Kawża T-432/05
EMC Development AB
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq Ewropew tas-siment — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Standard armonizzat għas-siment — Natura vinkolanti — Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali”
Sommarju tas-sentenza
1. Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2))
2. Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Eżami tal-ilmenti
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Regolamenti tal-Kummissjoni Nru 2842/98 u Nru 773/2004)
3. Rikors għal annullament — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li teħtieġ evalwazzjoni ekonomika kumplessa — Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Artikoli 81 KE u 230 KE)
4. Kompetizzjoni — Akkordji — Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni — Osservanza tal-linji gwida deċiżi mill-Kummissjoni
(Artikolu 81 KE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/34; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2001/C 3/02, punti 162 u 163)
1. Skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ilment ippreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, mingħajr ma jirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura u lanqas ma jżid fuq motiv espost fir-rikors, huwa inammissibbli.
(ara l-punti 51, 83, 96, 99, 100, 103, 128)
2. Ir-Regolamenti Nru 17, Nru 2842/98, Nru 1/2003 u Nru 773/2004 ma jinkludux dispożizzjonijiet espressi li jikkonċernaw azzjoni ulterjuri, fil-mertu, għal ilment u l-obbligi ta’ investigazzjoni eventwali tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-investigazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tibda proċeduri intiżi sabiex jistabbilixxu eventwali ksur tad-dritt Komunitarju u, fost id-drittijiet mogħtija lill-persuni li jagħmlu l-ilment mill-imsemmija regolamenti, ma hemmx id-dritt li tinkiseb deċiżjoni definittiva inkwantu għall-eżistenza jew le tal-allegat ksur.
Jekk il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħti deċiżjoni fuq l-eżistenza jew le ta’ ksur, ma jistax jiġi impost fuqha li tagħmel investigazzjoni, minħabba li din tal-aħħar ma jistax ikollha skop ieħor ħlief li tfittex il-provi dwar l-eżistenza jew le ta’ ksur li hija ma għandhiex obbligu li tikkonstata.
Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħmel investigazzjoni, hija madankollu għandha teżamina fid-dettall il-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba quddiemha mil-lanjant, sabiex tevalwa jekk l-imsemmija punti jwasslux għal aġir ta’ natura li jkun ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Barra minn hekk, peress illi l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba quddiemha mil-lanjant, din l-istituzzjoni ma għandhiex tistabbilixxi li hija ħadet miżuri investigattivi.
(ara l-punti 57-59)
3. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad ilment dwar ksur tar-regoli Komunitarja tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata eżaminatx kif xieraq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa quddiem il-Kummissjoni għal evalwazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni li jinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa, bħalma huwa l-każ fil-qasam ta’ allegat ksur tal-Artikolu 81 KE, għandu sempliċement jivverifika li r-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni jiġu osservati kif ukoll jivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u l-użu ħażin ta’ poter.
(ara l-punt 60)
4. Il-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, sa fejn dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sa kemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat.
L-għan tal-Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim għal kooperazzjoni orizzontali huwa li jesponu l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 81 KE tal-imsemmija ftehim u, b’mod partikolari, tal-ftehim tal-istandardizzazzjoni. Skont il-punti 162 u 163 ta’ dawn il-linji gwida, l-istandards adottati mill-korpi ta’ standardizzazzjoni rikonoxxuti skont id-Direttiva 98/34, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, skont proċedura mhux diskriminatorja, miftuħa u trasparenti u li l-osservanza tagħha ma hijiex imposta, ma jirrestrinġux, bħala regola, il-kompetizzjoni u ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE.
Ladarba lanjant ma jippreżentax elementi ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-kriterji esposti fil-punti 162 u 163 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni tista’ ġustament teżamina lment fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet sabiex tevalwa jekk il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kinitx nondiskriminatorja, miftuħa u trasparenti u jekk l-istandard kienx vinkolanti.
Meta jitressaq quddiem il-qorti Komunitarja rikors għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad tali lment ippreżentat skont ir-Regolament Nru 17, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni għandu neċessarjament ikun limitat għar-regoli ta’ kompetizzjoni kif jirriżultaw mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, u għaldaqstant ma jistax jiġi estiż għall-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat.
(ara l-punti 61-63, 65, 66, 137)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
12 ta’ Mejju 2010 (*)
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tas-siment – Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment – Standard armonizzat għas-siment – Natura vinkolanti – Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali”
Fil-Kawża T‑432/05
EMC Development AB, stabbilita f’Luleå (l-Isvezja), irrappreżentata minn M. Elvinger u W.-N. Schelp, avukati,
rikorrenti
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn É. Gippini Fournier u B. Doherty, sussegwentement minn Gippini Fournier u J. Bourke, bħala aġenti
konvenuta
li għandha bħala suġġett rikors intiż li jannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SG‑Greffe (2005) D/205249, tat-28 ta’ Settembru 2005, li ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti kontra l-produtturi Ewropej tas-siment Portland, l-Assoċjazzoni Ewropea tas-Siment (Cembureau) u l-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni (CEN) dwar is-suq Ewropew tas-siment,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras, President, M. Prek u V. M. Ciucă (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Mejju 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 89/106/KEE
1 Id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar il-prodotti għall-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 9, p. 296), emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 93/68/KE, tat-22 ta’ Lulju 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 12, p. 173), hija intiża, b’mod partikolari, li telimina l-ostakli għall-moviment liberu tal-prodotti tal-bini. Skont id-diċitura tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 89/106, huma meqjusa bħala “prodott ta’ bini”, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “kull prodott li hu magħmul biex jiddaħħal b’mod permanenti fix-xogħlijiet ta’ bini, inkluż kemm fix-xogħlijiet tal-bini u kemm tal-periti”. Skont l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 89/106, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti ta’ bini jitqiegħdu fuq is-suq biss jekk ikunu tajbin għall-użu maħsub, jiġifieri jekk ikollhom dawk il-karatteristiċi li x-xogħlijiet li ser jiddaħħlu fihom, magħquda, imħaddma jew installati, jistgħu, jekk iddiżinjati u mibnija sew, jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti bl-Anness I fil-każ fejn dawn ix-xogħlijiet huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni li tinkludi dawn ir-rekwiżiti.
2 Id-Direttiva 89/106 tistabbilixxi l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi li l-osservanza tagħhom iwasslu, skont l-Artikolu 4(2) tagħha, għal preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti essenzjali. Skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 9(3) tal-imsemmija direttiva, dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jkunu kemm standards armonizzati, adottati b’mod partikolari mill-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni (CEN), kif ukoll minn approvazzjonijiet tekniċi Ewropej, mogħtija minn korp ta’ approvazzjoni magħżul minn Stat Membru.
3 Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 89/106, il-marka “KE” turi li l-prodotti ta’ bini huma konformi, b’mod partikolari, mal-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards armonizzati u li r-referenzi tagħhom huma ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew li huma konformi ma’ approvazzjoni teknika Ewropea. Skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid fuq is-suq, jew l-użu fit-territorju tagħhom, ta’ prodotti konformi mal-imsemmija direttiva u li għandhom din il-marka “KE”.
4 Skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 89/106, l-istandards armonizzati huma adottati mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni fuq mandat tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u wara l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għal Bini msemmi fl-Artikolu 19 tal-imsemmija direttiva. L-istandards stabbiliti għandhom, fid-dawl tad-dokumenti interpretattivi, jinkitbu, sa fejn huwa possibbli, b’mod prattiku fir-rigward tal-effettività tal-prodotti. Meta l-istandards ikunu ġew stabbiliti mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni, il-Kummissjoni tippubblika r-referenzi tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali.
5 Skont l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 89/106, l-approvazzjoni teknika Ewropea tista’ tingħata, b’mod partikolari, minn naħa, lill-prodotti li għalihom la hemm standard armonizzat, la hemm standard nazzjonali rikonoxxut, u lanqas mandat ta’ standard Ewropew u li għalihom il-Kummissjoni tqis li standard ma jistax jew li għalissa ma jistax jiġi stabbilit, u, min-naħa l-oħra, lill-prodotti li jidderogaw b’mod sinjifikattiv mill-istandards armonizzati jew mill-istandards nazzjonali rikonoxxuti.
B – Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim għal kooperazzjoni orizzontali
6 It-titolu 6 tal-Avviż [Linji Gwida] tar-Regolamenti tal-Kummissjoni dwar kemm għandu japplika l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE għal ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 8, p. 25) (iktar ’il quddiem, il-“linji gwida”), li jirrigwarda l-akkordji tal-istandardizzazzjoni, jistabbilixxi:
“6.1. Definizzjoni
159. Ftehim ta’ l-istandardizzazzjoni għandhom bħala l-għan ewlieni tagħhom id-definizzjoni tal-ħtiġijiet tekniċi jew ta’ kwalità li jridu jħarsu l-prodotti kurrenti jew futuri, proċessi jew metodi tal-produzzjoni [47]. Ftehim ta’ l-istandardizzazzjoni jistgħu jkopru kwistjonijiet varji, bħall-istandardizzazzjoni ta’ gradi jew qisien differenti ta’ prodott partikolari jew speċifikazzjonijiet tekniċi fi swieq fejn il-kompatibilità u l-inter-operabilità ma’ prodotti jew sistemi oħra hija essenzali. It-termini ta’ l-aċċess ta’ marka ta’ kwalità partikolari jew għall-approvazzjoni ta’ korp regolatorju tista’ wkoll titqies bħala standard”.
7 In-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 47 li tirrigwarda l-punt 159 tal-linji gwida tipprovdi s-segwenti:
“L-istandardizzazzjoni tista’ tieħu forom differenti, li jvarjaw mill-adozzjoni ta’ standards ibbażati fuq kunsens nazzjonali minn korpi rikonoxxuti Ewropew jew nazzjonali, għal konsorzji u fora, sa ftehim bejn kumpanniji waħdiena. Għalkemm il-liġi tal-Komunità tiddefinixxi l-istandards f’mod dejjaq, dawn ir-regoli jikkwalifikaw bħala standards il-ftehim kollha definiti f’dan il-paragrafu”.
8 Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-linji gwida jindikaw b’mod partikolari s-segwenti:
“6.3. Stima taħt l-Artikolu 81(1) [KE]
162. Il-ftehim biex jiffissaw l-i standards […] jistgħu jkunu jew konklużi bejn l-impriżi privati jew iffissati taħt l-approvazzjoni tal-korpi jew il-korpi fdati bl-operazzjoni tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, bħall-korpi tan-normi rikonoxxuti taħt id-Direttiva 98/34/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337)] […]. L-involviment ta’ dawn il-korpi hija suġġetta għall-obbligi ta’ l-Istati Membri dwar il-priservazzjoni ta’ kompetizzjoni sew fil-Komunità.
6.3.1. Natura tal-ftehim
6.3.1.1. Ftehim li ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) [KE]
163. Meta l-parteċipazzjoni fl-iffissar ta’ l-istandard mhix ristrett u huwa trasparenti, il-ftehim ta’ standardizzazzjoni kif definit hawn fuq, li ma tiffissa l-ebda obbligu biex jitħares l-istandard jew li huma parti minn ftehim akbar biex jiżgura l-kompatibilità tal-prodotti, ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni. Dan normalment japplika għall-i standards addottati mill-korpi rikonoxxuti ta’ l-istandardizzazzjoni li huma bbażati fuq proċeduri mhux diskriminatorji, miftuħa u trasparenti”.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Atturi fis-suq tas-siment
9 Ir-rikorrenti, EMC Development AB, hija kumpannija attiva fl-esperimentazzjoni kontinwa, fl-iżvilupp u fl-operat kummerċjali ta’ metodu ta’ produzzjoni ta’ siment enerġetikament modifikat. Hija hi stabbilita f’Luleå (l-Isvezja).
10 L-Assoċjazzjoni Ewropea tas-Siment (Cembureau) hija stabbilita f’Brussell (il-Belġju). Hija kienet tirrappreżenta, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, 25 assoċjazzjoni nazzjonali fis-settur tas-siment u tax-xogħlijiet tas-siment fl-Ewropea, u l-għan tagħha kien li tippromovi l-interessi tal-membri tagħha permezz ta’ rappreżentazzjoni attiva fis-settur Ewropew tas-siment fuq livell Ewropew u internazzjonali.
11 Is-CEN hija organizzazzjoni indipendenti li l-membri tagħha kienu, meta d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata, il-korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni ta’ 28 Stat Ewropew. Il-Kummissjoni Ewropea ma hijiex membru tas-CEN, iżda sservi bħala konsulent, b’mod partikolari fi ħdan il-kunsill tekniku. Is-CEN, li tinkoraġixxi l-armonizzazzjoni teknika volontarja fl-Ewropa, hija korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni rikonoxxuta skont d-Direttiva 98/34.
B – Standard Ewropew tas-siment EN 197-1
12 L-istandard EN 197-1 (iktar ’il quddiem l-“istandard”) ġie adottat f’April 2000 minn 19-il korp nazzjonali ta’ standardizzazzjoni li kienu membri tas-CEN. Dan ġie żviluppat minn kumitat tekniku tas-CEN, is-CEN/TC 51 “Siment u ġir għall-kostruzzjoni” (iktar ’il quddiem is-“CEN/TC 51”), skont il-mandat M/114, maħruġ mill-Kummissjoni u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) skont id-Direttiva 89/106. Dan il-mandat jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola, jelenka l-lista ta’ prodotti li kellhom jiġu kkunsidrati u jindika li l-istandard, fid-dawl tad-dokumenti interpretattivi, kien, sa fejn huwa possibbli, miktuba b’mod prattiku fir-rigward tal-effettività tal-prodotti.
13 L-istandard jiddefinixxi kull wieħed mis-27 prodott tas-siment komuni, jiġifieri s-simentijiet komuni deskritti bħala tradizzjonali u ttestjati mid-diversi korpi nazzjonali ta’ standardizzazzjoni fi ħdan is-CEN. Dawn il-prodotti huma sussegwentement miġbura f’ħames tipi prinċipali ta’ simentijiet (CEM 1 sa CEM V), skont il-proporzjonijiet li permezz tagħhom il-komponenti prinċipali għandhom jitħalltu sabiex jipproduċu dawn il-prodotti distinti f’varjetà ta’ sitt “klassijiet ta’ forza”. Kull tip prinċipali ta’ siment huwa magħmul minn ċertu perċentwali ta’ “gagazza” ta’ siment Portland mħallta ma’ diversi livelli ta’ komponenti. Din it-tifsira tinkludi r-rekwiżiti li l-komponenti għandhom josservaw u r-rekwiżiti mekkaniċi, fiżiċi, kimiċi u t-tul ta’ żmien tas-27 prodott tas-siment komuni u tal-“klassijiet ta’ forza”.
14 Is-siment konformi mar-regola jista’ jikseb il-marka “KE”.
C – Il-prodotti
15 Skont ir-rikorrenti u s-Cembureau, il-“veru” siment Portland jikkorrispondi għall-prodotti tat-tip prinċipali CEM I, kif iddefinit bl-istandard. Is-simentijiet imħallta jikkorrispondu għas-simentijiet li jaqgħu fl-erba’ tipi l-oħra prinċipali, CEM II sa CEM V.
16 Is-siment magħmul mir-rikorrenti huwa siment enerġetikament modifikat, li t-teknoloġija tiegħu ġiet żviluppata fl-Isvezja fil-bidu tas-snin 1990. Dan is-siment huwa magħmul mit-titħin/attivazzjoni intensa ħafna tas-siment Portland ma’ materjali differenti bħalma huwa s-sodju, il-ġamar tal-ifran jew ir-ramel fin tal-kwartz.
D – Il-proċedura amministrattiva
17 F’Ottubru 2001, ir-rikorrenti kkuntatjat id-Direttorati Ġenerali (DG) “Kompetizzjoni”, “Intrapiża u Industrija” u “Ambjent” tal-Kummissjoni sabiex tgħarrafhom bit-tħassib tagħha dwar l-istandard u s-settur tas-siment Ewropew b’mod ġenerali. Ir-rikorrenti ltaqgħat ukoll ma’ rappreżentanti tad-DG “Kompetizzjoni”.
18 Fit-3 ta’ Jannar 2002, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni sabiex jinsisti ħalli l-Kummissjoni tieħu azzjoni.
19 Fit-12 u fid-19 ta’ Frar 2002, id-DG “Intrapiża u Industrija” u d-DG “Suq Intern” informaw lir-rikorrenti li l-istandard ma jikkostiwixxix ostaklu regolatorju għad-dħul fis-suq ta’ siment u li kien konformi mad-Direttiva 89/106.
20 B’ittra tal-14 ta’ Marzu 2002, ir-rikorrenti sostniet li l-produtturi Ewropej tas-siment Portland, is-Cembureau u s-CEN kienu kisru l-Artikoli 81 KE u 82 KE.
21 Fil-15 ta’ Marzu 2002, l-ittri tat-3 ta’ Jannar u tal-14 ta’ Marzu 2002 ġew irreġistrati mill-Kummissjoni bħala lment formali, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitoli 8, Vol. 1, p. 3).
22 Fl-4 u fis-6 ta’ Settembru 2002, rispettivament, is-CEN u s-Cembureau bagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment tar-rikorrenti. Fl-10 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti bagħtet lid-DG “Kompetizzjoni” il-kummenti tagħha dwar l-osservazzjonijiet tas-Cembureau u tas-CEN.
23 Fid-29 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-rikorrenti, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204) u informatha bl-intenzjoni tagħha li tiċħad l-ilment u stednitha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha, fatt li r-rikorrenti għamlet bl-ittra tat-22 ta’ Marzu 2004.
24 Fil-11 ta’ Ġunju 2004, ir-rikorrenti bagħtet lill-Kummissjoni sunt qasir tal-minuti tal-laqgħa, li saret fit-8 ta’ Ġunju 2004, bejnha u r-rappreżentanti tad-DG “Kompetizzjoni”. Ir-rikorrenti fformulat kummenti addizzjonali, u indikat li dawn kienu bla ħsara għall-pożizzjoni futura fuq l-argumenti kollha li hija tista’ tressaq. B’posta elettronika tal-24 ta’ Lulju 2004, id-DG “Kompetizzjoni” rrispondietha li, skont ir-regoli tal-proċedura li jirregolaw it-trattament ta’ lmenti, ma kienx possibbli li jitkompla “skambju illimitat ta’ domandi u risposti”.
25 B’ittra tat-2 ta’ Marzu 2005, id-DG “Intrapiża u Industrija” informa lir-rikorrenti li kellu f’moħħu li jemenda l-mandat M/114 sabiex tiżdied “sub-familja ” fost is-simentijiet komuni u li jippermetti l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi ġodda. B’ittra tal-1 ta’ Ġunju 2005, id-DG “Intrapiża u Industrija” indika lir-rikorrenti li peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri kienu kontra din l-emenda, hija kellha tirrinunzja għal dan il-proġett.
26 B’ittra tal-1 ta’ Lulju 2005, ir-rikorrenti talbet lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-kompetizzjoni jeżamina bir-reqqa r-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106 meta mqabbla mas-siment li hija tipproduċi.
27 B’deċiżjoni SG-Greffe (2005) D/205249, tat-28 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”) il-Kummissjoni formalment ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti.
E – L-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti
28 Fl-ilment tagħha, ir-rikorrenti kienet sostniet li l-produtturi Ewropej tas-siment Portland kienu adottaw sensiela ta’ azzjonijiet li kienu jikkostitwixxu ksur gravi tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. L-ewwel nett, l-imsemmija produtturi kienu kkostitwixxew kartell, bl-għan li joħolqu ostakli għad-dħul fis-suq Ewropew tas-siment, fejn l-istandard, li kien adottat permezz tal-intermedjarji tas-Cembureau u tas-CEN, kien l-ikbar ostaklu. L-imsemmija produtturi kienu wkoll qasmu ġeografikament is-suq Ewropew tas-siment. It-tieni nett, ir-rikorrenti kienet sostniet li dan l-aġir tal-produtturi Ewropej tas-siment Portland, li kollettivament kienu jiddominaw is-suq tas-siment, kien jikser ukoll l-Artikolu 82 KE. Sabiex isaħħu d-dominanza tagħhom, dawn il-produtturi kienu daħlu f’integrazzjoni vertikali billi akkwistaw il-kontroll ta’ 30 % sa 70 % tal-produtturi tal-konkrit u ngħaqdu flimkien fi ħdan l-Unjoni. Il-produtturi tas-siment Portland kienu użaw id-dominanza tagħhom fuq il-produtturi tal-konkrit sabiex iwaqqfuhom milli jixtru siment enerġetikament modifikat, billi heddewhom li jwaqqfulhom il-provvista.
Id-deċiżjoni kkontestata
29 Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi, b’mod partikolari, is-CEN u s-sistema tagħha li biha l-istandards jiġu adottati, id-Direttiva 89/106, l-istandard, is-simentijiet differenti, fosthom is-siment Portland u s-siment enerġetikament modifikat, u, fl-aħħar nett, l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Il-Kummissjoni tispeċifika, fil-punti 73 sa 123, ir-raġunijiet għaliex hija tqis li ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tiddeċiedi favur ir-rikorrenti.
30 L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni tibda billi tiddefinixxi s-suq tal-prodott u s-suq ġeografikament rilevanti (punti 76 sa 78). Is-suq tal-prodott huwa ddefinit bħala s-suq tas-siment griż u s-suq ġeografiku bħala sensiela ta’ swieq, imfassla fuq diversi fabbriki, li jidħlu f’xulxin u jkopru l-Ewropa kollha. Il-Kummissjoni teżamina l-istandard fid-dawl tal-linji gwida, b’mod partikolari l-punti 162 u 163 tagħha, u tikkonkludi li ma hemmx effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 81(1) (punt 112). Il-Kummissjoni tispeċifika li ma hemmx bżonn li tiddetermina, fil-kuntest ta’ lment li jirrigwarda l-applikazzjoni tal-Artikoli 81 KE u 82 KE, jekk l-istandard huwiex miktub f’termini normattivi jew hijiex ibbażata fuq l-effettività (punt 107). Madankollu, hija żżid tgħid li d-dipartimenti kompetenti tal-Kummissjoni, jiġifieri d-DG “Intrapiża u Industrija”, tqis li r-regola hija miktuba f’termini “bbażati suffiċjentement fuq l-effettività” (punti 108 sa 111). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni teżamina u tinjora l-argumenti l-oħra invokati, marbuta ma’ akkordji u qsim ġeografiku tas-swieq, peress li r-rikorrenti ma semmiet l-ebda fatt li jsostni l-allegazzjonijiet tagħha (punti 113 sa 117).
31 It-tieni nett, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 82 KE, il-Kummissjoni tikkonstata li ma huwiex possibbli li l-produtturi Ewropej tas-siment Portland jitqiesu f’pożizzjoni kollettivament dominanti fuq is-suq Ewropew tas-siment u, għalhekk, l-Artikolu 82 KE ma huwiex applikabbli (punti 118 sa 123).
32 Skont it-Titolu D tad-deċiżjoni kkontestata, “peress li ma hemmx, għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, motivazzjoni biżżejjed sabiex tiddeċiedi favur ir-rikorrenti, il-Kummissjoni tiċħad dan l-ilment” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
33 B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (li issa saret il-“Qorti Ġenerali”), fit-8 ta’ Diċembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
34 Billi l-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ħames Awla, li għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.
35 Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-6 ta’ Mejju 2009. Matul l-imsemmija seduta, ir-rikorrenti talbet li dokument tal-1 ta’ Marzu 2005 jiġi inkluż fil-proċess. Il-Kummissjoni opponiet din it-talba billi ressqet l-argument li l-imsemmi dokument, li jippreċedi d-data tad-deċiżjoni kkontestata, kien disponibbli qabel ma’ tressaq dan ir-rikors. Għal dan il-motiv, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li l-imsemmi dokument jiġi inkluż fil-proċess.
36 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
37 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors;
– tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
A – Fuq l-ammissibbiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
38 L-ewwel nett, il-Kummissjoni għandha dubju dwar in-natura biżżejjed ċara tar-rikors u dwar il-konformità tiegħu mal-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, ir-rikorrenti tesponi fit-tul il-fatt li hija ma taqbilx mal-konstatazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni kkontestata qabel ma tikkonkludi “immedjatament” li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 KE u 82 KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u dan mingħajr ma tispjega r-rabta bejn in-natura allegatament żbaljata ta’ dawn il-konstatazzjonijiet u l-allegat ksur. Il-Kummissjoni tispeċifika li d-difiża tagħha tistrieħ fuq l-ipoteżi li r-rikorrenti qed tallega żball ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza d-diffikultajiet li sabet sabiex tidentifika l-argumenti ġuridiċi invokati fir-replika u tgħid li ser tħalli f’idejn il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi jekk huma għandhomx il-grad ta’ ċarezza meħtieġ mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.
39 It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkontesta r-repetizzjoni magħmula mir-rikorrenti tal-argumenti tagħha sostnuti fl-ilment permezz tas-sempliċi riferiment, fir-rikors tagħha, għall-imsemmi lment li huwa mehmuż fl-anness.
40 Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-fatt li, sabiex issostni li l-adozzjoni tal-istandard ġiet influwenzata minn kooperazzjoni stretta bejn is-Cembureau u l-President tas-CEN/TC 51, ir-rikorrenti tirreferi għall-korrispondenza mehmuża fl-Anness 8 tar-rikors. Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, dan ir-rinviju huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti la speċifikat il-paragrafi u lanqas l-ittra li jsostnu din il-prova.
41 It-tielet nett, l-oġġezzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fl-istadju tar-replika, li skontha l-istandard jikser id-Direttiva 98/34, hija inammissibbli abbażi tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura.
42 Ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument partikolari f’dan ir-rigward, la fir-replika u lanqas matul is-seduta.
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
43 Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors promotur għandu jinkludi sunt tar-raġunijiet imressqa. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra insostenn. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispjega fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li s-sempliċi dikjarazzjoni astratta tiegħu ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68). Rekwiżiti simili huma meħtieġa meta oġġezzjoni hija invokata insostenn ta’ motiv (sentenza tal-14 ta’ Mejju 1998, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, T‑352/94, Ġabra p. II‑1989, punt 333).
44 F’din il-kawża, l-att jindika, b’mod ċar biżżejjed, li għan ta’ dan ir-rikors huwa l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrenti kontra l-produtturi tas-siment Portland, is-Cembureau u s-CEN dwar is-suq Ewropew tas-Siment u l-preżunti ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Mid-dokumenti tar-rikorrenti, jirriżulta li hija qed tinvoka, għal dan il-għan, l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni mwettqa meta l-ilment ġie eżaminat fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE(1) mal-istandard. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li, l-ewwel nett, il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard ma kinitx ikkontrollata mill-produtturi tas-simentijiet tradizzjonali u li din il-proċedura ma kinitx diskriminatorja, miftuħa u trasparenti, it-tieni nett, li l-istandard ma kienx de facto vinkolanti u, it-tielet nett, li l-istandard ma għandux jiġi eżaminat fid-dawl tad-Direttiva 89/106, meta fil-fatt il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li l-istandard ma kienx jissodisfa r-rekwiżiti tal-imsemmija direttiva.
45 Hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-imperfezzjonijiet formali identifikati mill-Kummissjoni (ara l-punt 38 iktar ’il fuq) ma humiex biżżejjed sabiex iwasslu għall-inammissibbiltà tar-rikors, peress li l-argument żviluppat fir-rikors insostenn tal-oġġezzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni matul l-eżami tal-ilment fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE għall-istandard huwa ċar biżżejjed sabiex jippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni u għall-Kummissjoni sabiex tippreżenta b’mod utli d-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Ottubru 1996, Knijff vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑378/94, ĠabraSP p. I‑A‑479 u II‑1341, punti 18 u 19).
46 Min-naħa l-oħra, ir-rikors ma jinkludi l-ebda motiv jew oġġezzjoni ieħor li jissodisfa r-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura.
47 L-ewwel nett, anki jekk ir-rikors jirreferi għall-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 28 KE u 29 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda argument ma ġie żviluppat sabiex isostni dan il-ksur u hemm lok, għalhekk, li jiġi ddikjarat bħala inammissibbli għaliex ma jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).
48 It-tieni nett, skont il-ġurisprudenza, jekk is-suġġett tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fuq punti speċifiċi, b’rinviji għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, rinviju globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-punti essenzjali tal-argumenti fid-dritt, li għandhom jinsabu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il-Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).
49 F’din il-kawża, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tagħmel rinviju globali għall-punti 49 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata billi terġa’ tipproduċi l-oġġezzjonijiet invokati fl-ilment tagħha, u dan tagħmlu mingħajr ma tispeċifika l-punti speċifiċi tar-rikors tagħha li hija tixtieq tikkompleta b’dan ir-rinviju. Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-oġġezzjonijiet imsemmija fil-punti 64 sa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirrigwarda kartell u l-qsim tas-swieq, ma ġewx inklużi fid-dokumenti tar-rikorrenti. Issa, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, it-tali oġġezzjonijiet huma inammissibbli sa fejn ir-rinviju magħmul fir-rikors ma huwiex marbut ma’ oġġezzjonijiet jew argumenti żviluppati fl-imsemmi rikors.
50 Barra minn hekk, sabiex turi li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kienet diskriminatorja, mhux miftuħa u mhux trasparenti, ir-rikorrenti tirreferi għall-ittra tagħha tat-22 ta’ Marzu 2005 fejn irrispondiet kemm għat-talbiet preliminari tal-Kummissjoni kif ukoll għad-dokumenti mehmuża magħhom li ġew ippreżentati fl-Anness 8 tar-rikors. Madankollu, dan ir-rinviju jirrigwarda l-att anness biss b’mod ġenerali u għalhekk ma jippermettix li l-Qorti Ġenerali tidentifika l-oġġezzjonijiet jew l-argumenti li r-rikorrenti tixtieq tirreferi għalihom. Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, dawn l-oġġezzjonijiet jew argumenti huma għalhekk inammissibbli.
51 It-tielet nett, fir-rigward tal-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ konformità tal-istandard mad-Direttiva 98/34, ippreżentata, għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, u mingħajr ma tirriżulta mill-punti ta’ liġi jew ta’ fatt mqajjma matul il-proċedura u mingħajr ma żżied fuq motiv espost fir-rikors, din għandha, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
52 Miċ-ċirkustanzi preċedenti jirriżulta li tressqu b’mod korrett quddiem il-Qorti Ġenerali biss l-oġġezzjonijiet, deskritti fil-punt 44 iktar ’il fuq, marbuta ma’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjon meta eżaminat l-ilment dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE għall-istandard.
53 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi ddikjarat li r-rikors huma ammissibbli b’dawn il-limiti.
B – Fuq il-mertu
1. Osservazzjonijiet preliminari fuq il-firxa tal-obbligi tal-Kummissjoni matul l-eżami ta’ lment għal ksur tal-Artikolu 81 KE.
54 Preliminarjament, il-partijiet jesponu fid-dokumenti tagħhom l-obbligi tal-Kummissjoni matul l-eżami ta’ lment għal ksur tal-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, huma janalizzaw l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġa f’dan il-kuntest. Fl-aħħar nett, huma jiddibattu l-firxa tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali fl-ipoteżi ta’ rikors kontra deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment kif ukoll l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġa mill-partijiet f’dan il-kuntest.
55 Il-Qorti Ġenerali tosserva li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, wara analiżi li kienet tirrigwarda, b’mod partikolari, l-applikabbiltà tal-Artikolu 81(1) KE, li, fid-dawl tal-elementi ppreżentati mir-rikorrenti matul l-proċedura amministrattiva, b’mod partikolari b’risposta għall-ittra tad-29 ta’ Jannar 2004 li informatha bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiċħad l-ilment, “peress li […] ma hemmx raġunijiet biżżejjed sabiex tilqa’ l-ilment, hija ser tiċħad dan l-ilment”. Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jitfakkru liema huma d-drittijiet tal-lanjant u l-obbligi tal-Kummissjoni fil-każ ta’ ċaħda ta’ lment li għalih jeżisti allegat ksur tal-Artikolu 81 KE.
56 Il-lanjant għandu d-dritt li jiġi informat u li jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-motivi ta’ ċaħda tal-ilment tiegħu prevista mill-Kummissjoni qabel ma tiġi adottata deċiżjoni minn din l-istituzzjoni. Fil-fatt, ir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98, issostitwiti mill-1 ta’ Mejju rispettivament bir-Regolament Nru 1/2003 u bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) jagħtu drittijiet proċedurali lill-persuni li jkunu ressqu lment quddiem il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003). Fost dawn id-drittijiet hemm dawk previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2842/98 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 773/2004), li jipprovdu li l-Kummissjoni, meta tikkunsidra li l-elementi li tkun ġabret ma jiġġustifikawx li l-ilment jiġi milqugħ, għandha tindika l-motivi ta’ ċaħda tagħha lil-lanjant u tagħtih terminu sabiex jippreżenta l-eventwali osservazzjonijiet bil-miktub (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 2842/98, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2006, Haladjian Frères vs Il‑Kummissjoni, T‑204/03, Ġabra p. II‑3779, punt 26).
57 Għaldaqstant, la r-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98 u lanqas ir-Regolamenti Nru 1/2003 u Nru 773/2004 ma fihom dispożizzjonijiet espressi li jikkonċernaw azzjoni ulterjuri, fil-mertu, għal ilment u l-obbligi ta’ investigazzjoni eventwali tal-Kummissjoni għal dak li jikkonċerna l-investigazzjoni tagħha. Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tibda proċeduri intiżi sabiex jistabbilixxu eventwali ksur tad-dritt Komunitarju u li, fost id-drittijiet mogħtija lill-persuni li jagħmlu l-ilment mill-imsemmija regolament, ma hemmx id-dritt li tinkiseb deċiżjoni definittiva inkwantu għall-eżistenza jew le tal-allegat ksur (ara, fir-rigward tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98, is-sentenza Haladjian Frères vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).
58 Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-prinċipji li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li, jekk il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tagħti deċiżjoni fuq l-eżistenza jew le ta’ ksur, ma jistax jiġi impost fuqha li tagħmel investigazzjoni, minħabba li din tal-aħħar ma jistax ikollha skop ieħor ħlief li tfittex il-provi dwar l-eżistenza jew le ta’ ksur li hija ma għandhiex obbligu li tikkonstata (ara, fir-rigward tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98, is-sentenza Haladjian Frères vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).
59 Madankollu, għalkemm il-Kummissjoni ma tistax tiġi mġiegħla tagħmel investigazzjoni, hija għandha, sabiex tevalwa jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi jwasslux għal aġir ta’ natura li jkun ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni u jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri, teżamina bir-reqqa l-imsemmija punti miġjuba quddiemha mil-lanjant (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 17, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑24/90, Ġabra p. II‑2223, punt 79, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Diċembru 1999, Micro Leader vs Il-Kummissjoni, T‑198/98, Ġabra p. II‑3989, punt 27). Barra minn hekk, peress li l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba quddiemha mil-lanjant, din l-istituzzjoni ma għandhiex, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, tistabbilixxi li hija ħadet miżuri investigattivi.
60 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni kkontestata eżaminatx kif xieraq il-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa quddiem il-Kummissjoni għal evalwazzjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-atti tal-Kummissjoni li jinvolvu evalwazzjoni ekonomika kumplessa, bħalma huwa l-każ fil-qasam ta’ allegat ksur tal-Artikolu 81 KE, għandu sempliċement jivverifika li r-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni jiġu osservati kif ukoll jivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti, in-nuqqas ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u l-użu ħażin ta’ poter (sentenzi Automec vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 80, u Micro Leader vs Il-Kummissjoni, punt 59 iktar ’il fuq, punt 27; ara s-sentenza Haladjian Frères vs Il-Kummissjoni, punt 56 iktar ’il fuq, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).
2. Fuq l-ewwel u t-tieni oġġezzjoni, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rispettivament dwar il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard u dwar in-natura mhux vinkolanti tiegħu
61 Kif ġie spjegat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, eżaminat l-ilment billi applikat il-linji gwida li r-rikorrenti tirreferi għalihom fl-ilment tagħha. Il-Kummissjoni eżaminat, b’mod partikolari, l-istandard fid-dawl tal-punti 162 u 163 tal-linji gwida. Skont l-imsemmija punti, u kif imfakkar fid-deċiżjoni kkontestata fil-punti 79 u 91, l-istandards adottati mill-korpi ta’ standardizzazzjoni rikonoxxuti mid-Direttiva 98/34 skont proċedura mhux diskriminatorja, miftuħa, trasparenti u li l-osservanza tagħha ma hijiex imposta, ma jirrestrinġux, bħala regola, il-kompetizzjoni u ma jaqgħux taħt l-Artikolu 81(1) KE.
62 Hemm lok li jitfakkar li l-Kummissjoni tista’ timponi fuqha nnifisha gwidi għall-eżerċizzju tas-setgħat diskrezzjonali tagħha, permezz ta’ atti bħal linji gwida, sa fejn dawn l-atti jinkludu regoli indikattivi fuq id-direzzjoni li għandha tiġi segwita minn din l-istituzzjoni u sa kemm dawn ma jmorrux kontra r-regoli tat-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Ġreċja vs Il‑Kummissjoni, C‑278/00, Ġabra p. I‑3997, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).
63 Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-għan tal-linji gwida huwa li jesponu l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali u, b’mod partikolari, tal-ftehim tal-istandardizzazzjoni, skont l-Artikolu 81 KE.
64 Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikorrenti taqbel, fir-rikors tagħha, li f’din il-kawża l-linji gwida huma applikabbli u li hija ma tikkontestax li l-istandard ġie adottat mis-CEN, korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxut skont id-Direttiva 98/34.
65 Għaldaqstant, għandu jitqies li, peress li r-rikorrenti ma ressqitx elementi ta’ natura li jqiegħdu inkwistjoni l-kriterji esposti fil-punti 162 u 163 tal-linji gwida, il-Kummissjoni setgħet ġustament, sabiex tevalwa jekk, minn naħa, il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kinitx diskriminatorja, miftuħa u trasparenti, u, min-naħa l-oħra, jekk l-istandard kienx vinkolanti, teżamina, b’mod partikolari fid-dawl tal-punt 163, l-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti.
66 Huwa għalhekk fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi eżaminata, sabiex jiġi evalwat jekk din hijiex ivvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-kuntest tal-elementi li kellha, li l-istandard jissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-punt 163 tal-linji gwida u, għalhekk, ma jiksirx l-Artikolu 81(1) KE.
a) Fuq il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard
L-argumenti tal-partijiet
67 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li proċedura ma hijiex diskrimatorja meta din tkun rappreżentattiva u indipendenti mill-interessi stabbiliti, skont il-linji gwida ġenerali tas-CEN u tal-Kumitat Ewropew ta’ Standardizzazzjoni Elettroteknika (Cenelec). F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka l-influwenza ta’ Cembureau fuq il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard u l-kontroll tas-Cembureau u tal-President tas-CEN/TC 51 fuq din il-proċedura.
68 L-ewwel nett, l-istandard kien ġie ddiżinjat, bis-saħħa tal-kooperazzjoni stretta bejn is-Cembureau u s-CEN/TC 51, biex jiffavorixxi l-produtturi prinċipali tas-siment li jeżistu fuq is-suq. Din l-analiżi hija sostnuta b’dokumenti annessi mal-ittra tar-rikorrenti, tat-22 ta’ Marzu 2004, li twieġeb il-konklużjonijiet preliminari tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, filwaqt li l-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li Cembureau influwenzat il-proċedura, li fil-fatt kienet ikkontrollata minn Cembureau u mill-President tas-CEN/TC 51, hija, madankollu kkonkludiet, fil-punt 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-attivitajiet tas-Cembureau ma jmorrux lil hinn mil-limiti ta’ azzjoni normali ta’ lobbying. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li għandu jiġi ddeterminat jekk is-Cembureau kellhiex u użatx il-mezzi meħtieġa sabiex “timmanipula l-mandat M/114”. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ir-“rabja” li hija espressa fl-ittra ta’ Cembureau tas-26 ta’ Marzu 1996 lid-DG “Intrapiża u Industrija” u fuq il-kliem mhux ambigwu ta’ din l-ittra. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkwota, fir-replika, parti mill-ittra tal‑24 ta’ Lulju 1997 ta’ produttur Olandiż tas-siment lid-DG “Intrapiża u Industrija” li tindika l-bażi li fuqha għandha taħdem is-CEN/TC 51. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dokument ippreżentat fl-1996 minn Cembureau lid-DG “Intrapiża u Industrija” li l-għan tiegħu kien li jara li l-istandard tal-futur jirrifletti l-“pre-standard” ENV 197‑1: 1992. Barra minn hekk, sabiex tikkonferma n-natura diskriminatorja tal-proċedura, huwa biżżejjed għall-Qorti Ġenerali li teżamina l-linji gwida interni tas-CEN. Fl-aħħar nett, fir-replika, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli sostniet li l-uniċi elementi li ressqet kienu l-kontenut tal-korrispondenza tagħha, bejn l-1996 u l-1998, mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, tas-CEN, tas-Cembureau u ma’ produttur tas-siment Olandiż.
69 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssemmi l-fatt li l-President tas-CEN/TC 51 kien jokkupa post maniġerjali għoli f’produttur tas-siment stabbilit sew fuq is-suq. Għalhekk, kien hemm riskju ta’ kunflitt ta’ interess u l-Kummissjoni kienet naqset milli tiżgura l-imparzjalità ta’ dan il-president.
70 It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, l-adozzjoni tal-istandard kellha tiġi ssuġġettata għal stħarriġ iktar fil-fond mill-Kummissjoni, peress li l-proċedura tal-adozzjoni kienet tmexxiet minn kumitati li fi ħdanhom kien hemm organizzazzjonijiet li jaħdmu favur il-membri tagħhom. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li l-fatt li l-Kummissjoni adottat il-konklużjonijiet preliminari tagħha f’Jannar 2004 jikkostitwixxi b’mod ċar tentattiv li l-fajl jingħalaq qabel iż-żmien u qabel ma’ din l-istituzzjoni ma tikkomunikalha d-dokumenti fi Frar 2004. Barra minn hekk, il-lista ta’ dokumenti eżaminati mill-Kummissjoni sabiex tipprovdi l-konklużjonijiet preliminari tagħha ma tinkludix id-dokumenti kkomunikati lir-rikorrenti f’Novembru 2003 u ma spjegatilhiex għaliex dawn id-dokumenti ma ġewx eżaminati mid-DG “Kompetizzjoni”.
71 Ir-raba’ nett, l-istandard huwa diskriminatorju sa fejn huwa jeskludi ċerti prodotti u sa fejn huwa huwa bbażat fuq l-kompożizzjoni tal-prodotti u mhux fuq l-effettività tagħhom. Minn Marzu 1996, is-Cembureau kienet ikkonvinċiet lill-Kummissjoni li l-istandard kellu japplika biss għas-siment ittestjat u li l-istandard kellu b’hekk ikun “ħlejqa tas-Cembureau”.
72 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard ma tistax tiġi deskritta bħala trasparenti.
73 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li t-trasparenza tax-xogħlijiet tas-CEN hija żgurata mill-“kumitati ta’ riflessjoni” u bil-konsultazzjoni tal-pubbliku matul investigazzjoni pubblika, għaliex il-Kummissjoni tikkunsidra biss “il-membri tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri tas-CEN”.
74 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li jeżistu lakuni fil-provi disponibbli u li ħabtet wiċċha ma’ diffikultajiet sabiex tikseb il-komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni ta’ ċertu numru ta’ dokumenti “storiċi”. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għat-talbiet tagħha li jingħatawlha dokumenti indirizzati lill-Kummissjoni fl-2003, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331). Ir-rikorrenti ssemmi, b’mod partikolari, il-fatt li l-Kummissjoni naqset mill tikkomunikalha d-dokumenti dwar ix-xogħlijiet tas-CEN fuq l-istandard, id-dokumenti skambjati bejn is-CEN, is-Cembureau u l-Kummissjoni, deskritti fl-anness tal-konklużjonijiet preliminari f’Jannar 2004, jew anki l-ittra tas-27 ta’ Marzu 1996 ta’ produttur Olandiż tas-siment. Barra minn hekk, bl-eċċezzjoni ta’ ittra waħda, l-uniċi dokumenti disponibbli kienu kollha jirrigwardaw il-parti tal-proċedura marbuta mal-preparazzjoni tal-informazzjoni qabel ma jintbagħtu lis-CEN sabiex jiġu stabbiliti l-mandati tas-CEN.
75 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li l-prinċipju ta’ trasparenza wkoll ma ġiex osservat sa fejn, mingħajr ma jidher b’mod ċar jekk jappartjenux għall-grupp formali ta’ esperti, il-President tas-CEN/TC 51 ippreżenta ċerti organizzazzjonijiet bħala esperti.
76 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkritika, fir-replika, l-eżistenza ta’ gruppi ad hoc mhux regolati. Grupp ad hoc ta’ membri tas-CEN/TC 51 kien ltaqa’, f’Lulju 1997, mingħajr ma kienu magħrufa kemm l-oriġini tal-kostituzzjoni tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet għal din il-kostituzzjoni, anki jekk dan l-imsemmi grupp kellu rwol ċentrali fil-preparazzjoni tad-dokumenti li wassal għall-mandat mogħti mill-Kummissjoni lis-CEN u għall-oriġini tal-istandard.
77 Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura miftuħa tal-proċedura, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li l-Kummissjoni kellha turi jekk il-proċeduri applikati mis-CEN, li jippermettu lill-partijiet interessati li jipparteċipaw fihom, ġewx segwiti. Minn naħa, il-Kummissjoni kellha, b’mod partikolari, tikseb l-aċċess għad-dokumenti rilevanti dwar il-programm ta’ ħidma tas-CEN marbuta mal-mandat M//114 u l-preparazzjoni tar-risposti tal-kumitati tekniċi marbuta mal-mandat M/114. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kinitx ġiet mistiedna ssostni l-argumenti tagħha fis-CEN u l-ebda proċedura ma ppermettietilha tipparteċipa fid-diskussjonijiet. F’dan ir-rigward, hija ssostni li indirizzat, fl-1997, tliet ittri lid-DG “Intrapiża u Industrija” dwar l-abbozz tal-istandard. Issa, dawn l-ittri, li baqgħu ma tweġbux, jirrappreżentaw prova inkonfutabbli li r-rikorrenti ġiet eskluża mill-proċedura fi stadju fundamentali. Ir-rikorrenti tenfasizza b’mod partikolari parti mill-ittra tagħha tas-7 ta’ Mejju 1997.
78 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq in-natura mhux diskriminatorja tal-proċedura
79 Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kienet diskriminatorja għaliex la kienet rappreżentattiva u lanqas indipendenti meta mqabbla mal-interessi stabbiliti. Skont ir-rikorrenti, il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kienet ivvizzjata minħabba, minn naħa, l-influwenza ta’ Cembureau u, min-naħa l-oħra, ir-rwol tal-President tas-CEN/TC 51, li kienu kkontrollaw l-imsemmija proċedura.
80 L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, bis-saħħa tal-kooperazzjoni stretta bejn is-CEN/TC 51 u s-Cembureau, li kienet ippruvat teżerċita influwenza fuq is-CEN/TC 51 u li kienet tikkontrollha, l-istandard kien ġie ddiżinjat sabiex jiffavorixxi lill-produtturi prinċipali tas-siment li kienu jeżistu fuq is-suq. Minbarra li tirrinvija lill-Qorti Ġenerali għall-Anness 8 tar-rikors, evokata fil-punt 50 iktar ’il fuq u li ġie ttrattat, ir-rikorrenti tibbaża ruħha wkoll, b’mod partikolari, fuq l-ittra tas-Cembureau tas-26 ta’ Marzu 1996, li kliemha, li r-rikorrenti tiddeskrivi bħala mhux ambigwu, jikkonferma li s-Cembureau ppruvat teżerċita influwenza fuq is-CEN/TC 51.
81 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset, fil-punt 102, li d-dokumenti pprovduti mir-rikorrenti, b’mod partikolari l-ittra tas‑26 ta’ Marzu 1996, ma kinux juru li l-azzjoni tas-Cembureau marret lil hinn minn attività normali ta’ lobbying eżerċitata minn kull assoċjazzjoni li tilqa’ fi ħdanha impriżi ta’ settur bil-ħsieb li tħares u tippromovi l-interessi tal-membri tagħha.
82 Issa, għalkemm ir-rikorrenti tikkontesta din il-konklużjoni, għandu jiġi kkonstatat li hija ma tispjegax kif is-Cembureau, fl-1996, influwenzat il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard u s-CEN/TC 51. Kif irrilevat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ittra tas-26 ta’ Marzu 1996 jirriżulta li s-Cembureau ppruvat tiddefendi l-interessi tal-membri tagħha billi kkuntattjat il-korpi li setgħu jinfluwenzaw l-abbozzar tal-istandard, fosthom, f’din il-kawża, id-dipartimenti tal-Kummissjoni responsabbli mill-abbozz ta’ mandat M/114. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma turix, billi tibbaża ruħha fuq din l-ittra, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma kkonstatatx li s-Cembureau influwenzat il-proċedura sal-punt li kkontrollatha u vvizzjatha. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti bagħtet ukoll lill-Kummissjoni, fl-1997, l-osservazzjonijiet tagħha u r-riżervi tagħha dwar l-abbozz tal-istandard; ir-rikorrenti ammettit dan fir-replika tagħha fejn hija tikkwota l-ittra tagħha tas-7 ta’ Mejju 1997 lid-DG “Intrapiża u Industrija”.
83 Barra minn hekk, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq l-ittra tas-26 ta’ Mejju 1996 biex issostni li għandu jiġi ddeterminat jekk is-Cembureau kellhiex u użatx il-mezzi meħtieġa sabiex timmanipula l-mandat M/114. Madankollu, din l-oġġezzjoni, invokata għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika, mingħajr ma tirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura u lanqas ma tikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors, hija, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tindikax li ppreżentat lill-Kummissjoni elementi f’dan ir-rigward matul l-eżami tal-ilment tagħha.
84 Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti, imressaq fir-replika u li huwa bbażat fuq ittra tal-24 ta’ Lulju 1997 ta’ produttur tas-siment Olandiż, li jindika l-bażi li fuqha għandha taħdem is-CEN/TC 51, għandu jiġi mwarrab. Billi tikkwota parti minn din l-ittra, ir-rikorrenti ma tindikax kif din il-kwotazzjoni tista’ turi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-allegat kontroll minn Cembureau tal-proċedura li biha ġie adottat l-istandard.
85 Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-fatt li fl-1996 ġie ppreżentat dokument minn Cembureau lid-DG “Intrapiża u Industrija”, li l-għan tiegħu kien li jara li l-istandard futur jirrefletti l-“pre-standard” ENV 197‑1 : 1992, fatt li kien irrenda l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard bħala diskriminatorja, għandu jiġi kkonstatat, għal darb’oħra, li r-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda spjegazzjoni biex issostni l-argument tagħha. Hija ma tirreferi għall-ebda parti mill-imsemmi dokument, ma tagħmel l-ebda rabta bejn dan id-dokument u l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard u ma tindikax kif id-dokument iċċitat juri li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
86 Fl-aħħar nett, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li huwa biżżejjed għall-Qorti Ġenerali, sabiex tikkonferma n-natura diskriminatorja tal-proċess għall-adozzjoni tal-istandard, li teżamina l-linji gwida interni tas-CEN, annessi mar-replika, għandu wkoll jiġi mwarrab. Fil-fatt, peress li r-rikorrenti ma tindikax liema punti hija qed tinvoka, dan ir-rinviju għall-anness tar-replika ma jippermettix lill-Qorti Ġenerali tidentifika l-argumenti li r-rikorrenti qed tirreferi għalihom. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, it-tali argumenti huma inammissibbli.
87 Barra minn hekk, għalkemm ir-rikorrenti, fir-replika, tikkritika lill-Kummissjoni talli sostniet li l-uniċi elementi li ressqet kienu l-kontenut tal-korrispondenza tagħha, bejn l-1996 u l-1998, mad-dipartimenti tal-Kummissjoni, tas-CEN, tas-Cembureau u ma’ produttur tas-siment Olandiż, għandu, madankollu, jiġi kkonstatat li hija ma wrietx li l-Kummissjoni naqqset milli teżamina l-elementi rilevanti.
88 It-tieni nett, ir-rikorrenti tillimita ruħha u ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tiżgura l-imparzjalità tal-President tas-CEN/TC 51 mingħajr ma tinvoka l-ebda element konkret li jista’ jqiegħed inkwistjoni dan il-fatt ta’ imparzjalità. Barra minn hekk, kif ġustament irrimarkat il-Kummissjoni fil-punt 101 tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tar-regoli marbuta mal-ħatra ta’ president ta’ kumitat tekniku, li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ma hijiex ħaġa tal-għaġeb li impjegat ta’ produttur tas-siment Portland kien inħatar bħala President tas-CEN/TC 51.
89 Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni kkunsidrat, fil-punti 95 u 102, li r-rikorrenti ma kinitx pproduċiet provi li juru l-eżistenza ta’ azzjoni konġunta bejn is-Cembureau u l-President tas-CEN/TC 51 intiża biex l-istandard jikkorrispondi għall-prodotti tal-produtturi tas-siment Portland u jeskludi prodotti rivali. Ir-rikorrenti lanqas ma turi kif il-punt 96 tad-deċiżjoni kkontestata, li ċaħdet l-allegazzjonijiet li skonthom Cembureau kienet ikkontrollat is-CEN/TC 51 permezz tal-President tas-CEN/TC 51, hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
90 Din il-konklużjoni ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni bl-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kellha tkun is-suġġett ta’ stħarriġ iktar fil-fond mill-Kummissjoni, għaliex, f’din il-kawża, il-proċedura kienet tmexxiet minn kumitati li fi ħdanhom kien hemm organizzazzjonijiet li jaħdmu favur l-interessi tal-membri tagħhom.
91 F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tirrikonoxxi, minn naħa, li s-CEN hija korp ta’ standardizzazzjoni rikonoxxuta bis-saħħa tad-Direttiva 98/34, fejn ir-regolament intern jistabbilixxi r-regoli ta’ funzjonament, u, min-naħa l-oħra, skont dawn ir-regoli, il-kompożizzjoni tad-delegazzjonijiet nazzjonali, magħmula minn kull organizzazzjoni nazzjonali tal-istandardizzazzjoni, tista’ tinkludi esperti tal-industrija li jpoġġu fi ħdan il-kumitati tekniċi, peress li ġew stabbiliti garanziji sabiex id-deċiżjoni finali marbuta mal-abbozz tal-istandard jittieħed fl-interess ġenerali (punti 26, 74, 100 u 101 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, hija ma tressaqx elementi preċiżi li jsostnu l-argument tagħha u ma tindikax b’liema mod is-sitwazzjoni f’din il-kawża tirrappreżenta partikolarità skont ir-regoli ta’ funzjonament tas-CEN. Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 59 iktar ’il fuq, l-uniku obbligu tal-Kummissjoni meta hija tikkunsidra lment huwa li teżamina bir-reqqa l-punti ta’ fatt u ta’ liġi mressqa mir-rikorrenti. Issa, din tal-aħħar ma ressqet l-ebda element ta’ natura li juri li l-Kummissjoni kisret dan l-obbligu.
92 It-tieni nett, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li jipprovdu, minn naħa, li l-Kummissjoni ppruvat tagħlaq il-fajl qabel iż-żmien billi bagħtitilha l-konklużjonijiet preliminari tagħha qabel ma kkomunikatilha d-dokumenti fi Frar 2004, u, min-naħa l-oħra, li d-dokumenti kkomunikata lir-rikorrenti f’Novembru 2003 ma jinsabux fil-lista tad-dokumenti eżaminati mill-Kummissjoni meta tat l-konklużjonijiet preliminari tagħha, għandhom jiġu miċħuda. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet adottata wara li r-rikorrenti setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-konklużjonijiet preliminari ta’ Marzu 2004.
93 It-tielet nett, għandu jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura diskriminatorja tal-istandard, sa fejn jeskludi ċerti prodotti u huwa bbażat fuq il-kompożizzjoni tal-prodotti u mhux fuq l-effettività tagħhom, jirrigwarda l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-istandard mad-Direttiva 89/106 u huwa għalhekk ineffettiv sabiex tiġi stabbilita n-natura diskriminatorja tal-proċedura li biha ġie adottat l-istandard.
– Fuq in-natura trasparenti tal-proċedura
94 L-oġġezzjoni tar-rikorrenti li tipprovdi li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni għaliex il-Kummissjoni kkonkludiet li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kienet trasparenti għandha tiġi miċħuda.
95 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata, billi ssostni, mingħajr ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni insostenn tal-oġġezzjoni tagħha, li l-Kummissjoni tikkunsidra biss “il-membri tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali membri tas-CEN”. Issa, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tqis, fl-imsemmi punt tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trasparenza tax-xogħlijiet tas-CEN hija żgurata mill-“kumitati ta’ riflessjoni” nazzjonali mmexxija mill-membri nazzjonali tas-CEN kif ukoll mill-konsultazzjoni tal-pubbliku matul il-fażi tal-investigazzjoni pubblika. Għalhekk, il-fatt li wieħed ma jkunx membru ta’ assoċjazzjoni nazzjonali membru tas-CEN ma jimpedihx milli jipparteċipa fil-fażi konsultattiva.
96 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard ma tistax tiġi deskritta bħala trasparenti meta jkun hemm lakuni fil-provi disponibbli u sa fejn hija kienet ħabtet wiċċha ma’ diffikultajiet sabiex tikseb il-komunikazzjoni mingħand il-Kummissjoni ta’ ċertu numru ta’ dokumenti marbuta mal-proċedura li biha ġie adottat l-istandard. Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti tqajjem dawn l-oġġezzjonijiet li jirrigwardaw il-punt 27 tad-deċiżjoni kkontestata għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u dawn ma jirriżultaw la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura u lanqas ma jikkostitwixxu amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors. Għaldaqstant, dawn l-oġġezzjonijiet huma, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, inammissibbli.
97 Fi kwalunkwe każ, l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv. Kif il-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 59 iktar ’il fuq, l-uniku obbligu tal-Kummissjoni huwa li teżamina l-elementi mressqa mir-rikorrenti fl-ilment tagħha. Għaldaqstant, hija r-rikorrenti li għandha turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-elementi miġjuba lilha mir-rikorrenti ma kinux juru li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard mis-CEN ma kinitx trasparenti. Issa, minn naħa, ir-rikorrenti tinvoka nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti marbut mat-tħejjija tal-abbozz ta’ mandat mill-Kummissjoni qabel it-tħejjija tal-istandard mis-CEN. Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tikkomunika d-dokumenti, anki jekk dan il-fatt jitqies li huwa veru, ma jimplikax nuqqas ta’ trasparenza fil-proċedura li biha ġie adottat l-istandard mis-CEN.
98 Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-dokumenti skambjati bejnha, is-CEN u s-Cembureau, u li huma msemmija fl-Anness tal-konklużjonijiet preliminari tas-Kummissjoni f’Jannar 2004, ir-rikorrenti ma tidentifikax dawn id-dokumenti u ma tispjegax b’liema mod il-fatt li dawn ma ntbagħtux juri n-nuqqas ta’ trasparenza fil-proċedura li biha ġie adottat l-istandard mis-CEN.
99 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li kien hemm ukoll ksur tal-prinċipju ta’ trasparenza sa fejn organizzazzjonijiet ġew ippreżentati, mingħajr ma jidher ċar jekk jappartjenux lill-grupp formali ta’ esperti, bħala esperti mill-President tas-CEN/TC 51. F’dan ir-rigward, peress li r-rikorrenti tqajjem din l-oġġezzjoni għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u mingħajr ma tirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt mqajma matul il-proċedura u lanqas ma tikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors, din l-oġġezzjoni għandha, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, titqies bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, hija għandha tiġi mwarrba għaliex ir-rikorrenti ma tispjegax kif it-talba, ifformulta mill-President tas-CEN/TC 51 lill-Kummissjoni sabiex membri identifikati bħala esperti fi ħdan is-CEN jipparteċipaw f’laqgħa organizzata fl-1996, turi li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni.
100 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tinvoka, fir-risposta, nuqqas ta’ trasparenza tal-proċedura li biha ġie adottat l-istandard minħabba l-fatt li jeżistu gruppi ad hoc mhux irregolati, b’mod partikolari, grupp ad hoc tal-membri tas-CEN/TC 51. Hija ssostni li dan il-grupp kien iltaqa’ f’Lulju 1997 u kellu rwol ċentrali fil-preparazzjoni tad-dokument li wassal għal mandat M/114 mogħti mill-Kummissjoni lis-CEN u li huwa l-oriġini tal-istandard. Madankollu, din l-oġġezzjoni hija inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti tqajjimha għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u mingħajr ma tirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt mqajma matul il-proċedura u lanqas ma tikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors. Fi kwalunkwe każ, hija għandha tiġi mwarrba għaliex ir-rikorrenti ma tipprovdi l-ebda spjegazzjoni insostenn tagħha. Fil-fatt, hija la tippreċiża l-motivi għaliex dan il-grupp kellu rwol ċentrali u lanqas l-elementi li nġiebu f’dan is-sens fl-ittra tal‑24 ta’ Lulju 1997; filwaqt li għandu jiġi rrilevat li, l-eventwali laqgħa f’Lulju 1997 ma setgħetx tirrigwarda l-mandat M/114 peress li l-mandat M/114 inħareġ fit-28 ta’ Mejju 1997. Ir-rikorrenti tindika li ma tafx jekk il-President tas-CEN/TC 51 kienx preżenti f’dan il-grupp ad hoc, mingħajr ma huwa mifhum x’konsegwenza hija trid tislet minn dan il-punt. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ma tispjegax ir-rabta bejn dawn l-elementi u l-allegat nuqqas ta’ trasparenza ta’ natura li tivvizzja l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard mis-CEN.
– Fuq in-natura miftuħa tal-proċedura
101 L-oġġezzjoni tar-rikorrenti, imressqa fir-replika u li tipprovdi li l-Kummissjoni għandha tipprova li l-proċeduri li jiggarantixxu n-natura miftuħa tal-proċedura li biha ġie adottat l-istandard ġew effettivament segwiti, għandha tiġi mwarrba.
102 Minn naħa, fir-rigward tal-argument li jipprovdi li l-Kummissjoni kellha, b’mod partikolari, tikseb l-aċċess għad-dokumenti rilevanti dwar il-programm ta’ ħidma tas-CEN u l-preparazzjoni tar-risposti tal-kumitati tekniċi tal-mandat M/114, hija r-rikorrenti li għandha, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 59 iktar ’il fuq, turi li l-Kummissjoni ma pproċedietx għal eżami bir-reqqa tal-elementi li hija ressqitilha. Barra minn hekk, dan l-argument ma huwiex sostnut peress li r-rikorrenti ma tindikax kif dawn id-dokumenti, li ma ġewx identifikati, juru li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard ma kinitx miftuħa.
103 Min-naħa l-oħra, l-oġġezzjoni li tipprovdi li r-rikorrenti ma kinitx mistiedna ssostni l-argumenti tagħha quddiem is-CEN u li l-ebda proċedura ma ppermettielha tipparteċipa fid-diskussjonijiet hija inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li r-rikorrenti tqajjimha għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u mingħajr ma din tirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt mqajma matul il-proċedura u lanqas ma tikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tispjegax kif in-nuqqas ta’ risposta mill-Kummissjoni għat-tliet ittri tagħha ta’ Mejju u Ġunju 1997, sakemm dan huwa veru, kif ukoll it-test, li hija tikkwota fl-ittra tas-7 ta’ Mejju 1997, jikkostitwixxu elementi li jindikaw li l-proċedura ma kinitx miftuħa u li turi li r-rikorrenti ma setgħetx tikkommunika l-osservazzjonijiet tagħha lis-CEN.
104 Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma wrietx li d-deċiżjoni kkontestata kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni qieset li l-proċedura li biha ġie adottat l-istandard kienet miftuħa, mhux diskriminatorja u trasparenti. Għalhekk, l-ewwel oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.
b) Fuq l-allegata natura vinkolanti tal-istandard
L-argumenti tal-partijiet
105 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tammetti li l-istandard ma huwiex legalment vinkolanti. Madankollu, u minkejja l-punt 163 tal-linji gwida, il-fatt li l-istandard ma huwiex legalment vinkolanti ma huwiex importanti sabiex jiġi stabbilit jekk huwa jirrestrinġix indebitament il-kompetizzjoni jew l-aċċess għas-suq. Il-vera problema tinsab fil-mod ta’ kif is-suq jifhem l-istandard u fin-natura vinkolanti de facto tagħha, għaliex standard li huwa segwit sal-punt li jsir dominanti bil-kbir fuq is-suq isir ostaklu għall-aċċess għas-suq, ikunu x’ikunu l-mezzi disponsibbli l-oħra ta’ aċċess. Sabiex tevalwa n-natura vinkolanti tal-istandard, il-Kummissjoni kien messa eżaminat il-“mikrokożmu” rilevanti. Issa, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ppruvatx tagħmel l-iċken evalwazzjoni sinjifikattiva tal-effetti tal-istandard u l-eżami tal-effetti tal-istandard fid-deċiżjoni kkontestata ġie limitat għal dak tan-natura vinkolanti tagħha.
106 L-ewwel nett, il-prodotti koperti mill-istandard jiddominaw is-suq tal-prodott rilevanti, l-istandard jiddomina s-suq u l-kompożizzjoni strutturali tas-suq tal-prodott hija tali li s-suq huwa bbażat fuq l-istandard. L-osservanza tal-istandard tikkostitwixxi għalhekk kundizzjoni preliminari għall-bejgħ tas-siment f’kwantitajiet sinjifikattivi. Kuntrarjament għad-dikjarazzjoni li tinsab fil-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li s-siment Portland jipprevali fl-Ewropa ma jistax jirrefletti sempliċement il-preferenzi tal-konsumaturi.
107 It-tieni nett, il-Kummissjoni ma qisitx sew l-impatt tal-istandard fuq ir-regoli applikabbli għas-swieq pubbliċi (punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, produttur li l-prodotti tiegħu ma jissodisfawx l-istandard, anki jekk għandhom il-marka “KE” wara l-proċedura tal-approvazzjoni teknika Ewropea, jista’ jkollu l-imsemmija prodotti esklużi mis-suq għas-sempliċi raġuni li ma humiex konformi mal-istandard. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-eżistenza ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali u tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ir-regoli għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi applikati mill-awtoritajiet tat-toroq Svediżi, li jirriflettu l-istandard, u fuq linja gwida, ippubblikata mir-Renju Unit, dwar l-għażla tas-siment, li tirriżulta mill-istandard Ewropew Komuni tal-konkrit EN 206-1 : 2000. Għalhekk, għal analiżi skont l-Artikolu 81 KE, u minkejja l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 89/106, bosta “sistemi ta’ kontroll fil-bini” jistgħu jkunu rilevanti. F’rapport miktub fl‑2000 mid-DG “Intrapiża u Industrija”, sabiex jidentifikaw fejn u kif l-ostakoli jaħdmu fil-prattika, l-imsemmija sistemi kienu ġew eżaminati f’ħames pajjiżi. Dawn l-ostakoli kienu ġew esposti, tal-inqas parzjalment u probabbilment f’Marzu 1996, minn Cembureau lill-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet tagħha. In-nuqqasijiet identifikati kienu ser jibqgħu hemm sakemm l-istandards nazzjonali ma kinux ser jiġu sostitwiti b’standard ta’ kompożizzjoni. Għalhekk, l-istandard hija dominanti fi ħdan is-suq u hija de facto vinkolanti fl-effetti tagħha.
108 It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ proċeduri oħra alternattivi sabiex tinkiseb il-marka “KE”, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/106, ma tqiegħedx inkwistjoni dan il-fatt.
109 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-vera kwistjoni ma hijiex il-kapaċità legali tagħha li tqiegħed il-prodotti fuq is-suq. Fil-fatt, għalkemm ma hemm l-ebda dubju li l-approvazzjoni teknika Ewropea tippermetti li tinkiseb il-marka “KE” u li l-prodotti kollha li għandhom il-marka “KE” għandhom dritt indaqs li jitqiegħdu fuq is-suq, kull wieħed minn dawn il-prodotti mhux bilfors għandu status legali ugwali, minkejja l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/106. Għalhekk, il-fatt li l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-punti 83 sa 85 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-approvazzjoni teknika Ewropea biex tikkonkludi li l-istandard ma huwiex vinkolanti jikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-valur probatorju tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li ngħataw eluf ta’ approvazzjonijiet tekniċi Ewropej.
110 It-tieni nett, il-proċedura għal kisba ta’ approvazzjoni teknika Ewropea tieħu ħafna ħin, timxi bil-mod, hija għalja u r-riżultat tagħha ma huwiex ċert, bil-konsegwenza li dan il-mezz ta’ aċċess ma jħallix qligħ. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dokument ta’ konsultazzjoni għar-reviżjoni tad-Direttiva 89/106 li huwa mehmuż mar-replika. Barra minn hekk, huwa aċċettat minn kulħadd li l-approvazzjoni teknika Ewropea hija mekkaniżmu kumplementari iktar milli mezz prinċipali sabiex tinkiseb il-marka “KE” skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 89/106.
111 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li anki jekk il-prodotti tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/106, ma hemmx garanziji li l-prodotti tagħha jiksbu l-approvazzjoni teknika Ewropea. Fil-fatt, ma teżisti l-ebda linja gwida għall-prodotti tas-siment u għalhekk, approvazzjoni teknika Ewropea tista’ tiġi approvata biss fil-każ li jaqblu l-korpi kollha ta’ approvazzjoni Ewropea u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, sabiex tinkiseb il-marka “KE”, hemm bżonn li l-prodott jikseb attestazzjoni ta’ konformità. Issa, is-sistema ta’ attestazjoni ta’ konformità ma kinitx ġiet speċifikata mill-Kummissjoni għall-prodotti mhux koperti mill-istandard. Madankollu, ir-rikorrenti tindika li ma tikkontestax il-fatt li l-prodotti tagħha jkunu jistgħu jiksbu approvazzjoni teknika Ewropea.
112 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti mressqa mir-rikorrenti.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
113 L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-istandard ma għandux natura vinkolanti de jure.
– Fuq l-eżami tal-effetti tal-istandard u n-natura vinkolanti de facto tiegħu
114 Ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata billi ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti tal-istandard, li, minħabba l-mod ta’ kif intlaqa’ fis-suq, sar de facto vinkolanti u jikkostitwixxi għalhekk ostaklu għall-aċċess għas-suq. Issa, għalkemm ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx l-effetti tal-istandard, għandu jiġi kkonstatat li hija essenzjalment tirrepeti l-argumenti, invokati fl-ilment tagħha dwar l-allegata natura vinkolanti de facto tal-istandard, u sempliċement tikkontesta r-risposti mogħtija fil-punti 87 sa 89 tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma tinvoka l-ebda element ġdid li huwa rilevanti sabiex jikkontradixxi l-argumenti u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.
115 L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-ispjegazzjoni mogħtija fil-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata li tipprovdi li l-fatt li s-siment Portland huwa s-siment li jinbiegħ l-iktar fl-Ewropa jirrifletti sempliċement il-preferenza tax-xerrejja tas-siment.
116 Madankollu, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda l-element sabiex turi li s-sitwazzjoni fuq is-suq kienet inbidlet minħabba l-adozzjoni tal-istandard.
117 Barra minn hekk, sabiex turi li l-istandard huwa vinkolanti de facto, ir-rikorrenti sempliċement tirrepeti l-argument tagħha fformulat fl-ilment u li huwa bbażat fuq il-fatt li l-parti l-kbira tas-siment disponibbli fuq is-suq hija konformi mal-istandard. F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti ma tispjegax kif huwa possibbli li jiġi dedott li, minħabba li l-prodotti li jsegwu l-istandard jirrapreżentaw parti kbira mis-siment mibjugħ fl-Ewropa, l-istandard jiddomina s-suq, li huwa stess ibbażat fuq l-istandard. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda element sabiex issostni d-dikjarazzjoni tagħha dwar l-istruttura tas-suq tal-prodott rilevanti.
118 Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-punt 89 tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.
119 It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkritika l-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih il-Kummissjoni kkonkludiet li, għalkemm ir-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi jeskludu ċerti prodotti ta’ siment li għandhom l-marka “KE”, dawn jistgħu jiġu evalwati fid-dawl tad-Direttiva 89/106, iktar milli fid-dawl tar-regoli tal-kompetizzjoni.
120 Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti tirrepeti l-argument imressaq fl-ilment tagħha, li jipprovdi li prodott, anki jekk għandu l-marka “KE” wara l-approvazzjoni teknika Ewropea, jista’ jiġi eskluż minn kuntratti pubbliċi għas-sempliċi raġuni li ma huwiex konformi mal-istandard, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma tispeċifikax kif l-ispjegazzjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata u għaliex l-allegata esklużjoni mis-suq tal-prodott fit-tali ċirkustanzi ma taqax taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/106. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-imsemmi Artikolu 6 tad-Direttiva 89/106, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva, jistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-prodotti li għandhom il-marka “KE”, fosthom dawk li kisbu approvazzjoni teknika Ewropea. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrikonoxxi li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 89/106 jimpedixxi lill-Istati Membri milli joħolqu ostakoli għall-moviment liberu tal-prodotti li jissodisfaw id-dispożizzjonijiet tad-direttiva.
121 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-punt 88 tad-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.
122 Din il-konklużjoni ma għandhiex titqiegħed inkwistjoni mill-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali jeskludu prodotti, bħalma huma dawk tar-rikorrenti, billi jużaw speċifikazzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-istandard. F’dan ir-rigward, l-elementi mressqa mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex isostnu l-argument tagħha. Fil-fatt, hija tibbaża ruħha fuq id-dispożizzjonijiet allegatament applikati mill-awtorità Svediża tat-toroq, mingħajr ma tindika n-natura ta’ dawn ir-regoli u mingħajr ma tippreċiża d-dispożizzjonijiet insostenn tal-argument tagħha. Barra minn hekk, hija tinvoka linja gwida, dwar l-għażla tal-konkrit, li ġiet ippubblikata minn assoċjazzjoni kummerċjali fir-Renju Unit, u mhux minn awtorità pubblika, mingħajr ma tispjega kif l-eżistenza u l-kontenut ta’ din il-linja gwida juru li l-istandard huwa vinkolanti de facto. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv. Anki kieku l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali kellhom jeskludu prodotti, bħal dak tar-rikorrenti, billi jużaw speċifikazzjonijiet bħalma huma dawk li jinsabu fl-istandard, il-fatt li s-CEN tkun adottat dan l-istandard ma jwassalx biex din tkun vinkolanti. Il-fatt li Stati Membri ma japplikawx ir-regoli stabbiliti bid-Direttiva 89/106 jista’ jirriżulta mid-dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 120 iktar ’il fuq, u dan ma jimplikax li l-istandard jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1) KE.
123 Għajr ir-regoli msemmija fil-punt 122 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda eżempju preċiż ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrigwarda l-istandard. Fir-rigward tar-rapport miktub fl-2000 għad-DG “Intrapiża u Industrija”, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti sempliċement ipproduċiet żewġ paġni minn dokument li la t-titolu, la d-destinatarju u lanqas id-data ma huma magħrufa u li ma jirrigwardax l-istandard. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-“ostakoli” identifikati f’dan ir-rapport ġew ippreżentati, tal-inqas parzjalment, u probabbilment f’Marzu 1996, f’dokument mibgħut minn Cembureau lill-Kummissjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma tispjegax kif dawn id-dokumenti ppreżentati huma rilevanti sabiex turi n-natura vinkolanti de facto tal-istandard.
– Fuq l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet oħra għall-aċċess għas-suq
124 Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li l-istandard ma għandux natura vinkolanti għaliex jeżistu mezzi oħra għall-aċċess għas-suq. Madankollu, hija ma turix li l-punti 83 sa 86 tad-deċiżjoni kkontestata huma vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
125 Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-punt 82 tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li hemm mekkaniżmi oħra għall-konformità tal-istandard, bħalma hija l-approvazzjoni teknika Ewropea, sabiex tinkiseb il-marka “KE” u taċċedi għas-suq, skont id-Direttiva 89/106.
126 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li, għalkemm il-prodotti kollha li għandhom il-marka “KE” għandhom dritt indaqs li jitqiegħdu fuq is-suq Komunitarju, mhux bilfors li kull wieħed minn dawn il-prodotti għandu status ugwali. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tispjegax liema huma d-differenzi tal-istatus differenti tal-kategoriji tal-prodotti li għandhom il-marka “KE”. Għalhekk, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 43 iktar ’il fuq. Fl-ipoteżi li dan l-argument għandu jinftiehem li huwa marbut mal-allegazzjoni li tipprovdi li l-istandard jiddomina s-suq, dan għandu jiġi mwarrab kif diġà ġie mwarrab fil-punti 117 u 118 iktar ’il fuq.
127 It-tieni nett, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun issostni li l-Kummissjoni naqset, b’mod żbaljat, li tiddetermina jekk il-proċedura għall-approvazzjoni teknika Ewropa tirrappreżentax mezz ieħor ta’ qligħ. Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fil-punt 86 tad-deċiżjoni kkontestata, tirrispondi għal dan l-argument billi tikkunsidra li, il-proċedura għall-approvazzjoni teknika Ewropea tiffunzjona b’mod adegwat u tikkostitwixxi, għalhekk, mod prattiku u effikaċi għall-aċċess tas-swieq Ewropej u li, ir-rikorrenti ma pprovdiet l-ebda dettall jew eżempju dwar l-allegati diffikultajiet. Issa, l-argument tar-rikorrenti li jipprovdi li l-proċedura ma tħallix qligħ ma huwiex sod biżżejjed sabiex jikkontradixxi din il-konklużjoni. Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dokument ta’ konsultazzjoni fid-dawl tar-reviżjoni tad-Direttiva 89/106. Madankollu, dan id-dokument, li ġie barra minn hekk ikkomunikat fl-istadju tar-replika, huwa kwestjonarju ġenerali li jsejjaħ għal kummentarji ta’ terzi. Għaldaqstant, dan ma jurix li l-proċedura għall-approvazzjoni teknika Ewropea, fil-qasam partikolari tas-siment, għandha natura ta’ bla qligħ.
128 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni, fir-replika, li l-proċedura għall-approvazzjoni teknika Ewropea tqajjem diffikultajiet, b’mod partikolari minħabba nuqqas ta’ linja gwida u ta’ sistema ta’ attestazzjoni ta’ konformità. Fl-ipoteżi fejn ir-rikorrenti trid tikkontesta l-eżistenza stess ta’ din il-proċedura għal prodotti tas-siment, din l-oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn hija mqajma għall-ewwel darba fl-istadju tar-replika u mingħajr ma tirriżulta la minn punti ta’ liġi jew ta’ fatt imqajma matul il-proċedura u lanqas ma tikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv espost fir-rikors. Għalkemm ir-rikorrenti trid issostni li l-proċedura għall-approvazzjoni teknika Ewropea hija kumplessa, l-argument tagħha ma huwiex sostnut biżżejjed sabiex turi li ma kienx hemm mezz ieħor ta’ aċċess għas-suq. Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tindika, fir-replika, li l-prodotti tagħha jistgħu jiksbu approvazzjoni teknika Ewropea.
129 Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni eżaminat l-elementi mressqa mir-rikorrenti sabiex turi li l-istandard kien vinkolanti de facto. Għalhekk, ir-rikorrenti ma taqbilx ma’ din l-analiżi billi tikkritika lill-Kummissjoni talli ma eżaminatx l-allegati effetti tal-istandard. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma wrietx li l-punti 80 sa 90 tad-deċiżjoni kkontestata kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-Kummissjoni kkonkludiet li l-istandard ma għandux natura vinkolanti.
130 Għaldaqstant, it-tieni oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda.
3. Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq l-eżami tal-istandard fid-dawl tad-Direttiva 89/106 u l-allegat nuqqas ta’ konformità tal-istandard mal-imsemmija direttiva
a) L-argumenti tal-partijiet
131 L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-istandard fid-dawl tal-Artikolu 81 KE timplika, lil hinn mil-linji gwida, eżami tal-konformità tagħha mad-Direttiva 89/106. Jekk l-istandard ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din id-direttiva, dan jista’ jindika, fil-fatt, li hija ma tissodisfax “il-prinċipji legali fundamentali” tat-Trattat KE. L-istandards li jistgħu ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 89/106 jistgħu jkollhom effett negattiv fuq is-suq, u dan minkejja l-proċeduri l-oħra għall-kisba ta’ marka “KE”. It-tali analiżi hija meħtieġa iktar u iktar meta, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, l-istandard jiffavorixxi lill-produtturi prinċipali fuq is-suq tal-prodotti inkwistjoni, bi ħsara għall-impriżi innovattivi. Il-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-validità ta’ standard skont il-“prinċipji legali fundamentali” tat-Trattat KE u tad-Direttiva 89/106 sabiex tiddetermina jekk in-nuqqas tat-tali evalwazzjoni mill-Kummissjoni jikkostitwixxix żball manifest ta’ evalwazzjoni. L-approċċ tar-rikorrenti huwa koerenti mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Jannar 2005, Piau vs Il‑Kummissjoni (T‑193/02, Ġabra p. II-209, punti 78 u 79).
132 It-tieni nett, l-istandard ma huwiex konformi mad-Direttiva 89/106, li kien ġie rikonoxxut mid-DG “Intrapiża u Industrija”, għaliex dan kellu jkun “standard ta’ effettività”, skont l-Artikolu 7(2) tal-imsemmija direttiva. Issa, l-istandard huwa simultanjament “standard ta’ kompożizzjoni” u “standard ta’ effettività” u l-Kummissjoni kienet intitolata tistabbilixxi li “standard ta’ kompożizzjoni” biss seta’ jiġi adottat f’din il-kawża.
133 It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummisjoni ma tikkontestax il-fatt li l-prodotti tagħha jistgħu jissodisfaw ukoll ir-rekwiżiti tal-istandard fil-qasam tal-effettività. Għaldaqstant, jekk il-prodotti tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 89/106, dawn jistgħu jiġu esklużi mill-istandard biss minħabba raġunijiet marbuta mar-rekwiżiti essenzjali.
134 Il-Kummissjoni ssostni li, skont il-proċeduri stabbiliti bir-Regolament Nru 17, li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1/2003, hija setgħet tieħu konjizzjoni biss ta’ ilmenti dwar ksur tal-Artikoli 81 KE u 82 KE. Peress li ksur tad-dritt Komunitarju ma jikkostitwixxix neċessarjament ksur tal-Artikolu 81 KE, is-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni ma jistgħux jiġu użati sabiex jiġi eżaminat kull ostaklu għall-kummerċ. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ eżami ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali għandha teżamina l-validità tal-att ikkontestat. Peress li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu neċessarjament ikun ristrett għar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Qorti Ġenerali ma tistax tevalwa l-validità tal-istandard skont id-Direttiva 89/106. Fi kwalunkwe każ, l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-fatt li l-istandard ma huwiex konformi mad-Direttiva 89/106 huwa irrilevanti.
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
135 Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi tal-istandard skont l-Artikolu 81 KE jimplika l-eżami tal-konformità tiegħu mad-Direttiva 89/106, li l-Kummissjoni kellha tagħmel dan l-eżami u li l-Qorti Ġenerali għandha tevalwa l-validità tal-istandard skont “prinċipji legali fundamentali” tat-Trattat KE u tad-Direttiva 89/106.
136 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan ir-rikors jirrigwarda l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u mhux tal-istandard. Għalhekk, l-oġġezzjoni tar-rikorrenti essenzjalment intiża sabiex tikseb evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali tal-validità, tal-istandard skont “prinċipji legali fundamentali” tat-Trattat KE u tad-Direttiva 89/106 għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.
137 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni wara proċedura diliġenti sussegwenti għal ilment ippreżentat skont ir-Regolament Nru 17. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni għandu neċessarjament ikun limitat għar-regoli ta’ kompetizzjoni kif jirriżultaw mill-Artikoli 81 KE u 82 KE, u li għaldaqstant ma jistax jiġi estiż għall-osservazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra tat-Trattat KE u tad-Direttiva 89/106 (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ Frar 2006, Piau, C‑171/05 P, Ġabra p. I‑37, punt 58 u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, Ġabra p. I‑6991, punt 58).
138 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet oġġezzjoni għandha tiġi miċħuda u, għalhekk, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tieġħu.
Fuq l-ispejjeż
139 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata tbati l-ispejjez tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) EMC Develoment AB għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.
|
Vilaras |
Prek |
Ciucă |
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-12 ta’ Mejju 2010.
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
A – Id-Direttiva 89/106/KEE
B – Linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 81 KE għall-ftehim għal kooperazzjoni orizzontali
Il-fatti li wasslu għall-kawża
A – Atturi fis-suq tas-siment
B – Standard Ewropew tas-siment EN 197-1
C – Il-prodotti
D – Il-proċedura amministrattiva
E – L-oġġezzjonijiet tar-rikorrenti
Id-deċiżjoni kkontestata
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
A – Fuq l-ammissibbiltà
1. L-argumenti tal-partijiet
2. Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
B – Fuq il-mertu
1. Osservazzjonijiet preliminari fuq il-firxa tal-obbligi tal-Kummissjoni matul l-eżami ta’ lment għal ksur tal-Artikolu 81 KE.
2. Fuq l-ewwel u t-tieni oġġezzjoni, ibbażati fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni rispettivament dwar il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard u dwar in-natura mhux vinkolanti tiegħu
a) Fuq il-proċedura li biha ġie adottat l-istandard
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq in-natura mhux diskriminatorja tal-proċedura
– Fuq in-natura trasparenti tal-proċedura
– Fuq in-natura miftuħa tal-proċedura
b) Fuq l-allegata natura vinkolanti tal-istandard
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq l-eżami tal-effetti tal-istandard u n-natura vinkolanti de facto tiegħu
– Fuq l-eżistenza ta’ soluzzjonijiet oħra għall-aċċess għas-suq
3. Fuq it-tielet oġġezzjoni, ibbażata fuq l-eżami tal-istandard fid-dawl tad-Direttiva 89/106 u l-allegat nuqqas ta’ konformitŕ tal-istandard mal-imsemmija direttiva
a) L-argumenti tal-partijiet
b) Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
** Lingwa tal-kawża: l-Ingliż