Kawża T-50/05

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Provvista ta’ servizzi informatiċi dwar sistemi telematiċi ta’ sorveljanza ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Rikors għal annullament — Konsorzju offerent — Ammissibbiltà — Prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza — Kriterji ta’ għoti — Prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi — Locus standi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE)

2.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Obbligu ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 89(1))

3.      Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Għoti ta’ kuntratti — Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament — Kriterji ta’ għoti

(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 97(1) u (2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 138(2) u (3))

4.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku, li ma tiġix magħżula offerta

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149)

1.      Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament kontra deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, indirizzata lil konsorzju offerent li qatt ma kellu personalità ġuridika, li ma tagħżilx l-offerta ta’ dan il-konsorzju, u li tagħti l-kuntratt pubbliku inkwistjoni lil offerent ieħor, il-kumpanniji kkonċernati, membri tal-konsorzju, għandhom jiġu kkunsidrati bħala d-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa għaldaqstant permess li kumpannija membru tal-istess konsorzju, bħala destinatarja tal-imsemmija deċiżjoni, tikkontesta din id-deċiżjoni taħt il‑kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 230 KE.

(ara l-punt 40)

2.      L-awtorita kontraenti hija marbuta li tiżgura, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-osservanza tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u, bħala konsegwenza, l-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti kollha. Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-preparazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha.

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika obbligu ta’ trasparenza sabiex ikun possibbli li tiġi vverifikata l-osservanza tiegħu. Dan il-prinċipju ta’ trasparenza, essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ mġiba arbitrarja min-naħa tal-awtorità kontraenti. Huwa jimplika li l‑kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt ikunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl‑ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt. Il-prinċipju ta’ trasparenza għaldaqstant jimplika li l-informazzjoni teknika rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għall-offerti jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt, titqiegħed kemm jista’ jkun malajr għad-dispożizzjoni tal-impriżi kollha li jieħdu sehem fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’tali mod li, minn naħa, l-offerenti kollha raġjonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l‑portata eżatta tagħha u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li jpoġġu lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika jekk effettivament l‑offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-kuntratt inkwistjoni.

Ksur tal-opportunitajiet indaqs u tal-prinċipju ta’ trasparenza jikkostitwixxi irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża li tikser id-dritt għall‑informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, din l-irregolarità proċedurali tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti jekk kienet teżisti, f’dan ir-rigward, opportunità – anki mnaqqsa – li r-rikorrent seta’ jwassal sabiex ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva jkun differenti.

(ara l-punti 55-59, 61)

3.      L-Artikolu 97(1) tar-Regolament Nru 1605/2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, jirrikjedi li meta l‑għoti tal-kuntratt isir billi tintgħażel l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, l‑awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiddefinixxi u li tispeċifika fid‑dokumenti tas-sejħa għal kompetizzjoni, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-offerti. Skont l-Artikolu 138(2), tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, dawn il-kriterji għandhom jiġu ġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt. Skont l-Artikolu 138(3), l-awtorità kontraenti għandha wkoll tispeċifika, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal‑kuntratt, il-piż relattiv li hija tagħti lil kull wieħed mill-kriterji li jiddeterminaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Madankollu, dawn id‑dispożizzjonijiet iħallu, l-għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li fid-dawl tagħhom l-offerti għandhom jiġu evalwati, f’idejn l-awtorità kontraenti. Il-kriterji magħżula ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura kwantitattiva jew diretti esklużivament għall-prezzijiet. Anki jekk il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li ma humiex espressi f’termini kwantitattivi jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dawn jistgħu jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi sabiex jiġu pparagunati l‑offerti u huma kjarament rilevanti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament.

(ara l-punti 106-108)

4.       Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni imposti fuq l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerent li ma ġiex magħżul taħt il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt partikolari huma l-Artikolu 100(2), tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, u l-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar‑Regolament Finanzjarju. Mill-artikoli msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’materja ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, qabel kollox, tikkomunika immedjatament lil kull offerent mhux magħżul il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli u li jagħmlu talba espressa għalihom, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ippropona din l-offerta f’terminu ta’ ħmistax-il jum kalendarju minn meta tasal it-talba bil-miktub. Dan il-metodu ta’ proċedura huwa inkonformità mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE, li skont dan l-għan għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ min jagħmel l-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lil dawk ikkonċernati sabiex isiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 132-134)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

19 ta’ Marzu 2010 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Provvista ta’ servizzi informatiċi dwar sistemi telematiċi ta’ sorveljanza ta’ movimenti ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Rikors għal annullament – Konsorzju offerent – Ammissibbiltà – Prinċipji ta’ trattament ugwali tal-offerenti u ta’ trasparenza – Kriterji ta’ għoti – Prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑50/05,

Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn L. Parpala u K. Kańska, sussegwentement minn Parpala u E. Manhaeve, u finalment minn Parpala, Manhaeve u M. Wilderspin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tat-18 ta’ Novembru 2004, li ma tilqax l-offerta ppreżentata mill-konsorzju magħmul mir-rikorrenti u kumpannija oħra fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar provvista ta’ servizzi informatiċi li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u s‑sostenn ta’ sistemi telematiċi ta’ sorveljanza tal-movimenti ta’ prodotti suġġetti għat-taxxa tas-sisa fil-Komunità Ewropea inkonformità mal‑iskema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona (Relatur) u S. Frimodt Nielsen, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-għoti ta’ kuntratti għal servizzi tal-Kummissjoni Ewropea huwa suġġett għad‑dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal‑Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir‑Regolament Finanzjarju applikabbli għall‑baġit ġenerali tal‑Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tar‑Regolament tal‑Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall‑implementazzjoni tar‑Regolament Finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“regoli ddettaljati għall‑implementazzjoni”), fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti ta’ dan il-każ.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tas-sorveljanza ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (EMCS)

2        Fis-16 ta’ Ġunju 2003, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adottaw id-Deċiżjoni Nru 1152/2003/KE, dwar il-komputerizzazzjoni tal-moviment u tas-sorveljanza ta’ prodotti soġġetti għas-sisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 386), li fiha huma ddikjaraw li hu neċessarju li jkun hemm sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tas-sorveljanza ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (EMCS) li tippermetti lill-Istati Membri li jiksbu informazzjoni f’ħin reali fuq din il-movimenti u li jagħmlu l‑kontrolli meħtieġa (premessa 3 tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003).

3        L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003 jistabbilixxi b’hekk il-ħolqien tal‑EMCS.

4        Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003 jiddisponi:

“Il-Kummissjoni għandha tiżgura li matul x-xogħol fuq il-komponenti komunitarji tas-sistema komputerizzata tingħata kull attenzjoni biex jerġgħu jintużaw kemm jista’ jkun in-NCTS u biex tiżgura li s-sistema komputerizzata hi kompatibbi ma’, u jekk teknikament possibli, mdaħħla fin-NCTS bil-għan li tiġi maħluqa sistema komputerizzata integrata għas-sorveljanza ta’ movimenti intrakomunitarji ta’ prodotti soġġetti għas-sisa u ta’ movimenti ta’ prodotti soġġetti għas-sisa jew għal dazji u taxxi oħra li ġejjin minn jew sejrin lejn pajjiżi terzi.”

5        Mill-proċess jirriżulta li l-EMCS kellha tiddaħħal f’erba’ fażijiet bejn l-2002 u l-2009 (fażi 0 flimkien mal-fażijiet 1, 2 u 3).

6        Il-fażi 0 kellha tikkostitwixxu fażi intermedja tal-imlementazzjoni definittiva tal-EMCS. Matul din il-fażi, is-sistemi kompjuterizzzati eżistenti fil-qasam tas-sisa għandhom jinżammu u jiġu sostnuti sakemm ikunu integrati fl-EMCS, meta din tal-aħħar tkun saret operattiva. Din il-fażi 0 kellha tiżvolġi b’mod parallel mal‑fażijiet l-oħra tal-EMCS u tintemm meta din is-sistema tibda taħdem. Ix‑xogħlijiet relatati mal-fażi 0 kellhom jiġu eżegwiti mill-parti l-oħra fil-kuntratt Fiscalis Information Technology Systems, Speċifikazzjoni, żvilupp, manutenzjoni u sostenn (FITS‑DEV).

7        Il-fażi 1 kellha tinkludi l-implementazzjoni tal-EMCS u d-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tagħha. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kellhom jiġu prodotti mill-parti l-oħra fil-kuntratt EMCS System Spécifications (ESS) (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ESS”). Ix-xogħol ta’ din il‑parti l-oħra fil-kuntratt kellu jintemm għan-nofs is-sena 2005.

8        Fl-aħħar nett, il-fażijiet 2 u 3 kellhom jikkostitwixxu fażijiet ta’ żvilupp u ta’ implementazzjoni u kellhom ikunu marbuta mal-attivitajiet immexxija mill‑parti l-oħra fil-kuntratt intitolat “Speċifikazzjoni, żvilupp, manutenzjoni, u sostenn ta’ sistemi telematiċi ta’ sorveljanza tal‑moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa ġewwa l-Komunità Ewropea inkonformità mas-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa (EMCS‑DEV)‑(TAXUD/2004/AO-004)” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt inkwistjoni”).

II –  L-għoti tal-kuntratt inkwistjoni

9        Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tal-20 ta’ Lulju 2004, ippubblikat fis‑Supplement tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2004, S 139), id-Direttorat Ġenerali “Intaxxar u Unjoni Doganali” tal‑Kummissjoni (iktar ’il quddiem “id-DĠ rilevanti” jew l-“awtorità kontraenti”) nieda sejħa għal offerti miftuħa għall-kuntratt inkwistjoni. Dan il-kuntratt kellu jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament jiġifieri li għandha l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Id-data tal-iskadenza għall-wasla tal-offerti kienet stabbilita għall-31 ta’ Awwissu 2004.

10      Il-punt 10 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mal-istedina għall-preżentazzjoni tal-offerti jiddefinixxi l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni kif ġej:

“10. Kriterji ta’ għoti

Il-kuntratt ser jingħata lill-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament. Il-kriterji li ġejjin se jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġu evalwati l-offerti:

1.      Kwalità tas-soluzzjoni proposta:

1. – in-natura adegwata tal-istrateġija proposta sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (40/100)

2. – in-natura adegwata tal-metodi u tal-għodda, tal-ambjent ta’ kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità proposti sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (30/100)

3. – in-natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex jitwettqu x‑xogħlijiet rikjesti (20/100)

4. – l-istruttura, il-kjarezza u l-kompletezza tal-offerta (10/100)

L-offerti li jkunu kisbu mill-inqas 50 % għal kull wieħed mill-kriterji ta’ kwalità u riżultat globali ta’ 60 % għal kull wieħed minn dawn il-kriterji jkunu suġġetti għal evalwazzjoni addizzjonali abbażi tal-prezz.

2.      Prezz

L-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament ser tiġi identifikata kif ġej:

–      l-offerta li tkun kisbet l-aħjar riżultat tekniku tirċievi indikatur ta’ kwalità ta’ 100 punt. L-offerti li jifdal jirċievu indikaturi ta’ kwalità iktar baxxi bbażati fuq ir-riżultat tekniku tagħhom;

–      l-offerta bl-iktar prezz baxx tirċievi indikatur tal‑prezz ta’ 100 punt. L-offerti li jifdal jirċievu indikaturi ta’ prezz ogħla bbażati fuq il-prezz tagħhom.

L-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz għandha tiġi kkalkulata għal kull offerta billi l-indikatur tal-kwalità jiġi diviż bl-indikatur tal-prezz. L-ogħla riżultat jinkiseb mill-aħjar offerta li toffri l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz.

11      Permezz ta’ faks tas-27 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, kumpannija rregolata taħt id-dritt Grieg attiva fil‑qasam tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet, esprimiet riżervi dwar il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, ibbażati fuq nuqqas possibbli ta’ oġġettività tas-sejħa għall-offerti favur offerenti li kienu diġà fornituri tad-DĠ rilevanti, fuq nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ċari ta’ din l-istess sejħa għall-offerti u fuq nuqqas ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni preċiżi u oġġettivi tal-offerenti. Permezz tal‑istess faks, hija talbet ukoll lill-awtorità kontraenti sabiex testendi t-terminu tal‑iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti sakemm hija tirrimedja l-problemi msemmija iktar ’il fuq.

12      Fil-31 ta’ Awwissu 2004, ir-rikorrenti, flimkien mal-kumpannija Franċiża Steria SA, ippreżentat l-offerta tagħha (iktar ’il quddiem l‑“offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria”).

13      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2004, l-awtorità kontraenti esprimiet il‑fehma li r-riżervi tar-rikorrenti magħmula fil-faks tas-27 ta’ Awwissu 2004 kienu infondati u rrifjutat li tilqa’ t-talba tagħha li tiġi estiża l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti.

14      B’riposta għall-ittra tat-3 ta’ Settembru 2004 imsemmija iktar ’il fuq, ir‑rikorrenti, permezz ta’ faks tas-6 ta’ Settembru 2004, esprimiet riżervi dwar il-konformità tas-sejħa għall-offerti mal-Artikolu 92 tar‑Regolament Finanzjarju u mal‑Artikolu 131(1) u (2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

15      Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità kontraenti rrispondiet li l‑kundizzjonijiet tal-Artikolu 92 tar-Regolament Finanzjarju u tal-Artikolu 131(1) u (2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni ġew osservati.

16      L-offerti nfetħu fit-8 ta’ Settembru 2004. Ħames offerti ġew riċevuti u kollha kienu ddikjarati validi. Offerta waħda ġiet eliminata fl‑istadju tal-kriterji ta’ esklużjoni. Offerta oħra ġiet eskluża meta saret l-evalwazzjoni kwalitattiva. Tliet offerti biss, fosthom dik tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria, kienu suġġetti għall-eżami finali tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz.

17      Il-kumitat ta’ evalwazzjoni ppropona li l-kuntratt jingħata lil Intrasoft International SA (iktar ’il quddiem “Intrasoft”), li l-offerta tagħha kellha l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. Hija kienet tal-fehma li tikklassifika fit-tielet pożizzjoni l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria.

18      Il-proposta tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-awtorità kontraenti li, permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2004, ipproċediet sabiex jingħata l‑kuntratt inkwistjoni.

19      Ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għall-offerti ġie kkomunikat lir‑rikorrenti permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Novembru 2004. Din l-ittra tgħid li “l-offerta [tagħha] ma ntgħażiltx għall-għoti tal-kuntratt, peress li wara li saret l-evalwazzjoni tal-offerti validi u fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, din ma kinitx tirrappreżenta l-aħjar offerta mill-perspettiva tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz.”

20      Permezz ta’ ittra rreġistrata u ta’ faks tat-22 ta’ Novembru 2004, ir‑rikorrenti talbet l-informazzjoni u d-dokumenti li ġejjin mill-awtorità kontraenti: l-isem tal‑offerent magħżul u, fil-każ li dan tal-aħħar kellu sieħeb (jew sħab) jew sub-kuntrattur (jew sub-kuntratturi), l-isem ta’ dan tal-aħħar (dawn tal-aħħar) u l-perċentwali tal-kuntratt li ngħata lilu (lilhom), il-marki mogħtija lill-offerta teknika tar-rikorrenti u lill-offerta magħżula fuq kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, kopja tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u l-metodi ta’ pparagunar tal-offerta finanzjarja tar-rikorrenti fir-rigward tal-offerta finanzjarja magħżula u, b’mod iktar partikolari, il-marki mogħtija għal kull waħda miż-żewġ offerti ċċitati iktar ’il fuq. Permezz ta’ faks tat-8 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti reġgħet tenniet it-talba tagħha.

21      Bħala risposta, permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004, l-awtorità kontraenti bagħtet silta mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni lir-rikorrenti. Dan is-silta tinkludi, b’mod partikolari, kummenti tal-imsemmi kumitat dwar l-offerti ta’ Intrasoft u tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria dwar kull waħda mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Dawn il-kummenti jinqraw kif ġej: 

“A.      Intrasoft […]

Kummenti ġenerali

Offerta eċċellenti li turi għarfien profond tal-kwistjonijiet inkwistjoni flimkien ma’ metodu ta’ ġestjoni tal-proġett maħsub sewwa u b’mod iddettaljat. Il-livell ta’ dettall, l-approċċ bir-reqqa fl-analiżi tal-problemi potenzjali u l-attenzjoni mogħtija għall-kwistjonijiet ta’ ġestjoni kwalitattiva jikkontribwixxi għall-kwalità ġenerali ta’ din l-offerta. L-unika dgħufija hija li hemm nuqqas ta’ analiżi strutturali li, madankollu, ma jnaqqasx iżżejjed mill-kwalità ġenerali tal-offerta.

L-offerta hija bbażata fuq għarfien sod tal-qasam tas-sisa u tal-kuntest politiku u organizzattiv tiegħu fi ħdan il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Il-metodi u l-organizzazzjoni tat-tim huma ta’ kwalità għolja ħafna u juru li huma jistgħu jlaħħqu mad-daqs tax-xogħol, inkluża [turija ta]l-flessibbiltà meħtieġa.

B’hekk din il-proposta tidher perfettament adegwata sabiex tassumi r-responsabbiltà għall-proġett.

Kriterju: In-natura adegwata tal-istrateġija proposta sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti

Din il-kumpannija għandha għarfien notevoli tal-problemi li għandhom ikunu solvuti fil-kuntest tal-EMCS, għarfien ċar tal-mod kif il-komponenti tal-proġett joqogħdu flimkien.

L-offerta tippreżenta deskrizzjoni sħiħa u dettaljata tal-istrateġija tagħhom, tal-metodu tagħhom fir-rigward tal-implementazzjoni, kif ukoll ta’ deskrizzjoni dettaljata ħafna tal-lottijiet.

Il-viżjoni u l-istrateġija tagħhom huma sostnuti permezz ta’ pjan sod u ddettaljat ħafna tal-proġett.

Hemm analiżi tajba tal-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ komponenti tal-NSTI.

L-offerta tippreżenta firxa eżawrjenti ta’ sorveljanza tar-rekwiżiti, li juru l-għarfien profond tagħhom tal-għanijiet tal-proġett kif ukoll l-aderenza tagħhom għal rekwiżiti “ta’ livell ogħla” iddefinti fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti.

Dgħufija żgħira ta’ din l-offerta tinsab fin-nuqqas ta’ analiżi profonda tal‑kwistjonijiet strutturali (solidità, estensibbiltà u prestazzjoni).

Kriterju: In-natura adegwata tal-metodi u tal-għodda, tal-kuntest tal‑kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità ssuġġeriti għax-xogħlijiet rikjesti

Deskrizzjoni estremement dettaljata tal-metodu u tal-għodda proposti. Il-metodu ġenerali li jgħaqqad RUP [Rational Unified Process] għall‑fażi ta’ speċifikazzjoni, u TEMPO għall-fażi ta’ żvilupp juri għarfien tajjeb tad-differenzi bejn iż-żewġ stadji tal-iżvilupp tal‑kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri.

Il-metodu ta’ assigurazzjoni tal-kwalità huwa estremament maħsub tajjeb peress li dan joffri indikaturi ta’ kwalità kemm għall‑proċess u kemm għall-prodott, u huwa dderivat mis-“suġġetti ta’ evalwazzjoni ewlenin”.

L-offerent għandu għarfien tajjeb tal-prinċipji ta’ Cosmic-FFP [nota ta’ qiegħ il-paġna nieqsa], madankollu d-deskrizzjoni hija kemmxejn teoretika u l-offerta tiegħu ma għandhiex implementazzjoni prattika (pereżempju: ma tispeċifikax l-għodda li għandhom jintużaw).

Minkejja definizzjoni tajba ħafna tal-iżvilupp tal-infrastruttura, is-servizzi ta’ sigurtà fil-bini tal-offerent huma injorati.

Kriterju: In-natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti

L-istruttura tat-tim kif ukoll l-organizzazzjoni tiegħu huma estremament iddefiniti sew, grazzi għall-istrutturi tar-rappurtaġġ, l-identifikazzjoni speċifika ħafna tal‑profili (23 b’kollox) u d-deskrizzjoni tagħhom, firxa kompleta tal-kompetenzi skont il-profil. Il-kompożizzjoni tat-tim huwa bbilanċjat tajjeb bejn il-profili ta’ maniġers, esperti fil-kummerċ, analisti tan-negozju, persuni responsabbli mill-iżvilupp, l-iżviluppaturi, l-operaturi għas-servizz ta’ għajnuna teknika, eċċ.

Ir-rwoli u responsabbiltajiet fi ħdan it-tim huma ddefiniti tajjeb ħafna.

Id-daqs tat-tim (madwar 60 persuna) huwa loġiku u konsistenti mal‑volum tal‑attivitajiet li għandhom jitwettqu.

L-offerta tiżgura rata ta’ tiġdid minimu tal-persunal billi jinżammu għal madwar 80 % tal-impjegati tat-tim, u tipprekludi li l-impjegati jiġu ttrasferiti sabiex jaħdmu fuq proġetti oħra.

Kriterju: Struttura, kjarezza u natura kompleta tal-offerta

Il-preżentazzjoni tal-offerta hija kompleta u dettaljata fir-rigward tat‑trattament tal-attivitajiet kollha tal-proġett.

Il-preżentazzjoni ġenerali hija strutturata tajjeb u tinkludi ħafna disinji spjegattivi. L-informazzjoni tinstab u tinqara’ b’mod faċli minħabba l-fatt li tintuża lingwa li tinftiehem. L-unika ħaġa nieqsa f’din l-offerta hija tabella ta’ akronimi.


B.      [Evropaïki Dynamiki-Steria]

Kummenti ġenerali

Għalkemm din l-offerta tinkludi xi proposti interessanti fuq il-livell strutturali, hija ġenerika wisq: id-deskrizzjoni tal-proċess ta’ ispeċifikazzjoni u ta’ żvilupp ma turix verament l-ispeċifiċità [tal-implementazzjoni tal-EMCS].


Il-metodoloġija proposta fl-offerta hija ġabra tajba tal-aħjar parattiċi u ta’ xogħlijiet ta’ kitba dwar l-iżvilupp ta’ sistemi kompjuterizzati. Madankollu, għal darb’oħra, l-aspetti speċifiċi tal-iżvilupp tal-EMCS huma ttrattati b’mod ġenerali ħafna u l-analiżi proposta ma tantx hija kompleta.


Id-deskrizzjoni tal-organizzazzjoni tat-tim hija tajba, madankollu hija ma tindikax għarfien adegwat tal-ħtieġa ta’ sostenn adegwat għall-utenti matul l-attivitajiet ta’ speċifikazzjoni [tal-proġett ta’ implementazzjoni tal-EMCS].


L-offerta tinkludi xi kontradizzjonijiet, u dan iqajjem dubji dwar l-affidabbiltà ta’ din il-proposta.

Kriterju: Natura adegwata tal-istrateġija proposta sabiex jitwettqu x‑xogħlijiet rikjesti

L-offerent inkluda rapport dwar l-istruttura teknika tal-EMCS, għamel proposta interessanti dwar l-istruttura (pereżempju, l-użu ta’ servizzi Web), tentattivi inizjali sabiex jipproponi soluzzjonijiet tekniċi, kif ukoll proposta għall-istabbiliment tal-infrastruttura.


L-offerta tippreżenta lista dettaljata tal-lottijiet flimkien ma’ ordni rilevanti, il-mekkaniżmi ta’ talba, ta’ ppjanar, ta’ kunsinna/aċċettazzjoni, kif ukoll ta’ indikaturi ta’ kwalità.


Madankollu, il-metodu globali huwa ferm ġeneriku u hija teżamina biss ftit fid-dettall l-aspetti speċifiċi tal-EMCS.


L-istrateġija proposta hija kemmxejn simplistika. Hija tinkludi ħafna siltiet minn sorsi esterni (pereżempju, siltiet twal minn dokumenti tal-IBM-Rational RUP) mingħajr spjegazzjoni tar-rilevanza tagħhom fil-kuntest tal-proġett.


L-offerta turi nuqqas ta’ għarfien tal-ispeċifikazzjoni tal-kuntratt fis-sens li hija tirreferi għal attivitajiet li diġà twettqu, jew li ser jitwettqu fiż‑żmien meta l-kuntratt jidħol fis-seħħ. Hija tipproponi wkoll elementi strutturali li ma jagħmlux parti milll-ambjent tal-EMCS f’termini ta’ prestazzjoni jew estendibbiltà.


L-offerta għandha ċerti kontradizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar: pereżempju, ċerti attivitajiet ta’ żvilupp jibdew anki qabel il-bidu tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

Kriterju: In-natura adegwata tal-metodu u tal-għodda, tal-ambjent tal-kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità proposti għat-twettiq tax-xogħlijiet rikjesti

Il-metodi proposti huma ġeneralment ippreżentati tajjeb. L-offerta tippreżenta deskrizzjoni eżatta tal-iżvilupp tal-infrastruttura informatika kif ukoll tal‑aspetti rilevanti relatati mas-sigurtà.


Saru bosta riferenzi standard [simili għal dawk tal-manwali] dwar l‑istruttura, ir-regoli, l-istrumenti, il-komponenti tal-kompjuter u l-aspetti li jfasslu l‑infrastruttura (pereżempju: XML, X509, J2EE). Huma jinkludu magħhom xi mijiet ta’ paġni ta’ manwali u ta’ fuljetti mill-HP, Oracle, CISCO, eċċ. iżda ħafna drabi mingħajr l-ebda ġustifikazzjoni jew rabta espliċita mal-għanijiet tal-EMCS.


L-offerta tippreżenta deskrizzjoni ddettaljata ta’ Cosmic FFP, madankollu, l-għodda proposti għall-istimi (Calico u Costar) huma biss xierqa għall‑istimi bbażati fuq il-metodoloġija Cocomo II, li huwa inkonsistenti (ara t-taqsima 4.1.3.5.1).


RUP huwa kkunsidrat matul l-offerta bħala “il”-metodu ta’ ġestjoni tal‑proġett, madanakollu l-propost tagħhom ta’ software għall-ambjent tal-iżvilupp ma jelenka ebda liċenzja IBM-Rational.

Kriterju: In-natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti

Deskrizzjoni tajba tal-organizzazzjoni tat-tim, li juri l-għarfien tajjeb tal-iżvilupp fil-kompożizzjoni tiegħu skont il-progress tal-proġett, tal-ispeċifikazzjoni għall-iżvilupp, tal-produzzjoni, tal-kunsinna, inklużi sigurtà, testijiet u għajnuna teknika. L-interazzjonijiet fi ħdan it-tim huma deskritti sew.


Id-daqs tat-tim, magħmul minn 67 persuni, huwa adegwat.


Minkejja l-fatt li l-esperjenza dwar id-dwana u s-sisa hija identifikata fl‑offerta tagħhom bħala indispensabbli f’termini ta’ ħiliet, fil-prattika, il-proposta tagħhom ma turix li jeżistu ħiliet ta’ dan it-tip.

Kriterju: Struttura, kjarezza u kompletezza tal-offerta

Il-preżentazzjoni tal-offerta hija ċara.


L-istruttura tagħha u l-ħarsa ġenerali tagħha huma tajbin.


Madankollu, in-natura inkredibbilment ġenerika tad-dokumentazzjoni kif ukoll il-livell baxx ta’ dettalji huma ta’ ostaklu sabiex tinftiehem l‑offerta.”


22      Is-silta mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni mibgħut lir-rikorrenti tinkludi wkoll tabella ta’ evalwazzjoni li tipparaguna l-kwalità tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria u dik ta’ Intrasoft kif ukoll tabella ta’ evalwazzjoni li tipparaguna r-relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz ta’ dawn iż‑żewġ offerti. Dawn iż-żewġ tabelli huma kif ġej:

Tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva
ITT TAXUD/2004/AO-004 EMCS-DEV

Kriterji

[…]

Intrasoft

Evropaïki Dynamiki-Steria

[…]

[…]

Kwalità

         

Natura adegwata tal-istrateġija proposta sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (/40)

 

35,1

23,2

   

Natura adegwata tal-metodu u tal-għodda, tal-ambjent tal-kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità proposti sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (/30)

 

24,5

16,7

   

Natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (/20)

 

17,6

14,5

   

Struttura, kjarezza u kompletezza tal-offerta (/10)

 

8,5

5,8

   

Total ta’ kwalità

 

85,7

60,2

   

Indikatur ta’ kwalità (ir-riferenza massima hija 100)

 

         100

         70

   


Tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva
ITT TAXUD/2004/AO-004 EMCS-DEV

Kriterji

[…]

Intrasoft

Evropaïki Dynamiki-Steria

[…]

[…]

Total tal-kwalità

 

85,7

         60,2

   

Indikatur tal-kwalità (ir-riferenza massima hija 100)

 

         100

         70

   

Prezz propost TBP/(IS+EI) (f’EUR)

(Servizzi IT u proviżjoni għall-iżvilupp tal-infrastruttura)

 

11 634 533

15 078 693

   

Indikatur tal-prezz standard (ir-riferenza minima hija 100)

 

         100

         130

   

Indikatur tal-kwalità / Indikatur tal-prezz

 

         1

         0,54

   


23      Permezz ta’ ittra rreġistrata u ta’ faks tat-30 ta’ Diċembru 2004, ir-rikorrenti esprimiet l-osservazzjonijiet tagħha dwar is-silta mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li ntbagħat lilha u reġgħet tenniet il-fehma tagħha li l-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kienet kontra r-Regolament Finanzjarju u l-leġiżlazzjoni applikabbli.

24      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2005, l-awtorità kontraenti indikat li eżaminat bir-reqqa l-punti mqajma mir-rikorrenti fl-ittra tagħha tat-30 ta’ Diċembru 2004 u li din tal-aħħar kienet ser tirċievi risposta ddettaljata kemm jista’ jkun malajr.

25      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2005, l-awtorità kontraenti rrispondiet għall‑osservazzjonijiet tar-rikorrenti li jinsabu fl-ittra tat-30 ta’ Diċembru 2004.

26      L-avviż ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni ġie ppubblikat fit-2 ta’ Marzu 2005 fis‑Supplement għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, S 43).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

27      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-28 ta’ Jannar 2005, ir‑rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

28      Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2006, il-Qorti Ġenerali, skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lir-rikorrenti sabiex tirrispondi bil-miktub għad-domandi dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Ir-rikorrenti ssodisfat din it-talba fit-terminu mogħti.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Generali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2009, il-Qorti, Ġenerali skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal domandi. Permezz tal-istess ittra, hija talbet ukoll lill‑Kummissjoni sabiex tipproduċi dokumenti. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

31      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Marzu 2009, il-Qorti Ġenerali , skont il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lil kull waħda mill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-miktub dwar ir-risposti mogħtija mill-parti l-oħra għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali magħmula permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2009. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet fit-terminu mogħti.

32      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal‑Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta li saret fis-17 ta’ Marzu 2009.

33      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma taċċettax l-offerta tagħha u li tagħti l-kuntratt lill-offerent magħżul;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjez, anki fil-każ ta’ ċaħda tar-rikors.

34      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

35      Mingħajr ma tqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il‑Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li Steria, il-membru l-ieħor tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria, ma kkontestatx id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti li ma tagħżilx l-offerta tal-imsemmi konsorzju u li tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor, u li, barra minn hekk, mir-rikors ma kienx jirriżulta li r-rikorrenti kkontestat din id‑deċiżjoni f’isem Steria. Għaldaqstant ir-rikorrenti tikkontesta l-imsemmija deċiżjoni f’isimha biss.

36      Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li fil-kapaċità tagħha bħala l-kumpannija ewlenija fil-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria u peress li hija responsabbli b’mod sħiħ għall-preparazzjoni u r-redazzjoni tal-offerta, hija għandha locus standi kif ukoll li la l-leġiżlazzjoni u lanqas il-ġurisprudenza Komunitarja ma jirrikjedu li l-membri kollha ta’ konsorzju offerenti jikkontestaw id-deċiżjoni kontenzjuża ta’ għoti tal-kuntratt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti spjegat ukoll dan l-argument fir-risposti tagħha bil-miktub għad-domandi tal-Qorti Ġenerali (ara l-punt 28 iktar ’il fuq).

37      Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-pożizzjoni tar-rikorrenti msemmija iktar ’il fuq.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

38      Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li f’dan il-każ għandu jiġi eżaminat il-locus standi tar‑rikorrenti fil-konfront tad-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, ikkomunikata lilha permezz ta’ ittra tat‑18 ta’ Novembru 2004, li ma tagħżilx l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria u li tagħti, għalhekk, il-kuntratt inkwistjoni lil offerent ieħor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

39      Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE “[k]ull persuna fisika jew legali tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tippresenta rikors kontra deċiżjoni indirizzata lejn dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li għalkemm, fil-forma ta’ regolament jew deċiżjoni indirizzata lil xi persuna oħra, tirrigwarda direttament u individwalment lil dik il-persuna.”

40      F’dan il-każ, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata, mill-aspett formali, hija indirizzata lill-offerenti, jiġifieri lill-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria, xorta jibqa’ l-fatt li, kif jirriżulta mir-risposti bil‑miktub tar-rikorrenti għad-domandi tal-Qorti Ġenerali(ara l-punt 28 iktar ’il fuq), mhux ikkontestati mill-Kummissjoni u li l-Qorti Ġenerali ma għandha l-ebda raġuni li tiddubithom, li l-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria qatt ma kellu personalità ġuridika. Għaldaqstant, mill-perspettiva tal-Artikolu 230 KE, peress li din l‑istruttura ad hoc kienet trasparenti fir-rigward tal-membri tagħha, iż-żewġ kumpanniji kkonċernati għandhom jiġu kkunsidrati t-tnejn li huma bħala d‑destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Kien għalhekk permess li r‑rikorrenti, bħala destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, tikkontesta din id-deċiżjoni taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill‑Artikolu 230 KE.

41      Għaldaqstant ir-rikors tar-rikorrenti huwa ammissibbli.

II –  Fuq il-mertu

42      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, tar-regoli dettaljati għall-implementazzjoni, tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall‑għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322) u tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132). It-tielet motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti fl-evalwazzjoni tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza.

43      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li jiġi kkunsidrat l-ewwel nett l-ewwel motiv, imbagħad it-tieni motiv, imbagħad il-ħames motiv, imbagħad ir-raba’ motiv u, fl-aħħar nett, it-tielet motiv. Din l-ordni hija ddettata mill-fatt li l-ewwel, it‑tieni u l-ħames motivi jikkonċernaw il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, filwaqt li r-raba’ u t-tielet motivi jikkonċernaw id-deċiżjoni kkontestata nnifisha.

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera

1.     L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ nondikriminazzjoni u kompetizzjoni libera tal-offerenti sa fejn peress li ma poġġietx għad-dispożizzjoni tagħha − minkejja t-talba li hija għamlet f’dan is-sens qabel l-iskadenza tal-preżentazzjoni tal-offerti − żewġ kategoriji ta’ informazzjoni teknika li kienu meħtieġa għall‑preparazzjoni tal-offerti fil-kuntratt kontenzjuż, jiġifieri, l-ewwel nett, l-ispeċifikazzjonijiet eżatti tal-kuntratt tal-EMCS, u, it-tieni nett, informazzjoni teknika dwar l-applikazzjonijiet informatiċi eżistenti konnessi mal-EMCS u, iktar speċifikatament, is-sors tal-kodiċi tas-Sistema Ġdida ta’ Tranżitu Kompjuterizzata (NCTS). Dan l-allegat nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni kien ibbenefika lill‑offerenti li kienu l-partijiet l-oħra fil-kuntratt, fil-passat jew attwalment, tad-DĠ kkonċernat, jew kienu marbuta ma’ dawn il-partijiet l-oħra fil-kuntratt u li kellhom, għalhekk, aċċess esklużiv għall-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq. Dawn l-offerenti, inkluż l-offerent magħżul, jistgħu wkoll jippreżentaw offerti iktar kompetittivi minn dik tar-rikorrenti, kemm fuq livell tekniku kif ukoll fil-livell finanzjarju.

45      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS, ir-rikorrenti tenfasizza li dawn ma kinux għadhom disponibbli matul il‑proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, iżda kienu qed jiġu ppreparati minn parti oħra f’kuntratt separat. Hija ssostni li l‑Kummissjoni ma tispjegax kif offerent jista’ b’mod adegwat josserva l-għanijiet u r-rekwiżiti ta’ sistema kompjuterizzata li għaliha ma jkun irċieva l-ebda speċifikazzjoni dettaljata u hija tistaqsi kif l-offerta tagħha tista’ tkun “aħjar” minn dik tal-parti l-oħra fil-kuntratt eżistenti, li hija l-unika waħda li għandha l-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

46      Fit-tieni lok, fir-rigward tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Kummissjoni irrifjutat l-aċċess għalih mingħajr raġuni valida u minkejja t-talba tagħha fformulata f’dan is-sens. Min-naħa l-oħra, l-offerent magħżul jista’ jkollu aċċess għall-imsemmi kodiċi, peress li kien il-parti l-oħra fil-kuntratt tal‑Kummissjoni għall-NCTS, u għalhekk jista’ jagħmel offerta iktar kompetittiva minn dik tar‑rikorrent.

47      Sabiex tintwera l-importanza ta’ aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għall-preparazzjoni ta’ offerti fil-kuntratt inkwistjoni, ir-rikorrenti tinvoka l-elementi li ġejjin.

48      L-ewwel nett, hija tinvoka l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003 li jissuġġerixxi sa fejn huwa possibbli, l-użu mill-ġdid tal-NCTS mill-parti l-oħra fil-kuntratt ikkonċernat, peress li l-għan huwa li tinħoloq sistema integrata ta’ kompjuterizzazzjoni tal-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa fi ħdan il-Komunità. Ir-rikorrenti tiddeduċi mill‑kontenut ta’ dan l-artikolu li d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tirrikjedi l-użu mill-ġdid, mill-parti l-oħra fil-kuntratt kontenzjuż, tas-sors tal‑kodiċi tal-NCTS u tal-istruttura tagħha.

49      It-tieni nett, hija tinvoka d-deskrizzjoni tal-lott Nru 7.1 li hemm fl‑anness tekniku tal-ispeċifiċikazzjonijiet tal-kuntratt jew fir-riferiment għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS li kellha ssir.

50      It-tielet nett, hija tinvoka l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar l-offerta tal-offerent magħżul, li jgħidu li l-offerta tinkludi analiżi tajba fir-rigward tal‑possibbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ komponenti (“components”) tal-NCTS. Ir-rikorrenti ssostni li l-kelma “komponenti” f’dan il-każ tirreferi “b’mod ċar għall-partijiet komponenti differenti tas-sors tal-kodiċi”.

51      Ir-raba’ nett, mill-aspett finanzjarju, sabiex turi l-ħtieġa tal-għarfien tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għall-prezz tal-offerta tagħha, ir-rikorrenti tallega li l‑Kummissjoni kienet talbet lill-offerenti sabiex jindikaw fl-offerti tagħhom mhux biss prezzijiet unitarji kif tallega l-Kummissjoni, iżda wkoll u fuq kollox baġit u prezz totali għall-provvista tal-EMCS u għas-servizzi kollha assoċjati. Dan ir-rekwiżit min-naħa tal-Kummissjoni jeħtieġ li l-offerenti jipprovdu evalwazzjonijiet preċiżi dwar id-daqs u l-kumplessità tal-proġett, u b’hekk huwa meħtieġ l-għarfien tas-sors tal-kodiċi. In-nuqqas ta’ għarfien ta’ dan mir-rikorrenti kien ġiegħelha tgħolli l-prezz tal‑offerta tagħha sabiex tinkorpora r-riskju li jirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ għarfien. Min-naħa l-oħra, l-offerent magħżul, peress li kellu għarfien tal-imsemmi kodiċi, seta’ jippreżenta offerta iktar kompetittiva li titla’ biss għal 50 % tal-baġit imħabbar għall-kuntratt inkwistjoni.

52      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinnota li, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti għal kuntratt ieħor [kuntratt intiż li jkopri l-ispeċifikazzjoni, l-iżvilupp, il-manutenzjoni u s-sostenn ta’ sistemi kompjuterizzati doganali relatati ma’ proġetti informatiċi tad-DĠ rilevanti (CUST‑DEV) (TAXUD/2005/AO 001)], imnedija ftit wara s-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni u li fir-rigward tagħha d-DĠ rilevanti kien ukoll l‑awtorità kontraenti, is-sors tal-kodiċi tal-NCTS ġie pprovdut lill‑offerenti. Għalhekk hija titlob lill-Kummissjoni sabiex tispjega din id-differenza fit‑trattament. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li l-kawża f’dan il-każ kienet tixbah il-kawża li tat lok għas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni (T‑345/03, Ġabra p. II‑341), li fiha l-Qorti Ġenerali kienet laqgħet il-motiv tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali tal-offerenti u b’hekk annullat id-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt adottata mill-Kummissjoni.

53      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

54      Skont l-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-baġit għandhom ikunu konformi mal‑prinċipji ta’ trasparenza, ta’ proporzjonalità, ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni.

55      B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti hija marbuta li tiżgura, f’kull fażi ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, ir-rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u, bħala konsegwenza, l‑ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti kollha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C‑496/99 P, Ġabra p. I‑3801, punt 108; is‑sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas‑17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 85, u tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il-Kummissjoni, T‑160/03, Ġabra p. II‑981, punt 75).

56      Il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-offerenti, li għandu l-iskop li jiffavorixxi l-iżvilupp ta’ kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva bejn l-impriżi li jipparteċipaw fl-għoti ta’ kuntratt pubbliku, jimponi li l-offerenti kollha jkollhom l-istess opportunitajiet fil-preparazzjoni tat-termini tal-offerti tagħhom u għalhekk jimplika li dawn għandhom ikunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-offerenti kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 2001, SIAC Construction, C‑19/00, Ġabra p. I‑7725, punt 34, u tat-12 ta’ Diċembru 2002, Universale‑Bau et, C‑470/99, Ġabra p. I‑11617, punt 93).

57      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jimplika obbligu ta’ trasparenza sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat ir-rispett tiegħu (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2002, HI, C‑92/00, Ġabra p. I‑5553, punt 45, u Universale‑Bau et, punt 56 iktar ’il fuq, punt 91).

58      Dan il-prinċipju ta’ trasparenza, essenzjalment għandu l-għan li jiggarantixxi n-nuqqas ta’ riskju ta’ favoritiżmi u ta’ mġiba arbitrarja min-naħa tal-awtorità kontraenti. Huwa jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura għall-għoti tal‑kuntratt ikunu fformulati b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fis-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt (sentenza Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, punt 55 iktar ’il fuq, punt 111).

59      Il-prinċipju ta’ trasparenza għaldaqstant jimplika li l-informazzjoni teknika rilevanti kollha sabiex tinftiehem tajjeb is-sejħa għall-offerti jew l‑ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-kuntratt, titqiegħed kemm jista’ jkun malajr għad-dispożizzjoni tal-impriżi kollha li jieħdu sehem fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, b’tali mod li, minn naħa, l-offerenti kollha raġjonevolment informati u normalment diliġenti jkunu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata eżatta tagħha u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, li jpoġġu lill-awtorità kontraenti f’pożizzjoni li tivverifika jekk effettivament l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il‑kuntratt inkwistjoni (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 145).

60      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni li ma pprovditilhiex żewġ tipi ta’ informazzjoni teknika, li fil-fehma tagħha kienu meħtieġa sabiex tifformula l-offerta u li, għalhekk, kienu disponibbli għall-offerenti l-oħra. Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq, dan l-allegat nuqqas tal-Kummissjoni, jekk minnu, jista’ jippreġudika l-ugwaljanza ta’ opportunità għall-offerenti kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza bħala korollarju tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

61      Hekk kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq (punt 147), jekk jiġi meqjus li jkun seħħ, tali ksur tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet u tal-prinċipju ta’ trasparenza jkun jikkostitwixxi irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża li jikser id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati. Din l‑irregolarità proċedurali tista’ twassal għall-annullament tad‑deċiżjoni inkwistjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, il‑proċedura amministrattiva setgħet twassal għal riżultat differenti fil‑każ fejn ir‑rikorrenti kien ikollha aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni, u jekk kienet teżisti, f’dan ir-rigward, opportunità – anki mnaqqsa – li r-rikorrenti setgħet twassal sabiex ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva jkun differenti (ara s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 147, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk f’dan il-każ kienx hemm differenza fl-informazzjoni fis-sens li ċerti offerenti, fosthom l-offerent magħżul, kellu, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, informazzjoni li r-rikorrenti tallega li ma kellhiex. Fil-każ li tali differenza tiġi stabbilita, għandu jiġi eżaminat, it-tieni nett, jekk l-informazzjoni kkonċernata kinitx utli għall-preparazzjoni tal-offerti. Dan huwa biss fil-każ li l-offerent li kellu aċċess għal din l-informazzjoni kellu vantaġġ b’detriment għall-offerenti l-oħra. It-tielet nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-allegata differenza fl-informazzjoni tirriżultax minn irregolarità proċedurali kommessa mill-Kummissjoni. Fil-każ li teżisti din l-irregolarità, għandu jiġi eżaminat, ir-raba’ nett, jekk fin-nuqqas tagħha, ir-riżultat tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienx ikun differenti. Minn din il-perspettiva, tali irregolarità tista’ tikkostitwixxi ksur tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet tal-offerenti biss jekk jirriżulta b’mod plawżibbli u suffiċjentement ipprovat mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mir-rikorrenti li r-riżultat tal-proċedura seta’ kien differenti fir-rigward tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punti 148 u 149).

63      Dan ir-raġunament japplika fir-rigward taż-żewġ kategoriji ta’ informazzjoni teknika li ma tqegħdux għad-disponizzjoni tar-rikorrenti, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS (l-ewwel parti tal-motiv) u s‑sors tal-kodiċi tal‑NCTS (it-tieni parti tal-motiv).

a)     Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar in-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS

64      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li n-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt preċiżi għall-EMCS, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, iffavorixxa l-offerenti li kienu diġà qed jipprovdu servizzi lid-DĠ rilevanti – fosthom l-offerent magħżul – u, minħabba f’hekk, kienu diġà konxji mill-imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Għalhekk, dawn l-offerenti setgħu jippreżentaw offerti iktar preċiżi u għalhekk iktar kompetittivi minn dik tar-rikorrenti.

65      Kif ġie indikat fil-punt 62 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk, f’dan il-każ, hemmx differenza fl-informazzjoni fis-sens li ċerti offerenti, fosthom l-offerent magħżul, kuntrarjament għar-rikorrent, kellhom fil-pussess tagħhom l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS.

66      Mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni (ara l-punt 7 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-proġett ta’ implementazzjoni tal-EMCS, li fih jaqa’ dan il-kuntratt, kien jipprevedi fażi 1, li matulha d-definizzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS għandha ssir mill-parti l-oħra fil-kuntratt ESS. Il-Kummissjoni speċifikat li dawn huma speċifikazzjonijiet “ġenerali” tal-kuntratt tal-EMCS (high level specifications). L‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imsemmija iktar ’il fuq jispeċifikaw ukoll li l-parti l-oħra fil-kuntratt ESS kellha tipproduċi dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt qabel, u, parzjalment, b’mod parallel mal-produzzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mill-parti l-oħra fil-kuntratt inkwistjoni. Il-Kummissjoni ppreċiżat li l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imħejjija fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni jikkonċernaw l‑applikazzjoni tal-EMCS (speċifikazzjonijiet “ta’ applikazzjoni” tal-kuntratt) (application related specifications) b’kuntrast mal-ispeċifikazzjonijiet “ġenerali” tal-kuntratt ta’ din is-sistema, ippreparati fil-kuntest tal-kuntratt ESS. L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imsemmija iktar ’il fuq jippreċiżaw fl-aħħar nett li l-persuna l-oħra fil-kuntratt ESS kellha tlesti l-ħidma tagħha f’nofs l-2005.

67      Mill-argumenti tar-rikorrenti jirriżulta li l-ilment tagħha jikkonċerna l‑allegat nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-offerenti ta’ speċifikazzjonijiet “ġenerali” tal-kuntratt tal-EMCS.

68      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir‑rikorrenti, li l-parti l-oħra fil-kuntratt ESS, jiġifieri Siemens, kienet bdiet taħdem fuq l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS f’Ġunju 2004 (u kienet temmet dan f’April 2005), filwaqt li s-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni kienet ġiet ippubblikata f’Lulju 2004 u l-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tal-offerti ġiet iffissata għall-31 ta’ Awwissu 2004. Għaldaqstant, fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni, mhux ikkontestati mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li bejn il-bidu tal‑ħidma ta’ Siemens dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS u d-data ta’ iskadenza stabbilita għall-preżentazzjoni ta’ offerti għall-kuntratt inkwistjoni, tliet xhur biss iddekorrew, li jfisser li waqt l-iżvolġiment tas-sejħa għal offerti, ma kienx hemm speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS ta’ natura utli, li l-għarfien dwarhom seta’ kien ta’ vantaġġ għall-offerent li kellu aċċess għal dawn l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

69      Fl-aħħar nett, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni ppreċiżaw li Siemens, il-parti l-oħra fil-kuntratt ESS kienet ukoll ippreżentat offerta għall-kuntratt inkwistjoni.

70      Mill-elementi msemmija hawn fuq, għandhom jinsiltu l-konklużjonijiet li ġejjin.

71      L-ewwel nett, jidher li ebda offerent − inkluż l-offerent magħżul − ma seta’ jkollu iktar informazzjoni mir-rikorrenti fir-rigward tal‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS, peress li dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jeżistu, jew kienu jinsabu fi stadju embrijoniku. B’hekk, id‑differenza fl-informazzjoni, li toħloq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn offerenti, ma ġietx ippruvata.

72      It-tieni nett, il-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS ma kinux jeżistu meta tnediet is-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni ma kienx dovut għal irregolarità proċedurali mwettqa mill-Kummissjoni, iżda kien riżultat tal-ippjanar innifsu tal‑implementazzjoni tal-EMCS, li kien jipprevedi l-iżvilupp ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt fil-kuntest ta’ kuntratt ESS distint mis-suq inkwistjoni u preċedenti għalih.

73      It-tielet nett, anki li kieku, fil-kuntest tal-kuntratt ESS li għaliha kienet parti, Siemens irnexxielha tiżviluppa speċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-formulazzjoni ta’ offerti fil-kuntest tas-suq inkwistjoni, jirriżulta li tali ċirkustanza ma tistax tkun determinanti, peress li l-offerta ta’ Siemens, ippreżentata fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni fis-suq rilevanti, ma ntagħżlitx. Barra minn hekk, il-fatt li Siemens ippreżentat offerti fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni u hija, għalhekk daħlet f’kompetizzjoni diretta mal-offerent magħżul għall-kisba tal-imsemmi kuntratt iwassal għall-ħsieb li din il-kumpannija ma bagħtitx lill-imsemmi offerent l-allegat għarfien tagħha tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal‑EMCS. Għalhekk, ma hemm xejn li juri li xi offerent kien ibbenefika minn xi aċċess privileġġjat għall‑imsemmija speċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

74      Peress li r-rikorrenti ma pprovatx li ċerti offerenti, fosthom l-offerent magħżul, kellhom iktar informazzjoni minnha fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward ta’ din il-kategorija ta’ informazzjoni teknika, ma kien hemm ebda nuqqas ta’ trattament ugwali bejn offerenti. L-ewwel parti tal-motiv għandu, għalhekk, jiġi miċħud.

b)     Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar in-nuqqas li jintbagħat is-sors tal-kodiċi tal‑NCTS

75      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li r-rifjut li jintbagħtilha s-sors tal-kodiċi tal-NCTS mill-awtorità kontraenti ffavorixxa lill-offerent magħżul, li huwa wkoll il-parti l-oħra fil-kuntratt tal-Kummissjoni waqt l-implementazzjoni tal-imsemmija NCTS u, kellha għaldaqstant, neċessarjament aċċess għal dan is-sors tal-kodiċi. Peress li kellu din l-informazzjoni, l-offerent magħżul seta’ jippreżenta offerta iktar kompetittiva minn dik tar-rikorrenti kemm mill-aspett tekniku kif ukoll mill-aspett finanzjarju.

 Fuq id-differenza fl-informazzjoni favur l-offerent magħżul

76      Il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li l-awtorità kontraenti kellha għad-dispożizzjoni tagħha s-sors tal-kodiċi tal-NCTS qabel id‑data tal-ftuħ tas-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni u din ma bagħtitx din l-informazzjoni lill-offerenti. Hija ssostni li kkunsidratha bħal inutli għat-tħejjija tal-offerti.

77      Lanqas ma huwa kkontestat li l-offerent magħżul kellhu l-għarfien tas‑sors tal-kodiċi tal-NCTS meta pprepara l-offerta tiegħu, peress li huwa kien il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-DĠ rilevanti fir-rigward tal-NCTS.

78      Għalhekk, meta nfetħu l-offerti għall-kuntratt inkwistjoni u sa l-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-offerti, l-offerent magħżul, peress li kien il-parti l-oħra fil-kuntratt mad-DĠ rilevanti għall-NCTS, kellu informazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex.

 Fuq l-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għat-tħejjija tal-offerti

79      Sabiex id-differenza fl-informazzjoni kkonstatata tikkostitwixxi vantaġġ favur l-offerent magħżul fil-kuntest tat-tħejjija tal-offerta tiegħu, huwa meħtieġ ukoll li l-informazzjoni kkonċernata tkun utli għat-tħejjija tal-offerti li jikkonċernaw il-kuntratt inkwistjoni, fis-sens li n-nuqqas tagħha jista’ jippenalizza l-offerta kemm fuq livell kwalitattiv kif ukoll fuq livell finanzjarju.

80      F’dan il-każ, u fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, għandha tiġi evalwata l-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għat-tħejjija tal-offerti fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni. Għandhom isiru żewġ osservazzjonijiet preliminari.

81      Qabel kollox, kif jirriżulta mill-argumenti tal-partijiet, is-sors tal-kodiċi jikkostitwixxi sett ta’ istruzzjonijiet bil-miktub fil-lingwa tal‑programm informatiku li permezz tiegħu jista’ jinkiseb programm għal kompjuter. Jirriżulta wkoll li s-sors tal-kodiċi jikkostitwixxi wieħed mill-ewwel stadji tat-tagħmir informatiku li għandu jiġi prodott fiċ-ċiklu sħiħ ta’ software.

82      Sussegwentement, il-Kummissjoni speċifikat waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-NCTS u l-EMCS għandhom differenzi ċari bejniethom, sa fejn l-NCTS tirrigwarda l-qasam doganali filwaqt li l-EMCS tirrigwarda l-qasam tas-sisa. Fil-kuntest tal-NCTS, il-persuni prinċipali kkonċernati mid-dispożittiv huma l-uffiċjali tad-dwana, filwaqt li fil-kuntest tal-EMCS, il-persuni prinċipali kkonċernati mid-dispożittiv huma l-operaturi ekonomiċi. Minn dan isegwi li l-“miri” taż-żewġ sistemi huma differenti u, għaldaqstant, li l-funzjonijiet ta’ dawn iż-żewġ sistemi ma humiex l-istess.

83      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti, insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-utilità tal-aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS, tinvoka l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003, iċċitat fil-punt 4 iktar ’il fuq.

84      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq tikkostitwixxi l-bażi legali għall-introduzzjoni tal-EMCS u li l-Artikolu 3(2) ta’ din id-deċiżjoni tiddefinixxi r-relazzjonijiet bejn l-EMCS u l-NCTS. Ix-xogħol li għandha tagħmel il-Kummissjoni huwa li tiżgura l‑integrazzjoni, jekk din hija teknikament possibbli, tal-EMCS fl‑NCTS, peress li l-għan huwa li tinħoloq sistema kompjuterizzata integrata għall-moviment intrakomunitarju tal-prodotti suġġetti għad‑dazji tas-sisa. Huwa għall-finijiet tat-twettiq ta’ din il-missjoni fdata mil-leġiżlatur Komunitarju li l-Kummissjoni nediet is-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni. Fil-kuntest ta’ din is-sejħa għal offerti, il-Kummissjoni, fil-kapaċità tagħha bħala awtorità kontraenti, ikkunsidrat li l-frażi “jerġgħu jintużaw kemm jista’ jkun in-NCTS”, li tinsab fl-Artikolu 3(2), iċċitat iktar ’il fuq, ma timplikax li s-sors tal-kodiċi tal-NCTS jiġi kkomunikat lill-offerenti għall-preparazzjoni tal-offerti tagħhom. Hija kkomunikat dan il-“messaġġ” lill-offerenti fid-dokumentazzjoni li tikkonċerna s-sejħa għal offerti inkwistjoni.

85      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirreferi, b’mod partikolari, għall-punt 4.2.1, intitolat “The EMCS development based on NCTS experience” (l-iżvilupp tal-EMCS ibbażat fuq l-esperjenza NCTS), mill-pjan ta’ ġestjoni għall-implementazzjoni tal-EMCS, li tqassam lill-offerenti u għalhekk lir-rikorrenti, fejn id-deskrizzjoni li ssir hemmhekk dwar l-“esperjenza NCTS” li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall‑iżvilupp tal-EMCS ma tagħmel ebda riferiment għas-sors tal-kodiċi NCTS jew, a fortiori, għall-ħtieġa li jkun hemm aċċess għalih sabiex issir offerta. Barra minn hekk, fil-kjarifika Nru 46 li ngħatat matul il‑proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, l-awtorità kontraenti speċifikat li, ladarba l-kuntratt inkwistjoni jingħata, “ix-xogħol tal-parti [l-oħra] [fil-kuntratt inkwistjoni jkun] li tipproponi u dik tad-DĠ [rilevanti] li tiddeċiedi liema parti tal-istruttura u tas-sors tal‑kodiċi tal-applikazzjonijiet tal-[...] NCTS se jerġgħu jintużaw” filwaqt li “din l‑informazzjoni [jiġifieri, is-sors tal-kodiċi tal-NCTS] tkun aċċessibbli biss għall-offerent magħżul”.

86      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax f’dan il-każ tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Nru 1152/2003 in sostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-utilità tal-aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS, sa fejn il-ħtieġa relatata mal-fatt li “jerġgħu jintużaw kemm jista’ jkun in-NCTS” li hemm f’dan l-artikolu, tkun ġiet implementata b’mod konkret u trasparenti mill-awtorità kontraenti permezz tas-sejħa għal offerti inkwistjoni b’tali mod li ma kienx meħtieġ għall-offerenti li jkollhom aċċess għal dan is-sors tal-kodiċi sabiex jippreparaw offerta.

87      Fit-tieni lok, insostenn tal-allegazzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka d-deskrizzjoni tal-lott Nru 7.1 li tinsab fl-anness tekniku għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Din id-deskrizzjoni tinqara kif ġej:

“Lott 7.1: Żvilupp tal-applikazzjoni

Dan il-lott ikopri l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet żviluppati b’mod ċentralizzat (CDA), applikazzjonijiet li jinvolvu testijiet u l-applikazzjonijiet għal servizzi ċentrali (pereżempju, l-MCC, ETA, SETA, CS/RD u CS/MIS).

L-applikazzjonijiet żviluppati se jkunu bbażati kemm jista’ jkun fuq l-istruttura, jew saħansitra fuq is-sors tal-kodiċi tal-applikazzjonijiet tal-NCTS:

[…]”

88      Id-deskrizzjoni ta’ dan il-lott issemmi espressament is-sors tal-kodiċi tal-NCTS. Madankollu, din id-deskrizzjoni ma turix l-utilità tal‑imsemmi kodiċi għat-tħejjija tal-offerti, kif issostni r-rikorrenti, iżda turi l-utilità tiegħu għall-ħidma li għandha ssir fi stadju ulterjuri għal dak tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri fl-istadju tal-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt mill-offerent magħżul.

89      Dan l-element jirriżulta, barra minn hekk, b’mod ċar mill-kjarifika Nru 46 imsemmija iktar ’il fuq (ara l-punt 85 iktar ’il fuq).

90      Minn dan isegwi li kemm id-deskrizzjoni tal-lott Nru 7.1 kif ukoll, fuq kollox, il-kjarifika Nru 46, iktar milli juru l-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għat-tħejjija tal-offerti fil-kuntest tal-kuntratt inkwistjoni, juru li l-“messaġġ” li l-awtorità kontraenti xtaqet tgħaddi lill-offerenti kien, l‑ewwel nett, li dan il-kodiċi ma kienx rilevanti għall-finijiet tat-tħejjija tal-offerti, iżda jkun rilevanti fi stadju ulterjuri tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni mill-offerent magħżul u, it-tieni nett, li hija l-awtorità kontraenti li għandha tiddeċiedi liema proporzjon tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għandha terġa’ tintuża. Barra minn hekk, matul is-seduta, il-Kummissjoni żvelat li, finalment, l-awtorità kontraenti kienet iddeċidiet li ma tuża ebda linja tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għall-iżvilupp tal-proġett intiż għall-implementazzjoni tal-EMCS.

91      Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq ir-riferenza għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS fid-deskrizzjoni tal-lott Nru 7.1, ma jistax jintlaqa’.

92      Fit-tielet lok, l-istess jgħodd fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq kumment speċifiku tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jevalwa l-offerta tal-offerent magħżul (ara l-punt 50 iktar ’il fuq). Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li turi li t-terminu “komponent tal-NCTS” użata mill-kumitat ta’ evalwazzjoni jirreferi għall-komponenti tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS. F’dan ir-rigward, mid-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti għall-kuntratt inkwistjoni jirriżulta li l-awtorità kontraenti pprovdiet lill-offerenti ċertu numru ta’ dokumenti ta’ riferenza dwar l-NCTS li, kif issostni ġustament il‑Kummissjoni, ikopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, il‑metodoloġija għall-proċeduri ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, l‑ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tas-sistema għal proċeduri ta’ testijiet u d-deskrizzjoni funzjonali ta’ applikazzjonijiet tal-NCTS għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-operazzjonijiet ċentrali. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li meta rrefera għall-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid ta “komponenti tal-NCTS”, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien qed jalludi għall-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid ta’ elementi tal-NCTS fid‑dokumentazzjoni disponibbli għall-offerenti. Fi kwalunkwe każ, ir‑rikorrenti ma pprovdiet l-ebda element jew prova li jistgħu jdgħajjfu din l-analiżi.

93      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti lanqas ma turi l-utilità tal-aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għall-prezz tal-offerti. Għandu jitfakkar li r-rikorrenti essenzjalment issostni li dan il-prezz jeħtieġ evalwazzjonijiet preċiżi dwar id-daqs u l-kumplessità tal-proġett mingħand l-offerenti, u b’hekk huwa meħtieġ l-għarfien tas-sors tal-kodiċi. L-impossibbiltà għar-rikorrenti li tevalwa bi preċiżjoni d-daqs u l-kumplessità tal-proġett minħabba nuqqas ta’ aċċess għas-sors tal-kodiċi, obbligatha, essenzjalment, iżżid il-prezz tal-offerta tagħha.

94      Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jiġi milqugħ.

95      Qabel kollox, is-sors tal-kodiċi tal-NCTS ma kienx meħtieġ sabiex jiġi evalwat id-daqs u l-kumplessità tal-proġett għall-implementazzjoni tal-EMCS. Fil-fatt, kif diġà ġie osservat, l-NCTS u l-EMCS huma differenti minn xulxin (ara l-punt 82 iktar ’il fuq) u l-awtorità kontraenti għamlitha ċara lill-offerenti − u għalhekk lir-rikorrenti − li s-sors tal-kodiċi tal-NCTS ma kienx rilevanti għall-preparazzjoni tal-offerti (ara l-punt 90 iktar ’il fuq).

96      Sussegwentement, kif il-Kummissjoni sostniet u kif ir-rikorrenti aċċettat waqt is-seduta, fir-rigward tal-attivitajiet li l-prezzijiet tagħhom jiddependu fuq evalwazzjoni tad-daqs u tal-kumplessità tal-proġett, l-awtorità kontraenti, li tistabbilixxi hija stess l-għadd ta’ jiem li għandhom jiġu ddedikati għall-kisba ta’ dawn l-attivitajiet, talbet biss lill-offerenti sabiex jindikaw prezzijiet unitarji espressi f’rata ta’ kuljum għal kull profil ta’ persunal meħtieġ (jiġifieri, b’mod partikolari, żviluppatur, programmatur u analista). Dawn il-prezzijiet unitarji għandhom jiġu mmoltiplikati bin-numru ta’ jiem stabbilit mill-awtorità kontraenti, sabiex tiġi kkalkolata l-prezz tal-offerta. B’hekk, meta l-awtorità kontraenti ffissat l-għadd ta’ jiem meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija iktar ’il fuq, hija stess wettqet stima tad-daqs tal-ħidma li għandha ssir, u b’hekk ħelset lill-offerenti minn dan ix-xogħol u ffukat il-kompetizzjoni bejn offerenti fuq ir-rata ta’ kuljum proposta għal kull profil ta’ persunal meħtieġ. Issa, ir-rikorrenti ma wrietx li n-nuqqas ta’ għarfien tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS kellu xi impatt kwalunkwe fuq ir-rata ta’ kuljum proposta għall-persunal tagħha.

97      Minn dan isegwi li l-utilità tal-aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għall-prezz tal-offerta tar-rikorrenti ma ġietx ippruvata.

98      Finalment, l-argument tar-rikorrenti dwar l-utilità ta’ aċċess għas-sors tal-kodiċi tal-NCTS ma jistax isib sostenn fis-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq. Fil-fatt, b’differenza minn din il-kawża, li fiha s-sistema kompjuterizzata hija s-suġġett tal-kuntratt inkwisjtoni − l-EMCS − hija differenti mis-sistema fejn is-sors tal-kodiċi ma kienx ipprovdut − NCTS − (ara l-punt 82 iktar ’il fuq), il-kawża li tat lok għas-sentenza invokata mir-rikorrenti hija relatata ma’ sistema komputerizzata − is-sistema CORDIS − li kienet sempliċement verżjoni ġdida tal-istess sistema Cordis li s-sors tal-kodiċi tagħha ma kienx ġie pprovdut (sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq, punt 7). F’dan il-każ, fir-rigward tal-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS, ebda analoġija ma tista’ tiġi osservata bejn din il-kawża u l‑kawża li tat lok għas‑sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 52 iktar ’il fuq.

99      L-istess jgħodd fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-kuntratt CUST‑DEV (ara l-punt 52 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni, fl‑osservazzjonijiet tagħha ppreżentati wara l-ittra tal‑Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Marzu 2009 (ara l-punt 31 iktar ’il fuq), indikat li l-kuntratt CUST‑DEV kien jikkonċerna applikazzjonijiet informatiċi fil-qasam tad-dwana, li taħtu taqa’ wkoll l-NCTS, u għalhekk kien ġustifikat li l-offerenti jiġu pprovduti s-sors tal-kodiċi tal-imsemmija sistema. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ fil-kuntratt inkwistjoni, li jikkonċerna applikazzjonijiet informatiċi fil-qasam tas-sisa, jiġifieri f’qasam li ma huwiex dak tad-dwana. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din l-allegazzjoni tal-Kummissjoni waqt is-seduta u l-Qorti Ġenerali ma għandha ebda raġuni li tiddubitaha.

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS, għat-tħejjija ta’ offerti fil-kuntest tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, ma ġietx ipprovata. Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

101    Minn dan isegwi li dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

1.     L-argumenti tal-partijiet

102    Ir-rikorrenti ssostni li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni ma humiex speċifikati u kwantifikabbli biżżejjed u, għalhekk ma setgħux jiġu eżaminati b’mod oġġettiv mill-kumitat ta’ evalwazzjoni. Dan in‑nuqqas min-naħa tal-awtorità kontraenti jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju, tal-Artikolu 138 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, tal-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 92/50 u tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18.

103    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

104    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, mill-1 Jannar 2003 − data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament − id-direttivi li dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal provvisti, għal servizzi u għal xogħlijiet japplikaw għall-kuntratti mogħtija mill‑istituzzjonijiet Komunitarji f’isimhom biss għall‑kwistjonijiet relatati mal-limiti li jiddeterminaw il-metodi ta’ pubblikazzjoni u l-għażla tal-proċeduri u t-termini korrispondenti. Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti mressaq kontra l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandu jiġi kkunsidrat biss fid-dawl tar-Regolament Finanzjarju u tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

105    Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 97(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 138(1)(b) tar-regoli ddettaljati għall‑implementazzjoni, l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni għandu jsir lill-offerta li hija l-iktar vantaġġjuża mill-apsett ekonomiku.

106    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li, għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ trattament ugwali u ta’ nondiskriminazzjoni fl-istadju tal-għażla tal-offerti għall-għoti ta’ kuntratt, l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju jirrikjedi li meta l-għoti tal-kuntratt isir billi tintgħażel l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament ,l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tiddefinixxi u li tispeċifika fid-dokumenti tas-sejħa għal kompetizzjoni, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li jippermettu l-evalwazzjoni tal-kontenut tal-offerti. Skont l-Artikolu 138(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, dawn il-kriterji għandhom jiġu ġġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt. Skont l-Artikolu 138(3), l-awtorità kontraenti għandha wkoll tispeċifika, fl-avviż tal-kuntratt jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-piż relattiv li hija tagħti lil kull wieħed mill-kriterji li jiddeterminaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament .

107    Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jħallu, l‑għażla tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li fid-dawl tagħhom l-offerti għandhom jiġu evalwati, f’idejn l-awtorità kontraenti. Issa, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li l-awtorità kontraenti għandha tikkunsidra għandhom, fil-każijiet kollha, ikunu intiżi sabiex jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il-Kunsill, T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 66, u Strabag Benelux vs Il-Kunsill, T‑183/00, Ġabra p. II‑135, punt 74).

108    Barra minn hekk, il-kriterji kkunsidrati mill-awtorità kontraenti biex jidentifikaw l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament ma għandhomx neċessarjament ikunu ta’ natura kwantitattiva jew diretti esklużivament għall-prezzijiet. Anki jekk il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt li ma humiex espressi f’termini kwantitattivi jinsabu fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, dawn jistgħu jiġu applikati b’mod oġġettiv u uniformi sabiex jiġu pparagunati l-offerti u huma kjarament rilevanti sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renco vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punti 67 u 68).

109    F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar qabel kollox li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni jinsabu kemm fl-avviż tal-kuntratt [punt IV (2)] kif ukoll fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt annessi mas-sejħa għal offerti. Għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ pubbliċità stabbilita fl-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarja tinsab sodisfatta.

110    Sussegwentement, għandu jiġi mfakkar li l-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, ikkwalifikati bħal vagi u suġġettivi mir-rikorrenti, għandhom jinqraw kif ġej:

“1.      Kwalità tas-soluzzjoni proposta:

–      in-natura adegwata tal-istrateġija proposta sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (40/100);

–      in-natura adegwata tal-metodi u tal-għodda, tal-ambjent ta’ kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità proposti sabiex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti (30/100);

–      in-natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex jitwettqu x xogħlijiet rikjesti (20/100);

–      l-istruttura, il-kjarezza u l-kompletezza tal-offerta (10/100).”

111    Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, mhux biss ma tissostanzjax l-argumenti tagħha dwar in-natura allegatament vaga u suġġettiva ta’ dawn il-kriterji, iżda tinsab kontradetta minn dak li hemm stabbilit b’mod ċar f’dawn il-kriterji. B’mod partikolari hija ma tressaq ebda prova insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li permezz tagħha jista’ jiġi kkonstatat li, meta ddefinixxiet dawn il-kriterji, l-awtorità kontraenti kisret l-obbligu ta’ rispett tal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ trattament ugwali tal-offerenti. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti b’xi mod terġa’ ttenni l-argumenti tagħha żviluppati fil-kuntest tal-ewwel motiv, dwar allegat nuqqas ta’ deskrizzjoni preċiża tas-servizzi mitluba u tar-rekwiżiti speċifiċi tal-ħidma li għandha ssir.

112    Il-qari tal-kriterji msemmija iktar ’il fuq juru li dawn huma ffukati fuq l‑elementi li ġejjin: l-istrateġija proposta mill-offerenti (l-ewwel kriterju), il-metodi, l-għodda, l-ambjent ta’ kwalità u l-proċeduri ta’ kwalità proposti mill-offerenti (it-tieni kriterju), l-organizzazzjoni tat-tim propost (it-tielet kriterju) u l-istruttura, il-kjarezza u l-kompletezza tal-offerta (ir-raba’ kriterju). Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax, u lanqas ma turi, għalfejn dawn il-kriterji ma humiex ġustifikati mis-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi ddubitata r-rilevanza ta’ dawn il-kriterji sabiex tiġi identifikata l-offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament, sa fejn dawn il-kriterji jikkundizzjonaw definittivament il-provvista tajba ta’ servizzi msemmija mill-kuntratt inkwistjoni u, għalhekk, il-valur tal-offerta fiha nnifisha.

113    Jekk huwa minnu li dawn il-kriterji ma humiex ta’ natura kwantitattiva, dan is-sempliċi fatt ma jippermettix li jiġi dedott li l-awtorità kontraenti ma applikathomx b’mod oġġettiv u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Renco vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punti 67 u 68). Għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova f’dan is-sens.

114    Fl-aħħar nett, u għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti indikat, inkonformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli, il-piż relattiv mogħti lil kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, u b’hekk informat lill-offerenti bl-importanza li kienet beħsiebha tagħti lil kull kriterju fl-evalwazzjoni komparattiva tal-offerti.

115    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-awtorità kontraenti naqset mill‑obbligu tagħha li tiddefinixxi, fid-dokumenti għas-sejħa għal kompetizzjoni, il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt fid-dawl tal-osservanza tal-kuntest regolatorju u tar-rispett tal-prinċipji tal-ġurisprudenza kkonstatati fil-punti 104 sa 108 iktar ’il quddiem.

116    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

C –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza

1.     L-argumenti tal-partijiet

117    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza peress li ma tatx risposta fil-pront u adegwata għall-faks tagħha tas-27 ta’ Awwissu 2004, li fiha hija għamlet riżervi dwar is-sejħa għal offerti, fir-rigward b’mod partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    Skont il-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba li jinkludi wkoll l-obbligu ta’ diliġenza, kull istituzzjoni Komunitarja għandha l-obbligu li tosserva terminu raġjonevoli fl-iżvolġiment ta’ proċeduri amministrattivi u taġixxi b’diliġenza fir-relazzjonijiet tagħha mal-pubbliku [sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, Ġabra p. I-9761, p. 92, u tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punt 162).

120    Barra minn hekk għandu jiġi speċifikat li, fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi Komunitarji, il-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti, minn naħa, u l-offerenti potenzjali u l-offerenti, min-naħa l-oħra, huma rregolati mill-Artikoli 141 u 148 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni.

121    L-Artikolu 141 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jiddisponu:

“1. Sakemm it-talba tkun saret fi żmien tajjeb qabel jagħlaq iż-żmien biex jintefgħu l-offerti, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u dokumenti oħrajn jintbagħtu lill-operaturi ekonomiċi kollha li kienu talbu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew esprimew interess li jitfgħu offerta, fi żmien sitt ijiem kalendarji minn meta tintlaqa’ t-talba.

2. Sakemm jintalab fi żmien tajjeb, iktar tagħrif jingħata, fl-istess żmien, lill-operaturi kollha li talbu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jew esprimew interess li jitfgħu offerta, mhux iktar tard minn sitt ijiem kalendarji qabel jagħlaq iż-żmien li jintlaqgħu l-offerti, jew fil-każ ta’ talbiet għat-tagħrif milqugħa inqas minn tmint ijiem kalendarji qabel jagħlaq iż-żmien li jintlaqgħu l-offerti, malajr kemm jista’ jkun wara li tintlaqa’ t-talba.”

[…]”

122    Barra minn hekk, l-Artikolu 148 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni jipprovdi kif ġej:

“1. Kuntatt bejn l-awtorità ta’ l-applati u dawk li jitfgħu l-offerti waqt il-proċedura ta’ l-għoti ta’ l-appalt [ta’ kuntratt] jistgħu isiru b’eċċezzjoni skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.

2. Qabel id-data ta’ l-għeluq biex jintlaqgħu l-offerti, għal iktar dokumenti u tagħrif imsemmijin fl-Artikolu 141, l-awtorità ta’ l-appalti [kontraenti] tista’:

a) fil-każ ta’ min qed jitfa’ l-offerti, tikkomunika iktar tagħrif biss għall-iskop ta’ kjarifika tan-natura tal-kuntratt; tagħrif hekk għandu jitgħarraf fl-istess data lill-dawk kollha li jkunu talbu għall-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt;

[…]”

123    Mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta għalhekk li l-kuntatti bejn l-awtorità kontraenti, minn naħa, u l-offerenti potenzjali u l-offerenti, min-naħa l-oħra, qabel id-data tal-għeluq għall-preżentazzjoni tal-offerti, huma permessi sa fejn huma intiżi għall-ksib ta’ “iktar tagħrif” dwar l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (Artikolu 141(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni) u ta’ “iktar tagħrif” dwar id-dokumenti u t-tagħrif addizzjonali msemmija fl-Artikolu 141 u “biss għall-iskop ta’ kjarifika tan-natura tal-kuntratt” [Artikolu 148(2)(a) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni].

124    Fir-rigward ta’ “iktar tagħrif” imsemmi fl-Artikolu 141(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tipprovdi dan it-tagħrif lill-offerenti potenzjali fit-termini stabbiliti fl-imsemmi artikolu. Fir-rigward ta’ “iktar informazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 148(2)(a) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, l-awtorità kontraenti għandha d-dritt, u mhux l-obbligu, li tipprovdihom lill-offerenti.

125    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-faks tas-27 ta’ Awwissu 2004 li r-rikorrenti tirreferi għalih ma tinkludix talba għal informazzjoni intiża mid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Kif diġà ġie osservat (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), permezz ta’ dan il-faks, ir-rikorrenti esprimiet riżervi dwar il-proċedura għall-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, ibbażati fuq nuqqas possibbli ta’ oġġettività tas-sejħa għall-offerti, b’vantaġġ għall-offerenti li kienu diġà fornituri tad-DĠ rilevanti, fuq nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt ċari ta’ dik l-istess sejħa għal offerti u fuq in-nuqqas ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni speċifiċi u oġġettivi tal-offerenti. Permezz tal-istess faks, hija talbet ukoll lid-DĠ rilevanti sabiex jiġi estiż it-terminu ta’ preżentazzjoni tal-offerti sakemm huwa jirrimedja għall-problemi msemmija iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tirrispondi għal din l-ittra. Madankollu hija għamlet dan, b’mod pront u adegwat, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Settembru 2004, billi esprimiet l-opinjoni li r-riżervi tar-rikorrenti ma’ kinux fondati u billi rrifjutat li tilqa’ t-talba tagħha li jiġi estiż iż-żmien għall-preżentazzjoni tal-offerti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). B’hekk, il-konvenuta wriet diliġenza inkontestabbli, xierqa għal amministrazzjoni tajba, partikolarment peress li, kif ġie kkonstatat iktar ’il fuq, f’dan il-każ il-leġiżlatur ma impona ebda obbligu ta’ risposta. Minn dan isegwi li l-azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-faks tas-27 ta’ Awwissu 2004 ma turi ebda ebda ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza.

126    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-awtorità kontraenti kienet irrispondiet malajr għad-domandi kollha magħmula mill-offerenti fuq l-ispeċifikazzjoni, li ħafna minnhom ġew mir-rikorrenti.

127    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

128    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minħabba l-fatt li l-DĠ rilevanti ma mmotivax suffiċjentement l-atti tiegħu. Il-motiv huwa kompost minn żewġ oġġezzjonijiet.

129    Fl-ewwel lok, id-DĠ rilevanti ma kienx ta lir-rikorrenti l-informazzjoni kollha mitluba dwar il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu, bi ksur tal-Artikolu 253 KE u tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 92/50. Id-DĠ rilevanti ma spjegax b’mod ċar ir-raġunijiet għaliex huwa ċaħad l-offerta tar-rikorrenti u ma qal xejn dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi komparattivi tal-offerta magħżula, u b’hekk ċaħħad lir-rikorrenti mill-possibbiltà li tagħmel kummenti sinjifikattivi dwar l-għażla magħmula, kif ukoll mill-possibbiltà eventwali li tikseb rimedju ġudizzjarju. Ir-rikorrenti tosserva wkoll li d-DĠ rilevanti ma invoka ebda motiv ta’ ordni pubbliku, u lanqas sigriet kummerċjali, sabiex jiġġustifika r-rifjut tiegħu li jikkomunika rapport ta’ evalwazzjoni li normalment jintbagħat lill-offerenti kollha mill-Kummissjoni f’tali każijiet, skont l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 92/50. Skont ir-rikorrenti, motivazzjoni insuffiċjenti, bħal dik inkwistjoni, tagħmilha ferm diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni kkontestata.

130    Fit-tieni lok, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum sabiex jintbagħtu lill-offerenti siltiet mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, bi ksur tar-Regolament Finanzjarju u tal-leġiżlazzjoni dwar il-kuntratti pubbliċi. Din l-iskadenza tat-terminu u n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni dwar ċerti aspetti tad-deċiżjoni kkontestata kienu sors ta’ diffikultà għar-rikorrenti fir-rigward tal-preżentata tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali.

131    Il-Kummissjoni talbet sabiex dan il-motiv jiġi miċħud.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

132    Preliminarjament, għandu jiġi speċifikat li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jistabbilixxu l-kontenut tal-obbligu ta’ motivazzjoni imposti fuq l-awtorità kontraenti fir-rigward tal-offerent li ma ġiex magħżul taħt il-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt partikolari huma l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 149 tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u mhux id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50, kif tallega r-rikorrenti (ara l-punt 104 iktar ’il fuq).

133    Mill-artikoli msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li, f’materja ta’ kuntratti pubbliċi, l-awtorità kontraenti tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk, qabel kollox, tikkomunika immedjatament lil kull offerent mhux magħżul il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħu u tipprovdi, sussegwentement, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli u li jagħmlu talba espressa għalihom, il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ippropona din l-offerta f’terminu ta’ ħmistax-il jum kalendarju minn meta tasal it-talba bil-miktub (ara s-sentenzi tal-Qorti tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑250/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 68, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑465/04, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Dan il-metodu ta’ proċedura huwa inkonformità mal-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 253 KE, li skont dan l-għan għandu jidher b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament ta’ min jagħmel l-att, b’mod li jippermetti, minn naħa, lil dawk ikkonċernati sabiex isiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jasserixxu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il-Kummissjoni, T‑19/95, Ġabra p. II‑321, punt 32; tas-26 ta’ Frar 2002, Esedra vs Il-Kummissjoni, T‑169/00, Ġabra p. II‑609, punt 190; Strabag Benelux vs Il-Kummissjoni, punt 107 iktar ’il fuq, punt 55, u tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 69).

135    Għandu jingħad ukoll li l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti jkollha meta tippreżenta rikors (sentenzi Strabag vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 58, u Renco vs Il-Kunsill, punt 107 iktar ’il fuq, punt 96).

136    Minn dan isegwi li, sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu eżaminati l-ittri tat-18 ta’ Novembru u tal-10 ta’ Diċembru 2004, mibgħuta minnha lir-rikorrenti qabel id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors.

137    L-ittra tat-18 ta’ Novembru 2004 tinforma lir-rikorrenti li l-offerta tagħha (ippreżentata ma’ Steria bħala parti mill-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki Steria) ma ntgħażlitx. Hija tindika li l-imsemmija offerta ma ntgħażlitx minħabba li, skont il-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt, din ma tirrappreżentax l-aħjar offerta f’termini ta’ kwalità u ta’ prezz. Din l-ittra tispeċifika wkoll li r-rikorrenti setgħet tikseb informazzjoni ulterjuri dwar il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha u li, li kieku kellha tagħmel talba bil-miktub, hija tista’ tiġi informata dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ippreżenta l-offerta magħżula. Fl-aħħar nett, l-ittra tindika li ċerti dettalji tal-offerta ċċitata iktar ’il fuq ma jiġux ikkomunikati li kieku din il-komunikazzjoni kellha tostakola l-applikazzjoni tal-liġijiet, tmur kontra l-interess pubbliku, tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew tkun ta’ ħsara għal kompetizzjoni ġusta bejn dawn l-impriżi. Minn dan isegwi li din l-ittra, għalkemm minn ċerti aspetti kienet ta’ natura stereotipata, hija redatta inkonformità mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.

138    L-ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004, indirizzata mill-Kummissjoni lir-rikorrenti, ikkomunikat lil din tal-aħħar silta mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni. Din l-ittra ntbagħtet b’risposta għal talba bil-miktub tar-rikorrenti tat-22 ta’ Novembru 2004, imtennija fit-8 ta’ Diċembru 2004.

139    Is-silta mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ssemmi l-isem tal-offerent magħżul. Barra minn hekk, din is-silta tinkludi l-kummenti eżawrjenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni dwar l-offerta tal-offerent magħżul u dwar l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, din is-silta tinkludi tabella bil-marki mogħtija lil kull waħda miż-żewġ offerti fir-rigward ta’ kull wieħed mill-kriterji ta’ għoti kif ukoll tabella li tinkludi l-prezzijiet rispettivi taż-żewġ offerti u l-evalwazzjoni komparattiva tal-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz (ara l-punt 22 iktar ’il fuq).

140    Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, billi qabel kollox ikkomunikat lir-rikorrenti l-motivi essenzjali ta’ rifjut tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria, u sussegwentement ikkomunikat is-silta tar-rapport imsemmi iktar ’il fuq tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt iċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti, skont l-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 149(2) tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni. Għandu jiġi osservat, fil-fatt, li l-imsemmija silta ssemmi l-isem ta’ min intgħażel għall-kuntratt kif ukoll, permezz tal-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u taż-żewġ tabelli msemmija iktar ’il fuq, il-“karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula”. L-ittra tat-18 ta’ Novembru 2004 u din is-silta, ikkomunikata permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004, ippermettew, għaldaqstant, lir-rikorrenti sabiex tidentifika immedjatament ir-raġunijiet li minħabba fihom l-offerta tagħha ma ntgħażlitx, jiġifieri l-fatt li hija kienet inqas vantaġġuża ekonomikament minn dik tal-offerent magħżul, peress li l-din tal-aħħar kellha relazzjoni aħjar bejn il-kwalità u l-prezz .

141    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti dwar l-iskadenza tat-terminu ta’ ħmistax-il jum li fiha kellhom jiġu kkomunikati lilha s-siltiet mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, għandu effettivament jiġi osservat li din is-silta ġiet ikkomunikata permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Diċembru 2004 u għalhekk waslet għandha mill-inqas tmintax-il jum kalendarju wara t-talba tagħha bil-miktub, indirizzata lill-Kummissjoni permezz ta’ faks u permezz ta’ ittra rreġistrata tat-22 ta’ Novembru 2004. Dan id-dewmien żgħir, għalkemm ma huwiex mixtieq, madankollu, bl-ebda mod ma jillimita l-possibbiltà tar-rikorrenti li tinforza d-drittijiet tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali u għalhekk ma jistax, waħdu, iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt mill-proċess jirriżulta li r-rikorrenti użat l-informazzjoni kollha li tinsab f’din is-silta sabiex tippreżenta dan ir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 52).

142    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppermettiet lir-rikorrenti sabiex tinforza d-drittijiet tagħha u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

E –  Fuq it-tilet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità kontraenti fl-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti

1.     L-argumenti tal-partijiet

143    Ir-rikorrenti ssostni li d-DĠ rilevanti wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn huwa ma evalwax korrettement u oġġettivament il-kwalità tal-offerta tagħha u meta qies li din kienet inferjuri għal dik tal-offerent magħżul.

144    Taħt dan il-motiv, inizjalment, ir-rikorrenti sostniet li, peress li d-DĠ rilevanti ma segwiex metodoloġija oġġettiva, predeterminata u magħrufa mill-offerenti sabiex jasal għal klassifikazzjoni finali, huwa manifest li d-deċiżjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienet ibbażata fuq suppożizzjonijiet żbaljati.

145    Sussegwentement, ir-rikorrenti tindika li n-natura ġenerali tal-kriterji ġenerali użati u n-nuqqas ta’ għarfien mill-offerenti tan-natura eżatta tax-xogħol kuntrattwali li għandu jitwettaq wasslu għal evalwazzjoni suġġettiva tal-valur tal-offerti.

146    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkritika ċerti kummenti speċifiċi tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li juru l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.

147    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

148    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtorità kontraenti għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt f’sejħa għal offerti u li l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jillimita ruħu għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll għall-preċiżjoni materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball ċar ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż tal-poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 33, u tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il-Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 47; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1978, Agence européenne d’intérims vs Il-Kummissjoni, 56/77, Ġabra p. 2215, punt 20).

149    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tibbaża ruħha, essenzjalment, fuq żewġ elementi sabiex turi li hemm żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti.

150    Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-DĠ rilevanti ma użax metodoloġija oġġettiva, predeterminata u magħrufa mill-offerenti sabiex tasal għal klassifikazzjoni finali. Hija tinvoka wkoll l-allegat nuqqas ta’ għarfien mill-offerenti tan-natura tax‑xogħlijiet kuntrattwali li għandhom jitwettqu u l-allegata natura ġenerali tal-kriterji ta’ għoti tal-kuntratt u tikkonkludi minn dan li l-evalwazzjoni tal-offerti setgħet tkun biss suġġettiva u bbażata fuq suppożizzjonijiet żbaljati.

151    Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha għal dikjarazzjonijiet ġenerali, li ma humiex issostanzjati jew ikkoroborati minn xi tip prova. L-argumenti tagħha jikkostitwixxu tennija ta’ dawk użati fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni motivi, li ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti mkien ma turi kif dawn in-nuqqasijiet allegati kollha tal-awtorità kontraenti kienu jwassluha għal suppożizzjonijiet żbaljati u għal evalwazzjoni suġġettiva tal-offerti. Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li dan l-argument ma jistax ikun ta’ bażi għal dan il-motiv.

152    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta ċerti kummenti speċifiċi magħmula dwar l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria mill-kumitat ta’ evalwazzjoni.

153    L-ewwel nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jgħid li “[l]-offerta turi nuqqas ta’ fehim tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sa fejn tirreferi għal attivitajiet li diġà twettqu, jew li diġa kienu twettqu meta l-ftehim jidħol fis-seħħ”. Ir-rikorrenti tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-kummenti, li hija tikkwalifika bħala suġġettivi u inġusti, u ssostni, essenzjalment, li, jekk kien hemm nuqqas ta’ fehim, dan huwa minħabba li r-rikorrenti ġiet mistiedna tippreżenta offerta għal proġett li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt tagħha ma kinux magħrufa. Hija tqis, barra minn hekk, li tali kummenti huma vagi u huwa impossibbli li jiġu kkontestati.

154    Il-kummenti ċċitati iktar ’il fuq tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jirrigwardaw l-ewwel kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri dak tan-“natura adegwata tal-istrateġija proposta biex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti”. Fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ għoti tal-kuntratt, l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria kisbet marka ta’ 23.2/40, filwaqt li l-offerta magħżula kisbet marka ta’ 35.1/40.

155    Għandu jiġi kkonstatat li, għal darb’oħra, bħala parti mill-kritika tagħha għall-kummenti msemmija hawn fuq, ir-rikorrenti terġa’ ttenni l-argumenti invokati taħt l-ewwel motiv, li ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, meta tagħmel sempliċi dikjarazzjonijiet, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma turi l-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha dwar in-natura allegatament suġġettiva, inġusta u vaga tal-kummenti ċċitati iktar ’il fuq. Minn dan isegwi li l-kritika magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tal-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma turix in-natura żbaljata ta’ dak il-kumment u, wisq inqas l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li tikkonċerna l-offerta tagħha.

156    It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, li jgħidu li “[l]-offerta għandha xi kontradizzjonijiet, partikolarment fir-rigward tal-ippjanar: pereżempju, ċerti attivitajiet ta’ żvilupp li nbdew anki qabel ma nħarġu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt”. Ir-rikorrenti, fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, indikat li eżami ddettaljat tad-disinji Gantt fl-offerta tagħha wriet li, kuntrarju għall-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, hija kienet ipprevediet li l-attivitajiet ta’ żvilupp, ħlief għal xi eċċezzjonijiet iġġustifikati, jibdew wara l-attivitajiet relatati mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.

157    Il-kummenti msemmija iktar ’il fuq tal-kumitat ta’ evalwazzjoni, ikkontestati mir-rikorrenti, jirreferu wkoll għall-ewwel kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

158    Il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat id-disinji Gantt ippreżentati mir-rikorrenti u wara li ħadet inkunsiderazzjoni r-risposti tal-partijiet għad-domandi tal-Qorti Ġenerali fis-seduta, tqis li dawn id-disinji effettivament jagħtu l-impressjoni li r-rikorrenti tipprevedi, fl-ippjanar tagħha tal-proġett dwar il-kuntratt inkwistjoni, li mill-inqas uħud mill-attivitajiet ta’ żvilupp jibdew qabel l-attivitajiet korrispondenti ta’ speċifikazzjoni, li juru b’hekk li l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienu fondati. Huwa minnu li r-rikorrenti, essenzjalment, sostniet fis-seduta li kull ekwivoku li jista’ jinħoloq mill-qari tad-disinji Gantt kien dovut għall-fatt li dawn id-disinji, hekk kif kienu ppreżentati quddiem il-Qorti Ġenerali u inklużi wkoll fl-offerta, kienu ppreżentati f’format A 4 li jrendi ċerta informazzjoni − neċessarja għall-għarfien dwar l-ippjanar tal-proġett li jinsab fl-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria − mhux viżibbli. Ir-rikorrenti sostniet li hija kienet ukoll inkludiet fl-offerta tagħha l-istess disinji Gantt, iżda f’format A 3, u dan ikun renda viżibbli l-informazzjoni rilevanti marbuta mal-ippjanar tal-proġett u juri li l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kienu infondati. Madankollu, minkejja l-importanza allegata tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha d-disinji fil-format A 3 imsemmija iktar ’il fuq.

159    Fi kwalunkwe każ, anki li kieku kellu jitqies li dawn l-argumenti tar-rikorrenti huma fondati, għandu jiġi osservat li dawn jirrigwardaw l-ewwel kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni. Issa, kif jirriżulta mit-tabelli ppreżentati fil-punt 22 iktar ’il fuq, anki jekk l-offerta tar-rikorrenti kienet kisbet il-massimu tal-marki għal dan il-kriterju ta’ għoti tal-kuntratt, jiġifieri 40/40, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tikseb dan il-kuntratt minħabba n-numru ta’ punti miksuba għall-offerta tagħha fir-rigward tat-tliet kriterji l-oħra ta’ għoti tal-kuntratt.

160    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma pprovatx in-natura żbaljata tal-kummenti inkwistjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u li, fi kwalunkwe każ, hija assolutament ma pprovatx li dawn il-kummenti allegatament żbaljati jagħtu lok għal żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq fl-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.

161    It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kummenti li ġejjin mill-kumitat ta’ evalwazzjoni:

“L-offerta għandha deskrizzjoni ddettaljata ta’ Cosmic FFP, madankollu l-għodod proposti għall-istimi (Calico u Costar) huma xierqa biss għall-istimi bbażati fuq il-metodoloġija Cocomo II, u dan huwa inkonsistenti (ara t-taqsima 4.1.3.5.1) tal-offerta]).”

162    Dawn il-kummenti jirrigwardaw it-tieni kriterju ta’ għoti tal-kuntratt ikkontestat, jiġifieri n-“natura adegwata tal-metodi u tal-għodda, tal-ambjent tal-kwalità u tal-proċeduri ta’ kwalità proposti biex jitwettqu x-xogħlijiet rikjesti.” Fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ għoti, l-offerta msemmija kisbet marka ta’ 16.7/30 filwaqt li l-offerta magħżula kisbet marka ta’ 24.5/30.

163    Il-Kummissjoni tispeċifika fil-kitbiet u matul is-seduta li l-inkonsistenza identifikata mill-kumitat ta’ evalwazzjoni tikkonsisti fil-fatt li, filwaqt li r-rikorrenti kienet iddeskriviet fl-offerta tagħha l-għodda li hija għandha l-ħsieb tuża sabiex topera l-metodu Cocomo, li ma kienx mitlub fl-offerta, hija ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar l-infrastruttura operattiva tal-metodu Cosmic FFP, li kien il-metodu preskritt mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma indikatx x’kienet ir-rabta bejn iż-żewġ metodi Cocomo u Cosmic FFP imsemmija fl-offerta tagħha u x’kienet ir-rabta bejn il-metodu Cocomo, imsemmi mingħajr raġuni apparenti fl-offerta tagħha u s-sistema li hija s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni.

164    Fir-risposta tagħha għal domanda bil-miktub tal‑Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti sostniet li l-riferenza magħmula fl-offerta tagħha għall-metodu Cocomo ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala inkonsistenti u li r-raġuni li għaliha hija ma kinitx ipproponiet l-għodda speċifika għall-metodoloġija Cosmic FFP kienet li għodda speċifiċi ma kinitx meħtieġa. L-offerent magħżul lanqas ma kien ippropona tali għodda fl-offerta tiegħu.

165    Għandu jiġi osservat qabel kollox li, effettivament, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni jistabbilixxu l-użu tas-sistema Cosmic FFP sabiex isiru l-istimi relattivi, essenzjalment, għall-isforz li għandu jsir sabiex jitwettqu ċerti attivitajiet informatiċi marbuta mal-kuntratt inkwistjoni. Mill-eżami tat-taqsima 4.1.3.5.1 tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria jirriżulta li din tagħmel riferenza qasira ħafna u f’termini ġenerali għall-metodu Cocomo u għall-għodda Calico u Costar. Fl-aħħar nett għandu jiġi rrimarkat illi l-kumitat ta’ evalwazzjoni jikkritika mhux biss il-konsorzju msemmi iktar ’il fuq, iżda wkoll l-offerent magħżul talli ma speċifikax l-għodda li għandhom jintużaw fil-kuntest tas-sistema Cosmic FFP.

166    Għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tressaq ebda argument sabiex jiġi stabbilit li dawn il-punti ta’ fatt, li ma humiex ikkontestati, jattribwixxu natura żbaljata lill-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni msemmija fil‑punt 161 iktar ’il fuq u, a fortiori, jippermettu li jiġi deċiż li l‑imsemmi kummenti kienu wasslu, f’dan ir-rigward, lill-awtorità kontraenti sabiex tagħmel evalwazzjoni manifestament żbaljata tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria, fuq kollox peress li l-marka mogħtija għall‑imsemmija offerta tirrigwarda t-tieni kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, li ma hijiex ibbażata fuq din l-analiżi biss, iżda hija bbażata wkoll fuq il-kummenti l-oħra li jaqblu bejniethom li saru mill-kumitat ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 106).

167    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li “RUP [ġiet] ikkunsidrata matul l-offerta [tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria] bħala ‛il’-metodu ta’ ġestjoni tal-proġett, [għalkemm il-] proposti [tagħha] ta’ software għall-ambjent ta’ żvilupp ma jelenkaw ebda liċenzja IBM-Rational”. Dan il-kumment jirrelata ruħu wkoll mat-tieni kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni.

168    Il-Kummissjoni speċifikat fil-kitbiet tagħha u matul is-seduta li, permezz ta’ dawn il-kummenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien ikkonstata inkonsistenza fl-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria li tikkonsisti f’li, filwaqt li din l-offerta semmiet diversi drabi RUP bħala “il”-metodu li għandu jiġi segwit, madankolu hija ma tispeċifikax jekk l-imsemmi konsorzju kellux għad-dispożizzjoni tiegħu liċenzja għas-software IBM-Rational, li kellu jintuża fil-kuntest ta’ dan il-metodu, u b’hekk ħalliet miftuħa l-kwistjoni ta’ min, ir-rikorrenti jew l-awtorità kontraenti, għandha tassumi l-ispejjeż għall-użu ta’ dan is-software.

169    Skont ir-rikorrenti, il-kummenti msemmija iktar ’il fuq kienu tali li jqarrqu lill-awtorità kontraenti u huma wkoll irrilevanti. L-ispiża tal-liċenzji neċessarji għandha tiġi sostnuta mir-rikorrenti u għalhekk ma kellhiex raġuni li ssemmi x’kien hemm f’dan ir-rigward fl-offerta, peress li s-sejħa għal offerti ma kinitx tirrikjedi dan. Skont ir-rikorrenti, kien evidenti li hija kienet użat prodotti koperti minn liċenzja sabiex twettaq ix-xogħol tagħha.

170    Huwa biżżejjed f’dan ir-rigward li jingħad li l-argument tar-rikorrenti huwa ġenerali u ma huwa ssostanzjat minn ebda prova. Barra minn hekk ma huwiex tali li jipprova n-natura żbaljata tal-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni msemmija iktar ’il fuq, u wisq inqas l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-awtorità kontraenti.

171    Il-ħames nett, ir-rikorrenti tikkontesta r-rilevanza tal-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li jgħid li, “minkejja l-fatt li l-esperjenza fil-qasam tad-dwana u tas-sisa hija identifikata fl-[offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria] bħala indispensabbli f’termini ta’ ħiliet, fil-prattika, il-proposta tagħha ma turix li hemm dawn it-tip ta’ ħiliet”. Dan il-kumment jirrigwarda t-tielet kriterju ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri dak tan-“natura adegwata tal-organizzazzjoni tat-tim propost sabiex iwettaq ix-xogħlijiet meħtieġa”. Il-marka mogħtija lill-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ għoti kien ta’ 14.5/20, filwaqt li l-offerta magħżula kisbet marka ta’ 17.6/20.

172    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kummenti msemmija iktar ’il fuq ma humiex fondati, peress li l-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria kellu esperjenza fl-oqsma tad-dwana u tas-sisa u li din l-esperjenza kienet deskritta fl-offerta. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tinnota li ma kien hemm ebda raġuni biex tinkludi fl-offerta informazzjoni ddettaljata f’dan il-qasam peress li dan ma kienx meħtieġ fis-sejħa għall‑offertI filwaqt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kienx jirrikjedi li jkun hemm ċerta “ħiliet”. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega li l-fatt li l-allegat nuqqas ta’ esperjenza tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria fil-qasam tad-dwana u tas-sisa jintuża bħala motiv sabiex tiġi ġġustifikata stima medjokri tal-offerta tagħha jikkostitwixxi ksur tas-sejħa għall-offerti, peress li din l-esperjenza ma tissemmiex bħala kriterju ta’ evalwazzjoni.

173    Il-kritika tar-rikorrenti tirreferi kemm għar-rilevanza tal-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kif ukoll għall-fondatezza tagħhom.

174    Fir-rigward tar-rilevanza tal-kummenti, il-Qorti Ġenerali tosserva li, minkejja l-fatt li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jirrikjedux esperjenza fil-qasam tad-dwana u tas-sisa, il-kumitat ta’ evalwazzjoni sempliċement ried jenfasizza, permezz ta’ dawn il-kummenti, li hemm inkonsistenza fl-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria. Din l-inkonsistenza tikkonsisti fil-fatt li, filwaqt li din tal-aħħar tiddikjara li l-offerent, sabiex jintgħażel, għandu jkollu esperjenza fil-materja tad-dwana u tas-sisa, l-offerta tagħha madankollu ma turix tali esperjenza min-naħa tagħha. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, tali kummenti mill-kumitat ta’ evalwazzjoni kienu tali li jinformaw b’mod utli lill-awtorità kontraenti.

175    Fir-rigward tal-fondatezza tal-kummenti, għandu jiġi osservat li dawn il-kummenti saru fir-rigward tat-taqsima 6.3.1 tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki‑Steria, fejn ġie indikat li l-analisti tan-negozju (business analysts) ipproponew “esperjenza ppruvata f’materja ta’ sisa/ta’ taxxa/ta’ dwana fl-UE”. Skont il-Kummissjoni, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra li l-curriculum vitae prodotti mir-rikorrenti li jikkonċernaw l-analisti tan-negozju ma elenkawx din l-esperjenza. Ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tikkontesta dawn il-kjarifiki pprovduti mill-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li n-natura żbaljata tal-kummenti inkwistjoni tal-kumitat ta’ evalwazzjoni ma ġietx ippruvata.

176    Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tikkontesta l-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni relatati mat-tieni kriterju ta’ għoti tal-kuntratt, billi tikkritika l-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria minħabba l-inklużjoni ta’ riferenzi standard li jirrigwardaw, b’mod partikolari, l-istruttura u l-għodda informatiċi użati, li ma humiex iġġustifikati u li ma għandhom ebda relazzjoni mal-għanijiet tal-EMCS. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll il-kummenti tal-kumitat ta’ evalwazzjoni relatati mar-raba’ kriterju ta’ għoti tal-kuntratt, u dwar in-natura allegatament ġenerali tal-offerta tal‑konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għal darb’oħra, ir-rikorrenti tagħmel sempliċi dikjarazzjonijiet, targumenta b’mod ġenerali u ma tressaq ebda prova fuq dawn tal-aħħar. Għaldaqstant, dawn l-ilmenti ma jistgħux ma jiġux miċħuda.

177    Għall-kompletezza, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-approċċ tar-rikorrenti li tikkritika ċerti kummenti speċifiċi tal-kumitat ta’ evalwazzjoni huwa ineffettiv, peress li din tal-aħħar tonqos milli turi kif dawn il-kummenti allegatament żbaljati jistgħu jwasslu għal żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki Steria. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kellha fuq kollox tispjega kif il-kummenti allegatament żbaljati tagħha jaffettwaw il-marka miksuba għall-offerta tagħha. Ir-rikorrenti ma spjegatx dan.

178    Fid-dawl ta’ dak li jirriżulta iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma ppruvatx li jeżistu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-offerta tal-konsorzju Evropaïki Dynamiki-Steria. Dan il-motiv, għalhekk, għandu jiġi miċħud.

179    Għaldaqstant, minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

180    Ir-rikorrenti titlob li Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall‑ispejjeż kollha, anki jekk ir-rikors tagħha jiġi miċħud. Hija ssostni li n-nuqqas ta’ komunikazzjoni mid-DĠ rilevanti ta’ motivazzjoni suffiċjenti fi żmien utli biżżejjed ma ppermettilhiex li tevalwa b’mod sħiħ il-possibbiltajiet tagħha li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata u għalhekk kienet imġiegħla tippreżenta dan ir-rikors sabiex tippreżerva d-drittijiet tagħha.

181    Il-Kummissjoni tqis li din it-talba ma tistax tiġi ġġustifikata taħt id‑dritt Komunitarju.

182    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

183    Barra minn hekk, l-Artikolu 87(3) tar-regoli msemmija iktar ’il fuq jipprovdi:

“Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Il-Qorti Ġenerali tista’ tikkundanna lil parti, anki jekk rebbieħa, sabiex tħallas lura lill-parti l-oħra l-ispejjeż illi hi tkun ikkawżatilha u li l-Qorti Ġenerali tqis fiergħa jew vessatorji.”

184    F’dan il-każ, ġie kkonstatat, b’mod partikolari, li r-raba’ motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, ma kienx fondat. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali ma tapplikax ir-regola li hemm fl-Artikolu 87(2) imsemmija iktar ’il fuq. It-talba tar-rikorrenti għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

185    Peress illi r-rikorrenti tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it‑talbiet tal-Kummissjoni f’dan is-sens.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummmissjoni Ewropea.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Marzu 2010.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Sistema kompjuterizzata tal-movimenti u tas-sorveljanza ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (EMCS)

II –  L-għoti tal-kuntratt inkwistjoni

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq l-ammissibbiltà

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

II –  Fuq il-mertu

A –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

a)  Fuq l-ewwel parti tal-motiv, dwar in-nuqqas ta’ speċifikazzjonijiet tal-kuntratt tal-EMCS

b)  Fuq it-tieni parti tal-motiv, dwar in-nuqqas li jintbagħat is-sors tal-kodiċi tal‑NCTS

Fuq id-differenza fl-informazzjoni favur l-offerent magħżul

Fuq l-utilità tas-sors tal-kodiċi tal-NCTS għat-tħejjija tal-offerti

B –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Finanzjarju, tar-regoli ddettaljati għall-implementazzjoni, u tad-Direttivi 92/50 u 2004/18

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

C –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ diliġenza

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

D –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti u fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

E –  Fuq it-tilet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritŕ kontraenti fl-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.