Keywords
Summary

Keywords

1. Proċedura — Intervent — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà — Interess fl-eżitu tal-kawża — Kunċett

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40)

2. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Determinazzjoni tad-debitur fil-każ ta’ trasferiment tal-assi — Kriterju magħruf bħala “tal-kontinwità ekonomika” tal-impriża

(Artikolu 88(2) KE)

3. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Kalkolu tal-ammont li għandu jiġi rkuprat u determinazzjoni tad-destinatarji tal-ordnijiet għall-ħlas lura — Diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom l-Istat Membru — Dmir ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru

(Artikoli 10 KE u 88(2) KE)

4. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat — Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha

(Artikolu 87(1) KE)

5. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji ta’ għajnuna Statali — Neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ miżura sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ tal-benefiċjarju

(Artikolu 87(1) KE)

6. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Applikazzjoni tal-kriterju ta’ investitur privat — Għajnuna li tikkonsisti fil-ħlas ta’ renta fir-rigward tas-sullokazzjoni ta’ ajruplani li hija inqas mir-renta mħallsa fuq il-kuntratti prinċipali

(Artikolu 87(1) KE)

7. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Għajnuna ġdida — Oneru tal-prova — Tqassim bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru — Kundizzjoni — Osservanza tal-obbligi proċedurali rispettivi

(Artikoli 10 KE, 87(1) KE u 88(2) u (3) KE)

8. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Eżami mill-Kummissjoni — Eżami diliġenti u imparzjali — Possibbiltà li deċiżjoni tiġi adottata fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli — Kundizzjonijiet

(Artikoli 10 KE, 87(1) KE u 88 KE)

9. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Effett ħażin fuq il-kompetizzjoni — Effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri — Liberalizzazzjoni ta’ settur ekonomiku fuq livell Komunitarju

(Artikolu 87(1) KE)

10. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Irkupru ta’ għajnuna illegali — Aspettattivi leġittimi eventwali min-naħa ta’ terz kkonċernat — Protezzjoni — Kundizzjonijiet u limiti

(Artikolu 88(2) u (3) KE)

11. Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha — Obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tal-ammont li għandu jitħallas lura

12. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Applikazzjoni għall-proċeduri amministrattivi mibdija mill-Kummissjoni — Portata

Summary

1. Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, meta jkun ġie rikonoxxut li parti intervenjenti għandha interess dirett u attwali fl-eżitu tal-kawża, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba, minn naħa, li kienet tinsab f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarji tal-għajnuna, u, min-naħa l-oħra, li kienet ħadet sehem attiv fil‑proċedura ta’ investigazzjoni formali li kienet wasslet għall‑adozzjoni tad‑deċiżjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni, li kienet deċiżjoni pożittiva għaliha, tali parti intervenjenti jkollha tali interess dirett u attwali sakemm il-benefiċjarji tal-għajnuna jkollhom interess jitolbu l-annullament ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, il-parti intervenjenti jibqgħalha interess korrelattiv li tintervjeni insostenn tal‑Kummissjoni sabiex tiddefendi l‑legalità ta’ din id‑deċiżjoni, minn tal‑inqas sabiex tressaq talbiet għal kumpens, segwiti eventwalment minn rikorsi, ibbażati fuq l‑għoti illegali ta’ għajnuna li kienet preġudizzjali għaliha.

(ara l-punt 64)

2. F’każ fejn għajnuna ngħatat lil kumpannija f’diffikultà li ttrasferiet ċerti assi lil kumpannija ġdida inkorporata b’konsegwenza tal-qsim tal-attivitajiet tagħha, din il-kumpannija ġdida tista’ titqies li hija l-benefiċjarja effettiva tal-għajnuna jekk ikun hemm kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji. Għall-kuntrarju, fin-nuqqas ta’ unità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji, l-għajnuna kontenzjuża mogħtija lill-kumpannija preċedenti wara l-qsim ma tistax tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija ġdida għas-sempliċi raġuni li din il-kumpannija ħadet vantaġġ indirett minnha.

Sabiex jiġi evalwat jekk l‑obbligu li tiġi rkuprata l‑għajnuna mogħtija lil kumpannija f’diffikultà jistax jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha din il‑kumpannija preċedenti tkun ittrasferixxiet ċerti assi, meta dan it‑trasferiment jippermetti li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż‑żewġ kumpanniji, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑elementi segwenti: is‑suġġett tat‑trasferiment (assi u dejn, żamma tal‑persunal, assi miġbura fi gruppi), il‑prezz tat‑trasferiment, l‑identità tal‑azzjonisti jew tal‑proprjetarji tal‑impriża akkwirenti u tal‑impriża inizjali, il‑mument li fih seħħ it‑trasferiment (wara l‑bidu tal‑investigazzjoni, il‑ftuħ tal‑proċedura jew id‑deċiżjoni finali) jew inkella l‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna huma ta’ natura oġġettiva.

L-għan tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna huwa li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis-settur ekonomiku kkonċernat u mhux li l- awtorità pubblika tkun tista’ tirkupra d-debiti tagħha. F’dan is-sens, il‑loġika ekonomika tal‑operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi għandha għalhekk tiġi eżaminata fid‑dawl tal‑istabbiliment mill‑ġdid tas‑sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni fis‑settur ikkonċernat.

(ara l-punti 104-106, 135, 146, 148)

3. F’deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li timponi l‑irkupru tagħha, il‑Kummissjoni ma hijiex obbligata tippreċiża l‑estent tal‑vantaġġ meħud minn kull impriża benefiċjarja mill‑ammont tal‑għajnuna inkwistjoni. Huwa l‑Istat Membru kkonċernat li għandu jiddetermina l‑ammont li għandu jiġi rrimborsat minn kull waħda minn dawn il‑kumpanniji meta tiġi rkuprata l‑għajnuna. Huwa biżżejjed li d‑deċiżjoni tal‑Kummissjoni jkun fiha indikazzjonijiet li jippermettu lid‑destintarju tagħha jiddetermina huwa stess, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l‑ammont. Fil‑każ li jiltaqa’ ma’ diffikultajiet mhux mistennija, dan l‑Istat jista’ jissottometti l‑problemi tiegħu għall‑evalwazzjoni tal‑Kummissjoni, fejn din tal‑aħħar u l‑Istat għandhom jikkollaboraw in bona fide, skont l‑obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit b’mod partikolari fl‑Artikolu 10 KE, sabiex jegħlbu dawn id‑diffikultajiet b’osservanza sħiħa tad‑dispożizzjonijiet tat‑Trattat, u b’mod partikolari ta’ dawk dwar l‑għajnuna mill‑Istat.

(ara l-punti 126, 315-318)

4. Fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, il‑Kummissjoni għandha dejjem teżamina l‑elementi rilevanti kollha tal‑operazzjoni kontenzjuża u l‑kuntest tagħha, b’mod partikolari fl‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat. Il‑Kummissjoni hija obbligata tivverifika, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE humiex sodisfatti.

Għalkemm il‑Kummissjoni tista’ ġustament tieħu inkunsiderazzjoni l‑kuntest tal‑miżuri kontenzjużi, pereżempju l-fatt li għajnuna ngħatat fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni u ta’ privatizzazzjoni, hija xorta waħda hija obbligata teżamina jekk, fir-rigward tal-kriterju tal-investitur privat, il-miżuri kontenzjużi kinux jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet kummerċjali normali f’ekonomija tas-suq.

Anki meta miżura tkun sussegwenti għal miżuri tal‑istess natura kklassifikati bħala għajnuna mill‑Istat, dan il‑fatt ma jeskludix, a priori , li l‑miżura msemmija tista’ tissodisfa l‑kriterju tal‑investitur privat f’ekomomija tas‑suq. Fi kwalunkwe każ, hija l‑qorti tal‑Unjoni li għandha tivverifika jekk, fid‑dawl tal‑elementi rilevanti, din il‑miżura tistax raġonevolment tiġi distinta mill‑miżuri ta’ għajnuna preċedenti u tistax titqies, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, bħala miżura awtonoma.

(ara l-punti 172-177)

5. Mill‑Artikolu 87(1) KE jirriżulta li l‑kunċett ta’ għajnuna huwa kunċett oġġettiv li jiddependi biss mill‑kwistjoni ta’ jekk miżura tal‑Istat tikkonferixxix jew le vantaġġ lil impriża waħda jew iktar. B’mod partikolari, sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura inkwistjoni tistax tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat, huma essenzjalment l‑effetti ta’ din il‑miżura fir‑rigward tal‑impriżi benefiċjarji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u mhux is‑sitwazzjoni tal‑korpi pubbliċi jew privati li jagħtu l‑għajnuna.

(ara l-punti 211, 212)

6. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, għandu jiġi ddeterminat jekk il‑miżuri inkwistjoni jikkonferixxux lill‑impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb fil‑kundizzjonijiet normali tas‑suq. Il‑fatt li l‑operazzjoni tkun raġonevoli għall‑awtoritajiet pubbliċi jew għall‑impriża pubblika li jagħtu l‑għajnuna ma huwiex biżżejjed sabiex dan l‑aġir ikun konformi mal‑kriterju tal‑investitur privat.

Fir‑rigward ta’ għajnuna mogħtija fil‑forma ta’ renta, fir‑rigward tas‑sullokazzjoni ta’ ajruplani, inqas mir‑renta mħallsa fuq il‑kuntratti prinċipali, għall‑finijiet tal‑applikazzjoni tal‑kriterju tal‑investitur privat, huwa meħtieġ li r‑renta kontenzjuża mħallsa titqabbel mar-renta fis-suq. Il-Kummissjoni hija obbligata tivverifika, skont il‑kriterju tal‑investitur privat, jekk ir-renta kinitx effettivament inqas minn dik li l-impriża li lilha saret is-sullokazzjoni kienet tħallas fil-kundizzjonijiet normali tas-suq.

(ara l-punti 213, 214)

7. Hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l‑għoti ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(2) u (3) KE jirriżulta li, fin‑nuqqas ta’ tali prova, il‑miżuri ġodda ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna mill‑Istat fis‑sens tal‑Artikolu 87(1) KE.

Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din ir-regola dwar l-oneru tal-prova hija suġġetta għall-osservanza mill-Kummissjoni u mill-Istat Membru kkonċernat tal-obbligi proċedurali rispettivi tagħhom, fil-kuntest tal-eżerċizzju minn din l-istituzzjoni tas-setgħa li hija għandha sabiex tordna lill-Istat Membru jipprovdilha l-informazzjoni neċessarja kollha.

Mill‑banda l‑oħra, l‑oneru tal‑prova tal‑kompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, b’deroga mid‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87(1) KE, jinsab bħala prinċipju fuq l‑Istat Membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l‑kundizzjonijiet ta’ din id‑deroga huma sodisfatti.

(ara l-punti 224, 225, 329)

8. Il‑Kummissjoni għandha s‑setgħa tadotta deċiżjoni fuq il‑bażi tal‑informazzjoni disponibbli jekk l‑Istat Membru jastjeni, bi ksur tal‑obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu lejn din l‑istituzzjoni li jirriżulta mill‑Artikolu 10 KE, milli jipprovdilha l‑informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l‑klassifikazzjoni u l‑kompatibbiltà mas‑suq komuni ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew sabiex tivverifika l‑applikazzjoni legali ta’ għajnuna approvata preċedentement. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il‑Kummissjoni għandha tordna lill‑Istat Membru jagħtiha, fit‑terminu stabbilit minnha, id‑dokumenti u l‑informazzjoni kollha neċessarji sabiex teżerċita l‑kontroll tagħha. Huwa biss jekk l‑Istat Membru jonqos, minkejja l‑ordni tal‑Kummissjoni, li jagħti l‑informazzjoni mitluba, li din tal‑aħħar ikollha s‑setgħa tagħlaq il‑proċedura u tieħu, fuq il‑bażi tal‑elementi li jkollha għad‑dispożizzjoni tagħha, id-deċiżjoni. Dawn l‑obbligi proċedurali huma imposti fuq l‑Istat Membru kkonċernat u fuq il‑Kummissjoni bil‑għan li din tal‑aħħar tkun tista’ teżerċita l‑kontroll tagħha fuq il‑bażi ta’ informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża filwaqt li jkun iggarantit ir‑rispett tad‑dritt għal smigħ tal‑Istat Membru kkonċernat. Fil‑fatt, ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura mibdija kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika.

Stat Membru ma jistax jiġi kkritikat talli ma pprovdiex informazzjoni suffiċjenti lill-Kummissjoni meta d‑deċiżjoni li tinfetaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali ma jkunx fiha evalwazzjoni preliminari tal‑miżuri kontenzjużi, bil‑għan li jiġi ddeterminat jekk dawn il-miżuri fihomx element ta’ għajnuna, u fin-nuqqas ta’ din l-evalwazzjoni, matul il‑proċedura amministrattiva, minn naħa, ta’ kwalunkwe riferiment espliċitu għall-miżuri msemmija u, min-naħa l-oħra, tal-iċken talba għal informazzjoni dwar il-konformità ta’ dawn il-miżuri mal-kundizzjonijiet tas-suq.

F’każ bħal dan, il‑Kummissjoni għandha, skont l‑obbligu tagħha li teżamina b’mod diliġenti u imparzjali fl‑interess tal‑amministrazzjoni tajba tar‑regoli fundamentali tat‑Trattat dwar l‑għajnuna mill‑Istat, tkompli bl‑investigazzjonijiet tagħha u tidħol iktar fil‑fond tal‑kwistjoni, sabiex tistabbilixxi, fost affarijiet oħra, jekk il‑miżuri inkwistjoni kinux konformi mal‑kriterju tal‑operatur privat. Għal dan il‑għan, hija għandha jew tordna lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha informazzjoni addizzjonali, filwaqt li tippreċiża n‑natura tal‑informazzjoni meħtieġa, jew tikkummissjona studju addizzjonali.

(ara l-punti 226, 229, 240, 246, 248, 249)

9. Sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni hija obbligata, skont l-Artikolu 87(1) KE, tistabbilixxi t-theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, li jkun il-każ meta din il-miżura ssaħħaħ il-pożizzjoni tal-impriża benefiċjarja fil-konfront ta’ impriżi oħra, li jkunu f’kompetizzjoni magħha fis-settur li kien is-suġġett ta’ liberazzjonijiet fuq livell Komunitarju.

(ara l-punt 312)

10. L‑għoti ta’ għajnuna mill‑Istat anki fil‑forma ta’ garanziji ma jistax ikun il‑bażi tal‑aspettattivi leġittimi għal terzi dwar ir‑regolarità ta’ dawn il‑garanziji jekk dawn ikunu ngħataw bi ksur tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 88(3) KE. Fil‑fatt, huma t‑terzi kkonċernati li għandhom jaġixxu bil‑prudenza u bid‑diliġenza neċessarja u li għandhom jiżguraw ruħhom li r‑regoli tad‑dritt Komunitarju fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat ikunu ġew osservati.

(ara l-punt 354)

11. Deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas‑suq komuni, li ma tagħtix rendikont dettaljat tal-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni iżda li xorta waħda tippermetti, fuq il‑bażi tal‑indikazzjonijiet suffiċjentement preċiżi li jinsabu fil‑motivi, li ma jistgħux jiġu sseparati mid‑dispożittiv tagħha, il-kwantifikazzjoni tal-għajnuna kontenzjuża, ma tistax titqies li hija insuffiċjentement immotivata. Fil-fatt, il‑kwantifikazzjoni hija kompitu fi kwalunkwe każ tal‑awtoritajiet tal-Istat Membru fil‑kuntest tal‑eżekuzzjoni tad‑deċiżjoni li tikkonstata l‑inkompatibbiltà ta’ għajnuna, b’kooperazzjoni leali mal‑Kummissjoni.

(ara l-punt 388)

12. Ir‑rispett tad‑drittijiet tad‑difiża, f’kull proċedura miftuħa kontra persuna li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad‑dritt tal‑Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fin‑nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Fil‑qasam tal‑għajnuna mill‑Istat, il‑Kummissjoni ma tistax, għall‑finijiet tal‑evalwazzjoni ta’ miżura fid‑dawl tad‑dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 87 KE, tibbaża ruħha fuq elementi miġbura mingħand terzi qabel ma tkun tat lill‑Istat ikkonċernat l‑opportunità li jippreżenta l‑osservazzjonijiet tiegħu dwar l‑elementi msemmija.

Bħala tali, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lil Stat Membru ta’ rapport li jkun ibbażat esklużivament fuq id‑data miġbura mingħand il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-Istat matul l-investigazzjoni fuq il-post mill-esperti tal-Kummissjoni u li ma jkun fih ebda element fattwali li l‑impriżi benefiċjarji tal‑miżuri kontenzjużi, miżmuma kompletament mill-Istat Membru, ma kinux jafu dwaru, ma huwiex ta’ natura li jippreġudika d-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru.

(ara l-punti 399-401)