KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

YVES BOT

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2007 1(1)

Kawża C‑76/06 P

Britannia Alloys & Chemicals Ltd

vs

il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordju – Suq tal-fosfat taż-żingu –Artikolu 81 KE – Multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Linji Gwida dwar il-metodu ta’ l-iffissar tal-multi – Bażi legali tal-multa – Fatturat rilevanti – Sena ta’ negozju preċedenti – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ ċertezza legali”





1.        Din il-kawża għandha bħala suġġett appell ippreżentat mill-kumpannija Britannia Alloys & Chemicals Ltd (iktar ’il quddiem “Britannia” jew ir-“rikorrenti”) kontra sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza kkontestata”) (2).

2.        Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/437/KE(3), li kkundannat lil Britannia, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim Ekonomiku Ewropej tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU L 1, 1994, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) talli pparteċipat fi ftehim kontinwu u/jew prattika miftiehma fis-settur tal-fosfat taż-żingu. In sostenn ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti tallega ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill (4), kif ukoll ksur tal-prinċipji tal-proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ċertezza legali. Britannia akkużat lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li kkunsidrat il-fatturat tagħha li jirriżulta minn sena tan-negozju differenti minn dik preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni, għall-finijiet ta’ l-iffissar tal-bażi tal-multa li imponiet fuqha.

3.        Permezz ta’ dan l-appell, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet diversi żbalji ta’ dritt meta kkonstatat li l-Kummissjoni setgħet tadotta dan il-metodu ta’ kalkolu. Hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk, meta għamlet hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza kkontestata, kisritx l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll il-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ ċertezza legali.

4.        F’dawn il-konklużjonijiet, aħna nsostnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball fid-dritt meta ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha dritt, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont massimu tal-multa applikabbli għar-rikorrenti, li tirreferi għal sena ta’ negozju differenti minn dik preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni.

5.        Min-naħa l-oħra, aħna ser nikkonstataw li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset mill-obbligu tagħha li timmotiva d-deċiżjoni tagħha skond l-Artikoli 36 u 53 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja billi naqset milli tagħti risposta għal argument imqajjem mir-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors għal annullament li tressaq quddiemha. Għaldaqstant, aħna ser nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza kkontestata fuq dan il-punt. Peress li l-kawża waslet fi stadju fejn tista’ tiġi deċiża, aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża u tiddeċiedi b’mod definittiv dwar it-talba għal annullament issollevata fil-Prim’Istanza. Aħna ser insostnu li din it-talba m’hijiex fondata, u, fir-rigward ta’ l-elementi diġà kkonstatati mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza kkontestata, aħna ser nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad ir-rikors ta’ annullament imressaq minn Britannia.

I –    Il-kuntest ġuridiku

6.        L-Artikolu 81 KE jipprojbixxi "l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni ".

7.        Fil-każ ta’ ksur ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni tista’, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17, "timponi kontra l-impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi multi ta’ mhux inqas minn [1 000 EUR] u mhux aktar minn [miljun EUR], iżda dan l-aħħar ammont ma jistax ikun ogħla minn għaxra fil-mija tal-fatturat milħuq matul is-sena tan-negozju preċedenti għal kull waħda mill-impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur " [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8.        Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha kemm fir-rigward ta’ l-impriżi kif ukoll fir-rigward tal-qorti Komunitarja, il-Kummissjoni ppublikat, fl-1998, linji gwida fejn hija ħabbret il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (5).

9.        Il-linji gwida jistabbilixxu, fil-punt 1 tagħhom, li għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, l-ammont bażiku għandu jiġi ddeterminat skond il-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur.

10.      L-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra n-natura proprja tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida). F’dan il-kuntest, il-ksur huma kklassifikati taħt tliet kategoriji, jiġifieri l-“ksur ftit gravi”, li għalihom l-ammont ta’ multi previst huwa ta’ bejn 1 000 EUR u miljun EUR, il-“ksur gravi”, li għalihom l-ammont tal-multi previst jista’ jvarja bejn miljun EUR u 20 miljun EUR, kif ukoll il-“ksur ferm gravi”, li għalih l-ammont tal-multi previst jaqbeż l-20 miljun EUR (l-ewwel sat-tielet inċiżi tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). F’kull waħda minn dawn il-kategoriji, u b’mod partikolari għall-kategoriji msejħa ‘gravi’ u ‘ferm gravi’, l-iskala tal-penalitajiet previsti tippermetti li jingħata trattament differenti lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Minbarra dan, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu sostanzjali lil operaturi oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa għal livell li jassiguralha natura suffiċjentement dissważiva (punt 1 A, ir-raba’ subparagrafu).

11.      Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li l-impriżi ta’ daqs kbir spiss ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom aktar għarfien u infrastrutturi ġuridiċi-ekonomiċi li jippermettulhom li jifhmu aħjar in-natura illeċita ta’ l-aġir tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw skond id-dritt tal-kompetizzjoni (il-ħames subparagrafu tal-punt 1 A).

12.       Fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji hawn fuq imsemmija, il-Kummissjoni tista’, f’ċerti każijiet, tikkunsidra l-ammont determinat, bil-għan li jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali, ta’ l-aġir illeċitu ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm diskrepanza kunsiderevoli bejn id-daqs ta’ l-impriżi li jkunu awturi ta’ ksur ta’ l-istess natura, biex b’hekk jiġi adattat l-ammont bażiku skond in-natura speċfika ta’ kull impriża (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

13.      Rigward il-fattur relatat mat-tul ta’ żmien tal-ksur, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn “ksur għal żmien qasir” (ġeneralment inqas minn sena), li għalihom l-ammont stabbilit fuq il-bażi tal-gravità m’għandux jiżdied, il-“ksur ta’ żmien medju” (ġeneralment minn sena sa ħames snin), li għalihom dan l-ammont jista’ jiżdied sa 50 %, u l-“ksur ta’ żmien twil” (ġeneralment aktar minn 5 snin), li għalihom l-imsemmi ammont jista’ jiżdied kull sena b’10 % (l-ewwel sat-tielet inċiżi ta’ l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 B).

14.      Sussegwentement, il-linji gwida jiċċitaw, bħala eżempju, lista ta’ ċirkustanzi aggravanti u mitiganti li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex jiżdied jew jitnaqqas l-ammont bażiku, u jirreferu wkoll għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar in-non impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji(6).

15.      Bħala rimarka ġenerali, l-ewwel subparagrafu tal-punt 5(a) tal-linji gwida jippreċiża li r-riżultat finali tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa skond din l-iskema (ammont bażiku aġġustat fuq il-bażi ta’ perċentwali ta’ aggravazzjoni jew mitigazzjoni) f’ebda każ ma jista’ jaqbeż l-10 % tal-fatturat dinji ta’ l-impriżi, skond l-Artikolu 15(2), tar-Regolament Nru 17. Skond it-tieni subparagrafu tal-punt 5(a) ta’ dawn il-linji gwida, is-sena ta’ kontabbiltà li fuqha għandu jiġi bbażat il-fatturat dinji, safejn dan ikun possibbli, għandha tkun dik li tippreċedi s-sena meta tittieħed id-deċiżjoni, u fl-ipoteżi fejn din l-informazzjoni mhijiex disponibbli, is-sena tan-negozju immedjatament qabel.

16.      Barra minn hekk, il-punt 5(b) tal-linji gwida jipprovdi li għandhom jiġu kkunsidrati, skond iċ-ċirkustanzi u wara li jkunu saru l-kalkoli hawn fuq deskritti, ċerti fatturi oġġettivi bħall-kuntest ekonomiku speċifiku, il-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju possibbilment miksub mill-awturi tal-ksur, il-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi in kwistjoni kif ukoll il-kapaċità kontributtiva reali tagħhom f’kuntest soċjali partikolari, sabiex jiġi aġġustat finalment l-ammont tal-multi previst.

17.      Isegwi li skond il-metodu stabbilit fil-linji gwida, il-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi jsir fuq il-bażi taż-żewġ kriterji msemmija fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jiġifieri l-gravità tal-ksur u t-tul ta’ żmien tiegħu, filwaqt li jiġi rrispettat il-limitu massimu fuq il-bażi tal-fatturat ta’ kull impriża, stabbilit mill-istess dispożizzjoni.

II – Il-kuntest fattwali

18.      Il-fatti, kif jirriżultaw mis-sentenza kkontestata, jistgħu jiġu ssintesizzati b’dan il-mod.

19.      Britannia, kumpannija rreġistrata skond il-liġi Ingliża, hija sussidjarja ta’ M.I.M. Holdings Ltd (iktar ‘il quddiem “MIM”), kumpannija rreġistrata skond id-dritt Awstraljan. Britannia kienet tipproduċi u tbigħ prodotti bbażati fuq iż-żingu, li jinkludi l-fosfat taż-żingu. F’Marzu 1997, Trident Alloys Ltd (iktar ’il quddiem “Trident”), kumpannija awtonoma kkostitwita mill-amministrazzjoni ta’ Britannia, xtrat in-negozju ta’ Britannia fis-settur taż-żingu għal GBP 14 359 072. Din ta’ l-aħħar għadha teżisti bħala sussidjarja ta’ MIM, imma waqqfet milli teżerċita kull attività ekonomika u għaldaqstant m'għandha ebda fatturat.

20.      Fl-2001 il-ħames produtturi Ewropej li ġejjin kellhom f’idejhom l-akbar parti tas-suq dinji tal-fosfat taż-żingu: Dr Hans Heubach GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Heubach”), James M. Brown Ltd (iktar ’il quddiem “James Brown”), Société nouvelle des couleurs zinciques SA (iktar ’il quddiem “SNCZ”), Trident (li qabel kienet Britannia) u Union Pigments AS (li qabel kienet Waardals AS) (iktar ’il quddiem “Union Pigments”).

21.      Fit-13 u l-14 ta’ Mejju 1998, il-Kummissjoni wettqet, simultanjament u mingħajr notifikazzjoni, investigazzjonijiet fil-bini ta’ Heubach, SNCZ u Trident, skond l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru. 17.

22.      Fil-11 ta’ Diċembru 2001, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni in kwistjoni, li permezz tagħha hija imponiet kontra r-rikorrenti multa ta’ 3.37 miljun EUR minħabba ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

23.      F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni tindika li akkordju li għaqqad lil Britannia (li saret Trident sa mill-15 ta’ Marzu 1997), Heubach, James Brown, SNCZ u Union Pigments eżista bejn l-24 ta’ Marzu 1994 u t-13 ta’ Mejju 1998. L-akkordju kien limitat għall-fostat taż-żingu standard. Fl-ewwel lok, il-membri ta’ l-akkordju kienu stabbilixxew ftehim ta’ tqassim tas-suq bi kwoti ta’ bejgħ għall-produtturi. Fit-tieni lok, huma kienu ffissaw prezzijiet “minimi” jew “rakkomandati” f’kull laqgħa li kienu ġeneralment segwiti. Fit-tielet lok, kien hemm ukoll, sa ċertu punt, it-tqassim tal-klijenti.

24.      Il-parti operattiva tad-deċiżjoni in kwisjtoni tgħid kif ġej:

“Artikolu 1

Britannia[…], Heubach […], James […] Brown, [SNCZ], Trident […] u [Union Pigments] kisru d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) tat-Trattat u ta’ l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, billi pparteċipaw fi ftehim kontinwu u/jew fi prattika miftehma fis-settur tal-fosfat taż-żingu..

Tul ta’ żmien tal-ksur:

[…]

b)      fil-każ ta’ Britannia […]: mill-24 ta’ Marzu 1994 sal-15 ta’ Marzu 1997;

c)      fil-każ ta’ Trident […]: mill-15 ta’ Marzu 1997 sat-13 ta’ Mejju 1998.

[…]

Artikolu 3

Il-multi li ġejjin huma imposti għall-ksur previst fl-Artikolu 1:

a)      Britannia […]: 3,37 miljun EUR;

b)      […] Heubach […]: 3,78 miljun EUR;

c)      James […] Brown […]: 940 000 EUR;

d)      [SNCZ]: 1,53 miljun EUR;

e)      Trident […]: 1,98 miljun EUR;

f)      [Union Pigments]: 350 000 EUR.

[…]”

25.      Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni, b’mod konformi mal-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida, ikkunsidrat l-elementi kollha fattwali rilevanti u, b’mod partikolari, il-gravità kif ukoll it-tul ta’ żmien tal-ksur.

26.      Fid-deċiżjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “ferm gravi”. Hija sostniet li l-produtturi tal-fosfat taż-żingu kienu, deliberatament, ħolqu, mexxew u ħeġġew akkordju ddestinat sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq is-suq relevanti għad-dannu tal-klijenti tagħhom kif ukoll tal-pubbliku ġenerali. Skond din id-deċiżjoni, il-ksur kien affettwa wkoll t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea. Bħala konklużjoni, u b’kunsiderazzjoni ta’ l-importanza relattiva tar-rikorrenti fuq is-suq in kwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li ammont ta’ 3 miljun EUR kien bażi xieraq sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-multa.

27.      Rigward it-tul ta’ żmien tal-ksur, il-Kummissjoni stmat illi dan kien ta’ sentejn u ħdax-il xahar (mill-24 ta’ Marzu 1994 sal-15 ta’ Marzu 1997), u b’hekk kien jikkostitwixxi ksur ta’ żmien medju. Għaldaqstant hija kkonstatat li kien iġġustifikat li tiġi applikata għall-ammont bażiku ddeterminat żieda ta’ 25 %, biex b’hekk l-ammont tal-multa tela’ għal 3,75 miljun EUR(7).

28.      Il-Kummissjoni sussegwentement fakkret li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17, il-multa imposta kontra kull impriża f’ebda każ ma setgħet taqbeż l-10 % tal-fatturat dinji tagħhom. Biex tiġi kkalkulata l-bażi applikabbli għall-multa imposta kontra r-rikorrenti, il-Kummissjoni “ikkunsidrat il-fatturat totali tagħha għas-sena tan-negozju li ntemm fit-30 ta’ Ġunju 1996, li kienet l-aħħar ċifra disponibbli li tirrifletti sena kompluta ta’ attività normali”(8). Peress li dan il-fatturat ammonta għal 55 713 550 EUR(9), il-limitu massimu tal-multa ġie ffissat għal madwar 5,5 miljun EUR. Peress li l-ammont tal-multa ffissat mill-Kummissjoni qabel l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni kien inqas minn dan il-limitu massimu, il-Kummissjoni ma naqqsitux fuq din il-bażi.

29.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonċediet lil Britannia tnaqqis ta’ 10 % fuq il-bażi tal-komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni(10).

30.      Għaldaqstant, l-ammont finali tal-multa imposta kontra r-rikorrenti tela’ għal 3,37 miljun EUR(11).

III – Ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza kkontestata

31.      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Frar 2002, Britannia ressqet rikors fejn talbet l-annullament parzjali tad-deċiżjoni in kwistjoni u, fuq bażi sussidjarja, it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta mill-imsemmija deċiżjoni.

32.      Il-punt 16 tas-sentenza kkontestata jgħid hekk:

“Ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed. Din il-motiv huwa kompost minn tliet partijiet li fihom ir-rikorrenti ssostni li, billi użat il-fatturat li hija kienet għamlet matul is-sena ta’ negozju li ntemm fit-30 ta’ Ġunju 1996 sabiex tikkalkula l-limitu massimu ta’ 10% tal-fatturat, il-Kummissjoni kisret:

–        – l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità;

–        – il-prinċipju ta’ trattament ugwali;

–        – il-prinċipju ta’ ċertezza legali.”

33.      Permezz tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dan ir-rikors.

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

34.      Permezz ta’ l-appell ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2006, Britannia titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza safejn din tiċħad it-talba mressqa mir-rikorrenti f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni in kwistjoni;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni in kwistjoni safejn din tikkonċerna lil Britannia;

–        alternattivament, timmodifika l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni in kwistjoni fir-rigward tar-rikorrenti, b’mod illi tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa li ġiet imposta fuqha;

–        alternattivament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għas-sentenza b’mod konformi mal-punti ta’ dritt stabbiliti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

35.      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad il-motivi u t-talbiet jiġu deċiżi bħala inammissibbli fir-risposta;

–        alternattivament, tiċħad ir-rikors bħala mhux fondat;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

V –    L-analiżi ġuridika

36.      Aħna nifhmu li r-rikorrenti qed tinvoka erba’ motivi bbażati fl-ewwel lok, fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fit-tieni lok, ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, fit-tielet lok, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u, fir-raba’ lok, nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza kkontestata.

37.      Ser neżaminaw dawn dawn il-motivi wara xulxin.

A –    Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17

38.      Qabel ma nidħlu fil-mertu ta’ dan il-motiv, nixtiequ nagħmlu żewġ osservazzjonijiet preliminari.

39.      L-ewwel osservazzjoni hija relatata mal-limiti ta’ l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

40.      Jirriżulta mill-Artikolu 225(1) KE u l-l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 58(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt.

41.      Skond ġurisprudenza kostanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti biex, minn naħa waħda, tikkonstata l-fatti, ħlief f’każijiet fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha jirriżultaw mill-atti tal-kawża li jkunu ġew ippreżentati lilha, u min-naħa l-oħra biex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tikkostitwixxix, ħlief f’każijiet ta’ distorsjoni ta’ l-elementi ppreżentati lilha, kwistjoni ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell(12).

42.      Min-naħa l-oħra, huwa paċifiku li, meta l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li teżerċita, skond l-Artikolu 225 KE, kontroll fuq il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali li tkun idderivat minnhom il-Qorti tal-Prim’Istanza (13).

43.      F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, ta’ l-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx b’mod suffiċjenti għall-finijiet ta’ dritt l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa. Min-naħa l-oħra, m’huwiex fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissostitwixxi għal raġunijiet ta’ ekwità l-evalwazzjoni tagħha minflok dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta din tiddeċiedi, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, dwar l-ammont tal-multi imposti kontra impriżi għal ksur minnhom tad-dritt Komunitarju(14).

44.      It-tieni osservazzjoni hija relatata mal-grad tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija timponi multa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17.

45.      Jirriżulta minn ġurisprudenza ferm stabbilita li l-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu użat biex jiġi ffissat l-ammont tal-multa. Hija tista’, f’dan il-kuntest, tikkunsidra diversi elementi fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 (15).

46.      Madankollu, din is-setgħa ta’ diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata minn regoli ta’ kondotta li l-Kummissjoni timponi fuqha nnifisha meta tadotta linji gwida. Għalkemm dawn ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxux regola ta’ dritt li l-amministrazzjoni hija marbuta li ssegwi, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra madankollu li l-Kummissjoni ma tistax tmur taġixxi kontra tagħhom mingħajr ma ssib ruħha b’sanzjoni minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju tat-trattament ugwali u l-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi(16).

47.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet li għandu jiġi vverifikat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza evalwatx b’mod korrett l-eżerċizzju, mill-Kummissjoni, ta’ l-imsemmija setgħa ta’ diskrezzjoni.

48.      Permezz ta’ dan il-motiv, aħna nfakkru, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tirreferi ruħha, għall-finijiet ta’ l-iffissar tal-bażi tal-multa, għal fatturat li jirriżulta minn sena ta’ negozju differenti minn dik preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni.

49.      Aħna nifhmu, minn qari ta’ l-appell, li Britannia tinvoka diversi argumenti in sostenn ta’ dan il-motiv.

50.      Qabel ma neżaminaw il-mertu tagħhom, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’ timponi kontra impriża, minħabba ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE, multa li l-ammont tagħha huwa bejn EUR 1 000 EUR u miljun EUR, u li dan l-aħħar ammont jista’ jiżdied sa mhux aktar minn 10 % tal-fatturat miksub matul is-sena ta’ negozju preċedenti ta’ l-impriża in kwistjoni.

51.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidratx it-termini ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita mill-Qrati Komunitarji meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tirreferi, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, għal sena ta’ negozju differenti minn dik preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni. Fil-fatt, il-kunċett ta’ “sena ta’ negozju preċedenti” li jinsab f’din id-dispożizzjoni jirreferi, skond ġurisprudenza kostanti, għas-sena ta’ negozju sħiħa l-aktar reċenti qabel id-data ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni(17). Skond Britannia, il-Qorti tal-Prim’Istanza b’hekk għamlet żball ta’ dritt meta ma kkunsidratx il-fatturat tagħha li jirriżulta mis-sena ta’ negozju li għalaq fit-30 ta’ Ġunju 2001.

52.      Fil-fehma tagħna, kif issostni l-Kummissjoni, dan l-argument m’huwiex fondat.

53.      Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha tkun tagħmel parti(18).

54.      Madankollu, fil-fehma tagħna, fis-sentenza kkontestata l-Qorti tal-Prim’Istanza korrettament ibbażat fuq l-objettivi segwiti mil-leġiżlatur Komunitarju fil-kuntest tat-trażżin tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni kif ukoll fuq il-bażi tal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qrati tal-Komunità fl-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17.

55.      L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fil-punt 37 tas-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet referenza għas-sentenza Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni (19), sabiex tippreċiża li l-kunċett ta’ “sena ta’ negozju preċedenti”, li jissemma’ fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jirreferi, bħala prinċipju, għall-aħħar sena ta’ negozju sħiħa ta’ kull impriża kkonċernata fid-data ta’ l-adozzjoni d-deċiżjoni kkontestata.

56.      Il-Qorti tal-Prim’Istanza sussegwentement ibbażat l-analiżi tagħha, fil-punti 35 u 36 tas-sentenza kkontestata, fuq l-għan ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17. Hija tfakkar li din id-dispożizzjoni “tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li timponi multi sabiex tkun tista’ twettaq id-dmir tagħha ta’ sorveljanza mogħti lilha mid-dritt Komunitarju”[traduzzjoni mhux uffiċjali](20). Il-penalitajiet previsti f’din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu, wieħed għandu jfakkar, strument essenzjali li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 3(1)(g) KE, fl-istabbiliment fi ħdan il-Komunità Ewropea ta’ “sistema li tiggarantixxi li l-kompetizzjoni fis-suq intern ma tkunx deformata”. Dawn il-penalitajiet finanzjarji, applikati għal prattiċi li jimmeritaw soppressjoni severa, għandhom għan doppju. Fl-ewwel lok, dawn għandhom jippermettu li jiġu ppenalizzati l-impriżi għall-ksur imwettaq, u fit-tieni lok għandhom ikunu dissważivi għal dawk l-impriżi li jkunu mħajra li jikkommettu dan il-ksur, sabiex jiġi rregolat l-aġir fil-futur lejn effikaċja ekonomika dejjem akbar(21).

57.      Fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, il-Kummissjoni, li hija responsabbli li tiddefendi l-ordni pubbliku ekonomiku, għandha tiżgura li l-azzjoni tagħha tkun dissważiva. Għal dan il-għan, hija tista’ tiddeċiedi li tgħolli, b’mod ġenerali, l-ammont tal-multi imposti kontra l-impriżi. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, f’kull każ partikolari, taġġusta l-ammont tal-multa sabiex tikkunsidra l-impatt mixtieq kontra l-impriża li kontriha tkun imposta.

58.      Sabiex jiġi żgurat effett dissważiv biżżejjed, huwa neċessarju li dan l-ammont la jkun negliġibbli u lanqas, bil-kontra, eċċessiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja ta’ l-impriża in kwistjoni. Għaldaqstant huwa essenzjali, fil-fehma tagħna, li l-Kummissjoni jkollha l-fakultà, fil-kuntest tal-kalkolu tagħha, li tirreferi għal fatturat li jirrifletti s-sitwazzjoni finanzjarja reali ta’ l-impriża.

59.      Huwa fuq il-bażi ta’ dawn l-għanijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, korrettament fil-fehma tagħna, fil-punt 38 tas-sentenza kkontestata, li l-kalkolu tal-limitu massimu legali tal-multa huwa bbażat fuq il-premessa mhux biss li l-Kummissjoni jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-fatturat għall-aħħar sena ta’ negozju qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni, iżda wkoll li din l-informazzjoni tkun tirrappreżenta sena kompluta ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar.

60.      Aħna nemmnu li din l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 m’hijiex żbaljata. Din tevita, fil-fehma aħna, riġidità regolatorja eċċessiva, li tista’ tippreġudika l-effettività tal-penali u l-effett utli ta’ l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, kif ser naraw aktar ’il quddiem, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ kull impriża tista’ tippreżenta karatteristiċi partikolari, u b’hekk tkun teħtieġ li l-Kummissjoni, f’ċerti każijiet, tkun aktar viġilanti. Fil-fehma tagħna, il-metodu ta’ kalkolu tal-limitu massimu legali tal-penali għandu jikkunsidra dawn il-karatteristiċi partikolari sabiex, b’mod partikolari, tinżamm in-natura dissważiva tal-multa.

61.      Fis-sentenza kkontestata, il-Qorti tal-Prim’Istanza tinvoka, fil-fehma tagħna, tliet tipi ta’ sitwazzjonijiet.

62.      L-ewwel waħda hija s-sitwazzjoni ta’ impriża li tkun kisbet, matul is-sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, fatturat li jirrifletti sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali. F’dan il-każ, kif tindika wkoll il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 49 tas-sentenza kkontestata, il-Kummissjoni hija obbligata li tirreferi għal dan il-fatturat biex tiddetermina l-limitu massimu applikabbli għall-multa, u dan, minkejja tnaqqis sinjifikanti tar-riżorsi globali ta’ l-impriża meta mqabbla mas-snin preċedenti, minħabba kuntest ekonomiku diffiċli, inċident jew strajk.

63.      It-tieni hija sitwazzjoni li fiha r-referenza għall-unika sena ta’ negozju qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni ma tippermettix lil din ta’ l-aħħar li tevalwa korrettament ir-riżorsi ta’ l-impriża. Kif tindika l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 39 tas-sentenza kkontestata, dan jista’ jkun il-każ meta impriża ma tkunx stabbiliet jew ma tkunx ikkomunikat l-informazzjoni ta’ kontabbilità tagħha qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni. Dan jista’ jkun ukoll il-każ ta’ impriża li, minħabba bdil fil-metodi ta’ kontabbilità tagħha, tippreżenta kontijiet li jkopru biss perijodu ta’ inqas minn tnax-il xahar. F’dawn l-ipoteżi, u b’mod konformi mat-tieni subparagrafu tal-punt 5(a) tal-linji gwida, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirreferi għas-sena ta’ negozju immedjatament preċedenti, li tkopri perijodu ta’ tnax-il xahar.

64.      Fl-aħħar nett, it-tielet sitwazzjoni hija dik ta’ impriża li ma jkollha ebda fatturat għas-sena ta’ negozju qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Sitwazzjoni bħal din tista’ tirriżulta, per eżempju, minn operazzjoni ta’ ristrutturar ta’ impriża, li, għalkemm tkun għadha qed teżisti legalment, tkun waqqfet l-attivitajiet kummerċjali kollha tagħha. Madankollu, jekk impriża ma tkunx eżerċitat attività ekonomika matul is-sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-fatturat ta’ dan il-perijodu ma jippermettix lill-Kummissjoni li tiddetermina l-importanza ta’ din l-impriża, għall-kuntrarju ta’ dak li teħtieġ il- ġurisprudenza(22). Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta wkoll minn aġir frodulenti ta’ impriża, li, sabiex tevita li tiġi imposta multa kontriha minħabba l-aġir illeċitu tagħha, tiddeċiedi li taħbi l-fatturat tagħha.

65.      Għandu jiġi kkonstatat li, f’sitwazzjoni bħal din, ir-referenza għall-unika sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni ma tippermettix lill-Kummissjoni li tevalwa korrettament ir-riżorsi ta’ l-impriża u li tiżgura n-natura biżżejjed dissważiva tal-multa.

66.      Għaldaqstant aħna naqblu għal kollox ma’ l-analiżi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, esposta fil-punt 48 tas-sentenza kkontestata, li ssostni li l-Kummissjoni, biex tiffissa l-limitu massimu previst fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għandha “għandu jkollha fatturat li jirrappreżenta sena sħiħa ta’ attività ekonomika normali matul perijodu ta’ tnax-il xahar”. Din l-analiżi hija għal kollox konformi mal-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja (23) u tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ soppressjoni u ta’ dissważjoni tal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

67.      Għaldaqstant, aħna nikkunsidraw li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’għamlet ebda żball ta’ dritt meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tirreferi ruħha, fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, għall-aħħar sena ta’ negozju komplut preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni, jiġifieri s-sena tan-negozju li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 1996.

68.      Fit-tieni lok, Britannia tilmenta, sostanzjalment, li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx il-“limitu monetarju alternattiv” iffissat fl-ewwel parti ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17.

69.      Minn naħa waħda, ir-rikorrenti ssostni li, fin-nuqqas ta’ fatturat, il-Kummissjoni biss kienet fil-pożizzjoni li timponi kontriha multa ta’ bejn 1 000 EUR u miljun EUR, fuq il-bażi ta’ miżura alternattiva. Skond ir-rikorrenti din l-interpretazzjoni hija konformi ma’ l-għan ta’ l-imsemmi Artikolu 15(2) li huwa intiż li jevita li l-multi jkunu sproporzjonati meta mqabbla ma’ l-importanza ta’ l-impriża (24). Barra minn hekk, filwaqt li l-limitu massimu ta’ 10 % huwa ffissat b’referenza għal fatturat, l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 la jipprevedi espressament u lanqas jippreżupponi li jkun hemm fatturat.

70.      Min-naħa l-oħra, Britannia tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat l-għan ta’ deterrent imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-ammont tal-limitu massimu tal-multa ffissata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multa (stabbilit skond kriterji ta’ gravità u ta’ tul ta’ żmien tal-ksur) u l-iffissar tal-limitu massimu tagħha jsegwu żewġ għanijiet distinti. Hija ssostni li jirriżulta, fil-fatt, mis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni hawn fuq iċċitata, li l-limitu massimu ffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 huwa intenzjonat biex “jiġu evitati multi ta’ livell eċċessiv u sproporzjonat” u b’hekk għal “għan distint u awtonomu meta mqabbel ma’ dak tal-kriterji tal-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (25). Hija b’hekk issostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 44 tas-sentenza kkontestata, li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra li multa ta’ miljun EUR ma kinitx suffiċjenti fil-każ in eżami.

71.      Għandu jiġi rrilevat, minn naħa waħda, li l-argument ta’ Britannia relatat ma’ l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza dwar in-natura dissważiva ta’ multa ta’ miljun EUR m’huwiex, fil-fehma tagħna, ammissibbli.

72.      Fil-fatt, bħal ma ssostni l-Kummissjoni, aħna nemmnu li l-eżami ta’ dan l-argument huwa evalwazzjoni fattwali, li l-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod konformi ma’ dak li spjegajna fil-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ma tistax teżamina fil-kuntest ta’ appell.

73.      Min-naħa l-oħra, aħna tal-fehma li l-argumenti relatati ma’ l-applikazzjoni ta’ livell minimu monetarju alternattiv m’humiex fondati.

74.      Fil-fatt, fil-fehma tagħna d-determinazzjoni tal-limitu massimu tal-penali m’hijiex sempliċement kwistjoni ta’ għażla bejn multa massima ta’ miljun EUR u limitu massimu ffissat b’referenza għall-fatturat ta’ l-impriża. Huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-metodu ta’ kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni għandha tirrispetta l-limitu massimu relatat mal-fatturat iffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Madankollu, fil-kuntest tal-limiti ffissati mill-imsemmija dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa u tista’ tikkunsidra, kif fakkret ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, “diversi elementi”(26). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fil-fehma tagħna l-objettiv ta’ dissważjoni għandu jiġi segwit kemm fil-kuntest tal-kalkolu ta’ l-ammont bażiku tal-multa kif ukoll fid-determinazzjoni tal-limitu massimu applikabbli għaliha. Fil-fatt, dan l-objettiv huwa inerenti fl-adozzjoni nnifisha tar-Regolament Nru 17 (27) u jirriżulta kontestwalment mill-Artikolu 15(2) tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kemm-il darba l-livell tal-multa jkun taħt il-limitu massimu ffissat fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni tista’, fil-fehma tagħna, fl-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tagħha, tikkunsidra l-għan ta’ deterrent fil-kuntest tal-kalkolu in kwistjoni.

75.      Għaldaqstant, fil-fehma tagħna l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tikkunsidra l-għan ta’ dissważjoni msemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-limitu massimu tal-multa applikabbli għar-rikorrenti.

76.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, aħna nemmnu li t-tieni argument tar-rikorrenti għandu jiġi ddikjarat parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.

77.      Għaldaqstant aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-ewwel motiv bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment mhux fondat.

B –    Fuq it-tieni motiv, ibbaażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali

78.      Minn qari ta’ l-appell, aħna nifhmu li r-rikorrenti tqajjem tliet argumenti in sostenn ta’ dan il-motiv.

79.      Qabel ma jiġu eżaminat il-mertu tagħhom, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt li l-Kummissjoni hija obbligata li tirrispetta fil-kuntest ta’ proċedura magħmula fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 81 KE.

80.      Skond ġurisprudenza stabbilita, li għaliha l-Qorti tal-Prim’Istanza rreferiet korrettament fil-punt 60 tas-sentenza kkontestata, dan il-prinċipju jipprojbixxi li sitwazzjonijiet komparabbli huma ttrattati b'mod differenti jew meta sitwazzjonijiet differenti huma ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat(28).

81.      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tittrattaha b’mod differenti mill-impriżi SNCZ u Union Pigments li wkoll kienu pparteċipaw fl-akkordju.

82.      Aħna nikkunsidraw li dan l-argument mhuwiex fondat.

83.      Fil-fatt, jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza kkontestata li dawn l-impriżi kienu għadhom jeżerċitaw attività kummerċjali fuq is-suq tal-fosfat taż-żingu meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni in kwistjoni, u dan għall-kuntrarju tar-rikorrenti. Il-fatturat tagħhom, matul is-sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, b’hekk ippermetta lill-Kummissjoni li tevalwa r-riżorsi finanzjarji ta’ dawn l-impriżi kif ukoll li tiddetermina l-pożizzjoni ekonomika tagħhom, li ma kienx il-każ ta’ Britannia.

84.      Dawn l-elementi huma biżżejjed biex jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament kienet tinstab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ SNCZ u ta’ Union Pigments.

85.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, aħna nemmnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tittratta lir-rikorrenti b’mod differenti minn dawn l-impriżi.

86.      Barra minn hekk, għandu jingħad li l-Qrati tal-Komunità rrikonoxxew li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi imposti fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, ċertu trattament differenzjat bejn l-impriżi kkonċernati minn deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa inerenti għall-applikazzjoni tal-metodu magħżul mil-linji gwida (29). Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar jippermettu lill-Kummissjoni li tindividwalizza l-penali skond l-aġir u l-karatteristiċi partikolari ta’ l-impriżi, sabiex tiggarantixxi l-effettività tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

87.      Għaldaqstant, jidhrilna li dan l-argument jista’ jiġi miċħud bħala mhux fondat.

88.      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tittrattaha b’mod differenti meta mqabbla ma’ impriżi bħal Anic SpA, DSM u UCAR International Inc. li kienu s-suġġett ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni(30). Skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet żbaljata meta ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx kumparabbli ma dik ta’ dawn l-impriżi.

89.      Ir-rikorrenti żżid tgħid ukoll li l-Kummissjoni fi kwalunkwe każ kellha tuża’, għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa, is-sena ta’ negozju preċedenti, indipendentement mill-kwistjoni jekk l-attivitajiet relatati ma’ l-akkordju kinux ġew ittrasferiti u jekk il-fatturat magħmul matul din is-sena ta’ negozju kienx naqas meta mqabbel mal- fatturat miksub qabel it-trasferiment ta’ l-attivitajiet tagħha. Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li fid-deċiżjoni “elettrodi tal-grafita” tal-Kummissjoni, din ta’ l-aħħar iffissat l-ammont massimu tal-multa applikabbli fuq il-bażi tal-fatturat magħmul minn UCAR International Inc. matul is-sena ta’ negozju preċedenti tagħha, jiġifieri 841 miljun EUR, minkejja li dan il-fatturat kien ħafna inqas minn dak li kienet kisbet matul l-aħħar sena tal-ksur, jiġifieri 1 022 miljun EUR.

90.      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument huwa inammissibbli in kwantu jirrigwarda evalwazzjoni purament fattwali, li ma tistax tiġi eżaminata mill-ġdid mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (31).

91.      Aħna ma naqblux ma’ din l-analiżi. Filwaqt li hu minnu li l-Qorti tal-Prim’Istanza biss hija kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex teżerċita kontroll fuq il-kwalifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi legali derivati minnhom mill-Qorti tal-Prim’Istanza (32).

92.      Permezz ta’ dan l-argument, Britannia qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tistħarreġ il-konsegwenzi ta’ dritt li l-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet tiddeċiedi dwarhom mill-fatti kkonstatati fid-deċiżjonijiet iċċitati mir-rikorrenti, fir-rigward tal-kumparabbiltà tas-sitwazzjonijiet bejn l-impriżi u l-ħarsien tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

93.      In kwantu r-rikorrenti ma tallegax li kien hemm distorsjoni tal-fatti mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tevalwa jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza kinitx korretta meta ddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ Britannia ma kinitx kumparabbli ma’ dik ta’ l-impriżi Anic SpA u DSM u li, konsegwentement, ma setgħetx teżieġi li tiġi ttrattata bl-istess mod, skond il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

94.      Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, aħna għaldaqstant nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra dan l-argument bħala ammissibbli.

95.      Kif diġà indikajna, ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ dritt meta ddeċidiet, fil-punt 61 tas-sentenza kkontestata, li s-sitwazzjoni tagħha ma kinitx kumparabbli ma’ dik ta’ l-impriżi msemmija.

96.      Sempliċi qari ta’ dan il-punt 61 huwa biżżejjed biex wieħed jinduna li dan l-argument mhuwiex fondat. Il-punt 61 jgħid hekk:

“L-ewwel argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwitx il-prassi preċedenti tagħha, huwa infondat. Hija fil-fatt ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tiġi mqabbla ma' dik ta’ l-impriżi [li ssir referenza għalihom fid-deċiżjonijiet 'polypropylene' u 'PVC'] minħabba li hija ma kienet għamlet ebda fatturat matul is-sena ta’ negozju li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hija ma tistax tirrikjedi li tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-impriżi f’kawżi preċedenti.”

97.      Il-motivi mogħtija mill-Qorti tal-Prim’Istanza jippermettu li wieħed jifhem ir-raġunijiet li jwasslu sabiex jiġi miċħud l-argument imqajjem mir-rikorrenti (33). Kif ġie rrilevat, din ta’ l-aħħar ma kellhiex fatturat matul is-sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni. Madankollu, dan huwa element determinanti li jippermetti, fil-fehma tagħha, lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tikkunsidra li r-rikorrenti kienet tinstab f’sitwazzjoni ferm differenti minn dik ta’ l-impriżi Anic SpA u DSM. F’dawn iċ-ċirkustanzi, aħna tal-fehma li l-Qorti tal-Prim’Istanza kienet korretta meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tittratta lil Britannia b’mod differenti mill-imsemmija impriżi.

98.      Fi kwalunkwe każ, aħna tal-fehema li l-prinċipji li setgħu jiġu derivati mid-deċiżjonijiet “polypropylene”, “PVC” u “elettrodi tal-grafita” ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ din il-kawża, u dan għal żewġ raġunijiet.

99.      Minn naħa waħda, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha JCB Service vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata, fakkret li “l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li d-deċiżjonijiet li jikkonċernaw każijiet oħra jistgħu jagħtu biss indikazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni.”(34) Fil-fatt, kif tippreċiża wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji dderivati minn din il-prattika “dawn l-elementi seta’ jkollhom biss karattru indikattiv ladarba ċ-ċirkustanzi tal-każijiet, bħas-swieq, il-prodotti, il-pajjiżi, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati mhumiex identiċi(35)”. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet “polypropylene” u “PVC” li għalihom tirreferi r-rikorrenti ġew adottati meta l-linji gwida kienu għadhom ma ġewx ippubblikati.

100. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li l-fatt li l-Kummissjoni tkun applikat, fil-passat, multi ta’ ċertu livell għal diversi tipi ta’ ksur ma jfissirx li hija ma tistax tgħolli dan il-livell fil-limiti stabbiliti mir-Regolament nru. 17, jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi ggarantita l-effettività tar-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni(36). F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhrilna li impriża implikata fi proċedura amministrattiva miftuħa fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 81 KE ma tistax tikseb ċertezza leġittima fil-fatt li l-Kummissjoni ser tittrattaha b’mod identiku bħal impriża f’sitwazzjoni kumparabbli.

101. F’dawn iċ-ċirkustanzi, aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad dan l-argument bħala mhux fondat.

102. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Qorti tal-Prim’Istanza talli ddeċidiet, fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata, li kien ikun hemm diskriminazzjoni inġustifikata favuriha, meta mqabbla ma’ Trident, kieku l-Kummissjoni ma rrikorrietx għall-fatturat magħmul matul sena ta’ negozju preċedenti.

103. Dan l-argument huwa manifestament mingħajr effett.

104. Fil-fatt, sabiex tiċħad it-tieni parti bbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, is-sentenza kkontestata tibbaża esklużivament fuq iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kienet tinsab f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ l-impriżi l-oħrajn li kienu membri ta’ l-akkordju, jiġifieri Union Pigments u SNCZ, kif ukoll l-impriżi li kienu taw lok għal proċedura preċedenti tal-Kummissjoni, jiġifieri Anic SpA u DSM.

105. Għaldaqstant, fil-fehma tagħna l-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza esposta fil-punt 63 tas-sentenza kkontestata m’għandha ebda effett fuq dan il-punt.

106. Peress li dan il-motiv, fil-fehma tagħna, huwa ta’ natura sekondarja, l-ilmenti tar-rikorrenti tagħmel kontra din il-konstatazzjoni ma jistgħux iwasslu għall-annullament tas-sentenza kkontestata u b’hekk huma mingħajr effett(37).

107. F’dawn iċ-ċirkustanzi, aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad għal kollox dan it-tieni motiv bħala infondat.

C –    Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

108. Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx għamlet żbalji ta’ dritt meta rreferiet għal sena ta’ negozju differenti minn dik li kienet tippreċedi d-deċiżjoni in kwistjoni sabiex tiffissa l-limitu massimu ta’ 10 % tal-fatturat.

109. Britannia tfakkar li dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”). Ir-rikorrenti tosserva li dan il-prinċipju huwa rikonoxxut ukoll fl-Artikolu 11 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 49(1) tal-Karta ta’ Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, li ġiet ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (38).

110. Britannia ssostni li s-sistema ta’ multi stabbilita fir-Regolament Nru 17 hija ta’ “natura penali”(39) li għaliha tapplika l-Artikolu 7(1) tal- KEDB, u li f’dan ir-rigward jeżisti prinċipju ġenerali ta’ dritt li jeżiġi li d-dispożizzjonijiet li jittrattaw dwar reati u pieni ma jiġux interpretati b’mod estensiv għad-detriment tal-persuna li qed tiġi akkużata (40).

111. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li “il-penali imposti kontra impriża għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jikkorrispondu għal dawk fis-seħħ fiż-żmien meta jkun sar il-ksur” (41). L-istess Qorti kienet ikkonstatat ukoll li “il-Kummissjoni m’għandhiex is-setgħa li timmodifika r-Regolament Nru 17 jew li ma tikkunsidrahx, anki jekk b’regoli ta’ natura ġenerali li hija timponi fuqha nnifisha” (42)

112. Barra minn hekk, skond ir-rikorrenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali għandu jiġi applikat b’mod aktar strett fil-każ ta’ regolament li jista’ jwassal għal konsegwenzi finanzjarji (43).

113. B’konsegwenza, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx taqbeż il-limiti stabbiliti fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Skond l-istess rikorrenti, ma kienx prevedibbli, meta wieħed jikkunsidra t-test ċar ta’ din id-dispożizzjoni, li l-Kummissjoni kienet qed tirreferi għal sena ta’ negozju differenti mis-sena tan-negozju preċedenti. Ir-rikorrenti ssostni li għall-kuntrarju, skond il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni kellha timponi kontra r-rikorrenti multa ta’ bejn 1 000 EUR u miljun EUR, kif stabbilit fl-ewwel parti ta’ l-imsemmija dispożizzjoni.

114. Skond Britannia, il-Qorti tal-Prim’Istanza ħolqot sitwazzjoni fejn huwa impossibbli għall-impriżi li jiddeterminaw is-sena ta’ referenza rilevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu applikabbli u, għaldaqstant, limitu massimu ċar u preċiż tal-multa li jista’ jiġi impost fuqhom (44).

115. Fil-fatt, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ “attività ekonomika normali” ta’ l-impriża hija suġġettiva u li teżisti inċertezza kbira dwar sitwazzjonijiet meqjusa bħala “ċirkustanzi eċċezzjonali”. Madankollu, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tiġi awtorizzata li tagħżel, b’mod arbitrarju, is-sena ta’ referenza skond dawn il-kriterji.

116. Il-Kummissjoni tikkunsidra li dan il-motiv għandu jiġi miċħud in kwantu dan sempliċement jifformula mill-ġdid l-argumenti ppreżentati minn Britannia taħt l-ewwel motiv.

117. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17 kienet perfettament previdibbli, peress li l-limitu massimu ffissat minn din id-dispożizzjoni japplika għall-fatturat tas-sena ta’ negozju preċedenti u r-rikorrenti ma kellhiex dan il-fatturat. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-prinċipju ta’ prevedibbiltà tal-multi jfisser li l-impriżi għandhom jevalwaw il-konsegwenzi ta’ l-atti tagħhom qabel ma jwettquhom. Hija tosserva li, fil-każ preżenti, il-fatturat ta’ Britannia dan in-nhar li hija ddeċidiet li tikkommetti l-ksur ma kienx wisq differenti minn dak użat għall-kalkolu ta’ l-ammont massimu tal-multa (55.7 miljun EUR għas-sena ta’ negozju li għalqet fit-30 ta’ Ġunju 1996). Skond il-Kummissjoni, ir-rikorrenti b’hekk setgħet tevalwa, fil-mument tal-ksur, l-ammont tal-multa li hija kien ser ikollha tħallas fil-każ li l-akkordju jiġi skopert u ppenalizzat. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li s-sitwazzjoni speċifika ta’ Britannia, jiġifieri l-fatt li legalment baqgħet teżisti iżda b’fatturat xejn, kienet turi li kien hemm problema partikolari li din ta’ l-aħħar ma setgħetx tinjora. Madankollu, ir-rikorrenti astjeniet milli tqajjem dan il-punt fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet indirizzata lilha.

118. Fil-fehma tagħna dan il-motiv mhuwiex fondat.

119. Fil-fatt, jidher li l-argumenti invokati minn Britannia jikkostitwixxu formulazzjoni mill-ġdid ta’ l-argumenti diġà esposti in sostenn ta’ l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. In kwantu kkunsidrajna li dawn ma kinux fondati, aħna tal-fehma li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti in sostenn ta’ dan it-tielet motiv ukoll mhumiex fondati.

120. Madankollu, fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx ma’ din l-opinjoni, aħna ser nanalizzaw dawn l-argumenti fuq bażi sussidjarja.

121. Britannia ssostni, essenzjalment, li l-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 ma kienx prevedibbli fiż-żmiem meta twettaq il-ksur.

122. Qabel ma neżaminaw il-mertu ta’ dan l-argument, nixtiequ nfakkru r-rekwiżiti li joħorġu mill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

123. Dan il-prinċipju huwa korollarju tal-prinċipju ta’ legalità u jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Kif tosserva l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 69 tas-sentenza appellata, dan il-prinċipju “jeħtieġ li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari u preċiżi, u jkunu intiżi sabiex jiggarantixxu l-previdibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi li jaqgħu taħt id-Dritt Komunitarju” (45). Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti li “Dan ir-rekwiżit ta’ ċertezza legali għandu jiġi rispettat b'rigorożità partikolari fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li jista’ jkollha konsegwenzi finanzjarji” (46) .

124. Kif indikat ir-rikorrenti, dan il-prinċipju huwa stabbilit fl-Artikolu 7(1) tal-KEDB kif ukoll fl-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea li, għandu jiġi mfakkar, m’għandha ebda saħħa legali li torbot (47).

125. L-Artikolu 7(1) tal-KEDB, li jirriproduċi t-termini ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, jgħid hekk:

“L-ebda persuna m’għandha tinstab ħatja ta’ reat għal xi att jew ommissjoni li fiż-żmien meta sar jew saret ma kienx jew ma kinitx reat skond il-liġi nazzjonali jew id-dritt internazzjonali. Lanqas m’għandha tingħata piena ogħla minn dik li kienet applikabbli fiż-żmien meta twettaq ir-reat.”

126. Aħna nsostnu li l-Qrati Komunitarji m’humiex kompetenti biex jevalwaw il-legalità tal-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-Artikolu 7(1) tal-KEDB, in kwantu d-dispożizzjonijiet ta’ din ta’ l-aħħar m’humiex parti mid-dritt Komunitarju (48).

127. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-drittijiet fundamentali huma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, li hija għandha l-obbligu li tiżgura l-ħarsien tiegħu.(49) Fil-kuntest ta’ din il-missjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża mhux biss fuq it-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni bejn l-Istati Membri, iżda wkoll l-indikazzjonijiet ipprovduti minn strumenti internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem li l-Istati Membri jkunu kkooperaw fihom jew aderixxew magħhom (50). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-KEDB għandha sinjifikat partikolari (51).

128. Skond il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem u l-Qrati tal-Komunità, norma li timponi piena – norma ta’ natura penali jew strument amministrattiv li jimponi penali amministrattiva – għandha tippreżenta ċertu numru ta’ karatteristiċi.

129. L-ewwel nett, kull regola ta’ dritt, b’mod partikolari meta timponi jew tippermetti li jiġu imposti penalitajiet, għandha tistrieħ fuq bażi legali ċara u mhux ambigwa (52).

130. Sussegwentement, din ir-regola għandha tkun ċara u preċiża(53).

131. Il-Qrati tal-Komunità jikkunsidraw, fil-fatt, li l-persuni kkonċernati mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni għandhom ikunu f’pożizzjoni li jkunu jafu, mingħajr ambigwità, id-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn din il-leġiżlazzjoni, u dan sabiex ikunu jistgħu jieħdu miżuri adattati (54). Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, din l-esiġenza tapplika mhux biss għan-normi li jistabbilixxu l-elementi li jikkostitwixxu ksur, iżda wkoll għal dawk li jiddefinixxu l-konsegwenzi li jirriżultaw minn ksur tar-regoli ta’ dritt (55). Il-liġi b’hekk trid tiddefinixxi b’mod ċar il-ksur u l-pieni relatati magħhom.

132. Għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-kjarezza tal-liġi għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tad-d-dispożizzjoni rilevanti, iżda wkoll mill-preċiżjonijiet mogħtija minn ġurisprudenza eżistenti u ppubblikata(56).

133. Fl-aħħar, din il-leġiżlazzjoni għandha tkun aċċessibbli u prevedibbli(57).

134. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tikkunsidra li l-persuna kkonċernata għandha tkun ukoll f’pożizzjoni li tipprevedi, sa grad raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att partikolari(58).

135. Il-kriterju ta’ prevedibbiltà tal-liġi ma jipprekludix li din il-persuna jkollha bżonn tirrikorri għal parir infurmat sew biex tifhem dawn il-konsegwenzi (59). Din lanqas ma tipprekludi li l-liġi tagħti poter ta’ diskrezzjoni lil awtorità amministrattiva. F’dan il-każ, ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà jimplika li l-limitu u l-metodi ta’ eżerċizzju ta’ din id-diskrezzjoni jiġu definiti bi preċiżjoni, fir-rigward ta’ l-għan leġittimu in kwistjoni, sabiex l-individwu jingħata protezzjoni adegwata kontra deċiżjonijiet arbitrarji (60).

136. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(1) tal-KEDB ma jeħtieġx li t-termini tad-dispożizzjoni in kwistjoni jkunu tant preċiżi li l-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn ksur ta’ din id-dispożizzjoni jkunu prevedibbli b’ċertezza assoluta (61). Skond il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandha tiġi evitata riġidità normattiva eċċessiva sabiex l-amministrazzjoni tkun tista’ tadatta għal bidliet ta’ sitwazzjoni. Dan jippermetti wkoll li tiġi speċifikata l-piena applikabbli. Waqt li l-prinċipju tal-legalità jeżiġi kwalifikazzjoni rigoruża u oġġettiva ta’ l-att, il-prinċipju ta’ l-individwalizzazzjoni jeżiġi, fil-fatt, li l-għażla tal-penali tkun adattata skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull persuna.

137. Dawn il-karatteristiċi kollha, jiġifieri l-kjarezza tar-regoli legali, il-prevedibbiltà tal-penali u l-individwalizzazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar, huma wkoll miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-effettività tal-politika mħaddna mil-leġiżlatur Komunitarju.

138. Fl-isfond ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi vverifikat jekk il-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Kummissjoni fil-każ preżenti kienx raġonevolment prevedibbli.

139. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fil-punt 73 tas-sentenza kkontestata, li r-rikorrenti kienet perfettament f’pożizzjoni li tipprevedi li kienet ser tiġi imposta multa fuqha, in kwantu l-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni li hija kienet wettqet kien ċar ħafna. Hija ddeċidiet ukoll li kien prevedibbli li din il-multa kienet ser tiġi ddeterminata mhux biss fil-funzjoni tal-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur, iżda wkoll skond iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ l-impriża.

140. Aħna naqblu għal kollox ma’ din l-analiżi, għar-raġunijiet segwenti.

141. Fl-ewwel lok, għalkemm l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jagħti lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, aħna jidhrilna li dan madankollu jillimita l-eżerċizzju billi jistabbilixxi kriterji oġġettivi li l-Kummissjoni għandha ssegwi. Billi bbażat fuq it-test ta’ din id-dispożizzjoni, il-multa li tista’ tiġi imposta hija suġġetta għal limitu massimu kwantifikabbli u assolut, ikkalkulat skond kull impriża, għal kull każ ta’ ksur, b’mod illi l-ammont massimu tal-multa li jista’ jiġi impost kontra impriża partikolari huwa, fil-fehma tagħna, ddeterminat minn qabel.

142. Fit-tieni lok, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni huwa limitat mir-regoli ta’ kondotta li hija stess imponiet fuqha nifisha fil-linji gwida. Għalkemm dawn ta’ l-aħħar ma jikkostitwixxux regola legali li l-amministrazzjoni hija marbuta li tosserva fi kwalunkwe każ, il-Qrati tal-Komunità kkunsidraw li dawn madankollu jistabbilixxu regola ta’ kondotta li l-Kummissjoni ma tistax tmur kontra tagħha mingħajr ma ssib ruħha ssanzjonata minħabba ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju ta’ trattament ugwali, il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi u ċ-ċertezza legali (62).

143. Kif iddeċidiet ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, il-linji gwida jiżguraw iċ-ċertezza legali ta’ l-impriżi kkonċernati u jippermettulhom li jsiru jafu l-metodi ta’ kalkolu użati mill-Kummissjoni fl-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17 (63). Peress li għal bosta snin din ta’ l-aħħar kienet ġiet ikkritikata għall-metodu mhux ċar tal-kalkolu tal-multi, il-pubblikazzjoni tal-linji gwida ppermettiet trasparenza akbar fid-deċiżjonijiet tagħha (64).

144. Fit-tielet lok, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 229KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom kompetenza ta’ ġurisdizzjoni sħiħa f’rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jistabbilixxu multa. Għaldaqstant huma jistgħu mhux biss jannullaw dawn id-deċiżjonijiet, iżda wkoll ineħħu, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. Barra minn hekk, il-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-kontroll sħiħ tal-Qrati tal-Komunità. F’dan ir-rigward, il-kontroll eżerċitat mill-Qrati tal-Komunità ppermetta, permezz ta’ ġurisprudenza stabbilita u ppubblikata, li jiġu kkjarifikati l-kriterji u l-metodu ta’ kalkolu li l-Kummissjoni għandha tapplika fil-kuntest ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi. Il-Qrati tal-Komununità ppreċiżaw ukoll, f’ġurisprudenza stabbilita li għaliha tirreferi wkoll r-rikorrenti, li l-kunċett ta’ “sena ta’ negozju preċedenti” ifisser, fi prinċipju, l-aħħar sena ta’ negozju kompluta ta’ kull impriża kkonċernata fid-data ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

145. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni Britannia, fil-fehma tagħna l-Kummissjoni m’għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni mingħajr limitu li jippermettilha li tagħżel “arbitrarjament” is-sena ta’ negozju li fuqha tista’ tibbaża l-kalkolu tal-limitu massimu tal-multa (65).

146. Fl-isfond ta’ l-elementi hawn fuq imsemmija, jidhrilna li r-rikorrenti kienet f’pożizzjoni li tipprevedi, b’mod raġonevoli, il-metodu ta’ kalkolu użat mill-Kummissjoni, jekk meħtieġ billi tirrokorri għal parir legali.

147. Fi kwalunkwe każ, nixtiequ nżidu li, fil-fehma tagħna, l-għanijiet ta’ soppressjoni u ta’ dissważjoni segwiti mil-leġiżlatur Komunitarju jiġġustifikaw li jiġi evitat li l-impriżi jistgħu jkunu jafu bi preċiżjoni minn qabel l-ammont tal-multa li tista’ tiġi imposta kontrihom, u dan għal żewġ raġunijiet.

148. Minn naħa waħda, jidhrilna li huwa importanti li l-impriżi ma jkunux f’pożizzjoni fejn ikunu jistgħu jevalwaw il-qligħ li jistgħu jagħmlu mill-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur waqt li jikkunsidraw l-ammont ta’ tali multa.

149. Min-naħa l-oħra, fil-fehma tagħna għandhom jiġu evitati sitwazzjonijiet fejn l-impriżi jkollhom it-tentazzjoni li jdawru l-kapital tagħhom x’imkien ieħor bit-tama li, fin-nuqqas ta’ fatturat, tiġi imposta kontrihom multa inqas, jew ebda multa.

150. Fil-każ preżenti, kif affermat korrettament il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 73 tas-sentenza kkontestata, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax jagħti lir-rikorrenti l-garanzija li l-waqfa ta’ l-attivitajiet kummerċjali tagħha ser ikollha l-konsegwenza li hija tevita multa.

151. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, aħna għaldaqstant tal-fehma li l-fatt li Britannia ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf, minn qabel u b’“ċertezza assoluta”, is-sena ta’ referenza relevanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-limitu massimu applikabbli u, għaldaqstant, il-multa massima li setgħet tiġi imposta fuqha, ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

152. Aħna b’hekk nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad it-tielet motiv bħala mhux fondat.

D –    Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza kkontestata

153. Ir-rikorrenti ssostni li s-sentenza kkontestata naqqset milli tindirizza l-argument tagħha bbażat fuq trattament mhux ugwali ma’ Karageorgis, waħda mill-impriżi msemmija mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE (66). Hija ssostni li kienet issollevat dan l-argument espressament quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li din ta’ l-aħħar irreferiet għalih fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata.

154. Britannia tirrileva li, fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”, Karageorgis kienet irtirat mis-suq qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha. Peress li l-fatturat ta’ din l-impriża għas-sena ta’ negozju preċedenti ma kienx disponibbli, il-Kummissjoni kienet applikat l-ewwel parti ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 biex timponi fuqha multa ta’ miljun EUR. Skond ir-rikorrenti, is-sitwazzjoni tagħha fil-każ preżenti kienet ferm simili għal dik ta’ l-imsemmija impriża. Għaldaqstant, hija tikkunsidra li hija ma tinsabx f’sitwazzjoni inqas vantaġġuża minn dik ta’ Karageorgis u għandha, fi kwalunkwe każ, tibbenefika minn trattament identiku.

155. Il-motiv imqajjem minn Britannia jittratta r-rekwiżit formali ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet. Dan jitlob li jiġi ssanzjonat in-nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata. Dan il-motiv huwa ammissibbli fil-każ fejn, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza kostanti, il-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza indirizzatx il-motivi tal-partijiet u jekk tat motivi b’mod regolari għas-sentenza tagħha tikkostitwixxix kwistjoni ta’ dritt li tista’, bħala tali, tiġi invokata fil-kuntest ta’ appell (67).

156. Għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li skond l-Artikolu 36 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-Artikolu 53 ta’ l-imsemmi Statut, “is-sentenzi għandhom ikunu motivati”.

157. Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni ta’ sentenza għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza, b’mod li l-partijiet interessati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tad-deċiżjoni meħuda u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ teżerċita l-kontroll ġudizzjarju tagħha (68). Fir-rigward ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni jimplika b’mod ċar li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżamina l-motivi għal annullament invokati mir-rikorrenti u tagħti r-raġunijiet li jkunu wassluha li tiċħad il-motiv jew l-annullament ta’ l-att ikkontestat. F’dan il-kuntest, b’mod partikolari, ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li għandha l-kompetenza li tivverifika jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza rrispondietx b’mod sodisfaċenti għall-finijiet ta’ dritt l-argumenti kollha invokati mir-rikorrenti għat-tneħħija jew it-tnaqqis tal-multa (69).

158. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu stabbilixxiet limiti fuq dan l-obbligu li jingħataw risposti għall-motivi invokati fis-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni (70). Hija kkunsidrat li l-motivazzjoni ta’ sentenza għandha tiġi evalwata fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ(71) u ma tistax teħtieġ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tirrispondi “fid-dettall kull argument invokat mir-rikorrenti, b’mod partikolari jekk dan mhuwiex ta’ natura biżżejjed ċara u preċiża u mhuwiex ibbażat fuq elementi ta’ prova sostanzjati”(72) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

159. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza naqsitx milli tindirizza l-argument in kwistjoni mqajjem mir-rikorrenti u, jekk dan kien il-każ, jekk kinitx obbligata li twieġeb għal dan l-argument.

160. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sostniet li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ttrattatha b’mod differenti fil-konfront, min-naħa waħda, ta’ l-impriżi msemmija fid-deċiżjonijiet “polypropylene” u “PVC”, u, min-naħa l-oħra, l-impriża Karageorgis fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”. Britannia allegat ukoll li l-Kummissjoni ttrattatha b’mod differenti mill-impriżi SNCZ u Union Pigments, li wkoll kienu pparteċipaw fl-akkordju.

161. Il-Qorti tal-Prim’Istanza identifikat l-argumenti ssollevati mir-rikorrenti fil-punti 54 sa 56 tas-sentenza kkontestata. Filwaqt li l-punt 54 ta’ din is-sentenza jagħti sinteżi ta’ l-argumenti miġjuba fid-deċiżjonijiet “polypropylene” u “PVC”, il-punt 55 jagħti r-raġunament tar-rikorrenti bbażat fuq analiżi tad-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”. Il-punt 56 jagħti sinteżi ta’ l-argumenti ta’ Britannia dwar it-trattament irriżervat mill-Kummissjoni lill-impriżi SNCZ u Union Pigments.

162. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet dawn l-argumenti minħabba r-raġunijiet segwenti:

“61      L-ewwel argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma segwitx il-prassi preċedenti tagħha, huwa infondat. Hija fil-fatt ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tiġi mqabbla ma' dik ta’ l-impriżi fil-kawżi ċċitati fil-punt 54 [tas-sentenza appellata] peress li hija ma kienet għamlet ebda fatturat matul is-sena ta’ negozju li tippreċedi d-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hija ma tistax tirrikjedi li tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-impriżi f’kawżi preċedenti.

62      It-tieni argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq diskriminazzjoni bejnha, minn naħa waħda, u SNCZ u Union Pigments, min-naħa l-oħra, għandu wkoll jiġi miċħud […]. Peress illi fatturat ineżistenti jagħti xbieha distorta tal-pożizzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha d-dritt tirreferi għal sena preċedenti u, għaldaqstant, li titratta r-rikorrenti b'mod differenti minn SNCZ u Union Pigments.

[…]

64      Għaldaqstant hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti ta’ l-unika raġuni.”

163. Minn qari sempliċi jirriżulta li l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli tirrispondi l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ l-impriża Karageorgis. Dan l-argument madankollu ġie mqajjem espressament minn Britannia fil-punti 3.3.3 sa3.3.6 tar-rikors tagħha mressaq fil-Prim’Istanza u identifikat, bħala tali, mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 55 tas-sentenza kkontestata.

164. Huwa ċert illi l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-Qorti tal-Prim’Istanza m’hijiex obbligata li tirrispondi għal argumenti li ma jkunux ta’ “natura biżżejjed ċara u preċiża” (73)

165. Madanakollu, fil-każ preżenti, jidhrilna li l-argument in kwistjoni kien jissodisfa dawn il-karatteristiċi u kien b’hekk ippermetta lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tieħu pożizzjoni.

166. Fil-fatt, fir-rikors li hija ppreżentat fil-Prim’Istanza, Britannia esponiet b’mod ċar ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tikkunsidra s-sitwazzjoni tagħha kumparabbli ma’ dik ta’ l-impriża Karageorgis imsemmija fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi” (74). Barra minn hekk, in sostenn ta’ l-argument tagħha, hija identifikat, b’mod preċiż, il-punti tal-motivi fl-imsemmija deċiżjoni li fihom il-Kummissjoni esponiet il- metodu ta’ kalkolu użat għall-finijiet ta’ l-iffissar tal-limitu massimu applikabbli għall-impriża Karageorgis (75).

167. Konsegwentement, fil-fehma tagħna l-Qorti tal-Prim’Istanza naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li tagħti raġunijiet skond l-Artikoli 36 u 53 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi naqset milli tirrispondi għall-argument issollevat mir-rikorrenti.

168. Għal din ir-raġuni, aħna nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara dan il-motiv bħala fondat u biex tannulla s-sentenza kkontestata.

VI – Deċiżjoni tal-kawża

169. L-Artikolu 61(1) ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jistabbilixxi li, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza. F’dan il-każ, tista’ jew hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza biex din tiddeċidiha.

170. Fil-każ preżenti, nemmnu li l-kawża tinsab fi stadju fejn tista’ tiġi deċiża fuq il-punt li fuqu qed nipproponu l-annullament (76). Għaldaqstant nipproponu lill-Qorti tal-Ġustizzja tittratta l-każ u tiddeċiedi definittivament fuq il-motiv invokat minn Britannia fil-Prim’Istanza.

VII – Fuq ir-rikors fil-ewwel istanza

171. Britannia titlob l-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni u tinvoka diversi motivi, fosthom allegat ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

172. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma ħarsitx dan il-prinċipju billi ttrattatha b’mod differenti mill-impriża Karageorgis, li hija msemmija fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”.

173. Britannia ssostni li s-sitwazzjoni tagħha kienet, fil-fatt, kumparabbli ma’ dik ta’ l-imsemmija impriża in kwantu ż-żewġ impriżi rtiraw mis-suq xi ftit snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Madankollu, fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”, il-Kummissjoni, wara li kkonstatat li hija ma kellha ebda informazzjoni fuq il-fatturat ta’ l-impriża Karageorgis għas-sena ta’ negozju preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni, kienet, skond l-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4056/86 (77), imponiet fuq l-imsemmija impriża multa ta’ miljun ECU (78).

174. Skond ir-rikorrenti, peress li l-Kummissjoni kkalkulat il-limitu massimu tal-multa applikabbli għaliha b’referenza għal sena ta’ negozju differenti minn dik preċedenti l-adozzjoni tad-deċiżjoni in kwistjoni, il-Kummissjoni marret kontra l-prattika preċedenti tagħha, u b’hekk kisret, fil-każ preżenti, il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

175. Fil-fehma tagħna dan il-motiv mhuwiex fondat.

176. Fil-fatt, aħna tal-fehma li l-prinċipji li jistgħu jiġu dderivati mid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi” ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest tal-kawża preżenti, u dan, għar-raġunijiet li diġà tajna fil-punti 99 u 100 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

177. Għalkemm is-sitwazzjoni ta’ l-impriża Karageorgis hija simili għal dik ta’ Britannia (79), jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas ġuridiku dwar il-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-deċiżjonijiet dwar kawżi oħrajn huma biss ta’ natura indikattiva f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-każ fejn iċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawżi, bħas-swieq, il-prodotti, l-impriżi u l-perijodi kkonċernati m’humiex identiċi. Dan fil-fatt japplika għall-każ imsemmi mir-rikorrenti.

178. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-Kummissjoni m’hijiex marbuta li żżomm il-livelli ta’ multi imposti fil-passat għal tipi ta’ ksur differenti, u tista’ tgħolli dan il-livell fil-limiti stabbiliti mir-Regolament Nru 17 jekk dan ikun meħtieġ biex tiġi ggarantita l-effettività tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni (80). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux jiksbu aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ma tkunx ser taqbeż il-livell tal-multi imposti preċedentement u lanqas f’metodu ta’ kalkolu tal-multi(81). Skond il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija impriżi għandhom jikkunsidraw “il-possibbiltà li, f’kull ħin, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tgħolli l-livell ta’ l-ammont tal-multi meta mqabbel ma’ dak applikat fil-passat”(82).

179. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidhrilna li impriża, bħal Britannia, li hija implikata fi proċedura amministrattiva mibdija fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 81 KE, ma tistax takkwista aspettattivi leġittimi minħabba l-fatt li l-Kummissjoni titrattaha b’mod identiku bħall-impriża Karageorgis, suġġetta għal deċiżjoni preċedenti.

180. B’kunsiderazzjoni ta’ dawn l-elementi, aħna tal-fehma li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

181. Għaldaqstant, nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad dan il-motiv għal annullament.

VIII – Fuq l-ispejjeż

182. Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura ta’ appell taħt l-Artikolu 118 ta’ dawn l-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Fil-każ preżenti, peress li r-rikorrenti tilfet fuq il-parti l-kbira tal-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ appell, kif mitlub mill-Kummissjoni.

183. Minbarra dan, l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Fil-każ preżenti, l-evalwazzjoni tal-motiv issollevat mir-rikorrenti fil-Prim’Istanza, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tat-trattament mogħti lill-impriża Karageorgis (imsemmija fid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”) ma żvelat ebda raġuni li tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni in kwistjoni. Għaldaqstant, fil-fehma tagħna m’hemm ebda raġuni biex tiġi mmodifikata l-parti operattiva tas-sentenza kkontestata.

184. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kemm tal-kawża preżenti kif ukoll dawk tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

IX – Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara:

“1)      Is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tad-29 ta’ Novembru 2005, Britannia Alloys & Chemicals vs Il-Kummissjoni (T‑33/02) hija annullata in kwantu ma eżaminatx l-argument ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-kumpannija Britannia Alloys & Chemicals Ltd u l-impriża Karageorgis, imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE tad-9 ta’ Diċembru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/34.466 – bastimenti tal-ġarr Griegi).

2)      L-appell huwa miċħud għall-bqija.

3)      Ir-rikors imressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, li jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/437/KE tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura mibdija fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu, huwa miċħud.

4)      Britannia Alloys & Chemicals Ltd hija kkundannata tbati l-ispejjeż kemm tal-kawża preżenti kif ukoll dawk tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – T‑33/02, Ġabra p. II‑4973.


3 – Deċiżjoni tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar proċedura skond l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE - każ COMP/E-1/37.027 – Fosfat taż-żingu (ĠU L 153, 2003, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni in kwistjoni”).


4 – Regolament tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li japplika l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 13, 1962, p. 204), kif emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1216/1999 ta’ l-10 ta’ Ġunju 1999 (ĠU L 148, p. 5, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 17”). Għandu jingħad li dan ir-Regolament ġie sostitwit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 2003, p. 1).


5 – Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament nru. 17 u l-Artikolu 65(2) tat-Trattat KEFA (ĠU C 9, 1998, p. 3, iktar ’il quddiem il-“linji gwida”).


6 – ĠU C 207, p. 4, iktar ‘il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-Kooperazzjoni”.


7 – Punti 311 u 313 tal-motivi tad-deċiżjoni in kwistjoni.


8 – Punt 345 tal-premessi tad-deċiżjoni in kwistjoni u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 197.


9 – Punt 50 tal-premessi ta’ din id-deċiżjoni.


10 – Punt 366 tal-premessi tad-deċiżjoni in kwistjoni.


11 – Punt 370 tal-premessi ta’ din id-deċiżjoni.


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza ta’ l-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et (C‑136/92 P, Ġabra p. I‑1981, punti 47 sa 49).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni (C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 23); tad-29 ta’ April 2004, Il-Parlament vs Ripa di Meana et (C‑470/00 P, Ġabra p. I‑4167, punt 41), u tas-6 ta’ April 2006, General Motors vs Il-Kummissjoni (C‑551/03 P, Ġabra pġ. I‑3173, punt 51).


14 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 244 u 245 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


15 – Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni (C‑308/04 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 – Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2006, JCB Service vs Il-Kummissjoni (C‑167/04 P, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 207 u 208 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


17 – Ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni (T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 sa T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 5009).


18 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, Ġabra pġ. I‑11453, punt 203 u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 – C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 85.


20 – Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni (100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 105), kif ukoll tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T‑224/00, Ġabra pġ. II‑2597, punt 105).


21 – Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet, fi stadju ferm bikri, f’sentenza tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni (41/69, Ġabra p. 661), li l-penalitajiet previsti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 “għandhom l-iskop li jikkastigaw l-aġir illeċitu kif ukoll li jipprevjenu li dawn jerġgħu jseħħu” (punt 173) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


22 – Punt 42 tas-sentenza kkontestata.


23 – Nirreferu għall-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


24 – Britannia tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li “il-limitu massimu, b’mod partikolari, huwa intenzjonat biex jipproteġi lill-impriżi kontra livell eċċessiv ta’ multa li jista’ jeqred is-sopravivenza ekonomika tagħhom. Għaldaqstant isegwi li l-limitu massimu huwa relatat mhux mal-perijodu tal-ksur ippenalizzat, li jista’ jkun seħħ bosta snin qabel id-data ta’ l-impożizzjoni tal-multa, iżda ma’ perijodu li jkun qrib dik id-data” (punt 389) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


25 – Punti 281 u 282.


26 – Sentenza SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punti 46 u 47).


27 – Ara, b’mod partikolari, l-għaxar premessa tar-Regolament Nru 17, li jispeċifika li “il-konformita` ma' l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] u 86 u t-twettiq ta’ l-obligazzjonijiet imposti fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi taħt dan ir-Regolament iridu jkunu infurzabbli permess ta’ multi u penalitajiet ta’ pagamenti perjodiċi.”


28 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).


29 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni (T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 285).


30 – Ara, rispettivament, id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 86/398/KEE tat-23 ta’ April 1986, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu [81 tat-Trattat KE] (IV/31.149 – Polypropylène) (ĠU L 230, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ‘polypropylène’”), tal-Kummissjoni 94/599/KE, tas- 27 ta’ Lulju 1994, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/31 865 – PVC) (ĠU L 239, p. 14, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ‘PVC’”), u tal-Kummissjoni 2002/271/KE, tat-18 ta’ Lulju 2001, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – każ COMP/E-1/36.490 – Elettrodi tal-grafita (ĠU L 100, 2002, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ‘elettrodi tal-grafita’”).


31 – Punt 48 tar-risposta.


32 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33 – Għandu jingħad li, skond ġurisprudenza stabbilitai, “obbligu ta’ motivazzjoni ma jfissirx li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tipprovdi preżentazzjoni li ssegwi b'mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri in kwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha” (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 372 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34 – Punt 205. Ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni (T‑241/01, Ġabra pġ. II‑2917, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35 – Ara punt 201 tas-sentenza JCB Service vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq.


36 – Sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni (C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


37 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Hirschfeldt vs AEE (C‑184/01 P, Ġabra p. I‑10173, punt 48), u tat-8 ta’ Mejju 2003, T. Port vs Il-Kummissjoni (C‑122/01 P, Ġabra p. I‑4261, punt 17), kif ukoll, għal ġurisprudenza reċenti, id-Digriet tat-12 ta’ Diċemberu 2006, Autosalone Ispra vs Il-Kummissjoni (C‑129/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 17 u ġurisprudenza ċċitata).


38 – ĠU C 364, p. 1. Din il-Karta tinsab fil-parti II tat-Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropea, li sal-lum għadu ma daħalx fis-seħħ (ĠU C 310, 2004, p. 41).


39 – Ir-rikorrenti tirreferi għall-paġna 885 tal-konklużjonijiet ta’ l-imħallef Vesterdorf, fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali, fil-Kawża Rhône‑Poulenc vs Il-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-24 ta’ Ottubru 1991, T‑1/89, Ġabra p. II‑867).


40 – Ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C‑74/95 u C‑129/95, Ġabra pġ. I‑6609, punt 25) u għal sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (Qorti Ewopea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sentenza EK vs It-Turkija tas-7 ta’ Frar 2002, § 51 u 55).


41 – Sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 221).


42 – Ibidem (punt 222).


43 – Ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1987, L-Olanda vs Il-Kummissjoni (326/85, Ġabra p. 5091, punt 24).


44 – Ir-rikorrenti tagħmel referenza għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Frar 2004, Slob (C‑236/02, Ġabra p. I‑1861), li tispeċifika li “[iċ-ċertezza legali] teħtieġ b’mod partikolari li leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni li tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ taxxi fuq l-operaturi ekonomiċi kkonċernati għandha tkun ċara u preċiża, sabiex huma jkunu jistgħu jafu mingħajr ebda ambigwità d-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jkunu jistgħu jieħdu miżuri adattati” (punt 37) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


45 – Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirreferi għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et (C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20), u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni (T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 113).


46 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Koninklijke Coöperatie Cosun (C‑248/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).


47 – F’sentenza tal-15 ta’ Jannar 2003, Philip Morris International et vs Il-Kummissjoni (T‑377/00, T‑379/00, T‑380/00, T‑260/01 u T‑272/01, Ġabra pġ. II‑1), il-Qorti tal-Prim’Istanza madankollu osservat li din il-Karta “turi l-importanza, fis-sistema ġuridika Komunitarja, tad-drittijiet iddikjarati fiha” (punt 122). [traduzzjoni mhux uffiċjali].


48 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni (T‑112/98, Ġabra p. II‑729, punt 59).


49 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2002, Roquette Frères (C‑94/00, Ġabra p. I‑9011, punti 23 u 24). Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 6(2) UE, “[l]-Unjoni għandha tirrispetta l-prinċipji fundamentali, kif garantiti mill-[KEDB] u kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, bħala prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità”.


50 – Opinjoni 2/94 tat-28 ta’ Marzu 1996 (Ġabra p. I‑1759, punt 33) u s-sentenza tad-29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, Ġabra p. 2629, punt 14).


51 – Sentenza Kremzow, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14).


52 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Koninklijke Coöperatie Cosun, iċċitata iktar ’il fuq (punt 80 et l-ġurisprudenza ċċitata).


53 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Coëme et vs Il-Belġju tat-22 ta’ Ġunju 2000, Recueil des arrêts et décisions 2000‑VII, § 145.


54 – Ara. f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1981, Gondrand Frères u Garancini (169/80, Ġabra p. 1931, punt 17); tat-18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, (137/85, Ġabra pġ. 4587, punt 15); tat-13 ta’ Frar 1996, Van Es Douane Agenten (C‑143/93, Ġabra p. I‑431, punt 27), u X, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


55 – Ara. f’dan is-sens, is-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq (punti 22 et 25).


56 – Ara, b’mod partikolari, Is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem G vs Franza tas-27 ta’ Settembru 1995, serja A Nru. 325‑B, § 25.


57 – Ara s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Baskaya u Okçuoglu vs it-Turkija tat-8 ta’ Lulju 1999, Ġabra ta’ Sentenzi u Deċiżjonijiet 1999‑IV, p. 308, § 36.


58 – Ara s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja tal-25 ta’ Frar 1992, serja A nru. 226‑A, § 75, u Cantoni vs Franza tal-15 ta’ Novembru 1996, Recueil des arrêts et décisions 1996‑V, § 35. Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għal din l-aħħar ġurisprudenza fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata (punt 219).


59 – Sentenza Cantoni vs France, hawn fuq iċċitata (§ 35).


60 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Kruslin vs Franza ta’ l-24 ta’ April 1990, Serje A nru. 176‑A, § 27, 29 u 30, kif ukoll Margareta u Roger Andersson vs L-Iżvezja, iċċitata iktar ’il fuq, § 75.


61 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il-Kummissjoni (T‑43/02, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 79).


62 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (punti 209 sa 212), kif ukoll JCB Service vs Il-Kummissjoni (punti 207 u 208).


63 – Punt 213.


64 – Huwa interessanti li wieħed jinnota li, matul l-ewwel tletin sena li matulhom il-Kummissjoni implementat ir-Regolament Nru 17, ma kienet teżisti ebda Direttiva ċara li tiggwida l-azzjoni tagħha. Din is-sitwazzjoni kellha bħala konsegwenza nuqqas ta’ trasparenza fil-metodi użati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li waslet għal għadd kbir ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-impriżi kontra d-deċiżjonijiet adottati minnha. F’sentenza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni (T‑148/89, Ġabra p. II‑1063), il-Qorti tal-Prim’Istanza għaldaqstant indikat li kien “mixtieq li l-impriżi – sabiex ikunu jisgħu jistabbilixxu l-pożizzjoni tagħhom b’għarfien sħiħ tal-każ – ikunu jistgħu jafu f’dettall, skond kull sistema li l-Kummissjoni tqis li hija opportuna, il-metodu ta’ kalkolu tal-multa li tkun ġiet imposta fuqhom [b’deċiżjoni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni], mingħajr ma jkunu obbligati, biex jagħmlu dan, li jippreżentaw rikors ġudizzjarju kontra [l-imsemmija deċiżjoni]” (punt 142) [traduzzjoni mhux uffiċjali].


65 – Nirreferi għat-terminu użat mir-rikorrenti fil-punt 6.5 ta’ l-appell.


66 – Deċiżjoni tad-9 ta’ Diċembru 1998, dwar proċedura li tapplika l-Artikolu [81] tat-Trattat KE (IV/34.466 – Bastimenti tal-Ġarr Griegi) (ĠU L 109, 1999, p. 24, iktar ‘il quddiem id-“Deċiżjoni ‘bastimenti tal-ġarr Griegi’”).


67 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Somaco vs Il-Kummissjoni (C‑401/96 P, Ġabra p. I‑2587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).


68 – Ara. f’dan is-sens, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Il-Kunsill vs De Nil u Impens (C‑259/96 P, Ġabra pġ. I‑2915, punti 32 sa 34), u tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni (C‑449/98 P, Ġabra p. I‑3875, punt 70), kif ukoll id-Digrieti tad-19 ta’ Lulju 1995, Il-Kummissjoni vs Atlantic Container Line et [C‑149/95 P(R), Ġabra pġ. I‑2165, punt 58]; ta’ l-14 ta’ Ottubru 1996, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni [C‑268/96 P(R), Ġabra pġ. I‑4971, punt 52]), u tal-25 ta’ Ġunju 1998, Antilles Olandiżi vs Il-Kunsill [(C‑159/98 P(R), Ġabra pġ. I‑4147, punt 70]).


69 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


70 – C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611.


71 – Ibidem (punt 120).


72 – Ibidem (punt 121). Ara wkoll is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2003, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni (C‑197/99 P, Ġabra p. I‑8461, punt 81).


73 – Ara l-punt 158 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


74 – Punt 3.3.6 tar-rikors.


75 – Punt 3.3.4 tar-rikors.


76 – Ara l-punti 153 sa 168 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


77 – Regolament tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 1986, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat għat-trasport marittimu (ĠU L 378, p. 4), kif emendat mir-Regolament Nru 1/2003. L-Artikolu 19(2) ta’ l-imsemmi Regolament huwa identiku għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.


78 – Punt 167 tal-motivi tad-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi”, imsemmija mir-rikorrenti fil-punt 3.3.4 tar-rikors tagħha.


79 – Jirriżulta mid-deċiżjoni “bastimenti tal-ġarr Griegi” tad-9 ta’ Diċembru 1998, li Karageorgis kienet waqqfet l-attivitajiet tagħha f’Jannar 1993, jiġifieri qrib sitt snin qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, u kienet għalqet il-fergħat kollha tagħha fil-Greċja. Il-Kummissjoni ma kellha ebda informazzjoni fuq il-fatturat miksub minn din l-impriża fl-1997 (punt 167 tal-motivi tad-deċiżjoni).


80 – Sentenza Aristrain vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq (punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).


81 – Sentenza Dansk Rorindustri et vs Il-Kummissjoni, hawn fuq iċċitata (punt 228).


82 – Ibidem (punt 229).