Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-kawża C‑465/05,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta' twettiq ta' obbligu skond l-Artikolu 226 KE, imressaq fit-23 ta' Diċembru 2005,

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn E. Traversa u E. Montaguti, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn I. M. Braguglia, bħala aġent, assistit minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President ta' Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk (Relatur), u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-14 ta' Ġunju 2007,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, meta pprovdiet li:

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tiġi eżerċitata biss wara l-għoti tal-ġurament ta’ fedeltà lir-Repubblika Taljana;

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tigi eżercitata biss fuq għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-Prefett (aktar ’il quddiem il-“Prefett”);

– l-imsemmija awtorizzazzjoni għandha validità territorjali u li l-għoti tagħha hija suggetta ghat-teħid in kunsiderazzjoni tan-numru u d-daqs ta' l-impriżi ta’ sigurtà privata li diġà jaħdmu fit-territorju in kwistjoni;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata għandhu jkollhom sede ta' l-attività ekonomika tagħhom f'kull provinċja fejn huma jeżerċitaw l-attività tagħhom;

– l-persunal ta’ dawn impriżi għandhu jkun awtorizzat individwalment sabiex jeżerċita l-attività ta’ sigurtà;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata ghandhu jkollhom numru ta' impjegati minimu u/jew massimu sabiex ikunu awtorizzati;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata għandhom jiddepożitaw garanzija fil-bank ta’ depożiti u ta’ self lokali;

– il-prezzijiet tas-servizzi ta’ sigurtà privata huma stabbiliti skond l-awtorizzazzjoni tal-Prefett skond marġni ta’ varjazzjoni stabbilita bil-quddiem,

ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

Il-kuntest ġuridiku

2. L-Artikolu 134 tat-Test Uniku tal-Liġijiet dwar is-Sigurtà Pubblika (Testo Unico delle Leggi di Pubblica Sicurezza), approvat mid-Digriet Irjali Nru 773 tat-18 ta’ Ġunju 1931 (GURI Nru 146, tas-26 ta’ Ġunju 1931) kif emendat, iktar ’il quddiem it-“Test Uniku”), jipprovdi dan li ġej:

“Fin-nuqqas ta’ liċenzja mogħtija mill-Prefett, huwa pprojbit lill-korpi jew lil individwi li jipprovdu servizzi ta' sorveljanza jew ta’ għassa ta’ proprjetà mobbli jew immobbli, li jagħmlu investigazzjonijiet jew riċerki jew li jiġbru informazzjoni għan-nom ta' individwi.

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 11, ma tistax tingħata liċenzja lill-persuni li m'għandhomx iċ-ċittadinanza Taljana jew dik ta’ Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, illi huma inkapaċi jew li kienu s-suġġetti ta’ kundanna għal delitt li twettaq b'mod doluż.

Iċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea jistgħu jiksbu l-liċenzja sabiex jipprovdu servizzi ta’ sorveljanza jew ta’ għassa ta’ proprjetà mobbli jew immobbli bl-istess kundizzjonijiet taċ-ċittadini Taljani.

Il-liċenzja ma tistax tingħata għal operazzjonijiet li jimplikaw l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika jew is-setgħa ta’ restrizzjoni tal-libertà individwali.”

3. Skond ir-raba’ sas-sitt subparagrafi ta’ l-Artikolu 135 tat-Test Uniku:

“[…] id-diretturi ċċitati iktar ’il fuq huma obbligati li jwaħħlu, fil-postijiet ta’ l-uffiċċju tagħhom, b'mod permanenti u li jidher b’mod ċar, tabella ta’ l-operazzjonijiet li huma jwettqu, flimkien mat-tariffa korrispondenti tas-servizzi.

Ma jistgħux iwettqu operazzjonijiet oħrajn barra dawk indikati fit-tabella jew jirċievu ħlasijiet ogħla minn dawk imsemmija fit-tariffa jew iwettqu jew jaċċettaw kummissjonijiet flimkien jew permezz ta’ l-intermedju ta’ persuni li m’għandhomx il-karta ta’ l-identità jew dokument ieħor li għandu ritratt, li joħroġ mill-amministrazzjoni ta' l-Istat.

It-tabella ta’ l-operazzjonijiet għandha titressaq quddiem il-Prefett.”

4. Skond it-tieni subparargafu ta’ l-Artikolu 136 tat-Test Uniku, il-liċenzja tista’ tiġi miċħuda b’kunsiderazzjoni tan-numru jew tad-daqs ta' l-impriżi li diġà qed joperaw.

5. L-Artikolu 137 tat-Test Uniku jipprovdi kif ġej:

“L-għoti tal-liċenzja huwa suġġett għad-depożitu fil-bank ta’ depożiti u self ta’ garanzija, fejn l-ammont huwa stabbilit mill-Prefett.

[…]

Fil-każ ta' nuqqas, il-Prefett jiddeċiedi b'digriet jekk is-somma ggarantita tmurx kollha jew in parti lit-Teżor pubbliku.

[…]”

6. Skond l-Artikolu 138 tat-Test Uniku:

“L-għassiesa privati għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1° ikollhom iċ-ċittadinanza Taljana jew ta' Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea ;

2° ikollhom l-età legali u jkunu f'pożizzjoni regolari skond il-liġi rigward il-lieva;

3° ikunu jafu jaqraw u jiktbu;

4° ma jkunux instabu ħatja ta' xi reat kriminali;

5° għandhom id-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

6° ikollhom karta ta’ identità;

7° li jkunu rreġistrati ma’ skema tas-sigurtà soċjali u ma’ l-iskema ta' l-inċidenti fuq ix-xogħol.

Il-ħatra ta’ għassiesa individwali għandha tiġi approvata mill-Prefett.

Kull għassies privat li ħa l-ġurament, li huwa ċittadin ta' Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea jista’ jikseb il-permess li jġorr arma skond id-dispożizzjonijiet tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 527 tat-30 ta’ Diċembru 1992 u r-regoli ta’ eżekuzzjoni adottati bid-digriet Nru 635 tal-Ministru ta' l-Intern tat-30 ta’Ottubru 1996. […]”

7. L-Artikolu 250 tad-Digriet Irjali Nru 635, tas-6 Mejju 1940, dwar ir-regoli ta’ eżekuzzjoni tat-Test Uniku, kif emendat mill-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 478 tat-23 ta' Diċembru 1946 (aktar ’il quddiem ir-“regoli ta’ eżekuzzjoni”), jipprovdi:

“Wara li ġie kkonstatat li l-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 138 tal-liġi huma ssodisfatti, il-Prefett jagħti d-digriet ta’ approvazzjoni lill-għassiesa privati. .

Wara li jkunu kisbu l-approvazzjoni, l-għassiesa privati jieħdu ġurament quddiem il-Pretur skond il-formola li ġejja:

‘Jiena naħlef fedeltà lejn ir-Repubblika Taljana u lejn il-Kap ta’ l-Istat, li nħares fedelment il-liġijiiet ta' l-Istati u li neżerċita l-ħidmiet li ngħataw lili b'diliġenza, b'kuxjenza, u unikament fl-interess pubbliku’.

Il-Pretur jiċċertifika, abbażi tad-digriet tal-Prefett, l-għoti ta’ ġurament.

L-għassies privat huwa ammess li jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu wara li jieħu l-ġurament.”

8. L-Artikolu 252 tar-regoli ta’ eżekuzzjoni jipprovdi:

“Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta' liġijiet partikolari, meta l-proprjetà li l-għassies privati għandhom jissorveljaw tinsab fit-territorju ta’ provinċji oħrajn, huma meħtieġ digriet ta’ approvazzjoni tal-Prefett ta' kull provinċja.

L-għoti tal-ġurament iseħħ quddiem wieħed mill-Preturi fil-post li fih tkun tinsab il-proprjetà li għandha tiġi ssorveljata.”

9. L-Artikolu 257 ta' l-istess Regolament jipprovdi:

“L-applikazzjoni għall-ksib tal-liċenzja prevista fl-Artikolu 134 tal-liġi ikollha l-indikazzjoni tad-distrett jew distretti li fihom l-impriża għandha l-intenzjoni li teżerċita l-attività tagħha, it-tariffa pprattikata għall-operazzjonijiet speċifiċi u għal-ħlas regolari, tabella ta’ l-impjegati għassiesa fis-servizz, tal-ħlasijiet li jingħatawlhom, il-ġurnata ta’ mistrieħ ta’ kull ġimgħa, miżuri ta’ sigurtà soċjali fil-każ ta' mard, ħinijiet tax-xogħol u l-arranġamenti kollha ta’ l-għoti tas-servizz.

L-applikazzjoni għandu jkollha magħha id-dokument li jistabbilixxi l-assigurazzjoni ta’ l-għassiesa kontra l-inċidenti fuq ix-xogħol u kontra l-mard u x-xjuħija.

Minbarra dan, meta jkun hemm impriża illi għandha l-intenzjoni li tagħmel investigazzjonijiet jew riċerki għan-nom ta' individwi privati, fl-applikazzjoni għandhom jiġu ppreċiżati l-operazzjonijiet li għalihom l-awtorizzazzjoni hija mitluba u li magħha għandhom jiġu mehmuża d-dokumenti li jistabbilixxu l-kwalifiki meħtieġa.

L-att ta’ awtorizzazzjoni għandu jkollu l-indikazzjonijiet previsti mill-applikazzjoni u l-approvazzjoni tat-tariffi, tat-tabella ta' l-impjegati, tal-ħlasijiet, tas-siegħat tax-xogħol u tal-miżuri ta’ sigurtà soċjali f'każ ta’ mard.

Kull varjazzjoni jew emenda fl-operazzjoni ta’ l-impriża għanda tiġi awtorizzata mill-Prefett.”

10. Fir-rigward ta’ l-atti amministrattivi meħuda skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, għandu jiġi rrilevat illi numru ta' awtorizzazzjonijiet tal-Prefett mogħtija sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ sigurtà privata jipprovdu li l-impriżi għandhu jkollhom numru ta' impjegati minimu u /jew massimu ta’ għassiesa privati.

11. Minbarra dan, jirriżulta minn ċirkolari tal-Ministeru ta’ l-Intern li l-impriżi ma jistgħux jeżerċitaw l-attivatitajiet tagħhom barra miż-żona territorjali tal-Prefettura li tat l-awtorizzazzjoni.

Il-proċedura prekontenzjuża

12. B’ittra tal-5 ta' April 2002, il-Kummissjoni intimat lir-Repubblika Taljana sabiex tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment.

13. Wara r-risposti pprovduti fis-6 ta' Ġunju 2002 mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, fl-14 ta’ Diċembru 2004, fejn talbitu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu ma’ l-imsemmija opinjoni fi żmien xahrejn, li jibda jiddekorri minn meta jirċeviha. Proroga ta' dan it-terminu, li ntalbet mir-Repubblika Taljana, ġiet miċħuda mill-Kummissjoni.

14. Peress illi ma kinitx sodisfatta bir-risposti mogħtija mir-Repubblika Taljana, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

15. In sostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka tmien ilmenti, li jikkonċernaw, fis-sustanza, il-kundizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni Taljana għall-eżerċizzju ta' attività ta’ sigurtà privata fl-Italja.

16. L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar illi, għalkemm huwa veru li, f’settur mhux armonizzat kompletament fuq livell Komunitarju, li huwa dak li jikkonċerna s-servizzi ta' sigurtà privata, kif wara kollox aċċettaw kemm ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni Ewropea matul is-seduta, l-Istati Membri jżommu, fil-prinċipju, il-kompetenzi sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta' l-attivitajiet f'dan is-settur, xorta jibqa’ l-fatt li huma għandhom jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom f'dan il-qasam filwaqt li jirrispettaw il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-514/03, Ġabra p. I‑963, punt 23).

17. F'dan ir-rigward, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 43 KE u 49 KE jimponu t-tneħħija ta' restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet ta’ dan it-tip il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta' dawn il-libertajiet (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-439/99, Ġabra p. I-305, punt 22; tal-5 ta' Ottubru 2004, CaixaBank France, C‑442/02, Ġabra p. I‑8961, punt 11; tat-30 ta' Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti, C‑451/03, Ġabra p. I‑2941, punt 31, u tas-26 ta' Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑65/05, Ġabra p. I‑10341, punt 48).

18. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-miżuri nazzjonali li jirrestrinġu l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu jiġu ġġustifikati biss jekk jissodisfaw erba’ kundizzjonijiet: huma applikabbli b'mod li mhuwiex diskriminatorju, huma bbażati fuq raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, huma adatti sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan li jkunu qed jippruvaw jilħqu u ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq tali għan (ara s-sentenzi ta' l-4 ta' Lulju 2000, Haim, C-424/97, Ġabra p. I-5123, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 49).

19. Huwa fid-dawl ta' dawn il-prinċipji illi għandu jsir l-eżami ta' l-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni.

Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l- Artikoli 43 KE u 49 KE minħabba l-obbligu li jittieħed ġurament

L-argumenti tal-partijiet

20. Il-Kummissjoni ssostni illi l-obbligu għall-għassiesa privati li jieħdu ġurament ta' lealtà lejn ir-Repubblika Taljana, previst fl-Artikolu 250 tar-regoli ta' eżekuzzjoni, ibbażat indirettament fuq iċ-ċittadinanza, jikkostitwixxi, għall-operaturi ta' Stati Membri oħrajn li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà privata, ostaklu mhux iġġustifikat kemm għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

21. Minbarra dan, skond il-Kummissjoni, l-imsemmi obbligu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ġġustifikat u proprozjonat fir-rigward ta' l-għan mixtieq, jiġifieri li jiġi assigurat ħarsien aħjar ta' l-ordni pubbliku.

22. Ir-Repubblika Taljana tafferma li l-attivitajiet in kwistjoni, imsemmija fit-Test Uniku, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika skond l-Artikoli 45 KE u 55 KE u, għalhekk, huma esklużi mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu III tat-Tielet parti tat-Trattat.

23. B’hekk, ir-Repubblika Taljana ssostni li l-impriżi li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà privata jiedħu sehem, f'diversi ċirkustanzi, b’mod dirett u immedjat, fl-eżerċiżżju ta’ l-awtorità pubblika.

24. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, illi dawn l-attivatijiet ta’ sigurtà jagħtu, min-natura tagħhom, kontribuzzjoni kbira lis-sigurtà pubblika, per eżempju fil-qasam tas-sorveljanza armata fir-rigward ta’ istituti finanzjarji u ta’ skorta ta' vetturi li jġorru flus.

25. Dan l-Istat Membru jsostni wkoll illi r-rapporti bil-miktub ta’ għassiesa privati li ħadu l-ġurament, matul l-eżerċizzju ta’ l-attività tagħhom, għandhom forza probatorja msaħħa meta mqabbla ma’ dik relatata ma’ dikjarazzjonijiet ta’ persuni individwi. Dan iżid ukoll illi dawn l-għassiesa jistgħu jagħmlu arresti meta jkun qed jiġi kommess reat.

26. B'risposta għal dan l-argument, il-Kummissjoni tenfasizza illi l-Artikoli 45 KE u 55 KE, bħala dispożizzjonijiet li jidderogaw għal-libertajiet fundamentali, għandhom ikunu suġġetti għal interpetazzjoni restrittiva, skond il-ġurisprduenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27. Barra minn hekk, skond il-Kummissjoni, l-elementi mressqa mir-Repubblika Taljana mhumiex ta’ natura li jiġġustifikaw analiżi differenti minn dik li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, b'mod kostanti, illi l-attivitajiet ta’ għassa jew ta’ sigurtà privata ma jikkostitwixxux normalment sehem dirett u speċifiku fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

28. Indipendentement mill-evokazzjoni ta’ l-applikazzjoni ta' l- Artikoli 45 KE u 55 KE, ir-Repubblika Taljana sssemmi wkoll il-motivi ta’ difiża li ġejjin.

29. Hija ssostni illi l-obbligu li jittieħed ġurament jista’ jiġi kkritikat mill-Kummissjoni biss fir-rigward tar-restrizzjonijiet li hija tagħmel għall-moviment liberu tal-ħadddiema u mhux abbażi ta' l- Artikoli 43 KE u 49 KE, safejn l-għassiesa privati jkunu neċessarjament impjegati.

30. Minbarra dan, hija ssostni illi t-teħid ta’ ġurament, li ma tikkostitwixxix operazzjoni oġġettivament diffiċli, tiggarantixxi l-eżerċizzju korrett ta’ funzjonijiet delikati li l-għassiesa għandhom iwettqu fil-qasam tas-sigurtà u li huma rregolati mil-liġijiet ta’ l-Istat b'mod imperattiv, tenfasizza r-rabta ta’ kawża li teżisti bejn il-ġurament u t-tisħiħ tal-ħarsien preventiv ta’ l-ordni pubbliku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

31. Fir-rigward tal-konsegwenzi marbuta ma’ l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 45 KE u 55 KE, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk dawn id-dispożizzjonijiet effettivament japplikawx għal dan il-każ.

32. Jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-deroga prevista f'dawn l-Artikoli għandha tkun ristretta għall-attivitajiet li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu parteċipazzjoni diretta u speċifika fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika (ara s-sentenzi 29 ta' Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑114/97, Ġabra p. I‑6717, punt 35; tad-9 ta' Marzu 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑355/98, Ġabra p. I‑1221, punt 25, u tal-31 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C ‑ 283/99, Ġabra p. I‑4363, punt 20).

33. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-attività ta' impriżi ta' l-għassa jew ta' sigurtà privata normalment ma tikkostitwixxix sehem dirett u speċifiku fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika (ara s-sentenzi ċċitati Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 26, u tal-31 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 20).

34. Barra minn hekk, fil-punt 22 tas-sentenza tal-31 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi d-deroga prevista fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 55 tat-Trattat KE (li sar l-ewwel subpargrafu ta' l-Artikolu 45, KE), ma japplikax f’dan il-każ.

35. Għalhekk, għandu jiġi evalwat, jekk l-elementi msemmija mir-Repubblika Taljana f'dan ir-rikors, relatati mal-kontenut attwali tat-Test Uniku u mar-regoli ta’ eżekuzzjoni, jistgħux iwasslu għal evalwazzjoni differenti tas-sitwazzjoni fl-Italja minn dawk li taw lok għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza.

36. Skond l-Artikolu 134 tat-Test Uniku, il-korpi li jintervjenu fil-qasam tas-sigurtà privata jipprovdu, bħala prinċipju, attivitajiet ta' sorveljanza jew ta’ għassa ta' proprjetà mobbli jew immobbli, ta’ tiftix jew ta’ investigazzjonijiet għan-nom ta’ individwi.

37. Għalkemm l-impriżi ta’ sigurtà privata jistgħu, kif ikkonfermat ukoll ir-Repubblika Taljana matul is-seduta, f’ċerti ċirkustanzi u b’mod eċċezzjonali, jissejħu sabiex jgħinu lill-aġenti pubbliċi responsabbli li jassiguraw is-sigurtà pubblika, per eżempju fil-qasam tal-ġarr ta’ flus jew b’mod partikolari s-sorveljanza ta' ċerti postijiet pubbliċi, ma ntweriex minn dan l-Istat Membru li dan jinvolvi l-eżerċizzju ta' awtorità pubblika.

38. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet illi s-sempliċi kontribuzzjoni għaż-żamma tas-sigurtà pubblika, li kull individwu jista’ jiġi msejjaħ jagħmel, ma tikkostitwixxix tali eżerċizzju (ara s-sentenza tad-29 ta' Ottubru 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 37).

39. Minbarra dan, l-Artikolu 134 tat-Test Uniku jistabbilixxi limitu strett għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta' sorveljanza, jiġifieri li dawn ma jistgħu qatt jimplikaw l-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika jew is-setgħa ta’ restrizzjoni tal-libertà individwali. B’hekk l-impriżi ta' sigurtà m'għandhomx setgħa ta' restrizzjoni ta’ libertà.

40. Għalhekk, ma jistax jiġi validament sostnut mir-Repubblika Taljana li l-impriżi ta' sigurtà privata, fil-kuntest ta' l-attivatijiet tagħhom, iwettqu operazzjonijiet ta' żamma ta' ordni pubbliku li jidher li jixbaħ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

41. Minbarra dan, rigward l-argumentazzjoni dwar forza probatorja marbuta mar-rapporti magħmula mill-għassiesa privati li ħadu l-ġurament, għandu jiġi rrilevat illi, kif ġie barra minn hekk irrikonoxxut mir-Repubblika Taljana stess, dawn l-imsemmija rapporti ma jikkostitwixxux prova mhux konfutabbli,, b’kuntrast ma’ dawk li jsiru fl-eżerċizzju sħiħ ta’ l-awtorità pubblika, b'mod partikolari mill-aġenti ta’ pulizija ġudizzjarja.

42. Fl-aħħar nett, rigward l-argument marbut mal-possibbiltà, għal għassiesa privati li ħadu l-ġurament, li jipproċedu għal arresti meta jkun qed jiġi kommess reat, dan diġà ġie invokat mir-Repubblika Taljana fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal-31 ta' Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq. Il-Qorti ddeċidiet, f'din l-okkażjoni, fil-punt 21 tas-sentenza mogħtija fl-imsemmija kawża illi l-għassiesa hawnhekk m’għandhom ebda awtorità aktar minn individwu ieħor. Din il-konklużjoni għandha tinżamm fil-kuntest tar-rikors preżenti.

43. Jirriżulta minn dak li intqal aktar ’il fuq illi fl-Italja l-impriżi ta’ sigurtà privata ma jiħdux sehem, fl-istat ta’ leġiżlazzjoni applikabbli, direttament u b’mod speċifiku, fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, peress li l-attivitajiet ta’ sigurtà privata li huma jipprovdu ma jistgħux jiġu assimilati mal-missjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tas-servizzi tas-sigurtà pubblika.

44. B’konsegwenza, id-derogi previsti fl-Artikoli 45 KE u 55 KE mhumiex applikabbli f’din il-kawża.

45. Sussegwentement, f'dak li jirrigwarda speċifikament ir-rekwiżiti magħmula fl-Artikolu 250 tar-regoli ta’ eżekuzzjoni, jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Talajana illi, sabiex jipprovdu servizzi ta’ sigurtà privata, l-impriżi jistgħu jirrikorru biss għal għassiesa li jkunu ħadu ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika Taljana u lejn il-Kap ta’ l-Istat, quddiem il-Prefett, fil-lingwa Taljana.

46. F’dan ir-rigward, għalkemm dawn ir-regoli japplikaw b’mod identiku kemm għall-operaturi stabbiliti fl-Italja kif ukoll għal dawk li ġejjin minn Stati Membri oħrajn li jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fit-territorju Taljan, huma jikkostitwixxu madankollu, għal kull operatur li mhuwiex stabbilit fl-Italja, ostaklu għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet tiegħu f'dan l-Istat Membru li jaffettwa l-aċċess tiegħu għas-suq.

47. Fil-fatt, l-operaturi stabbiliti fi provinċja Taljana għandhom aktar faċilitajiet minn dawk li ġejjin minn Stati Membri oħrajn u li jixtiequ jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-Italja, sabiex ikollhom il-persunal li jaċċetta li jieħu l-ġurament meħtieġ mil-leġiżlazzjoni Taljana. Huwa b’hekk ċar illi tali wiegħda solenni ta’ lealtà lejn ir-Repubblika Taljana u lejn il-kap ta’ l-Istat, minħabba t-tifsira simbolika tagħha, tirċievi aktar faċilment il-kunsens ta’ ċittadini ta’ dan l-Istat Membru jew ta’ persuni li huma diġà stabbiliti fl-imsemmi Stat. L-operaturi barranin huma, b’konsegwenza, imqiegħda f’sitwazzjoni żvataġġuża meta mqabbla ma’ l-operaturi Taljani stabbiliti fl-Italja.

48. Għalhekk, it-teħid ta’ ġurament ikkontestat, hekk kif impost fuq l-impjegati ta' impriżi ta’ sigurtà privata, jikkostitwixxi, għall-operaturi mhux stabbiliti fl-Italija, ostaklu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

49. Fir-rigward tal-motiv invokat sussidjarjament mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika l-ostaklu hawnhekk ikkonstatat għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE u intiż għal-ħarsien ta' l-ordni pubbliku, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ l-ordni pubbliku jippreżumi theddida reali u biżżejjed gravi li tolqot interess fundamentali tas-soċjetà. Bħad-derogi kollha għal prinċipju fundamentali tat-Trattat, l-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50. Madankollu, ma jistax jiġi kkunsidrat illi l-impriżi ta' sigurtà privata stabbiliti fi Stati Membri barra r-Repubblika Taljana jistgħu joħolqu, permezz ta’ l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom ta’ libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li jużaw persunal li ma jkunx ta ġurament ta’ lealtà lejn ir-Repubblika Taljana u lejn il-Kap ta’ l-Istat, theddida reali u serja għal interess fundamentali tas-soċjetà.

51. Jirriżulta minn dak li ntqal aktar ’il fuq illi r-rekwiżit għat-teħid ta’ ġurament li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Taljana jmur kontra l-Artikoli 43 KE u 49 KE.

52. B’hekk l-ewwel motiv invokat mill-Kummissjoni in sostenn tar-rikors tagħha huwa fondat.

Fuq it-tieni lment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minħabba l-obbligu li tinżamm liċenzja ta’ validità territorjali

L-argumenti tal-partijiet

53. Skond il-Kummissjoni, l-obbligu li wieħed jikseb awtorizzazzjoni minn qabel li hija valida fuq parti speċifika tat-territorju Taljan, skond l-Artikolu 134 tat-Test Uniku, għal sempliċi prestazzjonijiet okkażjonali ta' servizzi ta’ sigurtà privata, jikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE .

54. Dawn ir-restrizzjonijiet huma ġġustifikati biss safejn dawn jissodisfaw raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali u fejn, b'mod partikolari, dan l-interess ġenerali mhuwiex imħares mir-regoli li għalihom minn jipprovdi s-servizzi huwa diġà suġġett fl-Istat Membru li fih huwa stabbilit.

55. Ir-Repubblika Taljana ssostni, b’mod prinċipali, l-applikazzjoni tad-derogi previsti għall-Artikoli 45 CE u 55 KE.

56. B’mod sussidjarju, hija ssostni li, safejn is-settur ta’ l-attività in kwistjoni mhuwiex armonizzat u fejn ebda sistema ta’ rikonoxximent reċiproka ma tapplika għalih, l-amministrazzjoni ta' l-Istat Membru ospitanti żżomm is-setgħa li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni interna l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn.

57. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Taljana żżid illi, jibqa’ l-fatt li f’kull każ, sabiex tevalwa jekk l-awtorizzazzjoni tistax tingħata jew le, l-amministrazzjoni kompetenti għandha tikkunsidra, fil-prassi tagħha, obbligi li għalihom min jipprovdi s-servizzi huwa diġà suġġett fl-Istat ta’ oriġini tiegħu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58. Skond ġurisprudenza kostanti, leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżerċizzju tal-provvista ta’ servizzi fit-territorju nazzjonali minn impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor għall-għoti ta' awtorizzazzjoni amministrattiva, tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta' Awwissu 1994, Vander Elst, C‑43/93, Ġabra p. I‑3803, punt 15; Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 35; tas-7 ta’ Ottubru 2004, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, C‑189/03, Ġabra p. I‑9289, punt 17, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑134/05, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 23).

59. Minbarra dan, il-limitu tal-kamp ta' applikazzjoni territorjali ta' l-awtorizzazzjoni li tobbliga li min jipprovdi s-servizzi, skond l-Artikolu 136 tat-Test Uniku, li jitlob awtorizzazzjoni f'kull provinċja fejn għandu l-intenzjoni li jeżerċita l-attivitajiet tiegħu, filwaqt li jiġi mfakkar li l-Italja hija maqsuma f'103 provinċji, jikkomplika aktar l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta' Marzu 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑298/99, Ġabra p. I‑3129, punt 64).

60. Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti tikser, bħala prinċipju, l-Artikolu 49 KE u, għaldaqstant, hija pprojbita minn dan l-Artikolu, ħlief jekk hija ġġustifikata, b'mod partikolari, minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali u barra minn hekk bla ħsara li tkun proporzjonata fir-rigward ta' l-għan segwit (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta' Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 24).

61. Għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li r-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni jew ta' liċenzja minn qabel għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ sigurtà privata fih innifsu jista’ jissodisfa l-ħtieġa ta’ ħarsien ta' l-ordni pubbliku, fir-rigward tan-natura speċifika ta’ l-imsemmija attivatijiet.

62. Madankollu, hija ġurisprudenza kostanti li ostaklu bħal dan jista’ jkun iġġustifikat biss safejn l-interess ġenerali invokat ma jkunx diġà ssalvagwardjat mir-regoli li għalihom il-persuna li tipprovdi s-servizz hija soġġetta fl-Istat Membru fejn hija stabbilita (ara s-sentenza tas-26 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 43).

63. B’hekk, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala meħtieġa sabiex tilħaq l-għan segwit, miżura stabbilita minn Stat Membru li, fis-sustanza, tirrepeti l-kontrolli li jkunu diġà saru fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit min jipprovdi s-servizz.

64. F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Taljana, billi ma tipprovdix li, għal ksib ta’ liċenzja, jitqiesu l-obbligi li għalihom min jipprovdi servizzi fuq il-fruntiera huwa diġà soġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit, ma tistax tiġi kkunsidrata bħala neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mil-leġiżlatur in kwistjoni li jiġi asssigurat kontroll strett fuq l-attivitajiet in kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, iċċitata aktar ’il fuq, punt 38; tad-29 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑171/02, Ġabra p. I‑5645, punt 60; Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 18, u tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata, punt 25).

65. Fir-rigward ta’ l-argument tar-Repubbika Taljana li teżisti prassi amministrattiva skond liema, meta hija tiddeċiedi fuq it-talbiet ta' awtorizzazzjoni, l-awtorità kompetenti tieħu in kunsiderazzjoni l-obbligi previsti fl-Istat Membru ta’ oriġini, għandu jiġi rrilevat li l-prova ta' din il-prassi ma tressqitx. F'kull każ, hija ġurisprudenza kostanti li prassi sempliċi amministrattiva, li min-natura tagħha tiġi mmodifikata skond il-volontà ta' l-amministrazzjoni u ma tingħatax pubbliċità adegwata, m'għandhiex tiġi kkunsidrata li tikkostitwixxi l-implementazzjoni valida ta' l-obbligi tat-Trattat (ara, b'mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Olanda, iċċitata aktar ’il fuq, punt 19).

66. Fl-aħħar nett, kif ġie deċiż ukoll fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, id-derogi previsti fl-Artikoli 45 KE u 55 KE ma japplikawx hawnhekk.

67. Għalhekk, it-tieni lment ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 49 KE minħabba l-obbligu ta’ liċenzja territorjali huwa fondat, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa fil-leġiżlazzjoni Taljana li timponi t-teħid in kunsiderazzjoni tar-rekwiżiti previsti fl-Istat Membru ta’ stabbiliment.

Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 43 CE u 49 KE minħabba t-territorjalità tal-liċenzja u t-teħid in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-għoti ta’ l-imsemmija liċenzja tan-numru u tad-daqs ta' l-impriżi li diġà joperaw fit-territorju in kwistjoni

68. Jirriżulta, hekk kif ingħad fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 136 tat-Test Uniku illi l-fatt li wieħed ikollu liċenzja jippermetti li tiġi teżerċita attività ta’ sigurtà privata fit-territorju li għalih ingħatat biss.

69. Barra minn hekk, huwa l-Prefett li għandu jevalwa jekk huwiex opportun li jingħataw liċenzji meta jittieħed in kunsiderazzjoni n-numru u d-daqs ta’ l-imprizi li diġà joperaw fit-territorju in kwistjoni.

L-argumenti tal-partijiet

70. Skond il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata tal-libertà ta' stabbiliment u, mill-istess fatt tal-liċenzja, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

71. Minbarra dan, hija ssostni li l-Prefett, meta jevalwa r-riskju li jista’ jkun hemm għall-ordni pubbliku minħabba l-preżenza ta' numru eċċessiv ta' impriżi li jaħdmu fil-qasam tas-sigurtà privata fuq territorju partikolari, huwa joħloq sitwazzjoni ta' inċertezza legali għall-operatur li ġej minn Stat Membru ieħor, filwaqt li żżid illi minbarra dan ma tressqitx il-prova ta' theddida serja u reali għall-ordni pubbliku u għas-sigurtà pubblika.

72. Ir-Repubblika Taljana ssostni li tali restrizzjoni territorjali ma tmurx kontra l-Artikolu 43 KE u hija direttament marbuta ma’ l-evalwazzjoni dwar il-ħarsien ta' l-ordni pubbliku illi jikkondizzjona l-ħruġ tal-liċenzja mingħand il-Prefett. Din l-evalwazzjoni hija neċessarjament ibbażata fuq ċirkostanzi ta' portata purament territorjali, bħal ma huwa l-għarfien tal-kriminalità organizzata fit-territorju partikolari.

73. Fl-aħħar nett, hija ssostni illi għandu jiġi mħares li l-impriżi ta' sigurtà privata ma jissostitwixxux l-awtorità pubblika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74. Ir-Repubblika Taljana ma tikkontestax illi l-limitu territorjali tal-liċenzja jikkostitwixxi restrizzjoni kemm għal-libertà ta’ l-istabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitata fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Hija tinvoka prinċipalment, għad-difiża tagħha, il-ħarsien ta' l-ordni pubbliku u tas-sigurtà pubblika, fejn tenfassiza, f'dan ir-rigward, illi l-attivitajiet ta’ sugurtà privata għandhom jiġu implementati mingħajr l-infiltrazzjoni ta' organizzazzjonijiet kriminali ta' natura lokali.

75. Fir-rigward tar-raġunijiet ta' ordni pubbliku invokati mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifka tali restrizzjoni, u fir-rigward tal-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imfakkara fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, jekk nippreżupponu li r-riskju ta' infiltrazzjoni ta’ l-imsemmija organizzazzjonijiet jista’ jiġi aċċettat, ir-Repubblika Taljana la ssostni u lanqas tistabbilixxi li s-sistema tal-liċenzji territorjali hija l-unika waħda adatta sabiex tneħħi dan ir-riskju u li tiggarantixxi ż-żamma ta' l-ordni pubbliku.

76. Ir-Repubblika Taljana ma wrietx li huwa neċessarju, sabiex ma tiġix kompromessa l-implementazzjoni ta' kontroll effettiv ta’ attivitajiet ta’ sigurtà privata, li tingħata awtorizzazzjoni għal kull żona provinċjali fejn impriza ta’ Stat Membru ieħor għandha l-intenzjoni li tiżvolġi l-imsemmija attivitajiet fid-dawl tal-libertà ta' l-istabbiliment jew tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, peress li huwa mfakkar illi, fihom infushom, dawn l-attivatijiet mhumiex ta’ natura li joħolqu tfixkil ta’ l-ordni pubbliku.

77. F’dan ir-rigward, miżuri anqas restrittivi minn dawk adottati mir-Repubblika Taljana, per eżempju li jsiru kontrolli amministrattivi regolari, kif ukoll il-ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni minn qabel mhux limitata territorjalment, jistgħu jassiguraw riżultati simili u jiggarantixxu l-kontroll ta’ l-attivatijiet ta’ sigurtà privata. Din l-awtorizzazzjoni tista’ barra minn hekk tiġi sospiża jew titneħħa f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li għandhom l-impriżi ta’ sigurtà privata jew jekk jikkawżaw tfixkil fl-ordni pubbliku.

78. Fl-aħħar nett, l-argument skond liema huwa meħtieġ li ma jiġix permess lil numru eċċessiv ta’ impriżi barranin li jistabbilixxu ruħhom sabiex jeżerċitaw attivtitajiet ta' sigurtà privata jew li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan ta’ sigurtà privata sabiex l-imsemmija impriżi ma jiħdux post l-awtorità pubblika, ma jistax jiġi aċċettat, fin-nuqqas b'mod partikolari ta’ identità bejn l-attivitajiet in kwistjoni u dawk li jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta' l-awtorità pubblika, kif intqal ukoll fuq dan fil-punt 40 ta’ din is-sentenza.

79. B’konsegwenza, ir-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni kkritikata mhumiex iġġustifikati.

80. Għalhekk, it-tielet ilment ibbażat fuq ksur ta’ l-Artikoli 43 KE u 49 KE minħabba t-territorjalità tal-liċenzja huwa fondat.

Fuq ir-raba’ lment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikolu 49 KE minħabba l-obbligu li jkun hemm sede ta' attività ekonomika f'kull provinċja fejn l-attivitajiet ta’ sigurtà privata huma eżerċitati

81. Jirriżulta mill-implementazzjoni tat-Test Uniku u mir-regoli ta’ eżekuzzjoni li hemm l-obbligu, għall-impriżi ta' sigurtà privata, li jkollhom sede ta’ l-attività ekonomika f'kull waħda mill-provinċji li fihom huma għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom.

L-argumenti tal-partijiet

82. Il-Kummissjoni ssostni li l-obbligu preċedenti huwa restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi li mhuwiex iġġustifkat minħabba raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

83. Ir-Repubblika Taljana, illi ma tikkontestax il-prassi tal-Prefett in kwistjoni kif ukoll ir-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi illi hija toħloq, issostni illi l-obbligu li jkun hemm tali sede ta’ attività ekonomika jew ta’ uffiċċji huwa intiż li jassigura, b'mod partikolari, livell ta' viċinanza raġonevoli bejn iż-żona ta’ operazzjoni ta’ l-għassiesa privati li ħadu l-ġurament u l-eżerċizzju tar- responsabbiltà ta’ tmexxija, ta’ kmand u tal-kontroll ta’ min għandu l-liċenzja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

84. Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li hija ġurisprudenza kostanti li l-kundizzjoni skond liema impriża ta’ għassa għandu jkollha s-sede ta’ l-attività ekonomika tagħha fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz tikser direttament il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, fejn tagħmel impossibbli l-provvista, fl-imsemmi Stat, ta’ servizzi minn persuni li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn (ara, b'mod partikolari, is-sentenzi iċċitati aktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 27, kif ukoll tat-18 ta' Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85. Mhuwiex ikkontestat li l-prattika in kwistjoni f’din il-kawża tikkostitwixxi ostkolu, fil-prinċipju pprojbit, għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ggarantiti mill-Artikolu 49 KE, kif minbarra dan tirrikonoxxi wkoll ir-Repubblika Taljana.

86. Issa, tali restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma tistax tkun iġġustifikata fin-nuqqas ta’ risposta għar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, safejn il-kundizzjoni dwar is-sede ta' l-attività ekonomika ma tistax tiġi kkunsidrata neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq illi huwa li jiġi assigurat kontrol effettiv fuq l-attività ta’ sigurtà privata.

87. Fil-fatt, il-kontroll ta’ attivitajiet tas-sigurtà privata bl-ebda mod ma huwa kkondizzjonat mill-eżistenza ta’ sede ta’ attività ekonomika f'kull waħda mill-provinċji ta' l-imsemmi Stat li fihom l-impriżi għandhom l-intenzjoni li jwettqu l-attivaijiet tagħhom skond il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sistema ta’ awtorizzazzjoni u l-obbligi li jirriżultaw minn hekk, bla ħsara, kif intqal fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, illi l-kundizzjonijiet li għandhom jiġi rrispettati sabiex tinkiseb l-imsemmija awtorizzazzjoni ma jirrepetux il-kundizzjonijiet ekwivalenti li huma diġà ssodisfati minn min jipprovdi s-servizzi fuq il-fruntiera fl-Istat Membru ta' stabilliment, huma f'dan ir-rigward suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-għan ta’ kontroll ta' l-atittività ta' sigurtà privata (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑496/01, Ġabra p. I‑2351, punt 71).

88. Għandu jiġi kkonstatat għalhekk illi, meta obbligat lil min jipprovdi servizzi li jkollhom sede ta’ attività ekonomika f’kull waħda mill-provinċji fejn jiġu eżerċitati l-attivitajiet ta’ sigurtà privata, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

89. Għalhekk, ir-raba’ lment għandu jiġi milqugħ.

Fuq il-ħames ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 49 KE minħabba l-obbligu ta’ awtorizzazzjoni tal-persunal ta’ l-impriżi tas-sigurtà privata

90. Skond l-Artikolu 138 tat-Test Uniku, l-eżerċizzju ta' l-attività ta' għassies privat li jieħu ġurament huwa soġġett għal ċertu numru ta' kundizzjonijiet. Minbarra dan, il-ħatra ta’ għassiesa privati għandha tiġi approvata mill-Prefett.

L-argumenti tal-partijiet

91. Għall-Kummissjoni, li tiddaħħal din l-awtorizzazzjoni għall-persunal ta' l-impriżi ta’ sigurtà privata stabbiliti fi Stati Membri oħrajn imur kontra l-Artikolu 49 KE safejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tiħux in kunsiderazzjoni l-kontrolli li għalihom kull għassies privat li ħa l-ġurament huwa suġġett fl-Istat Membru ta' oriġini.

92. Ir-Repubblika Taljana tiddikjara illi dan l-ilment jista’ jiġi eżaminat biss mill-angolu tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Minbarra dan, hija tafferma mill-ġdid id-difiża li hija diġà ppreżentat abbażi ta’ l-Artikolu 55 KE dwar is-sehem tal-persuni interessati għall-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

93. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni skond liema l-membri tal-persunal ta’ impriża ta’ sigurtà privata għandhom jiksbu awtorizzazzjoni speċifika ġdida fl-Istat Membru ospitanti tikkostitwixxi restrizzjoni li mhijiex iġġustifikata għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi ta’ din l-impriża skond l-Artikolu 49 KE, safejn hija ma tiħux kunsiderazzjoni tal-kontrolli u l-verifiki diġà effettwati fl-Istat Membru ta’ oriġini (sentenzi ċċitati aktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 66, Il-Kummissjoni vs L-Olanda, punt 30, u tas-26 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 55).

94. Madankollu, dan huwa l-każ fir-rigward tat-Test Uniku. Għalhekk, safejn l-argument tar-Repubblika Taljana dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 55 KE mhuwiex rilevanti, kif intwera qabel, il-ħames ilment huwa wkoll fondat.

Fuq is-sitt ilment ibbażat fuq ksur ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE minħabba l-iffissar tal-kundizzjonijiet dwar in-numru ta' impjegati

L-argumenti tal-partijiet

95. Skond il-Kummissjoni, l-Artikolu 257 tar-regoli ta’ eżekuzzjoni jipprovdi l-kundizzjoni ta’ numru ta' impjegati minimu u/jew massimu ta’ għassiesa privati li ħadu l-ġurament għal kull impriża ta’ sigurtà privata.

96. Barra minn hekk, hija tirreferi għat-tliet awtorizzazzjonijiet Prefettorali, mogħtija mill-Prefetti ta' provinċji differenti, li jsemmu n-numru ta’ għassiesa impjegati minn impriżi ta’ sigurtà privata.

97. Hija tqis illi restrizzjoni iebsa ħafna hija ta’ piż fuq il-ġestjoni ta' l-impriżi tas- sigurtà privata, safejn minn naħa, in-numru eżatt ta’ impjegati f'kull sede provinċjali huwa element indispensabbli ta’ l-applikazzjoni għal liċenzja u, fejn, min-naħa l-oħra, it-tibdil kollu fin-numru ta' impjegati għandu jiġi awtorizzat mill-Prefett. Tali restrizzjoni tikkostitwixxi ostakolu inġustifikat u sproporzjonat kemm għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment kif ukoll għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

98. Ir-Repubblika Taljana ssostni li l-uniku obbligu magħmul mit-testi huwa dwar il-ħtieġa li tiġi kkomunikata lill-Prefett il-kompożizzjoni ta’ l-impjegati, sabiex l-awtorità tas-sigurtà pubblika tkun tista’ tiġi infurmata bin-numru ta’ persuni armati li jipprovdu servizzi fit-territorju partikolari, u dan bil-għan li jitwettqu l-kontrolli meħtieġa.

99. Hija żżid illi l-awtorizzazzjonijiet Prefettorali, ippreżentati bħala eżempji mill-Kummissjoni, jieħdu in kunsiderazzjoni biss in-numru ta' impjegati ddikjarati minn min huwa responsabbli mill-impriża ta' sigurtà privata stess u ma jimponux, minnhom infushom, xi obbligu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

100. Huwa paċifiku illi, skond l-Artikolu 257 tar-regoli ta’ eżekuzzjoni, kull varjazzjoni jew tibdil fl-operazzjoni ta' l-impriża, b'mod partikolari tibdil fin-numru ta' għassiesa impjegati, għandha tittressaq għall-għarfien tal-Prefett u għandha tiġi awtorizzata minnu. L-awtorizzazzjoni Prefettorali meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet ta' sigurtà privata hija b’hekk mogħtija, b'mod partikolari, fir-rigward tal-lista ta’ impjegati.

101. Tali rekwiżit jista’ indirettament iwassal li jiġu pprojbiti żieda jew tnaqqis tan-numru ta’ persuni impjegati mill-impriżi ta' sigurtà privata.

102. Dan huwa ta’ natura li jaffettwa l-aċċess ta’ operaturi barranin fis-suq Taljan mis- servizzi ta’ sigurtà privata. Fil-fatt rigward il-limitazzjonijiet li saru hawn għas-setgħat ta' organizzazzjoni u ta' tmexxija ta' l-operatur ekonomiku u l-konsegwenzi tagħhom f'termini ta’ spejjeż, l-impriżi ta’ sigurtà privata barranin jistgħu jiġu dissważi milli jistabbilixxu stabbilimenti sekondarji jew fergħat fl-Italja jew li joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Taljan.

103. Għal dak li jirrigwarda l-motiv imqajjem mir-Repubblika Taljana sabiex jiġġustifika l-ostakolu għal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 43 KE u 49 KE, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu li jkun suġġett għal awtorizzazzjoni prefettorali kull tibdil fl-operat ta' l-impriża, ma jistax mill-ewwel jiġi kkunsidrat bħala mhux xieraq sabiex jintlaħaq l-għan ta' effettività tal-kontroll ta' l-attivitajiet ikkonċernati assenjat lilhom (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs l-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 59).

104. Madankollu, ir-Repubblika Taljana ma ressqitx il-prova b'mod suffiċjenti skond id-dritt li l-kontroll ta’ l-iffissar tan-numru ta’ impjegati meħtieġ mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq.

105. Għalhekk, is-sitt ilment għandu jiġi milqugħ.

Fuq is-seba' lment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikoli 43 KE u 49 KE minħabba l-obbligu li tiġi ppreżentata garanzija fil-bank ta' depożiti u ta’ self.

106. Skond l-Artikolu 137 tat-Test Uniku, l-impriżi ta' sigurtà privata għandhom jippreżentaw garanzija fil-bank ta' de pożiti u self li l-ammont tagħha huwa stabbilit mill-Prefett, fit-taqsima tat-teżor provinċjali ta’ l-Istat favur il-bank ta’ depożiti u ta’ self f’kull waħda mill-provinċji fejn huma awtorizzati li jeżerċitaw l-attivtajiet tagħhom. Din il-garanzija għandha tippermetti li jiġi assigurat il-ħlas ta' eventwali sanzjonijiet amministrattivi fil-każ ta' inosservanza tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-għoti tal-liċenzja.

L-argumenti tal-partijiet

107. Għall-Kummissjoni, din il-kundizzjoni timponi piż ekonomiku addizzjonali fuq l-impriżi li m'għandhomx is-sede prinċipali tagħhom fl-Italja, safejn il-liġi Taljana ma tieħux in kunsiderazzjoni l-obbligu identiku li jista' diġà jeżisti fl-Istat Membru ta' oriġini.

108. Ir-Repubblika Taljana tosserva illi peress li l-attività ta' għassies privat ma kinitx suġġetta għal armonizzazzjoni Komunitarja, tista’ tiġi kkunsidrata każ b'każ biss, il-possibbiltà li l-impriża stabbilita fi Stat Membru setgħet diġà ppreżentat, fl-Istat Membru ta' oriġini, garanziji suffiċjenti ma' istituzzjonijiet finanzjarji analogi għall-bank Taljan ta’ depożiti u ta’ self.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-qasam tas-sigurtà privata, illi l-obbligu li wieħed jiddepożita garanzija ma’ bank ta’ depożiti u ta’ self jista’ jfixkel jew jirrendi inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE, safejn dan jagħmel l-għoti tal-provvista ta’ servizzi jew il-kostituzzjoni ta' impriża sussidjarja jew stabbiliment sekondarju aktar oneruż għall-intrapriżi ta’ sigurtà privata stabbiliti fi Stati Membri oħra milli għal dawk stabbiliti fl-Istat Membru ta' destinazzjoni (ara s-sentenza tas-26 ta' Jannar 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 41).

110. Għandu jiġi rilevat illi, f’dan il-każ, l-obbligu li tiġi ddepożitata garanzija għandha tiġi ripetuta f'kull provinċja fejn l-impriża tixtieq teżerċita l-attivitajiet tagħha.

111. Ostakolu bħal dan jista’ jiġi ġġustifikat biss safejn l-interess ġenerali invokat, jiġifieri li jkun hemm għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet Taljani ammonti li jiggarantixxu l-eżekuzzjoni ta’ l-obbligi kollha ta’ dritt pubbliku li hemm fil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ, mhuwiex ukoll imħares mir-regoli li għalihom min jipprovdi s-servizz ikun suġġett fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit.

112. F'dan ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Taljana in kwistjoni tirrikjedi d-depożitu ta' garanziji mingħajr ma tieħu kunsiderazzjoni ta’ garanzija li hija possibbilment diġà kkostitwita fl-Istat Membru ta' oriġini.

113. Madankollu, jirriżulta mill-osservazzjonijiet tar-Repubblika Taljana illi l-awtoritajiet prefettorali kompetenti jieħdu in konsiderazzjoni, fil-prassi tagħhom, il-garanziji ddepożitati f'organizzazzjonijiet finanzjarji ta’ l-Istati Membri l-oħra li huma analogi għal dawk tal-bank ta’ depożitu u ta’ self.

114. B'din il-prassi, ir-Repubblika Taljana tirrikonoxxi, hija stess, illi d-depożitu ta' garanzija ġdida f'kull waħda mill-provinċji fejn l-operatur, li ġej minn Stati Membri oħrajn, għandu l-intenzjoni li jeżerċita l-attivtitajiet tiegħu skond il-libertà ta’ l-istabbiliment jew il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mhuwiex neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

115. F’dawn il-kundizzjonijiet, is-seba’ lment huwa fondat.

Fuq it-tmien ilment ibbażat fuq il-ksur ta' l-Artikolu 49KE minħabba l-impożizzjoni ta’ kontroll amministrattiv tal-prezzijiet

116. Skond l-Artikolu 257 tar-regoli ta’ eżekuzzjoni, il-Prefett huwa inkarigat li japprova t-tariffi applikati mill-impriżi għal kull provvista ta’ sigurtà privata. Kull tibdil ta’ dawn it-tariffi għandu jiġi awtorizzat fl-istess kundizzjonijiet.

117. Barra minn hekk jirriżulta miċ-ċirkulari Nru 559/C. 4770.10089. D tat-8 ta' Novembru 1999 illi l-Prefetti jistabbilixxu tariffa legali għal kull tip ta’ servizz kif ukoll rata ta’ varjazzjoni għal kull wieħed, li hija espressa f’perċentwali, fil-limiti li fihom kull impriża hija ħielsa li tagħżel it-tariffa tagħha stess għal kull servizz.

118. Il-Prefetti għandhom jassiguraw ruħhom illi t-tariffi proposti huma konformi ma’ dan il-marġni qabel ma japprovawhom. Jekk dan il-marġni ma jiġix irrispettat, dawk li huma responsabbli mill-impriżi għandhom jiġġustifkaw l-iffissar ta’ dawn it-tariffi mhux konformi, sabiex il-Prefetti jkunu jistgħu jivverifikaw jekk l-impriżi jistgħux jaħdmu fuq din il-bażi. Jekk din l-aħħar kundizzjoni ma tistax tiġi stabbilita b'ċertezza, it-tariffi mhumiex approvati u, konsegwentement, il-liċenzja ma tkunx tista’ tinħareġ.

L-argumenti tal-partijiet

119. Il-Kummissjoni tqis illi din il-leġiżlazzjoni mhijiex kompatibbli mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. B’kunsiderazzjoni tal-kontroll tal-prezzijiet hekk applikati, it-tariffi applikati fl-Italja jimpedixxu lil min jipprovdi servizzi li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor li jippreżenta ruħhu fis-suq Taljan jew li joffri s-servizzi tiegħu għal prezzijiet aktar vantaġġużi minn dawk ipprattikati mill-kompetituri tiegħu fl-Italja jew, fl-aħħar nett, li jipproponi servizzi aktar għolja iżda b’valur miżjud għoli, jiġifieri servizzi li għalhekk ikunu aktar kompetittivi.

120. Tali leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ natura li tostakola l-aċċess għas-suq tas-servizzi ta’ sigurtà privata billi timpedixxi kompetizzjoni effettiva permezz tal-prezzijiet.

121. Ir-Repubblika Taljana ssostni illi l-leġiżlazzjoni in kwistjoni hija ġġustifikata minħabba l-ħtieġa li tiġi evitata l-provvista ta’ servizzi għal prezzijiet eċċessivament baxxi, li jwassal inevitabbilment għal tnaqqis tal-kwalità tas-servizz ta’ natura li jikkomprometti, b’mod partikolari, il-ħarsien ta’ l-interessi fundamentali relatati mas-sigurtà pubblika.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

122. Hija ġurisprudenza kostanti li l-Artikolu 49 KE jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali li jkollha bħala effett li tagħmel il-provvista ta’ servizzi bejn l-Istati Membri iktar diffiċli mill-għoti ta’ servizzi purament interni fi Stat Membru (ara s-sentenza tat-18 ta' Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 70).

123. Għal dak li jirrigwarda t-tariffi minimi obbligatorji, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni li tipprojbixxi b’mod assolut li ssir deroga, permezz ta’ ftehim, għall-onorarji minimi ffissati b’tariffa ta’ l-onorarji ta’ avukat għall-prestazzjonijiet li huma, minn naħa, ta’ natura ġuridika u, min-naħa l-oħra, irriżervati għall-avukati tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi prevista fl-Artikolu 49 KE (ara s-sentenzi tal-5 ta' Diċembru 2006, Cipolla et , C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 70, u tat-18 ta' Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 71).

124. F'din il-kawża, iċ-ċirkolari Nru 559/C. 4770.10089. D, imsemmija fil-punt 117 ta’ din is-sentenza tagħti lill-Prefetti setgħa deċiżjonali li tirrigwarda l-iffissar ta’ tariffa ta’ referenza u l-approvazzjoni tat-tariffi proposti mill-operaturi, peress li n-nuqqas ta’ approvazzjoni tat-tariffi proposti hija ta’ ostakolu għall-ħruġ tal-liċenzja.

125. Il-limitazzjoni hekk magħmula għal-libertà ta’ iffissar tat-tariffi hija ta’ natura li tirrestrinġi l-aċċess għas-suq Taljan ta’ servizzi ta’ sigurtà privata ta’ operaturi, stabbliti fi Stati Membri oħrajn, li jixtiequ joffru s-servizzi tagħhom f'dan l-Istat. Fil-fatt, l-imsemmija limitazzjoni għandha, minn naħa, bħala effett li ċċaħħad l-imsemmija operaturi mill-possibbiltà li joħolqu, billi joffru tariffi inferjuri għal dawk iffissati mit-tariffa imposta, kompetizzjoni aktar effettiva lill-operaturi ekonomiċi stabbiliti b’mod stabbli fl-Italja u li għandhom, minħabba f’hekk, faċilitajiet akbar mill-operaturi ekonomiċi stabbilti barra mill-pajjiż sabiex jibnu klijentela (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata aktar ’il fuq, punt 72, u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, din l-istess limitazzjoni hija tali li timpedixxi lill-operaturi stabbiliti fi Stati Membri oħrajn li jintegraw fit-tariffa tal-prestazzjonijiet tagħhom ċerti spejjeż li l-operaturi stabbiliti fl-Italja m’għandhomx.

126. Fl-aħħar nett, il-marġni ta’ varjazzjoni mogħtija lill-operaturi mhijiex ta’ natura li tikkumpensa l-effetti tal-limitazzjoni hekk magħmula fuq il-libertà ta’ l-iffissar tat-tariffi.

127. Għalhekk huwa ċar li hemm restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi kif iggarantita mill-Artikolu 49 KE.

128. Fir-rigward tal-motivi mressqa mir-Repubblika Taljana sabiex tiġġustifika din ir-restrizzjoni, dan l-Istat Membru ma pprovdiex elementi ta’ natura li juru l-konsegwenzi pożittivi ta’ sistema ta’ iffissar tal-prezzijiet kemm fuq il-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-konsumaturi kif ukoll fuq is-sigurtà pubblika.

129. F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi konkluż illi t-tmien ilment huwa fondat.

130. Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, għandu jiġi kkonstatat li, meta pprovdiet, fil-kuntest tat-Test Uniku li:

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tiġi eżerċitata biss wara l-għoti tal-ġurament ta’ fedeltà lejn ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tigi eżercitata biss minn persuni li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stati Membru ieħor fuq l-għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-Prefett ta’ validità territorjali, mingħajr ma tittieħed kunsiderazzjoni ta’ l-obbligi li għalihom dawn il-persuni li jipprovdu s-servizzi huma diġà soġġetti fl-Istat Membru ta’ oriġini, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE;

– l-imsemmija awtorizzazzjoni għandha validità territorjali u li l-għoti tagħha hija suggetta ghat-teħid in kunsiderazzjoni tan-numru u d-daqs ta' l-impriżi ta’ sigurtà privata li diġà jaħdmu fit-territorju in kwistjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata għandhom ikollhom is-sede ta’ l-attività ekonomika tagħhom f’kull provinċja fejn huma jeżerċitaw l-attività tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE;

– l-persunal ta’ l-impriżi għandu jkun individwalment awtorizzat sabiex jeżerċita l-attività ta’ sigurtà privata, mingħajr ma jitqiesu l-kontroll u l-verifiki diġà effettwati fl-Istat Membru ta’ oriġini, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata ghandhom ikollhom numru ta’ impjegati minimu u/jew massimu sabiex ikunu awtorizzati, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-istess impriżi għandhom jiddepożitaw garanzija fil-bank ta’ depożiti u ta’ self, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l- Artikoli 43 KE u 49 KE, u

– l-prezzijiet tas-servizzi ta’ sigurtà privata huma stabbiliti b’ awtorizzazzjoni tal-Prefett skond marġni ta’ varjazzjoni stabbilit bil-quddiem, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

Fuq l-ispejjeż

131. Skond l-Artikolu 69(2), tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li ir-Repubblika Taljana tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, it-Tieni Awla taqta’ u tiddeċiedi :

1) Meta pprovdiet, fil-kuntest tat-Test Uniku tal-Liġijiet dwar is-Sigurtà Pubblika (Testo unico delle leggi di pubblica sicurezza), approvat bid-Digriet Irjali Nru 773, tat-18 ta' Ġunju 1931, kif emendat, li :

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tiġi eżerċitata biss wara l-għoti tal-ġurament ta’ fedeltà lejn ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-attività ta’ għassies privat tista’ tigi eżercitata biss minn persuni li jipprovdu servizzi stabbiliti fi Stat Membru ieħor fuq l-għoti ta’ awtorizzazzjoni tal-Prefett ta’ validità territorjali, mingħajr ma jitqiesu l-obbligi li għalihom dawn il-persuni li jipprovdu s-servizzi huma diġà soġġetti fl-Istat Membru ta’ oriġini, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE;

– l-imsemmija awtorizzazzjoni għandha validità territorjali u li l-għoti tagħha hija suggetta ghat-teħid in kunsiderazzjoni tan-numru u d-daqs ta’ l-impriżi ta’ sigurtà privata li diġà jaħdmu fit-territorju in kwistjoni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-impriżi ta’ sigurtà privata għandhom ikollhom is-sede ta’ l-attività ekonomika tagħhom f'kull provinċja fejn huma jeżerċitaw l-attività tagħhom, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE;

– l-persunal ta’ l-impriżi għandu jkun awtorizzat individwalment sabiex jeżerċita l-attività ta’ sigurtà privata, mingħajr ma jitqiesu l-kontroll u l-verifiki diġà effettwati fl-Istat Membru ta’ oriġini, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE,

– l-impriżi ta’ sigurtà privata ghandhom ikollhom numru ta' impjegati minimu u/jew massimu sabiex ikunu awtorizzati, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE;

– l-istess impriżi għandhom jiddepożitaw garanzija fil-bank ta' depożiti u ta’ self, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikoli 43 KE u 49 KE, u

– l-prezzijiet tas-servizzi ta’ sigurtà privata huma stabbiliti skond l-awtorizzazzjoni tal-Prefett skond marġni ta’ varjazzjoni stabbilit bil-quddiem, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.

2) Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata tbati l-ispejjeż.