KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SHARPSTON
ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2007 ( 1 )
Kawżi magħquda C-5/06 u C-23/06 sa C-36/06
Zuckerfabrik Jülich AG, qabel Jülich AG
vs
Hauptzollamt Aachen u Saint Louis Sucre SNC et vs Directeur général des douanes et droits indirects u Receveur principal des douanes et droits indirects de Gennevilliers
“Zokkor — Taxxi tal-produzzjoni — Regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti — Determinazzjoni tal-eċċess esportabbli — Determinazzjoni tat-telf medju”
1. |
Fil-kawżi preżenti l-Qorti tal-Ġustizzja hija mistoqsija jekk il-metodu ta’ kalkolu applikat mill-Kummissjoni biex tiffissa tal-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni maħsuba sabiex jiffinanzjaw l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor huwiex validu. Taxxi fuq il-produzzjoni huma intiżi b’mod partikolari sabiex jirriflettu l-ispejjeż lill-Komunità tar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, jew pagamenti li jsiru f’ċerti ċirkustanzi sabiex jikkumpensaw lill-produtturi taz-zokkor għall-fatt illi l-prezzijiet dinjija huma, ġeneralment, inqas mill-prezzijiet tal-Komunità sostnuti. Numru ta’ produtturi taz-zokkor jikkontestaw il-legalità ta’ żewġ aspetti tal-kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni. |
2. |
L-ewwel stadju ta’ dak il-kalkolu jirrikjedi li t-telf globali għal sena tas-suq partikolari jkun stmat qabel it-tmiem ta’ dik is-sena tas-suq permezz tal-multiplikazzjoni ta’ “l-eċċess li jista’ jkun esportat [eċċess esportabbli]” bil-“medja tat-telf [telf medju]” għal kull tunnellata. |
3. |
L-“eċċess esportabbli” huwa definit, essenzjalment, bħala l-produzzjoni ta’ zokkor mingħajr kwantitajiet ta’ zokkor “mwarrba għall-konsum fil-Komunità”. Dan il-kunċett tal-aħħar huwa definit, essenzjalment, bħala t-total ta’ ħażniet ta’ zokkor, produzzjoni ta’ zokkor u importazzjonijiet ta’ zokkor tal-ftuħ, mingħajr it-total ta’ ħażniet ta’ zokkor u zokkor esportat tal-għeluq. Zokkor esportat jinkludi zokkor esportat fl-istat naturali u zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati”. Il-produtturi taz-zokkor rikorrenti jissottomettu, l-ewwel, illi zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati u li fir-rigward tiegħu ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni m’għandux ikun ikkunsidrat bħala zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” għall-iskopijiet ta’ dan il-kalkolu. |
4. |
Il-“medja tat-telf” għal kull tunnellata hija definita, essenzjalment, bħala l-ammont totali ta’ rifużjonijet diviż bit-tunnellaġġ totali ta’ “obbligi ta’ l-esportazzjoni [li għandhom jitwettqu]” matul is-sena tas-suq ikkonċernata. Alternattivament, il-produtturi taz-zokkor rikorrenti jissottomettu li jekk (għall-kuntrarju tas-sottomissjoni ewlenija tagħhom) zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” jinkludi z-zokkor kollu ta’ dan it-tip, irrilevanti jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kinux imħallsa jew le,“obbligi ta’ esportazzjoni [li għandhom jitwettqu]” għandhom b’mod simili jinkludu l-esportazzjonijiet kollha taz-zokkor, inklużi dawk illi fir-rigward tagħhom ma jkunux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
5. |
Huwa kostanti li (għall-inqas) l-għan prinċipali tat-taxxa fuq il-produzzjoni huwa li jiġi żgurat li l-produtturi taz-zokkor jiffinanzjaw l-ispejjeż għar-rimi tal-eċċess ta’ produzzjoni tal-Komunità. Il-produtturi taz-zokkor jissottomettu li l-metodu tal-Kummissjoni sabiex tikkalkola t-taxxi jwassal sabiex huma jħallsu iktar minn dawk l-ispejjeż. |
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
Ir-regolament bażiku
6. |
L-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor kienet fiż-żmien rilevanti rregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 ( 2 ) (“ir-regolament bażiku”), li applika għas-snin tas-suq 2001/2002 sa 2005/2006 ( 3 ). |
7. |
Is-segwenti premessi ( 4 ) fil-preambolu għar-regolament bażiku huma rilevanti:
[…]
|
8. |
Il-leġiżlazzjoni għalhekk tipprovdi sabiex il-produtturi jħallsu l-ispejjeż tal-Komunità ( 6 ) biex twarrab il-produzzjoni eċċessiva permezz ta’ taxxa fuq il-produzzjoni, li hi kkalkolata skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku. L-Artikolu 15 ma jistax jiftiehem mingħajr l-informazzjoni segwenti. |
9. |
L-Artikolu 11(2) tar-regolament bażiku jistabbilixxi kwantità bażika A u kwantità bażika B għal kull reġjun li jipproduċi z-zokkor fil-Komunità ( 7 ). L-Artikolu 11(1) jirrikjedi illi l-Istati Membri jallokaw kwota A u B għal kull azjenda li tipproduċi zokkor, isoglukosju jew xropp tal-inulina ( 8 ) fit-territorju tagħhom matul is-sena tas-suq 2000/2001. Il-kwoti A u B huma suġġetti għal taxxa fuq il-produzzjoni b’rata differenti ( 9 ). Peress illi l-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw iz-zokkor biss, minn issa ’l quddiem se nikkunsidra biss il-leġiżlazzjoni safejn tikkonċerna dak il-prodott. |
10. |
Zokkor prodott f’sena tas-suq f’eċċess tat-total tal-kwoti A u B tal-azjenda kkonċernata, jew minn azjenda li m’għandhiex kwota, huwa referit bħala “zokkor Ċ”. Bħala regola ġenerali ( 10 ), iz-zokkor Ċ ma jistax jintrema fil-Komunità u jrid jiġi esportat mingħajr ma jkun ipproċessat iktar u mingħajr għajnuna għall-esportazzjoni qabel l-1 ta’ Jannar wara t-tmiem tas-sena tas-suq ikkonċernata ( 11 ). |
11. |
Il-kawżi inkwistjoni jikkonċernaw iz-zokkor A u B li ma kienx imwarrab għall-konsum fil-Komunità u għalhekk itwarrab permezz tal-esportazzjoni. |
12. |
Ir-regolament bażiku jistabbilixxi prezz ta’ intervent ( 12 ) u essenzjalment jirrikjedi lill-aġenzija ta’ intervent innominata minn kull Stat Membru li jipproduċi z-zokkor sabiex tixtri, bil-prezz ta’ intervent, zokkor offrut lilha ffabrikat permezz tal-kwota minn pitravi u kannamieli tal-Komunità ( 13 ). |
13. |
Barra minn hekk, jingħataw rifużjonijiet fuq il-produzzjoni fuq zokkor li joriġina minn Stati Membri jew li ġej minn pajjiżi terzi u b’ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri li jkun użat għall-manifattura ta’ ċerti prodotti tal-industrija tal-kimika. L-ammont tar-rifużjoni għandu jkun iffissat “wara li jiġu kkunsidrati partikolarment l-ispejjeż li joriġinaw mill-użu taz-zokkor importat li l-industrija tal-kimika kien ikollha tiffaċċja fil-każ tal-provvista fuq is-suq dinji” ( 14 ). |
14. |
Ir-regolament bażiku jistabbilixxi wkoll illi, safejn huwa meħtieġ sabiex iz-zokkor ikun jista’ jiġi esportat jew mingħajr iktar ipproċessar jew fil-forma tal-prodotti pproċessati elenkati fl-Anness V fuq il-bażi tal-prezzijiet dinjija, id-differenza bejn dawn il-prezzijiet u l-prezzijiet ġewwa l-Komunità tista’ tkun koperta minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 15 ). Ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni mhumiex għalhekk la obbligatorji u lanqas awtomatiċi. Dawn jingħataw fuq l-applikazzjoni jew il-preżentazzjoni tal-liċenzja rilevanti tal-esportazzjoni ( 16 ). |
15. |
Fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tat-taxxa fuq il-produzzjoni, kkontestat fil-kawżi preżenti, l-Artikolu 15 ( 17 ) essenzjalment jipprovdi dan li ġej:
|
16. |
Ser jidher għalhekk illi, peress li (i) it-telf globali jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, (ii) t-telf globali huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju, (iii) l-eċċess esportabbli huwa kkalkolat fuq il-bażi ta’, fost affarijiet oħra, kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità, u (iv) it-telf medju huwa affettwat mit-taxxi totali fuq l-obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu, il-mod li bih kemm il-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrba għall-konsum fil-Komunità u t-taxxi totali fuq obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu huma kkalkolati għandu impatt dirett fuq l-ammont tat-taxxa. |
17. |
Iż-żewġ argumenti fil-każijiet inkwistjoni jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ tnejn minn dawk il-kunċetti: l-ewwel, jekk il-kalkolu ta’ “l-eċċess esportabbli” għandux jinkludi zokkor esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsu ebda rifużjonjiet fuq l-esportazzjoni, u, it-tieni, jekk “l-obbligi ta’ esportazzjoni” għandhomx jinkludu l-esportazzjonijiet kollha, inklużi dawk li fir-rigward tagħhom ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
18. |
Dawn iż-żewġ kunċetti huma kkunsidrati f’iktar dettall fir-regolament li jimplementa r-regolament bażiku, li ser niddiskuti issa. |
Ir-regolament ta’ implementazzjoni
19. |
L-Artikolu 15(8) tar-regolament bażiku stabbilixxa r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15 sabiex ikun adottat mil-leġiżlazzjoni li timplementa, sabiex ikopri b’mod partikolari l-ammonti ta’ taxxi li għandhom ikunu miġbura. Fuq il-bażi ta’ (fost affarijiet oħra) dik id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 314/2002 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ kwoti fis-settur taz-zokkor ( 21 ) (“ir-regolament ta’ implementazzjoni”). |
20. |
Ir-regolament ta implementazzjoni jipprovdi (fost affarijiet oħra) għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet taz-zokkor imbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-regolament bażiku u d-definizzjoni ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. |
21. |
L-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jistabbilixxi li l-kwantitajiet mbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità huma (i) kwantitajiet totali ta’ zokkor maħżun fil-bidu tas-sena tas-suq, zokkor prodott taħt il-kwoti A u B, zokkor importat fl-istat naturali u zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati importati, mingħajr (ii) kwantitajiet totali ta’ zokkor esportat fl-istat naturali, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, zokkor maħżun fit-tmiem tas-sena tas-suq u (essenzjalment) zokkor użat fl-industrija tal-kimika ( 22 ). Dak il-kliem jidher li jirrikjedi li l-kwantitajiet f’(ii) jinkludu kull zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, kemm jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu imħallsa fuq iz-zokkor u kemm jekk ma kinux. |
22. |
L-Artikolu 6(5) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiddefinixxi “obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ” bħala, essenzjalment, iz-zokkor kollu li għandu jkun esportat fl-istat naturali b’rifużjonijiet jew taxxi fuq l-esportazzjoni stabbiliti minn offerti miftuħa fir-rigward ta’ dik is-sena tas-suq jew fuq il-bażi tal-liċenzji ta’ esportazzjoni maħruġa matul dik is-sena tas-suq u l-esportazzjonijiet ta’ zokkor fil-forma ta’ prodotti pproċessati prevedibbli kollha ma’ rifużjonijiet jew taxxi fuq l-esportazzjoni stabbiliti għal dak il-għan matul dik is-sena tas-suq, b’dawn il-kwantitajiet mifruxa ugwalment matul dik is-sena tal-bejgħ ( 23 ). Jidher illi l-Kummissjoni, għall-inqas mill-2003, interpretat “obbligi ta’ esportazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(5) bħala li jinkludu zokkor li għandu jkun esportat b'-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fissi u fil-fatt imħallsa, bl-esklużjoni ta’ zokkor li għandu jkun esportat b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fissi u mhux fil-fatt imħallsa. |
23. |
Ir-riżultat tal-inklużjoni taz-zokkor kollu inkluż f'prodotti pproċessati esportati għall-finijiet tat-tieni element tal-kalkolu preskritt mill-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa illi “l-kwantitajiet mbassra mwarrba għall-konsum fil-Komunità” huma inqas milli jkunu kieku z-zokkor kollu li għandu jkun esportat fi prodotti proċessati ma jkunx inkluż. Dan min-naħa l-oħra jżid “l-eċċess esportabbli” u, fl-aħħar mill-aħħar, l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni. |
24. |
Jidher illi l-effett ta’ dik iż-żieda huwa sinjifikanti. Huwa kostanti fil-kawżi inkwistjoni li f’ħafna okkażjonijiet ( 24 ) il-produtturi taz-zokkor ma jitolbux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ zokkor inkorporat fi prodotti pproċessati esportati. Dan iseħħ apparentament għal żewġ raġunijiet ewlenin. L-ewwel, il-kwantitajiet involuti f’okkażjoni partikolari ħafna drabi jfissru li l-produttur ma jkunx jaqbillu jimla u jissottometti l-formuli neċessarji. It-tieni, anke meta l-kwantitajiet jistgħu fil-prinċipju jwasslu għall-intitolament ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni vantaġġjuża, il-produttur jista’ xorta waħda jsib illi huwa diffiċli, b’mod mhux proporzjonali, li jipprovdi l-provi tal-ammont preċiż ta’ zokkor użat fil-prodott, li fuqu jiddependi l-ammont ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni. |
25. |
It-taxxi tal-produzzjoni għas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004 kienet stabbilti permezz tar-Regolamenti Nru 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 ( 25 ) rispettivament. |
Il-fatti li wasslu għall-kawżi prinċipali
26. |
Il-kawżi quddiem il-qrati tar-rinviju huma kontestazzjonijiet minn produtturi taz-zokkor rigward l-iffissar tat-taxxi tal-produzzjoni għal, skont il-każ, is-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004. |
Kawża C-5/06 Jülich
27. |
Fil-Kawża C-5/06 Jülich, il-produttur jilmenta essenzjalment illi l-Kummissjoni, fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità użati fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, ma kellhiex tinkludi, zokkor esportat mill-Komunità fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma kinux tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, peress illi ma rriżulta ebda telf għall-baġit tal-Komunità minn dawk l-esportazzjonijiet. Alternattivament, fid-determinazzjoni tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, il-Kummissjoni jmissha inkludiet ukoll il-kwantità li fir-rigward tagħha ma tħallsux rifużjonijiet. Ma kienx hemm ġustifikazzjoni objettiva għall-kunsiderazzjoni ta’ kwantitajiet differenti fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor. L-effett kien dak illi t-taxxi kienu iktar mill-ispejjeż attwali li jkopru t-telf assoċjat mal-esportazzjonijiet. |
28. |
Fuq il-bażi tat-taxxi tal-produzzjoni kkalkolati b’dan il-mod, Jülich kellha tħallas EUR 7.3 miljun għas-sena tas-suq 2003/2004. Hija tikkunsidra li l-figura korretta hija ta’ EUR 3.7 miljun. Għaldaqstant hija kkuntestat l-evalwazzjoni quddiem il-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi), Düsseldorf. |
29. |
Dik il-qorti għandha dubji dwar jekk id-determinazzjoni magħmula mill-Kummissjoni rigward ir-rati ta’ taxxa stabbiliti skont ir-Regolament Nru 1775/2004 hijiex kumpatibbli mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, safejn il-kwantitajiet ta’ zokkor li kienu esportati fil-forma ta’ prodotti pproċessati u li fir-rigward tagħhom ma kinux imħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu inklużi fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli. |
30. |
Il-qorti tar-rinviju tosserva illi, kif inhu evidenti mill-preambolu għar-regolament bażiku, l-iskop li jkunu imposti taxxi tal-produzzjoni huwa li l-produtturi jkunu responsabbli għall-ispejjeż li jirriżultaw mir-rimi ta’ dik il-parti tal-produzzjoni tal-Komunità li hija żejda għall-konsum intern tal-Komunità. Dak il-prinċipju ta’ awtofinanzjament ta’ spejjeż għar-rimi kien ukoll rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha s’issa ( 26 ). Dak jista’ jkun argumentat favur l-interpretazzjoni ta’ “eċċess esportabbli” skont it-tifsira tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku li tirrikjedi l-inklużjoni fil-kwantitajiet esportati użati fid-determinazzjoni tal-“kwantitajiet imwarrba għall-konsum fil-Komunità” biss ta’ dawk il-kwantitajiet esportati li fir-rigward tagħhom rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu attwalment imħallsa fis-sena tas-suq rilevanti. |
31. |
Barra minn hekk, il-kalkolu tat-taxxi tal-produzzjoni li għandhom ikunu stabbilti, kif sar mill-Kummissjoni, jista’ jikser ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Dak il-prinċipju jirrikjedi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji jkunu adegwati sabiex jilħqu l-għan intiż u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħquh. Jekk l-għan tal-imposti ta’ taxxi tal-produzzjonii huwa sempliċiment li l-produtturi jkunu rikjesti jħallsu l-ispejjeż għar-rimi tal-produzzjoni tal-Komunità fl-eċċess, allura l-iffissar ta’ taxxi mingħajr ma jkun ikkunsidrat il-fatt illi rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu mħallsa biss għal porzjon taz-zokkor esportat ikun imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. |
32. |
Jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedi li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, dawk il-kwantitajiet ta’ zokkor esportati biss li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt imħallsin rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandhom ikunu kkunsidrati, l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni u r-Regolament Nru 1775/2004 ( 27 ) ikunu invalidi. |
33. |
Jekk, madankollu, l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedi li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet ta’ zokkor esportati kollha għandhom ikunu kkunsidrati — minkejja l-fatt illi ma kinux imħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ porzjon ta’ dawk il-kwantitajiet — id-domanda tqum dwar jekk dak għandux ikun il-każ ukoll fil-kalkolu tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tkun tal-opinjoni illi l-kalkolu tal-Kummissjoni tat-telf medju għal kull tunnellata mhuwiex konsistenti mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku, ir-Regolament Nru 1775/2004 ( 28 ) ikun invalidu għal dik ir-raġuni. |
34. |
Il-Finanzgericht Düsseldorf għaldaqstant irrinvijat is-segwenti domandi preliminari:
|
Il-kawżi magħquda C-23/06 sa C-36/06 Saint-Louis Sucre et
35. |
Fil-Kawżi Magħquda C-23/06 sa C-36/06 Saint-Louis Sucre et (“Saint-Louis Sucre”), il-produtturi kienu tal-opinjoni li huma ħallsu wisq taxxi tal- produzzjoni fir-rigward tas-snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004. Huma għamlu talba għal rifużjoni parzjali fuq il-bażi li, mill-2002, it-taxxa ġġenerat iktar dħul milli huwa mistenni bl-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni rilevanti, li tipprovdi għal sistema sempliċi ta’ awtofinanzjament mill-produtturi. Dak huwa prinċiplament għax parti miz-zokkor inkorporat fil-prodotti pproċessati esportati fil-prattika ma tagħtix lok għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni u għalhekk ma tikkawżax spejjeż. Ir-regolament ta’ implementazzjoni madankollu jinkludi fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli tranżazzjonijiet li ma jiġġenerawx rifużjonijiet, jew għalhekk infiq. Il-produtturi jikkunsidraw li billi pprovdiet b’mod differenti għal zokkor li jkun esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li ma wassalx għal rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, billi integratu min-naħa waħda fl-eċċess esportabbli li għandu jkun iffinanzjat, iżda eskludietu min-naħa l-oħra mill-“obbligi ta’ esportazzjoni” inkwistjoni li jippermettu kalkolu tal-“medja tat-telf”, il-Kummissjoni ssopravvalutat l-ammont tat-taxxa għat-tliet snin tas-suq 2001/2002, 2002/2003 u 2003/2004, u ma kkunsidratx l-għan ta’ awtofinanzjament stabbilit mill-Kunsill. |
36. |
Fl-alternattiva, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-eċċess esportabbli, il-produtturi jissottomettu li l-għan ta’ awtofinanzjament jitlob li l-Kummissjoni tinkludi fl-’“obbligi ta’ esportazzjoni in kwistjoni” zokkor li jkun esportat fil-forma ta’ prodotti pproċessati li fuqhom rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ma jkunux tħallsu. |
37. |
It-Tribunal de Grande Instance de Nanterre (Qorti Reġjonali, Nanterre) tiddikjara li għandha tagħmel rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminarja peress illi l-validità tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità hija kkontestata. Tosserva wkoll illi l-partijiet jaqblu fir-rigward tal-bżonn għal dak ir-rinviju peress illi d-domanda kkontestata kienet magħmula wkoll fi Stati Membri oħra li ħafna minnhom, inkluż Franza, għamluha ċara li ma jaqblux mal-metodu ta’ kalkolu użat mill-kumitat ta’ ġestjoni sabiex jevalwa t-telf totali li għandu jkun iffinanzjat mit-taxxa fuq il-produzzjoni. |
38. |
Għaldaqstant għamlet dawn il-mistoqsijiet:
Jekk ir-risposta għal din id-domanda tkun fin-negattiv:
|
39. |
Ir-rikorrenti, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż u Grieg u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali kemm f’Jülich kif ukoll f'Saint Louis Sucre. Il-Gvern Taljan ippreżenta osservazzjonijiet bil-miktub f’Saint Louis Sucre. |
Evalwazzjoni
Determinazzjoni tal-eċċess esportabbli
40. |
L-ewwel domanda kemm f’Jülich kif ukoll f’Saint Louis Sucre issaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedix li jkunu kkunsidrati, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, biss dawk il-kwantitajiet esportati li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
41. |
Jidher li huwa kostanti li l-effett ta’ risposta fl-affermattiv għal dik id-domanda ( 29 ) jkun illi l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa invalidu, peress illi l-effett ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, il-kwantitajiet esportati kollha jkunu kkunsidrati, irrispettivament minn jekk ir-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienux fil-fatt imħallsa. L-invalidità tal-Artikolu 6(4) hija mqajma bħala t-tieni domanda f’Jülich u bħala parti mill-ewwel domanda f’Saint Louis Sucre. |
42. |
B’mod simili, jekk l-ewwel domanda kemm f’Jülich kif ukoll f’Saint Louis Sucre (kif irriformulata iktar’il fuq) tkun risposta fl-affermattiv, l-effett ikun illi r-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004, li jistabbilixxu l-ammont tat-taxxa fuq il-produzzjoni kkalkolat skont, fost affarijiet oħra, l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni, huma sa fejn għandu x’jaqsam ma’ dan invalidi. L-invalidità tar-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004 hija mqajma (fir-rigward tar-Regolament Nru 1775/2004) bħala r-raba’ domanda f’Jülich u (fir-rigward tat-tliet regolamenti kollha) bħala parti mill-ewwel domanda f’Saint Louis Sucre. |
43. |
Wieħed jiftakar illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku t-telf globali, li jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju. L-eċċess esportabbli huwa kkalkolat fuq il-bażi tal-kwantitajiet ta’ zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità. L-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jipprovdi li l-kwantitajiet mwarrba għall-konsum fil-Komunità huma (i) kwantitajiet totali ta’ zokkor maħżun fil-bidu tas-sena tas-suq, zokkor prodott taħt il-kwoti A u B, zokkor importat fl-istat naturali u zokkor li jinsab fi prodotti importati pproċessati, mingħajr (ii) zokkor esportat fl-istat naturali, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, zokkor maħżun fit-tmiem tas-sena tas-suq u (essenzjalment) zokkor użat fl-industrija tal-kimika. |
44. |
Huwa kostanti li l-kunċett ta’ zokkor “li jinsab fi prodotti pproċessati esportati” skont it-tifsira tal-Artikolu 6(4) kif emendat jinkludi z-zokkor kollu li jinsab fi prodotti pproċessati esportati, anke zokkor li fir-rigward tiegħu ma kienu mħallsa ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Id-domanda hija jekk dik l-interpretazzjoni hijiex konsistenti mal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku. |
45. |
Ir-rikorrenti u l-Gvern Franċiż, Grieg u Taljan jissottomettu, essenzjalment, illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku għandhom ikunu kkunsidrati, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, dawk l-esportazzjonijiet taz-zokkor biss li fir-rigward tagħhom kienu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Dawk il-partijiet ħafna drabi jinvokaw sabiex isostnu l-opinjoni tagħhom, l-ewwel, il-kliem, l-iskema, l-istorja, l-għan u l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-regolament bażiku u, it-tieni, il-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
46. |
Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni opposta. |
47. |
Il-Gvern Ġermaniż jibbaża l-opinjoni tiegħu fuq il-kliem kemm tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku kif ukoll tal-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni u fuq l-għanijiet tat-taxxa fuq il-produzzjoni, li jinkludu l-influwenza fuq il-produzzjoni taz-zokkor u l-istabbilizzazzjoni tas-suq ( 30 ). |
48. |
Il-Kummissjoni tissottometti li r-regolament bażiku ma jagħtihiex għażla ħlief li tikkunsidra fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli l-esportazzjonijiet kollha, inklużi dawk illi ma bbenefikawx minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Dak l-approċċ huwa loġiku peress illi l-eċċess esportabbli għandu jinkludi l-kwantitajiet kollha, irrilevanti jekk fil-fatt kienux esportati, li r-rimi tagħhom huwa stabbilit permezz tal-miżuri tal-Komunità. Barra minn hekk, il-konsum Komunitarju jkun sopravvalutat jekk ċertu kwantitajiet esportati ma jkunux ikkunsidrati. |
49. |
Jidhirli illi, essenzjalment, id-domanda hija bażikament jekk wieħed jieħux approċċ wiesa’, ibbażat fuq l-għan finali tal-kalkolu, jew approċċ dejjaq, ibbażat fuq il-komponenti individwali tal-kalkolu. Fl-ewwel każ, l-għan ta’ awtofinanzjament jidher li jsostni l-opinjoni li zokkor biss li jkun esportat fi prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ikunu ġew mitluba u mħallsa rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni għandu jkun kkunsidrat. Inkella l-effett indirett huwa illi t-“telf ġenerali [globali]” huwa artifiċjalment mgħolli u t-taxxi tal-produzzjoni huma għalhekk ogħla. Fit-tieni każ, il-kliem ċar tad-dispożizzjonijiet iwasslu għall-konklużjoni opposta: f’dan l-istadju tal-kalkolu, kull ma qed isir huwa determinazzjoni ta’ dak li kien esportat. |
50. |
Fl-opinjoni tiegħi jkun nuqqas ta’ sinċerità jekk tittieħed it-tieni opinjoni. Il-kalkolu mhuwiex inkluż fil-leġiżlazzjoni bħala eżerċizzju tal-lingwistika. Huwa hemmhekk bħala pass fid-determinazzjoni ta’ jekk hemmx telf globali. Kif tissottometti Jülich, it-terminu “telf ġenerali” fl-Artikolu 15(1)(e) huwa ġerarkikament superjuri għat-terminu subordinat “eċċess li jista’ jkun esportat” u “medja tat-telf” u għalhekk għandu jelabora l-interpretazzjoni tat-terminu msemmi l-aħħar. Jekk hemm telf globali, it-taxxa fuq il-produzzjoni hija kkalkolata permezz ta’ referenza diretta u immedjata għalih u hija imposta fuq produtturi taz-zokkor b’tali rata li huma jkollhom ir-responsabbiltà kollha għat-telf (suġġett għal limitu). |
51. |
Il-prinċipju tar-responsabbilità tal-produttur kien introdott permezz tar-Regolament Nru 1785/1981 ( 31 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat f’Eridania ( 32 ) li qabel ma kien adottat dak ir-regolament kienet stabbilita dispożizzjoni għal sistema Komunitarja għall-finanzjament tal-ispejjeż għar-rimi ta’ eċċess. Skont dik is-sistema tal-bidu, dawn l-ispejjeż kienu mħallsa b’ċerti limiti mill-produtturi kollha permezz ta’ taxxa fuq il-produzzjoni filwaqt li dak li baqa’ kien imħallas mill-baġit tal-Komunità. Ir-Regolament Nru 1785/1981 introduċa s-sistema li fuqha huma bbażati l-arranġamenti inkwistjoni. Fil-fatt, it-test tal-11-il premessa fil-preambolu tar-Regolament Nru 1785/1981 huwa essenzjalment identiku għal dak tal-premessa 9 fil-preambolu tar-regolament bażiku. |
52. |
Dik il-premessa, flimkien mal-premessi l-oħra stabbiliti fil-punt 7 iktar’il fuq, tagħmilha ċara fl-opinjoni tiegħi li l-għan ewlieni tat-taxxa fuq il-produzzjoni skont is-sistema ta’ wara l-1981 huwa li jiġi żgurat li l-produtturi jħallsu l-ispejjeż tar-rimi ta’ produzzjoni eċċessiva. |
53. |
Il-premessa 11 fil-preambolu tar-regolament bażiku barra minn hekk tirreferi għall-prinċipju li l-produtturi għandhom ikollhom responsabbiltà finanzjarja totali għat-telf imġarrab kull sena tas-suq. Dan jenfasizza li qed nitkellmu fuq telf reali. |
54. |
F’Eridania et il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija jekk it-taxxa fuq il-produzzjoni kinitx tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi li t-total ta’ taxxi marbuta mal-finanzjament tas-sistema ta’ kwoti kien ikkalkolat fuq il-bażi tal-konsum fil-Komunità, filwaqt illi t-taxxi mħallsa mill-azjendi individwali kienu kkalkolati fuq il-bażi tal-produzzjoni reali tagħhom matul il-perijodu ta’ referenza. |
55. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dak l-argument. Fis-sentenza tagħha ddikjarat illi “is-sistema ta’ kwoti […] tipprovdi għal rimi bi prezzijiet garantiti permezz ta’ sistema għall-finanzjament tal-ispejjeż tar-rimi, li huma mħallsa konġuntament mill-produtturi kollha. Dik is-sistema ta’ finanzjament hija ddisinjata b’tali mod illi l-kwota A, li tirrapreżenta l-konsum intern, tagħti lok biss għal taxxa minima, filwaqt li l-kwota B, li hija ġeneralment għall-esportazzjoni, hija suġġetta għal taxxa ħafna iktar għolja sabiex tiffinanzja r-rifużjonijiet neċessarji filwaqt illi tiskoraġġixxi l-produzzjoni” ( 33 ). |
56. |
Dik id-dikjarazzjoni hija kkwotata mill-qorti tar-rinviju f’Jülich u mill-Gvern Ġermaniż fiż-żewġ kawżi sabiex isostnu l-opinjoni li l-għan tat-taxxa fuq il-produzzjoni mhuwiex sempliċiment li l-produtturi jħallsu l-ispejjeż tar-rimi iżda wkoll sabiex tiskoraġġixxu l-produzzjoni. |
57. |
Jidhirli, madankollu, illi l-formulazzjoni użata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija konsistenti mal-opinjoni li l-għan prinċipali huwa l-awtofinanzjament mill-produtturi. |
58. |
Huwa wkoll evidenti mill-iskema tal-Artikolu 15 tar-regolament bażiku li l-għan prinċipali huwa l-awtofinanzjament. L-Artikolu 15(3) jipprovdi li t-taxxa fuq il-produzzjoni bażika għandha tkun determinata permezz tad-diviżjoni tat-telf globali li jista’ jiġi mbassar bil-produzzjoni stmata ta’ zokkor A u B li jista’ jkun attribwit għas-sena tas-suq kurrenti, suġġetta għal limitu ( 34 ). Jekk madankollu t-taxxa fuq il-produzzjoni kkalkolata b’dan il-mod “ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali”, l-Artikolu 15(4) jipprovdi għall-kalkolu ta’ taxxa fuq il-produzzjoni oħra fuq zokkor B, għal darba oħra suġgett għal limitu ( 35 ). Għal darba oħra, jekk ikun evidenti li t-telf globali prevedibbli “mhux probabbli li jkun kopert mid-dħul [introjtu] li mistenni jkun iġġenerat mit-taxxa” minħabba ż-żewġ limitazzjonijiet, l-Artikolu 15(5) jipprovdi għal aġġustament ieħor, suġġett għal limitu ieħor ( 36 ). |
59. |
Dik l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkorraborata mit-trattament fir-regolament bażiku ta’ rifużjonijiet fuq il-produzzjoni taz-zokkor użat fl-industrija tal-kimika ( 37 ). L-Artikolu 15(6) jirrikjedi li t-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ dawn ir-rifużjonijiet fuq il-produzzjoni jkun ikkunsidrat fil-kalkolu tat-telf globali msemmi fil-paragrafu 1(e). Ir-rifużjonijiet tal-produzzjoni għalhekk jiġu kkunsidrati biss meta fil-fatt ikunu ngħataw. |
60. |
Barra minn hekk il-fatt innifsu li t-taxxa fuq il-produzzjoni timponi fuq il-produtturi l-obbligu li jiffinanzjaw l-ispiża tas-sussidju ta’ esportazzjonijiet ta’ produzzjoni eċċessiva jidhirli li jiskoraġixxi l-produzzjoni. Is-sempliċi fatt, jekk huwa hekk, illi t-taxxi tal-produzzjoni jiskoraġġixxu produzzjoni li teċċedi l-konsum tal-Komunità mhuwa b’ebda mod inkonsistenti mal-għan prinċipali ta’ dawn it-taxxi li huwa l-finanzjament ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, u għalhekk mal-propożizzjoni li dawn it-taxxi għandhom ikunu kkalkolati sabiex il-produtturi ma jħallsux iktar milli hu meħtieġ għal dak il-għan. |
61. |
Jidhirli li l-uniku argument konvinċenti kontra l-interpretazzjoni li qed nipproponi huwa li zokkor esportat fi prodotti proċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsu ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jkun ikkunsidrat bħala zokkor “imwarrab għall-konsum fil-Komunità” skont it-tifsira tal-Artikolu 15(1)(b) tar-regolament bażiku. Dik hija b’mod evidenti mhux it-tifsira naturali tal-frażi. |
62. |
Madankollu, għandu jkun imfakkar illi l-kunċett ta’ “zokkor […] imwarr[ab] għall-konsum fil-Komunità” m’għandux sinjifikat indipendenti. Huwa sempliċiment tikketta mwaħħla ma’ pass intermedjarju fil-kalkolu ta’ “l-eċċess esportabbli”. It-tifsira li tista’ normalment tkun mogħtija lil dik it-tikketta f’kuntesti oħrajn hija għalhekk mhux partikolarment importanti. |
63. |
Kieku kien madankollu neċessarju naslu għal interpretazzjoni tal-espressjoni “zokkor […] imwarrab għall-konsum fil-Komunità” li hija rikonċiljabli mal-kuntest iktar wiesa’ tagħha, nikkunsidra li dak jista’ jsir. Is-soluzzjoni, fl-opinjoni tiegħi, hi li nikkunsidraw zokkor esportat mingħajr spejjeż għall-Komunità — inkluż zokkor esportat fi prodotti pproċessati li fir-rigward tiegħu ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni — bħala zokkor imwarrab għall-konsum fil-Komunità. Dik l-interpretazzjoni, filwaqt li hi xi ftit imġebbda, tidher fl-opinjoni tiegħi li hija meħtieġa sabiex iktar ġeneralment il-leġiżlazzjoni tkun interpretata b’tali mod li tirrifletti l-għanijiet tagħha ( 38 ). |
64. |
Il-Kummissjoni rriferiet f’Saint Louis Sucre għal ġurisprudenza li tiddikjara li l-leġiżlatura Komunitarja għandha setgħa diskrezzjonali wiesa’ f’materji li jikkonċernaw il-politika agrikola komuni, li jikkorrispondu għar-responsabiltajiet politiċi mogħtija lilha mill-Artikoli 34 KE sa 37 KE. Konsegwentement, stħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika li l-miżura inkwistjoni mhijiex ivvizzjata minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poteri u li l-awtorità kkonċernata ma eċċeditx manifestament il-limiti tal-poter ta’ evalwazzjoni tagħha ( 39 ). |
65. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet skont dan. Dan ma jagħtix madankollu poter assolut lill-Komunità fis-settur tal-biedja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx stħarriġ ġudizzjarju tal-eżerċizzju tal-istituzzjonijiet tas-setgħat diskrezzjonali wiesa’ tagħhom. Jekk dan l-istħarriġ għandu jkun ta’ valur, għandu jkun possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tintervjeni meta, bħal fil-kawżi inkwistjoni, il-metodu ta’ kalkolu ta’ taxxa fuq il-produzzjoni intiża sabiex permezz tagħha l-produtturi jħallsu l-ispejjeż għall-Komunità għar-rimi tal-produzzjoni eċċessiva manifestament iwassal għal taxxi żejda, u b'hekk ipoġġi piż sproporzjonat fuq il-produtturi. |
66. |
Jiena tal-opinjoni wkoll illi, fid-determinazzjoni tal-eċċess esportabbli, għandhom ikunu kkunsidrati biss dawk il-kwantitajiet esportati ta’ zokkor li fir-rigward tagħhom jkunu fil-fatt tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
67. |
Huwa kostanti li l-Artikolu 6(4) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma jirriflettix dik l-interpretazzjoni. Minn dan isegwi li dik id-dispożizzjoni, flimkien mar-Regolamenti Nri 1837/2002, 1762/2003 u 1775/2004, hija sa dak l-estent invalida. |
Determinazzjoni tat-telf medju
68. |
It-tielet domanda f’Jülich u t-tieni domanda f’Saint Louis Sucre issaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku jirrikjedix illi, fid-determinazzjoni tat-telf medju għal kull tunnellata ta’ zokkor, l-esportazzjonijiet kollha, inkluż dawk illi fir-rigward tagħhom ma tħallsux rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, għandhom ikunu kkunsidrati jew jekk għall-kuntrarju esportazzjonijiet li fir-rigward tagħhom ma tħallsu ebda rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni m’għandhomx ikunu inklużi fil-kalkolu. |
69. |
Għandu jiġi mfakkar illi skont l-Artikolu 15 tar-regolament bażiku t-telf globali, li jiddetermina r-rata tat-taxxa fuq il-produzzjoni, huwa l-prodott tal-eċċess esportabbli u tat-telf medju għal kull tunnellata. It-telf medju għal kull tunnellata huwa d-differenza bejn l-ammont totali ta’ rifużjonijiet u l-ammont totali ta’ taxxi diviżi bit-tunnellaġġ totali ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu f’dik is-sena tas-suq. L-Artikolu 6(5) tar-regolament ta’ implementazzjoni jiddefinixxi obbligi ta’ esportazzjonijiet li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti bħala, essenzjalment, iz-zokkor kollu li għandu jkun esportat fl-istat naturali b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 40 ) stabbiliti permezz ta’ offerti miftuħa fir-rigward ta’ dik is-sena tas-suq jew fuq il-bażi ta’ liċenzji ta’ esportazzjoni maħruġa matul dik is-sena tas-suq u l-esportazzjonijiet taz-zokkor prevedibbli kollha fil-forma ta’ prodotti pproċessati b’rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ( 41 )ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tas-suq, b'tali kwantitajiet mifruxa ugwalment matul dik is-sena tas-suq. |
70. |
Ir-rikorrenti u l-Gvern Franċiż jirrepetu illi, fil-kalkolu tat-telf globali, iz-zokkor li ma kkawżax telf għall-Komunità għandu jkun eskluż mill-eċċess esportabbli, wieħed mill-elementi fil-kalkolu. Jekk il-Kummissjoni ħadmet fuq dik il-bażi, ikun loġiku li teskludi dan iz-zokkor ukoll fil-kalkolu tat-telf medju, l-element l-ieħor. Il-Kummissjoni bħalissa qed tagħmel dan. Din id-domanda kienet mqajma alternattivament, fi kliem ieħor fil-każ illi l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li, fil-kalkolu tat-telf globali, iz-zokkor kollu esportat fi prodotti pproċessati għandhu jkun ikkunsidrat. F’dak il-każ, jekk il-Kummissjoni ma tikkunsidrax ukoll, fil-kalkolu tat-telf medju, iz-zokkor kollu esportat fi prodotti pproċessati, irrispettivament minn jekk rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni kienu imħallsa jew le, il-kalkolu jkun żbaljat peress illi l-figura tal-esportazzjonijiet użata għall-kalkolu tal-eċċess esportabbli tkun iktar għolja minn dik użata sabiex ikun ikkalkolat it-telf medju. Dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress illi t-telf medju, jkun artifiċjalment miżjud u għalhekk ma jirriflettix l-ispiża medja reali tal-esportazzjonijiet kollha ikkunsidrati fil-kalkolu tat-telf globali. |
71. |
Il-Gvern Grieg u dak Taljan ma jagħmlux sottomissjonijiet dwar l-interpretazzjoni ta’ telf medju. |
72. |
Il-Gvern Ġermaniż jissottometti illi, jekk l-eċċess esportabbli jkun iddeterminat fuq il-bażi tal-esportazzjonijiet kollha filwaqt illi t-telf medju jkun ikkalkolat biss fuq dawk l-esportazzjonijiet li fuqhom ikunu tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni, dan jista’ jirriżulta li t-taxxa fuq il-produzzjoni tkun ikbar mit-telf reali, ħaġa li tmur kontra l-prinċipju ta’ awtofinanzjament. |
73. |
Il-Kummissjoni tosserva li l-Kunsill espliċitament uża t-termini ‘obbligi ta’ esportazzjoni’ u mhux ‘kwantitajiet esportati’ fl-Artikolu 15(1)(d) tar-regolament bażiku. It-terminu ‘obbligi’ jassumi li esportazzjonijiet għandhom l-appoġġ ta’ miżuri Komunitarji, jiġifieri fil-każ preżenti rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-għan tal-kalkolu tat-telf medju huwa li tkun determinata l-ispiża għal kull unità ta’ zokkor eċċess disponibbli fis-suq, fid-determinazzjoni ta’ dik l-ispiża għandhom ikunu inklużi biss dawk il-kwanititajiet li fir-rigward tagħhom ġiet sostnuta spiża għar-rimi ġenwina. |
74. |
L-Artikolu 15(1)(d) jiddefinixxi t-telf jew id-dħul medju bħala d-differenza bejn l-ammont totali ta’ rifużjonijiet u l-ammont totali ta’ taxxi diviżi bit-tunnellaġġ totali ta’ obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena tas-suq kurrenti. Fil-prattika dik id-differenza normalment twassal għal telf medju, peress illi prezzijiet dinjija huma normalment inqas mill-prezzijiet sostnuti tal-Komunità sostnuti. Dak it-telf medju huwa imbagħad multiplikat bl-eċċess esportabbli sabiex tinkiseb stima ta’ telf globali. Dak it-telf jiġi mbagħad diviż bil-produzzjoni taz-zokkor stmata u l-ammont li jirriżulta jiġi impost fuq il-produtturi bħala t-taxxa fuq il-produzzjoni bażika. |
75. |
Diġà spjegajt għaliex nikkunsidra li, fil-kalkolu tal-eċċess esportabbli, zokkor li jinsab fi prodotti pproċessati esportati għandu jkun kkunsidrat biss meta jkun ibbenefika minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. Huwa kostanti li l-loġika tgħid illi, jekk dan huwa l-każ, l-element l-ieħor fid-determinazzjoni tat-telf globali stmat, fi kliem ieħor it-telf medju, għandu b’mod simili jikkunsidra zokkor esportat fi prodotti pproċessati biss meta dan ibbenefika minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni. |
Konklużjoni
76. |
Għar-raġunijiet imsemmija hawn fuq, jien tal-fehma li d-domandi rinvijati mill-Finanzgericht Düsseldorf fil-Kawża C-5/06 għandhom ikollhom ir-risposti li ġejjin:
|
77. |
Għall-istess raġunijiet, nikkunsidra li l-ewwel domanda magħmula mit-Tribunal de Grande Instance de Nanterre fil-Kawżi Magħquda C-23/06 sa 36/06 għandha jkollha r-risposta li ġejja:
|
ANNESS
Ir-Regolament 1260/2001 (ir-regolament bażiku)
L-Artikolu (KE) Nru 15 tar-regolament bażiku jistabbilixxi, sa fejn hu rilevanti:
“1. Qabel it-tmiem ta’ kull sena tas-suq, is-segwenti għandu jkun irreġistrat:
(a) |
tbassir tal-produzzjoni taz-zokkor A u B, isoglukożi A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata; |
(b) |
tbassir tal-kwantitajiet taz-zokkor, ta’ l-isoglukosi u tax-xiropp ta’ l-inulina mwarrba għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq li hemm referenza dwarha; |
(c) |
l-eċċess li jista’ jkun esportat bit-tnaqqis tal-kwantità li hemm referenza dwarha fil-(b) mill-kwantità li hemm referenza dwarha fl-(a); |
(d) |
l-estimi tat-telf medju jew tad-dħul medju (ta’ flus) għal kull tunnelata metrika sabiex jiġu mwettqa l-obbligi ta’ l-esportazzjoni matul is-sena tas-suq kurrenti. Din il-medja ta’ telf [telf medju] jew ta’ introjtu [dħul] għandha tkunu egwali għad-differenza bejn l-ammont totali tar-rifużjoni u l-ammont totali tad-dħul mit-taxxi fuq it-tunnellaġġ metriku totali ta’ l-obbligi dwar l-esportazzjoni f'dak il-każ; |
(e) |
l-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali [globali] miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fiċ-(ċ) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fid-(d). |
2. Qabel it-tmiem tas-sena tas-suq 2005/2006 u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 10(3), (4), (5) u (6), is-segwenti għandu jkun irreġistrat kumulattivament għas-snin tas-suq 2001/2002 sa l-2005/2006:
(a) |
l-eċċess esportabbli stabbilit fuq il-bażi tal-produzzjoni definittiva taz-zokkor tat-tip A u tat-tip B u ta’ l-isoglukożi tat-tip A u tat-tip B u l-kwantità definittiva taz-zokkor u l-isoglukożi mwarrba għall-konsum ġewwa l-Komunità. |
(b) |
il-medja tat-telf jew ta’ l-introjti kull tunnellata li jirriżulta mill-obbligazzjonijiet totali ta’ l-esportazzjoni kkonċernati, ikkalkulati permezz tal-metodu deskritt fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 (d) t'hawn fuq; |
(ċ) |
it-telf jew l-introjtu ġenerali miksuba bil-multiplikazzjoni ta’ l-eċċess riferit fl-(a) bil-medja tat-telf jew ta’ l-introjtu riferit fil-(b). |
(d) |
is-somma totali tad-dħul mit-taxxi fuq il-produzzjoni bażika u t-taxxi B imponuti; |
L-estimi tat-telf jew ta’ l-introjtu ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1 (e) għandhom jiġu aġġustati fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammonti li hemm referenza dwarhom f' (ċ) u f' (d).
3. […] jekk il-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 u aġġustati taħt il-paragrafu 2 jirriżultaw f'telf ġenerali li jista’ jkun previst, it-telf għandu jiġu maqsum bil-produzzjoni taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B li għandhom konnessjoni mas-sena tas-suq kurrenti. L-ammont li jirriżulta għandu jinżamm lill-fabbrikanti bħala taxxa bażika tal-produzzjoni fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor A u B, l-isoglukożju A u B u x-xiropp ta’ l-inulina A u B.
Madankollu, din it-taxxa m’għandhiex teċċedi
— |
għaz-zokkor, 2 % tal-prezz ta’ l-intervent għaz-zokkor abjad, |
— |
għax-xiropp ta’ l-inulina, espress bħala ekwivalent taz-zokkor/isoglukożi billi jkun applikat ko-effiċjent ta’ 1.9, l-ammont massimu li jista’ jitħallas fuq iz-zokkor abjad, u |
— |
għall-isoglukożi, is-sehem tat-taxxa tal-produzzjoni bażika merfuha mill-fabbrikanti taz-zokkor. |
4. Jekk it-taxxa massima permissibbli fuq il-produzzjoni bażika ma tkoprix għal kollox it-telf ġenerali riferit fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, il-bilanċ mhux kopert għandu jkun maqsum bejn il-produzzjoni kkalkolata taz-zokkor tat-tip B, l-isoglukożi tat-tip B u l-inulina tat-tip B attribwiti għas-sena tas-suq involuta. L-ammont li jirriżulta għandu jkun impost fuq il-fabbrikanti bħala taxxa B fuq il-produzzjoni tagħhom taz-zokkor B, l-isoglukożi B u x-xiropp ta’ l-inulina B.
B'dankollu, bla ħsara għall-paragrafu 5, din it-taxxa ma għandhiex teċċedi:
— |
għaz-zokkor B, 30 % tal-prezz ta’ l-intervent għaz-zokkor abjad, |
— |
għax-xiropp ta’ l-inulina B, espress bħala ekwivalent taz-zokkor/isoglukożi billi jkun applikat ko-effiċjent ta’ 1.9, l-ammont massimu li jista’ jitħallas fuq iz-zokkor abjad B,u |
— |
fuq l-isoglukożi B, is-sehem tat-taxxa tal-produzzjoni bażika merfuha mill-fabbrikanti taz-zokkor. |
5. Meta l-figuri rreġistrati taħt il-paragrafu 1 jissuġġerixxu li t-telf ġenerali li jista’ jkun previst għas-sena tas-suq kurrenti mhux probabbli li jkun kopert mid-dħul li mistenni jkun iġġenerat mit-taxxi minħabba l-limiti fuq it-taxxa bażika tal-produzzjoni u t-taxxa B ffissata fil-paragrafi 3 u 4, allura l-persentaġġ massimu imsemmi fl-ewwel inċiż tal-paragrafu 4 għandu jkun aġġustat sa fejn ikun neċessarju biex ikopri t-telf ġenerali, mingħajr ma jeċċedi s-37.5 %.
Il-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B għandu jkun iffissat għas-sena tas-suq kurrenti qabel il-15 ta’ Settembru. Il-prezz minimu għall-pitravi B li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 4(1)(b) għandu jkun aġġustat bl-istess mod..
6. It-telf kollu li jirriżulta mill-għoti ta’ rifużjoni tal-produzzjoni skond l-Artikolu 7(3) għandu jkun kkunsidrat meta jkun ikkalkulat it-telf ġenerali li hemm referenza dwaru fil-paragrafu 1(e).
7. It-taxxi li hemm referenza dwarhom f'dan l-Artikolu għandhom jinġabru mill-Istati Membri.
8. Regoli dettaljati biex ikun applikat dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati bi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 42, u għandhom ikopru partikolarment:
— |
l-ammonti tat-taxxi li jridu jinġabru, |
— |
il-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B, |
— |
il-prezz minimu aġġustat tal-pitravi B li jikkorrispondi mal-persentaġġ massimu rivedut għat-taxxa B.” |
Ir-Regolament (KE) Nru 314/2002 (ir-regolament tal-implementazzjoni)
L-Artikolu 6(4) u (5) tar-regolament ta’ implementazzjoni kif emendat jistabbilixxi li:
“4. Il-kwantitajiet mqiegħda għall-konsum fil-Komunità li għandhom ikunu reġistrati skond l-Artikolu 15(1)(b) u (2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 għandhom jiġu stabbiliti billi jingħad it-total tal-kwantitajiet, espressi bħala zokkor raffinat, taz-zokkor u xropp indikati fl-Artikolu 1(1)(a), (b), (c), u (d) u ta’ l-isoglukosju u x-xropp ta’ l-inulina:
(a) |
maħżuna fil-bidu tas-sena ta’ marketing[tas-suq]; |
(b) |
prodotti taħt il-kwoti A u B; |
(ċ) |
importati fl-istat naturali; |
(d) |
li jkunu jinsabu fi prodo[t]ti proċessati importati; |
jitnaqqsu [mil]l-kwantitajiet msemmija fl-ewwel subparagrafu, [il-kwantitajiet ( 42 )] espressi bħala zokkor raffinat, ta’ zokkor, isoglukosju u xropp ta’ l-inulina:
(a) |
esportati fl-istat naturali; |
(b) |
li jkunu jinsabu fi prodo[t]ti proċessati esportati; |
(ċ) |
maħżuna fi tmiem is-sena ta’ marketing; |
(d) |
li għalihom ħarġu ċertifikati għar-rifużjonijiet għall-produzzjoni kif indikat fl-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 ( 43 ). |
Il-kwantitajiet kif indikati fil-punti (c) u (d) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punti (a) u (b) tat-tieni subparagrafu għandhom ikunu akkwistati mill-bażi tad-data Eurostat u għandhom, jekk il-figuri għal sena ta’ markeing ma jkunux kompluti, ikopru it-12-il xahar l-iktar reċenti li huma disponibbli. Il-kwantitajiet prodotti taħt arranġamenti ta’ proċessar ta’ ġewwa m’għandhomx jingħaddu.
Il-kwantitajiet kif indikati fil-punt (c) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jinkludu dawk ikkunsinnati lill-Canary Islands, il-Madeira u l-Azores li jaqgħu taħt l-Artikolu 1(1a) tar-Regolament (KEE) Nru 2670/81.
Il-kwantitajiet ta’ zokkor, isoglukosju u xropp ta’ l-inulina fil-prodotti indikati fil-punt (d) ta’ l-ewwel subparagrafu u fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu għandhom ikunu stabbiliti skond il-medja tal-kontenut ta’ zokkor stabbilita għall-prodotti konċernati u skond il-figuri tal-Eurostat.
Il-kwantitjiet kif indikati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jeskludu z-zokkor C, l-isoglukosju C, ix-xropp ta’ l-inulina C u l-għajnuna ta’ l-ikel.
5. Dawn li ġejjin kif miftehma fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001 bħala obbligi ta’ esportazzjoni li għandhom jitwettqu matul is-sena kurrenti tal-bejgħ [tas-suq]:
(a) |
il-kwantitajiet kollha taz-zokkor li għandu jiġi esportat fl-istat naturali b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati permezz ta’ offerti miftuħa dwar dik is-sena ta’ bejgħ; |
(b) |
il-kwantitajiet kollha taz-zokkor, l-isoglukosju, ġulepp ta’ l-inulina li għandhom ikunu esportati fl-istat naturali b’rimborsi għall-esportazzjoni jew imposti ffissati perjodikament fuq il-bażi ta’ liċenzji għall-esportazzjoni maħruġa waqt dik is-sena ta’ bejgħ; |
(ċ) |
l-esportazzjoni kollha mistennija taz-zokkor, l-isoglukosju u l-ġulepp ta’ l-inulina f’sura ta’ prodotti pproċessati b’rimbors għall-esportazzjoni jew imposti ffissati għal dak il-għan matul dik is-sena tal-bejgħ, tali kwantitajiet ikunu mifruxa ugwalment matul dik is-sena tal-bejgħ. |
Biex tiġi kkalkulata l-medja tat-telf imbassar msemmi fl-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1260/2001, rimborsi għall-produzzjoni għall-kwantitajiet ta’ prodotti basiċi mfissra bħala zokkor abjad li għalihom ċertifikati għar-rimborsi tal-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) ta’ dak ir-Regolament inħarġu matul is-sena tal-bejgħ in kwestjoni għandhom ukoll jittieħdu in konsiderazzjoni”.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Regolament tad-19 ta’ Ġunju 2001, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 178, p. 1).
( 3 ) Ara l-Artikoli 51. Is-sena tas-suq tibda mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju (l-Artikolu 1(2)(m)). Is-segwenti snin tas-suq huma rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 tal-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 58, p. 1), li jirrevoka u jieħu post ir-regolament bażiku.
( 4 ) Użajt il-korsiv għall-frażijiet fil-premessi li huma ta’ rilevanza partikolari.
( 5 ) Il-Ftehim dwar il-biedja li jirriżulta mil-laqgħa tal-Urugwaj tan-negozjati multilaterali tal-kummerċ.
( 6 ) It-“telf” ( u tassew “dħul”) imsemmi fil-premessi jirrigwardaw il-finanzjament Komunitarju tal-organizzazzjoni tas-suq, u mhux il-karta tal-bilanċ tal-produtturi, esportaturi eċċ.
( 7 ) Dawn mhux neċessarjament jikkorispondu mal-Istati Membri. Għalhekk, hemm kwoti separati għall-Franza metropolitana min-naħa waħda u d-dipartimenti Franċiżi barranin min-naħa l-oħra; b’mod simili għall-Portugall kontinentali u r-reġjun awotonomu tal-Azores. Il-Belġju u l-Lussemburgu jaqsmu kwoti (nominalment attribwiti lill-Unjoni Ekonomika Belġjana/Lussemburgiża).
( 8 ) Il-verżjoni oriġinali tar-regolament bażiku rreferiet inkorrettement għall-‘insulina’ u mhux għax-xropp tal-‘inulina’. Dan kien korrett permezz ta’ rettifika ppubblikata fil-ĠU 2001 L 233, p. 58. L-isoglukosju u x-xropp tal-inulina huma sostituti likwidi għaz-zokkor: ara l-premessa 1 fil-preambolu tar-regolament bażiku. Definizzjonijiet iktar dettaljati jistgħu jinstabu fl-Artikolu 1(2)(c) u (d) tar-regolament bażiku.
( 9 ) Il-kwoti A u B kienu oriġinarjament introdotti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1785/81 tat-30 ta’ Ġunju 1981 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 177, p. 4). Il-kwota A tirrapreżenta l-konsum fil-Komunità fejn ir-rimi tiegħu hu garantit permezz ta’ prezz ta’ intervent (ara l-punt 12 iktar ’l isfel). Il-kwota B hija l-kwantità prodotta f’eċċess tal-kwota A mingħajr ma tinqabeż il-kwota massima (kwota A multiplikata b’ koeffiċjent); tista’ titpoġġa fis-suq tal-Komunità iżda mingħajr garanzija ta’ prezz ta’ intervent, jew esportat b’għajnuna ta’ esportazzjoni fil-forma ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.
( 10 ) Suġġetta għal eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 13(2) u 14(1), li mhumiex rilevanti fil-każ preżenti.
( 11 ) Artikolu 13(1).
( 12 ) Artikolu 2.
( 13 ) Artikolu 7(1).
( 14 ) Artikolu 7(3).
( 15 ) Artikolu 27(1). Bil-kontra, l-Artikolu 33(1) jistabbilixxi taxxa fuq l-esportazzjoni meta l-prezz dinji taz-zokkor ikun għola mill-prezz tal-intervent. Fil-prattika l-prezzijiet dinjija huma normalment inqas mill-prezzijiet sostnuti tal-Komunità.
( 16 ) Artikolu 27(7).
( 17 ) It-test tal-Artikolu 15 huwa, safejn rilevanti, stabbilit fl-anness għal dawn il-konklużjonijiet.
( 18 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.
( 19 ) Il-leġiżlazzjoni tirreferi għat-“telf ġenerali jew dħul”. Peress li, madankollu, il-prezzijiet fis-suq dinji huma normalment inqas mill-prezz ta’ intervent tal-Komunità, din il-figura tkun normalment telf iktar milli dħul. Fuq dik il-bażi u sabiex tkun issimplifikata l-analiżi kemm jista’ jkun, se nirreferi biss għat-telf meta niddeskrivi l-kalkolu.
( 20 ) Zokkor użat fl-industrija tal-kimika: ara l-punt 13 iktar ’il fuq.
( 21 ) Regolament tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Frar 2002 (ĠU L 50, p. 40), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1140/2003 tas-27 ta’ Ġunju 2003 (ĠU L 160, p. 33).
( 22 ) Fir-rigward taz-zokkor użat fl-industrija tal-kimika, ara l-punt 13 hawn fuq. It-test komplut tal-Artikolu 6(4) kif emendat jinsab fl-Anness ta’ dawn il-Konklużjonijiet.
( 23 ) It-test komplut tal-Artikolu 6(5) jinsab fl-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 24 ) Ir-rikorrenti fil-Kawża C-5/06 tiddikjara, mingħajr ma hija kontradetta u fuq il-bażi ta’ figuri ppubblikati, illi l-proporzjon huwa ta’ madwar 60 %.
( 25 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1837/2002 tal-15 ta’ Ottubru 2002 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni u l-koeffiċjent għat-taxxa addizzjonali fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2001/02 (ĠU 2002 L 278, p. 13); ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1762/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2002/03 (ĠU 2003 L 254, p. 4) u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1775/2004 tal-14 ta’ Ottubru 2004 li jiffissa t-taxxi tal-produzzjoni fis-settur taz-zokkor għas-sena tas-suq 2003/04 (ĠU 2004 L 316, p. 64).
( 26 ) Il-qorti tar-rinviju tikkwota s-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 1986, Eridania et (250/84, Ġabra p. 117, punt 19), u tal-21 ta’ Frar 1991 Zuckerfabrik Süderdithmarschen u Zuckerfabrik Soest (C-143/88 u C-92/89, Ġabra p. I-415, punt 62).
( 27 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.
( 28 ) Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 25 iktar ’il fuq.
( 29 ) It-termini tal-ewwel domanda f’Saint-Louis Sucre huma fil-fatt tali li riposta fin-negattiv ikollha l-istess effett bħal risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda f’Jülich. Peress illi jagħmel sens illi ż-żewġ domandi jkunu kkunsidrati flimkien, se nirriformulhom bħala domanda waħda.
( 30 ) Il-Gvern Ġermaniż jirreferi għas-sentenza Eridania et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 19.
( 31 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.
( 32 ) Iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26.
( 33 ) Punt 19 (enfasi miżjuda).
( 34 ) Għal zokkor, 2 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.
( 35 ) 30 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.
( 36 ) 37.5 % tal-prezz tal-intervent għaz-zokkor abjad.
( 37 ) Skont l-Artikolu 7(3): ara l-punt 13 iktar ’il fuq.
( 38 ) Alternattiva tkun li l-ipproċessar oriġinali taz-zokkor fi prodotti pproċessati jkun ikkunsidrat bħal li jammonta għar-rimi ta’ dak iz-zokkor fil-Komunità iżda imbagħad li dik l-interpretazzjoni tkun ikkwalifikata sabiex meta tħallsu rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fuq zokkor użat fl-ipproċessar, dak l-ipproċessar ma kienx wara kollox rimi fil-Komunità. Dik l-interpretazzjoni tidher fl-opinjoni tiegħi li hi iktar artifiċjali, u għalhekk inqas attrajenti, mill-interpretazzjoni li nissuġerixxi.
( 39 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C-189/01, Ġabra p. I-5689, punt 80).
( 40 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.
( 41 ) Ibid.
( 42 ) Huwa ċar mill-verżjonijiet tal-lingwi l-oħra (u fil-fatt mis-sens komun) li t-test [Malti, bħal dak] Ingliż huwa żbaljat. Wieħed jista’ jasal għat-tifsira korretta permezz tal-inklużjoni tal-kliem fil-parenteżi kwadri.
( 43 ) L-Artikolu 7(3) jikkonċerna z-zokkor fl-industrija tal-kimika.