16.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-24 ta’ Marzu 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof — il-Ġermanja) — Danske Slagterier vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-445/06) (1)

(Miżuri li għandhom effett ekwivalenti - Spezzjonijiet sanitarji - Kummerċ intrakomunitarju - Laħam frisk - Spezzjonijiet veterinarji - Responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru - Terminu ta’ preskrizzjoni - Determinazzjoni tad-dannu)

2009/C 113/03

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Danske Slagterier

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Bundesgerichtshof — Interpretazzjoni tal-Artikolu 28 KE u tal-Artikoli 5(1)(o) u 6(1)(b)(iii) tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964, fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam (ĠU L 121, p. 2012) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991 (ĠU L 268, p. 69) flimkien mal-Artikoli 5(1), 7 u 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (ĠU L 395, p. 13) — Interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali ta’ Stat Membru għall-ksur tad-dritt Komunitarju — Terminu ta’ preskrizzjoni — Determinazzjoni tad-dannu li għandu jiġi kkumpensat u rekwiżiti mitluba mill-parti leża

Dispożittiv

1)

L-individwi li ġew leżi mit-traspożizzjoni u l-applikazzjoni inkorretta tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 fuq problemi tas-saħħa li jaffettwaw il-kummerċ ġewwa l-Kommunità ta’ prodotti tal-laħam, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/497/KEE tad-29 ta’ Lulju 1991, u tad-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE, tal-11 ta’ Diċembru 1989, dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern, jistgħu jirrikorru għad-dritt tal-moviment liberu tal-merkanzija sabiex ikun jista’ jingħata lok għar-responsabbiltà tal-Istat minħabba l-ksur tad-dritt Komunitarju.

2)

Id-dritt Komunitarju ma jeżiġix li, meta l-Kummissjoni tkun ippreżentat proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, it-terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt għal kumpens għad-danni mill-Istat minħabba ksur tad-dritt Komunitarju previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkun interrott jew sospiż matul dawn il-proċeduri.

3)

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà tal-Istat minħabba t-traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva jibda jiddekorri mid-data li fiha l-ewwel konsegwenzi dannużi ta’ din it-traspożizzjoni inkorretta jkunu seħħew u konsegwenzi dannużi ulterjuri tagħha jkunu prevedibbli, anki jekk din id-data tiġi qabel it-traspożizzjoni korretta ta’ din id-direttiva.

4)

Id-dritt Komunitarju ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li individwu ma jistax jikseb kumpens għad-danni meta huwa jkun naqas, intenzjonalment jew b’negliġenza, milli jipprevjeni li jseħħu d-danni billi juża rimedju legali, sakemm l-użu ta’ dan ir-rimedju legali jkun jista’ jiġi raġonevolment rikjest mill-persuna leża, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwaha fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali. Il-probabbiltà li l-qorti nazzjonali tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE jew l-eżistenza ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux, fihom infushom, jikkostitwixxu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li mhux raġonevoli li jiġi eżerċitat rimedju legali.


(1)  ĠU C 326, 30.12.2006