Keywords
Summary

Keywords

1. Kompetizzjoni — Akkordji — Projbizzjoni — Ksur — Ftehim u prattiki miftiehma li jistgħu jitqiesu li huma ksur uniku — Kunċett

(Artikolu 81(1) KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

2. Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE — Evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

3. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni — Stħarriġ ġudizzjarju — Ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Komunitarja

(Artikoli 81 KE, 82 KE, 229 KE u 253 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u (3) u 31)

4. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 — Ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-pieni — Assenza

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u, Nru 1/2003, Artikolu 23(2))

5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Pluralità ta’ ksur

(Artikoli 81 KE u 82 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kapaċità effettiva li jiġi kkawżat dannu fis-suq affettwat

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

8. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom l-istess punt ta’ tluq speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

9. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Neċessità li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-impriżi kkonċernati u li tiġi żgurata l-proporzjonalità tal-multi ma’ dan id-dħul — Assenza

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

10. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Tqassim tal-impriżi kkonċernati f’kategoriji li għandhom l-istess punt ta’ tluq speċifiku

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); is-sitt paragrafu tal-punt 1A tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

11. Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

12. Kompetizzjoni — Akkordji — Parteċipazzjoni f’laqgħat ta’ impriżi li għandhom għan antikompetittiv — Ċirkustanza li tippermetti, fin-nuqqas ta’ diżassoċjazzjoni fil-konfront tad-deċiżjonijiet meħuda, li jiġi konkluż li kien hemm parteċipazzjoni fl-akkordju sussegwenti

(Artikolu 81(1) KE)

13. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur ta’ tul medju u ta’ tul twil — Żieda b’10 % tal-ammont inizjali kull sena

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1B)

14. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2) u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

15. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa

(Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1A)

16. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur — Teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-ksur

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15)

17. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur — Provi li jistgħu jintlaqgħu

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(1))

18. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Talba għal informazzjoni — Drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11(5))

19. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Kooperazzjoni tal-impriża waqt il-proċedura amministrattiva

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11(4) u (5))

Summary

1. Il-kunċett ta’ ksur uniku jirreferi għal sitwazzjoni fejn diversi impriżi jkunu pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu fit-tfittxija ta’ għan ekonomiku waħdieni intiż sabiex tiġi distorta l-kompetizzjoni jew fi ksur individwali marbuta flimkien mill-istess għan (l-istess finalità tal‑elementi kollha) u l-istess suġġetti (l‑istess impriżi kkonċernati, li jafu li qed jipparteċipaw fl-għan komuni). Ksur tal-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar minn din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jista’ wkoll jikkostitwixxi fih innifsu u meħud waħdu, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l‑azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ ksur uniku jista’ jkun relatat mal-kwalifika legali ta’ aġir antikompetittiv li jikkonsisti fi ftehim, fi prattiki miftiehma u f’deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi.

Il-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element kostituttiv ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 81(1) KE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu sa fejn dan għandhu bħala konsegwenza li diversi aġiri, li jirrigwardaw settur ekonomiku, ipprojbiti mill-Artikolu 81(1) KE jkollhom, b’mod sistematiku, jiġu kkwalifikati bħala elementi kostituttivi ta’ ksur uniku. Għaldaqstant, sabiex aġiri differenti jiġu kkwalifikati bħala ksur uniku u kontinwu, għandu jiġi vverifikat jekk dawn għandhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom huwa intiż sabiex jitratta konsegwenza jew konsegwenzi tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kull ċirkustanza li tista’ tistabbilixxi jew tikkuntesta r-rabta msemmija, bħall-perijodu ta’ applikazzjoni, il-kontenut u, b’rabta ma’ dan, l-għan tad-diversi aġiri inkwistjoni. Huwa għaldaqstant minħabba raġunijiet oġġettivi li l-Kummissjoni tista’ tibda proċeduri distinti, tikkonstata diversi każijiet ta’ ksur distinti u timponi diversi multi distinti.

Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta. Fil‑fatt, il-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall‑impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar‑Regolament Nru 1/2003 fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE.

(ara l-punti 89-94, 133-134)

2. Fir-rigward tal-legalità tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikolu 81 u 82 KE, fid-dawl tal-prinċipju tal-legalità tal-pieni, kif ġie rrikonoxxut mill-qorti Komunitarja skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni ma għandhiex marġni ta’ diskrezzjoni illimitat, l-ewwel nett, biex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, it-tieni nett, biex tiddetermina jekk l-atti ta’ ksur differenti jikkostitwixxux ksur uniku u kontinwu jew diversi każijiet ta’ ksur awtonomi u, it-tielet nett, biex tiffissa l‑ammont tal-multi għal dawn il-każijiet ta’ ksur.

L-ewwel nett, il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni li għalih il-Kummissjoni tista’, skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, timponi multi huwa biss dak tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE jew 82 KE. Il-punt dwar jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikoli 81 KE u 82 KE humiex sodisfatti huwa s-suġġett, bħala regola ġenerali, ta’ stħarriġ sħiħ mill-qorti Komunitarja. Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li fl-eventwalità fejn din il-konstatazzjoni timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi jew tekniċi kumpelessi, il‑ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kummissjoni ċertu marġni ta’ diskrezzjoni, li fl-ebda każ ma huwa illimitat. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni ma timplikax li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ data ta’ din in‑natura. Il-qorti Komunitarja għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data rilevanti kollha li għandha titqies għall-evalwazzjoni ta’ sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet ibbażati fuqhom.

(ara l-punti 130, 131)

3. Il-Kummissjoni ma tiddisponix minn marġni ta’ diskrezzjoni illimitat għall-iffissar tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni. Għalkemm huwa minnu li l-kriterju oġġettiv tal-limitu tal-multa u l-kriterji suġġettivi tal-gravità u tat-tul tal-ksur iħallu lill-Kummissjoni marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, xorta jibqa’ l-fatt li dawn huma kriterji li jippermettu lill-Kummissjoni tadotta sanzjonijiet billi tieħu inkunsiderazzjoni l-grad ta’ illegalità tal-aġir inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, filwaqt li jħallu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, jiddefinixxu l-kriterji u l-limiti li huma imposti fuqha fl-eżerċizzju tas-setgħa tagħha fir-rigward tal-multi. Barra minn hekk, fl-iffissar tal-multi skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l‑prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ proporzjonalità, kif żviluppati mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali.

Abbażi tal-Artikolu 229 KE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali għandhom ġurisdizzjoni sħiħa biex jiddeċiedu fuq ir-rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tistabbilixxi multi u jistgħu b’hekk mhux biss jannullaw id-deċiżjonijiet meħudin mill-Kummissjoni, iżda wkoll ineħħu, inaqqsu jew iżidu l-multa imposta. B’hekk, il‑prassi amministrattiva tal-Kummissjoni hija suġġetta għall-istħarriġ sħiħ tal-qorti Komunitarja.

B’konformità mal-Artikolu 253 KE, f’deċiżjoni li timponi multa, il-Kummissjoni hija obbligata, u dan minkejja l-kuntest ġeneralment magħruf tad-deċiżjoni, timmotiva, b’mod partikolari, l-ammont tal-multa imposta u l-metodu magħżul f’dan ir-rigward. Din il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r‑raġunament tal-Kummissjoni, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura li ttieħdet bil-għan li jevalwaw il‑possibbiltà li jressqu kawża quddiem il-qorti Komunitarja u, jekk ikun il-każ, tippermetti lill-istess qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 140, 142-144, 148)

4. Il-kwalifika ta’ ċertu aġir illegali bħala aġir li jikkostitwixxi ksur uniku u identiku jew pluralità ta’ ksur, taffettwa, bħala prinċipju, is-sanzjoni li tista’ tiġi imposta, peress li l-konstatazzjoni ta’ pluralità ta’ ksur tista’ twassal għall-impożizzjoni ta’ diversi multi distinti, dejjem fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l‑implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE, li jipprovdu li l-multa għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ impriżi parteċipanti fil-ksur ma għandhiex taqbeż l-10 % tad-dħul mill-bejgħ totali fis-sena kummerċjali preċedenti. Isegwi li, meta l-Kummissjoni timponi multi li l-ammont tagħhom jaqbeż il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ, il-Kummissjoni ma twettaq ebda ksur tal-prinċipju nulla poena sine lege .

(ara l-punti 150,151)

5. L-għan dissważiv li l-Kummissjoni għandha d-dritt issegwi fl-iffissar tal-ammont ta’ multa huwa intiż sabiex jiżgura l-osservanza, mill-impriżi, tar-regoli tal-kompetizzjoni stabbiliti mit-Trattat meta jikkonduċu l-attivitajiet tagħhom fi ħdan il-Komunità Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea. Fil-każ ta’ pluralità ta’ ksur, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra li tali għan ma jistax jintlaħaq permezz tas-sempliċi impożizzjoni ta’ sanzjoni għal wieħed mill-ksur.

(ara l-punt 160)

6. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlob li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija. Fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi, il-gravità tal-ksur għandha tkun stabbilita abbażi ta’ numru ta’ elementi u ebda wieħed minn dawn l-elementi ma għandu jingħata importanza sproporzjonata meta mqabbel mal-elementi l-oħra ta’ evalwazzjoni. F’dan il-kuntest il-prinċipju ta’ proporzjonalità jimplika li l‑Kummissjoni għandha tiffissa l-multa proporzjonalment għall-elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur u hija għandha tapplika dawn l-elementi b’mod koerenti u oġġettivament iġġustifikat.

Fl-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni numru kbir ta’ elementi li n-nat ura u l-importanza tagħhom ivarjaw skont it-tip ta’ ksur inkwistjoni u ċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat. Fost dawn l-elementi li jikkonfermaw il-gravità ta’ ksur, ma jistax jiġi eskluż li jista’ jkun hemm, skont il-każ, id-daqs tas-suq tal-prodott inkwistjoni. Konsegwentement, għalkemm id-daqs tas-suq jista’ jikkostitwixxi element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi stabbilita l-gravità tal-ksur, l-importanza tiegħu tvarja skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-ksur ikkonċernat.

Restrizzjonijiet orrizontali tat-tip “konsorzji [kartell] ta’ prezzijiet” fis-sens tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA huma ta’ natura “gravi ħafna”. F’dan il-kuntest, id-daqs limitat tas-swieq inkwistjoni, għandu biss importanza żgħira fil-konfront tal-elementi l-oħra kollha li jattestaw il-gravità tal-ksur.

(ara l-punti 171, 175,176, 178)

7. Fil-kuntest tal-analiżi, imwettqa sabiex jiġi ffissat l-ammont ta’ multa għal ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, tal-kapaċità ekonomika effettiva tal-kumpanniji akkużati li jagħmlu dannu sinjifikattiv lill-kompetizzjoni, li tinvolvi evalwazzjoni tal-importanza reali ta’ dawn l-impriżi fis-suq ikkonċernat, jiġifieri tal-influwenza tagħhom fuqu, id-dħul mill-bejgħ globali juri biss stampa inkompleta tal-affarijiet. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li impriża b’saħħitha li jkollha numru ta’ attivitajiet differenti tkun preżenti f’suq ta’ prodotti speċifiċi biss b’mod inċidentali. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li impriża li għandha pożizzjoni importanti f’suq ġeografiku extra-Komunitarju jkollha biss pożizzjoni dgħajfa fis-suq Komunitarju jew f’dak taż-Żona Ekonomika Ewropea. F’każijiet bħal dawn il-fatt waħdieni li l-impriża kkonċernata għandha dħul mill-bejgħ globali kunsiderevoli mhux bilfors ifisser li hi teżerċita influwenza determinanti fis-suq affettwat. Huwa għalhekk li, għalkemm hu minnu li d-dħul mill-bejgħ ta’ impriża magħmul fis-swieq ikkonċernati ma jistax ikun determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża tappartjeni għal entità ekonomika b’saħħitha, dan huwa min-naħa l-oħra rilevanti sabiex tiġi ddeterminata l-influwenza li din setgħet teżerċita fis-suq.

B’hekk, sehem tad-dħul mill-bejgħ provenjenti mill-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur huwa tali li jagħti indikazzjoni tajba tal-portata tal-ksur fis-suq ikkonċernat. Fil-fatt, dan id-dħul mill-bejgħ huwa ta’ natura li jagħti indikazzjoni tajba tar-responsabbiltà ta’ kull impriża fuq l-imsemmija swieq peress li jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni tajba tal-ħsara ta’ din il-prassi għall-andament normali tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jirrappreżenta indikatur tajjeb tal-kapaċità ta’ kull impriża kkonċernata li toħloq dannu.

(ara l-punti 187,188)

8. Il-metodu li, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multi imposti fuq diversi parteċipanti f’akkordju, jikkonsisti fit-tqassim tal-membri fl-akkordju f’diversi kategoriji, li jġib miegħu l-iffissar tal-ammont inizjali tal-multi stabbilit għall-impriżi li jaqgħu taħt l-istess kategorija, minkejja li jinjora d-differenzi fid-daqs bejn impriżi tal-istess kategorija, ma jistax jiġi kkritikat, sakemm il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali jiġu osservati. Il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tiddeċiedi dwar kemm hi xierqa din is-sistema, anki jekk jitqies li tiżvantaġġja l-impriżi ta’ daqs iżgħar. Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-kontroll tal-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-Kummissjoni f’dan il‑qasam, għandha fil-fatt tillimita ruħha li tistħarreġ jekk it-tqassim tal-membri fl-akkordju f’kategoriji huwiex koerenti u ġġustifikat oġġettivament, mingħajr ma tissostitwixxi mill-ewwel l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha.

(ara l-punt 196)

9. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82KE, lanqas ma jeħtieġ li, fil-każ fejn il-multi jkunu imposti fuq diversi impriżi involuti fl-istess ksur, l-ammont tal-multa imposta fuq impriża ta’ daqs żgħir jew medju ma jkunx superjuri, bħala perċentwali tad-dħul mill-bejgħ, għal dak tal-multi imposti fuq impriżi ikbar. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, kemm għall-impriżi ta’ daqs żgħir jew medju kif ukoll għall-impriżi ta’ daqs ikbar, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, biex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa, il-gravità u t-tul tal-ksur. Sa fejn il-Kummissjoni timponi fuq l-impriżi involuti fl-istess ksur, multi ġġustifikati, għal kull waħda minnhom, meta mqabbla mal-gravità u mat-tul tal-ksur, hija ma tistax tiġi akkużata li, għal xi wħud minnhom, l-ammont tal-multa jkun ikbar, meta mqabbel mad-dħul mill-bejgħ, minn dak ta’ impriżi oħra. B’hekk, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata li tnaqqas l-ammont tal-multi meta l-impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji. Fil-fatt, id-daqs tal-impriża huwa diġà meħud inkunsiderazzjoni fil-limitu massimu ffissat mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fid-dispożizzjonijiet tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17. u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA. Minnbarra dawn il‑kunsiderazzjonijiet fir-rigward tad-daqs, ma hemm ebda raġuni sabiex wieħed jittratta l-impriżi żgħar jew medji b’mod differenti minn impriżi oħra. Il-fatt li l‑impriżi kkonċernati jkunu żgħar jew medji ma jeżonerahomx mid-dmir tagħhom li josservaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni.

(ara l-punti 199, 200)

10. Fil-kuntest tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprovdu, fis-sitt paragrafu tal-punt 1A tagħhom, li differenza kunsiderevoli fid-daqs tal-impriżi awturi ta’ ksur tal-istess natura hija, b’mod partikolari, ta’ natura li tiġġustifika differenzazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, ma tiksirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika fl-istess grupp, diversi impriżi fejn waħda kellha dħul mill-bejgħ globali ħafna jew “sensibbilment” inqas minn dak tal-impriżi l-oħra, fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħhom fis-suq ikkonċernat u l-partijiet tas-suq tagħhom simili ħafna, u li tapplika fuqhom ammont inizjali speċifiku identiku.

(ara l-punti 202, 205)

11. Fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multi imposti għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-forom proċedurali sostanzjali li jikkostitwixxu l-obbligu ta’ motivazzjoni huma sodisfatti meta l-Kummissjoni tindika, fid-deċiżjoni tagħha, l‑elementi ta’ evalwazzjoni li wassluha sabiex tkejjel il-gravità u t-tul tal-ksur. Dawn il-ħtiġijiet ma jorbtux lill-Kummissjoni sabiex fid-deċiżjoni tagħha tindika ċ-ċifri relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multi, filwaqt li jiġi ppreċiżat, f’kull każ, li l-Kummissjoni ma tistax, bl-użu esklużiv u mekkaniku ta’ formoli aritmetiċi, iċċaħħad ruħha mis-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dak li jirrigwarda deċiżjoni li timponi multi fuq diversi impriżi, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita permezz ta’ numru kbir ta’ elementi, bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża, il-kuntest tagħha u l-effett dissważiv tal-multi, u dan mingħajr ma tkun ġiet stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti tal-kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod obbligatorju.

(ara l-punt 226)

12. Il-fatt li impriża ma pparteċipatx f’laqgħa multilaterali u li hija waqqfet milli tikkomunika informazzjoni lill-membri oħra tal-akkordju, ma huwiex suffiċjenti sabiex juri li hija rrinunzjat milli tipparteċipa f’akkordju, peress li ma tkunx iddistakkat ruħha pubblikament mill-kontenut tiegħu.

(ara l-punti 240, 241, 244)

13. Skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, it-tul tal-ksur jikkostitwixxi wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li huma responsabbli mill-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

Għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Punt 1B tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jipprovdux l-ebda żieda għal ksur ta’ tul qasir, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ nqas minn sena, titwettaq żieda għall-ksur ta’ tul medju, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ bejn sena u ħames snin, żieda li tista’ pereżempju, titla’ sa 50 % tal-ammont inizjali tal-multa. Fir-rigward tal-ksur ta’ tul twil, b’mod ġenerali ta’ tul ta’ iktar minn ħames snin, huwa previst biss li l-ammont jista’ jiżdied b’10 % fis-sena. Dawn iż-żidiet ma humiex awtomatiċi, peress li l-imsemmija linji gwida jħallu marġni ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni.

(ara l-punti 237, 247, 249)

14. Il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA ma jelenkawx b’mod obbligatorju ċ-ċirkustanzi attenwanti li l-Kummissjoni hija marbuta tieħu inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha ċertu diskrezzjoni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali tal-ammont tal-multi skont iċ‑ċirkustanzi attenwanti. B’hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista’ tkun obbligata tapplika, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis fil-multa għat-tmiem ta’ ksur manifest, kemm jekk dan il-waqfien seħħ qabel jew wara l‑interventi tagħha.

It-tmiem ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, previst mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida jista’ loġikament jikkostitwixxi ċirkustanza attenwanti biss jekk ikunu jeżistu raġunijiet sabiex jitqies li l-impriżi inkwistjoni tħajru jtemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni. Fil-fatt, il-finalità ta’ din id-dispożizzjoni hija li tħajjar lill-impriżi sabiex itemmu l-aġir antikompetittiv tagħhom immedjatament meta l-Kummissjoni tibda stħarriġ f’dan ir-rigward. Ma jistax jiġi applikat tnaqqis fl-ammont tal-multa abbażi ta’ dan fil-każ fejn tkun diġà ttieħdet deċiżjoni konkreta minn dawn l-impriżi li jintemm il-ksur qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jew fil-każ fejn il-ksur ikun diġà ntemm qabel din id-data. Din l‑aħħar ipoteżi għandha tittieħed biżżejjed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tul tal-perijodu ta’ ksur ikkunsidrat.

(ara l-punti 259, 260)

15. Il-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA jipprovdu, fir-rigward tal-elementi suġġettivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-punt ta’ tluq tal-multa, li huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva tal-awturi tal-ksur li joħolqu dannu sostanzjali lill-operaturi l‑oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa fuq livell li jiżgura natura suffiċjentement dissważiva. Skont dawn il-linji gwida, f’każijiet fejn huma implikati diversi impriżi, bħal f’kartell, jista’ jkun neċessarju li jiġi applikat l-ammont inizjali ġenerali, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż speċifiku, u għalhekk l-impatt reali, tal-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il‑kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli bejn id-daqs tal-impriżi li jkunu wettqu ksur tal-istess tip, u li għalhekk l-ammont inizjali ġenerali jiġi adattat skont in-natura speċifika ta’ kull impriża.

Il-linji gwida ma jipprekludux li d-dħul mill-bejgħ globali jew id-dħul mill-bejgħ imwettaq mill-impriżi fis-suq ikkonċernat jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa sabiex jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju u meta ċ-ċirkustanzi jkunu jeħtieġu hekk.

B’hekk, it-tqassim tal-impriżi f’żewġ kategoriji, b’rigward tad-dħul mill-bejgħ tagħhom, huwa mod raġjonevoli sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza relattiva tagħhom fis-suq sabiex jiġi ffissat l-ammont inizjali tal-multa, sakemm dan ma jirriżultax f’rappreżentazzjoni mgħawġa ħafna tas-suq inkwistjoni.

(ara l-punti 273-275, 280)

16. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-effetti tal-ksur fuq suq, li taqa’ fuq il-Kummissjoni meta fil-kalkolu tal-multa din tieħu inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur, huwa nqas kbir minn dak meħtieġ minnha meta trid turi l-eżistenza bħala tali ta’ ksur fil-każ ta’ akkordju. Fil-fatt, sabiex jiġi kkunsidrat l-impatt konkret tal-akkordju fuq is-suq, huwa biżżejjed li l‑Kummissjoni tagħti “raġunijiet tajbin li għandhom jiġu kkunsidrati”.

(ara l-punt 301)

17. Id-drittijiet tad-difiża ma jinkisrux minħabba l-fatt li hemm inkonsistenza bejn id‑dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni finali ħlief jekk xi oġġezzjoni li tkun tinsab fiha ma tkunx ġiet esposta b’mod suffiċjenti sabiex tippermetti lid-destinatarji li jiddefendu ruħhom.

Għalkemm dawn id-dokumenti ma jissemmewx fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-impriża kkonċernata tista’ ġustament tqis li ma kellhomx importanza għall-finijiet tal-kawża. Billi ma tinformax lil impriża li ċerti dokumenti ser jintużaw fid-deċiżjoni, il-Kummissjoni tostakolaha milli timmanifesta fi żmien utli l-opinjoni tagħha fuq il-valur ta’ prova ta’ dawn id‑dokumenti. Isegwi li dawn id-dokumenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala mezzi ta’ provi validi fir-rigward tagħha.

Dokument użat mill-Kummissjoni insostenn ta’ lment fid-deċiżjoni finali filwaqt li dan id-dokument intuża fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jiġi stabbilit ilment ieħor jista’ biss jinżamm fid-deċiżjoni kontra l-impriża kkonċernata meta din setgħet tiddeduċi b’mod raġjonevoli, mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u mill-kontenut tad-deċiżjoni, il-konklużjonijiet li l-Kummissjoni għandha l‑intenzjoni tasal għalihom.

(ara l-punti 313-315)

18. Dritt għal silenzju assolut, ma jistax jiġi rikonoxxut lil impriża destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għal informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, ir-rikonoxximent ta’ tali dritt, imur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiġu ppreżervati d-drittijiet tad-difiża tal-impriżi u jikkostitwixxi xkiel inġustifikat għat-twettiq, mill-Kummissjoni, tal-missjoni li tiżgura l‑osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Dritt għal silenzju jista’ jiġi rrikonoxxut biss sa fejn l-impriża kkonċernata tkun obbligata tagħti risposti li permezz tagħhom hija jkollha tammetti l-eżistenza tal-ksur fejn hija l‑Kummissjoni li trid tistabbilixxi dan.

Sabiex jiġi ppreżervat l-effett utli tal-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il‑Kummissjoni hija, konsegwentement, intitolata tobbliga lill-impriżi sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex ifornuha, jekk meħtieġ, bid-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv. Dan il-poter tal-Kummissjoni li tikseb informazzjoni la jmur kontra l‑Artikolu 6(1) u (2) tal-KEDB u lanqas kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

F’kull każ, il-fatt li persuna tkun obbligata tirrispondi għad-domandi purament fattwali magħmula mill-Kummissjoni u li tissodisfa t-talbiet tagħha għall-produzzjoni ta’ dokumenti diġà eżistenti ma jiksirx il-prinċipju fundamentali tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll ta’ dak ta’ dritt għal smigħ xieraq, li jagħtu, fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, protezzjoni ekwivalenti għal dik garantita mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem. Fil-fatt, xejn ma jwaqqaf lid-destinatarju ta’ talba għal informazzjoni milli juri, iktar tard fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew waqt proċedura quddiem il-qorti Komunitarja, li l-fatti esposti fir-risposti tagħha jew id-dokumenti kkomunikati għandhom tifsira oħra minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni.

Fl-aħħar, meta f’talba għal informazzjoni taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni, barra mill-mistoqsijiet purament ta’ fatt u talbiet għal produzzjoni ta’ dokumenti preeżistenti, titlob lil impriża sabiex tiddeskrivi l-għan u l-andament ta’ diversi laqgħat li tkun ipparteċipat fihom kif ukoll ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta huwa ċar li l-Kummissjoni tissuspetta li l-għan tal-imsemmija laqgħat hu li jirristrinġi l-kompetizzjoni, talba bħal din hi ta’ natura li tobbliga lill-impriża inkwistjoni li tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, b’tali mod li l-imsemmija impriża ma hijiex obbligata li twieġeb domandi ta’ dan it-tip. F’ipoteżi bħal din, il-fatt li impriża xorta waħda tgħaddi informazzjoni fuq dawn il-punti għandu jiġi kkunsidrat bħala kollaborazzjoni spontanja tal-impriża li tista’ tiġġustifika tnaqqis fil-multa bl-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. F’din l-istess ipoteżi, l-impriżi ma jistgħux jallegaw li d-dritt tagħhom li ma jinkriminawx ruħhom ġie miksur minħabba l-fatt li huma rrispondew, volontarjament, għal tali domanda.

(ara l-punti 326-329)

19. Fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva mibdija minħabba akkordju pprojbit, il‑kollaborazzjoni ta’ impriża kkonċernata fl-investigazzjoni ma tagħtiha l-ebda dritt għal tnaqqis tal-multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx għaddiet dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 1(4) u (5), tar-Regolament Nru 17. Bil-kontra, fil-każ fejn impriża tipprovdi, bħala risposta għal talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 11, informazzjoni li tmur lil hinn minn dik mistennija mill-Kummissjoni skont l-istess artikolu, l-impriża inkwistjoni tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa.

(ara l-punt 340)