Kawża T-151/05
Nederlandse Vakbond Varkenshouders (NVV) et
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Kompetizzjoni — Konċentrazzjonijiet — Swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u ta’ majjali nisa ħajjin iddestinati għall-qatla — Deċiżjoni li tiddikjara l-konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni — Definizzjoni tas-suq ġeografiku inkwistjoni — Obbligu ta’ diliġenza — Obbligu ta’ motivazzjoni”
Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) tas-7 ta’ Mejju 2009 II ‐ 1227
Sommarju tas-sentenza
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Suq inkwistjon – Delimitazzjoni ġeografika
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 9(7); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03, punt 8)
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-swieq ta’ referenza – Setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03)
Proċedura – Rikors promotur – Replika – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tal-kawża
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja,Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni mas-suq komuni mingħajr il-ftuħ tal-fażi II
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 2, 6 u 8)
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Definizzjoni tas-suq inkwistjoni – Deċiżjoni li tmur kunsiderevolment lil hinn mill-prassi deċiżjonali preċedenti – Motivazzjoni espliċita
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 97/C 372/03)
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali – Assenza
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004)
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Evalwazzjoni tal-kompatibbiltà mas-suq komuni – Rekwiżiti ta’ prova
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, premessa 32)
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Proċedura amministrattiva – Obbligu ta’ diliġenza – Portata – Limiti
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikoli 6(3)(a) u 8(6)(a); Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, premessa 5, Artikoli 4(1) u 6(2))
Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi
(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 6(1)(b))
Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Obbligi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ terzi kkwalifikati – Dritt għal smigħ
(Regolament tal-Kunsill Nru 139/2004, Artikolu 18(4); Regolament tal-Kummissjoni Nru 802/2004, Artikolu 16(1))
Proċedura – Miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti – Obbligi ta’ min iressaq it-talba
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 64)
Id-definizzjoni adegwata tas-suq inkwistjoni hija kundizzjoni neċessarja u li tippreċedi l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni.
Mill-Artikolu 9(7) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, kif ukoll mill-punt 8 tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità, jirriżulta li s-suq ġeografiku inkwistjoni jinkludi t-territorju li fih l-impriżi kkonċernati huma involuti fil-provvista tal-merkanzija u tas-servizzi inkwistjoni, li fih il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni huma omoġenji biżżejjed u li huwa differenti mit-territorji ġirien, b’mod partikolari minħabba kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk prevalenti f’dawn it-territorji. Fil-kuntest tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku, jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi elementi, bħan-natura u l-karatteristiċi tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati, l-eżistenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq, il-preferenzi tal-konsumaturi kif ukoll l-eżistenza, bejn it-territorju kkonċernat u t-territorji ġirien, ta’ differenzi kunsiderevoli ta’ sehem tas-suq tal-impriżi jew ta’ differenzi sostanzjali fil-prezz.
Fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fis-settur tax-xiri ta’ qżieqeż, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li d-dimensjoni ġeografika tas-swieq tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri s-swieq tax-xiri ta’ ħnieżer u tax-xiri ta’ majjali nisa ddestinati għall-qatla, tikkorrispondi mat-territorji li jinsabu f’raġġ ta’ 150 km madwar żoni prinċipali ta’ trobbija ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-kwistjoni fundamentali għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku hija dwar jekk, fil-każ ta’ tnaqqis minimu iżda għal tul ta’ żmien tal-prezzijiet tax-xiri fit-territorji kkonċernati, il-klijenti tal-partijiet fil-konċentrazzjoni, b’mod partikolari l-persuni li jrabbu l-qżieqeż iddestinati għall-qatla, jagħżlux li jmorru għand biċċeriji li huma stabbiliti f’postijiet oħrajn u jekk humiex lesti li jittrasportaw l-annimali tagħhom għal distanza ta’ 150 km lejn biċċeriji kompetituri, b’mod li dan it-tnaqqis fil-prezzijiet ma jkunx deċiżiv għall-entità li tagħmel parti mill-konċentrazzjoni. Iċ-ċirkustanza li l-maġġoranza tal-ħnieżer iddestinati għall-qatla jkunu normalment ittrasportati f’distanzi inqas minn 150 km għaldaqstant ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, element deċiżiv għad-definizzjoni tas-suq inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li s-sospensjoni jew il-limitazzjoni provviżorja tal-esportazzjonijiet minħabba mard epiżootiku ma twassalx għal nazzjonalizzazzjoni jew għal reġjonalizzazzjoni tas-suq rilevanti u ma tikkostitwixxix għaldaqstant ċirkustanza determinanti għad-definizzjoni tas-suq ġeografiku.
(ara l-punti 50-52, 112, 122, 130, 131)
Fil-qasam tal-konċentrazzjonijiet bejn impriżi, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mad-definizzjoni tas-swieq ta’ referenza huwa dak tal-iżball manifest. Fil-fatt, sa fejn timplika evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi min-naħa tal-Kummissjoni, id-definizzjoni tas-suq inkwistjoni tista’ tkun suġġetta biss għal stħarriġ limitat min-naħa tal-qorti Komunitarja.
(ara l-punti 53, 80)
Għalkemm huwa minnu li l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi evalwata skont l-elementi li hija setgħet kellha meta tat id-deċiżjoni kif ukoll li rikorrent ma jistax jinvoka quddiem il-qorti Komunitarja punti ta’ fatt li ma jkunux tressqu quddiem il-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva, madankollu din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi invokata b’mod ġenerali fir-rigward tal-annessi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-qorti Komunitarja. Fil-fatt, sa fejn il-produzzjoni ta’ anness quddiem il-qorti Komunitarja ma jikkostitwixxix tentattiv sabiex jinbidel il-kuntest ġuridiku u fattwali li preċedentement ġie ppreżentat lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni, iżda jagħmel parti mill-argumenti f’sempliċi implementazzjoni tad-drittijiet tad-difiża, dan l-anness għandu jiġi kkunsidrat bħala ammissibbli.
(ara l-punti 58, 63)
Fis-sistema tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura, filwaqt li l-Artikolu 8 jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjonijiet adottati fil-kuntest tat-tieni fażi tal-proċedura, fejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom ikunu interpretati fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ dan l-istess regolament.
Meta l-Kummissjoni tqis, fi tmiem l-ewwel fażi, li konċentrazzjoni ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, hija għaldaqstant tibbaża, ġustament, id-deċiżjoni tagħha ta’ awtorizzazzjoni fuq l-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004. Meta hija tasal għal konklużjoni opposta u tiddeċiedi li tibda’ t-tieni fażi tal-proċedura, hija tadotta wkoll deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 6(1)(ċ) tiegħu u mhux fuq l-Artikolu 8 tiegħu. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma tista’ fl-ebda każ tadotta, fi tmiem l-ewwel fażi tal-proċedura, deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 139/2004.
(ara l-punti 67, 68)
Għalkemm il-Kummissjoni għandha tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu meta deċiżjoni tmur partikolarment lil hinn mill-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta’ prassi deċiżjonali preċedenti li tista’ tinbidel fl-ambitu tas-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji. B’mod partikolari, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huma ma jistgħux ikollhom dawn l-aspettattivi leġittimi mill-fatt li l-Kummissjoni ddefinixxiet is-swieq b’mod partikolari f’deċiżjoni preċedenti, peress li l-Kummissjoni u, a fortiori, il-Qorti tal-Prim’Istanza mhumiex marbuta mal-konstatazzjonijiet magħmula fit-tali deċiżjoni.
(ara l-punt 136)
Fir-rigward tat-tqassim preċiż tal-kompetenzi li fuqu jibbaża r-Regolament Nru 139/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jorbtu lill-Kummissjoni fl-ambitu tal-proċeduri ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiddeċiedu, fl-oqsma ta’ kompetenza rispettivi tagħhom, fir-rigward ta’ kriterji differenti.
(ara l-punt 139)
Għalkemm l-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti għandha tiġi ddeterminata individwalment, f’kull kawża, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, madankollu, skont il-premessa 32 tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, il-konċentrazzjonijiet li, minħabba s-sehem limitat tas-suq tal-impriżi kkonċernati, mhumiex f’sitwazzjoni li jostakolaw kompetizzjoni effettiva, jistgħu jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq komuni. Tali indikazzjoni teżisti b’mod partikolari meta s-sehem tas-suq tal-impriżi kkonċernati ma jaqbiżx il-25% la fis-suq komuni u lanqas f’parti sostanzjali minnu.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ ġustament tiddeċiedi li ma tiżviluppax l-analiżi kompetittiva tagħha għal ċerti swieq ikkonċernati minn operazzjoni ta’ konċentrazzjoni, wara li tkun ikkonstatat li wara l-operazzjoni l-partijiet iżommu sehem tas-suq inferjuri għal 20% f’dawn is-swieq.
(ara l-punti 149, 151)
Fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika. L-osservanza tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, li jinkludu l-obbligu ta’ diliġenza, għandha għaldaqstant, f’dan il-qasam, ferm iktar importanza.
F’dan il-qasam, l-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza jirrikjedi li l-Kummissjoni teżamina bir-reqqa u imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Għaldaqstant il-Kummissjoni għandha tikkonstata, bir-reqqa neċessarja, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, meta tiġbor l-fatti indispensabbli għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u li jistgħu jkollhom effett sinjifikattiv fuq ir-riżultat tal-proċess deċiżjonali. L-ewwel nett, dan l-obbligu jimplika li l-Kummissjoni hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni kemm il-fatti u l-informazzjoni ppreżentati lilha mill-partijiet li qed jinnotifikaw kif ukoll dawk ippreżentati minn terzi oħra li jipparteċipaw attivament fil-proċedura u, it-tieni nett, li hija marbuta, jekk ikun il-każ, li tfittex dawn il-fatti permezz ta’ investigazzjonijiet fis-suq jew permezz ta’ talbiet għal informazzjoni mibgħuta lill-partijiet ikkonċernati fis-suq.
Madankollu, fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, ir-rekwiżit tal-osservanza mill-Kummissjoni tal-garanziji mogħtija mis-sistema legali Komunitarja fil-proċeduri amministrattivi, u għaldaqstant ukoll dak tal-osservanza tal-obbligu ta’ diliġenza, għandu jiġi interpretat b’mod kompatibbli mar-rekwiżit imperattiv ta’ ħeffa li jikkaratterizza l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u li jimponi fuq il-Kummissjoni l-osservanza ta’ termini stretti meta teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit u ta’ dawn it-termini, il-Kummissjoni ma tistax, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta, tkun marbuta li twettaq verifiki fir-rigward tal-informazzjoni kollha li hija tirċievi. Fil-fatt, minkejja li l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali ma jippermettilhiex li tibbaża ruħha fuq elementi jew informazzjoni li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala veri, dan ir-rekwiżit ta’ prontezza jassumi, madankollu, li l-Kummissjoni ma tistax tivverifika waħedha, fl-iċken dettall, l-awtentiċità u l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lilha, peress li l-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament u sa ċertu punt fuq il-fiduċja. Minbarra dan, il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet tipprovdi miżuri differenti intiżi sabiex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew li tiżgwida. Fil-fatt, il-partijiet li jippreżentaw in-notifika huma suġġetti għall-obbligu espliċitu li jipprovdu lill-Kummissjoni, b’mod sħiħ u onest, il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għad-deċiżjoni, obbligu li huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li l-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka d-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk din id-deċiżjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet ineżatti li għalihom waħda mill-impriżi kkonċernati hija responsabbli jew jekk tkun inkisbet b’qerq.
(ara l-punti 164-166, 184, 185)
Il-Kummissjoni lanqas ma tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha jekk, meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix fid-deċiżjoni tagħha motivazzjoni preċiża fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrilha li huma manifestament irrilevanti, insinjifikattivi jew b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni. Dan ir-rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mar-rekwiżit ta’ ħeffa u tat-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jifformaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri ta’ kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet.
Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tikkunsidra li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, ma tqajjimx dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati.
F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni mhijiex obbligata, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet adottati b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 139/2004, li tieħu pożizzjoni fuq l-elementi u l-argumenti kollha mqajma quddiemha, inkluż dawk li huma b’mod ċar sekondarji għall-evalwazzjoni li għandha tagħmel, xorta jibqa’ l-fatt li hija għandha turi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura kunċettwali tad-deċiżjoni.
(ara l-punti 192-194)
Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll Komunitarju tal-konċentrazzjonijiet, l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004 espliċitament jagħtu d-dritt għal smigħ lil terzi li jiġġustifikaw biżżejjed interess, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, u permezz tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 802/2004, li jimplementa r-Regolament Nru 139/2004. Dawn it-terzi għandhom id-dritt għal smigħ mill-Kummissjoni, fuq talba tagħhom, sabiex jesponu l-opinjoni tagħhom fuq l-effetti li jikkawżaw dannu tal-pjan ta’ konċentrazzjoni nnotifikat fir-rigward tagħhom, dritt li għandu madankollu jimxi, minn naħa, mal-osservanza tad-drittijiet tad-difiża tal-partijiet fil-konċentrazzjoni u, min-naħa l-oħra, mal-għan prinċipali tar-regolament, li huwa li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontroll u ċ-ċertezza legali tal-impriżi suġġetti għall-applikazzjoni tiegħu.
Il-fatt li terz ma jistax jesprimi ruħu fil-lingwa tiegħu matul laqgħa mal-Kummissjoni jista’ jivvizzja l-proċedura amministrattiva biss li kieku kellu jiġi pprovat li dan kellu effetti dannużi bħall-impossibbiltà li t-terz jesprimi ċerti elementi jew ċerti argumenti, u li għalhekk jipprekludi li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-Kummissjoni.
(ara l-punti 201, 202, 211)
Sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ tiddetermina jekk huwiex utli għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura li tordna l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti, il-parti li titlobhom għandha tidentifika d-dokumenti mitluba u tipprovdi lill-Qorti tal-Prim’Istanza minn tal-inqas minimu ta’ elementi li jikkonfermaw l-utilità ta’ dawn id-dokumenti għall-bżonnijiet tal-kawża.
Għalkemm huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti li għalihom la l-Qorti tal-Prim’Istanza u lanqas ir-rikorrent ma għandhom aċċess, madankollu dan is-sempliċi fatt ma jiġġustifikax, fih innifsu, li l-Qorti tal-Prim’Istanza tordna l-produzzjoni ta’ dokumenti abbażi tal-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, huwa biss jekk ir-rikorrent juri b’mod plawżibbli li dawn id-dokumenti huma neċessarji u rilevanti għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża li tali miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tkun tista’ tiġi ordnata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.
(ara l-punt 218)