Kawża T-299/05
Shanghai Excell M&E Enterprise Co. Ltd u Shanghai Adeptech Precision Co. Ltd
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Dumping — Importazzjonijet ta’ ċerti mwieżen elettroniċi li joriġinaw miċ-Ċina — Status ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq — Artikolu 2(7)(a) u (c), Artikolu 2(10) u Artikolu 11(9) tar-Regolament (KE) Nru 384/96”
Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) tat-18 ta’ Marzu 2009 II ‐ 572
Sommarju tas-sentenza
Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Interess li jiġi evalwat fid-data tal-preżentata tar-rikors – Rikors ta’ importatur intiż li jikkontesta l-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping – Dazju antidumping li skada
(Artikolu 230 KE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Trattament individwali ta’ impriżi li jesportaw minn pajjiż li ma għandux ekonomija tas-suq – Kundizzjonijiet – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq bħal dawk previsti fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96 – Applikazzjoni tar-regoli dwar il-pajjiżi li għandhom ekonomija tas-suq – Interpretazzjoni stretta – Applikazzjoni rriżervata għall-produtturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tal-imsemmi regolament
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7))
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Importazzjonijiet minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq bħal dawk previsti fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament Nru 384/96 – Proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu produttur li jibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(7)(c))
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Proċedura ta’ reviżjoni – Determinazzjoni tal-valur normali – Metodu, segwit matul l-investigazzjoni inizjali, mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 384/96
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 2, 17 u 11(9))
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Użu tal-valur maħdum
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10))
Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Paragun bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni – Aġġustamenti
(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 2(10))
L-interess ġuridiku ta’ rikorrent għandu, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors, ikun preżenti fil-mument li fih dan jitressaq, u fin-nuqqas ta’ dan, ir-rikors għandu jitqies li huwa inammissibbli. Dan l-iskop tal-kawża, bħal fil-każ tal-interess ġuridiku, irid jissussisti sad-deċiżjoni ġudizzjarja, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, u dan jimplika li r-rikors, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju għall-parti li tkun ressqet ir-rikors.
Madankollu, il-fatt li l-att ikkontestat li tiegħu kien qiegħed jintalab l-annullament waqaf jipproduċi effetti waqt il-kawża ma jinvolvix, fih innifsu, l-obbligu tal-qorti Komunitarja li tiddeċiedi li m’hemmx lok għal deċiżjoni peress li m’hemmx skop għall-kawża jew peress li m’hemmx interess ġuridiku fid-data li fiha tingħata s-sentenza. Barra minn hekk, rikorrent jista’ jżomm interess sabiex jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni Komunitarja sabiex jiġi evitat li l-illegalità allegata tiegħu ma sseħħx fil-futur. Tali interess ġuridiku jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 233 KE, li jipprovdi li l-istituzzjonijiet li l-atti tagħhom ġew iddikjarati nulli għandhom ikunu marbuta li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ruħhom mas-sentenza. Tali interess ġuridiku jista’ jissussisti biss jekk l-illegalità allegata tkun tista’ tirripproduċi ruħha fil-futur indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors imressaq mir-rikorrent.
Dan huwa l-każ ta’ rikors għal annullament, imressaq minn impriżi suġġetti għal dazju antidumping wara proċedura ta’ reviżjoni, anki jekk l-imsemmi dazju mhuwiex iktar applikabbli, sa fejn huma jikkontestaw il-proċedura li wasslet għall-impożizzjoni tiegħu. Fil-fatt, kuntrarjament għall-evalwazzjoni fuq il-mertu tal-eżistenza ta’ prattika ta’ dumping, ir-regoli tal-proċedura ta’ reviżjoni jistgħu jirrepetu ruħhom fil-futur fil-kuntest ta’ proċeduri simili, b’mod li r-rikorrenti jżommu interess ġuridiku kontra r-regolament ikkontestat, anki jekk ma jipproduċix effetti fil-konfront tagħhom, mill-perspettiva ta’ proċeduri antidumping futuri mressqa kontrihom.
Barra minn hekk, rikorrent jista’ jżomm interess li jitlob l-annullament ta’ att li jaffettwah direttament sabiex jikseb il-konstatazzjoni, mill-qorti Komunitarja, ta’ illegalità mwettqa fir-rigward tiegħu, b’mod li tali konstatazzjoni tkun tista’ sservi bħala bażi ta’ rikors għad-danni eventwali intiż li jikkumpensa b’mod adegwat id-dannu kkawżat mill-att ikkontestat. Barra minn hekk, konstatazzjoni ta’ illegalità tista’ tikkostitwixxi l-bażi ta’ diskussjonijiet eventwali barra mill-qrati bejn il-Kunsill u r-rikorrenti intiżi sabiex jiġi kkumpensat id-dannu subit minn dawn tal-aħħar.
Barra minn hekk, li jitqies li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li għandhom effett limitat fiż-żmien u li jieqfu jipproduċuhom wara l-preżentata tar-rikors għal annullament, iżda qabel ma l-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tagħti s-sentenza rilevanti, u b’hekk jiġi evitat kull stħarriġ ġudizzjarju, jekk dawn ma jkunux taw lok għall-ġbir ta’ flus, ikun inkompatibbli mal-ispirtu tal-Artikolu 230 KE, li jippreżupponi li f’komunità ta’ dritt, bħal Komunità Ewropea, la l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet ma jistgħu jaħarbu mill-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mal-Karta Kostituzzjonali Fundamentali li hija t-Trattat u d-dritt li jirriżulta minn dan tal-aħħar.
(ara l-punti 43, 46, 48-51, 53, 55-57)
Fil-qasam ta’ miżuri ta’ protezzjoni kummerċjali, l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumpessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom jeżaminaw. Minn dan jirriżulta li l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja fuq l-evalwazzjonijiet tal-istituzzjonijiet għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. L-istess japplika għas-sitwazzjonijiet ta’ fatt, ta’ natura ġuridika jew politika, li jimmanifestaw ruħhom fil-pajjiż kkonċernat u li l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jevalwaw sabiex jistabbilixxu jekk esportatur ikunx qiegħed jaġixxi fil-kundizzjonijiet tas-suq mingħajr interferenza sinjifikattiva mill-Istat u jistax għalhekk, jibbenefika mill-għoti tal-istatus xieraq lill-impriżi li joperaw f’ekonomija tas-suq.
L-eżami tal-konformità tal-kontabbiltà tal-impriżi li jixtiequ jibbenefikaw mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq ma’ standards ta’ kontabbiltà internazzjonalment magħrufa tal-għażla tagħhom taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-istituzzjonijiet Komunitarji. Huma l-impriżi inkwistjoni, jekk huma ma jaqblux ma’ din l-għażla, li għandhom juru li l-istandards magħżula mill-istituzzjonijiet mhumiex internazzjonalment magħrufa jew li l-ksur eventwali mill-kontabbiltà tagħhom tal-imsemmija standards ma jikkostitwixxix tali ksur fid-dawl ta’ standards oħra internazzjonalment magħrufa.
(ara l-punti 79-81, 90, 255)
Il-metodoloġija għad-determinazzjoni tal-valur normali ta’ prodott previst fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, bħala eċċezzjoni għall-metodoloġija speċifika prevista għal dan l-għan fl-Artikolu 2(7)(a) għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv, peress li dan tal-aħħar huwa, bħala regola ġenerali, applikabbli fil-każ ta’ importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq.
Barra minn hekk, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-produttur-esportatur li jixtieq jibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq. Fil-fatt, l-Artikolu 2(7)(c) tal-imsemmi Regolament bażiku jipprovdi li l-pretensjoni għandha “jkun fiha biżżejjed evidenza”. B’hekk, mhumiex l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jipprovaw li l-produttur-esportatur ma jissodisfax il-kundizzjonijiet kollha previsti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmi status. Min-naħa l-oħra, huma l-istituzzjonijiet Komunitarji li għandhom jevalwaw jekk l-elementi pprovduti mill-produttur-esportatur humiex biżżejjed sabiex juru li l-kundizzjonijiet imposti mill-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku huma sodisfatti u hija l-qorti Komunitarja li għandha tivverifika jekk din l-evalwazzjoni hijiex ivvizzjata bi żball manifest.
(ara l-punti 76, 82-83)
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li jippermettu produttur li jkun jista’ jibbenefika mill-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 li jipprevedi terminu ta’ tliet xhur li jibda mill-ftuħ ta’ investigazzjoni mill-Kummissjoni, ma fih ebda indikazzjoni rigward il-konsegwenzi ta’ qbiż ta’ dan it-terminu. B’mod partikolari, dan l-artikolu ma jippreċiżax jekk tali qbiż iwassalx għall-għoti obbligatorju tal-imsemmi status jew għall-impossibbiltà li titkompla l-investigazzjoni, li huma l-unika raġunijiet li minħabba fihom regolament li jistabbilixxi dazji antidumping definittivi, adottat wara deċiżjoni fuq l-għoti tal-imsemmi status jista’ jiġi annullat awtomatikament minħabba dan il-qbiż. Għaldaqstant, billi tali preċiżjoni ma tirriżulta minn ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament bażiku, għandu jiġi eżaminat l-għan u l-istruttura tal-imsemmi regolament sabiex jiġi deċiż jekk għandux jiġi interpretat fis-sens li jimponi l-għoti obbligatorju tal-imsemmi status jew l-impossibbiltà li titkompla l-investigazzjoni ta’ reviżjoni kkonċernata meta jinqabeż it-terminu ta’ tliet xhur mill-Kummissjoni.
F’dan ir-rigward, jirriżulta minn qari tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku dwar termini oħra, b’mod partikolari dawk previsti fl-Artikoli 8(5) u 9(2) u (4), li meta r-Regolament bażiku għandu l-ħsieb li jippenalizza n-nuqqas ta’ osservanza ta’ terminu proċedurali mill-istituzzjonijiet permezz ta’ aċċettazzjoni kompleta tat-talba jew minn konsegwenzi konkreti oħra, dan jindikah espressament. Barra minn hekk, jirriżulta mill-għan u mill-istruttura tar-Regolament bażiku li, tal-inqas mill-kuntest ta’ ċerti investigazzjonijiet ta’ reviżjoni, dan għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-qbiż mill-Kummissjoni tat-terminu ta’ tliet xhur għall-investigazzjoni jimpedixxi l-istituzzjonijiet Komunitarji milli jadottaw regolament li jimponi fuq l-impriżi inkwistjoni dazji antidumping. Fil-fatt, mhuwiex xieraq li jiġi konkluż li jekk l-impriżi kkonċernati minn investigazzjoni ta’ reviżjoni kienu stabbiliti f’pajjiż li m’għandux ekonomija tas-suq u jitolbu li jibbenefikaw mill-imsemmi status, il-Kummissjoni m’għandhiex tkompli l-investigazzjoni fir-rigward tagħhom jekk hija taqbeż it-terminu ta’ tliet xhur, peress li dan jippreġudika l-għan tat-talba inizjali ta’ dawn impriżi, jiġifieri l-ksib ta’ reviżjoni tas-sitwazzjoni individwali tagħhom. Mhuwiex ukoll xieraq li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha tibda investigazzjoni ġdida, sa fejn dan fil-prattika jżid in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu biss.
Barra minn hekk, it-terminu ta’ tliet xhur, impost skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku għandu, bħala għan li jiżgura li l-kwistjoni dwar jekk il-produttur jissodisfax il-kriterji elenkati fl-imsemmi artikolu ma tinqatax skont l-effett tiegħu fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping. B’hekk, l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku tipprekludi li l-istituzzjonijiet, wara li jadottaw deċiżjoni fuq l-istatus ta’ impriża li topera f’ekonomija tas-suq, jevalwaw mill-ġdid wara l-informazzjoni li huma għandhom f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, l-effett ulti tal-imsemmi terminu ma jistax jitqiegħed inkwistjoni jekk, matul il-perijodu bejn l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur u d-deċiżjoni fuq l-imsemmi status, u fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, hemm lok li jingħad li l-impriżi li talbu r-rikonoxximent tal-imsemmi status kienu qiegħdu l-Kummissjoni f’pożizzjoni impossibbli li din tkun taf liema effett fuq il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping jista’ jkollha d-deċiżjoni tagħha dwar dan l-istatus.
Fl-aħħar nett, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi, jew espressament, jew impliċitament, il-konsegwenzi tal-qbiż ta’ terminu proċedurali, tali qbiż jista’ biss iwassal għall-annullament komplet jew parzjali tal-att li l-proċess tiegħu ta’ adozzjoni jinkludi t-terminu inkwistjoni jekk jiġi stabbilt li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità allegata, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti.
(ara l-punti 116, 117, 119, 120, 122, 124, 125, 127, 128, 138)
Għalkemm l-Artikolu 11(9) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 jipprevedi li, fl-investigazzjonijiet ta’ reviżjoni kollha mwettqa skont l-imsemmi artikolu, il-Kummissjoni għandha tapplika, sakemm iċ-ċirkustanzi ma nbiddlux, l-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjoni li wasslet għad-dazju, jirriżulta wkoll mill-imsemmi artikolu li l-metodoloġija applikata għandha tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u 17 tar-Regolament bażiku.
Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati li japplikaw f’investigazzjoni ta’ reviżjoni metodoloġija li ġiet segwita matul l-investigazzjoni inizjali jekk din mhijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, fil-kuntest tal-paragun tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mal-valur normali, għal impriżi ta’ pajjiżi li m’għandhomx ekonomija tas-suq, li ma ngħatalhomx l-istatus ta’ impriżi, u li għalihom intgħażel valur normali ta’ pajjiż analogu, kull interpretazzjoni kuntrarja twassal għas-sitwazzjoni assurda li fiha, kieku l-Kunsill ikkalkola l-valur normali abbażi tal-addizzjoni tal-prezzijiet reali tal-esportazzjoni kif ukoll tal-prezzijiet reali ta’ bejgħ tal-esportatur tal-pajjiż analogu magħżul, dawn l-impriżi setgħu jitolbu, ġustament, l-annullament tar-regolament li jimponi fuqhom dazji antidumping, għal ksur tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament bażiku, filwaqt li kieku l-Kunsill ikkalkola valur normali maħdum, ir-rikorrenti setgħu jitolbu l-annullament tal-imsemmi regolament għall-ksur tal-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku.
Barra minn hekk, l-obbligu previst mill-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, ma jinkludix l-obbligu jew il-projbizzjoni li jitwettqu żjarat ta’ verifika fil-kuntest tal-investigazzjoni ta’ reviżjoni skont jekk dawn iż-żjarat twettqux fil-kuntest tal-investigazzjoni inizjali jew le. Fil-fatt, il-verifika ta’ informazzjoni ma tistax titqies li tagħmel parti mill-metodoloġija magħżula sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tad-dumping iżda, biss, bħala mezz ta’ ksib ta’ informazzjoni li jippermetti li tiġi applikata l-metodoloġija inkwistjoni.
(ara l-punti 176, 178, 187)
Skont l-istruttura tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96, il-ħdim tal-valur normali huwa intiż sabiex jiġi ddeterminat il-prezz ta’ bejgħ ta’ prodott kif ikun kieku dan il-prodott kien mibjugħ fil-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni tiegħu u konsegwentement, dawn huma l-ispejjeż relatati mal-bejgħ fis-suq intern li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkolat il-valur maħdum. Fil-kuntest tal-ħdim tal-valur normali, l-istituzzjonijiet mhumiex obbligati li jieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż reali tal-kumpannija eżaminata, iżda stima raġonevoli tal-ispejjeż ta’ bejgħ, ta’ spejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra li din il-kumpannija kellha ssostni kieku hija biegħet il-prodott inkwistjoni fi kwantitajiet suffiċjenti fl-Istat ta’ oriġini tagħha.
Għal dak li jikkonċerna l-prattika ta’ tnaqqis li tikkorrispondi għall-kommissjonijiet ta’ aġenzija li jistgħu jirriżultaw neċessarji, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jeżistu bejn il-prezz tal-esportazzjoni u tal-valur normali li jaffettwaw il-komparabbiltà tagħhom, tali tnaqqis ma jistax isir fuq valur li nħadem u li, għaldaqstant, mhuwiex reali. Fil-fatt, dan il-valur mhuwiex effettwat, fil-prinċipju, minn elementi li jistgħu jippreġudikaw il-komparabbiltà tiegħu, bħall-eżistenza ta’ kommissjonijiet ta’ aġenzija, peress li dan ġie artifiċjalment iddeterminat billi ngħaddew elementi differenti li fosthom m’hemmx ħlas jew marġni ta’ profitt favur id-distributturi, simili għal tali kommissjoni u li għandhom jiġi dedotti.
(ara l-punti 258, 266)
Jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 384/96 li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni seta’ jitwettaq biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi li jikkonċernaw fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għaldaqstant il-komparabbiltà tagħhom. Issa, dan mhuwiex il-każ ta’ kommissjoni li ma tħallsitx realment.
Sabiex ikun jista’ jsir tali aġġustament, l-istituzzjonijiet ikollhom jibbażaw ruħhom fuq elementi li jistgħu jipprovaw, jew jippermettu li jiġi dedott, li kommissjoni kienet effettivament tħallset u li din hi ta’ natura li taffettwa f’miżura determinata l-komparabbiltà bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.
Madankollu, l-introduzzjoni ta’ sentenza oħra fl-Artikolu 2(10)9i) tar-Regolament bażiku tippermetti minn issa ’l quddiem li jsir aġġustament mhux biss minħabba d-differenzi fil-kommissjonijiet imħallsa għall-bejgħ ikkunsidrat, iżda wkoll minħabba l-marġni rċevuta mill-operaturi kummerċjali tal-prodott jekk huma jissodisfaw funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem abbażi ta’ kommissjonijiet. Konsegwentement, anki meta ebda kommissjoni ma tħallset lill-kumpanniji ta’ kummerċjalizzazzjoni konnessi mal-produtturi esportaturi, tnaqqis għall-kommissjonijiet ta’ aġenzija fuq il-prezz ta’ esportazzjoni huwa legali, sa fejn dan tal-aħħar jista’ wkoll jsir jekk, għalkemm ebda kommissjoni ma tħallset effettivament, l-operaturi kummerċjali inkwistjoni jeżerċitaw funzjonijiet simili għal dak ta’ aġent u jirċievu marġni kummerċjali.
(ara l-punti 272, 274, 279, 281, 282)