KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 20071(1)

Kawża C-220/06

Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia

vs

Administración del Estado

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Nacional (Spanja)]

“Direttiva 96/67/KE – Direttiva 92/50/KEE – Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li jagħti l-provvista tas-servizzi postali riżervati u mhux riżervati lil fornitur wieħed – Kuntratt ‘in house’ – Ġustifikazzjoni”





1.     Kumpannija b’responsabbiltà limitata, li l-kapital tagħha huwa kollu miżmum mill-awtorità pubblika, tista’ b’mod dirett tingħatalha l-provvista tas-servizzi postali riżervati u dawk mhux riżervati mingħajr ma tikser ir-regoli Komunitarji dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi u l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE? Din hija essenzjalment id-domanda magħmula mill-Audiencia Nacional (Spanja) lill-Qorti tal-Ġustizzja.

2.     F’dawn il-konklużjonijiet, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-regoli dwar l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, kif ukoll l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li b’mod dirett tagħti l-provvista tas-servizzi postali riżervati u dawk mhux riżervati lil fornitur tas-servizz universali.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

1.      Id-dritt primarju

3.     L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Fir-rigward ta’ l-Artikolu 49 KE, dan jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

4.     L-Artikolu 86(1) KE jiddisponi li “[d]war impriżi pubbliċi u impriżi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi, l-Istati Membri ma għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli f’dan it-Trattat, b’mod partikolari, għal dawk li hemm fl-Artikolu 12 u fl-Artikoli 81 sa 89 inklużi”.

5.     L-Artikolu 86(2) KE jipprovdi eċċezzjoni għall-projbizzjoni li jingħataw jew jinżammu fis-seħħ drittijiet speċjali jew esklużivi lil ċerti impriżi fil-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli jostakolaw it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża pubblika inkarigata b’funzjoni ta’ importanza ġenerali.

2.      Id-Direttiva 97/67/KE

6.     Fid-dawl tat-twettiq tas-suq intern, fejn, b’mod partikolari, il-moviment liberu tas-servizzi għandu jkun assigurat, u kkunsidrata l-ħtieġa li tiġi garantita l-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Komunità(2), din ħolqot qafas għat-tħaddim tas-servizz postali minimu komuni, bl-adozzjoni tad-Direttiva 97/67.

7.     Din id-Direttiva tiggarantixxi l-eżistenza tas-servizz postali universali minimu u tippreċiża l-portata tiegħu, billi toffri l-possibbiltà lill-Istati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi għall-fornitur wieħed, fejn għalhekk dawn is-servizzi jistgħu jibqgħu taħt monopolju.

8.     Għalhekk, din id-Direttiva għandha l-għan li tiftaħ gradwalment, u b’mod ikkontrollat, is-suq tal-posta għall-kompetizzjoni(3).

9.     Skond l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 97/67, is-servizzi postali huma servizzi li jinvolvu l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ oġġetti postali.

10.   Skond l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva, “servizz universali” jfisser d-dritt li jkun hemm “provvista permanenti ta’ servizz postali ta’ kwalità speċifikata fil-punti kollha fit-territorju tagħhom bi prezzijiet li jistgħu jitħallsu mill-konsumaturi kollha”.

11.   L-Artikolu 3(4) ta’ l-istess Direttiva jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu jaddotta l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li s-servizz universali jinkludi l-faċilitajiet minimi li ġejjin:

–       l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa żewġ kilogrammi,

–       l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti postali sa 10 kilogrammi,

–       servizzi għall-oġġetti reġistrati u oġġetti assigurati”.

12.   F’dan ir-rigward, id-Direttiva 97/67 tipprovdi lista ta’ servizzi li jistgħu jiġu riżervati għall-fornitur(i) tas-servizz universali ta’ kull Stat Membru. Dan jinvolvi l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ oġġetti ta’ korrispondenza lokali u ta’ korrispondenza li tidħol bejn fruntiera u oħra kemm b’kunsinna mgħaġġla u kemm jekk le, fil-limiti ta’ prezz u piż definiti minn din id-Direttiva(4).

13.   Fil-fatt, din l-eċċezzjoni mil-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali tapplika biss għall-oġġetti ta’ korrispondenza li jiżnu inqas minn 350 gramma u fejn il-prezz tagħhom huwa inqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika għal oġġett ta’ korrispondenza fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standard l-iktar mgħaġġla(5).

14.   Skond l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 97/67, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li sal-limitu meħtieġ biex tiġi assigurata ż-żamma ta’ servizz universali, jistgħu jkomplu jirriżervaw il-posta li tidħol bejn fruntiera u oħra u l-posta diretta(6) fil-limiti tal-prezz u l-piż stabbiliti għas-servizzi li jistgħu jiġu riżervati.

15.   Sussegwentement, id-Direttiva 97/67 ġiet emendata bid-Direttiva 2002/39/KE(7).

16.   Madankollu, din id-Direttiva 2002/39 daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, jiġifieri fil-5 ta’ Lulju 2002. Fil-kawża prinċipali in kwistjoni, il-fatti rilevanti seħħew qabel dik id-data. Għaldaqstant id-Direttiva 2002/39 ma tapplikax għall-każ preżenti.

3.      Id-Direttiva 92/50/KEE

17.   Peress li l-fatt li l-kuntratti pubbliċi għal servizzi mhumiex miftuħa għall-kompetizzjoni jikkostitwixxi ostaklu għat-twettiq tas-suq intern u jwaqqaf l-iżvilupp ta’ l-impriżi Ewropej li jikkompetu fis-swieq dinjija, il-Komunità ddeċidiet li tassoġġetta l-kuntratti pubbliċi għal servizzi għar-regoli tal-kompetizzjoni.

18.   Il-kuntratti pubbliċi għal servizzi huma definiti bl-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi(8), bħala kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti.

19.   Skond l-Artikolu 6 ta’ din id-Direttiva ma tapplikax għal “kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti […] fuq il-bażi ta’ dritt esklużiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva ppubblikata li hija kompatibbli mat-Trattat”.

20.   Skond l-Artikolu 7(1)(a)(ii) tad-Direttiva 92/50, din id-Direttiva tgħodd għall-kuntratti ta’ servizz pubbliku, b’mod partikolari, fir-rigward tat-trasport ta’ korrispondenza bl-art jew bl-ajru, mogħtija mill-awtoritajiet kontraenti fejn l-istima tal-valur nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud huwa daqs jew ogħla minn 200,000 dritt speċjali ta ġbid (iktar ’il quddiem “SDRs”)(9).

B –    Id-dritt nazzjonali

1.      Fuq is-servizzi postali

21.   Id-Direttiva 96/67 ġiet trasposta fis-sistema legali Spanjola bil-liġi 24/1998 dwar is-servizz postali universali u l-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali (Ley 24/1998 del Servicio Postal Universal y de Liberalización de los Servicios Postales), tat-13 ta’ Lulju 1998(10).

22.   Skond l-Artikoli 1 u 2 ta’ din il-liġi, is-servizzi postali huma kkunsidrati bħala servizzi ta’ importanza ġenerali u s-servizz postali universali huwa suġġett għall-obbligi tas-servizz pubbliku.

23.   L-Artikolu 18 ta’ l-imsemmija liġi jirriżerva ċerti servizzi għall-operatur li għandu l-provvista tas-servizz postali universali. Dawn is-servizzi riżervati huma:

–       is-servizz tal-postal order;

–       l-ikklerjar, l-aċċettazzjoni, l-issortjar, il-kunsinna, it-trattament, ir-routing, it-trasport u t-tqassim ta’ l-oġġetti postali fil-bliet, reġistrati jew mhux, ta’ l-ittri u kartolini, safejn il-piż ikun daqs jew inqas minn 100 gramma. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, il-limitu tal-piż ġie ffissat fl-ammont ta’ 50 gramma.

F’dak li jirrigwarda l-posta fil-bliet, jista’ jkun hemm fornituri oħra li jwettqu dan it-tip ta’ xogħol, bil-kundizzjoni li jitolbu mill-konsumaturi prezz li jkun ta’ l-inqas tliet darbiet ogħla mit-tariffa pubblika applikabbli għall-posta ordinarja ta’ oġġetti ta’ fl-ewwel kategorija ta’ piż tal-kategorija standard l-iktar mgħaġġla, iffissata għall-fornitur inkarigat bil-provvista tas-servizz postali universali. B’effett mill-1 ta’ Jannar 2006, il-prezz sar ta’ l-inqas darbtejn u nofs ogħla.

Il-posta diretta nazzjonali jew il-posta diretta bejn fruntiera u oħra, tal-kotba, tal-katalgi, u rivisti ma jiffurmawx parti mis-servizzi riżervati.

L-iskambju tad-dokumenti ma jistax ikun riżervat;

–       is-servizz postali li jidħol u li joħroġ bejn fruntiera u ta’ ittri u kartolini, fil-limiti ta’ piż u prezz iffissati fit-tieni subparagrafu, u

–       l-irċevuta, bħala servizz postali, ta’ talbiet, ittri u komunikazzjonijiet li ċ-ċittadini jindirizzaw lill-korpi ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

2.      Fuq il-kuntratti pubbliċi

24.   Skond l-Artikolu 11 tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi (Ley de Contratos de las Administraciones Públicas), li t-test kodifikat tagħha ġie approvat bid-Digriet-Liġi Rjali 2/2000 (Real Decreto Legislativo 2/2000) tas-16 ta’ Ġunju 2000(11), il-kuntratti pubbliċi ffirmati mill-awtoritajiet pubbliċi huma suġġetti għall-prinċipji ta’ publikazzjoni u ta’ kompetizzjoni, ħlief għall-eċċezzjonijiet previsti minn din il-liġi, u għall-prinċipji ta’ l-ugwaljanza u ta’ non-diskriminazzjoni.

25.   Skond l-Artikolu 206(4) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi, it-trasport tal-posta bl-art jew bl-ajru huwa kkunisdrat bħala kuntratt pubbliku, skond l-Artikolu 11 tal-liġi msemmija, u hija suġġetta għaldaqstant għar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

26.   L-Artikolu 3(1)(d) tal-liġi fuq il-kuntratti pubbliċi jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kull ftehim ta’ kollaborazzjoni konkluż mill-awtorità ma’ persuni fiżiċi jew legali tad-dritt privat, sa fejn is-suġġett ta’ dan il-ftehim ma jikkonċernax il-kuntratti pubbliċi rregolati minn din l-istess liġi jew mid-dispożizzjonijiet amminstrattivi.

3.      Fuq il-liġi 14/2000

27.   L-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000 fuq il-miżuri fiskali, amministrattivi u ta’ ordni soċjali (Ley 14/2000 de Medidas Fiscales, Administrativas y del Orden Social) tad-29 ta’ Diċembru 2000(12), ħoloq is-Sociedad Estatal Correos y Telégrafos, Sociedad Anónima (iktar ’il quddiem “Correos”). Din id-dispożizzjoni tippreċiża li l-kapital ta’ Correos huma miżmum mill-awtorità pubblika. Barra minn hekk, skond din l-istess dispożizzjoni, kull att ta’ trasferiment tal-kapital azzjonarju jew ta’ l-akkwist, dirett jew indirett, ta’ l-ishma f’din il-kumpannija minn persuni jew korpi li mhumiex l-awtorità pubblika jeħtieġ l-awtorizzazzjoni b’att li għandu l-istatus ta’ liġi.

28.   Barra minn hekk, skond dan l-istess Artikolu 58, l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ kollaborazzjoni, kif ikkontemplat fl-Artikolu 3 tad-Digriet-Liġi Rjali 2/2000, ma’ Correos, sabiex iwettqu l-attivitajiet li jaqgħu taħt l-għanijiet tagħha, jiġifieri, b’mod partikolari, is-servizzi postali.

II – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

29.   Bi ftehim ta’ kollaborazzjoni milħuq bejn il-Ministeru Spanjol ta’ l-Edukazzjoni, tal-Kultura u ta’ l-Isports (iktar ’il quddiem il-“Ministeru”) u Correos, iffirmat fis-6 ta’ Ġunju 2002 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ kollaborazzjoni”), l-istess Correos ingħatat il-provvista tas-servizzi postali u tat-telegrafija.

30.   Skond l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim, Correos obbligat ruħha li tipprovdi s-servizzi postali segwenti:

–       l-ittri (ordinarji, reġistrati jew urġenti), lokali, interurbani u internazzjonali, bla limitu ta’ piż jew ta’ volum,

–       il-pakketti (postali, blu u internazzjonali) bla limitu ta’ piż jew ta’ volum,

–       il-posta nazzjonali mgħaġġla u s-servizz tal-posta internazzjonali mgħaġġla [“Express Mail Service” (EMS)] bla limitu ta’ piż jew ta’ volum, u

–       il-kunsinna ta’ kotba, ta’ materjal għal bibljoteka, ta’ rivisti u tal-ġurnal uffiċjali tal-Ministeru fuq livell nazzjonali (lokali u interurbani) u internazzjonali (bl-art jew bl-ajru), bla limitu ta’ piż jew ta’ volum.

31.   F’dan il-ftehim ġie ppreċiżat li l-korrispettiv finanzjarju għall-provvista tas-servizzi tiddependi mid-dħul mill-bejgħ li jsir. Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ammont annwali ta’ dan il-korrispettiv huwa ogħla minn EUR 12,020.42.

32.   Il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie ffirmat mingħajr sejħa pubblika għall-offerti.

33.   Din hija r-raġuni għaliex l-Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia (Assoċjazzjoni professjonali ta’ l-impriżi tad-distribuzzjoni u trattament ta’ posta, iktar ’il quddiem (“Asociación Profesional”) ippreżentat rikors għal annullament quddiem is-segretarju ġenerali tekniku tal-Ministeru kontra d-deċiżjoni amministrattiva li tat il-kuntratt pubbliku lil Correos.

34.   B’deċiżjoni ta’ l-20 ta’ Marzu 2003, is-segretarju ġenerali tekniku tal-Ministeru ċaħad dan ir-rikors. Asociación Profesional appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Audencia Nacional.

III – Id-domanda preliminari

35.   L-Audencia Nacional iddeċidiet li tissosspendi d-deċiżjoni u li tippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 43 KE u 49 KE, flimkien ma’ l-Artikolu 86 KE, meta dawn jiġu applikati fil-kuntest tal-proċess tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali introdott mid-Direttivi 96/67 u 2002/39 u fil-kuntest tal-prinċipji li jirregolaw il-kuntratti pubbliċi, stabbiliti mid-Direttivi ad hoc, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu ftehim li l-għan tiegħu jkun il-provvista tas-servizzi postali, kemm dawk riżervati u dawk mhux riżervati, u, għaldaqstant, liberalizzati, konkluż bejn kumpannija ta’ l-Istat li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament mill-awtoritajiet pubbliċi u li, hija l-operatur magħżul sabiex tassigura l-provvista tas-servizz postali universali u korp ta’ l-awtorità ta’ l-Istat?”

IV – Analiżi

A –    Fuq l-ammissibbiltà

36.   Il-Gvern Spanjol jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domanda li tressqet. Fil-fatt, huwa jsostni li din, fil-verità, hija intiża biex tinterpreta l-legalità ta’ ftehim li jaqa’ taħt il-kamp nazzjonali.

37.   Il-Gvern Spanjol isostni fl-osservazzjonijiet tiegħu li d-domanda li fil-verità saret lill-Qorti tal-Ġustizzja toħroġ biċ-ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju. L-Audencia Nacional, fil-fatt, talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja mhux biex tinterpreta d-Direttivi 97/67 u 92/50, imma biex jiġi stabbiliti jekk il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwiex konformi ma’ din il-leġiżlazzjoni Komunitarja.

38.   Skond ġurisprudenza kostanti, anki jekk mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa skond l-Artikolu 234 KE, fuq il-kompatibbiltà tar-regoli tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju, peress li l-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli huwa d-dmir tal-qrati nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ madankollu kompetenti li tipprovdi lil dawn l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jirriżultaw mid-dritt Komunitarju li jippermettulhom jevalwaw il-kompatibbiltà ta’ dawn ir-regoli flimkien mal-leġiżlazzjoni Komunitarja(13).

39.   Fil-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà tal-liġi 14/2000 mad-dritt Komunitarju, imma hija tista’ tipprovdi l-elementi għall-interpretazzjoni li joħorġu mid-dritt Komunitarju li jippermettu lill-qorti tar-rinviju sabiex tiddeċiedi hija stess fuq din il-kompatibbiltà.

40.   Konsegwentement, jiena nsostni li d-domanda hija ammissibbli.

B –    Fuq id-domanda preliminari

41.   Bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, dwar jekk id-Direttivi 97/67 u 92/50 kif ukoll l-Artikolu 86 KE, meta moqrija flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jafdaw il-provvista tas-servizzi postali riżervati u dawk mhux riżervati lill-entità li l-kapital tagħha huwa kompletament miżmum mill-awtorità pubblika, mingħajr ma jissuġġettaw dan il-kuntratt pubbliku għar-regoli li jiggvernaw l-għoti tal-kuntratti tas-servizzi pubbliċi.

42.   Il-kwistjoni tinvolvi għalhekk li jiġi stabbilit jekk id-dritt Komunitarju għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi li ċċaħħad lill-fornituri potenzjali milli jagħmlu offerta għal xi kuntratt tas-servizzi postali riżervati u mhux riżervati u, b’hekk, iċċaħħadhom mill-possibbiltà li qatt jieħdu kuntratt ta’ dan it-tip.

43.   Għall-iskopijiet ta’ l-analiżi tiegħi, jiena ser nibda biex neżamina jekk l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi pprovduti minn Correos huma servizzi riżervati.

44.   Sussegwentement, fl-ipoteżi fejn is-servizzi in kwistjoni fil-kawża prinċipali huma servizzi mhux riżervati, u għaldaqstant suġġetti għar-regoli ta’ kompetizzjoni, jiena ser nistabbilixxi jekk id-Direttiva 92/50 tapplikax għal kuntratt tas-servizz pubbliku mogħti lil Correos. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-libertà ta’ ċirkulazzjoni għandhom l-intenzjoni li japplikaw għall-kuntratti pubbliċi li ma jaqawx taħt id-Direttiva 92/50(14). Għaldaqstant jeħtieġ li l-ewwel jiġi verifikat jekk l-imsemmija Direttiva tapplikax għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Jekk dan mhuwiex il-każ, din is-sitwazzjoni għandha tiġi analizzata fid-dawl tad-dritt primarju.

45.   Fl-aħħar nett, f’każ li jirriżulta li d-Direttiva 92/50 ma tapplikax, jien ser nanalizza s-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt primarju, u, b’mod iktar partikolari, tal-prinċipji fundamentali previsti mit-Trattat.

1.      Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67

46.   Din mhijiex l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tiġi mitluba tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67. Fil-fatt, fis-sentenza tagħha tal-11 ta’ Marzu 2004, Asempre u Asociación Nacional de Empresas de Externalización y Gestión de Envíos y Pequeña Paquetería(15), il-Qorti tal-Ġustizzja tat interpretazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni. Hija sostniet li, fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-liberalizzazzjoni tas-servizzi postali, l-Istati Membri mhumiex liberi li jimponu kundizzjonijiet addizzjonali għall-provvista tas-servizzi postali billi jkabbru s-sensiela ta’ servizzi riżervati għall-fornituri tas-servizz universali(16).

47.   Il-lista tas-servizzi riżervati għandha għalhekk tiġi meqjusa bħala lista eżawrjenti. B’hekk jistgħu jiġu meqjusa bħala servizzi riżervati l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u t-tqassim ta’ l-oġġetti ta’ korrispondenza lokali, kif ukoll il-posta diretta permezz ta’ l-ittri u l-posta ħierġa minn fruntiera għal oħra sa fejn dan huwa meħtieġ għaż-żamma tas-servizz universali għal dawn ta’ l-aħħar.

48.   Madankollu, kif rajna diġà, is-servizzi riżervati jirrigwardaw biss l-oġġetti ta’ korrispondenza li l-piż tagħhom huwa anqas minn 350 gramma u l-prezz anqas minn ħames darbiet it-tariffa pubblika.

49.   Fil-każ preżenti, skond il-qorti tar-rinviju, il-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa intiż għall-provvista tas-servizzi postali li jmorru lil hinn mis-servizzi kkunsidrati bħala riżervati.

50.   Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li skond l-Artikolu 58(2) tal-liġi 14/2000, l-għan ta’ Correos huwa l-awtorità u l-iżvolġiment ta’ kull servizz postali. Mhemm l-ebda distinzjoni bejn is-servizzi riżervati u s-servizzi mhux riżervati. Barra minn hekk, abbażi ta’ din il-liġi, skond l-Artikolu 1 tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni, il-provvista tas-servizzi postali riżervati għal Correos tirrigwarda l-ittri kollha u l-pakketti kollha, mingħajr ebda limitu fil-piż u fil-volum.

51.   Kif rajna iktar ’il fuq, skond l-Artikolu 7 tad-Direttiva 97/67, huma biss l-ikklerjar, l-issortjar, it-trasport u l-kunsinna ta’ l-oġġetti ta’ korrispondenza lokali, fil-limiti ta’ piż u prezz definiti minn din id-Direttiva, li jistgħu jkunu riżervati għal fornitur wieħed. Hija biss il-provvista ta’ dawn is-servizzi li jistgħu jiġu mogħtija direttament, mingħajr ebda sejħa għall-offerti, lil xi fornitur partikolari. Is-servizzi postali l-oħra, fis-sens ta’ l-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni.

52.   L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 għandu għalhekk jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-provvista tas-servizzi postali għal fornitur wieħed, mingħajr ma tagħmel distinzjoni bejn is-servizzi riżervati u s-servizzi mhux riżervati.

53.   Il-kwistjoni f’dan l-istadju hija dik dwar jekk il-fatt li l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati, bħalma hija kontemplata fl-Artikolu 58 tal-liġi 14/2000, tiġi mogħtija mingħajr sejħa preċedenti għall-offerti u mingħajr ma tkun suġġetta għall-kompetizzjoni, tmurx kontra d-Direttiva 92/50.

2.      Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 92/50

54.   F’dak li jirrigwarda d-Direttiva 92/50, huwa paċifiku li din tapplika għall-kuntratti pubbliċi għal servizzi li l-valur tagħhom nett mit-taxxa fuq il-valur miżjud huwa daqs jew ogħla minn 200,000 SDRs(17).

55.   Skond il-qorti tar-rinviju, il-valur tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa ogħla minn EUR 12,020.42 Waqt is-seduta, ebda waħda mill-partijiet ma setgħet tistabbilixxi il-valur eżatt ta’ dan il-kuntratt. Huwa għalhekk l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tistabbilixxi dan il-valur sabiex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 92/50 tapplikax għas-sitwazzjoni in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

56.   Nikkunsidraw, għal issa, li l-valur tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni huwa daqs jew ogħla minn 200,000 SDRs.

57.   F’din l-ipoteżi, wieħed jara li d-Direttiva 92/50 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati lil entità li l-kapital tagħha huwa miżmum kompletament mill-awtorità pubblika u dan għar-raġunijiet segwenti.

58.   Skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50, kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom ifissru “kuntratti għal interess pekunjarju konklużi bil-miktub bejn min jipprovdi s-servizz u awtorità kontraenti”.

59.   Skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni tal-kuntratt m’għandhiex issir skond id-dritt ta’ l-Istati Membri(18). Għaldaqstant il-kunċett tal-kuntratti pubbliċi għandu jitqies bħala kunċett Komunitarju. B’hekk jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-kriterji definiti fl-imsemmi Artikolu 1(1) humiex sodisfatti, sabiex jiġi stabbiliti jekk quddiemna għandniex kuntratt pubbliku.

60.   Hemm żewġ kundizzjonijiet li jridu jiġu sodisfatti sabiex tkun tapplika d-Direttiva 92.50. Irid ikun kuntratt għal interess pekunjajru u dan il-kuntratt għandu jiġi konkluż bejn żewġ entitajiet distinti, jiġifieri l-awtorità kontraenti u min jipprovdi s-servizz.

61.   Fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni, jidhirli li din tinsab sodisfatta peress li, fil-każ preżenti, il-liġi 14/2000 tipprovdi li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkonkludu ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ Correos għall-finijiet tal-provvista tas-servizzi postali. Barra minn hekk, abbażi ta’ din il-liġi, il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie konkluż bejn il-Ministeru u Correos b’korrispettiv finanzjarju li l-ammont tiegħu jiddependi fuq it-dħul mill-bejgħ. Dan huwa effettivament kuntratt għal interess pekunjarju.

62.   F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, jiġifieri l-eżistenza ta’ l-awtorità kontraenti u tal-fornitur tas-servizzi, id-Direttiva 92/50 tagħtina definizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1(b) ta’ din l-istess Direttiva jippreċiża li l-awtoritajiet kontraenti għandhom ifissru “l-Istat, l-awtoritajiet reġjonali jew lokali, korpi rregolati mil-liġi pubblika, assoċjazzjonijiet iffurmati minn waħda jew iktar minn dawn l-awtoritajiet jew korpi regolati mil-liġi pubblika”. L-Artikolu 1(ċ) ta’ l-istess Direttiva jiddefinixxi lil dak li jipprovdi s-servizz bħala “kull persuna fiżika jew ġuridika, inkluż korp pubbliku, li joffri servizzi”.

63.   Fil-każ preżenti, jidher li l-Ministeru huwa effettivament awtorità kontraenti u Correos hija l-persuna li tipprovdi s-servizz.

64.   Madankollu, peress li l-kapital azzjonarju ta’ Correos huwa miżmum kompletament mill-awtorità pubblika, il-kwistjoni li tqum hawnhekk hija dwar jekk tapplikax l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50. Fil-fatt, skond din id-dispożizzjoni, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi għal servizzi mogħtija lil entità li hija proprja l-awtorità kontraenti fis-sens ta’ l-Artikolu 1(b) ta’ din id-Direttiva, fuq il-bażi ta’ dritt esklużiv li hija tgawdi skond liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva.

65.   Fil-każ preżenti, huwa paċifiku li Correos tgawdi minn drittijiet esklużivi li ngħatawlha bil-liġi 14/2000.

66.   Fil-fehma tiegħi, jeħtieġ li wieħed jivverifika jekk iż-żewġ entitajiet ikkonċernati, jiġifieri l-awtorità kontraenti u min jipprovdi s-servizzi, jikkostiwixxux, fir-realtà, entità waħda. F’każ ta’ tweġiba pożittiva, dan ma jibqax kuntratt għal interess pekunjajru konkluż ma’ entità ġuridikament distinta mill-awtorità kontraenti u l-kundizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 92/50 ma jkunux sodisfatti. Għaldaqstant, ma jkunux japplikaw ir-regoli Komunitarji fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi.

67.   Fil-fehma tiegħi, wieħed jista’ jsib it-tweġiba fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

68.   Fil-fatt, fis-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau(19), il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tad-Direttiva 92/50, applikat il-kundizzjonijiet preskritti fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal(20), relattivi għad-Direttiva tal-Kunsill Nru 93/36/KEE(21). Peress li d-Direttiva 93/36 ma fiha ebda eċċezzjoni paragunabbli ma’ dik prevista fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/50, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, dwar l-eżistenza tal-kuntratt, il-qorti nazzjonali għandha tivverifika jekk kienx sar ftehim bejn żewġ persuni distinti.

69.   Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, dan mhuwiex il-każ meta fuq il-fornitur tas-servizzi, l-awtorità kontraenti teżerċita “kontroll analogu għal dak li [hija] teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess” u li dan il-“[fornitur] iwettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tiegħu ma’ [l-awtorità jew awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawh]”(22).

70.   Dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li wieħed isib fir-relazzjoni magħrufa “in house”, huma kundizzjonijiet kumulattivi li meta jkunu jeżistu l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jagħtu kuntratt pubbliku lil fornitur wieħed, mingħajr ma jissuġġettaw dak il-kuntratt għar-regoli tal-kompetizzjoni. Madankollu, peress li dawn il-kundizzjonijiet imsemmija jikkostitwixxu eċċezzjoni għar-regoli tad-dritt Komunitarju, dawn għandhom jiġu interpetati b’mod strett(23).

71.   Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat il-portata tagħha fis-sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2005, Parking Brixen(24). Sabiex jiġi stabbilit jekk l-awtorità kontraenti teżerċitax dan il-kontroll fuq il-fornituri tas-servizzi, jeħtieġ li jiġi analizzat jekk mid-dispożizzjonijiet leġiżlativi kollha u ċ-ċirkustanzi rilevanti jirriżultax li l-fornitur tas-servizzi in kwistjoni huwiex suġġett għall-kontroll li jippermetti lill-awtorità pubblika li tinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ l-imsemmi fornitur. Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li għandu jkun hemm possibbiltà ta’ influwenza determinanti kemm fuq l-għanjiet strateġiċi kif ukoll fuq id-deċiżjonijiet importanti(25).

72.   Barra minn hekk, skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li l-kapital ta’ l-impriża li qed tforni s-servizzi huwa miżmum kompletament mill-awtorità kontraenti mhuwiex deċiżiv(26).

73.   Min-naħa l-oħra, hija tikkunsidra li l-fatt li impriża partikolari tiġi kkonvertita f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, turi li dik il-kumpannija sar għandha interess kummerċjali li jrendi prekarju l-kontroll ta’ l-awtorità pubblika(27).

74.   Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-kunsill ta’ l-awtorità ta’ l-impriża li qed tforni s-servizzi kellu setgħat kunsiderevoli, mingħajr prattikament ma jiġi eżerċitat xi kontroll tat-tmexxija mill-awtorità pubblika u mingħajr ma setgħu jiġu estiżi l-għanijiet ta’ din l-impriża(28). Dawn iż-żewġ elementi kienu fis-sens li ma kienx hemm kontroll simili ta’ l-awtorità kontraenti fuq il-kumpannija li qed tforni s-servizzi.

75.   Peress li l-kundizzjoni tal-kontroll simili għandha tiġi interpretata b’mod strett, jiena jidhirli li din il-kundizzjoni tħalli x’wieħed jifhem li l-kumpannija li qed tforni s-servizzi m’għandha ebda poter ta’ manuvrar u li finalment hija l-awtorità pubblika waħedha li tieħu d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw din il-kumpannija. Barra minn hekk, l-użu ta’ l-espressjoni “in house” turi sewwasew ir-rieda li wieħed jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet li l-awtorità twettaq b’mod dirett, permezz ta’ l-istruttura interna, “li tagħmel parti minnha”, u dik li hija tagħti lill-operatur terz.

76.   Fil-kawża preżenti, hemm diversi elementi li juru li Correos, li l-kapital azzjonarju tagħha huwa ċertament miżmum mill-awtorità pubblika, għandha poter ta’ manuvrar fir-rigward ta’ deċiżjonijiet li hija tkun ser tieħu.

77.   Fil-fatt, jekk huwa minnu li, skond l-Artikolu 58(2)(g) tal-liġi 14/2000, il-ftehim ta’ kollaborazzjoni għandu bilfors jiġi aċċettat minn Correos li hija l-fornitriċi tas-servizz universali, mill-inkartament jirriżulta li l-istess Correos għandha l-fakultà li ttemm il-kuntratt li jorbotha ma’ l-awtorità konraenti, wara li tagħti notifika ta’ xahar bil-miktub.

78.   Barra minn hekk, skond din l-istess liġi, Correos, li kienet impriża pubblika, ġiet ikkonvertita f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, li tipprovdi servizzi bi ħlas. Huwa paċifiku wkoll li tista’ tittieħed deċiżjoni biex Correos teżerċita kull attività oħra jew kull servizz supplimentari għal dawk imsemmijin jew li huma meħtieġa għat-twettiq ta’ l-għanijiet tagħha(29). Dan hu dak li jidher li jirriżulta mir-rapport annwali tagħha ta’ l-2005, li jindika li l-kompetizzjoni dejjem tikber f’dan is-settur għamel inevitabbli t-tkabbir tal-provvista ta’ servizzi u d-dħul fi swieq oħra(30).

79.   Bil-fatt li Correos saret kumpannija ta’ responsabbiltà limitata, u għandha l-possibbiltà li tkabbar l-għanijiet tagħha kif ukoll li ttemm il-kuntratt li torbotha ma’ l-awtorità pubblika, jiena jidhirli li Correos sar għandha interess kummerċjali li jrendi prekarju l-kontroll ta’ l-awtorità pubblika.

80.   Fir-rigward ta’ dawn l-elementi, jiena jidhirli li l-awtorità pubblika kontraenti ma teżerċitax kontroll simili fuq Correos, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq. Madankollu huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tanalizza jekk din il-kundizzjoni hijiex fil-fatt sodisfatta fil-kawża preżenti.

81.   F’dak li jikkonċerna t-tieni kundizzjoni, jiġifieri li l-fornitur għandu jwettaq il-parti l-kbira ta’ l-attività tiegħu ma’ l-awtorità jew awtoritajiet li jkunu jikkostitwuh, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża l-portata ta’ l-istess kundizzjoni fis-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei(31), li kienet tittratta l-interpretazzjoni tad-Direttiva 93/36.

82.   Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din it-tieni kundizzjoni tkun sodisfatta biss jekk l-attività mwettqa mill-impriża li tipprovdi s-servizz tkun, fil-parti l-kbira, iddedikata għall-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, fejn kull attività oħra ma jkollhiex ħlief natura marġinali(32). Fi kliem ieħor, l-attività ta’ Correos għandha tkun kważi esklużivament iddedikata lill-awtorità pubblika li tikkontrollaha.

83.   Sabiex jiġi evalwat jekk dan huwiex l-każ, il-qorti nazzjonali kompetenti għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatti kollha tal-każ, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi.

84.   Fil-każ preżenti, skond il-liġi 14/2000, Correos għandha l-fakultà li tikkonkludi ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ l-awtoritajiet pubbliċi kollha. L-Audencia Nacional, fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, tippreċiża wkoll li Correos fil-fatt ikkonkludiet diversi ftehim ta’ kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet pubbliċi.

85.   Barra minn hekk, il-Gvern Spanjol, fl-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja, għaraf li Correos hija l-amministratur tas-servizz postali universali fuq it-territorju Spanjol kollu, li d-destinatarji prinċipali tagħha huma terzi.

86.   Għaldaqstant l-awtoritajiet pubbliċi mhumiex id-destinatarji prinċipali u lanqas l-uniċi destinatarji tas-servizzi pprovduti minn Correos.

87.   Għaldaqstant, salv verifika min-naħa tal-qorti nazzjonali, jidhirli li lanqas it-tieni kundizzjoni mhija sodisfatta.

88.   Konsegwentement, fl-ipoteżi fejn il-valur tal-kuntratt in kwistjoni fil-kawża prinċipali huwa daqs jew ogħla minn 200,000 SDRs, jien tal-fehma li hija d-Direttiva 92/50 li tapplika fil-każ preżenti.

89.   Għaldaqstant, jiena nsostni li skond l-Artikolu 8 ta’ din id-Direttiva, il-kuntratt pubbliku tas-servizzi postali mogħti lil Correos kellu jingħata skond id-dispożizzjonijiet tat-Titoli III sa VI ta’ l-imsemmija Direttiva, u, b’mod partikolari, ta’ l-Artikolu 11(1) ta’ din l-istess Direttiva. Għaldaqstant, jien insostni li dan il-kuntratt kellu jkun suġġett għal sejħa għall-offerti u jkun oġġett ta’ reklamar xieraq.

90.   Fl-osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern Spanjol isostni li, li kieku huwa kellu jissuġġetta s-servizzi mhux riżervati għar-regoli tal-kompetizzjoni dan joħloq żbilanċ finanzjarju u Correos, għaldaqstant, ma tkunx tista’ tibqa’ iktar tiggarantixxi s-servizz universali minimu li ngħatalha.

91.   F’dan l-argument, il-Gvern Spanjol jinvoka d-deroga stabbilita fl-Artikolu 86(2) KE.

92.   Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’ fil-kawża preżenti u dan għar-raġunijiet segwenti.

93.   Skond l-Artikolu 86(2) KE, kull impriża responsabbli biex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattat, b’mod partikolari dawk li jirreferu għall-kompetizzjoni, safejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża.

94.   Fil-każ preżenti, l-għan ta’ Correos jikkonsisti fil-provvista tas-servizzi postali li mhumiex limitati għas-servizz universali, iżda li jestendi għall-awtorità u l-iżvolġiment ta’ kull servizz postali.

95.   Jidhirli li r-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju li jilliberalizza s-settur postali, bil-fatt li għamel distinzjoni bejn is-servizzi riżervati u s-servizzi mhux riżervati, turi li t-twettiq tal-funzjoni partikolari mogħtija lill-fornituri bħal Correos mhuwiex ostakolat bil-fatt li s-servizzi mhux riżervati jiġu suġġetti għall-kompetizzjoni.

96.   Fil-fatt, id-Direttiva 97/67 introduċiet qafas regolamentari għas-settur tal-posta. B’mod partikolari, hija ħasbet biex tiggarantixxi servizz universali f’dan is-settur billi tat il-possibbiltà lill-Istati Membri li jirriżervaw ċerti servizzi postali. Peress li l-provvista tas-servizzi l-oħra kollha ma setgħetx tiġi riżervata, l-istess servizzi għandha tkun miftuħa għall-kompetizzjoni.

97.   Kieku l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà li jagħtu kuntratt pubbliku tas-servizzi postali mhux riżervati lill-fornitur wieħed, mingħajr sejħa għall-offerti preċedenti, dan kien imur kontra l-għan stess tas-Direttiva 97/67 li huwa li tilliberalizza s-settur postali.

98.   Barra minn hekk, jiena nżid li l-Kummissjoni ppreċiżat li s-servizzi riżervati jibbenfikaw minn preżunzjoni li biha huma ġġustifikati skond l-Artikolu 86(2) KE (33).

99.   Fil-fehma tiegħi, bil-fatt li hemm distinzjoni bejn is-servizzi riżervati u dawk mhux riżervati u bil-fatt li l-Istat Membru ngħatatlu l-possibbiltà li jagħti s-servizzi riżervati lil fornitur wieħed tas-servizz universali, id-Direttiva 97/67 timplimenta l-Artikolu 86(2) KE.

100. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li, fil-każijiet fejn il-valur tal-kuntratt tas-servizzi pubbliċi huwa daqs jew ogħla minn 200,000 SDRs, id-Direttiva 92/50 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati għall-kumpannija ta’ responsabbiltà limitata fejn il-kapital azzjonarju kollu tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika, sa fejn, minn banda, l-awtorità kontraenti, fuq il-fornitriċi, ma teżerċitax kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u mill-banda l-oħra l-fornitriċi tas-servizzi ma twettaqx il-parti l-kbira tagħha ma’ l-entità jew l-entitajiet li jikkontrollawha.

101. Madankollu, fl-ipoteżi fejn il-limitu ta’ 200,000 SDRs ma jintlaħaqx, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-kunratti pubbliċi li ma jaqgħux taħt id-direttivi Komunitarji jibqgħu suġġetti għall-prinċipji fundamentali tat-Trattat. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi eżaminata wkoll is-sitwazzjoni tal-kawża prinċipali fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji.

3.      Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 43 KE, 49 KE u 86 KE

102. Kif diġà rajna fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta l-valur tal-kuntratt tas-servizzi pubbliċi ma jilħaqx il-limitu stabbilit mid-Direttiva 92/50, l-awtoritajiet kontraenti xorta waħda jibqgħu obbligati jirrispettaw il-prinċipji fundamentali tat-Trattat.

103. Il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi għalhekk jekk l-Artikolu 86(1) KE, meta moqri flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li tingħata l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati lill-kumpannija ta’ responsabbiltà limitata li l-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum mill-awtorità pubblika.

104. Skond l-Artikolu 86(1) KE, l-Istati Membri m’għandhom la jiddekretaw u lanqas iżommu fis-seħħ miżuri kuntrarji għar-regoli fit-Trattat f’dak li jikkonċerna impriżi pubbliċi li lilhom jagħtu drittijiet speċjali jew esklusivi.

105. Fil-każ preżenti, l-Artikolu 86(1) KE japplika fil-fatt għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, peress li Correos hija impriża pubblika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, peress li l-kapital tagħha huma miżmum mill-awtorità pubblika. Barra minn hekk, mill-proċess jirriżulta li Correos ingħatalha d-dritt esklużiv li tipprovdi s-servizzi postali li, kif rajna diġà, jmorru lil hinn mis-servizzi li huma kkunsidrati bħala riżervati.

106. Peress li l-Artikolu 86(1) KE m’għandux portata awtonoma u għandu jinqara flimkien mar-regoli rilevanti tat-Trattat(34), jiena jidhirli li r-regoli rilevanti fil-każ preżenti huma l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

107. Fil-fatt, sa fejn l-kuntratt pubbliku tas-servizzi postali in kwistjoni huwa suxxettibbli li jaffettwa l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor, l-għoti dirett tiegħu, mingħajr sejħa għall-offerti, iċaħħad lill-istess impriżi minn kull possibbiltà li japplikaw. Barra minn hekk, l-impriżi li jipprovdu servizzi simili għal dawk ta’ Correos jiġu skoraġġiti milli jistabbilixxu ruħhom fl-Istat Membru kkonċernat, peress li huma ma jkollhomx il-possibbiltà li jipparteċipaw.

108. Madankollu, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 43 KE jipprovdi li r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu pprojbiti. Fir-rigward ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 49 KE, dan jipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-Komunità fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi pajjiż tal-Komunità li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi.

109. L-Artikoli 43 KE u 49 KE huma espressjoni speċifika tal-prinċipju tat-trattament ugwali, li minnu stess jimplika l-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 12 KE(35).

110. Fil-ġurisprudenza tagħha dwar il-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ trattament ugwali ta’ l-offerenti huwa intiż sabiex l-offerenti kollha jiddisponu mill-istess opportunitajiet fl-ifformular tat-termini ta’ l-offerti taghom, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom(36).

111. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li l-osservanza tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, jimplika li l-awtorità kontraenti tirrispetta l-prinċipju tat-trasparenza billi tissuġġetta l-kuntratt pubbliku għal ċerta livell ta’ reklamar. B’dan il-mod, l-offerenti potenzjali kollha jkunu jistgħu jkunu jafu bl-eżistenza ta’ dan il-kuntratt u jkunu jistgħu għalhekk jipparteċipaw f’dik is-sejħa għall-offerti (37).

112. Fi kliem ieħor, id-diskriminazzjoni, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, tikkonsisti fil-fatt li l-kuntratt ma jiġix suġġett għar-regoli tar-reklamar u fil-fatt li l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw.

113. Kif rajna diġà, il-kuntratt pubbliku li ngħata lil Correos jirrigwarda, minn banda, il-provvista tas-servizzi riżervati, li jistgħu għalhekk jingħataw direttament lil fornitur wieħed, u mill-banda l-oħra, il-provvista tas-servizzi mhux riżervati, li jridu jiġu suġġetti għar-regoli tal-kompetizzjoni.

114. F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ammettiet li l-kuntratt pubbliku tas-servizz postali ma ġiex irreklamat u lanqas ma saret sejħa għall-parteċipazzjoni ta’ offerenti oħra fuq is-suq nazzjonali u fuq is-swieq barranin, iżda ngħata direttament lil Correos.

115. B’dan il-mod, l-awtorità kontraenti mhux biss ċaħħdet lill-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor mid-dritt li joffru u li jipprovdu s-servizzi tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, imma wkoll skoraġġiet lil impriżi oħra li għandhom l-istess għan bħal Correos li jistabbilixxu ruħhom f’dan l-Istat Membru, ħaġa li tikkostiwixxi ostaklu għal-libertà ta’ l-istabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

116. Madankollu hemm żewġ oġġezzjonijiet li jistgħu jitqajjmu.

117. L-ewwel nett, għalkemm huwa minnu li, skond l-Artikolu 86(1) KE, l-impriżi pubbliċi ma jistgħux jiġu trattati aħjar mill-impriżi privati, dan ma japplikax jekk l-awtorità kontraenti tagħti kuntratt tas-servizzi pubbliċi lil impriża li hija tikkontrolla (38).

118. Madankollu, fil-punti 69 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet rajna li, fil-każ preżenti, ir-relazzjoni li teżisti bejn l-awtorità kontraenti u Correos ma tistax tiġi kklassifikata bħala “in house”. Din l-oġġezzjoni għandha għalhekk tiġi miċħuda.

119. It-tieni nett, skond l-Artikolu 86(2) KE, teżisti deroga għall-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

120. Madankollu, kif rajna diġà iktar ’il fuq, il-Gvern Spanjol ma jistax jagħmel użu mill-Artikolu 86(2) KE fil-kuntest tad-Direttiva 97/67.

121. Għaldaqstant din it-tieni oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda wkoll.

122. Konsegwentement, jiena tal-fehma li l-Artikolu 86(1) KE, meta moqri flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati lill-entità li l-kapital azzjonarju tagħha jkun miżmum kompletament mill-awtorità pubblika, mingħajr ma jissuġġettaw dak il-kuntratt għall-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi.

V –    Konklużjoni

123. Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Audencia Nacional bil-mod segwenti:

“Meta l-valur tal-kuntratt tas-servizzi pubbliċi huwa daqs jew ogħla minn 200,000 dritt speċjali ta ġbid, id-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew 97/52/KEE tat-13 ta’ Ottubru 1997 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati lill-entità li l-kapital azzjonarju tagħha jkun miżmum kompletament mill-awtorità pubblika, mingħajr ma jissuġġettaw dak il-kuntratt għall-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, sa fejn, minn banda, l-awtorità kontraenti, fuq il-fornitriċi, ma teżerċitax kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u, mill-banda l-oħra, il-fornitriċi tas-servizzi ma twettaqx il-parti l-kbira mill-attività tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha.

Meta l-valur tal-kuntratt tas-servizzi pubbliċi huwa anqas minn 200,000 dritt speċjali ta ġbid, l-Artikolu 86(1) KE, moqri flimkien ma’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet pubbliċi jagħtu l-provvista tas-servizzi postali mhux riżervati lill-entità li l-kapital azzjonarju tagħha jkun miżmum kompletament mill-awtorità pubblika, mingħajr ma jissuġġettaw dak il-kuntratt għall-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi, sa fejn, minn banda, l-awtorità kontraenti, fuq il-fornitriċi, ma teżerċitax kontroll simili għal dak li hija teżerċita fuq is-servizzi tagħha stess u, mill-banda l-oħra, l-fornitriċi tas-servizzi ma twettaqx il-parti l-kbira mill-attività tagħha ma’ l-awtorità jew awtoritajiet kontraenti li jikkontrollawha”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ara l-ewwel u t-tieni premessa tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 97/67/KE, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU 1998, L 15, p. 14).


3 – Fil-11 ta’ Lulju 2007, id-deputati Ewropej adottaw l-ewwel qari tar-rapport li jsostni l-proposta tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità [COM(2006) 594 finali] (ara r-rapport tal-Parlament Ewropew A6-0246/2007). Madankollu, jeħtieġ li jinsab kompromess dwar id-data li fiha għandha sseħħ il-liberalizzazzjoni totali tas-suq tas-servizzi postali. Il-Parlament Ewropew jipproponi li dan is-settur postali għandu jiġi liberalizzat totalment b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li l-Kummissjoni tipproponi li tibqa’ d-data tal-31 ta’ Diċembru 2008.


4 – Artikolu 7(1).


5 – Idem.


6 – Għad-definizzjoni tal-posta diretta, ara l-Artikolu 2(8) tad-Direttiva 97/67.


7 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ta’ l-10 ta’ Ġunju 2002 (ĠU L 176, p.21).


8 – ĠU L 209, p. 1. Direttiva kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 97/52/KE tat-13 ta’ Ottubru 1997 (ĠU L 328, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 92/50”).


9 – Skond id-definizzjoni mogħtija mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-SDRs huwa strument ta’ riżerva internazzjonali maħluq biex isostni r-riżervi uffiċjali eżistenti tal-pajjiżi membri. Il-valur tiegħu, espress f’dollari Amerikani, jiġi stabbilit kull jum mill-FMI skond basket ta’ muniti li jinkludu l-Euro, id-dollaru Amerikan, il-jen Ġappuniż u l-lira Sterlina.


10 – BOE Nru 167, ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, p. 23473, iktar ’il quddiem il-“liġi postali”.


11 – BOE Nru 148, tal-21 ta’ Ġunju 2000, p. 21775.


12 – BOE Nru 313, tat-30 ta’ Diċembru 2000, p. 46631, iktar ’il quddiem il-“liġi 14/2000”.


13 – Sentenza tad-19 ta’ April 2007, Asociación Nacional de Empresas Forestales (C-295/05, Ġabra p. I-2999, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14 – Sentenzi tal-21 ta’ Lulju 2005, Coname (C‑231/03, Ġabra p. I‑7287, punt 16), u ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑264/03, Ġabra p. I‑8831, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


15 – C‑240/02, Ġabra p. I‑2461.


16 – Punti 21 sa 26.


17 – Ara l-Artikolu 7(1)(a)(ii) tad-Direttiva 92/50. F’komunikazzjoni tat-30 ta’ Awissu 2000 li tirrigwarda l-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri ta’ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ servizzi u ta’ xogħolijiet [COM(2000) 275 finali/2], il-Kummissjoni ppreċiżat li l-valur ta’ 200,000 SDRs kien ekwivalenti għal EUR 214,326 (p. 14).


18 – Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq (punt 36).


19 – C‑26/03, Ġabra p. I‑1, punti 49 sa 52.


20 – C‑107/98, Ġabra p. I‑8121, punti 49 sa 51.


21 – Direttiva ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU L 199, p. 1).


22 – Sentenza Teckal, iċċitata iktar ’il fuq (punt 50).


23 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C-410/04, Ġabra p. I‑3303, punt 26).


24 – C‑458/03, Ġabra p. I‑8585.


25 – Punt 65.


26 – Ara s-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Teckal u Parking Brixen.


27 – Sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 67).


28 – Idem.


29 – Ara d-deċiżjoni tar-rinviju (p.11).


30 – Rapport disponibbli fis-sit Internet: www.correos.es.


31 – C‑340/04, Ġabra p. I‑4137.


32 – Ibidem (punti 61 sa 63).


33 – Avviż mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-kompetizzjoni lis-settur postali u dwar l-istima ta’ ċerti miżuri statali dwar is-servizzi postali (ĠU 1998, C 39, p. 2).


34 – Sentenza Asociación Nacional de Empresas Forestales, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


35 – Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ottubru, Überschär (810/79, Ġabra p. 2747, punt 16), u tal-5 ta’ Diċembru 1989, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-3/88, Ġabra p. 4035, punt 8).


36 – Sentenza Parking Brixen, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).


37 – Ibidem (punt 49).


38 – Ara s-sentenza Stadt Halle u RPL Lochau, iċċitata iktar ’il fuq (punt 48).