SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Ġunju 2009 ( *1 )

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali Dr. No — Oppożizzjoni mill-proprjetarju tat-trade marks verbali mhux irreġistrati u tas-sinjali Dr. No u Dr. NO — Rekwiżit ta’ trade marks preċedenti mhux sodisfatt — Nuqqas ta’ sinjal distintiv użat fil-kummerċ — Artikolu 8(1)(a) u (b), (2)(ċ) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(a) u (b), 2(ċ) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Obbligu ta’ motivazzjoni — Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Fil-Kawża T-435/05,

Danjaq, LLC, stabbilita f’Santa Monica, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Hobbs, QC, G. Hollingworth, barrister, M. S. Skrein u L. Berg, solicitors,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Mission Productions Gesellschaft für Film-, Fernseh- und Veranstaltungsproduktion mbH, stabbilita f’Munchen (il-Ġermanja), irrappreżentata minn K. Lewinsky, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI, tal-21 ta’ Settembru 2005 (Każ R 1118/2004-1), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Danjaq, LLC u Mission Productions Gesellschaft für Film-, Fernseh- und Veranstaltungsproduktion mbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe u S. Soldevila Fragoso (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-5 ta’ Diċembru 2005,

wara li rat ir-risposta tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Marzu 2006,

wara li rat ir-replika ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Lulju 2006,

wara li rat il-kontroreplika tal-UASI ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 ta’ Settembru 2006,

wara li rat in-nota tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Ottubru 2006,

wara li rat l-ittri tas-16, 23 u 24 ta’ Ottubru 2008 tar-rikorrenti u l-intervenjenti, kif ukoll tal-UASI fejn indikaw li ma kinux ser jattendu għas-seduta,

wara li rat il-bidla tal-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Fit-13 ta’ Ġunju 2001, l-intervenjenti Mission Productions Gesellschaft für Film-, Fernseh- und Veranstaltungsproduktion mbH, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja fl-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146), [issosstitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1)]. It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali Dr. No.

2

Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni jaqgħu fil-klassijiet 9, 12, 18, 25 u 32 skont il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u għal kull waħda minn dawn il-klassijiet jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti:

“Apparat u strumenti xjentifiċi, tal-baħar, ġeodesiċi, fotografiċi, ċinematografiċi, ottiċi, li jiżnu, li jkejlu, li jissenjalaw, li jivverifikaw (superviżjoni), tas-salvataġġ u tat-tagħlim; apparat u strumenti tal-elettriku u elettroniċi (inklużi fil-klassi 9); apparat għar-reġistrazzjoni, trażmissjoni u riproduzzjoni ta’ ħsejjes u/jew xbiehat u/jew data elettronika; tagħmir li jaħżen id-data b’mod manjetiku, diski akustiċi; magni tal-bejgħ awtomatiċi u mekkaniżmi għal apparat bi ħlas minn qabel; cash registers, magni li jikkalkulaw, tagħmir għall-ipproċessar tad-data u kompjuters; tagħmir għat-tifi tan-nar; tagħmir li jaħżen kull tip ta’ data rreġistrata; programmi ta’ software, tagħmir li jaħżen ħsejjes irreġistrati, tagħmir awdjoviżiv”, li jaqgħu taħt il-klassi 9;

“vetturi; apparat għaċ-ċaqliq bl-art, bl-ajru jew bl-ilma”, li jaqgħu taħt il-klassi 12;

“ġilda u imitazzjoni tal-ġilda; oġġetti ta’ dan il-materjal (inklużi fil-klassi 18); ġlud tal-annimali; bagolli u bagalji; basktijiet tal-ivvjaġġar; umbrelel, parasoli u bsaten; frosti u oġġetti tas-sarraġ”, li jaqgħu taħt il-klassi 18;

“ħwejjeġ, żraben u kpiepel”, li jaqgħu taħt il-klassi 25;

“birer; ilmijiet minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xorb tal-frott u meraq tal-frott; xroppi u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”, li jaqgħu taħt il-klassi 32.

3

Fis-26 ta’ April 2002, ir-rikorrenti Danjaq, LLC ressqet oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, minn naħa, billi allegat probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade marks magħrufa preċedenti Dr. No u Dr. NO, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) u (2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) u 2(ċ) tar-Regolament Nru 207/2009] u, min-naħa l-oħra, billi abbażi tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009), invokat it-trade marks preċedenti mhux irreġistrati, kif ukoll is-sinjali preċedenti Dr. No u Dr. NO użati fil-kummerċ sabiex jidentifikaw films, DVD, vidjos, comic books, reġistrazzjonijiet mużikali, kotba, kartelluni u figurini tal-films.

4

Permezz tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2004, l-UASI ċaħad l-oppożizzjoni peress li qies li r-rikorrenti la kienet ipproduċiet prova li t-trade marks inkwistjoni kienu magħrufa sew, u lanqas prova ta’ użu preċedenti fil-kummerċ tat-trade marks mhux irreġistrati u tas-sinjali oħra li mhumiex it-trade marks.

5

Fid-29 ta’ Novembru 2004, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, u permezz tad-deċiżjoni tal-, il-Bord tal-Appell ċaħad dan l-appell u kkonferma l-argumenti tal-UASI (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

It-talbiet tal-partijiet

6

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tilqa’ l-oppożizzjoni magħmula kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja;

sussidjarjament, tirrinvija l-oppożizzjoni quddiem l-UASI għal eżami mill-ġdid skont is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza;

tordna l-ħlas lura lir-rikorrenti tal-ispejjeż tal-proċeduri.

7

L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad it-talba tar-rikorrenti għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

8

L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti fl-istadju tar-replika

L-argumenti tal-partijiet

9

Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti pprovdiet dokument li jafferma l-eżistenza ta’ sit Internet li jippreżenta rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti u x-xbieha ta’ James Bond, kif ukoll ittra li fiha l-intervenjenti ssostni li dan is-sit Internet mhuwiex irreġistrat minnha u lanqas ma għandu rabta magħha. Ir-rikorrenti tispjega li pprovdiet l-imsemmija dokumenti f’dan l-istadju tal-proċeduri bil-miktub minħabba l-fatt li ma kinitx taf bl-eżistenza ta’ dan is-sit Internet qabel.

10

L-UASI jargumenta li dawn il-provi huma inammissibbli u li l-fatt li r-rikorrenti skopriet dan is-sit Internet biss dan l-aħħar ma jaffettwax l-ammissibbiltà tagħhom.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

11

Peress li dan ir-rikors huwa intiż għall-finijiet ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni mogħtija mill-Bord tal-Appell skont l-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009), l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza ma jistax imur lil hinn mill-kuntest fattwali u ġuridiku kif kien ippreżentat quddiem dan il-Bord. Għaldaqstant, il-funzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza mhijiex li teżamina, mill-ġdid, iċ-ċirkustanzi ta’ fatt, fid-dawl tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiemha. Fil-fatt, l-ammissjoni ta’ dawn il-provi tmur kontra l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li s-sottomissjonijiet tal-partijiet ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża quddiem il-Bord tal-Appell. F’dan il-każ, ir-rekwiżiti ta’ użu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma kinux is-suġġett tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni quddiem l-UASI u konsegwentement, ma jistgħux jiġu invokati quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2003, DaimlerChrysler vs UASI (Calandre), T-128/01, Ġabra p. II-701, punt 18, u tat-, Samar vs UASI – Grotto (GAS STATION), T-115/03, Ġabra p. II-2939, punt 13).

12

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-Artikolu 48(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura sabiex tiġġustifika l-fatt li dan id-dokument ġie ppreżentat tard. Il-fatt li r-rikorrenti skopriet is-sit Internet biss wara l-preżentata tar-rikors tagħha, ma jikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti li tiġġustifika l-legalità li tipproduċi provi ġodda fl-istadju tar-replika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GAS STATION, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). Għaldaqstant, hemm lok li dawn id-dokumenti jiġu ddikjarati inammissibbli.

Fuq l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti tal-UASI

L-argumenti tal-partijiet

13

Ir-rikorrenti ssostni li l-allegazzjonijiet tal-UASI li għamel fir-risposta tiegħu, dwar in-notorjetà tas-sinjali Dr. No u Dr. NO, kif ukoll dwar l-opportunità li ssir distnizjoni, minn naħa, bejn l-oriġini artistika u l-oriġini kummerċjali tal-film u, min-naħa l-oħra, bejn xogħol u materjal għas-sostenn tiegħu, ifittxu li jidħlu minflok il-motivi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, u konsegwentement, huma inammissibbli.

14

L-UASI jqis li llimita ruħu li jiżviluppa r-raġunamenti tal-Bord tal-Appell u għaldaqstant, ma għamilx oħrajn ġodda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

15

Skont l-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura, kemm l-UASI, kif ukoll il-partijiet l-oħra fil-proċeduri ma jistgħux ibiddlu s-suġġett tal-kawża kif ippreżentat quddiem il-Bord tal-Appell.

16

Madankollu, bil-kontra ta’ dak li qegħda tallega r-rikorrenti, l-argumenti tal-UASI la jfittxu li jbiddlu s-suġġett tal-kawża, u lanqas li jbiddlu l-bażi tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell. L-UASI sempliċement jiżviluppa l-argumenti ppreżentati mill-Bord tal-Appell dwar il-popolarità tal-film Dr. No u dwar il-fatt li r-rikorrenti tikkummerċjalizza materjal ta’ sostenn li jinkludi dan il-film (punt 21 tad-deċiżjoni kkontestata), kif ukoll l-użu eventwali tas-sinjali Dr. No u Dr. NO bħala indikaturi ta’ oriġini kummerċjali (punti 18, 19, 22 sa 30 tad-deċiżjoni kkontestata), sabiex isaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu. B’hekk, l-UASI ma biddilx is-suġġett tal-kawża permezz tal-imsemmija allegazzjonijiet u, għaldaqstant, dawn huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

17

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u (2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 [l-Artikolu 8(1)(a) sar l-Artikolu 8(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009]. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009), kif ukoll tar-regola 50(2)(f) u tar-regola 52(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 146). It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u 2(ċ) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

18

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li s-sinjali Dr. No u Dr. NO huma trade marks magħrufa u li, sabiex tiġi stabbilita n-notorjetà tagħhom, ma hemm xejn fil-kliem tar-Regolament Nru 40/94 u lanqas fil-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali tal-20 ta’ Marzu 1883, kif irreveduta u emendata (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Pariġi”), li jeżiġi prova tal-użu tagħhom fit-territorju Komunitarju qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja. Min-naħa l-oħra, hija tenfasizza li l-eżami tan-notorjetà tagħhom għandu jirrigwarda l-grad ta’ għarfien tat-trade marks min-naħa tal-pubbliku, u l-prova tal-użu tikkostitwixxi għalhekk, element addizzjonali u fakultattiv.

19

Fit-tieni lok, filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “użu bħala trade mark kummerċjali” peress li r-rikorrenti kienet użat is-sinjali ċċitati iktar ’il fuq sabiex tidentifika l-prodotti tagħha u l-prodotti l-oħra ddistribwiti u kkummerċjalizzati bil-kunsens tagħha.

20

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks konfliġġenti, minħabba li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija identika għat-trade marks magħrufa, li tagħhom ir-rikorrenti hija l-proprjetarja, u peress li l-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni u dawk koperti mit-trade marks tagħha huma identiċi jew jixxiebhu. Din l-impressjoni hija msaħħa bl-eżistenza ta’ sit Internet li jissuġġerixxi rabta bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mill-intervenjenti u x-xbieha ta’ James Bond.

21

L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li dawn l-argumenti jiġu miċħuda.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

22

L-eżami ta’ dan il-motiv iqajjem tliet kwistjonijiet ġuridiċi distinti. L-ewwel kwistjoni hija li jiġi stabbilit jekk is-sinjali Dr. No u Dr. NO kinux użati mir-rikorrenti bħala trade marks qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komuntarja. It-tieni kwistjoni hija li jiġi stabbilit jekk is-sinjali Dr. No u Dr. NO humiex magħrufa sew fi Stat Membru fis-sens tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi u l-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94. Fl-aħħar nett, it-tielet kwistjoni hija li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u s-sinjali Dr. No u Dr. NO, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

23

Fir-rigward tal-ewwel kwistjoni, għandu jitfakkar qabel kollox li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-funzjoni essenzjali ta’ trade mark hija dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex tippermetti lill-konsumatur li jixtri l-prodott jew is-servizz kopert mit-trade mark jagħmel, fil-każ ta’ xirja oħra, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun waħda pożittiva jew li jagħmel għażla oħra jekk din tkun negattiva (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2002, Dart Industries vs UASI (UltraPlus), T-360/00, Ġabra p. II-3867, punt 42, u tat-, Sunrider vs UASI (TOP), T-242/02, Ġabra p. II-2793, punt 88).

24

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li Dr. No, minn naħa, huwa t-titolu tal-ewwel film tas-serje “James Bond” u min-naħa l-oħra jikkostitwixxi l-isem ta’ wieħed mill-persunaġġi prinċipali tal-film. Bħala prinċipju, dawn il-fatti ma jikkostitwixxux ostakolu għall-użu tas-sinjali Dr. No u Dr. NO bħala trade marks sabiex jidentifikaw l-oriġini kummerċjali tal-films jew tad-DVDs.

25

Madankollu, f’dan il-każ, l-eżami tad-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti juru li s-sinjali Dr. No u Dr. NO ma jindikawx l-oriġini kummerċjali tal-films iżda l-oriġini artistiku tagħhom. Fil-fatt, għall-konsumatur medju, is-sinjali inkwistjoni, imwaħla fuq il-qoxra tal-kassetti vidjo jew fuq id-DVDs, jgħinu sabiex jiddistingwu dan il-film minn films oħrajn tas-serje “James Bond”. L-oriġini kummerċjali tal-film huwa indikat minn sinjali oħra bħal “007” jew “James Bond”, li huma mwaħħla fuq il-qoxra tal-kassetti vidjo jew fuq id-DVDs u li jindikaw li l-oriġini kummerċjali tagħhom hija l-impriża li tipproduċi l-films tas-serje “James Bond”. Barra minn hekk, anki jekk il-profitti li l-film Dr. No kien għamel fit-territorju Komunitarju jistgħu juru s-suċċess kummerċjali tal-imsemmi film f’dan it-territorju, xorta jibqa’ l-fatt li ma jippermettux li l-użu tas-sinjali inkwistjoni jiġi stabbilit bħala indikatur tal-oriġini kummerċjali.

26

Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li qegħda tallega r-rikorrenti, id-distinzjoni bejn titolu u trade mark mhijiex “mhux realistika u artifiċjali”. Fil-fatt, l-istess sinjal jista’ jkun protett kemm bħala xogħol oriġinali mid-drittijiet tal-awtur, kif ukoll bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali mid-dritt tat-trade marks. Dawn huma għaldaqstant drittijiet esklużivi differenti bbażati fuq kwalitajiet distinti jiġifieri, minn naħa, l-oriġinalità ta’ kreazzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità ta’ sinjal li jiddistingwi l-oriġini kummerċjali tal-prodotti u tas-servizzi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-21 ta’ Ottubru 2008, Cassegrain vs UASI (Forma ta’ basket), T-73/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 32). Għalhekk, anki jekk it-titolu ta’ film jista’ jkun protett, skont ċerti drittijiet nazzjonali, bħala kreazzjoni artistika indipendenti mill-film innifsu, huwa ma jistax jibbenifika b’mod awtomatiku mill-protezzjoni mogħtija lill-indikaturi ta’ oriġini kummerċjali, peress li huma biss is-sinjali li jiżviluppaw il-funzjonijiet karatteristiċi tat-trade marks li jistgħu jgawdu minn din il-protezzjoni.

27

Fil-każ tal-comic books, tar-reġistrazzjonijiet mużikali, tal-kotba u tal-kartelluni, is-sinjali Dr. No u Dr. NO lanqas huma użati bħala trade marks, iżda bħala riferiment deskrittiv tal-prodotti li jindikaw lill-konsumaturi li huma l-mużika tal-film Dr. No, ktieb jew comic book ibbażat fuq il-persunaġġ ta’ “ Dr. No”, jew kartellun tal-imsemmi film inkella ta’ dan il-persunaġġ. Bħalma juri l-eżami tad-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, ċerti mill-prodotti msemmija huma ppreżentati lill-pubbliku taħt indikazzjoni ta’ oriġini oħra, jiġifieri, “007” u “James Bond”, li jindikaw lill-konsumaturi li l-oriġini kummerċjali tal-prodotti msemmija iktar ’il fuq, ibbażati fuq il-film jew fuq il-persunaġġ tad-“ Dr. No”, huwa l-istess bħal dak tal-films tas-serje “James Bond”.

28

Dan huwa l-istess fil-kas ta’ mudelli ta’ karozzi jew arloġġi prodotti mill-impriżi li għandhom liċenzja għall-użu tas-sinjali Dr. No u Dr. NO fuq dawn il-prodotti. Fiż-żewġ każijiet, l-użu ta’ dawn is-sinjali huwa sempliċement deskrittiv, li jindika lill-konsumaturi li l-mudell tal-karozza inkwistjoni huwa dak tal-karozza użata fil-film Dr. No, jew li l-arloġġ huwa dak li jikkorrispondi għall-film Dr. No fi ħdan kollezzjoni ta’ arloġġi prodotti sabiex ikun imfakkar l-erbgħin anniversarju tal-films tas-serje “James Bond”. Barra minn hekk, l-eżami tad-dokumenti dwar il-karozzi jipprovaw li l-indikaturi ta’ oriġini kummerċjali użati mir-rikorrenti għalihom, huma “James Bond”, “007” u l-“Gun Symbol”. Bħal fil-każ analizzat fil-punt 27 hawn fuq, dawn l-indikaturi juru li l-oriġini kummerċjali tal-prodotti huwa l-istess bħal dak tal-prodotti “Bond” l-oħra.

29

Anki fl-ipoteżi li s-sinjali Dr. No u Dr. NO kienu użati bħala indikaturi ta’ oriġini kummerċjali fuq il-figurini tal-persunaġġi tal-films, prodotti minn impriża li għandha liċenzja fuq dawn it-trade marks, b’mod partikolari, permezz tal-użu tas-sinjali inkwistjoni flimkien mas-simbolu “™”, ir-rikorrenti ma rnexxilhiex tistabbilixxi li s-sinjali Dr. No u Dr. NO kienu użati bħala trade marks qabel id-data tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Fil-fatt, l-eżami tad-dokumenti pprovduti juri li l-figurini ta’ “Dr. No” tqiegħdu biss fis-suq mix-xahar ta’ Awwissu jew Settembru 2002, jiġifieri wara l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja, li saret fit-13 ta’ Ġunju 2001.

30

Fl-aħħar nett, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1999, BMW (C-63/97, Ġabra p. I-905, punt 38), u tat-, Arsenal Football Club (C-206/01, Ġabra p. I-10273, punt 53), invokati mir-rikorrenti fir-rigward tal-użu ta’ sinjali bħala trade marks, mhumiex applikabli f’dan il-każ. Fil-fatt, il-kwistjoni mhijiex waħda ta’ użu fil-kummerċ, ta’ trade mark irreġistrata għal finijiet purament deskrittivi jew għal finijiet oħra barra dawk li ssir distinzjoni fis-suq tal-prodotti jew tas-servizzi. Bil-kontra, il-kwsitjoni hija li jiġi ddeterminat jekk is-sinjali inkwistjoni, li jikkorrispondu għat-titolu ta’ film, kinux użati bħala trade marks qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, u dan ma ġiex stabbilit mir-rikorrenti.

31

Peress li mhux stabbilit li s-sinjali Dr. No u Dr. NO kienu użati bħala indikaturi ta’ oriġini kummerċjali qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, huma ma jistgħux jitqiesu li huma trade marks magħrufa, fis-sens tal-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 u tal-Artikolu 6 bis tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk is-sinjali inkwistjoni humiex magħrufa minn kulħadd fi ħdan Stat Membru fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni. Is-sinjali msemmija iktar ’il fuq ma jikkostiwixxux trade marks preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(2)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94, u għalhekk, ma hemmx lok li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni. Għaldaqstant, hemm lok li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, kif ukoll tar-regola 50(2)(f) u tar-regola 52(1) tar-Regolament Nru 2868/95

L-argumenti tal-partijiet

32

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata f’dak li jikkonċerna r-rifjut tal-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, u li n-nuqqas ta’ prova tal-użu tas-sinjali ma jiġġustifikax in-nuqqas tal-Bord tal-Appell li jirrispondi d-domandi magħmula.

33

L-UASI jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

34

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu3 tar-Regolament Nru 40/94 għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att. Dan l-obbligu għandu għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni interessati jsiru jafu bil-ġustifikazzjoni tal-miżura li ttieħdet sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punti 87 u 88, u tad-, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T-304/06, Ġabra p. II-1927, punt 43).

35

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-oppożizzjoni hija legali biss meta l-eżistenza ta’ trade mark preċedenti mhux irreġistrata jew sinjal ieħor li huwa differenti mit-trade mark jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin: jintużaw fil-kummerċ; ikollhom sinjifikat li mhuwiex biss lokali; jattribwixxu lill-proprjetarju tagħhom id-dritt li jipprojbixxi l-użu ta’ trade mark iżjed reċenti; li d-dritt għas-sinjal inkwistjoni għandu jkun inkiseb skont id-dritt tal-Istat Membru fejn is-sinjali jkunu ntużaw qabel id-data tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2007, Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER), T-53/04 sa T-56/04, T-58/04 u T-59/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 71; Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUD), T-60/04 sa T-64/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 69, u Budějovický Budvar vs UASI – Anheuser-Busch (BUDWEISER), T-57/04 u T-71/04, Ġabra p. II-1829, punt 86). Dawn ir-rekwiżiti huma kumulattivi. Għaldaqstant, meta sinjal ma jissodisfax waħda minn dawn ir-rekwiżiti, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata jew fuq sinjali oħra użati fil-kummerċ fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, ma tistax tintlaqa’.

36

F’dan il-każ, l-argumenti mressqa mill-Bord tal-Appell fil-punti 29 u 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru li r-rikorrenti ma kinitx uriet li hija kienet użat is-sinjali Dr. No u Dr. NO fil-kummerċ, huma motivazzjoni suffiċjenti sabiex il-motiv jiġi miċħud.

37

Kif jenfasizza l-UASI, il-fatt li l-argumenti tal-Bord tal-Appell dwar dan il-punt huma qosra ma jfissirx li d-deċiżjoni mhux suffiċjentement motivata. Fil-fatt, dawn l-argumenti ppermettew lir-rikorrenti ssir taf bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni li ttieħdet sabiex tiddefendi d-drittijiet tagħha, u ppermettew ukoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Mozart, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47). Għaldaqstant, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94

L-argumenti tal-partijiet

38

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94 ma jsemmix l-użu fil-kummerċ bħala rekwiżit preliminari għall-protezzjoni tas-sinjali previsti f’dan l-artikolu u li l-Bord tal-Appell kellu jieħu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali invokati, li jostakolaw l-approprjazzjoni ta’ dawn is-sinjali min-naħa ta’ terzi. Hija ssostni wkoll li s-sinjifikat tas-sinjal mhuwiex biss lokali.

39

L-UASI jitlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

40

Kif diġà ġie rrilevat fil-punti 24 sa 29 iktar ’il fuq, l-użu tas-sinjali Dr. No fuq il-qoxra tal-kassetti vidjo, DVD, reġistrazzjonijiet mużikali, kotba, comic books, kartelluni, mudelli ta’ karozzi u arloġġi, ma jikkostitwixxix użu bħala trade mark. Konsegwentement, is-sinjali Dr. No u Dr. NO ma jistgħux jitqiesu li huma trade marks mhux irreġistrati. Barra minn hekk, fil-każ tal-figurini tal-films, ir-rikorrenti ma wrietx li kienet użathom qabel l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja. Għalhekk, oppożizzjoni bbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark mhux irreġistrata qabel l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, ma tistax tintlaqa’.

41

Barra minn hekk, meta l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 40/94 (li sar l-Artikolu 53(2) tar-Regolament Nru 207/2009) jinqraw flimkien, jirriżulta li l-protezzjoni prevista mid-drittijiet tal-awtur ma tistax tiġi invokata fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, iżda biss fil-kuntest ta’ proċedimenti għall-kanċellazzjoni tat-trade mark inkwistjoni.

42

Fir-rigward tal-argument tal-rikorrenti li s-sinjali Dr. No u Dr. NO, bħala titoli distintivi ta’ film, huma protetti mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, għandu jiġi ppreċiżat li t-titoli ta’ xogħlijiet artistiċi huma protetti minn ċerti drittijiet nazzjonali kontra l-użu ta’ trade mark sussegwenti bħala sinjali distintivi li jinsabu barra mill-kamp tad-drittijiet tal-awtur. F’dan il-każ, it-titoli ta’ xogħlijiet artistiċi jistgħu jitqiesu li huma sinjali li huma differenti minn trade marks fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94.

43

Skont id-direttivi dwar il-proċedimenti quddiem l-UASI (Taqsima Ċ, intitolata “Oppożizzjoni”), li r-rikorrenti qegħda tipprova tinvoka, fost id-drittijiet nazzjonali differenti invokati, il-Markengesetz (liġi Ġermaniża dwar it-trade marks) tirrikonoxxi din il-protezzjoni kontra trade mark sussegwenti li tista’ toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni mat-titoli inkwistjoni, jekk l-imsemmija titoli jkollhom karattru distintiv u jkunu użati fil-kummerċ. Protezzjoni simili tingħata mid-dritt Svediż lil titoli distintivi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi. Madankollu, bil-kontra tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti u skont l-imsemmija direttivi li hija tipproduċi bħala prova ta’ drittijiet nazzjonali, id-dritt Grieg jagħti biss protezzjoni simili lit-titoli ta’ pubblikazzjonijiet perijodiċi, u d-drittijiet Spanjoli, Franċiżi, Taljani u Olandiżi ma jagħtux protezzjoni differenti u indipendenti lil titoli ta’ xogħlijiet artistiċi minn dik mogħtija mid-drittijiet tal-awtur. Barra minn hekk, la dawn id-direttivi u lanqas il-kumplament tad-dokumenti ppreżentati ma jippermettu li jiġi stabbilit f’liema kundizzjonijiet il-“passing off” jirrikonoxxi, fid-dritt tar-Renju Unit, protezzjoni lis-sinjali Dr. No u Dr. NO li jkun differenti mill-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur. Għaldaqstant, dawn id-drittijiet ma jistgħux jiġu invokati fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni.

44

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, l-eżistenza ta’ sinjal li huwa differenti minn trade mark jiġġustifika l-oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, jekk dan jissodisfa b’mod kumulattiv l-erba’ rekwiżiti msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq. Skont il-kliem ta’ dan l-artikolu, ir-rekwiżit tal-użu fil-kummerċ huwa rekwiżit fundamentali, li mingħajru s-sinjal inkwistjoni ma jista’ jgawdi minn ebda protezzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, minkejja r-rekwiżiti mposti mid-dritt nazzjonali sabiex jinkiseb id-dritt esklużiv. Fil-każ partikolari tat-titoli ta’ xogħlijiet, l-użu tat-titolu jippresupponi li x-xogħol inkwistjoni tqiegħed fis-suq ikkonċernat, jiġifieri, f’dan il-każ fil-Ġermanja u l-Isvezja, li huma t-territorji fejn it-titoli tal-films huma protetti bħala sinjali, b’mod differenti mid-drittijiet tal-awtur.

45

Ir-rikorrenti ssostni li mill-1962 il-film Dr. No ġie ddistribwit b’mod regolari fit-territorju tal-Unjoni Ewropea u li hija ppreparat ukoll serje ta’ vidjos u DVDs ġodda. Hija ssostni wkoll li l-profitt totali miksub fl-Unjoni Ewropea jaqbeż is-somma ta’ USD 26 miljun. Madankollu, id-dokumenti ppreżentati mir-rikorrenti mhumiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit użu tat-titolu ta’ dan il-film fil-kummerċ, qabel l-applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, fit-territorji fejn huwa protett. Fil-fatt, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma ppreċiżatx il-portata tal-użu tal-imsemmi titolu fis-swieq ikkonċernati, li setgħet issir mingħajr ħafna diffikultajiet billi tipprovdi, pereżempju, l-informazzjoni dwar il-programmazzjoni tal-film, fiċ-ċinemas inkella fuq it-televiżjoni, jew it-tul ta’ żmien li fih il-film kien iddistribwit. Bil-kontra ta’ dan, ir-rikorrenti sempliċement ippreżentat silta minn paġna ta’ sit Internet li fiha jissemma li l-film Dr. No ixxandar fir-Renju Unit fit-2 ta’ Ġunju 1999. Fit-tieni lok, id-dikjarazzjoni tad-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti u d-dikjarazzjonijiet ta’ espert maħtur minnha jikkostitwixxu prova li ġejja minn individwi mhux indipendenti minnha u li, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix prova suffiċjenti sabiex tipprova l-użu tat-titolu (f’dan is-sens, sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T-303/03, Ġabra p. II-1917, punti 42 sa 45). Fit-tielet lok, l-informazzjoni dwar id-dħul mill-film, ippubblikata fuq sit Internet ieħor, ukoll mhijiex suffiċjenti minħabba li tirreferi b’mod ġenerali ħafna għall-attivitajiet imwettqa mir-rikorrenti barra l-Istati Uniti u la tippreċiża t-tip ta’ attività, u lanqas it-territorji kkonċernati. Għall-istess raġuni, l-informazzjoni mogħtija minn perjodiku dwar id-dħul ta’ flus miksub mill-film ma taffetwax l-użu tas-sinjal. Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, artikoli oħra tal-istampa, prodotti mir-rikorrenti jirrigwardaw suġġetti li ma jippermettux li jiġi pprovat l-użu tas-sinjal fl-Istati Membri indikati.

46

Peress li r-rikorrenti ma rnexxiliex tistabbilixxi l-użu tat-titolu tal-film Dr. No fl-Istati Membri fejn huwa protett kontra l-użu ta’ trade mark preċedenti, ma hemmx lok li jiġi eżaminat jekk l-imsemmi titolu jissodisfax ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex igawdi mill-protezzjoni mogħtija lil dawn is-sinjali mid-drittijiet nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan il-motiv għandu jiġi miċħud u, konsegwentement, ir-rikors fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

47

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

Taqta’ u tiddeċiedi

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Danjaq, LLC hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Pelikánová

Jürimäe

Soldevila Fragoso

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-30 ta’ Ġunju 2009.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.