Kawża T-403/05

MyTravel Group plc

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Aċċess għal dokumenti — Regolament (KE) Nru 1049/2001 — Rifjut ta’ aċċess — Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien tal-proċess deċiżjonali — Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ attivitajiet ta’ investigazzjoni u verifika — Eċċezzjoni relatata mal-ħarsien ta’ pariri legali — Dokumenti dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar konċentrazzjonijiet”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) tad-9 ta’ Settembru 2008   II ‐ 2034

Sommarju tas-sentenza

  1. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4)

  2. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

  3. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001)

  4. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Artikolu 255 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

  5. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1) u (3), u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

  6. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(3))

  7. Komunitajiet Ewropej – Istituzzjonijiet – Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti – Regolament Nru 1049/2001

  1.  Is-sempliċi fatt li dokument imsemmi f’applikazzjoni għal aċċess skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jikkonċerna interess protett minn eċċezzjoni mhux biżżejjed sabiex jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ din l-eċċezzjoni. Bħala prinċipju, applikazzjoni bħal din tista’ tkun iġġustifikata biss meta l-istituzzjoni tkun evalwat minn qabel, l-ewwel nett, jekk l-aċċess għad-dokument jippreġudikax, b’mod konkret u effettiv, l-interess protett u, it-tieni nett, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament, jekk jeżistix interess pubbliku prevalenti li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument ikkonċernat. Barra minn hekk, ir-riskju ta’ preġudizzju għall-interess protett għandu jkun raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Għaldaqstant, dan l-eżami għandu jitwettaq b’mod konkret u jkun indikat fil-motivi tad-deċiżjoni.

    Dan l-eżami konkret għandu, barra minn hekk, jitwettaq għal kull dokument imsemmi fl-applikazzjoni. Fil-fatt, mir-Regolament Nru 1049/2001 jirriżulta li l-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tiegħu huma mniżżla li għandhom ikunu applikabbli “għal dokument”. Eżami konkret u individwali ta’ kull dokument huwa wkoll neċessarju meta, anki fil-każ fejn huwa ċar li applikazzjoni għal aċċess tirrigwarda dokumenti koperti minn eċċezzjoni, tali eżami biss jista’ jippermetti lill-istituzzjoni li tevalwa l-possibbiltà li tagħti aċċess parzjali lill-applikant, skont l-Artikolu 4(6) ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 33, 73, 74)

  2.  Skont il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jitħallew iħarsu l-konsultazzjonijiet u d-deliberazzjonijiet interni tagħhom, fejn meħtieġ sabiex jissalvagwardaw is-setgħa tagħhom li jwettqu l-kompiti tagħhom, b’mod partikolari fil-kuntest tat-twettiq tas-setgħat deċiżjonali amministrattivi tagħhom, bħal dawk fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    Ir-rapport ta’ grupp ta’ ħidma, inkarigat sabiex iwettaq xogħol ta’ analiżi, ta’ riflessjoni u ta’ kritika, bil-għan li jiġi ppreżentat għal diskussjoni lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni, bi tħejjija għad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jippreżenta appell f’kawża li tirrigwarda konċentrazzjoni jew li jiġi propost titjib eventwali tal-proċedura ta’ amministrazzjoni applikabbli fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet jew f’setturi oħra tad-dritt tal-kompetizzjoni, jikkostitwixxi dokument li jinkludi opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest tad-deliberazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan il-Kummissjoni, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    L-iżvelar lill-pubbliku ta’ tali rapport jippreġudika serjament il-possibbiltà tal-imsemmi membru tal-Kummissjoni li jiddisponi minn opinjoni libera u kompleta tad-dipartimenti tiegħu fuq il-passi li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-kawża inkwistjoni.

    Fil-fatt, l-iżvelar ta’ tali dokument għandu mnejn mhux biss jesponi l-opinjoni, eventwalment kritika, tal-uffiċjali tal-Kummissjoni, iżda wkoll jippermetti li jsir paragun bejn il-kontenut tar-rapport u d-deċiżjonijiet finalment meħuda fuq dawn il-punti mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni jew fi ħdan il-Kummissjoni u, għaldaqstant, li tiġi żvelata d-diskussjoni interna tagħha. Barra minn hekk, jekk dan ir-rapport jiġi żvelat, dan ifisser li l-awturi ta’ rapport ta’ dan it-tip jieħdu inkunsiderazzjoni, fil-ġejjieni, dan ir-riskju ta’ żvelar sal-punt li jistgħu jaslu biex jiċċensuraw lilhom infushom u ma jibqgħux jippreżentaw opinjonijiet li jistgħu jqiegħdu f’riskju d-destinatarju tal-imsemmi rapport. B’dan il-mod, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tibbenifika mill-opinjoni ħielsa u kompleta meħtieġa mill-aġenti u mill-uffiċjali tagħha u b’hekk tisfa mċaħħda minn kritika interna kostruttiva, ħielsa minn kull tfixkil jew pressjoni esterna, intiża li tirrendilha iktar faċli t-teħid tad-deċiżjoni f’dak li jirrigwarda l-preżentata ta’ appell minn sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza jew it-titjib tal-proċeduri amministrattivi taghha fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tagħha jew, b’mod iktar wiesa’, tad-dritt tal-kompetizzjoni.

    Dan ir-riskju ta’ preġudizzju serju ghall-proċess deċiżjonali fil-każ tal-iżvelar ta’ tali dokumenti huwa raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku. Fil-fatt, jekk titqies in-natura mhux kunfidenzjali ta’ tali rapporti fil-konfront tal-pubbliku u fid-dawl tar-riskju ta’ żvelar, jidher probabbli li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni jiġi mwassal jieqaf jitlob l-opinjoni bil-miktub, eventwalment kritika, tal-kollaboraturi tiegħu fuq kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu jew taħt dik tal-Kummissjoni. Is-sempliċi żamma ta’ diskussjonijiet orali u informali, li ma jeħtiġux it-tfassil ta’ “dokument” fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 1049/2001, jippreġudika b’mod kunsiderevoli l-effikaċja tal-proċess deċiżjonali interna tal-Kummissjoni, b’mod partikolari, fis-setturi li fihom hija għandha twettaq evalwazzjonijiet ġuridiċi, fattwali u ekonomiċi kumplessi u teżamina fajlijiet partikolarment kbar, bħalma huma dawk fil-kuntest tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet.

    Peress li tali rapport huwa mħares skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, id-dokumenti li ppermettew it-tfassil tiegħu u li fihom evalwazzjonijiet preparatorji jew konklużjonijiet provviżorji għal użu intern, jaqgħu ukoll taħt din l-eċċezzjoni.

    Bl-istess mod, l-iżvelar lill-pubbliku tan-noti tal-Kummissarju inkarigat mill-kompetizzjoni, tan-noti lid-dipartimenti l-oħra u tan-noti ta’ risposta tad-dipartimenti l-oħra għajr dak legali, skambjati fi ħdan il-Kummissjoni sabiex jitfasslu d-dokumenti li jifformalizzaw it-teħid ta’ pożizzjoni tal-amministrazzjoni, huwa tali li jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni, kemm fir-rigward tal-proċedura ta’ konċentrazzjoni inkwistjoni jew tal-proċeduri ta’ konċentrazzjoni fil-futur fl-istess settur, bejn l-istess partijiet, jew fid-dawl tal-prinċipji implementati waqt il-proċedura kkontestata, sa fejn dawn id-dokumenti jindikaw biss mument tal-proċedura li għada ma ġietx ifformalizzata f’dokument definittiv. Fil-fatt, dawn id-dokumenti preparatorji jistgħu jindikaw l-opinjonijiet, l-eżitazzjonijiet jew il-bidliet fl-opinjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li — fi tmiem tal-proċess deċiżjonali inkwistjoni — jista’ ikun li ma jibqgħux jidhru fil-verżjonijiet finali tad-deċiżjonijiet.

    Issa, jidher plawżibbli li tali dokumenti, jekk jiġu żvelati, jistgħu jintużaw — minkejja li ma jirreferux neċessarjament għall-pożizzjoni definittiva tal-Kummissjoni — biex jinfluwenzaw il-pożizzjoni tad-dipartimenti taghha, li ghandha tibqa’ libera u indipendenti minn kull pressjoni esterna, waqt l-eżami ta’ kawżi simili li jikkonċernaw l-istess setturi ta’ attività jew l-istess kunċetti ekonomiċi.

    (ara l-punti 42, 48, 50-52, 54, 59, 95, 96, 100)

  3.  L-interess tal-pubbliku li jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont il-prinċipju ta’ trasparenza, li huwa intiż biex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini fil-proċess ta’ deċiżjoni u biex jiggarantixxi li l-amministrazzjoni jkollha leġittimità ikbar, u tkun iktar effikaċi u responsabbli fil-konfront tal-individwi f’sistema demokratika, m’għandux l-istess piż fil-każ ta’ dokument fl-ambitu ta’ proċedura amministrattiva intiża għall-applikazzjoni ta’ regoli dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali bħal fil-każ ta’ dokument relatat ma’ proċedura li fil-kuntest tagħha l-istituzzjoni Komunitarja tintervjeni inkwantu leġiżlatur.

    (ara l-punt 49)

  4.  Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti kif huwa stabbilit fl-Artikolu 255 KE u tal-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokumenti, li jista’ jipprevali fuq il-ħarsien tal-kunfidenzjalità ddefinit mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament, għandu jkun ta’ natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jiġi mfixkel ma’ interessi individwali jew privati, pereżempju, dawk fir-rigward ta’ rikors ippreżentat kontra l-Istituzzjonijiet Komunitarji, ta’ tali interessi individwali jew privati li ma jikkostitwixxux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3).

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma “[k]ull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna naturali jew legali residenti jew bl-uffiċċju reġistrat f’Stat Membru”. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż li jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għad-dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh. Għaldaqstant, l-interess partikolari li applikant jista’ jinvoka għall-aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax, ġeneralment, ikun deċiżiv fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku superjuri kif ukoll tal-ibbilanċjar tal-interessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

    (ara l-punti 65, 66)

  5.  Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni huwa wiesa’ ħafna, peress li huwa mogħti lil kull ċittadin tal-Unjoni u lill-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li huma residenti jew li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru, mingħajr ma huma speċifikati kundizzjonijiet oħrajn. Mill-Artikolu 2(3) tal-imsemmi regolament jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet relattivi għall-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha stabbiliti jew riċevuti minnha u fil-pussess tagħha, f’kull settur ta’ attività tal-Unjoni Ewropea.

    Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 jiddefinixxi b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għal dokument li jinkludi opinjonijiet intiżi għall-użu intern fil-kuntest ta’ deliberazzjonijiet u ta’ konsultazzjonijiet preliminari fi ħdan l-istituzzjoni kkonċernata jista’ jiġi miċħud, anki wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni, billi jindika li fi-tali każ l-iżvelar tad-dokument jista’ jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-istituzzjoni kkonċernata. Din id-dispożizzjoni hija ta’ applikazzjoni ġenerali, u dan indipendentement mis-setturi ta’ attività tal-Kummissjoni jew mir-regoli applikabbli għall-proċeduri relatati magħhom.

    Konsegwentement, il-fatt li impriża parti minn konċentrazzjoni m’għandhiex id-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti interni tal-fajl amministrattiv, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament Nru 802/2004, li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, ma jippermettix li jiġi eskluż li kull persuna, tkun min tkun, ikollha d-dritt ta’ aċċess għal tali dokumenti abbażi tal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 87-89)

  6.  Il-konsultazzjoni tal-kumitat konsultattiv kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri hija parti mill-proċess deċiżjonali intern tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Anki jekk il-kumitat konsultattiv ikun kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u huwa għaldaqstant distint mill-Kummissjoni, l-obbligu li jintbgħatu lil dan il-kumitat konsultattiv dokumenti interni b’applikazzjoni tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, sabiex dan il-kumitat jista’ jesprimi ruħu b’mod konformi ma’ proċedura li teżiġi l-intervent tiegħu, jippermetti l-kunsiderazzjoni li d-dokumenti inkwistjoni huma dokumenti interni għall-Kummissjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

    (ara l-punt 111)

  7.  It-termini “pariri legali” imsemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandhom jinftehmu fis-sens li l-ħarsien tal-interess pubbliku jista’ jipprekludi l-iżvelar tal-kontenut tad-dokumenti mfassla mid-dipartiment legali tal-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedimenti ġudizzjarji, iżda wkoll għall-finijiet l-oħra kollha.

    (ara l-punt 123)