Keywords
Summary

Keywords

1. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Miżuri amministrattivi — Dispożizzjonijiet dwar l-irtirar ta’ vantaġġ miksub indebitament — Kamp ta’ applikazzjoni — Miżuri intiżi għall-irtirar ta’ vantaġġ miksub permezz ta’ irregolarità — Irtirar ta’ deċiżjoni li tat tali vantaġġ — Inklużjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikolu 1(1) u (2) u Artikolu 4(1) sa (3))

2. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità — Kunċett — Ksur tal-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali u tal-prinċipju ta’ trasparenza — Aġir kollużiv tal-persuna li talbet għajnuna finanzjarja u tal-uffiċjal inkarigat bil-fajl, li ppermetta li tinkiseb l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 2988/95, Artikoli 1(2) u 4(1), u Nru 1605/2002, Artikolu 109(1))

3. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Proċeduri kontra l-irregolaritajiet — Terminu ta’ preskrizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

4. Riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea — Regolament dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni — Irregolarità kontinwa jew repetuta — Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1))

Summary

1. L-obbligu li jingħata lura vantaġġ indebitament riċevut permezz ta’ prattika irregolari ma jiksirx il-prinċipju ta’ legalità. Fil-fatt, dan l-obbligu ma jikkostitwixxix sanzjoni, iżda huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kienu nħolqu artifiċjalment, u dan irendi indebitu l-vantaġġ riċevut u għaldaqstant iġġustifikat l-obbligu li jingħata lura. B’hekk, għad-differenza tas-sanzjonijiet amministrattivi li jirrikjedu bażi legali speċifika minbarra l-leġiżlazzjoni ġenerali prevista mir-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(1) sa (3), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tal-istess regolament għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu bażi legali kemm rilevanti kif ukoll suffiċjenti għal kull miżura intiża biex tirtira vantaġġ miksub indebitament permezz ta’ irregolarità u, b’hekk, sabiex tiġi rtirata deċiżjoni li tagħti tali vantaġġ.

Fi kwalunkwe każ, anki fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċifika f’dan is-sens, mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta li l-amministrazzjoni hija, bħala regola, awtorizzata tirtira, b’effett retroattiv, att amministrattiv favorevoli adottat b’mod illegali, prinċipji ġenerali li, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95 sempliċiment jimplementa fuq il-livell tad-dritt sekondarju.

(ara l-punti 117, 118)

2. Hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 109(1) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, l-għoti ta’ sussidji għandu jkun suġġett, b’mod partikolari, għall-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali, ħaġa li tippresupponi li, fid-dawl tal-baġit limitat disponibbli sabiex jiġu ffinanzjati tali sussidji, l-applikanti potenzjali għal għajnuna finanzjarja jkunu ttrattati b’mod ugwali għal dak li jirrigwarda, minn naħa, il-komunikazzjoni, fis-sejħa għal proposti, ta’ informazzjoni rilevanti fuq il-kriterji ta’ għażla tal-proġetti li jiġu ppreżentati u, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni komparattiva tal-imsemmija proġetti li twassal għall-għażla tagħhom u għall-għoti tas-sussidju.

Fi kwistjonijiet li jirrigwardaw il-baġit, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, l-obbligu ta’ trasparenza essenzjalment għandu l-iskop li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità baġitarja. Dan jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura ta’ għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal proposti. Għalhekk, l-informazzjoni rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għal proposti għandha tkun disponibbli, malli dan ikun possibbli, għall-operaturi kollha li jistgħu potenzjalment ikollhom interess li jieħdu sehem fi proċedura ta’ għoti ta’ sussidji, b’tali mod li, minn naħa, l-applikanti kollha raġonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata eżatta tagħha u li jinterpretawha bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, l-awtorità baġitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk il-proġetti proposti jikkorrispondux għall-kriterji ta’ għażla u ta’ għoti ddikjarati minn qabel. Għaldaqstant, kull ksur tal-opportunitajiet ugwali u tal-prinċipju ta’ trasparenza jikkostitwixxi irregolarità li tivvizzja l-proċedura ta’ għoti.

B’hekk, il-kisba ta’ għajnuna finanzjarja provenjenti mill-baġit ġenerali tal-Komunitajiet permezz ta’ aġir kollużiv, li jmur manifestament kontra r-regoli vinkolanti li jirregolaw l-għoti ta’ tali għajnuna, bejn l-applikant għall-għajnuna finanzjarja u l-uffiċjal inkarigat mit-tħejjija tas-sejħa għal proposti kif ukoll mill-evalwazzjoni u l-għażla tal-proġett li għandu jiġi ffinanzjat, tikkostitwixxi irregolarità fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi evalwat jekk dan l-aġir jissodisfax ukoll il-kriterji tal-korruzzjoni attiva jew passiva jew ta’ ksur ta’ regola oħra ta’ natura penali.

(ara l-punti 122, 124-126)

3. Bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea,u, b’mod partikolari, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju kellu l-intenzjoni li jistabbilixxi regola ġenerali ta’ preskrizzjoni applikabbli fil-qasam u li permezz tagħha kellu l-intenzjoni, minn naħa, li jiddefinixxi terminu minimu applikat fl-Istati Membri kollha u, min-naħa l-oħra, li jirrinunzja għall-possibbiltà ta’ rkupru tal-ammonti tal-baġit Komunitarju riċevuti indebitament wara li jkun skada terminu ta’ erba’ snin wara t-twettiq tal-irregolarità li taffettwa l-ħlasijiet kontenzjużi. Minn dan jirriżulta li, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament, kull vantaġġ riċevut indebitament mill-baġit Komunitarju jista’, fil-prinċipju, u bl-eċċezzjoni tas-setturi li għalihom il-leġiżlatur Komunitarju pprovda għal terminu iqsar, jiġi rkuprat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri f’terminu ta’ erba’ snin. Fir-rigward tat-trattament mogħti lill-vantaġġi riċevuti indebitament mill-baġit Komunitarju minħabba f’irregolaritajiet li ġew imwettqa qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 2988/95, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament u bla ħsara għall-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur Komunitarju ddefinixxa regola ġenerali ta’ preskrizzjoni li permezz tagħha huwa b’mod volontarju naqqas għal erba’ snin it-terminu li matulu l-awtoritajiet tal-Istati Membri, li jaġixxu għan-nom u f’isem il-baġit Komunitarju, għandhom jew kellhom jirkupraw tali vantaġġi riċevuti indebitament.

Konsegwentement, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, kull ammont li operatur jirċievi indebitament minħabba f’irregolarità preċedenti għad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2988/95 għandu, fil-prinċipju, ikun ikkunsidrat bħala preskritt fin-nuqqas ta’ kull att sospensiv adottat fl-erba’ snin wara li ssir l-irregolarità, att sospensiv li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ dan l-istess regolament, huwa intiż bħala att li jkun innotifikat lill-persuna inkwistjoni, li jkun tal-awtorità kompetenti u intiż għall-investigazzjoni jew għal proċeduri legali dwar din l-irregolarità.

Dawn il-prinċipji huma applikabbli mutatis mutandis meta l-miżura inkwistjoni, skont l-Artikolu 4(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2988/95, tkun ġiet adottata mill-Kummissjoni, peress li l-imsemmi regolament huwa regolament ġenerali li japplika għal kull awtorità, kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarja, li hija suġġetta għall-obbligi ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u ta’ kontroll tal-użu tal-finanzi tal-baġit tal-Komunitajiet għall-finijiet previsti, kif jingħad fil-premessi 3 u 13 tar-Regolament Nru 2988/95.

(ara l-punti 148-150)

4. Irregolarità hija kontinwa jew repetuta, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea, meta din titwettaq minn operatur li jieħu vantaġġi ekonomiċi minn diversi operazzjonijiet simili li jiksru l-istess dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punt 153)