KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fid-29 ta’ Novembru 2007 ( 1 )

Kawża C-16/06 P

Les Éditions Albert René Sàrl

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Appell — Trade mark Komunitarja — Regolament (KE) Nru 40/94 — Artikoli 8 u 63 — Trade mark verbali MOBILIX — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade mark verbali Komunitarja u nazzjonali OBELIX — Oppożizzjoni miċħuda parzjalment — Reformatio in pejus — Teorija magħrufa bħala t-teorija ‘ta’ newtralizzazzjoni’ — Bdil fis-suġġett tal-kawża — Dokumenti annessi mar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bħala prova ġdida”

I — Introduzzjoni

1.

L-appellanti — Les Éditions Albert René SARL — qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej (It-Tielet Awla), tas-27 ta’ Ottubru 2005, Éditions Albert René vs L-UASI — Orange (MOBILIX) (T-336/03, Ġabra p. II-4667, aktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li biha l-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tal-14 ta’ Lulju 2003 (Każ R 0559/2002-4) dwar proċedura ta’ oppożizzjoni bejn l-appellanti u l-kumpannija Orange A/S (iktar ’il quddiem “Orange”) rigwardanti l-oppożizzjoni min-naħa tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti “OBELIX”, jiġifieri l-appellanti, għar-reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja tas-sinjal verbali “MOBILIX”. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni tal-appellanti, filwaqt li r-Raba’ Bord tal-Appell laqa’ l-appell in parte.

2.

L-appellanti ssostni prinċipalment li l-Qorti tal-Prim’Istanza, b’din is-sentenza, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus u applikat b’mod mekkaniku d-dottrina magħrufa bħala t-teorija ta’ “newtralizzazzjoni” meta evalwat il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti u s-servizzi ta’ żewġ trade marks simili.

II — Il-kuntest ġuridiku

3.

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja ( 2 ) jirregola r-raġunijiet relattivi għal rifjut tar-reġistrazzjoni u jipprovdi:

“1.   Jekk issir oppo[ż]izzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa:

a)

jekk tkun identika għal trade mark preċedenti u jekk il-prodotti jew servizzi fir-rigward ta’ liem qiegħda ssir l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni huma identiċi mal-prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark preċedenti;

b)

jekk minħabba identiċità jew xeb[h] bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pub[b]liku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probab[b]iltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti.

2.   Għall-iskopijiet tal-Paragrafu 1, “Trade marks preċedenti” tfisser:

a)

trade marks tat-tip imsemmija hawn taħt b’data ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni li tiġi qabel dik ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, wara li wieħed iqis, fejn dan ikun xieraq, il-prioritajiet mitluba fir-rigward ta’ dawk it-trade marks:

i)

trade marks Komunitarji;

ii)

trade marks reġistrati fi Stat Membru, jew, fil-każ tal-Belġju, l-Olanda jew il-Lussemburgu, fl-Uffiċċju tat-trade marks tal-Benelux;

iii)

trade marks reġistrati taħt arranġamenti internazzjonali li għandhom effett fi Stat Membru;

b)

applikazzjonijiet għal trade marks [i]msemmija fis-sub paragrafu (a), bla ħsara għar-reġistrazzjoni tagħhom;

ċ)

trade marks li, fid-data ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jew, fejn xieraq, ta’ talba ta’ prijorità fir-rigward ta’ l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huma magħrufa sew f’xi Stat Membru, fis-sens li l-kliem “magħrufa sew” huma użati fl-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi.

[…]

5.   Barra minn hekk, malli ssir oppo[ż]izzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti skond it-tifsira tal-paragrafu 2, it-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni m’għandhiex tiġi reġistrata jekk din tkun identika jew jekk tkun tixba[h] trade mark preċedenti, u għandha tiġi reġistrata għal prodotti jew servizzi li ma jixb[h]ux lil dawk li għalihom tkun reġistrata t-trade mark preċedenti, meta f’każ ta’ trade mark Komunitarja preċedenti t-trade mark għandha reputazzjoni fil-Komunità u, f’każ ta’ trade mark nazzjonali preċedenti, it-trade mark għandha reputazzjoni fl-Istat Membru konċernat, u dana meta l-użu mingħajr dritt tat-trade mark li għaliha tkun saret applikazzjoni jkun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti.”

4.

L-Artikolu 74 ta’ dan ir-regolament jirregola l-eżaminazzjoni tal-fatti ex officio u jipprovdi:

“1.   Fi proċedimenti quddiemu l-Uffiċċju għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal ċaħda ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba.

2.   L-Uffiċċju jista’ ma jikkunsidrax fatti jew provi li ma jiġux preżentati fil-ħin preskritt mill-partijiet konċernati.”

5.

L-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 3 ) jipprovdi:

“1.   Ir-rikors previst mill-Artikolu 21 ta’ l-Istatut għandu jinkludi:

a)

l-isem u l-indirizz tar-rikorrent;

b)

id-dettalji tal-parti li kontriha huwa indirizzat ir-rikors;

ċ)

is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa;

d)

it-talbiet tar-rikorrent;

e)

jekk ikun il-każ, in-natura tal-provi li jkun ser iressaq.

2.   Għall-finijiet tal-proċedura, ir-rikors għandu jinkludi indirizz għan-notifka fil-post fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-sede tagħha. Ir-rikors għandu jindika l-isem tal-persuna li ġiet awtorizzata, u li aċċettat li tirċievi, in-notifiki kollha.

Minbarra, jew minflok, l-indikazzjoni ta’ l-indirizz għan-notifika prevista fl-ewwel subparagrafu, ir-rikors jista’ jispeċifika li l-avukat jew l-aġent jaċċetta li n-notifiki jsirulu permezz ta’ faks jew permezz ta’ kull mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafu, in-notifiki kollha, għal finijiet tal-proċedura, għandhom isiru lill-parti kkonċernata permezz ta’ posta reġistrata indirizzata lill-aġent jew lill-avukat tal-parti sakemm dan in-nuqqas ma jkunx ġie rregolarizzat. F’dak il-każ, b’deroga għall-Artikolu 100(1), in-notifika għandha tiġi meqjusa li saret debitament bid-depożitu ittra reġistrata fl-uffiċċju postali tal-post fejn il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-sede tagħha.

3.   L-avukat li jassisti jew jirrappreżenta xi parti għandu jippreżenta fir-Reġistru dokument li jiċċertifika li huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-ftehim ŻEE.

4.   Mar-rikors għandhom jiġu annessi, jekk ikun ilkaż, id-dokumenti indikati fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut.

5.   Jekk ir-rikorrent ikun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat, huwa għandu jehmeż mar-rikors tiegħu:

a)

l-istatut tiegħu jew estratt reċenti mir-Reġistru tal-kumpanniji, jew estratt reċenti mir-reġistru ta’ l-assoċjazzjonijiet jew kull prova oħra li turi l-eżistenza ġuridika tiegħu;

b)

prova li l-mandat ġie mogħti regolarment lill-avukat minn rappreżentant awtorizzat għal dan l-iskop.

5a.   Ir-rikors ippreżentat skond klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab f’kuntratt irregolat mid-dritt pubbliku jew privat, konkluż mill-Komunitajiet jew f’isimhom skond l-Artikolu 238 tat-Trattat KE jew ta’ l-Artikolu 153 tat-Trattat KEEA għandu jkollu miegħu kopja tal-kuntratt li għandu din il-klawżola.

6.   Jekk ir-rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafi 3 sa 5 ta’ dan l-Artikolu, ir-Reġistratur għandu jistabbililxxi terminu raġjonevoli sabiex ir-rikorrent jirregolarizza r-rikors tiegħu jew sabiex jissottometti d-dokumenti msemmija hawn fuq. Fin-nuqqas ta’ din ir-regolarizzazzjoni jew fin-nuqqas li jiġu sottomessi d-dokumenti fit-terminu mogħti, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiddeċiedi jekk in-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet timplikax l-inammissibbiltà formali tar-rikors.”

6.

L-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi:

“1.   Fir-replika jew fil-kontroreplika, il-partijiet jistgħu jippreżentaw provi ulterjuri li jsostnu l-argumenti tagħhom. Huma għandhom jagħtu r-raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew ippreżentati tard.

2.   Ebda raġuni ġdida ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq talba ġdida, kif previst fis-subparagrafu preċedenti, il-President jista’, wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din it-talba.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għandha tibqa’ rriżervata għas-sentenza finali.”

7.

L-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell.

III — Il-fatti

8.

Fis-7 ta’ Novembru 1997, Orange ippreżentat quddiem l-UASI applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali MOBILIX bħala trade mark Komunitarja, u dan skont ir-Regolament Nru 40/94, kif emendat.

9.

Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 35, 37, 38 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

klassi 9: “apparat, strumenti u installazzjoni ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi għal telefonija, telefoni u telefoni ċellulari, inklużi antenni, erjils u parabolic reflectors, akkumulaturi u batteriji, transformers u konvertituri, kodifikaturi u dekodifikaturi, skedi kodifikati u skedi għal encoding, skedi tat-telefon, apparati u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim, direttorji elettroniċi tat-telefon, partijiet u aċċessorji (mhux inklużi fi klassijiet oħrajn) għall-oġġetti kollha msemmija qabel”;

klassi 16: “skedi tat-telefon”;

klassi 35: “servizzi ta’ tweġib tat-telefon (għal abbonati li jkunu temporanjament mhux disponibbli), konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta’ assistenza fix-xogħol tan-negozju”;

klassi 37: “installazzjoni u tiswija ta’ telefoni, kostruzzjoni, tiswija, installazzjoni”;

klassi 38: “telekomunikazzjonijiet, inkluża informazzjoni dwar it-telekomunikazzjonijiet, komunikazzjonijiet permezz tat-telefon u t-telegrafu, komunikazzjonijiet permezz ta’ skrin ta’ kompjuter u telefon ċellulari, trasmissjoni bil-faks, xandir fuq televiżjoni u radju, inkluż permezz ta’ kejbil televixin u l-Internet, trasmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ apparat ta’ trasmissjoni ta’ messaġġi, kiri ta’ apparat ta’ telekomunikazzjonijiet, inkluż apparat ta’ telefonija”;

klassi 42: “riċerka xjentifika u industrijali, inġinerija, inklużi faċilitajiet ta’ proġettar u installazzjonijiet ta’ telekomunikazzjonijiet, b’mod partikolari għat-telefonija, u programmar ta’ kompjuters, iddisinjar, manutenzjoni u aġġornament ta’ softwer, kiri ta’ kompjuters u programmi tal-kompjuter”.

10.

Din l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja kienet is-suġġett ta’ oppożizzjoni magħmula mill-appellanti. Ġew invokati s-segwenti drittijiet preċedenti, fir-rigward tal-kelma “OBELIX”:

trade mark preċedenti rreġistrata, protetta permezz tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 16154 tal-1 ta’ April 1996 għal ċerti prodotti u s-servizzi, li jaqgħu taħt il-klassijiet 9, 16, 28, 35, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza għall-prodotti u servizzi li ġejjin, sa fejn għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċedimenti:

klassi 9: “apparat u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi u tat-tagħlim (ħlief apparati ta’ projezzjoni) inklużi fil-klassi 9, apparat għal-logħob elettroniku bi/jew mingħajr skrins, kompjuters, moduli ta’ programmi u programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers, b’mod partikulari logħob tal-vidjo”;

klassi 16: “karti, kartunċin; oġġetti magħmula minn karti u kartunċin, materjal stampat (inklużi fil-klassi 16), gazzetti u magażins, kotba; materjal għal-legatura tal-kotba (spag, legatura bix-xoqqa, u materjal ieħor); ritratti; kartoleriji; sustanzi li jwaħħlu (għall-kartolerija u karti); materjali tal-artisti, jiġifieri oġġetti għat-tpinġija, pittura u mudellar; pniezel; tajprajters u oġġetti neċessarji għall-uffiċċju (ħlief għamara) u magni u apparati għall-użu fl-uffiċċji (inklużi fil-klassi 16); materjal tal-istruzzjoni u tat-tagħlim (ħlief l-apparat); materjali tal-plastik għall-ippakkjar mhux inklużi fi klassijiet oħra; karti tal-logħob; tipa tal-printer; inċiżjonijiet tal-istampar”;

klassi 28: “logħob u ġugarelli; artikli tal-ġinnastika u sportivi (inklużi fil-klassi 28); dekorazzjonijiet għas-siġar tal-Milied”;

klassi 35: “reklamar u marketing”;

klassi 41: “projezzjoni ta’ films, produzzjoni ta’ films, kiri ta’ films; pubblikazzjoni ta’ kotba u magażins; edukazzjoni u divertiment; organizzazzjoni u preżentazzjoni ta’ fieri u esibizzjonijiet; divertiment pubbliku; parks tad-divertiment, produzzjoni ta’ wirjiet mużikali u konferenzi diretti; wiri ta’ imitazzjonijiet arkitettorali u spettakli storiko-kulturali u folkloristiċi”;

klassi 42: “akkomodazzjoni u servizzi ta’ catering; ritratti; traduzzjonijiet; ġestjoni u użu ta’ drittijiet tal-awtur; użu ta’ proprjetà intellettwali”;

trade mark preċedenti magħrufa sew fl-Istati Membri kollha ( 4 ).

11.

In sostenn tal-oppożizzjoni tagħha, l-appellanti sostniet li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2002, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ċaħdet l-oppożizzjoni u awtorizzat li titkompla l-proċedura ta’ reġistrazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Wara li kkunsidrat li ma kienx ġie ppruvat b’mod konklużiv li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni kkonkludiet li t-trade marks, meħuda fl-intier tagħhom, ma kinux simili. Skondha, jeżisti ċertu xebh fuq livell ta’ smigħ, iżda dan jiġi kkumpensat mill-aspett viżiv tat-trade marks u, b’mod partikolari, mill-kunċetti differenti ħafna li jikkomunikaw: telefoni ċellulari fil-każ ta’ MOBILIX, u obeliski fil-każ ta’ OBELIX.

13.

Wara li l-appellanti ppreżentat l-appell tagħha fl-1 ta’ Lulju 2002, ir-Raba’ Bord tal-Appell ta d-deċiżjoni tiegħu fl-14 ta’ Lulju 2003. Huwa annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Il-Bord tal-Appell beda billi speċifika li l-oppożizzjoni kellha tiġi kkunsidrata bħala li kienet ibbażata esklużivament fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni. Sussegwentement, huwa osserva li seta’ jiġi nnutat ċertu xebh bejn it-trade marks. Għal dak li jirrigwarda l-paragun tal-prodotti u tas-servizzi, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-“apparat u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim” tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-“apparat u strumenti ottiċi u tat-tagħlim” tar-reġistrazzjoni preċedenti, inklużi fil-klassi 9, kienu simili. Huwa wasal għall-istess konklużjoni għal dak li għandu x’jaqsam mas-servizzi fil-klassi 35 intitolati “konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta’ assistenza fix-xogħol tan-negozju” fir-rigward tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u “reklamar u marketing” fir-rigward tar-reġistrazzjoni preċedenti. Il-Bord ikkonkluda li, minħabba l-livell ta’ xebh, min-naħa, bejn is-sinjali inkwistjoni, u, min-naħa l-oħra, bejn dawn il-prodotti u servizzi speċifiċi, kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat. Għaldaqstant, huwa rrifjuta l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-“apparat u strumenti tas-senjalar u tat-tagħlim” u għas-servizzi intitolati “konsulenza u assistenza dwar il-ġestjoni u l-organizzazzjoni ta’ negozju, konsulenza u assistenza fir-rigward ta’ assistenza fix-xogħol tan-negozju”, u aċċettaha għall-prodotti u s-servizzi l-oħra.

IV — Il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u s-sentenza appellata

14.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-1 ta’ Ottubru 2003, l-appellanti talbet l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-14 ta’ Lulju 2003 filwaqt li ressqet tliet motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tielet nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94. Għandu jiġi ppreċiżat li, waqt is-seduta, l-appellanti talbet, in subsidium, li l-kawza tintbagħat lura quddiem ir-Raba’ Bord tal-Appell sabiex ikollha l-possibbilità tipprova r-reputazzjoni tat-trade mark tagħha fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

15.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat, l-ewwel nett, l-ammissibbiltà tal-ħames dokumenti annessi mar-rikors u prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mill-appellanti sabiex tipprova kemm kien magħruf is-sinjal OBELIX. Wara li kkonstatat li dawn id-dokumenti ma kinux ġew prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li rreferiet għall-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, iddikjarat li dawn kienu inammissibbli inkwantu l-ammissjoni tagħhom tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza (punti 15 u 16 tas-sentenza appellata). F’dan il-kuntest il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret il-karatteristiċi tal-proċeduri kontenzjużi għal annullament, fejn il-legalità tal-att miġjub quddiem il-Qorti għandha tiġi evalwata skont l-elementi tad-dritt u ta’ fatt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat dak l-att.

16.

It-tieni nett, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat bħala inammissibbli l-motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, billi enfasizzat li quddiem il-Bord tal-Appell l-appellanti fl-ebda mument ma talbet biex tiġi applikata din id-dispożizzjoni u li, konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma eżaminahiex. Madankollu, fl-ewwel lok, skont l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-UASI għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ippreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. Fit-tieni lok, peress li r-rikorsi li jsiru lill-Qorti tal-Prim’Istanza jsiru proprju sabiex tiġi mistħarrġa l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI fis-sens tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94, dan l-istħarriġ għandu jsir fid-dawl tal-punti tad-dritt li jkunu tressqu quddiem l-istess Bordijiet. Fit-tielet lok, skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, “[i]s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kontroversja quddiem il-Bord ta’ l-Appell” (punti 19 sa 25 tas-sentenza appellata).

17.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-istess Qorti iddikjarat bħala inammissibbli t-talba mressqa għall-ewwel darba waqt is-seduta (punti 28 u 29 tas-sentenza appellata).

18.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza mbagħad kompliet billi analizzat il-mertu tal-motivi. Fir-rigward tal-motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, li, fin-nuqqas ta’ kontestazzjoni mill-parti l-oħra fil-proċedimenti, il-Bord tal-Appell kellu jitlaq mill-prinċipju li t-trade mark OBELIX tal-parti li qiegħda topponi kellha reputazzjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 34 u 35 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-UASI huwa obbligat jikkunsidra l-punti invokati minn parti waħda bħala ppruvati jekk dawn ma jkunux ġew ikkontestati mill-parti l-oħra fil-proċedimenti. F’dan il-każ, la d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u lanqas il-Bord tal-Appell ma kkunsidraw li l-appellanti kienet sostniet b’mod konklużiv, permezz ta’ fatti jew provi, din l-evalwazzjoni ġuridika li hija kienet qiegħda tinvoka, jiġifieri li s-sinjal mhux irreġistrat huwa magħruf u li s-sinjal irreġistrat għandu livell għoli ta’ karattru distintiv. Għaldaqstant, fil-punt 36 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddikjarat dan il-motiv bħala infondat.

19.

Fir-rigward tal-motiv ibbażat fuq l-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel nett, evalwat ix-xebh bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet l-argument tal-appellanti li l-prodotti kkontemplati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, inklużi fil-klassijiet 9 u 16, kienu inklużi fil-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi, li kienet imfassla b’mod wiesa’, waqt ir-reġistrazzjoni preċedenti, billi fil-punt 61 tas-sentenza appellata ddikjarat li s-sempliċi fatt li prodott speċifiku jiġi użat bħala parti, tagħmir jew komponent ta’ prodott ieħor mhuwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex juri li l-prodotti finali, b’dawn il-komponenti, huma simili, għaliex, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, l-għan intenzjonat tagħhom u l-klijenti kkonċernati jistgħu jkunu totalment differenti. Fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti tal-Prim’Istanza kompliet hekk:

“62

Barra minn hekk, mit-tfassil tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi tar-reġistrazzjoni preċedenti għar-rigward tal-klassi 9 jirriżulta li l-oqsma indikati minn dan id-dritt huma l-fotografija, iċ-ċinema, l-ottika, it-tagħlim u l-logħob tal-vidjo. Din il-lista tal-prodotti u tas-servizzi hija simili għal dik mitluba fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ħaġa li turi b’mod ċar li l-qasam ikkonċernat huwa, kważi esklużivament, dak ta’ telekomunikazzjonijiet taħt kull forma. It-tagħmir ta’ telekomunikazzjoni jaqa’ fil-kategorija ta’ “apparat għar-registrazzjoni, trasmissjoni, riproduzzjoni ta’ ħsejjes jew stampi”, li tagħmel parti mill-intestatura uffiċjali tal-klassi 9 […]. Madankollu, din il-parti ta’ l-intestatura tal-klassi (“telekomunikazzjoni”) ma ġietx mitluba fid-dritt preċedenti, li jimplika li ma kienx intenzjonat li t-tagħmir ta’ telekomunikazzjoni ikun kopert. Ir-rikorrenti rreġistrat it-trade mark tagħha għal numru kbir ta’ klassijiet, iżda ma semmitx it-“telekomunikazzjonijiet” fl-ispeċifikazzjoni u saħansitra eskludiet il-klassi 38 kollha kemm hi mir-reġistrazzjoni. Il-klassi 38 tikkonċerna preċiżament is-servizzi ta’ “telekomunikazzjonijiet”.

63

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza taqbel ma’ l-osservazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell li r-reġistrazzjoni preċedenti tipproteġi l-“apparat u strumenti elettrotekniċi, elettroniċi”, iżda li din il-formulazzjoni wiesgħa ma tistax tintuża mir-rikorrenti bħala argument li jwassal għall-konklużjoni li jeżisti xebh kbir, u, inqas u inqas għall-konklużjoni li teżisti identiċità mal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni, meta protezzjoni speċifika għall-apparat u strumenti ta’ telekomunikazzjoni setgħet tinkiseb faċilment.”

20.

Wara li kkonfermat id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell dwar in-nuqqas ta’ xebh bejn is-servizzi kkontemplati fl-applikazzjoni għal trade mark abbażi tal-klassijiet 37 u 42 u s-servizzi identifikati fir-reġistrazzjoni preċedenti u inklużi fil-klassi 42 (punt 67), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat:

“68

It-tieni nett, il-Bord ta’ l-Appell ma wettaqx żball meta ddikjara li s-servizzi enumerati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja taħt il-klassi 38 […] huma differenti biżżejjed minn dawk koperti mir-reġistrazzjoni preċedenti u inklużi fil-klassi 41 […], meta jittieħdu in kunsiderazzjoni n-natura teknika tagħhom, il-kapaċitajiet meħtieġa sabiex jiġu proposti u l-bżonnijiet tal-konsumaturi li huma intiżi jissodisfaw. Konsegwentement, is-servizzi mniżżla fl-applikazzjoni għal trade mark inklużi fil-klassi 38 huma, l-iktar l-iktar, ftit simili għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41 u li huma protetti mid-dritt preċedenti.

69

Għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-prodotti u s-servizzi kollha koperti mill-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jistgħu jkunu marbuta, b’mod jew ieħor, mal-“kompjuters” u mal-“programmi tal-kompjuter” (klassi 9) koperti mit-trade mark preċedenti. Kif osserva ġustament il-konvenut, fis-soċjetà teknoloġikament avvanzata ta’ llum, kważi l-ebda tagħmir jew materjal elettroniku jew diġitali ma jaħdem mingħajr l-użu ta’ kompjuters ta’ xi forma jew oħra. Jekk jiġi stabbilit li jeżisti xebh f’kull każ fejn id-dritt preċedenti jkopri l-kompjuters, u fejn il-prodotti jew servizzi koperti mis-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni jistgħu jirrikjedu l-użu ta’ kompjuters, dan żgur ikun qed jeċċedi l-iskop tal-protezzjoni mogħtija mil-leġiżlatur lill-proprjetarju ta’ trade mark. Tali pożizzjoni twassal għal sitwazzjoni fejn ir-reġistrazzjoni ta’ softwer u ħardwer tal-kompjuter tista’ prattikament teskludi r-reġistrazzjoni sussegwenti ta’ kull tip ta’ proċess jew servizz elettroniku jew diġitali li jagħmel użu minn dak is-softwer jew ħardwer. Din l-esklużjoni mhijiex, f’kull każ, leġittima fil-kawża preżenti, peress li l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja hija intiża esklussivament għat-telekomunikazzjonijiet taħt il-forom diversi tagħhom, filwaqt li r-reġistrazzjoni preċedenti ma tagħmel ebda referenza għal xi attività f’dan is-settur. Barra minn hekk, kif osserva ġustament il-Bord ta’ l-Appell, m’hemm xejn li jwaqqaf ir-rikorrenti milli tirreġistra wkoll it-trade mark tagħha fir-rigward tat-telefonija.”

21.

Fl-aħħar nett il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, ikkonstatat li “l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni mhumiex simili”, salv għal eċċezzjoni waħda biss: hemm xebh bejn il-“kiri ta’ kompjuters u programmi tal-kompjuter” imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (klassi 42) u l-“kompjuters” u “programmi tal-kompjuter irreġistrati fuq data carriers” tal-appellanti (klassi 9), minħabba l-komplementarjetà tagħhom.

22.

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-paragun tas-sinjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza, wara li indikat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Bord tal-Appell kien ikkunsidra li s-sinjali inkwistjoni kienu simili (punt 74 tas-sentenza appellata), kompliet billi qabblithom viżwalment, fonetikament u kunċettwalment (punti 75 sa 81 tas-sentenza appellata).

23.

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li minkejja li ż-żewġ sinjali għandhom komuni l-kombinazzjoni tal-ittri “OB” u t-tmiem “LIX”, dawn għandhom numru ta’ differenzi viżivi importanti, bħall-ittri li jiġu wara ż-żewġ ittri “OB” (“E” fl-ewwel każ, “I” fit-tieni), il-bidu tal-kliem (it-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni tibda b’“M” u t-trade mark preċedenti tibda b’“O”) u t-tul tagħhom. Wara li fakkret li l-attenzjoni tal-konsumatur taqa’ l-iktar fuq il-bidu tal-kelma, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonkludiet li “s-sinjali inkwistjoni mhumiex simili viżwalment jew, li għandhom, l-iktar l-iktar, xebh viżiv żgħir ħafna” (punti 75 u 76 tas-sentenza appellata).

24.

Wara li għamlet paragun fonetiku tas-sinjali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li dawn għandhom ċertu xebh fonetiku (punti 77 u 78). Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonstatat li, anki li kieku t-terminu “OBELIX” kien ġie rreġistrat bħala trade mark verbali, dan kien ikun faċilment identifikat mill-pubbliku medju mal-persunaġġ oħxon tas-serje tal-komiks, fatt dan li jirrendi improbabbli ħafna l-konfużjoni kunċettwali f’moħħ il-pubbliku ma’ termini li bejn wieħed u ieħor huma simili (punt 79 tas-sentenza appellata). Peress li s-sinjal verbali OBELIX, mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, għandu tifsira ċara u speċifika, b’tali mod li dan il-pubbliku jista’ jifhimha mill-ewwel, id-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku kif ukoll kull xebh viżiv bejn is-sinjali (punti 80 sa 81 tas-sentenza appellata).

25.

Fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li rreferiet għas-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2003, Éditions Albert René vs L-UASI — Trucco (STARIX) (T-311/01, Ġabra p. II-4625), indikat li “d-differenzi bejn is-sinjali inkwistjoni huma biżżejjed sabiex jeskludu l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku kkonċernat, billi tali probabbiltà tippresupponi li, b’mod kumulattiv, il-livell ta’ xebh tat-trade marks inkwistjoni u l-livell ta’ xebh tal-prodotti jew servizzi koperti minn dawn it-trade marks huwa suffiċjentement għoli” (punt 82 tas-sentenza appellata). Hija kompliet hekk:

“83

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti kif ukoll l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti rigward ir-reputazzjoni ta’ din it-trade mark m’għandhom ebda effett fuq l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fil-kawża preżenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Starix, punt 22 iktar ‘il fuq, punt 60).

84

Probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi identiċità jew xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti u servizzi koperti, u r-reputazzjoni ta’ trade mark hija element li għandu jiġi kkunsidrat sabiex jiġi stabbilit jekk ix-xebh bejn is-sinjali jew bejn il-prodotti u servizzi huwiex suffiċjenti sabiex joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Canon, punt 59 iktar ‘il fuq, punti 22 u 24). Issa peress li, fil-kawża preżenti, is-sinjali konfliġġenti ma jistgħux jiġi kkunsidrati bħala identiċi jew simili, il-fatt li t-trade mark preċedenti hija magħrufa sew jew għandha reputazzjoni fl-Unjoni Ewropea ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Starix, punt 22 iktar ‘il fuq, punt 61).

85

Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li, minħabba s-suffiss “ix”, huwa għal kollox konċepibbli li t-terminu “MOBILIX” jinserixxi ruħu b’mod diskret fil-familja ta’ trade marks magħmula mill-persunaġġi tas-serje “Asterix” u li jiġi kkunsidrat bħala derivazzjoni tat-terminu “OBELIX”. F’dan ir-rigward, biżżejjed jingħad li r-rikorrenti ma jista’ jkollha ebda dritt esklussiv fuq l-użu tas-suffiss “ix”.

86

Minn dan jirriżulta li ma ġietx sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet sabiex jiġi applikat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti.”

26.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Prim’Istanza ċaħdet ir-rikors intavolat mill-appellanti.

27.

Il-parti rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza interponiet appell kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Jannar 2006.

28.

Għandu jiġi kkonstatat ukoll li dan l-appell, għalkemm ammissibbli, ma jsegwix ir-rakkomandazzjonijiet esposti fil-punt 44 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi relatati ma’ Rikorsi diretti u ma’ Appelli minħabba t-tul tiegħu. ( 5 )

29.

Fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2007, il-partijiet ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom u wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja.

V — Analiżi tal-appell

30.

In sostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka sitt aggravji. Fl-ewwel wieħed, hija tilmenta li s-sentenza appellata kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u ddeċidiet fuq ix-xebh tat-trade marks, minkejja li dan ma kienx is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. B’dan il-mod, hija kisret il-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus. Bit-tieni aggravju, l-appellanti tinvoka l-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna x-xebh tal-prodotti u s-servizzi u x-xebh tat-trade marks. Bit-tielet aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94. Bir-raba’ aggravju, hija tinvoka l-ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Bil-ħames aggravju, hija tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikoli 44, 48 u 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta hija ddikjarat l-inammissibbiltà tat-talba tal-appellanti intiża sabiex il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell. Is-sitt aggravju jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 minħabba r-rifjut li jiġu ammessi ċerti dokumenti

A — Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-ksur tal-prinċipju ġenerali tad-dritt proċedurali Komunitarju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus

1. L-argumenti tal-partijiet

31.

L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 kif ukoll il-prinċipji ġenerali tad-dritt amministrattiv u proċedurali Komunitarju inkwantu, b’kuntrast mad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell, hija kkonkludiet li t-trade marks inkwistjoni, OBELIX u MOBILIX, ma kinux simili, u ddeċidiet għalhekk kontra l-appellanti fuq kwistjoni li ma kinitx ġiet imqajma fid-debita forma, b’tali mod li eċċediet il-kompetenza mogħtija lilha għall-istħarriġ tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI f’każ bħal dak in eżami.

32.

Fil-fatt, l-appellanti tenfasizza li l-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks bl-ebda mod ma kienet is-suġġett tar-rikors li sar quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u għaldaqstant ma kellhiex tkun is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, minkejja li l-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks ma tqajmet minn ebda waħda mill-partijiet fil-kawża fil-forma mitluba, il-Qorti tal-Prim’Istanza xorta waħda ddeċidiet fuq dan il-punt għad-detriment tal-appellanti u fir-realtà kisret għalhekk il-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

33.

L-UASI, filwaqt li jagħmel riferiment għas-sentenza Canon (sentenza tad-29 ta’ Settembru 1998, C-39/97, Ġabra p. 1-5507, punt 17 u d-dispożittiv), jirribatti li l-ewwel aggravju huwa manifestament infondat. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza kienet marbuta terġa’ tanalizza x-xebh tas-sinjali inkwistjoni. L-appellanti, bir-rikors tagħha, kienet ikkontestat il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fir-rigward tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Peress li x-xebh tas-sinjali huwa wieħed mill-elementi fl-imsemmija konklużjonijiet, l-istess xebh kellu bilfors jiġi analizzat mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tal-konklużjonijiet tal-Bord tal-Appell fid-dawl tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u sabiex tassigura l-applikazzjoni korretta tal-istess artikolu.

34.

Barra minn hekk, l-UASI jfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma biddlitx id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. Il-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus timpedixxi lill-qorti tal-appell milli tmur lil hinn mit-talbiet tal-appellant u milli tpoġġih f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik li huwa kien ikun fiha li kieku ma appellax. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma biddlitx id-deċiżjoni li biha l-Bord tal-Appell laqa’ parzjalment l-oppożizzjoni. Għaldaqstant, l-appellanti ma tpoġġitx f’sitwazzjoni iktar sfavorevoli minn dik li hija kienet fiha qabel ma ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

2. Evalwazzjoni

35.

Skont il-prinċipju ġenerali tad-dritt proċedurali tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus, il-qorti superjuri li hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq rikors, bħalma huwa appell, ma tistax tagħmel id-deċiżjoni kkontestata ta’ qorti inferjuri iktar gravi għad-detriment tar-rikorrenti, jekk tkun biss din il-parti li tkun ressqet rikors ( 6 ).

36.

Mill-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus jirriżulta wkoll li, b’mod ġenerali, l-agħar riżultat li jista’ jkollu rikors introdott mill-parti rikorrenti huwa ċ-ċaħda tiegħu u l-konferma pura u sempliċi tad-deċiżjoni kkontestata ( 7 ).

37.

Għandu jiġi kkonstatat li din hija s-sitwazzjoni tal-appellanti. Skont is-sentenza appellata, hija tinsab fl-istess sitwazzjoni bħalma kienet fiha qabel il-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Minn dan l-aspett, huwa diffiċli li wieħed jitkellem fuq reformatio in pejus.

38.

Il-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus quddiem il-qorti Komunitarja hija limitata bid-dmir tal-istess qorti li tqajjem ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ ordni pubbliku ( 8 ). Motiv ibbażat fuq il-legalità sostantiva ma jistax jiġi eżaminat quddiem il-qorti Komunitarja ħlief fuq talba tal-parti rikorrenti, filwaqt li motiv ta’ ordni pubbliku jista’ u anki għandu jitqajjem ex officio mill-qorti. ( 9 )

39.

Għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ ordni pubbliku fil-kuntest tal-motivi mressqa quddiem il-qorti Komunitarja ( 10 ) huwa “riżervat għall-kwistjonijiet li, minħabba l-importanza tagħhom għall-interess ġenerali, mhumiex għad-dispożizzjoni tal-partijiet u lanqas tal-qorti nnifisha u għandhom jiġu eżaminati ex officio in limine litis anki meta ma jkunux tqajmu mill-partijiet.” ( 11 )

40.

L-appellanti tilmenta li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fis-sentenza appellata, eżaminat ex officio l-legalità tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell mill-perspettiva tal-kwistjoni tax-xebh, minkejja li hija ma kinitx invokat xi ksur tagħha minn dan l-aspett. F’dan hija tara li seħħet reformatio in pejus peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat motiv li hija ma kinitx qajmet fir-rikors.

41.

Għandu jiġi enfasizzat li l-appellanti ma kkontestatx il-legalità tal-evalwazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar il-kwistjoni tax-xebh tas-sinjali OBELIX u MOBILIX u tal-prodotti u servizzi protetti minn dawn iż-żewġ trade marks. Madankollu, mir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, u b’mod partikolari mill-punti 2.3 et seq tiegħu, jirriżulta li l-appellanti qajmet il-kwistjoni tax-xebh tas-sinjali OBELIX u MOBILIX u tal-prodotti u servizzi protetti minn dawn iż-żewġ trade marks kif ukoll il-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rikors li hija ressqet quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Fil-fatt, fil-kuntest tal-motiv tagħha dwar il-legalità sostantiva bbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1)(b) u (2) tar-Regolament Nru 40/94, hija invokat l-argumenti dwar il-kwistjoni tax-xebh tat-trade marks u tas-sinjali msemmija iktar ’il fuq. Fil-kuntest tal-imsemmi motiv quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li elaborat fuq l-ilment marbut mal-ksur tal-karattru magħruf u distintiv ħafna tat-trade mark OBELIX, hija sostniet li kien hemm xebh kunċettwali u fis-smigħ qawwi bejn iż-żewġ sinjali OBELIX u MOBILIX ( 12 ). Hija sostniet ukoll li kien hemm probabbiltà ta’ konfużjoni kunċettwali minħabba l-interdipendenza bejn ix-xebh tal-prodotti, ix-xebh tat-trade marks u l-karattru distintiv tat-trade mark OBELIX ( 13 ). B’hekk hija inkludiet il-kwistjoni tax-xebh tas-sinjali OBELIX u MOBILIX fis-suġġett tal-kawża.

42.

Is-suġġett tal-kawża kif stabbilit mill-appellanti skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 kien jinkludi wkoll il-kwistjoni tax-xebh taż-żewġ sinjali OBELIX u MOBILIX. Konsegwentement, l-appellanti ma tistax takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li ddeċidiet dwar il-kwistjoni tax-xebh taż-żewġ sinjali OBELIX u MOBILIX fil-kuntest tal-analiżi tal-interdipendenza bejn il-fatturi.

43.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza la kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas il-prinċipju ġenerali tad-dritt proċedurali tal-projbizzjoni ta’ reformatio in pejus.

44.

L-aggravju ma jistax jintlaqa’.

B — Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna x-xebh tal-prodotti u servizzi, u x-xebh tat-trade marks

1. L-argumenti tal-partijiet

45.

B’dan l-aggravju ta’ tul konsiderevoli, li huwa maqsum f’żewġ partijiet, l-appellanti tallega l-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 f’dak li jikkonċerna x-xebh tal-prodotti u s-servizzi, u x-xebh tat-trade marks.

46.

Bl-ewwel parti, l-appellanti tallega li, waqt l-evalwazzjoni tax-xebh tal-prodotti u s-servizzi, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fl-ewwel lok, l-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li applikat kriterju ġuridiku żbaljat biex tistabbilixxi jekk il-prodotti u s-servizzi rispettivi kinux simili. Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonkludiet li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili.

47.

Fil-fatt, fir-rigward tal-ewwel parti, l-appellanti tafferma li kellu jsir paragun tax-xebh, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-trade marks inkwistjoni kienu identiċi u li t-trade mark preċedenti OBELIX kellha karattru distintiv ħafna jew li hija kienet magħrufa sew. Il-kriterju ġuridiku tajjeb kellu għalhekk ikun dan li ġej: il-prodotti (u s-servizzi) ikunu simili meta l-pubbliku jkun jista’ jifhem li dawn ikunu ġejjin mill-istess impriżi jew minn impriżi marbutin ekonomikament meta jidhru fis-suq taħt trade marks identiċi u meta t-trade mark preċedenti tkun trade mark li għandha karattru distintiv ħafna u tkun magħrufa sew.

48.

Fit-tieni lok, l-appellanti tikkontesta l-koerenza u l-bażi tal-kunsiderazzjonijiet konkreti tax-xebh tal-prodotti magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li qrat il-lista tal-prodotti b’mod kjarament żbaljat u allura żnaturat l-istess lista. Skont l-appellanti, l-affermazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 62 tas-sentenza appellata fejn jingħad “mit-tfassil tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi tar-reġistrazzjoni preċedenti għar-rigward tal-klassi 9 jirriżulta li l-oqsma indikati minn dan id-dritt huma l-fotografija, iċ-ċinema, l-ottika, it-tagħlim u l-logħob tal-vidjo”, mhijiex eżatta u hija kkontradetta mil-lista ta’ dawn il-prodotti, kif ukoll mill-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza stess fil-punt 63. L-affermazzjoni li hemm fl-istess punt 62 tas-sentenza appellata li l-qasam ikkonċernat mit-trade mark MOBILIX huwa, kważi esklużivament, dak ta’ telekomunikazzjonijiet taħt kull forma, hija wkoll kontradetta mil-lista tal-prodotti li, mingħajr ma hija limitata għat-telekomunikazzjonijiet, tinkludi “akkumulaturi u batteriji”, “transformers u konvertituri”, “kodifikaturi u dekodifikaturi”, “skedi kodifikati” u l-“[i]skedi għal encoding”.

49.

F’dak li jirrigwarda l-paragun tas-servizzi MOBILIX li jaqgħu taħt il-klassijiet 35, 37, 38 u 42 u tal-prodotti koperti bit-trade mark OBELIX, l-appellanti tallega li hemm inkoerenza bejn il-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 68 tas-sentenza appellata (“is-servizzi mniżżla fl-applikazzjoni għal trade mark inklużi fil-klassi 38 huma, l-iktar l-iktar, simili għas-servizzi li jaqgħu taħt il-klassi 41”) u l-konklużjoni fil-punt 70 tas-sentenza appellata fejn jingħad li l-prodotti u s-servizzi inkwistjoni mhumiex simili, u tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza fejn din l-istess Qorti tiċħad l-argument tagħha li l-prodotti u s-servizzi kkontemplati fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja jistgħu jkunu marbuta mal-“kompjuters” u mal-“programmi tal-kompjuter” (klassi 9) koperti mit-trade mark preċedenti (punt 69 tas-sentenza appellata).

50.

Bit-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti tallega li l-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta qieset li t-trade marks inkwistjoni ma kinux simili. Din il-parti hija invokata b’mod sussidjarju fil-konfront tal-ewwel aggravju tal-appellanti. Skont l-istess appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma applikatx il-kriterji ġuridiċi korretti sabiex tevalwa x-xebh tat-trade marks. Fir-rigward tax-xebh viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza arbitrarjament enfasizzat id-differenzi bejn it-trade marks, filwaqt li, skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tat-trade marks, l-elementi komuni jkunu normalment iktar importanti minn dawk li huma differenti. L-appellanti tallega li l-evalwazzoni tax-xebh fonetiku, l-istess bħal dik tax-xebh kunċettwali, magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ma hijiex sostnuta minn ebda fatt prodott quddiem l-imsemmija Qorti. Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, l-appellanti tikkontesta l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 79 tas-sentenza appellata fejn jingħad li r-“rappreżentazzjoni speċifika ta’ persunaġġ popolari tirrendi l-konfużjoni kunċettwali f’moħħ il-pubbliku bejn termini li bejn wieħed u ieħor huma simili improbabbli ħafna”. Ir-raġunament tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa żbaljat peress li, skont il-prinċipji ġeneralment aċċettati fid-dritt tat-trade marks, iktar ma t-trade mark preċedenti tkun magħrufa jew iktar ma jkun distintiv il-karattru tagħha, iktar ma tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni.

51.

L-appellanti tilmenta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 80 sa 82 tas-sentenza appellata, applikat it-teorija magħrufa bħala t-teorija ta’ “newtralizzazzjoni”. Skont l-appellanti, din it-teorija tapplika biss għall-istadju tal-evalwazzjoni finali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, iżda mhux meta t-trade marks inkwistjoni jkunu jew viżwalment, jew fonetikament, jew viżwalment u fonetikament simili. Għaldaqstant, il-kriterju ġuridiku xieraq kien ikun dan li ġej: żewġ trade marks huma simili (u, wara li jkun ġie kkonstatat li l-prodotti jew is-servizzi huma simili jew identiċi, l-istanza li tieħdu d-deċiżjoni jkollha għaldaqstant teżamina l-probabbiltà ta’ konfużjoni) jekk ikun jeżisti (ċertu, livell għoli jew totali ta’) xebh viżiv (li jinvolvi wkoll livell ta’ xebh fonetiku), jew jekk ikun jeżisti (ċertu, livell għoli jew totali ta’) xebh fonetiku irrispettivament minn jekk ikunx hemm xebh kunċettwali. Bl-istess mod, żewġ trade marks ikunu simili jekk, anki fin-nuqqas ta’ xebh viżiv jew fonetiku, dawn ikunu identiċi jew simili fuq il-livell kunċettwali.

52.

Fl-aħħar nett, l-appellanti tafferma li l-Qorti tal-Prim’Istanza fehmet ħażin l-argument tagħha meta, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, tallega li l-appellanti tistrieħ fuq dritt esklużiv fuq l-użu tas-suffiss “ix”, filwaqt li hija affermat li hija kienet proprjetarja ta’ familja ta’ trade marks maħluqa b’mod li jixbah lil MOBILIX, fejn tintuża parti deskrittiva li tirrappreżenta l-professjoni jew ix-xogħol ta’ persuna u fejn din tiġi magħquda mas-suffiss “ix”. Għaldaqstant, ir-riferiment għall-“mobile” ma tiddistakkahiex mill-familja tat-trade marks, imma żżid saħansitra l-probabbiltà ta’ konfużjoni, u dan peress li l-eżistenza tal-familja ta’ trade marks hija ġeneralment meqjusa bħala kawża distinta tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, anki fin-nuqqas ta’ xebh fonetiku u viżiv.

53.

L-UASI jargumenta li, fost id-diversi argumenti mqajma mill-appellanti, l-uniku punt ta’ dritt huwa dak dwar jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punt 81 tas-sentenza appellata, setgħetx tikkonkludi legalment li d-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku u viżiv eżistenti. Il-Qorti tal-Prim’Istanza eżaminat b’mod tajjeb l-elementi kollha li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex issir evalwazzjoni ġenerali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Skont ġurisprudenza stabbilita, din l-evalwazzjoni ġenerali timplika li d-differenzi kunċettwali u viżivi bejn żewġ sinjali jistgħu jinnewtralizzaw ix-xebh fil-ħsejjes bejniethom, sa fejn għall-inqas wieħed minn dawn is-sinjali jkollu, fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, tifsira ċara u stabbilita, b’mod li dan il-pubbliku jista’ jipperċepixxiha direttament. Il-kwistjoni dwar jekk din in-“newtralizzazzjoni” sseħħx fil-verità f’moħħ il-konsumatur rilevanti hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-fatti rilevanti. Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni huwa konstatazzjoni ta’ fatt li l-istħarriġ tiegħu ma jaqax taħt il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

54.

Fir-rigward tal-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark OBELIX fil-paragun tal-prodotti u servizzi u tas-sinjali inkwistjoni, l-UASI jallega li l-appellanti tħawwad żewġ kunċetti ma’ xulxin, jiġifieri r-reputazzjoni ta’ Obélix, persunaġġ magħruf fis-serje tal-komiks, u r-reputazzjoni potenzjali tat-trade mark OBELIX. Ma jeżisti ebda prinċipju ġuridiku u lanqas ebda preċedent fis-sens li persunaġġ litterarju magħruf għandu awtomatikament jiġi meqjus bħala trade mark magħrufa. Kollox jiddependi miċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami u l-appellanti, fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem l-UASI, qatt ma ġabet provi li juru li fir-realtà seħħet trasformazzjoni progressiva ta’ persunaġġ magħruf fi trade mark magħrufa. Għaldaqstant, meta rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tal-isem Obélix, li jidentifika persunaġġ magħruf ta’ serje tal-komiks, biex tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni tat-trade mark preċedenti, il-Qorti tal-Prim’Istanza applikat korrettement ir-regola li, fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni li jikkonċernaw ir-raġunijiet relattivi għal rifjut tar-reġistrazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tillimita ruħha biex tanalizza l-argumenti invokati u t-talbiet ippreżentati mill-partijiet.

55.

L-UASI jafferma li, billi timxi mal-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Prim’Istanza filwaqt li tikkontesta l-konklużjonijiet tagħha, l-appellanti qiegħda tiffoka fuq l-evalwazzjoni fattwali li saret mill-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-istħarriġ tagħha mhuwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

56.

Fir-rigward tal-allegazzjonijiet li l-Qorti tal-Prim’Istanza żnaturat il-fatti jew l-elementi ta’ prova, l-UASI jsostni li l-imsemmija Qorti rriproduċiet korrettement il-lista ta’ prodotti u servizzi u għamlet analiżi komparattiva, ibbażata fuq kriterji bħalma huma t-tip ta’ produttur jew il-metodu tad-distribuzzjoni tal-prodotti. L-UASI jikkunsidra li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment mhux fondat u parzjalment inammissibbli.

2. Evalwazzjoni

57.

Mill-Artikolu 225 KE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. Għalhekk, ħlief f’każ ta’ żnaturament tagħhom, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 14 ).

58.

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jibqa’ meħtieġ li, anki fl-ipoteżi fejn ikun hemm identiċità ma’ trade mark li jkollha karattru partikolarment distintiv, tinġieb prova tal-preżenza ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni jkunu identiċi jew simili.

59.

Il-probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi li l-prodotti jew is-servizzi ikunu identiċi jew simili. Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi fejn ikun hemm identiċità ma’ trade mark li jkollha karattru partikolarment distintiv, jibqa’ meħtieġ li tinġieb prova tal-preżenza ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti ( 15 ).

60.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-appellanti li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ġuridiku żbaljat, ossija meta ma applikat ebda kriterju ġuridiku, iżda sempliċi argument li fih affermazzjonijiet kontradittorji mhuwiex fondat.

61.

Mill-analiżi tal-punti 60 sa 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li, wara li għamlet analiżi dettaljata tad-diversi fatturi li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni bejn il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni, il-Qorti tal-Prim’Istanza, mingħajr ma tagħmel ebda żball ta’ liġi, setgħet leġittimament tqis li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark MOBILIX mhumiex simili mas-servizzi koperti mis-sinjal OBELIX.

62.

Fir-rigward tal-argument li l-Qorti tal-Prim’Istanza ħolqot kuntradizzjoni ċara bejn il-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata u li l-punt 63 tal-istess sentenza fih ċerti impreċiżjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li, fis-sustanza, dan l-argument huwa intiż biex jikkontesta l-evalwazzjoni fattwali li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza u fir-realtà jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzzjoni fattwali tagħha ma’ dik magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punti 62 u 63 tas-sentenza appellata. Dan l-argument tal-appellanti għandu għalhekk jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

63.

Għall-istess raġunijiet għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti li l-Qorti tal-Prim’Istanza ma għamlitx analiżi korretta tal-prodotti rispettivi tal-klassijiet 9 u 16. Fid-dawl tal-analiżi li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-istess konklużjoni għandha tintlaħaq għal dak li jikkonċerna l-ilment li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet biss analiżi litterali tal-prodotti u servizzi, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni r-relazzjoni ekonomika tagħhom u mingħajr ma kkunisdrat il-kwistjoni jekk il-pubbliku rilevanti kienx jimmaġinahom bħala li għandhom l-istess oriġni kummerċjali kieku l-prodotti u s-servizzi kienu offruti taħt trade mark identika.

64.

F’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq il-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħetx tikkonkludi, fil-punt 81 tas-sentenza tagħha ( 16 ), li d-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li, f’dan il-każ, jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku kif ukoll kull xebh viżiv imsemmi iktar ’il fuq. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-punti 72 u 74 sa 80, applikat korrettament il-kriterji żviluppati mill-ġurisprudenza. Min-naħa l-oħra, mill-punt 79 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-kliem MOBILIX u OBELIX, jirriżulta wkoll li l-Qorti tal-Prim’Istanza, f’dan il-punt, għamlet ċerti konstatazzjonijiet fattwali u li l-appellanti qiegħda tipprova tikkontesta l-evalwazzjoni tal-fatti li għamlet il-Qorti tal-Prim’Istanza u fir-realtà qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni fattwali tagħha ma’ dik tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

65.

Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jirriżulta li l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

C — Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 minħabba li ma ġiex aċċettat li t-trade mark OBELIX kienet magħrufa ħafna u kellha karattru distintiv ħafna

1. L-argumenti tal-partijiet

66.

L-appellanti takkuża lill-Qorti tal-Prim’Istanza li kisret l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 meta rrifjutat li taċċetta li t-trade mark OBELIX kienet magħrufa ħafna u kellha karattru distintiv ħafna. L-appellanti tikkontesta l-fondatezza tal-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fejn qalet li l-UASI kien evalwa l-fatti u l-elementi ta’ prova, u dan kif kien obbligat jagħmel skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, iżda li huwa kkonkluda li dawn ma kinux biżżejjed biex jistabbilixxu l-fatt li s-sinjal mhux reġistrat kien magħruf u li s-sinjal irreġistrat kellu karattru distintiv ħafna. Inkwantu Orange effettivament ipparteċipat fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, iżda ma kkontestatx l-allegazzjonijiet tal-appellanti, ikun assurd li wieħed jitlob li din tipproduċi l-provi kollha, peress li ebda regola jew ebda prinċipju tad-dritt Komunitarju ma jobbliga lil xi parti tipproduċi elementi biex tipprova dak li mhuwiex ikkontestat bejn il-partijiet. Fil-fatt, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u l-Bord tal-Appell kienu rrikonoxxew espressament il-fatt li s-sinjal OBELIX kien magħruf sew. Il-Bord tal-Appell kellu għalhekk jikkonkludi li t-trade mark OBELIX għandha karattru distintiv ħafna u li hija magħrufa sew. Barra minn hekk, peress li l-fatti magħrufa minn kulħadd m’għandhomx għalfejn jiġu ppruvati, l-istess prinċipju għandu japplika għat-trade marks magħrufa.

67.

L-UASI jsostni li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Il-limitazzjoni tal-bażi fattwali tal-analiżi magħmula mill-Bord tal-Appell li toħroġ mill-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 ma teskludix li l-istess Bord jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti magħrufa, apparti l-fatti mressqa mill-partijiet fil-proċediment tal-oppożizzjoni. Madankollu, dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala magħruf f’dan il-każ huwa l-fatt li Obélix huwa l-isem ta’ persunaġġ ta’ serje tal-komiks. Madankollu, din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi applikata bħala tali għat-trade mark OBELIX, peress li ma jeżisti ebda preċedent fis-sens li l-persunaġġi litterarji magħrufa għandhom ikunu meqjusa bħala trade marks li għandhom reputazzjoni.

68.

Anki jekk il-partijiet jaqblu fuq il-kwistjoni tar-reputazzjoni tat-trade mark OBELIX, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex marbuta b’din il-konstatazzjoni, iżda għandha l-obbligu li teżamina jekk, meta l-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata għamel il-konklużjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ xebh bejn it-trade marks, l-istess Bord kisirx ir-Regolament Nru 40/94. Fil-kuntest ta’ proċedimenti inter partes quddiem l-UASI, ma jeżisti ebda prinċipju li jitlob li jiġu meqjusa bħala pprovati dawk il-fatti li ma jkunux ikkontestati mill-parti l-oħra.

2. Evalwazzjoni

69.

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi nnutat li l-appellanti tikkontesta l-legalità u l-korrettezza tal-evalwazzjoni tar-reputazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell u mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza appellata.

70.

Kif diġà ġie mfakkar fil-punt 57, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Għaldaqstant, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti u sabiex tevalwa l-elementi ta’ prova. Għalhekk, ħlief f’każ ta’ żnaturament, l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-elementi ta’ prova ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt li huwa suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

71.

Għall-kuntrarju, meta appellanti tikkontesta l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza, il-punti ta’ dritt eżaminati fl-ewwel istanza jistgħu jerġgħu jiġu diskussi mill-ġdid matul il-proċedura tal-appell. Fil-fatt, li kieku appellanti ma tkunx tista’ tibbaża l-appell tagħha fuq il-motivi u l-argumenti li kienu diġà ntużaw quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-imsemmija proċedura tkun imċaħħda minn parti mis-sens tagħha ( 17 ).

72.

F’dak li jirrigwarda l-fondatezza tat-tielet aggravju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94, fi proċedimenti quddiemu l-UASI għandu jeżamina l-fatti fuq l-inizjattiva tiegħu stess; madanakollu, fi proċedimenti li jirrigwardaw raġunijiet relattivi għal rifjut ta’ reġistrazzjoni, l-Uffiċċju għandu jkun ristrett għal eżaminazzjoni ta’ fatti, ta’ provi u ta’ argumenti ppreżentati mill-partijiet u tar-rimedji mitluba. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li applikant li jirreferi għall-fatti magħrufa jista’ jikkontesta l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Bord tal-Appell dwar in-notorjetà quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

73.

Madankollu, il-konstatazzjoni, mill-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-fatti li huma magħrufa, inkluż il-fatt li s-sinjal OBELIX huwa magħruf, li fuqhom ibbaża d-deċiżjoni tiegħu l-Bord tal-Appell tal-UASI tikkostitwixxi evalwazzjoni ta’ natura fattwali li, ħlief fil-każ ta’ żnaturament, ma taqax taħt l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell ( 18 ). Madankollu ma jidher ebda żnaturament fil-każ preżenti.

74.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta, fil-punti 32 sa 36 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-evalwazzjoni ġuridika dwar kemm is-sinjal OBELIX huwa magħruf u dwar il-karattru distintiv tiegħu ma kinitx issostanzjata biżżejjed b’fatti u bi provi.

75.

Għalhekk it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud peress li mhuwiex fondat.

D — Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba ċ-ċaħda tat-talba intiża sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma ġiex applikat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

1. L-argumenti tal-partijiet

76.

Skont l-appellanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, meta ddikjarat bħala inammissibbli t-talba magħmula mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza intiża sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata minħabba li l-Bord tal-Appell ma applikax l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Hija ssostni li l-Qorti tal-Prim’Istanza wettqet żball ta’ liġi meta bbażat ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tas-suġġett tal-proċediment ta’ appell u fl-istess ħin ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Bord tal-Appell ma setax sempliċement jeżamina l-fatti jew il-provi invokati quddiemu, iżda kellu jifrex l-analiżi tiegħu fuq il-fatti prodotti fl-ewwel istanza, anki jekk din il-kwistjoni ma ġietx imqajma fil-motivi tal-appell.

77.

L-appellanti tafferma li, għalkemm l-argumenti li hija invokat quddiem il-Bord tal-Appell kienu jirrigwardaw l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk wieħed jaqra b’mod raġjonevoli d-dokumenti prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni u ta’ appell jinduna li l-appellanti qatt ma waqfet tafferma li hija proprjetarja tat-trade mark OBELIX, li hija protetta fl-istess ħin bħala trade mark Komunitarja rreġistrata, bħala trade mark magħrufa fis-sens tal-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u bħala trade mark famuża. L-appellanti sostniet konsistentement li trade mark magħrufa u li taqa’ taħt l-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 hija wkoll trade mark li għandha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

78.

Il-konstatazzjoni tal-Bord tal-Appell li l-appellanti llimitat espressament l-appell tagħha għall-kwistjonijiet dwar l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 40/94 hija ineżatta, u din ġiet ikkontestata mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti qajmet ukoll ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 8(2) u (5) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex tipprova li t-trade marks protetti minn dawn id-dispożizzjonijiet illum għandhom l-istess tifsira. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ma eżaminatx il-mertu ta’ dan l-argument fis-sentenza appellata, peress li ddeċidiet li dik it-talba kienet inammissibbli.

79.

L-UASI jirrispondi li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. Fil-fatt, fl-att ta’ oppożizzjoni tagħha, l-applikanta, filwaqt li għażlet il-kaxxi rilevanti, ibbażat l-oppożizzjoni tagħha fuq żewġ motivi — il-probabbiltà ta’ konfużjoni ma’ trade mark preċedenti u l-benefiċċju miksub indebitament mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ trade mark preċedenti jew il-preġudizzju mġarrab minnha —, meta hija pproduċiet il-provi in sostenn tal-oppożizzjoni tagħha. Madankollu, l-appellanti ma invokatx dan l-aħħar motiv ta’ oppożizzjoni bbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Minkejja dan in-nuqqas ta’ prova, id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-UASI semmiet din id-dispożizzjoni filwaqt li ppreċiżat li ma kienx meħtieġ li ssir analiżi tal-fondatezza tal-oppożizzjoni fid-dawl tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 inkwantu s-sinjali ma kienux simili. Meta hija appellat kontra din id-deċiżjoni, l-appellanti ma talbitx lill-Bord tal-Appell sabiex japplika l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas semmiet din id-dispożizzjoni fl-espożizzjoni tal-motivi. Fid-dawl ta’ dan u tal-fatt li l-appellanti qatt ma identifikat it-trade mark preċedenti li l-karattru tagħha jew ir-reputazzjoni tagħha kienu ser jiġu ppreġudikati bl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, il-Bord tal-Appell ikkonkluda li d-dokumenti prodotti fil-kuntest tal-proċedimenti tal-oppożizzjoni iktar kienu intiżi biex juru kemm kienet magħrufa t-trade mark mhux reġistrata, li kienet ġiet ippreżentata bħala waħda miż-żewġ drittijiet preċedenti, jew possibbilment il-karattru distintiv kweżit tat-trade mark irreġistratat, milli r-reputazzjoni tagħha fis-sens tal-Artikolu (5) tar-Regolament Nru 40/94. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ma ddeċidiex fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94.

80.

Madankollu, minflok ma affermat li l-Bord tal-Appell kien kiser l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94 meta naqas milli jeżamina l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40.94, l-appellanti, fir-rikors ippreżentat sussegwentement fil-Qorti tal-Prim’Istanza, sostniet li l-istess Bord kien kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Peress li l-Bord tal-Appell ma kienx analizza l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza ġustament ikkonkludiet li, fid-dawl tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti ma setgħetx titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiddeċiedi fuq talba intiża sabiex tiġi applikata dik id-dispożizzjoni.

2. Evalwazzjoni tal-Avukat Ġenerali

81.

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-appellanti, fl-oppożizzjoni tagħha u fl-appell preliminari tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, ma talbitx li tiġi mistħarrġa l-legalità taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell ( 19 ) u mill-atti tal-partijiet fil-kuntest ta’ dan l-appell, kif ukoll mis-sentenza appellata u mir-rapport għas-seduta tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-motiv tal-ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 kien tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

82.

L-istess bħalma ssostni l-appellanti ( 20 ), jeħtieġ li jiġi nnutat li huwa pjuttost diffiċli li ssir distinzjoni bejn it-trade marks magħrufa u dawk li għandhom reputazzjoni. Fil-fatt, hemm xebh bejn l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament Nru 40/94, minn naħa, u l-Artikolu 8(5) tal-istess regolament, min-naħa l-oħra. Madankollu, mir-riferiment għall-karattru magħruf sew fil-kuntest tal-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament 40/94 ma jistax jinsilet ukoll riferiment għall-Artikolu 8(5) ta’ dan l-istess regolament li jikkonċerna sitwazzjoni fejn il-prodotti u s-servizzi ta’ żewġ trade marks, li waħda minnhom għandha reputazzjoni fil-Komunità, ma jkunux simili. Interpretazzjoni fis-sens li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 huwa biss il-kontinwazzjoni tal-Artikolu 8(1) u (2) tal-istess regolament u li dawn għandhom jiġu analizzati flimkien, minkejja li l-Artikolu 8(5) ma kienx ġie invokat quddiem l-UASI, ma tieħux inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(5). Fil-fatt, mill-perspettiva ta’ interpretazzjoni sistematika, kemm mis-sistema interna u kif ukoll mis-sistema esterna tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li huma involuti kriterji differenti li jinsabu fil-paragrafi 1, 2 u 5. Is-sistema esterna — jiġifieri l-istruttura tat-test — turi b’mod ċar li l-paragrafi 1, 2 u 5 tal-Artikolu 8 tal-istess regolament huma paragrafi separati. Skont is-sistema interna — jiġifieri l-organizzazzjoni tal-kontenut tat-test — l-għanijiet ta’ dawn il-paragrafi huma differenti ( 21 ).

83.

Minn din il-perspettiva, peress li r-rikorrenti naqset milli tikkontesta l-legalità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u tal-Bord tal-Appell taħt l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, hija ma tistax tagħmel tajjeb għan-nuqqas tagħha billi tirreferi għal dispożizzjonijiet simili.

84.

Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ proċedura kontenzjużi dwar l-annullament ta’ deċiżjoni magħmula quddiem il-qorti Komunitarja, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi analizzata fid-dawl tal-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat dak l-att ( 22 ). L-istess japplika fil-kuntest ta’ proċeduri kontenzjużi taħt l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rikors li jsir taħt dan l-artikolu għandu bħala għan l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94. Fil-fatt, minkejja li, skont l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94, il-Qorti tal-Prim’Istanza “għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata”, din id-dispożizzjoni għandha tinqara fid-dawl tal-paragrafu preċedenti, li jipprovdi li “[i]l-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, ta’ dan ir-Regolament jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”, u fil-kuntest tal-Artikoli 229 KE u 230 KE. Għalhekk, l-istħarriġ ta’ legalità eżerċitat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Bord tal-Appell għandu jsir b’referenza għall-punti ta’ dritt li kienu tqajmu quddiem il-Bord tal-Appell. ( 23 ) Huwa paċifiku li l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 ma kienx is-suġġett tal-punti ta’ dritt li tqajmu quddiem il-Bord tal-Appell.

85.

Għaldaqstant, l-appellanti ma setgħetx tikseb mingħand il-Qorti tal-Prim’Istanza deċiżjoni dwar dan il-motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba ċ-ċaħda tat-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma ġiex applikat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, motiv dan li ma tqajmux fil-fażi amministrattiva tal-proċedura quddiem l-UASI.

86.

Meta hija ċaħdet il-motiv, ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, bħala inammissibbli, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kisritx l-Artikoli 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza meta hija ċaħdet it-talba intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li ma ġiex applikat l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Dan l-aggravju huwa infondat.

E — Fuq il-ħames aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikoli 44, 48 u 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba li ġiet iddikjarata inammissibbli t-talba intiża sabiex il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell

1. L-argumenti tal-partijiet

87.

L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza kisret l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikoli 44, 48 u 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza inkwantu hija ddikjarat bħala inammissibbli t-talba, magħmula in subsidium waqt is-seduta, intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tibgħat lura l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ ġġib prova dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark OBELIX. Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, l-appellanti talbet li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza taċċetta t-talba prinċipali li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 jew li tiddeċiedi hija stess fuq l-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, din għandha fi kwalunkwe każ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Bord tal-Appell sabiex l-appellanti tkun tista’ tipprova din il-pretensjoni quddiem il-Bord tal-Appell.

88.

L-appellanti ssostni li, fl-ewwel lok, it-talba sabiex il-kawża tintbagħat lura quddiem il-Bord tal-Appell sabiex hija tkun tista’ tipprova l-pretensjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex talba “ġdida”, imma talba sussidjarja għat-talba prinċipali bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94. Din it-talba hija neċessarjament sussidjarja għat-talba prinċipali u għalhekk ma tikkostitwixxix talba “ġdida” fis-sens tas-sentenza appellata. Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tidher li qieset il-kunċett ta’ “suġġett” użat fl-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha bħala li jinbidel kull darba li tiżdied “talba” mat-talba oriġinali, irrispettivament min-natura tagħha jew mill-kuntest tagħha. Is-suġġet tal-kontroversja quddiem il-Bord tal-Appell kien dwar jekk MOBILIX setgħetx tiġi rreġistrata bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti kollha, jew parti minnhom, li għalihom saret l-applikazzjoni, u dan minħabba l-oppożizzjoni magħmula mir-rikorrenti abbażi tat-trade mark tagħha OBELIX. L-appellanti bl-ebda mod ma biddlet dan is-suġġett u t-talba prinċipali intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell kienet neċessarjament tinkludi t-talbiet kollha f’dak ir-rigward.

89.

L-appellanti tenfasizza li l-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jipprekludix, la espressament u lanqas impliċitament, li, fil-kuntest ta’ talba prinċipali, isiru talbiet sussidjarji fi stadju tal-proċedimenti wara l-preżentata tar-rikors promotur. Bl-istess mod, l-Artikolu 48 tal-istess Regoli tal-Proċedura ma fihx tali projbizzjoni.

90.

L-UASI jsostni li dan l-aggravju huwa manifestament infondat. Barra minn hekk, din it-talba li saret in subsidium hija bbażata fuq motiv ġdid li jipprovdi li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(1) tar-Regolament Nru 40/94 meta naqas milli jiddeċiedi fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament imsemmi, u ma tqajjimx mir-rikorrenti ħlief meta hija indunat li l-motiv tagħha bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(5) kien inammissibbli. Peress li din it-talba sussidjarja ma ġietx ippreżentatat ħlief fl-istadju tas-seduta, il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet leġittimament tiddikjaraha bħala inammissibbli filwaqt li tinvoka l-Artikoli 44 u 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

2. Evalwazzjoni

91.

Kif diġà ġie mfakkar fil-punti 57 sa 70, fir-rigward tal-irregolaritajiet proċedurali possibbli, skont l-Artikolu 225(1) KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. Skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, l-appell jista’ jkun ibbażat fuq motivi ta’ inkompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ta’ ksur tal-proċedura quddiemha li tagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant kif ukoll ta’ ksur tad-dritt Komunitarju mill-Qorti tal-Prim’Istanza ( 24 ). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biex tistħarreġ jekk kienx hemm xi ksur tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li jagħmel ħsara lill-interessi tal-appellant u għandha tassigura li l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u r-regoli tal-proċedura applikabbli fil-qasam tal-piż u l-amministrazzjoni tal-provi ġew irrispettati ( 25 ).

92.

It-talbiet li għalihom isir riferiment fl-Artikolu 38(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 44(1)(d) tar-Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jistabbilixxu s-suġġett tal-kawża ( 26 ) u jinkludu d-dispożittiv tad-deċiżjoni li r-rikorrenti tkun tixtieq tikseb mingħand il-qorti Komunitarja ( 27 ). Konsegwentement, dawn huma parti mis-suġġett tal-kawża u għandhom jiġu msawra fir-rikors.

93.

Għalkemm il-qorti Komunitarja taċċetta l-ammissibbiltà tat-talbiet li jsiru in subsidium (eventualiter) f’każ li t-talbiet prinċipali (principaliter) tar-rikors promotur jiġu miċħuda ( 28 ), is-sitwazzjoni tkun differenti jekk it-talbiet sussidjarji jsiru matul il-kawża, ossija anki waqt is-seduta. Fil-fatt, dawn it-talbiet, għalkemm magħmulin in subsidium, huma talbiet ġodda li jbiddlu s-suġġett tal-kawża, peress li huma jesprimu talba li tkun saret wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ordni pubbliku previst sabiex wieħed ikun jista’ jippreżenta rikors u li għandha tiġi eżaminata f’każ li t-talbiet prinċipali jiġu miċħuda.

94.

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja jippermetti lir-rikorrenti biex, f’każ eċċezzjonali, tinvoka motivi ġodda in sostenn tat-talbiet li hija tkun għamlet fl-att promotur. Mill-banda l-oħra, din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tikkontempla l-possibbilità li rikorrenti tippreżenta talbiet ġodda ( 29 ). Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jippermettu, f’ċerti ċirkustanzi, il-preżentata ta’ motivi ġodda matul il-kawża. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet fl-ebda każ ma jistgħu jiġu interpretati bħala li jawtorizzaw lill-partijiet rikorrenti sabiex ipoġġu talbiet ġodda quddiem il-qorti Komunitarja jew sabiex ibiddlu b’hekk is-suġġett tal-kawża ( 30 ).

95.

Madankollu, huwa permess li ssir riformulazzjoni tal-talbiet oriġinali sakemm din sempliċement tippreċiża t-talbiet li jkun hemm fir-rikors u sakemm it-talbiet riformulati jibqgħu sekondarji meta mqabbla mat-talbiet oriġinali ( 31 ).

96.

Jeħtieġ għalhekk li jiġi eżaminat jekk it-talbiet li jsiru in subsidium fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mir-rikorrenti jammontawx għal riformulazzjoni tat-talbiet eżistenti jew għal talbiet ġodda.

97.

Bit-talbiet sussidjarji tagħha, l-appellanti essenzjalment talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex, filwaqt li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Bord tal-Appell sabiex hija jkollha l-possibbiltà li tipprova li t-trade mark tagħha għandha reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94, tordna lill-UASI jeżamina l-mertu tal-pretensjonijiet tagħha. Jeħtieġ li jiġi osservat li t-talbiet magħmula in subsidium mhumiex intiżi sabiex jiġu ppreċiżati l-effetti tal-annullament, kif tippretendi l-appellanti, imma sabiex tinħareġ ordni indirizzata lill-UASI. Skont l-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/904, l-UASI huwa marbut li jieħu l-miżuri meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ qorti Komunitarja. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tindirizza ordni lill-UASI. Huwa dan tal-aħħar, fil-fatt, li għandu jiġbed il-konsegwenzi mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ( 32 ).

98.

Għandu jiġi kkonstatat li b’hekk l-appellanti ppreżentat talba ġdida in subsidium, li biha hija kienet qiegħda titlob li tinħareġ ordni lill-UASI. B’hekk hija pprovat tbiddel is-suġġett tal-kawża.

99.

Il-Qorti tal-Prim’Istanza setgħet leġittimament tiċħad bħala inammissibbli t-talbiet magħmula in subsidium fis-seduta bħala li huma talbiet ġodda u dan mingħajr ma twettaq ebda żball ta’ liġi.

100.

Dan l-aggravju ma jistax jintlaqa’.

F — Fuq is-sitt aggravju, ibbażat fuq allegat ksur tal-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza minħabba r-rifju li jiġu ammessi ċerti dokumenti

1. L-argumenti tal-partijiet

101.

L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tikser l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 u l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, inkwantu hija ddikjarat li ċerti dokumenti prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza huma inammissibbli. Fil-fatt, skont l-appellanti, ir-Regoli tal-Proċedura ma fihom ebda projbizzjoni fir-rigward tal-produzzjoni ta’ elementi ta’ prova quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

102.

L-appellanti tikkritika l-mod kif il-Qorti tal-Prim’Istanza fehmet il-kunċett tas-suġġett tal-kawża li jinsab fl-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-istess Qorti. Fil-fatt, il-fatti li l-appellanti ressqet biex issostni l-argumenti tagħha mhumiex parti mis-“suġġett”, imma huma elementi ta’ prova fil-kawża. Huwa biss minħabba li l-Bord tal-Appell, bħala l-aħħar istanza fil-proċedura amministrattiva, qies li dawn l-elementi ta’ prova ma kinux biżżejjed bħala prova tal-pretensjonijiet tal-appellanti li din l-istess appellanti ġabet elementi ta’ prova ġodda quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

103.

Skont l-appellanti, huwa inkompatibbli wkoll mar-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kwalità ta’ istanza ġudizzjarja tal-ewwel grad li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-UASI, li tirrifjuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ prova prodotti quddiemha.

104.

L-UASI jfakkar li r-rwol tal-Qorti tal-Prim’Istanza huwa li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet tal-Appell u mhux li tivverifika jekk, fil-mument meta hija tiddeċiedi fuq rikors kontra deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-UASI, hija tistax legalment tadotta deċiżjoni ġdida li jkollha l-istess dispożittiv bħad-deċiżjoni kkontestata. Minn dan isegwi li l-UASI ma jista’ jiġi akkużat bl-ebda illegalità fir-rigward tal-elementi ta’ fatt li ma ġewx prodotti quddiemu. L-elementi ta’ fatt li jinġiebu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza mingħajr ma jkunu tressqu qabel quddiem l-istanzi tal-UASI għandhom jiġu mwarrba.

2. Evalwazzjoni

105.

Bħalma fakkart fil-punti 57, 70 u 91, l-appell għandu jkun limitat għal punti ta’ dritt. B’hekk, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti biex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll biex tevalwa l-elementi ta’ prova. Għaldaqstant l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u elementi ta’ prova, ħlief fil-każ tal-iżnaturament tagħhom, ma tikkostitwixxix punt ta’ dritt suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell.

106.

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, f’każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja mhijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti u lanqas, bħala regola ġenerali, li teżamina l-provi li l-Qorti tal-Prim’Istanza aċċettat in sostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, sakemm dawn il-provi nkisbu legalment, u sakemm il-prinċipji ġenerali ta’ dritt u r-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-piż u tal-amministrazzjoni tal-provi jkunu ġew imħarsa, hija biss il-Qorti tal-Prim’Istanza li hija kompetenti sabiex tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-elementi mressqa quddiemha. Għaldaqstant, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-elementi ta’ prova ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, punt ta’ dritt suġġett għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 33 ).

107.

Għalkemm l-appellanti tirreferi għall-kwistjoni jekk, meta l-provi offruti fil-forma ta’ ħames dokumenti ġew iddikjarati bħala inammissibbli, ġewx miksura r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din fir-realtà tirrigwarda motiv ibbażat fuq l-iżnaturament tal-elementi tal-prova.

108.

Madankollu, f’dan il-każ, ma jidher li hemm ebda żnaturament tal-elementi tal-prova u lanqas ksur tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

109.

Issa, jekk wieħed jassumi li l-ħames dokumenti prodotti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jistgħu juru kemm huwa magħruf is-sinjal OBELIX, dawn ma ġewx prodotti quddiem l-UASI fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata u ma ġewx diskussi hemmhekk fil-ħin propizju, jiġifieri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċeduri kontenzjużi dwar l-annullament tad-deċiżjoni magħmula quddiem il-qorti Komunitarja, il-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi eżaminata skont l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta l-att ikun ġie adottat ( 34 ).

110.

Meta, fil-punt 16 tas-sentenza tagħha, irreferiet għall-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza riedet tenfasizza n-natura tal-proċeduri kontenzjużi għal annullament. Huwa paċifiku li l-ħames dokumenti ma ġewx ippreżentati quddiem l-UASI. Biex dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni, dawn kellhom jiġu ppreżentati matul il-proċedimenti amministrattivi quddiem l-UASI.

111.

Is-sitt aggravju huma mingħajr effett.

112.

Jeħtieġ għalhekk li l-appell kollu tal-appellanti jiġi miċħud.

VI — Spejjeż

113.

Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplikaw għall-appelli skont l-Artikolu 118 tal-istess Regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż. Konsegwentement, jekk, kif jien qiegħed nipproponi, l-aggravji kollha invokati mill-appellanti jiġu miċħuda, l-istess appellanti għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tal-appell.

VII — Konklużjoni

114.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1)

tiċħad l-appell, u

2)

tikkundanna lil Les Éditions Albert René SARL għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 1994, L 11, p. 1.

( 3 ) ĠU 1991, L 136, p. 1, ikkoreġuti fil-ĠU 1991, L 317, p. 34.

( 4 ) Ara l-punt 5 tas-sentenza kkontestata.

( 5 ) ĠU 2004, L 361, p. 15.

( 6 ) Fasching, W., Zivilprozeßrecht, It-Tieni Edizzjoni, Vjenna, 1990, p. 883; Rosenberg, L., Schwab, K.-H., Gottwald, P., Zivilprozessrecht, Edizzjoni Sittax, Munich, 2004, p. 983 kif ukoll Rechberger, W, u Simotta, D.-A., Zivilprozessrecht, Is-Sitt Edizzjoni, Vjenna, 2003, p. 454 u 455.

( 7 ) Rechberger, W, u Simotta, D.-A., iċċitati aktar ’il fuq, p. 455. L-awturi jenfasizzaw li r-riforma ta’ sentenza għall-benefiċċju tal-parti intimata mhijiex possibbli ħlief jekk l-istess intimata tkun ressqet hija wkoll rikors kontra l-istess deċiżjoni quddiem l-istess qorti.

( 8 ) Fasching, W., Zivilprozeßrecht, p. 884.

( 9 ) Fuq id-definizzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku fid-dritt Komunitarju, ara Lenaerts, K., Arts, D., Maselis, I. u Bray R.,“Procedural Law of the European Union”, It-Tieni Edizzjoni, Londra, 2006, p. 288 u 289; Sladič, J., “Die Begründung der Rechtsakte des Sekundärrechts der EG in der Rechtsprechung des EuGH und des EuG”, Zeitschrift für Rechtsvergleichung, internationales Privatrecht und Europarecht, 46(2005), p. 127, u Castillo de la Torre, F, “Le relevé d’office par la juridiction communautaire”, Cahiers de droit européen, 3-4/2005, p. 395(421).

( 10 ) Għandu jiġi kkonstatat li l-kunċett tal-motivi, li huwa tipiku per eżempju għal-liġi Franċiża u Belġjana, jikkorrispondi pjuttost mill-qrib għall-kunċett li kellu d-dritt Ruman ta’ l-“actio”. L-applikazzjoni ta’ din is-sistema quddiem il-qorti Komunitarja u d-diviżjoni bejn motivi ta’ ordni pubbliku u motivi ta’ legalità sostantiva jiġu ġustament ikkritikati fid-dottrina mill-ex-Imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, l-ex-Imħallef Ġermaniż Ulrich Everling jikkunsidra li l-partijiet li ma jkunux mill-pajjiżi li għandhom tradizzjoni ġuridika Rumana jsibu ċerti diffikultajiet b’din is-sistema minħabba s-separazzjoni ta’ l-elementi inseparabbli quddiem il-qorti (Everling, U., “Das Verfahren der Gerichte der EG im Spiegel der verwaltungsgerichtlichen Verfahren der Mitgliedstaaten”, Die Ordnung der Freiheit : Festschrift für Christian Starck zum siebzigsten Geburtstag. 2007, p. 542)

( 11 ) Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fil-11 ta’ Frar 2003, fil-kawża Buzzi Unicem vs Il-Kummissjoni (sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C-204/00 P, C-211/00 P, C-213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, Ġabra p. I-123), Ġabra p. I-267, punt 217).

( 12 ) Rapport għas-seduta fil-kawża T-336/03, punti 31 sa 33.

( 13 ) Ibidem, punti 34 u 35.

( 14 ) Sentenza tal-15 ta’ Settembru 2005, BioID vs L-UASI (C-37/03 P, Ġabra p. I-7975, punt 43).

( 15 ) Digriet tad-9 ta’ Marzu 2007, Alecansan vs L-UASI (C-196/06 P, punt 37).

( 16 ) It-test ta’ dan il-punt huwa s-segwenti: “Minn dan isegwi li, fil-kawża preżenti, id-differenzi kunċettwali li jiddistingwu s-sinjali inkwistjoni huma ta’ natura li jinnewtralizzaw ix-xebh fonetiku kif ukoll kull xebh viżiv imsemmi iktar ’il fuq.”

( 17 ) Sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2006, Storck vs L-UASI (C-25/05 P, Ġabra p. I-5719, punt 48).

( 18 ) Ibidem, punt 53.

( 19 ) Deċiżjoni tar-Raba’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-14 ta’ Lulju 2003, Każ R 559/2002 — 4, punt 7.

( 20 ) Appell, punt 143.

( 21 ) Fuq il-kunċetti tas-sistemi interni u esterni, ara Heck, P.,“Das Problem der Rechtsgewinnung”, Gesetzesauslegung und Interessenjurisprudenz, Begriffsbildung und Interessenjurisprudenz, Berlin, Żjurik, 1968, p. 188-189.

( 22 ) Sentenza tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il-Kummissjoni (15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7). F’din il-kawża, ir-Repubblika Franċiża kienet ikkontestat il-legalità ta’ ċerti deċiżjonijiet relattivi għall-approvazzjoni tal-kontijiet ippreżentati mir-Repubblika Franċiża bħala spejjeż għas-snin 1971 u 1972 iffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) billi bbażat ruħha fuq ir-regolarizzazzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ l-anomaliji li ġew ikkonstatati.

( 23 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs L-UASI — Nuova Sala (PARMITALIA) (T-373/03, Ġabra p. II-1881, punt 25).

( 24 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, (C-185 /95 P, Ġabra p. I-8417, punt 18).

( 25 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, TEAM vs Il-Kummissjoni (C-13/99 P, Ġabra p. I-4671, punt 36).

( 26 ) Rideau J., u Picod F., “Code des procédures juridictionnelles de l’Union européenne”, It-Tieni Edizzjoni, Pariġi, 2002, p. 592.

( 27 ) Lenaerts, K., Arts, D., Maselis, I., u Bray R., iċċitati aktar ‘il fuq, p. 553.

( 28 ) Rideau, J., u Picod, F., Code des procédures juridictionnelles de l’Union européenne, iċċitat iktar ’il fuq, p. 592. Għad-dottrina dwar it-talbiet in subsidium, ara Rosenberg, L., Schwab, K.-H., u Gottwald, P., Zivilprozessrecht, iċċitati aktar ’il fuq, p. 649.

( 29 ) Sentenza tat-18 ta’ Ottubru 1979, GEMA vs Il-Kummissjoni (125/78, Ġabra p. 3173, punt 26).

( 30 ) Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1992, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, (T-28/90, Ġabra p. II-2285, punt 43).

( 31 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1998, Vicente-Nufiez vs Il-Kummissjoni, T-100/96, Ġabra SP p. I-A-591 u II-1779, punt 51, u tat-2 ta’ Ġunju 2005, Strohm vs Il-Kummissjoni (T-177/03, Ġabra p. I-A-147 u II-651, punt 21).

( 32 ) Sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2001, Mitsubishi HiTec Paper Bielefeld vs L-UASI (Giroform) (T-331/99, Ġabra p. II-433, punt 33); tas-27 ta’ Frar 2002, Eurocool Logistik vs L-UASI (EUROCOOL) (T-34/00, Ġabra p. II-683, punt 12); tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI — Anheuser-Busch (BUDMEN) (T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 22) u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Settembru 2006, Hensotherm vs L-UASI, (T-366/04, Ġabra p. II-65, punt 17).

( 33 ) Sentenza tal-25 ta’ Jannar 2007, Sumitomo Metal Industries u Nippon Steel vs Il-Kummissjoni (C-403/04 P u C-405/04 P, Ġabra p. I-729, punt 38).

( 34 ) Sentenza Franza vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 7.