SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

20 ta’ Novembru 2008 ( *1 )

“Sistema lingwistika — Regoli dettaljati fir-rigward tar-reklutaġġ fis-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea — Rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE — Rikors ippreżentat minn Stat Membru kontra, minn naħa, deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika l-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management bil-Ġermaniż, bil-Franċiż u bl-Ingliż u, min-naħa l-oħra, avviż ta’ pożizzjoni vakanti ppubblikat mill-Kummissjoni f’dawn it-tliet lingwi sabiex timtela l-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF — Ammissibbiltà — Terminu għall-preżentata ta’ rikors — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Motivazzjoni — Artikoli 12 KE, 230 KE u 290 KE — Regolament Nru 1 — Artikoli 1d u 27 tar-Regolamenti tal-Persunal — Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni”

Fil-Kawża T-185/05,

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. Braguglia u M. Fiorilli, avvocati dello Stato,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn F. Díez Moreno, abogado del Estado,

u minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, inizjalment irrappreżentata minn E. Balode-Buraka, wara minn L. Ostrovska, bħala aġenti

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn L. Cimaglia u P. Aalto, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni matul l-1687 laqgħa tagħha, tal-10 ta’ Novembru 2004, li l-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management se jsiru bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż matul perijodu li, bħala prinċipju, kellu jispiċċa fl-1 ta’ Jannar 2007 u, min-naħa l-oħra, tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/335 għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Grad A*15/A*16) tal-Uffiċċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF), ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Frar 2005 (ĠU C 34 A, p. 3),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Lulju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

L-Artikoli 12 KE, 230 KE, 236 KE, 290 KE u 314 KE, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għal din il-kawża, jipprovdu:

Artikolu 12

Fil-kamp ta’ l-applikazzjoni ta’ dan it-Trattat, u bla ħsara għad-disposizzjonijiet speċjali inklużi hemm, kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza għandha tiġi projbita.

Il-Kunsill, li jaġixxi skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251, jista’ jadotta regoli intiżi biex jiprojbixxu din id-diskriminazzjoni.

[…]

Artikolu 230

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina l-legalità ta’ l-atti adottati flimkien mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, ta’ l-atti tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tal-BĊE, minbarra ir-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet, u ta’ atti tal-Parlament Ewropew maħsuba li joħolqu effetti legali għar-rigward ta’ terzi.

Għal dan il-għan, il-Qorti hija kompetenti biex tiddeċiedi fuq rikorsi magħmula minn Stat Membru, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, dwar in-nuqqas ta’ kompetenza, dwar ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, dwar ksur ta’ dan it-Trattat jew ta’ xi regola tad-dritt relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew inkella dwar l-iżvijar tal-poter.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti taħt l-istess kondizzjonijiet biex tiddeċiedi rikorsi mill-Qorti ta’ l-Awdituri u mill-BĊE bil-għan li jipproteġu l-prerogattivi tagħhom.

Kull persuna fisika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.

Il-proċeduri msemmija f’dan l-Artikolu għandhom jinbdew fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tal-miżura, jew minn meta dan jiġi notifikat lir-rikorrent, jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata minn meta ir-rikorrent ikun sar jaf bih, skond il-każ.

[…]

Artikolu 236

Il-Qorti tal-Ġustizzja hi kompetenti tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, fil-limiti u taħt il-kondizzjonjijiet stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal jew il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg.

[…]

Artikolu 290

In-normi li jirregolaw il-lingwi ta’ l-istituzzjonijiet tal-Komunità għandhom, mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet previsti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu stabbiliti mill-Kunsill, b’mod unanimu.

[…]

Artikolu 314

Dan it-Trattat, magħmul f’kopja waħda, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Olandiż u bit-Taljan, l-erba testi meqjusa bħala awtentiċi ndaqs, għandu jitqiegħed fl-arkivji tal-Gvern tar-Repubblika ta’ l-Italja, li għandu jibgħat kopja vera ċertifikata tiegħu lil kull wieħed mill-Gvernijiet ta’ l-Istati firmatarji l-oħra.

Skond it-Trattati ta’ l-Adeżjoni, il-verżjoni Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Latvjana, Litwanjana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża u Ungeriża ta’ dan it-Trattat għandhom ukoll ikunu awtentiċi.”

2

L-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta’ April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 1958, 17, p. 385) fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-din il-kawża, jipprovdu:

Artikolu 1

Il-lingwi uffiċjali u l-lingwi wżati fil-ħidma ta’ l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni għandhom ikunu iċ-Ċek, id-Daniż, l-Eston, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan u l-Ungeriż.

Artikolu 2

Id-dokumenti li Stat Membru jew persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru jibagħtu lill-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jitfasslu f’kull waħda mil-lingwi uffiċjali magħżula minn min jibgħat. Ir-risposta għandha titfassal fl-istess lingwa.

Artikolu 3

Id-dokumenti li xi istituzzjoni tal-Komunità tibgħat lil xi Stat Membru jew lil xi persuna soġġetta għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandhom ikunu mfassla fil-lingwa ta’ dak l-Istat.

Artikolu 4

Ir-Regolamenti u dokumenti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali għandhom ikunu abbozzati fl-għoxrin lingwa uffiċjali.

Artikolu 5

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea għandu jkun ippubblikat fl-għoxrin lingwa uffiċjali.

Artikolu 6

L-istituzzjonijiet tal-Komunità jistgħu jistipulaw fir-regoli ta’ proċedura tagħhom liema minn dawn il-lingwi għandhom jintużaw f’każijiet speċifiċi.”

3

L-Artikolu 1d (1) u (6), l-Artikolu 27, l-Artikolu 28 u l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-din il-kawża (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdu:

Artikolu 1d

1.   Fl-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, kull diskriminazzjoni bbażata fuq kull raġuni, bħas-sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, fatturi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, sħubija f’minorita nazzjonali, proprjetà, twelid, disabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali, hija pprojbita […]

6.   Waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħhom trid tkun iġġustifikata fuq bażijiet oġġettivi u raġonevoli, u trid tkun immirata lejn oġġetti [obbjettivi] leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal. It-tali oġġettivi jistgħu partikolarment jiġġustifikaw li tkun stipulata età mandatarja ta’ rtirar u età minima biex tieħu pensjoni ta’ rtirar.

[…]

Artikolu 27

Ir-reklutaġġ għandu jkollu l-mira li jiżgura li l-istituzzjoni jkollha s-servizzi ta’ uffiċjali ta’ l-ogħla livell ta’ kapaċita’, effiċjenza u integrita, magħżula mill-aktar bażi ġeografika wiesgħa possibbli minn fost iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri tal-Komunitajiet.

L-ebda post ma jkun riservat għal ċittadini ta’ xi Stat Membru speċifiku.

Artikolu 28

Uffiċjal jista’ jkun appuntat biss bil-kondizzjoni li:

[… ]

f)

huwa jipproduċi evidenza ta’ għarfien komplut ta’ waħda mill-lingwi tal-Komunitajiet u ta’ għarfien sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunitajiet sal-punt meħtieġ biex iwettaq id-dmirijiet tiegħu

Artikolu 29

[…]

2.   Proċedura oħra barra l-proċedura tal-kompetizzjoni tista’ tkun adottata mill-Awtorità tal-Ħatra għar-reklutaġġ ta’ l-uffiċjali għolja (Diretturi Ġenerali jew ekwivalenti fil-grad AD 16 jew AD 15, u Diretturi jew ekwivalenti fil-grad AD 15 jew AD 14) u, f’każijiet ta’ eċċezzjoni, ukoll għar-reklutaġġ għal posizzjonijiet li jeħtieġu kwalifiki speċjali.”

4

L-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni [C (2000) 3614, ĠU 2000, L 308, p. 26], jipprovdi:

Artikolu 18

Strumenti li jkunu adottati mill-Kummissjoni matul laqgħa għandhom ikunu mehmuża fil-lingwa awtentika jew fil-lingwi awtentiċi, b’mod illi ma jkunux jistgħu jiġu separati, ma’ nota sommarja preparata fl-aħħar tal-laqgħa li fiha kienu adottati. Huma għandhom ikunu awtentikati bil-firem tal-President u tas-Segretarju Ġenerali fl-aħħar paġna tan-nota sommarja.

Strumenti adottati permezz tal-proċedura bil-miktub għandhom ikunu mehmuża fil-lingwa awtentika jew fil-lingwi awtentiċi, b’mod illi ma jkunux jistgħu jiġu separati, man-nota tal-ġurnata msemmija fl-Artikolu 12. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu awtentikati bil-firma tas-Segretarju Ġenerali fuq l-aħħar paġna tan-nota tal-ġurnata.

Strumenti adottati permezz tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għandhom ikunu mehmuża fil-lingwa awtentika jew fil-lingwi awtentiċi, b’mod illi ma jkunux jistgħu jiġu separati, man-nota tal-ġurnata msemmija fl-Artikolu 15. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu awtentikati bil-firma tas-Segretarju Ġenerali fuq l-aħħar paġna tan-nota tal-ġurnata.

Strumenti adottati permezz tal-proċedura ta’ delegazzjoni jew permezz ta’ subdelegazzjoni skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 13, għandhom ikunu mehmuża fil-lingwa awtentika jew fil-lingwi awtentiċi, b’mod illi ma jkunux jistgħu jiġu separati, man-nota tal-ġurnata msemmija fl-Artikolu 15. Dawn l-istrumenti għandhom jiġu awtentikati permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ ċertifikazzjoni iffirmata mid-Direttur Ġenerali jew minn Kap ta’ Servizz.

Għall-għanijiet ta’ dawn ir-Regoli, ‘strumenti’ tfisser kull strument imsemmi fl-Artikolu 14 tat-Trattat KEFA, fl-Artikolu 249 tat-Trattat KE u fl-Artikolu 161 tat-Trattat dwar l-Euratom.

Għall-għanijiet ta’ dawn ir-Regoli, ‘lingwa awtentika jew lingwi awtentiċi’ tfisser il-lingwi offiċjali tal-Komunitajiet fil-każ ta’ strumenti li għandhom applikazzjoni ġenerali u fil-każijiet l-oħra, l-lingwa jew il-lingwi tal-persuni lil min ikunu indirizzati l-istrumenti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

5

Matul l-1687 laqgħa tagħha, tal-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni”), li kienet tipprovdi, kif jirriżulta mid-dokument anness mir-Repubblika Taljana mar-rikors tagħha, kif ġej:

“Il-Kummissjoni ddeċidiet li l-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ta’ avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management se jibdew isiru bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, u dan matul perijodu li, bħala prinċipju, għandu jispiċċa fl-1 ta’ Jannar 2007. Din id-deċiżjoni tirriżulta mill-kapaċità ta’ traduzzjoni disponibbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni, tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli proċedurali adottati fil-qasam ta’ reklutaġġ tas-senior management [SEC(2004) 252] u tagħmel parti mill-implementazzjoni tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004 intitolata ‘Traduzzjoni: bilanċ bejn id-domanda u l-provvista’ [SEC(2004) 638/6].”

6

Id-dokument SEC (2004) 252, tas-27 ta’ Frar 2004, intitolat “Ir-reklutaġġ tas-senior management mill-Istati Membri ġodda. Komunikazzjoni tas-Sur Kinnock bi ftehim mas-Sur President” u inkluż fl-aġenda tal-1648 laqgħa tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Marzu 2004, jadotta r-regoli proċedurali fir-rigward tar-reklutaġġ tal-persunal f’pożizzjonijiet ta’ senior management tal-Kummissjoni mill-għaxar Stati Membri li daħlu fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004. Fost dawn ir-regoli hemm dik li tinsab fl-aħħar sentenza tat-tieni paragrafu tal-punt 5 ta’ dan id-dokument, li tipprovdi li:

“Il-proċeduri ta’ għażla għandhom jinżammu bl-Ingliż, fil-Franċiż u bil-Ġermaniż.”

7

Id-dokument SEC (2004) 638/6, tas-26 ta’ Mejju 2004, intitolat “Traduzzjoni: bilanċ bejn id-domanda u l-provvista. Komunikazzjoni tas-Sur Kinnock bi ftehim mas-Sur President” u inkluż fil-aġenda tal-1659 laqgħa tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Mejju 2004, jesponi l-evoluzzjoni prevedibbli tal-kapaċità ta’ traduzzjoni u tad-domanda għat-traduzzjoni fi ħdan il-Kummissjoni wara t-tkabbir tal-2004, jindika l-limiti li jimplikaw, fid-dawl tar-riżorsi disponibbli, il-miżuri diġà adottati u bbażati fuq il-provvista ta’ traduzzjonijiet u jistabbilixxi pjan ta’ azzjoni li jinkludi miżuri intiżi sabiex jiġu żgurati l-limitazzjoni u l-ġestjoni tad-domanda għal traduzzjonijiet matul fażi tranżitorja sal-aħħar tal-2006. Skont dawn il-miżuri, kif deskritti fil-punt 4 ta’ dan l-istess dokument, intitolat “Pjan ta’ azzjoni” (Action Plan), ċerti dokumenti tal-Kummissjoni kellhom jiġu tradotti biss, matul il-fażi tranżitorja, lejn ċerti lingwi uffiċjali filwaqt li dokumenti oħra, deskritti bħala “mhux ta’ importanza prinċipali” (non-core documents) ma kellhomx jiġu tradotti (ara l-aħħar inċiż tal-punt 4.2 tad-dokument). La l-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti u lanqas dokumenti oħra marbuta mal-proċeduri ta’ għażla tal-persunal ma jissemmew speċifikament f’dan id-dokument.

8

Fid-9 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni ppubblikat, bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/335 (ĠU C 34 A, p. 3, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ pożizzjoni vakanti”) bil-għan li timtela l-pożizzjoni, fil-Grad A*15-16, ta’ Direttur Ġenerali tal-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF). Taħt it-titolu “Kompetenzi meħtieġa għall-impjieg”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti indika, b’mod partikolari, li “[k]ull kandidat għandu […] jkollu konoxxenza tajba ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi”. Taħt it-titolu “Proċedura għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi”, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“Il-kandidati, flimkien mal-kandidatura elettronika tagħhom, għandhom jibagħtu curriculum vitae […] u ittra ta’ motivazzjoni […]. Il-curriculum vitae u l-ittra ta’ motivazzjoni għandhom jitfasslu bil-Franċiż, bl-Ingliż jew bil-Ġermaniż.”

9

Barra minn hekk, bejn il-15 u t-23 ta’ Frar 2005, il-Kummissjoni ppubblikat fil-gazzetti ta’ kuljum prinċipali fl-Istati Membri kollha, fosthom il-gazzetti ta’ kuljum Taljani La Repubblica, tas-17 ta’ Frar 2005, u Corriere della Sera, tat-18 ta’ Frar 2005, kif ukoll f’ċerti pubblikazzjonijiet tal-istampa internazzjonali, avviżi qosra, miktuba fil-lingwa tal-pubblikazzjoni ta’ kull organu tal-istampa kkonċernat u li jinformaw lill-persuni kkonċernati bil-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li għalih kien hemm riferiment sabiex jinkisbu iktar dettalji.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

10

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika Taljana ressqet dan ir-rikors.

11

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-28 ta’ Lulju u fit-3 ta’ Awwissu 2005, rispettivament, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Latvja talbu sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Taljana. Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Settembru 2005, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza laqa’ dawn l-interventi. Ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika tal-Latvja ppreżentaw in-noti ta’ intervent tagħhom fis-17 ta’ Novembru 2005.

12

Fid-dawl tar-rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fl-ambitu ta’ miżuri għall-organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lir-Repubblika Taljana twieġeb bil-miktub għal mistoqsija. Ir-Repubblika Taljana hekk għamlet.

13

Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Lulju 2008.

14

Matul is-seduta, il-Kummissjoni pproduċiet kopja tal-minuti tal-1678 laqgħa tal-Kummissjoni, tal-10 ta’ Novembru 2004, li kienu jinkludu, fil-punt 8.1, id-Deċiżjoni, ifformulata kif ġej:

“Il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management se jibdew isiru bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, skont it-termini riprodotti fid-dokument PERS (2004) 203. Din id-deċiżjoni, li tidħol fis-seħħ immedjatament, tapplika biss għal perijodu li jispiċċa fil-31 ta’ Diċembru 2006.”

15

Il-Kummissjoni pproduċiet ukoll, matul is-seduta, kopja tad-dokument PERS (2004) 203, tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Novembru 2004, imsemmi fil-minuti msemmija iktar ’il fuq. Il-punt 2 ta’ dan id-dokument fih il-proposta tal-Kummissjoni li hija fformulata bil-mod li ġej:

“Fid-dawl:

tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Mejju 2004 intitolata ‘Traduzzjoni: bilanċ bejn id-domanda u l-provvista’ [SEC (2004) 638/6] li tintroduċi miżuri intiżi sabiex jintużaw aħjar il-kapaċitajiet ta’ traduzzjoni u sabiex jiġi limitat il-volum globali tad-domanda matul perijodu tranżitorju sal-1 ta’ Jannar 2007;

tad-diffikultà espressa mid-[Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni] li tipprovdi, fit-termini mitluba mis-servizzi operattivi, it-traduzzjonijiet fil-lingwi tal-pajjiżi l-ġodda tal-Unjoni;

tax-xogħol addizzjonali attwali tad-[Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni] li jimplika dewmien inkompatibbli max-xewqa tas-servizzi li jimlew il-pożizzjonijiet vakanti tagħhom fl-iqsar żmien;

tal-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2004 [SEC (2004) 252] dwar ‘Ir-reklutaġġ tas-senior management mill-Istati Membri ġodda’ tispeċifika li l-proċeduri ta’ għażla għandhom jinżammu obbligatorjament bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Ġermaniż;

huwa propost lill-Kummissjoni bi ftehim mas-Sur President li tiddeċiedi li l-pubblikazzjonijiet esterni fil-ĠU tal-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management jibdew isiru bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż.”

16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li tinkludi dawn id-dokumenti fil-proċess tal-kawża u stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fir-rigward tagħhom. Il-partijiet kollha ddikjaraw li, minkejja li t-termini użati fiż-żewġ dokumenti prodotti mill-Kummissjoni huma kemmxejn differenti minn dawk użati fid-dokument anness mir-Repubblika Taljana mar-rikors tagħha, il-kontenut tad-Deċiżjoni, kif jirriżulta kemm mid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni u kemm mid-dokument anness mar-rikors, huwa eżattament l-istess. Ittieħdet nota ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fil-proċess verbal tas-seduta. Barra minn hekk, ebda waħda mill-partijiet ma fformulat osservazzjonijiet dwar id-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni.

17

Ir-Repubblika Taljana, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika tal-Latvja, titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

18

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew, sussidjarjament, bħala infondat;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

19

Mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà permezz ta’ att separat, taħt l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni tqajjem dubji dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Dawn id-dubji jikkonċernaw, l-ewwel nett, id-dritt tal-Istati Membri li jressqu rikors, taħt l-Artikolu 230 KE, kontra avviż ta’ pożizzjoni vakanti għar-reklutaġġ tal-persunal tal-istituzzjonijiet, it-tieni nett, il-kwalifika tad-Deċiżjoni bħala att li jista’ jiġi kkontestata, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE, it-tielet nett, in-natura ta’ att li jista’ jiġi kkontestat tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti minħabba li dan jikkostitwixxi att ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni, jekk din id-deċiżjoni tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat u, ir-raba’ nett, l-osservanza tat-termini sabiex jitressaq rikors previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, sa fejn huwa kkonċernat l-annullament tad-Deċiżjoni.

Fuq id-dritt tal-Istati Membri li jippreżentaw rikors, taħt l-Artikolu 230 KE, kontra l-atti tal-istituzzjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal temporanju tagħhom

— L-argumenti tal-partijiet

20

Il-Kummissjoni tosserva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Eurojust (C-160/03, Ġabra p. I-2077, punti 37 sa 44), iddikjarat bħala inammissibbli r-rikors ippreżentat minn Stat Membru kontra ċerti sejħiet għal kandidaturi għar-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal temporanju, maħruġa mill-Eurojust, minħabba li s-sejħiet għal kandidaturi kkontestati ma kinux inklużi fil-lista ta’ atti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità tagħhom, minħabba li l-kandidati għad-diversi pożizzjonijiet indikati fl-imsemmija sejħiet kellhom aċċess għall-qorti Komunitarja fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u minħabba li, fl-eventwalità li jitressaq tali rikors, l-Istati Membri jistgħu jintervjenu fil-kawża u, jekk ikun il-każ, jappallew mis-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Il-Kummissjoni tqis li, minkejja n-natura speċifika tal-każ eżaminat f’dik is-sentenza, dan ir-rikors għandu, skont raġunament simili, jiġi kkunsidrat bħala inammissibbli sa fejn jikkonċerna t-talbiet kontra l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

21

Ir-Repubblika Taljana tqis li l-interess li jiġġustifika l-intervent ta’ Stat Membru f’kawża fejn tkun qiegħda tiġi kkontestata l-legalità ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti minn kandidat mhuwiex distint minn dak li jiġġustifika rikors dirett ippreżentat minn dan l-Istat. Hija żżid li l-Istati Membri jistgħu jikkontestaw permezz tar-rikors għal annullament kull att deċiżjonali tal-Kummissjoni, ta’ natura regolamentarja jew individwali, u jistgħu jinvokaw, f’dan ir-rikors, il-ksur ta’ kull dispożizzjoni tat-Trattat KE. Għalhekk, f’din il-kawża, ir-Repubblika Taljana tista’ tikkontesta kemm id-Deċiżjoni u kemm l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u tista’ tinvoka l-ksur tal-Artikoli 12 KE u 290 KE insostenn tat-talba tagħha.

22

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana u jżid li s-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, mhijiex rilevanti. Skont ir-Renju ta’ Spanja, f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 230 KE ma setax iservi ta’ bażi għal rikors għal annullament imressaq kontra att tal-Eurojust, jiġifieri organu li jaqa’ fit-tielet pilastru tal-Unjoni Ewropea. Issa, f’din il-kawża, ir-rikors jikkonċerna attijiet tal-Kummissjoni li jissemmew fl-Artikolu 230 KE.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

23

L-Artikolu 230 KE jippermetti lill-Istati Membri jikkontestaw, permezz tar-rikors għal annullament, kull att deċiżjonali tal-Kummissjoni, mingħajr ma jeskludi dawk li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet bejn din tal-aħħar u l-uffiċjali u l-membri tal-persunal temporanju tagħha.

24

Huwa minnu li ġie deċiż li l-Artikolu 236 KE, li jagħti kompetenza lill-qorti Komunitarja sabiex tiddeċiedi kull tilwima bejn il-Komunità u l-membri tal-persunal tagħha, fil-limiti u l-kundizzjonijiet determinati mir-Regolamenti tal-Persunal jew li jirriżultaw mill-Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-membri tal-persunal temporanju, għandu jinftiehem fis-sens li japplika, b’mod esklużiv, għall-persuni li għandhom il-kwalità ta’ uffiċjali jew ta’ membri tal-persunal temporanju, għajr membru tal-persunal lokali, u għal dawk li jippretendu din il-kwalità. Għalhekk, tali persuni m’għandhomx jibbażaw ir-rikors tagħhom għall-annullament ta’ att li jikkawżalhom preġudizzju fuq l-Artikolu 230 KE iżda fuq l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Mejju 2001, Barleycorn Mongolue u Boixader Rivas vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T-208/00, Ġabra SP, p. I-A-103 u II-479, punti 26 sa 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, l-Artikolu 236 KE jirreferi biss għat-tilwimiet “bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha”. Issa, rikors ippreżentat minn Stat Membru fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE ma jwassalx għal tali tilwima.

26

Barra minn hekk, ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li, għalkemm ir-rimedju ġuridiku previst fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa disponibbli biss għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal temporanju Komunitarji u mhux għal assoċjazzjoni professjonali ta’ uffiċjali, xorta jibqa’ l-fatt li tali assoċjazzjoni, debitament ikkwalifikata, tista’ tressaq, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, rikors għal annullament kontra d-deċiżjonijiet li tagħhom hija d-destinatarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1974, Union syndicale et vs Il-Kunsill, 175/73, Ġabra p. 917, punti 17 sa 20).

27

Minn dan isegwi li, jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE jkunu sodisfatti, din id-dispożizzjoni tista’ sservi ta’ bażi għal rikors għall-annullament ta’ atti tal-Kummissjoni marbuta mas-settur tas-servizz pubbliku Ewropew, imressaq minn rikorrenti li ma jissemmewx fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri minn rikorrenti li la jkunu uffiċjali jew membri tal-persunal temporanju Komunitarji u lanqas ma jkunu kandidati għal impjieg fis-servizz pubbliku Ewropew.

28

Issa, f’din il-kawża, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il quddiem dwar il-kwalifika tad-Deċiżjoni u tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati, id-dritt ta’ Stat Membru li jippreżenta rikors għal annullament, ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, kontra l-atti deċiżjonali tal-Kummissjoni ma jistax jiddaħħal inkwistjoni għar-raġuni li l-imsemmija atti jikkonċernaw kwistjonijiet marbuta mas-servizz pubbliku Ewropew.

29

Is-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, invokata mill-Kummissjoni, ma tistax twassal għal konklużjoni kuntrarja. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet bħala inammissibbli r-rikors tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, għar-raġuni li l-atti kkontestati f’dak ir-rikors ma kinux inklużi fil-lista ta’ atti li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistħarreġ il-legalità tagħhom taħt l-imsemmi artikolu u għar-raġuni li, barra minn hekk, l-Artikolu 41 UE ma jipprevedix li l-Artikolu 230 KE japplika għad-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali li jinsabu fit-Titolu VI tat-Trattat UE, li jaqa’ taħtu l-Eurojust, peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam hija ppreċiżata fl-Artikolu 35 UE, li għalih jirreferi l-Artikolu 46(b) UE (sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, punti 36 sa 40).

30

Il-punti ta’ dik is-sentenza li għalihom tirreferi l-Kummissjoni jikkonċernaw l-argument tar-Renju ta’ Spanja, ibbażat fuq id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-ambitu ta’ komunità ta’ dritt. Huwa sabiex twieġeb għal dan l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-atti kkontestati f’dik il-kawża ma kinux meħlusa minn kull stħarriġ ġudizzjarju sa fejn il-persuni kkonċernati, jiġifieri l-kandidati għad-diversi pożizzjonijiet li kienu s-suġġett tas-sejħiet għal kandidaturi kkontestati, kellhom aċċess għall-qorti Komunitarja fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u sa fejn, fl-eventwalità li jitressaq tali rikors, l-Istati Membru jkunu jistgħu jintervjenu fil-kawża u, jekk ikun il-każ, jappellaw mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanzaa (sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq, punti 41 sa 43).

31

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet biss ma jistax jiġi konkluż li, fir-rigward tal-atti tal-Kummissjoni — li, b’differenza mill-atti tal-Eurojust, jaqgħu taħt l-Artikolu 230 KE —, l-Istati Membri ma jistgħux iressqu rikors għal annullament fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu iżda jistgħu jagħmlu biss intervent fil-kawżi bejn il-Kummissjoni u l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal temporanju tagħha.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwa ġustifikat ebda dubju fir-rigward tal-applikabbiltà tal-Artikolu 230 f’din il-kawża.

Fuq il-kwalifika tad-Deċiżjoni u tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE

— L-argumenti tal-partijiet

33

Il-Kummissjoni għandha dubji serji dwar jekk id-Deċiżjoni hijiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE. Id-Deċiżjoni, essenzjalment, mhijiex intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi ta’ natura li tolqot direttament l-interessi tagħhom billi tibdel b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tagħhom. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni tikkostitwixxi sempliċi dikjarazzjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li timxi b’mod partikolari meta jseħħu ċerti avvenimenti fil-futur, jiġifieri l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Skont il-ġurisprudenza, tali att, ta’ natura purament informattiva, mhuwiex, fih innifsu, ta’ natura li jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi u lanqas ma huwa intiż sabiex jagħmel hekk. L-interessi tat-terzi jistgħu jkunu leżi b’mod konkret biss mill-miżuri effettivament adottati b’applikazzjoni tal-intenzjoni ddikjarata fid-Deċiżjoni. L-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkonkretizza l-preġudizzju kkawżat mid-Deċiżjoni lill-interessi legalment protetti tar-rikorrenti tikkonferma din it-teżi.

34

Il-Kummissjoni żżid li jekk id-Deċiżjoni tiġi kkunsidrata bħala miżura intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti u, għalhekk, tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament awtonomu, taħt l-Artikolu 230 KE, l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti individwali, ippubblikati sussegwentement fuq il-bażi tad-Deċiżjoni, jikkostitwixxu biss miżuri ta’ eżekuzzjoni, li ma jkollhom ebda awtonomija fil-konfront tad-Deċiżjoni stess u għalhekk ma jistgħux jiġu kkontestati. Ir-Repubblika Taljana stess ikkwalifikat, fir-rikors tagħha, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bħala att ta’ eżekuzzjoni jew ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li, f’tali każ, ir-rikors, sa fejn jikkonċerna l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

35

Ir-Repubblika Taljana tammetti li mhuwiex stabbilit li d-Deċiżjoni tipproduċi effetti legali vinkolanti fil-konfront ta’ terzi peress li jista’ jingħad li mhijiex intiża li tapplika esternament iżda tikkonċerna biss lill-Kummissjoni stess u peress li hija biss il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti speċifiku li jista’ jkollha impatt fuq l-interessi ta’ persuni esterni għall-Kummissjoni.

36

Madankollu, ir-Repubblika Taljana tqis li jeżistu argumenti li jimmilitaw favur it-teżi li d-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Minn naħa, id-Deċiżjoni tistabbilixxi s-sistema lingwistika applikabbli fil-futur għall-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kollha fir-rigward tal-pożizzjonijiet ta’ senior management u diġà teżerċita influwenza fuq l-interessi ta’ persuni esterni għall-Kummissjoni, b’mod partikolari fuq l-interessi tal-Istati Membri li l-lingwi uffiċjali tagħhom ma ġewx inklużi. Għalhekk, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jressqu rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza immedjatament, mingħajr ma jistennew il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti fit-tliet lingwi previsti fid-Deċiżjoni biss. Min-naħa l-oħra, il-fatt li d-Deċiżjoni m’għandhiex id-dehra ta’ att preparatorju għal deċiżjoni finali, iżda tippreżenta ruħha bħala deċiżjoni finali, jimmilita favur it-teżi li d-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat.

37

Ir-Repubblika Taljana żżid li, li kieku hija ma saritx taf dwar id-Deċiżjoni b’mod inċidentali, hija kienet tkun tista’ tikkontesta biss l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti u tali kontestazzjoni kienet tkun biżżejjed, f’din il-kawża, sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-legalità. Madankollu, l-interess ta’ Stat Membru, li huwa differenti minn dak ta’ kandidat individwali għal pożizzjoni fl-amministrazzjoni Komunitarja, ikun protett aħjar bl-annullament tad-Deċiżjoni stess peress li tali annullament ikun ta’ natura li jeħles lill-Istat Membru kkonċernat mill-ħtieġa li jikkontesta individwalment dawk l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kollha li ma jkunux ippubblikati fil-lingwa uffiċjali tiegħu.

38

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana filwaqt li jżid li d-Deċiżjoni u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jistgħux jiġu separati minn xulxin iżda jifformaw att legali wieħed. Id-Deċiżjoni tipproduċi effetti legali ta’ importanza u ta’ gravità eċċezzjonali peress li tippreġudika, b’mod partikolari, il-prinċipju tar-rispett tal-pluralità lingwistika, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji bażiċi li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll il-prinċipji tal-kompetenza tal-istituzzjonijiet, ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-lingwa u tal-identità nazzjonali. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi sempliċi att ta’ eżekuzzjoni u ta’ implementazzjoni tad-Deċiżjoni, b’tali mod li fl-eventwalità li l-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla d-Deċiżjoni, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, jkun, bħala konsegwenza ta’ dan, annullat.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

39

Skont ġurisprudenza kostanti, ir-rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, jista’ jitressaq fil-konfront tad-dispożizzjonijiet kollha meħuda mill-istituzzjonijiet, irrispettivament min-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; tas-16 ta’ Ġunju 1993, Franza vs Il-Kummissjoni, C-325/91, Ġabra p. I-3283, punt 9; tal-20 ta’ Marzu 1997, Franza vs Il-Kummissjoni, C-57/95, Ġabra p. I-1627, punt 7, u tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-301/03, Ġabra p. I-10217, punt 19).

40

Sabiex jiġi ddeterminat jekk att jew deċiżjoni jipproduċux tali effetti, għandu jsir riferiment għas-sustanza tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 9; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Marzu 2000, Coca-Cola vs Il-Kummissjoni, T-125/97 u T-127/97, Ġabra p. II-1733, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Miżura meħuda minn istituzzjoni li tirrifletti biss l-intenzjoni tagħha, jew ta’ wieħed mis-servizzi tagħha, li ssegwi, f’qasam partikolari, ċerta linja ta’ aġir ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, 114/86, Ġabra p. 5289, punt 13, u tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-180/96, Ġabra p. I-2265, punt 28). Tali linji gwida interni, li jindikaw il-punti ġenerali li abbażi tagħhom l-istituzzjoni jkollha l-intenzjoni, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti, tadotta sussegwentement deċiżjonijiet individwali li l-legalità tagħhom tkun tista’ tiġi kkontestata skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 230 KE, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala intiżi li jipproduċu effetti legali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-443/97, Ġabra p. I-2415, punti 33 u 34).

42

Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jawtorizza lil kull istituzzjoni tadotta proċedura ta’ reklutaġġ, differenti mill-proċedura tal-kompetizzjoni, għar-reklutaġġ tal-persunal fis-senior management tagħha.

43

Skont il-ġurisprudenza, il-poter li jiġu evalwati l-kwalitajiet tad-diversi kandidati għal pożizzjoni partikolari, li tgawdi minnu istituzzjoni, għandu jiġi eżerċitat b’osservanza sħiħa tar-regolamenti rilevanti kollha, jiġifieri mhux biss b’osservanza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti iżda wkoll ta’ kwalunkwe regoli proċedurali li l-istituzzjoni inkwistjoni tista’ tkun adottat (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 2003, Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, T-73/01, Ġabra SP, p. I-A-207 u II-1011, punt 53). Dawn ir-regoli jikkostitwixxu parti mill-qafas legali li din l-istituzzjoni għandha strettament tirrispetta fl-eżerċizzju tal-poter diskrezzjonali wiesa’ tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Lulju 2006, Tzirani vs Il-Kummissjoni, T-88/04, Ġabra SP p. II-A-2-703, punt 78). L-istituzzjoni kkonċernata ma tistax tinjora r-regoli proċedurali dwar ir-reklutaġġ li tkun stabbiliet hija stess mingħajr ma tibdel formalment dawn ir-regoli (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il-Parlament, T-113/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 75).

44

Minn dan isegwi li r-regoli proċedurali dwar ir-reklutaġġ li tadotta istituzzjoni, taħt l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, għar-reklutaġġ tal-persunal fis-senior management tagħha, jorbtu lil din l-istituzzjoni u, f’dan is-sens, jipproduċu effetti legali fis-sens tal-ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 230 KE.

45

Huwa minnu li, skont id-dispożizzjoni msemmija tar-Regolamenti tal-Persunal, tali regoli jistgħu jiġu adottati każ b’każ, għal kull pożizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni li tkun vakanti fi ħdan istituzzjoni. Jekk istituzzjoni tiddeċiedi li ssegwi tali approċċ, m’hemm xejn li jipprekludiha milli tadotta linji gwida interni li sempliċement jindikaw il-linji ġenerali li abbażi tagħhom hija tistabbilixxi, kull meta jkun neċessarju, ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu segwiti għar-reklutaġġ ta’ pożizzjoni li għaliha japplika l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. B’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 41 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, f’tali każ, dawn il-linji gwida interni ma jipproduċux, fihom infushom, effetti legali vinkolanti u għalhekk ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan il-każ, tali rikors ma jistax jitressaq kontra l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jew kull att ieħor li jistabbilixxi, b’mod definittiv, ir-regoli proċedurali li għandhom jiġu segwiti sabiex timtela pożizzjoni partikolari.

46

Madankollu, la l-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ma jipprekludu istituzzjoni milli tadotta, qabel l-implementazzjoni ta’ proċedura konkreta sabiex timtela pożizzjoni ta’ senior management, regoli ta’ applikazzjoni ġenerali li jistabbilixxu b’mod definittiv minn tal-anqas ċerti aspetti tal-proċedura li għandha tiġi segwita għar-reklutaġġ tal-persunal fis-senior management fi ħdan din l-istituzzjoni. Tali regoli jipproduċu effetti legali vinkolanti sa fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma tistax, sakemm dawn ir-regoli ma jkunux emendati jew imħassra, ma timxix magħhom meta jkun qed isir ir-reklutaġġ għal pożizzjoni partikolari f’din il-kategorija. F’tali każ, rikorrent privileġġat, bħalma huwa Stat Membru, jista’ jikkontesta immedjatament, permezz ta’ rikors għal annullament taħt l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ dawn ir-regoli mingħajr ma jistenna l-implementazzjoni tagħhom f’każ konkret.

47

F’din il-kawża għandu għalhekk jiġi ddeterminat, fl-ewwel lok, jekk id-Deċiżjoni tirriflettix biss l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssegwi ċerta linja gwida jew linja ta’ aġir waqt proċeduri ta’ reklutaġġ tal-persunal fis-senior management jew jekk inkella d-Deċiżjoni tiffissax, b’mod immedjat u definittiv, aspett tal-proċedura li għandha tiġi segwita fil-futur sabiex jintlew il-pożizzjonijiet ta’ senior management kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

48

Fid-dawl tal-kontenut tad-Deċiżjoni, kif jirriżulta kemm mid-dokument anness mir-Repubblika Taljana mar-rikors tagħha u kif ukoll minn dawk prodotti mill-Kummissjoni waqt is-seduta, hija t-tieni ipoteżi li għandha tiġi kkunsidrata. Miktuba f’termini ċari u mhux ekwivoki, id-Deċiżjoni ma tipprovdix sempliċi linji gwida iżda tiffissa diġà, b’mod definittiv, aspett tal-proċeduri ta’ reklutaġġ ta’ natura vinkolanti, sabiex jimtlew il-pożizzjonijiet ta’ senior management fi ħdan il-Kummissjoni, fir-rigward tal-lingwi li fihom jiġu ppubblikati l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti relattivi u dan minn tal-inqas sal-1 ta’ Jannar 2007, meta kellu jintemm il-perijodu tranżitorju ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni. Dan huwa iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li, minn naħa, l-att ikkontestat juża l-espressjonijiet “il-Kummissjoni ddeċidiet”, “il-Kummissjoni tiddeċidi”, kif ukoll il-kelma “deċiżjoni”, u, min-naħa l-oħra, li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ġie ppubblikat biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, jiġifieri inkonformità perfetta mar-regoli dwar il-pubblikazzjoni relattiva adottati bid-Deċiżjoni (ara, a contrario, is-sentenzi L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq, punti 21 sa 24, u s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 41 iktar ’il fuq, punt 14).

49

Għalhekk, id-Deċiżjoni torbot lill-Kummissjoni, li ma tistax ma timxix magħha mingħajr ma temendaha. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kontenut tagħha, hija għandha tiġi kkunsidrata bħala li tipproduċi effetti legali vinkolanti u, għalhekk, bħala li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE, imressaq minn rikorrent privileġġat, bħalma huwa Stat Membru.

50

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat l-argument tal-Kummissjoni li, fl-eventwalità li d-Deċiżjoni tiġi kkunsidrata bħala att li jipproduċi effetti legali, ir-rikors ikollu jiġu ddikjarat inammissibbli sa fejn tressaq kontra l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti peress li, f’dan il-każ, dan jikkostitwixxi sempliċi att ta’ eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni.

51

Skont il-ġurisprudenza, fost l-atti li ma jipproduċux effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-individwu jinsabu, b’mod partikolari, l-atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni li, għaldaqstant, ma jikkostitwixxux atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 230 KE (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C-46/03, Ġabra p. I-10167, punt 25; tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C-131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 55, u tas-6 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs Ferriere Nord, C-516/06 P, ĠU C 22, p. 13, punt 29).

52

B’atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni wieħed jifhem, b’mod partikolari, il-miżuri li, mingħajr ma joħolqu drittijiet u obbligi fir-rigward ta’ terzi, huma intiżi biss li jimplementaw materjalment att deċiżiv preċedenti, jew il-miżuri meħuda b’eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet preċedenti li jipproduċu effetti legali biss fl-ambitu intern tal-amministrazzjoni mingħajr ma jaffettwaw l-interessi ta’ terzi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il-Parlament, 190/84, Ġabra p. 1017, punt 8, u tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, punti 1 u 25; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1959, Phoenix-Rheinrohr vs L-Awtorità Għolja, 20/58, Ġabra p. 163, 181).

53

B’hekk, ġew ikkwalifikati bħala atti ta’ sempliċi eżekuzzjoni, li ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ rikors taħt l-Artikolu 230 KE, inter alia, l-att ta’ rilaxx mill-baġit ta’ somma li l-Kummissjoni kienet qabel iddeċidiet li tirrilaxxa (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2005, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, punti 1 u 25), l-atti tat-teħid ta’ responsabbiltà għal, tal-likwidazzjoni, tat-tqegħid fi skeda u tal-ħlas ta’ spejjeż meħuda wara deċiżjonijiet dwar it-tqassim u l-użu ta’ krediti (sentenza Les Verts vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 52 iktar ’il fuq, punt 8) kif ukoll l-eżekuzzjoni, permezz tal-likwidazzjoni ta’ garanzija bankarja, ta’ deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni li imponiet multa fuq impriża minħabba l-parteċipazzjoni tagħha f’serje ta’ ksur taħt l-Artikolu 81(1) KE (sentenza Il-Kummissjoni vs Ferriere Nord, iċċitata fil-punt 51 iktar ’il fuq, punti 28 u 29).

54

F’din il-kawża, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jistax jiġi aċċettat li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxi att ta’ sempliċi eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 51 sa 53 iktar ’il fuq.

55

Fil-fatt, kif diġà ġie deċiż b’mod kostanti, l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti jiddeterminaw, billi jiddefinixxu l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess għall-impjieg, liema huma l-persuni li l-kandidatura tagħhom tista’ tiġi aċċettata u għalhekk jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju lill-kandidati potenzjali li l-kandidatura tagħhom hija eskluża mill-imsemmija kundizzjonijiet (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1975, Küster vs Il-Parlament, 79/74, Ġabra p. 725, punti 5 sa 8, u tal-11 ta’ Mejju 1978, De Roubaix vs Il-Kummissjoni, 25/77, Ġabra p. 1081, punti 7 sa 9; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1993, Noonan vs Il-Kummissjoni, T-60/92, Ġabra p. II-911, punt 21).

56

Barra minn hekk, in-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju u, għalhekk, ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, fis-sens tal-Artikolu 230 KE, ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma tistax tiġi kkontestata minħabba li huwa konformi, minn aspett partikolari, mal-kundizzjonijiet diġà definiti f’norma legali jew f’deċiżjoni preċedenti ta’ portata ġenerali tal-istituzzjonijiet, jew minħabba li jirriproduċi uħud minn dawn il-kundizzjonijiet, — liema kundizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi legali tal-imsemmi avviż ta’ pożizzjoni vakanti — sa fejn huwa preċiżament l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jikkonkretizza s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti potenzjali kollha u li jippermettilhom li jkunu jafu b’mod mhux ekwivoku u ċert kif u sa fejn huma affettwati l-interessi partikolari tagħhom.

57

Minn dan isegwi li l-argument tal-Kummissjoni, li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, sa fejn ġie ppubblikat biss fit-tliet lingwi ddefiniti fid-Deċiżjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala att ta’ sempliċi eżekuzzjoni li ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors, għandu jiġi miċħud.

Fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni

— L-argumenti tal-partijiet

58

Il-Kummissjoni ssostni li, peress li d-Deċiżjoni la ġiet ippubblikata u lanqas innotifikata, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontriha seta’ jibda jiddekorri biss, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, minn meta r-Repubblika Taljana saret taf bil-kontenut u l-motivi eżatti tad-Deċiżjoni.

59

Issa, ir-Repubblika Taljana sempliċement indikat, fil-punt 11 tar-rikors, li hija saret taf bid-Deċiżjoni “fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti”, mingħajr madankollu ma tippreċiża la d-data eżatta ta’ meta hija saret taf biha, u lanqas jekk irrispettatx l-obbligu li titlob, f’terminu raġonevoli, it-test sħiħ tad-Deċiżjoni wara li saret taf bl-eżistenza tagħha, inkonformità mal-ġurisprudenza kostanti dwar it-termini sabiex jitressaq rikors kontra l-atti la ma jkunux ippubblikati u lanqas notifikati. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Taljana reġgħet sempliċement affermat li hija saret taf bil-kontenut sħiħ tad-Deċiżjoni “fl-aħħar ta’ Marzu” tal-2005, mingħajr iktar preċiżjoni.

60

Il-Kummissjoni tammetti n-nuqqas ta’ koinċidenza bejn id-data ta’ meta kien hemm għarfien tad-Deċiżjoni u dik tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, fid-dawl tar-rekwiżit li jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll it-tul tal-eżami tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u tar-riċerki sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ deċiżjoni amministrattiva preċedenti u jinkiseb għarfien sħiħ tal-kontenut tagħha. Madankollu, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-attitudni tar-Repubblika Taljana msemmija fil-punt 59 iktar ’il fuq, it-tieni nett, tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni tad-Deċiżjoni taħt ir-Regolament (KE) 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43) u, fl-aħħar nett, tan-nuqqas ta’ spjegazzjonijiet dwar il-kisba tat-test tad-Deċiżjoni b’kull mezz ieħor, ikun inutli li jiġi oġġezzjonat, kif tagħmel ir-Repubblika Taljana, li l-Kummissjoni ma pprovatx li l-awtoritajiet Taljani kellhom għarfien sħiħ tad-Deċiżjoni qabel jew meta ġie ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, peress li l-oneru tal-prova, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, jaqa’ fuq ir-rikorrenti.

61

Din l-attitudni tar-Repubblika Taljana mhijiex konformi mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza u toħloq dubju raġonevoli dwar l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors sa fejn dan ir-rikors jikkonċerna d-Deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-data li fiha r-Repubblika Taljana saret taf dwar il-kontenut eżatt tad-Deċiżjoni għandha tkun ftit wara d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li, għalhekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors, kontra d-Deċiżjoni, liema rikors ma ġiex ippreżentat qabel it-3 ta’ Mejju 2005, fl-istess ħin bħall-kontestazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandu probabbilment jitqies bħala li kien diġà skada f’dik id-data.

62

Ir-Repubblika Taljana tosserva, fir-rikors tagħha, li kien biss “fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti” li hija saret taf bid-Deċiżjoni. Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Taljana tippreċiża li, peress li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jsemmix id-Deċiżjoni, il-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontriha ma jistax jikkoinċidi mad-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni ż-żmien meħtieġ għall-eżami tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u għar-riċerki sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tad-Deċiżjoni u sabiex isir magħruf il-kontenut tagħha. Dawn ir-riċerki kienu iktar u iktar ikkomplikati fid-dawl tan-natura tranżitorja tal-miżura ta’ organizzazzjoni interna minn qabel adottata permezz tad-Deċiżjoni. Minħabba d-dewmien ikkawżat minn dawn ir-riċerki kien biss fl-aħħar ta’ Marzu 2005 li r-Repubblika Taljana setgħet tikseb għarfien sħiħ tad-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni ma ressqitx prova li dan l-għarfien kien imur lura għal data qabel l-aħħar ta’ Marzu 2005 jew qabel il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

63

Barra minn hekk, peress li f’din il-kawża jkun raġonevoli li l-punt tat-tluq taż-żmien meħtieġ għall-akkwist tal-għarfien tad-Deċiżjoni jiġi stabbilit bħala d-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u fid-dawl tal-fatt li t-terminu għall-preżentata tar-rikors kontra d-Deċiżjoni huma miżjud b’terminu stabbilit ta’ għaxart ijiem għall-finijiet ta’ distanza, skont l-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-imsemmi rikors ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tardiv. Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana tqis li r-rikors tagħha tressaq fit-termini mitluba.

64

Ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana u jżid li l-ġurnata tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-punt li minnu beda jiddekorri t-terminu għall-kontestazzjoni tad-Deċiżjoni mir-Repubblika Taljana peress li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma ġiex ippubblikat fil-verżjoni bil-lingwa Taljana tal-Ġurnal Uffiċjali u peress li l-awtoritajiet Taljani ma jistgħux ikunu mistennija jaqraw verżjoni oħra tal-Ġurnal Uffiċjali. Fir-rigward tal-avviżi qosra magħmula, b’mod partikolari, f’żewġ gazzetti ta’ kuljum Taljani (ara l-punt 9 iktar ’il fuq), dawn ma jistgħux jitqabblu ma pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali u, għalhekk, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

65

Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 230 KE, ir-rikorsi għal annullament għandhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn. Dan it-terminu jiddekorri, skont il-każ, mill-pubblikazzjoni tal-att, min-notifika tiegħu lir-rikorrenti jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-ġurnata li fih dan ikun sar jaf bih.

66

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kriterju tad-data ta’ meta l-persuna kkonċernata saret taf bl-att bħala l-punt li minnu jibda jiddekorri t-terminu għall-preżentata ta’ rikors huwa ta’ natura sussidjarju meta mqabbel mal-kriterji tal-pubblikazzjoni jew tan-notifika tal-att (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1998, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-122/95, Ġabra p. I-973, punt 35; ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, T-190/00, Ġabra p. II-5015, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Skont il-ġurisprudenza, hija l-parti li tinvoka l-eċċezzjoni li r-rikors tressaq tard li għandha tipprova d-data li fiha seħħ l-avveniment li jiskatta t-terminu (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ April 2000, GAL Penisola Sorrentina vs Il-Kummissjoni, T-263/97, Ġabra p. II-2041, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni jew ta’ notifika, huwa min ikun jaf bl-eżistenza ta’ att li jikkonċernah li għandu jitlob it-test sħiħ tiegħu f’terminu raġonevoli, iżda li, bla ħsara għal din il-kundizzjoni, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors ma jistax jibda jiddekorri ħlief mill-mument meta l-persuna terza kkonċernata tkun taf eżattament il-kontenut u l-motivi tal-att inkwistjoni b’mod li tkun tista’ tagħmel użu mid-dritt tagħha li tressaq rikors (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1988, Dillinger Hüttenwerke vs Il-Kummissjoni, 236/86, Ġabra p. 3761, punt 14, u tad-19 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-309/95, Ġabra p. I-655, punt 18; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Olsen vs Il-Kummissjoni, T-17/02, Ġabra p. II-2031, punt 73, u d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Novembru 2005, Tramarin vs Il-Kummissjoni, T-426/04, Ġabra p. II-4765, punt 48).

69

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza kostanti, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors taħt l-Artikolu 230 KE huwa terminu ta’ ordni pubbliku li ġie stabbilit bil-għan li tkun żgurata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza tas-sitwazzjonijiet legali u bil-għan li jkunu evitati kull diskriminazzjoni jew trattament arbitrarju fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u hija l-qorti Komunitarja li għandha tivverifika, anki ex officio, jekk dan it-terminu ġiex irrispettat (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Jannar 1997, Coen, C-246/95, Ġabra p. I-403, punt 21, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1997, Mutual Aid Administration Services vs Il-Kummissjoni, T-121/96 u T-151/96, Ġabra p. II-1355, punti 38 u 39).

70

Madankollu, meta ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata b’ċertezza d-data li minnha l-parti rikorrenti kellha għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tal-att li hija tkun qiegħda tikkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors ikun beda jiddekorri mhux iktar tard mill-ġurnata li fiha jkun jista’ jiġi stabbilit li l-imsemmija parti kellha diġà tali għarfien (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Jannar 2002, Plant et vs Il-Kummissjoni u South Wales Small Mines, C-480/99 P, Ġabra p. I-265, punt 49).

71

F’din il-kawża, huwa paċifiku li d-Deċiżjoni la ġiet ippubblikata u lanqas ma ġiet innotifikata lir-Repubblika Taljana. Lanqas ma hemm dubju li r-Repubblika Taljana, qabel ma ppreżentat dan ir-rikors, kellha għarfien eżatt tal-kontenut u tal-motivi tad-Deċiżjoni. Fil-fatt, minkejja li l-verżjoni tad-Deċiżjoni annessa mir-Repubblika Taljana mar-rikors tagħha hija fformulata b’mod kemmxejn differenti mill-formulazzjoni tagħha fid-dokumenti prodotti mill-Kummissjoni waqt is-seduta, huwa paċifiku li l-kontenut taż-żewġ verżjonijiet tad-Deċiżjoni li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha quddiemha huwa eżattament l-istess.

72

Il-kwistjoni għalhekk hija mil-liema data eżatta r-Repubblika Taljana kisbet il-kopja tad-Deċiżjoni annessa mar-rikors tagħha peress li huwa minn din id-data li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni beda jiddekorri għar-Repubblika Taljana. Għandu jiġi rrilevat ukoll li minn sempliċi kalkolu jirriżulta li, sabiex ir-rikors kontra d-Deċiżjoni ma jkunx tardiv, ir-Repubblika Taljana ma tistax tkun saret taf bid-Deċiżjoni qabel it-23 ta’ Frar 2005.

73

Peress li r-Repubblika Taljana ma tatx, fl-atti proċesswali tagħha, indikazzjonijiet ċari dwar id-data li fiha kisbet il-kopja tad-Deċiżjoni annessa mar-rikors tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza stednitha, fil-kuntest ta’ miżura għall-organizzazzjoni tal-proċedura, tindika, filwaqt li tissostanzja t-tweġiba tagħha bi prova, fl-liema data preċiża, mil-liema sors u b’liema mod kisbet il-kopja tad-Deċiżjoni annessa mar-rikors tagħha.

74

F’risposta inizjali, ippreżentata fir-Reġistru fit-12 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika Taljana għamlet riferiment għal ittra li r-Rappreżentant Permanenti tagħha fi ħdan l-Unjoni Ewropea bagħat, fl-10 ta’ Marzu 2005, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, sabiex jipprotesta kontra n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bit-Taljan ukoll, kif ukoll it-tweġibiet għal din l-ittra mill-Viċi President u mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li t-tnejn li huma ngħataw fis-6 ta’ April 2005. Ir-Repubblika Taljana ppreżentat kopji ta’ dawn it-tliet ittri u affermat li kien b’konsegwenza ta’ dawn l-ittri li hija saret taf bid-dokument intern SEC (2004) 638/6 tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Mejju 2004, jiġifieri dokument differenti mid-Deċiżjoni minkejja li jissemma fiha.

75

F’risposta addizzjonali, ippreżentata fir-Reġistru fit-23 ta’ Ġunju 2008, ir-Repubblika Taljana żiedet li hija kienet kisbet il-kopja tad-Deċiżjoni annessa mar-rikors tagħha “b’mod inċidentali”, grazzi għal assoċjazzjoni għall-promozzjoni tal-lingwa Taljana mingħajr madankollu ma tippreċiża d-data li fiha l-assoċjazzjoni inkwistjoni kienet għadditilha l-imsemmija kopja.

76

Minkejja li n-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-risposti tar-Repubblika Taljana huwa diżappuntanti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonstata li, apparti l-fatt li l-Kummissjoni ma ressqitx prova li r-Repubblika Taljana kienet taf bid-Deċiżjoni qabel it-23 ta’ Frar 2005, fil-proċess jeżistu ċerti elementi li jimmilitaw favur l-ipoteżi li, f’dik id-data, ir-Repubblika Taljana kienet għadha ma tafx bl-eżistenza jew bil-kontenut tad-Deċiżjoni.

77

F’dan is-sens, l-ewwel nett, fl-ittra tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2005, ir-Rappreżentant Permanenti tar-Repubblika Taljana fi ħdan l-Unjoni Ewropea pprotesta bil-qawwa kontra n-nuqqas ta’ pubblikazzjoni bit-Taljan tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti iżda ma għamel ebda riferiment għad-Deċiżjoni. Issa, b’mod loġiku wieħed jassumi li din il-protesta kienet tkopri wkoll id-Deċiżjoni li kieku r-Repubblika Taljana kienet diġà taf bl-eżistenza u bil-kontenut tagħha fid-data tal-ittra msemmija.

78

It-tieni nett, l-ittra tas-Segretarju Ġenerali tas-6 ta’ April 2005, mibgħuta b’risposta għall-ittra tal-10 ta’ Marzu 2005, għamlet biss riferiment għal “prassi” li tikkonsisti fil-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management bi tliet lingwi biss u li kienet ilha “applikata minn Novembru tal-aħħar”, mingħajr ma tindika li din il-prassi kienet ibbażata fuq id-Deċiżjoni.

79

Fir-rigward tal-ittra, bid-data tas-6 ta’ April 2005 ukoll, tal-Viċi President tal-Kummissjoni, lanqas din ma xeħtet dawl fuq l-eżistenza tad-Deċiżjoni iżda sempliċement affermat, b’mod li minn tal-inqas jista’ jissejjaħ ambigwu, li l-prassi li l-imsemmija avviżi jiġu ppubblikati bi tliet lingwi biss kienet toħroġ mid-dokument SEC (2004) 638/6 tal-Kummissjoni, li jmur lura għal Mejju 2004.

80

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-Repubblika Taljana fir-rikors li hija saret taf bid-Deċiżjoni “fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti”, din ma tistax tinftiehem fis-sens li r-Repubblika Taljana saret taf bl-eżistenza u bil-kontenut tad-Deċiżjoni dakinhar tal-imsemmija pubblikazzjoni (9 ta’ Frar 2005) peress li, kif tafferma ġustament ir-Repubblika Taljana, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jagħmel ebda riferiment għad-Deċiżjoni.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-affermazzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tinftiehem fis-sens li kien b’konsegwenza tal-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti li r-Repubblika Taljana wettqet riċerki li wassluha sabiex tikseb il-kopja tad-Deċiżjoni li tidher annessa mar-rikors u dan f’data sussegwenti li ma tistax tiġi stabbilita b’ċertezza. Madankollu, ebda element fil-proċess ma jippermetti li jiġu konkluż li din id-data kienet qabel it-23 ta’ Frar 2005.

82

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikors tressaq fit-termini meħtieġa, kemm sa fejn jikkonċerna d-Deċiżjoni u kemm sa fejn jikkonċerna l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwantu l-introduzzjoni tiegħu fit-termini meħtieġa fir-rigward ta’ dan l-att tal-aħħar ma tistax tiġi kkontestata.

Fuq il-mertu

83

Ir-Repubblika tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12 KE, tal-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, iddikjarata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nizza (ĠU 2000 C 364, p. 1), tal-Artikoli 1, 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, tal-Artikolu 1d (1) u tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, u kif ukoll tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza u tar-rispett tad-diversità lingwistika.

L-argumenti tal-partijiet

84

Ir-Repubblika Taljana ssostni li, meta fid-Deċiżjoni pprovdiet li l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management ma kellhomx jitfasslu bil-lingwa Taljana u meta ma ppubblikatx l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bit-Taljan, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 1, 3, 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, kif ukoll l-Artikolu 12 KE. Il-Kummissjoni kisret ukoll l-Artikolu 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea li jipprovdi li l-Unjoni għandha tirrispetta d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, fid-dawl ta’ Komunità bbażata fuq il-moviment liberu tal-persuni, għandha tingħata importanza partikolari lill-protezzjoni tad-drittijiet u tal-faċilitajiet tal-individwi fil-qasam lingwistiku, b’tali mod li kull diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-konoxxenzi lingwistiċi għandha tiġi pprojbita (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Mutsch, 137/84, Ġabra p. 2681, punt 11; tat-28 ta’ Novembru 1989, Groener, C-379/87, Ġabra p. 3967, punt 13, u tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C-274/96, Ġabra p. I-7637, punti 19 u 23).

85

Ir-Repubblika Taljana żżid li l-prinċipju tal-protezzjoni tad-diversità lingwistika tal-Komunità huwa rekwiżit fundamentali fir-rigward tal-istituzzjonijiet u organi kollha tagħha. L-applikazzjoni tas-sistema lingwistika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma tistax tiġi separata minn dan il-prinċipju. Din is-sistema tiggarantixxi r-rikonoxximent tad-drittijiet lingwistiċi tal-individwi, li għandhom aċċess dirett għall-istituzzjonijiet Komunitarji. Din is-sistema tirriżulta min-natura partikolari tar-relazzjonijiet li jorbtu lill-Komunità Ewropea maċ-ċittadini tagħha u għalhekk għandha tiġi kkunsidrata bħala l-espressjoni diretta tad-diversità lingwistika tal-Unjoni Ewropea.

86

Huwa minnu li r-rispett tal-prinċipju tal-protezzjoni tad-diversità lingwistika għandu jiġi kkonċiljat mal-ħtiġijiet tal-ħajja istituzzjonali u amministrattiva li fil-prattika jistgħu jiġġustifikaw xi restrizzjonijiet għal dan il-prinċipju. Madankollu, tali restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati u ġustifikati mir-rekwiżiti imperattivi tal-ħajja istituzzjonali u amministrattiva u ma jistgħux jippreġudikaw is-sustanza tal-prinċipju li jobbliga lill-istituzzjonijiet jirrispettaw u jużaw il-lingwi uffiċjali kollha tal-Komunità.

87

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tagħmel distinzjoni bejn tliet sitwazzjonijiet differenti li huma koperti mir-Regolament Nru 1.

88

L-ewwel nett, fil-qasam tal-komunikazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Unjoni, il-prinċipju tar-rispett tad-diversità lingwistika jitlob l-ogħla livell ta’ protezzjoni. Fil-fatt, f’dan il-każ, dan il-prinċipju huwa marbut ma’ prinċipju demokratiku fundamentali li r-rispett tiegħu jeżiġi, b’mod partikolari, li l-persuni suġġetti għad-dritt tal-Komunità, l-Istati Membri u ċ-ċittadini Ewropej, għandu jista’ jkollhom aċċess faċli għal-leġiżlazzjoni tal-Komunità u għall-istituzzjonijiet li huma l-awturi ta’ din il-leġiżlazzjoni. Diffikultajiet tekniċi, li istituzzjoni effikaċi tista’ u għandha tegħleb, ma jistgħux jiġu invokati bħala skużi għan-nuqqas ta’ rispett tad-diversità lingwistika.

89

It-tieni nett, fil-qasam tal-proċeduri amministrattivi, huwa wkoll essenzjali li l-persuni kkonċernati, Stati Membri jew ċittadini, ikunu jistgħu jifhmu lill-istituzzjoni jew lill-organu li jkollhom kuntatt magħhom. Huwa għalhekk li l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1 jimponi l-użu, bħala lingwa ta’ komunikazzjoni, tal-lingwa tal-persuna kkonċernata. Huma minnu li, f’dan il-kuntest, id-drittijiet lingwistiċi tal-persuni kkonċernati jistgħu jkunu suġġetti għal restrizzjonijiet ġustifikati mir-rekwiżiti tal-amministrazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, Kik vs UASI, C-361/01 P, Ġabra p. I-8283, punti 92 sa 94). Madankollu, skont l-Artikolu 290 KE, huwa biss il-Kunsill, u mhux il-Kummissjoni, li jista’ jistabbilixxi trattament differenti tal-lingwi uffiċjali billi jagħmel għażla adegwata u proporzjonata li tevita d-diskriminazzjonijiet mhux ġustifikati bejn iċ-ċittadini Ewropej.

90

It-tielet nett, fil-kuntest tal-funzjonament intern tal-istituzzjonijiet u tal-organi tal-Komunità, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jawtorizza istituzzjoni sabiex tagħżel u timponi fuq il-membri tal-persunal tagħha l-użu ta’ lingwa funzjonali partikolari. Madankollu, għalkemm eżiġenzi elementari ta’ effiċjenza fil-ħidma amministrattiva jistgħu jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ numru limitat ta’ lingwi ta’ ħidma, is-sistema lingwistika interna ma tistax tiġi separata totalment mis-sistema ta’ komunikazzjonijiet esterni tal-istituzzjonijiet. Għaldaqstant, l-għażla ta’ lingwa jew ta’ diversi lingwi ta’ ħidma fuq il-livell intern ma tistax tiġi aċċettata ħlief sa fejn tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u funzjonali u sa fejn ma toħloqx trattament differenti bejn iċ-ċittadini tal-Komunità li ma jkunx ġustifikat. B’hekk, il-proċeduri għar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal ta’ istituzzjoni għandhom jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ dawk kollha li jkollhom il-kompetenzi meħtieġa sabiex jokkupaw il-pożizzjonijiet vakanti.

91

F’din il-kawża, il-pubblikazzjoni bi tliet lingwi biss tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management tal-Kummissjoni hija kuntrarja mhux biss għar-Regolament Nru 1 iżda wkoll għall-aħħar paragrafu tal-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, u kif ukoll għall-Artikolu 1d (1) u għall-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal.

92

Il-Kummissjoni ġġustifikat din il-miżura b’riferiment għad-diffikultajiet marbuta mat-traduzzjoni ta’ tali avviżi lejn id-disa’ lingwi uffiċjali tal-Istati Membri li daħlu fil-Komunità fl-1 ta’ Mejju 2004. Issa, tali diffikultajiet, ta’ natura purament amministrattiva u organizzazzjonali, ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ traduzzjonijiet lejn il-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri l-oħra, u dan iktar u iktar meta l-kapaċità ta’ traduzzjoni lejn il-lingwi tagħhom ma ħolqot ebda problemi fil-passat.

93

In-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni lejn il-lingwi tal-Istati Membri ġodda seta’ jiġi ġustifikat, b’mod provviżorju u tranżitorju, li kieku l-kandidati potenzjali, ġejjin minn dawn l-Istati, tqiegħdu f’pożizzjoni li jsiru jafu b’mod utli dwar l-imsemmija avviżi b’mezzi oħra. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana tqis li dawn il-kandidati għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni kkwalifikati, b’riżorsi mentali ta’ ċertu livell, li jippermettulhom li jkunu suffiċjentement informati. Għalhekk, il-pubblikazzjoni fl-istampa nazzjonali tal-Istati Membri ġodda ta’ avviż dwar il-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti mhux tradott fil-lingwa tal-imsemmija Stati jew nota ta’ informazzjoni f’dan is-sens mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ dawn l-istess Stati kienu jpattu għall-ksur temporanju tas-sistema lingwistika tal-Unjoni Ewropea.

94

Madankollu, l-għażla tal-Kummissjoni li ma ssirx it-traduzzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernati lejn il-lingwi uffiċjali kollha, ħlief tlieta, hija miżura irrazzjonali sa fejn, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni fir-rigward tal-lingwi tal-Istati Membri ġodda, il-Kummissjoni żiedet diskriminazzjoni oħra għad-detriment tal-parti l-kbira tal-lingwi uffiċjali tal-Istati Membri qodma. B’hekk, l-inizjattiva meħuda sabiex tiġi rrimedjata sitwazzjoni ta’ diskriminazzjoni billi jiżdied in-numru ta’ individwi u ta’ lingwi suġġetti għal disrkiminazzjoni kellha l-effett li aggravat il-problema minflok ma sabet soluzzjoni għaliha.

95

Din l-istess għażla irrazzjonali kisret ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li tagħti vantaġġ u status privileġġat lil grupp limitat ta’ lingwi, jiġifieri lill-Ġermaniż, lill-Ingliż u lill-Franċiż. Huwa minnu li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1 jippermetti lill-istituzzjonijiet jiddeterminaw ir-regoli dettaljati ta’ applikazzjoni tas-sistema lingwistika tal-Komunità fir-regoli tal-proċedura tagħhom. Madankollu, ebda norma miktuba ma ssemmi t-tliet lingwi msemmija bħala l-lingwi ta’ ħidma interni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti msemmija fl-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal ma jaqgħux fis-sistema lingwistika interna ta’ istituzzjoni. Għaldaqstant, l-eventwali użu mill-Kummissjoni ta’ numru limitat ta’ lingwi għall-proċeduri interni tagħha ma jistax ikollu effetti la fuq is-sistema lingwistika tal-Komunità, kif stabbilita mill-Kunsill taħt l-Artikolu 290 KE, u lanqas fuq ir-regoli dettaljati għar-reklutaġġ tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

96

Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Taljana żżid li s-sitwazzjoni maħluqa wara t-tkabbir tal-Unjoni, fl-1 ta’ Mejju 2004, ma tistax tiġġustifika tnaqqis fil-livell ta’ trattament legali tal-lingwi tal-Istati Membri fuq il-bażi ta’ miżura ta’ organizzazzjoni interna. Dan it-tkabbir seta’, minn tal-iktar, jiġġustifika trattament differenti tal-lingwi tal-Istati Membri ġodda u dan b’mod purament tranżitorju u pemrezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, adottata b’mod unanimu skont l-Artikolu 290 KE. Fin-nuqqas ta’ tali deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill, il-miżura kontenzjuża tal-Kummissjoni hija vvizzjata b’difett ta’ nuqqas assolut ta’ kompetenza u għalhekk għandha tiġi ddikjarata illegali. Is-sempliċi fatt li d-Deċiżjoni ġiet adottata mill-kulleġġ tal-Kummissarji u mhux minn direttorat ġenerali tal-Kummissjoni ma jistax jagħmilha legali peress li, f’dan il-każ, il-kwistjoni mhijiex dwar il-kompetenza tal-organi differenti tal-Kummissjoni iżda dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni stess.

97

Ir-Renju ta’ Spanja jinvoka, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni peress li l-Kunsill ma adotta ebda miżura li kienet tippermetti lill-Kummissjoni tadotta d-Deċiżjoni u timplementaha. Il-konsegwenzi gravi li joħorġu mid-Deċiżjoni ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr deċiżjoni minn qabel tal-Kunsill, li tikkostitwixxi l-bażi legali tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni.

98

Fit-tieni lok, ir-Renju ta’ Spanja jinvoka l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni. L-istess bħar-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ Spanja jqis li problemi ta’ kapaċità ta’ traduzzjoni lejn il-lingwi tal-Istati Membri ġodda ma jistgħux jiġġustifikaw li l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti ma jiġux tradotti lejn il-lingwi kollha, ħlief għal tliet lingwi. Huwa jżid li jekk l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kellhom jiġu tradotti, anki b’mod parzjali, lejn il-lingwi kollha, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni ta’ avviżi fl-istampa, ma kien hemm xejn li jżomm il-pubblikazzjoni tal-imsemmija avviżi, fil-lingwi kollha, anki fil-Ġurnal Uffiċjali. Fl-aħħar nett, ir-Renju ta’ Spanja jfakkar li, f’din il-kawża, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kien indirizzat lill-kandidati mill-Istati Membri kollha u mhux biss lil dawk ġejjin mill-Istati Membri ġodda.

99

Fit-tielet lok, ir-Renju ta’ Spanja jsostni l-argument tar-Repubblika Taljana li l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernati mid-Deċiżjoni fi tliet lingwi biss tagħti lil dawn il-lingwi status privileġġat, bi ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Skont ir-Renju ta’ Spanja dan huwa iktar u iktar il-każ sa fejn il-Kummissjoni ma tagħti ebda ġustifikazzjoni għall-għażla tat-tliet lingwi inkwistjoni.

100

Fl-aħħar lok, ir-Renju ta’ Spanja jqis li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ma jista’ jiġi stabbilit ebda parallel bejn din il-kawża u dik li wasslet għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq. Fil-fatt, is-sejħiet għal kandidaturi tal-Eurojust, ikkontestati f’dik il-kawża, kienu ġew ippubblikati fil-lingwi kollha. Għalhekk il-persuni kkonċernati kollha kienu tqiegħdu f’pożizzjoni ugwali, irrispettivament miċ-ċittadinanza tagħhom. Għall-kuntrarju, f’din il-kawża, persuna Spanjola li xtaqet tixħet il-kandidatura tagħha għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali tal-OLAF kienet marbuta taqra, f’ġurnata partikolari, gazzetta Spanjola waħda partikolari, sa fejn ma jistax ikun li kwalunkwe persuna tiġi obbligata tikkonsulta l-verżjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali fl-lingwi differenti mil-lingwa materna tagħha. B’hekk, skont ir-Renju ta’ Spanja, il-pubblikazzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż biss tal-Ġurnal Uffiċjali hija, fiha nnifisha, biżżejjed sabiex twassal għall-annullament tiegħu. Barra minn hekk, il-Eurojust ma ressaq ebda ġustifikazzjoni għad-differenzi ta’ natura lingwistika li kien hemm fis-sejħiet għal kandidaturi tiegħu. F’din il-kawża, għall-kuntrarju, l-esklużjonijiet lingwistiċi deċiżi mill-Kummissjoni huma ġġustifikati b’raġuni marbuta man-nuqqas ta’ kapaċità disponibbli sabiex l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti jiġu tradotti lejn il-lingwi tal-Istati Membri ġodda. Madankollu, din il-ġustifikazzjoni ma tistax tagħti lill-miżura kontenzjuża natura adegwata jew proporzjonata.

101

Ir-Repubblika tal-Latvja ssostni l-argumenti tar-Repubblika Taljana u ssostni li d-Deċiżjoni tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

102

Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li, fid-dawl tal-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 1, il-persuni li jixtiequ japplikaw għal pożizzjonijiet ta’ senior management mal-Kummissjoni jistgħu leġittimament jippretendu li l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti rilevanti jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fil-lingwi uffiċjali kollha. Issa, id-Deċiżjoni stess ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali sabiex il-kandidati potenzjali li l-lingwa materna tagħhom mhijiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż jiġu informati li, fil-futur, huma ma kinux ser ikunu jistgħu jikkonsultaw l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management ħlief fil-verżjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali ppubblikati f’dawn it-tliet lingwi. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

103

Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti tal-Kummissjoni għall-pożizzjonijiet ta’ senior management bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż biss tagħti vantaġġ mhux mistħoqq liċ-ċittadini ta’ ċerti Stati Membri bi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li, minkejja li la d-dritt Komunitarju fundamentali u lanqas il-ġurisprudenza ma jirreferu, b’mod dirett, għal prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-lingwi, tali prinċipju, bħala applikazzjoni partikolari tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi taċ-ċittadinanza, joħroġ mill-Artikolu 12 KE, peress li l-konoxxenza ta’ lingwa hija marbuta direttament mal-identità nazzjonali. Barra minn hekk, l-eżistenza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza bejn il-lingwi ma ġietx miċħuda fis-sentenza Kik vs UASI, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, u joħroġ ukoll mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1 u mill-Artikolu 314 KE.

104

Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li kunsiderazzjonijiet ta’ natura finanzjarja u eventwali problemi ta’ kapaċità ta’ traduzzjoni ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni bejn il-lingwi. Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ispejjeż huma dubjużi peress li ntużaw riżorsi umani u finanzjarji ekwivalenti sabiex jiġu tradotti u ppubblikati avviżi fl-istampa nazzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tevita xogħol addizzjonali għas-servizzi ta’ traduzzjoni tagħha billi tagħżel li ma tittraduċix lejn il-lingwi kollha testi oħra li huma inqas importanti, bħalma huma d-deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw persuna waħda. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni, fid-dawl tal-esperjenza miksuba mit-tkabbir preċedenti tal-Unjoni, kien imissha ppreparat ruħha fil-ħin sabiex tiżgura u ssaħħaħ il-mezzi meħtieġa sabiex taffaċċja problemi eventwali ta’ kapaċità ta’ traduzzjoni kkawżati mit-tkabbir tal-2004.

105

Fl-aħħar lok, ir-Repubblika tal-Latvja tqis li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ġie miskur ukoll f’din il-kawża. Il-Kummissjoni ma għamlitx dak kollu li kien possibbli sabiex tillimita l-inkonvenjent ikkawżat min-nuqqas ta’ pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni fil-lingwi uffiċjali kollha. F’dan ir-rigward, la l-għażla, għall-finijiet tal-pubblikazzjoni tal-imsemmija avviżi fil-Ġurnal Uffiċjali, tat-tliet lingwi l-iktar użati fl-Unjoni, u lanqas il-pubblikazzjoni, fil-lingwi l-oħra, ta’ avviżi fl-istampa nazzjonali, ma huma biżżejjed. L-istampa nazzjonali ma tistax tiġi ekwiparata għall-Ġurnal Uffiċjali. Minn tal-inqas, kien possibbli li, flimkien mal-pubblikazzjoni tal-avviżi fil-gazzetti tal-Istati Membri, tiġi ppubblikata, fil-verżjonijiet l-oħra tal-Ġurnal Uffiċjali, deskrizzjoni ġenerali ta’ kull pożizzjoni vakanti b’indikazzjoni li l-informazzjoni sħiħa relatata ma’ dan il-post vakanti kienet disponibbli fil-verżjoni Ingliża, Ġermaniża u Franċiża.

106

Il-Kummissjoni tosserva li l-argumenti mressqa mir-Repubblika Taljana jirripproduċu, kważi b’mod identiku, uħud mill-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitata fil-punt 20 iktar ’il fuq (Ġabra p. I-2079). Il-Kummissjoni tenfasizza d-differenza li teżisti fir-rigward tal-mertu bejn dik il-kawża u l-kawża preżenti sa fejn, kuntrarjament għall-każ li kien is-suġġett tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitati iktar ’il fuq, id-Deċiżjoni u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkontestati ma fihom ebda indikazzjoni dwar il-konoxxenza meħtieġa ta’ lingwi Komunitarji partikolari. Madankollu, skont il-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li qari b’attenzjoni u b’mod globali tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali M. Poiares Maduro fil-kawża li wasslet għas-sentenza Spanja vs Eurojust, iċċitati iktar ’il fuq, juri li l-approċċ meħud mill-Kummissjoni f’din il-kawża, limitat b’mod suffiċjenti fiż-żmien u kompletament koerenti mas-sistema lingwistika applikabbli għall-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat bħala konformi mal-prinċipju ta’ diversità lingwistika u, għalhekk, iġġustifikat, adegwat u proporzjonat.

107

Il-Kummissjoni ssostni li l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni ta’ senior management għandha essenzjalment l-għan li tinforma lil numru limitat ta’ kandidati partikolarment ikkwalifikati dwar l-eżistenza ta’ tali pożizzjoni vakanti li teżiġi ċerti kompetenzi speċifiċi u esperjenza professjonali kunsiderevoli. Huwa minnu li dan l-avviż ikun indirizzat esternament u jista’ jiġi kkontestat minn kandidati esterni. Madankollu, fl-istess ħin, huwa għandu jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni adottata fl-interess tas-servizz li tikkonċerna b’mod iktar dirett l-organizzazzjoni interna tal-Kummissjoni. F’dan is-sens, l-avviż jikkostitwixxi l-projezzjoni esterna ta’ miżuri interni ta’ natura amministrattiva adottati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-funzjonament tajjeb tagħha. Għaldaqstant, l-avviżi ta’ dan it-tip ma jagħmlux parti mir-relazzjonijiet esterni tal-Kummissjoni.

108

Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li la d-Deċiżjoni u lanqas l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jikkostitwixxu att li l-pubblikazzjoni tiegħu fil-lingwi uffiċjali kollha hija imposta mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1. B’mod iktar ġenerali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-Regolament Nru 1 ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-membri tal-persunal tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li din il-konklużjoni tapplika wkoll għall-kandidati għall-kompetizzjonijiet organizzati minn istituzzjoni sa fejn dawn il-kandidati dejjem ġew ittrattati, fil-ġurisprudenza, bl-istess mod bħall-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet.

109

Skont il-Kummissjoni, is-sistema lingwistika interna tal-istituzzjonijiet, li tagħha l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti jikkostitwixxu estensjoni esterna, ma tipprevedix, fil-kuntest tar-relazzjonijiet professjonali mal-istituzzjoni kkonċernata, id-dritt li tintuża l-lingwa magħżula mill-uffiċjali jew mill-kandidat għal proċedura ta’ għażla. Għall-kuntrarju, f’termini ta’ komunikazzjoni mal-istituzzjoni u mal-persunal tagħha jew mal-kandidati esterni, għandha importanza partikolari l-possibbiltà, għall-imsemmija uffiċjali jew kandidati, li jsiru jafu b’mod utli bid-dispożizzjonijiet li jikkonċernawhom.

110

Is-sitwazzjoni partikolari li jinsabu fiha l-kandidati kkonċernati minn avviż ta’ kompetizzjoni jew minn avviż ta’ pożizzjoni vakanti bħal dak ikkontestat tiġġustifika, skont il-Kummissjoni, l-użu, fil-proċeduri ta’ għażla, ta’ lingwi funzjonali, iddeterminati mill-istituzzjoni kkonċernata. F’dan ir-rigward, il-limitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjoni huwa kkostitwit mill-eżistenza meħtieġa ta’ rabta bejn il-lingwi użati u l-kompetenzi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet inkwistjoni u kif ukoll min-nuqqas ta’ preġudizzju eċċessiv għall-interessi legali tal-kandidati potenzjali.

111

Il-Kummissjoni tosserva li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, istituzzjoni tista’ anki teżiġi li l-kandidati għal pożizzjoni jkollhom konoxxenza ta’ lingwi uffiċjali partikolari, skont l-eżiġenzi oġġettivi tas-servizz. Madankollu, dan ma kienx il-każ f’din il-kawża peress li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma kien fih ebda kundizzjoni partikolari dwar il-konoxxenza ta’ waħda mit-tliet lingwi funzjonali tal-Kummissjoni li fihom kien ġie ppubblikat. L-imsemmi avviż jeżiġi biss li d-dokumenti tal-kandidatura jitfasslu f’waħda minn dawn il-lingwi. Għalhekk, fih innifsu, l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jistax joħloq xi preġudizzju għall-interessi tal-kandidati potenzjali fir-rigward tal-konoxxenzi lingwistiċi tagħhom. Il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet u tal-kompiti tad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, li jeħtieġu l-kapaċità ta’ ħidma f’ambjet multikulturali kumpless, hija setgħet ġustament teżiġi li l-kandidati għal din il-pożizzjoni jkollhom konoxxenza ta’ waħda mit-tliet lingwi użati għall-komunikazzjoni interna fl-istituzzjoni. Fil-fatt, tista’ tiġi identifikata b’mod ċar rabta bejn l-użu ta’ dawn it-tliet lingwi u l-kompetenzi speċifiċi meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet inkwistjoni, kif deskritti fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

112

F’kull każ, il-Kummissjoni tqis li ma teżisti ebda prova ta’ dannu reali, imġarrab mill-kandidati kkonċernati mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, minħabba l-pubblikazzjoni tiegħu fi tliet lingwi biss. Din il-pubblikazzjoni saret fit-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, inkluż fit-territorju Taljan, u għalhekk, kull ċittadin Taljan li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti seta’ jippreżenta l-kandidatura tiegħu. Fil-fatt, iċ-ċittadini Taljani huma numerikament irrappreżentati tajjeb ħafna fost il-kandidaturi riċevuti peress li jirrappreżentaw madwar 14% tan-numru totali ta’ kandidati u peress li huma biss il-kandidati ta’ pajjiż ieħor tal-Unjoni li huma iktar, bi ftit, minnhom. Barra minn hekk, il-kandidati Taljani mhux biss huma ħafna iktar mill-kandidati ta’ lingwa Ġermaniża, iżda jirrappreżentaw saħansitra iktar minn tliet darbiet in-numru ta’ kandidati ta’ lingwa Ingliża. Minn din id-data l-Kummissjoni tikkonkludi li l-fattur lingwistiku ma kellu ebda impatt fuq il-preżentazzjoni ta’ kandidaturi u ma seta’ jkollu ebda effett dissważiv fir-rigward taċ-ċittadini Ewropej b’lingwa materna differenti minn dawk li fihom ġie ppubblikat l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda lment fir-rigward tas-sistema lingwistika magħżula, ħaġa din li twassal għall-konklużjoni li l-kandidati kkonċernati mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma ġarrbu ebda diskriminazzjoni minħabba l-lingwa jew iċ-ċittadinanza tagħhom.

113

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tad-diffikultajiet, li huma magħrufa sew, fir-rigward tat-traduzzjoni, l-approċċ pragmatiku magħżul f’dan il-każ huwa fil-parti l-kbira minnu ispirat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċità u mal-funzjonament tajjeb tal-istituzzjoni filwaqt li ma jidhirx li huwa differenti ħafna minn dak deskritt fil-punti 92 sa 94 tas-sentenza Kik vs UASI, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li d-Deċiżjoni tapplika biss għall-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management tal-Kummissjoni.

115

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ta’ dritt Komunitarju ma jeżiġu li dawn il-pubblikazzjonijiet isiru sistematikament fil-lingwi uffiċjali kollha.

116

Huwa veru li tali pożizzjonijiet jistgħu potenzjalment jinteressaw lil kandidati minn kull Stat Membru. Madankollu, kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, id-diversi riferimenti fit-Trattat KE għall-użu tal-lingwi fl-Unjoni Ewropea, fosthom, b’mod partikolari, fl-Artikoli 290 KE u 314 KE, invokati mir-Repubblika Taljana u mill-intervenjenti, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala l-manifestazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ dritt Komunitarju li jiżgura lil kull ċittadin id-dritt li dak kollu li jista’ jaffettwa l-interessi tiegħu ser jitfassal fil-lingwa tiegħu f’kull ċirkustanza (sentenza Kik vs UASI, iċċitata fil-punt 89 iktar ’il fuq, punt 82).

117

Tali prinċipju, li jimplika l-obbligu tal-istituzzjonijiet li jippubblikaw sistematikament fil-Ġurnal Uffiċjali l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni fil-lingwi uffiċjali kollha, lanqas ma jista’ jirriżulta mir-Regolament Nru 1. B’hekk ġie deċiż li dan ir-regolament ma japplikax għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali u membri tal-persunal temporanju tagħhom sa fejn jistabbilixxi biss is-sistema lingwistika applikabbli bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea u Stat Membru jew persuna li taqa’ fil-ġurisdizzjoni ta’ wieħed mill-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2005, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T-203/03, Ġabra SP p. I-A-279 u II-1287, punt 60).

118

L-uffiċjali u l-membri tal-persunal l-oħra tal-Komunitajiet, kif ukoll il-kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunitajiet biss fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, inklużi dawk dwar ir-reklutaġġ fi ħdan istituzzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 jippermetti espressament lill-istituzzjonijiet li jiddeterminaw ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema lingwistika fir-regoli tal-proċedura tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2001, Bonait Brighina vs Il-Kummissjoni, T-118/99, Ġabra SP p. I-A-25 u II-97, punt 13).

119

L-ekwiparazzjoni mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal l-oħra tal-Komunitajiet tal-kandidati għal tali pożizzjonijiet, fir-rigward tas-sistema lingwistika applikabbli, hija ġġustifikata mill-fatt li l-imsemmija kandidati jidħlu f’relazzjoni ma’ istituzzjoni Komunitarja biss bil-għan li jiksbu pożizzjoni ta’ uffiċjali jew ta’ membru tal-persunal li għaliha, kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem, ċerti konoxxenzi lingwistiċi huma meħtieġa u jistgħu jintalbu mid-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli sabiex timtela l-pożizzjoni inkwistjoni.

120

L-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, invokat ukoll mir-Repubblika Taljana, lanqas ma jimponi obbligu ta’ pubblikazzjoni sistematika tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjonijiet vakanti fi ħdan il-Kummissjoni fil-lingwi kollha. Dan l-artikolu mhuwiex rilevanti f’din il-kawża peress li, skont it-termini tiegħu stess, japplika biss għall-atti msemmija fl-Artikoli 249 KE u 161 Euratom u ma japplikax għall-atti, bħalma huma l-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti, li l-Kummissjoni tadotta bħala Awtorità tal-Ħatra, fis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal.

121

Fl-aħħar nett, ir-Regolamenti tal-Persunal, minn naħa, ma fihom ebda dispożizzjoni li timponi l-pubblikazzjoni tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti fil-lingwi uffiċjali kollha u, min-naħa l-oħra, jawtorizzaw, fl-Artikolu 29(2) tagħhom, lill-Awtorità tal-Ħatra tadotta l-proċedura li jidhrilha adegwata għar-reklutaġġ tal-persunal fis-senior management.

122

Għalhekk, il-Kummissjoni, f’din il-kawża, setgħet tadotta d-Deċiżjoni sabiex tirregola, fil-kuntest tas-setgħa mogħtija lilha mill-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1 u mill-Artikolu 29(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kwistjoni tal-lingwi ta’ pubblikazzjoni esterna tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-persunal fis-senior management, kwistjoni li tikkostitwixxi, kif diġà ġie rrilevat, aspett partikolari tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-persunal li jaqa’ f’din il-kategorija. Għalhekk ir-Repubblika Taljana u l-intervenjenti ma jistgħux jinvokaw in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tadotta d-Deċiżjoni.

123

Fit-tielet lok, fir-rigward tan-natura allegatament insuffiċjenti tal-motivazzjoni tad-Deċiżjoni, kwistjoni li tqajmet mir-Renju ta’ Spanja iżda li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha teżamina anki ex officio, għandu jiġi mfakkar li l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u li, fir-rigward ta’ atti intiżi għal applikazzjoni ġenerali, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tal-att ikkonċernat u, min-naħa l-oħra, l-obbjettivi ġenerali li l-att huwa intiż li jilħaq (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Marzu 1968, Beus, 5/67, Ġabra p. 125, 143, u tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja vs Il-Kunsill, C-284/94, Ġabra p. I-7309, punt 28).

124

Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, id-Deċiżjoni hija konformi mar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni msemmija iktar ’il fuq peress li tindika s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tagħha u l-obbjettivi ġenerali li hija intiża li tilħaq, billi tagħmel riferiment għall-kapaċità ta’ traduzzjoni disponibbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni tal-Kummissjoni. Minn qari tad-Deċiżjoni u tad-dokumenti li għalihom tirreferi (ara l-punti 5 sa 7, 14 u 15 iktar ’il fuq), joħroġ b’mod ċar li d-Deċiżjoni hija intiża, fid-dawl tan-nuqqas ta’ riżorsi limitati ta’ traduzzjoni, li tnaqqas id-domanda għat-traduzzjoni bil-għan li ma jinqabżux il-kapaċitajiet disponibbli.

125

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Taljana u l-intervenjenti jinvokaw, b’mod żbaljat, allegat nuqqas ta’ koerenza bejn il-kapaċitajiet limitati ta’ traduzzjoni lejn il-lingwi tal-Istati Membri ġodda u n-nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-persunal fis-senior management lejn il-lingwi kollha tal-Istati Membri qodma.

126

Fil-fatt, il-verżjoni tad-Deċiżjoni annessa mar-rikors u d-dokument PERS (2004) 203 tal-Kummissjoni, li għalih tirreferi l-verżjoni tad-Deċiżjoni li tinsab fil-minuti tal-laqgħa tal-1678 laqgħa tal-Kummissjoni, jirreferu, b’mod ġenerali, għall-“kapaċità ta’ traduzzjoni disponibbli fi ħdan id-Direttorat Ġenerali tat-Traduzzjoni” jew għax-“xogħol addizzjonali attwali” ta’ dan id-direttorat ġenerali, rispettivament, u ma jirreferux esklużivament għall-kapaċità ta’ traduzzjoni lejn il-lingwi ġodda. Ir-riferiment, fiż-żewġ dokumenti msemmija, għad-dokument SEC (2004) 638/6, tas-26 ta’ Mejju 2004, li jikkonċerna l-kapaċitajiet ta’ traduzzjoni lejn il-lingwi uffiċjali ġodda, ma jistax iwassal għal konklużjoni kuntrarja peress li dan mhuwiex l-uniku element ta’ ġustifikazzjoni tal-miżura adottata mid-Deċiżjoni.

127

Fir-raba’ lok, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-Kummissjoni tista’ tadotta l-miżuri li jidhrulha adegwati sabiex tirregola l-aspetti tal-proċedura ta’ reklutaġġ tal-persunal fis-senior management tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-miżuri ma jistgħux joħolqu diskriminazzjoni abbażi tal-lingwa bejn il-kandidati għal pożizzjoni partikolari.

128

Minn naħa, tali diskriminazzjoni hija pprojbita espressament mill-Artikolu 1d(1) tar-Regolamenti tal-Persunal filwaqt li l-Artikolu 1d(6) tal-istess regolamenti jipprovdi li, filwaqt li jkunu rrispettati l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, kull limitazzjoni għal dawn il-prinċipji għandha tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata u għandha tkun immirata lejn obbjettivi leġittimi ta’ interess ġenerali fil-kuntest tal-politika tal-persunal.

129

Min-naħa l-oħra, anki l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprekludi lill-Awtorità tal-Ħatra milli teżiġi mingħand il-kandidati għal pożizzjoni konoxxenza perfetta ta’ lingwa uffiċjali partikolari peress li din il-kundizzjoni lingwistika għandha l-effett li tirriżerva din il-pożizzjoni għal nazzjonalità partikolari mingħajr ma dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet marbuta mal-funzjonament tas-servizz (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Marzu 1964, Lassalle vs Il-Parlament, 15/63, Ġabra p. 57, 73 u 74).

130

Għalhekk, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali t-test sħiħ ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjoni ta’ senior management b’ċerti lingwi biss, hija għandha, sabiex tevita disrkiminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati potenzjalment ikkonċernati mill-imsemmi avviż, tadotta miżuri adegwati sabiex tinforma lil dawn il-kandidati kollha bl-eżistenza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat u bil-verżjonijiet li fihom ġie ppubblikat it-test sħiħ tiegħu.

131

Sakemm din il-kundizzjoni tkun sodisfatta, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti tal-kategorija msemmija mid-Deċiżjoni f’numru limitat ta’ lingwi ma tistax twassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi kandidati sa fejn huwa paċifiku li dawn tal-aħħar għandhom konoxxenza suffiċjenti ta’ minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi li tippermettilhom jiksbu għarfien utli tal-kontenut tal-imsemmi avviż.

132

F’dan ir-rigward, għandha tiġi mfakkra l-ġurisprudenza li tipprovdi li l-fatt li dokumenti indirizzati mill-amministrazzjoni lil wieħed mill-uffiċjali tagħha jitfasslu f’lingwa differenti mil-lingwa materna ta’ dan l-uffiċjali jew mill-ewwel lingwa barranija magħżula minnu, ma jikkostitwixxi ebda ksur tad-drittijiet ta’ dan l-uffiċjali, jekk dan ikollu konoxxenza tal-lingwa użata mill-amministrazzjoni li tippermettilu jifhem b’mod effettiv u faċli l-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rasmussen vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, punti 62 sa 64). Din il-konklużjoni tgħodd ukoll fir-rigward ta’ att indirizzat lill-uffiċjali kollha jew lill-kandidati kollha għal proċedura ta’ għażla, bħalma huwa l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti.

133

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fid-dawl tal-Artikolu 28(f) tar-Regolamenti tal-Persunal, kull kandidat għal proċedura ta’ reklutaġġ għandu jressaq prova ta’ konoxxenza tajba ħafna ta’ waħda mil-lingwi tal-Komunitajiet u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra tal-Komunitajiet sal-livell neċessarju għall-funzjonijiet li l-kandidat eventwalment jeżerċita. Dawn huma konoxxenzi lingwistiċi minimi meħtieġa għar-reklutaġġ ta’ uffiċjali Komunitarji filwaqt li l-istituzzjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, jistabbilixxu kundizzjonijiet lingwistiċi iktar stretti għar-reklutaġġ f’pożizzjoni partikolari (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Pappas vs Il-Kumitat tar-Reġjuni, iċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, punt 85).

134

B’hekk, meta jkun meħtieġ mill-ħtiġijiet tas-servizz jew dawk tal-impjieg, l-istituzzjoni kkonċernata tista’ leġittimament tispeċifika l-lingwi li tagħhom tkun meħtieġa konoxxenza tajba ħafna jew sodisfaċenti (ara, a contrario, is-sentenza Lassalle vs Il-Parlament, iċċitata fil-punt 129 iktar ’il fuq, p. 73 u 74; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lagrange b’relazzjoni ma’ din is-sentenza, Ġabra p. 77, 94). F’dan il-każ tal-aħħar, il-fatt li t-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernat ikun disponibbli biss f’dawn il-lingwi ma jistax iwassal għal diskriminazzjoni bejn il-kandidati peress li huma għandu jkollhom, kollha kemm huma, konoxxenza ta’ minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi.

135

Għall-kuntrarju, il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tat-test tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti f’ċerti lingwi Komunitarji biss, meta persuni li jkollhom biss konoxxenzi ta’ lingwi Komunitarji oħra jkunu jistgħu jixħtu l-kandidatura tagħhom, tista’ twassal, fin-nuqqas ta’ miżuri oħra intiżi li jippermettu lil din il-kategorija ta’ kandidati potenzjali li jkollhom għarfien utli tal-kontenut ta’ dan l-avviż, għal diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom.

136

Fil-fatt, f’din l-eventwalità, il-kandidati inkwistjoni jsibu ruħhom f’pożizzjoni inqas vantaġġjuża meta mqabbla mal-kandidati l-oħra peress li huma ma jkunux f’pożizzjoni li jkollhom għarfien utli tal-kwalifiki meħtieġa mill-avviż ta’ pożizzjoni vakanti kif ukoll tal-kundizzjonijiet u tar-regoli tal-proċedura ta’ reklutaġġ. Issa, tali għarfien jikkostitwixxi kundizzjoni preliminari meħtieġa għall-preżentazzjoni ideali tal-kandidatura tagħhom bil-għan li jkabbru kemm jista’ jkun il-possibbiltà tagħhom li jiġu magħżula għall-pożizzjoni inkwistjoni.

137

F’din il-kawża, id-Deċiżjoni tipprovdi li l-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management kellhom jibdew isiru biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż. Hija teskludi għalhekk il-pubblikazzjoni, fil-verżjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali ppubblikati fil-lingwi Komunitarji l-oħra, tat-test sħiħ tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti kkonċernati filwaqt li ma tipprevedi la l-pubblikazzjoni f’dawn il-verżjonijiet l-oħra ta’ avviż li jindika l-eżistenza ta’ tali avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li jirreferi għall-verżjonij Ġermaniża, Ingliża jew Franċiża sabiex jinkiseb it-test sħiħ tiegħu, u lanqas l-adozzjoni ta’ miżuri ekwivalenti oħra.

138

Fid-dawl ukoll tal-fatt li d-Deċiżjoni stess ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali sabiex il-qarrejja tal-verżjonijiet l-oħra minbarra l-verżjoni Ġermaniża, Ingliża u Franċiża jkunu mwissija dwar il-bidla importanti fil-prassi li ġiet introdotta b’dan il-mod, jeżisti riskju serju li l-kandidati potenzjali li l-lingwa materna tagħhom mhijiex waħda mit-tliet lingwi msemmija fid-Deċiżjoni lanqas biss ma jkunu informati bl-eżistenza ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti li jista’ jinteressahom. Minkejja li dawn il-kandidati jista’ jkollhom konoxxenza tajba ħafna ta’ minn tal-inqas lingwa waħda mill-Ġermaniż, Ingliż jew Franċiż, ma jistax jitqies li huma jikkonsultaw verżjoni tal-Ġurnal Uffiċjali ppubblikata f’lingwa li mhijiex il-lingwa materna tagħhom.

139

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni tirreferi, b’mod ġenerali, għall-proċeduri kollha ta’ reklutaġġ għall-pożizzjonijiet ta’ senior management tal-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta’ indikazzjoni f’dan is-sens fid-Deċiżjoni jew fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, ma jistax jiġi preżunt li l-konoxxenza tal-Ġermaniż, Franċiż jew Ingliż hija dejjem indispensabbli sabiex jiġu okkupati tali pożizzjonijiet. Il-prova ta’ dan tinsab fil-fatt li l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li jikkonċerna preċiżament pożizzjoni f’din il-kategorija, jeżiġi biss “konoxxenza tajba ħafna ta’ waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u konoxxenza sodisfaċenti ta’ lingwa oħra minn dawn il-lingwi”.

140

Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li d-dokument SEC (2004) 638/6 u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti jipprevedu li l-proċeduri ta’ għażla għall-pożizzjonijiet ta’ senior management għandhom jinżammu biss bil-Ġermaniż, bl-Ingliż jew bil-Franċiż, ma jistax iwassal għall-konklużjoni kuntrarja. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tqis li, għal raġunijiet leġittimi, marbuta mal-funzjonament tajjeb tas-servizz, il-konoxxenza tajba ħafna ta’ minn tal-inqas waħda mil-lingwi msemmija hija meħtieġa, hija għandha tinkudi dispożizzjoni f’dan is-sens fl-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għal dawn il-pożizzjonijiet. Peress li dan ma kienx il-każ f’din il-kawża, dan l-argument għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-konsegwenzi li l-limitazzjoni tal-lingwi li għandhom jintużaw waqt dawn il-proċeduri għandha fuq ir-regolarità tal-proċeduri ta’ għażla.

141

Issa, fir-rigward tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għal pożizzjonijiet ta’ senior management li ma jeħtiġux il-konoxxenza ta’ minn tal-inqas waħda mit-tliet lingwi msemmija, id-Deċiżjoni ma tipprovdi ebda miżura li permezz tagħha l-kandidati potenzjali li ma jkunux jafu minn tal-inqas waħda minn dawn il-lingwi jkunu jistgħu jiksbu għarfien utli tal-kontenut ta’ dawn l-avviżi, li jkunu disponibbli biss fit-tliet lingwi inkwistjoni. Lanqas ma huwa previst li dawn il-kandidati jkollhom il-possibbiltà li jitolbu traduzzjoni tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni mingħand il-Kummissjoni.

142

Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni tista’ twassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq il-lingwa bejn il-kandidati għal proċedura ta’ għażla.

143

Madankollu, il-Kummissjoni essenzjalment issostni li l-eventwalità ta’ tali diskriminazzjoni hija pjuttost teoretika. It-tliet lingwi magħżula mid-Deċiżjoni huma l-lingwi ta’ ħidma interni tal-Kummissjoni u minn tal-inqas waħda minnhom hija, mingħajr dubju, magħrufa mill-persuni kkonċernati, għall-pożizzjonijiet inkwistjoni, li neċessarjament huma persuni kkwalifikati ħafna. Barra minn hekk, fid-dawl tal-kapaċitajiet limitati ta’ traduzzjoni, l-adozzjoni tad-Deċiżjoni hija ispirata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effikaċità u mal-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni.

144

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-fatt li t-tliet lingwi magħżula mid-Deċiżjoni huma l-lingwi ta’ ħidma interni tal-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza jirriżulta li istituzzjoni ma tistax sempliċement tindirizza lil uffiċjal deċiżjoni individwali mfassla f’waħda minn dan il-lingwi ta’ ħidma iżda għandha tiżgura li dan l-uffiċjal għandu konoxxenza suffiċjenti tal-lingwa użata u jekk ma jkollux l-istituzzjoni għandha tipprovdilu traduzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il-Kummissjoni, T-197/98, Ġabra SP p. I-A-55 u II-241, punti 45 sa 47, u Bonaiti Brighina vs Il-Kummissjoni, iċċitata fil-punt 118 iktar ’il fuq, punti 20 u 21).

145

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li tista’ tiġi applikata b’analoġija għall-kandidati għal proċedura ta’ reklutaġġ, istituzzjoni ma tistax sempliċement tuża, għall-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti fir-rigward tal-pożizzjonijiet vakanti fi ħdanha, il-lingwi ta’ ħidma interni iżda għandha tiżgura li l-kandidati potenzjali kollha jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jiksbu għarfien utli tal-eżistenza u tal-kontenut tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti inkwistjoni.

146

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li d-Deċiżjoni tikkonċerna biss il-pubblikazzjonijiet esterni fil-Ġurnal Uffiċjali li, min-natura tagħhom stess, huma indirizzati wkoll lil persuni esterni għall-Kummissjoni li għalihom il-fatt li l-lingwi magħżula għall-pubblikazzjoni huma l-lingwi ta’ ħidma interni tal-Kummissjoni mhuwiex rilevanti.

147

It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-pożizzjonijiet ta’ senior management huma indirizzati neċessarjament għal kandidati li jkunu partikolarment ikkwalifikati u li għalhekk huwa probabbli li diversi kandidati li l-lingwa materna tagħhom ma tkunx il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż jkollhom konoxxenza sodisfaċenti ta’ xi waħda jew oħra minn dawn it-tliet lingwi, fid-dawl tal-konoxxenza pjuttost mifruxa ta’ dawn il-lingwi fl-Ewropa. Madankollu, dan il-fatt mhuwiex suffiċjenti sabiex jiġġustifika l-miżura adottata bid-Deċiżjoni.

148

Fil-fatt, anki jekk dan ikun il-każ, dan ma jfissirx li dawn il-kandidati jikkonsultaw il-verżjonijiet tal-Ġurnal Uffiċjali f’dawn it-tliet lingwi u mhux fil-lignwa maternali tagħhom. Fi kwalunkwe każ, konoxxenza tal-Ġermaniż, tal-Ingliż jew tal-Franċiż ma tistax tiġi preżunta mill-persuni kollha li jkollhom il-kwalifiki meħtieġa għal pożizzjonijiet ta’ senior management.

149

Fl-aħħar nett, l-argument ibbażat fuq l-effikaċità u l-funzjonament tajjeb tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud ukoll. Tali kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jiġġustifikaw diskriminazzjoni pprojbita mir-Regolamenti tal-Persunal. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1d(6) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma biss “oġġetti [obbjettivi] leġittimi fl-interess ġenerali fil-qafas tal-politika tal-persunal”, bħalma huma l-miżuri dwar l-età obbligatorja tal-irtirar jew l-età minima sabiex tingħata pensjoni tal-età, li jissemmew fit-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li jistgħu jiġġustifikaw ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità. Issa, il-ġestjoni tajba tal-kapaċitajiet ta’ traduzzjoni ma tagħmilx parti mill-politika tal-persunal fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal.

150

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, billi adottat id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, hija kisret ukoll, b’mod indirett, l-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal peress li l-miżura adottata tista’ tiffavorixxi, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-persunal fis-senior management, il-kandidati ta’ ċerti nazzjonalitajiet, jiġifieri dawk mill-pajjiżi fejn il-Ġermaniż, l-Ingliż u l-Franċiż huma mitkellma bħala l-lingwa materna u tista’ tippreġudika lil minn tal-inqas uħud mill-kandidati ċittadini tal-Istati Membri l-oħra.

151

F’dawn il-kundizzjonijiet, id-Deċiżjoni għandha tiġi annullata. L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, ippubblikat skont ir-regoli dettaljati previsti fid-Deċiżjoni, għandu jiġi annullat ukoll. Huwa minnu li l-Kummissjoni ppubblikat fl-istampa nazzjonali tal-Istati Membri avviżi miktuba fil-lingwi l-oħra kollha sabiex tinforma lill-persuni interessati bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, li għalih kien hemm riferiment sabiex tinkiseb iktar informazzjoni.

152

Anki jekk jitqies li l-pubblikazzjoni tal-avviżi msemmija hija biżżejjed sabiex il-kandidati li l-lingwa materna tagħhom mhijiex il-Ġermaniż, l-Ingliż jew il-Franċiż jiġu informati bl-eżistenza tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx miżuri sabiex dawk il-kandidati li ma jafu ebda waħda minn dawn it-tliet lingwi jiksbu huma wkoll għarfien tal-kontenut eżatt ta’ dawn l-avviżi. Is-sempliċi fatti, invokati mill-Kummissjoni, li hija ma kienet irċeviet ebda ilment mingħand kandidat f’dan ir-rigward, jew li ċ-ċittadini Taljani huma numerikament irrappreżentati tajjeb ħafna fost il-kandidaturi riċevuti, mhumiex, fihom infushom, suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-ommissjoni msemmija tal-Kummissjoni ma kinitx tali li setgħet tippreġudika d-drittijiet ta’ ċerti kandidati.

153

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jintlaqa’ u d-Deċiżjoni u l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti għandhom jiġu annullati.

Fuq l-ispejjeż

154

Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Barra minn hekk, skont l-aħħar paragrafu tal-Artikolu 87(4) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

155

Il-Kummissjoni tilfet din il-kawża. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ma għamiltx talba dwar l-ispejjeż. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ordnat li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni matul l-1687 laqgħa tagħha, tal-10 ta’ Novembru 2004, li l-pubblikazzjoni esterni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi ta’ pożizzjoni vakanti għall-pożizzjonijiet ta’ senior management għandhom isiru bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż, għal perijodu li kellu jintemm fl-1 ta’ Jannar 2007, hija annullata.

 

2)

L-avviż ta’ pożizzjoni vakanti COM/2005/335 għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Grad A*15/A*16) tal-Uffiċju Ewropew kontra l-Frodi (OLAF), ippubblikat mill-Kummissjoni fid-9 ta’ Frar 2005 (ĠU C 34 A, p. 3), huwa annullat.

 

3)

Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Vilaras

Prek

Ciucă

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-20 ta’ Novembru 2008.

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà

 

Fuq id-dritt tal-Istati Membri li jippreżentaw rikors, taħt l-Artikolu 230 KE, kontra l-atti tal-istituzzjonijiet li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-uffiċjali u mal-membri tal-persunal temporanju tagħhom

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-kwalifika tad-Deċiżjoni u tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 230 KE

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra d-Deċiżjoni

 

— L-argumenti tal-partijiet

 

— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq il-mertu

 

L-argumenti tal-partijiet

 

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.