1. Kompetizzjoni — Akkordji — Impriżi li jistgħu jinstabu responsabbli għall-ksur li jikkonsisti fil-parteċipazzjoni f’akkordju globali
(Artikolu 81(1) KE)
2. Kompetizzjoni — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-multi — Metodu ta’ kalkolu li jieħu inkunsiderazzjoni diversi elementi ta’ flessibbiltà
(Artikolu 229 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
3. Proċedura — Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Motiv ġdid
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1) u 48(2))
4. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tul tal-ksur — Ksur għal perijodu twil — Żieda ta’ 10 % tal-ammont inizjali fis-sena
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punt 1 B)
5. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Tnaqqis tal-ammont tal-multa inkambju għall-kooperazzjoni tal-impriża inkriminata — Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17 u Nru 1/2003; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 96/C 207/04)
1. Impriża tista’ tinżamm responsabbli għal akkordju globali anki jekk jiġi stabbilit li hija ma pparteċipatx direttament ħlief f’xi wieħed jew iktar mill-elementi kostitwenti ta’ dan l-akkordju, peress li, minn banda, hija kienet taf, jew kellha neċessarjament tkun taf, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa kienet taqa’ taħt pjan globali u, mill-banda l-oħra, li dan il-pjan globali kien ikopri l‑elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju.
(ara l-punt 61)
2. Il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat‑Trattat KEFA, għalkemm ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala dispożizzjoni legali, jistipulaw regola ta’ kondotta indikattiva tal-prassi li għandha tiġi segwita, li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Il-Qorti Ġenerali għandha għalhekk tivverifika, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-multi imposti permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, jekk din tal-aħħar eżerċitatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha skont il-metodu stipulat fl-imsemmija linji gwida u, jekk tali qorti tikkonstata li l-Kummissjoni tbiegħdet minnu, hija għandha tivverifika jekk tali tbegħid huwiex iġġustifikat u mmotivat b’mod suffiċjenti skont il-liġi.
L-awtolimitazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida ma hijiex inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni. Il-linji gwida fihom elementi ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 17 u Nru 1/2003, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, fl-oqsma fejn il-Kummissjoni żammet marġni ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ tal-legalità mwettaq fuq dawn l‑evalwazzjonijiet huwa limitat għal dak tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet f’dan ir-rigward, bħala regola, ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti, tal-kompetenza tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li jippermettilha tannulla, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa imposta mill-Kummissjoni.
(ara l-punti 74-78)
3. Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ma huwiex permess li jitressqu motivi ġodda fil-mori tal-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li saru magħrufa matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli. L-istess japplika għal ilment invokat insostenn ta’ motiv.
Fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont ta’ multa imposta fuq impriża permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni, ilment invokat l-ewwel darba fir-risposta, li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, għandu jiġi ddikjarat inammissibbli, meta r-rikors fih biss motiv ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta u li jsemmi biss iż‑żieda tal-ammont inizjali tal-multa minħabba t-tul ta’ żmien. Dan l-ilment ma jistax jitqies bħala amplifikazzjoni tal-motiv tar-rikors. Fil-fatt, il-kontestazzjoni ta’ element essenzjali ta’ deċiżjoni, bħall-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għandha tiġi fformulata b’mod speċifiku quddiem il-Qorti Ġenerali meta jsir ir‑rikors.
(ara l-punti 90-92)
4. Mil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti abbażi tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u tal-Artikolu 65(5) tat‑Trattat KEFA, jirriżulta li l‑Kummissjoni ma stabbilixxiet l-ebda sovrapożizzjoni u lanqas interindipendenza bejn l-evalwazzjoni tal-gravità u dik tat-tul tal-ksur. Il-fatt li l-Kummissjoni rriżervat il-possibbiltà ta’ żieda għal kull sena ta’ ksur, fir-rigward ta’ ksur għal perijodu twil, sa 10 % tal-ammont stabbilit għall-gravità tal-ksur, bl-ebda mod ma jobbligaha tiffissa din ir-rata abbażi tal-intensità tal-attivitajiet tal-akkordju jew tal-effetti tiegħu, jiġifieri tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tagħżel, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tagħha, ir-rata ta’ żieda li hija għandha l-intenzjoni tapplika minħabba t-tul tal-ksur.
(ara l-punti 95, 96, 98)
5. Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija mill-membri ta’ akkordju, il-Kummissjoni tibbenefika minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tevalwa l‑kwalità u l-utilità tal-kooperazzjoni pprovduta minn impriża, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ta’ impriżi oħrajn. Huwa biss żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni li jista’ jiġi kkritikat. Fil-kuntest tal-imsemmija diskrezzjoni, il-Kummissjoni lanqas tista’ tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali.
(ara l-punt 105)