7.6.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 142/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba' Awla) ta' l-24 ta' April 2008 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Köln — Il-Ġermanja) — Arcor AG & Co. KG vs Bundesrepublik Deutschland

(Kawża C-55/06) (1)

(Telekomunikazzjonijiet - Regolament (KE) Nru 2887/2000 - Aċċess għal-linja lokali - Prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi ma' l-ispejjeż - Spejjeż - Imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit - Deprezzament ta' l-assi immobbli - Valutazzjoni ta' l-infrastrutturi lokali tat-telekomunikazzjonijiet - Spejjeż kurrenti u spejjeż storiċi - Bażi ta' kalkolu - Spejjeż reali - Spejjeż diġà mħallsa u spejjeż mistennija - Prova ta' l-ispejjeż - Mudell analitiku bottom up u top down - Leġiżlazzjoni nazzjonali dettaljata - Marġni ta' diskrezzjoni ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali - Stħarriġ ġudizzjarju - Awtonomija proċedurali ta' l-Istati Membri - Prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività - Kontestazzjoni fil-qorti tad-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni tat-tariffi ta' l-operatur notifikat mill-benefiċjarji - Oneru tal-prova - Proċedura ta' superviżjoni u proċeduri ġudizzjarji)

(2008/C 142/03)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Arcor AG & Co. KG

Konvenuta: Bundesrepublik Deutschland

Fil-preżenza ta': Deutsche Telekom AG

Suġġett

Talba għal deċizjoni preliminari — Verwaltungsgericht Koln — Interpretazzjoni ta' l-Artikolu 1(4), ta' l-Artikolu 3(3) u ta' l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali (ĠU L 336, p. 4)

Dispożittiv

1)

L-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta' l-assi immobbli użati għat-twaqqif tal-linja lokali jifformaw parti mill-ispejjeż li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni skond il-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma' l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 2887/2000 tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar aċċess disassoċjat għal-linja lokali.

2)

Fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma' l-ispejjeż, previst fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jieħdu in kunsiderazzjoni, sabiex jiddeterminaw il-bażi ta' kalkolu ta' l-ispejjeż ta' l-operatur notifikat, l-ispejjeż reali, jiġifieri l-ispejjeż diġà mħallsa mill-operatur notifikat, kif ukoll l-ispejjeż mistennija, u dawn ta' l-aħħar għandhom ikunu bbażati, jekk ikun il-każ, fuq stima ta' l-ispejjeż ta' sostituzzjoni tan-netwerk jew ta' ċerti elementi tiegħu.

3)

Bis-saħħa ta' l-Artikolu 4(2)(b) tar-Regolament Nru 2887/2000, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' titlob lill-operatur notifikat jipprovdilha tagħrif rilevanti fuq id-dokumenti li jipprovaw l-ispejjeż meħuda in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma' l-ispejjeż. Billi fid-dritt Komunitarju mhemm ebda dispożizzjoni dwar id-dokomenti tal-kontabbiltà li għandhom jiġu vverifikati, huma biss l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, skond il-liġi applikabbli, li għandhom jeżaminaw jekk id-dokumenti prodotti humiex l-iktar adegwati għall-finijiet tal-kontabbiltà ta' l-ispejjeż.

4)

Id-dritt Komunitarju ma jeskludix il-possibbiltà li, fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma' l-ispejjeż, fin-nuqqas ta' dokumenti tal-kontabbiltà kompleti u komprensibbli, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jiddeterminaw l-ispejjeż billi jibbażaw ruħhom fuq mudell analitiku ta' l-ispejjeż bottom up jew top down.

5)

Il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri, fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 2887/2000, li jadottaw miżuri nazzjonali dettaljati ma tistax tirrendi inapplikabbli l-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali ma' l-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi regolament.

6)

Mid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 2887/2000 jirriżulta li, fl-eżami tat-tariffi ta' l-operaturi notifikati għall-provvista ta' aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom fid-dawl tal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi regolament, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom setgħa wiesgħa li tkopri l-evalwazzjoni tad-diversi aspetti ta' dawn it-tariffi, u dan sal-punt li jibdlu l-prezzijiet, u għalhekk it-tariffi proposti. Din is-setgħa wiesgħa tirrigwarda wkoll l-ispejjeż sostnuti mill-operatur notifikat, bħalma huma l-imgħaxijiet marbuta mal-kapital investit u d-deprezzament ta' l-assi immobbli, il-bażi ta' kalkolu ta' dawn ta' l-aħħar u l-mudelli tal-kontabbiltà użati sabiex jiġu pprovati l-imsemmija spejjeż.

7)

Huma biss l-Istati Membri li, fl-ambitu ta' l-awtonomija proċedurali li għandhom, għandhom jiddeterminaw, skond il-prinċipji ta' ekwivalenza u ta' effettività tal-protezzjoni ġudizzjarja, il-qorti kompetenti, in-natura tal-kawżi u, għaldaqstant, il-modalitajiet ta' l-istħarriġ ġudizzjarju f'dak li jirrigwarda d-deċiżjonijiet ta' l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi ta' l-operaturi notifikati għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tagħhom. F'dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti nazzjonali għandha tiżgura li l-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament Nru 2887/2000 dwar l-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali skond modalitajiet konformi mal-prinċipju dwar it-tariffi stabbilit fl-Artikolu 3(3) ta' l-imsemmi regolament jiġu effettivament rispettati, u dan f'kundizzjonijiet trasparenti, ġusti u mhux diskriminatorji.

8)

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2887/2000, moqri flimkien ma' l-Artikolu 5a(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta' Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta' l-implementazzjoni ta' provvista ta' netwerk miftuħ, kif emendata bid-Direttiva 97/51/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Ottubru 1997, jeżiġi li l-qrati nazzjonali jinterpretaw u japplikaw ir-regoli proċedurali interni li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' appell b'mod li deċiżjoni ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali dwar l-awtorizzazzjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tkun tista' tiġi kkontestata fil-qorti, mhux biss mill-impriża destinatarja ta' tali deċiżjoni, iżda wkoll minn benefiċjarji, fis-sens ta' l-imsemmi regolament, li d-drittijiet tagħhom ikunu potenzjalment affettwati minn din ta' l-aħħar.

9)

Ir-Regolament Nru 2887/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kors ta' proċedura ta' superviżjoni tat-tariffi għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali mmexxija minn awtorità regolatorja nazzjonali skond l-Artikolu 4 ta' l-imsemmi regolament, huwa l-operatur notifikat li għandu jġib il-prova li t-tariffi tiegħu jirrispettaw il-prinċipju ta' orjentazzjoni tat-tariffi ma' l-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu t-tqassim ta' l-oneru tal-prova bejn l-awtorità regolatorja nazzjonali li tkun ħadet id-deċiżjoni li tawtorizza t-tariffi ta' l-operatur notifikat u l-benefiċjarju li jikkontesta din id-deċiżjoni. Huma wkoll l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu, skond ir-regoli proċedurali tagħhom u filwaqt li jirrispettaw il-prinċipji Komunitarji ta' effettività u ta' ekwivalenza tal-protezzjoni ġudizzjarja, ir-regoli dwar it-tqassim ta' l-oneru tal-prova fil-każ ta' kontestazzjoni fil-qorti ta' deċiżjoni ta' l-awtorità regolatorja nazzjonali li tawtorizza t-tariffi ta' operatur notifikat għall-aċċess diżassoċjat għal-linja lokali tiegħu.


(1)  ĠU C 96, 22.4.2006.