KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ April 2007 1(1)

Kawżi magħquda C‑145/06 u C‑146/06

Fendt Italiana Srl

vs

Agenzia Dogane Ufficio Dogane di Trento

“Rinviju preliminari – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija – Żjut lubrikanti – Użu mhux bħala kombustibbli – Effett ta’ l-esklużjoni ta’ użu ta’ prodott mill-iskop ta’ direttiva armonizzanti – Revoki”





1.        Ir-rinviji preżenti mill-Commissione tributaria provinciale di secondo grado di Trento (Qorti tat-Taxxa tat-Tieni Istanza ta’ Trento) essenzjalment jistaqsu lill-Qorti jekk id-Direttiva 2003/96 (2) tippermettix lill-Istati Membri jintroduċu jew iżommu r-reġim fiskali tagħhom rigward prodotti ta’ żjut minerali użati għal skopijiet mhux bħala karburant. Il-prodotti partikolari li t-tassazzjoni fuqhom hemm kwistjoni dwarha fil-proċeduri legali ewlenin huma ż-żjut lubrikanti.

2.        Il-predeċessur tad-Direttiva 2003/96, id-Direttiva 92/81 (3), kienet tipprovdi li Stati Membri kellhom jeżentaw mid-dazji tas-sisa armonizzati ż-żjut minerali użati għal skopijiet mhux ta’ kombustibbli. F’kawża dwar infrazzjoni ppreżentata fl-2001, il-Qorti ddeċidiet li, billi żammet taxxa fuq il-konsum ta’ żjut lubrikanti użati għal skopijiet mhux bħala karburant l-Italja kienet naqset milli tilħaq, inter alia, ir-rekwiżit ta’ l-eżenzjoni taħt dik id-direttiva. (4)

3.        Il-leġiżlazzjoni Taljani in kwistjoni ma ġietx irrevokata; imma d-Direttiva 2003/96 issa ħadet post u rrevokat id-Direttiva 92/81. Id-Direttiva l-ġdida espressament teskludi mill-għan tagħha prodotti ta’ enerġija użati għal skopijiet mhux ta’ karburant.

 Leġiżlazzjoni rilevanti

 Id-Direttiva 92/12

4.        Sa mill-bidu tad-1990, l-armonizzazzjoni fil-livell Komunitarju tat-tassazzjoni ta’ żjut minerali ġiet irregolata minn familja ta’ direttivi. Id-Direttiva 92/12, (5) tista’ titqies li hija d-direttiva omm. Din id-Direttiva tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għal żjut minerali u prodotti oħrajn (alkoħol, xarbiet alkoħoliċi u tabakk immanifatturat) li huma “suġġetti għal dazji tas-sisa u taxxi indiretti oħra li huma mposti direttament jew indirettament mal-konsum ta’ dawk il-prodotti […] ”. (6)

5.        L-Artikolu 1(2) jistipula li “id-dispożizzjonijiet partikolari li jirrelataw ma’ l-istrutturi u r-rati ta’ dazju fuq prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom jiġi stabbiliti f’Direttivi speċifiċi”. Id-direttivi speċifiċi (jew, biex wieħed ikompli fuq il-metafora tal-familja, ulied) għal żjut minerali oriġinarjament kienu d-Direttivi 92/81 (li stipulat strutturi ta’ tassazzjoni) u 92/82 (7) (li stipulat rati ta’ taxxa).

6.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/12 jistipula kif ġej:

“1. Din id-Direttiva għandha tgħodd fil-livell Komunitarju għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi rilevanti:

–        żjut minerali,

[…]

2. Il-prodotti elenkati fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu suġġetti għal taxxi oħra indiretti għal għanijiet speċifiċi, iżda dawk it-taxxi jkunu jikkonformaw mar-regoli ta’ taxxa applikabbli għad-dazju tas-sisa u għall-iskopijiet tal-VAT għal dak li għandu x’jaqsam mad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa, il-kalkolu tat-taxxa, il-ħlas tat-taxxa u l-immonitorjar tat-taxxa.

3. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jintroduċu jew iżommu taxxi li huma mposti fuq prodotti ħlief għal dawk li huma elenkati fil-paragrafu 1, b’dan illi, dawk it-taxxi ma jagħtux lok għal formalitajiet mal-qsim tal-fruntieri fil-kummerċ bejn l-Istati Membri.

[…]”

 Nomenklatura Maqgħuda

7.        Xi dispożizzjonijiet fid-direttivi ulied tad-Direttiva 92/12 jirreferu għal numri tal-kodiċi tan-“Nomenklatura Maqgħuda” (‘NM’). In-NM ġiet inizjalment stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87 (8) sabiex tinħoloq nomenklatura ta’ prodotti ħalli tilħaq diversi ħtiġijiet tal-Komunità. Il-katalgu ta’ kodiċijiet fir-rigward ta’ prodotti differenti kien jinsab fl-Anness I għal Regolament Nru 2658/87. Minn dakinhar, emendi għall-Anness I aġġornaw regolarment in-NM. Madankollu, żjut lubrikanti bħal dawk li t-tassazzjoni tagħhom qed tiġi kkontestata fil-kawża prinċipali ġew ikklassifikati f’kull żmien taħt il-kodiċi NM 2710.

 Direttivi 92/81 (strutturi) u 92/82 (rati)

8.        Taħt l-Artikolu 2(1)(d) tad-Direttiva 92/81, it-terminoloġija “żejt minerali” kien ikopri prodotti li kienu jaqgħu taħt in-NM kodiċi 2710 u għalhekk kien jinkludi żjut lubrikanti. L-Artikolu 2(2) kien jipprovdi li “żjut minerali barra dawk li għalihom livell ta’ dazju jiġi speċifikat fid-Direttiva tar-rati [92/82] jkunu suġġetti għal dazju tas-sisa jekk ikunu intiżi għall-użu, offruti għall-bejgħ jew użati bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi […]”.

9.        L-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 jitlob l-Istati Membri li jeżentaw “żjut minerali użati għal skopijiet oħra minbarra ta’ karburant għall-karozzi jew ta’ karburant għat-tisħin” mid-dazju tas-sisa armonizzat “taħt kundizzjonijiet li huma għandhom jistipulaw bl-iskop li jiżguraw l-implementazzjoni korretta u trasparenti ta’ tali eżenzjonijiet u l-prevenzjoni ta’ kull frodi, evażjoni, jew abbuż”.

10.      Id-Direttiva 92/82 stabbilixxiet ir-rati minimi ta’ dazji tas-sisa li l-Istati Membri kienu mitluba jimponu fuq żjut minerali. L-Artikolu 2(1) jelenka ż-żjut minerali li jaqgħu fl-iskop tagħha. Żjut lubrikanti ma kinux fosthom.

 Id-Direttiva 2003/96

11.      Fl-1 ta’ Jannar 2004, id-Direttiva 2003/96 irrevokat u ħadet post kemm id-Direttivi 92/81 u 92/82. (9) Fl-istess ħin, din estendiet ir-reġim ta’ armonizzazzjoni sabiex tinkludi, flimkien ma’ żjut minerali, prodotti oħrajn ta’ l-enerġija u elettriku, bħala parti minn proċess sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Protokoll ta’ Kjoto. Id-direttiva ġdida stipulat rati totali ta’ tassazzjoni, li tħallew għall-Istati Membri biex jilħqu b’mod flessibbli permezz ta’ dazji tas-sisa differenti. Dan sar b’rikonoxximent għax-xewqa ta’ l-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu tipi differenti ta’ tassazzjoni fuq dawn il-prodotti. (10)

12.      Il-premessa 22 tindika li “prodotti ta’ l-eneġija għandhom essenzjalment ikunu suġġetti għall-istruttura Komunitarja meta jiġu użati bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi. Sa dak il-punt, hija fin-natura u fil-loġika tas-sistema tat-taxxa li teskludi mill-iskop ta’ l-istruttura ... użu ta’ prodotti ta’ enerġija mhux bħala karburant kif ukoll proċessi mineraloġiċi. Elettriku użat b’modi simili għandu jiġi ttrattat fuq l-istess bażi”.

13.      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96 jitlob l-Istati Membri jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond id-dispożizzjonijiet tagħha.

14.      L-Artikolu 2(1)(b) jistipula li għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/96, it-terminiloġija “prodotti ta’ enerġija” għandha tkun applikabbli għall-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2701, 2702 u 2704 sa 2715. Kif indikat hawn fuq, żjut lubrikanti jaqgħu taħt in-NM 2710.

15.      Madankollu, l-Artikolu 2(4) jistipula espressament li d-Direttiva 2003/96 m’għandhiex tkun applikabbli għal, inter alia, “(b) l-użu kif imniżżel hawn taħt ta’ prodotti ta’ enerġija u elettriku:

–        prodotti ta’ enerġija użati mhux bħala karburant tal-karozzi jew karburant għat-tisħin,

–        […]”.

16.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 jistipula li “referenzi fid-Direttiva 92/12/KEE għal ‘żjut minerali’ u ‘taxxa tas-sisa’, jekk kemm-il darba tkun applikabbli għal żjut minerali, għandha tiġi interpretata li tkopri l-prodotti ta’ enerġija kollha, elettriku u taxxi indiretti nazzjonali li hemm riferenza għalihom rispettivament fl-Artikoli 2 u 4(2) ta’ din id-Direttiva”.

17.      L-Artikolu 14 jipprovdi għall-eżenzjoni obbligatorja minn tassazzjoni fuq, inter alia, użu ta’ prodotti ta’ enerġija bħala kombustibbli f’ċerti ċirkustanzi.

18.      Taħt l-Artikolu 24, prodotti ta’ “[e]nerġija rrilaxxati għal konsum f’xi Stat Membru, miżmuma f’tankijiet standard ta’ vetturi kummerċjali u intiżi biex jintużaw bħala karburant mill-istess vetturi, kif ukoll dawk f’kontenituri speċjali, u intiżi biex jintużaw għall-operazzjoni, waqt it-trasport, tas-sistemi li għandhom dawn l-istess kontenituri m’għandhomx ikunu suġġetti għat-tassazzjoni fi kwalunkwe Stat Membru ieħor”.

19.      L-Artikolu 30 jipprovdi:

“ […] id-Direttivi 92/81/KEE u 92/82/KEE għandhom jiġu rrevokati mill-31 ta’ Diċembru 2003.

Referenzi għad-direttivi revokati għandhom jinftehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.” (11)

 Leġiżlazzjoni Taljana

20.      L-Artikolu 21(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 (12) jissuġġetta prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi KM 2710 (li jinkludi żjut lubrikanti) użati bħala karburat għat-tisħin jew karburant għall-karozzi għal dazju tas-sisa stabbilit bl-istess rata bħal dik tal-karburant għat-tisħin u l-karburant għall-karozzi ekwivalenti.

21.      L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 62 ta’ l-istess Digriet Legiżlattiv jistipula li “bla ħsara għad-dażju stipulat fl-Artikolu 21(2), żjut lubrikanti (kodiċi KM 27 10 00 87 sa 27 10 00 98 huma suġġetti għal dazju fuq il-konsum jekk ikunu intiżi għall-użu, offruti għal bejgħ jew użati mhux bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi”.

22.      Fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-437/01, (13) il-Qorti ddikjarat li biż-żamma, taħt dawk id-dispożizzjonijiet, ta’ taxxa fuq il-konsum ta’ żjut lubrikanti meta dawk iż-żjut kienu intiżi għall-użu, offruti għall-bejgħ jew użati għall-għanijiet mhux bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi, l-Italja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3(2) tad-Direttiva 92/12 u 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81, kif emendata. Il-Qorti ddikjarat li żjut lubrikanti jistgħu jkunu suġġetti għal dażju tas-sisa biss jekk ikunu intiżi għal użu, offruti għal bejgħ jew użati bħala karburant għall-karozzi jew bħala karburant għat-tisħin. F’każ differenti, kellhom jiġu eżentati mid-dazju tas-sisa armonizzat. (14)

23.      Jidher mill-proċess tal-kawża, b’mod partikolari mill-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Italja u l-Kummissjoni, li, għal raġunijiet li ma jikkonċernawnix hawnhekk, il-miżuri nazzjonali intiżi biex jikkonformaw mas-sentenza tal-Qorti u biex tiġi allineata t-tassazzjoni domestika dwar żjut lubrikanti mar-rekwiżiti tad-direttivi applikabbli qatt ma ddaħħlu fis-seħħ. Id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504 għalhekk baqgħu applikabbli fil-liġi nazzjonali anki wara li daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2003/96 u huma l-bażi tar-rinviju preliminari preżenti.

 Il-proċeduri legali ewlenin u r-rinviju li sar

24.      Fl-2004 l-awtorità tat-taxxa kompetenti Taljana, l-Agenzia delle Dogane – Uffizio di Trento (l-Uffiċċju tad-Dwana ta’ Trento) bagħat lil Fendt Italiana srl (‘Fendt’) żewġ atti ta’ notifika ta’ talbiet għal taxxa mhux imħallsa, kif ukoll multi, fuq il-konsum ta’ żjut lubrikanti bejn Diċembru 2003 u Lulju 2004.

25.      Fendt ikkontestat dawk it-talbiet fil-ewwel istanza quddiem il-qorti tat-taxxa provinċjali Taljana kompetenti, il-Commissione tributaria provinciale di Trento, li ċaħdet ir-rikorsi ta’ Fendt. Fil-fehma tal-qorti, id-Direttiva 2003/96 ma kinitx applikabbli għall-prodotti ta’ enerġija ħlief dawk użati bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi. L-arranġamenti ta’ tassazzjoni għal prodotti oħrajn kienet interament u esklużivament irregolata bil-liġi nazzjonali, jiġifieri, bl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 62 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504.

26.      Fendt appellat kontra dawn is-sentenzi quddiem il-qorti tar-rinviju, li kkunsidrat li, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti fil-Kawża C-437/01 u r-raġunament u l-iskop tat-tibdil introdott bid-Direttiva 2003/96 għar-reġim tat-taxxa Komunitarja għal żjut minerali, ma kienx ċar jekk l-Artikolu 62 tad-Digriet Legiżlattiv Nru 504 kienx kompatibbli mad-dritt Komunitarju u jekk l-Istati Membri issa kinux ħielsa li jimponu taxxi fuq dawk il-prodotti taħt il-liġi nazzjonali. Hija għalhekk iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri fiż-żewġ kawżi u għamlet żewġ talbiet identiċi għal deċiżjoni preliminari dwar “il-kompatibbiltà ta’ l-arranġamenti dwar taxxa taħt l-Artikolu 62 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 504/95 mad-Direttiva 2003/96/KE”.

27.      Iż-żewġ talbiet sussegwentement ġew maqgħudin b’digriet tal-President tal-Qorti ta’ l-10 ta’ Mejju 2006.

28.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub min Ċipru, l-Italja u l-Kummissjoni. Fis-seduta tal-15 ta’ Frar 2007, Fendt u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

 Id-domandi rrinvjati

 Domandi preliminari

29.      Il-Kummissjoni ġustament irrilevat li mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju, (15) kif inhi espressament mitluba tagħmel mill-qorti tar-rinviju. F’dawk iċ-ċirkustanzi, id-domandi għandhom jiġu interpretati fis-sens li qed jitolbu li tingħata deċiżjoni dwar jekk id-Direttiva 2003/96, li teskludi mill-iskop ta’ l-applikazzjoni tagħha ż-żjut minerali użati għal għanijiet li ma jkunux għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi, tipprekludix Stati Membri milli jimponu dazju fuq il-konsum għal tali użu.

30.      Dik id-domanda tista’ tiġi mwieġba fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni pprovduta fid-digrieti għar-rinviju (għalkemm huma fil-qosor), li hi supplementata b’mod siewi bl-osservazzjonijiet ta’ l-Italja u l-Kummissjoni.

 Argumenti tal- partijiet

31.      Il-partijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub (il-Kummissjoni, Ċipru u l-Italja) isostnu li, bid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/96, żjut minerali użati għal skopijiet mhux bħala karburant ma għadhomx iktar eżentati mit-tassazzjoni mill-Istati Membri (kif preċedentement kien meħtieġ mid-Direttiva 92/81). L-Artikolu 2(4)(b), ewwel inċiż, tad-Direttiva 2003/96 issa jeskludi mill-iskop ta’ l-applikazzjoni tagħha “prodotti ta’ enerġija” użati għal “għanijiet mhux bħala karburant għall-karozzi jew bħala karburant għat-tisħin”, u għalhekk dawk iż-żjut li preċedentement kienu eżentati. Għalhekk dawn jistgħu konsegwentement ikunu suġġetti għat-tassazzjoni nazzjonali.

32.      Fendt ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil-miktub. Fl-evalwazzjoni ta’ hawn taħt jien inqis id-diversi argumenti li ppreżentat waqt is-seduta.

 Evalwazzjoni

33.      Jien naqbel mal-Kummissjoni, Ċipru u l-Italja li d-Direttiva 2003/96 biddlet ir-reġim ta’ tassazzjoni Komunitarja applikabbli għal żjut minerali, inklużi żjut minerali, taħt id-Direttiva 92/81, bl-effett li mhumiex aktar meħtieġa li jkunu eżentati mit-tassazzjoni fuq livell nazzjonali.

34.      L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva 2003/96 espressament jeskludi prodotti ta’ enerġija mhux użati bħala karburant għall-karozzi jew għat-tisħin (u għaldaqstant żjut lubrikanti meta użati għall-iskop li huma intiżi għalih, jiġifieri lubrifikazzjoni) mill-iskop tad-Direttiva. Din l-interpretazzjoni hija affermata bil-premessa 22.

35.      B’kuntrast ma’ dan, l-Artikolu 14, jipprovdi inter alia għall-użu ta’ prodotti ta’ enerġija bħala karburant sabiex ikunu eżentati mit-tassazzjoni f’ċerti ċirkustanzi, bħala deroga mill-prinċipju bażiku (li jinsab fl-Artikolu 1) li tali prodotti ta’ enerġija għandhom ikunu ntaxxati. B’dan il-mod, ikun qed jiġi rrikonoxxut li tali prodotti jaqgħu fl-iskop tad-direttiva, imma jistipula li m’għandhomx jiġu ntaxxati meta jiġu użati b’modi speċifiċi ħafna. Għalhekk l-Artikolu 14 jopera b’mod pjuttost differenti mill-Artikolu 2(4), li jeħħi għal kollox l-użu ta’ prodotti ta’ enerġija mhux bħala karburant mill-iskop tad-direttiva.

36.      Kif ġie rrilevat mill-Kummissjoni u min Ċipru, żjut minerali użati għal għanijiet mhux ta’ karburanti ma jidhrux fil-lista ta’ eżenzjonijiet li hemm fl-Artikolu 14, filwaqt li kienu inklużi fl-eżenzjonijiet taħt l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 92/81 (flimkien ma’ żjut minerali użati bħal karburant f’ċirkustanzi simili għal uħud minn dawk li issa huma eżentati taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96).

37.      It-travaux préparatoires iservu biex jikkonfermaw li kienet tabilħaqq l-intenzjoni tal-legiżlatur, kważi sena qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/96, li tiġi eskluża mill-armonizzazzjoni Komunitarja t-tassazzjoni fuq żjut minerali użati mhux bħala karburant. (16)

38.      Waqt is-seduta, Fendt irrikonoxxiet li l-iskop tad-Direttiva 2003/96 kien limitat għal prodotti ta’ enerġija. Din issottomettiet li proprju għal din ir-raġuni, l-Artikolu 30 ta’ dik id-direttiva kellu jiġi interpretat bħala li qed iħassar biss dawk id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 92/81 u 92/82 li kienu jaqgħu fl-iskop tad-Direttiva 2003/96. Konsegwentement, l-eżenzjoni fid-Direttiva 92/81 rigward żjut minerali użati għal għanijiet mhux bħala karburant għall-karozzi jew għat-tisħin baqgħet fis-seħħ. Fendt fittxet li toqgħod fuq il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Kokott f’Alevizos(17) in sostenn ta’ din l-interpretazzjoni ta’ l-effetti tar-revoka.

39.      Jien ma naċċettax l-argument ta’ Fendt li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96 sempliċement jirrevoka d-dispożizzjonijiet tad-direttivi preċedenti li jaqgħu fl-iskop tagħha, u li għalhekk l-Artikolu 8(1)(a) tad-Direttiva 92/81 jibqa’ fis-seħħ. Il-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 30 hija ċara u mingħajr kwalifiċi. L-unika tifsira naturali tagħha hija li d-Direttivi 92/81 u 92/82 huma rrevokati kollha kemm huma. Li kieku l-leġiżlatur ried li jeskludi xi dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi mir-revoka, dan seta’ faċilment isir billi jiġu elenkati, taħt l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96, dawk id-dispożizzjonijiet li ma ġewx irrevokati. L-unika kwistjoni li l-Artikolu 30 ħalla mhux imwieġba inizjalment kienet dwar kif għandhom jiġu interpretati r-riferimenti għad-direttivi f’leġiżlazzjoni Komunitarja oħra. L-emenda li żied it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 30 neħħiet dik l-inċertezza. (18)

40.      Id-dispożizzjoni in kwistjoni (19) f’Alevizos kienet tgħid li ‘id-dispożizzjonijiet dwar dazju tas-sisa stipulati fid-Direttivi sussegwenti ma kellhomx jibqgħu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1992 ...’. L-Avukat Ġenerali Kokott innota li l-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma kinitx ċara dwar preċiżament liema dispożizzjonijiet fid-direttivi speċifikati ma kellhomx jibqgħu fis-seħħ, liema oġġetti kienu se jiġu affettwati u jekk id-direttivi speċifikati żammewx b’xi mod xi skop indipendenti. (20) Hija kkonkludiet li d-dispożizzjoni li biha saret l-emenda kienet limitata għall-oġġetti li kienu s-suġġett li kien fid-direttiva. Għalhekk, l-iskop tad-direttiva li biha saret l-emenda ddetermina l-estensjoni ta’ l-emenda. (21)

41.      Madankollu, Alevizos kien jittratta sitwazzjoni kompletament differenti mill-kawżi preżenti. F’Alevizos, ma kienx ċar eżattament x’kellu jieqaf milli japplika għal xhiex. Kienet għalhekk meħtieġa interpretazzjoni kontestwali, b’mod partikolari peress li l-aħħar direttiva kienet tkopri biss ċerti prodotti, filwaqt li d-direttivi ta’ qabel ma kinux ristretti b’dal-mod. (22) B’kuntrast ma’ dan, fil-kawżi preżenti, l-iskop tar-revoka fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2003/96 huwa perfettament ċar: “Id-Direttivi 92/81 u 92/82 huma rrevokati”. Li tfittex li tinterpreta l-estensjoni ta’ din ir-revoka fis-sens li hija limitata għal dawk id-dispożizzjonijiet fl-iskop tad-direttiva li tagħmel it-tħassir imur kontra l-kliem espress ta’ l-Artikolu 30. Barra minn dan, id-direttivi mħassra jkopru medda iktar limitata ta’ prodotti (żjut minerali) mid-Direttiva 2003/96 (prodotti ta’ enerġija u elettriku).

42.      Jekk it-tifsira ta’ dispożizzjoni mhijiex ċara, ikun ċertament meħtieġ li dik id-dispożizzjoni tiġi interpretata fil-kuntest leġiżlattiv tagħha. (23) Hija kwistjoni kompletament differenti li ssostni li hemm regola ġenerali ta’ interpretazzjoni li, fejn miżura tistipula regoli ġodda u tħassar miżura preċedenti f’termini ġenerali u mhux ambigwi, l-estensjoni tat-tħassir tkun madankollu ristretta għal dawk id-dispożizzjonijiet tal-miżura mħassra li jaqgħu fl-iskop tar-regoli ġodda stipulati. Approċċ bħal dan ikun pjuttost mhux floku u jimmina severament iċ-ċertezza legali.

43.      Fendt tevoka għal darb’oħra li r-raġuni fundamentali tad-Direttiva 2003/96 kienet li tintaxxa prodotti ta’ enerġija sabiex tgħin ħalli jintlaħqu l-obbjettivi tal-Protokoll ta’ Kjoto. Kien għalhekk irrazzjonali li tikkonkludi li d-Direttiva 2003/96 kienet introduċiet mill-ġdid il-poter li tintaxxa użu ta’ prodotti minerali mhux bħala karburant, li ma kinux iniġġsu. Fendt enfasizzat ukoll li l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/96 speċifikament eżenta karburant fit-tankijiet ta’ vetturi kummerċjali ddestinati għal xi Stat Membru ieħor milli jiġu ntaxxati fl-Istat Membru fejn il-vettura kienet ġiet immanifatturata imma fejn ma ġiex użat il-karburant u għalhekk ma niġġisx. Jekk id-Direttiva 2003/96 kienet applikabbli għal żejt lubrikanti użat mhux għal skopijiet ta’ karburant, loġikament din kellha teżenta wkoll tali użu, peress li anki dan ma jniġġisx. Għal kuntrarju, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ekwivalenti kienet isostni l-propożizzjoni li d-Direttiva 2003/96 ħalliet mhux mittiefsa l-eżenzjoni preċedenti fid-Direttiva 92/81 għal żjut minerali użati għal skopijiet oħra minbarra karburant għall-karozzi jew karburant għat-tisħin.

44.      Jiena ma nikkunsidrax li la l-kuntest u lanqas l-iskop tad-Direttiva 2003/96 isostni l-interpretazzjoni ta’ Fendt. B’mod partikolari, jien ma nara l-ebda inkonsistenza bejn l-għan li jintlaħqu l-obbjettivi ta’ Kjoto (li hemm riferiment għalihom fil-premessa 7) u l-kapaċità ta’ l-Istati Membri li jintaxxaw żjut minerali użati għal skopijiet mhux bħala karburant. Għal kuntrarju, tali żjut huma użati biex jillubrifikaw il-magni u partijiet oħra tal-vetturi li ma jitfgħux ossidu ta’ karbonju fl-atmosfera. L-ewwel sentenza tal-premessa 22 tgħid b’mod ċar li “prodotti ta’ enerġija għandhom essenzjalment ikun suġġetti għal struttura Komunitarja meta jiġu użati bħala karburant għat-tisħin jew bħala karburant għall-karozzi”. Fl-isfond ta’ dan, hu tabilħaqq “fin-natura u l-loġika tas-sistema tat-taxxa li teskludi mill-iskop ta’ l-istruttura ... użu ta’ prodotti ta’ enerġija mhux bħala karburant ...”.

45.      Ir-riżultat tat-tħassir tad-Direttiva 92/81 u l-esklużjoni espressa ta’ prodotti ta’ enerġija użati għal skopijiet oħra mhux bħala karburant għall-karozzi jew bħala karburant għat-tisħin mill-iskop tad-Direttiva 2003/96 huwa li l-Istati Membri huma ħielsa li jintaxxaw żjut minerali użati għal skopijiet bħal dawn, bil-kundizzjoni li taxxi bħal dawn jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat KE (b’mod partikolari, l-Artikoli 25 u 90 KE, li rispettivament jipprojbixxu dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet bejn Stati Membri u t-tassazzjoni interna diskriminatorja ta’ oġġetti ta’ Stati Membri oħrajn). Huwa prinċipju ġenerali ta’ l-armonizzazzjoni Komunitarja li aspetti li huma esklużi mill-att Komunitarju ta’ armonizzazzjoni jibqgħu fil-komptenza ta’ l-Istati Membri, li għalhekk huma ħielsa li jirregolawhom fil-limiti imposti mit-Trattat tal-KE. (24)

46.      Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju ġenerali, mhux meħtieġ li tiġi identifikata xi dispożizzjoni li espressament tawtorizza l-Istati Membri biex jintaxxaw żjut minerali użati għal skopijiet mhux bħala karburant fid-dawl tat-tħassir tad-Direttiva 92/81.

47.      Madankollu, il-Kummissjoni u Ċipru espressament joqgħodu fuq l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 li jagħti l-poter lill-Istati Membri li jintaxxaw prodotti ta’ enerġija li huma esklużi mill-iskop tad-Direttiva 2003/96. L-argument tagħhom essenzjalment huwa kif ġej. Iż-żjut lubrikanti in kwistjoni, meta użati għall-iskopijiet mhux bħala karburant, huma esklużi mill-iskop tad-Direttiva 2003/96 (li ssostitwixxiet id-Direttivi 92/81 u 92/82). Għalhekk dawn mhumiex żjut minerali “kif definiti fid-direttivi rilevanti” għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(3) ta’ dik id-direttiva u għalhekk jistgħu jiġu ntaxxati minn Stat Membru.

48.      Dan ir-raġunament ifixkel id-definizzjoni ta’ żjut minerali ma’ l-użu speċifiku tagħhom. Minn analiżi ftit aktar profonda, joħroġ ċar li ż-żjut lubrikanti in kwistjoni jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “żjut minerali” fid-Direttiva 2003/96 anki jekk l-użu speċifiku tagħhom (użu mhux bħala karburant) jeskludiehom mill-iskop ta’ dik id-direttiva.

49.      L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 jipprovdi li din id-direttiva tapplika għal, inter alia, “żjut minerali” “kif definiti fid-direttivi rilevanti”. Id-’direttiva rilevanti’ oriġinali kienet id-Direttiva 92/81. Filwaqt li din id-direttiva kienet fis-seħħ, kien ċar li żjut lubrikanti kienu jaqgħu taħt id-definizzjoni ta’ “żjut minerali” (25) u li konsegwentement kienu koperti bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12. Madankollu, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96 jistipula li “referenzi fid-Direttiva 92/12 ... għal ‘żjut minerali’ għandhom jiġu interpretati bħala li jinkludu l-prodotti ta’ enerġija kollha, l-elettriku […] li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2 […] ta’ din id-Direttiva”.

50.      Minn mindu daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2003/96, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12 għandu jiġi moqri kif ġej: “din id-Direttiva għandha tiġi applikata fil-livell Komunitarju għall-prodotti li ġejjin kif definiti fid-Direttivi rilevanti: prodotti ta’ enerġija u elettriku […]”. Żjut lubrikanti huma “prodotti ta’ enerġija” kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96. (26) Huma għalhekk “żjut minerali” għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 92/12, kif miktub mill-ġdid bl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2003/96. L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 92/12 jippermetti lill-Istati Membri li jintaxxaw prodotti “oħrajn li mhumiex dawk elenkati fil-paragrafu 1 [ta’ l-Artikolu 3]”. Peress li ż-żjut lubrikanti in kwistjoni jaqgħu fl-iskop ta’ l-Artikolu 3(1), Madankollu, il-poter li joħroġ mill-Artikolu 3(3) ma jistax jiġi applikat għalihom.

51.      Wara li ntqal dan, fin-nuqqas ta’ klawżola espressa fid-Direttiva 92/12 li tippermetti lill-Istati Membri jintaxxaw żjut minerali użati għal skopijiet mhux bħala karburant ma żommhomx, kif diġà indikajt (27) milli jimponu taxxi bħal dawn.

 Konklużjoni

52.      Jien għalhekk nipproponi li, bi tweġiba għad-domandi rrinvijati, il-Qorti għandha tiddeċiedi kif ġej:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96 tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti ta’ enerġija u ta’ elettriku, ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jimponu dazju fuq il-konsum ta’ żjut minerali, inklużi żjut lubrikanti, użati għal skopijiet mhux bħala karburant.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 2003, p. 51), kif emendat safejn huwa rilevanti hawnhekk mid-Direttiva tal-Kunsill 2004/75/KE tad-29 ta’ April 2004 (ĠU L 157, 2004, P. 100).


3 – Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi ta’ dazji tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU L 316, 1992, p. 12).


4– Sentenza tal-25 ta’ Settembru 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-437/01, Ġabra p. I-9861).


5 – Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, 1992, p. 1).


6  – Artikolu 1(1).


7 – Direttiva tal-Kunsill 92/82/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tad-dazji tas-sisa fuq żjut minerali (ĠU L 316, 1992, p. 19).


8 – Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju, 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 1987, p. 1).


9 – Din ma rrevokatx jew ħadet post id-Direttiva prinċipali 92/12, li baqgħet fis-seħħ.


10 – Ara l-premessi 7 u 10 tal-preambolu.


11 –      It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 30 ġie miżjud bħala emenda għad-Direttiva 2004/75 (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2 ta’ hawn fuq), il-ħames premessa tagħha tistipula li l-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 30 għandha tiġi kkjarifikata.


12 – Testo unico delle disposizioni legislative concernenti le imposte sulla produzione e sui consumi e relative sanzioni penali e amministrative (Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet Legali rigward dazji fuq il-produzzjoni u l-konsum u multi kriminali u amministrattivi relatati), Digriet Legiżlattiv Nru 504 tas-26 ta’ Ottubru 1995 (GURI Nru 279 tad-29 ta’ Novembru 1995, Supplement Ordinarju).


13 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


14 – Fil-punt 30.


15 – Ara s-sententi tal-15 ta’ Lulju 1964, Costa (6/64, Ġabra. p. 1141, 1158), u, iktar reċentement, ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999, Braathens (C-346/97, Ġabra. p. I 3419, punt 14).


16 – It-travaux préparatoires jinkludu l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida dwar it-tassazzjoni ta’ prodotti ta’ enerġija, COM(97) 30 finali tat-12 ta’ Marzu 1997 u d-dokumenti tal-Kunsill 1306/02 tas-17 ta’ Ottubru 2002, 13422/02 tad-29 ta’ Ottubru 2002, 14200/02 tat-13 ta’ Novembru 2002, 14862/02 ADD 1 tas-27 ta’ Novembru 2002 u 15354/02 tad-9 ta’ Diċembru 2002. Id-Dokument 14200/02 jidher, b’mod partikolari, rilevanti. Dan introduċa proposti, inter alia, li sussegwentement saru l-premessa 22, l-Artikolu 2(4)(b) u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96. Dan kien ukoll jistipula t-test ta’ stqarrija konġunta mill-Kummissjoni u l-Kunsill li ġiet miżjuda mal-minuti tal-Kunsill, li espliċitament ikkonfermat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintaxxaw użu mhux bħala karburanti. Madankollu, għal dak li huwa l-valur ta’ tali dikjarazzjonijiet, ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C-292/89, Ġabra p. I-745, punt 18). Id-dokumenti tal-Kunsill huma aċċessibbli fuq http://register.consilium.europa.eu.


17 – konklużjonijiet ippreżentati fil-25 ta’ Jannar 2007 (C-392/05, kawża pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), punti 29 sa 32.


18 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 ta’ hawn fuq.


19 – Artikolu 23(3) tad-Direttiva 92/12, li m’hemmx kwistjoni dwaru fil-kawża preżenti.


20 – Fil-punt 29.


21 – Fil-punt 32.


22 – Punti 31 u 32.


23 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 1982, CILFIT et (283/81, Ġabra p. 3415, punt 20).


24 – Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dan il-prinċipju f’numru ta’ kuntesti differenti. Ara, per eżempju, is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Frar 1979, Rewe Zentral (120/78, Ġabra p. 649, punt 8); Tas-26 ta’ Jannar 1984, Clin Midy et (301/82, Ġabra p. 251, punt 6); tas-26 ta’ Settembru 1985, Caldana (187/84, Ġabra p. 3013, punt 19), u ta’ l-1ta’ Ottubru 1998, Burstein (C-127/97, Ġabra p. I 6005, punt 31). L-obbligu ta’ l-Istati Membri li jikkonformaw ruħhom mal-prinċipji ġenerali tat-Trattat fl-oqsma li mhumiex suġġetti għal approssimazzjoni Komunitarja huwa espressament imsemmi fis-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1986, Il-Kummissjoni vs Franza (270/83, Ġabra p. 273, punt 24), u tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C-294/00, Ġabra p. I-6515, punt 26).


25 – Ara l-punt 8 hawn fuq.


26 – Ara l-punt 14 hawn fuq. Il-fatt li użu mhux bħala karburant ta’ żjut lubrikanti jaqgħu barra mill-iskop tad-Direttiva 2003/96 skond l-Artikolu 2(4) m’għandu l-ebda rilevanza għall-inklużjoni tagħhom taħt id-definizzjoni ta’ “prodotti ta’ enerġija” fl-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva.


27 – Ara l-punti 45 u 46 hawn fuq.