SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

25 ta’ Ottubru 2007

Kawża T-154/05

Carmela Lo Giudice

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Rikors għal annullament – Obbligu ta’ għajnuna – Obbligu ta’ motivazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Obbligu ta’ premura – Ammissibbiltà – Talba għad-danni”

Suġġett: Rikors li għandu essenzjalment bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ fastidju psikoloġiku u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni morali allegatament subiti.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Fastidju psikoloġiku – Kunċett

2.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv imressaq qabel – Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali – Deċiżjoni li tikkawża preġudizzju – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 25)

1.      L-uffiċjal li jallega li huwa vittma ta’ fastidju psikoloġiku għandu, indipendentement mill-perċezzjoni suġġettiva li seta’ kellu tal-fatti li huwa jallega, iressaq numru ta’ elementi li jippermettu li jiġi kkonstatat li huwa bata minħabba imġiba li kellha bħala għan, oġġettivament, li tiskreditah jew li tiddegrada deliberatament il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu.

Minn dan jirriżulta li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, l-imġiba in kwistjoni għandha oġġettivament ikollha natura intenzjonali.

Leave miċħud sabiex tiġi assigurata l-ħidma tajba tad-diviżjoni ma jistax jitqies, bħala prinċipju, bħala manifestazzjoni ta’ fastidju. Barra minn hekk, l-uffiċjal ikkonċernat ma jistax validament jattribwixxi r-rifjut ta’ talba għal leave lis-superjur ġerarkiku tiegħu meta huwa eskluda li kellu jissodisfa formalitajiet amministrattivi previsti mill-gwida ta’ l-assenzi fil-każ ta’ talba għal leave.

(ara l-punti 82, 83 u 107)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Frar 2001, De Nicola vs BEI, T‑7/87, T‑208/98 u T‑109/99, Ġabra SP p. I‑A‑49 u II‑185, punt 286; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Lulju 2004, Schochaert vs Il-Kunsill, T‑136/03, Ġabra SP p. I‑A‑215 u II‑957, punt 41; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il-Kummissjoni, T‑144/03, Ġabra SP p. I‑A‑101 u II‑465, punti 64, 65 u 78

2.      Ir-regola tal-konkordanza bejn il-kontestazzjoni amministrattiva fis-sens ta’ l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u r-rikors sussegwenti teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-Qorti Komunitarja diġà kien tqajjem fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, b’mod li l-Awtorità tal-Ħatra kienet tkun f’pożizzjoni li tkun taf, b’mod suffiċjentement preċiż, il-kritika li l-persuna interessata tifformula fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata.

(ara l-punt 122)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Lulju 1976, Sergy vs Il-Kummissjoni, 58/75, Ġabra p. 1139, punt 32; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 14 ta’ Ottubru 2003, Wieme vs Il-Kummissjoni, T‑174/02, Ġabra SP p. I‑A‑241 u II‑1165, punt 18; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 25 ta’ Ottubru 2005, Cwik vs Il-Kummissjoni, T‑96/04, Ġabra SP p. I‑A‑343 u II‑1523, punt 32

3.      L-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal ġie mfassal bil-għan li jipproteġi lill-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej kontra l-fastidju jew trattament degradanti jkun liema jkun, mhux biss minn terzi persuni, iżda wkoll mis-superjuri ġerarkiċi tagħhom jew il-kollegi tagħhom.

Skond l-obbligu ta’ assistenza, previst minn dan l-artikolu, l-amministrazzjoni għandha, meta tiġi kkonfrontata b’inċident li huwa inkompatibbli ma’ l-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u twieġeb bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex tistabbilixxi l-fatti u tadotta, meta tikkonstata l-kawżi, il-konsegwenzi approprjati. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li uffiċjal li jitlob il-protezzjoni mill-istituzzjoni tiegħu jipprovdi ħjiel ta’ prova tar-realtà ta’ l-attakki li tagħhom huwa jsostni li kien il-vittma. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, hija l-istituzzjoni in kwistjoni li għandha tieħu l-miżuri approprjati, b’mod partikolari billi twettaq investigazzjoni, sabiex tistabbilixxi l-fatti li taw lok għall-ilment, bil-kollaborazzjoni ta’ l-awtur tagħhom.

Fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti Komunitarja, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmi Artikolu 24. L-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa limitat għall-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx il-limiti raġonevoli permessi u jekk użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

(ara l-punti 135 sa 137)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Ġunju 1979, V vs Il-Kummissjoni, 18/78, Ġabra p. 2093, punt 15; Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il-Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Ottubru 1995, Baltsavias vs Il-Kummissjoni, T‑39/93 u T‑553/93, Ġabra SP p. I‑A‑233 u II‑695, punt 58; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Settembru 1998, Haas et vs Il-Kummissjoni, T‑3/96, Ġabra SP p. I‑A‑475 u II‑1395, punt 54; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T‑136/98, Ġabra SP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 42; Schochaert vs Il-Kunsill, iċċitata iktar’il fuq, punti 48 u 49; Schmit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 96 u 98

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju għandu bħala għan li jipprovdi lill-persuna kkonċernata indikazzjoni suffiċjenti biex din issir taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew jekk għandhiex difett li jippermetti li l-legalità tagħha tiġi kkontestata u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

Il-portata ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, f’kull każ, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll skond iċ-ċirkustanzi konkreti wara din id-deċiżjoni.

B’hekk, deċiżjoni hija motivata biżżejjed ladarba l-att li hu s-suġġett tar-rikors isir f’kuntest magħruf mill-uffiċjal ikkonċernat u li jippermetti li wieħed jifhem il-portata tal-miżura li tkun ittieħdet fil-konfronti tiegħu.

(ara l-punti 160 sa 162)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Ottubru 1981, Arning vs Il-Kummissjoni, 125/80, Ġabra p. 2539, punt 13; Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il-Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punt 22; Il-Qorti tal-Ġustizzja 21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, 69/83, Ġabra p. 2447, punt 36; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Diċembru 1989, Prelle vs Il-Kummissjoni, C‑169/88, Ġabra p. 4335, punt 9; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il-Kummissjoni, T‑80/92, Ġabra p. II‑1465, punt 62; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Frar 1996, Ryan-Sheridan vs FEACVT, T‑589/93, Ġabra SP p. I‑A‑27 u II‑77, punt 95; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 2 ta’ April 1998, Apostolidis vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑86/97, Ġabra SP p. I‑A‑167 u II‑521, punti 73 sa 77; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Marzu 2001, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑100/00, Ġabra SP p. I‑A‑71 u II‑347, punt 53; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 20 ta’ Lulju 2001, Brumter vs Il-Kummissjoni, T‑351/99, Ġabra SP p. I‑A‑165 u II‑757, punt 28; Schmit vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, punti 115 u 116