).

Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda: il-klawżola 5 tal-ftehim qafas

105.

Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda (domanda 2(b)) il-Labour Court tixtieq tkun taf jekk il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandhiex effett dirett. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex jadottaw miżura waħda jew iktar minn fost dawk li hija telenka sabiex jipprevjenu l-abbuż derivanti mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien fiss suċċessivi.

106.

Kemm IMPACT kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas hija direttament applikabbli. Madankollu, filwaqt li IMPACT issostni li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett mingħajr kundizzjonijiet, il-Kummissjoni hija iktar retiċenti: il-klawżola 5(1) għandha effett dirett biss safejn it-tiġdid ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien fiss huwa suġġett għall-eżistenza ta’ raġuni oġġettiva; dan japplika f’kull każ meta l-Istat Membru kkonċernat, matul il-perijodu ta’ traspożizzjoni, ma jkunx introduċa miżuri oħra kumpatibbli mal-klawżola 5(1).

107.

Min-naħa l-oħra, kemm il-ministeri Irlandiżi appellanti kif ukoll il-qorti tar-rinviju jeskludu b’mod ġenerali l-effett dirett, billi jsostnu li din id-dispożizzjoni tħalli marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-Istati Membri.

108.

Nixtieq mill-ewwel nosserva li jiena nippreferi din l-aħħar pożizzjoni.

109.

Ċertament, il-ftehim qafas jitlaq mill-premessa li l-kuntratti ta’ xogħol stabbli huma element qawwi għall-ħarsien tal-ħaddiema filwaqt li l-użu ripetut ta’ kuntratti għal żmien fiss huwa meqjus bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema billi jikkontribwixxu għall-inċertezza fil-pożizzjoni tagħhom ( 63 ). Din hija r-raġuni għaliex l-imsieħba soċjali xtaqu “jistabbilixx[u] qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss” ( 64 ).

110.

Madankollu, f’dan ir-rigward, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas timponi biss fuq l-Istati Membri l-obbligu ġenerali ħafna li dawn għandhom li jadottaw, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet (klawżola 5(1)(a));

iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss (klawżola 5(1)(b));

in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet (klawżola 5(1)(ċ)).

111.

Minn dan isegwi li għalkemm l-Istati Membri huma obbligati li jintroduċu, b’mod effettivi u vinkolanti, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom minn ta’ l-inqas b’waħda mill-miżuri maħsubin għall-prevenzjoni ta’ l-abbużi, elenkati fil-klawżola 59(1)(a)(ċ) ( 65 ), il-ftehim qafas ma jgħidx bi preċiżjoni liema. Min-naħa l-oħra, iħalli l-Istati Membri liberi li jagħżlu bejn it-tliet tipi ta’ miżuri, li huma fuq l-istess livell, u fejn l-istess Stati Membri għandhom jittrasponu waħda jew iktar minnhom — taħt id-diskrezzjoni tagħhom — fil-liġijiet domestiċi tgaħhom, u dan b’mod effettiv u in konformità ma’ l-għan tad-direttiva ( 66 ). B’dan il-mod, tkun qed tittieħed in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru u ċ-ċirkustanzi tas-setturi u tax-xogħolijiet partikulari ( 67 ).

112.

Din hija r-raġuni għaliex Stat Membru m’għandux neċessarjament jagħżel l-ewwel waħda mit-tliet miżuri possibbli. Mhemm xejn li jipprekludih milli jiffissa t-terminu massimu totali tal-kuntratti suċċessivi ta’ xogħol għal żmien fiss jew in-numru massimu ta’ drabi li dawn il-kuntratti jistgħu jiġu mġedda sabiex jipprevjeni l-abbużi iktar milli jiddefinixxi r-raġunijiet oġġettivi.

113.

Il-fatt li l-Istat Membru kkonċernat ma adotta ebda waħda miż-żewġ miżuri l-oħra possibbli ma jimplikax li l-possibbiltajiet ta’ għażla tiegħu kienu neċessarjament limitati għall-ewwel miżura wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70. Ma’ l-iskadenza ta’ dan it-terminu, wieħed jista’ biss jikkonstata li dan l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu ta’ traspożizzjoni. Madankollu, l-istess bħalma ma teżistix l-ebda ordni ġerarkika bejn it-tliet miżuri pprovduti fil-klawżola 5(1)(a) sa (ċ) tal-ftehim qafas, wieħed ma jistax jiddeduċi, mis-sempliċi fatt tan-nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-direttiva mill-Istat Membru, li din id-dispożizzjoni jew partijiet minnha huma direttament applikabbli.

114.

Bil-kontra ta’ l-argument tal-Kummissjoni, ir-rekwiżit tar-raġuni oġġettiva għat-tiġdid tal-kuntratti għal żmien fiss lanqas ma jikkostitwixxi tip ta’ l-inqas denominatur komuni, tipo ta’ kontenut minimu li wieħed jista’ jislet mill-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas fil-każ ta’ traspożizzjoni mankanti tad-direttiva.

115.

Fil-fatt, hija biss l-ewwel waħda mit-tliet miżuri li, meta din tiġi introdotta fil-liġi domestika, teżiġi, fil-verita, li jkun hemm raġunijiet oġġettivi għat-tiġdid tal-kuntratti jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien fiss. Iż-żewġ miżuri l-oħra, min-naħa l-oħra, mhumiex neċessarjament suġġetti għal dan ir-rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni. Fil-fatt, sakemm iż-żmien massimu totali jew in-numru totali ta’ tiġdid — stabbiliti skond id-direttiva — ma jinqabżux, relazzjoni ta’ xogħol għal żmien fiss tista’ tiġi mġedda anke fin-nuqqas ta’ raġuni oġġettiva u dan mingħajr ma jkun hemm ksur tal-ftehim qafas.

116.

Il-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas jagħmel enfasi b’mod partikulari fuq il-fatt li l-użu tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien fiss ibbażat fuq raġunijiet oġġettivi ( 68 ) huwa mod ta’ kif wieħed jipprevjeni l-abbuż. Madankollu dan ma jfissirx li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss huma legali biss jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi li jippermettu li ż-żmien ikun limitat, u li fin-nuqqas ta’ tali raġunijiet, dawn għandhom awtomatikament jiġu meqjusa bħala abbużivi. F’din l-ipoteżi fil-fatt, il-miżuri preskritti fil-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-ftehim qafas huma superfluwi.

117.

Jiena nżid li n-natura eċċezzjonali tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss ( 69 ) bl-ebda mod ma tikkonfuta l-konklużjoni esposta iktar ’il fuq. Huwa minnu li l-ftehim qafas jitlaq, bla ebda dubju, mill-premessa li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien indefinit huma l-forma ġenerali ta’ relazzjonijiet ta’ l-impjieg ( 70 ) u li kif tenfasizza l-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa biss f’ċerti ċirkustanzi” li l-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss jistgħu jirrispondu għall-bżonnijiet kemm tal-persuni li jimpjegaw kif ukoll tal-ħaddiema ( 71 ). Madankollu, dan ma jfissirx li tkun dejjem meħtieġa raġuni oġġettiva sabiex jiġi konkluż jew imġedded kuntratt għal żmien fiss. L-Istati Membri jistgħu juru n-natura eċċezzjonali tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss b’modi oħra, b’mod partikolari billi jiffissaw terminu massimu totali (klawżola 5(1)(b)) jew numru massimu ta’ tiġdidiet (klawżola 5(1)(ċ)).

118.

B’mod ġenerali, din il-kawża ma tantx tixbah lill-kawża Francovich, li ġiet iċċitata mill-Kummissjoni — il-portata minima tal-protezzjoni setgħet tinsilet mid-direttiva in kwistjoni f’dik il-kawża ( 72 ) — iżda iktar tixbah lill-kawża Von Colson, li ġiet iċċitata mill-qorti tar-rinviju, fejn l-Istati Membri ma kienu obbligati li jadottaw l-ebda miżura partikolari u, barra minn hekk, kellhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-miżuri li kellhom jieħdu ( 73 ).

119.

Fl-aħħar mill-aħħar, minn dan isegwi li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas ma tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex tkun tista’ tiġi applikata direttament.

120.

Jekk, min-naħa l-oħra, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas kellha tiġi meqjusa bħala applikabbli direttament skond il-modalitajiet proposti mill-Kummissjoni, ikollu jiġi żgurat li l-protezzjoni ta’ l-impjegati kkonċernati tiġi debitament meħuda in kunsiderazzjoni. Għalkemm huwa minnu li l-ftehim qafas ma fih ebda dispożizzjoni ġenerali li tobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprovdu għall-konverżjoni tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss f’kuntratti għal żmien indefinit ( 74 ), ikun kontra l-għan ta’ protezzjoni tiegħu li l-impjegati kkonċernati jitilfu immedjatament l-impjieg tagħhom sempliċiment minħabba li l-kuntratti ta’ xogħol tagħhom jkunu jinkludu limitazzjoni fuq iż-żmien li hija illegali.

121.

Indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-individwi jistgħux jinvokaw direttament il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas, l-Istat Membru in kwistjoni jista’ madankollu jiġi ordnat li jagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati liċ-ċittadini bi traspożizzjoni żbaljata tad-Direttiva 1999/70 u dan skond is-sentenza Francovich u skond il-kundizzjonijiet hemm preskritti ( 75 ).

C — Fuq it-tielet domanda: ir-regoli tad-dritt Komunitarju applikabbli għat-tiġdid tal-kuntratti tax-xogħol għal żmien fiss wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70, imma qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni

122.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas tippermettix lil Stat Membru li jkun qiegħed jaġixxi fil-kwalità ta’ persuna li tħaddem li jġedded kuntratti tax-xogħol għal żmien fiss eżistenti, għal żminijiet fissi relattivament twal — f’dan il-każ sa tmien snin — matul il-perijodu ta’ bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u d-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

123.

Il-pern ta’ din id-domanda qiegħed fil-biża li t-tiġdid tal-kuntratti tax-xogħol tagħhom għal żmien daqshekk twil ftit qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi Irlandiża ta’ traspożizzjoni seta’ jċaħħad lill-impjegati kkonċernati mill-protezzjoni tal-liġi ta’ l-2003 u tal-ftehim qafas.

124.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teżamina din id-domanda “fid-dawl” tat-tweġibiet tagħha għad-domandi 1 u 2(b). Konsegwentement, jiena nibbaża l-kunsiderazzjonijiet segwenti fuq il-premessa li l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas mhijiex direttament applikabbli, u dan kif spjegajt iktar ’il fuq ( 76 ).

125.

Peress li l-applikabbiltà diretta tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas hija eskluża, din ma tistax tiġi invokata, bħala tali, fil-konfront tat-tiġdid, għal żmien li jista’ jlaħħaq it-tmien snin, tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss in kwistjoni f’din il-kawża.

126.

Wieħed ma jistax jasal għal konklużjoni differenti jekk tittieħed in kunsiderazzjoni l-projbizzjoni fuq li jiġu mxejna l-obbjettivi tad-direttiva (Frustrationsverbot), kif invokata kemm mill-qorti tar-rinviju u kif ukoll minn IMPACT.

127.

Naturalment l-awtoritajiet nazzjonali kollha huma obbligati li jikkntribwixxu għat-twettiq ta’ l-għan persegwit mid-direttiva. Dan l-obbligu jirriżulta mill-Artikoli 10 u mit-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE moqrija flimkien mad-Direttiva 1999/70 stess ( 77 ). Din hija r-raġuni għaliex l-Istati Membri, matul it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, ikunu diġà obbligati li jastjenu milli jieħdu miżuri li jistgħu jippreġudikaw serjament it-twettiq tar-riżultat preskritt minn din id-direttiva ( 78 ). Dan huwa wkoll il-każ, a fortiori, wara l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni, meta l-awtoritajiet pubbliċi kollha jkollhom l-obbligu pożittiv — li jmur lil hinn mis-sempliċi projbizzjoni kontra li jiġu mxejna l-għanijiet ta’ xi direttiva — li jippromwovu b’mod attiv it-twettiq ta’ dan l-għan.

128.

Madankollu, il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandu l-għan uniku li joħloq qafas sabiex jipprevjeni l-abbużi kkawżati mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet ta’ l-impjieg għal terminu fiss suċċessivi (ara l-klawżola 1(b) u l-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas).

129.

Il-Ministeru Irlandiż ta’ l-Affarijiet Barranin, fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika li tħaddem, ma setax jippreġudika dan l-objettiv bis-sempliċi fatt li huwa ġedded għal darba oħra, għal żminijiet fissi, anke jekk relattivament twal, relazzjonijiet ta’ impjieg individwali għal żmien fiss ftit qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni.

130.

Huwa minnu li l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex japplikaw il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas huma finalment maħsubin sabiex jipprevjenu b’mod effettiv l-abbużi f’kull każ partikolari ( 79 ). Madankollu, il-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas mhijiex intiża sabiex toħloq projbizzjoni individwali fuq l-abbużi indipendentement mill-miżuri previsti fil-punti a) sa ċ) tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Konsegwentement, din il-projbizzjoni lanqas ma tista’ tiġi misluta mill-ftehim qafas abbażi tal-projbizzjoni kontra li jiġu mxejna l-obbjettivi tad-direttiva jew ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali (Artikolu 10 moqri flimkien mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE).

131.

Kieku kellu jiġi ezaminat jekk f’kull każ, qabel it-trapożizzjoni korretta tad-Direttiva 1999/70 fil-liġi domestika, it-tiġdid tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien fiss eżistenti fis-settur pubbliku kienx abbużiv, dan iwassal fir-realtà għall-applikazzjoni diretta tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas filwaqt li, kif diġà urejt, il-kundizzjonijiet għal dan mhumiex sodisfatti ( 80 ).

132.

Għalhekk, sommarjament nikkonkludi:

L-Artikoli 10 u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, meta moqrija flimkien mal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss ma jipprojbixxux lil Stat Membru, li jkun qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tħaddem, milli jġedded kuntratti ta’ xogħol individwali għal żmien fiss għal żmien relattivament twil matul il-perijodu ta’ bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u t-traspożizzjoni effettiva tagħha fil-liġi domestika.

D — Fuq ir-raba’ domanda: interpretazzjoni tal-liġiżlazzjoni nazzjonali li tkun konformi mad-Direttiva

133.

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk qorti nazzjonali hijiex obbligata, skond l-obbligu tagħha li tinterpreta l-liġi domestika in konformità mad-direttiva, li tinterpreta l-liġi domestika, adottata tardivament, li tittrasponi direttiva fis-sens li din ikollha effett retroattiv għad-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni.

134.

Din id-domanda tqum biss fl-ipoteżi fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda. Barra minn hekk, mill-motivi tad-digriet tagħha jirriżulta li l-unika interess tal-qorti tar-rinviju huwa dwar ir-retroattività ta’ l-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-2003, li jittrasponi l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni ta’ l-impjegati għal żmien fiss fil-liġi Irlandiża.

135.

Peress li fl-opinjoni tiegħi għandha tingħata risposta affermattiva mhux biss għall-ewwel domanda imma wkoll għat-tieni domanda, minn ta’ l-inqas f’dak li jikkonċerna l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni (domanda 2(a)) ( 81 ), mhuwiex meħtieġ li tiġi eżaminata r-raba’ domanda. Għaldaqstant huwa biss b’mod sussidjarju li jiena sejjer nippreżenta l-osservazzjonijiet segwenti.

136.

Skond ġurisprudenza stabbilita, meta l-qrati nazzjonali japplikaw il-liġi domestika, dawn huma obbligati li jinterpretawha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-finalità tad-direttiva in kwistjoni sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minnha u, għaldaqstant, jikkonformaw ruħhom mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE ( 82 ).

137.

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jirrikjedi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li huwa fil-ġurisdizzjoni tagħhom, billi jieħdu kunsiderazzjoni tad-dritt intern kollu u japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-direttiva in kwistjoni u sabiex iwasslu għal soluzzjoni konformi ma’ l-għan imfittex minnha ( 83 ). F’dan ir-rigward, huma għandhom jużaw il-marġni ta’ diskrezzjoni kollha mogħtija lilhom mil-liġi domestika ( 84 ).

138.

Ċertament, l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ non-retroattività, u dan l-obbligu lanqas ma jista jservi bħala bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali ( 85 ).

139.

Fl-opinjoni tiegħi f’każ bħal dak in kwistjoni f’din il-kawża, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju mhux bilfors jipprekludu interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-2003 fis-sens li dan għandu effett retroattiv, minn ta’ l-inqas mhux f’relazzjoni vertikali fejn l-impjegat jinvoka l-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuna li tħaddem fis-settur pubbliku.

140.

Għalkemm, bħala regola ġenerali, il-prinċipju taċ-ċertezza legali jipprekludi att Komunitarju milli jkollu effett minn data preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu, jista’, eċċezzjonalment, jiġri mod ieħor meta l-għan ta’ interess ġenerali jkun jeżiġi dan u meta l-aspettattivi leġittimi tal-persuni kkonċernati jkunu debitament irrispettati ( 86 ). Eċċezzjoni bħal din tista’ tiġi aċċettata f’kawża bħalma hija din il-kawża.

141.

Minn naħa, it-traspożizzjoni ta’ direttiva fil-liġi domestika fit-terminu impost tikkostitwixxi, bla ebda dubju, għan ta’ interess pubbliku. Min-naħa l-oħra, f’każ bħal dan, huwa diffiċli li l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. L-aspettattiva li huma jista’ eventwalment ikollhom fir-rigward taż-żamma tas-sitwazzjoni legali nazzjonali preċedenti ma tistax tikkwalifika għall-protezzjoni, u dan peress li l-Istat Membru kkonċernat kien obbligat jadatta l-leġiżlazzjoni nazzjonali għad-dritt Komunitarju sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70.

142.

Konsegwentement, peress li l-persuni li jħaddmu fis-settur pubbliku kellhom jipprevedu emenda fil-liġi — f’dan il-każ l-introduzzjoni tal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni rikjesta mid-dritt Komunitarju — huma ma setgħux jinvokaw il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattiva leġittima ( 87 ). Din il-perspettiva hija valida wkoll peress li, li kieku l-awtoritajiet pubbliċi li jħaddmu kellhom igawdu mill-benefiċċju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattiva leġittima, dan, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għall-konklużjoni assurda li l-Istat Membru in kwistjoni jkun jista’ jinvoka kontra l-individwi l-komportament illegali tiegħu stess li jmur kontra d-dritt Komunitarju ( 88 ).

143.

Madankollu, f’din il-kawża, mhuwiex meħtieġ li jiġi deċiż il-punt dwar jekk id-dritt Komunitarju jistax, jekk ikun hemm bżonn, jimponi l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi domestika ta’ traspożizzjoni jew jekk prinċipji ġenerali tad-dritt jipprojbixxux dan. Fil-fatt, il-prinċipju ta’ l-interpretazzjoni konformi ma jista’ fl-ebda każ jorbot lill-qorti nazzjonali sabiex tapplika retroattivament contra legem id-dritt nazzjonali tagħha.

144.

F’din il-kawża, il-Labour Court tindika li fid-dritt Irlandiż teżisti “preżunzjoni qawwija” kontra l-effett retroattiv tal-liġijiet. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi megħluba biss bil-kliem ċar u nieqes minn kull ambigwità tad-dispożizzjoni in kwistjoni stess jew minn indikazzjonijiet ċari u konklussivi li jkunu jinsabu f’dispożizzjonijiet oħra tal-liġi in kwistjoni. Għalkemm id-diċitura ta’ l-Artikolu 6 tal-liġi ta’ l-2003 ma tipprojbixxix espressament l-interpretazzjoni retroattiva, lanqas ma jeżistu indikazzjonijiet ċari favur din ir-retroattività. Din hija r-raġuni li għaliha r-regoli ta’ l-interpretazzjoni tad-dritt Irlandiż ma jippermettux li d-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq tingħata effett retroattiv.

145.

Dawn l-indikazzjonijiet jagħtu l-wieħed x’jifhem li l-Labour Court tqis li applikazzjoni retroattiva tad-dritt nazzjonali f’din il-kawża tkun contra legem ( 89 ). Jekk dan huwa l-każ, din il-qorti lanqas ma tista’ tkun obbligata, abbażi tad-dritt Komunitarju, li toħloq din ir-retroattività permezz ta’ xi interpretazzjoni konformi mad-direttivi.

146.

Madankollu, għandu jiġi mfakkar, għall-kompletezza, li l-obbligu ta’ l-interpretazzjoni konformi mad-direttivi li għandhom il-qrati nazzjonali mhuwiex limitat għal-liġi li tittrasponi d-direttiva in kwistjoni, imma jestendi wkoll għad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt nazzjonali, inkluż il-liġi li tkun teżisti qabel dik id-direttiva ( 90 ).

147.

Konsegwentement, jekk id-dritt Irlandiż fis-seħħ qabel l-14 ta’ Lulju 2003 kien jinkludi dispożizzjoni, jew anke sempliċement prinċipju ġenerali tad-dritt, li jipprojbixxu per eżempju kull komportament diskriminatorju, abbużiv jew li jmur kontra l-moralità minn naħa ta’ min iħaddem fil-konfront ta’ l-impjegati tiegħu, il-qorti tar-rinviju hija obbligata li tinterpreta u tapplika din id-dispożizzjoni jew dan il-prinċipju tad-dritt in konformità mad-Direttiva 1999/70, fid-dawl tat-termini u l-għan tagħha ( 91 ) u, b’dan il-mod, li tieħu debitament in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni ta’ l-impjegati għal żmien fiss in kwistjoni (klawżola 4(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss).

148.

Barra minn hekk, għall-każ fejn ir-riżultat preskritt minn direttiva ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ interpretazzjoni, għandu jiġi mfakkar li, skond is-sentenza Francovich u l-kundizzjonijiet stabbiliti fiha, id-dritt Komunitarju jimponi li l-Istati Membri jagħmlu tajjeb għad-danni li huma kienu kkawżaw lill-individwi minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva ( 92 ).

149.

Għalhekk, sommarjament nikkonkludi:

 

Id-dritt Komunitarju ma joħloq ebda obbligu għall-qorti nazzjonali li tinterpreta l-liġi nazzjonali, adottata tardivament, li tittrasponi direttiva fis-sens li din il-liġi tkun tapplika retroattivament għad-data ta’ l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva jekk din l-interpretazzjoni tkun contra legem skond ir-regoli tad-dritt nazzjonali.

 

Dan la jaffettwa l-obbligu li l-qorti nazzjonali għandha li tinterpreta b’mod konformi mad-direttiva in kwistjoni d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali l-oħra fis-seħħ fid-data ta’ l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-direttiva msemmija, u lanqas ma jaffettwa l-obbligu li l-Istat Membru kkonċernat għandu li jikkumpensa għad-danni li jiġu eventwalment ikkaġunati lill-individwi minħabba n-nnuqqas tat- traspożizzjoni ta’ dik id-direttiva.

E — Fuq il-ħames domanda: l-applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas għall-pagi u l-pensjonijiet

150.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas jinkludux il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw il-pagi u l-pensjonijiet.

151.

Din id-domanda altament kontroversjali ma tqumx ħlief fl-ipoteżi fejn tingħata risposta affermattiva għall-ewwel jew għar-raba’ domanda. Fid-dawl tar-risposta li jiena pproponejt għall-ewwel domanda ( 93 ), jeħtieġ li din il-ħames domanda tiġi eżaminata.

152.

IMPACT u l-Kummissjoni, imma wkoll il-qorti tar-rinviju jsostnu li l-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-ftehim qafas jinkludu wkoll il-pagi u l-pensjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Ministeri Irlandiżi appellanti u, fuq kollox, il-gvern tar-Renju Unit jsostnu bil-qawwa kollha l-kontra ta’ dan, l-istess bħalma kien għamel sena ilu l-avukat ġenerali Poiares Maduro fil-konklużjonijiet li huwa ppreżenta fil-kawża Del Cerro Alonso ( 94 ).

153.

Il-kontroversja essenzjalment tirrigwarda żewġ punti: minn naħa hemm nuqqas ta’ qbil dawr kif għandu jinftiehem il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ l-impjieg bħala tali, u dan ukoll meta mqabbel ma’ direttivi Komunitarji oħra fil-qasam tad-dritt soċjali. Min-naħa l-oħra, hemm nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-portata tal-bażi legali tad-Direttiva 1999/70, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 139(2) KE jawtorizza lill-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet intiżi sabiex jimplementaw il-ftehim qafas biss fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 137 KE, li, madankollu, jeskludi espressament il-pagi (ara l-Artikolu 137(5) KE). Jiena ser nanalizza dawn iż-żewġ punti separatament.

Il-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg

154.

Il-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, kif inhu użat in konnessjoni mal-prinċipju tan-non-diskriminazzjoni fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss, la jinkludi u lanqas ma jeskludi espressament il-ħlas fi flus bħalma huma l-pagi u l-pensjonijiet in kwistjoni hawnhekk.

155.

F’numru ta’ dispożizzjonijiet riċenti tad-dritt soċjali, il-leġiżlatur Komunitarju speċifika espressament li l-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg użat fit-testi in kwistjoni jinkludi l-paga ( 95 ). Madankollu, in-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni espressa bħall din f’din il-kawża mhux bilfors tfisser li l-pagi huma totalment esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas.

156.

Il-ġurisprudenza preċedenti dwar it-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa, li tgħid li l-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tad-Direttiva 76/207 — qabel ma ġiet emendata bid-Direttiva 2002/73 — ma kienx jestendi għall-pagi ( 96 ), lanqas ma tista’ tiġi, sempliċement, applikata għal dan il-każ. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza hija essenzjalment ibbażata fuq l-eżistenza tad-Direttiva 75/117/KEE ( 97 ), li kien fiha regola speċjali għall-finijiet tat-trattament ugwali bejn irġiel u n-nisa fil-qasam tal-pagi, ( 98 ) li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha kellu jiġi distint minn dak tad-Direttiva 76/207. F’din il-kawża, bil-kontra ta’ dan, ma teżisti l-ebda problema simili dwar l-identifikazzjoni tal-limiti fir-rispett xi att ġuridiku parallel.

157.

Il-kunċett ta’ kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss jeħtieġ li jiġi interpretat. Skond ġurisprudenza stabbilita, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet persegwiti mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tifforma parti ( 99 ).

158.

Skond il-klawżola 1(a) tal-ftehim qafas, dan il-ftehim għandu l-iskop li jtejjeb il-kwalità ta’ xogħol għal żmien fiss billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni ( 100 ); dan jirrifletti għanijiet fundamentali tal-politika soċjali tal-Komunità kif jinsabu elenkati b’mod partikolari fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 136 KE, b’mod partikolari t-titjib tal-kondizzjonijeit tal-ħajja u tax-xogħol, u protezzjoni soċjali xierqa. Dawn l-istess għanijiet jinsabu mniżżla wkoll fil-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ( 101 ) u fit-Trattat KE ( 102 ), kif ukoll fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fondamentali tal-Ħaddiema ( 103 ) u fil-Karta Soċjali Ewropea ( 104 ).

159.

Fid-dawl ta’ dan l-għan ta’ politika soċjali, il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-konfront ta’ l-impjegati għal żmien fiss tifforma parti mill-prinċipji tad-dritt soċjali Komunitarju li ma jistgħux jiġu interpretati b’mod restrittiv ( 105 ). Din ir-regola, waħedha, tipprekludi l-esklużjoni kategorika ta’ aspetti finanzjarji bħalma huma l-pagi u l-pensjonijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

160.

Il-portata prattika tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fil-ħajja tax-xogħol tiġi limitata kunsiderevolment li kieku din il-projbizzjoni tkun tirrigwarda biss il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li mhumiex il-pagi. Għalhekk, għalkemm jista’ ma jkunx importanti wisq, f’għajnejn l-impjegati għal żmien fiss, li jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-impjegati permanenti paragunabbli f’dak li jikkonċerna per eżempju l-ħwejjeġ jew it-tagħmir tax-xogħol, madankollu, huwa ħafna iktar importanti, mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tagħhom, li dawn l-impjegati ma jitpoġġewx f’sitwazzjoni finanzjarja inqas favorevoli minn dik tal-kollegi impjegati għal żmien indefinit. Dan il-bżonn ta’ protezzjoni jipprekludi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni jiġi limitat biss għall-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li ma jirrigwardawx il-pagi.

161.

Barra minn hekk, ir-riferenza għall-prinċipju tal-pro rata temporis li tinsab fil-klawżola 4(2) tal-ftehim qafas turi li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni jista’ jestendi wkoll għall-ħlas fi flus. Fil-fatt, dan il-prinċipju jista’ jiġi applikat biss għall-prestazzjoni diviżibbli, b’mod partikulari pagamenti bħall-pagi, żieda fil-pagi u ċerti premiums.

162.

Konsegwentement, kemm is-sens u l-iskop tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas kif ukoll il-kuntest leġiżlattiv li fih hija taqa’ jtendu favur interpretazzjoni li tinkjludi l-pagi u l-pensjonijiet fil-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg.

163.

Madankollu, fir-rigward speċjalment tal-pensjonijiet, teżisti limitazzjoni: kundizzjonijiet finanzjarji ta’ kuntratt ta’ impjieg bħal dawn jistgħu ikunu kkunsidrati bħala kundizzjonijiet ta’ impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas biss jekk dawn ikunu jirrigwardaw pagamenti li għandhom in-natura ta’ pensjoni tax-xjuħija jew ta’ skema ta’ pensjoni tax-xogħol mogħtija minn min iħaddem, bl-esklużjoni ta’ pagamenti mogħtija taħt skemi ġenerali legali ta’ sigurtà soċjali.

164.

Il-ġurisprudenza fil-qasam tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa tgħid li huma biss il-pagamenti taħt l-ewwel kategorija li joħorġu mir-relazzjoni ta’ l-impjieg u jingħataw abbażi ta’ dik ir-relazzjoni ( 106 ). Din il-ġurisprudenza tista’ tiġi applikata għall-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss. Fil-fatt, bl-adozzjoni ta’ dan il-ftehim qafas, l-imsieħba soċjali ma kellhomx l-intenzjoni li jirregolaw il-kwistjonijiet konċernanti l-iskemi legali tas-sigurtà soċjali; bil-kontra ta’ dan, huma rrikonoxxew li dawn il-kwistjonijiet jaqgħu taħt id-deċiżjoni ta’ l-Istati Membri ( 107 ).

Interpretazzjoni konformi mad-dritt primarju, fid-dawl ta’ l-Artikolu 137(5) KE

165.

Fadal li tiġi eżaminata l-kwistjoni ta’ jekk regoli superjuri tad-dritt jipprekludux li l-pagi u l-pensjonijiet jiġu inklużi fil-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss.

166.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju ma jistax jeċċedi dak tal-bażi legali tagħhom ( 108 ). Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ din ir-regola, id-dritt sekondarju għandu jiġi interpretat b’mod konformi mad-dritt primarju; fil-fatt, huwa paċifiku fil-ġurisprudenza li, meta test tad-dritt sekondarju Komunitarju jkun jista’ jiġi interpretat b’iktar minn mod wieħed, jeħtieġ li tingħata preferenza lil dik l-interpretazzjoni li tagħmel d-dispożizzjoni konformi mat-Trattat KE iktar milli għal dik li twassal għall-konstatazzjoni li d-dispożizzjoni mhijiex kompatibblima’ l-imsemmi Trattat. ( 109 )

167.

Konsegwentement, il-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien fiss, li tuża l-kunċett vag ta’ kundizzjonijiet ta’ l-impjieg, għandha tiġi interpretata in osservanza tal-limiti li jistgħu jirriżultaw mill-bażi legali tad-Direttiva 1999/70.

168.

Id-Direttiva 1999/70 ġiet adottata fuq il-bażi legali ta’ l-Artikolu 139(2) KE, li fl-oqsma li jaqgħu taħt l-Artikolu 137 KE, jagħti l-ġurisdizzjoni lill-Kunsill biex jimplementa l-ftehim konklużi mill-imsieħba soċjali fuq livell Komunitarju. Skond l-Artikolu 137(1)(b), il-kundizzjonijiet tax-xogħol jiffurmaw parti minn dawn l-oqsma, fejn madankollu l-Artikolu 137(5) KE jeskludi, min-naħa tiegħu, il-pagi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

169.

Kif wieħed jista’ jara mill-qari ta’ l-Artikolu 141(2) KE, huwa konċepibbli li l-kunċett ta’ paga, fih innifsu, jista’ jiġi interpretat b’mod wiesa’ u jinkludi, apparti l-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu, kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, mingħand min iħaddmu.

170.

Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett waħedha ma tagħtix ħjiel dwar is-sens li għandu jingħata lill-espressjoni “ma japplikawx” għall-pagi, użata fl-Artikolu 137(5) KE. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni wkoll l-istruttura ta’ l-Artikolu 137(5) KE kif ukoll is-sens u l-iskop tiegħu.

171.

Bħala regola derogatorja, l-Artikolu 137(5) KE għandu jiġi interpretat b’mod strett, u dan kif għadha kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Del Cerro Alonso ( 110 ). Din id-dispożizzjoni ma tistax għalhekk tiġi mifhuma fis-sens li teskludi, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 137 KE, kull kwistjoni li tippreżenta xi rabta kwalunkwe mal-paga; fil-fatt kieku dan kien il-każ, diversi oqsma elenkati fl-Artikolu 137(1) KE jiġu reżi irrilevanti f’termini prattiċi ( 111 ).

172.

Bil-kontra ta’ dan, is-sens u l-iskop ta’ l-Artikolu 137(5) KE huwa prinċipalment li tiġi protetta l-awtonomija kuntrattwali ta’ l-imsieħba soċjali minn restrizzjonijiet futuri. Dan joħroġ b’mod partikulari mir-rabta stretta bejn il-pagi u l-oqsma l-oħra esklużi mill-ġurisdizzjoni Komunitarja: id-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt ta’ l-istrajk u d-dritt li jiġi impost lock-out huma importanti speċjalment f’dak li jikkonċerna l-iffissar tal-paga; din hija r-raġuni għaliex l-Artikolu 137(5) KE jsemmihom fl-istess kategorija mal-pagi.

173.

Barra minn hekk, l-Artikolu 137(5) KE huwa maħsub sabiex jipprekludi lil-leġiżlatur Komunitarju milli juniformizza fil-Komunità kollha, il-livelli tal-pagi eżistenti fid-diversi Stati Membri. Fil-fatt, tali uniformizzazzjoni tal-livell — anke jekk sempliċement parzjali — tad-differenzi fil-pagi nazzjonali, reġjunali u professjonali mil-leġiżlatur Komunitarju jikkostitwixxi dannu gravi għall-kompetizzjoni bejn l-impriżi li joperaw fis-suq intern. Aktar minn hekk, dan imur lil ’hinn mill-miżuri Komunitarji kontemplati fl-Artikolu 137(1) KE sabiex jiġu sostnuta u kkumplimentata l-azzjoni ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali.

174.

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 137(5) KE, per eżempju, jipprojbixxi lil-leġiżlatur Komunitarju milli jagħmel pressjoni fuq il-livell tal-pagi fl-Istati Membri billi jiffissa pagi minimi. Il-leġiżlatur Komunitarju la jista’ jikkontempla, per eżempju, kumpens annwali minħabba l-inflazzjoni, la jista’ jistabbilixxi limitu għaż-żieda annwali tal-pagi u lanqas jiffissa l-paga għas-sahra jew għax-xogħol bix-xift, xogħol fil-vaganzi jew xogħol ta’ bil-lejl.

175.

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 137(5) KE ma jipprekludix lil-leġiżlatur Komunitarju milli jadotta dispożizzjonijiet li għandhom riperkussjonijiet finanzjarji, per eżempju f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol (Artikolu 137(1)(b) KE) jew it-titjib ta’ l-ambjent tax-xogħol biex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema (Artikolu 137(1)(a) KE). Għalhekk il-Komunità tista’, per eżempju, tippreskrivi li l-Istati Membri għandhom jadottaw ċertu miżuri fil-liġi nazzjonali tax-xogħol tagħhom, b’tali mod li l-ħaddiema jkunu intitolati għal perijodu ta’ leave annwali mħallas ( 112 ).

176.

Fuq l-istess linji, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza riċenti tagħha Del Cerro Alonso ppreċiżat ukoll li huwa biss il-livell tal-paga li l-Artikolu 137(5) KE jneħħi minn taħt il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju ( 113 ); hija qalet ukoll li huma biss l-awtoritajiet kompetenti tad-diversi Stat Membri li jibqgħu kompetenti sabiex jiffissaw l-ammont tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-paga tal-ħaddiem dawk ( 114 ).

177.

Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk ċerti ħaddiema jew kategoriji ta’ ħaddiema għandhomx, fil-kuntest tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg li jingħatawlhom, id-dritt għall-paga jew għad-diversi elementi minn din il-paga kif stabbiliti fi Stat Membru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 137(1)(b) KE kif ukoll taħt id-Direttivi adottati fuq din il-bażi ( 115 ).

178.

Fil-fatt, l-introduzzjoni tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni, bħalma hija dik li tidher fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss ( 116 ) ma tikkostitwixxix indħil fuq l-iffissar ta’ l-ammont tal-pagi bħala tali fuq livell nazzjonali jew reġjunali, jew ukoll fl-impriżi. Din tiggarantixxi sempliċiment li ċerti kategoriji ta’ ħaddiema ma jkunux żvantaġġjati f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ l-impjieg tagħhom, inkluż meta dawn l-iżvantaġġi jkunu ta’ natura finanzjarja. Dawn il-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni jikkostitwixxu element essenzjali tal-miżuri li bihom il-Komunità ssostni u tikkomplimenta l-politika soċjali ta’ l-Istati Membri u li l-Artikolu 137(5) KE mhuwiex maħsub li jipprojbixxihom.

179.

Waqt is-seduta, il-Gvern tar-Renju Unit ikkonfuta li l-impjegati għal żmien fiss kellhom jingħataw biss l-istess elementi ta’ ħlas bħall-impjegati permanenti paragunabbli, imma mhux bilfors fl-istess ammont. Mis-sentenza Del Cerro Alonso jirriżulta li l-Artikolu 137(5) KE jiggarantixxi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-imsieħba soċjali l-libertà li jiffissaw b’mod differenti l-livell ta’ l-elementi tal-ħlas in kwistjoni għall-impjegati għal żmien fiss u għall-impjegati permanenti paragunabbli.

180.

Jiena minix ta’ l-istess fehma. Għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 137(5) KE jħalli lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lill-imsieħba soċjali liberi li jiffissaw il-livell tad-diversi elementi tal-ħlas, madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi ta’ pretest għal diskriminazzjoni bejn ċerti kategoriji ta’ impjegati. Bil-kontra ta’ dan, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-imsieħba soċjali għandhom jirrispettaw id-dritt Komunitarju meta huma jeżerċitaw is-setgħat li huma rriżervati għalihom skond l-Artikolu 137(5) KE ( 117 ), b’mod partikolari l-prinċipji ġenerali tad-dritt bħalma huma l-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-non-diskriminazzjoni. Minn dan isegwi li l-inugwaljanza fit-trattament bejn l-impjegati għal żmien fiss u l-impjegati permanenti, f’dak li jikkonċerna l-livell ta’ l-elementi tal-ħlas in kwistjoni, tista’ tiġi kkunsidrata biss meta din tkun oġġettivament iġġustifikata. Mill-bqija, la l-klawżola 4(1) tal-ftehim qafas u lanqas ir-riferenza għall-prinċipju tal-pro rata temporis fil-klawżola 4(2) ta’ l-istess ftehim ma jipprovdu mod ieħor.

181.

Il-konklużjoni hija li l-Artikolu 137(5) KE ma jipprekludix li l-pagi u l-pensjonijiet jiġu inklużi fil-kunċett tal-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss.

182.

Għalhekk, sommarjament nikkonkludi:

Il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss jinvolvi wkoll il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw il-paga. L-istess japplika għall-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw il-pensjonijiet, safejn dawn il-kundizzjonijiet għandhom in-natura ta’ pensjoni għax-xjuħija jew skema ta’ pensjoni tax-xogħol mogħtija minn min iħaddem.

VI — Konklużjoni

183.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, jiena nipproponi li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari magħmula mil-Labour Court ta’ Dublin għandha tkun is-segwenti:

“1)

Skond il-prinċipji ta’ l-ekwivalenza u ta’ l-effettività, qorti nazzjonali hija obbligata tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li għandhom effett dirett anke meta l-liġi nazzjonali ma tkun tatha l-ebda ġurisdizzjoni espressa f’dan is-sens, iżda hija jkollha l-ġurisdizzjoni li tapplika liġi nazzjonali suċċessiva li tkun ittrasponiet dawn id-dispożizzjonijiet fil-liġi domestika u meta, barra minn hekk, għall-perijodu preċedenti l-adozzjoni tal-liġi nazzjonali ta’ traspożizzjoni, l-individwi jkunu jistgħux jinvokaw direttament dawn l-istess dispożizzjonijiet biss quddiem qrati nazzjonali oħra u taħt kundizzjonijiet inqas favorevoli.

2)

Bil-kontra tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta’ Ġunju 1999, dwar il-ftehim gafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mii-CEEP, il-klawżola 4(1) ta’ dan il-ftehim qafas tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tkun tista’ tiġi applikata direttament.

3)

L-Artikoli 10 u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE, meta moqrija flimkien mal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss ma jipprojbixxux lil Stat Membru, li jkun qiegħed jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tħaddem, milli jġedded kuntratti ta’ xogħol individwali għal żmien fiss għal żmien relattivament twil matul il-perijodu ta’ bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 1999/70 u t-traspożizzjoni effettiva tagħha fil-liġi domestika.

4)

Il-kundizzjonijiet ta’ l-impjieg fis-sens tal-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss jinkludu wkoll il-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw il-paga. L-istess japplika għall-kundizzjonijiet ta’ kuntratt ta’ impjieg li jirrigwardaw il-pensjonijiet, safejn dawn il-kundizzjonijiet għandhom in-natura ta’ pensjoni għax-xjuħija jew skema ta’ pensjoni tax-xogħol mogħtija minn min iħaddem.”


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 ) ĠU 1999, L 175, p. 45.

( 3 ) Sentenzi ta’ l-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et (C-212/04, Ġabra p. I-6057, punti 54 sa 57), tas-7 ta’ Settembru 2006, Marrosu u Sardino (C-53/04, Ġabra p. I-7213, punti 39 sa 42) u Vassallo (C-180/04, Ġabra p. I-7251, punt 32), u tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso (C-307/05, Ġabra p. I-7109, punt 25).

( 4 ) ĠU L 175, p. 43.

( 5 ) Premessa erbatax tad-Direttiva 1999/70.

( 6 ) It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas; ara wkoll il-punt 6 tal-kunsiderazzjoni ġenerali tiegħu.

( 7 ) Punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas; ara wkoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 8 ) Punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas.

( 9 ) Premessa sbatax tad-Direttiva 1999/70.

( 10 ) Punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas; ara wkoll it-tielet paragrafu tal-preambolu ta’ l-imsemmi ftehim.

( 11 ) Protection of Employees (Fixed-Term Work) Act 2003.

( 12 ) Id-digriet tar-rinviju tindika li ftehim konkluż bi ksur ta’ l-Artikolu 9(1) tal-liġi ta’ l-2003, dwar l-iskadenza ta’ kuntratt minħabba d-dekors taż-żmien jew minħabba li sseħħet xi kundizzjoni, huwa “nul ab initio”.

( 13 ) Ara l-Artikoli 6(2) u 9(4) tal-liġi ta’ l-2003.

( 14 ) Ir-Rights Commissioners jiġu appuntati mill-ministru kompetenti u għandhom funzjoni li tista’ tiġi pparagunata għal dik ta’ arbitru pubbliku indipendenti. Huma joperaw taħt l-awspiċju tal-“Labour Relations Commission” (il-Kummissjoni tar-relazzjonijiet ta’ l-impjieg) Irlandiża. Skond il-bażi legali applikabbli, id-deċiżjonijiet tagħhom huma obbligatorji jew huma biss rakkomandazzjonijiet li mhumiex vinkolanti. Wieħed jista’ jsib xi informazzjoni oħra fuq ir-rwol tar-Rights Commissioners fil-qasam tal-kwistjonijiet tax-xogħol fuq is-sit ta’ l-internet http://www.lrc.ie (kif ikkonsultata l-aħħar fl-14 ta’ Novembru 2007).

( 15 ) Dwar il-kunċett ta’ l-awtonomija proċedurali, ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3: Adeneler et (punt 95), Marrosu u Sardino (punt 52) u Vassallo (punt 37); ara wkoll is-sentenzi tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 67) u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Bonn Fleisch (C-1/06, Ġabra p. I-2757, punt 41).

( 16 ) Sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 1968, Salgoil (13/68, Ġabra p. 661, 693); tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz (33/76, Ġabra p. 1989, punt 5); tad-9 ta’ Lulju 1985, Bozzetti (179/84, Ġabra p. 2301, punt 17); ta’ l-14 ta’ Diċembru 1995, Peterbroeck (C-312/93, Ġabra p. I-4599, punt 12); ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C-453/99, Ġabra p. I-6297, punt 29); tat-30 ta’ Settembru 2003, Köbler (C-224/01, Ġabra p. I-10239, punt 46); tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 39), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Van der Weerd et (C-222/05 sa C-225/05, Ġabra p. I-4233, punt 28).

( 17 ) Sentenzi Bozzetti, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 17; tat-18 ta’ Jannar 1996, SEIM (C-446/93, Ġabra p. I-73, punt 32); tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 40); tat-22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C-462/99, Ġabra p. I-5197, punt 35), u Köbler, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 47.

( 18 ) Sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 38 moqri flimkien mal-punt 39.

( 19 ) Sentenzi Bozzetti, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 17; SEIM, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 32; Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 40; Connect Austria, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 35, u Köbler, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 47.

( 20 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Mejju 1986, Johnston (222/84, Ġabra p. 1651, punti 18 u 19); tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 39), u Unibet, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 37. Dwar il-garanzija tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva bħala dritt fundamentali, ara l-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali tal-Bniedem (iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950), kif ukoll l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea (ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000, ĠU C 364, p. 1).

( 21 ) F’dan ir-rigward ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso (C-81/05, Ġabra p. I-7569, punt 35); fl-istess sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2007, Advocaten voor de Wereld (C-303/05, Ġabra p. I-3633, punt 45, f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ l-Unjoni) u l-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

( 22 ) Ġurisprudenza stabbilita f’dak li jikkonċerna r-regoli proċedurali; ara b’mod partikolari s-sentenza segwenti ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16: Rewe-Zentralfinanz (punt 5), Peterbroeck (punt 12), Courage u Crehan (punt 29), Unibet (punt 43) u Van der Weerd et (punt 28).

( 23 ) Sentenzi ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Levez (C-326/96, Ġabra p. I-7835, punti 39 u 40), u tas-16 ta’ Mejju 2000, Preston et (C-78/98, Ġabra p. I-3201, punti 49 u 50).

( 24 ) F’dan ir-rigward, fil-punt 51 tad-digriet tar-rinviju jingħad: “…l-applikanti jistgħu jfittxu lill-Istat fil-kwalità tiegħu ta’ persuna li tħaddem quddiem tribunal kompetenti u jitolbu kumpens għad-danni minħabba l-allegat ksur tad-drittijiet li tagħtihom id-Direttiva. …”; ara barra minn hekk it-tieni inċiż ta’ l-ewwel domanda preliminari.

( 25 ) Skond ġurisprudenza stabbilita, dawn l-azzjonijiet għal kumpens għad-danni bdew jiġu rikonoxxuti b’effett mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357).

( 26 ) Skond il-Ministeri Irlandiżi appellanti, in-natura fakultattiva ta’ din il-kompetenza tirriżulta mill-Artikolu 14 tal-liġi ta’ l-2003, fejn impjegat jista’ jagħmel talba quddiem ir-Rights Commissioner. “An employee… may present a complaint to a Rights Commissioner…” (Enfasi tiegħi).

( 27 ) Sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri (C-482/01 u C-493/01, Ġabra p. I-5257, punt 42); tat-30 ta’ Ġunju 2005, Tod’s (C-28/04, Ġabra p. I-5781, punt 14), u tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 21).

( 28 ) Ara b’mod partikolari l-punt 21 tad-digriet tar-rinviju, fejn hemm spjegat li talba bbażata fuq il-liġi ta’ l-2003 għandha ssir, fl-ewwel istanza, quddiem ir-Rights Commissioner (“Section 14 of the Act of 2003 provides that a complaint alleging a contravention of the Act shall be referred in the first instance to a Rights Commissioner”; enfasi tiegħi). Ebda parti mid-digriet tar-rinviju ma tirreferi għall-kompetenza fakultattiva kif allegata mill-Ministeri Irlandiżi konvenuti.

( 29 ) L-unika differenza li tezisti hija li l-liġi nazzjonali tat-traspożizzjoni tiggarantixxi protezzjoni iktar wiesa’, li tmur lil ’hinn minn dik li jagħtu d-Direttiva 1999/70 u l-ftehim qafas.

( 30 ) Fir-rigward b’mod speċjali ta’ l-effett dirett tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi, ara s-sentenza tal-5 ta’ April 1979, Ratti (148/78, Ġabra p. 1629, punti 21 u 22), u tad-19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, Ġabra p. 53, punti 23 u 24).

( 31 ) Dwar il-prinċipju tat-trattament ugwali, ara l-ġurisprudenza stabbilita, partikolarment is-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger (C-300/04, Ġabra p. I-8055, punt 57), u tal-11 ta’ Settembru 2007, Lindorfer vs Il-Kunsill (C-227/04 P, Ġabra p. I-6767, punt 63), kif ukoll is-sentenzi Cordero Alonso (punt 37) u Advocaten voor de Wereld (punt 56), iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 21).

( 32 ) Ara l-punt 58 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 33 ) F’dan is-sens ara s-sentenzi Levez (punti 43 u 44) u Preston et (punti 61 u 62), iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 23).

( 34 ) Ara għal darba oħra s-sentenzi Levez (punt 51) u Preston et (punt 60), iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 23).

( 35 ) Madankollu, skond il-qorti tar-rinviju, persuna fiżika tista’ tidher ukoll in persona quddiem it-tribunali.

( 36 ) Sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2000, Corsten (C-58/98, Ġabra p. I-7919, punt 24); tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), punt 42, u tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux (C-220/05, Ġabra p. I-385, punt 25).

( 37 ) F’dan ir-rigward, ara għal darba oħra l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.

( 38 ) Ara iktar ’il fuq, l-iżviluppi tal-prinċipju ta’ l-effettività fil-punti 54 sa 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 39 ) Fost diversi eżempji, wieħed jista’ jirreferi għas-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30) Ratti, punt 22, u Becker, punti 24, 33 u 34.

( 40 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Unibet, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 16), punt 44.

( 41 ) Ara l-punt 48 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Punt 45 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 43 ) Sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, Ġabra p. 1337, punt 12); Ratti, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 19 sa 23, u Becker, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 17 sa 25; ara wkoll is-sentenza Dorsch Consult, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 17), punt 44.

( 44 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse (C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 58); ara wkoll is-sentenzi Becker, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punt 25; tat-8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, Ġabra p. 3969, punt 7); tat-22 ta’ Ġunju 1989, Fratelli Costanzo (103/88, Ġabra p. 1839, punt 29), u tad-19 ta’ April 2007, Farrell (C-365/05, Ġabra p. I-3067, punt 37).

( 45 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, “Marshall I”, punt 49), u ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, Kutz-Bauer (C-187/00, Ġabra p. I-2741, punti 31 u 71).

( 46 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenzi Adeneler, Marrosu u Sardino, Vassallo u Del Cerro Alonso, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3).

( 47 ) Fis-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 28 u 107, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tirrepeti l-fehma tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikabbiltà (jew in-nuqqas ta’ applikabbiltà) diretta tal-ftehim qafas, mingħajr ma ħadet pożizzjoni fuq l-istess.

( 48 ) Ara per eżempju s-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 1974, Reyners (2/74, Ġabra p. 631, punti 24 sa 32), u tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, Ġabra p. 455, “Defrenne II”, punti 38 u 39).

( 49 ) Ara per eżempju s-sentenzi Marshall I, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 45), punt 52, u tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C-231/06 sa C-233/06, Ġabra p. I-5149, punt 19), dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess kif prevvista fid-dritt sekondarju.

( 50 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza Becker, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 32 u 33, f’dak li jikkonċerna l-“kundizzjonijiet” li jridu joħolqu l-Istati Membri fil-kuntest tat-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Fl-istess sens, ara s-sentenza Reyners, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punti 26 u 31 f’dak li jikkonċerna l-libertà fundamentali.

( 51 ) Ara l-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas u t-tielet paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 52 ) Fl-istess sens, ara s-sentenzi Reyners, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punti 25, 26 u 29, u tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C-413/99, Ġabra p. I-7091, punti 84 sa 86), f’dak li jikkonċerna l-libertajiet fundamentali, kif ukoll is-sentenza Becker, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punti 33 u 34 fir-rigward ta’ direttiva.

( 53 ) F’dan ir-rigward, ara per eżempju s-sentenzi Becker, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 30), punt 30; ta’ l-24 ta’ Marzu 1987, McDermott u Cotter (286/85, Ġabra p. 1453, punt 15); Francovich, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punt 17; tat-2 ta’ Awissu 1993, Marshall (C-271/91, Ġabra p. I-4367, “Marshall II”, punt 37), u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 105).

( 54 ) F’dan is-sens ara mill-ġdid is-sentenza Pfeiffer, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), punt 105.

( 55 ) Sentenza tat-22 ta’ Mejju 1980, Santillo (131/79, Ġabra p. 1585, punt 13); f’sens simili ara s-sentenzi Marshall I, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 45), punt 55; Marshall II, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), punt 37, kif ukoll il-konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Van Gerven tas-27 ta’ Ottubru 1993 fil-kawża Banks (sentenza tat-13 ta’ April 1994, C-128/92, Ġabra p. I-1209, punt 27).

( 56 ) Ara per eżempju l-ġurisprudenza stabbilita dwar il-“prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili” (Artikolu 141 KE) skond is-sentenza Defrenne II, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 48), punt 28 u l-ġurisprudenza, li hija stabbilita wkoll, dwar il-“prinċipju tat-trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa” partikolarment fil-qasam tal-“kundizzjonijiet ta’ l-impjieg” (per eżempju s-sentenzi Marshall I, iċċitat iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 45, u Johnston, iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 20).

( 57 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Van Duyn, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), punt 14.

( 58 ) Sentenzi ta’ l-10 ta’ Novembru 1992, Hansa Fleisch Ernst Mundt (C-156/91, Ġabra p. I -5567, punt 15); tad-9 ta’ Settembru 1999, Feyrer (C-374/97, Ġabra p. I-5153, punt 24), u Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53, punt 105); fl-istess sens ukoll is-sentenza Mrshall I, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 45), punti 53 sa 55. Mill-bqija, l-istess regoli japplikaw f’dak li jikkonċerna l-libertajiet fundamentali tat-Trattat KE, fejn id-derogi li dawn iġibu magħhom ma jeskludux l-applikabbiltà diretta tagħhom, fost diversi eżempji ara s-sentenzi Van Duyn, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 43), punt 7, u Baumbast u R, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 52), punti 85 u 86.

( 59 ) Ara b’mod partikolari s-sentenza Advocaten voor de Wereld, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), punt 56.

( 60 ) F’dan ir-rigward, ara wkoll il-klawżola 4(4) tal-ftehim qafas.

( 61 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1983, Celant et vs Il-Kummissjoni (118/82 sa 123/82, Ġabra p. 2995, punt 22), u tad-19 ta’ April 1988, Sperber vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (37/87, Ġabra p. 1943, punti 8 u 9), kif ukoll is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tad-19 ta’ Ottubru 2006, De Smedt vs Il-Kummissjoni (F-59/05, Ġabra p. FP-I-A-1-109, II-A-1-409, punti 70 sa 76), ikkonfermata bid-digriet tal-Qorti tal-Prim’’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2007, De Smedt vs Il-Kummissjoni (T-415/06 P, ĠabraSP, punti 54 u 55).

( 62 ) B’mod partikolari ara s-sentenzi Cordero Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 21), punti 45 u 46, u Jonkman, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), punt 39.

( 63 ) Sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq, (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 62 u 63.

( 64 ) Klawżola 1(b) tal-ftehimq qafas. Ara wkoll is-sentenza Adeneler, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 63 u 79.

( 65 ) Sentenzi Adeneler et (punti 65, 80, 92 u 101), Marrosu u Sardino (punti 44 u 50) u Vassallo (punt 35), li huma kollha ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.

( 66 ) Dwar l-obbligu li l-Istati Membri għandhom fir-rigward ta’ l-għan u l-effett utli tad-Direttiva u tal-ftehim qafas, ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 68, 82 u 101.

( 67 ) Ara l-punt 10 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas u t-tielet paragrafu tal-preambolu tiegħu, kif ukoll is-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 68.

( 68 ) It-terminoloġija użata fil-verżjoni Ġermaniża tal-ftehim qafas tvarja; għalhekk, fil-punt 7 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali, jissemma l-“objektiven Gründen”, u fil-klawżola 5(1)(a) jissemma s-“sachlichen Gründen”. Jekk wieħed jagħti daqqa ta’ għajn fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra, jirriżulta madankollu li din hija problema speċifika għall-verżjoni Ġermaniża biss li bl-ebda mod ma taffettwa l-mertu.

( 69 ) F’dan is-sens, ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 62.

( 70 ) Ara l-punt 6 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas kif ukoll tat-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 71 ) Sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 62; ara wkoll il-punt 8 tal-kunsiderazzjonijiet ġenerali tal-ftehim qafas kif ukoll it-tieni paragrafu tal-preambolu tiegħu.

( 72 ) Sentenza Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punti 17 sa 20 f’dak li jikkonċerna l-“kontenut tal-garanzija”. L-effett dirett tad-direttiva in kwistjoni f’din il-kawża ġie skartat minħabba raġunijiet differenti (punti 23 sa 26 tas-sentenza).

( 73 ) Sentenza ta’ l-10 ta’ April 1984, Von Colson (14/83, Ġabra p. 1891, u b’mod partikolari l-punti 18 u 27).

( 74 ) Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3) Adeneler et (punti 91 u 101) u Marrosu u Sardino (punt 47).

( 75 ) Sentenza Francovich et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punti 30 sa 46, u l-ġurisprudenza stabbilita sussegwenti; ara wkoll is-sentenza Farrell, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 44), punt 43.

( 76 ) Punti 105 sa 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) F’dan ir-rigward ara s-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 117.

( 78 ) Sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie (C-129/96, Ġabra p. I-7411, punt 45); tat-8 ta’ Mejju 2003, ATRAL (C-14/02, Ġabra p. I-4431, punt 58), u Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 121.

( 79 ) Fis-sentenza Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 65, 68, 82, 92 u 101, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-Istati Membri għandhom jilħqu r-riżultat preskritt mid-dritt Komunitarju u jipprevjenu b’mod effettiv l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss.

( 80 ) Ara l-punti 105 sa 119 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 45 sa 84 u 89 sa 102 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ara b’mod partikolari s-sentenzi Von Colson, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 73), punt 26; Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), punt 113, u Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 108.

( 83 ) Sentenzi Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), punti 115, 116, 118 u 119, u Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 111; f’sens simili, ara s-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li l-qorti nazzjonali “hija obbligata [tinterpreta d-dritt nazzjonali] safejn huwa possibbli fid-dawl tat-test u ta’ l-għan tad-Direttiva”.

( 84 ) Sentenza Von Colson, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 73), punt 28; ara wkoll is-sentenzi ta’ l-4 ta’ Frar 1988, Murphy et (157/86, Ġabra p. 673, punt 11) u tal-11 ta’ Jannar 2007, ITC (C-208/05, Ġabra p. I-181, punt 68).

( 85 ) Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punti 44 u 47), u Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 110.

( 86 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C-376/02, Ġabra p. I-3445, punt 33); fl-istess sens, fir-rigward tar-regoli sostantivi ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1981, Salumi (212/80 sa 217/80, Ġabra p. 2735, punti 9 u 10), u l-ġurisprudenza stabbilita. Fis-sentenza tat-8 ta’ Marzu 1988, Dik (80/87, Ġabra p. I-1601, punt 15), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat espressament li l-leġiżlatur nazzjonali jista’ jittrasponi direttiva u jagħtiha effett retroattiv.

( 87 ) F’dan is-sens — fir-rigward ta’ l-operaturi ekonomiċi — ara s-sentenza ta’ l-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill (C-342/03, Ġabra p. I-1975, punt 48).

( 88 ) Il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettativa leġittima ma jistax jiġi invokat minn persuna li tkun wettqet ksur manifest tal-leġiżlazzjoni li tkun fis-seħħ (sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, Thyssen Krupp vs Il-Kummissjoni, C-65/02 P u C-73/02 P, Ġabra p. I-6773, punt 41).

( 89 ) Skond informazjzoni addizzjonali li ngħatat mill-Ministeri Irlandiżi appellanti waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-applikazzjoni retroattiva tal-liġi ta’ l-2003 kienet diskussa fil-Parlament Irlandiż u ġiet miċħuda espressament mil-leġiżlatur.

( 90 ) Sentenzi Marleasing, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 83), punt 8; Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 53), punti 115, 118 u 119 u Adeneler et, iċċitati iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 108 u 111.

( 91 ) F’dan is-sens ara l-konklużjonijiet tiegħi tat-18 ta’ Mejju 2004 fil-kawża Wippel (C-313/02, Ġabra p. I-9483, punt 63), fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni konformi mad-direttivi tal-kunċett tal-ksur tal-moralità; bl-istess mod — għalkemm f’kuntest ieħor —, ara s-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C-321/05, Ġabra p. I-5795, punt 46), f’dak li jikkonċerna l-projbizzjoni tal-komportamenti abbużivi.

( 92 ) Sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C-91/92, Ġabra p. I-3325, punt 27), u Adeneler et, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 112; ara wkoll il-punt 121 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 75.

( 93 ) Ara iktar ’il fuq punti 45 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 94 ) Konklużjonijiet ta’ l-avukat ġenerali Poiares Maduro ta’ l-10 ta’ Jannar 2007 fil-kawża Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 16 sa 25.

( 95 ) Ara l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, p. 22); Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16), u l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40) fil-verżjoni tad-Direttiva 2002/73/KE (ĠU L 269, p. 15).

( 96 ) Sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et (C-342/93, Ġabra p. I-475, punt 24), u tat-8 ta’ Settembru 2005, McKenna (C-191/03, Ġabra p. I-7631, punt 30).

( 97 ) Direttiva tal-Kunsill 75/117/KEE ta’ l-10 ta’ Frar 1975, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ paga ndaqs għall-irġiel u għan-nisa (ĠU L 45, p. 19)

( 98 ) Ara wkoll it-tieni premessa tad-Direttiva 76/207, li għaliha jirreferu b’mod espress is-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 96. Wara l-emenda tad-Direttiva 76/2007 bid-Direttiva 2002/73, id-Direttiva 75/117 ma baqgħetx aktar liġi speċjali iżda dispożizzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 76/207 jirreferi biex jippreċiża aħjar il-kunċett tal-paga.

( 99 ) Sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 41), u tas-7 ta’ Ġunju 2007, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (C-76/06 P, Ġabra p. I-4405, punt 21).

( 100 ) Ara wkoll il-premessa erbatax tad-Direttiva 1999/70 u t-tielet paragrafu tal-preambolu tal-ftehim qafas.

( 101 ) Il-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jikkonferma l-importanza tad-drittijiet soċjali fundamentali (premessa erbatax) u jenfasizza l-għan tal-progress ekonomiku u soċjali (premessa tmienja).

( 102 ) Il-preambolu tat-Trattat KE jenfasizza l-importanza tal-progress ekonomiku u soċjali (it-tieni premessa) u jiddefinixxi bħala għan essenzjali t-titjib kostanti tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u ta’ l-impjieg tal-poli ta’ l-Ewropa (it-tielet premessa); f’dan ir-rigward ara wkoll is-sentenza Defrenne II, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 48) punti 10 u 11.

( 103 ) Il-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema ġiet adottata waqt is-sessjoni tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 1989 fi Strasburgu u hija rriprodotta fid-dokument tal-Kummissjoni KUM 89 (471), tat-2 ta’ Ottubru 1989. Il-punt 7 ta’ din il-Karta huwa redatt skond kif ġej: “It-twettiq tas-suq intern għandu jwassal għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema fil-Komunità Ewropea. Dan il-proċess ser iseħħ permezz ta’ l-approssimazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, partikolarment għaż-żmien u l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u t-tipi ta’ impjieg li mhumiex il-kuntratti ta’ impjieg għalż mien indefinit, ix-xogħol part-time, ix-xogħol temporanju u x-xogħol staġjonali”. L-ewwel paragrafu tal-punt 10 tal-Karta jgħid ukoll: “Skond il-modi li japplikaw f’kull pajjiż …, kull ħaddiem tal-Komunità Ewropea għandu dritt għall-protezzjoni soċjali xierqa …”.

( 104 ) Il-Karta Soċjali Ewropea ġiet iffirmata fit-18 ta’ Ottubru 1961 f’Turin mill-Istati Membri tal-Kunsill ta’ l-Ewropa. Il-punti 2 u 4 tal-parti I ta’ din il-Karta jenfasizzaw fuq id-dritt li l-ħaddiema kollha jkollhom kundizzjonijiet ta’ impjieg xierqa u ħlas ġust, fid-dawl tal-fatt li dan id-dritt għandu jiġi meqjus bħala obbjettiv li għandu jintlaħaq (ara l-parti III, Artikolu 20(1)(a) tal-Karta).

( 105 ) Sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 38.

( 106 ) Sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1971, Defrenne (80/70, Ġabra p. 445, “Defrenne I”, punti 7 u 8), tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889, punti 22 u 28), Jonkman, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 49), punt 17, u speċjalment fir-rigward tal-pensjonijiet tax-xjuħija ta’ l-uffiċjali pubbliċi, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I-12575, punti 56 sa 59).

( 107 ) Il-ħames premessa tal-preambolu tal-ftehim qafas. Il-fatt li l-ftehim qafas jiddistingwi bejn skemi legali u skemi professjonali tas-sigurtà soċjali jirriżulta minn qari konġunt tal-premessa ħamsa u sitta tal-preambolu tiegħu.

( 108 ) Sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-65/04, Ġabra p. I-2239, punt 27).

( 109 ) Sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1983, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (218/82, Ġabra p. 4063, punt 15); tad-29 ta’ Ġunju 1995, Spanja vs Il-Kummissjoni (C-135/93, Ġabra p. I-1651, punt 37), u tas-26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et (C-305/05, Ġabra p. I-5305, punt 28).

( 110 ) Sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 39; dwar l-interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet derogatorji tad-dritt primarju, ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-349/03, Ġabra p. I-7321, punt 43).

( 111 ) Sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punt 41.

( 112 ) Hekk hu l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 299, p. 9); din id-direttiva hija l-verżjoni l-ġdida tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU L 307, p. 18), li kienet fis-seħħ sa dak iż-żmien, u li kienet diġà tinkludi dispożizzjoni identika. Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Novembru 1996, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C-84/94, Ġabra p. I-5755, b’mod partikulari l-punti 45 u 49), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 118 A tat-Trattat KE, li kien il-predeċessur ta’ l-Artikolu 137(1)(a) KE kien jikkostitwixxi l-bażi legali korretta tad-Direttiva 93/104.

( 113 ) Sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 43 u 44, li tippreċiża l-portata tas-sentenza ta’ l-1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C-14/04, Ġabra p. I-10253, punti 37 sa 39), u tad-digriet tal-11 ta’ Jannar 2007, Vorel (C-437/05, Ġabra p. I-331, punti 32, 35 u 36).

( 114 ) Sentenza Del Cerro Alonso, iċċitata iktar ’il fuq (nota ta’ qiegħ il-paġna 3), punti 45 u 46.

( 115 ) Ibid punt 47.

( 116 ) Projbizzjoni oħra ta’ diskriminazzjoni ta’ dan it-tip tidher per eżempju fil-klawżola 4 tal-ftehim qafas dwar xogħol part-time anness mad-Direttiva tal-Kunsill 97/81/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, li tikkonċerna l-Ftehim Qafas dwar ix-xogħol part-time konkluż mill-UNICE, miċ-CEEP u mill-ETUC (ĠU 1998, L 14, p. 9).

( 117 ) F’dan is-sens, ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u The Finnish Seamen’s Union (C-438/05, Ġabra p. I-10779, punti 39 u 40), u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri (C-341/05, Ġabra p. I-11767, punti 86 u 87), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata f’dawn is-sentenzi; ara wkoll is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2003, Steinicke (C-77/02, Ġabra p. I-9027, punt 63), u ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen (C-92/02, Ġabra p. I-14597, punt 31).