Kawża T-21/05

Chalkor AE Epexergasias Metallon

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni — Akkordji — Settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE — Ksur kontinwu u f’diversi forom — Multi — Parteċipazzjoni limitata fl-akkordju — Portata ġeografika tas-suq ikkonċernat — Tul tal-ksur — Kooperazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Metodu ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ flessibbiltà

(Artikolu 229 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003 Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

2.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Parteċipazzjoni allegatament forzata

(Artikolu 81(1) KE)

3.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Gravità tal-ksur

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 A)

4.      Kompetizzjoni — Akkordji — Ftehim bejn impriżi — Oneru tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prova tal-ksur

(Artikolu 81(1) KE)

5.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur għal perijodu twil — Żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali fis-sena

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)

6.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti — Waqfien tal-ksur qabel l-intervent tal-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

7.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 11, u Nru 1/2003, Artikolu 18; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)

8.      Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur għal perijodu twil — Żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali fis-sena — Konsegwenzi

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)

1.      Il-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita, li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk din tal-aħħar eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi.

L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettulha teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha ma jippreġudikawx, bħala prinċipju, l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 60-64)

2.      Il-pressjonijiet eżerċitati minn impriżi u intiżi sabiex impriżi oħra jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, ikunu kbar kemm ikunu, ma jeżentawx lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur kommess, ma jibdlu bl-ebda mod il-gravità tal-akkordju u ma għandhomx jikkostitwixxu ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, peress illi l-impriża kkonċernata setgħet tirraporta l-eventwali pressjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti u tagħmel ilment magħhom.

(ara l-punt 72)

3.      Impriża li r-responsabbiltà tagħha ġiet stabbilita fir-rigward ta’ diversi partijiet ta’ akkordju tikkontribwixxi iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn persuna li wettqet ksur involuta biss f’parti waħda ta’ dan l-istess akkordju. Għaldaqstant, l-ewwel impriża tikkommetti ksur iktar gravi minn dak kommess mit-tieni waħda.

Skont il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u ta’ responsabbiltà personali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, matul l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni f’akkordju ta’ kull persuna li wettqet ksur, il-fatt li ċerti persuni li wettqu ksur jistgħu, jekk ikun il-każ, ma jinżammux responsabbli għall-partijiet kollha ta’ dan l-akkordju.

Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir meta jiġi stabbilit l-ammont inizjali speċifiku, peress illi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti jippermetti biss li jinbidel l-ammont bażiku tal-multa skont il-modalitajiet li bihom il-persuna li wettqet ksur implementat l-akkordju. Persuna li wettqet ksur li ma hijiex ddikjarata responsabbli ta’ ċerti partijiet ta’ dan l-akkordju ma setgħetx kienet involuta fl-implementazzjoni tal-imsemmija partijiet. Il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, minħabba l-portata limitata tal-ksur li tiegħu tinżamm responsabbli dik il-persuna, huwa inqas serju minn dak attribwit lill-persuni li wettqu ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi naqset milli tikkunsidra, waqt il-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-fatt li, impriża pparteċipat biss f’parti waħda tal-akkordju, bid-differenza ta’ impriżi membri oħra ta’ dan l-akkordju, u għalhekk, hija ttrattat sitwazzjoni differenti bl-istess mod, mingħajr ma ġġustifikat b’mod oġġettiv tali trattament.

(ara l-punti 99-101, 104)

4.      Huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat bejn kompetituri ta’ natura manifestament antikompetittiva sabiex jiġi pprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi, il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq provi tali li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva, billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom.

(ara l-punt 130)

5.      Mil-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur. Il-fatt li hija rriżervat possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur, fir-rigward ta’ ksur ta’ tnax-il xahar jew iktar, sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jew tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha, ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.

(ara l-punti 141, 143)

6.      Il-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu li tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis tal-multa għall-waqfien ta’ ksur li kien diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni.

(ara l-punt 151)

7.      Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, il-Kummissjoni tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn. Għalhekk huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni li jista’ jkun iċċensurat. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali teżerċita kontroll sħiħ fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tmurx lil hinn mill-obbligu impost fuqha, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, li tirrispondi t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 162, 168)

8.      Mill-istruttura tal-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA, jirriżulta illi l-impriżi li jipparteċipaw għall-itwal tul ta’ żmien f’akkordju jingħataw l-inqas multi, jekk l-ammonti jiġu diviżi bin-numru ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni fil-kartell, jew bin-numru ta’ laqgħat li fihom dawn l-impriżi pparteċipaw, peress illi l-Kummissjoni hija limitata, fl-imsemmija linji gwida, li tipprovdi li l-ammont inizjali tal-multa jiżdied sa massimu ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur. Impriża ma tistax tistrieħ fuq din l-awtolimitazzjoni sabiex tikseb tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

(ara l-punti 179, 180)







SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

19 ta’ Mejju 2010 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ‑ Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 81 KE – Ksur kontinwu u f’diversi forom – Multi – Parteċipazzjoni limitata fl-akkordju – Portata ġeografika tas-suq ikkonċernat – Tul tal-ksur – Kooperazzjoni”

Fil-kawża T‑21/05,

Chalkor AE Epexergasias Metallon, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn I. Forrester, QC, A. Schulz u A. Komninos, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Oliver u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2826, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn E. Martins Ribeiro, S. Papasavvas u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Chalkor AE Epexergasias Metallon (iktar ’il quddiem “Chalkor” jew ir-“rikorrenti”) hija kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Grieg, ikkwotata fil-Borża ta’ Ateni (il-Greċja). Il-kumpannija Viohalco SA għandha l-maġġoranza assoluta tal-ishma tar-rikorrenti.

1.     Il-proċedura amministrattiva

2        Wara l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni minn Meuller Industries Inc. (iktar ’il quddiem “Mueller”) f’Jannar 2001, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għamlet żjarat ta’ verifika mhux mistennija, f’Marzu 2001, fil-bini ta’ diversi impriżi li jaħdmu fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3).

3        Fid-9 u fl-10 ta’ April 2001, saru żjarat ta’ verifika addizzjonali fil-bini ta’ KME Germany AG (li kienet KM Europa Metal AG) u ta’ Outokumpu Oyj u Luvata Oy (li kienet Outokumpu Copper Products Oy) (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“grupp Outokumpu”). Fid-9 ta’ April 2001, Outokumpu offriet li tikkoopera mal-Kummissjoni skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 1996, C 207, p. 4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni”), kemm għall-pajpijiet industrijali kif ukoll għall-pajpijiet għall-plumbing. Wara ż-żjarat ta’ verifika addizzjonali, il-Kummissjoni qasmet l-investigazzjoni tagħha dwar il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing fi tliet proċeduri separati, jiġifieri l-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), il-Każ COMP/E‑1/38.121 (Attrezzaturi) u l-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali).

4        Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2001, il-grupp Outokumpu bagħat memorandum lill-Kummissjoni, akkumpanjat minn ċertu numru ta’ annessi, li kien jiddeskrivi s-settur tal-pajpijiet tar-ram u l-ftehim kollużivi relatati miegħu.

5        Fil-5 ta’ Ġunju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni, saru intervisti relatati mal-offerta ta’ kooperazzjoni magħmula mill-grupp Outokumpu, ma’ rappreżentanti ta’ din l-impriża. Din l-impriża indikat ukoll illi kienet lesta li tħalli lill-Kummissjoni tinterroga l-membri tal-persunal tagħha involuti fil-ftehim imsemmija fil-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

6        F’Lulju 2002, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali), il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17, minn naħa waħda, bagħtet talbiet għal informazzjoni lil Wieland-Werke AG (iktar ’il quddiem “Wieland”) u lill-grupp KME [kompost minn KME Germany, KME France SAS (li kienet Tréfimétaux SA) u KME Italy SpA (li kienet Europa Metalli SpA)] u, min-naħa l-oħra, stiednet lill-grupp Outokumpu sabiex jibgħatilha informazzjoni addizzjonali. Fil-15 ta’ Ottubru 2002, il-grupp KME wieġeb għall-imsemmija talba għal informazzjoni. It-tweġiba tiegħu kienet tinkludi dikjarazzjoni u talba sabiex jibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Barra minn hekk, il-grupp KME ppermetta lill-Kummissjoni li tuża l-informazzjoni kollha pprovduta fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.240 (Pajpijiet industrijali) u f’dak tal-kawża COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing).

7        Fit-23 ta’ Jannar 2003, Wieland bagħtet dikjarazzjoni lill-Kummissjoni li kienet tinkludi talba sabiex, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), tibbenefika mill-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

8        Fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), fit-3 ta’ Marzu 2003, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni lill-grupp Boliden [kompost minn Boliden AB, Outokumpu Copper Fabrication AB (li kienet Boliden Fabrication AB) u Outokumpu Copper BCZ SA (li kienet Boliden Cuivre & Zinc SA)], lil HME Nederland BV (iktar ’il quddiem “HME”) u lil Chalkor u fl-20 ta’ Marzu 2003, bagħtet ukoll lill-grupp IMI (kompost minn IMI plc, IMI Kynoch Ltd u Yorkshire Copper Tube).

9        Fid-9 ta’ April 2003, ir-rappreżentanti ta’ Chalkor iltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Kummissjoni u talbu, fil-kuntest tal-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), l-applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

10      Fid-29 ta’ Awwissu 2003, il-Kummissjoni, fil-Każ COMP/E‑1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing), adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata lill-kumpanniji kkonċernati. Wara li l-imsemmija kumpanniji kellhom aċċess għall-fajl elettroniku, u wara li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, huma, bl-eċċezzjoni ta’ HME, ħadu sehem fis-seduta tat-28 ta’ Novembru 2003.

11      Fis-16 ta’ Diċembru 2003, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2003) 4820 finali, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.240 – Pajpijiet industrijali), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2004 (ĠU L 125, p. 50).

2.     Id-deċiżjoni kkontestata

12      Fit-3 ta’ Settembru 2004, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni C (2004) 2826 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li sommarju tagħha huwa ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tat-13 ta’ Lulju 2006 (ĠU L 192, p. 21).

13      Id-deċiżjoni kkontestata tinkludi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Artikolu 1

Is-segwenti impriżi kisru d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 81(1) [KE] u, b’effett mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, fil-perijodi msemmija, f’numru ta’ ftehim u prattiki miftehma li jikkonsistu fl-iffissar tal-prezzijiet u fit-tqassim bejniethom tas-swieq fis-settur tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing:

a)      Boliden […], in solidum ma’ [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

b)      [Outokumpu Copper Fabrication], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper BCZ], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

c)      [Outokumpu Copper BCZ], in solidum ma’ Boliden […] u [Outokumpu Copper Fabrication], mit-3 ta’ Ġunju 1988 sat-22 ta’ Marzu 2001;

d)      Austria Buntmetall AG:

i)      in solidum ma’ Buntmetall Amstetten [GmbH], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat-8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

e)      Buntmetall Amstetten […]:

i)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sat‑8 ta’ Lulju 1999 mill-inqas, u

ii)      in solidum ma’ [Wieland] u Austria Buntmetall […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001;

f)      [Chalkor], mid-29 ta’ Awwissu 1998 sal-bidu ta’ Settembru 1999 mill-inqas;

g)      [HME] tad-29 ta’ Awwissu 1998 sat-22 ta’ Marzu 2001 mill-inqas;

h)      IMI […], in solidum ma’ IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

i)      IMI Kynoch […], in solidum ma’ IMI […] u Yorkshire Copper Tube […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

j)      Yorkshire Copper Tube […], in solidum ma’ IMI […] u IMI Kynoch […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

k)      [KME Germany]:

i)      individwalment, mit-3 ta’ Ġunju 1988 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME France] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

l)      [KME Italy]:

i)      in solidum ma’ [KME France], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME France], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

m)      [KME France]:

i)      in solidum ma’ [KME Italy], mid-29 ta’ Settembru 1989 sad-19 ta’ Ġunju 1995, u

ii)      in solidum ma’ [KME Germany] u [KME Italy], mill-20 ta’ Ġunju 1995 sat-22 ta’ Marzu 2001;

[…]

s)      Outokumpu […], in solidum ma’ [Luvata], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

t)      [Luvata], in solidum ma’ Outokumpu […], mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-22 ta’ Marzu 2001;

u)      [Wieland]:

i)      individwalment mid-29 ta’ Settembru 1989 sat-8 ta’ Lulju 1999, u

ii)      in solidum ma’ Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], mid-9 ta’ Lulju 1999 sat-22 ta’ Marzu 2001.

Artikolu 2

Is-segwenti multi huma imposti għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1:

a)      Boliden […], [Outokumpu Copper Fabrication] u [Outokumpu Copper BCZ], in solidum: EUR 32.6 miljun;

b)      Austria Buntmetall […] u Buntmetall Amstetten […], in solidum: EUR 0.6695 miljun;

c)      Austria Buntmetall […], Buntmetall Amstetten […] u [Wieland], in solidum: EUR 2.43 miljun;

d)      [Chalkor]: EUR 9.16 miljun;

e)      [HME]: EUR 4.49 miljun;

f)      IMI […], IMI Kynoch […] u Yorkshire Copper Tube […], in solidum: EUR 44.98 miljun;

g)      [KME Germany]: EUR 17.96 miljun;

h)      [KME Germany], [KME France] u [KME Italy], in solidum: EUR 32.75 miljun;

i)      [KME Italy] u [KME France], in solidum: EUR 16.37 miljun;

j)      Outokumpu […] u [Luvata], in solidum: EUR 36.14 miljun;

k)      [Wieland], individwalment: EUR 24.7416 miljun.

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

14      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-impriżi inkwistjoni kienu pparteċipaw fi ksur (iktar ’il quddiem il-“kartell” jew il-“ksur inkwistjoni” wieħed, kontinwu, kumpless u fil-każ tal-grupp Boliden, tal-grupp KME u ta’ Wieland, f’diversi forom. Il-Kummissjoni spjegat li l-ftehim nazzjonali, bħala tali, ma kinux koperti mid-deċiżjoni kkontestata (premessi 2 u 106 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Prodotti u swieq inkwistjoni

15      Is-settur ikkonċernat, dak tal-fabbrikazzjoni tal-pajpijiet tar-ram, jinkludi żewġ gruppi ta’ prodotti, jiġifieri, minn naħa waħda, il-pajpijiet industrijali, li jinqasmu f’sottogruppi differenti skont l-użu finali tagħhom (kondizzjonar tal-arja u tkessiħ, attrezzaturi, tisħin tal-ilma u tisħin bil-gass, filter dryers u telekomunikazzjonijiet), u min-naħa l-oħra, il-pajpijiet għall-plumbing, imsejħa wkoll “pajpijiet tal-plumbing”, li huma użati fil-bini għall-installazzjonijiet tal-ilma, taż-żejt, tal-gass u tas-sħana (premessa 3 tad-deċiżjoni kkontestata).

16      Il-Kummissjoni kkunsidrat illi l-Każijiet COMP/E-1/38.069 (Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) u COMP/E-1/38.240 (Pajpijiet industrijali) kienu jikkonċernaw żewġt iksur distinti. F’dan ir-rigward, hija bbażat ruħha prinċiparjament fuq il-fatt li “huma impriżi differenti (u membri differenti tal-persunal ta’ dawn l-impriżi” li kienu involuti fil-ftehim dwar il-pajpijiet għall-plumbing, minn naħa waħda, u dwar il-pajpijiet industrijali, min-naħa l-oħra, ftehim li l-organizzazzjoni tagħhom ukoll kienet differenti”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-settur tal-pajpijiet għall-plumbing kien differenti minn dak tal-pajpijiet industrijali f’dak li jirrigwarda l-klijentela koperta, l-użu finali u l-karatteristiċi tekniċi tal-prodotti (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni kkontestata)

17      Fir-rigward tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stabbilixxiet illi dan il-grupp ta’ prodotti kien jinkludi żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti: il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, minn naħa waħda, u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Hija osservat illi “il-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik mhux bilfors huma interkambjabbli u li jistgħu jikkostitwixxu swieq ta’ prodotti distinti fid-dawl tal-Att tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Komunità” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 155). Madankollu, għall-finijiet tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset illi dawn iż-żewġ “sottofamilji” ta’ prodotti kellhom jiġu kkunsidrati bħala “l-istess grupp wieħed ta’ prodotti […] għaliex essenzjalment huma l-istess impriżi (u l-istess membri tal-persunal ta’ dawn l-impriżi) li huma involuti fil-ftehim dwar dawn iż-żewġ sottofamilji ta’ prodotti u li l-ftehim kienu organizzati b’mod simili” (premessi 13 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat ukoll illi s-suq ġeografiku rilevanti kien iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Hija kkalkolat illi, fl-2000, fiż‑ŻEE, il-valur tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji kien ta’ madwar EUR 970.1 miljun u dak tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik kien ta’ EUR 180.9 miljun. Konsegwentement, il-valur ta’ dawn iż-żewġ swieq flimkien ġie stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fl-2000 fiż-ŻEE (premessi 17 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Komponenti tal-ksur inkwistjoni

19      Il-Kummissjoni spjegat illi l-ksur inkwistjoni kien jidher fi tliet forom distinti, iżda konnessi (premessi 458 u 459 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel parti tal-kartell kienet tikkonsisti fil-ftehim konklużi bejn il-“produtturi SANCO”. It-tieni parti tal-ksur inkwistjoni kienet tinkludi l-ftehim konklużi bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”. Fl-aħħar nett, it-tielet parti tal-kartell kienet tkopri l-ftehim konklużi fi ħdan l-ikbar grupp ta’ prodotturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, imsejħa “ftehim Ewropej imsaħħa”.

 Ftehim bejn il-“produtturi SANCO”

20      SANCO hija t-trade mark kif ukoll l-isem ta’ proċess tekniku speċifiku għall-manifattura tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kontra l-korrużjoni ta’ kwalità superjuri. It-teknika ġiet brevettata fl-1980 mill-impriża Usines à cuivre et à zinc. Il-grupp Boliden kien id-detentur tal-privattiva inizjali tal-proċess tal-manifattura sakemm skada fl-2000, iżda ma kienx il-proprjetarju tat-trade mark SANCO fil-pajjiżi kollha Ewropej. Il-kompetitur tiegħu, il-grupp KME, talab u kiseb ir-reġistrazzjoni tat-trade mark SANCO taħt ismu stess f’diversi pajjiżi Ewropej. Sussegwentement, il-grupp KME bbrevetta ċertu numru ta’ titjib fuq il-brevett oriġinali u ż-żewġ kompetituri taw lil xulxin liċenzji reċiproċi fuq il-brevetti u t-trade marks rispettivi tagħhom. Mill-1981 ’l hawn, il-grupp KME u l-grupp Boliden taw liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lil Wieland (premessi 115 sa 118 tad-deċiżjoni kkontestata).

21      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kkunsidrat illi, mill-1998, il-ftehim bejn il-“produtturi SANCO” kienu jmorru lil hinn minn sempliċi relazzjoni bejn “konċedenti” u “detenturi” ta’ liċenzji. Fl-opinjoni tagħha, bejn il-produtturi, jiġifieri l-grupp KME, il-grupp Boliden u Wieland, minn Ġunju 1988 sal-aħħar tal-ewwel semestru tal-1994, kien hemm ftehim dwar l-għanijiet tal-prezzijiet u r-rati ta’ skont kif ukoll dwar it-tqassim tal-bejgħ u tal-ishma tas-suq (iktar ’il quddiem il-“ftehim SANCO”). Is-sorveljanza tal-implementazzjoni ta’ dawn il-ftehim kienet ibbażata prinċiparjament fuq il-komunikazzjoni, bejn il-“produtturi SANCO”, ta’ ċifri dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tagħhom (premessi 125 sa 146 u 456 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ftehim bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”

22      WICU u Cuprotherm huma trade marks ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik li kienu s-suġġett ta’ brevetti.

23      It-trade mark WICU u l-brevetti relatati huma tal-grupp KME, li b’mod partikolari kkonċeda liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lil Wieland. Min-naħa l-oħra, it-trade mark Cuprotherm u l-brevett relatat huma ta’ Wieland, li kkonċediet liċenzja ta’ trade mark u ta’ brevett lill-grupp KME (premessa 121 tad-deċiżjoni kkontestata).

24      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ftehim konklużi bejn il-grupp KME u Wieland dwar il-pajpijiet WICU u Cuprotherm kienu jmorru lil hinn minn sempliċi relazzjoni bejn “konċedenti” u “detenturi” ta’ liċenzji. Il-grupp KME u Wieland kellhom kuntatti antikompetittivi taħt il-forma ta’ skambju ta’ informazzjoni sensittiva u ta’ koordinazzjoni ta’ volumi u ta’ prezzijiet fir-rigward tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (iktar ’il quddiem il-“ftehim WICU u Cuprotherm”) (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ftehim Ewropej imsaħħa

25      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat illi, parallelament mal-ftehim SANCO u mal-ftehim WICU u Cuprotherm, il-ksur inkwistjoni kellu tielet parti, li kienet tinkludi ftehim bejn membri ta’ grupp ikbar ta’ produtturi ta’ pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji (premessi 102, 104, 105, 108 sa 111, 147, 148, 461 u 462 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Fil-bidu, il-parteċipanti f’dan il-grupp ikbar kienu ħamsa, jiġifieri l-grupp KME, Wieland, il-grupp Outokumpu, il-grupp IMI u Mueller (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ ħamsa”). Wara l-wasla ta’ Chalkor, ta’ HME, tal-grupp Boliden u tal-grupp Buntmetall (kompost minn Austria Buntmetall u minn Buntmetall Amstetten), in-numru ta’ parteċipanti f’dan il-grupp tela’ għal disgħa (iktar ’il quddiem il-“Grupp ta’ disgħa” (premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Skont il-Kummissjoni, dawn id-disa’ parteċipanti pprovaw jistabilizzaw is-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji billi bbażaw ruħhom fuq l-ishma tas-suq ta’ sena ta’ referenza sabiex jipprevedu objettiv għal-ishma futuri tas-suq. Barra minn hekk, fid-deċiżjoni kkontestata hija kkunsidrat illi l-imsemmija parteċipanti kienu ftehmu fuq skambji ta’ informazzjoni sensittiva, fuq it-tqassim tal-ishma tas-suq, fuq is-sorveljanza tal-volumi ta’ bejgħ, fuq mekkaniżmu ta’ “mexxejja” għas-suq kif ukoll fuq koordinazzjoni tal-prezzijiet, li tinkludi lista ta’ prezzijiet, l-applikazzjoni ta’ “linji ta’ prezzijiet” u ta’ skontijiet (premessa 192 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

28      Fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni rrilevat li l-ksur inkwistjoni kien beda fit-3 ta’ Ġunju 1988 f’dak li jirrigwarda lill-grupp KME u lill-grupp Boliden, fid-29 ta’ Settembru 1989 f’dak li jirrigwarda lill-grupp IMI, lill-grupp Outokumpu u lil Wieland, fil-21 ta’ Ottubru 1997 f’dak li jirrigwarda lil Mueller u, mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998 f’dak li jirrigwarda lil Chalkor, lill-grupp Buntmetall u lil HME. Għal dak li jikkonċerna d-data li fiha l-ksur intemm, il-Kummissjoni ddikjarat li din kienet it-22 ta’ Marzu 2001, ħlief fil-każ ta’ Mueller u Chalkor, li, skont il-Kummissjoni, waqfu jipparteċipaw fil-kartell fit-8 ta’ Jannar 2001 u f’Settembru 1999 rispettivament (premessa 597 tad-deċiżjoni kkontestata).

29      F’dak li jikkonċerna n-natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni, fir-rigward tal-grupp Boliden, tal-grupp IMI, tal-grupp KME, tal-grupp Outokumpu u ta’ Wieland, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat illi, minkejja li l-kartell kellu perijodi ta’ attività inqas intensa bejn l-1990 u Diċembru 1992, minn naħa waħda, u bejn Lulju 1994 u Lulju 1997, min-naħa l-oħra, madankollu l-ksur qatt ma waqaf totalment, b’tali mod li l-ksur inkwistjoni kien effettivament jikkostitwixxi ksur wieħed mhux preskritt (premessi 466, 471, 476, 477 u 592 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Fir-rigward ta’ HME, tal-grupp Buntmetall u ta’ Chalkor, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tipprova l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell fil-perijodu ta’ qabel id-29 ta’ Awwissu 1998 (premessi 592 u 597 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

31      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi, skont l‑Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), kif ukoll skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, fuq il-grupp Boliden, fuq il-grupp Buntmetall, fuq Chalkor, fuq HME, fuq il-grupp IMI, fuq il-grupp KME, fuq il-grupp Outokumpu u fuq Wieland (premessa 842 u Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

32      L-ammonti tal-multi ġew stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-gravità u t-tul tal-ksur inkwistjoni, jiġifieri ż-żewġ kriterji espliċitement imsemmija fl-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li skont id-deċiżjoni kkontestata, kienu applikabbli fil-mument tal-ksur inkwistjoni (premessi 601 sa 603 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni applikat il-metodu stabbilit fil-linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat [FA] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), iktar ’il quddiem il-“linji gwida”), minkejja illi ma rreferietx għalihom b’mod sistematiku. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk, u sa fejn, l-impriżi kkonċernati kienu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

 Ammont inizjali tal-multi

–       Gravità

34      Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat in-natura proprja tal-ksur, l-effett reali tiegħu fuq is-suq, il-portata tas-suq ġeografiku inkwistjoni u d-daqs tal-imsemmi suq (premessi 605 u 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Hija sostniet illi l-prattiki tat-tqassim tas-swieq u l-iffissar tal-prezzijiet, bħal dawk msemmija f’din il-kawża, kienu jikkostitwixxu, fihom infushom, ksur serju ħafna u kkunsidrat illi s-suq ġeografiku affettwat mill-kartell kien jikkorrispondi għat-territorju taż-ŻEE. Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-fatt li s-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing kien settur industrijali importanti ħafna, li l-valur tiegħu kien stmat fl-ammont ta’ EUR 1 151 miljun fiż-ŻEE fl-2000, l-aħħar sena sħiħa tal-kartell (premessi 606 u 674 sa 678 tad-deċiżjoni kkontestata).

36      F’dak li jirrigwarda l-effett reali fuq is-suq, il-Kummissjoni rrilevat illi kien hemm provi biżżejjed illi juru li l-kartell kien ipproduċa effetti fuq is-suq ikkonċernat b’mod totali, partikolarment fuq il-prezzijiet, anki jekk kien impossibbli li dawn jiġu kkwantifikati b’mod preċiż (premessi 670 u 673 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-finijiet ta’ din il-konstatazzjoni, hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq diversi fatturi. L-ewwel nett, hija bbażat ruħha fuq l-implementazzjoni tal-akkordju filwaqt li rreferiet għall-fatt illi l-parteċipanti kienu skambjaw informazzjoni dwar il-volum tal-bejgħ u l-livelli tal-prezz (premessi 629 u 630 tad-deċiżjoni kkontestata).

37      It-tieni nett, hija kkunsidrat il-fatt li l-membri tal-kartell kellhom sehem sinjifikattiv, jiġifieri 84.6 %, tas-suq fiż-ŻEE (premessa 635 tad-deċiżjoni kkontestata).

38      It-tielet nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq tabelli, memoranda u noti miktuba, fil-kuntest tal-laqgħat tal-kartell, mill-membri ta’ dan il-kartell. Dawn id-dokumenti kienu juru illi l-prezzijiet kienu għolew matul ċerti perijodi tal-kartell u li l-membri tal-kartell kellhom dħul addizzjonali meta mqabbel mal-perijodu preċedenti. Uħud minn dawn id-dokumenti kienu juru illi l-persuni involuti fil-kartell kkunsidraw illi dan kien ippermetta lill-impriżi kkonċernati jilħqu l-objettivi tal-prezz tagħhom. Il-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq id-dikjarazzjonijiet magħmula mis-Sur M, direttur preċedenti ta’ waħda mill-kumpanniji tal-grupp Boliden, kif ukoll minn Wieland, mill-grupp Boliden u minn Mueller fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom (premessi 637 sa 654 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fl-akkordju kienu baqgħu relattivament stabbli matul il-kartell kollu, anki jekk xi drabi l-klijenti tal-parteċipanti nbidlu (premessa 671 tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet illi l-impriżi kkonċernati kienu kkommettew ksur serju ħafna (premessa 680 tad-deċiżjoni kkontestata).

–       Trattament differenzjat

41      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni identifikat erba’ gruppi li hija kkunsidrat bħala rappreżentattivi tal-importanza relattiva tal-impriżi fil-ksur inkwistjoni. It-tqassim, mill-Kummissjoni, tal-membri tal-kartell f’diversi kategoriji, kien ibbażat fuq l-ishma tas-suq rispettivi tal-parteċipanti fil-kartell għall-bejgħ tal-prodotti kkonċernati fiż-ŻEE matul is-sena 2000. Konsegwentement, il-grupp KME ġie kkunsidrat bħala l-attur prinċipali fis-suq ikkonċernat u ġie kklassifikat fl-ewwel kategorija. Il-gruppi Wieland (kompost minn Wieland u mill-grupp Buntmetall, li tiegħu Wieland kisbet il-kontroll f’Lulju 1999), IMI u Outokumpu ġew ikkunsidrati bħala operaturi ta’ daqs medju fuq dan is-suq u ġew ikklassifikati fit-tieni kategorija. Il-grupp Boliden tqiegħed fit-tielet kategorija. Fir-raba’ kategorija kien hemm HME u Chalkor (premessi 681 sa 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      L-ishma tas-suq ġew stabbiliti abbażi tad-dħul mill-bejgħ, magħmul minn kull persuna li wettqet ksur, li kien ġej mill-bejgħ tal-pajpijiet għall-plumbing fuq is-suq konġunt tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik. Għaldaqstant l-ishma tas-suq ta’ impriżi li ma kinux ibiegħu pajpijiet WICU u Cuprotherm ġew ikkalkolati billi d-dħul mill-bejgħ tagħhom mill-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji ġie diviż bid-daqs totali tas-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u dawk miksijin bil-plastik (premessi 683 u 692 tad-deċiżjoni kkontestata).

43      Konsegwentement, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammont inizjali tal-multi bħala EUR 70 miljun għall-grupp KME, EUR 23.8 miljun għall-gruppi Wieland, IMI u Outokumpu, EUR 16.1 miljun għall-grupp Boliden u EUR 9.8 miljun għal Chalkor u għal HME (premessa 693 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Fid-dawl tal-fatt illi Wieland u l-grupp Buntmetall kienu impriża waħda wara Lulju 1999, u li, sa Ġunju 1995, KME France u KME Italy flimkien kienu impriża distinta minn KME Germany, l-ammont inizjali tal-multi li ġie impost fuqhom rispettivament ġie stabbilit bil-mod segwenti: EUR 35 miljun għall-grupp KME (KME Germany, KME France u KME Italy in solidum); EUR 17.5 miljun għal KME Germany; EUR 17.5 miljun għal KME Italy u KME France in solidum; EUR 3.25 miljun għall-grupp Wieland; EUR 19.52 miljun għal Wieland u EUR 1.03 miljun għall-grupp Buntmetall (premessi 694 sa 696 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Sabiex tiġi kkunsidrata n-neċessità li l-multa tkun stabbilita f’livell li jiġi żgurat l-effett dissważiv tagħha, il-Kummissjoni żiedet l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’50 %, u ġabitu għalhekk għal EUR 35.7 miljun, billi ikkunsidrat li d-dħul mill-bejgħ mondjali tiegħu, iktar minn EUR 5 biljuni, kien jindika li huwa kellu daqs u saħħa ekonomika li jiġġustifikaw l-imsemmija żieda (premessa 703 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont inizjali tal-multi

46      Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-Kummissjoni żiedet l-ammonti inizjali tal-multi b’10 % għal kull sena sħiħa tal-ksur u b’5 % għall-perijodi l-oħra addizzjonali ta’ sitt xhur jew iktar, imma ta’ inqas minn sena. Għaldaqstant, ġie deċiż illi:

–        peress li l-grupp IMI pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 23.8 miljun;

–        peress li l-grupp Outokumpu pparteċipa fil-kartell għal ħdax-il sena u ħames xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa, stabbilita fl-ammont ta’ EUR 35.7 miljun wara ż-żieda tagħha għal raġunijiet dissważivi;

–        peress li l-grupp Boliden ipparteċipa fil-kartell għal tnax-il sena u disa’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 125 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 16.1 miljun;

–        peress li Chalkor ipparteċipat fil-kartell għal tnax-il xahar, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8;

–        peress li HME pparteċipat fil-kartell għal sentejn u sitt xhur, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 25 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 9.8 miljun;

–        peress li l-grupp KME pparteċipa fil-kartell għal ħames snin u seba’ xhur, fil-konfront tiegħu kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 35 miljun;

–        peress li KME Germany ipparteċipat fil-kartell għal seba’ snin u xahrejn, fil-konfront tagħha kellha tiġi applikata żieda ta’ 70 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress li KME France u KME Italy ipparteċipaw fil-kartell għal ħames snin u għaxar xhur, fil-konfront tagħhom kellha tiġi applikata żieda ta’ 55 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 17.5 miljun;

–        peress illi Wieland kienet ikkunsidrata, minn naħa waħda, responsabbli individwalment għal perijodu ta’ disa’ snin u disa’ xhur u, min-naħa l-oħra, responsabbli in solidum mal-grupp Buntmetall għal perijodu addizzjonali ta’ sena u tmien xhur, fil-konfront tagħha ġew applikati, żieda ta’ 95 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 19.52 miljun, li għaliha kienet responsabbli Wieland waħidha, u żieda ta’ 15 % tal-ammont inizjali tal-multa ta’ EUR 3.25 miljun, li għaliha Wieland u l-grupp Buntmetall kienu responsabbli in solidum (premessi 706 sa 714 tad-deċiżjoni kkontestata).

47       Għaldaqstant, l-ammonti bażiċi tal-multi imposti fuq l-impriżi inkwistjoni huma s-segwenti:

–        il-grupp KME: EUR 54.25 miljun;

–        KME Germany: EUR 29.75 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 21.13 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 1.03 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 3.74 miljun;

–        Wieland: EUR 38.06 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 49.98 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 74.97 miljun;

–        Chalkor: EUR 10.78 miljun;

–        HME: EUR 12.25 miljun;

–        il-grupp Boliden: EUR 36.225 miljun (premessa 719 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

48       L-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu ġie miżjud b’50 % minħabba li dan kien reċidiv, peress illi kien id-destinatarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 90/417/KEFA, tat-18 ta’ Lulju 1990, dwar proċedura skont l-Artikolu 65 [FA] dwar il-ftehim u l-prattiki miftehma tal-produtturi Ewropej ta’ prodotti ċatti tal-azzar inossidabbli laminati bil-kesħa (ĠU L 220, p. 28) (premessi 720 sa 726 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, il-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt illi l-gruppi KME u Outokumpu kienu tawha informazzjoni, fil-kuntest tal-kooperazzjoni rispettiva tagħhom, li ma hijiex koperta bl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni.

50      Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqqset l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq il-grupp Outokumpu b’EUR 40.17 miljun, ammont li kien jikkorrispondi mal-multa li kienet tiġi imposta fuqu għall-perijodu ta’ ksur minn Settembru 1989 sa Lulju 1997, id-determinazzjoni ta’ liema kienet possibbli minħabba l-informazzjoni li huwa kien ta lill-Kummissjoni (premessi 758 sa 759 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Fir-rigward tal-grupp KME, l-ammont bażiku tal-multa li kienet imposta fuqu tnaqqas b’EUR 7.93 miljun minħabba l-kooperazzjoni tiegħu, li ppermettiet lill-Kummissjoni tistabbilixxi li l-ksur inkwistjoni kien jinkludi l-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik (premessi 760 u 761 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

52      Bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni tat tnaqqis tal-ammont tal-multi ta’ 50 % lill-grupp Outokumpu, ta’ 35 % lill-grupp Wieland, ta’ 15 % lil Chalkor, ta’ 10 % lill-grupp Boliden u lill-grupp IMI u ta’ 35 % lill-grupp KME. HME ma bbenefikat minn l-ebda tnaqqis bis-saħħa ta’ dan l-Avviż (premessa 815 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Ammont finali tal-multi

53      Bis-saħħa tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni stabbilixxiet l-ammonti tal-multi sabiex jiġu imposti fuq l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kif ġej:

–        il-grupp Boliden: EUR 32.6 miljun;

–        il-grupp Buntmetall: EUR 0.6695 miljun;

–        Chalkor: EUR 9.16 miljun;

–        HME: EUR 4.49 miljun;

–        il-grupp IMI: EUR 44.98 miljun;

–        il-grupp KME: EUR 32.75 miljun;

–        KME Germany: EUR 17.96 miljun;

–        KME France u KME Italy (in solidum): EUR 16.37 miljun;

–        il-grupp Outokumpu: EUR 36.14 miljun;

–        il-grupp Wieland: EUR 2.43 miljun;

–        Wieland: EUR 24.7416 miljun (premessa 842 tad-deċiżjoni kkontestata).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

54      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza, (li saret il‑“Qorti Ġenerali”), fil-21 ta’ Jannar 2005, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

55      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li lilha, għaldaqstant, ġiet assenjata din il-kawża.

56      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1(f) u 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu jindikaw li ġiet imposta multa fuqha;

–        sussidjarjament, tannulla l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors; 

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

58      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi, ibbażati rispettivament fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni sfurzata tagħha fil-kartell, fuq il-kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa, fuq żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul, fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi attenwanti, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni u fuq l-ammont sproporzjonat tal-multa.

59      Qabel ma jiġu eżaminati l-motivi mqajma mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar illi mill-premessi 601 u 842 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-multi imposti mill-Kummissjoni minħabba l-ksur, ġew imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Barra minn hekk, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat il-metodoloġija ddefinita fil-linji gwida u fl-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni (ara l-punt 33 iktar ’il fuq).

60      Il-linji gwida, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C‑397/03 P, Ġabra p. I-4429, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fil-linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat il-validità, minn naħa, tal-prinċipju nnifsu tal-linji gwida u, min-naħa l-oħra, tal-metodu indikat fihom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punti 252 sa 255, 266 sa 267, 312 u 313).

62      L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida fil-fatt ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà differenti li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 267).

63      Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, bħal pereżempju f’dak li jikkonċerna r-rata ta’ żieda minħabba t-tul, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l-evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, Ġabra p. II‑2917, punti 64 u 79).

64      Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fir-rigward tagħha, bħala regola, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 538), li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punti 60 sa 62 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni, T‑368/00, Ġabra p. II‑4491, punt 181).

1.     Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni sfurzata tar-rikorrenti fil-kartell

 L-argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, li l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell kienet essenzjalment ispirata mill-biża’ li ssofri ritaljazzjoni mill-membri tal-Grupp ta’ ħamsa, jiġifieri l-attur prinċipali tas-suq ikkonċernat. Hija tallega li kienet vittma, u mhux instigatur jew membru dominanti tal-kartell. Konsegwentement, hija ssostni li, minkejja illi hija kisret l-Artikolu 81 KE, l-ebda multa ma kellha tiġi imposta fuqha, jew li kellha tiġi imposta biss multa mnaqqsa, jew saħansitra waħda simbolika.

66      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tirreferi għal diversi deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li fihom l-impriżi vittmi ta’ sfurzar sabiex jipparteċipaw jew sabiex ikomplu jipparteċipaw fi ftehim antikompetittiv ma ngħataw l-ebda multa jew ġew ikkundannati multi li l-ammonti tagħhom kienu sostanzjalment imnaqqsa.

67      Insostenn tal-affermazzjoni tagħha illi hija kienet sofriet pressjoni, ir-rikorrenti tallega illi, peress li kienet impriża żgħira u relattivament ġdida fuq is-swieq Ewropej tal-punent, minn żmien għall-ieħor, hija kellha bżonn tieħu sehem f’laqgħat industrijali sabiex tiġbor, b’mod legali, informazzjoni fuq is-suq tal-pajpijiet għall-plumbing. Għaldaqstant, meta hija ddeċidiet li tieħu sehem fil-laqgħa tat-28 ta’ Awwissu 1998, li għaliha tirreferi l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija għamlet dan bil-konvinzjoni illi kienet ġiet mistiedna sabiex tiddiskuti d- “direttiva Ewropea dwar l-ilma tax-xorb” u kienet sorpriża bin-natura kollużiva tal-laqgħa. Fil-fatt, matul din il-laqgħa, ir-rikorrenti kienet vittma ta’ sfurzar, li ġiegħlha tieħu sehem, b’mod passiv u sussidjarju, f’sitt laqgħat oħra.

68      Matul l-imsemmija laqgħat, il-mexxejja tas-suq f’kull wieħed mill-ħames pajjiżi kkonċernati, jiġifieri l-Ġermanja, ir-Renju Unit, Franza, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, ipproponew objettivi ta’ prezz u ta’ skont għax-xhur sussegwenti. Madankollu, ir-rikorrenti ma bidlitx il-politika tagħha dwar il-prezzijiet u l-bejgħ fuq dawn il-ħames swieq tal-punent u l-esportazzjonijiet f’dawn il-pajjiżi xorta komplew jiżdiedu.

69      Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għal varji dokumenti li jinsabu fil-fajl tal-Kummissjoni, li ġejjin b’mod partikolari mill-grupp KME u Wieland. Hija ssostni illi, fid-dawl tal-kuntest ta’ “kospirazzjoni” li fih dawn id-dokumenti ġew redatti, huma jikkonfermaw, l-ewwel nett, li l-Grupp ta’ ħamsa kellu l-intenzjoni li jintimida l-impriżi li rrifjutaw li jċedu għat-talbiet tagħhom u, it-tieni nett, li t-theddid li sar fil-konfront tagħha matul il-laqgħa tat-28 ta’ Awwissu 1998 kien ġie ppjanat minn qabel u li hija kellha raġun tikkunsidrah bħala kredibbli.

70      Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

71      L-ewwel nett, ir-riferiment li r-rikorrenti għamlet għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma għandux jintlaqa’ peress illi l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sservix bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 292).

72      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat illi mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-pressjoni, eżerċitata minn impriżi u li hija intiża sabiex impriżi oħra jipparteċipaw fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, tkun kemm tkun kbira, ma teżentax lill-impriża kkonċernata mir-responsabbiltà tagħha għall-ksur kommess, bl-ebda mod ma tibdel il-gravità tal-akkordju u ma għandhiex tkun ċirkustanza attenwanti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi, peress illi l-impriża kkonċernata setgħet tirraporta l-eventwali pressjoni lill-awtoritajiet kompetenti u tagħmel ilment magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punti 369 u 370; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, KE KELIT vs Il-Kummissjoni, T‑17/99, Ġabra p. II‑1647, punt 50, u tad-29 ta’ Novembru 2005, Union Pigments vs Il-Kummissjoni, T‑62/02, Ġabra p. II‑5057, punt 63).

73      Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa

74      Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni illi, meta ffissat l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha, il-Kummissjoni kkommettiet żball ta’ liġi peress illi hija ma kkunsidratx l-ewwel nett, il-fatt li r-rikorrenti kienet ipparteċipat biss fit-tielet parti tal-kartell u, it-tieni nett, il-fatt li l-portata ġeografika tal-ftehim li fihom hija kienet ipparteċipat kienet limitata għal ħames pajjiżi.

 Fuq il-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-kartell

 L-argumenti tal-partijiet

75      Ir-rikorrenti ssostni li t-trattament differenzjat tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq l-ishma tas-suq tal-parteċipanti fil-kartell, ma huwiex biżżejjed u jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress illi d-differenza bejn l-ishma tas-suq tal-parteċipanti ma tirriflettiex il-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-kartell.

76      Skont ir-rikorrenti, huwa stabbilit illi l-ksur li għalih hija kienet miżmuma responsabbli kien biss il-parteċipazzjoni tagħha, fil-kuntest tat-tielet parti tal-kartell, fil-kooperazzjoni illegali tal-Grupp ta’ disgħa bejn Awwissu 1998 u April 1999 fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa.

77      Hija ssostni li kemm il-kooperazzjoni fi ħdan il-ftehim SANCO u l-ftehim WICU u Cuprotherm kif ukoll il-kooperazzjoni bejn il-membri tal-Grupp ta’ ħamsa kienet iktar intensa minn dik bejn il-membri tal-Grupp ta’ disgħa.

78      Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi l-Kummissjoni kkonkludiet, b’mod żbaljat, fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kienet għamlet l-attivitajiet tal-kartell iktar effiċjenti. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti turi li hija qatt ma żammet mal-kwoti proposti fil-kuntest tal-ftehim Ewropej imsaħħa u li l-bejgħ tagħha lejn il-pajjiżi involuti fil-kartell, għall-kuntrarju, kien żdied matul il-parteċipazzjoni tagħha.

79      Ir-rikorrenti tikkonkludi li l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha kellu jitnaqqas sabiex jieħu inkunsiderazzjoni d-differenza fin-natura, fil-grad u fil-kwalità tal-involviment tagħha fil-kartell meta mqabbla mal-parteċipanti l-oħra.

80      Minn naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi hija kkonstatat ksur wieħed, li fih tliet partijiet.

81      Hija tallega li, sabiex tiffissa l-ammont inizjali tal-multa, hija ma kellhiex tapplika distinzjoni, l-ewwel nett, bejn ir-rikorrenti u l-impriżi li pparteċipaw fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm u, it-tieni nett, bejn il-membri tal-Grupp ta’ ħamsa u l-membri tal-Grupp ta’ disgħa.

82      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tallega, f’dan ir-rigward, li l-parteċipazzjoni attiva tar-rikorrenti fil-kartell mit-28 ta’ Awwissu 1998 sal-bidu ta’ Settembru 1999 ma kinitx b’mod kwalitattiv jew kwantitattiv differenti minn dik tal-persuni l-oħra li wettqu ksur. Hija tfakkar ukoll li l-fatt li ċerti impriżi pparteċipaw fil-kartell fit-tul iktar minn oħrajn ma jibdilx il-gravità tal-ksur tagħhom. Il-parteċipazzjoni iktar fit-tul tiġi riflessa fiż-żieda tal-multa minħabba t-tul.

83      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tfakkar illi hija ġurisprudenza stabbilita illi, sabiex jiġi evalwat l-effett reali tal-ksur kommess minn kull wieħed mill-parteċipanti, il-parti tad-dħul mill-bejgħ li ġej mill-merkanzija li hija s-suġġett tal-ksur hija tali li tagħti indikazzjoni ċara tal-kobor tal-ksur fuq is-suq ikkonċernat.

84      It-tqassim f’kategoriji differenti skont id-dħul mill-bejgħ li ġej minn prodotti li kienu s-suġġett ta’ prassi restrittiva jwassal neċessarjament għal ammonti inizjali tal-multi li huma bejn wieħed u ieħor l-istess, skont il-perċentwali tas-sehem tas-suq. Dan iwassal sabiex l-ammont inizjali ta’ multa imposta fuq impriża li għandha sehem sinjifikattiv tas-suq jiġi ffissat f’livell ogħla minn dak ta’ multa imposta fuq impriża li għandha sehem inqas tas-suq. Din hija r-raġuni li għaliha l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq il-grupp KME kien iffissat bħala EUR 70 miljun, filwaqt li dak tal-multa imposta fuq Chalkor kienet biss ta’ EUR 9.8 miljun. Dan l-approċċ bl-ebda mod ma jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

85      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni illi huwa kontra l-ġurisprudenza illi tikkundanna impriża involuta f’żewġ jew fi tliet partijiet ta’ kartell b’mod iktar sever minn impriża oħra li għandha l-istess sehem tas-suq, iżda li pparteċipat biss f’parti waħda ta’ dan il-kartell (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 121, u tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 91; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-11 ta’ Marzu 1999, British Steel vs Il-Kummissjoni, T‑151/94, Ġabra p. II‑629, punt 643, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 91).

86      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni tosserva illi ma hemmx provi li l-ftehim SANCO u l-ftehim WICU u Cuprotherm wasslu għall-kooperazzjoni iktar stretta b’mod sinjifikattiv mill-kooperazzjoni li kienet teżisti fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda raġuni sabiex l-ewwel żewġ partijiet tal-kartell jiġu kkunsidrati bħala ksur iktar serju tar-regoli tal-kompetizzjoni milli t-tielet parti.

87      Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tikkunsidra illi ma hemm l-ebda raġuni sabiex, fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa, il-membri tal-Grupp ta’ ħamsa jiġu ddiferenzjati mill-erba’ produtturi l-oħra, jiġifieri l-grupp Boliden, HME, il-grupp Buntmetall u Chalkor, peress li l-parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar kienet sinjifikattiva għat-tħaddim tal-kartell u li kienu approffitaw minnu daqs il-parteċipanti l-oħra matul il-perijodu bejn l-1998 u l-2001.

88      Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ssostni illi l-parteċipazzjoni ta’ Chalkor għamlet l-attivitajiet tal-kartell iktar effiċjenti. Is-sempliċi fatt illi l-membri tal-Grupp ta’ ħamsa kienu stiednu lil Chalkor u tliet kumpanniji oħra sabiex jingħaqdu magħhom juri li dawn kienu importanti sabiex il-kartell ikun effiċjenti. Il-Kummissjoni ssostni illi l-fatt li Chalkor żiedet il-bejgħ tagħha matul il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell ma jipprovax illi l-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-kartell ma saħħewx il-ftehim illegali. Iż-żieda fil-bejgħ setgħet tiġi spjegata minħabba effett staġjonali jew minħhabba l-fatt li Chalkor, wara ċertu żmien, kellha inqas skrupli li tqarraq bil-persuni l-oħra li wettqu ksur.

89      Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni ssostni illi, anki li kieku hija kkonstatat kooperazzjoni iktar intensa bejn ċerti destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, din il-konstatazzjoni kellha twassal għall-impożizzjoni ta’ multi inqas għolja għad-destinatarji l-oħra. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni illi, jekk il-Qorti Ġenerali għandha taċċetta l-argumenti ta’ Chalkor fuq dan il-punt, ikollha taħseb, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tibdel l-ammont tal-multi imposti fuq il-“produtturi SANCO”, jiġifieri l-grupp KME, Wieland u l-grupp Boliden, minflok tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq Chalkor.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

90      Preliminarjament, għandhom jiġu mfakkra l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza fir-rigward tar-responsabbiltà individwali li tirriżulta minn ksur tal-Artikolu 81(1) KE, bħal kartell.

91      L-ewwel nett, fir-rigward tar-responsabbiltà għall-ksur bħala tali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li impriża ma pparteċipatx b’mod dirett fl-elementi kostitwenti kollha ta’ akkordju totali ma jeżentahiex mir-responsabbiltà għall-ksur tal-Artikolu 81(1) KE, jekk ikun stabbilit illi hija neċessarjament kienet taf, l-ewwel nett, li l-kollużjoni li fiha ħadet sehem kienet parti minn pjan globali, u t-tieni nett, li dan il-pjan globali kien ikopri l-elementi kostitwenti kollha tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 87; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il-Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 121, u tat-8 ta’ Lulju 2008, AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, T‑99/04, Ġabra p. II‑1501, punti 130 u 131).

92      Wara li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kartell u wara li tidentifika l-parteċipanti fih, il-Kummissjoni hija obbligata, sabiex timponi l-multi, tevalwa l-gravità tal-parteċipazzjoni ta’ kull parteċipant. Dan jirriżulta kemm mill-ġurisprudenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 91 iktar ’il fuq, punti 90 u 150, u Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, punt 61 iktar ’il fuq, punt 145; is-sentenza AC‑Treuhand vs Il-Kummissjoni, punt 91 iktar ’il fuq, punt 133) kif ukoll mil-linji gwida li jipprovdu kemm trattament differenzjat f’dak li jirrigwarda l-ammont inizjali (ammont inizjali speċifiku) kif ukoll it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li jiġi aġġustat l-ammont inizjali, b’mod partikolari abbażi tar-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċeranti fit-twettiq tal-ksur.

93      Madankollu, impriża qatt ma tista’ tingħata multa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont parteċipazzjoni f’kollużjoni li tagħha hija ma tinżammx responsabbli (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2002, Sigma Tecnologie vs Il-Kummissjoni, T‑28/99, Ġabra. p. II‑1845, punti 79 sa 82).

94      Huwa fid-dawl tal-prinċipji hawn fuq imsemmija li l-ilment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-kartell, għandu jiġi eżaminat.

95      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim SANCO u fil-ftehim WICU u Cuprotherm.

96      F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar illi huwa stabbilit illi r-rikorrenti pparteċipat biss fil-ftehim Ewropej imsaħħa u li hija nżammet responsabbli biss għall-parteċipazzjoni tagħha f’din il-parti tal-kartell (premessa 461 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-Kummissjoni ma eżaminatx jekk persuna li wettqet ksur li tipparteċipa f’parti waħda biss ta’ akkordju twettaqx ksur inqas serju, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, minn persuna li wettqet ksur li, fil-kuntest tal-istess akkordju, tipparteċipa fil-partijiet kollha tiegħu. Din il-kwistjoni kienet partikolarment importanti f’din il-kawża peress li r-rikorrenti ma nstabitx responsabbli għaż-żewġ partijiet l-oħra tal-kartell, jiġifieri l-ftehim SANCO u l-ftehim WICU u Cuprotherm.

97      Fil-fatt, fil-premessa 689 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet illi ma kienx hemm lok li jintuża trattament differenzjat bejn il-persuni li wettqu ksur li pparteċipaw biss fil-ftehim Ewropej imsaħħa u dawk li pparteċipaw ukoll fil-ftehim SANCO, peress li l-kooperazzjoni fi ħdan il-ftehim SANCO ma kinitx iktar mill-qrib konsiderevolment minn dik eżistenti fi ħdan il-ftehim Ewropej imsaħħa.

98      Għandu jiġi kkonstatat illi r-raġunament tal-Kummissjoni huwa żbaljat, peress li paragun bejn l-intensità tal-partijiet differenti tal-kartell seta’ eventwalment ikun rilevanti li kieku r-rikorrenti kienet involuta f’diversi partijiet tal-kartell, li ma kienx il-każ f’din il-kawża.

99      Fil-fatt, impriża li r-responsabbiltà tagħha hija stabbilita fir-rigward ta’ diversi partijiet ta’ akkordju tikkontribwixxi iktar għall-effiċjenza u għall-gravità ta’ dan l-akkordju minn persuna li wettqet ksur involuta f’parti waħda biss minn dan l-istess akkordju. Għaldaqstant, l-ewwel impriża tikkometti ksur iktar serju minn dak kommess mit-tieni waħda.

100    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat illi, skont il-prinċipju tan-natura individwali tal-pieni u ta’ responsabbiltà personali, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, matul l-evalwazzjoni tal-gravità relattiva tal-parteċipazzjoni f’akkordju ta’ kull persuna li wettqet ksur, il-fatt li ċerti persuni li wettqu ksur jistgħu ma jinżammux responsabbli, skont is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 91 iktar ’il fuq, (punt 87), għall-partijiet kollha ta’ dan l-akkordju.

101    Fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-linji gwida, din l-evalwazzjoni għandha neċessarjament issir meta jiġi stabbilit l-ammont inizjali speċifiku, peress illi t-teħid inkunsiderazzjoni ta ċirkustanzi attenwanti jippermetti biss li jinbidel l-ammont bażiku tal-multa skont il-modalitajiet li bihom il-persuna li wettqet ksur implementat l-akkordju. Persuna li wettqet ksur li ma nżammitx responsabbli ta’ ċerti partijiet ta’ dan l-akkordju ma setgħetx kienet involuta fl-implementazzjoni tal-imsemmija partijiet. Il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, minħabba l-portata limitata tal-ksur li tiegħu tinżamm responsabbli dik il-persuna, huwa inqas serju minn dak attribwit lill-persuni li wettqu ksur li pparteċipaw fil-partijiet kollha tal-ksur.

102    L-argument tal-Kummissjoni li l-membri kollha tal-ftehim Ewropej imsaħħa bbenefikaw mir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni implementata mill-“produtturi SANCO” ma jistax jintlaqa’, peress illi hija ma sabitx lir-rikorrenti responsabbli mill-parti tal-ksur inkwistjoni relatat mal-ftehim SANCO. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-effett antikompettitiv ta’ akkordju fuq il-prezzijiet huwa tali li jista’ jwassal sabiex il-fornituri kollha preżenti fis-suq rilevanti jibbenefikaw minnu, u mhux biss l-impriżi membri tal-imsemmi akkordju.

103    Fir-rigward tas-sentenzi ċċitati fil-punt 85 iktar ’il fuq, invokati mill-Kummissjoni fir-replika tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat illi dawn ma jirrigwardawx il-kwistjoni jekk persuna li wettqet ksur li tinżamm responsabbli għal parti waħda biss tal-akkordju tikkommettiex ksur inqas serju minn persuna li wettqet ksur li, fil-kuntest tal-istess akkordju, tinżamm responsabbli għall-partijiet kollha.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi naqset milli tikkunsidra, waqt il-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-fatt li, kuntrarjament għall-grupp KME, Wieland u l-grupp Boliden, ir-rikorrenti pparteċipat biss f’parti waħda tal-kartell, u għalhekk, billi ttrattat sitwazzjoni differenti bl-istess mod, mingħajr ma tali trattament ma kien oġġettivament iġġustifikat.

105    Fir-rigward tal-konklużjonijiet li għandhom jiġu misluta minn din il-konstatazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi, fir-rigward tal-ftehim SANCO, li l-Qorti Ġenerali żżid l-ammonti tal-multi imposti fuq il-“produtturi SANCO” minflok ma tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, illi l-ammont inizjali użat mill-Kummissjoni huwa xieraq meta mqabbel mal-gravità li kienu jirrapreżentaw it-tliet partijiet tal-kartell flimkien u li kien hemm lok li l-ammont inizjali tal-multa imposta fuq Chalkor jitnaqqas sabiex jiġi kkunsidrat il-fatt illi l-Kummissjoni kienet sabet lil din l-impriża responsabbli biss għall-parteċipazzjoni tagħha fit-tielet parti tal-kartell.

106    Barra minn hekk, l-argumenti tal-Kummissjoni esposti fil-punti 83 u 84 iktar ’il fuq għandhom jiġu skartati peress illi jistgħu jinftehmu illi n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim SANCO kien ġie rifless b’mod suffiċjenti fl-ammont inizjali speċifiku tal-multa imposta fuqha. Dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li s-sehem tas-suq ta’ Chalkor, li ma kinitx tbiegħ pajpijiet SANCO, kien ġie kkalkolat abbażi tat-total tad-dħul mill-bejgħ tal-produtturi tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, inkluż il-bejgħ tal-pajpijiet SANCO.

107    Il-ftehim SANCO u l-ftehim Ewropej imsaħħa kienu jirrigwardaw l-istess suq rilevanti, jiġifieri dak tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, anki fin-nuqqas tal-ftehim SANCO, kellha tikkunsidra d-dħul mill-bejgħ tal-pajpijiet SANCO sabiex tikkalkola s-sehem tas-suq tar-rikorrenti fis-suq rilevanti.

108    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ftehim WICU u Cuprotherm, is-sitwazzjoni hija differenti. Dawn il-ftehim kienu jirrigwardaw prodotti li ma setgħux jiġu sostitwiti bil-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji. Fil-fatt, mill-premessa 459 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik jikkostitwixxu swieq rilevanti distinti.

109    Għaldaqstant, bil-kalkolu tas-sehem tas-suq tar-rikorrenti, li kienet attiva fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji, skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing ordinarji u skont dak magħmul fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing miksijin bil-plastik, ir-rikorrenti effettivament ingħatat sehem tas-suq iżgħar, u għaldaqstant, ammont inizjali speċifiku inqas minn dak li kien jiġi iffissat li kieku s-sehem tas-suq tagħha kien ġie kkalkolat biss skont id-dħul mill-bejgħ magħmul fis-suq li fih hija effettivament ipparteċipat fil-kartell.

110    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-fatt li l-kooperazzjoni fi ħdan il-Grupp ta’ ħamsa kienet iktar intensa minn dik eżistenti fi ħdan il-Grupp ta’ disgħa kienx jiġġustifika trattament differenzjat fil-livell tal-multi, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

111    Il-Grupp ta’ ħamsa u l-Grupp ta’ disgħa operaw it-tnejn fil-kuntest tat-tielet parti tal-kartell, li għaliha r-rikorrenti hija miżmuma responsabbli. Fil-premessa 690 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat illi l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx parti mill-Grupp ta’ ħamsa kien dovut għad-daqs tagħha. Ir-rikorrenti ma kkontestatx din il-konstatazzjoni.

112    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandhiex tiġi kkritikata illi kkonkludiet illi l-gravità tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ftehim Ewropej imsaħħa kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni b’mod xieraq bit-tqassim tal-kategoriji tal-persuni li wettqu ksur li l-Kummissjoni għamlet abbażi tal-ishma tagħhom tas-suq.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jinbidel biss l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti sabiex jirrifletti n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim SANCO. Il-konsegwenzi konkreti ta’ din il-bidla ser jiġu spjegati fil-punti 183 sa 186 iktar ’il quddiem.

 Fuq il-portata tas-suq ġeografiku li fih ir-rikorrenti pparteċipat fil-kartell

 L-argumenti tal-partijiet

114    Essenzjalment, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni, filwaqt li kkunsidrat is-sehem tagħha fis-suq bħala bażi għat-trattament differenzjat, inkludiet il-bejgħ fil-Greċja wkoll, minbarra l-bejgħ fil-Ġermanja, fi Franza, fi Spanja, fir-Renju Unit u fil-Pajjiżi l-Baxxi. Hija ssostni illi l-portata ġeografika tal-ftehim li fih hija pparteċipat bejn Awwissu 1998 u Settembru 1999 kienet limitata għall-Ġermanja, Franza, Spanja, ir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi. Billi kkunsidrat il-bejgħ fil-Greċja, il-Kummissjoni żiedet is-sehem tas-suq tar-rikorrenti minn 2.2 għal 3.8 %, li tfisser żieda ta’ 72 % tal-ammont inizjali tal-multa imposta.

115    Skont ir-rikorrenti, il-fatt illi hija pparteċipat fil-kartell wara theddid li sar fir-rigward tas-suq Grieg ma jfissirx illi l-Greċja kienet parti mit-territorju kopert bil-kartell. Fil-fatt, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tħawwad l-għan tal-kartell u l-metodi użati fil-kuntest ta’ dan il-kartell.

116    L-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li r-rikorrenti bbenefikat mill-ftehim taċitu antikompetittiv fuq is-swieq tal-oriġini ta’ kull persuna li wettqet ksur ma humiex sostnuti mill-provi li jinsabu fil-fajl. Barra minn hekk, l-asserzjonijiet tal-Kummissjoni kienu kontradetti bi provi konvinċenti. F’dan ir-rigward, ma kien hemm xejn li jindika li, minbarra l-membri tal-Grupp ta’ ħamsa u l-parteċipanti fil-ftehim SANCO, il-parteċipanti l-oħra fil-kartell ftehmu sabiex jillimittaw, jew fil-fatt illimitaw, il-bejgħ tagħhom fil-Greċja. Fil-verità, l-importazzjonijiet tal-kompetituri tar-rikorrenti fil-Greċja żdiedu minn 3 263 tunnellati fl-1997 għal 3 548 tunnellati fl-1999. Barra minn hekk, l-esportazzjonijiet tar-rikorrenti lejn Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u Spanju żdiedu minn 4 135 tunnellati fit-tieni semestru tas-sena 1998 għal 5 201 tunnellati fl-ewwel semestru tas-sena 1999, jiġifieri żieda ta’ 26 %.

117    Skont ir-rikorrenti, l-allegazzjoni li hija pparteċipat f’politika antikompetittiva fuq is-swieq tal-oriġini ta’ kull parteċipant fil-kartell għaliex hija żiedet l-esportazzjonijiet tagħha, ma tagħmilx sens. Fil-fatt, l-ewwel nett, hija kienet injorat l-eżistenza ta’ tali ftehim u, it-tieni nett, hija ma pparteċipatx fil-kartell sabiex tipproteġi s-suq nazzjonali tagħha, iżda minħabba biża’ ta’ ritaljazzjoni, jiġifieri dumping, mill-Grupp ta’ ħamsa fuq is-suq Grieg.

118    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

119    Għandu jiġi mfakkar illi l-Kummissjoni, skont il-punt 1 A tal-linji gwida, setgħet tikkunsidra l-portata tas-suq ġeografiku rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur inkwistjoni.

120    F’din il-kawża, hija kkonkludiet li t-territorju taż-ŻEE kien is-suq ġeografiku rilevanti affettwat mill-kartell (premessa 17 tad-deċiżjoni kkontestata). Din il-konklużjoni ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti. Din tal-aħħar tallega biss li l-ksur li għalih hija nstabet resopnsabbli kien ikopri biss il-Ġermanja, Franza, Spanja, ir-Renju Unit u l-Pajjiżi l-Baxxi. Dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat.

121    Fil-fatt, peress li s-suq ġeografiku rilevanti kien jikkorrispondi mat-territorju taż‑ŻEE, għandu jiġi konkluż illi, anki jekk is-suq Grieg ma kienx affettwat mill-ksur inkwisjtoni, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat il-bejgħ tar-rikorrenti fil-Greċja, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa tagħha.

122    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq il-motiv ibbażat fuq iż-żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-kartell

123    Ir-rikorrenti tafferma illi, peress illi l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju damet inqas minn tnax-il xahar, il-Kummissjoni wettqet żball manifest billi mal-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha, applikat żieda ta’ 10 % minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni tagħha. Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kellha tapplika żieda inqas sinjifikattiva fil-konfront tagħha.

 Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni fil-kartell

 L-argumenti tal-partijiet

124    Ir-rikorrenti tafferma li l-punt tat-tluq tal-ksur li hija kkundannata għalih għandu jkun id-data li fiha hija pparteċipat għat-tieni darba f’laqgħa kollużiva, jiġifieri l‑10 ta’ Settembru 1998, u mhux id-data li fiha hija attendiet għall-ewwel darba laqgħa tal-kartell, jiġifieri t-28 jew id-29 ta’ Awwissu 1998. Hija ssostni li ma kinitx taf dwar l-għan reali u n-natura kollużiva tal-laqgħa li saret f’Awwissu 1998 sakemm ir-rappreżentanti tagħha pparteċipaw fiha. B’riferiment għal nota interna magħmula minn wieħed mill-impjegati tagħha preżenti għal din il-laqgħa, hija ssostni illi, hija ma kienet taqbel mal-ebda aġir illegali matul dik il-laqgħa. Ir-rappreżentanti tagħha espressament irrifjutaw illi jaċċettaw it-talbiet li sarulhom u spjegaw illi huma kellhom jikkonsultaw mad-diretturi ta’ Chalkor.

125    Fir-rigward tad-data li fiha r-rikorrenti temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell, hija ssostni li din kienet meta waqfet tipparteċipa fl-attivitajiet tal-kartell u mhux fil-jum meta l-membri l-oħra tal-kartell saru jafu bl-irtirar tagħha mill-kartell. Ir-rikorrenti tfakkar li hija ma baqgħetx tipparteċipa fil-laqgħat tal-kartell f’April 1999, minkejja li sa Awwissu 1999 hija baqgħet, ta’ kull xahar, tibgħat l-informazzjoni kunfidenzjali tagħha lill-kompetituri tagħha, bl-aħħar informazzjoni tikkonċerna x-xahar ta’ Lulju 1999. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell spiċċat f’Lulju 1999 jew mhux iktar tard minn Awwissu 1999.

126    Konsegwentement, ir-rikorrenti tqis illi l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell damet inqas minn tnax-il xahar u li, kif jirriżulta mil-linji gwida, ma kellha tiġi applikata l-ebda żieda fl-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-parteċipazzjoni.

127    Il-Kummissjoni titlob li dan l-ilment jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

128    Preliminarjament, għandu jiġi osservat illi, minkejja li r-rikorrenti ssollevat dan l-ilment sabiex tikseb tnaqqis fl-ammont tal-multa imposta fuqha, hija fil-fatt tikkontesta wkoll il-legalità tal-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kkontestata, li jipprovdi li l-ksur imputat lilha kien ikopri l-perijodu mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998 sal-bidu tax-xahar ta’ Settembru 1999.

129    Għandu jiġi osservat ukoll illi l-Artikolu 81(1) KE japplika biss meta jkun hemm intenzjoni komuni bejn minn tal-inqas żewġ partijiet, il-forma ta’ liema ma hijiex importanti sakemm din il-forma tkun l-espressjoni fidila ta’ dawn l-intenzjonijiet (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2000, Bayer vs Il-Kummissjoni, Ġabra, p. II‑3383, punt 69).

130    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta illi huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata ħadet sehem f’laqgħat bejn kompetituri ta’ natura manifestament antikompetittiva, sabiex jiġi pprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi, is-sehem tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Meta tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’dawn il-laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq provi tali li jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat ma kellha ebda intenzjoni antikompetittiva, billi turi li kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qiegħda tieħu sehem f’dawn il-laqgħat b’perspettiva differenti minn tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287 punt 155).

131    F’din il-kawża, huwa stabbilit illi, mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998, Chalkor ipparteċipat f’laqgħa fil-kuntest tal-kartell u li hija saret taf, mhux iktar tard minn din il-laqgħa, bin-natura manifestament antikompetittiva tagħha. Ir-rikorrenti ma setgħetx turi illi kienet indikat lill-parteċipanti l-oħra f’din il-laqgħa li kienet qed tieħu sehem fiha b’perspettiva differenti minn tagħhom u li kienet topponi l-idea ta’ kollużjoni fis-suq tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing.

132    Min-naħa l-oħra, kif tallega l-Kummissjoni, in-noti interni tar-rikorrenti iktar jindikaw illi, matul din il-laqgħha, ir-rappreżentanti ta’ Chalkor kienu inkwetati dwar il-kwota li ngħatatilhom u li ma opponewx l-idea ta’ kollużjoni (Premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata). L-argument tar-rikorrenti illi matul din il-laqgħa r-rappreżentanti tagħha kienu indikaw li riedu jikkonsultaw mad-diretturi tagħhom seta’ kien rilevanti li kieku kienet astjeniet milli tipparteċipa fil-laqgħat kollużorji ta’ wara, ħaġa li hija ma għamlitx.

133    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż illi l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet illi l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell bdiet mhux iktar tard mid-29 ta’ Awwissu 1998.

134    Fir-rigward tad-data li fiha r-rikorrenti temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell, għandu jiġi rrilevat illi, fil-kuntest tas-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni, li kienet waħda mill-elementi kostitwenti tal-kartell (premessi 450 u 486 tad-deċiżjoni kkontestata), il-partijiet ftehmu li kull xahar jibgħatu l-informazzjoni tagħhom lill-amministratur tas-sistema (premessa 306 u 308 tad-deċiżjoni kkontestata).

135    Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ waqfien formali tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim, għandu jiġi kkonstatat illi l-irtirar tar-rikorrenti fl-imsemmi ftehim sar effettiv biss, mhux iktar kmieni mill-mument li fih hija naqset mill-obbligu ta’ kull xahar tagħha li tibgħat informazzjoni sensittiva, jiġifieri, f’Settembru 1999.

136    Minn dan jirriżulta illi l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta ddikjarat lir-rikorrenti responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell sal-bidu ta’ Settembru 1999. Għaldaqstant, l-ilment dwar it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Chalkor fil-kartell għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rata ta’ żieda

 L-argumenti tal-partijiet

137    Ir-rikorrenti ssostni illi, anki jekk jiġi pprovat illi l-parteċipazzjoni tagħha damet tnax-il xahar, ir-rata taż-żieda tal-multa ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur kienet sproporzjonata. F’dan ir-rigward, hija ssostni illi l-intensità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell naqset wara April 1999 u li l-Kummissjoni kellha żżid l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha b’inqas minn 10 % sabiex tikkunsidra dan it-tnaqqis ta’ intensità. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal diversi deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

138    Ir-rikorrenti tallega wkoll illi l-paragun ta’ żidiet differenti skont it-tul applikata għad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata tikkonferma li ż-żieda li ġiet applikata lilha ma kinitx ġusta. B’mod partikolari, fil-konfront tal-grupp Outokumpu ġiet applikata żieda ta’ 110 % tal-ammont inizjali tal-multa tiegħu minħabba parteċipazzjoni ta’ ħdax-il sena u ħames xhur, li jfisser illi l-ħames xhur ma ġewx ikkunsidrati. Dan il-perijodu ta’ ħames xhur huwa ekwivalenti għal kważi nofs it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell u strettament għal iktar min-nofs it-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat ikkontestati. L-istess jgħodd għall-grupp Boliden, peress li l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqu kien suġġett għal żieda ta’ 125 % minħabba parteċipazzjoni ta’ tnax-il sena u disa’ xhur. L-erba’ xhur ta’ parteċipazzjoni li ma ttieħdux inkunsiderazzjoni kienu jikkorrispondu għal nofs it-tul tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-laqgħat ikkontestati.

139    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

140    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat illi d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni invokati mir-rikorrenti ma humiex rilevanti, peress illi l-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni ma sserviex bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 71 iktar ’il fuq).

141    Għandu jiġi mfakkar ukoll illi żieda fl-ammont inizjali tal-multa abbażi tat-tul ma hijiex limitata għall-każ fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul u dannu ikbar ikkawżat lill-għanijiet previsti fir-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 71 iktar ’il fuq, punt 278, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, mil-linji gwida jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbiliet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur.

142    Għall-kuntrarju, fl-ewwel lok, mill-istruttura tal-linji gwida jirriżulta li dawn jipprevedu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali sabiex jiġi stabbilit ammont inizjali tal-multa. Fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur hija analizzata fir-rigward tal-karatteristiċi tal-impriża kkonċernata, b’mod partikolari, id-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, fatt li jista’ jagħti lok għal bilanċ tal-ammont inizjali, għat-tqassim tal-impriżi f’kategoriji u għall-iffissar ta’ ammont inizjali speċifiku. Fit-tielet lok, it-tul tal-ksur huwa meħud inkunsiderazzjoni għall-iffissar tal-ammont bażiku u, fir-raba’ lok, il-linji gwida jipprevedu t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi aggravanti u attenwanti li jippermettu li jiġi aġġustat l-ammont inizjali, b’mod partikolari abbażi tar-rwol attiv jew passiv tal-impriżi kkonċernati fit-twettiq tal-ksur.

143    Minn dan isegwi li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni rriżervat possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur, fir-rigward ta’ ksur ta’ tnax-il xahar jew iktar, sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jiġifieri skont il-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha (ara l-punt 63 iktar ’il fuq), ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika għat-tul tal-ksur.

144    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonstatat illi r-rikorrenti kienet ipparteċipat fil-ksur matul tnax-il xahar u, konsegwentement, żiedet l-ammont inizjali tal-multa li ġiet imposta fuqha b’10 %. Billi għamlet dan, il-Kummissjoni ma tbegħditx mir-regoli li hija stabbilixxiet għaliha nnifisha fil-linji gwida.

145    Fl-ewwel lok, l-approċċ tal-Kummissjoni li kien jikkonsisti fiż-żieda tal-ammont inizjali tal-multa b’10 % għal kull sena sħiħa u b’5 % għal kull perijodu supplimentari ugwali għal jew iktar minn sitt xhur (ara l-punt 46 iktatr ’il fuq) ma jagħtix lok, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża, għal differenzi sostanzjali bejn il-persuni li wettqu ksur. Għaldaqstant, ma hemmx lok illi l-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’dik tagħha f’dak li jirrigwarda r-rata taż-żieda applikata minħabba t-tul.

146    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta illi dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

4.     Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-waqfien volontarju tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell

 L-argumenti tal-partijiet

147    Ir-rikorrenti ssostni illi l-Kummissjoni kellha tikkunsidra, bħala ċirkustanza attenwanti, il-fatt illi hija kienet irtirat volontarjament mil-laqgħat tal-kartell fl‑1999, qabel ma l-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tagħha. Ir-rikorrenti tqis illi, jekk l-affermazzjoni tal-Kummissjoni illi l-parteċipazzjoni tagħha saħħet l-attivitajiet tal-kartell hija korretta, l-irtirar volontarju tagħha kellu jdgħajjef l-attivitajiet tal-kartell.

148    Ir-rikorrenti tinnota li l-linji gwida jipprovdu illi l-Kummissjoni tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq impriża meta din ittemm il-ksur sa mill-ewwel interventi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari matul iż-żjarat ta’ verifika.

149    Min-naħa l-oħra, l-irtirar minn akkordju qabel il-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni ma ġiex ikkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti mil-linji gwida. Ir-rikorrenti ssostni illi jkun illoġiku kif ukoll “ġustizzja ħażina” u “politika ħażina” li ma jingħata l-ebda benefiċċju lill-impriżi li volontarjament jirtiraw minn akkordju. Ir-rikorrenti tikkonkludi illi l-waqfien volontarju tal-parteċipazzjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza attenwanti fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-multa. Kull konklużjoni oħra tkun inkompatibbli mal-għan tal-politika tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multa, jiġifieri d-dissważjoni. Il-waqfien volontarju ta’ ksur ma jirrikjedi l-ebda element ta’ dissważjoni.

150    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

151    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat illi mill-ġurisprudenza jirriżulta illi l-Kummissjoni ma għandha l-ebda obbligu li tagħti, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha, tnaqqis tal-multa għall-waqfien ta’ ksur li kien diġà ntemm qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il-Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, Ġabra p. II‑4949, punt 128, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Barra minn hekk, il-fatt li Chalkor temmet volontarjament il-ksur tagħha qabel il-bidu tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien ittieħed inkunsiderazzjoni biżżejjed fil-kalkolu tat-tul tal-perijodu tal-ksur deċiż fil-konfront tagħha, b’tali mod illi hija ma tistax tinvoka t-tielet inċiż tat-tielet punt tal-linji gwida.

153    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

5.     Fuq il-motiv ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa, fid-dawl tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

154    Ir-rikorrenti tqis illi, fid-dawl tal-benefiċċju li nkiseb bil-kooperazzjoni tagħha fit-tmexxija tal-investigazzjoni, hija kellha, bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, tibbenefika minn tnaqqis iktar sinjifikattiv tal-ammont tal-multa tagħha minn dak mogħti, jiġifieri ta’ 15 %. Hija tenfasizza illi hija setgħet tagħżel li ma tikkooperax mal-Kummissjoni u li żżomm ħafna mill-provi fil-pussess tagħha.

155    F’dan ir-rigward hija ssostni, l-ewwel nett, illi hija volontarjament u mal-ewwel tat lill-Kummissjoni, fl-istess stadju tal-proċedura bħall-grupp KME u Wieland, l-informazzjoni kollha rilevanti fil-pussess tagħha, it-tieni nett illi l-informazzjoni li hija tat kienet iddettaljata u ntużat fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni, u fl-aħħar nett, li minħabba l-parteċipazzjoni limitata tagħha fil-kartell hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-istess kwantità ta’ informazzjoni bħal dik mogħtija mill-gruppi KME u Outokumpu jew minn Wieland.

156    Ir-rikorrenti ssostni wkoll illi huwa diffiċli tifhem ir-raġunijiet għalfejn il-gruppi Outokumpu u KME kisbu tnaqqis sostanzjali tal-ammont tal-multi imposti fuqhom minn dak mogħti lilha.

157    Insostenn tal-affermazzjoni tagħha illi r-rata ta’ tnaqqis applikata għall-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha ma kinitx biżżejjed, ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni.

158    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tinnota illi kemm il-grupp Boliden kif ukoll il-grupp IMI kisbu tnaqqis ta’ 10 % għaliex ma kkontestawx il-fatti esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għaldaqstant, peress li hija għamlet l-istess, hija kellha, minħabba l-kooperazzjoni tagħha, tibbenefika minn tnaqqis iktar sinjifikattiv minn dak effettivament miksub.

159    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

160    Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat illi r-riferimenti tar-rikorrenti għal deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni ma humiex rilevanti peress illi l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma sserviex bħala qafas legali għall-multi fil-qasam tal-kompetizzjoni (ara l-punt 71 iktar ’il fuq).

161    Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, tnaqqis tal-multa fuq il-bażi tal-kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva huwa bbażat fuq il-kunsiderazzjoni li kooperazzjoni bħal din tiffaċilita d-dmir tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 325, u Finnboard vs Il-Kummissjoni, T‑338/94, Ġabra p. II‑1617, punt 363).

162    Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat illi, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni pprovduta mill-membri ta’ akkordju, żball manifest ta’ evalwazzjoni minn naħa tal-Kummissjoni biss jista’ jkun iċċensurat peress li hija tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l-kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Mejju 2007, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑328/05 P, Ġabra p. I‑3921, point 88). Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma tistax tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

163    F’din il-kawża, mill-premessi 803 sa 807 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta illi l-Kummissjoni qieset li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti kienet ta’ valur limitat, peress illi, fil-mument ta’ din il-kooperazzjoni, hija diġà kellha provi li jistabbilixxu l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni.

164    Ir-rikorrenti ma resqitx provi li setgħu jannullaw din il-konklużjoni. Hija sostniet biss illi l-kooperazzjoni tagħha ma setgħetx tkun iktar estensiva, peress illi l-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell kienet limitata ħafna, kemm fuq livell ta’ żmien kif ukoll fuq livell materjali. Madankollu, dan l-argument huwa infondat, peress illi l-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata, waqt li tiffissa r-rata tat-tnaqqis skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, li tikkunsidra fatturi oħra minbarra l-utilità oġġettiva li l-kooperazzjoni ta’ impriża jkollha sabiex jiġi kkonstatat ksur.

165    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta illi l-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata talli, l-ewwel nett, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq Chalkor b’15 % sabiex tikkunsidra l-informazzjoni mogħtija minn din tal-aħħar u l-fatt li hija ma kkontestatx l-fatti kkonstatati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, it-tieni nett, talli naqqset il-multa imposta fuq il-grupp Boliden u fuq il-grupp IMI b’10 % sempliċement għaliex ma kinux ikkontestaw il-fatti kif esposti fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

166    F’dak li jirrigwarda r-riferiment għar-rati ta’ tnaqqis tal-multi applikati fil-konfront tal-grupp KME u ta’ Wieland, ir-rikorrenti tammetti illi l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom kienu iktar estensivi minn tagħha. Bl-istess mod, huwa stabbilit illi l-kooperazzjoni tal-grupp Outokumpu kienet seħħet iktar minn sena qabel dik tar-rikorrenti. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tiġi eżaminata iktar l-allegazzjoni bbażata fuq diskriminazzjoni tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ dawn l-impriżi.

167    Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tar-rikorrenti illi r-rata ta’ tnaqqis li ġiet mogħtija lilha ma kinitx biżżejjed peress illi hija setgħet tagħżel li ma tikkooperax mal-Kummissjoni u li żżomm ħafna mill-provi fil-pussess tagħha, ir-rikorrenti qegħda impliċitament tikkontesta l-konklużjoni li tinsab fil-premessa 803 tad-deċiżjoni kkontestata, illi l-parti l-kbira tal-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti lill-Kummissjoni kienet taqa’ taħt l-obbligu li hija kellha taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17.

168    F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat illi l-Qorti Ġenerali teżerċita kontroll sħiħ fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kooperazzjoni mogħtija mir-rikorrenti tmurx lil hinn mill-obbligu impost fuqha, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u l‑Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, li tirrispondi t-talbiet għal informazzjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Diċembru 2006, Raiffeisen Zentralbank Österreich et vs Il‑Kummissjoni,, T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02, Ġabra p. II‑5169, punt 531). Madankollu, għandu jiġi kkonstatat illi r-rikorrenti, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma speċifikatx liema kienet l-informazzjoni, fost dik mogħtija minnha, illi hija setgħet ma tagħtix lill-Kummissjoni.

169    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

6.     Fuq il-motiv ibbażat fuq kalkolu ta’ multa sproporzjonata

 L-argumenti tal-partijiet

170    Ir-rikorrenti tqis li l-ammont finali tal-multa li ġiet imposta fuqha, iffissat bħala EUR 9.16 miljun, huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-multi imposti fuq impriżi oħra destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssemmi l-każ ta’ HME, li f’dak iż-żmien kienet ta’ daqs simili għal tagħha, u li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kartell kienet itwal darbtejn u nofs. L-ammont finali tal-multa imposta fuq HME huwa ta’ EUR 4.49 miljun biss.

171    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni illi l-multa li ġiet imposta fuqha hija ekwivalenti għal multa ta’ EUR 760 000 għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni fil-ksur, filwaqt li l-ammonti tal-multi imposti fuq impriżi oħra kienu jvarjaw minn EUR 210 000 sa 440 000 għal kull xahar ta’ parteċipazzjoni fil-ksur.

172    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni illi n-numru ta’ laqgħat kollużivi li fihom impriża tkun ipparteċipat jikkostitwixxi indikazzjoni tal-livell ta’ involviment tagħha f’kartell. F’dan ir-rigward, hija tinnota illi, talli pparteċipat f’seba’ laqgħat, ġiet imposta fuqha multa ta’ EUR 1.83 miljun għal kull laqgħa filwaqt li Wieland u KME li pparteċipaw fi kważi l-120 laqgħa kollha li saru fi ħdan il-kartell, ingħataw multa ta’ EUR 0.206 u ta’ EUR 0.56 miljun għal kull laqgħa, rispettivament.

173    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tallega illi hija l-uniku impriża żgħira u indipendenti li tista’ tikkompeti ma’ prodotturi kbar Ewropej. Fl-opinjoni tagħha, il-multa li ġiet imposta fuqha minħabba l-parteċipazzjoni passiva tagħha fil-kartell hija għolja żżejjed u ser ikollha effett fuq l-kapaċitajiet kompetittivi tagħha.

174    Il-Kummissjoni titlob li dan il-motiv jiġi miċħud. Hija tosserva b’mod partikolari illi l-ammont finali tal-multa imposta fuq HME hija r-riżultat tal-applikazzjoni taċita tal-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

175    L-ewwel nett, fid-dawl tal-ispjegazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni u n-nuqqas ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti, l-ilment ibbażat fuq id-differenza bejn l-ammont finali tal-multa imposta fuq HME u dik stabbilita għar-rikorrenti, għandu jiġi miċħud.

176    It-tieni nett, anki li kieku r-rikorrenti setgħet targumenta illi l-ammont tal-multa imposta fuqha huwa tali li jdgħajjef il-kompettitività tagħha sabiex turi kemm kien sproporzjonat, għandu jiġi kkonstatat illi hija ma ressqet l-ebda provi konkreti f’dan ir-rigward.

177    Dwar il-kumplament, għandu jiġi kkonstatat illi l-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv huma intiżi indirettament sabiex jikkontestaw is-sistema tal-kalkolu tal-ammonti tal-multi stabbilita bil-linji gwida.

178    Fil-fatt, billi tiddividi l-ammonti finali tal-multi bin-numru ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni fil-kartell jew bin-numru ta’ laqgħat li għalihom il-persuni li wettqu ksur attendew, ir-rikorrenti fir-realtà tipprova tikkontesta, mill-ġdid, l-iffissar tal-ammont tal-multa skont it-tul tal-ksur.

179    F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkonstatat illi mill-istruttura tal-linji gwida jirriżulta illi l-impriżi li jipparteċipaw għall-itwal tul ta’ żmien f’akkordju jingħataw l-inqas multi, jekk l-ammonti jiġu diviżi bin-numru ta’ xhur ta’ parteċipazzjoni fil-kartell, peress illi l-Kummissjoni hija limitata, fil-linji gwida, li tipprovdi li l-ammont inizjali tal-multa jiżdied sa massimu ta’ 10 % għal kull sena ta’ ksur. Ir-rikorrenti ma tistax tistrieħ fuq dik l-awtolimitazzjoni sabiex tikseb tnaqqis tal-multa li ġiet imposta fuqha.

180    Ir-raġunament espost fil-punt 179 iktar ’il fuq jgħodd ukoll għall-argument tar-rikorrenti dwar ir-relazzjoni bejn l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha u n-numru ta’ laqgħat li fihom hija pparteċipat, peress illi n-numru ta’ laqgħat li fihom hija pparteċipat huwa marbut mat-tul tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell.

181    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, anki dan l-aħħar motiv għandu jiġi miċħud.

7.     Fuq il-kalkolu tal-ammont finali tal-multa

182    Kif jirriżulta mill-punti 90 sa 113 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi emendata, inkwantu l-Kummissjoni, meta ffissat l-ammont tal-multa, ma kkunsidratx illi r-rikorrenti ma pparteċipatx fil-ftehim SANCO.

183    Dwar il-kumplament, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni kif esposti fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll il-metodu tal-kalkolu tal-multi applikat f’din il-kawża, jibqgħu l-istess. L-ammont finali tal-multa huwa għalhekk ikkalkolat kif ġej.

184    L-ammont inizjali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa mnaqqas b’10 % sabiex tiġi kkunsidrata l-gravità inqas serja tal-parteċipazzjoni tagħha fil-kartell meta mqabbla ma’ dik tal-“produtturi SANCO”. L-ammont inizjali l-ġdid tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għalhekk huwa ffissat bħala EUR 8.82 miljun.

185    L-applikazzjoni taż-żieda ta’ 10 % minħabba t-tul wasslet għal ammont bażiku ta’ EUR 9.702 miljun. Filwaqt li jiġi kkunsidrat it-tnaqqis ta’ 15 % mogħti lir-rikorrenti mill-Kummissjoni bis-saħħa tal-punt D tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni, l-ammont finali tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti għalhekk huwa ta’ EUR 8.2467 miljun.

 Fuq l-ispejjeż

186    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali.

187    Fid-dawl tal-fatt li kull parti tilfet parzjalment, għandu jiġi deċiż illi kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-ammont tal-multa imposta fuq Chalkor AE Epexergasias Metallon fl-Artikolu 2(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2004) 2826, tat-3 ta’ Settembru 2004, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l‑Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/E-1/38.069 – Pajpijiet tar-ram għall-plumbing) huwa ffissat bħala EUR 8.2467 miljun.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Chalkor Epexergasias Metallon u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-19 ta’ Mejju 2010.

Firem




















Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Il-proċedura amministrattiva

2.  Id-deċiżjoni kkontestata

Prodotti u swieq inkwistjoni

Komponenti tal-ksur inkwistjoni

Ftehim bejn il-“produtturi SANCO”

Ftehim bejn il-“produtturi WICU u Cuprotherm”

Ftehim Ewropej imsaħħa

Tul u natura kontinwa tal-ksur inkwistjoni

Determinazzjoni tal-ammont tal-multi

Ammont inizjali tal-multi

–  Gravità

–  Trattament differenzjat

Ammont inizjali tal-multi

Ċirkustanzi aggravanti u attenwanti

Applikazzjoni tal-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

Ammont finali tal-multi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-parteċipazzjoni sfurzata tar-rikorrenti fil-kartell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

2.  Fuq il-motiv ibbażat fuq il-kalkolu żbaljat tal-ammont inizjali tal-multa

Fuq il-parteċipazzjoni limitata tar-rikorrenti fil-kartell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq il-portata tas-suq ġeografiku li fih ir-rikorrenti pparteċipat fil-kartell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

3.  Fuq il-motiv ibbażat fuq iż-żieda żbaljata tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul tal-kartell

Fuq it-tul tal-parteċipazzjoni fil-kartell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fuq ir-rata ta’ żieda

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

4.  Fuq il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-waqfien volontarju tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kartell

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

5.  Fuq il-motiv ibbażat fuq tnaqqis insuffiċjenti tal-ammont tal-multa, fid-dawl tal-kooperazzjoni tar-rikorrenti skont l-Avviż tal-1996 dwar il-kooperazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

6.  Fuq il-motiv ibbażat fuq kalkolu ta’ multa sproporzjonata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

7.  Fuq il-kalkolu tal-ammont finali tal-multa

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.