SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

18 ta’ Settembru 2008

Kawża T-47/05

Pilar Angé Serrano et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Suċċess f’kompetizzjonijiet interni għal promozzjoni fil-kategorija taħt is-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal il-qodma – Dħul fis‑seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda – Regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad – Modifika tar-relazzjonijiet ġerarkiċi maħluqa taħt ir‑Regolamenti tal-Persunal il-qodma – Ammissibbiltà – Eċċezzjoni ta’ illegalità –Drittijiet kweżiti – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Trattament ugwali – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u obbligu ta’ premura”

Suġġett: Rikors għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali dwar il‑klassifikazzjoni fi grad intermedjarju tar-rikorrenti mill-1 ta’ Mejju 2004 u kkomunikati lilhom, permezz ta’ ittra tad-Direttur Ġenerali tal-persunal tal-Parlament Ewropew, matul l-ewwel ġimgħa tax-xahar ta’ Mejju 2004, kif ukoll ta’ kull att konsegwenti u/jew relattiv għal dawn id-deċiżjonijiet anki jekk adottat wara dan ir-rikors, u talba għall-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ danni.

Deċiżjoni: M’hemmx lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ Pilar Angé Serrano, ta’ Jean-Marie Bras u Adolfo Orcajo Teresa f’dak li jikkonċerna l‑ewwel kap tat-talbiet. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk ta’ Angé Serrano J-M. Bras u A. Orcajo Teresa. Dominiek Decoutere, Armin Hau u Francisco Javier Solana Ramos għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura – Produzzjoni tal-provi – Terminu – Produzzjoni tardiva ta’ provi – Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 48(1))

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90(2) u 91(1); Anness XIII)

3.      Uffiċjali – Rikors – Interess ġuridiku – Ilmenti dwar it-tibdil, magħmul mir‑regoli tranżitorji tal-klassifikazzjoni tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal, tar-relazzjonijiet ġerarkiċi li kien hemm preċedentement – Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII)

4.      Uffiċjali – Karriera – Drittijiet kweżiti – Suċċess f’kompetizzjoni interna għal promozzjoni fil-kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2 u 8)

5.      Uffiċjali – Karriera – Introduzzjoni ta’ regoli tranżitorji li jakkumpanjaw il‑bidla fit-tranżizzjoni mis-sistema l-antika għas-sistema l-ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali – Regoli ta’ klassifikazzjoni fi grad

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XIII, Artikoli 2 u 8)

1.      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 48(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza, jekk il-partijiet jistgħu jipproduċu provi ulterjuri insostenn tal‑argument tagħhom fir-replika jew fil-kontroreplika, huma għandhom jagħtu r‑raġunijiet għaliex dawn il-provi ġew prodotti tard.

Il-produzzjoni ta’ provi ulterjuri wara l-kontroreplika tibqa’ possibbli fil-każ li min irid iressaq il-provi ma setax, qabel il-proċedura bil-miktub, jipproduċi l‑provi inkwistjoni jew jekk il-produzzjoni tardiva tal-kontroparti tiegħu tiġġustifika li l-proċess ikun komplet b’mod li tiġi żgurata l-osservanza tal‑prinċipju tal-kontradittorju.

L-obbligu li jingħataw raġunijiet għad-dewmien li kien hemm fil-produzzjoni tal-provi jimplika li jiġi rrikonoxxut li l-qorti għandha s-setgħa tistħarreġ il‑fondatezza ta’ dawn ir-raġunijiet u, skont il-każ, il-kontenut ta’ dawn il-provi kif ukoll, jekk it‑talba ma tkunx fondata biżżejjed fid-dritt, is-setgħa li twarrabhom. A fortiori, dan jgħodd ukoll f’dak li jikkonċerna l-provi prodotti wara l‑preżentata tal‑kontroreplika.

(ara l-punti 54 -56)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ April 2005, Gaki-Kakouri vs Il-Qorti tal‑Ġustizzja, C‑243/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 u 33

2.      L-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament huma biss dawk il‑miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar‑rikorrent b’mod dirett u immedjat, billi jibdlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu. Dan huwa l‑każ ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkostitwixxu l‑applikazzjoni fil-konkret tar‑regoli tranżitorji ta’ klassifikazzjoni fi grad previsti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal‑Persunal. Dawn id-deċiżjonijiet huma tali li joħolqu preġudizzju għas‑sitwazzjoni ġuridika tal-uffiċjal ikkonċernat, anki jekk l‑istituzzjoni li jagħmel parti minnha tapplika biss l-imsemmija dispożizzjoni leġiżlattiva.

(ara l-punti 61 u 62)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Alvarez Moreno, C‑373/04 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 42, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 6 ta’ Ġunju 1996, Baiwir vs Il-Kummissjoni, T‑391/94, Ġabra SP p. I‑A‑269 u II‑787, punt 34; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 18 ta’ Ġunju 1996, Vela Palacios vs KES, T‑293/94, ĠabraSP p. I‑A‑305 u II‑893, punt 22; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il‑Kummissjoni, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑291 u II‑A‑2‑1497, punti 32 u 33

3.      L-ammissibbilità ta’ rikors tippreżumi li r-rikorrenti għandhom, meta jippreżentaw ir-rikors tagħhom, interess ġuridiku, effettiv u attwali, ta’ livell suffiċjenti li jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet individwali li jikkontestaw, peress li dan l-interess jippreżumi li r-rikors jista’, permezz tal-eżitu tiegħu, jipprovdilhom benefiċċju. Dan huwa l-każ ta’ uffiċjali li jikkontestaw it-tibdil magħmul mir-regoli ta’ klassifikazzjoni tranżitorja tal-Anness XIII tar‑Regolamenti tal‑Persunal, tar-relazzjonijiet ġerarkiċi li kien hemm taħt ir‑Regolamenti tal-Persunal il-Qodma kif kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004.

(ara l-punti 65, 68, 70, 76 u 81)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal‑Awdituri, 167/86, Ġabra p. 2705, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il-Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44

4.      Uffiċjal jista’ jsostni li għandu dritt kweżit biss sakemm iċ-ċirkustanzi li jagħtu lok għalih ikunu tqajmu taħt regolamenti partikolari preċedenti għat-tibdil tad‑dispożizzjonijiet regolamentari.

F’sistema fejn il-ġerarkija bejn uffiċjali hija suġġetta għal tibdil, il-klassifikazzjoni fi grad ogħla miksub minn ċerti uffiċjali meta mqabbla ma’ oħrajn, fi żmien partikolari tal‑karriera tagħhom, ma tikkostitwixxix dritt kweżit li għandu jkun protett mid‑dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal kif kienu fis-seħħ qabel l-1 ta’ Mejju 2004. Madankollu, l-uffiċjali li jkunu għaddew minn kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni fil-kategorija qabel din id-data għandhom dritt jistennew li r-Regolamenti tal‑Persunal joffrulhom prospettivi aħjar fil-karriera minn dawk li joffru lil uffiċjali oħrajn. Il-prinċipju ġenerali ta’ ekwità jirrikjedi li r-rieda u l‑isforzi li l‑uffiċjali jkunu għamlu qabel l-imsemmija data sabiex javanzaw fil‑karriera tagħhom ikunu rrikonoxxuti wara din id-data. B’hekk, l-aħjar prospettivi ta’ karriera miksuba qabel din id-data jikkostitwixxu drittijiet kweżiti li għandhom ikunu protetti.

Il-prospettivi tal-karriera tal-uffiċjali huma ddeterminati skont diversi fatturi – marbuta kemm ma’ elementi li huma speċifiċi għal kull uffiċjal (jiġifieri, b’mod partikolari, il-kapaċità tiegħu jew l-età tiegħu) kif ukoll ma’ elementi li huma barranin għalih (jiġifieri, b’mod partikolari, elementi li jikkonċernaw id‑dipartiment fejn huwa assenjat) – u mhumiex iddeterminati biss permezz tal‑klassifikazzjoni fi grad. Għalhekk, anki jekk l-effett tar-regoli tal‑klassifikazzjoni fi grad previsti mill-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar‑Regolamenti tal-Persunal, ikkunsidrati għalihom, huwa li jibdel ir‑relazzjonijiet ġerarkiċi maħluqa qabel l-1 ta’ Mejju 2004 bejn l-uffiċjali li kienu għaddew minn kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni fil-kategorija u l-uffiċjali l‑oħra, ma jirriżultax neċessarjament li l-prospettivi tal-karriera tal-uffiċjali li kienu għaddew minn din il-kompetizzjoni mhumiex aħjar minn dawk li ma kinux għaddew. Għall-kuntrarju, l-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandu dispożizzjonijiet li jiddistingwu bejn l-uffiċjali skont il-kategorija li għaliha kienu jappartjenu qabel l-1 ta’ Mejju 2004, billi jagħtu valur, b’dan il-mod, lis‑suċċess f’kompetizzjoni għal promozzjoni fil-kategorija miksuba qabel din id‑data.

(ara l-punti 106 sa 108, 110, 113 u 114)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Marzu 1975, Gilet vs Il-Kummissjoni, 28/74, Ġabra p. 463, punt 5

5.      Uffiċjal ma jistax jinvoka l-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontesta l-legalità ta’ dispożizzjoni leġiżlattiva ġdida, f’qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonjali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l‑ħtieġa ta’ tibdil. Dan huwa l-każ meta tibdil tas-sistema tal-karrieri tal‑uffiċjali – li fil-kuntest tiegħu, l-ewwel nett, il-klassifikazzjoni fi grad ogħla nkisbet u, it-tieni nett, is-suċċess f’kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni fil‑kategorija pproduċa u eżawrixxa l-effetti kollha tiegħu – kif ukoll l-adozzjoni ta’ regoli tranżitorji li jakkumpanjaw dan it-tibdil, inklużi r-regoli ta’ klassifikazzjoni fi grad li hemm fl‑Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

Barra minn hekk, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-mezzi implementati jkunu adatti sabiex jintlaħaq l-għan imfittex b’mod leġittimu mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex l-imsemmi għan jintlaħaq, peress li huwa mifhum li, meta jkun hemm għażla ta’ diversi miżuri adatti, għandha tintuża, bħala regola ġenerali, l-inqas waħda oneruża. Madankollu, rigward qasam fejn il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li t-Trattat jagħtih, hija biss in‑natura manifestament inadatta ta’ miżura meħuda, fid-dawl tal-għan li l‑istituzzjoni kompetenti hija marbuta tikseb, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il‑miżura. Il-Kunsill għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’dak li jikkonċerna l‑istabbiliment tar‑regoli tranżitorji li jakkumpanjaw it-tranżizzjoni mis-sistema antika għas-sistema l‑ġdida tal-karrieri tal-uffiċjali u li taħthom jaqgħu r-regoli ta’ klassifikazzjoni fi grad previsti fl-Artikoli 2 u 8 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dawn ir-regoli ta’ klassifikazzjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala manifestement inadatti sabiex jinkiseb l-għan li jikkonsisti, skont il-premessa 37 tar-Regolament Nru 723/2004, li jkunu applikati gradwalment id-dispożizzjonijiet u l-miżuri l-ġodda, filwaqt li jkunu rrispettati d‑drittijiet kweżiti tal-persunal u filwaqt li jiġu kkunsidrati l-aspettattivi leġittimi tagħhom.

Fl-aħħar nett, il‑klassifikazzjoni tal-uffiċjali li għaddew minn kompetizzjoni interna ta’ promozzjoni fil-kategorija qabel l-1 ta’ Mejju 2004 għal grad iktar baxx jew ugwali għall-grad ta’ uffiċjali li ma kinux għaddew minn kompetizzjoni bħal din ma tikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Peress li kien hemm tibdil radikali fis-sistema tal-karrieri, it-tqabbil tal-livell ġerarkiku tal‑uffiċjali qabel u wara din id-data mhuwiex, fih innifsu, determinanti sabiex jikkaratterizza ksur tal‑prinċipju ta’ trattament ugwali mill-Artikoli 2 u 8 tal‑Anness XIII tar‑Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 121, 131-133 u 146)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 14 ta’ Ġunju 1988, Christianos vs Il-Qorti tal‑Ġustizzja, 33/87, Ġabra p. 2995, punt 23; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Ġunju 1996, NMB France et vs Il-Kummissjoni, T‑162/94, Ġabra p. II‑427, punt 69, u l‑ġurisprudenza ċċitata, u l-punt 70, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti tal‑Prim’Istanza 11 ta’ Frar 2003, Leonhardt vs Il-Parlament, T‑30/02, ĠabraSP p. I‑A‑41 u II‑265, punt 55